Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021IR1278

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea

COR 2021/01278

ĠU C 440, 29.10.2021, p. 31–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

29.10.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 440/31


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea

(2021/C 440/06)

Relatur:

Aleksandra DULKIEWICZ (PL/PPE), Sindku ta’ Gdańsk

Dokument ta’ referenza:

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Dwar il-pjan ta’ azzjoni għad-Demokrazija Ewropea

COM(2020) 790 final/2, 3 ta’ Diċembru 2020

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

Sfond

1.

iqis li, filwaqt li l-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għad-Difiża jiffoka fuq mekkaniżmi ta’ difiża fuq terminu qasir għas-salvagwardja tal-proċessi demokratiċi, dan għandu jiġi segwit minn approċċ aktar strateġiku u fit-tul għall-promozzjoni tad-demokrazija Ewropea fil-livelli kollha u fid-dimensjoni doppja tagħha ta’ demokrazija rappreżentattiva kif ukoll parteċipattiva. Approċċ bħal dan jista’ jibni fuq il-leġiżlazzjoni eżistenti u l-aħjar prattiki diġà applikati fl-Istati Membri fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, u jwassal għall-abbozzar ta’ Karta Ewropea għad-Demokrazija;

2.

itenni li skont l-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), li jiddefinixxi l-prinċipju tas-sussidjarjetà, “fl-oqsma li ma jaqgħux fil-kompetenza esklussiva tagħha, l-Unjoni għandha taġixxi biss jekk u sa fejn, l-objettivi tal-azzjoni prevista ma jkunux jistgħu jinkisbu biżżejjed mill-Istati Membri”;

3.

jilqa’ l-inizjattiva biex jiġi stabbilit Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-Pjan ta’ Azzjoni). It-theddida tal-populiżmu, in-nazzjonaliżmu, il-manipulazzjoni tas-soċjetà, id-diżinformazzjoni, id-diskors ta’ mibegħda u t-teoriji ta’ kospirazzjoni fl-ispazju pubbliku u politiku Ewropew qed tiżdied. Dan iwassal għal polarizzazzjoni, aggressjoni, intolleranza u nuqqas serju ta’ solidarjetà fost il-popolazzjoni. L-għan ġenerali — li nsaħħu l-pożizzjoni taċ-ċittadini u nibnu demokraziji aktar reżiljenti fl-UE — huwa kruċjali fit-tfassil ta’ miżuri biex tissaħħaħ il-komunità tagħna;

4.

jenfasizza li, strutturalment, l-Unjoni Ewropea (UE) tixbah organiżmu interkonness. Id-deterjorament tad-drittijiet u l-libertajiet ċivili fi Stat Membru wieħed għandu effetti negattivi reali fuq id-demokrazija fl-UE u jhedded il-valuri komuni tagħna;

5.

jenfasizza l-ħtieġa li jiġu elenkati kemm it-theddid għad-demokrazija kif ukoll l-aħjar prattiki innovattivi għall-parteċipazzjoni taċ-ċittadini, u li l-awtoritajiet reġjonali u lokali jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex jagħmlu dan; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Parlament u lill-Kunsill jieħdu nota tar-rakkomandazzjonijiet tal-Barometru Reġjonali u Lokali Annwali tal-UE tal-2021, li se jiġu ppubblikati f’Ottubru 2021;

6.

jaqbel mal-fehma espressa fl-Opinjoni dwar il-Pjan ta’ Azzjoni kontra d-Diżinformazzjoni li s-sensibilizzazzjoni fost iċ-ċittadini hija proċess twil u kumpless, li fost l-oħrajn jinvolvi l-iżvilupp tal-litteriżmu fil-media, inkluż l-indirizzar ta’ modi ġodda ta’ ġbir u tixrid ta’ informazzjoni. Dawn il-ħiliet għandhom ikunu akkumpanjati minn analiżi kritika tal-informazzjoni u s-sorsi tagħha;

7.

jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jinsabu f’pożizzjoni tajba biex jipparteċipaw fil-ġlieda ddikjarata kontra d-diżinformazzjoni u t-theddid li din toħloq;

8.

jirrimarka li s-sħubija fl-UE ma tfissirx biss libertajiet u riżorsi finanzjarji, iżda wkoll rispett għall-valuri fundamentali. Jeħtieġ li jiġu stabbiliti strumenti legali speċifiċi li jippermettu li tittieħed azzjoni rapida u effettiva biex tiġi promossa u, f’każijiet estremi, tiġi imposta l-applikazzjoni tal-prinċipji tal-istat kostituzzjonali demokratiku u l-istat tad-dritt mill-Istati Membri. Bħalissa ma hemm l-ebda strument legali bħal dan. Għalhekk, l-azzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea dwar deċiżjonijiet problematiċi meħuda f’xi Stati Membri ftit li xejn huma effettivi kif deskritt fir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Ġunju 2021 dwar is-sitwazzjoni tal-Istat tad-Dritt fl-Unjoni Ewropea u l-applikazzjoni tar-Regolament 2020/2092 dwar il-kondizzjonalità, li l-KtR jaqbel mis-sħiħ magħha; jesprimi d-dubji tiegħu dwar jekk l-Artikolu 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jipprovdix tweġiba adegwata għal dawn l-isfidi;

9.

jitlob li jittieħdu miżuri strateġiċi u li titfassal leġiżlazzjoni kemm jista’ jkun malajr biex jiġu indirizzati b’mod effettiv il-problemi f’xi pajjiżi tal-UE, pereżempju fil-qasam tas-sigurtà fl-elezzjonijiet fil-livelli kollha;

10.

jenfasizza li d-demokrazija Ewropea mhijiex mhedda biss minn aggressuri esterni li jixtiequ jiddestabbilizzaw l-UE, iżda wkoll minn fatturi interni mmirati lejn il-qalba tal-UE — il-komunità;

11.

jemmen li l-Pjan ta’ Azzjoni għandu għalhekk iwitti t-triq għall-iżvilupp ta’ relazzjonijiet u kuntatti ma’ pajjiżi terzi li ma jaċċettawx l-istandards demokratiċi u jiksru d-drittijiet fundamentali tal-bniedem u dawk ċivili. Il-politika tal-UE fir-rigward ta’ pajjiżi bħar-Russja, il-Belarussja u ċ-Ċina u l-ħidma tat-Task Force East StratCom jistgħu jservu bħala eżempju; jinnota li l-movimenti demokratiċi fil-pajjiżi ġirien tal-UE għandhom jiġu appoġġjati, fost l-oħrajn, fil-qafas tas-Sħubija tal-Lvant;

12.

jenfasizza li għandhom isiru sforzi biex jinkiseb bilanċ bejn il-ġlieda mat-theddid relatat ma’ pandemija u l-protezzjoni tal-libertajiet ċivili (pereżempju, il-kwistjoni tal-protezzjoni tad-data jew il-prevenzjoni tar-restrizzjoni tad-dritt għal-libertà ta’ għaqda u dimostrazzjoni);

13.

jindika li attakk fuq il-media jhedded il-valuri Ewropej u jwassalna fit-triq tal-awtoritarjaniżmu. Sorveljanza pubblika reali mhijiex possibbli mingħajr media ħielsa. In-nuqqas ta’ standards ġurnalistiċi joħloq klima li tiffavorixxi t-tixrid ta’ teoriji ta’ kospirazzjoni, id-diżinformazzjoni, il-populiżmu u d-diskors ta’ mibegħda; iwissi dwar il-fatt li f’xi Stati Membri tal-UE jeżistu miżuri biex il-media tiġi nazzjonalizzata mill-ġdid;

14.

