Scegli le funzioni sperimentali da provare

Questo documento è un estratto del sito web EUR-Lex.

Documento 52021PC0423

    Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mekkaniżmi li għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri għall-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu u li tħassar id-Direttiva (UE) 2015/849

    COM/2021/423 final

    Brussell, 20.7.2021

    COM(2021) 423 final

    2021/0250(COD)

    Proposta għal

    DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar il-mekkaniżmi li għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri għall-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu u li tħassar id-Direttiva (UE) 2015/849

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    {SWD(2021) 190, 191}
    {SEC(2021) 391}


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Raġunijiet u objettivi tal-proposta

    Il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu jippreżentaw theddida serja għall-integrità tal-ekonomija u tas-sistema finanzjarja tal-UE u għas-sigurtà taċ-ċittadini tagħha. Il-Europol stmat li madwar 1 % tal-Prodott Domestiku Gross annwali tal-UE “huwa involut f’attività finanzjarja suspettuża” 1 . F’Lulju 2019, wara għadd ta’ każijiet prominenti ta’ allegat ħasil tal-flus li jinvolvu istituzzjonijiet ta’ kreditu fl-Unjoni, il-Kummissjoni adottat pakkett 2 li janalizza l-effikaċja tar-reġim tal-UE dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus/Kontra l-Finanzjament tat-Terroriżmu (AML/CFT) kif kien dak iż-żmien, u kkonkludiet il-ħtieġa ta’ riformi. F’dan il-kuntest, l-Istrateġija tal-UE dwar l-Unjoni tas-Sigurtà 3 għall-2020-2025 enfasizzat l-importanza li jissaħħaħ il-qafas tal-UE fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu sabiex l-Ewropej jiġu protetti mit-terroriżmu u mill-kriminalità organizzata.

    Fis-7 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni ppreżentat Pjan ta’ Azzjoni għal politika komprensiva tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu 4 . F’dak il-Pjan ta’ Azzjoni, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tieħu miżuri sabiex jissaħħu r-regoli tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u l-implimentazzjoni tagħhom u stabbiliet sitt prijoritajiet jew pilastri:

    1.    Tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tal-qafas eżistenti tal-UE fil-qasam AML/CFT,

    2.    Tistabbilixxi ġabra unika ta’ regoli tal-UE dwar AML/CFT,

    3.    Iddaħħal fis-seħħ superviżjoni AML/CFT fil-livell tal-UE,

    4.    Tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ appoġġ u kooperazzjoni għall-UIF,

    5.    Teżegwixxi dispożizzjonijiet tad-dritt kriminali u skambju tal-informazzjoni fil-livell tal-Unjoni,

    6.    Issaħħaħ id-dimensjoni internazzjonali tal-qafas eżistenti tal-UE fil-qasam AML/CFT.

    Filwaqt li l-pilastri 1, 5 u 6 tal-Pjan ta’ Azzjoni qed jiġu implimentati, il-pilastri l-oħra jitolbu azzjoni leġiżlattiva. Din il-proposta għal Regolament hija parti minn pakkett ta’ erba’ proposti leġiżlattivi fil-qasam tal-AML/CFT li huwa meqjus bħala element uniku koerenti fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Mejju 2020, li joħloq qafas regolatorju u istituzzjonali ġdid u aktar koerenti fil-qasam tal-AML/CFT fl-UE. Il-pakkett jinkludi:

    proposta għal Regolament dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus (ML) u l-finanzjament tat-terroriżmu (TF) 5 ;

    din il-proposta għal Direttiva li tistabbilixxi l-mekkaniżmi li l-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu għall-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ML/TF, u li tħassar id-Direttiva (UE) 2015/849 6 ;

    proposta għal Regolament li joħloq Awtorità tal-UE għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (“AMLA”) 7 , u

    proposta għar-riformulazzjoni tar-Regolament (UE) 2015/847 li jespandi r-rekwiżiti ta’ traċċabbiltà għall-kriptoassi 8 .

    Din il-proposta leġiżlattiva attwali, flimkien ma’ proposta għal Regolament dwar l-AML/CFT u proposta għar-riformulazzjoni tar-Regolament (UE) 2015/847, tissodisfa l-objettiv dwar it-twaqqif ta’ ġabra unika ta’ regoli tal-UE (il-pilastru 2).

    Kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill taw l-appoġġ tagħhom għall-pjan stabbilit mill-Kummissjoni fil-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Mejju 2020. Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Lulju 2020, il-Parlament Ewropew talab għat-tisħiħ tar-regoli tal-Unjoni u laqa’ l-pjanijiet għal reviżjoni tal-istruttura istituzzjonali tal-UE fil-qasam tal-AML/CFT 9 . Fl-4 ta’ Novembru 2020, il-Kunsill ECOFIN adotta Konklużjonijiet li jappoġġaw il-pilastri kollha tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni 10 .

    Il-ħtieġa għall-kombinazzjoni ta’ regoli armonizzati permezz ta’ Regolament dwar l-AML/CFT u regoli aktar b’saħħithom dwar is-sistemi nazzjonali fil-qasam tal-AML/CFT permezz ta’ Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus/CFT hija kkonfermata mill-evidenza pprovduta fir-rapporti tal-2019 maħruġa mill-Kummissjoni. Dawn ir-rapporti identifikaw nuqqas ta’ approċċi konsistenti fis-superviżjoni ta’ entitajiet marbuta b’obbligu, b’eżiti diverġenti għall-operaturi li jipprovdu servizzi fis-suq intern. Huma jenfasizzaw ukoll li l-aċċess mhux uniformi għall-informazzjoni min-naħa tal-UIF jillimita l-kapaċità tagħhom li jikkooperaw ma’ xulxin u li l-UIF ma għandhomx għodod adegwati. Dawn l-elementi kollha illimitaw il-kxif ta’ każijiet ta’ ML/TF transfruntiera. Fl-aħħar nett, minħabba nuqqas ta’ bażi ġuridika, s’issa ma kienx possibbli li jiġu interkonnessi r-reġistri tal-kontijiet bankarji u s-sistemi għall-irkupru tad-data, li huma għodod ewlenin għall-UIF u għall-awtoritajiet kompetenti.

    Sabiex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ta’ hawn fuq u jiġu evitati diverġenzi regolatorji, ir-regoli kollha li japplikaw għas-settur privat ġew ittrasferiti fi proposta għal Regolament dwar l-AML/CFT. Madankollu, filwaqt li hija rikonoxxuta l-ħtieġa ta’ flessibbiltà għall-Istati Membri f’dan il-qasam, l-organizzazzjoni tas-sistema tal-AML/CFT istituzzjonali fil-livell nazzjonali qed titħalla f’din il-proposta għal Direttiva.

    Madankollu, din il-proposta mhux sempliċiment tittrasferixxi d-dispożizzjonijiet mid-Direttiva attwali għal waħda futura; saru għadd ta’ bidliet sostanzjali sabiex jintlaħaq livell akbar ta’ konverġenza fil-prattiki tas-superviżuri u tal-UIF u f’dak li għandu x’jaqsam mal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti:

    sabiex jiġi evitat li l-istruttura amministrattiva tal-UIF la taffettwa l-funzjonijiet analitiċi tagħhom u lanqas il-kapaċità tagħhom li jikkooperaw mal-kontropartijiet tagħhom, qed jiġu ċċarati s-setgħat u l-kompiti tagħhom, kif ukoll is-sett minimu ta’ informazzjoni li l-UIF jenħtieġ li jkunu jistgħu jaċċessaw;

    sabiex jiġi żgurat li l-UIF ikunu jistgħu jikkooperaw b’mod effettiv, ġie stabbilit qafas għall-analiżi konġunti. Qed tiġi prevista wkoll bażi ġuridika għas-sistema FIU.net;

    sabiex jiġi infurmat il-fehim tar-riskju tal-entitajiet marbuta b’obbligu, ġew stabbiliti regoli ċari dwar il-feedback mill-UIF. Bl-istess mod, qed jiġu pprovduti regoli ċari dwar il-feedback lill-UIF biex jiġi żgurat li dawn ikunu konxji mill-użu li jsir mill-intelligence finanzjarja li jipprovdu;

    ġew iċċarati s-setgħat u l-kompiti tas-superviżuri biex jiġi żgurat li s-superviżuri kollha jkollhom l-istrumenti biex jieħdu azzjonijiet ta’ rimedju adegwati. Ġie introdott id-dmir ta’ awtorità pubblika li tissorvelja l-korpi ta’ awtoregolamentazzjoni li jiżvolġu kompiti ta’ superviżjoni, b’kompiti ċari definiti għal din l-awtorità pubblika;

    l-approċċ għas-superviżjoni bbażata fuq ir-riskju ġie armonizzat permezz ta’ għodda komuni ta’ kategorizzazzjoni tar-riskju sabiex jiġi evitat fehim diverġenti tar-riskju f’sitwazzjonijiet komparabbli;

    sabiex tittejjeb il-kooperazzjoni bejn is-superviżuri, ġew stabbiliti kulleġġi fil-qasam tal-AML/CFT, u ġew stabbiliti mekkaniżmi biex tiġi żgurata l-kooperazzjoni superviżorja fir-rigward tal-operaturi li jipprovdu servizzi transfruntiera;

    ġiet iċċarata l-kooperazzjoni ma’ awtoritajiet oħra permezz ta' dispożizzjoni, għal każijiet speċifiċi, fejn jinħoloq dmir ta’ kooperazzjoni sabiex jiġu evitati ineffiċjenzi minħabba approċċi sylos;

    ġew iċċarati s-setgħat tar-reġistri tas-sjieda benefiċjarja biex jiġi żgurat li dawn ikunu jistgħu jiksbu informazzjoni aġġornata, adegwata u akkurata;

    sabiex tiġi rrimedjata d-dgħjufija attwali fil-leġiżlazzjoni, ġiet prevista interkonnessjoni tar-reġistri tal-kontijiet bankarji.

    sabiex tiġi żgurata konsistenza sħiħa mar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data, ġew introdotti rekwiżiti għall-ipproċessar ta’ ċerti kategoriji ta’ data personali.

    Min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet dwar il-valutazzjonijiet tar-riskju jew il-ġbir tal-istatistika baqgħu fil-biċċa l-kbira tagħhom l-istess, u ġew riveduti biss biex jittieħed kont tal-ineffiċjenzi attwali identifikati, bħall-frekwenza eċċessiva tal-valutazzjoni tar-riskju supranazzjonali u r-rekwiżit li tinġabar statistika dwar l-attivitajiet illegali.

    Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika

    Din il-proposta tħassar u tissostitwixxi d-Direttiva (UE) 2015/849 eżistenti, kif emendata bid-Direttiva (UE) 2018/843 11 . Kif iddikjarat, din il-proposta hija parti minn pakkett dwar l-AML/CFT, li jinkludi proposta għal Regolament dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus u għall-finanzjament tat-terroriżmu, Regolament li joħloq l-AMLA, u riformulazzjoni tar-Regolament (UE) 2015/847. Dan il-pakkett ta’ erba’ proposti leġiżlattivi huwa meqjus bħala element uniku koerenti fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-AML/CFT tas-7 ta’ Mejju 2020, li joħloq qafas regolatorju u istituzzjonali ġdid u aktar koerenti fil-qasam tal-AML/CFT fl-UE. B’mod parallel mal-adozzjoni ta’ dan il-pakkett, il-Kummissjoni tipproponi wkoll emendi għad-Direttiva 2019/1153 12 sabiex tipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti, responsabbli għall-prevenzjoni, għall-kxif, għall-investigazzjoni jew għall-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, aċċess għas-sistema li tgħaqqad ir-reġistri ċentralizzati tal-kontijiet bankarji.

    Peress li din il-proposta tibni fuq id-Direttiva (UE) 2015/849, hija konsistenti mar-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (FATF). Meta mqabbla mad-Direttiva attwali, din iżżid il-konsistenza billi tiżgura li meta s-superviżjoni titwettaq minn korpi ta’ awtoregolamentazzjoni, dawk il-korpi ta’ awtoregolamentazzjoni jkunu soġġetti għal sorveljanza minn awtorità pubblika. Barra minn hekk il-frekwenza tal-valutazzjoni tar-riskju supranazzjonali ġiet allinjata mal-aħjar prattiki rikonoxxuti mill-FATF (kull erba' snin). Din il-proposta tintegra wkoll il-bidliet bħala riżultat tar-reviżjonijiet reċenti tar-rakkomandazzjonijiet tal-FATF fir-rigward tal-valutazzjoni u l-mitigazzjoni tar-riskji tal-evażjoni ta’ sanzjonijiet finanzjarji mmirati.

    L-infurzar effikaċi huwa kruċjali għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Il-Kummissjoni se tkompli tagħmel użu mill-firxa sħiħa ta’ mezzi u mekkaniżmi biex tkun tista’ tivverifika mhux biss it-traspożizzjoni korretta tar-rekwiżiti tal-Unjoni fid-dritt nazzjonali, iżda wkoll l-implimentazzjoni effettiva tagħhom mill-Istati Membri fil-prattika ta’ kuljum.

    Konsistenza ma’ politiki u ma’ strumenti ġuridiċi oħra tal-Unjoni

    Din il-proposta hija konformi mal-għanijiet ta’ politika segwiti fil-livell tal-Unjoni, u b’mod partikolari mad-Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus permezz tal-liġi kriminali 13 , mad-Direttiva dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu 14 u mad-Direttiva dwar l-aċċess għall-informazzjoni finanzjarja 15 kif ukoll mal-emenda proposta tagħha, adottata flimkien ma’ dan il-pakkett. L-indirizzar tar-riskji ta’ ML/TF ma huwiex effikaċi permezz tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-AML/CFT waħedha; din il-leġiżlazzjoni tinteraġixxi mal-biċċa l-kbira tal-leġiżlazzjoni tal-UE fl-oqsma tas-servizzi finanzjarji u tal-liġi kriminali. Dan jinkludi l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-pagamenti u t-trasferimenti ta’ fondi (id-Direttiva dwar is-Servizzi ta’ Pagament, id-Direttiva dwar il-Kontijiet ta’ Ħlas, id-Direttiva dwar il-Flus Elettroniċi 16 ). F’dan il-pakkett ta’ proposti ngħatat attenzjoni biex tiġi żgurata l-konsistenza ma’ dawn l-istrumenti kollha.

    2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    Bażi ġuridika

    Din il-proposta għal Direttiva hija bbażata fuq l-Artikolu 114 tat-TFUE, l-istess bażi ġuridika bħall-qafas ġuridiku attwali tal-UE dwar l-AML/CFT. L-Artikolu 114 huwa adatt meta wieħed iqis it-theddida sinifikanti għas-suq intern ikkawżata mill-ħasil tal-flus u mill-finanzjament tat-terroriżmu, u t-telf ekonomiku u t-tfixkil fuq livell transfruntier li jistgħu joħolqu.

    Sussidjarjetà

    F’konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea, l-objettivi tal-proposta ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għalhekk jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni. Il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

    Il-pakkett tal-Kummissjoni tal-2019 dwar l-AML enfasizza l-mod kif il-kriminali kienu kapaċi jisfruttaw id-differenzi bejn ir-reġimi tal-AML/CFT tal-Istati Membri. Il-flussi ta’ flus illeċiti u l-finanzjament tat-terroriżmu jistgħu jagħmlu ħsara lill-istabbiltà u lir-reputazzjoni tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni u jheddu l-funzjonament xieraq tas-suq intern. Il-miżuri adottati esklussivament fuq livell nazzjonali jista’ jkollhom effetti negattivi fuq is-suq intern u jikkontribwixxu għall-frammentazzjoni. Azzjoni tal-UE hija ġġustifikata sabiex jinżammu kundizzjonijiet ekwivalenti madwar l-Unjoni kollha – fejn l-entitajiet fl-Istati Membri kollha jkunu soġġetti għal sett konsistenti ta’ obbligi kontra l-ħasil tal-flus u l-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu. In-natura transfruntiera tal-biċċa l-kbira tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu tagħmilha essenzjali li jkun hemm kooperazzjoni tajba bejn is-superviżuri nazzjonali u l-UIF biex jiġu evitati dawn ir-reati. Ħafna entitajiet soġġetti għall-obbligi dwar l-AML għandhom attivitajiet transfruntiera, u approċċi differenti mis-superviżuri nazzjonali u mill-UIF ifixklu l-kisba ta’ prattiki ottimali dwar l-AML/CFT fil-livell ta’ grupp.

    Proporzjonalità

    Il-proporzjonalità kienet parti integrali mill-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-proposta u l-għażliet kollha proposti f’oqsma regolatorji differenti ġew ivvalutati skont l-objettiv ta’ proporzjonalità. In-natura transfruntiera tal-biċċa l-kbira tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu teħtieġ approċċ koerenti u kkoordinat bejn l-Istati Membri bbażat fuq sett koerenti ta’ regoli fil-forma ta’ ġabra unika ta’ regoli. Madankollu, din il-proposta ma tadottax approċċ ta’ armonizzazzjoni massima, minħabba l-inkompatibilità man-natura fundamentali bbażata fuq ir-riskju tar-reġim tal-AML/CFT tal-UE u mar-regoli nazzjonali speċifiċi li jistgħu japplikaw għall-awtoritajiet kompetenti f’dan il-qasam. L-Istati Membri jibqgħu liberi li jintroduċu regoli li jmorru lil hinn minn dawk stabbiliti fil-pakkett ta’ proposti li minnu dan l-abbozz ta’ Direttiva huwa parti, iżda dan biss jekk ikunu ġustifikati minn approċċ ibbażat fuq ir-riskju.

    Għażla tal-istrument

    Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill hija strument idoneu għar-rikonduzzjoni, b’emendi, tad-dispożizzjonijiet fid-Direttiva attwali dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus li ma humiex xierqa biex ikunu direttament applikabbli fil-forma ta’ regolament, b’mod partikolari fir-rigward tas-setgħat u tal-kompiti tal-awtoritajiet kompetenti u t-twaqqif u l-aċċess għar-reġistri tas-sjieda benefiċjarja u tal-kontijiet bankarji; dispożizzjonijiet oħra mid-Direttiva attwali dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus ġew inseriti (b’emendi, kif xieraq), fil-proposta ta’ akkumpanjament għal Regolament fil-qasam tal-AML/CFT.

    3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

    Għadha ma saritx evalwazzjoni ex post sħiħa tar-reġim attwali tal-UE fil-qasam tal-AML/CFT, fl-isfond ta’ għadd ta’ żviluppi leġiżlattivi reċenti. Ir-raba’ Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus ġiet adottata fl-20 ta’ Mejju 2015, bi skadenza tas-26 ta’ Ġunju 2017 għat-traspożizzjoni mill-Istati Membri. Il-Ħames Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus 17 ġiet adottata fit-30 ta’ Mejju 2018, bi skadenza għat-traspożizzjoni tal-10 ta’ Jannar 2020. Il-kontroll tat-traspożizzjoni għadu għaddej. Madankollu, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta’ Lulju 2019 u r-rapporti ta’ akkumpanjament imsemmija hawn fuq iservu bħala evalwazzjoni tal-effikaċja tar-reġim tal-UE fil-qasam tal-AML/CFT kif kien f’dak il-mument.

    Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

    L-istrateġija ta’ konsultazzjoni insostenn ta’ din il-proposta kienet magħmula minn għadd ta’ komponenti:

    Konsultazzjoni dwar il-pjan direzzjonali li tħabbar il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni. Il-konsultazzjoni, fuq il-portal tal-Kummissjoni “Semma’ leħnek!”, saret bejn il-11 ta’ Frar u t-12 ta’ Marzu 2020, u waslu 42 kontribuzzjoni minn firxa ta’ partijiet ikkonċernati;

    Konsultazzjoni pubblika dwar l-azzjonijiet imressqa fil-Pjan ta’ Azzjoni, miftuħa għall-pubbliku ġenerali u għall-gruppi kollha tal-partijiet ikkonċernati, li tnediet fis-7 ta’ Mejju 2020, u miftuħa sas-26 ta’ Awwissu. Il-konsultazzjoni rċeviet 202 kontribuzzjonijiet uffiċjali;

    Konsultazzjoni mmirata tal-Istati Membri u tal-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tal-AML/CFT. L-Istati Membri kellhom l-opportunità jesprimu l-opinjonijiet tagħhom waqt diversi laqgħat tal-Grupp ta’ Esperti dwar il-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu, u l-UIF tal-UE taw il-kontribut tagħhom waqt il-laqgħat tal-Pjattaforma tal-UIF u permezz ta’ dokumenti bil-miktub. Id-diskussjonijiet kienu sostnuti minn konsultazzjonijiet immirati tal-Istati Membri u tal-awtoritajiet kompetenti, permezz ta’ kwestjonarji;

    Talba għal parir mill-Awtorità Bankarja Ewropea, li saret f’Marzu 2020; l-EBA tat l-opinjoni tagħha fl-10 ta’ Settembru;

    Fit-23 ta’ Lulju 2020, l-EPDS ħareġ opinjoni dwar il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni;

    Fit-30 ta’ Settembru 2020, il-Kummissjoni organizzat konferenza ta’ livell għoli, li laqqgħet flimkien rappreżentanti mill-awtoritajiet nazzjonali u tal-UE, MEPs, rappreżentanti tas-settur privat u tas-soċjetà ċivili u mid-dinja akkademika.

    Il-kontribut tal-partijiet ikkonċernati dwar il-Pjan ta’ Azzjoni kien ġeneralment pożittiv.

    Ġbir u użu tal-għarfien espert

    Fit-tħejjija ta’ din il-proposta, il-Kummissjoni qagħdet fuq l-evidenza kwalitattiva u kwantitattiva li nġabret minn sorsi rikonoxxuti, inkluż pariri tekniċi mill-Awtorità Bankarja Ewropea. L-informazzjoni dwar l-infurzar tar-regoli marbuta tal-AML inkisbet ukoll mill-Istati Membri permezz ta’ kwestjonarji mmirati.

    Valutazzjoni tal-impatt

    Din il-proposta hija akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt 18 , li ġiet ippreżentata lill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju (RSB) fis-6 ta’ Novembru 2020 u ġiet approvata fl-4 ta’ Diċembru 2020. L-istess valutazzjoni tal-impatt takkumpanja wkoll il-proposti leġiżlattivi l-oħra li huma ppreżentati f’pakkett flimkien ma’ din il-proposta. Fl-opinjoni pożittiva tiegħu l-RSB ippropona diversi titjib għall-mod kif il-valutazzjoni tal-impatt tista' tiġi ppreżentata; dawn saru.

    Fil-valutazzjoni tal-impatt, il-Kummissjoni qieset tliet problemi: in-nuqqas ta’ regoli ċari u konsistenti, is-superviżjoni inkonsistenti fis-suq intern u l-koordinazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni insuffiċjenti bejn l-UIF. L-ewwel problema hija rilevanti għal din il-proposta; dwar dik il-problema ġew ikkunsidrati s-segwenti opzjonijiet:

    Ir-regoli tal-UE jibqgħu kif inhuma mingħajr ebda modifika;

    Jiġi żgurat livell ogħla ta’ armonizzazzjoni tar-regoli li japplikaw għall-entitajiet marbuta b’obbligu filwaqt li d-dettalji dwar is-setgħat u l-obbligi tal-awtoritajiet kompetenti jitħallew f’idejn l-Istati Membri;

    Jiġi żgurat livell ogħla ta’ armonizzazzjoni tar-regoli li japplikaw għall-entitajiet soġġetti għall-obbligi tal-AML/CFT u s-setgħat u l-obbligi tas-superviżuri u tal-UIF.

    Abbażi tal-eżitu tal-valutazzjoni tal-impatt, l-opzjoni 3 hija dik ippreferuta. L-introduzzjoni ta’ approċċ konsistenti u aktar granulari għar-regoli ta’ hawn fuq fil-livell tal-UE, jippermetti li titneħħa l-frammentazzjoni attwali kemm fir-rigward tal-obbligi tal-AML/CFT għall-entitajiet marbuta b’obbligu, kif ukoll l-attivitajiet tal-awtoritajiet kompetenti. Regoli aktar ċari dwar il-kompiti u s-setgħat tal-awtoritajiet kompetenti jtejbu l-konsistenza tal-implimentazzjoni tal-qafas tal-AML/CFT madwar l-UE, jiffaċilitaw il-ħolqien ta’ mekkaniżmu superviżorju integrat tal-UE u jtejbu l-kxif ta’ flussi u ta’ attivitajiet suspettużi.

    Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

    Għalkemm, kif ġie osservat hawn fuq, għadha ma saret l-ebda evalwazzjoni ex post jew kontroll tal-idoneità formali tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE dwar l-AML/CFT, jistgħu jsiru għadd ta’ punti fir-rigward tal-elementi tal-pakkett kumplessiv ta’ miżuri propost li se jkomplu jissimplifikaw u jtejbu l-effiċjenza. L-ewwel nett, is-sostituzzjoni ta’ ċerti regoli f’Direttiva b’regoli aktar armonizzati u direttament applikabbli f’Regolament, tneħħi l-ħtieġa għal ħidma ta’ traspożizzjoni fl-Istati Membri u tiffaċilita l-attività kummerċjali għall-entitajiet transfruntiera fl-UE. Barra minn hekk, l-eliminazzjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-qafas tal-AML tal-UE ta’ negozjanti ta’ oġġetti, marbuta mal-projbizzjoni proposta fuq operazzjonijiet fi flus kontanti ta’ aktar minn EUR 10 000, se tillibera lil dawn il-kummerċjanti mill-piż amministrattiv li jissottomettu lill-UIF tagħhom rapporti dwar l-operazzjonijiet fi flus kontanti li jaqbżu EUR 10 000. Fl-aħħar nett, il-grad akbar ta’ armonizzazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-AML/CFT f’għadd ta’ oqsma speċifiċi se jissimplifika l-kooperazzjoni bejn is-superviżuri u l-UIF minħabba t-tnaqqis fid-diverġenzi bejn ir-regoli u l-prattiki tagħhom. L-abbozz ta’ din id-Direttiva fih biss ċerti dispożizzjonijiet li jeħtieġu t-traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali, u għalhekk huwa iqsar mid-Direttiva li jissostitwixxi; il-biċċa l-kbira tat-temi ttrattati fid-Direttiva (UE) 2015/849 issa jinsabu fir-Regolament propost li jakkumpanja din id-Direttiva proposta.

    Drittijiet fundamentali

    L-UE hija impenjata li tiżgura standards għoljin ta’ ħarsien tad-drittijiet fundamentali. B’mod partikolari, is-superviżuri kollha fil-qasam tal-AML/CFT fuq livell nazzjonali u tal-UE, kif ukoll l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja, se jkunu soġġetti għar-regolament rilevanti dwar il-protezzjoni tad-data 19 sal-estent li jistgħu jimmaniġġjaw data personali.

    4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    Dan l-abbozz ta’ Direttiva ma għandu l-ebda implikazzjoni baġitarja.

    5.ELEMENTI OĦRA

    Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

    Il-proposta tinkludi pjan ġenerali għall-monitoraġġ u għall-evalwazzjoni tal-impatt fuq l-objettivi speċifiċi, li jirrikjedi li l-Kummissjoni twettaq l-ewwel rieżami wara ħames snin u tal-anqas tliet snin wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva, u li tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar is-sejbiet ewlenin tagħha. Il-proposta għal Regolament dwar l-AML/CFT li takkumpanja din il-proposta għandha l-istess dispożizzjonijiet ta’ evalwazzjoni, u l-evalwazzjoni taż-żewġ strumenti tista’ tiġi kkombinata f’rapport uniku. Ir-rieżami għandu jitwettaq f’konformità mal-Linji Gwida tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar.

    Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

    Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

    Il-biċċa l-kbira tad-definizzjonijiet applikabbli għal dan l-abbozz ta’ Direttiva jinsabu fl-abbozz ta’ Regolament li jakkumpanjah (meta d-definizzjonijiet huma rilevanti għaż-żewġ strumenti); madankollu, f’dan l-abbozz ta’ Direttiva hemm ċerti termini definiti meta dawn ma humiex rilevanti għar-Regolament ta’ akkumpanjament.

    Dan l-abbozz ta’ Direttiva jippermetti lill-Istati Membri jestendu r-rekwiżiti tal-abbozz ta’ Regolament ta’ akkumpanjament għal setturi oħra li ma humiex koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament; madankollu, huma jridu jinnotifikaw u jispjegaw l-intenzjoni tagħhom lill-Kummissjoni, li għandha sitt xhur biex tadotta Opinjoni dwar il-pjanijiet (wara li tkun ikkonsultat lill-AMLA), u tista’ tagħżel li minflok tipproponi leġiżlazzjoni fil-livell tal-UE. Ġew stabbiliti dispożizzjonijiet tranżitorji għal setturi addizzjonali li diġà huma koperti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-AML/CFT iżda mhux mil-leġiżlazzjoni tal-UE. Fuq bażi annwali l-Kummissjoni se tippubblika l-lista konsolidata tas-setturi li lilhom l-Istati Membri estendew il-lista ta’ entitajiet marbuta b’obbligu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan l-abbozz ta’ Direttiva jistabbilixxi wkoll rekwiżiti regolatorji speċifiċi li l-Istati Membri għandhom jimplimentaw fid-dritt nazzjonali għal ċerti setturi. B’mod speċifiku, l-uffiċċji tal-kambju u dawk li jsarrfu ċ-ċekkijiet, u l-fornituri ta’ servizzi ta’ trusts jew ta’ kumpaniji jridu jkunu soġġetti għal rekwiżiti ta’ liċenzjar jew ta’ reġistrazzjoni; il-fornituri tas-servizzi tal-logħob tal-azzard iridu jkunu regolati.

    Dan l-abbozz ta’ Direttiva jippermetti li s-superviżuri tal-Istati Membri li fihom l-emittenti ta’ flus elettroniċi, il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament u l-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi huma attivi permezz tal-libertà li jipprovdu servizzi, jaħtru punti ta’ kuntatt f’dawk l-Istati Membri; L-AMLA għandha tipproponi Standards Tekniċi Regolatorji biex tiċċara meta jenħtieġ li dan ikun il-każ.

    Dan l-abbozz ta’ Direttiva jikkonferma r-rekwiżiti ta’ integrità għall-maniġers superjuri f’ċerti entitajiet marbuta b’obbligu, kif inhu l-każ fil-qafas attwali, li jissupplimenta r-rekwiżiti ta’ kompetenza u ta’ idoneità f’atti oħra tal-Unjoni, u jiċċara li ċerti rekwiżiti japplikaw ukoll għas-sidien benefiċjarji ta’ dawk l-entitajiet marbuta b’obbligu. Fil-każ ta’ entitajiet oħra marbuta b’obbligu, jikkonferma l-projbizzjoni li dawn jiġu mmexxija minn persuni li jkunu nstabu ħatja ta’ ħasil tal-flus, ir-reati predikati tiegħu jew finanzjament tat-terroriżmu. Dan l-abbozz ta’ Direttiva jagħti ċerti setgħat lis-superviżuri nazzjonali fuq il-maniġment superjuri ta’ ċerti entitajiet marbuta b’obbligu, speċjalment fil-każ ta’ persuni li jkunu nstabu ħatja ta’ ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu.

    Valutazzjonijiet tar-riskju

    Qed jinżamm ir-rekwiżit għall-Kummissjoni li twettaq valutazzjoni perjodika tar-riskji ta’ AML/CFT fil-livell tal-UE, li jinsab fil-qafas attwali tal-AML/CFT, madankollu l-frekwenza tal-valutazzjoni qed tiġi estiża għal kull erba’ snin. Il-valutazzjoni se tkun ibbażata fuq l-input mill-AMLA fil-forma ta’ Opinjoni, u tkun akkumpanjata minn rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri dwar il-miżuri xierqa biex jiġu indirizzati r-riskji identifikati. Barra minn hekk kull erba’ snin il-Kummissjoni se tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-azzjonijiet meħuda b’reazzjoni għas-sejbiet tal-valutazzjoni.

    Il-valutazzjonijiet tar-riskju nazzjonali se jkomplu jsiru mill-Istati Membri iżda bi frekwenza minima ta’ erba’ snin, u b’ċerti żidiet għall-objettivi u għall-modalitajiet ta’ tali valutazzjonijiet. Barra minn hekk l-Istati Membri jridu jkomplu jżommu statistika komprensiva dwar l-AML/CFT u jibagħtuha lill-Kummissjoni kull sena. Il-Kummissjoni tista’ tadotta Att ta’ Implimentazzjoni dwar il-metodoloġija għal tali statistika.

    Reġistri u mekkaniżmi ta’ Sjieda Benefiċjarja, kontijiet bankarji u proprjetà immobbli

    Qed jinżamm l-obbligu tal-Istati Membri li joħolqu u jżommu reġistri tas-Sjieda Benefiċjarja tal-entitajiet ġuridiċi u tal-arranġamenti ġuridiċi, li jinstab fid-Direttiva attwali kontra l-Ħasil tal-Flus. Dan jinkludi dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għal tali reġistri, inkluż l-aċċess pubbliku, u eżenzjonijiet possibbli għall-aċċess f’każijiet ġustifikati. Qed tinżamm l-interkonnessjoni transfruntiera ta’ tali reġistri, permezz tas-Sistema ta’ Interkonnessjoni tar-Reġistri tas-Sjieda Benefiċjarja.

    Dispożizzjonijiet ġodda f’din il-proposta, li ma humiex diġà inklużi fil-qafas attwali, huma: Att ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-format għas-sottomissjoni ta’ informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja fir-Reġistri; dispożizzjonijiet f’każijiet ta’ dubju dwar l-akkuratezza tal-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja jew meta s-sid benefiċjarju ma jkunx jista’ jiġi identifikat; dispożizzjonijiet ulterjuri f’każ ta’ diskrepanzi identifikati fl-informazzjoni; is-setgħat tal-entitajiet li jimmaniġġjaw ir-reġistri; rekwiżit għall-Istati Membri biex jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti li lilhom ikun ingħata aċċess u t-tip ta’ aċċess; durata minima għaż-żamma ta’ informazzjoni fir-reġistri ta’ ħames snin.

    Ikompli l-obbligu għall-Istati Membri biex joħolqu u jżommu mekkaniżmi, bħal pereżempju reġistru ċentrali jew sistema elettronika ċentrali għall-irkupru tad-data, li jippermettu l-identifikazzjoni tad-detenturi ta’ kontijiet bankarji u ta’ kaxxi ta’ sikurezza għad-depożiti, li jinsab fid-Direttiva attwali Kontra l-Ħasil tal-Flus. L-Istati Membri jridu jinnotifikaw lill-Kummissjoni mhux biss il-karatteristiċi ta’ tali mekkaniżmi iżda l-kriterji li jirregolaw liema informazzjoni tiġi inkluża f’tali reġistri. Il-proposta tistabbilixxi wkoll il-ħolqien ta’ interkonnessjoni transfruntiera bejn tali mekkaniżmi, b’Atti ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-ispeċifikazzjonijiet u l-proċeduri tekniċi għall-interkonnessjoni ta’ tali mekkaniżmi ma’ punt uniku ta’ aċċess, li se jiġi żviluppat u ġestit mill-Kummissjoni. L-Istati Membri jridu jiżguraw li l-informazzjoni fil-mekkaniżmi nazzjonali hija aġġornata u aċċessibbli permezz tal-interkonnessjoni transfruntiera. L-UIF irid ikollhom aċċess għall-mekkaniżmi, inklużi dawk interkonnessi minn Stati Membri oħra.

    Ikompli r-rekwiżit għall-Istati Membri li jipprovdu lill-UIF u lill-awtoritajiet kompetenti oħra b’aċċess għall-kontenut tar-reġistri nazzjonali tal-proprjetà immobbli, liema rekwiżit jinsab fid-Direttiva attwali kontra l-Ħasil tal-Flus, u ġiet definita l-firxa minima ta’ tali aċċess. L-Istati Membri huma meħtieġa jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-awtoritajiet kompetenti li lilhom ikun ingħata aċċess għal tali reġistri u l-firxa ta’ tali aċċess.

    Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja

    Il-proposta tibni fuq id-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-qafas attwali tal-AML/CFT, li jenħtieġu lill-Istati Membri li joħolqu UIF operazzjonalment indipendenti fuq livell nazzjonali, biex jirċievu u janalizzaw Rapporti ta’ Tranżazzjonijiet Suspettużi u Rapporti ta’ Attività Suspettuża (STRs/SARs) minn Entitajiet Marbuta b’Obbligu; dawn id-dispożizzjonijiet eżistenti jinkludu l-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-UIF, l-użi tal-informazzjoni skambjata, u d-disseminazzjoni ulterjuri tal-informazzjoni skambjata.

    Dispożizzjonijiet ġodda dwar l-UIF jittrattaw: kjarifiki dwar il-funzjoni ta’ analiżi finanzjarja tal-UIF u dwar l-indipendenza operazzjonali tagħhom, ir-riżorsi tagħhom u s-sigurtà tagħhom; lista tal-kategoriji minimi ta’ informazzjoni li għaliha l-UIF irid ikollhom aċċess; dispożizzjonijiet dwar l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-UIF u awtoritajiet kompetenti oħra, inkluż obbligu għall-għoti ta’ feedback dwar kif intużat l-informazzjoni; kjarifiki dwar is-setgħat tal-UIF li jissospendu tranżazzjonijiet, li trid issir fi żmien 48 siegħa minn meta jirċievu STR/SAR u estensjoni ta’ tali setgħat għas-sospensjoni tal-użu ta’ kontijiet bankarji f’ċirkostanzi ġustifikati. Qed jiġu stabbiliti dettalji ulterjuri dwar il-modalitajiet tal-iskambji ta’ informazzjoni bejn l-UIF; dawn l-iskambji jridu jsiru permezz tan-network FIU.net; l-Istati Membri jridu jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’kull eċċezzjoni għall-informazzjoni li tista’ tiġi skambjata. L-AMLA għandha tħejji abbozz ta’ Standards Tekniċi ta’ Implimentazzjoni li jarmonizzaw il-formati għall-iskambju tal-informazzjoni; se tadotta wkoll linji gwida dwar il-kriterji biex jiġi ddeterminat jekk xi STR/SAR huwiex ta’ interess għall-UIF ta’ Stati Membri oħra. L-UIF se jipproduċu rapporti annwali dwar l-attivitajiet tagħhom u jipprovdu feedback lill-entitajiet marbuta b’obbligu dwar l-użu tal-STRs/SARs tagħhom, kif ukoll feedback lill-awtoritajiet doganali dwar l-informazzjoni sottomessa lill-UIF dwar l-ammonti ta’ flus kontanti li jidħlu jew li joħorġu fiżikament mill-Unjoni. Dispożizzjoni ġdida oħra tiċċara l-kunċett ta’ analiżijiet konġunti li għandhom jitwettqu mill-UIF u tiddefinixxi l-proċessi għall-eżekuzzjoni tagħhom.

