Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021IP0510

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2021 dwar is-sitwazzjoni f'Kuba, b'mod partikolari l-każijiet ta' José Daniel Ferrer, il-Mara Liebsa l-Abjad Aymara Nieto, Maykel Castillo, Luis Robles, Félix Navarro, Luis Manuel Otero, ir-Reverendu Lorenzo Rosales Fajardo, Andy Dunier García u Yunior García Aguilera (2021/3019(RSP))

    ĠU C 251, 30.6.2022, p. 120–123 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    30.6.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 251/120


    P9_TA(2021)0510

    Is-sitwazzjoni f'Kuba, b'mod partikolari l-każijiet ta' José Daniel Ferrer, il-Mara Liebsa l-Abjad Aymara Nieto, Maykel Castillo, Luis Robles, Félix Navarro, Luis Manuel Otero, ir-Reverendu Lorenzo Fajardo, Andy Dunier García u Yunior García Aguilera

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2021 dwar is-sitwazzjoni f'Kuba, b'mod partikolari l-każijiet ta' José Daniel Ferrer, il-Mara Liebsa l-Abjad Aymara Nieto, Maykel Castillo, Luis Robles, Félix Navarro, Luis Manuel Otero, ir-Reverendu Lorenzo Rosales Fajardo, Andy Dunier García u Yunior García Aguilera (2021/3019(RSP))

    (2022/C 251/12)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar Kuba, b'mod partikolari dik tas-16 ta' Settembru 2021 dwar it-trażżin mill-gvern tal-protesti u ċ-ċittadini f'Kuba (1),

    wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni (PDCA) bejn l-Unjoni Ewropea u Kuba, iffirmat f'Diċembru 2016 u applikat b'mod provviżorju mill-1 ta' Novembru 2017 (2),

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-14 ta' Novembru 2021 tal-Kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) dwar id-deċiżjoni li jiġu rrevokati l-kredenzjali tal-ġurnalisti tal-EFE,

    wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u trattati u strumenti internazzjonali oħra fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem,

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-29 ta' Novembru 2021 tal-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Uffiċċju tar-Rapporteur Speċjali għal-Libertà tal-Espressjoni dwar l-azzjonijiet repressivi mill-Istat li ma ppermettewx id-dimostrazzjoni ċivika li kellha ssir fil-15 ta' Novembru 2021 f'Kuba,

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-8 ta' Diċembru 2021 ta' diversi artisti flimkien ma' PEN International, Artists at Risk Connection ta' PEN America u Human Rights Watch dwar it-tmiem tar-repressjoni tal-artisti f'Kuba,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra, li Kuba hija Stat Parti għaliha,

    wara li kkunsidra l-ittra tal-10 ta' Mejju 2021 tal-Viċi Direttur Maniġerjali tas-SEAE għall-Amerki lir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili dwar l-involviment tagħhom fl-implimentazzjoni tal-PDCA ARES (2021) 247104,

    wara li kkunsidra d-definizzjoni ta' “Organizzazzjoni tas-Soċjetà Ċivili” ppubblikata fis-sit web tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (EUR-Lex),

    wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni u l-Kodiċi Kriminali ta' Kuba,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A.

    billi fil-11 ta' Lulju 2021 saru dimostrazzjonijiet storiċi f'aktar minn 50 belt fil-gżira, bħala protesta paċifika kontra l-kriżi soċjali u ekonomika gravi, in-nuqqasijiet kroniċi ta' mediċini u oġġetti essenzjali oħra u r-restrizzjonijiet sistematiċi tad-drittijiet tal-bniedem; billi dawn l-ilmenti, b'mod parallel mal-COVID-19, ħolqu żieda fit-talbiet għad-drittijiet ċivili u politiċi, u għad-demokrazija; billi b’rispons għad-dimostrazzjonijiet, l-Gvern Kuban attakka sistematikament lid-dimostranti, lid-dissidenti politiċi, lill-mexxejja reliġjużi, lill-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u lill-artisti indipendenti, fost oħrajn, li wħud minnhom huma rebbieħa tal-Premju Sakharov, għall-attiviżmu paċifiku tagħhom favur id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem; billi ġie rrappurtat li għexieren ta' nies ġew arrestati arbitrarjament, detenuti jew imqiegħda taħt arrest domiċiljari b'sorveljanza kostanti, u jiffaċċjaw akkużi kriminali fittizji u abbużivi;

