Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021IR2689

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet Ġeografiċi industrijali u tal-artiġjanat fl-Unjoni Ewropea

COR 2021/02689

ĠU C 61, 4.2.2022, p. 26–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

4.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 61/26


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet Ġeografiċi industrijali u tal-artiġjanat fl-Unjoni Ewropea

(2022/C 61/06)

Relatur:

Martine PINVILLE (FR/PSE), membru tal-Kunsill Reġjonali ta’ Nouvelle-Aquitaine

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

Kummenti ġenerali

1.

jilqa’ t-tħabbira li għamlet il-Kummissjoni Ewropea, fil-Pjan ta’ Azzjoni għall-Proprjetà Intellettwali tagħha ta’ Novembru 2020, li tistudja l-possibbiltà li tinħoloq sistema ta’ protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi (IĠ) tal-UE għall-prodotti mhux agrikoli, u jfakkar li l-KtR kien diġà talab studju bħal dan fi Frar 2015 (1);

2.

itenni li l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jinkludi s-salvagwardja u l-iżvilupp tal-wirt kulturali Ewropew fost l-objettivi li għandhom jiġu kkunsidrati fl-iżvilupp tas-suq intern, li l-Artikolu 118 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) għandu l-għan li jiżgura protezzjoni uniformi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fl-Unjoni fi ħdan is-suq intern u li l-Artikolu 169 tat-TFUE jiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumaturi (inkluża l-promozzjoni tad-dritt tagħhom għall-informazzjoni);

3.

iqis it-terminu “indikazzjonijiet ġeografiċi industrijali u artiġjanali” (IĠIA) aktar ċar u aktar speċifiku minn dak ta’ IĠ għall-prodotti mhux agrikoli u se jiffavorixxi din il-formulazzjoni;

4.

jilqa’ l-appoġġ wiesa’ ħafna għal inizjattiva tal-UE li tistabbilixxi skema ta’ protezzjoni għall-IĠIA, kemm waqt il-konsultazzjoni pubblika dwar il-valutazzjoni tal-impatt inizjali miftuħa fi tmiem l-2020 mill-Kummissjoni Ewropea kif ukoll waqt il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati fid-19 ta’ Mejju 2021, qabel l-abbozzar ta’ din l-Opinjoni. Jistieden, għalhekk, lill-membri u lill-partijiet ikkonċernati territorjali tiegħu jikkonfermaw dan l-appoġġ billi jipparteċipaw b’mod attiv fil-“konsultazzjoni pubblika dwar l-IĠ għal prodotti mhux agrikoli” li tnediet mill-Kummissjoni Ewropea fid-29 ta’ April 2021 u hija miftuħa sat-22 ta’ Lulju 2021 (2);

5.

jesprimi dispjaċir għall-fatt li n-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fil-livell Ewropew dwar il-kwistjoni tal-IĠIA jirriżulta f’diversità ta’ strumenti legali nazzjonali, u b’hekk idgħajjef il-protezzjoni tal-prodotti u tal-intrapriżi;

6.

jinnota li sal-lum, fil-livell tal-UE, hemm trattament legali distint skont in-natura tal-IĠ, peress li l-Unjoni Ewropea tirregola biss il-protezzjoni tad-denominazzjonijiet tal-oriġini (DO) u tal-IĠ għall-inbejjed, l-inbejjed aromatizzati, ix-xorb spirituż u l-prodotti agrikoli/oġġetti tal-ikel;

7.

jissottolinja li d-WTO (il-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ — il-Ftehim TRIPS) kif ukoll l-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Lisbona dwar id-DO u l-IĠ, li l-UE ssieħbet fihom dan l-aħħar, ma jagħmlux distinzjoni bejn l-IĠ skont it-tip ta’ prodotti; iqis, barra minn hekk, li l-adeżjoni tal-UE għall-Att ta’ Ġinevra tirrikjedi li l-UE tindirizza l-protezzjoni tal-IĠIA;

8.

