EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021JC0003

KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar it-tisħiħ tal-kontribut tal-UE għall-multilateraliżmu bbażat fuq ir-regoli

JOIN/2021/3 final

Brussell, 17.2.2021

JOIN(2021) 3 final

KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL EMPTY

dwar it-tisħiħ tal-kontribut tal-UE għall-multilateraliżmu bbażat fuq ir-regoli


I.Introduzzjoni

Id-dinja tagħna għaddejja minn perjodu ta’ tranżizzjoni kkaratterizzat minn bidliet kbar ġeopolitiċi u ekonomiċi. L-atturi emerġenti qed joħolqu dinamika ġdida. Ir-relazzjonijiet bejn il-potenzi l-kbar huma dejjem aktar konfrontazzjonali u unilaterali. Hemm involuti viżjonijiet u aġendi dwar l-ordni globali li qegħdin f’kompetizzjoni, li jikkontestaw ir-regoli u l-organizzazzjonijiet multilaterali stabbiliti. Madankollu l-isfidi globali li qed jikbru jeħtieġu dejjem aktar governanza multilaterali u kooperazzjoni internazzjonali bbażata fuq ir-regoli.

Dawn ir-rivalitajiet ġeopolitiċi attwali għandhom impatt negattiv fuq l-isforzi li jippromwovu l-paċi u li jipprevjenu l-kunflitti: dawn ixekklu r-rispons umanitarju, idgħajfu l-fiduċja u jikkumplikaw il-provvista tal-beni pubbliċi globali. Il-prinċipji bażiċi tad-dritt internazzjonali, id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u s-saltna tad-dritt qed jiġu kkontestati. L-istituzzjonijiet eżistenti li jħarsu dawn il-valuri jiġu ta’ spiss evitati jew użati ħażin għal interessi nazzjonali jew ideoloġiċi ristretti. Atturi mhux statali b’saħħithom, inklużi pjattaformi diġitali u multinazzjonali, saru dawk li jiffurmaw in-normi internazzjonali ’l barra mill-kanali stabbiliti. Iċ-ċittadini qed iħossuhom dejjem aktar maqtugħin mil-livelli kollha ta’ governanza. Ir-riżultat huwa dinja aktar imprevedibbli u b’nuqqas ta’ ugwaljanza.

Madankollu, il-kriżi tal-COVID-19 turi l-ħtieġa għal soluzzjonijiet multilaterali: din it-theddida globali estensiva ħolqot il-momentum tant meħtieġ għal rispons ikkoordinat u globali kontra l-kriżijiet. Matul l-2020, fora u organizzazzjonijiet internazzjonali mexxew ir-rispons globali u taw riżultati tanġibbli, bħall-Aċċeleratur tal-Aċċess għall-Għodod kontra l-COVID-19 (ACT-A, Access to COVID-19 Tools Accelerator) u l-faċilità COVAX tiegħu, jew il-Pjan ta’ Azzjoni tal-G20 kontra l-pandemija 1 .

Min-natura tiegħu stess, il-multilateraliżmu huwa soġġett għal adattament kontinwu. Din hija sistema kumplessa, iżda ġġib magħha benefiċċji tanġibbli għal kulħadd. Kisbiet importanti u dejjiema jinkludu l-istrumenti internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali, l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, il-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima, it-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari, u r-regoli li jirregolaw il-kummerċ u l-investiment internazzjonali. Intlaqgħet b’sodisfazzjon id-Deċiżjoni tal-amministrazzjoni l-ġdida tal-Istati Uniti li terġa’ tingħaqad mal-Ftehim ta’ Pariġi u li tibqa’ fl-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, li b’mod ġenerali se tagħti spinta pożittiva biex jintlaħqu l-objettivi multilaterali ambizzjużi fis-snin li ġejjin.

Din id-dinja multipolari hija sfida kbira u urġenti li l-UE tista’ tiffaċċja b’suċċess abbażi ta’ żewġ kundizzjonijiet. L-UE jenħtieġ li ssir aktar assertiva fid-dawl tan-natura aktar tranżazzjonali tas-sistema globali u tibni u ssaħħaħ il-koalizzjonijiet ta’ sħab tal-istess fehma dwar il-prijoritajiet ewlenin. Il-multilateraliżmu kien u se jibqa’ l-prinċipju kardinali tal-UE bħala l-aktar mezz effettiv biex jiġu rregolati r-relazzjonijiet globali b’mod li jwassal għall-benefiċċju reċiproku. Iżda ma nistgħux nappoġġaw il-multilateraliżmu waħidna, u lanqas ma għandu jkun għan fih innifsu għalina. Il-multilateraliżmu jrid ikun effettiv, ġust u jagħti riżultati li jservu kemm l-interessi u l-valuri tal-UE kif ukoll dawk globali. Dan ifisser li l-UE trid tkun soda fil-prinċipji tagħha, u aġli fl-imġiba tagħha.

Din il-Komunikazzjoni Konġunta għalhekk:

·tiddefinixxi b’mod aktar ċar dak li l-UE trid għas-sistema multilaterali, u dak li trid li jseħħ permezz tagħha,

·tiddeskrivi kif l-UE tista’ tilħaq l-għanijiet tagħha billi ssaħħaħ is-sistema u l-kapaċità tagħha li tagħti riżultati, u

·turi dak li l-UE tista’ tagħmel biex tisfrutta s-setgħa tagħha b’mod aktar effettiv.

Dak li trid l-UE: L-UE trid tippromwovi l-paċi u s-sigurtà dinjija u tiddefendi d-drittijiet fundamentali, il-valuri universali u d-dritt internazzjonali li jiffurmaw is-sisien tar-relazzjonijiet ta’ kooperazzjoni bejn il-pajjiżi u l-popli. Hija se tibqa’ fuq quddiem nett biex tirreaġixxi għall-kriżijiet tal-klima u tal-bijodiversità eżistenti li jheddu l-umanità, u dan ukoll se jiggwida l-approċċ tagħha lejn is-sistema multilaterali. L-UE biħsiebha tippromwovi soluzzjonijiet kooperattivi biex “nibnu mill-ġdid aħjar” – filwaqt li ssaħħaħ l-irkupru globali, tindirizza l-inugwaljanzi, tippromwovi l-iżvilupp sostenibbli u s-saħħa pubblika, it-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi inkluża t-tranżizzjoni lejn l-enerġija nadifa, filwaqt li tiddefendi d-drittijiet tal-bniedem u s-saltna tad-dritt. Dawn l-isforzi jimxu id f’id ma’ approċċ ibbażat aktar fuq l-interessi. 

Kif l-UE tista’ tikseb dan: l-ordni multilaterali jenħtieġ li jingħata spinta ġdida biex ikun adattat għall-iskop tiegħu biex ikun jista’ jlaħħaq mal-isfidi globali u mal-ġeopolitika tas-seklu 21. Biex jibqa’ leġittimu, irid iwieġeb għat-talbiet dejjem jikbru taċ-ċittadini f’termini ta’ trasparenza, kwalità, inklużività u twettiq. L-UE u l-Istati Membri tagħha jappoġġaw, u se jibqgħu jappoġġaw b’mod sod l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli li fil-qalba tiegħu jkollu n-NU. Madankollu, id-dinja m’għadhiex tixbah dak li kienet meta twaqqfu n-NU 75 sena ilu. Il-proċess mibdi fis-Summit “UN at 75 (in-NU f’għeluq il-75 sena)” f’Settembru 2020 2 jipprovdi opportunità biex il-multilateraliżmu jerġa’ jingħata ħajja ġdida sabiex dan jagħti riżultati aktar effettivi u inklużivi. L-UE għandha timpenja ruħha b’mod attiv u tappoġġa l-proċess ta’ riflessjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-NU f’dan ir-rigward (“l-Aġenda Komuni Tagħna”). L-UE għandha tippromwovi wkoll il-modernizzazzjoni ambizzjuża tal-istituzzjonijiet ewlenin bħad-WTO u d-WHO u tmexxi l-iżvilupp ta’ normi globali ġodda, standards internazzjonali u oqfsa ta’ kooperazzjoni f’oqsma bħad-dinja diġitali, inklużi l-Intelliġenza Artifiċjali u teknoloġiji ġodda oħra.

X’tista’ tagħmel l-UE: L-UE trid tiżviluppa approċċ aktar strett u strateġiku għall-impenn multilaterali tagħha, u tikkontribwixxi għal riforma effettiva fl-istituzzjonijiet multilaterali. Dan jenħtieġ mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni aktar effiċjenti bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha dwar il-prijoritajiet konġunti, u rieda akbar biex is-saħħa kollettiva tal-UE tiġi sfruttata biex il-valuri u l-prijoritajiet tagħha jiġu pprojettati barra mill-pajjiż. L-UE se tisfrutta b’mod aktar effettiv is-setgħa regolatorja kif ukoll is-suq uniku tagħha, u l-ekonomija soċjali tas-suq, il-pożizzjoni tagħha bħala l-ewwel superpotenza kummerċjali fid-dinja u r-rilevanza tal-Euro 3 . L-UE se żżid it-tmexxija tagħha u tagħmel użu aħjar mill-kapaċità tagħha li taġixxi bħala organizzatur, intermedjarju imparzjali u medjatur. Il-qawwiet demokratiċi u regolatorji tal-UE huma assi li jgħinu fil-bini ta’ dinja aħjar, filwaqt li l-kredibbiltà tagħha bħala attur tal-paċi u l-istrutturi tas-sigurtà u tad-difiża tagħha jistgħu jgħinu biex jappoġġaw l-isforzi multilaterali biex tinżamm, tiġi sostnuta u tinbena l-paċi.

Impenn globali b’suċċess ifisser ukoll li l-UE trid tapprofondixxi sħubijiet u alleanzi ma’ pajjiżi terzi, organizzazzjonijiet multilaterali u reġjonali, kif ukoll sħab oħra, speċjalment dawk li magħhom naqsmu valuri u prijoritajiet demokratiċi. Madankollu l-UE se tfittex ukoll bażi komuni fir-rigward tal-oħrajn, u se tieħu kull każ għalih – mhux l-inqas dwar il-beni pubbliċi globali.

Iż-żieda fil-kapaċità tal-UE li tkun attur globali, tfisser ukoll li tiġi żgurata koerenza bejn l-azzjonijiet esterni tal-UE u l-politiki interni tagħha. Huwa essenzjali li l-UE titkellem b’vuċi magħquda u koerenti fil-fora globali biex issaħħaħ ir-rwol u l-influwenza tagħha kemm jista’ jkun. L-UE trid tkun “magħquda fl-azzjonijiet tagħha” biex tkun “magħquda fis-suċċess”.

II.Sistema multilaterali li hija “adattata għall-iskop tagħha” 

L-interessi strateġiċi tal-UE fis-sistema multilaterali huma tnejn. Minn naħa waħda, għandha ssaħħaħ il-prijoritajiet li trid issegwi fi ħdan is-sistema multilaterali. Min-naħa l-oħra, sistema multilaterali li tiffunzjona tajjeb fiha nfisha hija ta’ interess strateġiku għall-UE.

