EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021PC0016

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’Isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali rigward l-Emenda 28 għall-Anness 9, Taqsima D tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali

COM/2021/16 final

Brussell, 12.1.2021

COM(2021) 16 final

2021/0007(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’Isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali rigward l-Emenda 28 għall-Anness 9, Taqsima D tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) b’rabta mal-Emenda 28 tal-Anness 9 dwar il-Faċilitazzjoni għall-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (“il-Konvenzjoni ta’ Chicago”). Il-Kunsill tal-ICAO adotta din l-Emenda fit-23 ta’ Ġunju 2020.

L-Emenda 28 hija relatata mar-regoli għall-ipproċessar tad-data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR), li huma indirizzati fit-Taqsima D, il-Kapitolu 9 tal-Anness 9.

Id-data tal-PNR hija d-data personali tal-passiġġieri miġbura mil-linji tal-ajru għall-iskopijiet tan-negozju tagħhom, għall-kuntrarju ta’ data oħra relatata mal-ivvjaġġar miġbura f’isem l-awtoritajiet, bħall-Informazzjoni Antiċipata dwar il-Passiġġieri (API). L-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi madwar id-dinja qed jużaw dejjem aktar id-data tal-PNR trasferita lilhom mil-linji tal-ajru biex jiġġieldu t-terroriżmu u forom oħra ta’ kriminalità serja.

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (il-“Konvenzjoni ta’ Chicago”)

Il-Konvenzjoni ta’ Chicago għandha l-għan li tirregola t-trasport internazzjonali bl-ajru. Daħlet fis-seħħ fl-4 ta’ April 1947 u stabbiliet l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO).

L-Istati Membri kollha tal-UE huma Partijiet fil-Konvenzjoni ta’ Chicago.

2.2.L-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali

L-ICAO hija aġenzija speċjalizzata tan-Nazzjonijiet Uniti. L-objettivi tal-Organizzazzjoni huma li tiżviluppa l-prinċipji u t-tekniki tan-navigazzjoni internazzjonali bl-ajru u li trawwem l-ippjanar u l-iżvilupp tat-trasport internazzjonali bl-ajru.

Il-Kunsill tal-ICAO huwa korp permanenti tal-ICAO bi sħubija ta’ 36 Stat Kontraenti eletti mill-Assemblea tal-ICAO għal perjodu ta’ tliet snin. Għall-perjodu 2019-2022, hemm seba’ Stati Membri tal-UE rrappreżentati fil-Kunsill tal-ICAO 1 .

Fost il-funzjonijiet obbligatorji tal-Kunsill tal-ICAO, elenkati fl-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, hemm l-adozzjoni ta’ Standards u Prattiki Rakkomandati internazzjonali (magħrufin ukoll bħala SARPs), speċifikati bħala Annessi tal-Konvenzjoni ta’ Chicago. L-istandards huma speċifikazzjonijiet li għalihom applikazzjoni uniformi hija meqjusa neċessarja, filwaqt li l-Prattiki Rakkomandati mhumiex obbligatorji.

Il-Kunsill tal-ICAO jlaqqa’ wkoll lill-Assemblea, li hija l-korp sovran tal-ICAO. L-Assemblea tal-ICAO tiltaqa’ mill-inqas darba kull tliet snin u tistabbilixxi d-direzzjoni politika tal-Organizzazzjoni għall-perjodu ta’ tliet snin li jkun imiss. L-40 Sessjoni tal-Assemblea tal-ICAO saret bejn l-24 ta’ Settembru u l-4 ta’ Ottubru 2019 f’Montreal, il-Kanada.

2.3.Il-proċess għall-aġġornament tal-Istandards u l-Prattiki Rakkomandati (SARPs) tal-ICAO dwar il-PNR

L-elaborazzjoni ta’ Standards u Prattiki Rakkomandati (SARPs) għandha l-għeruq tagħha fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 2396 (2017), adottata fil-21 ta’ Diċembru 2017 2 . Ir-riżoluzzjoni tirrikjedi li l-Istati Membri tan-NU “jiżviluppaw il-kapaċità li jiġbru, jipproċessaw u janalizzaw, b’segwitu għall-istandards u għall-prattiki rakkomandati tal-ICAO, id-data tar-reġistri tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR), u jiżguraw li d-data tal-PNR tintuża mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kollha tagħhom kif ukoll tiġi kondiviża magħhom kollha, b’rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u għal-libertajiet fundamentali”. Tħeġġeġ ukoll lill-ICAO biex “taħdem mal-Istati Membri tagħha biex tistabbilixxi standard għall-ġbir, l-użu, l-ipproċessar u l-protezzjoni tad-data tal-PNR”.

L-abbozzar ta’ proposti biex jiġu riveduti s-SARPs tal-PNR ġie fdat lil grupp ta’ esperti, it-Task Force PNR tal-ICAO, imwaqqaf mill-Kumitat tat-Trasport bl-Ajru tal-ICAO (ATC) f’Marzu 2019. Il-ħidma tat-Task Force ġiet konkluża f’Diċembru 2019 u ġiet eżaminata mill-Bord ta’ Faċilitazzjoni tal-ICAO f’Jannar 2020.

Il-proposti tal-Bord ta’ Faċilitazzjoni tal-ICAO ġew approvati mill-ATC fis-7 ta’ Frar 2020. Din l-approvazzjoni kienet segwita minn konsultazzjoni formali tal-Istati Membri tal-ICAO permezz ta’ Ittra lill-Istati tal-ICAO 2020 14E. Il-konsultazzjoni tal-Istat ġiet konkluża fil-15 ta’ Mejju 2020.

Wara l-konsultazzjoni mal-Istati, is-Segretarjat tal-ICAO analizza t-tweġibiet li waslu mingħand l-Istati u ppreżenta proposta lill-ATC. Il-proposta tas-Segretarjat kienet prattikament identika għall-eżitu tal-laqgħa tal-Bord ta’ Faċilitazzjoni f’Jannar 2020. B’mod simili, fil-laqgħa tiegħu tad-19 ta’ Ġunju 2019, l-ATC irrakkomanda lill-Kunsill tal-ICAO biex jadotta s-SARPs tal-PNR kif ippreżentati mis-Segretarjat b’korrezzjonijiet minuri biss.

Fit-23 ta’ Ġunju 2020, matul l-Għaxar Laqgħa tal-220 Sessjoni tiegħu, il-Kunsill tal-ICAO adotta l-Emenda 28 għall-Anness 9 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago. Kif innutat hawn fuq, l-Anness 9 jistabbilixxi standards internazzjonali dwar il-Faċilitazzjoni u fil-Kapitolu 9 tiegħu, it-Taqsima D tirrigwarda speċifikament il-PNR.

