EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021PC0359

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea biex jaċċettaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, l-adeżjoni tal-Filippini mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri

COM/2021/359 final

Brussell, 6.7.2021

COM(2021) 359 final

2021/0178(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea biex jaċċettaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, l-adeżjoni tal-Filippini mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

L-għan tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-25 ta' Ottubru 1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri (minn hawn ’il quddiem: “il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980”), sa issa rratifikata minn 101 pajjiż, inklużi l-Istati Membri kollha tal-UE, huwa li jerġa’ jkun hemm l-istatus quo permezz tar-ritorn immedjat ta’ minuri li jitneħħew jew jinżammu b’mod illeċitu permezz ta’ sistema ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ċentrali maħtura mill-Partijiet Kontraenti tagħha.

Minħabba li l-prevenzjoni tal-ħtif ta’ minuri hija parti essenzjali mill-politika tal-UE biex tippromwovi d-drittijiet tat-tfal, l-Unjoni Ewropea hija attiva fil-livell internazzjonali biex ittejjeb l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 u tinkoraġġixxi Stati terzi biex jaderixxu magħha.

Il-Filippini ddepożitaw l-istrument tal-adeżjoni mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 fis-16 ta’ Marzu 2016. Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fil-Filippini fl-1 ta’ Ġunju 2016.

L-Artikolu 38(4) tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 jistipula li l-Konvenzjoni tapplika bejn il-pajjiż aderenti u dawk l-Istati Kontraenti li jkunu ddikjaraw li aċċettaw l-adeżjoni.

L-eżistenza tal-kompetenza esklużiva tal-UE fil-kwistjoni tal-aċċettazzjoni tal-adeżjoni ta' Stat terz mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li ġiet ikkonsultata fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni.

Fl-14 ta' Ottubru 2014, l-Opinjoni 1/13 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ddikjarat li l-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea tkopri l-aċċettazzjoni tal-adeżjoni ta' Stat terz mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri.

Il-Qorti saħqet dwar il-ħtieġa għall-uniformità dwar il-kwistjoni fil-livell tal-UE , sabiex tiġi evitata ġeometrija varjabbli fost l-Istati Membri.

Minħabba li l-kwistjoni tal-ħtif internazzjonali tal-minuri hija fil-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni Ewropea, id-deċiżjoni dwar jekk tiġix aċċettata l-adeżjoni tal-Filippini għandha tittieħed fil-livell tal-UE permezz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jiddepożitaw id-dikjarazzjoni ta’ aċċettazzjoni dwar l-adeżjoni tal-Filippini fl-interess tal-Unjoni Ewropea.

L-aċċettazzjoni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea tagħmel il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 applikabbli bejn il-Filippini u l-Istati Membri tal-UE minbarra d-Danimarka.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika

F’dak li jirrigwarda l-ħtif tal-minuri mill-ġenituri, il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 hija l-kontroparti internazzjonali tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2201/2003 (magħruf bħala r-Regolament Brussell IIa), li huwa l-bażi tal-kooperazzjoni ġudizzjarja tal-UE fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbiltà tal-ġenituri.

Wieħed mill-objettivi ewlenin tar-Regolament hu li jiskoraġġixxi l-ħtif tal-minuri minn Stat Membru għall-ieħor, billi jistabbilixxi proċeduri li jiżguraw ir-ritorn immedjat tal-minuri lejn l-Istat Membru tar-residenza abitwali tagħhom. Għal dan l-għan, ir-Regolament Brussell IIa jinkludi fl-Artikolu 11 tiegħu, il-proċedura stabbilita fil-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 u jikkumplimentaha billi jiċċara xi aspetti tagħha, b’mod partikolari s-smigħ tal-minuri, il-perjodu ta’ żmien biex tittieħed deċiżjoni wara tiġi ppreżentata applikazzjoni għar-ritorn, u r-raġunijiet li ma jsirx ir-ritorn tal-minuri. Jintroduċi wkoll dispożizzjonijiet li jirregolaw ordnijiet konfliġġenti ta' ritorn u ta' kontra r-ritorn maħruġa fi Stati Membri differenti.