1.    Aġenda multilaterali tal-UE ffukata (“dak li trid l-UE”)

L-UE trid tiddefinixxi prijoritajiet u objettivi strateġiċi aktar ċari għall-azzjoni multilaterali tagħha. Dan huwa perfettament kompatibbli ma’ pożizzjoni multilaterali, peress li l-prinċipji li fuqhom hija bbażata l-Unjoni Ewropea huma l-istess bħal dawk tan-Nazzjonijiet Uniti. L-UE tappoġġa bil-qawwa s-saltna tad-dritt internazzjonali u l-aġendi universali, kif stabbiliti fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti u lil hinn minnhom, bħad-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-Aġenda tal-2030 u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tagħha, il-qafas globali tal-bijodiversità u l-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima. Dawn ikomplu jiggwidaw l-azzjonijiet tal-UE, kemm domestikament kif ukoll esternament.

(I)Nagħmlu d-dinja aktar sikura

F’dinja fejn qed jiżdiedu t-tensjonijiet ġeopolitiċi, il-kunflitti u t-theddid għall-istabbiltà internazzjonali u reġjonali, l-UE għandha interess profond li ssaħħaħ l-isforzi tagħha biex tipprevjeni l-kunflitti, tippromwovi l-paċi u s-sigurtà, tħares il-valuri fundamentali u ssaħħaħ il-kapaċità tagħha li taġixxi, flimkien ma’ sħab oħra. L-UE tiddependi ħafna fuq l-istabbiltà globali u l-governanza tajba, l-iżvilupp sostenibbli, il-flussi kummerċjali u l-ktajjen tal-provvista mingħajr xkiel, kif ukoll il-fluss liberu ta’ ideat u għarfien.

Bl-influwenza politika tagħha, il-politiki u l-istrumenti finanzjarji tagħha, inkluż fil-qafas tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni, l-UE tikkontribwixxi għaż-żamma tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali f’konformità mal-Karta tan-NU. F’konformità mal-isforzi tan-NU, l-UE ssegwi approċċ integrat għall-kunflitti u l-kriżijiet, mill-prevenzjoni tal-kunflitti sal-immaniġġjar tal-kriżijiet u l-konsolidazzjoni tal-paċi 4 .

L-UE tikkoopera wkoll mill-qrib man-NU u sħab oħra biex tindirizza t-terroriżmu globali 5 , l-estremiżmu vjolenti, il-kriminalità organizzata tranżnazzjonali u ċ-ċiberkriminalità 6 , il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. F’dan il-kuntest l-UE għandha għalhekk tuża l-għodod rilevanti kollha tagħha identifikati fl-Istrateġija tal-UE dwar l-Unjoni tas-Sigurtà.

Sabiex jinżammu l-paċi u l-istabbiltà kif ukoll l-ordni multilaterali fir-reġjun, l-UE għandha ssaħħaħ aktar is-sħubijiet tagħha mal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, il-Kunsill tal-Ewropa u l-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NATO, North Atlantic Treaty Organization), kif ukoll organizzazzjonijiet reġjonali oħra bħall-Unjoni Afrikana (UA), il-Komunità tal-Istati tal-Amerika Latina u tal-Karibew (CELAC) u l-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN, Association of South East Asian Nations).

Fl-istess ħin, l-UE għandha tkun forza mexxejja wara l-azzjonijiet tan-NU li jirreaġixxu għall-kunflitti li jikkawżaw ħsara lill-popolazzjoni ċivili u jheddu s-sigurtà u l-istabbiltà globali. Meta tiddefinixxi l-ġabra li jmiss ta’ prijoritajiet tal-UE-NU dwar l-operazzjonijiet ta’ paċi u l-ġestjoni tal-kriżijiet għall-2022-2024, l-UE se tiffoka primarjament fuq il-ħtieġa li jiġu indirizzati l-konsegwenzi tal-kuntest globali li qed jinbidel filwaqt li ssaħħaħ il-kooperazzjoni marbuta mat-theddidiet tat-tibdil fil-klima u tad-degradazzjoni ambjentali.

Huwa fundamentali għall-membri kollha tal-komunità internazzjonali li jiddefendu u jtejbu l-implimentazzjoni tan-normi internazzjonali dwar il-kontroll tal-armi, id-diżarm, u n-nonproliferazzjoni, filwaqt li jiżguraw li jżommu l-pass mal-iżviluppi teknoloġiċi l-ġodda. Għal dan l-għan, l-UE se jkollha rwol attiv fid-difiża tal-interessi tas-sigurtà tagħha li huma bbażati fuq arranġamenti multilaterali. Hija se tikkonsolida l-kisbiet tal-Pjan ta’ Azzjoni Komprensiv Konġunt mal-Iran bħala l-pilastru ewlieni tal-arkitettura globali tan-nonproliferazzjoni 7 .

L-UE hija alleat naturali tan-NU u tal-organizzazzjonijiet reġjonali (pereż. il-Kunsill tal-Ewropa, l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa) fl-appoġġ tad-demokrazija u fil-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tal-libertajiet fundamentali 8 u r-rispett għad-dinjità tal-bniedem inklużi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri 9 , id-drittijiet tat-tfal 10 u d-drittijiet tal-LGBTIQ 11 . L-UE se tiddefendi u tippromwovi dawn il-prinċipji, u toħodha kontra t-tentattivi biex dawn jitkissru. Hija se topponi kwalunkwe tentattiv ta’ rigress rigward il-prinċipju li d-drittijiet tal-bniedem kollha huma universali, indiviżibbli, interdipendenti u interrelatati. L-UE se tingħaqad ma’ dawk kollha li jappoġġaw id-demokrazija, l-aċċess għall-ġustizzja u istituzzjonijiet responsabbli u inklużivi.

Il-politika u l-azzjoni umanitarja tal-UE huma bbażati fuq ir-rwol ċentrali ta’ koordinazzjoni tan-NU fl-emerġenzi. Ir-rabta bejn il-qasam umanitarju, l-iżvilupp u l-paċi hija kunċett importanti għall-UE, f’konformità mar-rwol tagħha ta’ donatur ewlieni tal-għajnuna għall-iżvilupp u umanitarja kif ukoll bħala dik li tfassal il-politika 12 . L-UE se tibqa’ d-difensur li jsemma’ leħnu favur il-Dritt Umanitarju Internazzjonali, li jagħti aċċess mingħajr xkiel lill-persuni fil-bżonn u li jagħti għajnuna umanitarja abbażi ta’ prinċipji.

(II)Nibnu mill-ġdid aħjar

Il-pandemija tal-COVID-19 turi kemm huma interkonnessi l-isfidi globali. Is-sistema tas-saħħa globali hija biss b’saħħitha daqs l-aktar ħolqa dgħajfa tagħha. L-indirizzar tal-faqar globali, l-inugwaljanza, it-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali huma parti integrali biex fil-futur jiġu evitati l-pandemiji u biex tiġi żgurata tħejjija aħjar.

Hekk kif id-dinja qed toħroġ minn din il-kriżi, l-UE tenfasizza l-ħtieġa li nibnu mill-ġdid aħjar, u konsistentement tippromwovi soluzzjonijiet multilaterali li jiffukaw fuq il-bini ta’ sistemi sostenibbli u reżiljenti – relatati mas-saħħa, is-servizzi tat-trasport jew il-ktajjen tal-provvista globali, l-aċċess għal edukazzjoni ta’ kwalità affordabbli – filwaqt li tipprovdi wkoll oqfsa għall-investiment ekoloġiku u diġitali u tiżgura finanzjament għall-iżvilupp sostenibbli fit-tul. L-indirizzar tal-faqar globali, l-inugwaljanza u l-appoġġ għall-iżvilupp tal-bniedem huma wkoll parti integrali biex tiġi żgurata reżiljenza aħjar għal kriżijiet futuri ta’ kwalunkwe tip.

B’reazzjoni għall-pandemija, l-UE mexxiet l-isforzi ta’ solidarjetà u kooperazzjoni internazzjonali billi laqqgħet lill-mexxejja dinjija u lis-soċjetà ċivili għal konferenza tad-donaturi, biex tingħata spinta lill-finanzjament għar-riċerka kif ukoll għall-aċċess ġust u ekwu għall-vaċċini, l-għodod dijanjostiċi u terapewtiċi kontra l-COVID-19. L-UE qed taħdem mill-qrib mal-Aċċeleratur ACT u l-faċilità COVAX biex tiżgura li l-iżvilupp, il-produzzjoni u t-twassil ekwu ta’ vaċċini sikuri kontra l-COVID-19 jiżdiedu mad-dinja kollha u se tgħin lis-sħab tagħha permezz tal-programmi ta’ assistenza tagħha għall-iżvilupp. Ir-riforma u t-tisħiħ tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u r-rwol tagħha fil-koordinazzjoni tal-azzjoni tas-saħħa dinjija, kif ukoll l-implimentazzjoni tal-approċċ “Saħħa Waħda” 13 huma kruċjali f’dan ir-rigward.

Il-kriżi ekonomika gravi kkawżata mill-pandemija qed taffettwa l-progress li sar biex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs, Sustainable Development Goals). L-irkupru globali jrid ikun ekoloġiku, diġitali, inklużiv, ġust u sostenibbli. Għandu jkun immirat lejn l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi, u l-preservazzjoni tal-bijodiversità, l-ambjent naturali u r-riżorsi tagħha, kif ukoll lejn il-ġlieda kontra t-tniġġis. Huwa għalhekk li l-Kummissjoni pproponiet l-Inizjattiva ta’ Rkupru Globali li torbot l-investiment u s-serħan mid-dejn mal-Aġenda 2030, biex tiżgura perkors verament trasformattiv għal wara l-COVID-19. L-UE diġà qed taħdem fuq azzjonijiet multilaterali biex tippromwovi l-finanzjament sostenibbli, kif ukoll is-serħan mid-dejn f’konformità mal-inizjattivi eżistenti, inkluża l-Inizjattiva dwar is-Sospensjoni tas-Servizz tad-Dejn (DSSI, Debt Service Suspension Initiative) tal-G20/tal-Klabb ta’ Pariġi u l-Qafas Komuni l-ġdid għat-Trattament tad-Dejn.

L-irkupru ekonomiku jmur id f’id ukoll mal-ġustizzja soċjali, il-protezzjoni soċjali u x-xogħol diċenti. L-istandards internazzjonali tax-xogħol stabbiliti mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol jipprovdu sisien affidabbli għall-irkupru inklużiv, iżda jista’ jsir aktar biex tiġi promossa r-ratifika ta’ konvenzjonijiet importanti tal-ILO 14 fid-dinja. Ekonomija dinjija li tiffunzjona tajjeb teħtieġ ukoll regoli multilaterali, adattati għar-realtajiet tas-seklu 21 li jippermettu kummerċ miftuħ, ġust u bbażat fuq ir-regoli, u li jiżguraw kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għall-atturi ekonomiċi kollha. Iż-żamma tas-swieq miftuħa, l-evitar ta’ eskalazzjoni ta’ kunflitti kummerċjali u l-immodernizzar tar-regoli kummerċjali huma kruċjali għal irkupru ġust u sostenibbli.

