EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021PC0354

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE rigward emenda għall-Protokoll 31 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet (Linja baġitarja 07 20 03 01 — Sigurtà Soċjali)

COM/2021/354 final

Brussell, 5.7.2021

COM(2021) 354 final

2021/0175(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE rigward emenda għall-Protokoll 31 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet

(Linja baġitarja 07 20 03 01 — Sigurtà Soċjali)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE b’rabta mal-adozzjoni prevista tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt dwar emenda tal-Protokoll 31 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, dwar kooperazzjoni f’qosma speċifiċi barra l-erba’ libertajiet.

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Ftehim dwar iż-ŻEE

Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim dwar iż-ŻEE”) jiggarantixxi drittijiet u obbligi ugwali fis-Suq Intern għaċ-ċittadini u l-operaturi ekonomiċi fiż-ŻEE. Jipprevedi l-inklużjoni ta’ leġiżlazzjoni tal-UE li tkopri l-erba’ libertajiet fit-30 Stat taż-ŻEE li jinkludu l-Istati Membri tal-UE, in-Norveġja, l-Iżlanda u l-Liechtenstein. Barra minn hekk, il-Ftehim dwar iż-ŻEE jkopri l-kooperazzjoni f’oqsma importanti oħra bħar-riċerka u l-iżvilupp, l-edukazzjoni, il-politika soċjali, l-ambjent, il-protezzjoni tal-konsumatur, it-turiżmu u l-kultura, li kollettivament huma magħrufa bħala politiki “ta’ appoġġ u orizzontali”. Il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994. L-Unjoni Ewropea, flimkien mal-Istati Membri tagħha, hija parti għall-Ftehim.

2.2.Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa responsabbli għall-ġestjoni tal-Ftehim dwar iż-ŻEE. Huwa forum għall-iskambju ta’ fehmiet marbuta mal-funzjonament tal-Ftehim dwar iż-ŻEE. Id-deċiżjonijiet tiegħu jittieħdu permezz ta’ kunsens. F’konformità mat-Trattat ta’ Lisbona, ir-responsabbiltà għall-koordinazzjoni tal-kwistjonijiet taż-ŻEE fuq in-naħa tal-UE hija tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.

2.3.L-att previst tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa mistenni jadotta d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE (“l-att previst”) rigward l-emenda tal-Protokoll 31 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet.

L-għan tal-att previst huwa li jiżgura l-kontinwazzjoni tal-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim dwar iż-ŻEE fl-azzjonijiet tal-Unjoni ffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni fir-rigward tal-moviment liberu tal-ħaddiema, il-koordinazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali u l-miżuri għall-migranti, inklużi migranti minn pajjiżi terzi (Linja Baġitarja 07 20 03 01), imdaħħla fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2021.

L-att previst se jsir vinkolanti għall-Partijiet f’konformità mal-Artikoli 103 u 104 tal-Ftehim dwar iz-ŻEE.

3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

Il-Kummissjoni tippreżenta l-Abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għall-adozzjoni mill-Kunsill bħala l-pożizzjoni tal-Unjoni. Il-Kummissjoni tittama li tkun fil-qagħda li tippreżentah fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE kemm jista’ jkun malajr.

Il-kontenut u n-natura tal-abbozz tad-Deċiżjoni annessa tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jmorru lil hinn minn dawk li jistgħu jitqiesu bħala sempliċi adattamenti tekniċi fis-sens tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2894/94. Għaldaqstant, il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tiġi stabbilita mill-Kunsill.

Skont il-politika baġitarja tal-UE, kull parteċipazzjoni f’attività tal-UE tista’ ssir biss wara li jitħallsu l-kontribuzzjonijiet finanzjarji korrispondenti. Il-ħlas jista’ madankollu jsir ladarba dan l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill jiġi adottat u wara li s-sejħa għal fondi tal-UE stabbilita mill-Kummissjoni Ewropea tkun ippreżentata lill-Istati tal-EFTA u taż-ŻEE.

Għalhekk, biex jimtela l-vojt fiż-żmien bejn l-1 ta’ Jannar 2021 u r-riċeviment tal-ħlas rispettiv, l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt se jkun applikabbli b’mod retroattiv mill-1 ta’ Jannar 2021. Ir-retroattività ma taffettwax id-drittijiet u l-obbligi tal-persuni kkonċernati u tirrispetta l-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi.