    B.

    billi José Daniel Ferrer, il-Mara Liebsa l-Abjad Aymara Nieto, Maykel Castillo, Luis Robles, Félix Navarro, Luis Manuel Otero, ir-Reverendu Lorenzo Rosales Fajardo, Andy Dunier García u Yunior García Aguilera huma biss ftit eżempji tal-mijiet ta' Kubani li qed jiffaċċjaw l-inġustizzja u r-repressjoni imposti mir-reġim Kuban;

    C.

    billi dawk li ġew inkarċerati arbitrarjament huma soġġetti għal iżolament kontinwu, inklużi perjodi f'ċelel tal-kastig, tortura krudili, u trattament inuman u degradanti, mingħajr aċċess għall-avukati tagħhom u għal trattament mediku xieraq; billi wħud minnhom huma detenuti f'ħabsijiet 'il bogħod minn djarhom, u l-familji tagħhom ma jitħallewx iżuruhom; billi diversi detenuti qed ibatu minn problemi tas-saħħa, u għalhekk il-ħelsien tagħhom huwa partikolarment urġenti;

    D.

    billi bosta oħrajn li ħarbu mill-pajjiż jew li ġew sfurzati jitilqu mill-pajjiż ma tħallewx jirritornaw u se jibqgħu eżiljati għall-futur prevedibbli; billi r-reat ta' espatrijazzjoni sfurzata ta' dissidenti f'Kuba diġà ġie ddenunzjat minn erba' rapporteurs tan-NU;

    E.

    billi fil-21 ta' Settembru 2021, il-pjattaforma Archipiélago u gruppi oħra tas-soċjetà ċivili talbu b'mod pubbliku u trasparenti l-awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti biex jagħmlu dimostrazzjoni paċifika fil-15 ta' Novembru 2021 favur ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-ħelsien tal-priġunieri politiċi fil-pajjiż; billi l-awtoritajiet Kubani ma tawx il-permess biex il-protesti ppjanati jsiru, filwaqt li kkunsidrawhom illegali u ma rrikonoxxewx il-leġittimità tar-raġunijiet mogħtija għad-dimostrazzjoni;

    F.

    billi lejliet id-dimostrazzjonijiet paċifiċi li kellhom isiru fil-15 ta' Novembru 2021, l-awtoritajiet Kubani rrevokaw il-kredenzjali tal-ġurnalisti li jaħdmu għall-aġenzija tal-aħbarijiet Spanjola, EFE, fil-pajjiż f'mossa ċara biex iwaqqfu l-fluss ta' aħbarijiet liberi u preċiżi mill-gżira;

    G.

    billi l-Istat ta' Kuba għandu l-obbligu li jirrikonoxxi, jipproteġi u jiżgura d-drittijiet ta' għaqda paċifika u ta' libertà tal-espressjoni, mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq fehmiet politiċi; billi huwa essenzjali li l-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi tal-Istat jaġixxu f'konformità stretta mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem b'rispett għall-prinċipji tal-legalità, l-eċċezzjonalità, il-proporzjonalità u n-neċessità;

    H.

    billi fil-5 ta' Lulju 2017, il-Parlament ta l-approvazzjoni tiegħu għall-PDCA, b'kundizzjonijiet ċari marbuta mat-titjib tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija f'Kuba, li jinkludu klawżola ta' sospensjoni f'każ ta' ksur ta' dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem; billi fis-26 ta' Frar 2021, l-UE u Kuba organizzaw it-tielet Djalogu formali tagħhom dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fl-ambitu tal-PDCA UE-Kuba; billi ż-żewġ naħat iddiskutew il-kwistjoni tal-libertà tal-għaqda paċifika u tal-assoċjazzjoni; billi l-UE enfasizzat, f'konformità mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-importanza li ċ-ċittadini jitħallew jieħdu sehem attiv fis-soċjetà permezz ta' organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; billi l-UE fakkret fil-ħtieġa li jiġu rispettati l-obbligi tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;

    I.

    billi kwalunkwe djalogu politiku jrid jinkludi parteċipazzjoni intensiva u diretta tas-soċjetà ċivili indipendenti u tal-atturi politiċi kollha tal-oppożizzjoni mingħajr restrizzjonijiet, kif enfasizzat fl-Artikolu 36 tal-PDCA;

    J.