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew, li huwa l-istrateġija tal-UE għat-tkabbir, jistabbilixxi mudell għal tkabbir sostenibbli u għal irkupru globali ekoloġiku li ma jħalli lil ħadd lura. L-UE se tkompli tħeġġeġ ukoll lill-oħrajn biex iżidu l-ambizzjonijiet klimatiċi tagħhom, biex jilħqu l-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi u ta’ ftehimiet ambjentali oħra bħall-Konvenzjoni dwar il-Bijodiversità, biex sa nofs is-seklu jkollna n-newtralità klimatika u sal-2030 inreġġgħu lura t-telf tal-bijodiversità. Il-konferenzi tan-NU tal-2021 tal-Partijiet dwar il-Bijodiversità (COP15) u dwar it-Tibdil fil-Klima (COP26), u s-Summit tan-NU dwar is-Sistemi tal-Ikel se jkunu kruċjali f’dan ir-rigward.

Barra minn hekk, il-Pjan ta’ Investiment Estern tal-UE 15 u l-Istrument il-ġdid ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI, Neighbourhood, Development and International Cooperation Instrument) 16 jagħtu spinta kbira lill-investiment sostenibbli, it-tkabbir u l-impjiegi fil-pajjiżi sħab tal-UE, bis-settur privat involut bis-sħiħ. Id-diġitalizzazzjoni hija faċilitatur essenzjali ieħor tal-iżvilupp sostenibbli u qasam ta’ kompetizzjoni strateġika, iżda hija wkoll qasam ta’ governanza multilaterali inadegwata. Hekk kif tniedi d-“Deċennju Diġitali” tagħha, l-UE se tagħti prijorità lit-trasformazzjoni diġitali fil-kooperazzjoni u s-sħubijiet internazzjonali tagħha. Għalhekk, l-UE se tkompli tinsisti fuq standards globali u approċċi regolatorji aktar ambizzjużi fl-ekonomija diġitali (ara wkoll il-p. 8). F’dan ir-rigward, l-UE tmexxi l-isforzi globali fil-konsolidazzjoni ta’ liġijiet adatti għall-iskop għas-servizzi diġitali kollha.

Fl-aħħar nett, politika komprensiva u ġestita tajjeb dwar il-migrazzjoni hija essenzjali biex ikollna dinja aktar ġusta, u biex tikkontribwixxi għat-tkabbir, l-innovazzjoni u d-dinamiżmu soċjali. Il-“Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil” 17 tal-Kummissjoni jipprovdi bażi msaħħa għal rispons sostenibbli u fit-tul f’termini ta’ ġestjoni tal-migrazzjoni u l-ażil, kompletament imsejjes fuq il-valuri Ewropej u d-dritt internazzjonali u mwettaq permezz ta’ sħubiji msaħħa u ta’ benefiċċju reċiproku ma’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali. Dan se jsir b’mod komprensiv waqt li jitqiesu l-interessi tal-UE u tal-pajjiżi sħab. Bħala l-mexxejja globali f’dak li jirrigwarda r-risistemazzjoni ta’ persuni fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali, l-UE se tkompli wkoll timpenja ruħha man-NU u l-pajjiżi sħab biex iżżid l-isforzi globali f’dan ir-rigward.

2.    Sistema multilaterali msaħħa (“kif l-UE tista’ tikseb dan”)

Sistema multilaterali li taħdem tajjeb hija interess strateġiku fih innifsu għall-UE. L-organizzazzjonijiet multilaterali jridu jibqgħu effettivi fit-twassil ta’ beni pubbliċi globali. L-UE għandha tkompli tappoġġa r-riformi meħtieġa u l-modernizzazzjoni tal-istituzzjonijiet multilaterali. F’Ġunju 2019 il-Kunsill adotta Konklużjonijiet li jistabbilixxu approċċ strateġiku biex jgħin fit-tisħiħ tal-multilateraliżmu bbażat fuq ir-regoli u l-istituzzjonijiet tiegħu: iż-żamma ta ’dak li jiffunzjona, ir-riforma ta’ dak li għandu bżonn jinbidel u t-tifrix tal-governanza globali lejn oqsma ġodda.

L-UE se taħdem biex tiżgura multilateraliżmu verament inklużiv, fejn jgħoddu l-vuċijiet tas-soċjetà ċivili, is-settur privat, is-sħab soċjali u l-partijiet ikkonċernati ewlenin kollha. Din hija parti kruċjali biex tiġi żgurata r-rilevanza tas-sistema multilaterali u biex tiġi ppreservata l-leġittimità tagħha.

Iż-żamma ta’ normi u ftehimiet internazzjonali

L-UE se tappoġġa l-implimentazzjoni tal-oqfsa internazzjonali ewlenin kollha li huma allinjati mal-prijoritajiet tagħha jew li tkun parti għalihom.

L-UE għandha interess qawwi li tiżgura li l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jkun jista’ jwettaq ir-rwol tiegħu quddiem tensjonijiet ġeopolitiċi u rivalitajiet li qed jiżdiedu li jipparalizzaw il-ħidma tiegħu u li ma jħalluhx iwettaq ir-responsabbiltajiet tiegħu. L-UE tirrikonoxxi l-importanza tal-isforzi attivi u konsistenti ta’ sensibilizzazzjoni fir-rigward tal-membri tal-Kunsill tas-Sigurtà. Filwaqt li tiżgura konformità sħiħa mal-prinċipji rilevanti kollha tad-dritt internazzjonali, l-UE se tħares u timplimenta miżuri restrittivi (sanzjonijiet) adottati mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, u tkompli timponi s-sanzjonijiet awtonomi tagħha, kull meta jkun meħtieġ, u se tkompli tagħti rendikont regolari lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-kooperazzjoni wiesgħa bejn l-UE u n-NU dwar il-paċi u s-sigurtà internazzjonali. L-UE se taħdem ukoll biex issaħħaħ ir-rwol konsultattiv tal-Kummissjoni tan-NU għall-Konsolidazzjoni tal-Paċi kif ukoll id-djalogu tagħha stess ma’ dan il-korp.

L-UE se tirsisti biex tiżgura li l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU jaġixxi b’mod aktar effiċjenti, jindirizza d-drittijiet tematiċi rilevanti u s-sitwazzjonijiet tal-pajjiżi b’mod effettiv u kredibbli, u jiżgura sinerġiji ma’ fora multilaterali oħra dwar id-drittijiet tal-bniedem. Biex tissalvagwardja l-integrità u l-indipendenza tal-mekkaniżmi tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU, l-UE se tinkoraġġixxi skrutinju pubbliku akbar tar-responsabbiltajiet ta’ sħubija fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem kif ukoll konferenzi mandatorji tad-donaturi fl-Assemblea Ġenerali tan-NU fost il-kandidati għall-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem.

L-UE se tkompli tappoġġa l-korpi ġudizzjarji, ta’ arbitraġġ u ta’ eżekuzzjoni internazzjonali li jirfdu l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli – b’mod partikolari l-Qorti Kriminali Internazzjonali, l-arkitettura tal-osservanza tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem – kemm fir-rigward tal-ġuriżdizzjoni tagħhom kif ukoll tal-effettività tagħhom 18 . 

L-UE topponi bil-qawwa kwalunkwe tentattiv li jimmina d-dritt internazzjonali – speċjalment fir-rigward tal-valuri universali li huma l-bażi tan-Nazzjonijiet Uniti u tad-Dritt Umanitarju Internazzjonali – jew kwalunkwe tentattiv biex jinħolqu istituzzjonijiet paralleli jew biex jintużaw l-istituzzjonijiet eżistenti għal interessi nazzjonali jew ideoloġiċi li jmorru kontra l-ġid komuni. L-UE tappella lill-Istati kollha biex iħallsu l-kontribuzzjonijiet dovuti tagħhom lill-organizzazzjonijiet internazzjonali b’mod sħiħ u fil-ħin. L-organizzazzjonijiet li huma essenzjali għad-difiża tad-dritt u tal-impenji internazzjonali jridu jkunu ffinanzjati b’mod xieraq.

Ir-riforma tal-organizzazzjonijiet multilaterali biex ikunu adattati għall-iskop tagħhom.

Fil-kuntest attwali, l-effikaċja u l-koerenza tas-sistema multilaterali huma essenzjali biex din tkun ġestita b’mod sod u ffinanzjata b’mod sostenibbli, u biex il-valuri universali u d-dritt internazzjonali jkunu protetti.

Is-segwitu tal-75 anniversarju tan-NU, inkluża l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni ta’ din il-kommemorazzjoni, jirrappreżenta mument uniku biex jiġi żgurat li jkun hemm tiġdid ġenwin. L-UE tistenna bil-ħerqa li tikkomunika mas-Segretarju Ġenerali tan-NU Guterres bħala parti minn proċess ta’ konsultazzjoni wiesa’ u inklużiv li jwassal għall-preżentazzjoni tar-rapport tiegħu f’Settembru 2021. L-inizjattiva msaħħa tan-Nazzjonijiet Uniti “naġixxu magħqudin f’daqqa” jenħtieġ li tmexxi ’l quddiem b’mod effiċjenti l-paċi u s-sigurtà, id-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp sostenibbli, biex tiġi implimentata l-Aġenda tal-2030 u biex b’mod effettiv jiġu appoġġati u jinżammu taħt monitoraġġ l-implimentazzjoni tal-ftehimiet internazzjonali. L-UE se tistruttura l-involviment tagħha biex tgħin lill-aġenziji, il-fondi u l-programmi tan-NU jaħdmu f’din id-direzzjoni, inkluż permezz ta’ azzjoni aktar koerenti internament, u ma’ atturi oħra li jagħtu għajnuna u organizzazzjonijiet mhux governattivi, kif ukoll ma’ Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali.

L-UE tappoġġa l-proċess ta’ riforma mibdi mis-Segretarju Ġenerali tan-NU biex in-NU jsiru “adattati għall-iskop tagħhom” 19 . L-UE kienet strumentali biex tiżgura l-adozzjoni tar-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali li ppermettew li jsir progress fit-tliet oqsma tar-riforma – il-ġestjoni, l-arkitettura tal-paċi u s-sigurtà, u s-sistema ta’ żvilupp. Sistema tan-NU aktar responsabbli, trasparenti u effiċjenti tkun fl-interess ta’ kulħadd. Għalhekk l-UE tinsab lesta li tagħti l-appoġġ tagħha biex jiġu indirizzati l-isfidi li fadal kif ukoll l-implimentazzjoni u l-impatt fil-post, inkluż permezz tal-Koordinaturi Residenti tan-NU. Ir-rivitalizzazzjoni tal-Assemblea Ġenerali, kif ukoll ir-riforma komprensiva tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, se jkunu essenzjali biex jiġi żgurat li n-NU jkunu jistgħu verament iwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom fis-seklu 21 skont il-Karta tagħhom.