4.Bażi ġuridika

4.1.Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita bi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim”.

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li jkollhom effetti legali skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregola l-korp ikkonċernat. Jinkludi wkoll strumenti li ma jkollhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatura tal-UE”. 1

4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa korp imwaqqaf bi ftehim, jiġifieri l-Ftehim dwar iż-ŻEE. L-att, li l-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa mitlub jadotta, jikkostitwixxi att b’effetti legali. L-att previst se jkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikoli 103 u 104 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE.

L-att previst la jissupplimenta u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim. Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) TFUE b’rabta mal-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2894/94 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea.

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE tiddependi primarjament fuq l-objettiv u l-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tiġi adottata pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ miri jew żewġ komponenti, u jekk waħda minn dawn il-miri jew wieħed minn dawn il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE trid tissejjes fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik meħtieġa mill-mira jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

Fir-rigward ta’ att previst li simultanjament isegwi għadd ta’ objettivi, jew li għandu diversi komponenti, li huma marbuta b’mod inseparabbli mingħajr ma wieħed ikun inċidentali għall-ieħor, il-bażi ġuridika sostantiva ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE jkollha tinkludi, eċċezzjonalment, id-diversi bażijiet ġuridiċi korrispondenti.

4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

L-att previst għandu objettivi u komponenti fil-qasam tal-moviment liberu tal-ħaddiema u l-koordinazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali. Il-bażi ġuridika sostantiva għandha għalhekk tkun l-Artikoli 46 u 48 TFUE.

4.3.Konklużjoni

Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikoli 46 u 48 TFUE, b’rabta mal-Artikolu 218(9) TFUE u l-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2894/94 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea.

5.Implikazzjonijiet baġitarji

L-Istati taż-ŻEE u tal-EFTA għandhom jikkontribwixxu finanzjarjament għal-Linja Baġitarja 07 20 03 01: “Moviment liberu tal-ħaddiema, koordinazzjoni ta’ skemi tas-sigurtà soċjali u miżuri għall-migranti inkluż migranti minn pajjiżi terzi”. L-ammont eżatt għandu jiġi ddeterminat ladarba tiġi adottata din id-deċiżjoni tal-Kunsill, fuq il-bażi tal-modalitajiet previsti fil-Protokoll 32 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE.

6.Pubblikazzjoni tal-att previst

Billi l-att tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE se jemenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, dwar kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi barra l-erba’ libertajiet, huwa xieraq li jkun ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara l-adozzjoni tiegħu.

2021/0175 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE rigward emenda għall-Protokoll 31 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet

(Linja baġitarja 07 20 03 01 — Sigurtà Soċjali)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 46 u 48, flimkien mal-Artikolu 218(9), tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) 2894/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea 2 , u b’mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea 3 (“il-Ftehim dwar iż-ŻEE”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994.

(2)Skont l-Artikolu 98 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jista' jiddeċiedi li jemenda, inter alia, il-Protokoll 31 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE.

(3)Il-Protokoll 31 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE fih dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet.

(4)Huwa xieraq li l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim dwar iż-ŻEE titkompla u tinkludi l-kooperazzjoni dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema, il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali u l-miżuri għall-migranti, inklużi l-migranti minn pajjiżi terzi.

(5)Il-Protokoll 31 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE jenħtieġ għalhekk li jiġi emendat biex jippermetti li din il-kooperazzjoni estiża tkompli mill-1 ta' Jannar 2021.

(6)Il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni mehmuż,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda proposta fil-Protokoll 31 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, dwar kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi barra mill-erba' libertajiet, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, il-Ġermanja vs il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi minn 61 sa 64.
(2)    ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6-8
(3)    ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.
Top

Brussell, 5.7.2021

COM(2021) 354 final

ANNESSI

ta'

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li temenda l-Protokoll 31 għall-Ftehim dwar iż-ŻEE,

dwar kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet









(Linja baġitarja 07 20 03 01 - Sigurtà Soċjali)







ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE

Nru [...]

ta’ [...]

li temenda l-Protokoll 31 għall-Ftehim dwar iż-ŻEE, 
dwar kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim dwar iż-ŻEE”), u b’mod partikolari l-Artikoli 86 u 98 tiegħu,

Billi:

(1)Huwa xieraq li titkompla l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti tal-Ftehim dwar iż-ŻEE fl-azzjonijiet tal-Unjoni ffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni rigward il-moviment liberu tal-ħaddiema, il-koordinazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali u l-miżuri għall-migranti, inklużi l-migranti minn pajjiżi terzi.

