EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021PC0011

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt UE-Żvizzera stabbilit mill-Ftehim tal-25 ta’ Ġunju 2009 bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar is-simplifikazzjoni tal-ispezzjonijiet u tal-formalitajiet fir-rigward tat-trasport ta’ oġġetti kif ukoll dwar miżuri doganali ta’ sigurtà fir-rigward tal-emenda fil-Kapitolu III u fl-Annessi I u II tal-Ftehim

COM/2021/11 final

Brussell, 12.1.2021

COM(2021) 11 final

2021/0005(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt UE-Żvizzera stabbilit mill-Ftehim tal-25 ta’ Ġunju 2009 bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar is-simplifikazzjoni tal-ispezzjonijiet u tal-formalitajiet fir-rigward tat-trasport ta’ oġġetti kif ukoll dwar miżuri doganali ta’ sigurtà fir-rigward tal-emenda fil-Kapitolu III u fl-Annessi I u II tal-Ftehim


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt b’rabta mal-adozzjoni prevista tal-emendi fil-Kapitolu III u fl-Annessi I u II tal-Ftehim tal-25 ta’ Ġunju 2009 bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar is-simplifikazzjoni tal-kontrolli u tal-formalitajiet fir-rigward tat-trasport ta’ oġġetti kif ukoll dwar miżuri doganali ta’ sigurtà (“il-Ftehim”).

2.Kuntest tal-proposta

2.1.L-emenda fil-Ftehim dwar is-simplifikazzjoni tal-kontrolli u tal-formalitajiet fir-rigward tat-trasport ta’ oġġetti kif ukoll dwar miżuri doganali ta’ sigurtà

Il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2009 u żgura kemm flussi kummerċjali bla xkiel bejn l-Iżvizzera u l-UE kif ukoll livell għoli ta’ sigurtà fil-katina tal-provvista. Il-Ftehim huwa bbażat fuq il-prinċipju li l-UE u l-Iżvizzera jistabbilixxu u japplikaw għat-trasport ta’ oġġetti lejn u minn pajjiżi terzi l-istess miżuri ta’ sigurtà u b’hekk jiżguraw livell ekwivalenti ta’ sigurtà fil-fruntieri esterni tagħhom. Il-Ftehim jirrinunzja l-obbligu tal-kummerċjanti li jipprovdu lid-dwana b’dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul qabel l-importazzjoni u l-esportazzjoni fil-kummerċ bilaterali bejn l-UE u l-Iżvizzera. Sadanittant, fil-kummerċ ma’ pajjiżi terzi, l-Iżvizzera timplimenta miżuri doganali ta’ sigurtà ekwivalenti għal dawk fl-UE.

Bħalissa, kull Parti għandha s-sistema tagħha stess għall-ġestjoni tad-dikjarazzjonijiet fil-qosor tad-dħul (fl-UE, din hija s-Sistema ta’ Kontroll tal-Importazzjoni (ICS)) iżda ma hemm l-ebda pont bejn iż-żewġ sistemi.

Mill-2016, il-Kummissjoni wettqet diskussjonijiet preliminari bil-ħsieb li taġġorna l-leġiżlazzjoni tal-Ftehim u tintegra l-parteċipazzjoni futura tal-Iżvizzera fil-programm doganali l-ġdid tal-UE għas-sigurtà u s-sikurezza qabel il-wasla, is-Sistema ta’ Kontroll tal-Importazzjoni 2 (ICS2), li hija sistema ċentralizzata.

Barra minn hekk, il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (KDU) ppreveda l-miżuri inklużi fil-proġett il-ġdid tal-ICS2 li se jbiddlu sostanzjalment l-operazzjonijiet doganali tal-merkanzija bil-quddiem għall-oġġetti li jidħlu fl-UE u l-qafas komuni ġenerali ta’ ġestjoni tar-riskju. Il-programm il-ġdid se jimmudella mill-ġdid il-proċess eżistenti f’termini ta’ ġestjoni tar-riskju/kontrolli doganali, legali u tal-IT u mill-perspettivi operazzjonali kummerċjali. Huwa se jiġbor data dwar l-oġġetti kollha li jidħlu fl-UE qabel il-wasla tagħhom. L-Operaturi Ekonomiċi (EOs) se jkollhom jiddikjaraw id-data ta’ sikurezza u sigurtà lill-ICS2, permezz tad-Dikjarazzjoni fil-Qosor tad-Dħul (ENS). L-obbligu li dawn id-dikjarazzjonijiet jibdew jiġu ppreżentati mhux se jkun l-istess għall-EOs kollha. Dan se jiddependi fuq it-tip ta’ servizzi li dawn jipprovdu fil-moviment internazzjonali tal-oġġetti u huwa marbut mat-tliet dati tal-ħruġ tal-ICS2 (il-15 ta’ Marzu 2021, l-1 ta’ Marzu 2023, u l-1 ta’ Marzu 2024). L-informazzjoni dwar l-oġġetti u l-analiżi tar-riskju bil-quddiem se jippermettu identifikazzjoni bikrija tat-theddid u se jgħinu lill-awtoritajiet doganali jintervjenu fl-aktar punt xieraq fil-katina tal-provvista.

L-ICS2, għalhekk, tirrappreżenta strument doganali essenzjali tal-UE għat-titjib tal-ġestjoni tal-kontrolli ta’ sigurtà u sikurezza fil-fruntieri mad-dħul, u tappoġġa l-programm doganali tal-UE għas-sigurtà u s-sikurezza qabel il-wasla. Sabiex jinżamm l-istess livell ta’ sigurtà fil-fruntieri esterni, l-Iżvizzera qablet li tingħaqad mal-proġett tal-ICS2 u li tkun operazzjonali sal-bidu tal-ewwel ħarġa tal-ICS fil-15 ta’ Marzu 2021. Dawn id-dispożizzjonijiet se japplikaw ukoll b’mod ekwivalenti mal-emendi simili fil-ftehim dwar is-sigurtà doganali bejn l-UE u ż-ŻEE, li huwa applikabbli għan-Norveġja biss.

L-emendi proposti fil-Ftehim huma r-riżultat ta’ negozjati li bdew f’Novembru 2019 u li ntemmu f’Ottubru 2020 bejn l-UE u l-Iżvizzera u n-Norveġja. L-emendi fil-Kapitolu III tal-Ftehim huma maħsuba biex iqisu wkoll l-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE fil-qasam tal-Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati (AEO) u l-qafas tal-ġestjoni tar-riskju u l-analiżi tar-riskju. Dan se jiżgura livell ekwivalenti ta’ sigurtà fil-fruntieri esterni u se jtejjeb is-sigurtà u s-sikurezza taż-żona ta’ sigurtà komuni.

Il-Ftehim se jinkludi wkoll arranġament ta’ finanzjament (it-Titolu III tal-Anness I), li jkopri l-kostijiet tal-iżvilupp u l-użu operazzjonali tal-ICS2 mill-Iżvizzera u d-dettalji funzjonali tal-ICS2, li huma esposti fl-arranġamenti tekniċi (it-Titolu II tal-Anness I).

Fl-aħħar nett, dwar il-protezzjoni tad-data, il-protezzjoni tad-data u t-trasferimenti tad-data għandhom jikkonformaw mal-liġijiet tal-Parti Kontraenti trasferenti, jiġifieri fil-każ ta’ trasferimenti mill-UE, ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR).

2.2.Il-Kumitat Konġunt UE-Żvizzera

Il-Kumitat Konġunt UE-Żvizzera huwa stabbilit bl-Artikolu 19 tal-Ftehim. Il-Kumitat Konġunt jaġixxi bi ftehim reċiproku, li jirrappreżenta lil kull Parti Kontraenti.

Il-Kumitat Konġunt jiltaqa’ tal-anqas darba fis-sena u hija r-responsabbiltà tal-Kumitat Konġunt li jamministra l-Ftehim u li jiżgura l-implimentazzjoni xierqa tiegħu. Għal dak il-għan, dan jista’ wkoll jagħmel rakkomandazzjonijiet u jieħu deċiżjonijiet bħal Deċiżjoni biex jiġi emendat il-Kapitolu III u l-Annessi, li mbagħad jiġu implimentati mill-Partijiet Kontraenti skont ir-regoli tagħhom stess.

2.3.L-att previst tal-Kumitat Konġunt

Fil-laqgħa tiegħu li jmiss jew permezz ta’ skambju ta’ ittri, il-Kumitat Konġunt għandu jadotta deċiżjoni rigward l-emenda fil-Ftehim (“l-att previst”).

L-iskop tal-att previst huwa li jiġi żgurat l-ogħla standard ta’ sigurtà u kontroll għall-oġġetti li jaqsmu l-fruntieri u li jidħlu fit-territorji doganali tal-UE u tal-Iżvizzera.

L-att previst se jsir vinkolanti fuq il-partijiet f’konformità mal-Artikolu 21 tal-Ftehim, li jipprevedi li: “1. Il-Kumitat Konġunt hu responsabbli għall-ġestjoni u għall-implimentazzjoni korretta ta’ dan il-Ftehim. Għal dan l-għan, hu jagħmel rakkomandazzjonijiet u jieħu deċiżjonijiet. 2. Permezz tad-deċiżjonijiet tiegħu, il-Kumitat Konġunt jista’ jemenda l-Kapitolu III u l-Annessi.

Skont l-Artikolu 22.4 tal-Ftehim, jekk id-deċiżjoni ma tistax tiġi adottata għal din l-implimentazzjoni simultanja, l-emendi previsti fl-abbozz tad-deċiżjoni mressaq għall-approvazzjoni tal-Partijiet Kontraenti għandhom jiġu implimentati b’mod proviżorju.

3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

3.1.Ħarsa ġenerali lejn il-Ftehim attwali

Il-Ftehim tal-2009 jenfasizza r-relazzjonijiet kummerċjali bilaterali speċjali bejn l-UE u l-Iżvizzera u l-interess reċiproku qawwi li jeżisti fl-implimentazzjoni ta’ miżuri doganali ekwivalenti ta’ sigurtà. Dan il-ftehim dwar il-miżuri doganali ta’ sigurtà jammonta għal rikonoxximent reċiproku sħiħ bejn l-UE u l-Iżvizzera tal-kontrolli doganali ta’ sigurtà u b’hekk għal estensjoni effettiva taż-żona doganali ta’ sigurtà tal-UE.

Il-Ftehim huwa bbażat fuq ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni u l-Atti ta’ Implimentazzjoni u ta’ Delega li ġejjin:

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447, inkluża l-kolonna rilevanti fl-Anness B;

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2089, li jinkludi r-responsabbiltajiet tal-partijiet fir-rigward tal-protezzjoni tad-data u l-kontroll tagħha;

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Programm ta’ Ħidma;

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446, inkluż il-kolonni rilevanti tal-Anness B.

Sabiex tiżdied is-sigurtà fil-kummerċ internazzjonali tal-oġġetti, l-UE introduċiet miżuri ġodda fl-2006 imfassla biex jiżguraw standards ogħla fil-kontrolli doganali (IP/06/1821). Dawn jinkludu regoli u termini għall-kummerċjanti dwar it-tressiq ta’ informazzjoni dwar l-oġġetti qabel dawn jiġu importati lejn l-UE jew esportati minnha (dikjarazzjonijiet elettroniċi tad-dħul u tal-ħruġ); sistema tal-UE għall-analiżi u l-ġestjoni tar-riskju; u sistema li tiffaċilita l-Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati (AEOs) tal-UE.

L-UE u l-Iżvizzera qablu wkoll li jaħdmu lejn qafas komuni għall-ġestjoni tar-riskju, inkluż l-iskambju ta’ informazzjoni relatata mar-riskju kif xieraq.

Huwa fil-kuntest tal-iżvilupp ta’ qafas komuni bħal dan għal kontrolli doganali mtejba u wara l-modernizzazzjoni tal-Unjoni Doganali u tal-leġiżlazzjoni tagħha li l-Ftehim ġie emendat. Dan jenħtieġ li jiżgura l-ogħla standard ta’ sigurtà u kontroll għall-oġġetti li jaqsmu l-fruntieri u li jidħlu fit-territorji doganali tal-UE u tal-Iżvizzera.

3.2.Emendi proposti għall-Ftehim fil-kuntest tal-parteċipazzjoni Żvizzera fl-ICS2

L-ICS2 hija l-ewwel linja ta’ difiża f’termini ta’ protezzjoni tas-suq intern u taċ-ċittadini tal-UE. Permezz ta’ proċessi mtejba ta’ sigurtà doganali xprunati mid-data, din tappoġġa kontrolli doganali effettivi bbażati fuq ir-riskju filwaqt li tiffaċilita l-fluss liberu ta’ kummerċ leġittimu madwar il-fruntieri esterni kollha tal-UE.

Il-programm se jgħin jistabbilixxi approċċ integrat tal-UE biex jissaħħaħ il-qafas ta’ ġestjoni tar-riskju doganali. Dan huwa riżultat ewlieni tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni u tal-istrateġija ta’ ġestjoni tar-riskju doganali, f’konformità mal-pjan ta’ azzjoni adottat mill-Kunsill fl-2014 u mal-objettivi tal-Kummissjoni ta’ Von der Leyen biex l-Unjoni Doganali tittieħed għal-livell li jmiss.

Bħala sistema ta’ informazzjoni bil-quddiem dwar l-oġġetti, l-ICS2 se tiġbor data dwar l-oġġetti kollha li jidħlu fl-UE qabel il-wasla tagħhom. L-Operaturi Ekonomiċi se jkollhom jiddikjaraw id-data dwar is-sikurezza u s-sigurtà lill-ICS2, permezz tal-hekk imsejħa Dikjarazzjoni fil-Qosor tad-Dħul. L-obbligu li dawn id-dikjarazzjonijiet jibdew jiġu rreġistrati mhux se jkun l-istess għall-Operaturi Ekonomiċi kollha. Dan se jiddependi fuq it-tip ta’ servizzi li dawn jipprovdu fil-moviment internazzjonali tal-oġġetti u huwa marbut mat-tliet dati tal-ħruġ tal-ICS2 (il-15 ta’ Marzu 2021, l-1 ta’ Marzu 2023, u l-1 ta’ Marzu 2024).

Fl-10 ta’ Settembru 2019, l-Iżvizzera kkonfermat li se tipparteċipa fis-Sistema ta’ Kontroll tal-Importazzjoni 2 (ICS2). Din il-konferma aġixxiet bħala l-iskattatur biex jibdew diskussjonijiet formali bejn l-UE u l-Iżvizzera, li ppermettew il-parteċipazzjoni tal-pajjiż imsieħeb fil-qafas komuni tal-ICS2, li se jitnieda fil-15 ta’ Marzu 2021.

Bħala tali, l-adeżjoni mal-programm tal-ICS2 tinvolvi adattamenti tekniċi u finanzjarji fir-rigward tal-Ftehim, u l-aktar partikolarment, emendi li jirriflettu l-modernizzazzjoni tal-Unjoni Doganali u tal-leġiżlazzjoni tagħha.

3.3.Emendi legali proposti għall-Ftehim fil-kuntest tal-modernizzazzjoni tal-KDU

Il-bidliet ewlenin introdotti fl-abbozz tal-Ftehim emendat huma bbażati fuq ir-Regolament tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (UE) Nru 952/2013 u l-Atti ta’ Implimentazzjoni tiegħu Reg.(UE) 2015/2447 u l-Atti ta’ Delega Reg.(UE) 2015/2446. Dawn il-bidliet jallinjaw il-Ftehim emendat mal-aktar leġiżlazzjoni reċenti tal-UE rilevanti għall-miżuri doganali ta’ sigurtà, għad-dikjarazzjonijiet fil-qosor tad-dħul u tal-ħruġ (ENS u EXS), għall-iżvilupp u t-tnedija tas-sistemi elettroniċi rilevanti, għall-operaturi ekonomiċi awtorizzati (AEO), għall-proċess komuni tal-analiżi tar-riskju u l-qafas ta’ ġestjoni tar-riskju f’konformità mal-aktar leġiżlazzjoni reċenti relatata mal-protezzjoni tad-data personali.

It-testi legali li ġejjin intużaw bħala l-bażi għall-emendi ewlenin tal-Ftehim:

ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni:

·l-Artikolu 46 rigward il-ġestjoni tar-riskju u l-kontrolli doganali;

·l-Artikolu 127 rigward id-dispożizzjonijiet rilevanti għall-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul: il-forma u l-kontenut, l-użu ta’ sistemi elettroniċi, il-preżentazzjoni u r-rinunzji, it-termini, ir-reġistrazzjoni, il-persuni li jippreżentaw, l-analiżi tar-riskju relatata mas-sigurtà u s-sikurezza, ir-reġistrazzjoni multipla;

·l-Artikolu 128 rigward l-analiżi tar-riskju;

·l-Artikolu 6(1), l-Artikoli 12, 16, 46, 47, u l-Artikoli 127 sa 133 jistabbilixxu l-bażi legali għall-iżvilupp u għat-tnedija tal-ICS2;

ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2151 tat-13 ta’ Diċembru 2019 li jistabbilixxi l-programm ta’ ħidma relatat mal-iżvilupp u t-tnedija tas-sistemi elettroniċi previsti fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni;

ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 (kif applikabbli fis-16 ta’ Lulju 2020):

·l-Artikoli 104, 106, 112, 113, 113a rigward id-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul;

·l-Anness B dwar ir-rekwiżiti tad-data;

ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (kif applikabbli fl-20 ta’ Lulju 2020):

·l-Artikolu 24 rigward il-konformità għall-operaturi ekonomiċi awtorizzati li jissostitwixxi l-Anness II tal-Artikolu 2 eżistenti tal-Ftehim;

·l-Artikoli 182, 183, 184, 185, 186, 188, 189 rigward id-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul;

·l-Anness B dwar l-istruttura u l-format tad-data;

L-aktar emendi reċenti fl-Anness B tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 u fl-Anness B tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 għad iridu jiġu adottati formalment. Bħala tali, tħalla spazju riżervat fi ħdan l-emenda proposta għal dan il-Ftehim biex jiġu aġġornati n-noti f’qiegħ il-paġna ladarba l-emendi jkunu ġew ippubblikati (ara l-Artikolu 2 tal-Anness I tal-Ftehim emendat).

L-emenda fl-Artikolu 24 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 ġiet adottata mill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali tal-Kummissjoni Ewropea fit-28 ta’ Settembru 2020. Id-data tal-pubblikazzjoni tal-emenda għadha ma ġietx iddeterminata.

Skont id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt 1/2014 1 u l-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru tal-21 ta’ Ġunju 1999 2 li jirregola s-sikurezza u s-sigurtà tal-avjazzjoni b’mod partikolari bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera, ġiet proposta eċċezzjoni għat-trasport bl-ajru fit-test tal-Ftehim emendat (l-Artikolu 20 tal-Anness I) dwar it-tressiq ta’ dikjarazzjonijiet fil-qosor tal-ħruġ.

3.4.Emendi strutturali proposti għall-Ftehim

F’terminu tal-istruttura tal-Ftehim, kien hemm il-ħtieġa li jinqasmu f’żewġ Titoli differenti t-taqsimiet li jkopru d-Dħul (Titolu I) u l-Ħruġ (Titolu IV) tal-oġġetti fl-Anness I dwar id-Dikjarazzjonijiet fil-Qosor tad-Dħul u l-Ħruġ, prinċipalment minħabba d-dispożizzjonijiet aktar dettaljati dwar id-Dikjarazzjonijiet fil-Qosor tad-Dħul (ENS) u l-ICS2.

F’konformità mar-raġunament wara din ir-reviżjoni strutturali tal-Anness I, inħolqu żewġ Titoli ġodda biex ikopru:

Titolu II: l-Arranġamenti Tekniċi għas-Sistema ta’ Kontroll tal-Importazzjoni 2;

Titolu III: l-Arranġamenti Finanzjarji għas-Sistema ta’ Kontroll tal-Importazzjoni 2.

3.5.Pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni

Il-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea, minn naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, jenħtieġ li jadotta Deċiżjoni li taqbel mal-emenda fil-Kapitolu III u fl-Annessi tal-Ftehim. Dan isir minn Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt waqt laqgħa tal-Kumitat Konġunt li fiha l-UE tkun parti rrappreżentata jew permezz ta’ skambju ta’ ittri.