Fis-17 ta’ Lulju 2020, l-ICAO infurmat lill-Istati Membri tagħha bl-adozzjoni tal-Emenda 28 permezz ta’ ittra oħra lill-Istati (EC 6/3-20/71). L-emenda daħlet fis-seħħ fit-30 ta’ Ottubru 2020, dment li ma kienx hemm maġġoranza tal-Istati li rreġistraw id-diżapprovazzjoni tagħhom sa dik id-data skont l-Artikolu 90 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago. L-emenda se tkun applikabbli mit-28 ta’ Frar 2021. Madankollu, l-Istati Membri tal-ICAO jistgħu jinnotifikaw, sat-30 ta’ Jannar 2020, kwalunkwe differenza bejn ir-regolamenti u l-prattiki nazzjonali tagħhom u dawk minquxa fl-Istandards stabbiliti mill-Emenda 28 jekk iqisu li jeżistu ċerti differenzi bejn ir-regolamenti jew il-prattiki domestiċi tagħhom u xi standard. Tali notifika għandha tiġi ppreżentata f’konformità mal-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago u l-mekkaniżmu applikabbli għall-preżentazzjoni tad-differenzi.

2.4.L-aspetti tal-PNR tal-Emenda 28 għall-Anness 9

Jekk tkun effettiva, l-Emenda 28 se tissostitwixxi l-Istandards eżistenti 9.22–9.22.1 u l-Prattika Rakkomandata 9.23 b’SARPs ġodda 9.23–9.38. Dawn is-SARPs huma ferm aktar dettaljati mill-qafas eżistenti, u jkopru fost l-oħrajn aspetti relatati mal-limitazzjoni tal-iskop, is-sorveljanza, id-drittijiet tas-suġġetti tad-data, il-metodu ta’ trażmissjoni, iż-żamma tad-data, l-ipproċessar ta’ data sensittiva u r-relazzjoni bejn l-Istati Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Chicago dwar it-trasferimenti tad-data tal-PNR. Partijiet mill-gwida mhux vinkolanti pprovduta fid-Dokument 9944 tal-ICAO li tistabbilixxi linji gwida dwar id-data tal-PNR 3 ġew aġġornati għall-Istandards il-ġodda.

L-istandard 9.23 jirrikjedi li l-Istati kontraenti jiżviluppaw il-kapaċità li jiġbru, jużaw, jipproċessaw u jipproteġu l-PNR u li jittraduċu r-regoli għall-implimentazzjoni prattika ta’ din il-kapaċità fil-qafas legali u amministrattiv intern xieraq b’konsistenza mas-SARPs. Il-karattru obbligatorju tal-iżvilupp tal-kapaċitajiet tal-ipproċessar tal-PNR huwa konformi mar-Riżoluzzjoni 2396 (2017) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.

L-Istandard 9.24 jirrikjedi li l-Istati kontraenti, f’konformità sħiħa mad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, jidentifikaw b’mod ċar id-data tal-PNR li għandha tintuża fl-operazzjonijiet tagħhom u jistabbilixxu l-iskopijiet li għalihom id-data tal-PNR tista’ tintuża mill-awtoritajiet. Jenħtieġ li tali finijiet ma jkunux usa’ milli meħtieġ, inkluż, b’mod partikolari, skopijiet ta’ sigurtà tal-fruntieri għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità serja. Barra minn hekk, l-iżvelar tad-data tal-PNR fl-Istat destinatarju jew f’oħrajn għandu jkun limitat għall-awtoritajiet kompetenti li jeżerċitaw funzjonijiet rilevanti relatati mal-finijiet li għalihom tiġi pproċessata d-data tal-PNR. Dawn l-awtoritajiet jenħtieġ ukoll li jiżguraw protezzjonijiet komparabbli bħal dawk mogħtija mill-awtorità li tiżvela.

L-istandard 9.25 jistabbilixxi rekwiżiti li jikkonċernaw is-sigurtà tad-data u d-drittijiet tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data tal-PNR tagħhom, inkluż fir-rigward tan-nondiskriminazzjoni, l-għoti ta’ informazzjoni, ir-rimedju amministrattiv u ġudizzjarju, l-aċċess għad-data u l-possibbiltà li jintalbu korrezzjonijiet, tħassir jew notazzjonijiet. Il-Prattika Rakkomandata 26 tħeġġeġ lill-Istati jinnotifikaw lill-individwi dwar l-ipproċessar tad-data tal-PNR tagħhom u d-drittijiet u l-mezzi ta’ rimedju mogħtija lilhom.

L-istandard 9.27 jirrikjedi li l-Istati kontraenti jibbażaw l-ipproċessar awtomatizzat tad-data tal-PNR fuq kriterji oġġettivi, preċiżi u affidabbli li jindikaw b’mod effettiv l-eżistenza ta’ riskju, mingħajr ma jwasslu għal differenzjazzjoni illegali, u joqogħdu lura milli jieħdu deċiżjonijiet li jipproduċu azzjonijiet negattivi sinifikanti li jaffettwaw l-interess legali tal-individwi bbażati biss fuq l-ipproċessar awtomatizzat tad-data tal-PNR.

Skont l-Istandard 9.28, l-Istati huma meħtieġa jaħtru awtorità domestika kompetenti waħda (jew aktar) bis-setgħa li twettaq sorveljanza indipendenti tal-protezzjoni tad-data tal-PNR u tiddetermina jekk id-data tal-PNR hijiex qed tinġabar, tintuża, tiġi pproċessata u protetta b’rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali.

L-istandard 9.29 jipprekludi lill-Istati milli jirrikjedu li l-linji tal-ajru jiġbru data tal-PNR li mhijiex meħtieġa bħala parti mill-proċeduri operattivi normali tan-negozju tagħhom, jew li jiffiltraw tali data qabel it-trażmissjoni. Jipprojbixxi wkoll l-ipproċessar ta’ data sensittiva – jiġifieri, data tal-PNR li tiżvela l-oriġini razzjali jew etnika, l-opinjonijiet politiċi, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku, is-sħubija fi trade union jew data dwar is-saħħa, il-ħajja sesswali jew l-orjentazzjoni sesswali ta’ individwu – ħlief f’ċirkostanzi eċċezzjonali u immedjati biex jiġu protetti l-interessi vitali tas-suġġett tad-data jew ta’ persuna fiżika oħra. Fil-każ li tali data tiġi trażmessa, l-Istati huma meħtieġa jħassruha malajr kemm jista’ jkun.

L-istandard 9.30 jistabbilixxi l-obbligi li jikkonċernaw iż-żamma tad-data u d-depersonalizzazzjoni u l-personalizzazzjoni mill-ġdid tad-data tal-PNR, u jirrikjedi li l-Istati jżommu d-data għal perjodu stabbilit biss kif definit fil-qafas legali u amministrattiv tagħhom, li għandu il-perjodu meħtieġ u proporzjonat għall-finijiet li għalihom tintuża d-data tal-PNR, u li tiġi mistura wara perjodu ta’ żmien stabbilit. Wara s-satar, il-personalizzazzjoni mill-ġdid għandha tkun possibbli biss meta d-data jkun hemm bżonn tintuża b’rabta ma’ każ, theddida jew riskju attwali relatati mal-finijiet li għalihom tista’ tiġi pproċessata d-data tal-PNR. Il-Prattika Rakkomandata 9.32 tissuġġerixxi perijodu massimu ta’ żamma ta’ ħames snin u l-Prattika Rakkomandata 9.33 tipproponi li d-data tal-PNR għandha tiġi depersonalizzata fi żmien sitt xhur u mhux aktar tard minn sentejn mill-mument li tiġi trasferita mil-linji tal-ajru.

