Valige katsefunktsioonid, mida soovite proovida

See dokument on väljavõte EUR-Lexi veebisaidilt.

Dokument 52021IR1900

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Aġenda kontra t-Terroriżmu għall-UE: Antiċipazzjoni, Prevenzjoni, Protezzjoni, Rispons

COR 2021/01900

ĠU C 61, 4.2.2022, lk 21—25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

4.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 61/21


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Aġenda kontra t-Terroriżmu għall-UE: Antiċipazzjoni, Prevenzjoni, Protezzjoni, Rispons

(2022/C 61/05)

Relatur:

Karl VANLOUWE (BE/AE)

Membru ta’ Assemblea Reġjonali: Parlament Fjamming

Dokument ta’ referenza:

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Aġenda kontra t-Terroriżmu għall-UE: Antiċipazzjoni, Prevenzjoni, Protezzjoni, Rispons

COM(2020) 795 final

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

Introduzzjoni

1.

jilqa’ l-aġenda tal-Kummissjoni kontra t-terroriżmu (1), li tirrikonoxxi r-rwol ewlieni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, inkluż b’mod partikolari għall-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u l-protezzjoni tal-ispazji pubbliċi;

2.

jaqbel mal-Kummissjoni li n-natura transnazzjonali tan-networks terroristiċi teħtieġ kooperazzjoni aktar b’saħħitha, li tipproteġi u tappoġġja l-valuri u l-istandards komuni tagħna, l-istil ta’ ħajja Ewropew tagħna, u s-soċjetà pluralistika tagħna;

3.

jirrimarka li l-ġlieda kontra t-terroriżmu hija parti mill-politika ta’ sigurtà, li hija kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, u, skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (2), iż-żamma tal-ordni pubbliku u s-salvagwardja tas-sigurtà interna huma l-kompetenza tal-Istati Membri, u f’dan ir-rigward jenfasizza wkoll ir-rwol tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi reġjonali f’xi Stati Membri;

4.

jinnota li l-attakki terroristiċi fl-UE huma ispirati minn raġunijiet diversi, li l-Europol taqsam f’5 kategoriji: it-terroriżmu ġiħadista, it-terroriżmu xellugi u anarkist, it-terroriżmu lemini, it-terroriżmu etnonazzjonalist u separatist, u t-terroriżmu b’kawża unika; jenfasizza l-fenomenu dejjem jikber ta’ dawk li jwettqu r-reati waħedhom (3);

5.

jirrimarka li r-restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-moviment minħabba l-miżuri tal-COVID-19 xekklu l-attivitajiet tat-terroristi, iżda sfortunatament, xorta qed jinstabu modi biex iduru magħhom, u għalhekk għandu jitqies l-impatt soċjoekonomiku tal-pandemija, li joħloq riskju addizzjonali ta’ radikalizzazzjoni u sitwazzjoni ta’ kriżi, li tista’ tintuża mit-terroristi biex ikomplu jippromovu l-għanijiet u l-attivitajiet tagħhom (4) (5);

Antiċipazzjoni

Intelliġenza strateġika u valutazzjoni tat-theddid

6.

jirrikonoxxi, fil-kuntest tan-natura transnazzjonali tan-networks terroristiċi, l-importanza vitali taċ-Ċentru tal-Intelligence u tas-Sitwazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (INTCEN tal-UE) għas-sigurtà interna tal-UE; jilqa’ t-talba tal-Kummissjoni biex l-intelligence strateġika tiġi integrata aħjar u biex l-INTCEN tal-UE jkompli jiġi pprovdut kemm b’valutazzjonijiet ta’ kwalità tat-theddid mis-servizzi tas-sigurtà u tal-intelligence nazzjonali kif ukoll bir-riżorsi meħtieġa;

It-tisħiħ tal-kapaċità ta’ detezzjoni bikrija

7.

jilqa’, fil-kuntest tar-riċerka dwar is-sigurtà tal-UE, iż-żieda fil-kapaċità ta’ detezzjoni bikrija ta’ theddid terroristiku potenzjali, u jenfasizza l-importanza tal-interoperabilità għall-iskambju ta’ informazzjoni;

8.