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-UE fil-Kumitat Konġunt jenħtieġ li tiġi stabbilita b’deċiżjoni tal-Kunsill abbażi tal-proposta tal-Kummissjoni. Bi ftehim reċiproku, il-Ftehim emendat għandu mbagħad jiġi implimentat mill-Partijiet Kontraenti.

4.Bażi ġuridika

4.1.Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita bi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

Il-Kumitat Konġunt UE-Żvizzera huwa korp stabbilit bi ftehim, jiġifieri l-Ftehim dwar is-simplifikazzjoni tal-ispezzjonijiet u tal-formalitajiet fir-rigward tat-trasport ta’ oġġetti kif ukoll dwar miżuri doganali ta’ sigurtà.

L-att li l-Kumitat Konġunt huwa mitlub jadotta jikkostitwixxi att b’effetti ġuridiċi.

L-att previst la jissupplimenta u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.

Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li dwarhom tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tkun imsejsa fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

L-objettiv jew il-kontenut ewlieni tal-att previst jirrelataw mal-politika kummerċjali komuni.

Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 207(4) tat-TFUE.

4.3.Konklużjoni

Il-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta jenħtieġ li tkun l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

5.Implikazzjonijiet baġitarji

L-emendi proposti relatati mal-emenda fil-Ftehim dwar il-miżuri doganali ta’ sigurtà huma bbażati fuq il-prinċipju li l-Iżvizzera se tingħaqad mal-programm tal-ICS2 mill-ewwel ħarġa tagħha fil-15 ta’ Marzu 2021. Aktar ħarġiet se jseħħu fl-2023 u fl-2024.

Dan iħalli implikazzjonijiet baġitarji għall-Iżvizzera. Id-diżaggregazzjoni tal-kostijiet hija stabbilita fl-Artikolu 17 tal-Anness I u kompliet tiġi kkomunikata lill-Iżvizzera permezz ta’ dokument informali.

L-Iżvizzera se tikkontribwixxi għal kull ħarġa tal-ICS2, u b’hekk tħallas miżata fissa għall-kostijiet tal-iżvilupp imġarrba mill-Kummissjoni Ewropea. Għall-Ħarġa 1, dawn il-kostijiet jammontaw għal EUR 520 000, għall-Ħarġa 2 EUR 550 000 u għall-Ħarġa 3 EUR 550 000, u huma bbażati fuq formula ta’ allokazzjoni ta’ 4 %.

L-Iżvizzera se tikkontribwixxi wkoll għall-kostijiet operazzjonali mġarrba mill-Kummissjoni Ewropea biex tkopri l-kostijiet annwali għall-ittestjar tal-konformità u għall-manutenzjoni tal-infrastruttura (hardware, software, hosting, liċenzji, eċċ.), tal-komponenti ċentrali tal-ICS2 u tal-applikazzjonijiet u s-servizzi relatati meħtieġa għat-tħaddim u għall-interkonnessjoni tagħhom (garanzija tal-kwalità, helpdesk u Ġestjoni tas-Servizzi tal-IT). Dawn il-kostijiet operazzjonali huma bbażati fuq il-formula ta’ allokazzjoni ta’ 4 % iżda mhumiex rata annwali fissa. Bħala tali, l-ispejjeż operazzjonali massimi huma limitati għal EUR 450 000 fis-sena.

6.Pubblikazzjoni tal-att previst

Minħabba li l-att tal-Kumitat Konġunt UE-Żvizzera se jemenda l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar is-simplifikazzjoni tal-kontrolli u tal-formalitajiet fir-rigward tat-trasport ta’ oġġetti kif ukoll dwar miżuri doganali ta’ sigurtà, huwa xieraq li dan jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara l-adozzjoni tiegħu.

2021/0005 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt UE-Żvizzera stabbilit mill-Ftehim tal-25 ta’ Ġunju 2009 bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar is-simplifikazzjoni tal-ispezzjonijiet u tal-formalitajiet fir-rigward tat-trasport ta’ oġġetti kif ukoll dwar miżuri doganali ta’ sigurtà fir-rigward tal-emenda fil-Kapitolu III u fl-Annessi I u II tal-Ftehim

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4) tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)il-Ftehim tal-25 ta’ Ġunju 2009 bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar is-simplifikazzjoni tal-kontrolli u tal-formalitajiet fir-rigward tat-trasport ta’ oġġetti kif ukoll dwar miżuri doganali ta’ sigurtà (“il-Ftehim”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2009 3 ;

(2)Skont l-Artikolu 21.2 tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt UE-Żvizzera jista’ jadotta, permezz tad-deċiżjoni tiegħu, l-emenda fil-Kapitolu III u fl-Annessi tal-Ftehim matul is-sessjoni li jmiss tiegħu jew permezz ta’ skambju ta’ ittri;

(3)Bl-applikazzjoni tal-Artikolu 22.4 tal-Ftehim, jekk id-deċiżjoni ma tistax tiġi adottata għal din l-implimentazzjoni simultanja, l-emendi previsti fl-abbozz tad-deċiżjoni mressqa għall-approvazzjoni tal-Partijiet Kontraenti għandhom jiġu implimentati b’mod proviżorju, fejn possibbli, mill-15 ta’ Marzu 2020 f’konformità mal-proċeduri interni tal-Partijiet Kontraenti. Din l-għażla tad-data tikkoinċidi mal-ewwel Ħarġa tas-Sistema ta’ Kontroll tal-Importazzjoni 2, li l-Iżvizzera qablet li tipparteċipa fiha.

(4)Ikun xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt, minħabba li l-emenda se tkun vinkolanti fuq l-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tal-att tal-Kumitat Konġunt mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Id-Deċiżjoni Nru 1/2014 tal-Kumitat Konġunt UE-Żvizzera tal-10 ta’ Ottubru 2014 li tiddetermina l-każijiet ta’ eżenzjoni mit-trasmissjoni tad-data msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tal-Anness I tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera tal-25 ta’ Ġunju 2009 dwar is-simplifikazzjoni tal-kontrolli u tal-formalitajiet fir-rigward tat-trasport ta’ oġġetti kif ukoll dwar miżuri doganali ta’ sigurtà (ĠU L 331, 18.11.2014, p. 38-39)
(2)    ĠU L 114, 30.04.2002, pp. 73-90
(3)    ĠU L 199, 31.07.2009, p. 24
Top

Brussell, 12.1.2021

COM(2021) 11 final

ANNESS

ta'

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt UE-Żvizzera stabbilit mill-Ftehim tal-25 ta’ Ġunju 2009 bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar is-simplifikazzjoni tal-ispezzjonijiet u tal-formalitajiet fir-rigward tat-trasport ta’ oġġetti kif ukoll dwar miżuri doganali ta’ sigurtà fir-rigward tal-emenda fil-Kapitolu III u fl-Annessi I u II tal-Ftehim


ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAL-UE-ŻVIZZERA

Nru 1/2021

ta’

li temenda l-Kapitolu III u l-Annessi I u II tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar is-simplifikazzjoni tal-kontrolli u tal-formalitajiet fir-rigward tat-trasport ta’ oġġetti kif ukoll dwar miżuri doganali ta’ sigurtà

IL-KUMITAT KONĠUNT,

Wara li kkunsidra l-Ftehim tal-25 ta’ Ġunju 2009 bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar is-simplifikazzjoni tal-kontrolli u tal-formalitajiet fir-rigward tat-trasport ta’ oġġetti kif ukoll dwar miżuri doganali ta’ sigurtà 1 (minn hawn ’il quddiem “il-Ftehim”), u b’mod partikolari l-Artikoli 21(2) u 22(4) tiegħu;

Billi, bil-konklużjoni tal-Ftehim, il-partijiet kontraenti impenjaw ruħhom li jiggarantixxu fit-territorji rispettivi tagħhom livell ekwivalenti ta’ sigurtà permezz ta’ miżuri doganali bbażati fuq il-leġiżlazzjoni rilevanti fis-seħħ fl-Unjoni Ewropea;

Billi mill-konklużjoni tal-Ftehim ’l hawn, id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 2 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali u tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 3 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali Komunitarju ġew sostitwiti bid-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 4 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 5 tat-28 ta’ Lulju 2015 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 6 tal-24 ta’ Novembru 2015;

Billi aktar dispożizzjonijiet rilevanti għall-miżuri doganali ta’ sigurtà ġew adottati mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2151 7 tat-13 ta’ Diċembru 2019 li tistabbilixxi l-programm ta’ ħidma relatat mal-iżvilupp u l-implimentazzjoni tas-sistemi elettroniċi previsti fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni;

Billi mill-konklużjoni tal-Ftehim ’l hawn, saru emendi dwar il-miżuri doganali ta’ sigurtà f’din il-leġiżlazzjoni;

Billi jenħtieġ li l-emendi tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea, li huma relevanti għaż-żamma ta’ livell ekwivalenti ta’ sigurtà bejn il-partijiet kontraenti, jiġu riflessi fil-Ftehim;

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikoli 9 sa 14 tal-Kapitolu III tal-Ftehim għandhom jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

“Artikolu 9

Dispożizzjonijiet ġenerali dwar is-sigurtà u s-sikurezza

1. Il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom li jistabbilixxu u japplikaw għat-trasport tal-oġġetti lejn jew minn pajjiżi terzi, il-miżuri doganali ta’ sigurtà stabbiliti f’dan il-Kapitolu u għaldaqstant, biex jiżguraw livell ekwivalenti ta’ sigurtà u sikurezza fil-fruntieri esterni tagħhom.

2. Il-Partijiet Kontraenti għandhom iżommu lura milli japplikaw il-miżuri doganali ta’ sigurtà stabbiliti f’dan il-Kapitolu għat-trasport tal-oġġetti bejn it-territorji doganali tagħhom.

3. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jikkonsultaw, qabel il-konklużjoni, ta’ kwalunkwe ftehim ma’ pajjiż terz fl-oqsma koperti minn dan il-Kapitolu, sabiex jiżguraw il-konsistenza ma’ dan il-Ftehim, b’mod partikolari jekk il-ftehim propost jinkludi dispożizzjonijiet li jiddegoraw mill-miżuri doganali ta’ sigurtà stabbiliti f’dan il-Kapitolu.”

“Artikolu 10

Dikjarazzjonijiet qabel id-dħul u l-ħruġ tal-oġġetti

1. Għall-finijiet tas-siġurtà u s-sikurezza, l-oġġetti mdaħħla fit-territorju doganali tal-Partijiet Kontraenti minn pajjiżi terzi għandhom ikunu koperti minn dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul għajr għall-oġġetti ttrasportati b’mezzi ta’ trasport li jgħaddu biss mill-ilmijiet territorjali jew mill-ispazju tal-ajru tat-territorji doganali mingħajr waqfa f’dawn it-territorji.

2. Għall-finijiet tas-siġurtà u s-sikurezza, l-oġġetti ħerġin mit-territorju doganali tal-Partijiet Kontraenti li huma maħsuba għal pajjiżi terzi għandhom ikunu koperti minn dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħruġ għajr għall-oġġetti ttrasportati b’mezzi ta’ trasport li jgħaddu biss mill-ilmijiet territorjali jew mill-ispazju tal-ajru tat-territorji doganali mingħajr waqfa f’dawn it-territorji.

3. Id-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul jew tal-ħruġ għandha tiġi ppreżentata qabel l-oġġetti jiddaħħlu fit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti jew jitilqu minnhom.

4. Meta jkun hemm obbligu li tiġi ppreżentata dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul jew tal-ħruġ għall-oġġetti deħlin fit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti jew ħerġin minnhom, iżda din id-dikjarazzjoni ma tkunx ġiet ippreżentata, waħda mill-persuni msemmija fil-paragrafi 5 jew 6 għandha tippreżenta minnufih din id-dikjarazzjoni jew, jekk ikollha l-permess tal-awtoritajiet doganali, għandha minflok tippreżenta dikjarazzjoni doganali jew dikjarazzjoni għal ħażna temporanja li għandu jkun fiha tal-anqas id-dettalji meħtieġa għal dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul jew tal-ħruġ. F’ċirkostanzi bħal dawn, l-awtoritajiet doganali għandhom iwettqu l-analiżi tar-riskju għal finijiet ta’ sigurtà u sikurezza fuq dawk l-oġġetti abbażi tad-dikjarazzjoni doganali jew tad-dikjarazzjoni għal ħażna temporanja.

5. Kull Parti Kontraenti għandha tiddetermina l-persuni responsabbli għall-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet fil-qosor tal-ħruġ kif ukoll tispeċifika l-awtoritajiet kompetenti biex jirċevuhom.

6. Id-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul għandha tiġi ppreżentata mit-trasportatur.

Minkejja l-obbligi tat-trasportatur, id-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul tista’ minflok tiġi ppreżentata minn waħda mill-persuni li ġejjin:

(a)l-importatur jew il-konsenjatarju jew persuna oħra li f’isimha jew li għan-nom tagħha jaġixxi t-trasportatur;

(b)kwalunkwe persuna li hi kapaċi tippreżenta l-oġġetti inkwistjoni jew li tara li jiġu ppreżentati fl-uffiċju doganali tal-ewwel dħul.

F’każijiet speċifiċi, meta d-dettalji kollha tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul meħtieġa għall-analiżi tar-riskju għal finijiet ta’ sigurtà u sikurezza ma jkunux jistgħu jinkisbu mill-persuni msemmija fl-ewwel subparagrafu, persuni oħra li jkollhom dawk id-dettalji u d-drittijiet xierqa biex jipprovduhom jistgħu jkunu meħtieġa jipprovdu dawk id-dettalji.

Kull persuna li tissottometti d-dettalji tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul għandha tkun responsabbli għad-dettalji li din tkun issottomettiet.

7. B’deroga mill-paragrafu 6, sad-dati tal-implimentazzjoni tas-sistema elettronika msemmija fl-Artikolu 1(1) tal-Anness I, kull Parti Kontraenti għandha tiddetermina l-persuni li huma meħtieġa jippreżentaw id-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul, u l-mezzi għall-preżentazzjoni tagħha, għall-iskambju ta’ informazzjoni relatata magħha u għat-talba tal-emendar u/jew l-invalidazzjoni tagħha.

8. L-awtoritajiet doganali tal-Partijiet Kontraenti jistgħu jiddefinixxu l-każijiet li fihom dikjarazzjoni doganali jew dikjarazzjoni għal ħażna temporanja tista’ tintuża bħala dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul jew tal-ħruġ, dment li:

(a)id-dikjarazzjoni doganali jew id-dikjarazzjoni għal ħażna temporanja jkun fiha d-dettalji kollha meħtieġa għal dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul jew tal-ħruġ, u

(b)id-dikjarazzjoni li tissostitwixxiha tiġi ppreżentata qabel jiskadi t-terminu fl-uffiċċju doganali kompetenti għall-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul jew tal-ħruġ.

9. L-Anness I jistabbilixxi:

is-sistema elettronika relatata mad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul,

il-forma u d-dettalji tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul jew tal-ħruġ,

l-eċċezjonijiet mill-obbligu li tiġi ppreżentata dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul jew tal-ħruġ,

il-post fejn għandha tiġi ppreżentata d-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul jew tal-ħruġ,

it-termini għall-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul jew tal-ħruġ,

l-arranġamenti tekniċi għas-sistemi elettroniċi użati għall-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul,

l-arranġament ta’ finanzjament li jikkonċerna r-responsabbiltajiet, l-impenji u l-aspettattivi mal-implimentazzjoni u t-tħaddim tas-Sistema ta’ Kontroll tal-Importazzjoni 2,

kwalunkwe dispożizzjoni oħra meħtieġa biex tiġi żgurata l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu.”

“Artikolu 11

Operatur ekonomiku awtorizzat

1. Parti Kontraenti għandha tagħti, soġġetta għall-kriterji stabbiliti fl-Anness II ta’ dan il-Ftehim, l-istatus ta’ “operatur ekonomiku awtorizzat” għal finijiet ta’ sigurtà lil kwalunkwe operatur ekonomiku stabbilit fit-territorju doganali tagħha u fil-każ tal-Iżvizzera fl-esklavi doganali tagħha ta’ Samnaun u Sampuoir.

L-operaturi ekonomiċi awtorizzati għandhom igawdu minn faċilitazzjonijiet fir-rigward tal-kontrolli doganali relatati mas-sigurtà.

Soġġett għar-regoli u l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2, l-istatus ta’ operatur ekonomiku awtorizzat mogħti minn Parti Kontraenti għandu jiġi rikonoxxut mill-Parti Kontraenti l-oħra, mingħajr preġudizzju għall-kontrolli doganali, b’mod partikolari bil-ħsieb li jiġu implimentati l-ftehimiet mal-pajjiżi terzi li jipprevedu l-arranġamenti għar-rikonoxximent reċiproku tal-istatus ta’ operatur ekonomiku awtorizzat.

2. L-Anness II jistabbilixxi:

ir-regoli għall-għoti tal-istatus ta’ operatur ekonomiku awtorizzat, b’mod partikolari l-kriterji għall-għoti ta’ dan l-istatus u l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tagħhom,

it-tip ta’ faċilitazzjonijiet li għandhom jingħataw,

ir-regoli dwar is-sospensjoni, l-annullament u r-revoka tal-istatus ta’ operatur ekonomiku awtorizzat,

l-arranġamenti għall-iskambji ta’ informazzjoni bejn il-Partijiet Kontraenti dwar l-operaturi ekonomiċi awtorizzati tagħhom,

kwalunkwe miżura oħra meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu.”

“Artikolu 12

kontrolli doganali relatati mas-sigurtà u s-sikurezza u ġestjoni tar-riskju relatata mas-sigurtà u s-sikurezza

1. Il-kontrolli doganali relatati mas-sigurtà u s-sikurezza, għajr il-verifiki għall-għarrieda, għandhom primarjament ikunu ibbażati fuq l-analiżi tar-riskju bl-użu ta’ tekniki elettroniċi ta’ pproċessar tad-data, bl-iskop li jiġu identifikati u evalwati r-riskji u li jiġu żviluppati l-kontromiżuri meħtieġa, abbażi tal-kriterji żviluppati mill-Partijiet Kontraenti.

2. Il-kontrolli doganali relatati mas-sigurtà u s-sikurezza għandhom jitwettqu fi ħdan qafas komuni ta’ ġestjoni tar-riskju, ibbażat fuq l-iskambju ta’ informazzjoni dwar ir-riskju u ta’ riżultati mill-analiżi tar-riskju bejn l-awtoritajiet doganali tal-Partijiet Kontraenti. L-awtorità doganali tal-Iżvizzera permezz tal-parteċipazzjoni tagħha fil-Kumitat tal-Kodiċi Doganali msemmi fl-Artikolu 23, għandha tikkontribwixxi għall-istabbiliment ta’ kriterji u standards komuni tar-riskju, miżuri ta’ kontroll u oqsma ta’ kontroll prijoritarju fir-rigward tad-dettalji tad-dikjarazzjonijiet fil-qosor tad-dħul u tal-ħruġ. Il-kontrolli bbażati fuq tali informazzjoni u kriterji għandhom jitwettqu mingħajr preġudizzju għal kontrolli doganali oħra.

3. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jużaw Sistema Komuni ta’ Ġestjoni tar-Riskju għall-iskambju ta’ informazzjoni relatata mar-riskju, informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ kriterji u standards komuni tar-riskju, ta’ oqsma komuni ta’ kontroll prijoritarju u ta’ mmaniġġjar ta’ kriżijiet doganali, u riżultati mill-analiżi tar-riskju u riżultati mill-kontroll.

4. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jirrikonoxxu l-ekwivalenza tas-sistemi ta’ ġestjoni tar-riskju tagħhom relatati mas-sigurtà u s-sikurezza.