L-Istandard 9.33 jistabbilixxi li d-data tal-PNR għandha, bħala regola, tiġi trażmessa permezz tal-metodu push, li huwa inqas intrużiv għall-privatezza. Għandu wkoll l-għan li jimminimizza l-piżijiet fuq il-linji tal-ajru billi jillimita l-kapaċità li l-Istati jimponu multi għal żbalji fi-trażmissjoni f’ċerti ċirkostanzi u billi tippermettilhom jillimitaw l-għadd ta’ draba li ssir push.

L-Istandard 9.34 (a) jirrikjedi li l-Istati kontraenti ma jfixklux jew jipprevjenu t-trasferiment tad-data tal-PNR lil Stat kontraenti ieħor li jikkonforma mal-Istandards il-ġodda. Fl-istess ħin, l-Istandard 9.34 (b) jipprevedi li l-Istati kontraenti tal-ICAO għandhom iżommu l-kapaċità li jintroduċu jew iżommu livelli ogħla ta’ protezzjoni tad-data tal-PNR, f’konformità mal-qafas legali domestiku tagħhom, u li jidħlu f’arranġamenti addizzjonali ma’ Stati oħra, b’mod partikolari, bil-ħsieb li jikkonformaw mar-rekwiżiti legali interni tagħhom, jew jistabbilixxu dispożizzjonijiet aktar dettaljati relatati mal-ipproċessar u t-trasferiment tad-data tal-PNR dment li dawk il-miżuri ma jkunux b’xi mod ieħor f’kunflitt mal-Istandards.

Skont l-Istandard 9.35, l-Istati kontraenti jistgħu jintalbu juru l-konformità tagħhom mal-Istandards il-ġodda fuq talba minn Stat ieħor. Fejn l-Istati kontraenti jiddeterminaw li huma għandhom jimpedixxu t-trasferimenti tad-data tal-PNR jew jimmultaw trasportatur bl-ajru, l-Istandard 9.36 jirrikjedi li jagħmlu dan b’mod trasparenti u bl-intenzjoni li jsolvu s-sitwazzjoni.

Il-Prattika Rakkomandata 9.37 tħeġġeġ lill-Istati jinnotifikaw lil oħrajn li qed iżommu l-ivvjaġġar bl-ajru magħhom bi kwalunkwe bidla sinifikanti fil-programm tal-PNR tagħhom, inkluż fir-rigward tal-konformità mal-SARPs. Il-Prattika Rakkomandata 9.38 tissuġġerixxi li t-trasportaturi bl-ajru ma jkunux ippenalizzati mill-Istati waqt li jkunu qed jippruvaw isolvu tilwim rigward it-trasferimenti tad-data tal-PNR.

2.5.Il-qafas legali applikabbli tal-UE

L-ipproċessar tad-data tal-PNR jikkostitwixxi strument essenzjali għar-rispons komuni tal-UE kontra t-terroriżmu u l-kriminalità serja u huwa element importanti fl-Unjoni tas-Sigurtà. L-identifikazzjoni u t-traċċar ta’ xejriet ta’ vvjaġġar suspettużi permezz tal-ipproċessar tal-PNR, biex tinġabar evidenza u, fejn rilevanti, jinstabu l-assoċjati tal-kriminali u jinkixfu n-networks kriminali wrew li kienu essenzjali għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tar-reati terroristiċi u ta’ kriminalità serja. Fl-istess ħin, l-ipproċessar tad-data tal-PNR jikkostitwixxi interferenza mad-drittijiet għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali kif minquxa fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE (“il-Karta”). F’konformità mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandu għalhekk ikun previst mil-liġi, jirrispetta l-essenza tad-drittijiet ikkonċernati u, soġġett għall-prinċipju tal-proporzjonalità, ikun permess biss sa fejn ikun meħtieġ u jissodisfa ġenwinament objettiv ta’ interess ġenerali tal-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn. Wieħed mill-objettivi ta’ interess ġenerali huwa l-protezzjoni taċ-ċittadini minn theddid serju għas-sigurtà.

Fis-27 ta’ April 2016, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw id-Direttiva (UE) 2016/681 dwar l-użu tad-data tal-PNR għall-prevenzjoni, il-kxif, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja 4 . Din id-Direttiva tippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali li jirrikjedu li t-trasportaturi bl-ajru jittrasferixxu d-data tal-PNR, filwaqt li jipprovdu salvagwardji għad-drittijiet tal-individwi għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data. L-iskadenza għall-Istati Membri biex jittrasponu l-leġiżlazzjoni fil-liġi nazzjonali tagħhom kienet il-25 ta’ Mejju 2018. Ir-rieżami 5 tal-ewwel sentejn ta’ applikazzjoni tad-Direttiva li sar fl-2020 wera li l-ipproċessar tad-data tal-PNR kien ta riżultati tanġibbli fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità serja.

F’April 2016 ukoll, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw regoli ġodda tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data: ir-Regolament (UE) 2016/679 (ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data jew il-GDPR 6 ) u d-Direttiva (UE) 2016/680 (dwar il-protezzjoni tad-data fis-settur tal-infurzar tal-liġi 7 ). Fost l-oħrajn, il-GDPR jistabbilixxi regoli dwar it-trasferimenti internazzjonali ta’ data personali li huma applikabbli għat-trażmissjoni tad-data tal-PNR mit-trasportaturi bl-ajru. Id-Direttiva (UE) 2016/680 tirregola l-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u tikkompleta r-reġim tad-Direttiva (UE) 2016/681 dwar aspetti bħad-drittijiet tas-suġġetti tad-data u t-trasferimenti ta’ data każ b’każ lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi f’pajjiżi terzi.

Bħalissa hemm żewġ ftehimiet internazzjonali bejn l-UE u pajjiżi terzi (speċifikament l-Awstralja 8 u l-Istati Uniti 9 ) dwar l-ipproċessar u t-trasferiment tad-data tal-PNR. Fis-26 ta’ Lulju 2017, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ħarġet Opinjoni (minn hawn ’il quddiem l-Opinjoni 1/15 10 ) dwar il-Ftehim previst dwar it-trasferiment u l-ipproċessar tad-data tal-PNR bejn l-UE u l-Kanada, iffirmat fit-25 ta’ Ġunju 2014. Il-Qorti sabet li l-ftehim ma setax jiġi konkluż fil-forma intenzjonata tiegħu minħabba li xi wħud mid-dispożizzjonijiet tiegħu kienu inkompatibbli mad-drittijiet fundamentali għall-privatezza u għall-protezzjoni tad-data personali protetti mill-Karta. B’mod partikolari, il-Qorti interpretat li d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Karta jirrekjedu salvagwardji speċifiċi rigward is-sorveljanza minn awtorità indipendenti, l-ipproċessar tad-data sensittiva, l-ipproċessar awtomatizzat tad-data tal-PNR u n-nondiskriminazzjoni, l-iskopijiet li għalihom id-data tal-PNR tista’ tiġi pproċessata, u ż-żamma, l-użu, l-iżvelar u tat-trasferiment ulterjuri tad-data tal-PNR. Wara l-adozzjoni tad-direttivi ta’ negozjati mill-Kunsill f’Diċembru 2017, il-Kummissjoni bdiet negozjati ġodda dwar il-PNR mal-Kanada f’Ġunju 2018.