jappoġġja, fil-kuntest tal-Programm Orizzont Ewropa, li r-riċerka ser tiġi integrata aktar fiċ-ċiklu tal-politika tas-sigurtà, li jippermetti li l-Europol tkun tista’ tgħin tidentifika temi ewlenin ta’ riċerka, kif ukoll tfassal u timplimenta l-programmi qafas tal-UE rilevanti;

Biex nibqgħu fuq quddiem: ir-rwol tat-teknoloġiji l-ġodda

9.

jirrikonoxxi l-opportunitajiet ta’ teknoloġiji innovattivi ġodda bħall-intelliġenza artifiċjali u d-droni biex jidentifikaw b’mod proattiv it-theddid terroristiku u jikkontribwixxu għas-sigurtà tal-ispazji pubbliċi; jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni li tiffinanzja proġetti sabiex jiġu żviluppati teknoloġiji ġodda permezz tal-Aġenda Urbana tal-UE (6), u jappella biex jiġu skambjati l-aħjar prattiki bejn il-gvernijiet, l-industrija u l-esperti;

10.

jirrimarka li teknoloġiji ġodda qed joħolqu wkoll theddid ġdid, u jilqa’, fost affarijiet oħra, il-pjani tal-Kummissjoni biex tiskopri, tintraċċa u tidentifika aħjar drones potenzjalment malizzjużi;

11.

jenfasizza li fiċ-ċirkostanzi kollha, iżda b’mod partikolari fil-każ tat-teknoloġiji ġodda, hemm bżonn li jinstab bilanċ bejn, minn naħa, id-dritt għas-sigurtà u l-integrità fiżika u, min-naħa l-oħra, id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali l-oħra; f’dan ir-rigward jeħtieġ li tiġi inkluża sistema ta’ kontrokontrolli, u tingħata prijorità lill-proporzjonalità u s-sorveljanza ġudizzjarja indipendenti;

Prevenzjoni

Il-ġlieda kontra l-ideoloġiji estremisti online

12.

jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni li tappoġġja t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Protokoll tal-UE dwar il-Kriżijiet bil-għan li jiġi indirizzat it-tixrid virali ta’ kontenut terroristiku online, f’kooperazzjoni mal-Europol, li l-unità kompetenti tagħha għandha tissaħħaħ f’termini ta’ riżorsi u kapaċità;

13.

jieħu nota tal-impenn tal-Kummissjoni li testendi l-lista ta’ reati fil-livell tal-UE (7) għar-reati ta’ mibegħda u d-diskors ta’ mibegħda, kif ukoll tal-proposta tagħha għal Att dwar is-Servizzi Diġitali (8); jenfasizza, f’dan ir-rigward, il-ħtieġa li jitqiesu l-oqfsa legali fl-Istati Membri u jindika li għandhom dejjem jitqiesu d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali kollha, inkluż id-dritt għal-libertà tal-espressjoni;

14.

jenfasizza l-importanza tat-tixrid ta’ narrattivi u kontronarrattivi alternattivi fil-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni, it-terroriżmu u d-diżinformazzjoni, u jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni li tappoġġja lill-Istati Membri biex jiżviluppaw din il-komunikazzjoni strateġika;

L-appoġġ lill-atturi lokali għal komunitajiet aktar reżiljenti

15.

jenfasizza l-impenn tiegħu li jkompli jkollu rwol attiv fil-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni, u jilqa’ l-appoġġ tal-Kummissjoni għan-Network ta’ Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni (9) u l-inizjattiva “Bliet tal-UE kontra r-Radikalizzazzjoni” (10);

16.

jenfasizza, b’mod partikolari fir-rigward tal-identifikazzjoni bikrija tar-radikalizzazzjoni, l-importanza ta’ approċċ multidixxiplinari f’kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili; jindika l-aħjar prattiki, bħall-unitajiet lokali ta’ sigurtà integrata, fejn l-amministrazzjonijiet lokali, il-pulizija, l-assistenti soċjali, l-organizzazzjonijiet ta’ prevenzjoni, is-servizzi tal-edukazzjoni (mhux formali), il-konsulenti reliġjużi, eċċ., jingħaqdu biex jitnieda approċċ skont il-każ fir-rigward ta’ persuni radikalizzati (11); f’dan ir-rigward ifakkar fil-prinċipju kruċjali tas-segretezza professjonali kondiviża, jitlob li jkun hemm skambju ta’ prattiki tajba f’dan il-qasam u jenfasizza li għandhom jiġu kkunsidrati r-regoli tal-Istati Membri fir-rigward tal-protezzjoni tal-ħajja privata;