    Superviżjoni fil-qasam tal-AML

    Il-proposta tibni fuq id-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-qafas attwali tal-AML/CFT, li jirrikjedu lill-Istati Membri joħolqu superviżuri nazzjonali fil-qasam tal-AML/CFT biex jissorveljaw l-Entitajiet Marbuta b’Obbligu, inklużi s-setgħat, il-kompiti u r-responsabbiltajiet ta’ tali superviżuri, u l-kooperazzjoni bejniethom u l-UIF u bejniethom u s-superviżuri ta’ pajjiżi terzi.

    Dispożizzjonijiet ġodda jinkludu: kjarifiki dwar il-kompiti u s-setgħat tas-superviżuri; rekwiżit għall-għoti ta’ informazzjoni mis-superviżuri nazzjonali lill-entitajiet marbuta b’obbligu; kjarifiki rigward is-superviżjoni bbażata fuq ir-riskju, inklużi linji gwida li għandhom jitħejjew mill-AMLA dwar il-karatteristiċi ta’ approċċ ibbażat fuq ir-riskju, u Standards Tekniċi Regolatorji dwar metodoloġija għall-valutazzjoni u għall-klassifikazzjoni tal-profil tar-riskju inerenti u residwu tal-entitajiet marbuta b’obbligu u dwar il-frekwenza tar-reviżjoni. Qed jiġu pprovduti kjarifiki dwar il-kompetenzi tas-superviżuri f’każijiet ta’ entitajiet marbuta b’obbligu li joperaw taħt il-libertà li jipprovdu servizzi, u fil-kuntest tas-superviżjoni ta’ grupp; f’dan ir-rigward se jkun hemm Standards Tekniċi Regolatorji mħejjija mill-AMLA li jagħtu dettalji dwar id-dmirijiet rispettivi tas-superviżuri domiċiljari u dawk ospitanti, u l-modalitajiet ta’ kooperazzjoni bejniethom.

    Fil-każ ta’ istituzzjonijiet kreditizji jew finanzjarji transfruntiera li joperaw f’diversi Stati Membri, irid jinħoloq kulleġġ tas-superviżuri fil-qasam tal-AML/CFT fejn jiġu sodisfatti ċerti kriterji; L-AMLA se tħejji Standards Tekniċi Regolatorji dwar il-kundizzjonijiet ġenerali għall-funzjonament tal-kulleġġi tas-superviżuri fil-qasam tal-AML/CFT. Ġew stabbiliti dispożizzjonijiet għall-kooperazzjoni mas-superviżuri finanzjarji f’pajjiżi terzi.

    Korpi ta’ Awtoregolamentazzjoni (SRBs)

    Taqsima ġdida, meta mqabbla mal-qafas attwali dwar l-AML/CFT, tikkonċerna l-SRBs. Meta Stat Membru jikkonferixxi s-superviżjoni tal-AML/CFT ta’ ċerti entitajiet marbuta b’obbligu lil SRB, dan l-SRB irid ikun sorveljat minn awtorità pubblika, bil-għan li jiġi żgurat li l-SRB iwettaq il-kompiti tiegħu skont l-ogħla standard possibbli. Il-korp ta’ sorveljanza jrid ikollu setgħat adegwati, inkluża s-setgħa li jikseb informazzjoni, u għandu jippubblika rapport annwali dwar l-attività tiegħu u dwar l-attivitajiet superviżorji tal-SRBs taħt is-sorveljanza tiegħu.

    Miżuri u sanzjonijiet amministrattivi

    Id-dispożizzjonijiet dwar is-sanzjonijiet jibnu fuq il-qafas attwali tal-AML/CFT, li jobbliga lill-Istati Membri jipprevedu miżuri u sanzjonijiet amministrattivi għal ksur serju ripetut jew sistematiku, minn entitajiet marbuta b’obbligu, tar-rekwiżiti ewlenin tal-qafas, bi speċifikazzjonijiet dwar l-ammonti minimi u massimi tas-sanzjonijiet pekunarji, u jipprevedu l-pubblikazzjoni tas-sanzjonijiet imposti, il-protezzjoni tal-informaturi u l-iskambju ta’ informazzjoni dwar is-sanzjonijiet.

    Dispożizzjonijiet ġodda jinkludu: kjarifika tal-miżuri amministrattivi għajr sanzjonijiet għal ksur inqas serju u rekwiżit għall-Istati Membri biex jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-AMLA dwar l-arranġamenti tagħhom relatati mal-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet jew miżuri amministrattivi. Qed jiġu speċifikati ċ-ċirkostanzi li għandhom jitqiesu meta jiġu ddeterminati t-tip u l-livell ta’ sanzjonijiet jew miżuri amministrattivi. Se jkun hemm Standards Tekniċi Regolatorji mħejjija mill-AMLA li jiddefinixxu l-indikaturi għall-klassifikazzjoni tal-livell ta’ gravità tal-ksur u l-kriterji li għandhom jitqiesu meta jiġi stabbilit il-livell ta’ sanzjonijiet amministrattivi jew meta jittieħdu miżuri amministrattivi.

    Kooperazzjoni

    Id-dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni bejn is-superviżuri, l-UIF u awtoritajiet kompetenti oħra jibnu fuq il-qafas attwali tal-AML/CFT, inkluża l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, u dispożizzjonijiet għal każijiet fejn l-awtoritajiet huma marbuta b’segretezza professjonali.

    Dispożizzjonijiet ġodda f’din il-proposta jinkludu ż-żieda ta’ referenzi għall-AMLA u obbligu għall-korpi oħra biex jikkooperaw magħha. Id-dispożizzjonijiet eżistenti biex tiġi żgurata kooperazzjoni tajba mas-superviżuri prudenzjali tal-istituzzjonijiet finanzjarji huma msaħħa permezz ta’ speċifikazzjonijiet addizzjonali, u l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni, kif ukoll l-awtoritajiet inkarigati mis-superviżjoni tal-istituzzjonijiet tal-kreditu għall-kooperazzjoni mal-PAD u mal-PSD2. Is-superviżuri finanzjarji u l-UIF se jirrapportaw kull sena lill-AMLA dwar il-kooperazzjoni tagħhom ma’ dawk l-awtoritajiet. Żdiedu dispożizzjonijiet f’dak li għandu x’jaqsam mal-kooperazzjoni fir-rigward tal-awdituri, u l-AMLA se toħroġ linji gwida dwar il-kooperazzjoni.

    Dispożizzjonijiet finali

    L-ipproċessar tad-data personali skont din il-proposta, bħal fil-każ tal-qafas attwali tal-AML/CFT, huwa soġġett għar-Regolament (UE) 2016/679, jew għar-Regolament (UE) 2018/1725, jekk dan isir mill-istituzzjonijiet, mill-aġenziji jew mill-korpi tal-Unjoni.

    Il-Kummissjoni se tkun megħjuna minn Kumitat, b’mod partikolari għat-tħejjija tal-Atti ta’ Implimentazzjoni.

    Ġew inklużi dispożizzjonijiet għat-trasferiment tal-hosting tal-FIU.net mill-Kummissjoni lill-AMLA.

    Id-Direttiva 2015/849 kif emendata (il-qafas attwali tal-AML/CFT) hija mħassra. Id-Direttiva proposta se tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum mill-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali; l-iskadenza għat-traspożizzjoni hija ta’ sentejn mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva. Il-Kummissjoni trid l-ewwel tirrevedi u tevalwa din id-Direttiva fi żmien ħames snin mill-applikazzjoni tagħha u sussegwentement kull tliet snin.

    2021/0250 (COD)

    Proposta għal

    DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar il-mekkaniżmi li għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri għall-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu u li tħassar id-Direttiva (UE) 2015/849

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 114 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew 20 ,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 21 ,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

    Billi:

    (1)Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 22 tikkostitwixxi l-istrument ġuridiku ewlieni għall-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni għall-finijiet tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Dik id-Direttiva tistabbilixxi qafas ġuridiku komprensiv, li d-Direttiva (UE) 2018/843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 23 kompliet issaħħaħ bl-indirizzar tar-riskji emerġenti u ż-żieda tat-trasparenza tas-sjieda benefiċjarja. Minkejja l-kisbiet tagħha, l-esperjenza wriet li d-Direttiva (UE) 2015/849 jenħtieġ li tittejjeb aktar biex jiġu mmitigati adegwatament ir-riskji u biex jiġu identifikati effikaċjament it-tentattivi kriminali biex is-sistema finanzjarja tal-Unjoni tiġi abbużata għall-finijiet kriminali.

    (2)Mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva (UE) 2015/849, ġew identifikati għadd ta’ oqsma fejn se jkunu meħtieġa emendi biex tiġi żgurata r-reżiljenza meħtieġa u l-kapaċità tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni li tipprevjeni l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

    (3)Fl-implimentazzjoni tad-Direttiva (UE) 2015/849, ġew identifikati varjazzjonijiet sinifikanti fil-prattiki u fl-approċċi tal-awtoritajiet kompetenti madwar l-Unjoni kollha, kif ukoll in-nuqqas ta’ arranġamenti effettivi biżżejjed għall-kooperazzjoni transfruntiera. Għalhekk huwa opportun li jiġu definiti rekwiżiti aktar ċari, li jenħtieġ li jikkontribwixxu għal kooperazzjoni bla xkiel madwar l-Unjoni kollha filwaqt li jippermettu lill-Istati Membri jqisu l-ispeċifiċitajiet tas-sistemi nazzjonali tagħhom.

    (4)Dan l-istrument ġdid huwa parti minn pakkett komprensiv bil-għan li jsaħħaħ il-qafas tal-Unjoni fil-qasam tal-AML/CFT. Flimkien, dan l-istrument, ir-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/420 final], ir-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal riformulazzjoni tar-Regolament (UE) 2015/847 - COM/2021/422 final] u r-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għat-twaqqif ta’ Awtorità Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/421 final] se jikkostitwixxu l-qafas ġuridiku li jirregola r-rekwiżiti tal-AML/CFT li għandhom jiġu ssodisfati mill-entitajiet marbuta b’obbligu u li fuqhom huwa bbażat il-qafas istituzzjonali tal-Unjoni dwar l-AML/CFT, inkluż it-twaqqif ta’ Awtorità kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (“AMLA”).

    (5)Il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu ta’ spiss isiru f’kuntest internazzjonali. L-effett ta’ miżuri adottati fil-livell tal-Unjoni, li ma jqisux il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni internazzjonali, ikun wieħed ferm limitat. Għalhekk il-miżuri adottati mill-Unjoni f’dak il-qasam jenħtieġ li jkunu kompatibbli ma’ azzjonijiet oħra meħuda fuq livell internazzjonali u tal-anqas rigorużi daqshom. L-azzjoni tal-Unjoni jenħtieġ li tkompli tieħu kont partikolari tar-Rakkomandazzjonijiet tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (FATF), u ta’ strumenti ta’ korpi internazzjonali oħra attivi fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Bil-għan li tissaħħaħ l-effikaċja tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, jenħtieġ li, fejn xieraq, l-atti ġuridiċi rilevanti tal-Unjoni jkunu allinjati mal-Istandards Internazzjonali dwar il-Ġlieda kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu u l-Proliferazzjoni adottati mill-FATF fi Frar 2012 (ir-“Rakkomandazzjonijiet riveduti tal-FATF”) u l-emendi sussegwenti għal dawk l-istandards.

    (6)It-theddid, ir-riskji u l-vulnerabbiltajiet speċifiċi għall-ħasil tal-flus u għall-finanzjament tat-terroriżmu li jaffettwaw ċerti setturi ekonomiċi fuq livell nazzjonali jnaqqsu f’modi distinti l-kapaċità tal-Istati Membri li jikkontribwixxu għall-integrità u għas-solidità tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni. B’hekk, huwa opportun li, mal-identifikazzjoni ta’ tali setturi u ta’ riskji speċifiċi, l-Istati Membri jitħallew jiddeċiedu li japplikaw ir-rekwiżiti dwar l-AML/CFT għal setturi addizzjonali minbarra dawk koperti mir-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament Kontra l-Ħasil tal-Flus]. Bil-għan li tiġi ppreservata l-effikaċja tas-suq intern u tas-sistema tal-Unjoni fil-qasam tal-AML/CFT, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’, bl-appoġġ tal-AMLA, tivvaluta jekk id-deċiżjonijiet previsti tal-Istati Membri li japplikaw ir-rekwiżiti tal-AML/CFT għal setturi addizzjonali humiex ġustifikati. F’każijiet fejn l-aħjar interessi tal-Unjoni jinkisbu fil-livell tal-Unjoni fir-rigward ta’ setturi speċifiċi, jenħtieġ li l-Kummissjoni tinforma lil dak l-Istat Membru li minflok biħsiebha tieħu azzjoni fil-livell tal-Unjoni u l-Istat Membru jenħtieġ li ma jiħux il-miżuri nazzjonali li kien biħsiebu jieħu.

    (7)Fid-dawl tal-vulnerabbiltajiet speċifiċi kontra l-ħasil tal-flus osservati fis-settur tal-ħruġ ta’ flus elettroniċi, fis-servizzi ta’ pagament u fl-industrija li tipprovdi s-servizzi tal-kriptoassi, jenħtieġ li jkun possibbli li l-Istati Membri jeżiġu li l-fornituri stabbiliti fit-territorju tagħhom f’forom oħra għajr fergħa u li s-sede tal-uffiċċju ewlieni tagħhom tkun fi Stat Membru ieħor jaħtru punt ta’ kuntatt ċentrali. Tali punt ta’ kuntatt ċentrali, li jaġixxi f’isem l-istituzzjoni tal-ħatra, jenħtieġ li jiżgura l-konformità tal-istabbilimenti mar-regoli dwar l-AML/CFT.

    (8)Jenħtieġ li s-superviżuri jiżguraw li, fir-rigward tal-uffiċċji tal-kambju, l-uffiċċju għat-tisrif taċ-ċekkijiet, il-fornituri ta’ servizzi ta’ trusts jew ta’ kumpaniji jew fornituri ta’ servizzi tal-logħob tal-azzard, il-persuni li effettivament imexxu n-negozju ta’ tali entitajiet u s-sidien benefiċjarji ta’ tali entitajiet jaġixxu b’onestà u b’integrità u jkollhom l-għarfien u l-kompetenza meħtieġa biex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom. Bħala minimu, jenħtieġ li l-kriterji għad-determinazzjoni dwar jekk persuna hijiex konformi ma’ dawk ir-rekwiżiti, jirriflettu l-ħtieġa li tali entitajiet jiġu protetti mill-abbuż mill-maniġers jew mis-sidien benefiċjarji tagħhom għal skopijiet kriminali.

    (9)Għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-adegwatezza ta’ persuni li jaqdu funzjoni maniġerjali f’entitajiet marbuta b’obbligu, jew b’xi mod jikkontrollawhom, jenħtieġ li kwalunkwe skambju ta’ informazzjoni dwar kundanni kriminali jsir f’konformità mad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/315/ĠAI 24 u mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/316/ĠAI 25 .

    (10)Il-Kummissjoni qiegħda f’pożizzjoni tajba biex tirrevedi theddid transfruntier speċifiku li jista' jaffettwa s-suq intern u li ma jistax jiġi identifikat u miġġieled b’mod effettiv minn Stati Membri individwali. Għalhekk jenħtieġ li tiġi fdata bir-responsabbiltà għall-koordinazzjoni tal-valutazzjoni tar-riskji relatati mal-attivitajiet transfruntiera. L-involviment tal-esperti rilevanti, bħall-Grupp ta’ Esperti dwar il-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu u r-rappreżentanti mill-UIF, kif ukoll, fejn xieraq, minn korpi oħra fil-livell tal-Unjoni, huwa essenzjali għall-effikaċja tal-proċess tal-valutazzjoni tar-riskji. Il-valutazzjonijiet tar-riskju nazzjonali u l-esperjenzi huma wkoll sors ta’ informazzjoni importanti għal dak il-proċess. Jenħtieġ li tali valutazzjonijiet tar-riskji transfruntiera mill-Kummissjoni ma jinvolvux l-ipproċessar ta’ data personali. Fi kwalunkwe każ, jenħtieġ li d-data tkun kompletament anonimizzata. L-awtoritajiet superviżorji tal-protezzjoni tad-data kemm nazzjonali kif ukoll dawk tal-Unjoni jenħtieġ li jkunu involuti biss jekk il-valutazzjoni tar-riskju tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu jkollha impatt fuq il-privatezza u l-protezzjoni tad-data tal-individwi.

    (11)Is-sejbiet tal-valutazzjoni tar-riskju fil-livell tal-Unjoni jistgħu jgħinu lill-awtoritajiet kompetenti u lill-entitajiet marbuta b’obbligu fl-identifikazzjoni, fil-fehim, fil-ġestjoni u fil-mitigazzjoni tar-riskju ta’ ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu, kif ukoll fir-riskji ta’ nonapplikazzjoni u ta’ evażjoni ta’ sanzjonijiet finanzjarji mmirati. Għalhekk huwa importanti li s-sejbiet tal-valutazzjoni tar-riskju jiġu ppubblikati.

    (12)L-Istati Membri jibqgħu fl-aħjar pożizzjoni biex jidentifikaw, jivvalutaw, jifhmu u jiddeċiedu l-mod kif jimmitigaw ir-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu li jaffettwawhom direttament. Għalhekk, kull Stat Membru jenħtieġ li jieħu l-passi xierqa fi sforz biex jidentifika, jivvaluta u jifhem sew ir-riskji propji ta’ ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu, kif ukoll ir-riskji tan-nonimplimentazzjoni u l-evażjoni ta’ sanzjonijiet finanzjarji mmirati u li jiddefinixxi strateġija nazzjonali koerenti biex jimplimenta azzjonijiet għall-mitigazzjoni ta’ dawk ir-riskji. Tali valutazzjoni tar-riskju nazzjonali jenħtieġ li tiġi aġġornata regolarment u jenħtieġ li tinkludi deskrizzjoni tal-istruttura istituzzjonali u tal-proċeduri wiesgħa tar-reġim tal-AML/CFT tal-Istat Membru, kif ukoll tar-riżorsi umani u finanzjarji allokati sakemm din l-informazzjoni tkun disponibbli.

    (13)Ir-riżultati tal-valutazzjonijiet tar-riskji jenħtieġ li, meta jkun il-każ, jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-entitajiet marbuta b’obbligu b’mod tempestiv sabiex ikunu jistgħu jidentifikaw, jifhmu, jimmaniġġjaw u jimmitigaw ir-riskji propji.

    (14)Barra minn hekk, sabiex jidentifikaw, jifhmu, jimmaniġġjaw u jimmitigaw dejjem aktar ir-riskji fil-livell tal-Unjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jqiegħdu għad-dispożizzjoni reċiproka, tal-Kummissjoni u tal-AMLA, ir-riżultati tal-valutazzjonijiet tar-riskji tagħhom.

    (15)Sabiex ikunu jistgħu jirrevedu l-effikaċja tas-sistemi proprji fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, jenħtieġ li l-Istati Membri jżommu, u jtejbu l-kwalità tal-istatistika rilevanti. Bil-għan li tittejjeb aktar il-kwalità u l-konsistenza tad-data statistika miġbura fil-livell tal-Unjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-AMLA jżommu għajnejhom fuq is-sitwazzjoni madwar l-Unjoni kollha fir-rigward tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u jenħtieġ li jippubblikaw analiżi regolari.

    (16)L-FATF żviluppat standards biex il-ġurisdizzjonijiet jidentifikaw, u jivvalutaw ir-riskji ta’ nonimplimentazzjoni jew ta’ evażjoni potenzjali tas-sanzjonijiet finanzjarji mmirati relatati mal-finanzjament tal-proliferazzjoni, u biex jieħdu azzjoni biex jimmitigaw dawk ir-riskji. Dawk l-istandards il-ġodda introdotti mill-FATF la jieħdu post u lanqas jimminaw ir-rekwiżiti stretti eżistenti biex il-pajjiżi jimplimentaw sanzjonijiet finanzjarji mmirati biex jikkonformaw mar-Regolamenti rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti relatati mal-prevenzjoni, is-soppressjoni u t-tfixkil tal-proliferazzjoni tal-armi ta’ qerda tal-massa u l-finanzjament tagħhom. Dawk l-obbligi eżistenti, kif implimentati fil-livell tal-Unjoni permezz tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2010/413/CFSP 26 u (PESK) 2016/849 27 kif ukoll permezz tar-Regolamenti tal-Kunsill (UE) 267/2012 28 u (UE) 2017/1509 29 , jibqgħu obbligi normattivi stretti vinkolanti fuq il-persuni fiżiċi u ġuridiċi kollha fl-Unjoni.

    (17)Sabiex jiġu riflessi l-aħħar żviluppi fil-livell internazzjonali, din id-Direttiva introduċiet rekwiżit biex jiġu identifikati, mifhuma, ġestiti u mitigati r-riskji ta’ nonimplimentazzjoni jew ta’ evażjoni potenzjali ta’ sanzjonijiet finanzjarji mmirati relatati mal-finanzjament tal-proliferazzjoni fil-livell tal-Unjoni u fil-livell tal-Istati Membri.

    (18)Ir-reġistri ċentrali ta’ informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja huma kruċjali fil-ġlieda kontra l-użu ħażin tal-entitajiet ġuridiċi. Sabiex jiġi żgurat li r-reġistri ta’ informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja jkunu faċilment aċċessibbli u jkun fihom data ta’ kwalità għolja, jenħtieġ li jiġu introdotti regoli konsistenti dwar il-ġbir u l-ħżin ta’ din l-informazzjoni.

    (19)Bil-għan li tittejjeb it-trasparenza sabiex jiġi miġġieled l-użu ħażin ta’ entitajiet ġuridiċi, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja tinżamm f’reġistru ċentrali li jkun jinsab barra mill-kumpannija, f’konformità sħiħa mad-dritt tal-Unjoni. L-Istati Membri jistgħu, għal dak il-għan, jużaw bażi tad-data ċentrali li jiġbor l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja, jew ir-reġistru kummerċjali jew reġistru ċentrali ieħor. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-entitajiet marbuta b’obbligu jkunu responsabbli għall-kompilazzjoni tar-reġistru. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li f’kull każ dik l-informazzjoni titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti u tal-UIF u tiġi provduta lill-entitajiet marbuta b’obbligu meta jieħdu miżuri ta’ diliġenza dovuta tal-klijent.

    (20)L-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja ta’ trusts u ta’ arranġamenti ġuridiċi simili jenħtieġ li tiġi rreġistrata fil-post fejn ikunu stabbiliti l-fiduċjarji tat-trusts u l-persuni li jokkupaw karigi ekwivalenti f’arranġamenti ġuridiċi simili jew fejn ikunu jirrisjedu. Sabiex jiġu żgurati l-monitoraġġ u r-reġistrazzjoni effikaċi tal-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja ta’ trusts u ta’ arranġamenti ġuridiċi simili, hija neċessarja wkoll il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri. L-interkonnessjoni tar-reġistri tal-Istati Membri tas-sidien benefiċjarji ta’ trusts u ta’ arranġamenti ġuridiċi simili tirrendi din l-informazzjoni aċċessibbli, u tiżgura wkoll li r-reġistrazzjoni multipla tal-istess trusts u ta’ arranġamenti ġuridiċi simili tiġi evitata fl-Unjoni.

    (21)Jenħtieġ li jiġi żgurat l-aċċess tempestiv għall-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja b’tali modi li jiġi evitat kwalunkwe riskju ta’ preavviż lill-kumpannija kkonċernata.

    (22)L-akkuratezza tad-data inkluża fir-reġistri tas-sjieda benefiċjarja hija fundamentali għall-awtoritajiet rilevanti kollha u għall-persuni l-oħra awtorizzati biex jaċċessaw dik id-data, u li jieħdu deċiżjonijiet legali validi abbażi ta’ dik id-data. Għalhekk, meta jkun hemm raġunijiet suffiċjenti biex tiġi ddubitata l-akkuratezza tal-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja miżmuma fir-reġistri, wara analiżi bir-reqqa min-naħa tar-reġistraturi, l-entitajiet ġuridiċi u l-arranġamenti ġuridiċi jenħtieġ li jintalbu jipprovdu informazzjoni addizzjonali abbażi tas-sensittività tar-riskju. Barra minn hekk, huwa importanti li l-Istati Membri jikkonferixxu fuq l-entità responsabbli għall-immaniġġjar tar-reġistri setgħat suffiċjenti biex tivverifika s-sjieda benefiċjarja u l-veraċità tal-informazzjoni pprovduta lilha, u biex tirrapporta kwalunkwe suspett lill-UIF tagħhom. Tali setgħat jenħtieġ li jestendu għat-twettiq ta’ spezzjonijiet fil-bini tal-entitajiet ġuridiċi.

    (23)Barra minn hekk, ir-rapportar tad-diskrepanzi bejn l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja miżmuma fir-reġistri ċentrali u l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja disponibbli għall-entitajiet marbuta b’obbligu u, fejn applikabbli, għall-awtoritajiet kompetenti, huwa mekkaniżmu effettiv biex tiġi vverifikata l-akkuratezza tal-informazzjoni. Kwalunkwe diskrepanza bħal din jenħtieġ li tiġi identifikata, irrapportata u kkoreġuta malajr.

    (24)Bil-għan li jiġi żgurat li l-mekkaniżmu tar-rapportar tad-diskrepanzi jkun proporzjonat u ffukat fuq il-kxif ta’ każijiet ta’ ineżattezzi dwar is-sjieda benefiċjarja, l-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-entitajiet marbuta b’obbligu jitolbu lill-klijent jirrettifika diskrepanzi ta’ natura teknika direttament mal-entità responsabbli għar-reġistri ċentrali. Din il-possibilità tapplika biss għal klijenti ta’ riskju baxx u għal dawk l-iżbalji ta’ natura teknika, bħal każijiet minuri ta’ żbalji fl-ortografija tal-informazzjoni, fejn ikun evidenti li dawn ma jfixklux l-identifikazzjoni tas-sid jew tas-sidien benefiċjarji u l-akkuratezza tal-informazzjoni.

    (25)Meta r-rapportar ta’ diskrepanzi mill-UIF u minn awtoritajiet kompetenti oħra jippreġudika investigazzjoni kriminali li tkun għaddejja, jenħtieġ li l-UIF jew l-awtoritajiet kompetenti jipposponu r-rapportar tad-diskrepanza sakemm ma jkunx għad fadal raġunijiet kontra tali rapportar. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-UIF u l-awtoritajiet kompetenti ma jirrapportaw l-ebda diskrepanza meta dan jikser xi dispożizzjoni ta’ kunfidenzjalità tad-dritt nazzjonali jew jikkostitwixxi reat ta’ preavviż.

    (26)Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi fl-applikazzjoni tal-kunċett ta’ sid benefiċjarju, huwa ferm importanti li, madwar l-Unjoni, l-entitajiet ġuridiċi jiksbu benefiċċju mill-kanali u mezzi tar-rapportar uniformi. Għal dak il-għan, il-format għas-sottomissjoni ta’ informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja fir-reġistri nazzjonali rilevanti jenħtieġ li jkun uniformi u joffri garanziji ta’ trasparenza u ta’ ċertezza tad-dritt.

    (27)Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi fost id-diversi tipi ta’ forom ġuridiċi, jenħtieġ li l-fiduċjarji jkunu rikjesti wkoll jiksbu u jżommu informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja u li jikkomunikaw dik l-informazzjoni lil reġistru ċentrali jew lil bażi tad-data ċentrali.

    (28)L-aċċess pubbliku għall-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja jista’ jippermetti skrutinju ikbar tal-informazzjoni mis-soċjetà ċivili, inkluż mill-midja jew mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u jikkontribwixxi biex tiġi ppreservata l-fiduċja fl-integrità tas-sistema finanzjarja. Jista’ jikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-użu ħażin ta’ entitajiet korporattivi u ta’ entitajiet ġuridiċi oħra u arranġamenti ġuridiċi għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, kemm billi jgħin l-investigazzjonijiet kif ukoll minħabba l-effetti reputazzjonali, peress li kull persuna li tista’ tidħol f’relazzjonijiet kummerċjali tkun konxja mill-identità tas-sidien benefiċjarji. Jista' jiffaċilita wkoll id-disponibbiltà tempestiva u effiċjenti tal-informazzjoni għall-entitajiet marbuta b’obbligu kif ukoll għall-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi involuti fil-ġlieda kontra tali reati. L-aċċess għal dik l-informazzjoni jgħin ukoll l-investigazzjonijiet dwar il-ħasil tal-flus, ir-reati predikati assoċjati u l-finanzjament tat-terroriżmu.

    (29)Il-fiduċja tal-investituri u tal-pubbliku ġenerali fis-swieq finanzjarji tiddependi fil-biċċa l-kbira fuq l-eżistenza ta’ reġim ta’ żvelar akkurat li jipprovdi trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam mas-sjieda benefiċjarja u l-istrutturi ta’ kontroll tal-kumpaniji. Dan huwa partikolarment minnu fil-każ ta’ sistemi ta’ governanza korporattiva li huma kkaratterizzati minn sjieda kkonċentrata, bħalma hija dik fl-Unjoni. Fuq naħa waħda, investituri kbar bi drittijiet tal-vot u b’likwidità sinifikanti jistgħu jħeġġu tkabbir fit-tul u prestazzjoni stabbli. Madankollu, min-naħa l-oħra l-kontroll tas-sidien benefiċjarji bi blokok kbar tal-vot jista’ jkun inċentiv biex wieħed jimmiżapproprja opportunitajiet u assi korporattivi għall-gwadann personali għad-detriment ta’ investituri minoritarji. Iż-żieda potenzjali tal-fiduċja fis-swieq finanzjarji jenħtieġ li titqies bħala effett sekondarju pożittiv u mhux l-objettiv ta’ trasparenza akbar, li huwa li jinħoloq ambjent bi probabbiltà anqas li jintuża għall-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

    (30)Il-fiduċja tal-investituri u tal-pubbliku ġenerali fis-swieq finanzjarji tiddependi fil-biċċa l-kbira fuq l-eżistenza ta’ reġim ta’ żvelar akkurat li jipprovdi trasparenza fir-rigward tas-sjieda benefiċjarja u l-istrutturi ta’ kontroll kemm ta’ entitajiet korporattivi u ġuridiċi oħra kif ukoll ta’ ċerti tipi ta’ trusts u arranġamenti ġuridiċi simili. Għalhekk jenħtieġ li l-Istati Membri jippermettu l-aċċess għall-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja b’mod suffiċjentement koerenti u kkoordinat, billi jistabbilixxu regoli ċari dwar l-aċċess mill-pubbliku, biex b’hekk partijiet terzi jkunu jistgħu jiddeterminaw, madwar l-Unjoni kollha, min huma s-sidien benefiċjarji kemm ta’ entitajiet korporattivi u ta’ entitajiet ġuridiċi oħrajn kif ukoll, dment li jkun hemm interess leġittimu, ta’ ċerti tipi ta’ trusts u arranġamenti ġuridiċi simili.

    (31)Fir-rigward ta’ entitajiet korporattivi u ġuridiċi oħra, jenħtieġ li jinstab bilanċ ġust b’mod partikolari bejn l-interess tal-pubbliku ġenerali fil-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u d-drittijiet fundamentali tas-suġġetti tad-data. Is-sett ta’ data li għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku jenħtieġ li jkun limitat, kjarament u eżawrjentement definit, u jenħtieġ li jkun ta’ natura ġenerali, b’tali mod li jiġi minimizzat il-preġudizzju potenzjali għas-sidien benefiċjarji. Fl-istess ħin, jenħtieġ li l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ma tkunx sinfikantement differenti mid-data attwalment miġbura. Sabiex tiġi limitata l-interferenza mad-dritt tar-rispett għall-ħajja privata tagħhom inġenerali u b’mod partikolari għall-protezzjoni tad-data personali tagħhom, jenħtieġ li dik l-informazzjoni tkun essenzjalment tirrigwarda l-istatus tas-sidien benefiċjarji ta’ entitajiet korporattivi u ta’ entitajiet ġuridiċi oħrajn u jenħtieġ li tittratta strettament l-isfera ta’ attività ekonomika li fiha joperaw is-sidien benefiċjarji. Fil-każijiet fejn membru tal-maniġment superjuri jkun ġie identifikat bħala s-sid benefiċjarju ex uffiċċju u mhux permezz ta’ interess proprjetarju jew kontroll eżerċitat b’mezzi oħrajn, jenħtieġ li dan ikun kjarament viżibbli fir-reġistri.

    (32)Fil-każ ta’ trusts express u arranġamenti ġuridiċi simili, jenħtieġ li l-informazzjoni tkun aċċessibbli għal kull membru tal-pubbliku ġenerali, dment li jkun jista’ jintwera l-interess leġittimu. Jenħtieġ li dan jinkludi sitwazzjonijiet fejn persuna fiżika jew ġuridika li tippreżenta talba fir-rigward ta’ trust jew arranġament ġuridiċi simili li jkollha interess kontrollanti jew tkun is-sid ta’ interess kontrollanti f’entità ġuridika inkorporata jew maħluqa barra mill-Unjoni permezz ta’ sjieda diretta jew indiretta, inkluż permezz ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji ta’ portatur, jew permezz ta’ kontroll b’mezzi oħrajn. Jenħtieġ li l-interpretazzjoni tal-interess leġittimu mill-Istati Membri ma tillimitax il-kunċett ta’ interess leġittimu għal każijiet ta’ proċedimenti amministrattivi jew ġudizzjarji pendenti, u jenħtieġ li tippermetti li titqies il-ħidma preventiva minn organizzazzjonijiet mhux governattivi u minn ġurnalisti investigattivi fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u r-reati predikati tiegħu u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu. Filwaqt li t-trusts u arranġamenti ġuridiċi oħra jistgħu jintużaw fi strutturi korporattivi kumplessi, l-objettiv primarju tagħhom jibqa’ l-immaniġġjar tal-ġid individwali. Sabiex jintlaħaq bilanċ adegwat bejn l-għan leġittimu tal-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew tal-finanzjament tat-terroriżmu, li l-iskrutinju pubbliku jsaħħaħ, u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-individwi, b’mod partikolari d-dritt għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali, hemm bżonn li jsir provvediment għat-turija ta’ interess leġittimu biex tiġi aċċessata informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja ta’ trusts u ta’ arranġamenti ġuridiċi oħra.

    (33)Sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku tippermetti l-identifikazzjoni korretta tas-sid benefiċjarju, jenħtieġ li jkun hemm sett minimu ta’ data aċċessibbli għall-pubbliku. Jenħtieġ li tali data tippermetti l-identifikazzjoni inekwivoka tas-sid benefiċjarju, filwaqt li jiġi minimizzat l-ammont ta’ data personali pubblikament aċċessibbli. Mingħajr informazzjoni relatata mal-isem, max-xahar u mas-sena tat-twelid u mal-pajjiż ta’ residenza u man-nazzjonalità tas-sid benefiċjarju, ma huwiex possibbli li jiġi stabbilit b’mod mhux ambigwu li persuna fiżika hija s-sid benefiċjarju. Bl-istess mod, in-nuqqas ta’ informazzjoni miżmum dwar l-interess benefiċjarju jagħmilha impossibbli li jiġi ddeterminat għaliex dik il-persuna fiżika jenħtieġ li tiġi identifikata bħala s-sid benefiċjarju. Għalhekk, sabiex jiġu evitati miżinterpretazzjonijiet tal-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja pubblikament disponibbli u biex tiġi żgurata divulgazzjoni proporzjonata tad-data personali konsistenti madwar l-Unjoni kollha, huwa xieraq li jiġi stabbilit is-sett minimu ta’ data li jista’ jiġi aċċessat mill-pubbliku.

    (34)Skrutinju pubbliku msaħħaħ jista’ jikkontribwixxi għall-prevenzjoni tal-użu ħażin ta’ entitajiet ġuridiċi u ta’ arranġamenti ġuridiċi, fosthom l-evitar tat-taxxa. Għaldaqstant, huwa essenzjali li l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja tibqa’ disponibbli permezz tar-reġistri nazzjonali u permezz tas-sistema tal-interkonnessjoni tar-reġistri tas-sjieda benefiċjarja għal minimu ta’ ħames snin wara li r-raġunijiet għar-reġistrazzjoni tal-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja tat-trust jew ta’ arranġament ġuridiċi simili ma jkunux għadhom jeżistu. Madankollu, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jipprevedu bil-liġi l-ipproċessar tal-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja, inkluża d-data personali għal skopijiet oħrajn jekk tali pproċessar jissodisfa objettiv ta’ interess pubbliku u jikkostitwixxi miżura neċessarja u proporzjonata f’soċjetà demokratika għall-iskop leġittimu segwit.

    (35)Barra minn hekk, bil-għan li jiġi żgurat approċċ proporzjonat u bbilanċjat u biex jiġu ggarantiti d-drittijiet għall-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jipprevedu eżenzjonijiet għall-iżvelar ta’ informazzjoni personali dwar is-sid benefiċjarju mir-reġistri ta’ informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja u għall-aċċess għal tali informazzjoni, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, fejn dik l-informazzjoni tesponi lis-sid benefiċjarju għal riskju sproporzjonat ta’ frodi, ħtif, rikatt, estorsjoni, fastidju, vjolenza jew intimidazzjoni. Barra minn hekk jenħtieġ li jkun possibbli li l-Istati Membri jirrikjedu li r-reġistrazzjoni ssir online biex b’hekk tiġi identifikata kull persuna li titlob informazzjoni mir-reġistru, kif ukoll jirrikjedu l-ħlas ta’ tariffa biex tiġi aċċessat l-informazzjoni fir-reġistru.

    (36)Id-Direttiva (UE) 2018/843 kisbet l-interkonnessjoni tar-reġistri ċentrali tal-Istati Membri li fihom informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja permezz tal-Pjattaforma Ċentrali Ewropea stabbilita permezz tad-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 30 . L-involviment kontinwu tal-Istati Membri fil-funzjonament tas-sistema sħiħa jenħtieġ li jkun żgurat permezz ta’ djalogu regolari bejn il-Kummissjoni u r-rappreżentanti tal-Istati Membri dwar kwistjonijiet relatati mal-operat tas-sistema u dwar l-iżvilupp tagħha fil-futur.