5. Il-Kumitat Konġunt għandu jadotta kwalunkwe miżura oħra meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu.”

“Artikolu 13

Monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-miżuri doganali ta’ sigurtà

1. Il-Kumitat Konġunt għandu jiddetermina kif il-Partijiet Kontraenti jkollhom jimmonitorjaw l-implimentazzjoni ta’ dan il-Kapitolu u jivverifikaw il-konformità mad-dispożizzjonijiet tiegħu u ma’ dawk tal-Annessi ta’ dan il-Ftehim.

2. Il-monitoraġġ imsemmi fil-paragrafu 1 jista’ jieħu l-forma ta’:

valutazzjonijiet perjodiċi tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Kapitolu, u b’mod partikolari tal-ekwivalenza tal-miżuri doganali ta’ sigurtà,

rieżami biex jittejjeb il-mod li bih jiġi applikat jew biex jiġu emendati d-dispożizzjonijiet tiegħu sabiex jissodisfa aħjar l-objettivi tiegħu,

l-organizzazzjoni ta’ laqgħat tematiċi bejn l-esperti taż-żewġ Partijiet Kontraenti u ta’ awditi tal-proċeduri amministrattivi, inklużi ż-żjarat fuq il-post.

3. Il-Kumitat Konġunt għandu jiżgura li l-miżuri meħuda skont dan l-Artikolu jikkonformaw mad-drittijiet tal-operaturi ekonomiċi.”

“Artikolu 14

Protezzjoni tas-sigriet professjonali u tad-data personali

L-informazzjoni skambjata mill-Partijiet Kontraenti bħala parti mill-miżuri previsti f’dan il-Kapitolu għandha tgawdi mill-protezzjoni estiża għas-sigriet professjonali u d-data personali kif iddefinita mil-liġijiet rilevanti applikabbli fit-territorju tal-Parti Kontraenti riċevitriċi. It-trasferiment tad-data personali għandu jikkonforma mar-rekwiżiti tal-liġijiet applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data tal-Parti Kontraenti trasferenti.

B’mod partikolari, din l-informazzjoni ma tistax tiġi ttrasferita aktar lil persuni għajr l-entitajiet kompetenti fil-Parti Kontraenti riċevitriċi, u lanqas ma tista’ tintuża minn dawk l-awtoritajiet għal finijiet għajr dawk previsti f’dan il-Ftehim.”

Artikolu 2

L-Annessi I u II tal-Ftehim għandhom jiġu ssostitwiti bl-Annessi stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tielet xahar wara li l-aħħar Parti tkun innotifikat lill-oħra dwar it-tlestija tar-rekwiżiti interni tagħha. Din għandha tiġi applikata fuq bażi proviżorja mill-15 ta’ Marzu 2021.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kumitat Konġunt tal-UE-Żvizzera,

Il-President

Anness

L-Anness I u l-Anness II tal-Ftehim għandhom jiġu ssostitwiti bl-Annessi li ġejjin:

“ANNESS I

DIKJARAZZJONIJIET FIL-QOSOR TAD-DĦUL U TAL-ĦRUĠ

Titolu I

Dikjarazzjoni fil-qosor tad-Dħul

Artikolu 1

Sistema Elettronika relatata mad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul

1. Is-Sistema elettronika ta’ Kontroll tal-Importazzjoni 2 (ICS2) għandha tintuża għal:

(a)is-sottomissjoni, l-ipproċessar u l-ħżin tad-dettalji tad-dikjarazzjonijiet fil-qosor tad-dħul u ta’ informazzjoni oħra relatata ma’ dawk id-dikjarazzjonijiet, relatata mal-analiżi tar-riskju għal finijiet ta’ sigurtà u sikurezza doganali, inkluż l-appoġġ għas-sigurtà tal-avjazzjoni, u relatata mal-miżuri li jridu jittieħdu abbażi tar-riżultati minn dik l-analiżi;

(b)l-iskambju ta’ informazzjoni li tikkonċerna d-dettalji tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul u r-riżultati mill-analiżi tar-riskju tad-dikjarazzjonijiet fil-qosor tad-dħul, li tikkonċerna informazzjoni oħra meħtieġa biex issir dik l-analiżi tar-riskju, u li tikkonċerna l-miżuri meħuda abbażi tal-analiżi tar-riskju, inklużi r-rakkomandazzjonijiet dwar il-postijiet ta’ kontroll u r-riżultati minn dawk il-kontrolli;

(c)l-iskambju ta’ informazzjoni biex tiġi mmonitorjata u evalwata l-implimentazzjoni tal-kriterji u l-istandards komuni tar-riskju għas-sigurtà u s-sikurezza u dik tal-miżuri ta’ kontroll u tal-oqsma ta’ kontroll prijoritarju.

2. Id-dati tal-iżvilupp u tal-ħruġ tal-implimentazzjoni sekwenzjali tas-sistema elettronika msemmija f’dan l-Anness huma d-dati stabbiliti fis-Sistema ta’ Kontroll tal-Importazzjoni 2 (ICS2) tal-proġett tal-KDU fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2151 8 .

Il-Partijiet Kontraenti huma mistennija li jkunu lesti fl-istess żmien għal kull ħarġa fil-bidu tal-perjodu tal-implimentazzjoni. Meta jitqies xieraq, il-Partijiet Kontraenti jistgħu jippermettu lill-operaturi ekonomiċi jaqbdu gradwalment mas-sistema sa tmiem il-perjodu tal-implimentazzjoni previst għal kull ħarġa. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jippubblikaw l-iskadenzi u l-istruzzjonijiet għall-operaturi ekonomiċi fuq is-sit web tagħhom.

3. L-operaturi ekonomiċi għandhom jużaw interfaċċa armonizzata tal-kummerċjanti tal-UE, imfassla mill-Partijiet Kontraenti bi qbil ma’ xulxin, għas-sottomissjonijiet, it-talbiet għal emendi, it-talbiet għal invalidazzjonijiet, l-ipproċessar u l-ħżin tad-dettalji tad-dikjarazzjonijiet fil-qosor tad-dħul u għall-iskambju ta’ informazzjoni relatata mal-awtoritajiet doganali.

4. L-awtoritajiet doganali tal-Partijiet Kontraenti jistgħu jippermettu li s-sistemi ta’ informazzjoni kummerċjali, portwali jew tat-trasport jintużaw għall-preżentazzjoni tad-dettalji tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul, dment li dawn is-sistemi jkun fihom id-dettalji meħtieġa u dawk id-dettalji jkunu disponibbli fit-termini ta’ żmien imsemmija fl-Artikolu 7.

Artikolu 2

Forma u kontenut tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul

1. Id-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul, u n-notifika tal-wasla ta’ bastiment tal-baħar jew ta’ inġenju tal-ajru għandu jkun fiha d-dettalji stabbiliti fil-kolonni li ġejjin tal-Anness B tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 9 :

(a)F10 sa F16;

(b)F20 sa F33;

(c)F40 sa F45;

(d)F50 u F51;

(e)G2.

Id-dettalji tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul għandhom jikkonformaw mal-formats, mal-kodiċijiet u mal-kardinalitajiet rispettivi stabbiliti fl-Anness B tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 10 u għandhom jimtlew skont in-noti f’dawk l-Annessi.

2. Id-dettalji tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul jistgħu jiġu pprovduti permezz tas-sottomissjoni ta’ aktar minn sett ta’ data wieħed minn persuni differenti.

3. Is-sistema elettronika msemmija fil-paragrafu 1 għandha tintuża biex tiġi ppreżentata talba għal emenda jew invalidazzjoni ta’ dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul jew tad-dettalji fiha.

Meta persuni differenti jitolbu emenda jew invalidazzjoni tad-dettalji tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul, kull waħda minn dawk il-persuni għandha tkun permessa biss li titlob l-emenda jew l-invalidazzjoni tad-dettalji li din tkun issottomettiet.

4. L-awtoritajiet doganali tal-Parti Kontraenti, li rreġistraw id-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul, għandhom jinnotifikaw minnufih lill-persuna li ppreżentat it-talba għal emenda jew invalidazzjoni bid-deċiżjoni tagħhom li jirreġistrawha jew jirrifjutawha.

Meta l-emendi jew l-invalidazzjoni tad-dettalji tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul jiġu ppreżentati minn persuna differenti mit-trasportatur, l-awtoritajiet doganali għandhom ukoll jinnotifikaw lit-trasportatur, dment li t-trasportatur ikun talab li jiġi nnotifikat u jkollu aċċess għas-sistema elettronika msemmija fil-paragrafu 1.

5. Skont l-Artikolu 10(8) tal-Ftehim, sad-data tal-implimentazzjoni tal-ħarġa 3 tas-sistema msemmija fl-Artikolu 1(1), il-Partijiet Kontraenti jistgħu jwettqu l-analiżi tar-riskju relatata mas-sigurtà u s-sikurezza abbażi tad-dikjarazzjoni tat-tranżitu ppreżentata fis-Sistema Ġdida ta’ tranżitu Kompjuterizzata (NCTS) skont il-Konvenzjoni dwar Proċedura Komuni ta’ tranżitu 11 , inkluż l-iskambju ta’ informazzjoni relatata mal-analiżi tar-riskju bejn il-Partijiet Kontraenti involuti, għall-oġġetti ttrasportati bil-baħar, bil-passaġġi fuq l-ilma interni, bit-triq u bil-ferrovija.

L-NCTS hija s-sistema elettronika li tippermetti l-komunikazzjoni bejn il-Partijiet Kontraenti, u bejn il-Partijiet Kontraenti u l-operaturi ekonomiċi għall-finijiet tas-sottomissjoni ta’ dikjarazzjoni doganali għal tranżitu inklużi d-dettalji kollha meħtieġa għal dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul jew tal-ħruġ u n-notifiki relatati ma’ dawk l-oġġetti.

Qabel l-implimentazzjoni tal-ħarġa 3 tas-sistema msemmija fl-Artikolu 1(1) ta’ dan l-Anness, il-Partijiet Kontraenti għandhom jivvalutaw jekk, wara dik id-data, l-awtoritajiet doganali jistgħux ikomplu jwettqu l-analiżi tar-riskju abbażi tad-dikjarazzjoni tat-tranżitu li jkun fiha d-dettalji ta’ dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul ippreżentati fl-NCTS 12 u għandhom jimmodifikaw dan il-Ftehim jekk ikun meħtieġ.

Artikolu 3

Rinunzja mill-obbligu li tiġi ppreżentata dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul

1. Dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul ma għandhiex tkun meħtieġa fir-rigward tal-oġġetti li ġejjin:

(a)enerġija elettrika;

(b)oġġetti deħlin permezz ta’ pipeline;

(c)oġġetti ta’ korrispondenza, jiġifieri ittri, kartolini, ittri bil-braille u materjal stampat li ma jkunux soġġetti għal dazju tal-importazzjoni jew tal-esportazzjoni;

(d)oġġetti f’kunsinni postali mċaqalqa skont ir-regoli tal-Unjoni Postali Universali, kif ġej:

(1)meta l-kunsinni postali jiġu ttrasportati bl-ajru u jkollhom Parti Kontraenti bħala destinazzjoni finali, sad-data stabbilita għall-implimentazzjoni tal-ħarġa 1 tas-sistema elettronika msemmija fl-Artikolu 1(1);

(2)meta l-kunsinni postali jiġu ttrasportati bl-ajru u jkollhom pajjiż terz jew territorju terz bħala destinazzjoni finali, sad-data stabbilita għall-implimentazzjoni tal-ħarġa 2 tas-sistema elettronika msemmija fl-Artikolu 1(1);

(3)meta l-kunsinni postali jiġu ttrasportati bil-baħar, bl-ilmijiet interni, bit-triq jew bil-ferrovija, sad-data stabbilita għall-implimentazzjoni tal-ħarġa 3 tas-sistema elettronika msemmija fl-Artikolu 1(1);

(e)oġġetti li għalihom dikjarazzjoni doganali bil-fomm jew is-sempliċi qsim tal-fruntiera jkun permess skont ir-regoli stabbiliti mill-Partijiet Kontraenti, dment li dawn ma jkunux qed jinġarru skont kuntratt ta’ trasport;

(f)oġġetti li jinsabu fil-bagalji personali tal-vjaġġaturi;

(g)oġġetti koperti mill-carnets ATA jew CPD dment li dawn ma jkunux qed jinġarru skont kuntratt ta’ trasport;

(h)oġġetti intitolati għal eżenzjoni skont il-Konvenzjoni ta’ Vjenna tat-18 ta’ April 1961 dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi, il-Konvenzjoni ta’ Vjenna tal-24 ta’ April 1963 dwar ir-Relazzjonijiet Konsulari, konvenzjonijiet konsulari oħra jew il-Konvenzjoni ta’ New York tas-16 ta’ Diċembru 1969 dwar il-Missjonijiet Speċjali;

(i)armi u tagħmir militari mdaħħla fit-territorju doganali ta’ waħda mill-Partijiet Kontraenti mill-awtoritajiet inkarigati mid-difiża militari tat-territorju, fi trasport militari jew trasport imħaddem għall-użu uniku tal-awtoritajiet militari;

(j)l-oġġetti li ġejjin imdaħħla fit-territorju doganali ta’ waħda mill-Partijiet Kontraenti direttament minn installazzjonijiet offshore imħaddma minn persuna stabbilita fit-territorju doganali ta’ waħda mill-Partijiet Kontraenti:

(1)oġġetti li kienu inkorporati f’dawk l-installazzjonijiet offshore għall-finijiet tal-kostruzzjoni, it-tiswija, il-manutenzjoni jew il-konverżjoni tagħhom;

(2)oġġetti li kienu jintużaw biex jitwaħħlu ma’ dawn l-installazzjonijiet offshore jew iservu ta’ tagħmir għalihom;

(3)provvisti użati jew ikkonsmati fuq dawn l-installazzjonijiet offshore;

(4)skart mhux perikoluż minn dawn l-installazzjonijiet offshore;

(k)oġġetti f’kunsinni li l-valur intrinsiku tagħhom ma jaqbiżx it-EUR 22, dment li l-awtoritajiet doganali jaċċettaw, bil-qbil tal-operatur ekonomiku, li jwettqu analiżi tar-riskju billi jużaw l-informazzjoni li tkun tinsab fis-sistema użata mill-operatur ekonomiku, jew ipprovduta minnha, kif ġej:

(1)meta l-oġġetti jkunu f’kunsinni mibgħuta minn jew taħt ir-responsabbiltà ta’ operatur li jipprovdi servizzi integrati ta’ ġbir rapidu/iddefinit skont iż-żmien, trasport, żdoganar ta’ merkanzija u konsenja ta’ pakketti filwaqt li jittraċċa l-post ta’, u jżomm kontroll fuq dawn l-oġġetti matul il-provvista tas-servizz, minn hawn ’il quddiem imsejħa kunsinni express, li jiġu ttrasportati bl-ajru, sad-data stabbilita għall-implimentazzjoni tal-ħarġa 1 tas-sistema elettronika msemmija fl-Artikolu 1(1);

(2)meta l-oġġetti jiġu ttrasportati bl-ajru f’kunsinni oħra għajr dawk postali jew express, sad-data stabbilita għall-implimentazzjoni tal-ħarġa 2 tas-sistema elettronika msemmija fl-Artikolu 1(1);

(3)meta l-oġġetti jiġu ttrasportati bil-baħar, bil-passaġġi fuq l-ilma interni, bit-triq jew bil-ferrovija, sad-data stabbilita għall-implimentazzjoni tal-ħarġa 3 tas-sistema elettronika msemmija fl-Artikolu 1(1);

(l)oġġetti mċaqalqa taħt il-kopertura tal-formola 302 tan-NATO prevista fil-Konvenzjoni bejn il-Partijiet tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana rigward l-Istatus tal-Forzi tagħhom, iffirmata f’Londra fid-19 ta’ Ġunju 1951, jew taħt il-kopertura tal-formola 302 tal-UE prevista fl-Artikolu 1(51) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446.

(m)oġġetti miġjuba lil waħda mill-Partijiet Kontraenti minn Ceuta u Melilla, Heligoland, ir-Repubblika ta’ San Marino, l-Istat tal-Belt tal-Vatikan, il-muniċipalità ta’ Livigno u l-esklavi doganali Żvizzeri ta’ Samnaun u Sampuoir;

(n)l-oġġetti li ġejjin abbord bastimenti u inġenji tal-ajru:

(1)oġġetti li ġew ipprovduti biex jiġu inkorporati bħala partijiet minn jew aċċessorji f’dawk il-bastimenti jew inġenji tal-ajru;

(2)oġġetti għat-tħaddim ta’ magni, makkinarji u tagħmir ieħor ta’ dawk il-bastimenti jew inġenji tal-ajru;

(3)oġġetti tal-ikel jew oġġetti oħra li jiġu kkonsmati jew jinbiegħu abbord;

(o) prodotti tas-sajd u prodotti oħra meħuda mill-baħar barra t-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti permezz tal-bastimenti tas-sajd tagħhom;

(p) bastimenti, u l-oġġetti li dawn ikunu qed iġorru, li jidħlu fl-ibħra territorjali ta’ waħda mill-Partijiet Kontraenti bl-uniku skop li jgħabbu provvisti mingħajr ma jagħmlu konnessjoni ma’ kwalunkwe faċilità portwarja;

(q) oġġetti tad-dar kif iddefiniti fil-leġiżlazzjoni tal-Partijiet Kontraenti rispettivi dment li dawn ma jkunux qed jinġarru skont kuntratt ta’ trasport.

2. Dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul ma għandhiex tkun meħtieġa fil-każijiet previsti fi ftehim internazzjonali konkluż bejn Parti Kontraenti u pajjiż terz dwar is-sigurtà, soġġett għall-proċedura stabbilita fl-Artikolu 9(3) tal-Ftehim.

3. Dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul ma għandhiex tkun meħtieġa f’każijiet meta l-oġġetti jitilqu temporanjament mit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti matul it-trasport bil-baħar jew bl-ajru bejn żewġ punti ta’ dawk it-territorji doganali u mingħajr ma jkunu waqfu f’pajjiż terz.

Artikolu 4

Post għall-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul

1. Id-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul għandha tiġi ppreżentata fl-uffiċċju doganali li jkun kompetenti għas-superviżjoni doganali fuq il-post fit-territorju doganali ta’ waħda mill-Partijiet Kontraenti fejn il-mezz tat-trasport li qed jġorr l-oġġetti jasal jew, meta jkun applikabbli, ikun iddestinat li jasal, minn pajjiż terz jew territorju terz minn hawn ’il quddiem imsejjaħ l-uffiċċju doganali tal-ewwel dħul.

2. Meta d-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul tiġi ppreżentata permezz tas-sottomissjoni ta’ aktar minn sett ta’ data wieħed, jew permezz tas-sottomissjoni tas-sett ta’ data minimu, il-persuna li tissottometti s-sett ta’ data parzjali jew minimu għandha tagħmel dan lill-uffiċċju doganali li, skont l-għarfien tagħha, jenħtieġ li jkun l-uffiċċju doganali tal-ewwel dħul. Jekk dik il-persuna ma tkunx taf il-post fit-territorju doganali tal-Partijiet Kontraenti li fih il-mezz tat-trasport li qed iġorr l-oġġetti jkun mistenni li jasal l-ewwel, l-uffiċċju doganali tal-ewwel dħul jista’ jiġi ddeterminat abbażi tal-post li fih jiġu kkonsenjati l-oġġetti.

3. L-awtoritajiet doganali tal-Partijiet Kontraenti jistgħu jippermettu li d-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul tiġi ppreżentata f’uffiċċju doganali ieħor, dment li dan tal-aħħar jikkomunika jew jagħmel disponibbli elettronikament minnufih id-dettalji meħtieġa lill-uffiċċju doganali tal-ewwel dħul.

Artikolu 5

Reġistrazzjoni ta’ dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul

1. L-awtoritajiet doganali għandhom jirreġistraw kull sottomissjoni ta’ dettalji tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul mal-wasla tagħha u għandhom jinnotifikaw minnufih lid-dikjarant jew lir-rappreżentant tiegħu bir-reġistrazzjoni tagħha u għandhom jikkomunikaw Numru ta’ Referenza Ewlieni tas-sottomissjoni u d-data tar-reġistrazzjoni lil dik il-persuna.