17.

ifakkar li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma l-aktar ikkonfrontati direttament bl-opportunitajiet u l-isfidi tal-integrazzjoni u b’mod partikolari f’dak il-livell, jistenna appoġġ mill-Kummissjoni biex tissalvagwardja u ssaħħaħ il-koeżjoni soċjali, inkluż permezz tal-Pjan ta’ Azzjoni tagħha dwar l-integrazzjoni u l-inklużjoni (12);

Ħabsijiet, riabilitazzjoni u riintegrazzjoni

18.

jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni li tiffoka aktar fuq il-kwistjoni tar-radikalizzazzjoni fil-ħabsijiet permezz tad-deradikalizzazzjoni, ir-riabilitazzjoni u r-riintegrazzjoni ta’ priġunieri radikalizzati; jenfasizza l-ħtieġa għal approċċ komprensiv biex il-persunal tal-ħabs, il-ħaddiema soċjali, il-konsulenti reliġjużi eċċ. jirċievu taħriġ speċjalizzat dwar kif għandhom jaġixxu mal-priġunieri radikalizzati u biex il-mentoring ta’ persuni radikalizzati ma jieqafx wara d-detenzjoni jew id-deradikalizzazzjoni tagħhom, u jindika l-importanza tal-iskambju tal-aħjar prattiki;

Il-konsolidazzjoni tal-għarfien u l-appoġġ

19.

jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni li tappoġġja l-iżvilupp ulterjuri ta’ networks nazzjonali ta’ atturi rilevanti; jistenna bil-ħerqa l-proposti biex jiġi stabbilit Ċentru ta’ Għarfien tal-UE dwar il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni li, minbarra l-kondiviżjoni tal-għarfien u l-għarfien espert, għandu jippromovi l-aħjar użu tal-opportunitajiet ta’ finanzjament f’diversi programmi tal-UE; jinnota l-livell għoli ta’ għarfien u għarfien espert li diġà għandhom bħalissa l-awtoritajiet lokali u reġjonali (13), u jistieden lill-korpi kompetenti tal-infurzar tal-liġi reġjonali u s-servizzi ta’ intelligence tagħhom jikkontribwixxu kemm għall-iżvilupp ta’ networks nazzjonali ta’ partijiet interessati rilevanti kif ukoll taċ-Ċentru ta’ Għarfien tal-UE dwar il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni;

20.

jenfasizza wkoll l-importanza tal-Fond għas-Sigurtà Interna fil-ġlieda Ewropea kontra t-terroriżmu u jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li s-sehem tal-fondi ġestiti mill-Istati Membri jilħaq lill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali kompetenti kollha f’dan il-qasam;

Protezzjoni

Il-protezzjoni tan-nies fl-ispazji pubbliċi

21.

jenfasizza l-vulnerabilità tal-ispazji pubbliċi għall-attakki terroristiċi u jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni li ssaħħaħ aktar il-prinċipju tas-“sigurtà sa mit-tfassil”. Il-KtR jistenna bil-ħerqa l-“ktieb arkitettoniku virtwali” tal-Kummissjoni biex jiġu inkorporati aspetti tas-sigurtà fid-diżinn ta’ spazji pubbliċi futuri u fir-rinnovazzjoni ta’ dawk eżistenti, u jindika l-bilanċ li għandu jintlaħaq bejn is-sigurtà tal-ispazji pubbliċi u l-ftuħ, l-abitabilità u l-aċċessibilità ta’ dawn l-ispazji;

22.

jirrikonoxxi l-valur simboliku għoli tal-postijiet ta’ qima, li spiss jagħmluhom il-mira tat-terroristi, u jistenna bil-ħerqa l-proġetti li l-Kummissjoni biħsiebha tappoġġja f’kooperazzjoni mal-Istati Membri biex tissaħħaħ il-protezzjoni fiżika tagħhom u li hawnhekk ukoll iridu jsibu bilanċ fir-rigward tal-ftuħ, l-abitabilità u l-aċċessibilità;

Il-bliet bħala s-sinsla tas-sigurtà pubblika

23.