    billi l-Parlament Ewropew ikkundanna ripetutament il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem f'Kuba, u ssottolinja l-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 1(5), 2(c), 5, 22 u 43(2) tal-PDCA bejn l-Unjoni Ewropea u Kuba, iffirmat fl-2016, li fih il-Gvern Kuban jimpenja ruħu li jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem;

    K.

    billi l-Parlament ta l-Premju Sakharov tiegħu għal-Libertà tal-Ħsieb lil attivisti Kubani fi tliet okkażjonijiet: Oswaldo Payá in 2002, in-Nisa Libsin l-Abjad fl-2005 u Guillermo Fariñas in 2010; billi r-rebbieħa tal-Premju Sakharov u l-qraba tagħhom għadhom qed jiġu ffastidjati u intimidati regolarment, u ma jitħallewx jitilqu mill-pajjiż u jipparteċipaw f'eventi internazzjonali; billi fit-8 ta' Diċembru 2021 ir-rebbieħa tal-Premju Sakharov Berta Soler, il-mexxejja ta' Nisa Libsin l-Abjad, u Guillermo Fariñas bagħtu ittra lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà li fiha pproponew li jirrinunzjaw għall-premju tagħhom jekk is-soċjetà ċivili tkompli tiġi abbandunata mis-SEAE fil-futur qrib, waqt li f'Kuba jitwettqu delitti kontra l-umanità; billi fid-9 ta' Diċembru 2021, Guillermo Fariñas inħataf u ttieħed fi sptar kontra r-rieda tiegħu;

    1.

    Jikkundanna bil-qawwa kollha l-abbużi sistematiċi kontra d-dimostranti, id-dissidenti politiċi, il-mexxejja reliġjużi, l-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u l-artisti indipendenti, fost oħrajn, inklużi d-detenzjoni arbitrarja tagħhom u r-restrizzjonijiet abbużivi tal-movimenti u l-komunikazzjonijiet tagħhom, bħall-arresti domiċiljari u s-sorveljanza, u t-tortura u t-trattament ħażin imwettqa mill-Gvern Kuban;

    2.

    Jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet ta' José Daniel Ferrer, il-Mara Liebsa l-Abjad Aymara Nieto, Maykel Castillo, Luis Robles, Félix Navarro, Luis Manuel Otero, ir-Reverendu Lorenzo Rosales Fajardo u Andy Dunier García, u ta' dawk kollha detenuti talli eżerċitaw id-drittijiet tagħhom tal-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda paċifika; jistieden lill-awtoritajiet Kubani jwaqqgħu l-akkużi kriminali abbużivi u jippermettu lil dawk li huma eżiljati jirritornaw fil-pajjiż, inkluż, pereżempju, Yunior García; jikkundanna l-użu ta' espatrijazzjonijiet sfurzati sistematiċi għal raġunijiet ta' kuxjenza mill-Gvern Kuban; jiddenunzja l-ħtif u d-detenzjoni arbitrarja reċenti tar-rebbieħ tal-Premju Sakharov Guillermo Fariñas u, minkejja l-ħelsien reċenti tiegħu, jitlob li jintemmu l-arresti arbitrarji u l-fastidju regolari u persistenti li jiffaċċja;

    3.

    Jikkundanna t-tortura u t-trattament inuman, degradanti u ħażin imwettqa mill-awtoritajiet Kubani; jappella għal investigazzjoni immedjata u imparzjali ta' każijiet bħal dawn u biex il-familji tal-vittmi jingħataw aċċess immedjat u biex il-vittmi jingħataw kura medika tal-għażla tagħhom;

    4.

    Jappella għal garanziji kredibbli tad-dritt għal proċess ġust u tal-indipendenza tal-ġudikatura, u jappella għal assigurazzjonijiet li l-persuni mċaħħda mil-libertà tagħhom ikollhom aċċess għal avukat indipendenti;

    5.

    Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Kubani jtemmu minnufih il-politika ta' repressjoni, li żżomm kultura ta' biża' u teqred il-forom kollha ta' djalogu, kif ukoll il-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda; jesprimi l-kundanna tiegħu tal-istrateġiji repressivi u intimidatorji kontinwi ta' Kuba bl-għan li jostakolaw kwalunkwe inizjattiva tas-soċjetà ċivili favur id-demokrazija, bħad-dimostrazzjoni ċivika li kellha ssir fil-15 ta' Novembru 2021, u li ma saritx b'riżultat ta' theddid, fastidju, attakki, detenzjonijiet u diversi atti repressivi oħra kontra ċivili; jisħaq li d-drittijiet fundamentali, bħal-libertà tal-espressjoni, tal-assoċjazzjoni u tal-għaqda, dejjem iridu jiġu sostnuti u rrispettati; jistieden lill-awtoritajiet Kubani jiżguraw u jiggarantixxu d-dritt tal-libertà tal-espressjoni, tal-assoċjazzjoni u tal-għaqda paċifika f'kull ħin billi jippermettu d-dimostrazzjonijiet paċifiċi fil-pajjiż;

    6.

    Jinsisti li l-awtoritajiet Kubani jiżguraw li d-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali tal-popolazzjoni jiġu rispettati, sabiex jindirizzaw il-ħtieġa tagħhom ta' aċċess akbar għall-ikel u l-mediċini, u biex jipprovdu rispons effettiv għall-pandemija tal-COVID-19;

    7.

    Jistieden lill-awtoritajiet Kubani jagħtu minnufih lir-Rapporteur Speċjali tan-NU għal-Libertà tal-Opinjoni u tal-Espressjoni, u lir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-Sitwazzjoni tad-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem l-aċċess għall-pajjiż sabiex jiddokumentaw is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'Kuba;

    8.

    Itenni t-talba tiegħu biex l-Istati Membri, is-SEAE u d-delegazzjoni tiegħu f'Kuba jikkundannaw b'mod qawwi u pubbliku d-detenzjoni arbitrarja u l-iżolament tas-Sur Ferrer, is-Sa Nieto, is-Sur Castillo, is-Sur Otero, is-Sur Robles, is-Sur Navarro, ir-Reverendu Rosales Fajardo, is-Sur García Lorenzo u l-mijiet ta' dimostranti paċifiċi inkarċerati b'konsegwenza tad-dimostrazzjonijiet tal-11 ta' Lulju u tal-15 ta' Novembru 2021, u biex jieħdu l-azzjoni kollha meħtieġa biex jiddefendu d-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem; jibgħat l-aktar appoġġ qawwi lill-artisti espatrijati b'mod sfurzat, lill-ġurnalisti, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-attivisti soċjali u politiċi li qed iġarrbu eżilju sfurzat minn Kuba, bħas-Sur García Aguilera;

    9.

    Jitlob lill-awtoritajiet Kubani jagħtu aċċess lil delegazzjoni tal-UE u lil rappreżentanti tal-Istati Membri, kif ukoll lil organizzazzjonijiet indipendenti tad-drittijiet tal-bniedem, biex jimmonitorjaw il-proċessi u jżuru fil-ħabsijiet lill-mijiet ta' attivisti u Kubani li għadhom detenuti talli eżerċitaw id-dritt tagħhom tal-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda, inklużi dawk akkużati bi ksur ta' dispożizzjonijiet tal-kodiċi kriminali bħal “disprezz”, “reżistenza”, “inċitament biex jitwettaq reat”, fost akkużi oħra;

    10.

    Iħeġġeġ lill-Gvern Kuban jallinja l-politika tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-istandards internazzjonali definiti fil-karti, id-dikjarazzjonijiet u l-istrumenti internazzjonali li Kuba hija firmatarja tagħhom, u jippermetti lis-soċjetà ċivili u lill-atturi politiċi tal-oppożizzjoni jieħdu sehem attiv fil-ħajja politika u soċjali, mingħajr ebda restrizzjoni, filwaqt li jiggarantixxu u jimplimentaw il-libertajiet fundamentali; jistieden lill-awtoritajiet Kubani jisimgħu l-ilħna taċ-ċittadini tagħhom u jinvolvu ruħhom fi proċess nazzjonali demokratiku;

    11.

    Jikkundanna r-revoka arbitrarja tal-kredenzjali tal-istampa tal-EFE u r-restrizzjonijiet arbitrarji kollha fuq il-ħidma ta' korrispondenti tal-istampa internazzjonali u Kubani;

    12.

