EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021PC0036

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar l-estensjoni tat-terminu tad-drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità għall-ispeċijiet tal-ispraġ, u għall-gruppi tal-ispeċijiet tal-basal tal-fjuri, għall-pjanti għudin bi frott żgħir u għall-pjanti ornamentali għudin

COM/2021/36 final

Brussell, 3.2.2021

COM(2021) 36 final

2021/0019(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar l-estensjoni tat-terminu tad-drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità għall-ispeċijiet tal-ispraġ, u għall-gruppi tal-ispeċijiet tal-basal tal-fjuri, għall-pjanti għudin bi frott żgħir u għall-pjanti ornamentali għudin


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

L-inizjattiva tikkonċerna Regolament adottat abbażi tal-Artikolu 118(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar l-estensjoni tat-terminu tal-protezzjoni minn 25 sena għal 30 sena għall-ispeċijiet tal-ispraġ, u għall-gruppi tal-ispeċijiet tal-basal tal-fjuri, tal-pjanti għudin bi frott żgħir u tal-pjanti ornamentali għudin, kif hemm stabbilit fil-preżent fl-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 dwar id-drittijiet ta’ varjetajiet tal-pjanti fil-Komunità. Din il-protezzjoni addizzjonali hija attwalment fis-seħħ għal speċijiet ta’ siġar, dwieli u patata. It-talba li jkun hemm estensjoni saret mill-Kunsill Amministrattiv tal-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (CPVO) wara talba min-nissiela tal-pjanti rrappreżentati mill-organizzazzjonijiet tan-nissiela tal-pjanti Ciopora, Euroseeds u Plantum, kif ukoll mill-kumpanija James Hutton Ltd.

Is-CPVO u l-Kummissjoni (DĠ SANTE) wettqu analiżi dwar jekk għall-ispeċijiet ikkonċernati hemmx xi diffikultajiet tekniċi fil-kultivazzjoni li jeħtieġu nefqa fuq attivitajiet ta’ riċerka għal perjodu twil, jekk il-multiplikazzjoni tal-materjal ta’ propagazzjoni tiħux fit-tul, jekk il-varjetajiet il-ġodda jiżvelawx valur kummerċjali biss fit-tul u r-redditu għall-investimenti f’attivitajiet ta’ riċerka huwa possibbli biss fi stadju pjuttost tard tal-protezzjoni meta mqabbel ma’ għelejjel ortikulturali jew agrikoli oħra. L-analiżi li twettqet uriet li għall-ispeċijiet tal-ispraġ, u għall-gruppi tal-ispeċijiet tal-basal tal-fjuri, għall-pjanti għudin bi frott żgħir u għall-pjanti ornamentali għudin, jenħtieġ li t-terminu tal-protezzjoni jittawwal b’ħames snin sabiex jiġi stabbilit ambjent legali li jwassal għal rifinanzjament ekwu għar-riċerka u għall-kultivazzjoni.Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam tal-politika

Din hija implimentazzjoni teknika tar-rekwiżiti eżistenti u b’hekk hija konsistenti mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika tad-drittijiet tan-nissiela Ewropej tal-pjanti.

Konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni

Din il-proposta tikkonforma mar-regoli tal-Unjoni.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-bażi legali ta’ dan l-Att hija l-Artikolu 118(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li, f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja jagħti s-setgħa lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jistabbilixxu l-miżuri għall-ħolqien ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali Ewropej li jipprovdu protezzjoni uniformi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali madwar l-Unjoni u għall-istabbiliment ta’ sistemi ċentralizzati ta’ awtorizzazzjoni, ta’ koordinazzjoni u ta’ superviżjoni madwar l-Unjoni.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Ir-rekwiżiti għad-drittijiet tan-nissiela tal-pjanti huma rregolati fil-livell tal-Unjoni, u sabiex jiġi garantit l-istess perjodu ta’ protezzjoni għad-drittijiet tan-nissiela tal-pjanti, hija meħtieġa azzjoni fil-livell tal-Unjoni.

Proporzjonalità

Din hija l-unika forma possibbli ta’ azzjoni tal-Unjoni biex jintlaħaq l-għan imfittex.

Għażla tal-istrument

L-istrument legali huwa previst mill-bażi legali, l-Artikolu 118 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Ma japplikax

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Diversi organizzazzjonijiet tan-nissiela tal-pjanti talbu li jittawwal il-perjodu ta’ protezzjoni għal ċerti speċijiet. Il-partijiet ikkonċernati ewlenin kollha u l-Istati Membri ġew infurmati u kkonsultati kemm fil-Kunsill Amministrattiv tas-CPVO, li rriżulta f’talba formali tal-korp lill-Kummissjoni, kif ukoll fil-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf. Ma kienet meħtieġa l-ebda konsultazzjoni separata, peress li l-inizjattiva tikkonċerna biss l-implimentazzjoni teknika ta’ regoli eżistenti u ma saret l-ebda konsultazzjoni separata f’inizjattivi simili fl-imgħoddi.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Il-Kummissjoni wettqet analiżi teknika flimkien mas-CPVO.