jilqa’ l-proposti tal-Kummissjoni rigward l-impenn tal-UE dwar is-sigurtà u r-reżiljenza urbana kif ukoll l-inizjattiva l-ġdida “Bliet kontra r-Radikalizzazzjoni u t-Terroriżmu”; jitlob li l-ħidma sseħħ permezz tal-prinċipju ta’ punt uniku ta’ servizz biex jiġi żgurat punt uniku ta’ kuntatt;

24.

jistieden lill-Kummissjoni tinkludi lill-Kumitat tar-Reġjuni bħala msieħeb sħiħ fl-impenn tal-UE dwar is-sigurtà u r-reżiljenza urbana u biex dejjem jiġi kkonsultat fil-proposti rilevanti;

25.

jenfasizza li l-fondi tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE jistgħu jintużaw ukoll għall-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u għat-titjib tal-infrastruttura pubblika permezz ta’ investimenti mmirati lejn il-koeżjoni soċjali, l-integrazzjoni u r-reżiljenza;

Nagħmlu l-infrastruttura kritika aktar reżiljenti

26.

jenfasizza r-riskju maħluq mill-infrastruttura kritika bħala mira terroristika kif ukoll l-importanza li inċidenti ċibernetiċi jiġu rrappurtati fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà tan-networks u tas-sistemi tal-informazzjoni (14); jistenna bil-ħerqa l-proposti tal-Kummissjoni biex tiżdied ir-reżiljenza tal-operaturi u tissaħħaħ is-sigurtà kontra r-riskji fiżiċi u diġitali;

27.

jilqa’ l-fatt li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Proposta għal Direttiva dwar ir-reżiljenza tal-infrastrutturi kritiċi (15) ġie estiż b’mod sinifikanti biex jinkludi l-enerġija, it-trasport, is-saħħa, l-ilma tax-xorb, l-ilma mormi, l-infrastrutturi diġitali, l-amministrazzjoni pubblika u l-ispazju. Itenni (16) t-talba tiegħu lill-Kummissjoni Ewropea biex fil-futur tikkunsidra l-possibbiltà li żżid is-setturi li għandhom jiġu koperti mid-Direttiva, billi tinkludi wkoll is-settur tal-ktajjen tad-distribuzzjoni tal-oġġetti essenzjali;

Is-sigurtà tal-fruntieri

28.

ifakkar li l-moviment liberu tal-persuni fi ħdan l-UE għandu jkun marbut b’mod inseparabbli mal-kontroll xieraq tal-fruntieri esterni; jaqbel mal-Kummissjoni li jeħtieġ li jsir aktar biex tinkiseb sistema effettiva ta’ ġestjoni tal-fruntieri bil-għan li jiġu kkontrollati b’mod sistematiku l-vjaġġaturi kollha fil-fruntieri esterni sabiex dawk issuspettati b’terroriżmu jiġu identifikati u jiċċaħdu milli jidħlu fl-UE. Il-KtR jistenna bil-ħerqa l-proposti tal-Kummissjoni għal Strateġija ġdida ta’ Schengen;

29.

jirrikonoxxi l-ħtieġa li tinkiseb l-interoperabilità tas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) (17), is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) (18) u s-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali dwar ċittadini ta’ pajjiż terz u persuni mingħajr Stat (ECRIS-TCN) (19) u li dawn jiġu implimentati b’mod sħiħ u rapidu;

30.

jirrikonoxxi, fil-kuntest tar-Regolamenti l-ġodda dwar is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) (20), il-ħtieġa li tiġi implimentata s-Sistema Awtomatizzata għall-Identifikazzjoni tal-Marki tas-Swaba’ (AFIS) u li fis-SIS tiġi inkluża informazzjoni dwar ġellieda terroristi barranin ipprovduta minn pajjiżi terzi fdati;

Iċ-ċaħda tat-terroristi mill-mezzi ta’ attakk

31.

jirrikonoxxi t-theddida kkawżata minn splussivi magħmula d-dar u jappoġġja l-appell tal-Kummissjoni li l-leġiżlazzjoni dwar il-prekursuri tal-isplussivi (21) tiġi implimentata u infurzata bis-sħiħ; jenfasizza l-importanza li din il-leġiżlazzjoni tiġi rieżaminata u aġġornata regolarment;

Rispons

Appoġġ operazzjonali: it-tisħiħ tal-Europol

32.