Il-modernizzazzjoni u r-riformi huma kruċjali wkoll f’aġenziji speċifiċi tan-NU u f’organizzazzjonijiet internazzjonali. Din hija r-raġuni l-għaliex l-UE qed tmexxi ’l quddiem il-proċess ta’ tisħiħ tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa li huwa bbażat fuq proposta konkreta biex jissaħħew l-istat ta’ tħejjija u l-kapaċità ta’ reazzjoni internazzjonali tagħha fl-emerġenzi tas-saħħa. Irridu niżguraw li d-WHO tingħata mandat aktar b’saħħtu u aktar indipendenti u jkollha r-riżorsi adegwati u sostenibbli biex twettqu. Barra minn hekk, l-UE qed tmexxi l-isforzi biex tirriforma u timmodernizza l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ fil-funzjonijiet 20 kollha tagħha biex tipprovdi stabbiltà, ċertezza u ġustizzja fis-sistema kummerċjali dinjija 21 . Ir-riforma tad-WTO se jkollha rwol importanti fl-iffaċilitar tal-irkupru ekonomiku mill-pandemija, fit-twettiq tal-objettivi fil-qasam tas-sostenibbiltà, u fl-iżvilupp ta’ regoli kummerċjali li huma aktar rilevanti għad-dinja diġitali tal-lum.

L-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali, b’mod partikolari l-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI, International Monetary Fund) u l-Bank Dinji, qed jemendaw l-istruttura ta’ governanza tagħhom biex jirriflettu aħjar l-ekonomija globali tal-lum, qed iżidu l-kwoti u l-azzjonijiet bi dritt tal-vot tal-membri emerġenti u li għadhom f’fażi ta’ żvilupp, u qed jiffukaw ħidmiethom fuq l-isfidi attwali 22 . L-UE tappoġġa dawn l-istituzzjonijiet fil-modernizzazzjoni tagħhom biex it-trasparenza u l-effiċjenza tagħhom jitjiebu. Fl-istess ħin, l-UE għandha tisfrutta l-piż ikkombinat tal-Istati Membri tagħha f’dawn il-fora b’mod aktar effettiv, bil-ħsieb li trawwem il-kontribut tagħhom biex fuq livell dinji nerġgħu nibnu mill-ġdid aħjar, billi titkellem b’vuċi waħda u billi toqrob lejn rappreżentanza esterna aktar koerenti 23 . L-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej, b’mod partikolari l-BEI u l-BERŻ, soġġetti għall-Arkitettura Finanzjarja Ewropea għall-Iżvilupp futura, se jikkooperaw ukoll mill-qrib mal-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali.

L-estensjoni tal-multilateraliżmu għal kwistjonijiet globali ġodda.

L-UE għandha interess li testendi n-normi, l-istandards u l-kooperazzjoni globali internazzjonali f’oqsma ta’ prijorità fejn hemm governanza globali limitata jew ma hemm l-ebda governanza globali, jew fejn hemm bżonn ta’ tisħiħ, oqsma bħal dawn jinkludu d-demokrazija, is-saltna tad-dritt, it-tassazzjoni internazzjonali, il-kooperazzjoni diġitali, il-protezzjoni tal-konsumatur, id-degradazzjoni ambjentali, l-oċeani, il-governanza tar-riżorsi naturali u s-sigurtà u s-sostenibbiltà tal-materja prima kif ukoll it-teknoloġiji ekoloġiċi u l-enerġija rinnovabbli.

Għal dan il-għan, l-UE se tkompli timpenja ruħha f’kooperazzjoni regolatorja attiva, inkluż f’organizzazzjonijiet li jistabbilixxu n-normi internazzjonali, billi tisfrutta s-setgħa finanzjarja u regolatorja tagħha biex tgħin fit-tiswir ta’ normi u standards globali. Eżempji importanti ta ’inizjattivi bħal dawn jinkludu s-Sħubija Globali dwar l-Intelliġenza Artifiċjali (GPAI, Global Partnership on Artificial Intelligence) 24 , il-Kumitat Ad Hoc tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-IA (CAHAI, Council of Europe’s Ad hoc Committee on AI), il-Pjattaforma Internazzjonali dwar il-Finanzi Sostenibbli 25 , il-Prinċipji dwar it-trasport ta’ livell għoli bħala rispons għall-COVID-19 adottati mill-G7 fl-2020, il-Koalizzjoni ta’ Ambizzjoni Għolja dwar il-Bijodiversità, il-Koalizzjoni Globali għal Trattat dwar l-Ibħra Internazzjonali 26 ul-Alleanzi Globali għall-Ekonomija Ċirkolari u l-Użu Effiċjenti tar-Riżorsi.

L-implikazzjonijiet ta’ teknoloġiji diġitali ġodda, inkluża l-intelliġenza artifiċjali, jenħtieġ li jiġu indirizzati globalment f’konformità sħiħa ma’ trasformazzjoni diġitali inklużiva u ċċentrata fuq il-bniedem, mad-drittijiet tal-bniedem u mas-saltna tad-dritt, permezz ta’ standards u regoli globali aktar ambizzjużi. Ir-regoli moderni dwar il-privatezza fis-seħħ fl-UE u l-Att dwar is-Servizzi Diġitali u l-Att dwar is-Swieq Diġitali li ġew proposti dan l-aħħar għandhom l-għan li joħolqu ambjent online sikur għaċ-ċittadini, u li jrawmu l-innovazzjoni, it-tkabbir u l-kompetittività fis-suq uniku. L-azzjoni tal-UE f’fora multilaterali trid issib bilanċ delikat bejn li ssegwi l-ħtieġa ta’ sovranità teknoloġika filwaqt li żżomm it-trasparenza tal-internet u tirrispetta d-drittijiet fundamentali. Għal dan il-għan hija trid timpenja ruħha mas-sħab internazzjonali kollha fir-rigward tal-isfidi kontinwi għall-governanza diġitali. Dan jinkludi t-tassazzjoni diġitali, il-protezzjoni tad-data u l-privatezza, l-indirizzar tad-diżinformazzjoni, il-kontenut online illegali, il-5G, il-governanza tal-internet, iċ-ċibersigurtà, il-finanzi diġitali inklużi l-pagamenti u l-kriptovaluti, u l-gvern elettroniku fejn ir-regoli attwali mhumiex biżżejjed.

Għal dan l-għan l-UE se tippromwovi l-politika u l-approċċi regolatorji tagħha, inklużi l-protezzjoni tad-data personali, il-fluss liberu tad-data fi klima ta’ fiduċja, in-newtralità tal-internet u l-promozzjoni ta’ prinċipji etiċi fil-kuntest ta’ intelliġenza artifiċjali affidabbli u ċċentrata fuq il-bniedem 27 . L-UE se taħdem ukoll f’fora multilaterali biex tiġġieled l-abbużi bħall-aċċess sproporzjonat tal-gvernijiet għad-data personali 28 . Fl-aħħar nett, l-UE se tikkontribwixxi biex jinstabu soluzzjonijiet komuni f’fora eżistenti, bħal kif inhu l-każ fix-xogħol li għaddej fil-G20 u fl-OECD, fir-rigward ta’ soluzzjoni globali bbażata fuq il-kunsens biex tiġi indirizzata t-tassazzjoni tal-ekonomija diġitali.

L-aċċess għall-ispazju extratmosferiku u l-użu tiegħu għandu bl-istess mod jissawwar skont regoli jew standards internazzjonali u skont sistema ta’ governanza maħsuba li tiggarantixxi l-użu tal-ispazju fuq terminu twil, sostenibbli, responsabbli u paċifiku.

Azzjonijiet:

×Ikun hemm involviment b’mod attiv fil-proċess ta’ riflessjoni għas-segwitu tan-NU75 bħala appoġġ għall-isforzi biex il-multilateraliżmu effettiv u inklużiv jingħata ħajja mill-ġdid, u ħadd ma jitħalla barra.

×Appoġġ għall-proċess ta’ riforma tas-Segretarju Ġenerali tan-NU, inkluż approċċ “NU bħala entità waħda” fil-livell tal-pajjiżi, billi b’mod prijoritarju ssir ħidma permezz tal-Koordinaturi Residenti u t-Timijiet tal-Pajjiżi tan-NU.

×Appoġġ għall-Inizjattiva tal-Azzjoni dwar iż-Żamma ta’ Paċi tas-Segretarju Ġenerali tan-NU billi tiġi aġġornata s-sħubija bejn l-UE u n-NU dwar il-ġestjoni tal-kriżijiet u l-operazzjonijiet ta’ paċi u jiġu mistħarrġa opportunitajiet għal sħubijiet ġodda, inkluża l-kooperazzjoni bejn l-UE, in-NU u l-Unjoni Afrikana.

×Jingħata appoġġ għall-appell tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għal waqfien mill-ġlied dinji billi l-kunċett il-ġdid tal-medjazzjoni tal-UE jitmexxa ’l quddiem bħala appoġġ tar-risponsi multilaterali għas-sitwazzjonijiet ta’ kriżi emerġenti jew li hemm bħalissa.

×Jittieħed it-tmun tar-riformi tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ u jingħata appoġġ għalihom.

×Jittieħed it-tmun tal-isforzi biex jiżdiedu l-ambizzjonijiet fuq livell internazzjonali fid-dawl tal-Konferenzi tal-Partijiet tan-NU għall-2021 dwar il-Bijodiversità (COP15) u dwar it-Tibdil fil-Klima (COP26).

×Jitwaqqaf Djalogu Strateġiku annwali mal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-politika tad-drittijiet tal-bniedem u l-kooperazzjoni fil-qasam.

×Tiġi konkluża l-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem u għal-Libertajiet Fundamentali.

×Tiġi rinfurzata l-promozzjoni u l-azzjoni tal-UE f’dak li huwa appoġġ għall-konformità mad-Dritt Umanitarju Internazzjonali u l-prinċipji umanitarji.

×Jiġi allinjat l-appoġġ tal-UE mal-implimentazzjoni tar-riformi li jippromovu l-mentalità miftuħa, it-trasparenza, l-obbligu ta’ rendikont, l-effiċjenza u l-effettività fl-istituzzjonijiet multilaterali kollha, inklużi kostijiet ġenerali razzjonalizzati, standards koordinati, approċċi kollaborattivi, governanza tajba u trasparenza fis-sistema, viżibilità xierqa tal-UE, kif ukoll metodi ta’ finanzjament innovattivi u simplifikati.

×Jittieħed rwol aktar attiv fl-istandardizzazzjoni teknika internazzjonali u jingħata kontribut għall-iżvilupp ta’ normalitajiet ġodda f’oqsma li mhumiex regolati biżżejjed, fost l-oħrajn billi jiġi appoġġat l-iżvilupp ta’ oqfsa normattivi għat-teknoloġiji tal-Intelligenza Artifiċjali ċċentrata fuq il-bniedem u affidabbli.