Valutazzjoni tal-impatt

Dan huwa att ta’ natura teknika u jimplimenta r-regoli eżistenti bbażati fuq l-esperjenza tal-partijiet ikkonċernati. Għaldaqstant, mhijiex meħtieġa valutazzjoni tal-impatt.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Din il-proposta mhijiex marbuta mar-REFIT. Din il-proposta ta’ perjodu addizzjonali ta’ protezzjoni ta’ ħames snin tgħin biex jinkiseb redditu suffiċjenti tal-investimenti li jkunu saru u tinkoraġġixxi t-tnissil ta’ varjetajiet imtejba ġodda għall-benefiċċju tal-kultivaturi, tal-konsumaturi u tas-soċjetà inġenerali. Barra minn hekk, l-aċċess, b’mod partikolari tal-SMEs, għas-swieq tal-esportazzjoni jista’ jiġi ffaċilitat. In-natura tal-problema ma tinbidilx meta s-soċjetà tagħmel użu akbar mill-internet u mill-midja soċjali ħlief li l-offerta ta’ varjetajiet ġodda ta’ pjanti fuq l-internet (bejgħ bl-internet) lill-konsumaturi x’aktarx li tkompli tiżdied.

Drittijiet fundamentali

Id-dritt għall-proprjetà intellettwali, l-Artikolu 17(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea 1

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Le

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar

Ma japplikax

Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Ma japplikax

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

L-għan ta’ din il-proposta huwa li tiżdied il-protezzjoni tad-Drittijiet ta’ Varjetajiet ta’ Pjanti fil-Komunità minn 25 għal 30 sena għall-ispeċijiet tal-ispraġ, u għall-gruppi tal-ispeċijiet tal-basal tal-fjuri, għall-pjanti għudin bi frott żgħir u għall-pjanti ornamentali għudin. Għal dan il-għan huwa previst Regolament li jipprevedi estensjoni, u fl-Artikolu 2(1) it-terminu tal-protezzjoni għall-ispeċijiet ikkonċernati huwa mtawwal b’ħames snin.

Barra minn hekk, l-Artikolu 2(2) ta’ din il-proposta għandu l-għan li jqis it-tul tad-drittijiet nazzjonali ta’ varjetajiet ta’ pjanti. Fil-każ tal-varjetajiet li għalihom ikun ġie konċess dritt nazzjonali għall-varjetà ta’ pjanta qabel il-konċessjoni tad-dritt ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità, iżda li għalihom ma japplikax ir-raba’ inċiż tal-Artikolu 116(4) tar-Regolament 1994/2100 KE, l-estensjoni msemmija fl-Artikolu 2(2) ta’ din il-proposta għandha titnaqqas bl-itwal perjodu ta’ żmien fi snin sħaħ li matulu kull dritt jew drittijiet nazzjonali ta’ proprjetà konċessi kienu effettivi fi Stat Membru rigward l-istess varjetà qabel il-konċessjoni tad-dritt ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità.

2021/0019 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar l-estensjoni tat-terminu tad-drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità għall-ispeċijiet tal-ispraġ, u għall-gruppi tal-ispeċijiet tal-basal tal-fjuri, għall-pjanti għudin bi frott żgħir u għall-pjanti ornamentali għudin

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 118 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 2

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja 3  

Billi:

(1)Id-diffikultajiet tekniċi fit-tnissil, minħabba kuntesti ġenetiċi kumplessi jew minħabba r-riproduzzjoni bil-mod jew teknikament ikkumplikata tal-ispeċijiet tal-ispraġ, u tal-gruppi ta’ speċijiet tal-basal tal-fjuri, tal-pjanti għudin bi frott żgħir u tal-pjanti ornamentali għudin jeħtieġu investimenti għall-attivitajiet ta’ riċerka. Ladarba tingħata l-protezzjoni għall-ispeċijiet imsemmija, iridu jgħaddu s-snin biex il-pjanti jimmultiplikaw u jinbena stokk li jkun kbir biżżejjed biex jiġġenera dħul raġonevoli. Għaldaqstant, iż-żmien tad-detentur tad-drittijiet biex jiġġenera introjtu abbażi tal-protezzjoni huwa limitat għal-raġunijiet prattiċi. Biex jitħeġġeġ l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp għal dawn il-varjetajiet jeħtieġ li jittawwal il-perjodu tal-protezzjoni tal-varjetajiet u li jiġu inċentivizzati l-attivitajiet ta’ tnissil biex jiġu żviluppati varjetajiet ġodda li jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-bdiewa u tal-konsumaturi u biex jiġi ffaċċjat l-impatt tat-tibdil fil-klima. Biex irendu l-profitti, dawk l-investimenti jeħtieġu perjodu itwal minn dak tal-maġġoranza l-kbira tal-ispeċijiet l-oħra, bħall-għelejjel agrikoli, li spiss ikollhom ħajja iqsar u firxa akbar u aktar wiesgħa ta’ klijenti.