jirrikonoxxi r-rwol kruċjali tal-Europol u taċ-Ċentru Ewropew tiegħu għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu (ECTC) u jenfasizza l-ħtieġa għal riżorsi addizzjonali; jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni (22) li ssaħħaħ il-mandat tal-Europol, biex ikun jista’ jikkoopera b’mod effettiv ma’ partijiet privati bil-għan li jappoġġja l-investigazzjonijiet kriminali nazzjonali dwar it-terroriżmu fl-ipproċessar u l-analiżi tal-big data, u juża l-għarfien espert tiegħu fir-riċerka u l-innovazzjoni;

Kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi

33.

jenfasizza l-ħtieġa għal kooperazzjoni transfruntiera u transsettorjali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, jitlob kooperazzjoni b’saħħitha bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi reġjonali u nazzjonali u l-Europol, u jenfasizza l-valur miżjud tat-taħriġ rilevanti tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL) (23); jistenna bil-ħerqa l-proposta tal-Kummissjoni għal kodiċi fil-livell tal-UE ta’ kooperazzjoni tal-pulizija u jitlob li din tikkunsidra l-istruttura deċentralizzata ta’ xi Stati Membri fir-rigward tas-sigurtà; jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni li tkompli tappoġġja u tissalvagwardja n-Network Atlas ta’ unitajiet ta’ intervent speċjali (24), u jappella li jiġu esplorati għażliet ta’ akkomunament u kondiviżjoni;

It-tisħiħ tal-iskambju ta’ informazzjoni

34.

jirrikonoxxi l-ħtieġa għal koordinazzjoni, kooperazzjoni u skambju ta’ informazzjoni aktar b’saħħithom bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-Istati Membri, il-pulizija, il-ġustizzja, is-servizzi tas-sigurtà u tal-intelligence, kif ukoll mal-aġenziji Ewropej rilevanti; jenfasizza l-aħjar prattiki bl-użu ta’ task forces multidixxiplinari, gruppi ta’ ħidma u unitajiet tas-sigurtà fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali (25); jistenna bil-ħerqa l-proposti tal-Kummissjoni għal mekkaniżmu effiċjenti ta’ skambju ta’ informazzjoni kontra t-terroriżmu, u jenfasizza l-importanza tad-diskrezzjoni u l-fiduċja reċiproka;

35.

jirrikonoxxi l-ħtieġa għal skambju aħjar tal-profili tad-DNA, il-marki tas-swaba’ u tal-pala tal-id u d-data dwar ir-reġistri nazzjonali tal-vetturi bejn l-Istati Membri li jissodisfa l-ħtiġijiet operattivi tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u jirrispetta l-qafas legali tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data; jistenna bil-ħerqa l-proposti tal-Kummissjoni biex jiġu riveduti, aġġornati u estiżi d-Deċiżjonijiet ta’ Prüm (26);

L-appoġġ ta’ investigazzjonijiet u prosekuzzjoni

36.

jirrikonoxxi li minkejja li l-kriptaġġ tal-informazzjoni huwa għodda importanti għall-protezzjoni taċ-ċibersigurtà u tad-drittijiet fundamentali, dan jintuża ħażin mit-terroristi, u jistenna bil-ħerqa l-kooperazzjoni proposta mill-Kummissjoni mal-Istati Membri biex jiġu identifikati soluzzjonijiet għal aċċess legali għal din id-data f’konformità mad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tagħna u l-qafas legali tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data;

37.

jirrikonoxxi, fil-kuntest tal-identifikazzjoni, id-detezzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ ġellieda terroristi barranin li jirritornaw, il-ħtieġa u l-kumplessità tal-ġbir ta’ evidenza u data mill-kamp tal-battalja; jistenna bil-ħerqa l-inizjattivi tal-Kummissjoni biex jiġu appoġġjati l-Istati Membri f’dan ir-rigward, u jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni biex issaħħaħ il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi;

Appoġġ imsaħħaħ għall-vittmi tat-terroriżmu

38.

jenfasizza l-impatt enormi tal-attakki terroristiċi fuq il-vittmi, u jirrimarka li l-appoġġ għall-vittmi għandu jkun ibbażat fuq ir-rikonoxximent, il-kommemorazzjoni, il-ġustizzja u t-tiftix tal-verità;

39.