2. Mid-data tal-implimentazzjoni tal-ħarġa 2 tas-sistema elettronika msemmija fl-Artikolu 1(1), l-awtoritajiet doganali għandhom jinnotifikaw minnufih lit-trasportatur bir-reġistrazzjoni, dment li t-trasportatur ikun talab li jiġi nnotifikat u jkollu aċċess għal dik is-sistema elettronika, meta d-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul tiġi ppreżentata minn persuna oħra għajr it-trasportatur.

Artikolu 6

Preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul

Meta ma tapplika l-ebda waħda mir-rinunzji mill-obbligu li tiġi ppreżentata dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul fl-Artikolu 10 tal-Ftehim u fl-Artikolu 3, id-dettalji tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul għandhom jiġu pprovduti kif ġej:

(a)għall-oġġetti ttrasportati bl-ajru,

(1)it-trasportaturi express għandhom jippreżentaw, għall-kunsinni kollha, is-sett ta’ data minimu mid-data tal-implimentazzjoni tal-ħarġa 1 tas-sistema elettronika msemmija fl-Artikolu 1(1);

(2)l-operaturi postali għandhom jippreżentaw, għall-kunsinni kollha li jkollhom Parti Kontraenti bħala destinazzjoni finali, is-sett ta’ data minimu mid-data tal-implimentazzjoni tal-ħarġa 1 tas-sistema elettronika msemmija fl-Artikolu 1(1);

(3)bis-sottomissjoni ta’ sett ta’ data wieħed jew aktar permezz tas-sistema elettronika msemmija fl-Artikolu 1(1), mid-data tal-implimentazzjoni tal-ħarġa 2 ta’ dik is-sistema;

(b)għall-oġġetti ttrasportati bil-baħar, bil-passaġġi fuq l-ilma interni, bit-triq u bil-ferrovija, bis-sottomissjoni ta’ sett ta’ data wieħed jew aktar permezz tas-sistema elettronika msemmija fl-Artikolu 1(1), mid-data tal-implimentazzjoni tal-ħarġa 3 ta’ dik is-sistema.

Artikolu 7

Termini għall-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul

1. Meta l-oġġetti jiddaħħlu fit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti bil-baħar, id-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul għandha tiġi ppreżentata fit-termini ta’ żmien li ġejjin:

(a)għall-merkanzija fil-kontejners, għajr meta japplika l-punt (c) jew il-punt (d), mhux aktar tard minn 24 siegħa qabel l-oġġetti jitgħabbew fuq il-bastiment li fuqu jkollhom jiddaħħlu fit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti;

(b)għall-merkanzija bl-ingrossa jew li titgħabba individwalment, għajr meta japplika l-punt (c) jew il-punt (d), mhux aktar tard minn erba’ sigħat qabel il-wasla tal-bastiment fl-ewwel port ta’ dħul fit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti;

(c)mhux aktar tard minn sagħtejn qabel il-wasla tal-bastiment fl-ewwel port ta’ dħul fit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti f’każ ta’ oġġetti ġejjin minn kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

(1)Greenland;

(2)il-Gżejjer Faeroe;

(3)l-Iżlanda;

(4)il-portijiet fil-Baħar Baltiku, fil-Baħar tat-Tramuntana, fil-Baħar l-Iswed u fil-Baħar Mediterran;

(5)il-portijiet kollha tal-Marokk;

(d)għal moviment, għajr meta japplika l-punt (c), bejn territorju barra t-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti u dawk tad-dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej, ta’ Azores, ta’ Madeira jew tal-Gżejjer Kanarji, meta l-vjaġġ idum anqas minn 24 siegħa, mhux aktar tard minn sagħtejn qabel il-wasla fl-ewwel port ta’ dħul fit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti.

2. Meta l-oġġetti jiddaħħlu fit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti bl-ajru, id-dettalji sħaħ tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul għandhom jiġu preżentati malajr kemm jista’ jkun u, fi kwalunkwe każ, fi ħdan it-termini li ġejjin:

(a)għal titjiriet ta’ anqas minn erba’ sigħat, mhux aktar tard mill-ħin tat-tluq attwali tal-inġenju tal-ajru;

(b)għal titjiriet oħra, mhux aktar tard minn erba’ sigħat qabel il-wasla tal-inġenju tal-ajru fl-ewwel ajruport fit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti.

3. Mid-data tal-implimentazzjoni tal-ħarġa 1 tas-sistema elettronika msemmija fl-Artikolu 1(1), l-operaturi postali u t-trasportaturi express għandhom jippreżentaw tal-anqas is-sett ta’ data minimu tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul malajr kemm jista’ jkun u mhux aktar tard minn qabel ma l-oġġetti jitgħabbew fuq l-inġenju tal-ajru li fuqu jkollhom jiddaħħlu fit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti.

4. Mid-data tal-implimentazzjoni tal-ħarġa 2 tas-sistema elettronika msemmija fl-Artikolu 1(1), l-operaturi ekonomiċi għajr l-operaturi postali u t-trasportaturi express għandhom jippreżentaw tal-anqas is-sett ta’ data minimu tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul malajr kemm jista’ jkun u mhux aktar tard minn qabel ma l-oġġetti jitgħabbew fuq l-inġenju tal-ajru li fuqu jkollhom jiddaħħlu fit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti.

5. Mid-data tal-implimentazzjoni tal-ħarġa 2 tas-sistema elettronika msemmija fl-Artikolu 1(1), meta s-sett ta’ data minimu tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul biss ikun ġie pprovdut fi ħdan it-termini msemmija fil-paragrafi 3 u 4, id-dettalji l-oħra għandhom jiġu pprovduti fi ħdan it-termini speċifikati fil-paragrafu 2.

6. Sad-data tal-implimentazzjoni tal-ħarġa 2 tas-sistema elettronika msemmija fl-Artikolu 1(1), is-sett ta’ data minimu tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul ippreżentata skont il-paragrafu 3 għandu jitqies bħala d-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul sħiħa għall-oġġetti f’kunsinni postali li jkollhom Parti Kontraenti bħala destinazzjoni finali u għall-oġġetti f’kunsinni express b’valur intrinsiku li ma jaqbiżx it-EUR 22.

7. Meta l-oġġetti jiddaħħlu fit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti bil-ferrovija, id-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul għandha tiġi ppreżentata fi ħdan it-termini li ġejjin:

(a)meta l-vjaġġ bil-ferrovija mill-aħħar stazzjon tal-formazzjoni tal-ferrovija li jinsab f’pajjiż terz sal-uffiċċju doganali tal-ewwel dħul jieħu anqas minn sagħtejn, mhux aktar tard minn siegħa qabel il-wasla tal-oġġetti fuq il-post li għalih ikun kompetenti dak l-uffiċċju doganali;

(b)fil-każijiet l-oħrajn kollha, mhux aktar tard minn sagħtejn qabel il-wasla tal-oġġetti fuq il-post li għalih ikun kompetenti l-uffiċċju doganali tal-ewwel dħul.

8. Meta l-oġġetti jiddaħħlu fit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti bit-triq, id-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul għandha tiġi ppreżentata mhux aktar tard minn siegħa qabel il-wasla tal-oġġetti fuq il-post li għalih ikun kompetenti l-uffiċċju doganali tal-ewwel dħul.

9. Meta l-oġġetti jiddaħħlu fit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti bil-passaġġi fuq l-ilma interni, id-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul għandha tiġi ppreżentata tal-anqas sagħtejn qabel il-wasla tal-oġġetti fuq il-post li għalih ikun kompetenti l-uffiċċju doganali tal-ewwel dħul.

10. Meta l-oġġetti jiddaħħlu fit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti permezz ta’ mezz tat-trasport li, hu stess, jiġi ttrasportat fuq mezz tat-trasport attiv, it-terminu għall-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul għandu jkun it-terminu applikabbli għall-mezz tat-trasport attiv.

11. It-termini msemmija fil-paragrafi 1 sa 10 ma għandhomx japplikaw fil-każ ta’ force majeure.

12. Soġġetti għall-proċedura msemmija fl-Artikolu 9(3) tal-Ftehim, it-termini msemmijin fil-paragrafi 1 sa 10 ma għandhomx japplikaw meta jiġi pprovdut mod ieħor fil-ftehimiet internazzjonali dwar is-sigurtà bejn Parti Kontraenti u pajjiżi terzi.

Artikolu 8

Analiżi tar-riskju relatata mas-sigurtà u s-sikurezza u kontrolli doganali relatati mas-sigurtà u s-sikurezza li huma relatati mad-dikjarazzjonijiet fil-qosor tad-dħul

1. L-analiżi tar-riskju għandha titlesta qabel il-wasla tal-oġġetti fl-uffiċċju doganali tal-ewwel dħul, dment li d-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul tkun ġiet ippreżentata fit-termini ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 7, sakemm ma jiġix identifikat riskju jew ikun meħtieġ li titwettaq analiżi tar-riskju addizzjonali.

Mingħajr preġudizzju għall-ewwel subparagrafu, l-ewwel analiżi tar-riskju dwar l-oġġetti li għandhom jiddaħħlu fit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti bl-ajru għandha titwettaq malajr kemm jista’ jkun mal-wasla tas-sett ta’ data minimu tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul imsemmija fl-Artikolu 7(3) u (4).

2. L-uffiċċju doganali tal-ewwel dħul għandu jlesti l-analiżi tar-riskju għal finijiet ta’ sigurtà u sikurezza wara l-iskambju ta’ informazzjoni li ġej permezz tas-sistema elettronika msemmija fl-Artikolu 1(1):

(a)immedjatament wara r-reġistrazzjoni, l-uffiċċju doganali tal-ewwel dħul għandu jagħmel id-dettalji tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul disponibbli għall-awtoritajiet doganali tal-Partijiet Kontraenti indikati f’dawk id-dettalji u għall-awtoritajiet doganali tal-Partijiet Kontraenti li jkunu rreġistraw fis-sistema elettronika informazzjoni relatata mar-riskji għas-sigurtà u s-sikurezza li taqbel mad-dettalji ta’ dik id-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul;

(b)fit-termini ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 7, l-awtoritajiet doganali tal-Partijiet Kontraenti msemmija fil-punt (a) għandhom iwettqu analiżi tar-riskju għal finijiet ta’ sigurtà u sikurezza u, jekk dawn jidentifikaw riskju, dawn għandhom jagħmlu r-riżultati disponibbli għall-uffiċċju doganali tal-ewwel dħul;

(c)l-uffiċċju doganali tal-ewwel dħul għandu jqis l-informazzjoni dwar ir-riżultati mill-analiżi tar-riskju pprovduti mill-awtoritajiet doganali tal-Partijiet Kontraenti msemmija fil-punt (a) biex ilesti l-analiżi tar-riskju;

(d)l-uffiċċju doganali tal-ewwel dħul għandu jagħmel ir-riżultati mill-analiżi tar-riskju mlestija disponibbli għall-awtoritajiet doganali tal-Partijiet Kontraenti li kkontribwixxew għall-analiżi tar-riskju u għal dawk li huma potenzjalment ikkonċernati mill-moviment tal-oġġetti;

(e)l-uffiċċju doganali tal-ewwel dħul għandu jinnotifika t-tlestija tal-analiżi tar-riskju lill-persuni li ġejjin, dment li dawn ikunu talbu li jiġu nnotifikati u jkollhom aċċess għas-sistema elettronika msemmija fl-Artikolu 1(1):

id-dikjarant jew ir-rappreżentant tiegħu/tagħha;

it-trasportatur, jekk ikun differenti mid-dikjarant u mir-rappreżentant tiegħu/tagħha.

3. Meta l-uffiċċju doganali tal-ewwel dħul jirrikjedi aktar informazzjoni dwar id-dettalji tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul għat-tlestija tal-analiżi tar-riskju, dik l-analiżi għandha titlesta wara li tkun ġiet ipprovduta dik l-informazzjoni.

Għal dawk il-finijiet, l-uffiċċju doganali tal-ewwel dħul għandu jitlob dik l-informazzjoni mill-persuna li ppreżentat id-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul jew, meta jkun applikabbli, mill-persuna li sottomettiet id-dettalji tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul. Meta dik il-persuna tkun differenti mit-trasportatur, l-uffiċċju doganali tal-ewwel dħul għandu jinforma lit-trasportatur, dment li t-trasportatur ikun talab li jiġi nnotifikat u jkollu aċċess għas-sistema elettronika msemmija fl-Artikolu 1(1).

4. Meta l-uffiċċju doganali tal-ewwel dħul ikollu raġunijiet raġonevoli biex jissuspetta li l-oġġetti mdaħħla bl-ajru jistgħu jkunu ta’ theddida serja għas-sigurtà tal-avjazzjoni, huwa għandu jirrikjedi li l-kunsinna, qabel ma tiġi mgħobbija fuq inġenju tal-ajru li jkun sejjer dirett lejn it-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti, tiġi skrinjata bħala Merkanzija u Posta ta’ Riskju Għoli skont il-punt 4 tal-Anness tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar it-Trasport bl-Ajru 13 li jistabbilixxi miżuri dettaljati għall-implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni.

L-uffiċċju doganali tal-ewwel dħul għandu jinnotifika lill-persuni li ġejjin, dment li dawn ikollhom aċċess għas-sistema elettronika msemmija fl-Artikolu 1(1):

id-dikjarant jew ir-rappreżentant tiegħu/tagħha;

it-trasportatur, jekk ikun differenti mid-dikjarant u mir-rappreżentant tiegħu/tagħha.

Wara dik in-notifika, il-persuna li ppreżentat id-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul jew, meta jkun applikabbli, il-persuna li ssottomettiet id-dettalji tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul għandha tipprovdi lill-uffiċċju doganali tal-ewwel dħul ir-riżultati minn dak l-iskrinjar u l-informazzjoni l-oħra kollha rilevanti relatata. L-analiżi tar-riskju għandha titlesta biss wara li tkun ġiet ipprovduta dik l-informazzjoni.

5. Meta l-uffiċċju doganali tal-ewwel dħul ikollu raġunijiet raġonevoli biex iqis li l-oġġetti mdaħħla bl-ajru jew il-merkanzija fil-kontejners mdaħħla bil-baħar, kif imsemmi fl-Artikolu 7(1)(a), ikunu ta’ theddida tant serja għas-sigurtà u s-sikurezza li tkun meħtieġa azzjoni immedjata, dan għandu jagħti struzzjonijiet biex l-oġġetti ma jitgħabbewx fuq il-mezz ta’ trasport rilevanti.

L-uffiċċju doganali tal-ewwel dħul għandu jinnotifika lill-persuni li ġejjin, dment li dawn ikollhom aċċess għas-sistema elettronika msemmija fl-Artikolu 1(1):

id-dikjarant jew ir-rappreżentant tiegħu/tagħha;

it-trasportatur, jekk ikun differenti mid-dikjarant u mir-rappreżentant tiegħu/tagħha.

Dik in-notifika għandha ssir minnufih wara l-identifikazzjoni tar-riskju rilevanti u, fil-każ ta’ merkanzija fil-kontejners imdaħħla bil-baħar kif imsemmi fl-Artikolu 7(1)(a), mhux aktar tard minn 24 siegħa mill-wasla tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul jew, meta jkun applikabbli, tad-dettalji tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul mit-trasportatur.

L-uffiċċju doganali tal-ewwel dħul għandu wkoll jinforma minnufih lill-awtoritajiet doganali tal-Partijiet Kontraenti b’dik in-notifika u jagħmel disponibbli għalihom id-dettalji rilevanti tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul.

6. Meta kunsinna tkun ġiet identifikata bħala li tkun ta’ theddida ta’ tali natura li tkun meħtieġa azzjoni immedjata mal-wasla tal-mezz tat-trasport, l-uffiċċju doganali tal-ewwel dħul għandu jieħu dik l-azzjoni mal-wasla tal-oġġetti.

7. Wara li jlesti l-analiżi tar-riskju, l-uffiċċju doganali tal-ewwel dħul jista’ jirrakkomanda, permezz tas-sistema elettronika msemmija fl-Artikolu 1(1), l-aktar post u miżuri xierqa biex jitwettaq kontroll.

L-uffiċċju doganali kompetenti għall-post li jkun ġie rrakkomandat bħala l-aktar xieraq għall-kontroll għandu jiddeċiedi dwar il-kontroll u għandu jagħmel, permezz tas-sistema elettronika msemmija fl-Artikolu 1(1), ir-riżultati minn dik id-deċiżjoni disponibbli għall-uffiċċji doganali kollha tal-Partijiet Kontraenti potenzjalment ikkonċernati mill-moviment tal-oġġetti, sa mhux aktar tard mill-mument tal-preżentazzjoni tal-oġġetti fl-uffiċċju doganali tal-ewwel dħul.

8. L-uffiċċji doganali għandhom jagħmlu r-riżultati mill-kontrolli doganali relatati mas-sigurtà u s-sikurezza tagħhom disponibbli għal awtoritajiet doganali oħra tal-Partijiet Kontraenti permezz tas-sistema msemmija fl-Artikolu 1(1) meta:

(a)ir-riskji jiġu vvalutati minn awtorità doganali bħala li jkunu sinifikanti u li jeħtieġu kontroll doganali u r-riżultati mill-kontroll jistabbilixxu li jkun seħħ l-avveniment li jwassal għar-riskji; jew

(b)ir-riżultati mill-kontroll ma jistabbilixxux li jkun seħħ l-avveniment li jwassal għar-riskji, iżda l-awtorità doganali kkonċernata tqis li t-theddida tippreżenta riskju għoli xi mkien ieħor fit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti; jew

(c)ikun meħtieġ li r-regoli jiġu applikati b’mod uniformi f’dan il-Ftehim.

Il-Partijiet Kontraenti għandhom jiskambjaw fis-sistema msemmija fl-Artikolu 12(3) tal-Ftehim l-informazzjoni dwar ir-riskji msemmija taħt il-punti a) u b).

9. Meta l-oġġetti li għalihom l-obbligu li tiġi ppreżentata dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul jiġi rrinunzjat skont l-Artikolu 3(1)(c) sa (f), (h) sa (m), (o) u (q) jiddaħħlu fit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti, l-analiżi tar-riskju għandha titwettaq mal-preżentazzjoni tal-oġġetti.

10. L-oġġetti ppreżentati lid-dwana jistgħu jiġu rilaxxati malli tkun saret l-analiżi tar-riskju u r-riżultati mill-analiżi tar-riskju u, meta jkun meħtieġ, il-miżuri meħuda, jippermettu dan ir-rilaxx.

11. L-analiżi tar-riskju għandha titwettaq ukoll jekk id-dettalji tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul jiġu emendati f’konformità mal-Artikolu 2(3) u (4). F’dak il-każ, mingħajr preġudizzju għat-terminu stabbilit fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 5 għall-merkanzija fil-kontejners imdaħħla bil-baħar, l-analiżi tar-riskju għandha titlesta minnufih mal-wasla tad-dettalji sakemm ma jiġix identifikat riskju jew ikun meħtieġ li titwettaq analiżi tar-riskju addizzjonali.

Artikolu 9

Forniment tad-dettalji ta’ dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul minn persuni oħra

1. Mid-data stabbilita għall-implimentazzjoni tal-ħarġa 2 tas-sistema elettronika msemmija fl-Artikolu 1(1), meta għall-istess oġġetti ttrasportati bl-ajru, persuna waħda jew aktar għajr it-trasportatur tkun ikkonkludiet kuntratt ta’ trasport wieħed jew aktar kopert minn polza waħda jew aktar tal-vjaġġ bl-ajru, japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(a)il-persuna li toħroġ polza tal-vjaġġ bl-ajru għandha tinforma lill-persuna li tkun ikkonkludiet kuntratt ta’ trasport magħha bil-ħruġ ta’ dik il-polza tal-vjaġġ bl-ajru;

(b)fil-każ ta’ arranġament ta’ kotagħbija tal-oġġetti, il-persuna li toħroġ il-polza tal-vjaġġ bl-ajru għandha tinforma lill-persuna li magħha din daħlet f’dak l-arranġament dwar il-ħruġ ta’ dik il-polza tal-vjaġġ bl-ajru;

(c)it-trasportatur u kwalunkwe waħda mill-persuni li joħorġu polza tal-vjaġġ bl-ajru għandhom jipprovdu, fid-dettalji tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul, l-identità ta’ kwalunkwe persuna li ma għamlitx id-dettalji meħtieġa għad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul disponibbli għalihom;

(d)jekk il-persuna li toħroġ il-polza tal-vjaġġ bl-ajru ma tagħmilx id-dettalji meħtieġa għad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul disponibbli għas-sieħeb kuntrattwali tagħha li joħroġ polza tal-vjaġġ bl-ajru lilha, jew lis-sieħeb kuntrattwali tagħha li miegħu kkonkludiet arranġament ta’ kotagħbija tal-oġġetti, il-persuna li ma tagħmilx id-dettalji meħtieġa disponibbli għandha tipprovdi dawk id-dettalji lill-uffiċċju doganali tal-ewwel dħul.