jinnota li l-aċċess għall-informazzjoni pubblika ma jingħatax biżżejjed attenzjoni fil-Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea. Id-demokrazija u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem huma bbażati fuq l-iskambju ħieles ta’ informazzjoni u ideat. L-informazzjoni miġbura mill-awtoritajiet pubbliċi tappartjeni liċ-ċittadini u l-awtoritajiet fil-livelli kollha jżommu din id-data f’isimhom (1); jenfasizza li l-awtoritajiet lokali li jużaw għodod biex iċ-ċittadini jingħataw aċċess għall-informazzjoni u biex jipparteċipaw b’mod dirett fl-eżerċitar tas-setgħat huma eżempji tajbin tal-aċċess miftuħ u tal-obbligu ta’ rendikont tal-awtoritajiet pubbliċi (2);

15.

ifakkar li UE demokratika għandha tirrispetta l-impenn tagħha li tipproteġi l-valuri tal-UE, l-inklużjoni u l-ugwaljanza fl-aspetti kollha tagħha, irrispettivament mill-ġeneru, l-oriġini etnika, ir-reliġjon, it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali, u l-Istati Membri jeħtiġilhom jagħmlu sforzi f’din id-direzzjoni;

16.

jenfasizza li l-Pjan ta’ Azzjoni ma jagħmilx referenza diretta għall-attivitajiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

Prijoritajiet

17.

jappoġġja bis-sħiħ it-tisħiħ tal-awtorità tal-UE u tal-Istati Membri, il-kredibbiltà tal-istituzzjonijiet pubbliċi tal-istat tad-dritt, l-edukazzjoni u r-rwol tal-awtoritajiet territorjali bħala istituzzjonijiet li jippromovu d-demokrazija;

18.

jenfasizza li l-fiduċja taċ-ċittadini tal-UE fil-ħidma tal-istituzzjonijiet ewlenin tal-UE hija prerekwiżit indispensabbli għall-iżvilupp ta’ komunità demokratika Ewropea. L-affidabbiltà u l-kredibbiltà tal-istituzzjonijiet ċentrali fl-Istati Membri jirrikjedu li dawn l-Istati jirrispettaw l-istat tad-dritt. Il-funzjonament effettiv ta’ istituzzjonijiet indipendenti u r-rispett tal-valuri demokratiċi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali huma l-pedament tal-komunità Ewropea;

19.

jenfasizza r-rwol ewlieni tal-awtoritajiet lokali fit-tisħiħ taċ-ċittadinanza. L-awtoritajiet lokali u reġjonali huma l-eqreb livell taċ-ċittadini u dawk li huma l-aktar fdati (3). It-tisħiħ tar-rwol tar-reġjuni u l-bliet, pereżempju permezz tal-ħolqien ta’ strumenti finanzjarji li fihom il-fondi huma allokati esklużivament skont kriterji adatti, qed isir dejjem aktar importanti f’termini strateġiċi;

20.

jitlob li ssir enfasi fuq it-trawwim u l-edukazzjoni ta’ Ewropej responsabbli, tolleranti u li jkunu lesti li jilħqu kompromess, filwaqt li jfittxu soluzzjoni paċifika għall-kunflitti. Il-koeżistenza ta’ fehmiet u attitudnijiet differenti hija “vaċċin” effettiv kontra l-fanatiżmu, ir-razziżmu u l-kunflitti etniċi;

Edukazzjoni ċivika — ħsieb kritiku u litteriżmu fil-media

21.

jenfasizza li l-awtoritajiet lokali jista’ jkollhom rwol importanti fil-qasam tal-edukazzjoni billi joħolqu l-kundizzjonijiet għall-komunitajiet lokali biex jiżviluppaw imġiba demokratika pożittiva;

22.

iwissi kontra r-radikalizzazzjoni tas-soċjetà u kontra l-ħtif tal-poter minn populisti li jużaw il-mezzi ta’ diżinformazzjoni. Biex tiġi miġġielda d-diżinformazzjoni, jeħtieġ li jiġu identifikati l-gruppi fil-mira li huma l-aktar suxxettibbli għall-effetti negattivi tagħha. Iż-żgħażagħ, l-anzjani, il-minoranzi nazzjonali u etniċi, il-migranti u n-nies li ma għandhomx aċċess għad-dinja diġitali għandhom jingħataw protezzjoni speċjali. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tagħti attenzjoni partikolari lir-reġjuni u l-gruppi l-aktar suxxettibbli għad-diżinformazzjoni kemm minn ġewwa kif ukoll minn barra;