×Jingħata appoġġ għall-iżvilupp tal-oqfsa normattivi għat-teknoloġiji ta’ armi ġodda u għal dimensjonijiet ġodda ta’ gwerra bħaċ-ċibernetika u l-ispazju extratmosferiku.

III.Ewropa Aktar b’Saħħitha fi sħab mas-sistema multilaterali (“dak li l-UE tista’ tagħmel”)

L-objettiv strateġiku tal-UE fil-futur se jkun li tisfrutta aħjar ir-rwol u l-kontributi tagħha għas-sistema multilaterali biex tfittex li tikseb l-interessi tagħha u tiddefendi l-valuri tagħha b’mod aktar effettiv.

L-UE u l-Istati Membri tagħha huma parteċipanti u kontributuri ewlenin għas-sistema multilaterali. Madwar kwart tal-baġits tan-NU kemm regolari kif ukoll għaż-żamma tal-paċi jiġi mill-Istati Membri tal-UE, u dan jgħodd ukoll għal ’il fuq minn 30 % tal-finanzjament (prinċipali u volontarju) tal-attivitajiet kollha ta’ żvilupp, kostruzzjoni tal-paċi u umanitarji 29 . Fil-Fond Monetarju Internazzjonali, l-Istati Membri tal-UE għandhom 26 % tad-dritt tal-vot fil-Bord Eżekuttiv u li fuq dan jissejjes terz tar-riżorsi tal-FMI. ’Il fuq minn 25 % tal-kapital ta’ diversi fergħat tal-Bank Dinji u ’l fuq minn 30 % tal-kontribuzzjonijiet għall-Fondi Fiduċjarji jiġu mill-UE u mill-Istati Membri tagħha.

(I)It-tisħiħ tal-koerenza u l-koordinazzjoni tal-UE

Flimkien, l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom influwenza qawwija fis-sistema multilaterali kull fejn jużaw b’mod effettiv il-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni, ir-rappreżentanza u l-kapaċità ta’ finanzjament bħala blokk ta’ 27, b’sostenn għall-objettivi politiċi, il-valuri u r-rwol tal-UE bħala entità li tistabbilixxi l-istandards internazzjonali. Madankollu dan mhuwiex il-każ b’mod ġenerali, li jwassal biex f’xi okkażjonijiet l-UE b’mod kollettiv tagħmel inqas milli tiflaħ tagħmel.

Sabiex dik l-influwenza kollettiva tiġi mmassimizzata, l-UE għandha ssaħħaħ ulterjorment il-koerenza, l-unità u s-solidarjetà tagħha fil-fora multilaterali 30 . L-UE u l-Istati Membri tagħha jridu jikkoordinaw il-pożizzjonijiet, l-azzjonijiet u t-twassil ta’ messaġġi tagħhom, u jaġixxu bħala entità waħda, f’konformità mat-Trattati.

Għal dan l-għan, l-UE u l-Istati Membri tagħha jridu jtejbu l-kondiviżjoni tal-informazzjoni, il-konsultazzjoni u l-koordinazzjoni, inkluż fil-korpi u l-bordijiet ta’ tmexxija tal-korpi multilaterali li l-Unjoni mhijiex rappreżentata fihom. Pereżempju, l-UE għandha taħdem biex tistabbilixxi l-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni fl-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali (IFI) kollha bl-istess mod ta’ dak li qiegħed jiġri diġà fil-Fond Monetarju Internazzjonali.

Billi l-preżenza tal-Istati Membri tal-UE fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU hija mistennija li tonqos għal tnejn biss fl-2022 (sal-aktar kmieni l-2025), l-iżgurar ta’ kooperazzjoni effettiva tal-UE rigward kwistjonijiet relatati mal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU hija prijorità. Dan għandu jibni fuq it-tisħiħ tal-kooperazzjoni li hemm bħalissa bejn l-Istati Membri tal-UE li huma membri tal-Kunsill tas-Sigurtà, kemm jekk permanenti kif ukoll jekk mhux permanenti, u għandu jipprovdi mezz għall-promozzjoni tal-pożizzjonijiet tal-UE f’dak l-organu.

In-natura ta’ sikwit interdipendenti tal-isferi ekonomiċi, politiċi u ta’ sigurtà tirrikjedi koordinazzjoni aħjar fost il-politiki kollha fil-livelli kollha. Barra minn hekk, l-UE għandha tisfrutta r-rwol tagħha bħala qawwa dinjija fir-riċerka u l-innovazzjoni biex tiżgura li l-azzjoni multilaterali tkun influwenzata mill-aqwa evidenza xjentifika possibbli 31 .

(II)Nitkellmu b’vuċi waħda

Il-kapaċità tal-UE li tieħu sehem b’mod attiv, tkun rappreżentata b’mod effettiv u titkellem b’vuċi waħda hija kruċjali. L-UE għandha l-attributi meħtieġa kollha biex tkun membru veru u proprju fl-organizzazzjonijiet internazzjonali, jew biex tieħu sehem fihom bi status ta’ osservatur privileġġat 32 . Sabiex jiġi żgurat li l-UE titkellem b’vuċi waħda u taġixxi dwar kwistjonijiet ta’ kompetenza tagħha, ir-rwol tar-rappreżentanza esterna tal-UE fl-organizzazzjonijiet internazzjonali huwa eżerċitat mill-Kummissjoni Ewropea 33 , kif ukoll mir-Rappreżentant Għoli għall-kwistjonijiet li jaqgħu fl-ambitu tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni, u mid-Delegazzjonijiet tal-UE għan-nom tagħhom.

Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli se jużaw is-setgħa ta’ inizjattiva tagħhom b’mod aktar immirat biex jittejjeb il-mod kif jissawru l-pożizzjonijiet tal-UE li għandhom jittieħdu fil-fora internazzjonali, anki wkoll fid-dawl li r-rappreżentanti tal-UE jingħataw aktar flessibbiltà tattika. Barra minn hekk, sabiex tkun tista’ tieħu deċiżjonijiet b’mod aktar veloċi u effettiv, il-Kunsill jeħtieġlu wkoll juża d-dispożizzjonijiet li jagħtu lok għal astensjoni kostruttiva u għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet permezz ta’ votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata fl-ambitu tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni 34 . Dan huwa partikolarment importanti f’dak li jirrigwarda r-rispons għall-ksur tad-dritt internazzjonali, inklużi d-Dritt Internazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Dritt Umanitarju Internazzjonali. Dan l-approċċ jippermetti wkoll lill-UE tkun aktar veloċi u aktar effettiva fir-reazzjoni tagħha għal ksur bħal dan billi tadotta sanzjonijiet tal-UE. L-adozzjoni tar-reġim globali ta’ sanzjonijiet tal-UE b’rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem 35 hija stadju importanti fit-tisħiħ tal-azzjoni kollettiva tagħna f’dan il-qasam.

F’bosta istanzi u għal raġunijiet varji, l-UE ma għandhiex drittijiet ta’ sħubija sħiħa f’organizzazzjonijiet internazzjonali. Minkejja dan xorta waħda saru arranġamenti formali fl-għamla ta’ parteċipazzjoni bħala osservatur jew saħansitra arranġamenti prammatiċi ad hoc mal-Istati Membri u/jew l-organizzazzjonijiet ikkonċernati u l-membri tagħhom, li pprovdew lill-UE u lir-rappreżentanti tagħha l-kapaċità li jintervjenu u jaġixxu b’mod effettiv lil hinn mill-istatus formali tal-UE. L-UE hija rikonoxxuta bħala sieħeb kostruttiv u affidabbli u li magħha tiftiehem. Eżempju riċenti kien dak tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa f’Mejju 2020 fejn, minkejja li mhijiex membru, l-UE kienet il-forza li xprunat ir-Riżoluzzjoni dwar ir-rispons għall-COVID-19. Madankollu, f’każijiet importanti oħra, arranġamenti ta’ din ix-xorta jew ma jeżistux jew inkella huma ingumbranti bla bżonn, antikwati, jew ma jħallux lill-Kummissjoni u/jew lir-Rappreżentant Għoli jitkellmu b’mod effettiv għan-nom tal-UE fi kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-UE. Każ partikolari huwa l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura, fejn il-kapaċità tal-UE li tkun effettiva hija kompromessa mill-arranġamenti antikwati mal-Istati Membri li mhumiex f’konformità mat-Trattati. L-UE għandha għalhekk, illum qabel għada tivvaluta skont il-każ jekk l-istatus tagħha f’organizzazzjoni, fond jew programm internazzjonali partikolari jirrikjedix adattament jew aġġornament, f’konformità mat-Trattati tal-UE, u tagħmel dak li hemm bżonn biex dan l-adattament jew aġġornament iseħħ.

(III)Il-finanzjament tas-sistema multilaterali

F’termini ta’ finanzjament tas-sistema multilaterali fil-livell dinji, reġjonali jew tal-pajjiż, l-approċċ Tim Ewropa 36 jagħti lok għal influwenza aktar effettiva fuq il-kontribuzzjonijiet kollettivi tal-UE u tal-Istati Membri, bħala appoġġ għall-implimentazzjoni tal-prijoritajiet politiċi li ġew maqbula u aktar koerenza fil-fora internazzjonali, u b’rabta magħhom. L-UE għandha tkompli turi biċ-ċar dak li tkun qed tistenna mis-sħab tagħha u tagħmel użu aħjar minn din l-influwenza. Dan ifisser li, fejn meħtieġ, l-UE għandha tkun lesta li tikkalibra l-finanzjament tagħha skont l-inizjattivi jew l-organizzazzjonijiet multilaterali speċifiċi skont kif tali prijoritajiet ta’ politika jiġu ssodisfati. B’mod ġenerali, il-viżibilità tal-appoġġ tal-UE għandu jkun aċċertat.

(IV)Il-preżenza tal-UE fl-istituzzjonijiet multilaterali

F’dawk li huma karigi fit-tmexxija f’organizzazzjonijiet multilaterali l-UE għandha tappoġġa kandidati bl-ogħla standards professjonali, maniġerjali, etiċi u politiċi. Fl-istess waqt, hemm ħtieġa urġenti għal approċċ aktar koordinat u strateġiku u għal skambju aħjar tal-informazzjoni, inkluż mas-sħab minn pajjiżi terzi. Dan japplika wkoll għall-elezzjonijiet għall-korpi tan-NU bħall-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem. Il-konsultazzjonijiet fil-Kunsill għandhom jintensifikaw ruħhom. Bl-istess mod, l-UE għandha taħdem biex tiżviluppa politika ta’ skambju u preżenza tal-persunal tal-UE f’organizzazzjonijiet internazzjonali fil-livelli kollha.

Azzjonijiet:

×Ikun hemm koordinazzjoni aħjar mal-Istati Membri dwar il-kandidaturi għall-karigi għolja u dwar elezzjonijiet ewlenin fl-organizzazzjonijiet multilaterali.