B’mod aktar ġenerali, għadd dejjem akbar ta’ pajjiżi terzi qed jiġbru d-data tal-PNR mingħand it-trasportaturi tal-ajru u bosta minnhom matul dawn l-aħħar snin avviċinaw lill-Kummissjoni biex jesprimu l-interess tagħhom li jikkonkludu ftehim internazzjonali mal-UE dwar il-PNR. Fin-nuqqas ta’ bażi legali li tippermetti t-trasferimenti ta’ data, it-trasportaturi tal-ajru qed iħabbtu wiċċhom ma’ sitwazzjoni ta’ kunflitt fil-liġijiet u qed jissugraw multi u sanzjonijiet oħra. Fl-istess ħin, wara l-implimentazzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/681, l-Istati Membri tal-UE qed jitolbu lit-trasportaturi tal-ajru minn pajjiżi terzi biex jittrasferixxu d-data tal-PNR lill-Unitajiet tal-Informazzjoni dwar il-Passiġġieri tagħhom. Għadd ta’ pajjiżi terzi rrifjutaw tali trasferimenti — u oħrajn heddew li jagħmlu dan — bħala miżura ta’ ritaljazzjoni minħabba l-impossibbiltà li jirċievu data tal-PNR mill-UE, u b’hekk jikkompromettu l-effettività tal-mekkaniżmu tal-PNR tal-UE.

L-approċċ tal-UE għat-trasferimenti tad-data tal-PNR lejn pajjiżi terzi jmur lura għall-2010 11 , u ġie qabel l-adozzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/681, ir-riforma tal-qafas tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data u l-Opinjoni 1/15 tal-Qorti tal-Ġustizzja. L-Istrateġija tal-UE dwar l-Unjoni tas-Sigurtà għall-perjodu mill-2020 sal-2025 tipprevedi r-rieżami tal-approċċ bħala azzjoni ta’ nofs it-terminu 12 .

3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

3.1.Sfond

L-Unjoni tappoġġa bis-saħħa l-iżvilupp ta’ standards internazzjonali ġodda dwar il-PNR u kkontribwiet b’mod attiv biex jiġu elaborati s-SARPS stipulati fl-Emenda 28 għall-Anness 9.

Is-suġġett tat-Taqsima D, Kapitolu 9 tal-Anness 9 tal-Emenda 28 jikkonċerna qasam li għalih l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva bis-saħħa tal-aħħar parti tal-Artikolu 3(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), peress li jista’ jaffettwa regoli komuni dwar il-PNR u l-protezzjoni tad-data.

Għaldaqstant, matul id-diskussjonijiet fil-korpi preparatorji tal-ICAO, l-approċċ tal-Istati Membri tal-UE u tal-Kummissjoni (bħala osservatur) kien immexxi mill-orjentazzjonijiet stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/2107 tat-28 ta’ Novembru 2019 li tistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni 13 . Din il-pożizzjoni tirrifletti r-rekwiżiti tal-qafas legali tal-UE dwar il-PNR u l-protezzjoni tad-data, b’mod partikolari skont id-Direttiva (UE) 2016/681, ir-Regolament (UE) 2016/679, id-Direttiva (UE) 2016/680, kif ukoll skont il-Karta kif interpretata fil-każistika rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari l-Opinjoni 1/15.

Fil-25 ta’ Marzu 2020, il-Kunsill tal-UE approva pożizzjoni ulterjuri tal-Unjoni 14 dwar it-tweġiba għall-ittra 2020 14E tal-ICAO għall-Istati li permezz tagħha l-Istati Kontraenti ġew ikkonsultati dwar l-abbozz tas-SARPs. Il-pożizzjoni laqgħet il-ħidma mwettqa mill-ICAO biex tiżviluppa s-SARPs, u enfasizzat l-importanza tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, inkluża l-protezzjoni tad-data personali, fl-ipproċessar tal-PNR. Għalhekk, hija ppreżentat proposta ta’ abbozzar bil-għan li temenda (u biex imbagħad jinkiteb) l-Istandard 9.34. L-objettiv tagħha kien li ssaħħaħ it-test ta’ dan l-Istandard sabiex tiżgura li l-kapaċità tal-Istati Kontraenti li jistabbilixxu rekwiżiti aktar stretti għat-trasferimenti tad-data tal-PNR tkun riflessa b’mod ċar fis-SARPs .

Ta’ min jiġi nnutat li fil-proċess ta’ reviżjoni wara l-konsultazzjoni mal-Istati, is-Segretarjat tal-ICAO ma qiesx is-suġġerimenti ta’ abbozzar ippreżentati mill-Istati Membri tal-UE, u lanqas l-emendi proposti minn xi Stati kontraenti oħra tal-ICAO, u żamm l-abbozz tat-test li rriżulta mill-Bord ta’ Faċilitazzjoni fil-laqgħa tiegħu ta’ Jannar 2020. Minflok, is-Segretarjat tal-ICAO ppropona li “l-Istati li għamlu proposti biex jemendaw id-dispożizzjoni għandhom jiġu mistiedna jissottomettu l-proposta/i tagħhom biex jemendaw it-test fil-Paragrafu 9.34 għal-laqgħa li jmiss tal-Bord ta’ Faċilitazzjoni (FALP/12), ippjanata għal Lulju 2021”.

Fit-23 ta’ Ġunju 2020, matul il-laqgħa tal-Kunsill tal-ICAO li fiha ġiet adottata l-Emenda 28, l-Istati Membri tal-UE reġgħu saħqu fuq l-importanza li jinstab il-bilanċ meħtieġ bejn id-disponibbiltà tad-data u l-protezzjoni tad-data u rreferew għall-pożizzjonijiet tal-Unjoni msemmija hawn fuq kif ippreżentati matul il-proċess ta’ konsultazzjoni mal-Istat. Issottolinjaw ukoll l-importanza li jiġu żgurati livelli għoljin ta’ protezzjoni tad-data u rreferew espliċitament għall-obbligi li jirriżultaw mill-qafas legali tal-UE. B’mod partikolari, l-Istati Membri tal-UE enfasizzaw l-importanza tas-SARPs, b’mod partikolari tal-Istandard 9.34, filwaqt li argumentaw li dan għandu jiġi interpretat b’tali mod li jippermetti lill-Istati jżommu l-kapaċità li jirrikjedu minn Stati kontraenti oħra mhux biss li juru l-konformità tal-qafas legali tagħhom mas-SARPs iżda wkoll li jissodisfaw standards ogħla ta’ protezzjoni tad-data, b’mod partikolari biex jippermettu trasferimenti ta’ data tal-PNR, meta dan ikun meħtieġ mill-oqfsa legali domestiċi tagħhom.

3.2.Pożizzjoni proposta

Din il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill hija meħtieġa biex tiġi adottata, fil-limitu ta’ żmien stabbilit fl-ittra lill-Istati tal-ICAO EC 6/3–20/71, il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fir-rigward tal-adozzjoni mill-Kunsill tal-ICAO tas-SARPs tal-PNR il-ġodda.