23.

jieħu nota tal-linji gwida ppreżentati mill-Kummissjoni Ewropea fis-26 ta’ Mejju sabiex jiġu rimedjati n-nuqqasijiet tal-Kodiċi ta’ Prattika tagħha dwar id-Diżinformazzjoni. Jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni tappella għal “impenji aktar b’saħħithom u aktar speċifiċi fl-oqsma kollha tal-Kodiċi” u b’mod partikolari għal metodi ta’ monitoraġġ imtejba, u li hija tistieden lill-pjattaformi oħrajn li joperaw fl-UE, lis-servizzi ta’ messaġġi privati, u lill-atturi oħrajn tal-ekosistema tar-reklamar online biex jaderixxu mal-Kodiċi. Madankollu, id-diffikultà tal-Kummissjoni biex tivverifika l-veraċità tar-rapporti ta’ monitoraġġ li jipprovdu l-pjattaformi, u n-nuqqas ta’ kwalunkwe mekkaniżmu ta’ sanzjonijiet ifixklu b’mod sinifikanti l-effettività ta’ dan il-Kodiċi, u jappella għal aktar azzjoni regolatorja fil-livell tal-UE;

24.

jissuġġerixxi, f’dan il-kuntest, li jitfassal kurrikulu pan-Ewropew mhux obbligatorju u mhux vinkolanti għall-Istati Membri għall-edukazzjoni ċivika, il-ħsieb kritiku u l-litteriżmu fil-media, abbażi tal-programm Finlandiż CIVIS bħala l-aħjar prattika, li jkun soġġett għal konsultazzjoni pubblika u mbagħad jiġi adattat biex jissodisfa l-ħtiġijiet reġjonali u lokali. Il-kontenut tat-tagħlim għandu jiffoka fuq l-edukazzjoni skolastika, it-taħriġ tal-impjegati taċ-ċivil, it-tagħlim tul il-ħajja u l-kampanji pubbliċi. Il-KtR jixtieq ikollu sehem attiv fl-iżvilupp ta’ dan il-kurrikulu u jistieden lill-Kummissjoni Ewropea taħdem mill-qrib mal-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili filwaqt li tqis il-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-allokazzjoni tal-kompetenzi;

Il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni u d-diskors ta’ mibegħda

25.

huwa tal-fehma li għandha tinħoloq aġenzija Ewropea (4), bil-kooperazzjoni mill-qrib tal-Kumitat INGE tal-Parlament Ewropew, li tkun inkarigata milli tieħu miżuri preventivi fl-oqsma tad-diżinformazzjoni, id-diskors ta’ mibegħda, l-intolleranza, il-vjolenza kontra ċerti gruppi soċjali u t-tixrid ta’ teoriji ta’ kospirazzjoni;

26.

jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-awtoritajiet lokali għandhom rwol sekondarju fil-ġlieda kontra t-tixrid ta’ aħbarijiet foloz, ħafna drabi minħabba nuqqas ta’ għarfien espert, ħiliet u riżorsi; jitlob li jinħoloq mekkaniżmu ta’ finanzjament koerenti għall-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni;

27.

jilqa’ l-Istrateġija dwar l-Unjoni tas-Sigurtà li tagħmel enfasi fuq attakki ibridi minn atturi statali u mhux statali, attakki ċibernetiċi, ħsara lill-infrastruttura kritika, il-kampanji ta’ diżinformazzjoni u r-radikalizzazzjoni ta’ narrattivi politiċi;

28.