×Ikun hemm sfruttar aħjar tal-finanzjament sinifikanti tal-UE u tal-Istati Membri għall-organizzazzjonijiet multilaterali u reġjonali, inkluż permezz tal-approċċ Tim Ewropa u twassil aktar koordinat tal-messaġġi fil-korpi ta’ governanza tal-aġenziji, tal-fondi u tal-programmi tan-NU, sabiex jiġu segwiti b’mod aktar effettiv il-valuri u l-interessi tal-Unjoni anki fir-rigward tar-riformi ta’ dawk l-organizzazzjonijiet.

×Jiġu ċċarati jew aġġornati l-prerogattivi jew l-istatus legali tal-UE fl-organizzazzjonijiet internazzjonali, fejn hemm bżonn u f’konformità mat-Trattati.

×Jissaħħu ulterjorment ir-rwol u l-preżenza tal-UE fil-korpi ta’ governanza tal-aġenziji, tal-fondi u tal-programmi tan-NU.

×Jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni tal-UE b’saħħithom fl-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali billi l-UE titkellem b’vuċi waħda u timxi fid-direzzjoni ta’ rappreżentanza esterna aktar koerenti.

×Tiżdied il-viżibilità tal-kontribuzzjonijiet tal-UE permezz ta’ diskors, pożizzjonijiet u dikjarazzjonijiet komuni dwar ir-riżoluzzjonijiet tan-NU u jkun hemm koordinazzjoni eqreb mal-Istati Membri dwar il-kontribuzzjonijiet volontarji lin-NU.

×Tissaħħaħ il-viżibilità tar-rwol tal-UE bħala l-unika parti li hija Organizzazzjoni Reġjonali fil-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità.

×Jiġu sfruttati r-riċerka u l-innovazzjoni Ewropej biex tissaħħaħ il-bażi tal-evidenza tat-tfassil tal-politika multilaterali.

(V)Alleanzi, Sħubijiet u kooperazzjoni reġjonali

 
F’ambjent dejjem aktar multipolari u interdipendenti, l-UE hija rikonoxxuta bħala sieħeb stabbli u prevedibbli u bħala difensur voċiferu u promotur tas-sistema multilaterali bbażata fuq ir-regoli.

Il-kuntest attwali jitlob għal approċċ strateġiku aktar ċar u artikolat aħjar rigward l-involviment mas-sħab internazzjonali tagħna. L-UE għandha tfittex li jkollha tali sħubijiet mhux biss biex tmexxi l-prijoritajiet tagħha stess, iżda bħala sforz komuni biex issib soluzzjonijiet globali abbażi tas-saltna tad-dritt u mhux abbażi tas-saltna ta’ min hu l-aktar b’saħħtu. L-UE jeħtiġilha tiddiversifika l-involviment dinji tagħha billi tisfrutta l-potenzjal għall-kooperazzjoni fil-fora multilaterali, billi tibni fuq dawn il-prinċipji li ġejjin:

·Kooperazzjoni aktar qawwija mas-sħab bl-istess mentalità tagħha favur id-difiża tal-prinċipji u r-regoli universali. L-UE se tiġbor b’mod aħjar l-isforzi tagħha flimkien mas-sħab interessati kollha biex tiddefendi l-acquis multilaterali 37 , speċjalment fir-rigward tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, u s-saltna tad-dritt, inkluża l-possibbiltà għall-pajjiżi terzi li jallinjaw id-dikjarazzjonijiet tal-UE fl-organizzazzjonijiet u fil-fora multilaterali. Se naħdmu b’urġenza mas-sħab tagħna li jikkondividu magħna l-valuri u l-prinċipji tagħna biex insaħħu l-istituzzjonijiet demokratiċi, niġġieldu l-korruzzjoni, l-awtoritarjaniżmu u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja, u nippromwovu aġenda komuni bbażata fuq id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza u s-saltna tad-dritt. F’dan ir-rigward, l-insedjament tal-amministrazzjoni l-ġdida tal-Istati Uniti joħloq momentum pożittiv 38 u l-UE għandha taħtaf kull opportunità biex tibni mill-ġdid ir-relazzjonijiet tagħha mal-Istati Uniti u tippreżerva r-rabtiet qawwija, pereżempju mar-Renju Unit. Fl-aħħar nett, fil-bordijiet tal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, se nużaw ukoll il-firxa tal-Istati Membri tal-UE fil-gruppamenti reġjonali bħala opportunità biex sistematikament niżviluppaw objettivi konġunti mas-sħab interessati.

·Kooperazzjoni bbażata fuq il-kwistjonijiet u inizjattivi komuni. L-UE se testendi l-involviment dinji tagħha biex tittratta kwistjonijiet tranżnazzjonali bħas-saħħa, it-theddid għas-sigurtà, it-tibdil fil-klima, it-telfien tal-bijodiversità, jew oqsma oħra ta’ interess komuni, bħall-edukazzjoni, iż-żgħażagħ, ix-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni 39 . Ix-xkiel fil-katina tal-provvista matul il-pandemija ħareġ fid-deher l-importanza tar-rotot marittimi għall-ekonomija dinjija. L-UE se taħdem mas-sħab biex tippromwovi r-rispett għall-prinċipji bażiċi tar-rotta marittima, is-sigurtà u s-sikurezza kif ukoll il-protezzjoni tal-oċeani.

·Id-diversifikazzjoni tas-sħubijiet u l-ħidma mal-organizzazzjonijiet reġjonali. L-UE se tagħmel użu strateġiku aħjar u aktar koerenti mill-kooperazzjoni tagħha mal-pajjiżi terzi u mal-organizzazzjonijiet reġjonali u subreġjonali, b’mod partikolari meta jkun hemm fis-seħħ qafas strateġiku jew ftehim internazzjonali li jkopri l-kooperazzjoni internazzjonali. Dan huwa l-każ tal-Unjoni Afrikana (inkluż f’għamliet trilaterali man-NU), iżda wkoll, biex nagħtu eżempju wieħed, tal-membri tal-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (OACPS – Organisation of African, Caribbean and Pacific States), li magħhom hemm impenn komuni biex jissaħħaħ il-multilateraliżmu. Aktar ma l-organizzazzjonijiet reġjonali u dawk globali jaħdmu flimkien, aktar inkunu b’saħħitna fuq livell kollettiv u aktar issir robusta s-sistema multilaterali. L-UE se tkompli tkun involuta fil-promozzjoni tal-kooperazzjoni reġjonali permezz ta’ organizzazzjonijiet reġjonali multilaterali rilevanti u pjattaformi multilaterali bħas-Sħubija tal-Lvant (EaP - Eastern Partnership), l-Unjoni għall-Mediterran (UgħM) u l-Laqgħa Asja-Ewropa (ASEM - Asia-Europe Meeting).

·It-tiswir ta’ alleanzi biex jiġu promossi l-istandards u l-approċċi regolatorji. L-UE se tiżviluppa u ttejjeb l-alleanzi fl-ambitu tal-korpi internazzjonali li jistabbilixxu l-istandards 40 . Il-Kummissjoni, meta tiġi biex tqis jew tadotta inizjattivi interni ġodda b’dimensjoni internazzjonali, se tinvolvi ruħha parallelament b’mod internazzjonali. Pereżempju, l-UE se tfittex li tibni koalizzjoni ta’ pajjiżi bl-istess mentalità għall-governanza tat-teknoloġiji tal-intelliġenza artifiċjali ċċentrata fuq il-bniedem u bbażata fuq ir-regoli. Se tipproponi involviment minn kmieni mas-sħab ikkonċernati dwar il-Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntiera.

 
Għandhom jiġu mistħarrġa l-koalizzjonijiet u l-formati “mhux tradizzjonali”, filwaqt li jiġu kkonsolidati t-tagħlimiet meħuda minn proċessi bħal dawk tal-Laqgħa Ministerjali msejħa konġuntament mill-UE, iċ-Ċina u l-Kanada, il-Forum tal-Paċi ta’ Pariġi u s-Summit dwar il-Finanzjament Komuni. Is-sħubijiet bejn diversi partijiet ikkonċernati bejn il-gvernijiet, is-settur privat, is-soċjetà ċivili, l-akkademiċi u l-komunità xjentifika huma essenzjali għat-tiswir ta’ multilateraliżmu inklużiv u jaġixxu bħala katalizzatur tar-riforma. Pereżempju, l-UE ħadmet mal-Koalizzjoni għall-Innovazzjonijiet fit-Tħejjija għall-Epidemiji (CEPI - Coalition for Epidemic Preparedness Innovations) u mal-inizjattiva GAVI dwar l-iżvilupp u d-distribuzzjoni tal-vaċċini kontra l-COVID-19.

L-UE, biex tagħmilha aktar faċli li jinbnew l-alleanzi, se tuża b’mod aktar attiv in-network tagħha ta’ 140 Delegazzjoni tal-UE, b’ħidma flimkien mal-Ambaxxati tal-Istati Membri biex il-multilateraliżmu jitmexxa ’l quddiem u jiġi mmobbilizzat l-appoġġ għall-inizjattivi tal-UE. Fi kliem ieħor, l-UE se tiżgura konsistenza akbar bejn id-diplomazija multilaterali u bilaterali tagħha, billi “timmultilateralizza” l-involviment bilaterali u “tibbilateralizza” l-approċċ multilaterali. Id-dimensjoni multilaterali għandha tiġi integrata b’mod aktar sistematiku fid-djalogi politiċi kollha tal-UE mal-pajjiżi terzi, mis-summits sal-kuntatti fil-livell ta’ ħidma. L-UE se tagħmilha ċara li tistenna li l-impenji konġunti jitqiegħdu fil-prattika mis-sħab tagħha, u se tuża n-network u l-influwenza tagħha għal dan l-għan.  

Fl-aħħar nett, l-UE se ssaħħaħ aktar ir-rwol u l-influwenza tagħha fil-fora multilaterali informali bħall-G20 u l-G7 biex iżżid il-kapaċità tagħhom li jiksbu r-riżultati, hekk kif dawn isawru u jirrinfurzaw l-aġenda multilaterali u jirreaġixxu b’mod qawwi għall-kriżijiet u jsibu soluzzjonijiet konkreti għall-problemi globali. Il-prijorità immedjata hawnhekk hija li tiġi aċċertata koordinazzjoni politika globali qawwija dwar l-ekonomija u s-saħħa li tgħin fl-irkupru sostenibbli, inklużiv u reżiljenti. Is-sena 2021 se tkun importanti f’dawn il-fora, billi l-Italja se tkun qed tippresjedi l-G20 u r-Renju Unit se jippresjedi l-G7, filwaqt li ż-żewġ pajjiżi se jospitaw konġuntament il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (COP26). F’Mejju 2021, l-UE se tkun kosponser mal-Italja tas-Summit dwar is-Saħħa Globali biex tissaħħaħ it-tħejjija għall-pandemiji.