    (37)Permezz tal-interkonnessjoni tar-reġistri tas-sjieda benefiċjarja tal-Istati Membri, kemm l-aċċess nazzjonali kif ukoll dak transfruntier għall-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja tal-arranġamenti ġuridiċi li jinsabu fir-reġistru ta’ kull Stat Membru jenħtieġ li jingħata abbażi tad-definizzjoni ta’ interess leġittimu, bis-saħħa ta’ deċiżjoni meħuda mill-entità rilevanti ta’ dak l-Istat Membru. Sabiex jiġi evitat li d-deċiżjonijiet dwar il-limitazzjoni tal-aċċess għall-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja li ma jkunux ġustifikati ma jistgħux jiġu rieżaminati, jenħtieġ li jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta’ appell kontra tali deċiżjonijiet. Bil-għan li tiġi żgurata reġistrazzjoni u skambju ta’ informazzjoni koerenti u effiċjenti, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-entità tagħhom responsabbli għar-reġistru tikkoopera mal-kontropartijiet tagħha fi Stati Membri oħrajn, tikkondividi l-informazzjoni li tikkonċerna t-trusts u arranġamenti ġuridiċi simili li jkunu regolati bil-liġi ta’ Stat Membru wieħed u amministrati fi Stat Membru ieħor.

    (38)Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 31 japplika għall-ipproċessar tad-data personali għall-fini ta’ din id-Direttiva. Il-persuni fiżiċi li d-data personali tagħhom tkun miżmuma fir-reġistri nazzjonali bħala s-sidien benefiċjarji jenħtieġ li jkunu mgħarrfa dwar ir-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data. Barra minn hekk, jenħtieġ li tkun disponibbli biss data personali li hija aġġornata u li tikkorrispondi għas-sidien benefiċjarji reali, u jenħtieġ li l-benefiċjarji jkunu mgħarrfa dwar id-drittijiet tagħhom taħt il-qafas ġuridiku attwali tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data u l-proċeduri applikabbli għall-eżerċitar ta’ dawk id-drittijiet. Barra minn hekk, biex jiġi evitat l-abbuż tal-informazzjoni fir-reġistri u jiġu bbilanċjati d-drittijiet tas-sidien benefiċjarji, l-Istati Membri jistgħu jqisu opportun li jagħmlu l-informazzjoni dwar il-persuna rikjedenti kif ukoll il-bażi ġuridika għat-talba tagħha disponibbli għas-sid benefiċjarju.

    (39)Dewmien fl-aċċess għall-informazzjoni mill-UIF u minn awtoritajiet kompetenti oħrajn dwar l-identità tad-detenturi ta’ kontijiet bankarji u ta’ pagament u ta’ kaxex ta’ depożitu sikur, speċjalment dawk anonimi, ifixkel il-kxif ta’ trasferimenti ta’ fondi relatati mal-ħasil tal-flus u mat-terroriżmu. Id-data nazzjonali li tippermetti l-identifikazzjoni ta’ kontijiet bankarji u ta’ pagament u ta’ kaxex ta’ depożitu sikur li jappartjenu għal persuna hija frammentata u għalhekk ma hijiex aċċessibbli għall-UIF u għall-awtoritajiet kompetenti oħrajn b’mod tempestiv. Għalhekk huwa essenzjali li jiġu stabbiliti mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati, bħal pereżempju reġistru jew sistema għall-irkupru tad-data, fl-Istati Membri kollha bħala mezz effiċjenti għall-aċċess tempestiv ta’ informazzjoni dwar l-identità ta’ detenturi ta’ kontijiet bankarji u ta’ pagament u ta’ kaxex ta’ depożitu sikur, tad-detenturi delegati tagħhom, u tas-sidien benefiċjarji tagħhom. Meta jiġu applikati d-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess, huwa xieraq li jintużaw mekkaniżmi diġà eżistenti sakemm l-UIF nazzjonali jkunu jistgħu jaċċessaw id-data rikjesta b’mod immedjat u eżatt kif inhi. Jenħtieġ li l-Istati Membri jikkunsidraw il-possibilità li jfornu lil dawn il-mekkaniżmi b’informazzjoni addizzjonali li tkun meqjusa neċessarja u proporzjonata għall-mitigazzjoni aktar effikaċi tar-riskji relatati mal-ħasil tal-flus u mal-finanzjament tat-terroriżmu. Jenħtieġ li tiġi żgurata l-kunfidenzjalità sħiħa fir-rigward ta’ tali investigazzjonijiet u għal talbiet għal informazzjoni relatata mill-UIF u minn awtoritajiet kompetenti għajr dawk l-awtoritajiet responsabbli għall-prosekuzzjoni.

    (40)Sabiex tiġi rrispettata l-privatezza u tiġi protetta d-data personali, jenħtieġ li d-data minima neċessarja għat-twettieq tal-investigazzjonijiet dwar l-AML/CFT tinżamm f’mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati għall-kontijiet bankarji u ta’ pagament, bħal pereżempju reġistri jew sistemi għall-irkupru tad-data. Jenħtieġ li jkun possibbli għall-Istati Membri li jistabbilixxu liema data hija utli u proporzjonata biex tinġabar, filwaqt li jqisu s-sistemi u t-tradizzjonijiet ġuridiċi fis-seħħ sabiex tkun tista' ssir identifikazzjoni kredibbli tas-sidien benefiċjarji. Waqt it-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet relatati ma’ dawk il-mekkaniżmi, l-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu perjodi ta’ żamma li huma ekwivalenti għall-perjodu ta’ żamma tad-dokumentazzjoni u tal-informazzjoni li tinkiseb fl-applikazzjoni tal-miżuri ta’ diliġenza dovuta tal-klijenti. Jenħtieġ li jkun possibbli għall-Istati Membri li jestendu l-perjodu ta’ żamma fuq bażi ġenerali bil-liġi, mingħajr il-ħtieġa ta’ deċiżjonijiet każ b’każ. Jenħtieġ li l-perjodu ta’ żamma addizzjonali ma jaqbiżx il-ħames snin addizzjonali. Jenħtieġ li dak il-perjodu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt nazzjonali li jistabbilixxi rekwiżiti oħra għaż-żamma tad-data li jippermettu deċiżjonijiet fuq bażi ta’ każ b’każ biex jiġu ffaċilitati proċedimenti kriminali jew amministrattivi. L-aċċess għal dawk il-mekkaniżmi jenħtieġ li jkun fuq il-bażi ta’ ħtieġa ta’ tagħrif.

    (41)Permezz tal-interkonnessjoni tal-mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati tal-Istati Membri, l-UIF nazzjonali jkunu jistgħu jiksbu bil-ħeffa informazzjoni transfruntiera dwar l-identità tad-detenturi ta’ kontijiet bankarji u ta’ pagament u ta’ kaxxi ta’ depożitu sikur fi Stati Membri oħra, li jsaħħaħ il-kapaċità tagħhom li jwettqu b’mod effettiv analiżi finanzjarji u jikkooperaw mal-kontropartijiet tagħhom minn Stati Membri oħra. L-aċċess transfruntier dirett għall-informazzjoni dwar kontijiet bankarji u ta’ pagament u dwar kaxxi ta’ depożitu sikur jippermetti lill-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja jipproduċu analiżi finanzjarja fi żmien qasir biżżejjed biex jiġu identifikati każijiet potenzjali ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu u jiggarantixxu azzjoni rapida ta’ infurzar tal-liġi.

    (42)Sabiex jiġi rrispettat id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali u d-dritt għall-privatezza, u biex jiġi limitat l-impatt tal-aċċess transfruntier għall-informazzjoni fil-mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati nazzjonali, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-informazzjoni aċċessibbli permezz tal-punt ta’ aċċess ċentrali għar-reġistri tal-kontijiet bankarji (RKB) se jkun ristrett għall-minimu neċessarju f’konformità mal-prinċipju tal-minimizzazzjoni tad-data sabiex jippermetti l-identifikazzjoni ta’ kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li għandha jew li tikkontrolla kontijiet ta’ pagament u kontijiet bankarji identifikati mill-IBAN u mill-kaxxi ta’ depożitu sikur. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-UIF biss jingħataw aċċess immedjat u sħiħ għall-punt ta’ aċċess ċentrali. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-persunal tal-UIF iżommu standards professjonali għoljin ta’ kunfidenzjalità u ta’ protezzjoni tad-data, li huma ta’ integrità kbira u li għandhom ħiliet xierqa. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu miżuri tekniċi u organizzazzjonali li jiggarantixxu s-sigurtà tad-data skont standards teknoloġiċi għoljin.

    (43)L-interkonnessjoni tal-mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati tal-Istati Membri (reġistri ċentrali jew sistemi ċentrali għall-irkupru tad-data elettronika) li fihom informazzjoni dwar kontijiet bankarji u ta’ pagament u dwar kaxxi ta’ depożitu sikur permezz tal-punt uniku ta’ aċċess RKB tinneċessita l-koordinazzjoni tas-sistemi nazzjonali b’karatteristiċi tekniċi diversi. Għal dan il-għan, jenħtieġ li jiġu żviluppati miżuri u speċifikazzjonijiet tekniċi li jqisu d-differenzi bejn il-mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati nazzjonali.

    (44)Il-proprjetà immobbli hija komodità attraenti għall-kriminali biex jirriċiklaw ir-rikavat mill-attivitajiet illeċiti tagħhom, peress li tippermetti li jinħeba s-sors veru tal-fondi u l-identità tas-sid benefiċjarju. L-identifikazzjoni xierqa u tempestiva ta’ persuna fiżika jew ġuridika propjetarja ta’ proprjetà immobbli min-naħa tal-UIF u minn awtoritajiet kompetenti oħra hija importanti kemm biex jiġu identifikati skemi ta’ ħasil tal-flus kif ukoll għall-iffriżar u għall-konfiska tal-assi. Għalhekk huwa importanti li l-Istati Membri jipprovdu lill-UIF u lill-awtoritajiet kompetenti b’aċċess għall-informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni tempestiva ta’ persuna fiżika jew ġuridika propjetarja ta’ proprjetà immobbli u għall-informazzjoni rilevanti għall-identifikazzjoni tar-riskju u s-suspett tat-tranżazzjoni.

    (45)L-Istati Membri kollha waqqfu, jew jenħtieġ li jwaqqfu UIF operazzjonalment indipendenti u awtonomi biex jiġbru u janalizzaw l-informazzjoni li jirċievu bil-għan li jiġu stabbiliti rabtiet bejn tranżazzjonijiet suspettużi u l-attività kriminali sottostanti sabiex jipprevjenu u jiġġieldu kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Jenħtieġ li l-UIF tkun l-unità nazzjonali ċentrali unika responsabbli biex tirċievi u tanalizza rapporti ta’ tranżazzjonijiet suspettużi, rapporti dwar movimenti fiżiċi transfruntiera ta’ flus kontanti u dwar pagamenti fi flus kontanti li jaqbżu ċertu limitu kif ukoll informazzjoni rilevanti oħra għall-ħasil tal-flus, ir-reati predikati tiegħu jew il-finanzjament tat-terroriżmu ppreżentati mill-entitajiet marbuta b’obbligu. Jenħtieġ li tiġi żgurata l-indipendenza operazzjonali u l-awtonomija tal-UIF billi din tingħata l-l-awtorità u l-kapaċità li twettaq il-funzjonijiet tagħha liberament, inkluża l-kapaċità li tieħu deċiżjonijiet awtonomi fir-rigward tal-analiżi, it-talbiet u t-tixrid ta’ informazzjoni speċifika. F’kull każ, jenħtieġ li l-UIF ikollha d-dritt indipendenti li tibgħat jew li tqassam l-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti. Jenħtieġ li l-UIF tiġi pprovduta b’riżorsi finanzjarji, umani u tekniċi adegwati, b’mod li jiżgura l-awtonomija u l-indipendenza tagħha u li jippermettilha teżerċita l-mandat tagħha b’mod effettiv. Jenħtieġ li l-UIF tkun tista’ tikseb u tuża r-riżorsi meħtieġa biex twettaq il-funzjonijiet tagħha, fuq bażi individwali jew ta’ rutina, ħielsa minn ebda influwenza jew indħil indebitu mill-gvern, mill-industrija jew politiku, li jista’ jikkomprometti l-indipendenza operazzjonali tagħha.

    (46)L-UIF għandhom rwol importanti fl-identifikazzjoni tal-operazzjonijiet finanzjarji tan-netwerks terroristiċi, speċjalment dawk transfruntiera, u fl-identifikazzjoni tal-finanzjaturi tagħhom. L-intelligence finanzjarja tista’ tkun ta’ importanza fundamentali fil-kxif tal-faċilitazzjoni tar-reati terroristiċi kif ukoll tan-netwerks u tal-iskemi tal-organizzazzjonijiet terroristiċi. Hemm differenzi sinifikanti bejn l-UIF f’dak li għandu x’jaqsam mal-funzjonijiet, mal-kompetenzi u mas-setgħat tagħhom. Madankollu jenħtieġ li d-differenzi attwali ma jaffettwawx l-attività ta’ UIF, b’mod partikolari l-kapaċità tagħha li tiżviluppa analiżi preventivi insostenn tal-awtoritajiet kollha responsabbli għall-intelligence, għall-attivitajiet investigattivi u ġudizzjarji, u għall-kooperazzjoni internazzjonali. Fl-eżerċizzju tal-kompiti tagħhom, sar essenzjali li jiġi identifikat is-sett minimu ta’ data li għalih l-UIF jenħtieġ li jkollhom aċċess rapidu u li jkunu jistgħu jiskambjaw mingħajr impedimenti mal-kontropartijiet tagħhom minn Stati Membri oħra. F’kull każ ta’ suspett ta’ ħasil tal-flus, ir-reati predikati tiegħu u f’każijiet li jinvolvu l-finanzjament tat-terroriżmu, jenħtieġ li l-informazzjoni tgħaddi direttament u malajr mingħajr dewmien bla bżonn. Għaldaqstant huwa essenzjali li tkompli tissaħħaħ l-effikaċja u l-effiċjenza tal-UIF, billi jiġu ċċarati s-setgħat tal-UIF u l-kooperazzjoni ta’ bejniethom.

    (47)Is-setgħat tal-UIF jinkludu d-dritt ta’ aċċess dirett jew indirett għall-informazzjoni “finanzjarja”, “amministrattiva” u “relatata mal-infurzar tal-liġi” li huma jeħtieġu biex jiġġieldu l-ħasil tal-flus, ir-reati predikati assoċjati tiegħu u l-finanzjament tat-terroriżmu. In-nuqqas ta’ definizzjoni ta’ x’tipi ta’ informazzjoni jinkludu dawn il-kategoriji ġenerali wassal biex l-UIF ingħataw aċċess għal settijiet konsiderevolment diversifikati ta’ informazzjoni li jaffettwa l-funzjonijiet analitiċi tal-UIF kif ukoll il-kapaċità tagħhom li jikkooperaw b’mod effettiv mal-kontropartijiet tagħhom fi Stati Membri oħra. Għalhekk hemm bżonn li jiġu definiti s-settijiet minimi ta’ informazzjoni “finanzjarja”, “amministrattiva” u “relatata mal-infurzar tal-liġi” li jenħtieġ li jsiru direttament jew indirettament disponibbli għal kull UIF madwar l-Unjoni. Barra minn hekk, l-UIF jenħtieġ li jkunu jistgħu jakkwistaw l-informazzjoni neċessarja kollha relatata mal-funzjonijiet tagħhom malajr minn kwalunkwe entità marbuta b’obbligu. Jenħtieġ li l-UIF tkun anke tista' tikseb tali informazzjoni fuq talba minn UIF oħra u li tiskambja dik l-informazzjoni mal-UIF rikjedenti.

    (48)Il-maġġoranza l-kbira tal-UIF ingħataw is-setgħa li jieħdu azzjoni urġenti u li jissospendu jew jirrifjutaw il-kunsens għal tranżazzjoni sabiex janalizzawha, jikkonfermaw is-suspett u jqassmu r-riżultati tal-attivitajiet analitiċi fost l-awtoritajiet kompetenti. Madankollu, fost id-diversi Stati Membri hemm ċerti varjazzjonijiet f’dak li għandu x’jaqsam mas-setgħa relatata mat-tul tal-posponiment, b’impatt mhux biss fuq il-posponiment ta’ attivitajiet ta’ natura transfruntiera permezz tal-kooperazzjoni bejn l-UIF, iżda anke fuq id-drittijiet fundamentali tal-individwi. Barra minn hekk, sabiex jiġi żgurat li l-UIF għandhom il-kapaċità li jissekwestraw fil-pront il-fondi jew l-assi kriminali u jipprevjenu d-dissipazzjoni tagħhom, anke għall-finijiet ta’ sekwestru, jenħtieġ li l-UIF jingħataw is-setgħa li jissospendu l-użu ta’ kont bankarju jew ta’ pagament sabiex janalizzaw it-tranżazzjonijiet imwettqa permezz tal-kont, jikkonfermaw is-suspett u jxerrdu r-riżultati tal-analiżi bejn l-awtoritajiet kompetenti. Minħabba li s-setgħat ta’ posponiment għandhom impatt fuq id-dritt għall-proprjetà, jenħtieġ li tiġi ggarantita l-preservazzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-persuni affettwati.

    (49)Għall-finijiet ta’ aktar trasparenza u responsabbiltà u sabiex tiżdied is-sensibilizzazzjoni fir-rigward tal-attivitajiet tagħhom, jenħtieġ li l-UIF joħorġu rapporti ta’ attività fuq bażi annwali. Dawn ir-rapporti jenħtieġ li tal-anqas jipprovdu data statistika fir-rigward tar-rapporti ta’ tranżazzjonijiet suspettużi riċevuti, l-għadd ta’ komunikazzjonijiet li saru mal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, l-għadd ta’ talbiet ippreżentati u li waslu mingħand UIF oħra kif ukoll informazzjoni dwar ix-xejriet u t-tipoloġiji identifikati. Dan ir-rapport jenħtieġ li jiġi ppubblikat ħlief għall-elementi li fihom informazzjoni sensittiva u klassifikata. Jenħtieġ li tal-anqas darba fis-sena l-UIF tipprovdi feedback lill-entitajiet marbuta b’obbligu dwar il-kwalità tar-rapporti ta’ tranżazzjonijiet suspettużi, it-tempestività tagħhom, id-deskrizzjoni tas-suspett u kwalunkwe dokument addizzjonali pprovdut. Dan il-feedback jista’ jingħata lil entitajiet marbuta b’obbligu individwali jew lil gruppi ta’ entitajiet marbuta b’obbligu u għandu jkollu l-għan li tittejjeb aktar il-kapaċità tal-entitajiet marbuta b’obbligu li jindividwaw u li jidentifikaw tranżazzjonijiet u attivitajiet suspettużi u jittejbu l-mekkaniżmi ġenerali ta’ rapportar.

    (50)L-iskop tal-UIF huwa li tiġbor u tanalizza l-informazzjoni li tkun waslitilha bil-għan li tistabbilixxi rabtiet bejn it-tranżazzjonijiet suspettużi u l-attività kriminali sottostanti sabiex tipprevjeni u tiġġieled il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, u li tqassam ir-riżultati tal-analiżi tagħha kif ukoll informazzjoni addizzjonali lill-awtoritajiet kompetenti meta jkun hemm raġunijiet ta’ suspett ta’ ħasil tal-flus, reati predikati assoċjati jew finanzjament tat-terroriżmu. Jenħtieġ li UIF ma toqgħodx lura jew tirrifjuta l-iskambju ta’ informazzjoni ma’ UIF oħra, b’mod spontanju jew fuq talba, għal raġunijiet bħan-nuqqas ta’ identifikazzjoni ta’ reat predikat assoċjat, il-karatteristiċi tal-liġijiet kriminali nazzjonali u differenzi bejn id-definizzjonijiet ta’ reati predikati assoċjati jew in-nuqqas ta’ referenza għal reati predikati assoċjati partikolari. Bl-istess mod, jenħtieġ li l-UIF tagħti l-kunsens minn qabel tagħha lil UIF oħra biex tibgħat din l-informazzjoni lil awtoritajiet kompetenti oħra irrispettivament mit-tip ta’ reat predikat assoċjat possibbli sabiex tippermetti l-eżekuzzjoni effettiva tal-funzjoni ta’ disseminazzjoni. UIF irrapportaw diffikultajiet fl-iskambju ta’ informazzjoni minħabba differenzi fid-definizzjonijiet nazzjonali ta’ ċerti reati predikati assoċjati, bħal reati fiskali, li ma humiex armonizzati fid-dritt tal-Unjoni. Jenħtieġ li tali differenzi ma jxekklux l-iskambju reċiproku, id-disseminazzjoni lil awtoritajiet kompetenti oħra u l-użu ta’ dik l-informazzjoni. Jenħtieġ li l-UIF jiżguraw b’mod rapidu, kostruttiv u effikaċi l-aktar firxa wiesgħa ta’ kooperazzjoni internazzjonali ma’ UIF ta’ pajjiżi terzi fir-rigward tal-ħasil tal-flus, ir-reati predikati assoċjati u l-finanzjament tat-terroriżmu f’konformità mar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data fil-każ ta’ trasferimenti tad-data, ir-Rakkomandazzjonijiet tal-FATF u l-Prinċipji Egmont għall-Iskambju ta’ Informazzjoni bejn l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja.

    (51)Jenħtieġ li l-UIF jużaw faċilitajiet sikuri, inklużi kanali ta’ komunikazzjoni protetti, biex jikkooperaw u jiskambjaw l-informazzjoni ma’ xulxin. F’dan ir-rigward, jenħtieġ li tiġi stabbilita sistema għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-UIF tal-Istati Membri (“FIU.net”). Jenħtieġ li s-sistema tkun ġestita u ospitata mill-AMLA. Jenħtieġ li l-UIF jużaw l-FIU.net biex jikkooperaw u jiskambjaw l-informazzjoni bejniethom u tista’ tintuża wkoll, fejn propizju, għall-iskambju ta’ informazzjoni mal-UIF ta’ pajjiżi terzi u ma’ awtoritajiet u korpi oħra tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-UIF jużaw il-potenzjal massimu tal-funzjonalitajiet tal-FIU.net. Jenħtieġ li dawk il-funzjonalitajiet jippermettu lill-UIF iqabblu d-data tagħhom ma’ dik ta’ UIF oħrajn b’mod anonimu bil-għan li jiġu identifikati s-suġġetti ta’ interess għall-UIF fi Stati Membri oħrajn u li jiġu identifikati r-rikavati u l-fondi tagħhom filwaqt li tiġi żgurata protezzjoni sħiħa tad-data personali.

    (52)Huwa importanti li l-UIF jikkooperaw u jiskambjaw l-informazzjoni b’mod effettiv ma’ xulxin. F’dan ir-rigward, jenħtieġ li l-AMLA tipprovdi l-assistenza meħtieġa, mhux biss permezz tal-koordinazzjoni ta’ analiżijiet konġunti ta’ rapporti dwar tranżazzjonijiet transfruntiera suspettużi, iżda wkoll billi tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji dwar il-format li għandu jintuża għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-UIF u linji gwida fir-rigward tal-fatturi rilevanti li għandhom jitqiesu fid-determinazzjoni ta’ jekk rapport ta’ tranżazzjoni suspettuża jikkonċernax Stat Membru ieħor kif ukoll dwar in-natura, il-karatteristiċi u l-objettivi tal-analiżi operazzjonali u strateġika.

    (53)Il-limiti ta’ żmien għall-iskambji ta’ informazzjoni bejn l-UIF huma neċessarji sabiex tiġi żgurata kooperazzjoni rapida, effettiva u konsistenti. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti termini ta’ żmien sabiex tiġi żgurata l-kondiviżjoni effettiva tal-informazzjoni fi żmien raġonevoli jew sabiex jiġu jintlaħqu restrizzjonijiet proċedurali. F’każijiet eċċezzjonali, ġustifikati u urġenti jenħtieġ li jiġu previsti termini iqsar biex l-UIF rikjesta tkun tista’ taċċessa direttament il-bażijiet tad-data fejn tkun miżmuma l-informazzjoni mitluba. Fil-każijiet fejn l-UIF rikjesta ma tkunx tista’ tipprovdi l-informazzjoni fit-termini stabbiliti, jenħtieġ li tinforma lill-kontroparti tagħha b’dan.

    (54)Il-moviment ta’ flus illeċiti jaqsam il-fruntieri u jista’ jaffettwa Stati Membri b’modi differenti. Il-każijiet transfruntiera, li jinvolvu diversi ġurisdizzjonijiet, qed isiru dejjem aktar frekwenti u dejjem aktar sinifikanti, anki minħabba l-attivitajiet imwettqa mill-entitajiet marbuta b’obbligu fuq bażi transfruntiera. Sabiex jittrattaw b’mod effettiv każijiet li jikkonċernaw Stati Membri differenti, jenħtieġ li l-UIF jkunu jistgħu jmorru lil hinn mis-sempliċi skambju ta’ informazzjoni għall-kxif u l-analiżi ta’ tranżazzjonijiet u ta’ attivitajiet suspettużi u jikkondividu l-attività analitika nnifisha. L-UIF irrapportaw ċerti kwistjonijiet importanti li jillimitaw jew li jikkundizzjonaw il-kapaċità tagħhom li jipparteċipaw f’analiżi konġunta. It-twettiq ta’ analiżi konġunta ta’ tranżazzjonijiet u ta’ attivitajiet suspettużi jippermetti lill-UIF jisfruttaw sinerġiji potenzjali, li jużaw informazzjoni minn sorsi differenti, li jiksbu stampa sħiħa tal-attivitajiet anomali u li jarrikkixxu l-analiżi. Jenħtieġ li l-UIF ikunu jistgħu jwettqu analiżijiet konġunti ta’ tranżazzjonijiet u ta’ attivitajiet suspettużi kif ukoll jistabbilixxu u jipparteċipaw f’timijiet konġunti tal-analiżi għal skopijiet speċifiċi u għal perjodu limitat bl-assistenza tal-AMLA. Il-parteċipazzjoni ta’ partijiet terzi tista’ tkun strumentali biex l-analiżijiet konġunti jkollhom eżitu ta’ suċċess. Għalhekk, l-UIF jistgħu jistiednu partijiet terzi biex jipparteċipaw fl-analiżi konġunta meta tali parteċipazzjoni taqa’ fil-mandati rispettivi ta’ dawk il-partijiet terzi.

    (55)Is-superviżjoni effettiva ta’ kull entità marbuta b’obbligu hija essenzjali biex tiġi mħarsa l-integrità tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni u tas-suq intern. Għal dan il-għan, jenħtieġ li l-Istati Membri jimplimentaw superviżjoni effettiva u imparzjali fil-qasam tal-AML/CFT u jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għal kooperazzjoni effikaċi, tempestiva u sostnuta bejn is-superviżuri.

    (56)L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw superviżjoni effettiva u imparzjali bbażata fuq ir-riskju tal-entitajiet kollha marbuta b’obbligu, preferibbilment min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi, permezz ta’ superviżur nazzjonali mhux relatat u indipendenti. Is-superviżuri nazzjonali jenħtieġ li jkunu jistgħu jwettqu firxa komprensiva ta’ kompiti sabiex jeżerċitaw superviżjoni effettiva tal-entitajiet marbuta b’obbligu kollha.

    (57)F’ċerti okkażjonijiet l-Unjoni osservat approċċ laxk għas-superviżjoni tad-dmirijiet tal-entitajiet marbuta b’obbligu f’termini ta’ dmirijiet kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu. Għalhekk, huwa importanti ħafna li s-superviżuri nazzjonali kompetenti, bħala parti mill-mekkaniżmu superviżorju integrat stabbilit minn din id-Direttiva u mir-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għat-twaqqif ta’ Awtorità responsabbli għall-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/421 final], jiksbu ċarezza dwar id-drittijiet u l-obbligi rispettivi tagħhom.

    (58)Sabiex jivvalutaw u jimmonitorjaw b’mod aktar effettiv u regolari r-riskji li għalihom l-entitajiet marbuta b’obbligu huma esposti u l-mod li bih jimplimentaw sanzjonijiet finanzjarji mmirati, hemm bżonn li jiġi ċċarat li s-superviżuri nazzjonali għandhom id-dritt u l-obbligu li jwettqu l-investigazzjonijiet kollha meħtieġa fuq il-post kif ukoll mhux fuq il-post u investigazzjonijiet tematiċi kif ukoll investigazzjonijiet u valutazzjonijiet oħra skont kif iqisu meħtieġ. Dan mhux se jgħin biss lis-superviżuri jiddeċiedu dwar dawk il-każijiet fejn ir-riskji speċifiċi inerenti f’settur ikunu ċari u mifhuma, iżda jagħtihom ukoll l-istrumenti meħtieġa biex ikomplu jxerrdu l-informazzjoni rilevanti lill-entitajiet marbuta b’obbligu u jinforma l-fehim tagħhom dwar ir-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

    (59)L-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni, inkluż it-tixrid ta’ informazzjoni mis-superviżuri lill-entitajiet marbuta b’obbligu taħt is-superviżjoni tagħhom, huma essenzjali biex jiġi ggarantit li s-settur privat jifhem sew in-natura u l-livell tar-riskji tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu li jiffaċċjaw.

    (60)Jenħtieġ li s-superviżuri jadottaw approċċ ibbażat fuq ir-riskju lejn il-ħidma tagħhom, li jenħtieġ li jippermettilhom jikkonċentraw ir-riżorsi tagħhom fejn ir-riskji jkunu l-ogħla, filwaqt li jiġi żgurat li l-ebda settur jew entità ma titħalla esposta għal tentattivi kriminali ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu. Jenħtieġ li l-AMLA jkollha rwol ewlieni fit-trawwim ta’ fehim komuni dwar ir-riskji, u għalhekk jenħtieġ li tiġi fdata bl-iżvilupp tal-parametri referenzjarji u metodoloġija għall-valutazzjoni u għall-klassifikazzjoni tal-profil inerenti u residwu tar-riskju tal-entitajiet marbuta b’obbligu, kif ukoll il-frekwenza li biha tali profil tar-riskju jenħtieġ li jiġi rivedut.

    (61)Id-divulgazzjoni ta’ fatti lill-UIF li jistgħu jkunu relatati mal-ħasil tal-flus jew mal-finanzjament tat-terroriżmu mis-superviżuri hija waħda mill-pedamenti ta’ superviżjoni effiċjenti u effettiva tar-riskji ta’ ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu. Għalhekk, jeħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu sistema li tiżgura li l-UIF ikunu adegwatament u tempestivament infurmati.

    (62)Il-kooperazzjoni bejn is-superviżuri nazzjonali hija essenzjali biex jiġi żgurat approċċ superviżorju komuni madwar l-Unjoni kollha. Sabiex tkun effettiva, din il-kooperazzjoni trid tiġi sfruttata sal-massimu possibbli u irrispettivament min-natura jew mill-istatus rispettiv tas-superviżuri. Minbarra l-kooperazzjoni tradizzjonali - bħall-kapaċità li jwettqu investigazzjonijiet f’isem awtorità superviżorja rikjedenti – huwa xieraq li jingħata mandat biex jitwaqqfu kulleġġi superviżuri AML/CFT fir-rigward tal-entitajiet marbuta b’obbligu li joperaw taħt il-libertà li jipprovdu servizzi jew taħt il-libertà tal-istabbiliment kif ukoll fir-rigward l-entitajiet marbuta b’obbligu li huma parti minn grupp.

    (63)Meta entità marbuta b’obbligu topera stabbilimenti fi Stat Membru ieħor, inkluż permezz ta’ network ta’ aġenti, is-superviżur tal-Istat Membru domiċiljari jenħtieġ li jkun responsabbli biex iwettaq superviżjoni ta' kif l-entità marbuta b’obbligu tapplika l-politiki u l-proċeduri tal-AML/CFT fil-grupp kollu. Dan jista' jinvolvi żjarat fuq il-post fi stabbilimenti bbażati fi Stat Membru ieħor. Jenħtieġ li s-superviżur tal-Istat Membru ta’ domiċilju jikkoopera mill-qrib mas-superviżur tal-Istat Membru ospitanti u jenħtieġ li jinforma lil dan tal-aħħar dwar kwalunkwe kwistjoni li tista' taffettwa l-valutazzjoni tagħhom tal-konformità tal-istabbiliment mar-regoli tal-AML/CFT tal-Istat Membru ospitanti.

    (64)Meta entità marbuta b’obbligu topera stabbilimenti fi Stat Membru ieħor, inkluż permezz ta’ network ta’ aġenti, is-superviżur tal-Istat Membru ospitanti jibqa’ responsabbli għall-infurzar tal-konformità tal-istabbiliment mar-regoli fil-qasam tal-AML/CFT, inkluż fejn xieraq, billi jwettaq spezzjonijiet fuq il-post u monitoraġġ mhux fuq il-post u billi jadotta miżuri adatti u proporzjonati biex jindirizza ksur serju ta’ dawk ir-rekwiżiti. Jenħtieġ li s-superviżur tal-Istat Membru ospitanti jikkoopera mill-qrib mas-superviżur tal-Istat Membru ta’ domiċilju u jenħtieġ li jinforma lil dan tal-aħħar dwar kwalunkwe kwistjoni li tista' taffettwa l-valutazzjoni tiegħu tal-applikazzjoni tal-politiki u tal-proċeduri fil-qasam tal-AML/CFT mill-entità marbuta b’obbligu fil-grupp. Sabiex jiġi eliminat ksur serju tar-regoli fil-qasam tal-AML/CFT li jeħtieġ rimedji immedjati, jenħtieġ li s-superviżur tal-Istat Membru ospitanti jkun jista' japplika miżuri temporanji ta’ rimedju adatti u proporzjonati, applikabbli f’ċirkostanzi simili għall-entitajiet marbuta b’obbligu taħt il-kompetenza tiegħu, sabiex jiġu indirizzati dawn in-nuqqasijiet serji, fejn ikun il-każ, bl-assistenza, jew f’kooperazzjoni mas-superviżur tal-Istat Membru ta’ domiċilju.

    (65)Sabiex tiġi żgurata koordinazzjoni aħjar tal-isforzi u jikkontribwixxu effikaċjament għall-ħtiġijiet tal-mekkaniżmu superviżorju integrat, jenħtieġ li jiġu ċċarati d-dmirijiet rispettivi tas-superviżuri fir-rigward ta’ dawk l-entitajiet marbuta b’obbligu, u jenħtieġ li jiġu previsti mekkaniżmi speċifiċi u proporzjonati ta’ kooperazzjoni.

    (66)Jeħtieġ li l-gruppi transfruntiera jkollhom fis-seħħ politiki u proċeduri ta’ portata wiesgħa fil-livell ta’ grupp. Sabiex jiġi żgurat li l-operazzjonijiet transfruntiera jkunu akkumpanjati minn superviżjoni adegwata, hemm bżonn li jiġu stabbiliti regoli superviżorji dettaljati, li jippermettu lis-superviżuri tal-Istat Membru ta’ domiċilju u lil dawk tal-Istat Membru ospitanti jikkooperaw kemm jista’ jkun ma’ xulxin, irrispettivament min-natura jew mill-istatus rispettiv tagħhom, u mal-AMLA biex jivvalutaw ir-riskji, jimmonitorjaw l-iżviluppi li jistgħu jaffettwaw id-diversi entitajiet li jagħmlu parti mill-grupp u jikkoordinaw azzjoni superviżorja. Minħabba r-rwol ta’ koordinazzjoni tagħha, jenħtieġ li l-AMLA tiġi fdata bid-dmir li tiżviluppa l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li jiddefinixxi d-dmirijiet rispettivi dettaljati tas-superviżuri domiċiljari u dawk ospitanti tal-gruppi, kif ukoll il-modalitajiet ta’ kooperazzjoni bejniethom. Is-sorveljanza tal-implimentazzjoni effettiva tal-politika fil-qasam tal-AML/CFT fil-grupp jenħtieġ li ssir f’konformità mal-prinċipji u mal-modalitajiet ta’ superviżjoni kkonsolidata kif stabbilit fil-leġiżlazzjoni settorjali Ewropea rilevanti.

    (67)Id-Direttiva (UE) 2015/849 kienet tinkludi rekwiżit ġenerali biex is-superviżuri tal-Istati Membri ta’ domiċilju u ta’ dak ospitanti jikkooperaw ma’ xulxin. Tali rekwiżiti ġew sussegwentement imsaħħa biex tiġi evitata l-projbizzjoni jew ir-restrizzjoni irraġonevoli fuq l-iskambju ta’ informazzjoni u fuq il-kooperazzjoni bejn is-superviżuri. Madankollu, fin-nuqqas ta’ qafas ġuridiku ċar, it-twaqqif ta’ kulleġġi tas-superviżuri fil-qasam tal-AML/CFT kien u għadu bbażat fuq linji gwida mhux vinkolanti. Għalhekk hemm bżonn li jiġu stabbiliti regoli ċari għall-organizzazzjoni tal-kulleġġi fil-qasam tal-AML/CFT u li jiġi previst approċċ ikkoordinat u legalment b’saħħtu, li jirrikonoxxi l-ħtieġa għal interazzjoni strutturata bejn is-superviżuri madwar l-Unjoni kollha. F’konformità mar-rwol ta’ koordinazzjoni u ta’ sorveljanza tagħha, jenħtieġ li l-AMLA tiġi fdata bl-iżvilupp tal-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li jiddefinixxi l-kundizzjonijiet ġenerali li jippermettu l-funzjonament xieraq tal-kulleġġi tas-superviżuri fil-qasam tal-AML/CFT.