    Ifakkar fl-appoġġ qawwi tiegħu għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem f'Kuba u għall-ħidma tagħhom; jistieden lir-rappreżentanti kollha tal-Istati Membri jqajmu kwistjonijiet rigward id-drittijiet tal-bniedem u jsaħħu l-appoġġ tagħhom għas-soċjetà ċivili ġenwina u indipendenti waqt żjarat lill-awtoritajiet Kubani, u jiltaqgħu mar-rebbieħa tal-Premju Sakharov meta jżuru Kuba sabiex jiżguraw l-applikazzjoni interna u esterna konsistenti tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem, biex b'hekk tissaħħaħ il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili indipendenti u tittejjeb il-ħidma tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jiddispjaċih dwar il-fatt li r-rappreżentanti Kubani u Ewropej tas-soċjetà ċivili indipendenti ġew esklużi milli jieħdu sehem fid-djalogu, li huwa vinkolanti skont id-dispożizzjonijiet tal-PDCA; jiddispjaċih dwar id-diverġenza fil-pożizzjonijiet u l-politiki dwar Kuba bejn is-SEAE u l-Parlament Ewropew, u jappella bil-qawwa lis-SEAE biex ma jabbandunax lis-soċjetà ċivili ta' Kuba;

    13.

    Jiddispjaċih ħafna dwar il-fatt li l-awtoritajiet Kubani qed jirrifjutaw li jħallu lill-Parlament Ewropew, lid-delegazzjonijiet tiegħu u lil xi gruppi politiċi jżuru Kuba minkejja li l-Parlament Ewropew ta l-approvazzjoni tiegħu għall-PDCA; jistieden lill-awtoritajiet jippermettu minnufih id-dħul fil-pajjiż;

    14.

    Jisħaq fuq l-obbligu għall-partijiet kollha li jissodisfaw id-dispożizzjonijiet vinkolanti tal-PDCA u tar-riżoluzzjoni tal-5 ta' Lulju 2017; f'dan il-kuntest, ifakkar li d-djalogu kollu bejn l-Unjoni Ewropea u s-soċjetà ċivili Kubana dwar opportunitajiet ta' finanzjament iridu jsiru biss ma' organizzazzjonijiet indipendenti tas-soċjetà ċivili, filwaqt li jiġi żgurat li ebda fond ma jikkontribwixxi għall-finanzjament tar-reġim Kuban u li jkollu l-għan li jtejjeb l-istandard tal-għajxien tal-poplu Kuban;

    15.

    Jesprimi d-dispjaċir tiegħu li, minkejja l-adozzjoni tal-PDCA, is-sitwazzjoni tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem ma tjibitx iżda, għall-kuntrarju, iddeterjorat gravement; ifakkar li, fid-dawl tal-PDCA, Kuba jeħtiġilha tirrispetta u tikkonsolida l-prinċipji tal-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem; jiddispjaċih ferm li l-każijiet kollha msemmija hawn fuq jikkostitwixxu ksur addizzjonali u permanenti tal-Ftehim;

    16.

    Itenni t-talba tiegħu lill-Kunsill biex jadotta sanzjonijiet kontra dawk responsabbli għall-ksur persistenti tad-drittijiet tal-bniedem f'Kuba;

    17.

    Ifakkar li l-PDCA fih “klawżola dwar id-drittijiet tal-bniedem” bħala komponent essenzjali standard tal-ftehimiet internazzjonali tal-UE, li tippermetti s-sospensjoni tal-Ftehim f'każ ta' ksur ta' dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem;

    18.

    Itenni t-talba tiegħu lill-Unjoni Ewropea biex tattiva l-Artikolu 85(3)(b) sabiex titlob laqgħa immedjata tal-kumitat konġunt għal raġunijiet ta' ksur tal-ftehim min-naħa tal-Gvern Kuban li, jikkostitwixxi “każ ta' urġenza speċjali”, li jista' jwassal għas-sospensjoni tal-ftehim għal ksur kontinwu, gravi u materjali tal-prinċipji demokratiċi u n-nuqqas ta' rispett għad-drittijiet umani bażiċi kollha u għad-drittijiet fundamentali, kif stabbiliti fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, li jikkostitwixxu element essenzjali ta' dan il-Ftehim, kif minqux fl-Artikolu 1(5), u n-nuqqas ta' intervent f'dan ir-rigward, minkejja l-bosta appelli biex dan isir;

    19.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tal-Poter Popolari ta' Kuba, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-gvernijiet tal-Istati Membri tal-pajjiżi tal-Komunità ta' Stati tal-Amerka Latina u tal-Karibew.

    (1)  Testi adottati, P9_TA(2021)0389.

    (2)  ĠU L 337 I, 13.12.2016, p. 1.


    Top