Azzjonijiet:

×Tiġi promossa aġenda komuni mas-sħab interessati abbażi tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza u s-saltna tad-dritt.

×Jiġu appoġġati formats inklużivi ġodda tal-involviment multilaterali, bħall-Alleanza għall-Multilateraliżmu, il-Forum tal-Paċi ta’ Pariġi u s-Summit dwar il-Finanzjament Komuni.

×Jiġi żgurat segwitu sistematiku tal-impenji bilaterali mal-pajjiżi terzi biex l-objettivi multilaterali jimxu ’l quddiem.

×Tingħata spinta lill-organizzazzjonijiet reġjonali fis-sistema tan-NU billi jiġi propost summit annwali tal-kapijiet tal-organizzazzjonijiet reġjonali.

×Tingħata assistenza lill-pajjiżi sħab biex jinvolvu ruħhom b’mod aktar effettiv fis-sistema multilaterali, inkluż permezz tal-bini tal-kapaċitajiet, il-kondiviżjoni tal-għarfien, it-taħriġ u l-ġemellaġġ.

(VI)Il-ħidma mal-Istituzzjonijiet Multilaterali

L-UE se tiddefinixxi s-sħubijiet tagħha mal-organizzazzjonijiet multilaterali infunzjoni tal-allinjament tagħhom mal-aġendi universali u l-interessi tal-UE u l-kapaċità tagħhom li jfittxu li jiksbuhom. L-UE u diversi organizzazzjonijiet multilaterali huma alleati naturali. Hemm diversi stejjer ta’ suċċess u oqsma fejn dawn is-sħubijiet għenu fit-tiswir tal-governanza dinjija, u fuq kollox għamlu differenza fil-qasam tal-koordinazzjoni politika ekonomika u finanzjarja dinjija, ir-rispons umanitarju, it-tibdil fil-klima, l-ambjent, u l-paċi u s-sigurtà.

L-atturi multilaterali, u b’mod partikolari l-entitajiet tan-NU, huma implimentaturi ewlenin għat-twassil tal-assistenza għall-iżvilupp u umanitarja tal-UE. Huma jista’ jkollhom fil-pussess tagħhom mandati normattivi u li jistabbilixxu l-istandards, bħalma huwa l-każ tal-Programm tan-NU għall-Ambjent fir-rigward tal-ftehimiet ambjentali, jew l-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni biex tistabbilixxi l-istandards interoperabbli u miftuħa tal-internet. Huma jistgħu jkunu wkoll interlokuturi politiċi u strateġiċi importanti, li magħhom jiġu trattati prijoritajiet konġunti u kwistjonijiet strutturali, bħal pereżempju, permezz tad-djalogi regolari fuq livell għoli mal-Bank Dinji. Dwar iż-żamma tal-paċi u l-konsolidazzjoni tal-paċi, il-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-UE għall-ġestjoni tal-kriżijiet u l-Operazzjonijiet tan-NU għaż-żamma tal-paċi attivi fl-istess ambitu operazzjonali jikkooperaw mill-qrib u jipprovdu appoġġ strateġiku, loġistiku, mediku u ta’ sigurtà lil xulxin.

Element ewlieni għal tali sħubijiet se jkun it-twaqqif ta’ djalogi politiċi ta’ livell għoli. Pereżempju, l-UE se tfittex li ssaħħaħ il-koordinazzjoni man-NU permezz ta’ Laqgħat tal-mexxejja regolari (“is-Summits bejn l-UE u n-NU”) analogi għall-iskambji fuq livell għoli stabbiliti ferm bit-tmexxija tal-istituzzjonijiet ta’ Bretton Woods. Dik il-ħidma tista’ tiġi kkumplimentata b’aktar rendikonti regolari fuq livell politiku f’oqsma prijoritarji għall-UE (pereż. il-klima u l-ambjent, is-settur diġitali, id-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp), ħidma li tissejjes fuq oqfsa eżistenti.

Il-bidu taċ-ċiklu finanzjarju l-ġdid tal-UE u l-istrumenti innovattivi tiegħu, bħall-garanziji finanzjarji, ukoll għandu l-potenzjal li jixpruna l-effiċjenza u r-riformi multilaterali. Fil-proċess tal-programmazzjoni taħt l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI - Neighbourhood, Development and International Cooperation Instrument), l-UE se tiffoka aħjar fuq dak li jista’ jsir flimkien fil-livell tal-pajjiżi, reġjonali u multilaterali, fl-ambitu ta’ approċċ xprunat mil-linji ta’ politika. L-approċċ Tim Ewropa 41 jagħti lok li tiġi definita aġenda komuni u biex jiġu sfruttati l-finanzjament tal-UE u tal-Istati Membri, is-setgħa normattiva u l-preżenza qawwija fil-pajjiżi biex ikun hemm involviment mal-pajjiżi sħab, mal-organizzazzjonijiet multilaterali 42 u ma’ sħab oħra b’rabta mal-prijoritajiet konġunti fil-livell tal-pajjiżi, reġjonali u multilaterali.

L-UE, biex iżżid l-effettività tal-azzjoni esterna tagħha, se taħdem biex tallinja l-finanzjament tagħha mas-sistema multilaterali b’mod li jqarreb aktar il-prijoritajiet ta’ politika tagħha li sar qbil dwarhom, inklużi l-prijoritajiet ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp, filwaqt li tirrispetta l-kriterji għall-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp u l-prinċipji għall-effettività tal-għajnuna għall-iżvilupp. L-UE se tkompli wkoll taħdem fid-direzzjoni ta’ approċċ aktar strateġiku f’dak li huwa finanzjament volontarju ta’ kwalità għall-fondi, programmi u aġenziji speċjalizzati tan-NU ewlenin kif ukoll ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali oħra. Se tivvaluta b’mod regolari u strateġiku l-finanzjament tagħha lill-organizzazzjonijiet multilaterali, l-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali u l-aġenziji, il-fondi u l-programmi tan-NU biex tidentifika u taġġorna prijoritajiet aktar ċari skont l-entità, iżżomm kont tal-implimentazzjoni, u żżid il-viżibilità tagħha 43 .

Azzjonijiet:

×Jiġi stabbilit Summit regolari bejn l-UE u n-NU.

×Jinżammu u jkomplu jissaħħu d-Djalogi Strateġiċi annwali mal-aġenziji, l-fondi u l-programmi ewlenin tan-NU, u mal-Istituzzjonijiet ta’ Bretton Woods.

×Jiġu definiti b’mod sistematiku l-interessi u l-prijoritajiet tal-UE fost l-organizzazzjonijiet multilaterali u l-involviment tal-UE jiġi bbażat fuq il-preżenza u l-interessi strateġiċi tagħha f’dawk l-organizzazzjonijiet, kif ukoll fil-mandati tagħhom, u l-potenzjal li jwettqu fil-prattika l-prijoritajiet tal-UE.

×Jiġu involuti l-organizzazzjonijiet multilaterali rilevanti abbażi tal-prijoritajiet definiti tal-UE permezz tal-Inizjattivi Tim Ewropa fil-livell tal-pajjiżi, reġjonali u multilaterali. 

IV.Konklużjonijiet

Il-paċi u l-prosperità tal-Unjoni Ewropea u taċ-ċittadini tagħha jiddependu fuq il-paċi u l-prosperità tal-kumplament tad-dinja u fuq pjaneta f’saħħitha. Sistema multilaterali li taħdem sew, affidabbli u effiċjenti hija essenzjali biex dawk l-għanijiet jinkisbu.

Huwa billi taġixxi b’mod multilaterali kull meta tkun tista’ u tkun lesta li taġixxi b’mod awtonomu jekk ikun hemm bżonn, li l-UE tista’ tikkontribwixxi biex bl-aħjar mod tieħu f’idejha r-riedni tal-globalizzazzjoni 44 . Dan huwa fil-qalba tal-ħidma tagħna fid-direzzjoni ta’ awtonomija strateġika miftuħa.

Il-prinċipji tal-involviment multilaterali tal-UE:

·L-UE se taħdem biex ikun hemm multilateraliżmu mġedded ibbażat fuq ir-regoli għas-servizz tal-governanza dinjija u l-interessi u l-valuri tal-UE u dinjin.

·L-UE se tiddefendi l-valur universali u d-dritt internazzjonali, inklużi d-drittijiet tal-bniedem li huma s-sies tar-relazzjonijiet kooperattivi bejn il-pajjiżi u l-popli, u se tippromwovi l-aġendi globali bħall-Aġenda 2030 tan-NU u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli u l-Ftehim ta’ Pariġi.

·L-UE se tipproġetta l-prijoritajiet strateġiċi tagħha stess – speċjalment f’oqsma bħad-drittijiet tal-bniedem, il-valuri demokratiċi u s-saltna tad-dritt, l-iżvilupp sostenibbli u s-sigurtà tal-bniedem, il-klima u l-protezzjoni tal-ambjent u t-teknoloġiji diġitali – u se tisfrutta kemm tista’ l-influwenza politika, diplomatika u ekonomika tagħha biex tiddefendi l-interessi tagħha u tippromwovi l-valuri tagħha.

·L-UE se tippromwovi r-riforma, l-effettività u l-effiċjenza tas-sistema multilaterali u multilateraliżmu inklużiv veru u proprju fejn il-gvernijiet, is-soċjetà ċivili, is-settur privat, l-akkademiċi u partijiet ikkonċernati oħra jaħdmu flimkien.

·L-UE se tintensifika t-tmexxija tagħha u se tagħmel użu aħjar tal-abilità tagħha li taġixxi bħala koordinatur, medjatur onest u kostruttur tal-pontijiet, se tapprofondixxi s-sħubijiet u l-alleanzi mal-pajjiżi terzi, l-organizzazzjonijiet multilaterali u reġjonali, u se tirrinforza l-koalizzjonijiet dwar prijoritajiet ewlenin.

·L-UE se tkun l-aqwa alleat tas-sħab multilaterali iżda se titlob li tinxteħet lenti li twassal għat-trasformazzjoni u relazzjonijiet strateġiċi fil-veru sens tal-kelma.

·L-UE se tiżgura konsistenza akbar bejn id-diplomazija multilaterali u bilaterali tagħha u se taġixxi b’vuċi koerenti u magħquda fil-fora globali. Biex l-UE “tirnexxi bħala entità waħda” trid “tikseb riżultati bħala entità waħda”.

Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli jistiednu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill japprovaw l-approċċ stabbilit f’din il-Komunikazzjoni Konġunta, u jaħdmu flimkien fuq l-implimentazzjoni u r-rieżami tal-azzjonijiet tiegħu.

(1)

Mill-EUR 15,9-il biljun miġbura bejn l-4 u t-28 ta’ Mejju 2020 fir-Rispons Globali għall-Coronavirus immexxi mill-UE, ġew imwiegħda EUR 11,9-il biljun mill-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Bank Ewropew tal-Investiment. Il-baġit tal-UE kkontribwixxa EUR 1,4 biljun għall-Aċċelleratur (ACT). L-UE u l-Istati Membri tagħha kkontribwew EUR 853 miljun għall-COVAX.