(2)Barra minn hekk, l-introduzzjoni fis-suq u l-adozzjoni fis-suq ta’ varjetà ġdida ta’ dawk l-ispeċijiet jeħtieġu żmien itwal, peress li l-esperjenza wriet li varjetà ġdida tiżvela l-valur kummerċjali tagħha fit-tul biss. Għal dawn ir-raġunijiet, ir-rifużjoni ekwa tal-investiment fir-riċerka hija possibbli biss fi stadju pjuttost tard tal-protezzjoni ta’ dawk l-ispeċijiet meta mqabbla mal-għelejjel l-oħra.

(3)Sabiex jiġi stabbilit ambjent legali li jwassal għall-kisba ta’ rifużjoni ekwitabbli, jixraq li t-terminu tad-drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità li jikkonċerna l-ispeċijiet tal-ispraġ, u l-gruppi tal-ispeċijiet tal-basal tal-fjuri, tal-pjanti għudin bi frott żgħir u tal-pjanti ornamentali għudin, jittawwal b’ħames snin oħra.

(4)Għal raġunijiet ta’ konsistenza, jenħtieġ li din l-estensjoni tapplika għad-drittijiet kollha ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità fir-rigward tal-ispeċijiet tal-ispraġ, u tal-gruppi tal-ispeċijiet tal-basal tal-fjuri, tal-pjanti għudin bi frott żgħir u tal-pjanti ornamentali għudin.

(5)Jenħtieġ li l-perjodu tal-estensjoni jitnaqqas jekk id-drittijiet nazzjonali ta’ proprjetà fir-rigward ta’ dawk il-varjetajiet kienu effettivi fi Stat Membru qabel l-għoti ta’ dritt ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità u, għaldaqstant, ikunu diġà ppermettew lin-nissiela tal-pjanti jisfruttaw il-varjetajiet tagħhom.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1 
Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)“il-varjetajiet tal-pjanti kkonċernati” tfisser il-varjetajiet tal-pjanti tal-ispeċijiet tal-ispraġ, u tal-gruppi tal-ispeċijiet tal-basal tal-fjuri, tal-pjanti għudin bi frott żgħir u tal-pjanti ornamentali għudin;

(2)“it-terminu tad-dritt” tfisser it-terminu, li jirriżulta mill-Artikolu 19(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94, ta’ dritt ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità.

Artikolu 2 
Estensjoni tat-terminu tad-drittijiet

1.It-terminu tad-dritt tal-varjetajiet ta’ pjanti kkonċernati għandu jittawwal b’ħames snin. Dik l-estensjoni għandha tapplika għad-drittijiet mogħtija qabel l-1 ta’ Lulju 2021, f’dik id-data, jew warajha. 

2.Il-Paragrafu 1 huwa mingħajr preġudizzju għal:

(a)l-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament;

(b)ir-raba’ inċiż tal-Artikolu 116(4) tar-Regolament (KE) Nru 2100/94.

Artikolu 3 
Tnaqqis tal-estensjoni tat-terminu tad-drittijiet

1.Għall-varjetajiet tal-pjanti msemmija fil-paragrafu 2, l-estensjoni tat-terminu previst fl-Artikolu 2 għandha titnaqqas bl-itwal perjodu fi snin kalendarji sħaħ li matulhom kwalunkwe dritt jew drittijiet nazzjonali ta’ proprjetà mogħtija kienu effettivi fi Stat Membru fir-rigward tal-istess varjetà qabel l-għoti tad-dritt ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità.

2.Il-paragrafu 1 għandu japplika għall-varjetajiet ta’ pjanti kkonċernati li mhumiex soġġetti għar-raba’ inċiż tal-Artikolu 116(4) tar-Regolament (KE) Nru 2100/94 u li jkunu ngħataw dritt nazzjonali wieħed jew aktar tal-varjetajiet ta’ pjanti qabel l-għoti tad-dritt ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità.

Artikolu 4 
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 326, 26.10.2012, p. 391).
(2)    ĠU C../../.... 2020, p.....
(3)    Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta’ ... u d-deċiżjoni tal-Kunsill ta’ ...
Top