    (68)L-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni bejn is-superviżuri huma essenzjali fil-kuntest ta’ sistemi finanzjarji globali dejjem aktar integrati. Min-naħa waħda, is-superviżuri tal-Unjoni, inkluża l-AMLA, jenħtieġ li jinfurmaw lil xulxin dwar każijiet li fihom il-liġi ta’ pajjiż terz ma tippermettix l-implimentazzjoni tal-politiki u tal-proċeduri meħtieġa skont ir-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament Dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus]. Min-naħa l-oħra, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħtu l-awtorizzazzjoni tagħhom lis-superviżuri biex jikkonkludu ftehimiet ta’ kooperazzjoni li jipprevedu l-kollaborazzjoni u l-iskambji ta’ informazzjoni kunfidenzjali mal-kontropartijiet tagħhom f’pajjiżi terzi, f’konformità mar-regoli applikabbli għat-trasferimenti ta’ data personali. Minħabba r-rwol ta’ sorveljanza tagħha, jenħtieġ li l-AMLA tagħti l-assistenza tagħha, skont kif meħtieġ, biex tiġi vvalutata l-ekwivalenza tar-rekwiżiti tas-segretezza professjonali applikabbli għall-pajjiż terz kontroparti.

    (69)Id-Direttiva (UE) 2015/849 ppermettiet lill-Istati Membri jafdaw is-superviżjoni ta’ ċerti entitajiet marbuta b’obbligu lil korpi ta’ awtoregolamentazzjoni. Madankollu, il-kwalità u l-intensità tas-superviżjoni eżerċitata minn tali korpi ta’ awtoregolamentazzjoni ma kinux biżżejjed, u ma kienu taħt l-ebda jew kważi l-ebda skrutinju pubbliku. Meta Stat Membru jiddeċiedi li jafda s-superviżjoni lil korp ta’ awtoregolamentazzjoni, jenħtieġ li jaħtar ukoll awtorità pubblika biex tissorvelja l-attivitajiet tal-korp ta’ awtoregolamentazzjoni biex tiżgura li l-eżekuzzjoni ta’ dawk l-attivitajiet hija konformi mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva.

    (70)L-importanza tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu jenħtieġ li twassal biex l-Istati Membri jistabbilixxu sanzjonijiet u miżuri amministrattivi effettivi, proporzjonati u dissważivi fid-dritt nazzjonali fil-każ ta’ nuqqas ta’ rispett tar-rekwiżiti tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus]. Jenħtieġ li l-Istati Membri jagħtu s-setgħa lis-superviżuri nazzjonali biex jimponu tali miżuri fuq entitajiet marbuta b’obbligu biex tiġi rrimedjata s-sitwazzjoni f’każ ta’ ksur u, fejn il-ksur jiġġustifika dan, joħorġu sanzjonijiet pekunarji. Jenħtieġ li l-firxa ta’ sanzjonijiet u ta’ miżuri tkun wiesgħa biżżejjed biex tippermetti lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet kompetenti jifhmu d-differenzi bejn l-entitajiet marbuta b’obbligu, b’mod partikolari bejn l-istituzzjonijiet finanzjarji u ta’ kreditu u entitajiet oħra marbuta b’obbligu, f’dak li għandu x’jaqsam mad-daqs, il-karatteristiċi u n-natura tan-negozju tagħhom.

    (71)Attwalment l-Istati Membri għandhom fis-seħħ firxa varja ta’ sanzjonijiet u ta’ miżuri amministrattivi għall-ksur tad-dispożizzjonijiet preventivi ewlenin u approċċ inkonsistenti lejn l-investigazzjoni u s-sanzjonar tal-ksur tar-rekwiżiti kontra l-ħasil tal-flus, u lanqas hemm fehim komuni bejn is-superviżuri dwar x’jenħtieġ li jikkostitwixxi ksur “serju” u b’hekk jgħarrfu meta jenħtieġ li tiġi imposta sanzjoni amministrattiva. Dik id-diversità hija ta’ detriment għall-isforzi fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u r-rispons tal-Unjoni huwa wieħed frammentat. Għalhekk, jenħtieġ li jiġu stabbiliti kriterji komuni biex jiġi ddeterminat l-aktar rispons superviżorju xieraq fil-każ ta’ ksur u jenħtieġ li tiġi prevista firxa ta’ miżuri amministrattivi li s-superviżuri jistgħu jimponu meta l-ksur ma jkunx serju biżżejjed biex jiġi ppenalizzat b’sanzjoni amministrattiva. Sabiex l-entitajiet marbuta b’obbligu jiġu inċentivati jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus], hemm bżonn li tissaħħaħ in-natura dissważiva tas-sanzjonijiet amministrattivi. Għaldaqstant, jenħtieġ li jiżdied l-ammont minimu tal-penali massima li tista’ tiġi imposta f’każ ta’ ksur serju tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus]. Fit-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet u ta’ miżuri amministrattivi, u ta’ pieni kriminali f’konformità mad-dritt nazzjonali, ma tmurx kontra l-prinċipju ta’ ne bis in idem.

    (72)L-entitajiet marbuta b’obbligu jistgħu jibbenefikaw mil-libertà li jipprovdu servizzi u ta’ stabbiliment fis-suq intern kollu biex joffru l-prodotti u s-servizzi tagħhom madwar l-Unjoni kollha. Sistema superviżorja effettiva tirrikjedi li s-superviżuri jkunu konxji min-nuqqasijiet tal-entitajiet marbuta b’obbligu f’konformità mar-regoli fil-qasam tal-AML/CFT. Għalhekk huwa importanti li s-superviżuri jkunu jistgħu jinfurmaw lil xulxin dwar sanzjonijiet u miżuri amministrattivi imposti fuq entitajiet marbuta b’obbligu, meta tali informazzjoni tkun rilevanti wkoll għal superviżuri oħra.

    (73)Il-pubblikazzjoni ta’ sanzjoni jew ta’ miżura amministrattiva għall-ksur tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus] jista’ jkollha effett dissważiv b’saħħtu biex dak il-ksur ma jiġix ripetut. Barra minn hekk tinforma lill-entitajiet oħra dwar ir-riskji ta’ ħasil tal-flus u finanzjament tar-riskji tat-terroriżmu assoċjati mal-entità marbuta b’obbligu ssanzjonata qabel ma jidħlu f’relazzjoni kummerċjali u tgħin lis-superviżuri fi Stati Membri oħra fir-rigward tar-riskji assoċjati ma’ entità marbuta b’obbligu meta topera fl-Istat Membru tagħhom fuq bażi transfruntiera. Għal dawk ir-raġunijiet, jenħtieġ li jiġi kkonfermat ir-rekwiżit tal-pubblikazzjoni ta’ deċiżjonijiet dwar sanzjonijiet li kontrihom ma jkunx hemm appell. Madankollu, kull pubblikazzjoni ta’ dan it-tip jenħtieġ li tkun proporzjonata u, fit-teħid ta’ deċiżjoni dwar jekk sanzjoni jew miżura amministrattiva tiġix ippubblikata jew le, is-superviżuri jenħtieġ li jqisu l-gravità tal-ksur u l-effett dissważiv li l-pubblikazzjoni x’aktarx ikollha.

    (74)Kien hemm għadd ta’ każijiet fejn impjegati li rrapportaw is-suspetti tagħhom dwar ħasil tal-flus sfaw soġġetti għal theddid jew azzjoni ostili. Huwa kruċjali li din il-kwistjoni tiġi indirizzata biex tiġi żgurata l-effikaċja tas-sistema tal-AML/CFT. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu konxji minn din il-problema u jenħtieġ li jagħmlu dak kollu possibbli biex jipproteġu l-individwi, inklużi l-impjegati u r-rappreżentanti tal-entità marbuta b’obbligu, minn tali theddid jew azzjoni ostili, u biex jipprovdu, f’konformità mad-dritt nazzjonali, protezzjoni xierqa lil tali persuni, b’mod partikolari fir-rigward tad-dritt tagħhom għall-protezzjoni tad-data personali tagħhom u d-dritt tagħhom għal protezzjoni u rappreżentanza ġudizzjarji effettivi.

    (75)Il-politika l-ġdida kompletament integrata u koerenti kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu fil-livell tal-Unjoni, bi rwoli speċifikati kemm għall-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni kif ukoll għal dawk nazzjonali u bil-għan li tiġi żgurata l-kooperazzjoni bla xkiel u kostanti tagħhom. F’dak ir-rigward, il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u tal-Unjoni kollha fil-qasam tal-AML/CFT hija ta’ importanza kbira u jenħtieġ li din tiġi ċċarata u msaħħa. Internament, jibqa’ d-dmir tal-Istati Membri li jipprevedu r-regoli meħtieġa biex jiżguraw li meta dawk li jfasslu l-politika, l-UIF, is-superviżuri, inkluża l-AMLA, u awtoritajiet kompetenti oħra involuti fl-AML/CFT, kif ukoll l-awtoritajiet tat-taxxa u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jaġixxu fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, ikollhom mekkaniżmi effettivi li jippermettulhom jikkooperaw u jikkoordinaw bejniethom, inkluż permezz ta’ approċċ restrittiv għar-rifjut tal-awtoritajiet kompetenti li jikkooperaw u li jiskambjaw l-informazzjoni fuq talba ta’ awtorità kompetenti oħra.

    (76)Sabiex tiġi ffaċilitata u promossa l-kooperazzjoni effettiva, u b’mod partikolari l-iskambju ta’ informazzjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jikkomunikaw lill-Kummissjoni u lill-AMLA l-lista tal-awtoritajiet kompetenti tagħhom u d-dettalji ta’ kuntatt rilevanti.

    (77)Ir-riskju ta’ ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu jista’ jiġi identifikat mis-superviżuri kollha responsabbli għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu. L-informazzjoni ta’ natura prudenzjali relatata mal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u dawk finanzjarji, bħalma hija l-informazzjoni relatata mal-kompetenza u mal-idoneità tad-diretturi u tal-azzjonisti, mal-mekkaniżmi ta’ kontroll intern, mal-governanza jew mal-ġestjoni tal-konformità u tar-riskju, spiss hija indispensabbli għas-superviżjoni adegwata ta’ tali istituzzjonijiet fil-qasam tal-AML/CFT. B’mod simili, l-informazzjoni fil-qasam tal-AML/CFT hija importanti wkoll għas-superviżjoni prudenzjali ta’ tali istituzzjonijiet. Għalhekk, jenħtieġ li l-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni mas-superviżuri fil-qasam tal-AML/CFT u mal-UIF jiġu estiżi għall-awtoritajiet kompetenti kollha responsabbli għas-superviżjoni ta’ dawk l-entitajiet marbuta b’obbligu f’konformità ma’ strumenti ġuridiċi oħra tal-Unjoni, bħad-Direttiva (UE) 2013/36 32 , id-Direttiva (UE) 2014/49 33 , id-Direttiva (UE) 2014/59 34 , id-Direttiva (UE) 2014/92 35 u d-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 36 . Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effikaċi ta’ din il-kooperazzjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jinfurmaw lill-AMLA dwar l-iskambji mwettqa fuq bażi annwali.

    (78)Il-kooperazzjoni ma’ awtoritajiet oħra kompetenti għas-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu skont id-Direttiva (UE) 2014/92 u d-Direttiva (UE) 2015/2366 għandha l-potenzjal li tnaqqas il-konsegwenzi mhux intenzjonati tar-rekwiżiti fil-qasam tal-AML/CFT. L-istituzzjonijiet ta’ kreditu jistgħu jagħżlu li jwaqqfu jew li jillimitaw ir-relazzjonijiet kummerċjali ma’ klijenti jew ma’ kategoriji ta’ klijenti sabiex jevitaw, aktar milli jimmaniġġjaw, ir-riskju. Tali prattiki ta’ tneħħija tar-riskji jistgħu jdgħajfu l-qafas tal-AML/CFT u l-kxif ta’ tranżazzjonijiet suspettużi, peress li jġiegħlu lill-klijenti affettwati jirrikorru għal mezzi ta’ pagament inqas sikuri jew mhux irregolati biex jissodisfaw il-ħtiġijiet finanzjarji tagħhom. Fl-istess ħin, il-prattiki mifruxa tat-tneħħija tar-riskji fis-settur bankarju jistgħu jwasslu għall-esklużjoni finanzjarja ta’ ċerti kategoriji ta’ entitajiet ta’ pagament jew konsumaturi. Is-superviżuri finanzjarji huma fl-aħjar pożizzjoni biex jidentifikaw sitwazzjonijiet fejn istituzzjoni ta’ kreditu tkun irrifjutat li tidħol f’relazzjoni kummerċjali minkejja li possibbilment tkun obbligata tagħmel dan abbażi tad-dritt nazzjonali li jimplimenta d-Direttiva (UE) 2014/92 jew id-Direttiva (UE) 2015/2366, u mingħajr ġustifikazzjoni abbażi tad-diliġenza dovuta tal-klijent dokumentata. Jenħtieġ li s-superviżuri finanzjarji javżaw lill-awtoritajiet responsabbli biex jiżguraw il-konformità tal-istituzzjoni finanzjarja mad-Direttiva (UE) 2014/92 jew mad-Direttiva (UE) 2015/2366 meta jirriżultaw każijiet bħal dawn.

    (79)Il-kooperazzjoni bejn is-superviżuri finanzjarji u l-awtoritajiet responsabbli għall-immaniġġjar tal-kriżijiet tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, bħal, b’mod partikolari, l-awtoritajiet maħtura tal-Iskema ta’ Garanzija tad-Depożiti u l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni, hija neċessarja sabiex jiġu rikonċiljati l-objettivi tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus skont din id-Direttiva u tiġi protetta l-istabbiltà finanzjarja u tad-depożitanti skont id-Direttivi 2014/49/UE u 2014/59/UE. Jenħtieġ li s-superviżuri finanzjarji jissorveljaw l-eżekuzzjoni tad-diliġenza dovuta tal-klijent meta jkun ġie determinat li l-istituzzjoni ta’ kreditu tkun qed tfalli jew li x’aktarx tfalli jew meta d-depożiti jiġu definiti bħala mhux disponibbli, kif ukoll ir-rapportar ta’ kwalunkwe tranżazzjoni suspettuża lill-UIF. Jenħtieġ li s-superviżuri finanzjarji jgħarrfu lill-awtoritajiet responsabbli għall-immaniġġjar ta’ kriżijiet tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment dwar kwalunkwe eżitu rilevanti mid-diliġenza dovuta tal-klijent imwettqa u dwar kwalunkwe kont li jkun ġie sospiż mill-UIF.

    (80)Sabiex tiġi ffaċilitata tali kooperazzjoni fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, l-AMLA, f’konsultazzjoni mal-Awtorità Bankarja Ewropea, jenħtieġ li joħroġ linji gwida li jispeċifikaw l-elementi ewlenin ta’ tali kooperazzjoni inkluż kif jenħtieġ li tiġi skambjata l-informazzjoni.

    (81)Jenħtieġ li l-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni jestendu wkoll għall-awtoritajiet responsabbli għas-superviżjoni u għas-sorveljanza tal-awdituri, peress li tali kooperazzjoni tista’ ssaħħaħ l-effikaċja tal-qafas tal-Unjoni kontra l-ħasil tal-flus.

    (82)L-iskambju ta’ informazzjoni u l-għoti ta’ assistenza bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri huma essenzjali għall-finijiet ta’ din id-Direttiva. Konsegwentement, jenħtieġ li l-Istati Membri ma jipprojbixxux jew jimponu kundizzjonijiet restrittivi irraġonevoli jew bla bżonn fuq tali skambju ta’ informazzjoni u għoti ta’ assistenza.

    (83)Is-superviżuri jenħtieġ li jkunu jistgħu jikkooperaw u jiskambjaw informazzjoni kunfidenzjali, irrispettivament min-natura jew mill-istatus rispettiv tagħhom. Għal dan il-għan, jenħtieġ li jkollhom bażi ġuridika adegwata għall-iskambju ta’ informazzjoni kunfidenzjali u għall-kooperazzjoni. Jenħtieġ li l-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni ma’ awtoritajiet oħra kompetenti għas-superviżjoni jew għas-sorveljanza ta’ entitajiet marbuta b’obbligu skont atti oħra tal-Unjoni ma jiġux imfixkla involontarjament minn inċertezza tad-dritt li tista’ tkun ġejja minn nuqqas ta’ dispożizzjonijiet espliċiti f’dan il-qasam. Kjarifika tal-qafas ġuridiku hija saħansitra aktar importanti peress li f’għadd ta’ każijiet, is-superviżjoni prudenzjali ġiet fdata lil superviżuri mhux fil-qasam tal-AML/CFT, bħal pereżempju l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE).

    (84)L-effikaċja tal-qafas tal-Unjoni fil-qasam tal-AML/CFT tiddependi fuq il-kooperazzjoni bejn firxa wiesgħa ta’ awtoritajiet kompetenti. Sabiex tiġi ffaċilitata din il-kooperazzjoni, jenħtieġ li l-AMLA tiġi fdata bl-iżvilupp ta’ linji gwida f’koordinazzjoni mal-BĊE, mal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej, mal-Europol, mal-Eurojust, u mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti kollha. Tali linji gwida jenħtieġ li jiddeskrivu wkoll il-mod kif l-awtoritajiet kompetenti għas-superviżjoni jew għas-sorveljanza tal-entitajiet marbuta b’obbligu skont atti oħra tal-Unjoni jenħtieġ li jqisu t-tħassib dwar il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu fl-eżerċizzju tad-dmirijiet tagħhom.

    (85)Ir-Regolament (UE) 2016/679 japplika għall-ipproċessar ta’ data personali għall-finijiet ta’ din id-Direttiva. Ir-Regolament (KE) Nru 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 37 japplika għall-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u mill-korpi tal-Unjoni għall-finijiet ta’ din id-Direttiva. Il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu hija rikonoxxuta bħala raġuni importanti ta’ interess pubbliku mill-Istati Membri kollha. Madankollu, l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-investigazzjoni jew għall-prosekuzzjoni tal-ħasil tal-flus, ir-reati predikati tiegħu jew il-finanzjament tat-terroriżmu, jew dawk li għandhom il-funzjoni li jintraċċaw, jissekwestraw jew jiffriżaw u jikkonfiskaw l-assi kriminali jenħtieġ li jirrispettaw ir-regoli relatati mal-protezzjoni tad-data personali li tiġi pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni bejn il-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali, fosthom id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 38 .

    (86)Huwa essenzjali li l-allinjament ta’ din id-Direttiva mar-Rakkomandazzjonijiet riveduti tal-FATF isir f’konformità sħiħa mad-dritt tal-Unjoni, partikolarment fir-rigward tal-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data, inklużi r-regoli dwar it-trasferimenti tad-data, kif ukoll il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali kif minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni (“il-Karta”). Ċerti aspetti tal-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva jinvolvu l-ġbir, l-analiżi, il-ħżin u l-kondiviżjoni ta’ data ġewwa l-Unjoni u ma’ pajjiżi terzi. Jenħtieġ li tali pproċessar ta’ data personali jkun permess, filwaqt li jiġu rrispettati bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali, unikament għall-finijiet previsti f’din id-Direttiva, u għall-attivitajiet meħtieġa skont din id-Direttiva, bħall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti.

    (87)Id-drittijiet ta’ aċċess għad-data mis-suġġett tad-data huma applikabbli għad-data personali pproċessata għall-fini ta’ din id-Direttiva. Madankollu, l-aċċess mis-suġġett tad-data għal kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ rapport ta’ tranżazzjoni suspettuża jippreġudika serjament l-effikaċja tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Għalhekk l-eċċezzjonijiet u r-restrizzjonijiet għal dak id-dritt f’konformità mal-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2016/679 u, fejn rilevanti, l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 2018/1725, jistgħu jkunu ġġustifikati. Is-suġġett tad-data għandu d-dritt jitlob li awtorità superviżorja msemmija fl-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 2016/679 jew, fejn applikabbli, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, tivverifika l-legalità tal-ipproċessar, u għandu d-dritt li jfittex rimedju ġudizzjarju msemmi fl-Artikolu 79 ta’ dak ir-Regolament. L-awtorità superviżorja msemmija fl-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 2016/679 tista' taġixxi wkoll fuq bażi ex-officio . Mingħajr preġudizzju għar-restrizzjonijiet għad-dritt tal-aċċess, jenħtieġ li l-awtorità superviżorja tkun tista' tinforma lis-suġġett tad-data li seħħew il-verifiki meħtieġa kollha mill-awtorità superviżorja, u dwar ir-riżultat fir-rigward tal-legalità tal-ipproċessar inkwistjoni.

    (88)Sabiex jiġi żgurat skambju kontinwu ta’ informazzjoni bejn l-UIF matul il-perjodu ta’ twaqqif tal-AMLA, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkompli tospita temporanjament l-FIU.net. Sabiex jiġi żgurat l-involviment sħiħ tal-UIF fl-operat tas-sistema, jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħmel skambji regolari mal-Pjattaforma tal-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja tal-UE (il-Pjattaforma tal-“UIF tal-UE”), grupp informali magħmul minn rappreżentanti mill-UIF li ilu attiv mill-2006, li jintuża biex jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-UIF u għall-iskambju ta’ opinjonijiet dwar kwistjonijiet relatati mal-kooperazzjoni.

    (89)Jenħtieġ li l-istandards tekniċi regolatorji jiżguraw armonizzazzjoni konsistenti madwar l-Unjoni kollha. Bħala l-korpi b’għarfien ferm speċjalizzat fil-qasam tal-AML/CFT, huwa opportun li l-AMLA tiġi fdata bl-elaborazzjoni, għall-preżentazzjoni lill-Kummissjoni, ta’ abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li ma jinvolvux għażliet ta’ politika.

    (90)Sabiex jiġu żgurati approċċi konsistenti fost l-UIF u fost is-superviżuri, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti f’konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), biex tissupplimenta din id-Direttiva billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji li jistabbilixxu l-kriterji fir-rigward tal-ħatra u l-funzjonijiet ta’ punt ta’ kuntatt ċentrali ta’ ċerti fornituri tas-servizzi, it-twaqqif ta’ parametri referenzjarji u l-metodoloġija għall-valutazzjoni u għall-klassifikazzjoni tal-profil tar-riskju inerenti u residwu tal-entitajiet marbuta b’obbligu u l-frekwenza tar-reviżjonijiet tal-profil tar-riskju, l-iffissar tad-dettalji tad-dmirijiet tas-superviżuri domiċiljari u dawk ospitanti, u l-modalitajiet ta’ kooperazzjoni bejniethom, l-ispeċifikazzjoni tal-kundizzjonijiet ġenerali għall-funzjonament tal-kulleġġi tas-superviżuri fil-qasam tal-AML u l-funzjonament operazzjonali ta’ tali kulleġġi, id-definizzjoni ta’ indikaturi għall-klassifikazzjoni tal-livell ta’ gravità tal-ksur ta’ din id-Direttiva u l-kriterji li għandhom jitqiesu meta jiġi stabbilit il-livell ta’ sanzjonijiet amministrattivi jew meta jittieħdu miżuri amministrattivi. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, anke fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016. B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

    (91)Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħat ta’ implimentazzjoni sabiex tistabbilixxi metodoloġija għall-ġbir tal-istatistika, tistabbilixxi l-format għas-sottomissjoni tal-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja, tiddefinixxi l-kundizzjonijiet tekniċi għall-interkonnessjoni tar-reġistri tas-sjieda benefiċjarja u tar-reġistri tal-kontijiet bankarji u tal-mekkaniżmi għall-irkupru tad-data kif ukoll biex tadotta standards tekniċi ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw il-format li għandu jintuża għall-iskambju tal-informazzjoni bejn l-UIF tal-Istati Membri. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 39 .

    (92)Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta, b’mod partikolari d-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja (l-Artikolu 7 tal-Karta), id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali (l-Artikolu 8 tal-Karta) u l-libertà ta’ intrapriża (l-Artikolu 16 tal-Karta).

    (93)Meta tfassal rapport li jivvaluta l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħti l-kunsiderazzjoni dovuta għar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta.

    (94)Minħabba li l-objettivi ta’ din id-Direttiva, jiġifieri t-twaqqif ta’ mekkaniżmu koordinat u koerenti għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu, ma jistgħux jinkisbu suffiċjentement mill-Istati Membri, iżda, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni proposta, jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi.

    (95)F’konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni 40 , l-Istati Membri impenjaw ruħhom li, f’każijiet ġustifikati, in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom tkun akkumpanjata minn dokument wieħed jew iktar fejn tiġi spjegata l-korrelazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet ekwivalenti tal-istrumenti nazzjonali ta’ traspożizzjoni. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta’ dawk id-dokumenti hija ġustifikata.

    (96)Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2018/1725 [u ta opinjoni fi ... 41 ].

    (97)Għalhekk jenħtieġ li d-Direttiva (UE) 2015/849 titħassar,

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    KAPITOLU I

    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    Taqsima 1

    Suġġett, kamp ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet

    Artikolu 1

    Suġġett

    Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli dwar:

    (a)il-miżuri applikabbli għas-setturi esposti għall-ħasil tal-flus u għall-finanzjament tat-terroriżmu fuq livell nazzjonali;

    (b)l-identifikazzjoni tar-riskji ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu fil-livell tal-Unjoni u fil-livell tal-Istati Membri;

    (c)it-twaqqif u l-aċċess għal reġistri dwar is-sjieda benefiċjarja, dwar il-kontijiet bankarji u dwar il-proprjetà immobbli;

    (d)ir-responsabbiltajiet u l-kompiti tal-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja (UIF);

    (e)ir-responsabbiltajiet u l-kompiti tal-korpi involuti fis-superviżjoni tal-entitajiet marbuta b’obbligu,

    (f)il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-kooperazzjoni mal-awtoritajiet koperti minn atti oħra tal-Unjoni.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/420 final].

    Għandhom japplikaw ukoll dawn id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1)“superviżur finanzjarju” tfisser superviżur responsabbli għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u dawk finanzjarji;

    (2)“entitajiet marbuta b’obbligu” tfisser il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi elenkati fl-Artikolu 3 tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/420 final] li ma humiex eżenti f’konformità mal-Artikolu 4,5,6 ta’ dak ir-Regolament;

    (3)“Stat Membru ta’ domiċilju” tfisser l-Istat Membru fejn jinsab l-uffiċċju reġistrat tal-entità marbuta b’obbligu jew, jekk l-entità marbuta b’obbligu ma jkollhiex uffiċċju reġistrat, l-Istat Membru li fih jinsab l-uffiċċju prinċipali tagħha;

    (4)“Stat Membru ospitanti” tfisser l-Istat Membru minbarra l-Istat Membru ta’ domiċilju li fih l-entità marbuta b’obbligu għandha sussidjarja jew fergħa jew tipprovdi servizzi;

    (5)“awtoritajiet doganali” tfisser l-awtoritajiet doganali kif definiti fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 42 u l-awtoritajiet kompetenti kif definit fil-punt (g) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2018/1672 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 43 ;

    (6)“kulleġġ tas-superviżuri fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus/finanzjament tat-terroriżmu” jew “kulleġġ tas-superviżuri fil-qasam tal-AML/CFT” tfisser struttura permanenti għall-kooperazzjoni u għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni għall-finijiet tas-superviżjoni ta’ grupp jew ta’ entità li topera fuq bażi transfruntiera;

    (7)“entità li topera fuq bażi transfruntiera” tfisser entità marbuta b’obbligu li jkollha mill-inqas stabbiliment wieħed fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz;

    (8)“stabbiliment” tfisser fergħa jew xi forma oħra ta’ stabbiliment ta’ entità marbuta b’obbligu li topera fi Stat Membru jew f’pajjiż terz differenti mill-pajjiż fejn huwa stabbilit l-uffiċċju prinċipali tagħha, jew is-sussidjarja ta’ impriża omm stabbilita f’pajjiż differenti mill-pajjiż fejn tkun ġiet stabbilita dik l-impriża omm.

    Taqsima 2

    Miżuri nazzjonali f’setturi esposti għall-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu

    Artikolu 3

    Identifikazzjoni tas-setturi esposti fuq livell nazzjonali

    1.Meta l-valutazzjoni tar-riskju nazzjonali mwettqa mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 8 tidentifika li, minbarra l-entitajiet marbuta b’obbligu, hemm entitajiet f’setturi oħra li huma esposti għal riskji ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li japplikaw ir-rekwiżiti tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus – COM/2021/420 final] għal dawk l-entitajiet addizzjonali.

    2.Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jibagħtu notifika lill-Kummissjoni fejn jgħarrfuha bl-intenzjoni tagħhom li japplikaw ir-rekwiżiti tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/420 final] għal entitajiet f’setturi addizzjonali, akkumpanjata minn:

    (a)ġustifikazzjoni tar-riskji ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu li fuqhom hija bbażata din l-intenzjoni;

    (b)valutazzjoni tal-impatt li tali estensjoni se jkollha fuq il-provvista ta’ servizzi fis-suq intern;

    (c)it-test tal-miżuri nazzjonali li l-Istat Membru biħsiebu jadotta.

    3.L-Istati Membri għandhom jissospendu l-adozzjoni tal-miżuri nazzjonali msemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 2, għal sitt xhur mid-data tan-notifika msemmija fil-paragrafu 2.

    4.Qabel ma jintemm il-perjodu msemmi fil-paragrafu 3, il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Awtorità responsabbli għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu stabbilita bir-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għat-twaqqif ta’ Awtorità Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/421 final] (l-AMLA), għandha toħroġ opinjoni dettaljata dwar jekk il-miżura prevista:

    (a)hijiex adegwata biex tindirizza r-riskji identifikati, b’mod partikolari dwar jekk ir-riskji identifikati mill-Istat Membru jikkonċernawx is-suq intern;

    (b)tistax toħloq ostakli għall-moviment liberu tas-servizzi jew tal-kapital jew għal-libertà tal-istabbiliment ta’ operaturi tas-servizzi fis-suq intern li ma humiex proporzjonati għar-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu li l-miżura għandha l-għan li ttaffi.

    L-opinjoni dettaljata għandha tindika wkoll jekk il-Kummissjoni għandhiex l-intenzjoni li tipproponi azzjoni fil-livell tal-Unjoni.

    5.Meta l-Kummissjoni ma tqisx li jkun xieraq li tipproponi azzjoni fil-livell tal-Unjoni, l-Istat Membru kkonċernat għandu, fi żmien xahrejn minn meta jirċievi l-opinjoni dettaljata msemmija fil-paragrafu 4, jirrapporta lill-Kummissjoni dwar l-azzjoni li qed jipproponi li jieħu dwar dik l-opinjoni dettaljata. Il-Kummissjoni għandha tikkummenta dwar l-azzjoni proposta mill-Istat Membru.

    6.Meta l-Kummissjoni tindika l-intenzjoni tagħha li tipproponi azzjoni fil-livell tal-Unjoni, l-Istat Membru kkonċernat għandu jastjeni milli jadotta l-miżuri nazzjonali msemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 2.

    7.Meta, fi [jekk jogħġbok daħħal id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva], l-Istati Membri jkunu diġà applikaw dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva (UE) 2015/849 f’setturi oħra għajr entitajiet marbuta b’obbligu, huma jistgħu japplikaw ir-rekwiżiti tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/420 final] għal dawk is-setturi.

    Fi żmien [sitt xhur mid-data tat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva], l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar is-setturi identifikati fuq livell nazzjonali skont l-ewwel subparagrafu li għalihom għandhom japplikaw ir-rekwiżiti tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/420 final], akkumpanjata minn ġustifikazzjoni dwar l-iskopertura ta’ dawk is-setturi għar-riskji ta’ ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu. Fi żmien sitt xhur minn tali notifika, il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-AMLA, għandha toħroġ opinjoni dettaljata li tkopri l-punti (a) u (b) tal-paragrafu 4, u tindika jekk għandhiex l-intenzjoni li tipproponi azzjoni fil-livell tal-Unjoni. Meta l-Kummissjoni ma tqisx li jkun xieraq li tipproponi azzjoni fil-livell tal-Unjoni, għandu japplika l-paragrafu 5.

    8.Fi żmien [sena mid-data tat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva] u sussegwentement kull sena, il-Kummissjoni għandha tippubblika lista konsolidata tas-setturi li għalihom l-Istati Membri ddeċidew li japplikaw ir-rekwiżiti tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/420 final] f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 4

    Rekwiżiti relatati ma’ ċerti fornituri ta’ servizzi

    1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-uffiċċji tal-kambju u dawk li jsarrfu ċ-ċekkijiet, u l-fornituri ta’ servizzi ta’ trusts jew ta’ kumpaniji jkunu liċenzjati jew inkella reġistrati.

    2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri kollha ta’ servizzi tal-logħob tal-azzard huma rregolati.

    Artikolu 5

    Punti ta’ kuntatt

    1.L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-emittenti tal-flus elettroniċi kif definiti fl-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2009/110/KE 44 , il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament kif definiti fl-Artikolu 4(11) tad-Direttiva (UE) 2015/2366 u l-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi li joperaw permezz ta’ aġenti stabbiliti fl-Istat Membru ospitanti u li joperaw taħt id-dritt ta’ stabbiliment jew il-libertà li jipprovdu servizzi, u li l-uffiċċju prinċipali tagħhom jkun fi Stat Membru ieħor, li jaħtru punt ta’ kuntatt ċentrali fit-territorju tagħhom. Dak il-punt ta’ kuntatt ċentrali għandu jiżgura, f’isem l-entità li topera fuq bażi transfruntiera, il-konformità mar-regoli tal-AML/CFT u għandu jiffaċilita s-superviżjoni mis-superviżuri, inkluż billi jipprovdi dokumenti u informazzjoni lis-superviżuri fuq talba.

    2.Fi żmien [sentejn mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva], l-AMLA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji u tippreżentah lill-Kummissjoni għall-adozzjoni. Dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji għandu jistabbilixxi l-kriterji għad-determinazzjoni taċ-ċirkostanzi li fihom il-ħatra ta’ punt ta’ kuntatt ċentrali skont il-paragrafu 1 hija adattata, u l-funzjonijiet tal-punti ta’ kuntatt ċentrali.

    3.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tissupplimenta din id-Direttiva billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu f’konformità mal-Artikoli 38 sa 41 tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għat-twaqqif ta’ Awtorità Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/421 final].

    Artikolu 6

    Kontrolli fuq il-maniġment superjuri u fuq is-sidien benefiċjarji ta’ ċerti entitajiet marbuta b’obbligu

    1.L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li s-superviżuri jivverifikaw li l-membri tal-maniġment superjuri fl-entitajiet marbuta b’obbligu msemmija fl-Artikolu 4, u s-sidien benefiċjarji ta’ tali entitajiet, jaġixxu b’onestà u b’integrità. Jenħtieġ li l-maniġment superjuri ta’ tali entitajiet ikollu wkoll l-għarfien u l-kompetenza esperta meħtieġa biex iwettaq il-funzjonijiet tiegħu.

    2.Fir-rigward tal-entitajiet marbuta b’obbligu msemmija fil-punti (3)(a), (b), (d), (e) u (h) sa (l) tal-Artikolu 3 tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/420 final], l-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżuri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jimpedixxu li l-persuni li jkunu nstabu ħatja ta’ ħasil tal-flus, ta’ xi reat predikat tiegħu jew finanzjament tat-terroriżmu jew il-kumpaniji assoċjati tagħhom milli jiġu professjonalment akkreditati, jokkupaw pożizzjoni maniġerjali f’dawn l-entitajiet marbuta b’obbligu jew ikunu s-sidien benefiċjarji tagħhom.

    3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżuri jivverifikaw f’intervalli regolari u abbażi tas-sensittiva għar-riskju jekk ir-rekwiżiti tal-paragrafi 1 u 2 għadhomx qegħdin jiġu sodisfatti. B’mod partikolari, għandhom jivverifikaw jekk il-maniġment superjuri jaġixxix b’onestà u b’integrità u jekk għandux l-għarfien u l-kompetenza esperta meħtieġa biex iwettaq il-funzjonijiet tiegħu f’każijiet fejn ikun hemm raġunijiet fondati biex wieħed jissuspetta li sar, qed isir jew hemm tentattivi biex isir ħasil ta’ flus jew finanzjament tat-terroriżmu, jew hemm riskju akbar li dan isir f’entità marbuta b’obbligu.

    4.Is-superviżuri għandu jkollhom is-setgħa li jitolbu t-tneħħija ta’ kwalunkwe persuna li tkun instabet ħatja ta’ ħasil tal-flus, xi reat predikat assoċjat jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu mir-rwol maniġerjali tal-entitajiet marbuta b’obbligu msemmija fil-paragrafi 1 u 2. Is-superviżuri għandu jkollhom is-setgħa li jneħħu membri tal-maniġment superjuri li ma jitqisux li qed jaġixxu b’onestà u b’integrità u li għandhom l-għarfien u l-kompetenza esperta meħtieġa biex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom.

    5.Meta l-persuna li tkun instabet ħatja ta’ ħasil tal-flus, ta’ xi reat predikat assoċjat jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu jkun is-sid benefiċjarju ta’ entità marbuta b’obbligu msemmija fil-paragrafu 2, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali persuni jistgħu jiġu diżassoċjati minn kull entità marbuta b’obbligu, inkluż billi s-superviżuri jingħataw is-setgħa li jitolbu l-iżvestiment tal-parteċipazzjoni mis-sid benefiċjarju f’entità marbuta b’obbligu.

    6.Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, f’konformità mad-dritt nazzjonali tagħhom, is-superviżuri jew kwalunkwe awtorità oħra kompetenti fuq livell nazzjonali għall-valutazzjoni tal-adegwatezza tal-persuni msemmija fil-paragrafi 1 u 2, jivverifikaw l-eżistenza ta’ kundanna rilevanti fir-rekord kriminali tal-persuna kkonċernata. Kull skambju ta’ informazzjoni għal dawk il-finijiet għandu jsir f’konformità mad-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI u d-Deċiżjoni 2009/316/ĠAI kif implimentati fid-dritt nazzjonali.

    Taqsima 2

    Valutazzjonijiet tar-riskju

    Artikolu 7

    Valutazzjoni tar-riskju supranazzjonali

    1.Il-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjoni tar-riskji ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu li jaffettwaw is-suq intern u relatati ma’ attivitajiet transfruntiera.

    Għal dak il-għan, il-Kummissjoni għandha, sa mhux aktar tard minn [erba’ snin mid-data tat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva], tfassal rapport li jidentifika, janalizza u jevalwa dawk ir-riskji fil-livell tal-Unjoni. Wara dan, il-Kummissjoni għandha taġġorna r-rapport tagħha kull erba’ snin. Il-Kummissjoni tista’ taġġorna partijiet mir-rapport b’mod aktar frekwenti, jekk ikun hemm bżonn.