Fil-livell internazzjonali, l-Unjoni Ewropea tappoġġa l-adeżjoni ta' Stati terzi mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 sabiex l-Istati Membri tagħha jibbażaw ruħhom fuq qafas legali komuni biex jittrattaw il-ħtif internazzjonali ta’ minuri.

Bejn Ġunju 2015 u Frar 2019 diġà ġew adottati 18-il Deċiżjoni tal-Kunsill sabiex tiġi aċċettata l-adeżjoni mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar il-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri ta’ 26 pajjiż terz (il-Marokk, Singapore, il-Federazzjoni Russa, l-Albanija, Andorra, is-Seychelles, l-Armenja, ir-Repubblika tal-Korea, il-Każakistan, il-Perù, il-Georgia, l-Afrika t’Isfel, iċ-Ċilì, l-Iżlanda, il-Bahamas, il-Panama, l-Urugwaj, il-Kolombja, El Salvador u San Marino, ir-Repubblika Dominicana, il-Belarussja, l-Użbekistan, il-Honduras, l-Ekwador u l-Ukrajna) 1 .

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Din il-proposta hija marbuta b’mod ċar mal-objettiv ġenerali, minqux fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li jiġu protetti d-drittijiet tal-minuri. Is-sistema tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 hija mfassla biex tipproteġi lill-minuri mill-effetti ta' ħsara ta' ħtif mill-ġenituri u biex tiżgura li l-minuri jkunu jistgħu jżommu kuntatt maż-żewġ ġenituri, pereżempju billi tiżgura l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet ta' aċċess.

Tajjeb li wieħed isemmi wkoll ir-rabta mal-promozzjoni tal-użu tal-medjazzjoni fis-soluzzjoni ta' tilwim familjari transfruntier. Id-Direttiva dwar ċerti aspetti ta' medjazzjoni fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali 2 tapplika wkoll għal-liġi tal-familja fl-ispazju ġudizzjarju Ewropew komuni. Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 tinkoraġġixxi wkoll soluzzjoni ta' amikevoli tat-tilwim familjari. Waħda mill-Gwidi għall-Prattika Tajba skont il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980, ppubblikata mill-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat, hija ddedikata għall-użu tal-medjazzjoni għar-riżoluzzjoni tat-tilwim internazzjonali tal-familja li jirrigwarda lill-minuri, li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Konvenzjoni. Fuq inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea, minbarra fl-Ingliż u fil-Franċiż din il-Gwida ġiet tradotta fil-lingwi kollha tal-UE u anki fl-Għarbi, , sabiex jiġi sostnut id-djalogu ma' Stati li għadhom ma rratifikawx / ma aderixxewx mal-Konvenzjoni u sabiex tingħata għajnuna ħalli jinstabu mezzi konkreti kif jiġu indirizzati l-problemi maħluqa mill-ħtif internazzjonali ta’ minuri. 3  

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

L-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 jipprevedi li “[l-adeżjoni [tal-Istati aderenti] jkollha effett biss fir-relazzjonijiet bejn l-Istat aderenti u dawk l-Istati Kontraenti li jkunu ddikjaraw li aċċettaw l-adeżjoni.” Minħabba l-fatt li d-deċiżjoni tirrigwarda l-aċċettazzjoni espliċita tal-adeżjoni ta’ Stat aderenti mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980, mill-Istati Membri fl-interess tal-Unjoni, il-bażi ġuridika applikabbli hija l-Artikolu 218(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Il-bażi ġuridika sostantiva hija l-Artikolu 81(3) tat-TFUE, għalhekk il-Kunsill għandu jaġixxi b’mod unanimu wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew.

L-Irlanda hija marbuta bir-Regolament (KE) Nru 2201/2003 u għalhekk qed tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

Proporzjonalità

Din il-proposta hija mfassla fuq il-mudell tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill diġà adottati dwar l-istess suġġett u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-objettiv ta' azzjoni koerenti tal-UE fil-qasam tal-ħtif internazzjonali ta' minuri billi tiżgura li l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jaċċettaw l-adeżjoni tal-Filippini mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 f'perjodu ta' żmien stabbilit.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Il-maġġoranza l-kbira tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, ikkonsultati mill-Kummissjoni dwar ir-rieda tagħhom li jaċċettaw l-adeżjoni tal-Filippini mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980, taw opinjoni favorevoli.