jenfasizza li l-intrapriżi li jinvolvu ruħhom fi strateġiji u fi proċessi ta’ IĠ huma l-aktar mikrointrapriżi u SMEs li għandhom l-għeruq fit-territorji, inkluż fiż-żoni rurali, li għandhom għarfien espert reali li ġej mill-istorja ta’ dawn iż-żoni u li jiffurmaw raggruppamenti settorjali ġenwini; xi wħud minn dawn in-negozji saru mexxejja tas-suq globali, u huma partikolarment importanti għall-ekonomija Ewropea u biex tiżdied l-indipendenza tal-UE mis-swieq globali;

9.

jinnota li l-IĠ jissodisfaw ukoll il-bidla fid-domanda tal-konsumaturi lejn aktar traċċabbiltà u trasparenza dwar l-oriġini tal-prodott u l-proċess tal-produzzjoni tiegħu, u ta’ “prodott lokali”, tendenza li kompliet tiżdied minħabba l-kriżi tal-COVID-19;

10.

iqis li l-isfidi tar-rikonoxximent tal-IĠIA huma parti mill-prijoritajiet tal-programmi Ewropej li qed jiġu żviluppati, fosthom dawk tal-istrateġija industrijali, tal-patt ekoloġiku u tar-reviżjoni tal-politika kummerċjali, jew saħansitra tal-futur taż-żoni rurali u tal-iżvilupp ta’ ktajjen tal-provvista qosra;

Il-ħtieġa ta’ qafas Ewropew uniformi b’dimensjoni territorjali

11.

iqis li sistema sui generis għall-protezzjoni tal-IĠIA tippermetti b’mod partikolari: it-tisħiħ tal-protezzjoni legali tal-prodotti b’IĠ, inkluż fuq l-Internet; l-iżvilupp ta’ għodod li jgħinu fil-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni u l-kompetizzjoni inġusta; il-ħolqien u ż-żamma ta’ impjiegi u ta’ taħriġ f’territorju; trasparenza akbar għall-konsumaturi, u rikonoxximent ġenwin tal-għarfien, li f’ċerti każijiet ikun eċċezzjonali;

12.

jirrikonoxxi li s-sistema tat-trademarks ma tipproteġix b’mod effettiv l-ismijiet tal-prodotti u twassal għal spejjeż sinifikanti għad-detenturi tagħhom;

13.

huwa għalhekk favur l-estensjoni tal-protezzjoni tal-IĠ għal prodotti industrijali u artiġjanali fil-qafas ta’ regolament Ewropew li jkollu bħala bażi legali l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 118 tat-TFUE. Regolament bħal dan ikun ibbażat fuq il-kompetenzi kondiviżi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri u jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha biex jikkonforma mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, b’mod partikolari għaliex ikun jippermetti li jinħolqu l-kundizzjonijiet għal protezzjoni ekwivalenti u uniformi tal-IĠIA fis-suq intern kollu filwaqt li jevita distorsjonijiet tal-kompetizzjoni;

14.

iqis li l-awtoritajiet lokali u reġjonali Ewropej għandhom rikkezza kbira ta’ prodotti industrijali u artiġjanali bbażata fuq għarfien li ħafna drabi jkun intiret mill-antenati, u li żvilupp u protezzjoni xierqa ta’ dawn il-prodotti jistgħu jikkontribwixxu biex jinżamm il-valur miżjud u l-impjiegi li mhumiex rilokabbli, speċjalment fiż-żoni rurali, u biex jiġi protett il-wirt lokali;

15.

jenfasizza li t-tisħiħ tal-pożizzjonament tal-intrapriżi li kisbu rikonoxximent tal-IĠIA jippermetti li jiġu rilokati partijiet mill-katini tagħhom ta’ produzzjoni, u b’hekk jipparteċipaw fl-industrijalizzazzjoni mill-ġdid tat-territorji u jikkontribwixxu għal indipendenza akbar tal-UE mis-swieq globali;

16.