    2.Ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkopri tal-anqas dan li ġej:

    (a)l-oqsma u s-setturi tas-suq intern li huma esposti għar-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu;

    (b)in-natura u l-livell tar-riskji assoċjati ma’ kull qasam u settur;

    (c)l-aktar mezzi mifruxa użati għall-ħasil ta’ rikavati lleċiti, inklużi, fejn disponibbli, dawk partikolarment użati fi tranżazzjonijiet bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi, indipendentement mill-identifikazzjoni ta’ pajjiż terz skont it-Taqsima 2 tal-Kapitolu III tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/420 final];

    (d)ir-riskji ta’ nonimplimentazzjoni u ta’ evażjoni tas-sanzjonijiet finanzjarji mmirati relatati mal-finanzjament tal-proliferazzjoni.

    3.Il-Kummissjoni għandha tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri dwar il-miżuri idonei biex jiġu indirizzati r-riskji identifikati. Fl-eventwalità li l-Istati Membri jiddeċiedu li ma japplikaw l-ebda rakkomandazzjoni fir-reġimi nazzjonali tagħhom fil-qasam tal-AML/CFT, huma għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dan u jipprovdu ġustifikazzjoni għal tali deċiżjoni.

    4.Fi żmien [tliet snin mid-data tat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva], l-AMLA għandha toħroġ opinjoni indirizzata lill-Kummissjoni dwar ir-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu li jaffettwaw lill-Unjoni. Sussegwentement, l-AMLA għandha toħroġ opinjoni kull sentejn.

    5.Fit-twettiq tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha torganizza l-ħidma fil-livell tal-Unjoni u għandha tqis l-opinjonijiet imsemmija fil-paragrafu 4 u għandha tinvolvi lill-esperti tal-Istati Membri fil-qasam tal-AML/CFT, lir-rappreżentanti mill-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali u mill-UIF, kif ukoll l-AMLA u korpi oħrajn fil-livell tal-Unjoni fejn ikun xieraq.

    6.Fi żmien sentejn mill-adozzjoni tar-rapport imsemmi fil-paragrafu 1, u sussegwentement kull erba’ snin, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-azzjonijiet meħuda abbażi tas-sejbiet ta’ dak ir-rapport.

    Artikolu 8

    Valutazzjoni tar-riskju nazzjonali

    1.Kull Stat Membru għandu jwettaq valutazzjoni tar-riskju nazzjonali biex jiġu identifikati, ivvalutati, mifhuma u mitigati r-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu li jaffettwawh. Għandu jżomm dik il-valutazzjoni tar-riskju aġġornata u jirrevediha mill-inqas kull erba’ snin.

    Kull Stat Membru għandu jieħu wkoll passi xierqa biex jidentifika, jivvaluta, jifhem u jimmitiga r-riskji tan-nonimplimentazzjoni u tal-evażjoni tas-sanzjonijiet finanzjarji mmirati relatati mal-finanzjament tal-proliferazzjoni.

    2.Kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità jew jistabbilixxi mekkaniżmu għall-koordinazzjoni tar-rispons nazzjonali għar-riskji msemmija fil-paragrafu 1. L-identità ta’ dik l-awtorità jew id-deskrizzjoni tal-mekkaniżmu għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni, lill-AMLA u lill-Istati Membri l-oħra.

    3.Fit-twettiq tal-valutazzjonijiet tar-riskju nazzjonali msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom iqisu r-rapport imsemmi fl-Artikolu 7(1).

    4.Kull Stat Membru għandu juża l-valutazzjoni tar-riskju nazzjonali biex:

    (a)itejjeb ir-reġim tal-AML/CFT tiegħu, b’mod partikolari billi jidentifika l-oqsma kollha li fihom l-entitajiet marbuta b’obbligu għandhom japplikaw miżuri msaħħa u, fejn xieraq, jispeċifika l-miżuri li għandhom jittieħdu;

    (b)jidentifika, fejn xieraq, is-setturi jew l-oqsma b’riskju aktar baxx jew b’riskju ogħla ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu;

    (c)jivvaluta r-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu assoċjati ma’ kull tip ta’ persuna ġuridika u arranġament ġuridiku fit-territorju tiegħu u jifhem l-iskopertura għar-riskji derivati minn persuni ġuridiċi barranin u arranġamenti ġuridiċi;

    (d)jiddeċiedi dwar l-allokazzjoni u l-prijoritizzazzjoni tar-riżorsi għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu kif ukoll għan-nonimplimentazzjoni u għall-evażjoni ta’ sanzjonijiet finanzjarji mmirati relatati mal-finanzjament tal-proliferazzjoni;

    (e)jiżgura li jiġu mfassla regoli xierqa għal kull settur jew qasam, f’konformità mar-riskji tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu;

    (f)jagħmel informazzjoni pertinenti disponibbli fil-pront għall-awtoritajiet kompetenti u għall-entitajiet marbuta b’obbligu biex tiffaċilita t-twettiq tal-valutazzjonijiet tar-riskju propji dwar il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu kif ukoll il-valutazzjoni tar-riskji tal-evażjoni tas-sanzjonijiet finanzjarji mmirati relatati mal-finanzjament tal-proliferazzjoni msemmija fl-Artikolu 8 tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/420 final].

    Fil-valutazzjoni tar-riskju nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jiddeskrivu l-istruttura istituzzjonali u l-proċeduri wiesgħa tar-reġim tal-AML/CFT tagħhom, inklużi fost oħrajn l-UIF, il-prosekuturi u l-awtoritajiet tat-taxxa, kif ukoll ir-riżorsi umani u finanzjarji allokati sa fejn din l-informazzjoni tkun disponibbli.

    5.L-Istati Membri għandhom iqiegħdu r-riżultati tal-valutazzjonijiet tar-riskju nazzjonali tagħhom, inklużi l-aġġornamenti tagħhom, għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, tal-AMLA u tal-Istati Membri l-oħra. Kull Stat Membru jista’ jipprovdi informazzjoni addizzjonali rilevanti, fejn ikun il-każ, lill-Istat Membru li jkun qed iwettaq il-valutazzjoni tar-riskju nazzjonali. Sommarju tal-valutazzjoni għandu jkun disponibbli għall-pubbliku. Dak is-sommarju ma għandux ikun fih informazzjoni klassifikata. L-informazzjoni fih ma għandha tippermetti l-identifikazzjoni ta’ ebda persuna fiżika jew ġuridika.

    Artikolu 9

    Statistika

    1.L-Istati Membri għandhom iżommu statistika komprensiva dwar kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-effikaċja tal-oqfsa tagħhom fil-qasam tal-AML/CFT sabiex jirrevedu l-effikaċja ta’ dawk l-oqfsa.

    2.L-istatistika msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi:

    (a)data li tkejjel id-daqs u l-importanza tas-setturi differenti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, inkluż l-għadd ta’ persuni fiżiċi u ta’ entitajiet u l-importanza ekonomika ta’ kull settur;

    (b)data li tkejjel il-fażijiet ta’ rapportar, ta’ investigazzjoni u ġudizzjarji tar-reġim nazzjonali fil-qasam tal-AML/CFT, inkluż l-għadd ta’ rapporti dwar tranżazzjonijiet suspettużi li saru lill-UIF, il-mod kif ġew segwiti dawk ir-rapporti, l-informazzjoni dwar it-trasferimenti fiżiċi transfruntiera ta’ flus sottomessi lill-UIF f’konformità mal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2018/1672 flimkien mal-mod kif ġiet segwita l-informazzjoni ppreżentata u, fuq bażi annwali, l-għadd ta’ każijiet investigati, l-għadd ta’ persuni mħarrka, l-għadd ta’ persuni kkundannati għal reati ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu, it-tipi ta’ reati predikati identifikati f’konformità mal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2018/1673 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 45 fejn tali informazzjoni tkun disponibbli, u l-valur f’euro ta’ proprjetà li tkun ġiet iffriżata, sekwestrata jew konfiskata;

    (c)jekk disponibbli, data li tidentifika l-għadd u l-perċentwal ta’ rapporti li wasslu għal investigazzjonijiet ulterjuri, flimkien mar-rapport annwali mħejji mill-UIF skont l-Artikolu 21;

    (d)data dwar l-għadd ta’ talbiet transfruntiera għall-informazzjoni li jkunu saru, ġew riċevuti, irrifjutati u parzjalment jew kompletament imwieġba mill-UIF, imqassma skont il-pajjiż kontroparti;

    (e)l-għadd ta’ talbiet għall-assistenza legali reċiproka jew ta’ talbiet internazzjonali oħra għall-informazzjoni relatata mas-sjieda benefiċjarja u għall-informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji kif imsemmi fil-Kapitolu IV tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/420 final] u fit-Taqsimiet 1 u 2 tal-Kapitolu II ta’ din id-Direttiva li waslu mingħand jew li saru lil kontropartijiet barra l-Unjoni, imqassma skont l-awtorità kompetenti u l-pajjiż kontroparti;

    (f)ir-riżorsi umani allokati għas-superviżuri kif ukoll ir-riżorsi umani allokati għall-UIF għat-twettiq tal-kompiti speċifikati fl-Artikolu 17;

    (g)l-għadd ta’ azzjonijiet superviżorji fuq il-post u mhux fuq il-post, l-għadd ta’ ksur identifikat abbażi ta’ azzjonijiet superviżorji u sanzjonijiet jew miżuri amministrattivi applikati mill-awtoritajiet superviżorji u mill-korpi ta’ awtoregolamentazzjoni skont it-Taqsima 4 tal-Kapitolu IV;

    (h)l-għadd u t-tip ta’ ksur identifikati fir-rigward tal-obbligi tal-Kapitolu IV tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/420 final] u s-sanzjonijiet jew il-miżuri amministrattivi applikati fir-rigward ta’ dak il-ksur, kif ukoll l-għadd ta’ spezzjonijiet imwettqa mill-entità responsabbli għar-reġistru ċentrali skont l-Artikolu 10(8) ta’ din id-Direttiva.

    3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-istatistika msemmija fil-paragrafu 2 tinġabar u tintbagħat lill-Kummissjoni fuq bażi annwali. L-istatistika msemmija fil-punti (a), (c), (d) u (f) tal-paragrafu 2 għandha tintbagħat wkoll lill-AMLA.

    L-AMLA għandha taħżen dik l-istatistika fil-bażi tad-data tagħha f’konformità mal-Artikolu 11 tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għat-twaqqif ta’ Awtorità Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/421 final].

    4.Fi żmien [tliet snin mid-data tat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva], l-AMLA għandha tadotta opinjoni indirizzata lill-Kummissjoni dwar il-metodoloġija għall-ġbir tal-istatistika msemmija fil-punti (a), (c), (d) u (f) tal-paragrafu 2.

    5.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-metodoloġija għall-ġbir tal-istatistika msemmija fil-paragrafu 2 u l-arranġamenti għat-trażmissjoni tagħha lill-Kummissjoni u lill-AMLA. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 54(2).

    6.Il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport biennali li jippreżenta fil-qosor u jispjega l-istatistika msemmija fil-paragrafu 2, li għandu jkun disponibbli fuq is-sit web tagħha.

    KAPITOLU II

    REĠISTRI

    Taqsima I

    Reġistri tas-sjieda benefiċjarja

    Artikolu 10

    Reġistri tas-sjieda benefiċjarja

    1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja msemmija fl-Artikolu 44 tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/420 final] u l-informazzjoni dwar l-arranġamenti tal-mandatarji msemmija fl-Artikolu 47 ta’ dak ir-Regolament tinżamm f’reġistru ċentrali fl-Istat Membru fejn l-entità ġuridika hija inkorporata jew fejn il-fiduċjarju jew il-persuna b’pożizzjoni ekwivalenti f’arranġament ġuridiċi simili hija stabbilita jew residenti. Tali rekwiżit ma għandux japplika għal kumpaniji elenkati f’suq regolat li huma soġġetti għal rekwiżiti ta’ divulgazzjoni ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti f’din id-Direttiva jew soġġetti għal standards internazzjonali ekwivalenti.

    L-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja li tinsab fir-reġistri ċentrali tista’ tinġabar f’konformità mas-sistemi nazzjonali.

    2.Meta jkun hemm raġunijiet biex tiġi ddubitata l-akkuratezza tal-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja miżmuma fir-reġistri ċentrali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet ġuridiċi u l-arranġamenti ġuridiċi jkunu meħtieġa jipprovdu informazzjoni addizzjonali abbażi tas-sensittiva għar-riskju, inklużi riżoluzzjonijiet tal-bord tad-diretturi u minuti tal-laqgħat tagħhom, ftehimiet ta’ sħubija, atti fiduċjarji, prokuri jew ftehimiet u dokumentazzjoni kuntrattwali oħrajn.

    3.Meta ma jkunx hemm persuna identifikata bħala s-sid benefiċjarju skont l-Artikolu 45(2) u (3) tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/420 final], ir-reġistru ċentrali għandu jinkludi:

    (a)dikjarazzjoni akkumpanjata minn ġustifikazzjoni, li ma hemmx sid benefiċjarju jew li s-sid jew is-sidien benefiċjarji ma setgħux jiġu identifikati u vverifikati;

    (b)id-dettalji tal-persuna jew tal-persuni fiżiċi li jokkupaw il-kariga ta’ uffiċjal maniġerjali superjuri fl-entità korporattiva jew ġuridika ekwivalenti għall-informazzjoni meħtieġa skont il-punt (a) tal-Artikolu 44(1) tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/420 final].

    4.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-format għas-sottomissjoni tal-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja fir-reġistru ċentrali. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 54(2).

    5.L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja miżmuma fir-reġistri ċentrali tkun adegwata, akkurata u aġġornata. Għal dak il-għan, l-Istat Membru għandu japplika tal-anqas ir-rekwiżiti li ġejjin:

    (a)l-entitajiet marbuta b’obbligu għandhom jirrapportaw lill-entità responsabbli għar-reġistri ċentrali kwalunkwe diskrepanza li jsibu bejn l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja disponibbli fir-reġistri ċentrali u l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja disponibbli għalihom skont l-Artikolu 18 tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus].

    (b)l-awtoritajiet kompetenti, jekk ikun xieraq u sa fejn dan ir-rekwiżit ma jfixkilx bla bżonn il-funzjonijiet tagħhom, għandhom jirrapportaw lill-entità responsabbli għar-reġistri ċentrali kwalunkwe diskrepanza li jsibu bejn l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja disponibbli fir-reġistri ċentrali u l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja disponibbli għalihom.

    6.L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li r-rapportar tad-diskrepanzi msemmija fil-paragrafu 5 isir fi żmien 14-il jum kalendarju mill-identifikazzjoni tad-diskrepanza. F’każijiet ta’ riskju aktar baxx li għalihom japplikaw il-miżuri fit-Taqsima 3 tal-Kapitolu III tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus], l-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-entitajiet marbuta b’obbligu jitolbu lill-klijent jirrettifika diskrepanzi ta’ natura teknika li ma jfixklux l-identifikazzjoni tas-sid jew tas-sidien benefiċjarji direttament mal-entità responsabbli għar-reġistri ċentrali.

    7.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entità responsabbli għar-reġistri ċentrali tieħu azzjonijiet xierqa biex tneħħi d-diskrepanzi, inkluż billi timmodifika l-informazzjoni inkluża fir-reġistri ċentrali meta l-entità tkun tista’ tidentifika u tivverifika l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja. Fir-reġistri ċentrali għandu jkun hemm referenza speċifika għall-fatt li hemm diskrepanzi rrapportati u din ir-referenza għandha tkun viżibbli mill-inqas għall-awtoritajiet kompetenti u għall-entitajiet marbuta b’obbligu.

    8.Fil-każ ta’ entitajiet korporattivi u entitajiet ġuridiċi oħra, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entità responsabbli għar-reġistru tas-sjieda benefiċjarja ċentrali tingħata s-setgħa li twettaq kontrolli, inklużi investigazzjonijiet fuq il-post fil-bini jew fl-uffiċċju reġistrat tal-entità ġuridika, sabiex tiġi stabbilita s-sjieda benefiċjarja attwali tal-entità u biex jiġi vverifikat li l-informazzjoni trażmessa lir-reġistru ċentrali hija akkurata, adegwata u aġġornata. Id-dritt tar-Reġistratur tar-reġistru ċentrali li jivverifika tali informazzjoni ma għandux ikun b’xi mod limitat, ostakolat jew prekluż.

    9.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entità responsabbli għar-reġistru ċentrali tingħata s-setgħa li timponi miżuri jew sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi meta entità tonqos milli tipprovdi informazzjoni akkurata, adegwata u aġġornata dwar is-sjieda benefiċjarja tagħhom lir-reġistru.

    10.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jekk, waqt il-kontrolli mwettqa skont dan l-Artikolu, jew b’xi mod ieħor, l-entitajiet responsabbli għar-reġistri tas-sjieda benefiċjarja jiskopru fatti li jistgħu jkunu relatati mal-ħasil tal-flus jew mal-finanzjament tat-terroriżmu, huma għandhom jgħarrfu minnufih lill-UIF.

    11.Ir-reġistri ċentrali għandhom ikunu interkonnessi permezz tal-Pjattaforma Ċentrali Ewropea stabbilita mill-Artikolu 22(1) tad-Direttiva (UE) 2017/1132.

    12.L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun disponibbli permezz tar-reġistri nazzjonali u permezz tas-sistema tal-interkonnessjoni tar-reġistri ċentrali tas-sjieda benefiċjarja għal mill-inqas ħames snin u għal mhux għal aktar minn 10 snin wara li entità korporattiva jew entità ġuridika oħra tkun inqatgħet mir-reġistru.

    Artikolu 11

    Regoli ġenerali dwar l-aċċess għar-reġistri tas-sjieda benefiċjarja minn awtoritajiet kompetenti, minn korpi ta’ awtoregolamentazzjoni u minn entitajiet marbuta b’obbligu

    1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom aċċess tempestiv, liberu u sħiħ għall-informazzjoni miżmuma fir-reġistri ċentrali interkonnessi msemmija fl-Artikolu 10, mingħajr ma jingħata ħjiel lill-entità jew lill-arranġament ikkonċernat.

    2.L-aċċess għar-reġistri ċentrali msemmija fl-Artikolu 10 għandu jingħata lill-UIF, lill-awtoritajiet superviżorji, lill-awtoritajiet pubbliċi b’responsabbiltajiet deżinjati għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, kif ukoll lill-awtoritajiet tat-taxxa u lill-awtoritajiet li għandhom il-funzjoni li jinvestigaw jew jipprosegwixxu l-ħasil tal-flus, ir-reati predikati assoċjati tiegħu u l-finanzjament tat-terroriżmu, it-traċċar u s-sekwestru jew l-iffriżar u l-konfiska ta’ assi kriminali. Il-korpi ta’ awtoregolamentazzjoni għandhom jingħataw aċċess għar-reġistri meta jwettqu funzjonijiet superviżorji.

    3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jieħdu miżuri ta’ diliġenza dovuta tal-klijenti f’konformità mal-Kapitolu III tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus], l-entitajiet marbuta b’obbligu jkollhom aċċess tempestiv għall-informazzjoni miżmuma fir-reġistri ċentrali interkonnessi msemmija fl-Artikolu 10.

    4.Fi żmien [tliet xhur mid-data tat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva], l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-lista tal-awtoritajiet kompetenti u tal-korpi ta’ awtoregolamentazzjoni u l-kategoriji tal-entitajiet marbuta b’obbligu li ngħataw aċċess għar-reġistri u t-tip ta’ informazzjoni disponibbli għall-entitajiet marbuta b’obbligu, kif ukoll l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja li tista’ tiġi aċċessata mill-pubbliku skont l-Artikolu 12. L-Istati Membri għandhom jaġġornaw din in-notifika meta jsir tibdil fil-lista tal-awtoritajiet kompetenti jew fil-kategoriji tal-entitajiet marbuta b’obbligu jew tibdil fil-limitu tal-aċċess mogħti lill-entitajiet marbuta b’obbligu jew lill-pubbliku. Il-Kummissjoni għandha tagħmel l-informazzjoni dwar l-aċċess mill-awtoritajiet kompetenti u mill-entitajiet marbuta b’obbligu, inklużi eventwali bidliet, disponibbli għall-Istati Membri l-oħra.

    Artikolu 12

    Regoli speċifiċi ta’ aċċess għar-reġistri tas-sjieda benefiċjarja għall-pubbliku

    1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull membru tal-pubbliku ġenerali jkollu aċċess għall-informazzjoni li ġejja miżmuma fir-reġistri ċentrali interkonnessi msemmija fl-Artikolu 10:

    (a)fil-każ ta’ entitajiet ġuridiċi, tal-inqas l-isem, ix-xahar u s-sena tat-twelid u l-pajjiż tar-residenza u n-nazzjonalità tas-sid benefiċjarju kif ukoll in-natura u l-livell tal-interess benefiċjarju miżmum;

    (b)fil-każ ta’ trusts express jew arranġamenti ġuridiċi simili, l-isem, ix-xahar u s-sena tat-twelid u l-pajjiż tar-residenza u n-nazzjonalità tas-sid benefiċjarju kif ukoll in-natura u l-livell tal-interess benefiċjarju miżmum, dment li jista’ jintwera interess leġittimu.

    Minbarra l-informazzjoni elenkata fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri jistgħu, taħt kundizzjonijiet li għandhom jiġu ddeterminati fid-dritt nazzjonali, jipprevedu aċċess għal informazzjoni addizzjonali meħtieġa għall-identifikazzjoni tas-sid benefiċjarju. Dik l-informazzjoni addizzjonali għandha tinkludi tal-anqas id-data tat-twelid jew id-dettalji ta’ kuntatt f’konformità mar-regoli tal-Unjoni u tal-Istat Membru dwar il-protezzjoni tad-data.

    2.L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jagħmlu l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja miżmuma fir-reġistri ċentrali tagħhom disponibbli għall-pubbliku bil-kundizzjoni li l-awtentikazzjoni ssir b’mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika u servizzi fiduċjarji rilevanti kif stabbilit fir-Regolament (UE) 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 46 u l-ħlas ta’ tariffa, li ma għandhiex taqbeż il-kostijiet amministrattivi biex l-informazzjoni ssir disponibbli, inklużi l-kostijiet tal-manutenzjoni u tal-iżviluppi tar-reġistru.

    Artikolu 13

    Eċċezzjonijiet għar-regoli dwar l-aċċess għar-reġistri tas-sjieda benefiċjarja

    F’ċirkostanzi eċċezzjonali li għandhom jiġu stipulati fid-dritt nazzjonali, fejn l-aċċess imsemmi fl-Artikoli 11(3) u 12(1) jispiċċa jesponi lis-sid benefiċjarju għal riskju sproporzjonat ta’ frodi, ħtif, rikatt, estorsjoni, fastidju, vjolenza jew intimidazzjoni, jew meta s-sid benefiċjarju huwa minorenni jew inkella legalment inkapaċi, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu eżenzjoni minn tali aċċess għall-informazzjoni personali kollha dwar is-sid benefiċjarju kollha jew għal parti minnha fuq bażi ta’ każ b’każ. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk l-eżenzjonijiet jingħataw wara evalwazzjoni dettaljata tan-natura eċċezzjonali taċ-ċirkostanzi. Id-drittijiet għal rieżami amministrattiv tad-deċiżjoni dwar l-għoti ta’ eżenzjoni u għal rimedju ġudizzjarju effikaċi għandhom ikunu garantiti. Stat Membru li jkun ta eżenzjonijiet għandu jippubblika data statistika annwali dwar l-għadd ta’ eżenzjonijiet mogħtija u r-raġunijiet iddikjarati u jibgħat rapport bid-data lill-Kummissjoni.

    L-eżenzjonijiet mogħtija skont dan l-Artikolu ma għandhomx japplikaw għall-entitajiet marbuta b’obbligu msemmija fil-punt (3)(b) tal-Artikolu 3 tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus] li huma uffiċjali pubbliċi.

    Taqsima 2

    Informazzjoni dwar kontijiet bankarji

    Artikolu 14

    Reġistri tal-kontijiet bankarji u sistemi elettroniċi għall-irkupru tad-data

    1.L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati, bħal reġistri ċentrali jew sistemi elettroniċi ċentrali għall-irkupru tad-data, li jippermettu l-identifikazzjoni tempestiva ta’ xi persuna fiżika jew ġuridika li għandha jew li tikkontrolla kontijiet ta’ pagament u kontijiet bankarji identifikati mill-IBAN, kif definit permezz tar-Regolament (UE) Nru 260/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 47 , u kaxex ta’ depożitu sikur miżmuma minn istituzzjoni ta’ kreditu fit-territorju tagħhom.

    L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-karatteristiċi ta’ dawk il-mekkaniżmi nazzjonali kif ukoll bil-kriterji li abbażi tagħhom l-informazzjoni ġiet inkluża f’dawk il-mekkaniżmi nazzjonali.

    2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-UIF nazzjonali jkunu jistgħu jaċċessaw b’mod dirett l-informazzjoni miżmuma fil-mekkaniżmi ċentralizzati msemmija fil-paragrafu 1 b’mod immedjat u mingħajr ma tkun ġiet iffiltrata. L-informazzjoni għandha tkun aċċessibbli wkoll għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont din id-Direttiva.

    3.L-informazzjoni li ġejja għandha tkun aċċessibbli u jista’ jsir tiftix fiha permezz tal-mekkaniżmi ċentralizzati msemmija fil-paragrafu 1:

    (a)għad-detentur ta’ kont tal-klijenti u kwalunkwe persuna li tiddikjara li qed taġixxi f’isem il-klijent: l-isem, akkumpanjat mid-data ta’ identifikazzjoni l-oħra meħtieġa skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus] jew minn numru ta’ identifikazzjoni uniku;

    (b)għas-sid benefiċjarju tad-detentur ta’ kont tal-klijenti: l-isem, akkumpanjat mid-data ta’ identifikazzjoni l-oħra meħtieġa skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus] jew minn numru ta’ identifikazzjoni uniku;

    (c)għall-kont ta’ pagament jew bankarju: in-numru tal-IBAN u d-data ta’ meta nfetaħ u meta ngħalaq il-kont;

    (d)għall-kaxxa ta’ depożitu sikur: l-isem tal-lokatarju akkumpanjat mid-data ta’ identifikazzjoni l-oħra meħtieġa skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus] jew minn numru ta’ identifikazzjoni uniku u t-tul tal-perjodu lokatizju.

    4.L-Istati Membri jistgħu jitolbu li informazzjoni oħra meqjusa essenzjali għall-UIF u għall-awtoritajiet kompetenti l-oħra biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont din id-Direttiva tkun aċċessibbli u jista’ jsir tiftix fiha permezz tal-mekkaniżmi ċentralizzati.

    5.Il-mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu interkonnessi permezz tal-punt uniku ta’ aċċess għar-reġistri tal-kontijiet bankarji (RKB) li għandu jiġi żviluppat u ġestit mill-Kummissjoni.

    Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-proċeduri għall-konnessjoni tal-mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati tal-Istati Membri mal-punt uniku ta’ aċċess. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 54(2).

    6.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 tkun disponibbli permezz tal-punt uniku ta’ aċċess li jgħaqqad il-mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati. L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri adegwati biex jiżguraw li l-informazzjoni li tkun disponibbli permezz tal-mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati nazzjonali tagħhom u permezz tal-punt uniku ta’ aċċess li jgħaqqad il-mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati msemmija f’dan il-paragrafu tkun biss dik l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 u li din tkun aġġornata u tikkorrispondi għall-informazzjoni attwali dwar il-kont bankarju. L-aċċess għal dik l-informazzjoni għandu jingħata f’konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data.

    L-informazzjoni l-oħra li l-Istati Membri jqisu essenzjali għall-UIF u għall-awtoritajiet kompetenti l-oħra skont il-paragrafu 4 ma għandhiex tkun aċċessibbli permezz tal-punt uniku ta’ aċċess li jgħaqqad il-mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati u ma għandux ikun possibbli li jsir tiftix fiha.

    7.L-UIF nazzjonali għandhom jingħataw aċċess immedjat u sħiħ għall-informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji u ta’ pagament u dwar il-kaxxi ta’ depożitu sikur fi Stati Membri oħra disponibbli permezz tal-punt uniku ta’ aċċess li jgħaqqad il-mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati. L-Istati Membri għandhom jikkooperaw bejniethom u mal-Kummissjoni sabiex jimplimentaw dan il-paragrafu.

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persunal tal-UIF nazzjonali jżomm standards professjonali għoljin ta’ kunfidenzjalità u ta’ protezzjoni tad-data, li huma ta’ integrità kbira u li għandhom ħiliet xierqa.

    8.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġu stabbiliti miżuri tekniċi u organizzazzjonali biex tiġi żgurata s-sigurtà tad-data skont standards teknoloġiċi għoljin għall-finijiet tal-eżerċizzju min-naħa tal-UIF tas-setgħa li jaċċessaw u jfittxu fl-informazzjoni disponibbli permezz tal-punt uniku ta’ aċċess li jgħaqqad il-mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati f’konformità mal-paragrafi 5 u 6.

    Artikolu 15

    Atti ta’ implimentazzjoni għall-interkonnessjoni tar-reġistri

    1.Fejn meħtieġ, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-proċeduri meħtieġa biex tipprevedi l-interkonnessjoni tar-reġistri ċentrali tal-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 10(11) fir-rigward ta’:

    (a)l-ispeċifikazzjoni teknika li tiddefinixxi s-sett ta’ data teknika meħtieġ biex il-pjattaforma tkun tista’ taqdi l-funzjonijiet tagħha kif ukoll il-metodu ta’ ħżin, ta’ użu u ta’ protezzjoni ta’ dik id-data;

    (b)il-kriterji komuni li jirregolaw liema informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja tkun disponibbli permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri, skont il-livell ta’ aċċess mogħti mill-Istati Membri;

    (c)id-dettalji tekniċi dwar kif l-informazzjoni dwar is-sidien benefiċjarji għandha ssir disponibbli;

    (d)il-kundizzjonijiet tekniċi tad-disponibbiltà tas-servizzi pprovduti bis-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri;

    (e)il-modalitajiet tekniċi għall-implimentazzjoni tat-tipi differenti ta’ aċċess għall-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja f’konformità mal-Artikoli 11 u 12 ta’ din id-Direttiva, inkluża l-awtentikazzjoni tal-utenti permezz ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika u servizzi fiduċjarji rilevanti kif stabbilit fir-Regolament (UE) 910/2014;

    (f)il-modalitajiet ta’ ħlas meta l-aċċess għall-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja jkun soġġett għall-ħlas ta’ tariffa skont l-Artikolu 12(2) b’kont meħud tal-faċilitajiet ta’ ħlas disponibbli bħal tranżazzjonijiet ta’ pagamenti remoti.

    Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 54(2).

    2.Fejn meħtieġ, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-proċeduri meħtieġa biex tipprevedi l-interkonnessjoni tal-mekkaniżmi ċentralizzati tal-Istati Membri kif imsemmi fl-Artikolu 14(5) fir-rigward ta’:

    (a)l-ispeċifikazzjoni teknika li tiddefinixxi l-metodi ta’ komunikazzjoni b’mezzi elettroniċi għall-finijiet tal-punt uniku ta’ aċċess għar-reġistri tal-kontijiet bankarji (RKB);

    (b)l-ispeċifikazzjoni teknika tal-protokolli ta’ komunikazzjoni;

    (c)l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jiddefinixxu s-sigurtà tad-data, is-salvagwardji għall-protezzjoni tad-data, l-użu u l-protezzjoni tal-informazzjoni li fiha jista’ jsir tiftix u li hija aċċessibbli permezz tal-punt uniku ta’ aċċess tar-reġistri tal-kontijiet bankarji (RKB) li jgħaqqad il-mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati;

    (d)il-kriterji komuni li abbażi tagħhom l-informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji jista’ jsir tiftix fiha permezz tal-punt uniku ta’ aċċess li jgħaqqad il-mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati;

    (e)id-dettalji tekniċi dwar kif l-informazzjoni ssir disponibbli permezz tal-punt uniku ta’ aċċess li jgħaqqad il-mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati, fosthom l-awtentikazzjoni tal-utenti permezz ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika u servizzi fiduċjarji rilevanti kif stabbilit fir-Regolament (UE) 910/2014;

    (f)il-kundizzjonijiet tekniċi tad-disponibbiltà tas-servizzi pprovduti mill-punt uniku ta’ aċċess li jgħaqqad il-mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati.

    Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 54(2).

    3.Meta tadotta l-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2, il-Kummissjoni għandha tqis it-teknoloġija ppruvata u l-prattiki eżistenti. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-punti uniku ta’ aċċess li se jiġi żviluppat u operat ma jġarrabx spejjeż ogħla minn dak li huwa assolutament meħtieġ sabiex tiġi implimentata din id-Direttiva.

    Taqsima 3

    Reġistri tal-proprjetà immobbli

    Artikolu 16

    Reġistri tal-proprjetà immobbli

    1.L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti b’aċċess għall-informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni tempestiva ta’ kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tkun is-sid ta’ proprjetà immobbli, inkluż permezz ta’ reġistri jew sistemi elettroniċi għall-irkupru tad-data fejn tali reġistri jew sistemi jkunu disponibbli. L-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom ukoll aċċess għall-informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni u l-analiżi ta’ tranżazzjonijiet li jinvolvu proprjetà immobbli, inkluż il-valur ekonomiku tagħhom u d-dettalji tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi involuti f’dawk it-tranżazzjonijiet inkluż, fejn disponibbli, jekk il-persuna fiżika jew ġuridika hijiex propjetarja, tbigħx jew takkwistax proprjetà immobbli f’isem arranġament ġuridiku.

    L-UIF għandhom jingħataw aċċess dirett u immedjat għall-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu.

    2.Fi żmien [tliet xhur mid-data tat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva], l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-lista tal-awtoritajiet kompetenti li ngħataw aċċess għar-reġistri jew għas-sistemi msemmija fil-paragrafu 1 u t-tip ta’ informazzjoni disponibbli għalihom. L-Istati Membri għandhom jaġġornaw din in-notifika meta jsir tibdil fil-lista tal-awtoritajiet kompetenti jew tibdil fil-limitu tal-aċċess għall-informazzjoni mogħti. Il-Kummissjoni għandha tagħmel dik l-informazzjoni, inkluża kwalunkwe bidla fiha, disponibbli għall-Istati Membri l-oħra.

    KAPITOLU III

    UIF

    Artikolu 17

    Twaqqif ta’ UIF

    1.Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi UIF biex tipprevjeni, tindividwa u tiġġieled il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu b’mod effettiv.

    2.L-UIF għandha tkun l-unità nazzjonali ċentrali unika responsabbli biex tirċievi u tanalizza tranżazzjonijiet suspettużi u informazzjoni oħra rilevanti għall-ħasil tal-flus, ir-reati predikati assoċjati jew il-finanzjament tat-terroriżmu ppreżentati mill-entitajiet marbuta b’obbligu f’konformità mal-Artikolu 50 jew rapporti ppreżentati mill-entitajiet marbuta b’obbligu f’konformità mal-punt (b) tal-Artikolu 59(4) tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/420 final] u mill-awtoritajiet doganali skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2018/1672.

    3.L-UIF għandha tkun responsabbli għat-tqassim tar-riżultati tal-analiżi tagħha u kull informazzjoni rilevanti addizzjonali lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra fejn ikun hemm raġunijiet għal suspett ta’ ħasil tal-flus, reati predikati assoċjati jew finanzjament tat-terroriżmu. Għandha tkun tista' tikseb informazzjoni addizzjonali mill-entitajiet marbuta b’obbligu.

    Il-funzjoni ta’ analiżi finanzjarja tal-UIF għandha tikkonsisti f’dan li ġej:

    (a)analiżi operazzjonali li tiffoka fuq każijiet individwali u miri speċifiċi jew fuq informazzjoni magħżula adatta, skont it-tip u l-volum tal-informazzjoni żvelata li tkun irċeviet u l-użu mistenni tal-informazzjoni wara d-disseminazzjoni;

    (b)analiżi strateġika li tindirizza t-tendenzi u x-xejriet tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

    Fi żmien [sena mid-data tat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva], l-AMLA għandha toħroġ linji gwida indirizzati lill-UIF dwar in-natura, il-karatteristiċi u l-objettivi tal-analiżi operazzjonali u strateġika.

    4.Kull UIF għandha topera b’mod indipendenti u awtonomu li jfisser li għandu jkollha l-awtorità u l-kapaċità li twettaq il-funzjonijiet tagħha liberament, inkluża l-kapaċità li tieħu deċiżjonijiet awtonomi li tanalizza, titlob u tqassam informazzjoni speċifika. Għandha tkun ħielsa minn kull influwenza jew indħil indebitu mill-gvern, mill-industrija jew politiku.

    Meta UIF tkun stabbilita fi ħdan l-istruttura eżistenti ta’ awtorità oħra, il-funzjonijiet ewlenin tal-UIF għandhom ikunu indipendenti u operazzjonalment separati mill-funzjonijiet l-oħra tal-awtorità ospitanti.

    5.L-Istati Membri għandhom jipprovdu riżorsi finanzjarji, umani u tekniċi adegwati lill-UIF tagħhom biex iwettqu l-kompiti tagħhom. L-UIF għandhom ikunu jistgħu jiksbu u jużaw ir-riżorsi meħtieġa biex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom. Il-persunal tagħhom għandu jkun ta’ integrità kbira u b’ħiliet xierqa, u jżomm standards professjonali għoljin.

    6.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-UIF għandhom regoli fis-seħħ li jirregolaw is-sigurtà u l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni.

    7.Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-UIF tiegħu tkun tista’ tagħmel arranġamenti jew taħdem indipendentement ma’ awtoritajiet kompetenti nazzjonali oħra skont l-Artikolu 45 dwar l-iskambju ta’ informazzjoni.