Is-SARPs il-ġodda tal-PNR stabbiliti fl-Emenda 28 (Taqsima D, Kapitolu 9 tal-Anness 9) fil-biċċa l-kbira jsegwu l-linji tal-pożizzjoni tal-Unjoni minquxa fid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/2107. Bħala tali, jistabbilixxu salvagwardji ambizzjużi dwar il-protezzjoni tad-data, b’mod partikolari dwar id-drittijiet tas-suġġetti tad-data, is-sorveljanza minn awtorità indipendenti, id-data sensittiva, l-ipproċessar awtomatizzat tad-data tal-PNR u n-nondiskriminazzjoni, l-iskopijiet li għalihom id-data tal-PNR tista’ tiġi pproċessata, u ż-żamma, l-użu, l-iżvelar u tat-trasferiment ulterjuri tad-data tal-PNR.

Fil-fehma tal-Kummissjoni, is-SARPs jippermettu li jinkiseb progress sinifikanti fil-livell internazzjonali fir-rigward tal-protezzjoni u l-użu tad-data tal-PNR għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u delitti serji. Għalhekk, l-ebda diżapprovazzjoni ma għandha tiġi nnotifikata mill-Istati Membri tal-UE skont l-Artikolu 90 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, b’mod partikolari peress li tali notifika timmina wkoll l-isforzi biex jiġu stabbiliti standards ogħla għall-protezzjoni tad-data tal-PNR madwar id-dinja kollha meta mqabbla mar-regoli attwali tal-ICAO dwar il-PNR.

Is-SARPs iqisu wkoll, fl-Istandard 9.34 (b), li l-Istati kontraenti – bħall-Istati Membri tal-UE – jistgħu jerfgħu l-kapaċità li jżommu jew jintroduċu livelli ogħla ta’ protezzjoni skont il-qafas legali u amministrattiv domestiku tagħhom, u li jidħlu f’arranġamenti addizzjonali ma’ Stati oħra sabiex jistabbilixxu dispożizzjonijiet aktar dettaljati relatati mat-trasferiment tad-data tal-PNR. Skont id-dritt tal-UE, it-trasferimenti minn linji tal-ajru ta’ data tal-PNR ipproċessata fl-UE lil awtorità tal-infurzar tal-liġi f’pajjiż terz iridu, b’mod partikolari, jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Kapitolu V tal-GDPR u dawk li jirriżultaw mill-Karta, kif speċifikat b’mod partikolari fl-Opinjoni tal-Qorti 1/15. Dawn ir-rekwiżiti huma aktar eżiġenti minn dak li huwa meħtieġ skont is-SARPs tal-PNR li jinsabu fl-Emenda 28.

F’dan il-kuntest, l-Istandard 9.34 (a) jirrikjedi li l-Istati Kontraenti ma jfixklux jew jipprevjenu t-trasferiment ta’ data tal-PNR lejn Stat Kontraenti ieħor li jikkonforma mas-SARPs, il-lingwaġġ attwali tal-Istandard 9.34, mill-perspettiva tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, mhuwiex ċar biżżejjed f’termini legali biex jesprimi li l-Istati Membri tal-UE mhumiex preklużi milli jimponu dawk ir-rekwiżiti minkejja l-Istandard 9.34.

Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni tqis li l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw differenza, bis-saħħa tal-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago. Tali differenza, deskritta fl-Anness ta’ din il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill, għandha tibqa’ strettament limitata għal dak li huwa meħtieġ biex jiġi evitat kwalunkwe dubju dwar il-prerogattiva għall-Istati Membri tal-UE li jimponu rekwiżiti aktar eżiġenti għat-trasferimenti ta’ data tal-PNR lil pajjiżi terzi, u konsegwentement biex jimpedixxu tali trasferimenti jekk tali rekwiżiti ma jiġux issodisfati.

4.Bażi ġuridika

4.1.Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-TFUE jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

L-Artikolu 218(9) tat-TFUE japplika irrispettivament minn jekk l-Unjoni hijiex membru tal-korp jew parti tal-ftehim 15 .

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li għandhom effetti legali bis-saħħa ta’ regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp inkwistjoni. Dan jinkludi strumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatura tal-Unjoni 16 .

4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

L-ICAO hija korp stabbilit permezz ta’ ftehim internazzjonali, jiġifieri l-Konvenzjoni ta’ Chicago.

L-emenda 28 tal-Anness 9 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago fiha standards li, fil-prinċipju, huma vinkolanti, għall-membri tal-ICAO, fosthom l-Istati Membri tal-Unjoni u għalhekk jikkostitwixxu att li għandu effetti legali. Uħud minn dawk l-effetti legali madankollu jiddependu fuq in-notifika tad-differenzi, u t-termini ta’ tali notifika. Għalhekk, l-adozzjoni ta’ pożizzjoni tal-Unjoni fir-rigward ta’ tali notifika taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

L-effetti legali tal-istandards u ta’ kwalunkwe differenzi li għandhom jiġu notifikati jaqgħu f’qasam kopert mir-regoli tal-Unjoni, b’mod partikolari d-Direttiva (UE) 2016/681 kif ukoll il-ftehimiet internazzjonali eżistenti u futuri dwar il-PNR bejn l-UE u pajjiżi terzi. Dan ifisser li, f’konformità mal-Artikolu 3(2) TFUE, l-Unjoni għandha kompetenza esterna esklużiva f’din il-kwistjoni.

In-notifika tad-differenzi ma timplikax li l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim ta’ Chicago għandu jiġi ssupplimentat jew emendat.

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament fuq l-objettiv u fuq il-kontenut tal-att li fir-rigward tiegħu tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tkun imsejsa fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik rikjesta mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

Fir-rigward ta’ att li jkollu għadd ta’ objettivi f’daqqa, jew li jkollu diversi komponenti, li jkunu marbuta b’mod inseparabbli mingħajr ma wieħed ikun inċidentali għall-ieħor, il-bażi ġuridika sostantiva ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE jkollha tinkludi, b’mod eċċezzjonali, id-diversi bażijiet ġuridiċi korrispondenti.

4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

L-Emenda 28 għall-Anness 9 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago għandha objettivi u komponenti fl-oqsma tal-protezzjoni tad-data u tal-kooperazzjoni tal-pulizija. Dawn l-elementi huma marbutin b’mod inseparabbli mingħajr ma wieħed ikun inċidentali għall-ieħor.

Għaldaqstant, il-bażi ġuridika sostantiva tad-Deċiżjoni proposta hi magħmula mid-dispożizzjonijiet li ġejjin: L-Artikoli 16(2) u l-Artikolu 87(2)(a) TFUE.

4.3.Konklużjoni

Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 16(2) u l-Artikolu 87(2)(a) TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) TFUE.

2021/0007 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’Isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali rigward l-Emenda 28 għall-Anness 9, Taqsima D tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 16(2) u l-punt (a) tal-Artikolu 87(2) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (“il-Konvenzjoni ta’ Chicago”), li tirregola t-trasport internazzjonali bl-ajru, daħlet fis-seħħ fl-4 ta’ April 1947. Din stabbiliet l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO).