jenfasizza li l-valutazzjonijiet tal-impatt fuq l-IĠ għall-prodotti agroalimentari wrew li l-IĠ wasslu wkoll għal żieda fid-dħul tal-produtturi, ħafna drabi f’żoni rurali jew periferiċi. L-istabbiliment ta’ sistema Ewropea ta’ IĠIA għandu jippermetti wkoll titjib bħal dan u effett siewi għall-koeżjoni territorjali; L-istudju ppubblikat fl-2020 mill-Kummissjoni Ewropea dwar l-aspetti ekonomiċi tal-protezzjoni tal-IĠ għal prodotti mhux agrikoli (3) jindika wkoll li l-IĠ itejbu l-kompetittività tal-produtturi billi jsaħħu l-viżibbiltà u r-reputazzjoni tal-prodotti, u r-rieda tal-konsumatur li jħallas għal prodotti li l-karatteristiċi u l-oriġini tagħhom huma garantiti;

17.

iżid, barra minn hekk, li dawn l-IĠIA jikkontribwixxu għall-istrutturar u d-diversifikazzjoni tal-offerta kulturali u turistika f’territorju sħiħ, pereżempju permezz tat-turiżmu industrijali, iċċentrata fuq il-kondiviżjoni tal-għarfien u ta’ xogħol tal-idejn ta’ eċċellenza;

18.

jenfasizza r-rwol li jista’ jkollhom u li diġà għandhom ċerti awtoritajiet lokali u reġjonali biex jappoġġjaw is-setturi, kemm fil-fażi ta’ żvilupp tal-IĠIA (il-fażi tal-konsultazzjoni) kif ukoll fl-implimentazzjoni (żvilupp ta’ għodod ta’ komunikazzjoni, appoġġ għaċ-ċertifikazzjoni, pariri legali, eċċ.) u fil-promozzjoni.

Aspetti prattiċi marbuta mal-proċedura ta’ reġistrazzjoni, mal-kontrolli u mal-protezzjoni tal-IĠIA

19.

jissottolinja li fil-qafas ta’ sistema komuni għall-IĠ kollha, ikun meħtieġ, kemm jista’ jkun, li tintuża l-esperjenza tas-settur agrikolu u agroalimentari u li tingħata preferenza lil approċċ armonizzat bejn ir-reġimi differenti;

20.

jirrakkomanda f’dan is-sens, sabiex tiġi żgurata l-konsistenza bejn iż-żewġ sistemi, li jiġi stabbilit mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni sod bejn is-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea kkonċernati, b’mod partikolari matul il-fażi ta’ eżami tal-fajls, sabiex jiġu evitati kunflitti possibbli marbuta mal-użu tal-ismijiet; Il-KtR jitlob ukoll li l-IĠIA jiġu integrati fir-reġistru Ewropew “GI view”, li diġà jinkludi l-IĠ agrikoli;

21.

itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-protezzjoni tal-IĠIA m’għandhiex tkun marbuta biż-żmien u li fi kwalunkwe każ għandha tipprevedi l-possibbiltà li l-protezzjoni tiġi kkanċellata taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk li jirregolaw l-IĠ tal-prodotti agrikoli (4);

22.

iqis li l-Istati Membri li diġà għandhom sistema ta’ protezzjoni se jkunu jeħtieġu perjodu tranżitorju sabiex jippermettu l-adattament tal-IĠ diġà rreġistrati fil-livell nazzjonali u l-integrazzjoni tagħhom f’sistema Ewropea ġdida;

23.

huwa tal-fehma li għandha tiġi prevista sistema ta’ koordinazzjoni jew rikonoxximent li tagħmilha possibbli li jiġu protetti prodotti li diġà jibbenefikaw minn denominazzjoni ta’ oriġini f’ċerti Stati Membri;

24.

iqis li huwa essenzjali l-użu ta’ logo Ewropew obbligatorju sabiex il-konsumaturi jew il-klijenti jirrikonoxxu/jidentifikaw dawn il-prodotti;

25.

jitlob li jiġi applikat il-mudell agrikolu tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni f’żewġ stadji għall-IĠIA: l-ewwel dik nazzjonali jew reġjonali skont l-organizzazzjoni interna tal-Istat, imbagħad dik Ewropea;