iqis li hemm bżonn ta’ dibattitu dwar il-libertà tal-espressjoni u xi jfisser dan b’rabta mal-internet; jixħet dawl fuq il-Premju “Sindku Paweł Adamowicz” (5) għall-promozzjoni tal-integrazzjoni soċjali, l-opportunitajiet indaqs u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet ċivili kif ukoll il-ġlieda kontra l-preġudizzju u l-ksenofobija, li tnieda b’mod konġunt mill-KtR, in-Network Internazzjonali tal-Bliet ta’ Rifuġju (ICORN) u l-Belt ta’ Gdańsk, bħala pass konkret f’din id-direzzjoni;

29.

iqis li minbarra l-awtoritajiet lokali u s-soċjetà ċivili, il-media trid tkun involuta wkoll. Minħabba l-esperjenzi prattiċi u professjonali tagħhom, in-nies li jaħdmu fil-qasam tal-informazzjoni huma aktar sensibilizzati fir-rigward tad-diżinformazzjoni;

30.

ifakkar fl-importanza tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali bħala strument biex l-ambjent diġitali jsir aktar trasparenti u biex il-pjattaformi online jkollhom responsabbiltà akbar;

31.

jirrimarka l-ħtieġa li tiġi żgurata konsistenza sħiħa bejn il-Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea, il-Pjan ta’ Azzjoni Medjatiku u Awdjoviżiv u d-dibattiti leġiżlattivi dwar l-Att dwar is-Servizzi Diġitali;

32.

jitlob li titfassal direttiva dwar is-servizzi diġitali li tipproponi qafas orizzontali għas-sorveljanza regolatorja tal-ispazju online kif ukoll dispożizzjonijiet biex jiġi żgurat l-obbligu ta’ rendikont tal-pjattaformi għall-immaniġġjar tal-kontenut, ir-reklamar u l-immirar mikro tagħhom;

Is-sigurtà tal-ġurnalisti u l-appoġġ għall-media lokali

33.

jenfasizza l-importanza ta’ ġurnaliżmu affidabbli, inkluż fil-livell lokali, għall-bini tal-fiduċja pubblika. Il-media indipendenti hija waħda mill-aktar pilastri importanti tad-demokrazija u għandha influwenza konkreta fuq il-livell tad-dibattitu pubbliku;

34.

jikkundanna l-użu tal-kawżi SLAPP (kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika) biex tittieħed azzjoni kontra l-media indipendenti u jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta biex tipproteġi lill-ġurnalisti u lis-soċjetà ċivili;

35.

iwissi kontra l-marġinalizzazzjoni tal-istampa indipendenti permezz tal-monopolizzazzjoni u l-politiċizzazzjoni tal-media, speċjalment jekk dan isir bil-fondi tal-UE; jitlob monitoraġġ aħjar tal-fondi allokati għal tali skopijiet; jappoġġja l-involviment tar-reġjuni fl-allokazzjoni tal-fondi tal-UE; jappoġġja l-ħolqien ta’ miżuri leġiżlattivi komplementari, filwaqt li jiġu rispettati l-kompetenzi tal-Istati Membri, bil-għan li tissaħħaħ il-kapaċità ta’ intervent Ewropew sabiex jiġi żgurat li l-libertà u l-pluralità tal-media indipendenti jibqgħu pilastru tad-demokrazija tagħna;

36.

jenfasizza li l-attakki fuq id-dritt għal-libertà tal-espressjoni jillimitaw id-dibattitu pubbliku; ifakkar fid-dritt għal-libertà tal-espressjoni fis-settur akkademiku, tax-xjenza u tal-arti; iqis li l-intimidazzjoni, il-kampanji ta’ malafama, il-pressjoni politika, ir-restrizzjonijiet finanzjarji u l-ostakli għall-aċċess għall-fondi pubbliċi jheddu l-ħidma tar-riċerkaturi, tal-media u tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi u jagħmluha impossibbli għalihom li jeżerċitaw il-funzjoni ta’ kontroll tagħhom; iwissi kontra tentattivi minn xi gvernijiet biex jirrestrinġu l-indipendenza tar-riċerka u jimponu sanzjonijiet ibbażati fuq kriterji vagi u kontroversjali;