(2)L-Istati Membri tal-Unjoni huma Stati kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Chicago u membri tal-ICAO, billi l-Unjoni għandha status ta’ osservatur f’ċerti korpi tal-ICAO, inkluż fl-Assemblea u f’korpi tekniċi oħrajn.

(3)Skont il-punt (l) tal-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, il-Kunsill tal-ICAO għandu jadotta standards u prattiki rakkomandati internazzjonali (SARPs).

(4)Il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) iddeċieda fir-Riżoluzzjoni 2396 (2017) tiegħu tal-21 ta’ Diċembru 2017 (“UNSCR 2396 (2017)”) li l-Istati Membri tan-NU għandhom jiżviluppaw il-kapaċità li jiġbru, jipproċessaw u janalizzaw, b’segwitu għas-SARPs tal-ICAO, id-data tar-reġistri tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) u jiżguraw li d-data tal-PNR tintuża mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kollha tagħhom kif ukoll tiġi kondiviża magħhom kollha, b’rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u għal-libertajiet fundamentali, għall-fini ta’ prevenzjoni, identifikazzjoni u investigazzjoni ta’ reati ta’ terroriżmu u vjaġġar relatat magħhom.

(5)UNSCR 2396 (2017) ħeġġet ukoll lill-ICAO biex taħdem mal-Istati Membri tan-NU biex tistabbilixxi standard għall-ġbir, l-użu, l-ipproċessar u l-protezzjoni tad-data tal-PNR.

(6)Is-SARPs għall-PNR huma stabbiliti fit-Taqsima D tal-Kapitolu 9 tal-Anness 9 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago. Dawn is-SARPs huma kkomplementati minn gwida addizzjonali, b’mod partikolari mid-Dokument 9944 tal-ICAO li jistabbilixxi l-linji gwida dwar id-data tal-PNR.

(7)Fit-23 ta’ Ġunju 2020, il-Kunsill tal-ICAO adotta l-Emenda 28 għall-Anness 9 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago li tistabbilixxi, fit-Taqsima D tagħha, sett ġdid ta’ SARPs għall-Istati kontraenti tagħha biex jiżviluppaw kapaċità għall-ġbir, l-użu, l-ipproċessar u l-protezzjoni tad-data tal-PNR għal titjiriet lejn u mit-territorju tiegħu, appoġġat minn qafas legali u amministrattiv xieraq .

(8)F’konformità mal-Artikolu 90 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, sakemm il-maġġoranza tal-membri ma jirreġistrawx id-disapprovazzjoni tagħhom, l-Emenda 28 se ssir effettiva tliet xhur wara l-iskadenza għar-reġistrazzjoni tad-diżapprovazzjoni.

(9)F’konformità mal-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, kwalunkwe Stat kontraenti li jsibha imprattikabbli li jikkonforma f’kull aspett ma’ tali standards jew proċeduri internazzjonali, jew li jressaq ir-regolamenti jew il-prattiki proprji tiegħu f’konformità sħiħa ma’ kwalunkwe standard jew proċedura internazzjonali wara l-emendar ta’ dan tal-aħħar, jew li jqis li huwa neċessarju li jiġu adottati regolamenti jew prattiki differenti fi kwalunkwe aspett partikolari minn dawk stabbiliti minn standard internazzjonali, jeħtieġ li jagħti notifika immedjata lill-ICAO tad-differenzi bejn il-prattika tiegħu u dik stabbilita mill-istandard internazzjonali. In-notifika ta’ tali differenza għandha inċidenza fuq l-effetti legali tal-istandards adottati mill-ICAO. Il-pożizzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam għandha għalhekk trid tiġi stabbilita f’konformità mal-Artikolu 218(9) TFUE.

(10)L-Emenda 28 ġiet innotifikata lill-Istati Kontraenti tal-ICAO permezz tal-ittra lill-Istati EC 6/3-20/71. Skont din l-ittra lill-Istati, kwalunkwe differenza u konformità ma’ din l-emenda għandhom jiġu nnotifikati sat-30 ta’ Jannar 2021.

(11)L-Unjoni adottat regoli komuni dwar id-data tal-PNR fid-Direttiva (UE) 2016/681 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 17 , li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha jikkoinċidi b’mod sinifikanti mal-qasam li għandu jiġi kopert mis-SARPs li jinsabu fl-Emenda 28. Id-Direttiva (UE) 2016/681 tinkludi, b’mod partikolari, sett komprensiv ta’ regoli li jissalvagwardjaw id-drittijiet fundamentali għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali fil-kuntest tat-trasferiment tad-data tal-PNR mingħand trasportaturi tal-ajru għall-Istati Membri u l-ipproċessar ta’ tali data għall-finijiet ta’ prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u ta’ kriminalità serja.

(12)L-Unjoni adottat ukoll leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali, b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 18 u d-Direttiva 2016/680/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 19 , applikabbli għall-ipproċessar tad-data tal-PNR rispettivament mit-trasportaturi bl-ajru u operaturi privati oħra u l-awtoritajiet kompetenti għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, l-iskoperta jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali u l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra t-theddid għas-sigurtà pubblika u l-prevenzjoni tiegħu.

(13)Barra minn hekk, hemm żewġ ftehimiet internazzjonali dwar l-ipproċessar u t-trasferiment tad-data tal-PNR fis-seħħ bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi, speċifikament mal-Awstralja 20 u l-Istati Uniti 21 . Fis-26 ta’ Lulju 2017, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ħarġet l-Opinjoni 1/15 22 dwar il-ftehim internazzjonali previst dwar it-trasferiment u l-ipproċessar tad-data tal-PNR bejn l-Unjoni u l-Kanada (2014).

(14)L-aspetti relatati mal-PNR tat-Taqsima D tal-Kapitolu 9 tal-Anness 9 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, kif riveduta mill-Emenda 28, jikkonċernaw qasam li l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva fih bis-saħħa tal-Artikolu 3(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, minħabba li jista’ jaffettwa regoli komuni dwar il-protezzjoni u l-ipproċessar tad-data tal-PNR.

(15)Għaldaqstant, il-pożizzjoni tal-Unjoni dwar din il-kwistjoni, għall-finijiet tal-elaborazzjoni ta’ dik li saret l-Emenda 28, ittieħdet f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/2107 23 . Din il-pożizzjoni tirrifletti r-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali u t-trasferimenti tad-data tal-PNR lil pajjiżi terzi, b’mod partikolari skont ir-Regolament (UE) 2016/679, id-Direttiva (UE) 2016/680 u d-Direttiva (UE) 2016/681, kif ukoll dawk li jirriżultaw mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari fl-Opinjoni 1/15. Il-pożizzjoni kienet rilevanti għad-diskussjonijiet li saru fil-korpi preparatorji tal-ICAO kif ukoll għall-votazzjoni finali fil-Kunsill tal-ICAO.