jenfasizza l-ħtieġa li l-vittmi jingħataw appoġġ, u jinnota l-prattika tajba ta’ sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet b’mentors, li permezz tagħha l-vittmi jkunu akkumpanjati individwalment fil-livell amministrattiv u emozzjonali;

40.

jenfasizza l-valur miżjud tal-proġett pilota taċ-Ċentru ta’ għarfien espert tal-UE għall-vittmi tat-terroriżmu (27) u jappella biex dan ikompli jiġi żviluppat u estiż lil hinn mill-2021 sabiex titwettaq aktar ħidma prattika fuq il-post; jappella għal kooperazzjoni b’saħħitha maċ-Ċentru ta’ Għarfien futur tal-UE dwar il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni, iżda dawn iż-żewġ Ċentri m’għandhomx jingħaqdu;

41.

jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni li tesplora modi kif ittejjeb l-aċċess tal-vittmi għall-kumpens, inkluż fir-rigward tal-vittmi tat-terroriżmu f’sitwazzjonijiet transfruntiera, li huma residenti ta’ Stat Membru ieħor milli dak fejn seħħ l-attakk terroristiku; jappella li jiġu kkunsidrati sistemi bħal fond ta’ garanzija għall-vittmi tat-terroriżmu.

Brussell, it-12 ta’ Ottubru 2021.

Apostolos TZITZIKOSTAS

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni


(1)  COM(2020) 795 final.

(2)  Artikoli 4, 67 u 72 tat-TFUE.

(3)  Europol (2020). European Union Terrorism Situation and Trend Report (TE-SAT) 2020 (Rapport tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sitwazzjoni u t-Tendenzi tat-Terroriżmu (TE-SAT) 2020).

(4)  Europol (2020). Rapport tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sitwazzjoni u t-Tendenzi tat-Terroriżmu (TE-SAT) 2020.

(5)  Id-Direttorat Eżekuttiv tal-Kumitat kontra t-Terroriżmu tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (2020). The impact of the COVID-19 pandemic on terrorism, counter-terrorism and countering violent extremism (L-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq it-terroriżmu, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti).

(6)  https://futurium.ec.europa.eu/en/urban-agenda/security-public-spaces

(7)  Artikolu 83(1) tat-TFUE.

(8)  COM(2020) 825 final.

(9)  https://ec.europa.eu/home-affairs/networks/radicalisation-awareness-network-ran_en (mhux disponibbli bil-Malti).

(10)  https://ec.europa.eu/home-affairs/policies/internal-security/counter-terrorism-and-radicalisation_en (mhux disponibbli bil-Malti).

(11)  https://preventie-radicalisering-polarisering.vlaanderen.be/sites/preventie-radicalisering-polarisering/files/leidraad_livc.pdf

(12)  COM(2020) 758 final.

(13)  Parlament Fjamming (2015). Dokument 366 (2014-2015) – Nru 3 u l-Gvern Fjamming (2017). Pjan ta’ Azzjoni Fjamming għall-Prevenzjoni tar-Radikalizzazzjoni Vjolenti u l-Polarizzazzjoni.

(14)  Id-Direttiva (UE) 2016/1148.

(15)  COM(2020) 829 final

(16)  Opinjoni tal-KtR dwar Ir-reżiljenza tal-entitajiet kritiċi, NAT-VII/017

(17)  https://www.eulisa.europa.eu/Activities/Large-Scale-It-Systems/Sis-Ii

(18)  https://www.eulisa.europa.eu/Activities/Large-Scale-It-Systems/Etias

(19)  https://www.eulisa.europa.eu/Activities/Large-Scale-It-Systems/Ecris-Tcn

(20)  Ir-Regolament (UE) 2018/1860, Regolament (UE) 2018/1861, Regolament (UE) 2018/1862.

(21)  Ir-Regolament (UE) 2019/1148.

(22)  COM(2020) 796 final.

(23)  https://www.cepol.europa.eu/education-training/what-we-teach/counter-terrorism

(24)  Id-Deċiżjoni 2008/617/ĠAI.

(25)  https://www.besafe.be/sites/default/files/2019-06/planr_en.pdf

(26)  Id-Deċiżjonijiet 2008/615/ĠAI u 2008/616/ĠAI.

(27)  https://ec.europa.eu/info/policies/justice-and-fundamental-rights/criminal-justice/eu-centre-expertise-victims-terrorism_en (mhux disponibbli bil-Malti).


Üles