Tisħiħ tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini

37.

jenfasizza li l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa għandha tkun organizzata fl-akbar għadd possibbli ta’ reġjuni Ewropej u f’approċċ minn isfel għal fuq, li jippermetti l-involviment u l-parteċipazzjoni ta’ gruppi differenti ta’ ċittadini fid-dibattitu; jirrakkomanda li jiġu rikonoxxuti l-fora taċ-ċittadini bħala forma ta’ parteċipazzjoni fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE;

38.

jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE joħolqu kanali effettivi, trasparenti u inklużivi biex jilħqu liċ-ċittadini, speċjalment lil dawk li mhumiex imħajra jipparteċipaw fil-ħajja pubblika u soċjali; jenfasizza r-rwol ewlieni li għandhom iż-żgħażagħ f’dan il-proċess;

39.

huwa konxju tal-fatt li l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa hija opportunità unika biex tinvolvi liċ-ċittadini; jemmen li din il-parteċipazzjoni innovattiva u mifruxa mal-Ewropa kollha tagħmilha possibbli biex niddeċiedu flimkien dwar il-futur, il-forma u l-prijoritajiet ta’ Ewropa demokratika; jimpenja ruħu li jinvolvi bis-sħiħ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-Konferenza biex jirrevedu l-aħjar prattika u biex jingħata leħen liċ-ċittadini u lill-awtoritajiet lokali;

Elezzjonijiet ħielsa u demokratiċi

40.

jenfasizza li t-tħassib dwar elezzjonijiet ħielsa u demokratiċi msemmi fil-Pjan ta’ Azzjoni għandu japplika bl-istess mod għall-elezzjonijiet Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali;

41.

jirrimarka li l-kampanji politiċi qed isiru dejjem aktar online; iqis għalhekk li jinħtieġu regoli li jiżguraw it-trasparenza tal-kontenut politiku sponsorjat kif ukoll linji gwida għall-partiti politiċi u l-Istati Membri; jitlob li jiġu kkunsidrati l-ispeċifiċitajiet tal-elezzjonijiet lokali, li ta’ spiss jiġu ttraskurati meta tiġi abbozzata leġiżlazzjoni fl-UE;

42.

jinnota li l-Pjan ta’ Azzjoni ma jindirizzax biżżejjed il-perjodi bejn l-elezzjonijiet; jenfasizza li d-diżinformazzjoni, il-propaganda, il-manipulazzjoni u t-tentattivi biex jinfluwenzaw l-attitudnijiet taċ-ċittadini jseħħu l-aktar spiss matul dan il-perjodu;

43.

jenfasizza li l-Fondi Strutturali tal-UE għandhom jintużaw biex jiffinanzjaw l-attivitajiet tas-soċjetà ċivili u biex jibnu l-kapaċitajiet u l-istrutturi istituzzjonali u amministrattivi meħtieġa għall-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini fil-ħajja politika; iqis li l-aċċess għall-fondi għandu jkun sempliċi kemm jista’ jkun u li l-immaniġġjar tagħhom għandu jaqa’ kemm jista’ jkun taħt ir-responsabbiltà tar-reġjuni;

44.

jilqa’ l-fatt li, fid-19 ta’ April, il-Kummissjoni Ewropea nediet konsultazzjoni pubblika li hija miftuħa sat-12 ta’ Lulju (6) bil-għan li fl-aħħar kwart tal-2021 jitressqu direttivi aġġornati li jkollhom l-għan li jappoġġjaw liċ-ċittadini li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor tal-UE jeżerċitaw id-dritt li jivvutaw u li joħorġu bħala kandidati kemm fl-elezzjonijiet muniċipali kif ukoll f’dawk Ewropej. Fil-fatt, kif tqajjem ukoll mill-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (IĊE) dwar Voters without Borders (7) (Votaturi Mingħajr Fruntieri), minkejja li 14-il miljun ċittadin mobbli tal-UE huma eliġibbli biex jivvutaw, ir-rati ta’ persuni li joħorġu jivvutaw u l-għadd ta’ ċittadini mobbli tal-UE li joħorġu bħala kandidati għadhom inqas mir-rati ta’ gruppi komparabbli fil-livell nazzjonali, u għadhom jiffaċċjaw diffikultajiet biex jeżerċitaw id-drittijiet elettorali tagħhom;