(16)Is-SARPs li jinsabu fl-Emenda 28 ġeneralment jimxu mal-pożizzjoni tal-Unjoni minquxa fid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/2107 u jistabbilixxu salvagwardji ambizzjużi dwar il-protezzjoni tad-data, b’mod partikolari dwar id-drittijiet tas-suġġetti tad-data, is-sorveljanza minn awtorità indipendenti, id-data sensittiva, l-ipproċessar awtomatizzat tad-data tal-PNR u n-nondiskriminazzjoni, l-iskopijiet li għalihom id-data tal-PNR tista’ tiġi pproċessata, u ż-żamma, l-użu, l-iżvelar u tat-trasferiment ulterjuri tad-data tal-PNR.

(17)Għaldaqstant, minħabba li l-Emenda 28 tippermetti li jinkiseb progress sinifikanti fil-livell internazzjonali rigward l-istandards għall-protezzjoni tad-data tal-PNR, jenħtieġ li l-Istati Membri tal-Unjoni ma jinnotifikaw l-ebda diżapprovazzjoni skont l-Artikolu 90 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.

(18)Madankollu, ir-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni fir-rigward tat-trasferiment u l-ipproċessar tad-data tal-PNR huma aktar eżiġenti mis-SARPs li jinsabu fl-Emenda 28.

(19)L-Istandard 9.34 (a) jirrikjedi li l-Istati kontraenti ma jfixklux jew jipprevjenux it-trasferiment tad-data tal-PNR lil Stat kontraenti ieħor li jikkonforma mas-SARPs. Minkejja li skont l-Istandard 9.34(b), l-Istati kontraenti jżommu l-abbiltà li jżommu jew jintroduċu standards ogħla ta’ protezzjoni f’konformità mal-qafas legali u amministrattiv domestiku tagħhom, u li jidħlu f’arranġamenti addizzjonali ma’ Stati kontraenti oħrajn biex jistabbilixxu dispożizzjonijiet aktsar dettaljati relatati mat-trasferiment tad-data tal-PNR, il-lingwaġġ attwali tal-Istandard 9.34, mill-perspettiva tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, mhuwiex ċar biżżejjed f’termini legali biex jiżgura li l-Istati Membri ma jkunux preklużi milli jimponu dawn ir-rekwiżiti minkejja l-Istandard 9.34.

(20)F’dawn iċ-ċirkostanzi, sabiex tiġi żgurata l-konformità mad-dritt tal-Unjoni u mas-SARPs, jenħtieġ li l-Istati Membri jinnotifikaw b’mod formali differenza skont it-tifsira tal-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago. Tali differenza għandha tkun limitata għall-Istandard 9.34 fit-Taqsima D tal-Kapitolu 9 tal-Anness 9 tagħha, kif rivedut mill-Emenda 28.

(21)Għalhekk, huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni tal-Unjoni skont dan.

(22)L-Irlanda hija marbuta bid-Direttiva (UE) 2016/681 u għalhekk tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

(23)F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(24)Jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni tiġi espressa mill-Istati Membri,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni b’risposta għall-Ittra lill-Istati EC 6/3-20/71 maħruġa mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali fis-17 ta’ Lulju 2020, hija ppreżentata fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu1 għandha tiġi espressa mill-Istati Membri.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Dawn huma: il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, in-Netherlands, u Spanja.
(2)    Ir-Riżoluzzjoni 2396 (2017) tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-21 ta’ Diċembru 2017 dwar it-theddid għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali kkawżat minn ġellieda terroristi barranin li jirritornaw.
(3)    ICAO, Guidelines on Passenger Name Record (PNR) Data, First Edition — 2010.
(4)    Id-Direttiva (UE) 2016/681 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar l-użu ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja, ĠU L 119, 4.5.2016, p. 132–149.
(5)    Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-rieżami tad-Direttiva 2016/681 dwar l-użu ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja, COM(2020) 305 final Għal aktar dettalji, ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja r-Rapport (SWD (2020) 128 final).
(6)    Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE), ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.
(7)    Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI, ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89. 
(8)    Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ data tar-Reġistru tal-Ismijiettal-Passiġġieri (PNR) minn trasportaturi bl-ajru lis-Servizz Doganali Awstraljan u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri, ĠU L 186,14.7.2012, p. 4. Ir-rieżami u l-evalwazzjoni konġunti ta’ dan il-ftehim jinsabu għaddejjin.
(9)    Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar l-użu u t-trasferimenttar-Reġistri tal-Ismijiet tal-Passiġġieri lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti, ĠU L 215, 11.8.2012, p. 5.L-evalwazzjoni konġunta ta’ dan il-ftehim għadha għaddejja.
(10)    L-Opinjoni 1/15 tal-Qorti (Awla Manja), 26 ta’ Lulju 2017.
(11)    Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-approċċ globali għat-trasferimenti ta’ data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) lil pajjiżi terzi, COM (2010) 492 final.
(12)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-Istrateġija tal-UE dwar l-Unjoni tas-Sigurtà, COM(2020) 605 final.
(13)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/2107 tat-28 ta’ Novembru 2019 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali fir-rigward tar-reviżjoni tal-Kapitolu 9 tal-Anness 9 (Faċilitazzjoni) għall-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali fir-rigward tal-istandards u l-prattiki rakkomandati dwar id-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri, OJ L 318, 10.12.2019, p. 117–122.
(14)    Il-pożizzjoni tal-Unjoni dwar it-tweġiba għall-ittra lill-Istati tal-ICAO fir-rigward tar-reviżjoni tal-Kapitolu 9 tal-Anness 9 (Faċilitazzjoni) għall-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali fir-rigward tal-istandards u l-prattiki rakkomandati dwar Approvazzjoni tad-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri, ST 6744 2020 INIT.
(15)    Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafu 64: “l-Unjoni, minkejja li ma hijiex parti mill-Ftehim OIV, hija awtorizzata li tistabbilixxi pożizzjoni li għandha tittieħed f’isimha fil-konfront ta’ dawn ir-riżoluzzjonijiet, fid-dawl tal-impatt dirett tagħhom fuq l-acquis tal-Unjoni f’dan il-qasam.
(16)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014 fil-Kawża C-399/12, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi minn 61 sa 64.
(17)    Id-Direttiva (UE) 2016/681 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar l-użu ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja, ĠU L 119, 4.5.2016, p. 132.
(18)    Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(19)    Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89). 
(20)    Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) minn trasportaturi bl-ajru lis-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri (ĠU L 186,14.7.2012, p. 4)
(21)    Il-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar l-użu u t-trasferiment tar-Reġistri tal-Ismijiet tal-Passiġġieri lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti (ĠU L 215, 11.8.2012, p. 5).
(22)    L-Opinjoni 1/15 tal-Qorti (Awla Manja), tas-26 ta’ Lulju 2017 (il-Ftehim UE-Kanada dwar il-PNR), ECLI:EU:C:2017:592.
(23)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/2107 tat-28 ta’ Novembru 2019 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali fir-rigward tar-reviżjoni tal-Kapitolu 9 tal-Anness 9 (Faċilitazzjoni) għall-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali fir-rigward tal-istandards u l-prattiki rakkomandati dwar id-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (OJ L 318, 10.12.2019, p. 117).
Top

Brussell, 12.1.2021

COM(2021) 16 final

ANNESS

tal-

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’Isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali rigward l-Emenda 28 għall-Anness 9, Taqsima D tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali


ANNESS

1. POŻIZZJONI LI GĦANDHA TITTIEĦED

A) Fir-rigward tal-punt 6(a) tal-Ittra lill-Istati tal-ICAO KE 6/3-20/71:

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni b’risposta għall-Ittra lill-Istati maħruġa mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali fis-17 ta’ Lulju 2020 hija li ma għandha tiġi rreġistrata l-ebda diżapprovazzjoni dwar l-Emenda 28 tal-Anness 9, il-Kapitolu 9, it-Taqsima D tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.