    Artikolu 18

    Aċċess għall-informazzjoni

    1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-UIF tagħhom għandhom:

    (a)aċċess dirett u fil-pront, bl-eċċezzjoni tal-punt (ii), għal mill-inqas l-informazzjoni finanzjarja li ġejja:

    (i) informazzjoni li tinsab fil-mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati nazzjonali f’konformità mal-Artikolu 14;

    (ii) informazzjoni dwar trasferimenti elettroniċi;

    (iii) informazzjoni mill-entitajiet marbuta b’obbligu;

    (iv) informazzjoni dwar ipoteki u self;

    (v) informazzjoni li tinsab fil-bażijiet tad-data dwar il-muniti nazzjonali u dawk dwar il-kambju ta’ muniti;

    (vi) informazzjoni dwar titoli;

    (b)aċċess dirett u fil-pront, bl-eċċezzjoni tal-punt (xiv), għal mill-inqas l-informazzjoni amministrattiva li ġejja:

    (i) data fiskali, inkluża data miżmuma mill-awtoritajiet tat-taxxa;

    (ii) reġistri nazzjonali tal-proprjetà immobbli jew sistemi elettroniċi għall-irkupru tad-data u reġistri katastali u tal-artijiet;

    (ii) reġistri taċ-ċittadinanza nazzjonali u tal-popolazzjoni ta’ persuni fiżiċi;

    (iv) reġistri nazzjonali tal-passaporti u tal-viżi;

    (v) bażijiet tad-data dwar l-ivvjaġġar transfruntier;

    (vi) bażijiet tad-data kummerċjali, inklużi reġistri kummerċjali u tal-kumpaniji u bażijiet tad-data dwar persuni politikament esposti;

    (vii) reġistri nazzjonali tal-vetturi bil-mutur, tal-inġenji tal-ajru u tal-opri tal-baħar;

    (viii) reġistri nazzjonali tas-sigurtà soċjali;

    (ix) data doganali, inklużi trasferimenti fiżiċi transfruntiera ta’ flus kontanti;

    (x) reġistri nazzjonali tal-armi;

    (xi) reġistri tas-sjieda benefiċjarja nazzjonali;

    (xii) data disponibbli permezz tal-interkonnessjoni tar-reġistri tas-sjieda benefiċjarja f’konformità mal-Artikolu 10(11).

    (xiii) reġistri dwar organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ;

    (xiv) informazzjoni miżmuma mir-regolaturi u mis-superviżuri finanzjarji nazzjonali, f’konformità mal-Artikolu 45 u mal-Artikolu 50(2);

    (xv) bażijiet tad-data li jaħżnu data dwar l-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet tas-CO2 stabbiliti skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 389/2013 48 .

    (xvi) informazzjoni dwar rapporti finanzjarji annwali tal-kumpaniji;

    (xvii) reġistri nazzjonali tal-migrazzjoni/immigrazzjoni;

    (xviii) informazzjoni miżmuma mill-qrati kummerċjali;

    (xix) informazzjoni miżmuma f’bażijiet tad-data dwar l-insolvenza u minn prattikanti fl-insolvenza;

    (c)aċċess dirett jew indirett għall-informazzjoni li ġejja dwar l-infurzar tal-liġi:

    (i) kwalunkwe tip ta’ informazzjoni jew data diġà miżmuma mill-awtoritajiet kompetenti fil-kuntest tal-prevenzjoni, tal-kxif, tal-investigazzjoni jew tal-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali;

    (ii) kwalunkwe tip ta’ informazzjoni jew data miżmuma mill-awtoritajiet pubbliċi jew minn entitajiet privati fil-kuntest tal-prevenzjoni, tal-kxif, tal-investigazzjoni jew tal-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali u li hija disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti mingħajr ma jittieħdu miżuri koerċittivi skont id-dritt nazzjonali.

    L-informazzjoni msemmija fil-punt (c) tista’ tinkludi rekords kriminali, informazzjoni dwar investigazzjonijiet, informazzjoni dwar l-iffriżar jew is-sekwestru ta’ assi jew dwar miżuri investigattivi jew proviżorji oħrajn u informazzjoni dwar kundanni u konfiski.

    2.Meta l-informazzjoni msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 1 ma tiġix maħżuna f’bażijiet tad-data jew f’reġistri, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-UIF ikunu jistgħu jiksbu dik l-informazzjoni b’mezzi oħra.

    3.Fil-każijiet fejn l-UIF jingħataw aċċess indirett għall-informazzjoni, l-awtorità rikjesta għandha twieġeb għat-talba b’mod tempestiv.

    4.Fil-kuntest tal-funzjonijiet tagħha, kull UIF għandha tkun tista’ titlob, tikseb u tuża l-informazzjoni minn kwalunkwe entità marbuta b’obbligu biex taqdi l-funzjonijiet tagħha skont l-Artikolu 17(3), anki jekk ma jiġi ppreżentat l-ebda rapport minn qabel skont il-punt (a) tal-Artikolu 50(1), jew l-Artikolu 51(1) tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/420 final]. L-entitajiet marbuta b’obbligu ma għandhomx ikunu obbligati jissodisfaw it-talbiet għall-informazzjoni magħmula skont dan il-paragrafu meta dawn jikkonċernaw informazzjoni miksuba fis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 51(2) tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/420 final].

    Artikolu 19

    Tweġibiet għal talbiet għall-informazzjoni

    1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-UIF iwieġbu b’mod tempestiv għal talbiet motivati għall-informazzjoni minn awtoritajiet kompetenti oħra fl-Istat Membru rispettiv tagħhom jew minn awtoritajiet tal-Unjoni kompetenti għall-investigazzjoni jew għall-prosekuzzjoni ta’ attivitajiet kriminali meta tali talbiet għall-informazzjoni jkunu mmotivati minn tħassib relatat mal-ħasil tal-flus, ir-reati predikati assoċjati jew il-finanzjament tat-terroriżmu jew meta din l-informazzjoni tkun meħtieġa biex l-awtorità kompetenti twettaq il-kompiti tagħha skont din id-Direttiva. Id-deċiżjoni biex wieħed jipproċedi għat-tixrid tal-informazzjoni għandha tibqa’ f’idejn l-UIF.

    Meta jkun hemm raġunijiet oġġettivi biex wieħed jassumi li l-għoti ta’ tali informazzjoni se jkollu impatt negattiv fuq investigazzjonijiet jew fuq analiżi li jkunu għaddejjin dak il-ħin, jew, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, meta l-iżvelar tal-informazzjoni jkun kjarament sproporzjonat għall-interessi leġittimi ta’ persuna fiżika jew ġuridika jew irrelevanti f’dak li għandu x’jaqsam mal-għanijiet li għalihom tkun intalbet, l-UIF ma għandha l-ebda obbligu li tosserva t-talba għall-informazzjoni.

    2.L-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu feedback lill-UIF dwar l-użu li jkun sar mill-informazzjoni pprovduta f’konformità ma’ dan l-Artikolu. Tali feedback għandu jingħata mill-aktar fis possibbli u fi kwalunkwe każ, tal-anqas fuq bażi annwali, b’tali mod li l-UIF tiġi infurmata dwar l-azzjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kompetenti abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-UIF u biex l-UIF tkun tista’ taqdi l-funzjoni ta’ analiżi operazzjonali tagħha.

    Artikolu 20

    Sospensjoni jew rifjut tal-kunsens għal tranżazzjoni u sospensjoni ta’ kont

    1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-UIF jingħataw is-setgħa li jieħdu, direttament jew indirettament, azzjoni urġenti meta jkun hemm suspett li tranżazzjoni tkun relatata mal-ħasil tal-flus jew mal-finanzjament tat-terroriżmu, li jissospendu jew jirrifjutaw il-kunsens għall-eżekuzzjoni ta’ tranżazzjoni. Tali sospensjoni għandha tiġi imposta fuq l-entità marbuta b’obbligu fi żmien 48 siegħa minn meta tirċievi r-rapport dwar tranżazzjoni suspettuża sabiex tanalizza t-tranżazzjoni, tikkonferma s-suspett u tikkondividi r-riżultati tal-analiżi mal-awtoritajiet kompetenti. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li soġġett għal salvagwardji proċedurali nazzjonali, it-tranżazzjoni tiġi sospiża għal perjodu ta’ mhux aktar minn 15-il jum kalendarju li jibda jiddekorri mill-jum tal-impożizzjoni ta’ tali sospensjoni fuq l-entità marbuta b’obbligu.

    L-UIF għandu jkollha s-setgħa li timponi tali sospensjoni, direttament jew indirettament, fuq talba ta’ UIF minn Stat Membru ieħor għall-perjodi u skont il-kundizzjonijiet speċifikati fid-dritt nazzjonali tal-UIF li tkun irċeviet it-talba.

    2.Meta jkun hemm suspett li għadd ta’ tranżazzjonijiet li jinvolvu kont bankarju jew ta’ pagament huma relatati mal-ħasil tal-flus jew mal-finanzjament tat-terroriżmu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-UIF jkollha s-setgħa li tieħu, direttament jew indirettament, azzjoni urġenti biex tissospendi l-użu ta’ kont bankarju jew ta’ pagament sabiex tanalizza t-tranżazzjonijiet imwettqa mill-kont, tikkonferma s-suspett u tikkondividi r-riżultati tal-analiżi mal-awtoritajiet kompetenti.

    Tali sospensjoni għandha tiġi imposta fuq l-entità marbuta b’obbligu fi żmien 48 siegħa minn meta tirċievi r-rapport dwar tranżazzjoni suspettuża u din għandha tiġi nnotifikata minnufih lill-awtorità ġudizzjarja kompetenti. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-użu ta’ dak il-kont bankarju jew ta’ pagament jiġi sospiż għal perjodu ta’ mhux aktar minn 5 ijiem li jibda jiddekorri mill-jum li fih tiġi imposta s-sospensjoni. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe estensjoni ta’ tali sospensjoni tkun awtorizzata mill-awtorità ġudizzjarja kompetenti.

    3.L-Istati Membri għandhom jipprevedu l-possibbiltà effettiva li l-persuna li l-kont bankarju jew ta’ pagament tagħha jkun ġie affettwat tikkontesta s-sospensjoni quddiem qorti f’konformità mal-proċeduri previsti fid-dritt nazzjonali.

    4.L-UIF għandhom jingħataw is-setgħa li jimponu s-sospensjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, direttament jew indirettament, fuq talba ta’ UIF minn Stat Membru ieħor skont il-kundizzjonijiet speċifikati fid-dritt nazzjonali tal-UIF li tkun irċeviet it-talba.

    Artikolu 21

    Feedback mill-UIF

    1.Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-UIF tiegħu toħroġ rapport annwali dwar l-attivitajiet tagħha. Ir-rapport għandu jkun fih statistika dwar:

    (a)rapporti dwar tranżazzjonijiet suspettużi ppreżentati minn entitajiet marbuta b’obbligu;

    (b)divulgazzjonijiet mis-superviżuri u mir-reġistri tas-sjieda benefiċjarja;

    (c)disseminazzjonijiet lill-awtoritajiet kompetenti;

    (d)talbiet ippreżentati u riċevuti mingħand UIF oħra;

    (e)data dwar trasferimenti fiżiċi transfruntiera ta’ flus ippreżentata mill-awtoritajiet doganali.

    Ir-rapport imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jkun fih ukoll informazzjoni dwar ix-xejriet u t-tipoloġiji identifikati fil-fajls kondiviżi ma’ awtoritajiet kompetenti oħra.

    L-UIF għandhom jiddisseminaw ir-rapport lill-entitajiet marbuta b’obbligu. Dan ir-rapport għandu jiġi ppubblikat fi żmien erba’ xhur mid-disseminazzjoni tiegħu, ħlief għall-elementi tar-rapport li fihom informazzjoni klassifikata. L-informazzjoni fih ma għandha tippermetti l-identifikazzjoni ta’ ebda persuna fiżika jew ġuridika.

    2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-UIF jipprovdu feedback lill-entitajiet marbuta b’obbligu dwar ir-rapporti ta’ suspetti ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu. Tali feedback għandu jkopri tal-anqas il-kwalità tal-informazzjoni pprovduta, it-tempestività tar-rapportar, id-deskrizzjoni tas-suspett u d-dokumentazzjoni pprovduta fl-istadju tas-sottomissjoni.

    L-UIF għandha tipprovdi tali feedback tal-anqas darba fis-sena, kemm jekk tagħtih lill-entità marbuta b’obbligu individwali jew lil gruppi ta’ entitajiet marbuta b’obbligu, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-għadd kumplessiv ta’ tranżazzjonijiet suspettużi rrapportati mill-entitajiet marbuta b’obbligu.

    Tali feedback għandu jkun disponibbli wkoll għas-superviżuri biex ikunu jistgħu jwettqu superviżjoni bbażata fuq ir-riskju f’konformità mal-Artikolu 31.

    L-obbligu tal-għoti ta’ feedback ma għandux jikkomprometti xi ħidma analitika li tkun għaddejja mill-UIF jew xi investigazzjoni jew azzjoni amministrattiva wara d-disseminazzjoni mill-UIF, u ma għandux jaffettwa l-applikabbiltà tar-rekwiżiti tal-protezzjoni u tal-kunfidenzjalità tad-data.

    3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-UIF jipprovdu feedback tempestiv lill-awtoritajiet doganali dwar l-effikaċja u dwar is-segwitu tal-informazzjoni ppreżentata skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2018/1672.

    Artikolu 22

    Kooperazzjoni bejn l-UIF

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-UIF jikkooperaw kemm jista' jkun ma’ xulxin u mal-kontropartijiet tagħhom f’pajjiżi terzi, irrispettivament mill-istatus organizzazzjonali tagħhom.

    Artikolu 23

    Mezzi ta’ komunikazzjoni protetti

    1.Għandha tiġi stabbilita sistema għall-iskambju tal-informazzjoni bejn l-UIF tal-Istati Membri (l-“FIU.net”). Is-sistema għandha tiżgura l-komunikazzjoni sikura u għandha tkun kapaċi tipproduċi rekord bil-miktub f’kundizzjonijiet li jippermettu li tiġi aċċertata l-awtentiċità tagħha. Dik is-sistema tista’ tintuża wkoll għall-komunikazzjonijiet mal-kontropartijiet tal-UIF f’pajjiżi terzi u ma’ awtoritajiet u korpi oħra tal-Unjoni. L-FIU.net għandha tiġi ġestita mill-AMLA.

    2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull skambju ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 24 jiġi trażmess permezz tal-FIU.net. Fil-każ ta’ ħsara teknika fl-FIU.net, l-informazzjoni għandha tiġi trażmessa b’xi mezz xieraq ieħor li jiżgura livell għoli ta’ sigurtà tad-data.

    Barra minn hekk l-iskambji ta’ informazzjoni bejn l-UIF u l-kontropartijiet tagħhom f’pajjiżi terzi għandhom isiru permezz ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni protetti.

    3.Sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom kif stipulat f’din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-UIF tagħhom jikkooperaw fl-applikazzjoni tat-teknoloġiji tal-ogħla livell f’konformità mad-dritt nazzjonali tagħhom.

    Artikolu 24

    Skambju ta’ informazzjoni bejn l-UIF

    1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-UIF jiskambjaw, minn jeddhom jew fuq talba, kwalunkwe informazzjoni li tista' tkun rilevanti għall-ipproċessar jew għall-analiżi ta’ informazzjoni mill-UIF, relatata mal-ħasil tal-flus, mar-reati predikati assoċjati, jew mal-finanzjament tat-terroriżmu, u l-persuna fiżika jew ġuridika involuta, anki jekk it-tip ta’ reati predikati li jistgħu jkunu involuti ma jkunx identifikat waqt l-iskambju.

    Talba għandu jkun fiha l-fatti rilevanti, informazzjoni ta’ sfond, ir-raġunijiet għat-talba u l-mod kif se tintuża l-informazzjoni mitluba.

    Meta UIF tirċievi rapport skont il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 50(1) tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/420 final] li jikkonċerna Stat Membru ieħor, hija għandha tgħaddi minnufih dak ir-rapport, jew l-informazzjoni rilevanti kollha miksuba minnu, lill-UIF ta’ dak l-Istat Membru.

    2.Fi żmien [sentejn mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva], l-AMLA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni u tippreżentah lill-Kummissjoni għall-adozzjoni. Dak l-abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni għandu jispeċifika l-format li għandu jintuża għall-iskambju tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

    3.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu f’konformità mal-Artikolu 42 tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għat-twaqqif ta’ Awtorità Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/421 final].

    4.Fi żmien [sena mid-data tat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva], l-AMLA għandha toħroġ linji gwida indirizzati lill-UIF dwar il-fatturi rilevanti li għandhom jitqiesu meta jiġi ddeterminat jekk rapport skont il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 50(1) tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/420 final] jikkonċernax Stat Membru ieħor, il-proċeduri li għandhom jiġu stabbiliti meta jintbagħat u jiġi riċevut dak ir-rapport, u s-segwitu li għandu jsir.

    5.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-UIF lil lilha ssir it-talba tuża l-firxa sħiħa tas-setgħat disponibbli għaliha li normalment tuża fuq livell nazzjonali biex tirċievi u tanalizza l-informazzjoni meta twieġeb għal talba għall-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 minn UIF oħra.

    Meta UIF tfittex li tikseb informazzjoni addizzjonali minn entità marbuta b’obbligu stabbilita fi Stat Membru ieħor li topera fit-territorju tal-Istat Membru tagħha, it-talba għandha tiġi indirizzata lill-UIF tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun stabbilita l-entità marbuta b’obbligu. Dik l-UIF għandha tikseb l-informazzjoni f’konformità mal-Artikolu 50(1) tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/420 final] u tibgħat it-tweġibiet fil-pront.

    6.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta UIF tintalab tipprovdi informazzjoni skont il-paragrafu 1, hija twieġeb għat-talba mill-aktar fis possibbli u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn sebat ijiem wara li tkun irċeviet it-talba. F’każijiet eċċezzjonali, debitament ġustifikati, dan it-terminu jista’ jiġi estiż għal massimu ta’ 14-il jum kalendarju. Meta l-UIF rikjesta ma tkunx tista’ tikseb l-informazzjoni mitluba, hija għandha tinforma lill-UIF rikjedenti b’dan.

    7.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li f’każijiet eċċezzjonali, ġustifikati u urġenti u, b’deroga mill-paragrafu 6, meta skont il-paragrafu 1 UIF tintalab tipprovdi informazzjoni li jew tkun miżmuma f’bażi tad-data jew f’reġistru direttament aċċessibbli mill-UIF rikjesta jew li diġà tkun fil-pussess tagħha, l-UIF li lilha ssir it-talba għandha tipprovdi dik l-informazzjoni mhux aktar tard minn 24 siegħa minn meta tirċievi t-talba.

    Jekk l-UIF li lilha ssir it-talba ma tkunx tista’ twieġeb fi żmien 24 siegħa jew ma tkunx tista’ taċċessa l-informazzjoni direttament, hija għandha tipprovdi ġustifikazzjoni. Meta l-għoti tal-informazzjoni mitluba fil-perjodu ta’ 24 siegħa jpoġġi piż sproporzjonat fuq l-UIF rikjesta, hija tista’ tipposponi l-għoti tal-informazzjoni. F’dak il-każ, l-UIF rikjesta għandha tinforma minnufih lill-UIF rikjedenti b’dan il-posponiment u għandha tipprovdi l-informazzjoni mitluba malajr kemm jista’ jkun, iżda mhux aktar tard minn tliet ijiem kalendarji.

    8.UIF tista' tirrifjuta li tiskambja informazzjoni biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali meta l-iskambju jista' jmur kontra l-prinċipji fundamentali tad-dritt nazzjonali tagħha. Dawk iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali għandhom ikunu speċifikati b’mod li jimpedixxi l-abbuż u limitazzjonijiet indebiti fuq l-iskambju liberu ta’ informazzjoni għall-finijiet analitiċi.

    Fi żmien [sena mid-data tat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva], l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali msemmija fl-ewwel subparagrafu. L-Istati Membri għandhom jaġġornaw dawn in-notifiki meta jsir tibdil liċ-ċirkostanzi eċċezzjonali identifikati fuq livell nazzjonali.

    Artikolu 25

    Analiżi konġunti

    1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-UIF tagħhom jistgħu jwettqu analiżi konġunti ta’ tranżazzjonijiet u ta’ attivitajiet suspettużi.

    2.Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-UIF rilevanti, megħjuna mill-AMLA f’konformità mal-Artikolu 33 tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal referenza – proposta għat-twaqqif ta’ Awtorità Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/421 final], għandhom iwaqqfu tim konġunt tal-analiżi għal skop speċifiku u għal perjodu limitat, li jista' jiġi estiż b’kunsens reċiproku, biex iwettqu analiżi operazzjonali ta’ tranżazzjonijiet jew ta’ attivitajiet suspettużi li jinvolvu UIF waħda jew aktar li jikkostitwixxu t-tim.

    3.Tim konġunt tal-analiżi jista’ jiġi stabbilit meta:

    (a)l-analiżi operazzjonali tal-UIF jirrikjedu analiżi diffiċli u impenjattivi minħabba rabtiet ma’ Stati Membri oħra;

    (b)għadd ta’ UIF qed iwettqu analiżi operazzjonali li fihom iċ-ċirkostanzi tal-każ jinneċessitaw azzjoni koordinata u miftiehma fl-Istati Membri involuti.

    Talba għat-twaqqif ta’ tim konġunt tal-analiżi tista’ ssir minn kwalunkwe waħda mill-UIF ikkonċernati.

    4.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-membru tal-UIF tagħhom allokat lit-tim konġunt tal-analiżi jkun jista’, f’konformità mad-dritt nazzjonali tiegħu u fil-limiti tal-kompetenza tiegħu, jipprovdi lit-tim b’informazzjoni disponibbli għall-UIF tiegħu għall-fini tal-analiżi mwettqa mit-tim.

    5.Meta t-tim konġunt tal-analiżi jkun jeħtieġ assistenza minn UIF oħra li ma hijiex parti mit-tim, jista’ jitlob lill-UIF l-oħra biex:

    (a)tingħaqad mat-tim konġunt tal-analiżi;

    (b)tissottometti l-intelligence finanzjarja u l-informazzjoni finanzjarja lit-tim konġunt tal-analiżi.

    Artikolu 26

    Użu li l-UIF jagħmlu mill-informazzjoni skambjata bejniethom

    L-informazzjoni u d-dokumenti riċevuti skont l-Artikoli 22 u 24 għandhom jintużaw għat-twettiq tal-kompiti tal-UIF kif stabbiliti f’din id-Direttiva. Meta tiskambja informazzjoni u dokumenti skont l-Artikoli 22 u 24, l-UIF li tkun qed tittrażmettihom tista' timponi restrizzjonijiet u kundizzjonijiet għall-użu ta’ dik l-informazzjoni. L-UIF riċeventi għandha tirrispetta dawk ir-restrizzjonijiet u l-kundizzjonijiet.

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-UIF jaħtru tal-anqas persuna jew punt uniku ta’ kuntatt li jkun responsabbli biex jirċievi talbiet għall-informazzjoni minn UIF fi Stati Membri oħra.

    Artikolu 27

    Kunsens għad-disseminazzjoni ulterjuri tal-informazzjoni skambjata bejn l-UIF

    1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni skambjata skont l-Artikoli 22 u 24 tintuża biss għall-iskop li għalih tkun intalbet jew ingħatat u li kwalunkwe disseminazzjoni ta’ dik l-informazzjoni mill-UIF riċeventi lil xi awtorità, aġenzija jew dipartiment ieħor, jew kwalunkwe użu ta’ din l-informazzjoni għal skopijiet li jmorru lil hinn minn dawk oriġinarjament approvati, għandha tkun soġġetta għall-kunsens minn qabel tal-UIF li tkun ipprovdiet l-informazzjoni.

    2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kunsens minn qabel tal-UIF rikjesta għad-disseminazzjoni tal-informazzjoni lil-awtoritajiet kompetenti jingħata minnufih u bl-aktar mod wiesgħa possibbli, irrispettivament mit-tip ta’ reati predikati. L-UIF rikjesta ma għandhiex tirrifjuta li tagħti l-kunsens tagħha għal tali disseminazzjoni sakemm dan ma jmurx lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-AML/CFT tagħha jew tista’ xxekkel investigazzjoni jew inkella ma tkunx f’konformità mal-prinċipji fundamentali tad-dritt nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru. Kwalunkwe tali rifjut għall-għoti tal-kunsens għandu jkun spjegat sew. Il-każijiet fejn l-UIF jistgħu jirrifjutaw li jagħtu l-kunsens tagħhom għandhom jiġu speċifikati b’mod li jevita l-abbuż jew limitazzjonijiet indebiti għad-disseminazzjoni tal-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti.

    Artikolu 28

    Effett tad-dispożizzjonijiet tad-dritt penali

    Id-differenzi bejn id-definizzjonijiet ta’ reati predikati fid-dritt nazzjonali ma għandhomx ixekklu l-kapaċità tal-UIF li jipprovdu assistenza lil UIF oħra u ma għandhomx jillimitaw l-iskambju, id-disseminazzjoni u l-użu ta’ informazzjoni skont l-Artikoli 24, 26 u 27.

    KAPITOLU IV

    SUPERVIŻJONI KONTRA L-ĦASIL TAL-FLUS

    Taqsima 1

    Dispożizzjonijiet ġenerali

    Artikolu 29

    Setgħat u riżorsi tas-superviżuri nazzjonali

    1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet kollha marbuta b’obbligu jkunu soġġetti għal superviżjoni adegwata. Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom jaħtru superviżuri biex iwettqu monitoraġġ effettiv u jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-entitajiet marbuta b’obbligu jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/420 final] u mar-rekwiżit għall-implimentazzjoni ta’ sanzjonijiet finanzjarji mmirati.

    2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżuri għandhom riżorsi finanzjarji, umani u tekniċi adegwati biex iwettqu l-kompiti tagħhom kif elenkati fil-paragrafu 4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persunal ta’ dawk l-awtoritajiet huma ta’ integrità kbira u li għandhom ħiliet xierqa, u jżommu standards professjonali għoljin, inklużi standards ta’ kunfidenzjalità, ta’ protezzjoni tad-data u standards li jindirizzaw il-konflitti ta’ interess.

    3.Fil-każ tal-entitajiet marbuta b’obbligu msemmija fil-punti (3)(a), (b) u (d) tal-Artikolu 3 tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/420 final], l-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-funzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu titwettaq minn korpi ta’ awtoregolamentazzjoni, dment li dawk il-korpi ta’ awtoregolamentazzjoni jkollhom is-setgħat imsemmija fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu u jkollhom ir-riżorsi finanzjarji, umani u tekniċi adegwati biex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persunal ta’ dawk il-korpi huma ta’ integrità kbira u għandhom ħiliet adegwati, u jżommu standards professjonali għoljin, inklużi standards ta’ kunfidenzjalità, ta’ protezzjoni tad-data u standards li jindirizzaw il-konflitti ta’ interess.

    4.Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżuri nazzjonali jwettqu l-kompiti li ġejjin:

    (a)jikkondividu l-informazzjoni rilevanti mal-entitajiet marbuta b’obbligu skont l-Artikolu 30;

    (b)jiddeċiedu dwar dawk il-każijiet fejn ir-riskji speċifiċi inerenti f’settur huma ċari u jinftiehmu u l-valutazzjonijiet tar-riskju individwali ddokumentati skont l-Artikolu 8 tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/420 final] ma humiex meħtieġa;

    (c)jivverifikaw l-adegwatezza u l-implimentazzjoni tal-politiki interni, tal-kontrolli u tal-proċeduri tal-entitajiet marbuta b’obbligu skont il-Kapitolu II tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/420 final] u tar-riżorsi umani allokati għat-twettiq tal-kompiti meħtieġa skont dak ir-Regolament;

    (d)jivvalutaw u jimmonitorjaw regolarment ir-riskji ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu li għalihom huma esposti l-entitajiet marbuta b’obbligu;

    (e)jimmonitorjaw il-konformità tal-entitajiet marbuta b’obbligu mal-obbligi tagħhom fir-rigward ta’ sanzjonijiet finanzjarji mmirati;

    (f)iwettqu l-investigazzjonijiet kollha meħtieġa mhux fuq il-post, fuq il-post kif ukoll tematiċi u kwalunkwe investigazzjoni, valutazzjoni u analiżi oħra meħtieġa biex jivverifikaw li l-entitajiet marbuta b’obbligu jirrispettaw ir-rekwiżiti tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/420 final], ir-rekwiżit li jimplimentaw sanzjonijiet finanzjarji mmirati, u kwalunkwe miżura amministrattiva li tittieħed skont l-Artikolu 41;

    (g)jieħdu miżuri superviżorji xierqa biex jindirizzaw kwalunkwe ksur tar-rekwiżiti applikabbli mill-entitajiet marbuta b’obbligu identifikati fil-proċess tal-valutazzjonijiet superviżorji u jsegwu l-implimentazzjoni ta’ tali miżuri.

    5.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżuri għandhom setgħat adegwati biex iwettqu l-kompiti tagħhom kif previst fil-paragrafu 4, fosthom is-setgħa li:

    (a)jobbligaw l-entitajiet marbuta b’obbligu jipprovdu kull informazzjoni li hija rilevanti għall-monitoraġġ u għall-verifika tal-konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/420 final] u li jwettqu kontrolli, inkluż minn aġenti jew minn fornituri esterni tas-servizzi li lilhom l-entità marbuta b’obbligu tkun esternalizzat parti mill-kompiti tagħha biex tissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/420 final];

    (b)jimponu miżuri amministrattivi xierqa u proporzjonati biex tiġi rrimedjata s-sitwazzjoni f’każ ta’ ksur, inkluż permezz tal-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi f’konformità mat-Taqsima 4 ta’ dan il-Kapitolu.

    6.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżuri finanzjarji u s-superviżuri responsabbli għall-operaturi tal-logħob tal-azzard għandhom setgħat addizzjonali minn dawk imsemmija fil-paragrafu 5, inkluża s-setgħa li jinvestigaw l-uffiċċji kummerċjali tal-entità marbuta b’obbligu mingħajr preavviż meta t-twettiq korrett u l-effiċjenza tal-ispezzjoni jeżiġu dan, u li għandhom il-mezzi kollha meħtieġa biex iwettqu tali investigazzjoni.

    Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, is-superviżuri għandhom tal-anqas ikunu jistgħu:

    (a)jeżaminaw il-kotba u r-reġistri tal-entità marbuta b’obbligu u jagħmlu kopji jew jieħdu estrazzjonijiet minn dawn il-kotba u r-reġistri;

    (b)jiksbu aċċess għal kwalunkwe software, bażi tad-data, strument tal-IT jew mezz elettroniku ieħor għar-reġistrazzjoni tal-informazzjoni użata mill-entità marbuta b’obbligu;

    (c)jiksbu spjegazzjonijiet bil-miktub jew orali minn kwalunkwe persuna responsabbli għall-politiki u għall-kontrolli interni fil-qasam tal-AML/CFT jew mir-rappreżentanti jew mill-persunal tagħhom, kif ukoll minn kwalunkwe rappreżentant jew persunal ta’ entitajiet li lilhom l-entità marbuta b’obbligu tkun esternalizzat il-kompiti skont l-Artikolu 40 tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/420 final], u jintervistaw lil kwalunkwe persuna oħra li taċċetta li tiġi intervistata għall-fini tal-ġbir ta’ informazzjoni relatata mat-tema ta’ investigazzjoni.

    Artikolu 30

    Għoti ta’ informazzjoni lill-entitajiet marbuta b’obbligu

    1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżuri jagħmlu l-informazzjoni dwar il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu disponibbli għall-entitajiet marbuta b’obbligu taħt is-superviżjoni tagħhom.

    2.L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi dan li ġej:

    (a)il-valutazzjoni tar-riskju supranazzjonali mfassla mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 7 u kwalunkwe rakkomandazzjoni rilevanti mill-Kummissjoni abbażi ta’ dak l-Artikolu;

    (b)valutazzjonijiet tar-riskju nazzjonali jew settorjali mfassla skont l-Artikolu 8;

    (c)linji gwida, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet rilevanti maħruġa mill-AMLA f’konformità mal-Artikoli 43 u 44 tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għat-twaqqif ta’ Awtorità Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/421 final];

    (d)informazzjoni dwar pajjiżi terzi identifikati skont it-Taqsima 2 tal-Kapitolu III tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/420 final];

    (e)kwalunkwe gwida jew rapport prodott mill-AMLA u minn superviżuri oħra u, fejn rilevanti, mill-awtorità pubblika li tissorvelja l-korpi ta’ awtoregolamentazzjoni, l-UIF jew kwalunkwe awtorità kompetenti oħra jew organizzazzjoni internazzjonali u korpi li jistabbilixxu l-istandards b’kompetenzi fil-qasam tal-metodi tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu li jistgħu japplikaw għal settur u indikazzjonijiet li jistgħu jiffaċilitaw l-identifikazzjoni ta’ tranżazzjonijiet jew ta’ attivitajiet li huma f’riskju li jkunu marbuta mal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu f’dak is-settur, kif ukoll l-obbligi tal-entitajiet marbuta b’obbligu fir-rigward ta’ sanzjonijiet finanzjarji mmirati.

    3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżuri jagħmlu l-informazzjoni dwar il-persuni jew l-entitajiet deżinjati fir-rigward ta’ sanzjonijiet finanzjarji mmirati disponibbli għall-entitajiet marbuta b’obbligu taħt is-superviżjoni tagħhom minnufih.

    Artikolu 31

    Superviżjoni bbażata fuq ir-riskju

    1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżuri japplikaw approċċ ibbażat fuq ir-riskju għas-superviżjoni. Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

    (a) jifhmu biċ-ċar ir-riskji ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu preżenti fl-Istati Membri tagħhom;

    (b) jivvalutaw l-informazzjoni rilevanti kollha dwar ir-riskji nazzjonali u internazzjonali speċifiċi assoċjati mal-klijenti, mal-prodotti u mas-servizzi tal-entitajiet marbuta b’obbligu;

    (c) jibbażaw il-frekwenza u l-intensità tas-superviżjoni fuq il-post, mhux fuq il-post u tematika fuq il-profil tar-riskju tal-entitajiet marbuta b’obbligu, u fuq ir-riskji ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu f’dak l-Istat Membru. Għal dak il-għan, is-superviżuri għandhom ifasslu programmi ta’ superviżjoni annwali.

    2.Fi żmien [sentejn mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva], l-AMLA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji u tippreżentah lill-Kummissjoni għall-adozzjoni. Dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji għandu jistabbilixxi l-parametri referenzjarji u l-metodoloġija għall-valutazzjoni u għall-klassifikazzjoni tal-profil tar-riskju inerenti u residwu tal-entitajiet marbuta b’obbligu, kif ukoll il-frekwenza li biha tali profil tar-riskju għandu jiġi rivedut. Tali frekwenza għandha tqis kwalunkwe avveniment jew żvilupp maġġuri fil-ġestjoni u fl-operazzjonijiet tal-entità marbuta b’obbligu, kif ukoll in-natura u d-daqs tan-negozju.

    3.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tissupplimenta din id-Direttiva billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu f’konformità mal-Artikoli 38 sa 41 tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għat-twaqqif ta’ Awtorità Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/421 final].

    4.Fi żmien [sena mid-data tat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva], l-AMLA għandha toħroġ linji gwida indirizzati lis-superviżuri dwar il-karatteristiċi ta’ approċċ ibbażat fuq ir-riskju għas-superviżjoni u l-passi li għandhom jittieħdu meta jwettqu superviżjoni abbażi tas-sensittiva għar-riskju.

    5.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżuri jqisu l-livell ta’ diskrezzjoni permess lill-entità marbuta b’obbligu, u jirrevedu adegwatament il-valutazzjonijiet tar-riskju abbażi ta’ din id-diskrezzjoni, u l-adegwatezza tal-politiki, tal-kontrolli u tal-proċeduri interni tagħha.

    6.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-riżultati tal-valutazzjonijiet tar-riskju mwettqa mis-superviżuri skont dan l-Artikolu jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-UIF f’forma aggregata.

    Artikolu 32

    Divulgazzjoni lill-UIF

    1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jekk, waqt il-kontrolli mwettqa fuq l-entitajiet marbuta b’obbligu, jew b’xi mod ieħor, is-superviżuri jiskopru fatti li jistgħu jkunu relatati mal-ħasil tal-flus jew mal-finanzjament tat-terroriżmu, huma għandhom jgħarrfu minnufih lill-UIF.

    2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżuri li għandhom is-setgħa li jimmonitorjaw il-Borża, is-swieq tal-kambju u s-swieq tad-derivattivi finanzjarji, jinformaw lill-UIF jekk jiskopru fatti li jistgħu jkunu relatati mal-ħasil tal-flus jew mal-finanzjament tat-terroriżmu.

    Artikolu 33

    Superviżjoni tal-entitajiet marbuta b’obbligu li joperaw taħt il-libertà tal-istabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi

    1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżuri jikkooperaw kemm jista' jkun ma’ xulxin, irrispettivament min-natura jew mill-istatus rispettiv tagħhom. Tali kooperazzjoni tista’ tinkludi t-twettiq, fil-limiti tas-setgħat tas-superviżur rikjest, ta’ investigazzjonijiet f’isem superviżur rikjedenti, u l-iskambju sussegwenti tal-informazzjoni li tinkiseb minn tali investigazzjonijiet.

    2.Minbarra l-Artikolu 5, l-entitajiet marbuta b’obbligu li jixtiequ jeżerċitaw il-libertà li jipprovdu servizzi billi jwettqu attivitajiet fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għall-ewwel darba għandhom jinnotifikaw lis-superviżuri tal-Istat Membru ta’ domiċilju bl-attivitajiet li jkunu biħsiebhom iwettqu. Tali notifika għandha tkun meħtieġa wkoll meta l-provvista ta’ servizzi transfruntiera titwettaq minn aġenti tal-entità marbuta b’obbligu.

    3.Is-superviżuri tal-Istat Membru ta’ domiċilju għandhom, fi żmien xahar minn meta jirċievu n-notifika prevista fil-paragrafu 2, jibagħtu dik in-notifika lis-superviżuri tal-Istat Membru ospitanti.

    4.Fil-każijiet koperti mill-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu u mill-Artikolu 5, is-superviżuri tal-Istat Membru ospitanti għandhom jikkooperaw mas-superviżuri tal-Istat Membru ta’ domiċilju u jagħtu l-assistenza tagħhom biex tiġi żgurata l-verifika tal-konformità tal-entità marbuta b’obbligu mar-rekwiżiti tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/420 final] u tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal riformulazzjoni tar-Regolament (UE) 2015/847 - COM/2021/422 final] u biex jittieħdu miżuri xierqa u proporzjonati biex jiġi indirizzat il-ksur.

    Fil-każijiet koperti mill-Artikolu 5, is-superviżuri tal-Istat Membru ospitanti għandhom jingħataw permess biex fuq inizjattiva propja jieħdu miżuri xierqa u proporzjonati biex jindirizzaw nuqqasijiet serji li jeħtieġu rimedji immedjati. Dawk il-miżuri għandhom ikunu temporanji u jitwaqqfu meta jiġu indirizzati n-nuqqasijiet identifikati, inkluż bl-assistenza jew f’kooperazzjoni mas-superviżuri tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-entità marbuta b’obbligu.