45.

iwissi li l-pandemija wriet l-isfida li jsiru elezzjonijiet kompletament demokratiċi fl-isfond ta’ rekwiżiti restrittivi. L-iżgurar tas-sigurtà tal-vot bil-posta u/jew tal-vot elettroniku hija sfida organizzattiva u teknoloġika, mhux l-anqas fid-dawl ta’ theddid ċibernetiku;

Konklużjoni

46.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tfittex strumenti fit-tul li jgħinu lill-UE tiffaċċja theddid ġdid. Il-“vaċċin tad-demokrazija” li qed infittxu għandu jkun effettiv, innovattiv u effiċjenti, u għandu jsaħħaħ l-infrastruttura demokratika tagħna issa u fit-tul;

47.

jenfasizza li l-parteċipazzjoni sħiħa fil-ħajja pubblika hija l-pedament ta’ komunità pluralista u demokratika. Il-prerekwiżit għal dan, madankollu, huwa l-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet statali. Mingħajr fiduċja ma jistax ikun hemm parteċipazzjoni. Dan mhux possibbli mingħajr l-edukazzjoni tal-pubbliku; jemmen li l-awtoritajiet reġjonali u lokali għandhom rwol importanti x’jaqdu f’dan il-kuntest;

48.

jirrimarka fl-aħħar nett li d-demokrazija u l-istat tad-dritt ikollhom bażi sigura biss jekk it-tmexxija politika fil-livelli kollha tkun akkumpanjata minn ċittadini responsabbli.

Brussell, it-30 ta’ Ġunju 2021.

Apostolos TZITZIKOSTAS

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni


(1)  Fir-Riżoluzzjoni 59 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (1946), fl-Artikolu 19 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (1948) u fl-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (1950), id-dritt għall-informazzjoni huwa parti integrali mid-dritt fundamentali għall-libertà tal-espressjoni.

(2)  Eżempji ta’ tali strumenti tal-awtoritajiet lokali huma data miftuħa, baġits taċ-ċittadini u panels taċ-ċittadini.

(3)  https://cor.europa.eu/mt/our-work/Pages/EURegionalBarometer-2020.aspx

(4)  Pereżempju, b’rabta mal-KtR.

(5)  Paweł Adamowicz kien ukoll dak li ħoloq żewġ mudelli ta’ Gdańsk iddedikati għal dawn l-ideali: il-Mudell għall-Integrazzjoni tal-Immigranti u l-Mudell għat-Trattament Ugwali.

(6)  Konsultazzjoni pubblika dwar il-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet Ewropej (https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/12684-Elezzjonijiet-inkluzivi-tal-Parlament-tal-UE-appogg-g%C4%A7ad-dritt-tac-cittadini-tal-UE-li-jivvutaw-u-jo%C4%A7orgu-b%C4%A7ala-kandidati-f%E2%80%99pajjiz-ie%C4%A7or-tal-UE_mt) u dwar il-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet muniċipali (https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/12733-Elezzjonijiet-inkluzivi-fl-Ewropa-li-jippermettu-lic-cittadini-tal-UE-li-jg%C4%A7ixu-f%E2%80%99pajjiz-ie%C4%A7or-tal-UE-jezercitaw-id-dritt-tag%C4%A7hom-li-jippartecipaw-fl-elezzjonijiet-municipali_mt).

(7)  https://eci.ec.europa.eu/013/public/#/screen/home


Top