B) Fir-rigward tal-punt 6(b) tal-Ittra lill-Istati tal-ICAO EC 6/3-20/71:

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni b’risposta għall-Ittra lill-Istati maħruġa mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali tas-17 ta’ Lulju 2020 hija li jenħtieġ li tiġi notifikata differenza b’rabta mal-Istandard 9.34, l-Anness 9, il-Kapitolu 9, it-Taqsima D tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.

2. SPJEGAZZJONI DETTALJATA

Id-differenza li għandha tiġi ppreżentata hija riflessa fid-dikjarazzjoni u fit-tabella li ġejjin:

“Fit-28 ta’ Frar 2021 se teżisti id-differenza li ġejja bejn ir-regolamenti u/jew il-prattiki ta’ [Stat Membru] u d-dispożizzjonijiet tal-Anness 9, inkluż l-Emenda 28:”

Dispożizzjoni

Dettalji tad-differenza

Rimarki

Emenda 28 tal-Anness 9, Taqsima D, Standard 9.34

Kategorija A — “Ir-rekwiżit ta’ Stat Kontraenti huwa aktar eżiġenti jew jeċċedi SARP”

L-Istandard 9.34 (a) jirrikjedi li l-Istati Kontraenti ma jfixklux jew jipprevjenux it-trasferiment tad-data tal-PNR lil Stat kontraenti ieħor li jikkonforma mas-SARPs.

L-Istandard 9.34(b) iqis li l-Istati Kontraenti għandhom jerfgħu l-kapaċità li jżommu jew jintroduċu livelli ogħla ta’ protezzjoni skont il-qafas legali u amministrattiv domestiku tagħhom, u li jidħlu f’arranġamenti addizzjonali ma’ Stati oħra sabiex jistabbilixxu, b’mod partikolari, dispożizzjonijiet aktar dettaljati relatati mat-trasferiment tad-data tal-PNR.

Skont il-qafas legali attwali tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri jridu jimxu mar-rekwiżiti li f’xi aspetti huma aktar eżiġenti minn dawk stabbiliti fl-Emenda 28 għat-trasferimenti tad-data tal-PNR li toriġina fl-Unjoni lejn Stati Kontraenti li mhumiex Stati Membri tal-Unjoni Ewropea.

F’dan il-kuntest, il-lingwaġġ attwali tal-Istandard 9.34, mill-perspettiva tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha 1 , mhuwiex ċar biżżejjed f’termini legali biex jesprimi li l-Istati Membri tal-UE mhumiex preklużi milli jimponu dawk ir-rekwiżiti minkejja l-Istandard 9.34.

Għal din ir-raġuni, [Stat Membru] j/tqis li d-differenza preżenti jenħtieġ li tiġi nnotifikata skont l-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago sabiex ikun jista’ japplika rekwiżiti legali għat-trasferimenti ta’ data tal-PNR lil Stati Kontraenti li mhumiex Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, li f’xi aspetti huma aktar eżiġenti, mingħajr ma jimminaw l-Istandards stabbiliti fl-Emenda 28.

[Stat Membru] j/tikkonferma li fin-nuqqas tal-possibbiltà li tiġi żgurata l-konformità ma’ dawn ir-rekwiżiti, għalhekk, it-trasferimenti mit-trasportaturi bl-ajru ma jistgħux isiru skont id-dritt tal-Unjoni.

[Stat Membru] j/tixtieq j/tenfasizza l-importanza tal-ħidma li saret mill-ICAO u l-Istati kontraenti tagħha fl-aġġornament tal-Istandards u l-Prattiki Rakkomandati dwar il-PNR u j/tilqa’ l-adozzjoni tal-Emenda 28 mill-Kunsill tal-ICAO f’Ġunju 2020.

[Stat Membru] j/tissottolinja li d-differenza preżenti – ippreżentata fil-Kategorija A skont il-punt 2.1 tad-Dokument Mehmuż E tal-Ittra lill-Istati 2020–71 – hija maħsuba biex tikkomunika bit-trasparenza dovuta lill-ICAO u lill-Istati Kontraenti tagħha kif l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea se jimplimentaw l-Istandards skont il-qafas legali tal-Unjoni Ewropea.

Skont il-qafas legali tal-Unjoni Ewropea, it-trasferiment tad-data tal-PNR li toriġina fl-Unjoni minn trasportaturi bl-ajru lill-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiż terz huwa legali jekk jiġu ssodisfati ċerti rekwiżiti, li f’xi aspetti huma aktar eżiġenti minn dawk stabbiliti fl-Emenda 28.

Tali rekwiżiti jirriżultaw mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikoli 7, 8 u 52, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fl-Opinjoni 1/15 dwar il-ftehim PNR previst mal-Kanada u mill-Kapitolu V tar-Regolament (UE) 2016/679.

(1)

   It-test propost mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea lill-Kunsill tal-ICAO bi tweġiba għal EC 6/3-20/14, bid-data tal-25 ta’ Frar 2020, dwar l-abbozz ta’ emenda:

“9.34. L-Istati Kontraenti:    
(a) ma għandhomx ixekklu jew jipprevjenu t-trasferiment ta’ data tal-PNR minn operatur ta' inġenju tal-ajru jew parti rilevanti oħra, u lanqas ma għandhom jissanzjonaw, jimponu penali jew joħolqu ostakli mhux raġonevoli fuq l-operaturi tal-inġenji tal-ajru jew partijiet rilevanti oħra li jittrasferixxu d-data tal-PNR lil Stat Kontraenti ieħor dment li s-sistema tad-data tal-PNR tal-Istati Kontraenti tkun konformi mal-Istandards li jinsabu fit-Taqsima D, il-Kapitolu 9 tal-Anness 9; u 
iżda 
(b) bl-istess mod, iżommu l-kapaċità li jintroduċu jew iżommu livelli ogħla ta’ protezzjoni tad-data tal-PNR, skont il-qafas legali u amministrattiv tagħhom, u li jidħlu f’arranġamenti addizzjonali ma’ Stati Kontraenti oħra, b’mod partikolari sabiex: jippromwovu s-sigurtà kollettiva; jiksbu livelli ogħla ta’ protezzjoni tad-data tal-PNR, inkluż dwar iż-żamma it-trasferimenti tad-data; jew biex jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet aktar dettaljati dwar it-trasferiment tad-data tal-PNR, dment li dawn il-miżuri ma jimminawx jkunux f’kunflitt mod ieħor ma’ l-Istandards li jinsabu fit-Taqsima D, il-Kapitolu 9 tal-Anness 9.”

Top