    5.Meta s-superviżuri tal-Istat Membru ta’ domiċilju u dak ospitanti ma jaqblux dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu fir-rigward ta’ entità marbuta b’obbligu, huma jistgħu jirreferu l-kwistjoni lill-AMLA u jitolbu l-assistenza tagħha f’konformità mal-Artikoli 5 u 10 tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għat-twaqqif ta’ Awtorità Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/421 final]. L-AMLA għandha tagħti l-parir tagħha dwar il-kwistjoni ta’ nuqqas ta’ qbil fi żmien xahar.

    Artikolu 34

    Dispożizzjonijiet relatati mal-kooperazzjoni fil-kuntest tas-superviżjoni ta’ grupp

    1.Fil-każ ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u finanzjarji li huma parti minn grupp, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 29(1), is-superviżuri finanzjarji tal-Istat Membru ta’ domiċilju u dawk tal-Istat Membru ospitanti jikkooperaw ma’ xulxin bl-akbar mod possibbli, irrispettivament min-natura jew mill-istatus rispettiv tagħhom. Huma għandhom jikkooperaw ukoll mal-AMLA meta teżerċita l-funzjonijiet superviżorji tagħha f’konformità mal-Artikolu 5(2) tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għat-twaqqif ta’ Awtorità Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/421 final].

    2.Ħlief meta l-AMLA teżerċita funzjonijiet superviżorji f’konformità mal-Artikolu 5(2) tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għat-twaqqif ta’ Awtorità Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/421 final], l-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżuri finanzjarji tal-Istat Membru ta’ domiċilju jissorveljaw l-implimentazzjoni effettiva tal-politiki, tal-kontrolli u tal-proċeduri msemmija fl-Artikolu 13 tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/420 final] fil-livell ta’ grupp. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li s-superviżuri finanzjarji tal-Istat Membru ospitanti jissorveljaw il-konformità tal-istabbilimenti stabbiliti fit-territorju tal-Istat Membru propju mar-rekwiżiti tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/420 final].

    3.Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, u ħlief fil-każijiet fejn il-kulleġġi superviżorji għall-AML/CFT ikunu stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 36, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżuri finanzjarji jipprovdu lil xulxin kwalunkwe informazzjoni li jeħtieġu għat-twettiq tal-kompiti superviżorji tagħhom, kemm jekk fuq talba kif ukoll fuq inizjattiva propja. B’mod partikolari, is-superviżuri finanzjarji għandhom jiskambjaw kwalunkwe informazzjoni li tista’ tinfluwenza sinfikantement il-valutazzjoni tal-iskopertura għar-riskju inerenti jew residwu ta’ istituzzjoni ta’ kreditu jew finanzjarja fi Stat Membru ieħor, fosthom:

    (a)l-identifikazzjoni tal-istruttura ġuridika, ta’ governanza u organizzazzjonali tal-grupp, li tkopri s-sussidjarji u l-fergħat kollha;

    (b)il-kontrolli, il-politiki u l-proċeduri interni fis-seħħ fi ħdan il-grupp;

    (c)l-iżviluppi negattivi fir-rigward tal-impriża omm, tas-sussidjarji jew tal-fergħat, li jistgħu jaffettwaw serjament partijiet oħra tal-grupp;

    (d)il-miżuri amministrattivi u s-sanzjonijiet meħuda mis-superviżuri finanzjarji f’konformità mat-Taqsima 4 ta’ dan il-Kapitolu.

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li s-superviżuri finanzjarji huma kapaċi jwettqu, fil-limiti tas-setgħat tagħhom, investigazzjonijiet f’isem superviżur rikjedenti, u li jaqsmu l-informazzjoni miksuba permezz ta’ tali investigazzjonijiet.

    4.Fi żmien [sentejn mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva], l-AMLA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji u tippreżentah lill-Kummissjoni għall-adozzjoni. Dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji għandu jispjega fid-dettall id-dmirijiet rispettivi tas-superviżuri domiċiljari u ospitanti, u l-modalitajiet ta’ kooperazzjoni bejniethom.

    Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tissupplimenta din id-Direttiva billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikoli 38 sa 41 tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għat-twaqqif ta’ Awtorità Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/421 final].

    5.Is-superviżuri finanzjarji jistgħu jirreferu lill-AMLA s-sitwazzjonijiet li ġejjin:

    (a)meta superviżur finanzjarju ma jkunx ikkomunika l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3;

    (b)meta talba għall-kooperazzjoni tkun ġiet rifjutata jew ma tkunx ittieħdet azzjoni dwarha fi żmien raġonevoli.

    L-AMLA tista’ taġixxi f’konformità mas-setgħat mogħtija lilha skont l-Artikoli 5 u 10 tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għat-twaqqif ta’ Awtorità Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/421 final]. Meta tagħmel dan, l-AMLA għandha tagħti l-opinjoni tagħha dwar il-kwistjoni tat-talba fi żmien xahar.

    6.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu japplikaw ukoll għas-superviżjoni ta’ gruppi ta’ entitajiet marbuta b’obbligu minbarra istituzzjonijiet ta’ kreditu jew finanzjarji. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li f’każijiet fejn l-entitajiet marbuta b’obbligu li ma jkunux istituzzjonijiet ta’ kreditu jew finanzjarji jkunu parti minn strutturi li jikkondividu s-sjieda, il-ġestjoni jew il-kontroll tal-konformità, inklużi networks jew parternarjati, tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn is-superviżuri.

    Artikolu 35

    Skambju ta’ informazzjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-politiki fil-livell ta’ grupp f’pajjiżi terzi

    Is-superviżuri, inklużi l-AMLA, għandhom jinfurmaw lil xulxin dwar każijiet li fihom il-liġi ta’ pajjiż terz ma tippermettix l-implimentazzjoni tal-politiki, tal-kontrolli u tal-proċeduri meħtieġa skont l-Artikolu 13 tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/420 final]. F’tali każijiet, is-superviżuri jistgħu jieħdu azzjonijiet koordinati biex tinstab soluzzjoni. Fil-valutazzjoni ta’ liema pajjiżi terzi ma jippermettux l-implimentazzjoni tal-politiki, tal-kontrolli u tal-proċeduri meħtieġa skont l-Artikolu 13 tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/420 final], is-superviżuri għandhom iqisu kwalunkwe restrizzjoni ġuridika li tista’ xxekkel l-implimentazzjoni korretta ta’ dawk il-politiki u l-proċeduri, inkluż is-segretezza professjonali, livell insuffiċjenti ta’ protezzjoni tad-data u restrizzjonijiet oħra li jillimitaw l-iskambju ta’ informazzjoni li jistgħu jkunu rilevanti għal dak il-għan.

    Taqsima 2

    Dispożizzjonijiet speċifiċi applikabbli għas-settur finanzjarju

    Artikolu 36

    Kulleġġi superviżorji għall-AML/CFT

    1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġu stabbiliti kulleġġi superviżorji għall-AML/CFT dedikati fis-sitwazzjonijiet kollha li ġejjin:

    (a)meta istituzzjoni ta’ kreditu jew finanzjarja tkun waqqfet stabbilimenti f’mill-inqas żewġ Stati Membri differenti mill-Istat Membru fejn ikun stabbilit l-uffiċċju prinċipali tagħha;

    (b)meta istituzzjoni ta’ kreditu jew finanzjarja ta’ pajjiż terz tkun waqqfet stabbilimenti f’mill-inqas tliet Stati Membri.

    2. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżuri finanzjarji jidentifikaw:

    (a)l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u finanzjarji kollha li joperaw fuq bażi transfruntiera li ġew awtorizzati fl-Istat Membru tagħhom;

    (b)l-istabbilimenti kollha mwaqqfa minn dawk l-istituzzjonijiet f’ġurisdizzjonijiet oħra;

    (c)stabbilimenti mwaqqfa fit-territorju tagħhom minn istituzzjonijiet ta’ kreditu u finanzjarji minn Stati Membri oħra jew minn pajjiżi terzi.

    3. L-Istati Membri jistgħu jippermettu t-twaqqif ta’ kulleġġi superviżorji għall-AML/CFT meta istituzzjoni ta’ kreditu jew finanzjarja stabbilita fl-Unjoni tkun waqqfet stabbilimenti f’mill-inqas żewġ pajjiżi terzi. Is-superviżuri finanzjarji jistgħu jistiednu lill-kontropartijiet tagħhom f’dawk il-pajjiżi terzi biex iwaqqfu tali kulleġġ. Is-superviżuri finanzjarji li jipparteċipaw fil-kulleġġ għandhom jistabbilixxu ftehim bil-miktub li jiddeskrivi l-kundizzjonijiet u l-proċeduri tal-kooperazzjoni u tal-iskambju ta’ informazzjoni.

    4. Tali kulleġġi jistgħu jintużaw għall-iskambju ta’ informazzjoni, għall-għoti ta’ assistenza reċiproka jew għall-koordinazzjoni tal-approċċ superviżorju għall-istituzzjoni, inkluż, fejn rilevanti, it-teħid ta’ miżuri xierqa u proporzjonati biex jiġi indirizzat ksur serju tar-rekwiżiti tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/420 final] li jiġi identifikat fl-istabbilimenti mwaqqfa mill-istituzzjoni fil-ġurisdizzjoni ta’ superviżur li jipparteċipa fil-kulleġġ.

    5. L-AMLA għandha tattendi għal-laqgħat tal-kulleġġi superviżorji għall-AML/CFT u għandha tiffaċilita l-ħidma tagħhom f’konformità mal-Artikolu 29 tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għat-twaqqif ta’ Awtorità Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/421 final].

    6. Fi żmien [sentejn mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva], l-AMLA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji u tippreżentah lill-Kummissjoni għall-adozzjoni. Dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji għandu jispeċifika l-kundizzjonijiet ġenerali għall-funzjonament tal-kulleġġi superviżorji għall-AML/CFT, inklużi t-termini ta’ kooperazzjoni bejn il-parteċipanti, u l-funzjonament operazzjonali ta’ tali kulleġġi.

    Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tissupplimenta din id-Direttiva billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikoli 38 sa 41 tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għat-twaqqif ta’ Awtorità Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/421 final].

    Artikolu 37

    Kooperazzjoni ma’ superviżuri finanzjarji f’pajjiżi terzi

    1. L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lis-superviżuri finanzjarji jikkonkludu ftehimiet ta’ kooperazzjoni li jipprevedu l-kollaborazzjoni u l-iskambji ta’ informazzjoni kunfidenzjali mal-kontropartijiet tagħhom f’pajjiżi terzi. Dawk il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni għandhom ikunu konformi mar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data u jiġu konklużi fuq il-bażi ta’ reċiproċità u biss jekk l-informazzjoni żvelata tkun soġġetta għal garanzija ta’ obbligi ta’ segretezza professjonali li tkun tal-anqas ekwivalenti għal dik imsemmija fl-Artikolu 50(1). L-informazzjoni kunfidenzjali skambjata f’konformità ma’ dawk il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni għandha tintuża esklussivament għall-fini tat-twettiq tal-kompiti superviżorji ta’ dawk l-awtoritajiet.

    Meta l-informazzjoni skambjata toriġina fi Stat Membru ieħor, din għandha tiġi żvelata biss bil-kunsens espliċitu tas-superviżur finanzjarju li jkun ikkondiviha u, jekk ikun il-każ, unikament għall-finijiet li għalihom dak is-superviżur ikun ta l-kunsens tiegħu.

    2. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-AMLA tista’ tagħti tali l-assistenza neċessarja biex tiġi vvalutata l-ekwivalenza tar-rekwiżiti tas-segretezza professjonali applikabbli għall-kontroparti tal-pajjiż terz.

    3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżuri finanzjarji jinnotifikaw kull ftehim iffirmat skont dan l-Artikolu lill-AMLA fi żmien xahar mill-iffirmar tiegħu.

    Taqsima 3

    Dispożizzjonijiet speċifiċi li jirrigwardaw il-korpi ta’ awtoregolamentazzjoni

    Artikolu 38

    Sorveljanza tal-korpi ta’ awtoregolamentazzjoni

    1. Meta l-Istati Membri jiddeċiedu, skont l-Artikolu 29(3), li jippermettu li l-korpi ta’ awtoregolamentazzjoni jwettqu superviżjoni tal-entitajiet imsemmija fil-punti (3)(a), (b) u (d) tal-Artikolu 3 tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/420 final], huma għandhom jiżguraw li l-attivitajiet ta’ tali korpi ta’ awtoregolamentazzjoni fl-eżekuzzjoni ta’ tali funzjonijiet ikunu soġġetti għal sorveljanza minn awtorità pubblika.

    2. L-awtorità li tissorvelja l-korpi ta’ awtoregolamentazzjoni għandha tkun responsabbli għal dawn li ġejjin:

    (a)tivverifika li kull korp ta’ awtoregolamentazzjoni li jwettaq il-funzjonijiet jew li jaspira li jwettaq il-funzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 29(1) jissodisfa r-rekwiżiti tal-paragrafu 3 ta’ dak l-Artikolu;

    (b)toħroġ gwida dwar l-eżekuzzjoni tal-funzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 29(1);

    (c)tiżgura li l-korpi ta’ awtoregolamentazzjoni jwettqu l-funzjonijiet tagħhom skont it-Taqsima 1 ta’ dan il-Kapitolu skont l-ogħla standards;

    (d)tirrevedi l-eżenzjonijiet mogħtija mill-korpi ta’ awtoregolamentazzjoni mill-obbligu għat-tfassil ta’ valutazzjoni tar-riskju individwali ddokumentata skont il-punt (b) tal-Artikolu 29(4).

    3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità li tissorvelja l-korpi ta’ awtoregolamentazzjoni tingħata setgħat adegwati biex taqdi r-responsabbiltajiet tagħha skont il-paragrafu 2. Bħala minimu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità għandha s-setgħa li:

    (a)tobbliga s-sottomissjoni ta’ kwalunkwe informazzjoni li hija rilevanti għall-monitoraġġ tal-konformità u għat-twettiq tal-kontrolli, ħlief għall-informazzjoni li l-entitajiet marbuta b’obbligu msemmija fil-punti (3)(a), (b) u (d) tal-Artikolu 3 tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/420 final] jiġbru waqt li jkunu qed jaċċertaw il-pożizzjoni ġuridika tal-klijent tagħhom, jew għat-twettiq tal-kompitu ta’ difiża jew ta’ rappreżentanza ta’ dak il-klijent fi proċedimenti ġudizzjarji jew fir-rigward ta’ tali proċedimenti, inkluż l-għoti ta’ pariri dwar il-ftuħ jew l-evitar ta’ tali proċedimenti; jekk tali informazzjoni tkunx inġabret qabel, waqt jew wara tali proċedimenti;

    (b)toħroġ struzzjonijiet lil korp ta’ awtoregolamentazzjoni bil-għan li jirrimedja n-nuqqas tiegħu li jwettaq il-funzjonijiet skont l-Artikolu 29(1) jew biex jikkonforma mar-rekwiżiti tal-paragrafu 6 ta’ dak l-Artikolu, jew biex jipprevjeni kwalunkwe tali nuqqas. Meta toħroġ tali struzzjonijiet, l-awtorità għandha tqis kwalunkwe gwida rilevanti li tkun ipprovdiet jew li tkun ingħatat mill-AMLA.

    4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità li tissorvelja l-korpi ta’ awtoregolamentazzjoni tinforma tempestivament lill-awtoritajiet kompetenti għall-investigazzjoni u għall-prosekuzzjoni tal-attivitajiet kriminali, direttament jew permezz tal-UIF, dwar kwalunkwe ksur li huwa soġġett għal pieni kriminali li hija tiskopri waqt l-eżekuzzjoni tal-kompiti tagħha.

    5. L-awtorità li tissorvelja l-korpi ta’ awtoregolamentazzjoni għandha tippubblika rapport annwali li jkun fih informazzjoni dwar:

    (a)l-għadd u n-natura tal-ksur identifikat minn kull korp ta’ awtoregolamentazzjoni u l-miżuri jew is-sanzjonijiet amministrattivi imposti fuq l-entitajiet marbuta b’obbligu;

    (b)l-għadd ta’ tranżazzjonijiet suspettużi rrapportati mill-entitajiet soġġetti għas-superviżjoni minn kull korp ta’ awtoregolamentazzjoni lill-UIF, kemm jekk sottomessi direttament skont l-Artikolu 50(1) tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/420 final], jew jekk mibgħuta minn kull korp ta’ awtoregolamentazzjoni lill-UIF skont l-Artikolu 51(1) ta’ dak ir-Regolament;

    (c)l-għadd u d-deskrizzjoni tal-miżuri meħuda skont l-Artikolu 40 minn kull korp ta’ awtoregolamentazzjoni biex jimmonitorja l-konformità tal-entitajiet marbuta b’obbligu mar-rekwiżiti tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/420 final] imsemmija fl-Artikolu 40(1);

    (d)l-għadd u d-deskrizzjoni tal-miżuri meħuda mill-awtorità li tissorvelja l-korpi ta’ awtoregolamentazzjoni skont dan l-Artikolu u l-għadd ta’ struzzjonijiet maħruġa lill-korpi ta’ awtoregolamentazzjoni.

    Tali rapport għandu jkun disponibbli fuq is-sit web tal-awtorità li tissorvelja l-korpi ta’ awtoregolamentazzjoni u għandu jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni u lill-AMLA.

    Taqsima 4

    Sanzjonijiet u miżuri amministrattivi

    Artikolu 39

    Dispożizzjonijiet ġenerali

    1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet marbuta b’obbligu jistgħu jinżammu responsabbli għall-ksur tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/420 final] f’konformità ma’ din it-Taqsima.

    2. Mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jipprevedu u li jimponu pieni kriminali, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar is-sanzjonijiet u l-miżuri amministrattivi u jiżguraw li s-superviżuri jistgħu jimponu tali sanzjonijiet u miżuri fir-rigward ta’ ksur ta’ din id-Direttiva, u għandhom jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Kwalunkwe sanzjoni jew miżura riżultanti imposta skont din it-Taqsima għandha tkun effettiva, proporzjonata u dissważiva.

    3. Fil-każ ta’ ksur tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/420 final], l-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn l-obbligi japplikaw għal persuni ġuridiċi, is-sanzjonijiet u l-miżuri amministrattivi jistgħu jiġu applikati għall-membri tal-maniġment superjuri u għal persuni fiżiċi oħrajn li jkunu responsabbli għall-ksur skont id-dritt nazzjonali.

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta s-superviżuri jidentifikaw ksur li jkun soġġett għal pieni kriminali, jinformaw lill-awtoritajiet kompetenti għall-investigazzjoni u għall-prosekuzzjoni ta’ attivitajiet kriminali tempestivament.

    4. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jeżerċitaw is-setgħat tagħhom li jimponu sanzjonijiet u miżuri amministrattivi f’konformità ma’ din id-Direttiva u mad-dritt nazzjonali, fi kwalunkwe mis-segwenti modi:

    (a)direttament;

    (b)f’kollaborazzjoni ma’ awtoritajiet oħrajn;

    (c)taħt ir-responsabbiltà tagħhom b’delega lil tali awtoritajiet oħrajn;

    (d)b’applikazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti.

    Fi żmien [tliet xhur mill-iskadenza għat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva], l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-AMLA l-informazzjoni fir-rigward tal-arranġamenti relatati mal-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet jew ta’ miżuri amministrattivi skont dan il-paragrafu, inkluż, fejn rilevanti, informazzjoni dwar jekk ċerti sanzjonijiet jew miżuri jeħtiġux ir-rikors għal proċedura speċifika.

    5.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jkunu qed jiddeterminaw it-tip u l-livell ta’ sanzjonijiet jew ta’ miżuri amministrattivi, is-superviżuri jqisu ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha, inklużi fejn applikabbli:

    (a)il-gravità u d-durata tal-ksur;

    (b)il-livell ta’ responsabbiltà tal-persuna fiżika jew ġuridika miżmuma responsabbli;

    (c)is-saħħa finanzjarja tal-persuna fiżika jew ġuridika miżmuma responsabbli, inkluż fid-dawl tal-fatturat totali jew tal-introjtu annwali tagħha;

    (d)il-benefiċċju li jirrizulta mill-ksur mill-persuna fiżika jew ġuridika miżmuma responsabbli, sa fejn dan ikun jista' jiġi ddeterminat;

    (e)it-telf għal partijiet terzi kkawżat mill-ksur, sa fejn dan ikun jista’ jiġi ddeterminat;

    (f)il-livell ta’ kooperazzjoni tal-persuna fiżika jew ġuridika miżmuma responsabbli mal-awtorità kompetenti;

    (g)ksur preċedenti mill-persuna fiżika jew ġuridika miżmuma responsabbli.

    6. Fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom li jimponu sanzjonijiet u miżuri amministrattivi, is-superviżuri għandhom jikkooperaw mill-qrib biex jiżguraw li dawk is-sanzjonijiet jew miżuri amministrattivi jagħtu r-riżultati mixtieqa u jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom meta jittrattaw ma’ każijiet transfruntiera.

    7. Fi żmien [sentejn mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva], l-AMLA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji u tippreżentah lill-Kummissjoni għall-adozzjoni. Dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji għandu jiddefinixxi l-indikaturi għall-klassifikazzjoni tal-livell tal-gravità tal-ksur u l-kriterji li għandhom jitqiesu meta jiġi stabbilit il-livell ta’ sanzjonijiet amministrattivi jew meta jittieħdu miżuri amministrattivi skont din it-Taqsima.

    Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tissupplimenta din id-Direttiva billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikoli 38 sa 41 tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għat-twaqqif ta’ Awtorità Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/421 final].

    Artikolu 40

    Sanzjonijiet amministrattivi

    1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi lill-entitajiet marbuta b’obbligu għal ksur serju, ripetut jew sistematiku tar-rekwiżiti stabbiliti fid-dispożizzjonijiet segwenti tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/420 final]:

    (a)Il-Kapitolu III (diliġenza dovuta tal-klijent);

    (b)Il-Kapitolu V (obbligi ta’ rapportar);

    (c)L-Artikolu 56 (żamma ta’ rekords);

    (d)It-Taqsima 1 tal-Kapitolu II (kontrolli interni).

    2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, is-sanzjonijiet pekunarji massimi li jistgħu jiġu applikati jammontaw għal mill-inqas id-doppju tal-ammont tal-benefiċċju derivat mill-ksur meta dak il-benefiċċju jkun jista’ jiġi ddeterminat, jew mill-inqas EUR 1 000 000.

    3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, b’deroga minn paragrafu 2, meta l-entità marbuta b’obbligu kkonċernata tkun istituzzjoni ta’ kreditu jew istituzzjoni finanzjarja, jistgħu jiġu applikati wkoll is-sanzjonijiet li ġejjin:

    (a)fil-każ ta’ persuna ġuridika, penali amministrattivi pekunjarji massimi ta’ mill-anqas EUR 10 000 000 jew 10 % tal-fatturat annwali totali skont l-aħħar kontijiet disponibbli approvati mill-korp maniġerjali; meta l-entità marbuta b’obbligu tkun impriża omm jew sussidjarja ta’ impriża omm li hija meħtieġa tħejji r-rapporti finanzjarji konsolidati f’konformità mal-Artikolu 22 tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 49 , il-fatturat annwali totali rilevanti għandu jkun il-fatturat annwali totali jew it-tip korrispondenti ta’ introjtu f’konformità mal-liġi rilevanti tal-Unjoni fil-qasam tal-kontabbiltà skont l-aħħar kontijiet konsolidati disponibbli approvati mill-korp maniġerjali tal-impriża omm apikali;

    (b)fil-każ ta’ persuna fiżika, penali amministrattivi pekunarji massimi ta’ mill-inqas EUR 5 000 000, jew, fl-Istati Membri li l-munita tagħhom ma tkunx l-euro, il-valur korrispondenti fil-munita nazzjonali fi [jekk jogħġbok daħħal id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva].

    4. L-Istati Membri jistgħu jagħtu s-setgħa lill-awtoritajiet kompetenti biex jimponu penali amministrattivi pekunarji li jaqbżu l-ammonti msemmija fil-paragrafi 2 u 3.

    Artikolu 41

    Miżuri amministrattivi minbarra sanzjonijiet

    1. Meta s-superviżuri jidentifikaw ksur tar-rekwiżiti tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/420 final] li ma humiex meqjusa bħala serji biżżejjed biex jiġu ppenalizzati b’sanzjoni amministrattiva, huma jistgħu jiddeċiedu li jimponu miżuri amministrattivi fuq l-entità marbuta b’obbligu. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżuri tal-anqas jistgħu:

    (a)joħorġu rakkomandazzjonijiet;

    (b)jordnaw lill-entitajiet marbuta b’obbligu jikkonformaw, inkluż li jimplimentaw miżuri korrettivi speċifiċi;

    (c)joħorġu dikjarazzjoni pubblika li tidentifika l-persuna fiżika jew ġuridika u n-natura tal-ksur;

    (d)joħorġu ordni li torna lill-persuna fiżika jew ġuridika twaqqaf l-imġiba u ma tirrepetihiex;

    (e)meta entità marbuta b’obbligu tkun soġġetta għal awtorizzazzjoni, jirtiraw jew jissospendu l-awtorizzazzjoni;

    (f)jimponu projbizzjoni temporanja fuq kwalunkwe persuna b’responsabbiltajiet maniġerjali f’entità marbuta b’obbligu, jew fuq kwalunkwe persuna fiżika oħra, li tinżamm responsabbli għall-ksur, milli teżerċita funzjonijiet maniġerjali f’entitajiet marbuta b’obbligu.

    2. Meta jieħdu l-miżuri amministrattivi msemmija fil-paragrafu 1, is-superviżuri għandhom ikunu jistgħu:

    (a)jitolbu s-sottomissjoni ad hoc jew regolari ta’ kwalunkwe dokument meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħhom, inklużi dawk li jiġġustifikaw il-proċess ta’ implimentazzjoni tal-miżuri amministrattivi rikjesti;

    (b)jirrikjedu t-tisħiħ tal-arranġamenti, tal-proċessi, tal-mekkaniżmi u tal-istrateġiji;

    (c)jirrikjedu l-entità marbuta b’obbligu tapplika politika speċifika jew rekwiżiti relatati ma’ klijenti, tranżazzjonijiet jew attivitajiet individwali li jippreżentaw riskji għoljin;

    (d)jirrikjedu l-implimentazzjoni ta’ miżuri biex jitnaqqsu r-riskji ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu inerenti fl-attivitajiet u fil-prodotti tal-entità marbuta b’obbligu.

    3. Il-miżuri amministrattivi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu akkumpanjati minn skadenza vinkolanti għall-implimentazzjoni effettiva tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżuri jsegwu u jivvalutaw l-implimentazzjoni effettiva tal-azzjonijiet rikjesti mill-entità marbuta b’obbligu.

    4. L-Istati Membri jistgħu jagħtu s-setgħa lis-superviżuri jimponu tipi ta’ miżuri amministrattivi addizzjonali għal dawk imsemmija fil-paragrafu 1.

    Artikolu 42

    Pubblikazzjoni ta’ sanzjonijiet u ta’ miżuri amministrattivi

    1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li deċiżjoni li timponi sanzjoni jew miżura amministrattiva għall-ksur tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/420 final] li kontriha ma jkun hemm l-ebda appell għandha tiġi ppubblikata mis-superviżuri fuq is-sit web uffiċjali tagħhom immedjatament wara li l-persuna sanzjonata tiġi infurmata b’dik id-deċiżjoni. Il-pubblikazzjoni għandha tinkludi tal-inqas informazzjoni dwar it-tip u n-natura tal-ksur u l-identità tal-persuni responsabbli. L-Istati Membri ma għandhomx ikunu obbligati japplikaw dan is-subparagrafu għal deċiżjonijiet li jimponu miżuri li huma ta’ natura investigattiva.

    Meta s-superviżuri jqisu li l-pubblikazzjoni tal-identità tal-persuni responsabbli kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu jew tad-data personali ta’ tali persuni hija sproporzjonata wara valutazzjoni skont il-każ, jew meta l-pubblikazzjoni tipperikola l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji jew xi investigazzjoni li tkun għaddejja, is-superviżuri għandhom:

    (a)jipposponu l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni dwar l-impożizzjoni ta’ sanzjoni jew ta’ miżura sakemm ma jkunx għad hemm ir-raġunijiet biex din ma tiġix ippubblikata;

    (b)jippubblikaw id-deċiżjoni dwar l-impożizzjoni ta’ sanzjoni jew ta’ miżura fuq bażi anonima f’konformità mad-dritt nazzjonali, jekk tali pubblikazzjoni anonima tiżgura ħarsien effettiv tad-data personali kkonċernata; f’dak il-każ, il-pubblikazzjoni tad-data rilevanti tista’ tiġi posposta għal terminu raġonevoli jekk ikun previst li f’dak il-perjodu r-raġunijiet għall-pubblikazzjoni anonima ma jibqgħux jeżistu;

    (c)ma jippubblikawx id-deċiżjoni dwar l-impożizzjoni ta’ sanzjoni jew ta’ miżura amministrattiva fil-każ li s-soluzzjonijiet stipulati fil-punti (a) u (b) jitqiesu li ma humiex biżżejjed biex tiġi żgurata waħda minn dawn li ġejjin:

    (i) li ma tiġix ipperikolata l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji;

    (ii) il-proporzjonalità tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni fir-rigward ta’ miżuri li huma meqjusa bħala ta’ natura minuri.

    2. Meta l-Istati Membri jippermettu l-pubblikazzjoni ta’ deċiżjonijiet li dwarhom hemm appell, is-superviżuri għandhom ukoll jippubblikaw minnufih din l-informazzjoni u kwalunkwe informazzjoni sussegwenti dwar l-eżitu ta’ dan l-appell fuq is-sit web uffiċjali tagħhom. Barra minn hekk, għandha tiġi ppubblikata wkoll kull deċiżjoni dwar l-annullament ta’ deċiżjoni preċedenti dwar l-impożizzjoni ta’ sanzjoni jew miżura.

    3. Is-superviżuri għandhom jiżguraw li kwalunkwe pubblikazzjoni f’konformità ma’ dan l-Artikolu tibqa’ fuq is-sit web uffiċjali tagħhom għal perjodu ta’ ħames snin mill-pubblikazzjoni tagħha. Madankollu, id-data personali li tkun tinsab fil-pubblikazzjoni għandha tinżamm fuq is-sit web uffiċjali tal-awtorità kompetenti biss għall-perjodu li jkun meħtieġ f’konformità mar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data u fi kwalunkwe każ għal mhux aktar minn ħames snin.

    4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni ġuridiċi jistgħu jinżammu responsabbli għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 40(1 imwettaq għall-benefiċċju tagħhom minn kwalunkwe persuna, kemm jekk taġixxi waħedha jew bħala parti minn organu ta’ dik il-persuna ġuridika, u li għandha pożizzjoni ta’ tmexxija fi ħdan il-persuna ġuridika abbażi ta’ xi waħda minn dawn li ġejjin:

    (a)is-setgħa li tirrappreżenta l-persuna ġuridika;

    (b)l-awtorità li tieħu deċiżjonijiet f’isem il-persuna ġuridika;

    (c)l-awtorità li teżerċita kontroll fil-persuna ġuridika.

    5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuni ġuridiċi jistgħu jinżammu responsabbli meta n-nuqqas ta’ sorveljanza jew ta’ kontroll mill-persuni msemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu jkun għamilha possibbli li persuna taħt l-awtorità tagħhom twettaq ir-reati msemmija fl-Artikoli 40(1) għall-benefiċċju ta’ dik il-persuna ġuridika.

    Artikolu 43

    Protezzjoni tal-informaturi

    1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet superviżorji, kif ukoll, fejn applikabbli, il-korpi ta’ awtoregolamentazzjoni, jistabbilixxu mekkaniżmi effettivi u affidabbli biex iħeġġu r-rapportar ta’ ksur potenzjali u attwali tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/420 final].

    Għal dak il-għan, huma għandhom jipprovdu mezz jew diversi mezzi ta’ komunikazzjoni sigura għar-rapportar imsemmi fl-ewwel subparagrafu. Tali mezzi għandhom jiżguraw li l-identità tal-persuni li jipprovdu l-informazzjoni tkun magħrufa biss mill-awtorità superviżorja, jew, fejn applikabbli, mill-korpi ta’ awtoregolamentazzjoni.

    2. Il-mekkaniżmi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu tal-anqas:

    (a)proċeduri speċifiċi biex jintlaqgħu rapporti dwar ksur u għas-segwitu tagħhom;

    (b)protezzjoni xierqa għall-impjegati jew għall-persuni f’pożizzjoni komparabbli, ta’ entitajiet marbuta b’obbligu li jirrapportaw ksur imwettaq fl-entità marbuta b’obbligu;

    (c)protezzjoni xierqa għall-persuna akkużata;

    (d)protezzjoni tad-data personali kemm tal-persuna li tirrapporta l-ksur kif ukoll tal-persuna fiżika allegatament responsabbli għall-ksur, skont il-prinċipji stipulati fir-Regolament (UE) 2016/679;

    (e)regoli ċari li jiżguraw li f’kull każ tiġi ggarantita l-kunfidenzjalità fir-rigward tal-persuna li tirrapporta l-ksur imwettaq fl-entità marbuta b’obbligu, sakemm l-iżvelar ma jkunx rikjest mid-dritt nazzjonali fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet ulterjuri jew proċedimenti ġudizzjarji sussegwenti.

    3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-individwi, inklużi l-impjegati u r-rappreżentanti tal-entità marbuta b’obbligu li jirrapportaw ksur potenzjali jew reali tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/420 final] kemm jekk jagħmlu dan internament jew lill-UIF, ikunu legalment protetti milli jiġu esposti għal theddid, ritaljazzjoni jew azzjoni ostili, u b’mod partikolari minn azzjonijiet avversi jew diskriminatorji fuq il-post tax-xogħol.

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li individwi li jkunu esposti għal theddid, azzjonijiet ostili, jew azzjonijiet avversi jew diskriminatorji fuq il-post tax-xogħol minħabba r-rapportar ta’ ksur potenzjali jew reali tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/420 final] kemm jekk jagħmlu dan internament jew lill-UIF huma intitolati jippreżentaw ilment b’mod sikur quddiem l-awtoritajiet kompetenti rispettivi. Mingħajr preġudizzju għall-kunfidenzjalità tal-informazzjoni miġbura mill-UIF, l-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li tali individwi għadhom id-dritt għal rikors effettiv biex jiġu salvagwardjati d-drittijiet tagħhom skont dan il-paragrafu.

    Artikolu 44

    Skambju ta’ informazzjoni dwar is-sanzjonijiet

    1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżuri tagħhom u, fejn rilevanti, l-awtorità nazzjonali li tissorvelja l-korpi ta’ awtoregolamentazzjoni fit-twettiq tal-funzjonijiet superviżorji tagħhom jinformaw lill-AMLA bis-sanzjonijiet u bil-miżuri amministrattivi kollha imposti f’konformità ma’ din it-Taqsima, inkluż bi kwalunkwe appell fir-rigward tagħhom u l-eżitu tagħhom. Tali informazzjoni għandha tiġi kondiviża wkoll ma’ superviżuri oħra meta s-sanzjoni jew il-miżura amministrattiva tikkonċerna entità li topera f’żewġ Stati Membri jew aktar.

    2. Fuq is-sit web tagħha l-AMLA għandha żżomm links għall-pubblikazzjonijiet tas-sanzjonijiet u tal-miżuri amministrattivi imposti minn kull superviżur f’konformità mal-Artikolu 42 u għandha tindika l-perjodu ta’ żmien li matulu kull Stat Membru jippubblika s-sanzjonijiet u l-miżuri amministrattivi.

    KAPITOLU V

    KOOPERAZZJONI

    Taqsima 1

    Kooperazzjoni fil-qasam tal-AML/CFT

    Artikolu 45

    Dispożizzjonijiet ġenerali

    1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk li jfasslu l-politika, l-UIF, is-superviżuri, fosthom l-AMLA, u l-awtoritajiet kompetenti l-oħra, kif ukoll l-awtoritajiet tat-taxxa għandhom mekkaniżmi effettivi biex ikunu jistgħu jikkooperaw u jikkoordinaw fuq livell nazzjonali f’dak li għandu x’jaqsam mal-iżvilupp u mal-implimentazzjoni ta’ politiki u attivitajiet biex jiġġieldu l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u biex jipprevjenu n-nonimplimentazzjoni u l-evażjoni ta’ sanzjonijiet finanzjarji mmirati relatati mal-finanzjament tal-proliferazzjoni, anke bil-għan li jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 8.

    2. Fir-rigward tal-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja miksuba mill-awtoritajiet kompetenti skont il-Kapitolu IV tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/420 final] u t-Taqsima I tal-Kapitolu II ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jipprovdu tali informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra jew ta’ pajjiżi terzi b’mod tempestiv u mingħajr ħlas.

    3. L-Istati Membri ma għandhomx jipprojbixxu jew jimponu kundizzjonijiet irraġonevoli jew indebitament restrittivi fuq l-iskambju ta’ informazzjoni jew fuq l-assistenza bejn l-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet ta’ din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti ma jirrifjutawx talba għall-assistenza fuq il-bażi li:

    (a)it-talba titqies li tinvolvi wkoll kwistjonijiet fiskali;

    (b)id-dritt nazzjonali jirrikjedi li l-entitajiet marbuta b’obbligu jżommu s-segretezza jew il-kunfidenzjalità, ħlief f’dawk il-każijiet fejn l-informazzjoni rilevanti mitluba tkun protetta minn sigriet professjonali jew fejn tapplika s-segretezza professjonali legali, kif previst fl-Artikolu 51(2) tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/420 final];

    (c)tkun għaddejja inkjesta, investigazzjoni jew proċedimenti fl-Istat Membru rikjest, sakemm l-assistenza ma timpedixxix dik l-inkjesta, investigazzjoni jew proċedimenti;

    (d)in-natura jew l-istatus tal-awtorità kompetenti kontroparti rikjedenti huwa differenti minn tal-awtorità kompetenti rikjesta.