26.

jirrakkomanda li l-proċedura ta’ reġistrazzjoni tkun limitata fiż-żmien u tkun ġestita mill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea, sakemm dan ikollu s-setgħa li jagħmel dan;

27.

jinnota li r-rabta bejn iż-żona ġeografika u l-prodott hija fundamentali u aspett partikolari ta’ dan hija l-importanza ewlenija tal-fattur uman u tal-għarfien għall-IĠIA. F’xi territorji, il-materja prima spiċċat jew m’għadhiex adattata, iżda dan ma żammx lill-intrapriżi u l-għarfien espert milli jippersistu, jew saħansitra milli jiżviluppaw biex jipproduċu prodotti ta’ kwalità għolja;

28.

huwa tal-fehma li l-ispeċifikazzjonijiet tal-IĠIA għandhom ikunu trasparenti u kredibbli sabiex tiġi żgurata l-fiduċja tal-konsumaturi. L-ispeċifikazzjonijiet għandhom jindikaw l-istadji tal-produzzjoni, il-lokalizzazzjoni tagħhom, saħansitra l-verifika tagħhom u elementi relatati mal-konformità mal-SDGs;

29.

jagħti attenzjoni partikolari lill-kwistjoni tal-innovazzjoni u tar-riċerka, li m’għandhiex tiġi ostakolata mill-ispeċifikazzjonijiet. Fil-fatt, ħafna intrapriżi jinnovaw (approċċ globali, disinn, oriġini ta’ materja prima, innovazzjoni soċjali, użu ta’ materjal b’bażi bijoloġika jew riċiklata, użu ta’ teknoloġiji, privattivi), u b’hekk joħolqu dinamika territorjali u jżommu komunità umana u professjonali madwar il-prodotti kkonċernati;

30.

iqis li billi l-IĠ hija garanzija uffiċjali, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti kontrolli affidabbli tal-operaturi kkonċernati sabiex tiġi garantita l-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet mill-manifatturi kif ukoll is-sikurezza u l-fiduċja tal-konsumaturi;

31.

jirrakkomanda li għal dan il-għan tingħata prijorità liċ-ċertifikazzjoni, li jagħmilha possibbli li jiġi ggarantit kontroll estern u indipendenti bi spejjeż aċċettabbli;

32.

jirrakkomanda li jiġi stabbilit l-istess livell ta’ protezzjoni bħal tal-IĠ agrikoli, u b’mod partikolari l-intervent tal-Istati Membri permezz ta’ miżuri amministrattivi jew ġudizzjarji xierqa biex jipprevjenu jew iwaqqfu l-użu illegali tal-IĠIA;

33.

jissottolinja li r-regoli dwar il-protezzjoni tal-IĠIA għandhom jinkludu l-protezzjoni fuq l-Internet;

34.

iqis li l-gruppi detenturi tal-IĠ huma pilastri tal-IĠIA, peress li jiżguraw ir-rikonoxximent tal-IĠ kif ukoll il-ġestjoni tagħhom ta’ kuljum; ir-rwol tagħhom fil-monitoraġġ, il-protezzjoni u l-promozzjoni tal-IĠ għandu jkun wieħed b’saħħtu;

35.

itenni l-pożizzjoni tiegħu li, f’każijiet speċifiċi u ġġustifikati, ikun raġonevoli li jiġi previst li r-reġistrazzjoni ta’ IĠ tingħata lil struttura waħda, dment li l-aċċess għall-IĠ jitħalla miftuħ għal kwalunkwe produttur ġdid li josserva r-regoli tal-IĠ (5);

36.