2. Mid-data stabbilita għall-implimentazzjoni tal-ħarġa 2 tas-sistema elettronika msemmija fl-Artikolu 1(1), meta l-operatur postali ma jagħmilx id-dettalji meħtieġa għad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul tal-kunsinni postali disponibbli għat-trasportatur li jkun obbligat li jippreżenta l-bqija tad-dettalji tad-dikjarazzjoni permezz ta’ dik is-sistema, japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(a)l-operatur postali tad-destinazzjoni, jekk l-oġġetti jiġu kkonsenjati lill-Partijiet Kontraenti, jew l-operatur postali tal-Partijiet Kontraenti tal-ewwel dħul, jekk l-oġġetti jkunu għaddejjin mill-Partijiet Kontraenti, għandu jipprovdi dawk id-dettalji lill-uffiċċju doganali tal-ewwel dħul; u

(b)it-trasportatur għandu jipprovdi, fid-dettalji tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul, l-identità tal-operatur postali li ma jagħmilx id-dettalji meħtieġa għad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul disponibbli għalih.

3. Mid-data stabbilita għall-implimentazzjoni tal-ħarġa 2 tas-sistema elettronika msemmija fl-Artikolu 1(1), meta t-trasportatur express ma jagħmilx id-dettalji meħtieġa għad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul ta’ kunsinni express ttrasportati bl-ajru disponibbli għat-trasportatur, japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(a)it-trasportatur express għandu jipprovdi dawk id-dettalji lill-uffiċċju doganali tal-ewwel dħul; u

(b)it-trasportatur għandu jipprovdi, fid-dettalji tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul, l-identità tat-trasportatur express li ma jagħmilx id-dettalji meħtieġa għad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul disponibbli għalih.

4. Mid-data stabbilita għall-implimentazzjoni tal-ħarġa 3 tas-sistema elettronika msemmija fl-Artikolu 1(1), meta, fil-każ ta’ trasport bil-baħar jew bil-passaġġi fuq l-ilma interni, għall-istess merkanzija, kuntratt ta’ trasport addizzjonali wieħed jew aktar kopert minn polza ta’ kargu waħda jew aktar ikun ġie konkluż minn persuna waħda jew aktar għajr it-trasportatur, japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(a)il-persuna li toħroġ il-polza ta’ kargu għandha tinforma lill-persuna li kkonkludiet kuntratt ta’ trasport magħha dwar il-ħruġ ta’ dik il-polza ta’ kargu;

(b)fil-każ ta’ arranġament ta’ kotagħbija tal-oġġetti, il-persuna li toħroġ il-polza ta’ kargu għandha tinforma lill-persuna li magħha din daħlet f’dak l-arranġament dwar il-ħruġ ta’ dik il-polza ta’ kargu.

(c)it-trasportatur u kwalunkwe waħda mill-persuni li joħorġu polza ta’ kargu għandhom jipprovdu, fid-dettalji tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul, l-identità ta’ kwalunkwe persuna li tkun ikkonkludiet kuntratt ta’ trasport magħhom u li ma tkunx ipprovdiethom bid-dettalji meħtieġa għad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul;

(d)il-persuna li toħroġ il-polza ta’ kargu għandha tipprovdi, fid-dettalji tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul, l-identità tal-konsenjatarju, indikat fil-polza ta’ kargu bħala li ma jkollux poloz ta’ kargu sottostanti, li ma jkunx għamel id-dettalji meħtieġa għad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul disponibbli għaliha;

(e)jekk il-persuna li toħroġ il-polza ta’ kargu ma tagħmilx id-dettalji meħtieġa għad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul disponibbli għas-sieħeb kuntrattwali tagħha li joħroġ polza ta’ kargu lilha, jew lis-sieħeb kuntrattwali tagħha li miegħu kkonkludiet arranġament ta’ kotagħbija tal-oġġetti, il-persuna li ma tagħmilx id-dettalji meħtieġa disponibbli għandha tipprovdi dawk id-dettalji lill-uffiċċju doganali tal-ewwel dħul;

(f)jekk il-konsenjatarju indikat fil-polza ta’ kargu li ma jkollu l-ebda polza ta’ kargu sottostanti ma jagħmilx id-dettalji meħtieġa għad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul disponibbli għall-persuna li toħroġ dik il-polza ta’ kargu, dan għandu jipprovdi dawk id-dettalji lill-uffiċċju doganali tal-ewwel dħul.

Artikolu 10

Devjazzjoni ta’ bastiment tal-baħar jew ta’ inġenju tal-ajru li jidħol fit-territorju doganali tal-Partijiet Kontraenti

1. Mid-data stabbilita għall-perjodu tal-implimentazzjoni tal-ħarġa 2 tas-sistema elettronika msemmija fl-Artikolu 1(1), meta inġenju tal-ajru jiġi ddevjat u jkun wasal fl-ewwel post f’uffiċċju doganali li jinsab f’pajjiż li ma jkunx ġie indikat bħala pajjiż tar-rotta fid-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul, l-uffiċċju doganali tal-ewwel dħul attwali għandu, permezz ta’ dik is-sistema, jirkupra d-dettalji tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul, ir-riżultati mill-analiżi tar-riskju u r-rakkomandazzjonijiet ta’ kontroll li jkunu saru mill-uffiċċju doganali tal-ewwel dħul mistenni.

2. Mid-data stabbilita għall-perjodu tal-implimentazzjoni tal-ħarġa 3 tas-sistema elettronika msemmija fl-Artikolu 1(1), meta bastiment tal-baħar jiġi ddevjat u jkun wasal fl-ewwel post f’uffiċċju doganali li jinsab f’pajjiż li ma jkunx ġie indikat bħala pajjiż tar-rotta fid-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul, l-uffiċċju doganali tal-ewwel dħul attwali għandu, permezz ta’ dik is-sistema, jirkupra d-dettalji tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul, ir-riżultati mill-analiżi tar-riskju u r-rakkomandazzjonijiet ta’ kontroll li jkunu saru mill-uffiċċju doganali tal-ewwel dħul mistenni.

Titolu II

arranġamenti tekniċi għas-Sistema ta’ Kontroll tal-Importazzjoni 2

Artikolu 11

Sistema ta’ Kontroll tal-Importazzjoni 2

1. L-ICS2 għandha tappoġġa l-komunikazzjoni bejn l-operaturi ekonomiċi u l-Partijiet Kontraenti għall-finijiet tal-issodisfar tar-rekwiżiti tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul, l-analiżi tar-riskju mill-awtoritajiet doganali tal-Partijiet Kontraenti għal finijiet ta’ sigurtà u sikurezza u l-miżuri doganali mmirati biex itaffu dawn ir-riskji inklużi l-kontrolli doganali relatati mas-sigurtà u s-sikurezza, u l-komunikazzjoni bejn il-Partijiet Kontraenti għall-fini tal-issodisfar tar-rekwiżiti tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul.

2. L-ICS2 għandha tikkonsisti minn dawn il-komponenti komuni li ġejjin żviluppati fil-livell tal-Unjoni:

(a)interfaċċa tal-kummerċjanti kondiviża;

(b)repożitorju komuni.

3. L-Iżvizzera għandha tiżviluppa sistema ta’ dħul nazzjonali bħala komponent nazzjonali disponibbli fl-Iżvizzera.

4. L-Iżvizzera tista’ tiżviluppa interfaċċa nazzjonali tal-kummerċjanti bħala komponent nazzjonali disponibbli fl-Iżvizzera.

5. L-ICS2 għandha tintuża għall-finijiet li ġejjin:

(a)is-sottomissjoni, l-ipproċessar u l-ħżin tad-dettalji tad-dikjarazzjonijiet fil-qosor tad-dħul, u tat-talbiet għal emendi u invalidazzjonijiet skont l-Artikolu 10 tal-Ftehim u l-Anness I;

(b)il-wasla, l-ipproċessar u l-ħżin tad-dettalji tad-dikjarazzjonijiet fil-qosor tad-dħul estratti mid-dikjarazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 10 tal-Ftehim u l-Anness I;

(c)is-sottomissjoni, l-ipproċessar u l-ħżin ta’ informazzjoni rigward il-wasla u n-notifiki ta’ wasla ta’ bastiment tal-baħar jew ta’ inġenju tal-ajru skont l-Artikolu 10 tal-Ftehim u l-Anness I;

(d)il-wasla, l-ipproċessar u l-ħżin ta’ informazzjoni rigward il-preżentazzjoni ta’ oġġetti lill-awtoritajiet doganali tal-Partijiet Kontraenti skont l-Artikolu 10 tal-Ftehim u l-Anness I;

(e)il-wasla, l-ipproċessar u l-ħżin ta’ informazzjoni rigward talbiet u riżultati tal-analiżi tar-riskju, rakkomandazzjonijiet ta’ kontroll, deċiżjonijiet dwar kontrolli, u riżultati mill-kontroll skont l-Artikoli 10 u 12 tal-Ftehim u l-Anness I;

(f)il-wasla, l-ipproċessar, il-ħżin u l-komunikazzjoni tan-notifiki u l-informazzjoni lill-operaturi ekonomiċi u mingħandhom skont l-Artikoli 10 u 12 tal-Ftehim u l-Anness I;

(g)is-sottomissjoni, l-ipproċessar u l-ħżin ta’ informazzjoni mill-operaturi ekonomiċi mitluba mill-awtoritajiet doganali tal-Partijiet Kontraenti skont l-Artikoli 10 u 12 tal-Ftehim u l-Anness I.

6. L-ICS2 għandha tintuża biex tappoġġa l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni mill-Partijiet Kontraenti tal-implimentazzjoni tal-kriterji u l-istandards komuni tar-riskju għas-sigurtà u s-sikurezza u tal-miżuri ta’ kontroll u l-oqsma ta’ kontroll prijoritarju msemmija fl-Artikolu 12 tal-Ftehim.

7. L-awtentikazzjoni u l-verifika tal-aċċess tal-operaturi ekonomiċi għall-finijiet tal-aċċess għall-komponenti komuni tal-ICS2 għandhom jitwettqu billi tintuża s-sistema tal-UUM&DS imsemmija fl-Artikolu 13.

8. L-awtentikazzjoni u l-verifika tal-aċċess tal-uffiċjali tal-Istati Membri għall-finijiet tal-aċċess għall-komponenti komuni tal-ICS2 għandhom jitwettqu billi jintużaw is-servizzi tan-network ipprovduti mill-Unjoni.

9. L-interfaċċa armonizzata tal-kummerċjanti għandha tkun punt ta’ dħul fl-ICS2 għall-operaturi ekonomiċi skont l-Artikolu 1.

10. L-interfaċċa armonizzata tal-kummerċjanti għandha tkun interoperabbli mar-repożitorju komuni tal-ICS2 msemmi fil-paragrafi 12 sa 14.

11. L-interfaċċa armonizzata tal-kummerċjanti għandha tintuża għas-sottomissjonijiet, it-talbiet għal emendi, it-talba għal invalidazzjoni, l-ipproċessar u l-ħżin tad-dettalji tad-dikjarazzjonijiet fil-qosor tad-dħul u għan-notifiki ta’ wasla, kif ukoll għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-Partijiet Kontraenti u l-operaturi ekonomiċi. 

12. Ir-repożitorju komuni tal-ICS2 għandu jintuża mill-Partijiet Kontraenti għall-ipproċessar tad-dettalji tad-dikjarazzjonijiet fil-qosor tad-dħul, tat-talbiet għal emenda, tat-talbiet għal invalidazzjoni, tan-notifiki ta’ wasla, tal-informazzjoni dwar il-preżentazzjoni tal-oġġetti, tal-informazzjoni dwar it-talbiet u r-riżultati tal-analiżi tar-riskju, tar-rakkomandazzjonijiet ta’ kontroll, tad-deċiżjonijiet dwar il-kontroll, tar-riżultati mill-kontroll u tal-informazzjoni skambjata mal-operaturi ekonomiċi.

13. Ir-repożitorju komuni tal-ICS2 għandu jintuża mill-Partijiet Kontraenti għall-fini ta’ statistika u evalwazzjoni, u għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar id-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul bejn il-Partijiet Kontraenti.

14. Ir-repożitorju komuni tal-ICS2 għandu jkun interoperabbli mal-interfaċċa armonizzata tal-kummerċjanti, mal-interfaċċji nazzjonali tal-kummerċjanti meta jiġu żviluppati mill-Partijiet Kontraenti, u mas-sistemi ta’ dħul nazzjonali.

15. L-awtorità doganali ta’ Parti Kontraenti għandha tuża r-repożitorju komuni biex tikkonsulta awtorità doganali tal-Parti Kontraenti l-oħra skont l-Artikolu 10 u 12 tal-Ftehim u l-Anness I qabel ma tlesti l-analiżi tar-riskju għal finijiet ta’ sigurtà u sikurezza. L-awtorità doganali ta’ Parti Kontraenti għandha wkoll tuża r-repożitorju komuni biex tikkonsulta mal-Parti Kontraenti l-oħra dwar il-kontrolli rrakkomandati, id-deċiżjonijiet meħuda fir-rigward tal-kontrolli rrakkomandati u dwar ir-riżultati mill-kontrolli doganali relatati mas-sigurtà u s-sikurezza skont l-Artikolu 10 u 12 tal-Ftehim u l-Anness I.

16. L-interfaċċa nazzjonali tal-kummerċjanti, meta tiġi żviluppata mill-Partijiet Kontraenti, għandha tkun punt ta’ dħul fl-ICS2 għall-operaturi ekonomiċi skont l-Artikolu 1 meta s-sottomissjoni tkun indirizzata lill-Parti Kontraenti li tħaddem l-interfaċċa nazzjonali tal-kummerċjanti.

17. Fir-rigward tas-sottomissjonijiet, l-emendi, l-invalidazzjoni, l-ipproċessar, il-ħżin tad-dettalji tad-dikjarazzjonijiet fil-qosor tad-dħul u n-notifiki ta’ wasla, kif ukoll tal-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-Partijiet Kontraenti u l-operaturi ekonomiċi, l-operaturi ekonomiċi jistgħu jagħżlu li jużaw l-interfaċċa nazzjonali tal-kummerċjanti, meta tiġi żviluppata, jew l-interfaċċa armonizzata tal-kummerċjanti.

18. L-interfaċċa nazzjonali tal-kummerċjanti, meta tiġi żviluppata, għandha tkun interoperabbli mar-repożitorju komuni tal-ICS2.

19. Meta l-Iżvizzera tiżviluppa interfaċċa nazzjonali tal-kummerċjanti, din għandha tinforma lill-Unjoni b’dan.

20. Għandha tintuża sistema ta’ dħul nazzjonali mill-awtoritajiet doganali tal-Partijiet Kontraenti għall-iskambju tad-dettalji tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul misluta mid-dikjarazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 10 tal-Ftehim, għall-iskambju ta’ informazzjoni u notifiki mar-repożitorju komuni għal informazzjoni rigward il-wasla ta’ bastiment tal-baħar jew ta’ inġenju tal-ajru, għal informazzjoni dwar il-preżentazzjoni tal-oġġetti, għall-ipproċessar ta’ talbiet għal analiżi tar-riskju, u għall-iskambju u l-ipproċessar ta’ informazzjoni rigward ir-riżultati mill-analiżi tar-riskju, ta’ rakkomandazzjonijiet ta’ kontroll, ta’ deċiżjonijiet dwar il-kontroll u ta’ riżultati mill-kontroll.

21. Din għandha tintuża wkoll fil-każijiet meta awtorità doganali ta’ Parti Kontraenti titlob aktar informazzjoni mingħand l-operaturi ekonomiċi u tirċievi informazzjoni dwar dan.

22. Is-sistema ta’ dħul nazzjonali għandha tkun interoperabbli mar-repożitorju komuni.

23. Is-sistema ta’ dħul nazzjonali għandha tkun interoperabbli mas-sistemi żviluppati fil-livell nazzjonali għall-irkupru tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 20.

Artikolu 12

Funzjonament tas-Sistema ta’ Kontroll tal-Importazzjoni 2 u Taħriġ fl-użu tagħha

1. Il-komponenti komuni għandhom jiġu żviluppati, ittestjati, implimentati u ġestiti mill-Unjoni. Il-komponenti nazzjonali għandhom jiġu żviluppati, ittestjati, implimentati u ġestiti mill-Iżvizzera.

2. L-Iżvizzera għandha tiżgura li l-komponenti nazzjonali jkunu interoperabbli mal-komponenti komuni.

3. L-Unjoni għandha twettaq il-manutenzjoni tal-komponenti komuni u l-Iżvizzera għandha twettaq il-manutenzjoni tal-komponenti nazzjonali tagħha.

4. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jiżguraw it-tħaddim mingħajr interruzzjoni tas-sistemi elettroniċi.

5. L-Unjoni tista’ tibdel il-komponenti komuni tas-sistemi elettroniċi biex issewwi xi ħsarat, iżżid funzjonalitajiet ġodda jew timmodifika dawk eżistenti.

6. L-Unjoni għandha tinforma lill-Iżvizzera dwar il-bidliet u l-aġġornamenti fil-komponenti komuni.

7. L-Iżvizzera għandha tinforma lill-Unjoni bil-bidliet u bl-aġġornamenti fil-komponenti nazzjonali li jista’ jkollhom riperkussjonijiet fuq il-funzjonament tal-komponenti komuni.

8. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jagħmlu l-informazzjoni dwar il-bidliet u l-aġġornamenti fis-sistemi elettroniċi skont il-paragrafi 6 u 7 disponibbli pubblikament.

9. F’każ ta’ falliment temporanju tal-ICS2, għandu japplika l-pjan tal-kontinwità tan-negozju ddeterminat mill-Partijiet Kontraenti.

10. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jinfurmaw lil xulxin dwar in-nuqqas ta’ disponibbiltà tas-sistemi elettroniċi li tirriżulta minn ħsara temporanja.

11. L-Unjoni għandha tappoġġa lill-Iżvizzera fl-użu u fil-funzjonament tal-komponenti komuni tas-sistemi elettroniċi billi tipprovdi l-materjal xieraq ta’ taħriġ.

Artikolu 13

Pjattaforma tal-Ġestjoni Uniformi tal-Utenti u l-Firma Diġitali

1. Pjattaforma tal-Ġestjoni Uniformi tal-Utenti u l-Firma Diġitali (minn hawn ’il quddiem imsejħa “UUM&DS”) għandha tippermetti l-komunikazzjoni bejn is-sistemi ta’ ġestjoni tal-identità u tal-aċċess tal-Partijiet Kontraenti msemmija fil-paragrafu 6 għall-finijiet tal-għoti ta’ aċċess awtorizzat sikur għas-sistemi elettroniċi lill-uffiċjali u l-operaturi ekonomiċi tal-Partijiet Kontraenti.

2. Il-pjattaforma tal-UUM&DS għandha tikkonsisti minn dawn il-komponenti komuni li ġejjin:

(a)sistema ta’ ġestjoni tal-aċċess;

(b)sistema ta’ ġestjoni tal-amministrazzjoni.