(2)

 Id-Dikjarazzjoni dwar il-kommemorazzjoni tal-75 anniversarju tan-Nazzjonijiet Uniti: riżoluzzjoni adottata mill-Assemblea Ġenerali, A/RES/75/1.

(3)

 COM(2021) 32 “Is-sistema ekonomika u finanzjarja Ewropea: it-trawwim tal-ftuħ, tas-saħħa u tar-reżiljenza”.

(4)

Minn 17-il missjoni u operazzjoni tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK) tal-UE, 13 jitwettqu flimkien ma’ missjonijiet tan-NU fis-Saħel, fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, fil-Libja, u fil-Balkani tal-Punent, filwaqt li jappoġġaw jew jikkontribwixxu direttament għall-implimentazzjoni tal-mandati tan-NU.

(5)

COM(2020) 795 final, “Aġenda kontra t-Terroriżmu għall-UE: Antiċipazzjoni, Prevenzjoni, Protezzjoni, Rispons”.

(6)

Strateġija tal-UE dwar l-Unjoni tas-Sigurtà COM (2020)605 final, 24.07.2020.

(7)

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2231 (2015). L-UE se tkompli tappoġġa l-organizzazzjonijiet ta’ verifika bħall-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA, International Atomic Energy Agency) u l-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta’ Armi Kimiċi (OPCW, Organization for the Prohibition of Chemical Weapons).

(8)

JOIN (2020) 5, 25.03.2020, Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2020-2024.

(9)

JOIN (2020)17 final, 25.11.2020, Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-Ġeneri (GAP) III; ara wkoll l-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2020-2025.

(10)

COM (2020) 607 final, 24.7.2020, Strateġija tal-UE għal ġlieda aktar effettiva kontra l-abbuż sesswali tat-tfal; ara wkoll l-istrateġija tal-UE li jmiss dwar id-drittijiet tat-tfal (2021-24).

(11)

COM (2020) 698 final, 12.11.2020, Unjoni ta’ Ugwaljanza: Strateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ 2020-2025.

(12)

Fl-2019, l-UE nefqet aktar minn EUR 75,2 biljun f’assistenza uffiċjali għall-iżvilupp u mmobilizzat kważi EUR 2 biljun għal operazzjonijiet ta’ għajnuna umanitarja f’aktar minn 80 pajjiż. Madwar 60 % tal-baġit umanitarju annwali tal-UE huwa pprovdut lis-sħab tan-NU u lill-Moviment tas-Salib l-Aħmar u tan-Nofs Qamar l-Aħmar.

(13)

Dan jinkludi t-titjib tad-detezzjoni u l-kontroll ta’ mard emerġenti u tat-trażmissjoni żoonotika tal-mard, b’mod partikolari f’koordinazzjoni mal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO, Food and Agriculture Organization) u l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali.

(14)

Ir-Rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU “Shared responsibility, global solidarity: Responding to the socio-economic impacts of COVID-19” (Responsabbiltà Kondiviża, Solidarjetà Globali: Rispons għall-impatti soċjoekonomiċi tal-COVID-19).

(15)

COM (2018) 644 final, 12.9.2018.

(16)

COM (2018)460, 14.06.2018.

(17)

Adottat fit-23 ta’ Settembru 2020.

(18)

Bl-istess mod, l-UE se tkompli wkoll bir-rwol ewlieni tagħha biex tinħoloq Qorti Multilaterali tal-Investiment, fi ħdan il-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi Kummerċjali Internazzjonali.

(19)

Pereżempju, l-UE tappoġġa l-isforz tas-Segretarju Ġenerali tan-NU biex itejjeb il-kooperazzjoni diġitali globali. Ara l-Pjan Direzzjonali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-Kooperazzjoni Diġitali.

(20)

Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Politika Kummerċjali tas-17 ta’ Frar 2021 u l-Anness tagħha “Ir-riforma tad-WTO: lejn sistema kummerċjali multilaterali sostenibbli u effettiva”.

(21)

Ir-riforma tal-Organizzazzjoni Dinjija Doganali se tkun importanti wkoll f’dan ir-rigward.

(22)

Pereżempju, ir-Riforma tal-Fondi Fiduċjarji Umbrella 2.0 tal-Grupp tal-Bank Dinji u l-idea li l-portafoll tal-fondi fiduċjarji u tal-fondi intermedjarji finanzjarji jissawwar permezz ta’ inqas programmi ta’ Umbrella 2.0 li jkunu akbar.

(23)

COM(2015)602 final, 21.10.2015 “Pjan ta’ direzzjoni lejn rappreżentanza esterna aktar konsistenti taż-Żona tal-Euro f’fora internazzjonali”.

(24)

Tipprovdi gwida għall-iżvilupp u l-użu responsabbli tal-IA, imsejsa fuq id-drittijiet tal-bniedem, l-inklużjoni, id-diversità, l-innovazzjoni u t-tkabbir.

(25)

Jippermetti lil dawk li jfasslu l-politika biex jiddiskutu t-twaqqif ta’ standards u biex jistabbilixxu l-aħjar prattiki dwar kif jiggwidaw l-investimenti lejn attivitajiet ekoloġiċi.

(26)

L-UE tappella biex fl-2021 jiġi konkluż ftehim internazzjonali dwar id-diversità bijoloġika tal-baħar ta’ żoni, lil hinn mill-ġurisdizzjoni nazzjonali, taħt il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Dritt Marittimu.

(27)

Bħala eżempju konkret, il-Kummissjoni se tniedi proġett iddedikat mal-Istitut Interreġjonali ta’ Riċerka tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kriminalità u l-Ġustizzja (UNICRI, United Nations Interregional Crime and Justice Research Institute) biex tiżviluppa sett ta’ għodod globali għal gwida prattika għal intelliġenza artifiċjali li tkun etika u ta’ kwalità għolja, li tkun kapaċi ssarraf l-etika fil-prattika fil-qasam tal-infurzar tal-liġi.

(28)

COM (2020) 66 final, 19.2.2020, “Strateġija Ewropea għad-data”.

(29)

Il-kontribuzzjonijiet tas-27 Stat Membru tal-UE jammontaw għal 23,94 % tal-baġit regolari tan-NU u għal 23,8 % tal-baġit għaż-żamma tal-paċi għat-tliet snin bejn l-2019 u l-2021.

(30)

Din il-kooperazzjoni hija obbligu li jirriżulta mid-dmir tal-kooperazzjoni leali skont l-Artikolu 4.3 TUE jew id-deċiżjonijiet tal-Kunsill adottati skont l-Artikolu 218(9) TFUE u, għall-kwistjonijiet tal-PESK, mill-Artikolu 34 TUE. It-Trattat jipprevedi wkoll li l-Istati Membri tal-UE għandhom jaġixxu fi spirtu ta’ lealtà u solidarjetà reċiproka, u joqogħdu lura minn kull azzjoni li tkun kontra l-interessi tal-Unjoni jew li x’aktarx tagħmel ħsara għall-effettività tagħha bħala forza b’koeżjoni fir-relazzjonijiet internazzjonali (l-Artikolu 24.3 TUE).

(31)

Eżempji: il-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima u l-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi li fil-biċċa l-kbira tagħhom ingħataw appoġġ mill-Programm Qafas tal-UE għar-Riċerka u l-Iżvilupp.

(32)

Ir-Riżoluzzjoni 65/276 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tat-3 ta’ Mejju 2011 li tirrigwarda s-sehem tal-UE fil-ħidma tan-Nazzjonijiet Uniti hija l-aktar rikonoxximent internazzjonali ċar tal-kapaċità tal-Unjoni li taġixxi fil-livell internazzjonali.

(33)

Pereżempju, l-UE hija membru tal-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat, fejn il-Kummissjoni titkellem għan-nom tal-UE dwar kwistjonijiet koperti mill-kompetenza esklużiva tal-UE.

(34)

L-Art. 31 TUE. Ara wkoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Settembru 2018 Attur dinji aktar b’saħħtu: teħid tad-deċiżjonijet aktar effiċjenti għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni tal-UE (COM (2018) 647 final).

(35)

  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/1998 u tas-7 ta’ Diċembru 2020 li tikkonċerna miżuri restrittivi kontra l-ksur u l-abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem , ĠU L 410I ta’ 7.12.20.

(36)

L-approċċ “Tim Ewropa” jieħu kontribuzzjonijiet mill-istituzzjonijiet kollha tal-UE u jikkombina r-riżorsi mmobilizzati mill-Istati Membri tal-UE u l-istituzzjonijiet finanzjarji tal-UE, filwaqt li jirrispetta l-kompetenzi u l-proċeduri ta’ teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE stabbiliti fit-Trattati.

(37)

L-Alleanza għall-Multilateraliżmu u l-Alleanza Globali dwar l-Ekonomija Ċirkolari u l-Effiċjenza fir-Riżorsi (id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2021)15) huma eżempji tajba ta’ tali innovazzjoni politika.

(38)

Ara l-Komunikazzjoni dwar “Aġenda ġdida għal bidla globali bejn l-UE u l-Istati Uniti” JOIN (2020)22 final, 2.12.2020.

(39)

Eżempji ta’ dan l-approċċ jinkludu l-kooperazzjoni tal-UE maċ-Ċina dwar it-tibdil fil-klima u mal-Indja dwar l-enerġija solari, l-Alleanza Globali dwar l-Ekonomija Ċirkolari u l-Effiċjenza fir-Riżorsi, il-Koalizzjoni ta’ Ambizzjoni Kbira għan-Natura u n-Nies jew il-Missjoni Innovazzjoni dwar l-Enerġija Nadifa u l-Alleanza Trans-Atlantika tar-Riċerka tal-Oċean.

(40)

Pereżempju, l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni, il-Kummissjoni Elettroteknika Internazzjonali u l-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni.

(41)

JOIN (2020) 11 final, 8.4.2020, Komunikazzjoni dwar ir-rispons globali tal-UE għall-COVID-19.

(42)

F’diversi fora multilaterali (pereż. il-FMI, il-Bank Dinji, il-Banek Multilaterali tal-Iżvilupp), il-Kummissjoni tipprovdi appoġġ finanzjarju sinifikanti minkejja li mhijiex azzjonista. F’dawk il-każijiet, l-approċċ Tim Ewropa jista’ jsaħħaħ l-impatt u l-influwenza tal-UE f’dawk l-istituzzjonijiet.

(43)

Il-finanzjament ma għandux jiġi vvalutat biss f’termini assoluti, iżda wkoll pro rata. Pereżempju, l-Organizzazzjonijiet Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd (RFMOs - Regional Fisheries Management Organisations) joperaw b’baġit relattivament modest, bl-UE bħala l-akbar kontributur volontarju tal-proġetti.

(44)

Id-Dokument ta’ Riflessjoni tal-Kummissjoni dwar il-Ġestjoni tal-Globalizzazzjoni, COM(2017) 240 tal-10 ta’ Mejju 2017.

Top