Id-diskussjonijiet li saru fil-laqgħa tal-Esperti tat-2 ta’ Lulju 2019 urew li, b’eċċezzjoni waħda, ma kien hemm l-ebda oġġezzjoni mill-Istati Membri għall-aċċettazzjoni tal-adeżjoni tal-Filippini mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980.

Il-Kummissjoni għandha fiduċja li aktar diskussjonijiet fil-livell tekniku fil-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar Materji ta’ Dritt Ċivili se jwasslu għall-unanimità meħtieġa għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill.

 Ġbir u użu ta’ għarfien espert

Bi tħejjija għal-laqgħa tal-Esperti tat-2 ta’ Lulju 2019 u s-segwitu tagħha, il-Kummissjoni kienet f’kuntatt mill-qrib mal-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat, mad-Delegazzjoni tal-UE f’Manila u mad-Dipartiment tal-Ġustizzja tal-Filippini, b’mod partikolari mal-Konsulent Prinċipali tal-Istat, fil-kapaċità tiegħu bħala Awtorità Ċentrali maħtura skont il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980.

Valutazzjoni tal-impatt

Rigward it-18-ilDeċiżjoni tal-Kunsill, dwar l-aċċettazzjoni tal-adeżjoni ta' diversi Stati terzi mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980, li diġà ġew adottati fl-2015 u fl-2019, ma twettqet l-ebda valutazzjoni tal-impatt minħabba n-natura ta' dan l-att leġiżlattiv. Madankollu, il-livell ta’ implimentazzjoni tal-Konvenzjoni mill-Filippini ġie eżaminat fil-laqgħa tal-Esperti tat-2 ta’ Lulju 2019 li fiha kienu rrappreżentati l-Istati Membri kollha tal-UE. Bħala segwitu għal-laqgħa, il-Kummissjoni segwiet mill-qrib l-iżviluppi ulterjuri fil-Filippini.

Għadha ma ġietx adottata leġiżlazzjoni speċifika ta’ implimentazzjoni għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980, peress li kienet meħtieġa konsultazzjoni fost id-Dipartimenti/il-Ministeri differenti. Bħala miżura interim, id-Dipartiment tal-Ġustizzja qed iħejji Ordni Eżekuttiva li għandha tiġi ffirmata mill-President.

Din tfittex li tipprovdi għar-rwoli speċifiċi tal-aġenziji rilevanti involuti fil-proċess tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 u l-mekkaniżmu biex titħaffef il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-aġenziji fost id-Dipartiment tal-Ġustizzja, l-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Investigazzjoni, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Soċjali u l-Iżvilupp, l-Uffiċċju tal-Avukat Pubbliku u d-Dipartiment tal-Affarijiet Barranin, fost l-oħrajn. Se tfittex ukoll l-assistenza tal-Uffiċċju tal-President (OP) fil-provvediment tar-rekwiżiti baġitarji inizjali għall-finanzjament tal-implimentazzjoni tal-pajjiż tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980.

Il-Filippini indikaw li l-abbozz rivedut tal-Ordni Eżekuttiva se jiġi ċċirkolat lill-aġenziji rilevanti għall-kummenti f’Mejju 2021, segwit minn konsultazzjoni oħra bejn l-aġenziji, sabiex ikun jista’ jintbagħat lill-Uffiċċju tal-President (OP) sa mhux aktar tard mit-tmiem it-tieni kwart tal-2021.

B’mod parallel mal-abbozz ta’ Ordni Eżekuttiva propost, id-Dipartiment tal-Ġustizzja qed jesplora wkoll il-possibbiltà li jitlob lis-Segretarju għall-Ġustizzja biex joħroġ Ċirkolari tad-Dipartiment, li se tipprevedi wkoll il-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni bejn l-aġenziji, sakemm tinħareġ l-Ordni Eżekuttiva proposta. L-inputs mill-konsultazzjonijiet tal-kontenut tal-abbozz ta’ Ordni Eżekuttiva jistgħu jintużaw fl-abbozzar taċ-Ċirkolari tad-Dipartiment. Il-proċess u l-koordinazzjoni bejn l-aġenziji li għandhom jiġu inklużi fl-abbozz taċ-Ċirkolari tad-Dipartiment imbagħad iservu bħala r-Regoli ta’ Implimentazzjoni u r-Regolamenti proposti għall-Ordni Eżekuttiva proposta.