3. Il-pjattaforma tal-UUM&DS għandha tintuża biex jiġu żgurati l-awtentikazzjoni u l-verifika tal-aċċess ta’:

(a)l-operaturi ekonomiċi bl-iskop li jkollhom aċċess għall-ICS2;

(b)l-uffiċjali tal-Partijiet Kontraenti bl-iskop li jkollhom aċċess għall-komponenti komuni tal-ICS2 u għall-finijiet ta’ manutenzjoni u ġestjoni tal-pjattaforma tal-UUM&DS.

4. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jistabbilixxu sistema ta’ ġestjoni tal-aċċess biex tivvalida t-talbiet għal aċċess sottomessa mill-operaturi ekonomiċi fi ħdan il-pjattaforma tal-UUM&DS billi tkun interoperabbli mas-sistemi ta’ ġestjoni tal-identità u tal-aċċess tal-Partijiet Kontraenti msemmija fil-paragrafu 6.

5. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jistabbilixxu s-sistema ta’ ġestjoni tal-amministrazzjoni biex tiġġestixxi r-regoli dwar l-awtentikazzjoni u l-awtorizzazzjoni għall-validazzjoni tad-data ta’ identifikazzjoni tal-operaturi ekonomiċi bl-iskop li jkun permess l-aċċess għas-sistemi elettroniċi.

6. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jistabbilixxu sistema ta’ ġestjoni tal-identità u tal-aċċess biex jiżguraw:

(a)reġistrazzjoni u ħżin sikuri tad-data ta’ identifikazzjoni tal-operaturi ekonomiċi;

(b)skambju sikur tad-data ta’ identifikazzjoni ffirmata u kriptata tal-operaturi ekonomiċi.

Artikolu 14

Ġestjoni u Sjieda u Sigurtà tad-Data

1. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jiżguraw li d-data rreġistrata fil-livell nazzjonali tikkorrispondi mad-data rreġistrata fil-komponenti komuni u li tinżamm aġġornata.

2. B’deroga tal-paragrafu 1, il-Partijiet Kontraenti għandhom jiżguraw li d-data li ġejja tikkorrispondi u tinżamm aġġornata mad-data fir-repożitorju komuni tal-ICS2:

(a)data rreġistrata fil-livell nazzjonali u kkomunikata mis-sistema ta’ dħul nazzjonali lir-repożitorju komuni;

(b)data riċevuta mir-repożitorju komuni għas-sistema ta’ dħul nazzjonali.

3. Id-data fil-komponenti komuni tal-ICS2 li tiġi kkomunikata lil jew irreġistrata fl-interfaċċa kondiviża tal-kummerċjanti minn operatur ekonomiku tista’ tiġi aċċessata jew ipproċessata minn dak l-operatur ekonomiku.

4. Id-data fil-komponenti komuni tal-ICS2:

(a)ikkomunikata lil Parti Kontraenti minn operatur ekonomiku permezz tal-interfaċċa armonizzata tal-kummerċjanti fir-repożitorju komuni tista’ tiġi aċċessata u pproċessata minn dik il-Parti Kontraenti fir-repożitorju komuni. Meta jkun meħtieġ, dik il-Parti Kontraenti tista’ wkoll taċċessa din l-informazzjoni rreġistrata fl-interfaċċa armonizzata tal-kummerċjanti;

(b)ikkomunikata lil jew irreġistrata fir-repożitorju komuni minn Parti Kontraenti tista’ tiġi aċċessata jew ipproċessata minn dik il-Parti Kontraenti;

(c)imsemmija fil-punti (a) u (b) t’hawn fuq tista’ wkoll tiġi aċċessata u pproċessata mill-Parti Kontraenti l-oħra meta din tal-aħħar tkun involuta fl-analiżi tar-riskju u/jew fil-proċess ta’ kontroll li magħhom tirrelata d-data skont l-Artikolu 10 u 12 tal-Ftehim u l-Anness I.

(d)tista’ tiġi pproċessata mill-Kummissjoni f’kooperazzjoni mal-Partijiet Kontraenti għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1)(c) u fl-Artikolu 11(6) tal-Anness I. Ir-riżultati ta’ dan l-ipproċessar jistgħu jiġu aċċessati mill-Kummissjoni u mill-Partijiet Kontraenti.

5. Id-data fil-komponent komuni tal-ICS2 li hija rreġistrata fir-repożitorju komuni mill-Unjoni tista’ tiġi aċċessata mill-Partijiet Kontraenti. Din id-data tista’ tiġi pproċessata mill-Unjoni.

6. L-Unjoni għandha tkun sid is-sistema tal-komponenti komuni.

7. L-Iżvizzera għandha tkun sid is-sistema tal-komponenti nazzjonali.

8. L-Unjoni għandha tiżgura s-sigurtà tal-komponenti komuni filwaqt li l-Iżvizzera għandha tiżgura s-sigurtà tal-komponenti nazzjonali tagħha.

9. Għal dawk il-finijiet, il-Partijiet Kontraenti għandhom tal-anqas jieħdu l-miżuri meħtieġa biex:

(a)jimpedixxu kwalunkwe persuna mhux awtorizzata milli jkollha aċċess għall-installazzjonijiet li jintużaw għall-ipproċessar tad-data;

(b)jimpedixxu d-dħul ta’ data u kwalunkwe konsultazzjoni, modifika jew tħassir ta’ data minn persuni mhux awtorizzati;

(c)jidentifikaw kwalunkwe waħda mill-attivitajiet imsemmija fil-punti (a) u (b);

10. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jinfurmaw lil xulxin bi kwalunkwe attività li tista’ tirriżulta fi ksur jew f’suspett ta’ ksur tas-sigurtà tas-sistemi elettroniċi.

11. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jistabbilixxu pjanijiet ta’ sigurtà li jikkonċernaw is-sistemi kollha.

12. Id-data rreġistrata fil-komponenti tal-ICS2 għandha tinħażen għal minimu ta’ tliet snin wara r-reġistrazzjoni tagħha. Il-Partijiet Kontraenti jistgħu jaqbżu dan il-perjodu meta jkun meħtieġ mil-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti.

Artikolu 15

Proċessar ta’ data personali

Għall-ICS2 u l-UUM&DS b’rabta mal-ipproċessar tad-data personali fihom:

(a)L-Iżvizzera u l-Istati Membri tal-UE għandhom jaġixxu bħala kontrolluri f’konformità mad-dispożizzjoni tal-Artikolu 14 tal-Ftehim;

(b)Il-Kummissjoni għandha taġixxi bħala proċessur u għandha tikkonforma mal-obbligi imposti fuqha f’dak ir-rigward skont ir-Regolament (UE) Nru 2018/1725 14 , għajr, meta tiġi pproċessata d-data għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-kriterji u l-istandards komuni tar-riskju għas-sigurtà u s-sikurezza u tal-miżuri ta’ kontroll u l-qasam ta’ kontroll prijoritarju, il-Kummissjoni għandha taġixxi bħala kontrollur konġunt.

Artikolu 16

Parteċipazzjoni fl-iżvilupp, il-manutenzjoni u l-ġestjoni tal-ICS2

L-Unjoni għandha tippermetti lill-esperti Żvizzeri jipparteċipaw bħala osservaturi għal oġġetti li jikkonċernaw l-iżvilupp, il-manutenzjoni u l-ġestjoni tal-ICS2 fil-laqgħat tal-Grupp ta’ Esperti Doganali u tal-gruppi ta’ ħidma rispettivi. L-Unjoni għandha tiddeċiedi fuq bażi ta’ każ b’każ dwar il-parteċipazzjoni tal-esperti Żvizzeri fil-laqgħat tal-gruppi ta’ ħidma li fihom jiġu rrappreżentati biss għadd limitat ta’ Stati Membri tal-UE u li jirrapportaw lill-Grupp ta’ Esperti Doganali.

TITOLU III

Artikolu 17

Arranġamenti ta’ Finanzjament li jikkonċernaw ir-responsabbiltajiet, l-impenji u l-aspettattivi mal-implimentazzjoni u t-tħaddim tas-Sistema ta’ Kontroll tal-importazzjoni 2

Rigward l-estensjoni tal-użu tal-ICS2 għall-Iżvizzera, u b’kunsiderazzjoni tal-Kapitolu III u l-Anness I ta’ dan il-Ftehim, dawn l-Arranġamenti ta’ Finanzjament (minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Arranġament”) jiddefinixxu l-elementi ta’ kollaborazzjoni bejn il-Partijiet, relatati mal-ICS2.

(a)Il-Kummissjoni se tiżviluppa, tittestja, timplimenta, timmaniġġja u tħaddem il-komponenti ċentrali tal-ICS2 li jikkonsistu f’interfaċċa kondiviża tal-kummerċjanti u f’repożitorju komuni (minn hawn ’il quddiem il-komponenti ċentrali tal-ICS2), inklużi l-applikazzjonijiet u s-servizzi meħtieġa għat-tħaddim u l-interkonnessjoni tagħhom mas-sistemi tal-IT fl-Iżvizzera bħat-TAPAS, l-UUM&DS u s-CCN2ng middleware, u timpenja ruħha li tagħmilhom disponibbli għall-Iżvizzera.

(b)L-Iżvizzera se tiżviluppa, tittestja, timplimenta, tiġġestixxi u tħaddem il-komponenti nazzjonali tal-ICS2.

(c)L-Iżvizzera u l-Kummissjoni jaqblu li jaqsmu l-kostijiet tal-iżvilupp u ta’ darba tal-komponenti ċentrali tal-ICS2 kif ukoll il-kostijiet operazzjonali tal-komponenti ċentrali tal-ICS2, u tal-applikazzjonijiet u s-servizzi relatati meħtieġa għat-tħaddim u l-interkonnessjoni tagħhom, kif ġej:

(1)Parti mill-kostijiet tal-iżvilupp tal-komponenti ċentrali tal-ICS2 se tiġi ffatturata mill-Kummissjoni lill-Iżvizzera skont l-ittri d) u e). Il-kostijiet tal-iżvilupp ikopru l-iżvilupp tas-software tal-komponenti ċentrali u l-akkwist u l-installazzjoni tal-infrastruttura relatata (hardware, software, hosting, liċenzji, eċċ.). Il-formula ta’ allokazzjoni tikkonċerna 4 % tal-kostijiet kollha għas-servizzi msemmija.

(2)Il-kostijiet massimi tal-iżvilupp se jkunu limitati għal EUR 550 000 (ħames mija u ħamsin elf) għal kull ħarġa.

(3)Parti mill-kostijiet operazzjonali tal-ICS2 u tat-TAPAS se tiġi ffatturata mill-Kummissjoni lill-Iżvizzera skont l-ittri f), g) u h). Il-kostijiet operazzjonali jkopru l-ittestjar tal-konformità u l-manutenzjoni tal-infrastruttura (hardware, software, hosting, liċenzji, eċċ.), tal-komponenti ċentrali tal-ICS2 u tal-applikazzjonijiet u s-servizzi relatati meħtieġa għat-tħaddim u l-interkonnessjoni tagħhom (garanzija tal-kwalità, helpdesk u Ġestjoni tas-Servizzi tal-IT). Il-formula ta’ allokazzjoni tikkonċerna 4 % tal-kostijiet kollha għas-servizzi msemmija.

(4)Il-kostijiet operazzjonali relatati mal-użu tal-ICS2 għall-Iżvizzera ma għandhomx jaqbżu l-ammont massimu ta’ EUR 450 000 (erba’ mija u ħamsin elf) fis-sena.

(5)Il-kostijiet tal-iżvilupp u dawk operazzjonali tal-komponent(i) nazzjonali se jitħallsu kompletament mill-Iżvizzera.

(6)L-Iżvizzera għandha tinżamm infurmata bl-evoluzzjoni ppjanata tal-kostijiet u għandha tiġi infurmata bl-elementi ewlenin għall-iżvilupp tal-ICS2 li jista’ jkollhom impatt fuq dawn il-kostijiet.

(d)L-Iżvizzera taqbel li tipparteċipa fil-kostijiet għall-iżvilupp u l-ittestjar tal-konformità tal-komponenti ċentrali tal-ICS2 imġarrba qabel l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim. Għal din il-fini:

(1)Il-Kummissjoni se tinforma lill-Iżvizzera bl-ammont stmat tal-kontribuzzjoni meħtieġa mis-snin qabel l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

(2)Sal-15 ta’ Mejju ta’ kull sena, mill-15 ta’ Mejju 2021, il-Kummissjoni se titlob lill-Iżvizzera li tħallas il-kontribuzzjoni tagħha għal dawn il-kostijiet preċedenti f’pagamenti indaqs matul l-ewwel erba’ snin tal-użu tal-ICS2.

(e)L-Iżvizzera taqbel li tipparteċipa fil-kostijiet tal-iżvilupp tal-komponenti ċentrali tal-ICS2. Għal din il-fini:

(1)L-Iżvizzera taqbel li tħallas il-parteċipazzjoni tagħha fil-kostijiet tal-iżvilupp tal-ħarġa 1, tal-ħarġa 2 u tal-ħarġa 3 tal-ICS2.

(2)Sal-15 ta’ Mejju ta’ kull sena, mill-15 ta’ Mejju 2021, il-Kummissjoni se titlob lill-Iżvizzera li tħallas il-kontribuzzjoni tagħha għall-iżvilupp tal-aħħar ħarġa abbażi ta’ nota ta’ debitu ddokumentata kif xieraq maħruġa mill-Kummissjoni.

(f)L-Iżvizzera taqbel li tipparteċipa fil-kostijiet operazzjonali tal-komponenti ċentrali tal-ICS2. Għal din il-fini:

(1)Sal-31 ta’ Lulju ta’ kull sena, mill-31 ta’ Lulju 2021, il-Kummissjoni se tinforma lill-Iżvizzera bil-kostijiet operazzjonali stmati għas-sena ta’ wara u tibgħat lill-Iżvizzera l-ammont stmat tal-kontribuzzjoni meħtieġa għas-sena ta’ wara bil-miktub. L-Iżvizzera se tiġi infurmata bl-istess mod u fl-istess żmien li l-Kummissjoni tinforma lil kull wieħed mill-membri l-oħra tal-ICS2, kif ukoll bl-aspetti ewlenin tal-iżvilupp tal-ICS2.

(2)Sal-15 ta’ Mejju 2021 biss, il-Kummissjoni se titlob lill-Iżvizzera li tħallas il-kontribuzzjoni annwali tagħha għall-kostijiet operazzjonali tas-sena 2020 li tammonta għal EUR 110 000, kif ukoll il-kontribuzzjoni annwali stmata għall-2021 li tammonta għal EUR 280 000. Sal-15 ta’ Mejju ta’ kull sena, mill-15 ta’ Mejju 2022, il-Kummissjoni se titlob lill-Iżvizzera li tħallas il-kontribuzzjoni annwali tagħha għal dik is-sena flimkien mal-ammont tal-bilanċ (negattiv jew pożittiv) tas-sena preċedenti abbażi ta’ nota ta’ debitu ddokumentata kif xieraq maħruġa mill-Kummissjoni.

(3)Sal-31 ta’ Jannar ta’ kull sena, mill-31 ta’ Jannar 2022,

Il-Kummissjoni se tiċċara l-kontijiet relatati mal-kostijiet annwali tal-passat tat-tħaddim tal-ICS2 u tat-TAPAS abbażi tas-somma li diġà tħallset mill-Iżvizzera meta mqabbla mal-kostijiet attwali mġarrba mill-Kummissjoni u se tipprovdi lill-Iżvizzera b’rendikont li jkun fih diżaggregazzjoni tal-kostijiet li tidentifika s-servizzi differenti u l-provvista tas-software; u

tipprovdi lill-Iżvizzera bil-kostijiet annwali attwali, jiġifieri l-kostijiet operazzjonali reali, għas-sena preċedenti. Il-Kummissjoni se tikkalkula l-kostijiet attwali u stmati skont il-kuntratti tagħha mal-kuntratturi stabbiliti skont il-proċeduri attwali għall-għoti ta’ kuntratti.

Il-bilanċ (negattiv jew pożittiv) bejn il-kostijiet attwali u l-ammont stmat tas-sena preċedenti se jiġi kkalkolat u kkomunikat lill-Iżvizzera permezz ta’ rendikont mill-Kummissjoni. Ir-rendikont se jinkludi l-ammont annwali stmat għall-kontribuzzjoni, flimkien mal-ammont tal-bilanċ (negattiv jew pożittiv), li jirriżulta f’ammont nett li l-Kummissjoni se tiffattura lill-Iżvizzera permezz tan-nota ta’ debitu annwali.

(g)Il-ħlas mill-Iżvizzera se jsir wara d-data tal-ħruġ tan-nota ta’ debitu. Il-pagamenti kollha jridu jsiru lill-kont bankarju tal-Kummissjoni indikat fin-nota ta’ debitu, fi żmien 60 ġurnata.

(h)Jekk l-Iżvizzera tħallas l-ammonti previsti fl-ittra c) aktar tard mid-dati speċifikati fl-ittra g), il-Kummissjoni tista’ timponi l-interessi fuq l-arretrati (bir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet tiegħu fl-euro, ippubblikata fis-serje "C" tal-Ġurnal Uffiċjali, dakinhar li fih tiskadi l-iskadenza għall-ħlas lura, miżjuda b’punt wieħed u nofs). L-istess rata għandha tapplika għall-pagamenti li għandhom isiru mill-Unjoni.

(i)Fil-każ li l-Iżvizzera titlob aġġustamenti speċifiċi jew prodotti ġodda tal-IT għall-komponenti ċentrali, l-applikazzjonijiet jew is-servizzi tal-ICS2, il-bidu u t-tlestija ta’ dawk l-iżviluppi jkunu soġġetti għal ftehim separat u reċiproku rigward il-ħtiġijiet tar-riżorsi u l-kostijiet tal-iżvilupp.

(j)Il-materjali kollha tat-taħriġ maħluqa u miżmuma mill-Partijiet għandhom jinqasmu mal-partijiet kollha mingħajr ħlas permezz ta’ mezzi elettroniċi. L-Iżvizzera tista’ tikkopja, tqassam, turi u twettaq ix-xogħol u tagħmel xogħlijiet derivattivi abbażi tal-materjali ta’ taħriġ kondiviżi 

(1)biss jekk dawn jagħtu kredtu lill-awtur bil-mod speċifikat fil-materjal ta’ taħriġ kondiviż;

(2)biss għal finijiet mhux kummerċjali.

(k)Il-Partijiet jaqblu li jirrikonoxxu u jissodisfaw ir-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom fir-rigward tal-użu tal-komponenti ċentrali tal-ICS2 kif deskritt fl-Anness I ta’ dan il-Ftehim.

(l)Fil-każ ta’ dubji serji dwar il-funzjonament tajjeb ta’ dan l-Anness jew tal-ICS2, kwalunkwe Parti tista’ tissospendi l-applikazzjoni ta’ dan l-arranġament dment li l-Parti l-oħra tkun ġiet innotifikata bil-miktub tliet xhur bil-quddiem.

Titolu IV

Dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħruġ

Artikolu 18

Forma u kontenut tad-dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħruġ

1. Id-dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħruġ għandha tiġi ppreżentata permezz ta’ teknika tal-ipproċessar tad-data. Tista’ tintuża dokumentazzjoni kummerċjali, portwali jew tat-trasport, dment li din ikun fiha d-dettalji meħtieġa.

2. Id-dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħruġ għandu jkun fiha d-dettalji stabbiliti għal din id-dikjarazzjoni fil-kolonni A1 u A2 tal-Kapitolu 3 tal-Anness B tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 u tikkonforma mal-formats, mal-kodiċijiet u mal-kardinalitajiet rispettivi tagħhom stabbiliti fl-Anness B tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447. Din għandha timtela skont in-noti f’dawk l-Annessi. Id-dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħruġ għandha tiġi awtentikata mill-persuna li tkun imlietha.