(2)Huwa xieraq li din il-kooperazzjoni tkompli wara l-31 ta’ Diċembru 2020, irrispettivament minn meta din id-Deċiżjoni tkun adottata jew jekk it-twettiq tar-rekwiżiti kostituzzjonali għal din id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE, jekk ikun hemm, jiġix innotifikat wara l-10 ta’ Lulju 2021.

(3)Entitajiet stabbiliti fl-Istati tal-EFTA għandhom ikunu intitolati li jipparteċipaw f'attivitajiet li jibdew qabel id-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni. L-ispejjeż imġarrba għal dawn l-attivitajiet, li l-implimentazzjoni tagħhom tibda wara l-1 ta’ Jannar 2021, jistgħu jitqiesu bħala eliġibbli bl-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikabbli għal spejjeż imġarrba minn entitajiet stabbiliti fl-Istati Membri tal-UE sakemm din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ qabel it-tmiem tal-azzjoni kkonċernata.

(4)Il-Protokoll 31 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE għandu għalhekk jiġi emendat biex ikun possibbli li din il-kooperazzjoni estiża tibda sseħħ mill-1 ta’ Jannar 2021,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 5 tal-Protokoll 31 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE għandu jiġi emendat kif ġej:

1.Il-paragrafu li ġej jiddaħħal wara l-paragrafu 13:

“14.Mill-1 ta' Jannar 2021, l-Istati tal-EFTA għandhom jipparteċipaw fl-azzjonijiet iffinanzjati mill-intestatura baġitarja li ġejja, imdaħħla fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2021:

-Linja Baġitarja 07 20 03 01: Moviment liberu tal-ħaddiema, koordinazzjoni ta’ skemi tas-sigurtà soċjali u miżuri għall-migranti inkluż migranti minn pajjiżi terzi

L-ispejjeż imġarrba għal attivitajiet li l-implimentazzjoni tagħhom tibda wara l-1 ta’ Jannar 2021, jistgħu jitqiesu bħala eliġibbli mill-bidu tal-azzjoni skont il-ftehim tal-għotja jew id-deċiżjoni tal-għotja kkonċernati dment li d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru XX/2021 ta’ l[…][Din id-deċiżjoni] tidħol fis-seħħ qabel tmiem l-azzjoni.”

2.Fil-paragrafu 5, il-kliem “u fl-azzjonijiet iffinanzjati mil-linji tal-baġit għas-snin finanzjarji 2014, 2015, 2016, 2017, 2018, 2019 u 2020 imsemmija fil-paragrafu 13 mill-1 ta' Jannar 2014” jinbidel bil-kliem “, fl-azzjonijiet iffinanzjati mil-linji tal-baġit għas-snin finanzjarji 2014, 2015, 2016, 2017, 2018, 2019, 2020, u 2021 imsemmija fil-paragrafu 13 mill-1 ta' Jannar 2014 u fl-azzjonijiet iffinanzjati mil-linja tal-baġit għas-sena finanzjarja 2021 imsemmija fil-paragrafu 14 mill-1 ta' Jannar 2021”.

3.Fil-paragrafi 6 u 7, il-kliem “paragrafi 8, 12 u 13” jinbidlu bil-kliem “paragrafi 8, 12, 13 u 14”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-aħħar notifika skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim dwar iż-ŻEE 1*.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u fis-Suppliment tiegħu dwar iż-ŻEE.

Magħmul fi Brussell, […].

   Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

   Il-President

   [...]

 Is-Segretarji

                    Tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

                       [...]

(1) *    [Ma huwa indikat ebda rekwiżit kostituzzjonali.] [Indikati rekwiżiti kostituzzjonali.]
Top