Għalkemm il-proċess tal-ħruġ ta’ leġiżlazzjoni/regoli ta’ implimentazzjoni kien pjuttost kajman, huwa mistenni li l-Filippini issa huma kompletament konxji tal-ħtieġa li juru riżultati konkreti biex jiffaċilitaw l-aċċettazzjoni tal-adeżjoni tagħhom mill-Istati Membri tal-UE u Partijiet Kontraenti oħra.

L-adeżjoni tal-Filippini mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 ġiet aċċettata minn 16-il Parti Kontraenti.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Id-deċiżjoni proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni baġitarja.

5.ELEMENTI OĦRAJN

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar

Billi l-proposta tikkonċerna biss l-awtorizzazzjoni lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea biex jaċċettaw l-adeżjoni tal-Filippini mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980, il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħha huwa limitat għar-rispett mill-Istati Membri tal-kliem tad-dikjarazzjoni, il-qafas ta’ żmien biex tiġi depożitata u l-komunikazzjoni tad-depożitu tagħha lill-Kummissjoni, kif stabbilit fid-Deċiżjoni tal-Kunsill.

2021/0178 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea biex jaċċettaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, l-adeżjoni tal-Filippini mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 81(3), flimkien mal-Artikolu 218(6) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew 4 ,

Billi:

(1)L-Unjoni Ewropea stabbiliet bħala wieħed mill-għanijiet tagħha l-promozzjoni tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-minuri, kif iddikjarat fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Il-miżuri għall-protezzjoni tal-minuri kontra t-tneħħija jew iż-żamma b'mod illeċitu huma parti essenzjali minn dik il-politika.

(2)Il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 2201/2003 5 (“ir-Regolament Brussell IIa”), li għandu l-għan li jipproteġi lill-minuri mill-effetti ta' ħsara tat-tneħħija jew taż-żamma b'mod illeċitu u li jistabbilixxi proċeduri biex jiżgura r-ritorn immedjat tagħhom lejn l-Istat tar-residenza abitwali tagħhom, kif ukoll li jiżgura l-ħarsien tad-drittijiet tal-aċċess u tad-drittijiet tal-kustodja.

(3)Ir-Regolament Brussell IIa jikkumplimenta u jirrinforza l-Konvenzjoni tal-Aja tal-25 ta' Ottubru 1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri (“il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980”) li tistabbilixxi, fil-livell internazzjonali, sistema ta' obbligi u kooperazzjoni fost l-Istati Kontraenti u bejn l-awtoritajiet ċentrali u għandha l-għan li tiżgura r-ritorn immedjat ta’ minuri li jitneħħew jew jinżammu b’mod illeċitu.

(4)L-Istati Membri kollha tal-Unjoni huma partijiet għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980.

(5)L-Unjoni tinkoraġġixxi lil Stati terzi biex jaċċedu għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 u tappoġġa l-implimentazzjoni korretta tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 billi tieħu sehem, flimkien mal-Istati Membri, fost oħrajn, fil-Kummissjonijiet Speċjali organizzati fuq bażi regolari mill-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat.

(6)Qafas ġuridiku komuni applikabbli bejn l-Istati Membri tal-Unjoni u Stati terzi jista' jkun l-aħjar soluzzjoni għal każijiet sensittivi ta' ħtif internazzjonali ta' minuri.

(7)Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 tistipula li hija tapplika bejn l-Istat aderenti u dawk l-Istati Kontraenti li jkunu ddikjaraw li aċċettaw l-adeżjoni.

(8)Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 ma tippermettix li organizzazzjonijiet reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika bħall-Unjoni jsiru partijiet għaliha. Għalhekk, l-Unjoni la tista' taderixxi mal-Konvenzjoni, u lanqas ma tista' tressaq dikjarazzjoni ta' aċċettazzjoni ta' stat aderenti.

(9)Skont l-Opinjoni 1/13 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, id-dikjarazzjonijiet ta' aċċettazzjoni skont il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 huma parti mill-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni.