iqis li l-ispejjeż marbuta mal-proċedura tal-applikazzjoni u tar-reġistrazzjoni m’għandhomx ikunu dissważivi għall-produtturi u għandhom jieħdu l-forma ta’ kontribuzzjoni unika ta’ darba bħal tariffa għar-reġistrazzjoni. Min-naħa tagħhom, l-ispejjeż li għandhom jitħallsu mill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti fil-livell nazzjonali għandhom ikunu limitati għall-istruzzjoni, il-promozzjoni u, fejn xieraq, għas-superviżjoni tal-kontrolli kif ukoll għall-applikazzjoni tal-miżuri amministrattivi jew ġudizzjarji biex jitwaqqaf l-użu illegali ta’ IĠIA;

Aspetti marbuta mal-kummerċ u mal-kompetizzjoni

37.

jissottolinja li l-prodotti li jistgħu jingħataw IĠ ikunu preżenti fi ktajjen differenti ta’ kummerċjalizzazzjoni, bħall-ktajjen tal-provvista qosra, l-Internet jew il-ktajjen professjonali bħal-lukandi. Il-protezzjoni li tipprovdi l-IĠ tippermetti l-iżvilupp ta’ dawn is-swieq, pereżempju billi tintegra dawn il-gruppi ta’ prodotti fil-kampanji ta’ promozzjoni reġjonali u/jew nazzjonali, jew fil-qafas tal-promozzjoni tat-turiżmu industrijali;

38.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea, sabiex tippromovi akkwist pubbliku sostenibbli, biex tiċċara sa fejn huwa possibbli li jsir l-użu ta’ IĠIA fil-proċeduri ta’ akkwist pubbliku skont il-kriterji ambjentali, u objettivi bħall-ktajjen qosra u l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni;

39.

ifakkar li ħafna prodotti tal-IĠIA huma esportati u jeħtieġu protezzjoni fl-Ewropa u lil hinn minnha. Fin-nuqqas ta’ protezzjoni usa’, l-istrateġiji kollettivi ta’ IĠ u l-intrapriżi involuti ma jistgħux ikunu kompletament effettivi, u dan iwassal għal protezzjoni dgħajfa tad-drittijiet tal-proprjetà industrijali tagħhom u għall-kontinwazzjoni ta’ atti ta’ falsifikazzjoni u kompetizzjoni inġusta li jdgħajfu lill-impriżi li spiss ikunu jinsabu f’żoni rurali; din il-protezzjoni għandha tiġi estiża biex tkopri prodotti importati ta’ oriġini mhux tal-UE kkumerċjalizzati fl-UE;

40.

jissottolinja fl-aħħar nett li regolament Ewropew għall-IĠIA jippermetti li dawn jiġu inklużi fil-lista ta’ prodotti koperti mill-ftehimiet kummerċjali tal-UE mal-pajjiżi terzi u b’hekk jiżgura l-protezzjoni tagħhom fi swieq ewlenin;

41.

għalhekk jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tfassal proposta korrispondenti għal regolament li jipproteġi l-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti industrijali u artiġjanali mill-Unjoni Ewropea u tippreżentaha għall-konsultazzjoni u d-deliberazzjoni; jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tqis il-kunsiderazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet stabbiliti f’din l-Opinjoni u twiegħed l-involviment attiv u l-appoġġ tagħha stess.

Brussell, it-13 ta’ Ottubru 2021.

Apostolos TZITZIKOSTAS

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni


(1)  Opinjoni tal-KtR ECOS-V-064 COR-2014-05386-00-00-AC-TRA dwar L-estensjoni tal-protezzjoni tal-indikazzjoni ġeografika għal prodotti mhux agrikoli.

(2)  https://ec.europa.eu/growth/content/commission-seeks-public-opinion-protection-industrial-designs-and-eu-wide-geographical_mt

(3)  Kummissjoni Ewropea, Direttorat Ġenerali għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs, Economic aspects of geographical indication protection at EU level for non-agricultural products in the EU (Aspetti ekonomiċi tal-protezzjoni tal-indikazzjoni ġeografika fil-livell tal-UE għal prodotti mhux agrikoli fl-UE) (mhux disponibbli bil-Malti), Studju mwettaq minn ECORYS, VVA u ConPolicy, 2020

(4)  Ibid.

(5)  Ibid.


Top