3. L-awtoritajiet doganali għandhom jippermettu l-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħruġ bil-miktub, jew kwalunkwe mezz ieħor li jissostitwixxiha kif miftiehem bejn l-awtoritajiet doganali, f’waħda minn dawn iċ-ċirkostanzi biss:

(a)meta s-sistema kompjuterizzata tal-awtoritajiet doganali ma tkunx qed taħdem;

(b)meta l-applikazzjoni elettronika tal-persuna li tkun qed tippreżenta d-dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħruġ ma tkunx qed tiffunzjona, dment li l-awtoritajiet doganali japplikaw l-istess livell ta’ ġestjoni tar-riskju bħal dak applikat għad-dikjarazzjonijiet fil-qosor tal-ħruġ magħmula bl-użu ta’ teknika tal-ipproċessar tad-data. Id-dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħruġ bil-miktub għandha tkun iffirmata mill-persuna li tkun imlietha. Dawn id-dikjarazzjonijiet fil-qosor tal-ħruġ bil-miktub għandhom ikunu akkumpanjati, meta jkun meħtieġ, b’listi ta’ tagħbija jew listi xierqa oħra, u għandu jkun fihom id-dettalji msemmija fil-paragrafu 2.

4. Kull Parti Kontraenti għandha tiddefinixxi l-kundizzjonijiet u l-proċeduri li abbażi tagħhom il-persuna li tkun qed tippreżenta d-dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħruġ tista’ timmodifika wieħed jew aktar mid-dettalji tad-dikjarazzjoni wara li tippreżentaha.

Artikolu 19

Rinunzja mill-obbligu li tiġi ppreżentata dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħruġ

1. Dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħruġ ma għandhiex tkun meħtieġa fir-rigward tal-oġġetti li ġejjin:

(a)enerġija elettrika;

(b)oġġetti li jitilqu permezz ta’ pipeline;

(c)oġġetti ta’ korrispondenza, jiġifieri ittri, kartolini, ittri bil-braille u materjal stampat li ma jkunux soġġetti għal dazju tal-importazzjoni jew tal-esportazzjoni;

(d)oġġetti f’kunsinni postali mċaqalqa skont ir-regoli tal-Unjoni Postali Universali;

(e)oġġetti li għalihom dikjarazzjoni doganali bil-fomm jew dikjarazzjoni bis-sempliċi qsim tal-fruntiera tkun permessa skont il-leġiżlazzjoni tal-Partijiet Kontraenti, għajr għall-palits, il-kontejners, il-mezzi tat-trasport, kif ukoll l-ispare parts, l-aċċessorji u t-tagħmir għal dawn l-oġġetti, meta jkunu qed jinġarru skont kuntratt ta’ trasport;

(f)oġġetti li jinsabu fil-bagalji personali tal-vjaġġaturi;

(g)oġġetti koperti mill-Carnets ATA jew CPD;

(h)oġġetti intitolati għal eżenzjoni skont il-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi tat-18 ta’ April 1961, il-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Konsulari tal-24 ta’ April 1963 jew konvenzjonijiet konsulari oħra, jew il-Konvenzjoni ta’ New York tas-16 ta’ Diċembru 1969 dwar il-Missjonijiet Speċjali;

(i)armi u tagħmir militari maħruġa mit-territorju doganali ta’ Parti Kontraenti mill-awtoritajiet inkarigati mid-difiża militari tal-Partijiet Kontraenti, fi trasport militari jew trasport imħaddem għall-użu uniku tal-awtoritajiet militari;

(j)l-oġġetti li ġejjin maħruġa mit-territorju doganali ta’ Parti Kontraenti direttament lejn installazzjonijiet offshore mħaddma minn persuna stabbilita fit-territorju doganali tal-Partijiet Kontraenti:

(1)oġġetti li għandhom jintużaw għall-kostruzzjoni, it-tiswija, il-manutenzjoni jew il-konverżjoni tal-installazzjonijiet offshore;

(2)oġġetti li għandhom jintużaw biex jitwaħħlu ma’ jew jgħammru l-installazzjonijiet offshore;

(3)provvisti li għandhom jintużaw jew jiġu kkonsmati fuq l-installazzjonijiet offshore;

(k)oġġetti mċaqalqa taħt il-kopertura tal-formola 302 tan-NATO prevista fil-Konvenzjoni bejn il-Partijiet tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana rigward l-Istatus tal-Forzi tagħhom, iffirmata f’Londra fid-19 ta’ Ġunju 1951, jew taħt il-kopertura tal-formola 302 tal-UE prevista fl-Artikolu 1(51) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446;

(l)oġġetti li jiġu pprovduti għall-inkorporazzjoni bħala parti minn jew aċċessorji fil-bastimenti jew l-inġenji tal-ajru u għat-tħaddim tal-magni, tal-makkinarji jew ta’ tagħmir ieħor tal-bastimenti jew tal-inġenji tal-ajru, kif ukoll oġġetti tal-ikel u oġġetti oħra li għandhom jiġu kkonsmati jew mibjugħa abbord;

(m)oġġetti tad-dar kif iddefiniti fil-leġiżlazzjoni tal-Partijiet Kontraenti rispettivi dment li dawn ma jkunux qed jinġarru skont kuntratt ta’ trasport.

(n)oġġetti mibgħuta mit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti lejn Ceuta u Melilla, Heligoland, ir-Repubblika ta’ San Marino, l-Istat tal-Belt tal-Vatikan, il-muniċipalitajiet ta’ Livigno, u l-esklavi doganali Żvizzeri ta’ Samnaun u Sampuoir;

(o)oġġetti li jinġarru fuq bastimenti li jivvjaġġaw bejn il-portijiet tal-Partijiet Kontraenti mingħajr ebda waqfa fi kwalunkwe port barra t-territorju doganali tal-Partijiet Kontraenti;

(p)oġġetti li jinġarru fuq inġenji tal-ajru li jivvjaġġaw bejn l-ajruporti tal-Partijiet Kontraenti mingħajr ebda waqfa fi kwalunkwe ajruport barra t-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti;

2. Dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħruġ ma għandhiex tkun meħtieġa fil-każijiet previsti fi ftehim internazzjonali konkluż bejn Parti Kontraenti u pajjiż terz dwar is-sigurtà, soġġett għall-proċedura stabbilita fl-Artikolu 9(3) tal-Ftehim.

3. Dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħruġ ma għandhiex tkun meħtieġa mill-Partijiet Kontraenti għall-oġġetti fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)meta bastiment li jittrasporta l-oġġetti bejn il-portijiet tal-Partijiet Kontraenti jkollu jieqaf f’port barra t-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti u l-oġġetti jkollhom jibqgħu mgħobbija abbord il-bastiment waqt il-waqfa fil-port barra t-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti;

(b)meta inġenju tal-ajru li jittrasporta l-oġġetti bejn l-ajruporti tal-Partijiet Kontraenti jkollu jieqaf f’ajruport barra t-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti u l-oġġetti jkollhom jibqgħu mgħobbija abbord l-inġenju tal-ajru waqt il-waqfa fl-ajruport barra t-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti;

(c)meta, f’port jew ajruport, l-oġġetti ma ja jinħattux mill-mezz tat-trasport li ġarrhom fit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti u li se jġorrhom ’il barra minn dawk it-territorji;

(d)meta l-oġġetti jkunu tgħabbew f’port jew ajruport preċedenti fit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti fejn ġiet ippreżentata dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħruġ jew kienet applikabbli rinunzja mill-obbligu li tiġi ppreżentata dikjarazzjoni ta’ qabel it-tluq u jibqgħu fuq il-mezz tat-trasport li se jġorrhom barra mit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti;

(e)meta l-oġġetti f’ħażna temporanja jew imqiegħda taħt il-proċedura ta’ żona libera jiġu ttrasbordati mill-mezz ta’ trasport li wassalhom f’dik il-faċilità temporanja ta’ ħażna jew żona libera taħt is-superviżjoni tal-istess uffiċċju doganali fuq bastiment, ajruplan jew ferrovija li se jġorruhom ’il barra mit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti, dment li l-kundizzjonijiet li ġejjin jiġu ssodisfati:

(1)it-trasbord isir fi żmien 14-il ġurnata mill-preżentazzjoni tal-oġġetti skont il-leġiżlazzjoni tal-Parti Kontraenti rispettiva jew f’ċirkostanzi eċċezzjonali, f’perjodu itwal awtorizzat mill-awtoritajiet doganali meta l-perjodu ta’ 14-il ġurnata ma jkunx biżżejjed biex jittratta dawk iċ-ċirkostanzi;

(2)l-informazzjoni dwar l-oġġetti tkun disponibbli għall-awtoritajiet doganali;

(3)id-destinazzjoni tal-oġġetti u l-konsenjatarju ma jinbidlux, sa fejn ikun jaf it-trasportatur;

(f)meta l-oġġetti jkunu ddaħħlu fit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti iżda dawn ikunu ġew miċħuda mill-awtorità doganali kompetenti u rritornati minnufih lejn il-pajjiż ta’ esportazzjoni.

Artikolu 20

Post għall-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħruġ

1. Id-dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħruġ għandha tiġi ppreżentata mal-uffiċċju doganali kompetenti fit-territorju doganali tal-Parti Kontraenti fejn jitwettqu l-formalitajiet tal-ħruġ tal-oġġetti maħsuba għal pajjiżi terzi. Madankollu, dikjarazzjoni doganali ta’ esportazzjoni użata bħala dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħruġ għandha tiġi ppreżentata mal-awtorità kompetenti tal-Parti Kontraenti li fit-territorju doganali tagħha jitwettqu l-formalitajiet relatati mal-esportazzjoni lejn pajjiż terz. Fi kwalunkwe każ, l-uffiċċju kompetenti għandu jwettaq l-analiżi tar-riskju relatata mas-sigurtà u s-sikurezza abbażi tad-data inkluża fid-dikjarazzjoni kif ukoll tal-kontrolli doganali għas-sigurtà u s-sikurezza li jitqiesu li jkunu meħtieġa.

2. Meta l-oġġetti jitilqu mit-territorju doganali ta’ Parti Kontraenti lejn pajjiż terz permezz tat-territorju doganali tal-Parti Kontraenti l-oħra, u l-formalitajiet tal-esportazzjoni jkunu segwiti minn proċedura ta’ tranżitu skont il-Konvenzjoni dwar Proċedura Komuni ta’ tranżitu, l-NCTS għandha tintuża biex tittrażmetti d-data msemmija fl-Artikolu 18(2) lill-awtoritajiet kompetenti tat-tieni Parti Kontraenti.

F’dan il-każ, l-uffiċċju doganali tal-ewwel Parti Kontraenti għandu jagħmel ir-riżultati tal-kontrolli doganali relatati mas-sigurtà u s-sikurezza tiegħu disponibbli għall-awtorità doganali tat-tieni Parti Kontraenti meta:

(a)ir-riskji jiġu vvalutati minn awtorità doganali bħala li jkunu sinifikanti u li jeħtieġu kontroll doganali u r-riżultati mill-kontroll jistabbilixxu li jkun seħħ l-avveniment li jwassal għar-riskji; jew

(b)ir-riżultati mill-kontroll ma jistabbilixxux li jkun seħħ l-avveniment li jwassal għar-riskji, iżda l-awtorità doganali kkonċernata tqis it-theddida li jiġi ppreżentat riskju għoli x’imkien ieħor fit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti; jew

(c)ikun meħtieġ li r-regoli jiġu applikati b’mod uniformi f’dan il-Ftehim.

Il-Partijiet Kontraenti għandhom jiskambjaw fis-sistema msemmija fl-Artikolu 12(3) tal-Ftehim l-informazzjoni dwar ir-riskji msemmija taħt il-punti a) u b).

3. B’deroga mill-paragrafu 1, għajr għat-trasport bl-ajru, meta l-oġġetti jitilqu mit-territorju doganali ta’ Parti Kontraenti lejn pajjiż terz permezz tat-territorju doganali tal-Parti Kontraenti l-oħra, u l-formalitajiet tal-esportazzjoni ma jkunux segwiti minn proċedura ta’ tranżitu skont il-Konvenzjoni dwar Proċedura Komuni ta’ tranżitu, id-dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħruġ għandha tiġi ppreżentata direttament lill-uffiċċju doganali kompetenti tal-ħruġ tat-tieni Parti Kontraenti meta l-oġġetti finalment jinħarġu lejn pajjiż terz.

Artikolu 21

Termini għall-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħruġ

1. Id-dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħruġ għandha tkun ppreżentata fi ħdan it-termini li ġejjin:

(a)fil-każ ta’ traffiku marittimu:

(1)għall-movimenti ta’ merkanzija fil-kontejners għajr dawk imsemmija fil-punti (2) u (3), mhux aktar tard minn 24 siegħa qabel l-oġġetti jitgħabbew fuq il-bastiment li fuqu jkollhom jitilqu mit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti;

(2)għall-movimenti ta’ merkanzija fil-kontejners bejn it-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti u Greenland, il-Gżejjer Faeroe, l-Iżlanda jew il-portijiet fil-Baħar Baltiku, il-Baħar tat-Tramuntana, il-Baħar l-Iswed jew il-Mediterran u l-portijiet kollha tal-Marokk, mhux aktar tard minn sagħtejn qabel it-tluq minn port fit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti;

(3)għall-movimenti ta’ merkanzija fil-kontejners bejn id-dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej, l-Azores, Madeira jew il-Gżejjer Kanarji u territorju barra t-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti, meta l-vjaġġ idum anqas minn 24 siegħa, mhux aktar tard minn sagħtejn qabel it-tluq minn port fit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti;

(4)għall-movimenti li ma jinvolvux merkanzija fil-kontejners, mhux aktar tard minn sagħtejn qabel it-tluq minn port fit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti;

(b)fil-każ ta’ traffiku bl-ajru, mhux aktar tard minn 30 minuta qabel it-tluq minn ajruport fit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti;

(c)fil-każ ta’ traffiku bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni, mhux aktar tard minn siegħa qabel ma l-oġġetti jkunu se jitilqu mit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti;

(d)fil-każ ta’ traffiku ferrovjarju:

(1)meta l-vjaġġ bil-ferrovija mill-aħħar stazzjon tal-formazzjoni tal-ferrovija lejn l-uffiċċju doganali tal-ħruġ jieħu anqas minn sagħtejn, mhux aktar tard minn siegħa qabel il-wasla tal-oġġetti fuq il-post li għalih ikun kompetenti l-uffiċċju doganali tal-ħruġ;

(2)fil-każijiet l-oħra kollha, mhux aktar tard minn sagħtejn qabel ma l-oġġetti jkollhom jitilqu mit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti.

2. Fis-sitwazzjonijiet li ġejjin, it-terminu għall-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħruġ għandu jkun dak applikabbli għall-mezz tat-trasport attiv użat biex jitlaq mit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti:

(a)meta l-oġġetti jkunu waslu fl-uffiċċju doganali tal-ħruġ fuq mezz ieħor tat-trasport li minnu jiġu ttrasferiti qabel jitilqu mit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti (trasport intermodali);

(b)meta l-oġġetti jkunu waslu fl-uffiċċju doganali tal-ħruġ fuq mezz tat-trasport li hu stess jiġi ttrasportat fuq mezz tat-trasport attiv meta jitlaq mit-territorji doganali tal-Partijiet Kontraenti (trasport ikkombinat).

3. It-termini msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw fil-każ ta’ force majeure.

4. Minkejja l-paragrafi 1 u 2, kull Parti Kontraenti tista’ tiddeċiedi dwar termini differenti:

(a)f’każijiet tat-traffiku msemmi fl-Artikolu 20(2) sabiex analiżi tar-riskju affidabbli tkun tista’ tiġi akkumulata u l-vjaġġi jiġu interċettati sabiex jitwettqu kontrolli doganali relatati mas-sigurtà u s-sikurezza,

(b)fil-każ ta’ ftehim internazzjonali dwar is-sigurtà bejn dik il-Parti Kontraenti u pajjiż terz, soġġett għall-proċedura msemmija fl-Artikolu 9(3) tal-Ftehim.”

“ANNESS II

OPERATUR EKONOMIKU AWTORIZZAT

TITOLU I

Għoti tal-istatus ta’ operatur eknomiku awtorizzat

Artikolu 1

Dispożizzjonijiet ġenerali

Il-kriterji għall-għoti tal-istatus ta’ operatur ekonomiku awtorizzat għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a)in-nuqqas ta’ kwalunkwe ksur serju jew ksur ripetut tal-leġiżlazzjoni doganali u tar-regoli tat-tassazzjoni, inkluż ebda rekord ta’ reati kriminali serji marbuta mal-attività ekonomika tal-applikant;

(b)il-wiri mill-applikant ta’ livell għoli ta’ kontroll tal-operazzjonijiet tiegħu jew tagħha u tal-fluss tal-oġġetti, permezz ta’ sistema ta’ ġestjoni tar-rekords kummerċjali u, meta jkun xieraq, tat-trasport, li tippermetti kontrolli doganali xierqa;

(c)is-solvenza finanzjarja, li għandha titqies bħala ppruvata meta l-applikant ikollu kapaċità finanzjarja tajba, li tippermettilu jew tippermettilha jonora/tonora l-impenji tiegħu jew tagħha, b’konsiderazzjoni xierqa tal-karatteristiċi tat-tip ta’ attività kummerċjali kkonċernata;

(d)standards xierqa ta’ sigurtà u sikurezza, li għandhom jitqiesu bħala ssodisfati meta l-applikant juri li hu jew hi jkollu/jkollha miżuri xierqa biex jiżgura/tiżgura s-sigurtà u s-sikurezza tal-katina tal-provvista internazzjonali inkluż fl-oqsma tal-integrità fiżika u l-kontrolli tal-aċċess, tal-proċessi loġistiċi u tat-trattament ta’ tipi speċifiċi ta’ oġġetti, persunal u identifikazzjoni tal-imsieħba kummerċjali tiegħu jew tagħha.

Artikolu 2

Konformità

1. Il-kriterju stabbilit fl-Artikolu 1(a) għandu jitqies li jkun ġie ssodisfat jekk, 

(a)ma tkun ittieħdet ebda deċiżjoni minn awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja li tikkonkludi li tul dawn l-aħħar tliet snin waħda mill-persuni deskritti fil-punt (b) wettqet ksur serju jew ripetut tal-leġiżlazzjoni doganali jew tar-regoli tat-tassazzjoni fir-rigward tal-attività ekonomika tiegħu/tagħha; u 

(b)l-ebda waħda mill-persuni li ġejjin ma jkollha kondotta ta’ reat kriminali serju fir-rigward tal-attività ekonomika tagħha, inkluża l-attività ekonomika tal-applikant, meta jkun applikabbli:

(1)l-applikant,

(2)l-impjegat(i) responsabbli mill-kwistjonijiet doganali tal-applikant, u 

(3)il-persuna/i responsabbli għall-applikant jew li teżerċita/jeżerċitaw kontroll fuq il-ġestjoni tiegħu.

2. Madankollu, il-kriterju msemmi fl-Artikolu 1(a) jista’ jitqies li ġie ssodisfat meta l-awtorità doganali kompetenti, sabiex tieħu d-deċiżjoni, tqis li ksur ma kienx ta’ importanza serja, fir-rigward tal-għadd jew tad-daqs tal-operazzjonijiet relatati, u l-awtorità doganali ma jkollha ebda dubju dwar il-bona fide tal-applikant.

3. Meta l-persuna msemmija fil-paragrafu 1(b)(3) ta’ dan l-Artikolu, għajr l-applikant, tkun stabbilita jew ikollha r-residenza tagħha f’pajjiż terz, l-awtorità doganali kompetenti, sabiex tieħu d-deċiżjoni, għandha tivvaluta l-issodisfar tal-kriterju msemmi fl-Artikolu 1(a) abbażi tar-rekords u l-informazzjoni li jkunu disponibbli għaliha.

4. Meta l-applikant ikun ilu stabbilit għal anqas minn tliet snin, l-awtorità doganali kompetenti, sabiex tieħu d-deċiżjoni, għandha tivvaluta l-issodisfar tal-kriterju msemmi fl-Artikolu 1(a) abbażi tar-rekords u l-informazzjoni li jkunu disponibbli għaliha.