(10)Il-Filippini ddepożitaw l-istrument tagħhom ta' adeżjoni mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 fis-16 ta' Marzu 2016. Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fil-Filippini fl-1 ta' Ġunju 2016.

(11)Valutazzjoni tas-sitwazzjoni fil-Filippini wasslet għall-konklużjoni li l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea huma f’pożizzjoni li jaċċettaw, fl-interess tal-Unjoni, l-adeżjoni tal-Filippini skont it-termini tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980.

(12)Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jkunu awtorizzati li jiddepożitaw id-dikjarazzjoni tagħhom ta’ aċċettazzjoni tal-adeżjoni tal-Filippini fl-interess tal-Unjoni skont it-termini stabbiliti f’din id-Deċiżjoni.

(13)L-Irlanda hija marbuta bir-Regolament Brussell IIa u għalhekk qed tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

(14)F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea huma b'dan awtorizzati li jaċċettaw l-adeżjoni tal-Filippini mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-25 ta' Ottubru 1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri (“il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980”) fl-interess tal-Unjoni.

L-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea għandhom, sa mhux aktar tard minn ... [12-il xahar wara d-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni], jiddepożitaw dikjarazzjoni ta' aċċettazzjoni tal-adeżjoni tal-Filippini mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 fl-interess tal-Unjoni, fformulata kif ġej:

“[L-isem sħiħ tal-ISTAT MEMBRU] jiddikjara li jaċċetta l-adeżjoni tal-Filippini mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-25 ta' Ottubru 1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/...

L-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea għandhom jinfurmaw lill-Kunsill u lill-Kummissjoni bid-depożitu tad-dikjarazzjoni tagħhom ta' aċċettazzjoni tal-adeżjoni tal-Filippini u jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta’ din id-dikjarazzjoni fi żmien xahrejn minn meta jiddepożitawha.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    18-il Deċiżjoni tal-Kunsill li jawtorizzaw lill-Istati Membri biex jaċċettaw l-adeżjoni ta’ Andorra mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 (id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2015/1023 adottata fil-15 ta’ Ġunju 2015) diġà ġew adottati; is-Seychelles (id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2015/2354 adottata fl-10 ta’ Diċembru 2015); ir-Russja (id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2015/2355 adottata fl-10 ta’ Diċembru 2015); l-Albanija (id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2015/2356 adottata fl-10 ta’ Diċembru 2015); Singapore (id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2015/1024 adottata fil-15 ta’ Ġunju 2015); il-Marokk (id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2015/2357 adottata fl-10 ta’ Diċembru 2015); l-Armenja (id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2015/2358 adottata fl-10 ta’ Diċembru 2015); ir-Repubblika tal-Korea (id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2016/2313 adottata fit-8 ta’ Diċembru 2016), il-Każakistan (id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2016/2311 adottata fit-8.12.2016), il-Perù (id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2016/2312 adottata fit-8.12.2016); il-Georgia u l-Afrika t’Isfel (id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2462 tat-18 ta’ Diċembru 2017); iċ-Ċilì, l-Iżlanda u l-Bahamas (id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2424 tat-18 ta’ Diċembru 2017); il-Panama, l-Urugwaj, il-Kolombja u El Salvador (id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2464 tat-18 ta’ Diċembru 2017); San Marino (id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2463 tat-18 ta’ Diċembru 2017); ir-Repubblika Dominicana (id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/305 tat-18 ta’ Frar 2019); L-Ekwador u l-Ukrajna (id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/306 tat-18 ta’ Frar 2019); Il-Honduras (id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/307 tat-18 ta’ Frar 2019); Il-Belarussja u l-Użbekistan (id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/308 tat-18 ta’ Frar 2019). 
(2)    Id-Direttiva 2008/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2008 dwar ċerti aspetti ta' medjazzjoni f'materji ċivili u kummerċjali (ĠU L 136 tal-24 ta' Mejju 2008, p. 3);
(3)     https://www.hcch.net/en/publications-and-studies/details4/?pid=5568&dtid=3
(4)    ĠU C , , p. .
(5)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta' Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbiltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU L 338, 23.12.2003, p. 1)..
Top