    Artikolu 46

    Komunikazzjoni tal-lista tal-awtoritajiet kompetenti

    1. Sabiex jiffaċilitaw u jippromwovu l-kooperazzjoni effettiva, u b’mod partikolari l-iskambju ta’ informazzjoni, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni u lill-AMLA:

    (a)il-lista ta’ superviżuri responsabbli għas-sorveljanza tal-konformità tal-entitajiet marbuta b’obbligu mar-rekwiżiti tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/420 final], kif ukoll, fejn rilevanti, l-isem tal-awtorità pubblika li tissorvelja l-korpi ta’ awtoregolamentazzjoni fit-twettiq tal-funzjonijiet superviżorji tagħhom skont din id-Direttiva, u d-dettalji ta’ kuntatt tagħhom;

    (b)id-dettalji ta’ kuntatt tal-UIF tagħhom;

    (c)il-lista ta’ awtoritajiet nazzjonali kompetenti oħra.

    2. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, għandhom jiġu pprovduti d-dettalji ta’ kuntatt li ġejjin:

    (a)l-isem u r-rwol tal-persuna ta’ kuntatt;

    (b)l-indirizz tal-email professjonali u n-numru tat-telefon tal-persuna ta’ kuntatt.

    3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni pprovduta lill-Kummissjoni u lill-AMLA skont il-paragrafu 1 tiġi aġġornata malli jsir xi tibdil.

    4. L-AMLA għandha tippubblika reġistru tal-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 1 fuq is-sit web tagħha u tiffaċilita l-iskambju tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 bejn l-awtoritajiet kompetenti. L-awtoritajiet fir-reġistru għandhom, fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-setgħat tagħhom, iservu bħala punt ta’ kuntatt għall-awtoritajiet kompetenti kontroparti. L-UIF u l-awtoritajiet superviżorji għandhom iservu wkoll bħala punt ta’ kuntatt għall-AMLA.

    Artikolu 47

    Kooperazzjoni mal-AMLA

    L-UIF u l-awtoritajiet superviżorji għandhom jikkooperaw mal-AMLA u għandhom jipprovdulha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tkun tista’ taqdi dmirijietha skont din id-Direttiva, skont ir-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/420 final] u skont ir-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għat-twaqqif ta’ Awtorità Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/421 final].

    Taqsima 2

    Kooperazzjoni ma’ awtoritajiet oħra u l-iskambju ta’ informazzjoni kunfidenzjali

    Artikolu 48

    Kooperazzjoni fir-rigward ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu

    1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżuri finanzjarji, l-UIF u l-awtoritajiet kompetenti għas-superviżjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu skont atti ġuridiċi oħra jikkooperaw mill-qrib ma’ xulxin skont il-kompetenzi rispettivi u jipprovdu lil xulxin l-informazzjoni rilevanti għat-twettiq tal-kompiti rispettivi tagħhom. Tali kooperazzjoni u skambju ta’ informazzjoni ma għandhomx jaffettwaw inkjesta, investigazzjoni jew proċedimenti li jkunu għaddejjin f’konformità mal-liġi penali jew amministrattiva tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit is-superviżur finanzjarju jew l-awtorità fdata b’kompetenzi għas-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu skont atti ġuridiċi oħra u ma għandhomx jaffettwaw l-obbligi tas-segretezza professjonali kif previst fl-Artikolu 50(1).

    2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta s-superviżuri finanzjarji jidentifikaw nuqqasijiet fis-sistema ta’ kontroll intern tal-AML/CFT u fl-applikazzjoni tar-rekwiżiti tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/420 final] ta’ istituzzjoni ta’ kreditu li jżidu materjalment ir-riskji li għalihom l-istituzzjoni hija esposta jew li tista’ tkun esposta, is-superviżur finanzjarju jinnotifika minnufih lill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) u lill-awtorità jew lill-korp li jissorvelja lill-istituzzjoni ta’ kreditu f’konformità mad-Direttiva (UE) 2013/36, inkluż lill-BĊE li jaġixxi f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (UE) 1024/2013 50 .

    Fil-każ ta’ żieda potenzjali fir-riskju, is-superviżuri finanzjarji għandhom ikunu jistgħu jikkomunikaw mal-awtoritajiet li jkunu qed jissorveljaw l-istituzzjoni f’konformità mad-Direttiva (UE) 2013/36 u jfasslu valutazzjoni komuni li għandha tiġi nnotifikata lill-EBA. L-AMLA għandha tinżamm infurmata b’tali notifiki.

    3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta s-superviżuri finanzjarji jsibu li istituzzjoni ta’ kreditu tkun irrifjutat li tidħol f’relazzjoni ta’ negozju iżda d-diliġenza dovuta tal-klijent dokumentata skont l-Artikolu 17(2) ma tiġġustifikax tali rifjut, huma għandhom jinformaw lill-awtorità responsabbli biex tiġi żgurata l-konformità ta’ dik l-istituzzjoni mad-Direttiva (UE) 2014/92 jew mad-Direttiva (UE) 2015/2366.

    4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżuri finanzjarji jikkooperaw mal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni kif definit fl-Artikolu 3(18) tad-Direttiva 2014/59/UE jew mal-awtoritajiet deżinjati kif definit fl-Artikolu 2(1)(18) tad-Direttiva 2014/49/UE. Is-superviżuri finanzjarji għandhom jinfurmaw lil tali awtoritajiet bl-eżitu tal-miżuri ta’ diliġenza dovuta tal-klijent applikati skont il-Kapitolu III tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal referenza – proposta għal Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/420 final] u dwar kwalunkwe kont li jkun ġie sospiż mill-UIF skont l-Artikolu 20.

    5. Is-superviżuri finanzjarji u l-UIF għandhom jirrapportaw fuq bażi annwali lill-AMLA dwar il-kooperazzjoni tagħhom ma’ awtoritajiet oħra skont dan l-Artikolu.

    6. Fi żmien [sentejn mid-data tat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva], l-AMLA għandha, f’konsultazzjoni mal-EBA, toħroġ linji gwida dwar il-kooperazzjoni bejn is-superviżuri finanzjarji u l-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafi 2, 3 u 4, inkluż dwar il-livell ta’ involviment tal-UIF f’tali kooperazzjoni.

    Artikolu 49

    Kooperazzjoni fir-rigward tal-awdituri

    1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżuri responsabbli għall-awdituri u, fejn rilevanti, għall-awtoritajiet pubbliċi li jissorveljaw il-korpi ta’ awtoregolamentazzjoni skont il-Kapitolu IV ta’ din id-Direttiva, l-UIF tagħhom u l-awtoritajiet pubbliċi kompetenti għas-sorveljanza tal-awdituri statutorji u tad-ditti tal-awditjar skont l-Artikolu 32 tad-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 51 u l-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) 537/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 52 jikkooperaw mill-qrib ma’ xulxin skont il-kompetenzi rispettivi u jipprovdu lil xulxin bl-informazzjoni rilevanti għat-twettiq tal-kompiti rispettivi tagħhom.

    L-informazzjoni kunfidenzjali skambjata skont dan l-Artikolu għandha tintuża mill-awtoritajiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu unikament għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jew tal-atti l-oħra tal-Unjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu u fil-kuntest ta’ proċedimenti ġudizzjarji jew amministrattivi relatati speċifikament mal-eżerċizzju ta’ dawk il-funzjonijiet.

    2. L-Istati Membri jistgħu jipprojbixxu lill-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 1 milli jikkooperaw meta tali kooperazzjoni, inkluż l-iskambju ta’ informazzjoni, tista' tippreġudika inkjesta, investigazzjoni jew proċedimenti li jkunu għaddejjin f’konformità mal-liġi penali jew amministrattiva tal-Istat Membru fejn ikunu stabbiliti l-awtoritajiet.

    Artikolu 50

    Skambju ta’ informazzjoni fir-rigward ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u dawk finanzjarji bejn l-entitajiet marbuta bis-segretezza professjonali

    1.L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-persuni kollha li jaħdmu jew li kienu jaħdmu mal-awtoritajiet kompetenti, u mal-awdituri jew mal-esperti li jaġixxu f’isem is-superviżuri finanzjarji jkunu marbuta bl-obbligu tas-segretezza professjonali.

    Mingħajr preġudizzju għall-każijiet koperti minn investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet kriminali skont id-dritt tal-Unjoni u tal-Istati Membri u l-informazzjoni pprovduta lill-UIF skont l-Artikolu 32, l-informazzjoni kunfidenzjali li l-persuni msemmija fl-ewwel subparagrafu jirċievu waqt il-qadi ta’ dmirijiethom skont din id-Direttiva tista’ tiġi żvelata biss f’forma sommarja jew aggregata, b’mod li tevita l-identifikazzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u finanzjarji individwali.

    2. Il-paragrafu 1 ma għandux jimpedixxi l-iskambju ta’ informazzjoni bejn:

    (a)is-superviżuri finanzjarji, kemm ġo Stat Membru kif ukoll fi Stati Membri differenti, inkluża l-AMLA meta taġixxi f’konformità mal-Artikolu 5(2) tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għat-twaqqif ta’ Awtorità Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/421 final];

    (b)is-superviżuri finanzjarji u UIF;

    (c)is-superviżuri finanzjarji u l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u finanzjarji f’konformità ma’ atti leġiżlattivi oħra relatati mas-superviżjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u finanzjarji, inkluż il-BĊE li jaġixxi f’konformità mar-Regolament (UE) 1024/2013, kemm jekk ġo Stat Membru kif ukoll fi Stati Membri differenti.

    Għall-finijiet tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu, l-iskambju ta’ informazzjoni għandu jkun soġġett għar-rekwiżiti ta’ segretezza professjonali previsti fil-paragrafu 1.

    3. Kwalunkwe awtorità li tirċievi informazzjoni kunfidenzjali skont il-paragrafu 2 għandha tuża din l-informazzjoni unikament:

    (a)fil-qadi ta’ dmirijietha skont din id-Direttiva jew skont atti leġislattivi oħrajn fil-qasam tal-AML/CFT, tar-regolamentazzjoni prudenzjali u tas-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u finanzjarji, inkluż is-sanzjonar;

    (b)f’appell kontra deċiżjoni tal-awtorità, inkluż fi proċedimenti ġudizzjarji;

    (c)fi proċedimenti ġudizzjarji li jkunu nbdew skont dispożizzjonijiet speċjali previsti fid-dritt tal-Unjoni, adottati fil-qasam ta’ din id-Direttiva jew fil-qasam tar-regolamentazzjoni prudenzjali u s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u finanzjarji.

    Artikolu 51

    Skambju ta’ informazzjoni bejn is-superviżuri u ma’ awtoritajiet oħra

    1. Bl-eċċezzjoni tal-każijiet koperti mill-Artikolu 51(2) tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/420 final], l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-iskambju ta’ informazzjoni bejn:

    (a)is-superviżuri u l-awtoritajiet pubbliċi li jissorveljaw il-korpi ta’ awtoregolamentazzjoni skont il-Kapitolu IV ta’ din id-Direttiva, kemm jekk fl-istess Stat Membru kif ukoll fi Stati Membri differenti;

    (b)is-superviżuri u l-awtoritajiet responsabbli bil-liġi għas-superviżjoni tas-swieq finanzjarji fit-twettiq tal-funzjonijiet superviżorji rispettivi tagħhom;

    (c)is-superviżuri responsabbli għall-awdituri u, fejn rilevanti, l-awtoritajiet pubbliċi li jissorveljaw il-korpi ta’ awtoregolamentazzjoni skont il-Kapitolu IV ta’ din id-Direttiva, u l-awtoritajiet pubbliċi kompetenti għas-sorveljanza tal-awdituri statutorji u tad-ditti tal-awditjar skont l-Artikolu 32 tad-Direttiva 2006/43/KE u l-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) 537/2014, inklużi l-awtoritajiet fi Stati Membri differenti.

    Ir-rekwiżiti tas-segretezza professjonali kif stabbilit fl-Artikolu 50(1) u (3) ma għandhomx jimpedixxu tali skambju ta’ informazzjoni.

    L-informazzjoni kunfidenzjali li tiġi skambjata skont dan il-paragrafu għandha tintuża biss fl-eżekuzzjoni tad-dmirijiet tal-awtoritajiet ikkonċernati, u fil-kuntest ta’ proċedimenti amministrattivi jew ġudizzjarji speċifikament relatati mal-eżerċizzju ta’ dawk il-funzjonijiet. Fi kwalunkwe każ l-informazzjoni riċevuta għandha tkun soġġetta għal rekwiżiti ta’ segretezza professjonali tal-anqas ekwivalenti għal dawk imsemmija fl-Artikolu 50(1).

    2. L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw id-divulgazzjoni ta’ ċerta informazzjoni lil awtoritajiet nazzjonali oħra responsabbli bil-liġi għas-superviżjoni tas-swieq finanzjarji, jew b’responsabbiltajiet speċifiċi fil-qasam tal-ġlieda jew l-investigazzjoni tal-ħasil tal-flus, ir-reati predikati tiegħu jew il-finanzjament tat-terroriżmu. Ir-rekwiżiti tas-segretezza professjonali stabbiliti fl-Artikolu 50(1) u (3) ma għandhomx jimpedixxu tali divulgazzjoni.

    Madankollu, informazzjoni kunfidenzjali skambjata skont dan il-paragrafu għandha tintuża biss għall-fini tat-twettiq tal-kompiti ġuridiċi tal-awtoritajiet ikkonċernati. Il-persuni li għandhom aċċess għal tali informazzjoni għandhom ikunu soġġetti għal rekwiżiti ta’ segretezza professjonali tal-anqas ekwivalenti għal dawk imsemmija fl-Artikolu 50(1).

    3. L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw id-divulgazzjoni ta’ ċerta informazzjoni relatata mas-superviżjoni tal-entitajiet marbuta b’obbligu għall-konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/420 final] lill-kumitati ta’ inkjesta parlamentari, lill-qrati tal-awdituri u lil entitajiet oħra responsabbli għall-inkjesti fl-Istat Membru tagħhom, soġġett għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)l-entitajiet għandhom mandat preċiż skont id-dritt nazzjonali biex jinvestigaw jew jiskrutinizzaw l-azzjonijiet tas-superviżuri jew tal-awtoritajiet responsabbli għal-liġijiet dwar tali superviżjoni;

    (b)l-informazzjoni hija strettament meħtieġa biex jitwettaq il-mandat imsemmi fil-punt (a);

    (c)il-persuni b’aċċess għall-informazzjoni huma soġġetti għar-rekwiżiti ta’ segretezza professjonali skont id-dritt nazzjonali tal-anqas ekwivalenti għal dawk imsemmija fil-paragrafu 1;

    (d)meta l-informazzjoni toriġina minn Stat Membru ieħor, din ma għandhiex tiġi żvelata mingħajr il-kunsens espliċitu tas-superviżur li jkun żvelaha, u unikament għall-finijiet li għalihom dak is-superviżur ikun ta l-kunsens tiegħu.

    Taqsima 3

    Linji gwida dwar il-kooperazzjoni

    Artikolu 52

    Linji gwida għall-kooperazzjoni fil-qasam tal-AML/CFT

    Fi żmien [sentejn mid-data tat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva], l-AMLA għandha, f’kooperazzjoni mal-BĊE, mal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej, mal-Europol, mal-Eurojust, u mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, toħroġ linji gwida dwar:

    (a)il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti skont it-Taqsima 1 ta’ dan il-Kapitolu, kif ukoll mal-awtoritajiet imsemmija fit-Taqsima 2 ta’ dan il-Kapitolu u mal-awtoritajiet responsabbli għar-reġistri msemmija fit-Taqsima 1 tal-Kapitolu II ta’ din id-Direttiva, għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu;

    (b)il-proċeduri li għandhom jintużaw mill-awtoritajiet kompetenti għas-superviżjoni jew għas-sorveljanza tal-entitajiet marbuta b’obbligu skont atti oħra tal-Unjoni biex jittieħed kont tat-tħassib dwar il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu fit-twettiq ta’ dmirijiethom skont l-atti rispettivi tagħhom tal-Unjoni.

    KAPITOLU VI

    PROTEZZJONI TAD-DATA

    Artikolu 53

    Ipproċessar ta’ ċerti kategoriji ta’ data personali

    1. Sa fejn ikun strettament meħtieġ għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jipproċessaw kategoriji speċjali ta’ data personali msemmija fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 u data personali relatata ma’ kundanni u ma’ reati kriminali msemmija fl-Artikolu 10 ta’ dak ir-Regolament soġġett għal salvagwardji xierqa għad-drittijiet u għal-libertajiet tas-suġġett tad-data u s-salvagwardji addizzjonali li ġejjin:

    (a)l-ipproċessar ta’ tali data għandu jsir biss fuq bażi ta’ każ b’każ mill-persunal ta’ kull awtorità kompetenti li tkun ġiet speċifikament maħtura u awtorizzata biex twettaq dawk il-kompiti;

    (b)il-persunal tal-awtoritajiet kompetenti għandu jżomm standards professjonali għoljin ta’ kunfidenzjalità u ta’ protezzjoni tad-data, huwa ta’ integrità kbira u għandu ħiliet xierqa;

    (c)għandu jkun hemm miżuri tekniċi u organizzazzjonali fis-seħħ biex tiġi żgurata s-sigurtà tad-data skont standards teknoloġiċi għoljin.

    2. Is-salvagwardji msemmija fil-paragrafu 1 għandhom japplikaw ukoll għall-ipproċessar għall-finijiet ta’ din id-Direttiva ta’ kategoriji speċjali ta’ data msemmija fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u data personali relatata ma’ kundanni u reati kriminali msemmija fl-Artikolu 11 ta’ dak ir-Regolament mill-istituzzjonijiet, mill-aġenziji jew mill-korpi tal-Unjoni.

    KAPITOLU VII

    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    Artikolu 54

    Kumitat

    1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat għall-Prevenzjoni tal-Ħasil tal-Flus u tal-Finanzjament tat-Terroriżmu stabbilit bl-Artikolu 28 tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal riformulazzjoni tar-Regolament (UE) 2015/847 - COM/2021/422 final]. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    Artikolu 55

    Ġestjoni tranżizzjonali tal-FIU.net

    Sa mhux aktar tard minn [tliet snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva], il-Kummissjoni għandha tittrasferixxi lill-AMLA l-ġestjoni tal-FIU.net.

    Sakemm jitlesta tali trasferiment, il-Kummissjoni għandha tagħti l-assistenza meħtieġa għat-tħaddim tal-FIU.net u għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-UIF fl-Unjoni. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha torganizza laqgħat regolari tal-Pjattaforma tal-UIF tal-UE magħmula minn rappreżentanti mill-UIF tal-Istati Membri sabiex tissorvelja l-funzjonament tal-FIU.net.

    Artikolu 56

    Rieżami

    Fi żmien [ħames snin mid-data tat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva], u sussegwentement kull tliet snin, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva.

    Artikolu 57

    Tħassir

    Id-Direttiva (UE) 2015/849 hija mħassra b’effett minn [data tat-traspożizzjoni].

    Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus] f’konformità mat-tabella ta’ korrelazzjoni stabbilita fl-Anness.

    Artikolu 58

    Traspożizzjoni

    1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn [jekk jogħġbok daħħal id-data - tliet snin mid-data tad-dħul fis-seħħ]. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.

    2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    Artikolu 59

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 60

    Destinatarji

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

    Il-President    Il-President

    (1)    Europol, ‘From suspicion to action: Converting financial intelligence into greater operational impact’ (Mis-suspett għall-azzjoni: Inbiddlu l-intelligence finanzjarja f’impatt operazzjonali akbar), 2017.
    (2)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Fit-triq lejn implimentazzjoni aħjar tal-qafas tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu (COM/2019/360 final), Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-evalwazzjoni ta’ każijiet reċenti allegati ta’ ħasil tal-flus li jinvolvu istituzzjonijiet ta’ kreditu tal-UE (COM/2019/373 final), Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jivvaluta l-qafas tal-kooperazzjoni bejn l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja (COM/2019/371 final); Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-valutazzjoni tar-riskju tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu li jaffettwaw is-suq intern u li huma relatati mal-attivitajiet transfruntiera (COM/2019/370 final).
    (3)    COM(2020) 605 final
    (4)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Pjan ta’ Azzjoni għal politika komprensiva tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (C/2020/2800), ĠU C 164, 13.5.2020, p. 21-33.
    (5)    COM/2021/420 final
    (6)    Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).
    (7)    COM/2021/421 final
    (8)    COM/2021/422 final
    (9)    Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Lulju 2020 dwar politika komprensiva tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu – il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni u żviluppi reċenti oħra (2020/2686(RSP)), P9_TA(2020)0204.
    (10)    Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, 12608/20.
    (11)    Ir-referenzi kollha għal-“leġiżlazzjoni attwali tal-UE dwar l-AML/CFT” f’dan il-Memorandum ta’ Spjegazzjoni jenħtieġ li jitqiesu bħala referenza għal din id-Direttiva.
    (12)    Id-Direttiva (UE) 2019/1153 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li tistabbilixxi regoli li jiffaċilitaw l-użu ta’ informazzjoni finanzjarja u informazzjoni oħra għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, il-kxif jew il-prosekuzzjoni ta’ ċerti reati kriminali, u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/642/ĠAI (ĠU L 186, 11.7.2019, p. 122 – 137).
    (13)    Id-Direttiva (UE) 2018/1673 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus permezz tal-liġi kriminali.
    (14)    Id-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI (ĠU L 88, 31.3.2017, p. 6-21).
    (15)    Id-Direttiva (UE) 2019/1153 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li tistabbilixxi regoli li jiffaċilitaw l-użu ta’ informazzjoni finanzjarja u informazzjoni oħra għall-prevenzjoni, il-kxif, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ ċerti reati kriminali, u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/642/ĠAI.
    (16)    Id-Direttivi (UE) 2015/2366, 2014/92 u 2009/110 rispettivament.
    (17)    Id-Direttiva (UE) 2018/843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 li temenda d-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu.
    (18)    Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni - Rapport ta’ Valutazzjoni tal-Impatt Li Jakkumpanja l-pakkett ta’ proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Ġlieda Kontra l-finanzjament tat-Terroriżmu (AML/CFT), u l-infurzar tal-liġi, fosthom:
    (19)    Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (ir-Regolament (UE) 2016/679), u r-Regolament dwar il-Protezzjoni tad-Data Interna għall-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-UE (ir-Regolament (UE) 2018/1725).
    (20)    ĠU C […], […], p. […].
    (21)    ĠU C , , p. .
    (22)    Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).
    (23)    Id-Direttiva (UE) 2018/843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 li temenda d-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, u li temenda d-Direttivi 2009/138/KE u 2013/36/UE (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 43).
    (24)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/316/ĠAI tas-6 ta’ April 2009 dwar l-istabbiliment ta’ Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS) fl-applikazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI (ĠU L 93, 7.4. 2009, p. 33).
    (25)    Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/315/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009 dwar l-organizzazzjoni u l-kontenut tal-iskambju bejn l-Istati Membri, ta’ informazzjoni estratta mir-rekords kriminali (ĠU L 93, 7.4. 2009, p. 23).
    (26)    2010/413/CFSP: Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Lulju 2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU L 195, 27.7.2010, p. 39).
    (27)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/849 tas-27 ta’ Mejju 2016 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea u li tħassar id-Deċiżjoni 2013/183/PESK (ĠU L 141, 28.5.2016, p. 79).
    (28)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012 tat-23 ta’ Marzu 2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010 (ĠU L 88, 24.3.2012, p. 1).
    (29)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1509 tat-30 ta’ Awwissu 2017 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 329/2007 (ĠU L 224, 31.8.2017, p. 1).
    (30)    Id-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar ċerti aspetti tal-liġi dwar il-kumpaniji (ĠU L 169, 30.6.2017, p. 46).
    (31)    Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
    (32)    Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).
    (33)    Id-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar skemi ta’ garanzija tad-depożiti (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 149).
    (34)    Id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).
    (35)    Id-Direttiva 2014/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar il-komparabbiltà tat-tariffi relatati mal-kontijiet tal-ħlas, il-bdil tal-kontijiet tal-ħlas u l-aċċess għal kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 214).
    (36)    Id-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 35).
    (37)    Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
    (38)    Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, il-kxif jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).
    (39)    Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
    (40)    ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.
    (41)    ĠU C , , p. .
    (42)    Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).
    (43)    Ir-Regolament (UE) 2018/1672 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar kontrolli fir-rigward ta’ flus kontanti deħlin fl-Unjoni jew ħerġin mill-Unjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1889/2005 (ĠU L 284, 12.11.2018, p. 6).
    (44)    Id-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li temenda d-Direttivi 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 2000/46/KE (ĠU L 267, 10.10.2009, p. 7).
    (45)    Id-Direttiva (UE) 2018/1673 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus permezz tal-liġi kriminali. (ĠU L 284, 12.11.2018, p. 22).
    (46)    Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73).
    (47)    Ir-Regolament (UE) Nru 260/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u tan-negozju għat-trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti bl-euro u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 924/2009 (ĠU L 94, 30.3.2012, p. 22).
    (48)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 389/2013 tat-2 ta’ Mejju 2013 li jistabbilixxi Reġistru tal-Unjoni skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Deċiżjonijiet Nri 280/2004/KE u 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (UE) Nri 920/2010 u 1193/2011 (ĠU L 122, 3.5.2013, p. 1-59).
    (49)    Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).
    (50)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63).
    (51)    Id-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 84/253/KEE (ĠU L 157, 9.6.2006, p. 87–107).
    (52)    Ir-Regolament (UE) Nru 537/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar rekwiżiti speċifiċi dwar l-awditjar statutorju ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/909/KE (ĠU L 158, 27.5.2014, p. 77).
    In alto

    Brussell, 20.7.2021

    COM(2021) 423 final

    ANNESS

    tal-Proposta għal

    DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar il-mekkaniżmi li għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri għall-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu u li tħassar id-Direttiva (UE) 2015/849
















    ANNESS […]

    Tabella ta’ korrelazzjoni

    Direttiva (UE) 2015/849

    Din id-Direttiva

    Ir-Regolament (UE) XXXX/XX [daħħal referenza għall-proposta għal Regolament dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus]

    Artikolu 1(1)

    -

    -

    Artikolu 1(2)

    -

    -

    Artikolu 1(3)

    Artikolu 2, il-punt (1)

    Artikolu 1(4)

    Artikolu 2, il-punt (1)

    Artikolu 1(5)

    Artikolu 2, il-punt (2)

    Artikolu 1(6)

    Artikolu 2, il-punti (1) u (2)

    Artikolu 2(1)

    Artikolu 3

    Artikolu 2(2)

    Artikolu 4

    Artikolu 2(3)

    Artikolu 5(1)

    Artikolu 2(4)

    Artikolu 5(2)

    Artikolu 2(5)

    Artikolu 5(3)

    Artikolu 2(6)

    Artikolu 5(4)

    Artikolu 2(7)

    Artikolu 5(5)

    Artikolu 2(8)

    Artikolu 6

    Artikolu 2(9)

    Artikolu 4(3) u Artikolu 5(6)

    Artikolu 3, il-punt (1)

    Artikolu 2, il-punt (5)

    Artikolu 3, il-punt (2)

    Artikolu 2, il-punt (6)

    Artikolu 3, il-punt (3)

    Artikolu 2, il-punt (4)

    Artikolu 3, il-punt (4)

    Artikolu 2, il-punt (3)

    Artikolu 3, il-punt (5)

    Artikolu 2, il-punt (35)

    Artikolu 3, il-punt (6)

    Artikolu 2, il-punt (22)

    Artikolu 3, il-punt (6)(a)

    Artikolu 42(1)

    Artikolu 3, il-punt (6)(b)

    Artikolu 43

    Artikolu 3, il-punt (6)(c)

    Artikolu 42(2)

    Artikolu 3, il-punt (7)

    Artikolu 2, il-punt (7)

    Artikolu 3, il-punt (8)

    Artikolu 2, il-punt (19)

    Artikolu 3, il-punt (9)

    Artikolu 2, il-punt (25)

    Artikolu 3, il-punt (10)

    Artikolu 2, il-punt (26)

    Artikolu 3, il-punt (11)

    Artikolu 2, il-punt (27)

    Artikolu 3, il-punt (12)

    Artikolu 2, il-punt (28)

    Artikolu 3, il-punt (13)

    Artikolu 2, il-punt (16)

    Artikolu 3, il-punt (14)

    Artikolu 2, il-punt (8)

    Artikolu 3, il-punt (15)

    Artikolu 2, il-punt (29)

    Artikolu 3, il-punt (16)

    Artikolu 2, il-punt (15)

    Artikolu 3, il-punt (17)

    Artikolu 2, il-punt (20)

    Artikolu 3, il-punt (18)

    Artikolu 2, il-punt (13)

    Artikolu 3, il-punt (19)

    -

    -

    Artikolu 4

    Artikolu 3

    Artikolu 5

    -

    -

    Artikolu 6

    Artikolu 7

    Artikolu 7

    Artikolu 8

    Artikolu 8(1)

    Artikolu 8(1)

    Artikolu 8(2)

    Artikolu 8(2) u (3)

    Artikolu 8(3)

    Artikolu 7(1)

    Artikolu 8(4)

    Artikolu 7(2)

    Artikolu 8(5)

    Artikolu 7(2) u (3)

    Artikolu 9

    Artikolu 23

    Artikolu 10

    Artikolu 58

    Artikolu 11

    Artikolu 15

    Artikolu 12

    -

    -

    Artikolu 13(1)

    Artikolu 16(1)

    Artikolu 13(2)

    Artikolu 16(2)

    Artikolu 13(3)

    Artikolu 16(2)

    Artikolu 13(4)

    Artikolu 16(4)

    Artikolu 13(5)

    Artikolu 37

    Artikolu 13(6)

    Artikolu 18(3)

    Artikolu 14(1)

    Artikolu 19(1)

    Artikolu 14(2)

    Artikolu 19(2)

    Artikolu 14(3)

    Artikolu 19(3)

    Artikolu 14(4)

    Artikolu 17

    Artikolu 14(5)

    Artikolu 21(2) u (3)

    Artikolu 15

    Artikolu 27

    Artikolu 16

    Artikolu 27(1)

    Artikolu 17

    -

    -

    Artikolu 18(1)

    Artikolu 28(1)

    Artikolu 18(2)

    Artikolu 28(2)

    Artikolu 18(3)

    -

    Artikolu 28(3)

    Artikolu 18(4)

    -

    -

    Artikolu 18a(1)

    Artikoli 23(4) u 28(4)

    Artikolu 18a(2)

    -

    Artikolu 23(5) u Artikolu 29, il-punt (a)

    Artikolu 18a(3)

    Artikolu 23(5) u Artikolu 29, il-punt (b)

    Artikolu 18a(4)

    -

    -

    Artikolu 18a(5)

    Artikolu 29(3)

    Artikolu 19

    Artikolu 30

    Artikolu 20

    Artikolu 32

    Artikolu 20 a

    Artikolu 33

    Artikolu 21

    Artikolu 34

    Artikolu 22

    Artikolu 35

    Artikolu 23

    Artikolu 36

    Artikolu 24

    Artikolu 31

    Artikolu 25

    Artikolu 38(1)

    Artikolu 26

    Artikolu 38

    Artikolu 27

    Artikolu 39

    Artikolu 28

    Artikolu 38(3)

    Artikolu 29

    -

    -

    Artikolu 30(1)

    Artikolu 45(1) u (3) u Artikolu 49

    Artikolu 30(2)

    Artikolu 45(4)

    Artikolu 30(3)

    Artikolu 10(1)

    Artikolu 30(4)

    Artikolu 10(5)

    Artikolu 30(5)

    Artikolu 11 u Artikolu 12(1)

    Artikolu 30(5)a

    Artikolu 12(2)

    Artikolu 30(6)

    Artikolu 11(1), (2) u (3)

    Artikolu 30(7)

    Artikolu 45(2)

    Artikolu 30(8)

    Artikolu 18(4)

    Artikolu 30(9)

    Artikolu 13

    Artikolu 30(10)

    Artikolu 10(11) u (12)

    Artikolu 31(1)

    Artikoli 43(1) u 46(1) u Artikolu 49

    Artikolu 31(2)

    Artikolu 46(2)

    Artikolu 31(3)

    Artikolu 46(3)

    Artikolu 31(3a)

    Artikolu 10(1)

    Artikolu 48

    Artikolu 31(4)

    Artikolu 11 u Artikolu 12(1)

    Artikolu 31(4a)

    Artikolu 12(2)

    Artikolu 31(5)

    Artikolu 10(5)

    Artikolu 31(6)

    Artikolu 18(4)

    Artikolu 31(7)

    Artikolu 45(2)

    Artikolu 31(7a)

    Artikolu 13

    Artikolu 31(9)

    Artikolu 10(11) u (12)

    Artikolu 31(10)

    Artikolu 43(2)

    Artikolu 31a

    Artikolu 15(1)

    Artikolu 32(1)

    Artikolu 17(1)

    Artikolu 32(2)

    Artikolu 46(1)

    Artikolu 32(3)

    Artikolu 17(2), (4) u (5)

    Artikolu 32(4)

    Artikoli 18(1) u 19(1)

    Artikolu 32(5)

    Artikolu 19(1)

    Artikolu 32(6)

    Artikolu 19(2)

    Artikolu 32(7)

    Artikolu 20(1)

    Artikolu 32(8)

    Artikolu 17(3)

    Artikolu 32(9)

    Artikolu 18(4)

    Artikolu 32a(1)

    Artikolu 14(1)

    Artikolu 32a(2)

    Artikolu 14(2)

    Artikolu 32a(3)

    Artikolu 14(3)

    Artikolu 32a(4)

    Artikolu 14(4)

    Artikolu 32b

    Artikolu 16

    Artikolu 33(1)

    Artikolu 50(1)

    Artikolu 33(2)

    Artikolu 50(6)

    Artikolu 34(1)

    Artikolu 51(1)

    Artikolu 34(2)

    Artikolu 51(2)

    Artikolu 34(3)

    -

    -

    Artikolu 35

    Artikolu 52

    Artikolu 36

    Artikolu 32

    Artikolu 37

    Artikolu 53

    Artikolu 38

    Artikolu 43(3)

    Artikolu 11(3)

    Artikolu 39

    Artikolu 54

    Artikolu 40

    Artikolu 56

    Artikolu 41

    Artikolu 55

    Artikolu 42

    Artikolu 57

    Artikolu 43

    -

    -

    Artikolu 44(1)

    Artikolu 9(1)

    Artikolu 44(2)

    Artikolu 9(2)

    Artikolu 44(3)

    Artikolu 9(3)

    Artikolu 44(4)

    Artikolu 9(6)

    Artikolu 45(1)

    Artikolu 13(1)

    Artikolu 45(2)

    -

    -

    Artikolu 45(3)

    Artikolu 14(1)

    Artikolu 45(4)

    Artikolu 35

    Artikolu 45(5)

    Artikolu 14(2)

    Artikolu 45(6)

    Artikolu 14(3)

    Artikolu 45(7)

    Artikolu 14(4)

    Artikolu 45(8)

    Artikolu 13(2)

    Artikolu 45(9)

    Artikolu 5(1)

    Artikolu 45(10)

    Artikolu 5(2)

    Artikolu 45(11)

    Artikolu 5(3)

    Artikolu 46(1)

    Artikolu 10

    Artikolu 46(2)

    -

    -

    Artikolu 46(3)

    Artikolu 21

    Artikolu 46(4)

    Artikolu 9

    Artikolu 47(1)

    Artikolu 4

    Artikolu 47(2)

    Artikolu 6(1)

    Artikolu 47(3)

    Artikolu 6(2)

    Artikolu 48(1)

    Artikolu 29(1)

    Artikolu 48(1a)

    Artikolu 29(5) u Artikolu 46

    Artikolu 48(2)

    Artikolu 29(2) u (5)

    Artikolu 48(3)

    Artikolu 29(6)

    Artikolu 48(4)

    Artikoli 33 u 34

    Artikolu 48(5)

    Artikoli 33(4) u 34(2)

    Artikolu 48(6)

    Artikolu 31(1)

    Artikolu 48(7)

    Artikolu 31(2)

    Artikolu 48(8)

    Artikolu 31(5)

    Artikolu 48(9)

    Artikolu 29(3)

    Artikolu 48(10)

    Artikolu 31(4)

    Artikolu 49

    Artikolu 45(1)

    Artikolu 50

    Artikolu 47

    Artikolu 50a

    Artikolu 45(3)

    Artikolu 51

    -

    -

    Artikolu 52

    Artikolu 22

    Artikolu 53

    Artikolu 24

    Artikolu 54

    Artikolu 26

    Artikolu 55

    Artikolu 27

    Artikolu 56

    Artikolu 23(2) u (3)

    Artikolu 57

    Artikolu 28

    Artikolu 57a(1)

    Artikolu 50(1)

    Artikolu 57a(2)

    Artikolu 50(2)

    Artikolu 57a(3)

    Artikolu 50(3)

    Artikolu 57a(4)

    Artikoli 33(1) u 34(1) u (3)

    Artikolu 57a(5)

    Artikolu 37

    Artikolu 57b

    Artikolu 51

    Artikolu 58(1)

    Artikolu 39(1)

    Artikolu 58(2)

    Artikolu 39(2)

    Artikolu 58(3)

    Artikolu 39(3)

    Artikolu 58(4)

    -

    -

    Artikolu 58(5)

    Artikolu 39(4)

    Artikolu 59(1)

    Artikolu 40(1)

    Artikolu 59(2)

    Artikoli 40(2) u 41(1)

    Artikolu 59(3)

    Artikolu 40(3)

    Artikolu 59(4)

    Artikolu 40(4)

    Artikolu 60(1)

    Artikolu 42(1)

    Artikolu 60(2)

    Artikolu 42(2)

    Artikolu 60(3)

    Artikolu 42(3)

    Artikolu 60(4)

    Artikolu 39(5)

    Artikolu 60(5)

    Artikolu 42(4)

    Artikolu 60(6)

    Artikolu 42(5)

    Artikolu 61

    Artikolu 43

    Artikolu 62(1)

    Artikolu 44(1)

    Artikolu 62(2)

    Artikolu 6(6)

    Artikolu 62(3)

    Artikolu 44(2)

    Artikolu 63

    -

    -

    Artikolu 64

    Artikolu 60

    Artikolu 64 a

    Artikolu 54

    Artikolu 61

    Artikolu 65

    -

    -

    Artikolu 66

    -

    -

    Artikolu 67

    -

    -

    Artikolu 68

    -

    -

    Artikolu 69

    -

    -

    Anness I

    Anness I

    Anness II

    Anness II

    Anness III

    Anness III

    Anness IV

    -

    -

    In alto