Artikolu 3

Sistema sodisfaċenti ta’ ġestjoni tar-rekords kummerċjali u tat-trasport

Il-kriterju stabbilit fl-Artikolu 1(b) għandu jitqies li jkun ġie ssodisfat jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)l-applikant iżomm sistema kontabilistika li tkun konsistenti mal-prinċipji kontabilistiċi ġeneralment aċċettati applikati fil-Partijiet Kontraenti fejn jinżammu l-kontijiet, tippermetti li jsir kontroll doganali bbażat fuq l-awditi u żżomm rekord storiku tad-data li jipprovdi rekord tal-awditjar minn meta d-data tidħol fil-fajl;

(b)ir-rekords miżmuma mill-applikant għal finijiet doganali jiġu integrati fis-sistema kontabilistika tal-applikant jew jippermettu li jsiru kontroverifiki tal-informazzjoni mas-sistema kontabilistika;

(c)l-applikant jippermetti aċċess fiżiku lill-awtorità doganali għas-sistemi kontabilistiċi tiegħu u, meta jkun applikabbli, għar-rekords kummerċjali u tat-trasport tiegħu;

(d)l-applikant jippermetti aċċess elettroniku lill-awtorità doganali għas-sistemi kontabilistiċi tiegħu u, meta jkun applikabbli, għar-rekords kummerċjali u tat-trasport fejn dawk is-sistemi jew rekords jinżammu b’mod elettroniku;

(e)l-applikant ikollu organizzazzjoni amministrattiva li tikkorrispondi għat-tip u d-daqs tan-negozju u li hija adattata għall-ġestjoni tal-fluss tal-oġġetti, u jkollu kontrolli interni li jkunu kapaċi jimpedixxu, jidentifikaw u jikkoreġu l-iżbalji u li jimpedixxu u jidentifikaw tranżazzjonijiet illegali jew irregolari;

(f)meta jkun applikabbli, l-applikant ikollu proċeduri sodisfaċenti għat-trattament tal-liċenzji u awtorizzazzjonijiet mogħtija skont il-miżuri ta’ politika kummerċjali jew rigward il-kummerċ ta’ prodotti agrikoli;

(g)l-applikant ikollu proċeduri sodisfaċenti fis-seħħ għall-arkivjar tar-rekords u l-informazzjoni tiegħu u għall-protezzjoni kontra t-telf tal-informazzjoni;

(h)l-applikant jiżgura li l-impjegati rilevanti jiġu ordnati jinfurmaw lill-awtoritajiet doganali kull meta jiltaqgħu ma’ diffikultajiet ta’ konformità u jistabbilixxi proċeduri biex l-awtoritajiet doganali jiġu infurmati b’dawn id-diffikultajiet;

(i)l-applikant ikollu miżuri xierqa ta’ sigurtà fis-seħħ biex jipproteġi s-sistema tal-kompjuter tal-applikant minn intrużjoni mhux awtorizzata u jiżgura d-dokumentazzjoni tal-applikant;

(j)meta jkun applikabbli, l-applikant ikollu proċeduri sodisfaċenti fis-seħħ għat-trattament tal-liċenzji ta’ importazzjoni u esportazzjoni marbuta mal-projbizzjonijiet u r-restrizzjonijiet, inklużi miżuri biex issir distinzjoni bejn oġġetti soġġetti għall-projbizzjonijiet jew ir-restrizzjonijiet u oġġetti u miżuri oħra biex tiġi żgurata l-konformità ma’ dawk il-projbizzjonijiet u r-restrizzjonijiet.

Artikolu 4

Solvenza finanzjarja

1. Il-kriterju stabbilit fl-Artikolu 1(c) għandu jitqies li jkun ġie ssodisfat meta l-applikant jikkonforma ma’ dawn li ġejjin:

(a)l-applikant ma jkunx soġġett għal proċedimenti ta’ falliment;

(b)matul l-aħħar tliet snin qabel is-sottomissjoni tal-applikazzjoni, l-applikant ikun issodisfa l-obbligi finanzjarji tiegħu rigward pagamenti ta’ dazji doganali u tad-dazji, it-taxxi jew it-tariffi l-oħra kollha li jinġabru fuq jew b’rabta mal-importazzjoni jew l-esportazzjoni tal-oġġetti;

(c)l-applikant juri, abbażi tar-rekords u l-informazzjoni disponibbli għall-aħħar tliet snin qabel is-sottomissjoni tal-applikazzjoni, li jkollu kapaċità finanzjarja suffiċjenti biex jissodisfa l-obbligi u l-impenji tiegħu b’kunsiderazzjoni tat-tip u l-volum tal-attività kummerċjali, inkluż li ma jkollu l-ebda assi negattivi netti, dment li dawn ma jkunux jistgħu jiġu koperti.

2. Jekk l-applikant ikun ilu stabbilit għal anqas minn tliet snin, is-solvenza finanzjarja tiegħu kif imsemmija fl-Artikolu 1(c) għandha tiġi kkontrollata abbażi tar-rekords u l-informazzjoni li jkunu disponibbli.

Artikolu 5

Standards ta’ sigurtà u sikurezza

1. Il-kriterju stabbilit fl-Artikolu 1(d) għandu jitqies li jkun ġie ssodisfat jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)il-bini li għandu jintuża b’konnessjoni mal-operazzjonijiet relatati mal-awtorizzazzjoni jipprovdi protezzjoni kontra l-intrużjoni illegali u jinbena minn materjal li jiflaħ jirreżisti kontra d-dħul illegali;

(b)ikun hemm miżuri xierqa fis-seħħ biex jimpedixxu l-aċċess mhux awtorizzat għall-uffiċċji, iż-żoni ta’ tbaħħir, ix-xtut tat-tagħbija, iż-żoni tal-merkanzija u postijiet oħra rilevanti;

(c)ikunu ttieħdu miżuri għat-trattament tal-oġġetti li jinkludu l-protezzjoni kontra l-introduzzjoni jew l-iskambju mhux awtorizzati, l-abbuż tal-oġġetti u kontra t-tbagħbis tal-unitajiet tal-merkanzija;

(d)l-applikant ikun ħa miżuri li jippermettu li l-imsieħba kummerċjali tiegħu jiġu identifikati b’mod ċar u li jiġi żgurat, permezz tal-implimentazzjoni ta’ arranġamenti kuntrattwali xierqa jew ta’ miżuri xierqa oħra skont il-mudell kummerċjali tal-applikant, li dawk l-imsieħba kummerċjali jiżguraw is-sigurtà tal-parti tagħhom mill-katina tal-provvista internazzjonali;

(e)l-applikant iwettaq, safejn tippermetti l-liġi nazzjonali, skrinjar ta’ sigurtà fuq l-impjegati prospettivi li jaħdmu f’pożizzjonijiet sensittivi tas-sigurtà u jwettaq kontrolli tal-isfond tal-impjegati attwali f’dawn il-pożizzjonijiet perjodikament u meta jkun iġġustifikat miċ-ċirkustanzi;

(f)l-applikant ikollu l-proċeduri xierqa ta’ sigurtà fis-seħħ għal kwalunkwe fornitur tas-servizz estern kuntrattat;

(g)l-applikant jiżgura li l-persunal tiegħu li jkollu responsabbiltajiet rilevanti għal kwistjonijiet ta’ sigurtà jipparteċipa b’mod regolari fil-programmi biex titqajjem sensibilizzazzjoni fosthom dwar dawk il-kwistjonijiet ta’ sigurtà;

(h)l-applikant ikun ħatar persuna ta’ kuntatt kompetenti għal domandi relatati mas-sigurtà u s-sikurezza.

2. Meta l-applikant ikun detentur ta’ ċertifikat tas-sigurtà u s-sikurezza maħruġ abbażi ta’ konvenzjoni internazzjonali jew ta’ Standard Internazzjonali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni, jew ta’ Standard Ewropew ta’ Organizzazzjoni Ewropea għall-Istandardizzazzjoni, dawn iċ-ċertifikati għandhom jitqiesu meta tkun qed tiġi kkontrollata l-konformità mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 1(d).

Il-kriterji għandhom jitqiesu li jkunu ġew issodisfati safejn ikun ġie stabbilit li l-kriterji għall-ħruġ ta’ dak iċ-ċertifikat ikunu identiċi jew ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 1(d).

3. Meta l-applikant ikun aġent regolat jew konsenjatur magħruf fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili, il-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1 għandhom jitqiesu bħala li ġew issodisfati b’rabta mas-siti u l-operazzjonijiet li għalihom l-applikant ikun kiseb l-istatus ta’ aġent regolat jew konsenjatur magħruf sal-punt li l-kriterji għall-ħruġ tal-istatus ta’ aġent regolat jew ta’ konsenjatur magħruf ikunu identiċi jew ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 1(d).

TITOLU II

Faċilitazzjoni mogħtija lill-operaturi ekonomiċi awtorizzati

Artikolu 6

Faċilitazzjoni mogħtija lill-operaturi ekonomiċi awtorizzati

1. Meta operatur ekonomiku awtorizzat għal finijiet ta’ sigurtà u sikurezza jippreżenta f’ismu stess dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħruġ fil-forma ta’ dikjarazzjoni doganali jew ta’ dikjarazzjoni ta’ riesportazzjoni, ebda dettallji oħra għajr dawk iddikjarati f’dawk id-dikjarazzjonijiet ma għandhom ikunu meħtieġa.

2. Meta operatur ekonomiku awtorizzat għal finijiet ta’ sigurtà u sikurezza jippreżenta, f’isem persuna oħra li hija wkoll operatur ekonomiku awtorizzat, dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħruġ fil-forma ta’ dikjarazzjoni doganali jew ta’ dikjarazzjoni ta’ riesportazzjoni, ebda dettallji oħra għajr dawk iddikjarati f’dawk id-dikjarazzjonijiet ma għandhom ikunu meħtieġa.

Artikolu 7

Trattament iktar favorevoli rigward il-valutazzjoni u l-kontroll tar-riskju

1. Operatur ekonomiku awtorizzat għandu jkun soġġett għal anqas kontrolli tas-sigurtà fiżiċi u bbażati fuq id-dokumenti minn operaturi ekonomiċi oħra.

2. Meta operatur ekonomiku awtorizzat ikun ippreżenta dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul jew ikun ġie awtorizzat jippreżenta dikjarazzjoni doganali jew dikjarazzjoni għal ħażna temporanja minflok dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul jew meta operatur ekonomiku awtorizzat ikun ġie awtorizzat li juża sistemi ta’ informazzjoni kummerċjali, portwali jew tat-trasport għall-preżentazzjoni tad-dettalji ta’ dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul kif imsemmi fl-Artikolu 10(8) tal-Ftehim u fl-Artikolu 1(4) tal-Anness I, l-awtorità doganali kompetenti għandha, meta l-konsenja tkun intgħażlet għall-kontroll fiżiku, tinnotifika lill-operatur ekonomiku awtorizzat b’dak il-fatt. Dik in-notifika għandha ssir qabel jaslu l-oġġetti fit-territorju doganali tal-Partijiet Kontraenti.

Dik in-notifika għandha ssir disponibbli wkoll għat-trasportatur jekk dan ikun differenti mill-operatur ekonomiku awtorizzat imsemmi fl-ewwel subparagrafu, dment li t-trasportatur ikun operatur ekonomiku awtorizzat u jkun konness mas-sistemi elettroniċi relatati mad-dikjarazzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu.

Dik in-notifika ma għandhiex tiġi pprovduta meta din tista’ xxekkel il-kontrolli li għandhom jitwettqu jew ir-riżultati tagħhom.

3. Meta l-kunsinni ddikjarati minn operatur ekonomiku awtorizzat ikunu ntgħażlu għal kontroll fiżiku jew ibbażat fuq id-dokumenti, dawk il-kontrolli għandhom jitwettqu bi prijorità.

Fuq talba minn operatur ekonomiku awtorizzat, il-kontrolli jistgħu jitwettqu f’post għajr il-post fejn l-oġġetti għandhom jiġu ppreżentati lid-dwana.

Artikolu 8

Eżenzjoni minn trattament favorevoli

It-trattament iktar favorevoli msemmi fl-Artikolu 7 ma għandux japplika għal kwalunkwe kontroll doganali tas-sigurtà relatat ma’ livelli ogħla speċifiċi ta’ periklu jew obbligi ta’ kontroll stabbiliti f’leġiżlazzjoni oħra.

Madankollu, l-awtoritajiet doganali għandhom iwettqu l-ipproċessar, il-formalitajiet u l-kontrolli meħtieġa għall-kunsinni ddikjarati minn operatur ekonomiku awtorizzat bħala prijorità.

TITOLU III

Sospensjoni, annullament u revoka tal-istatus ta’ operatur eknomiku awtorizzat

Artikolu 9

Sospensjoni tal-istatus

1. Deċiżjoni li tagħti l-istatus ta’ operatur ekonomiku awtorizzat għandha tiġi sospiża mill-awtorità doganali kompetenti meta:

(a)dik l-awtorità doganali tqis li jista’ jkun hemm biżżejjed raġunijiet sabiex tiġi annullata, jew tiġi rrevokata d-deċiżjoni, iżda ma jkunx għad għandha l-elementi meħtieġa kollha biex tiddeċiedi fuq l-annullament, jew ir-revoka;

(b)dik l-awtorità doganali tqis li l-kundizzjonijiet għad-deċiżjoni mhumiex issodisfati jew li d-detentur tad-deċiżjoni ma jikkonformax mal-obbligi imposti skont dik id-deċiżjoni, u huwa xieraq li d-detentur tad-deċiżjoni jitħalla żmien biex jieħu miżuri biex jiżgura l-issodisfar tal-kondizzjonijiet jew il-konformità mal-obbligi;

(c)id-detentur tad-deċiżjoni jitlob din is-sospensjoni minħabba li temporanjament ma jkunx jista’ jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti għad-deċiżjoni jew jikkonforma mal-obbligi imposti taħt dik id-deċiżjoni.

2. Fil-każ imsemmi fil-punti (b) u (c) tal-paragrafu 1, id-detentur tad-deċiżjoni għandu jinnotifika lill-awtorità doganali kompetenti bil-miżuri li dan se jieħu biex jiżgura l-issodisfar tal-kundizzjonijiet jew il-konformità mal-obbligi, kif ukoll dwar il-perjodu taż-żmien li dan jeħtieġ biex jieħu dawk il-miżuri.

Meta l-operatur ekonomiku kkonċernat ikun ħa, għas-sodisfazzjon tal-awtoritajiet doganali, il-miżuri meħtieġa biex jikkonforma mal-kundizzjonijiet u l-kriterji li għandhom jiġu ssodisfati minn kull operatur ekonomiku awtorizzat, l-awtorità doganali emittenti għandha tannulla s-sospensjoni.

3. Is-sospensjoni ma għandha taffettwa l-ebda proċedura doganali li tkun diġà bdiet qabel id-data tas-sospensjoni u li tkun għadha għaddejja.

4. Id-detentur tad-deċiżjoni għandu jiġi nnotifikat bis-sospensjoni tagħha.

Artikolu 10

Annullament tal-istatus

1. Deċiżjoni li tagħti l-istatus ta’ operatur ekonomiku awtorizzat għandha tiġi annullata jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)id-deċiżjoni tkun ittieħdet abbażi ta’ informazzjoni mhux korretta jew mhux kompluta;

(b)id-detentur tad-deċiżjoni kien jaf jew raġevolment kellu jkun jaf li l-informazzjoni ma kinitx korretta jew kompluta;

(c)jekk l-informazzjoni kienet korretta u kompluta, id-deċiżjoni kienet tkun differenti.

2. Id-detentur tad-deċiżjoni għandu jiġi nnotifikat bl-annullament tagħha.

3. L-annullament għandu jsir effettiv mid-data li fiha d-deċiżjoni inizjali tkun saret effettiva, dment li ma jkunx speċifikat b’mod ieħor fid-deċiżjoni skont il-leġiżlazzjoni doganali.

Artikolu 11

Revoka tal-istatus

1. Deċiżjoni li tagħti l-istatus ta’ operatur ekonomiku awtorizzat għandha tiġi rrevokata mill-awtoritajiet doganali kompetenti meta:

(a)waħda jew aktar mill-kundizzjonijiet biex tittieħed dik id-deċiżjoni ma kinux issodisfati jew ma għadhomx issodisfati; jew

(b)mal-applikazzjoni mid-detentur tad-deċiżjoni; jew

(c)id-detentur tad-deċiżjoni jonqos milli jieħu, fil-perjodu taż-żmien preskritt tas-sospensjoni msemmija fl-Artikolu 9(1)(b) u (c), il-miżuri meħtieġa biex jissodisfa l-kundizzjoni stabbilita għad-deċiżjoni jew jikkonforma mal-obbligi imposti skont dik id-deċiżjoni.

2. Ir-revoka għandha ssir effettiva mill-jum wara n-notifika tagħha.

3. Id-detentur tad-deċiżjoni għandu jiġi nnotifikat bir-revoka tagħha.

TITOLU IV

Artikolu 12

Skambju ta’ informazzjoni

Il-Partijiet Kontraenti għandhom jinformaw regolarment lil xulxin bl-identitajiet tal-operaturi ekonomiċi awtorizzati tagħhom għall-finijiet ta’ sigurtà, u jinkludu l-informazzjoni li ġejja:

(a)in-Numru ta’ Identifikazzjoni tal-Kummerċjant (TIN) f’format kumpatibbli mal-leġiżlazzjoni dwar ir-Reġistrazzjoni u l-Identifikazzjoni tal-Operaturi Ekonomiċi (EORI)

(b)l-isem u l-indirizz tal-operatur ekonomiku awtorizzat;

(c)in-numru tad-dokument li jagħti l-istatus ta’ operatur ekonomiku awtorizzat;

(d)l-istatus attwali (validu, sospiż, revokat);

(e)il-perjodi tal-istatus mibdul;

(f)id-data li fiha d-deċiżjoni u l-avvenimenti sussegwenti (sospensjoni u revoka) isiru effettivi;

(g)l-awtorità li tkun ħarġet id-deċiżjoni.”

(1)    ĠU L 199, 31.7.2009, p. 24
(2)    ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1
(3)    ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1
(4)    ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1
(5)    ĠU L 203, 26.6.2020, p. 1
(6)    ĠU L 206, 30.6.2020, p. 8
(7)    ĠU L 325, 16.12.2019, p. 168
(8)    Il-perjodu tal-implimentazzjoni għall-ħarġa 1 tal-ICS2: mill-15.3.2021 sal-1.10.2021; il-perjodu tal-implimentazzjoni għall-ħarġa 2 tal-ICS2: mill-1.3.2023 sat-2.10.2023; il-perjodu tal-implimentazzjoni għall-ħarġa 3 tal-ICS2: mill-1.3.2024 sal-1.10.2024;Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2151 tat-13 ta’ Diċembru li tistabbilixxi l-programm ta’ ħidma relatat mal-iżvilupp u l-implimentazzjoni tas-sistemi elettroniċi previsti fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 325, 16.12.2019, p. 168).
(9)    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat-28 ta’ Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 1), emendat l-aħħar mir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) xxx (ĠU L jj.xx.ssss, p. x).
(10)    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558), emendat l-aħħar bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) xxx (ĠU L jj.xx.ssss, p. x).
(11)    Il-Konvenzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Repubblika tal-Iżlanda, ir-Renju tan-Norveġja, ir-Renju tal-Iżvezja u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar proċedura komuni ta’ tranżitu tal-20 ta’ Mejju 1987 (ĠU L 226, 13.8.1987, p. 2, inklużi emendi preċedenti u futuri kif miftiehem mill-Kumitat Konġunt mill-Konvenzjoni msemmija hawn fuq).
(12)    L-NCTS tiġi aġġornata biex tkopri r-rekwiżiti ġodda ta’ sigurtà mir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1), emendat l-aħħar bir-Regolament (UE) 2019/632 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 (ĠU L 111, 25.04.2019, p. 54). L-implimentazzjoni tal-aġġornament f’fażijiet tal-NCTS hija stabbilita fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2151.
(13)    Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar it-Trasport bl-Ajru (ĠU L 114, 30.4.2002, p. 73, inklużi emendi preċedenti u futuri kif miftiehem mill-Kumitat Konġunt mill-Ftehim imsemmi hawn fuq).
(14)    Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
Top