Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021IP0507

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2021 dwar id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet fl-2020 (2021/2019(INI))

    ĠU C 251, 30.6.2022, p. 96–103 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    30.6.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 251/96


    P9_TA(2021)0507

    Deliberazzjonijiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet fl-2020

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2021 dwar id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet fl-2020 (2021/2019(INI))

    (2022/C 251/09)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 10 u 11 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

    wara li kkunsidra l-Artikoli 20, 24 u 227 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jirriflettu l-importanza li t-Trattat jattribwixxi lid-dritt taċ-ċittadini u r-residenti tal-UE li jiġbdu l-attenzjoni tal-Parlament għall-preokkupazzjonijiet tagħhom,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 228 tat-TFUE dwar ir-rwol u l-funzjonijiet tal-Ombudsman Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 44 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”) dwar id-dritt li titressaq petizzjoni quddiem il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tat-TFUE fir-rigward tal-proċedura ta' ksur u, b'mod partikolari, l-Artikoli 258 u 260 tiegħu,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 54 u l-Artikolu 227(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A9-0323/2021),

    A.

    billi fl-2020 il-Parlament irċieva 1 573 petizzjoni, li jirrappreżentaw żieda ta' 15,9 % meta mqabbla mal- 1 357 petizzjoni mressqa fl-2019 u żieda ta' 28,9 % meta mqabbla mal- 1 220 petizzjoni mressqa fl-2018;

    B.

    billi fl-2020, l-għadd ta' utenti li appoġġjaw petizzjoni waħda jew aktar fuq il-Portal tal-Petizzjonijiet tal-Parlament kien ta' 48 882, li jirrappreżenta żieda konsiderevoli meta mqabbel mat- 28 076 utent irreġistrati fl-2019; billi l-għadd ta' klikks b'appoġġ għall-petizzjonijiet ukoll żdied fl-2020, biex laħaq total ta' 55 129;

    C.

    billi l-għadd kbir ta' petizzjonijiet li jesprimu t-tħassib taċ-ċittadini dwar l-emerġenzi sanitarji u soċjoekonomiċi li rriżultaw mit-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19 ikkontribwixxa b'mod sinifikanti għaż-żieda fl-għadd ta' petizzjonijiet irreġistrati fl-2020 meta mqabbla mas-snin preċedenti; billi 13.23 % tal-petizzjonijiet imressqa fl-2020 kienu relatati mal-pandemija tal-COVID-19;

    D.

    billi l-għadd kbir ta' petizzjonijiet imressqa fl-2020 juri li, fi żminijiet ta' kriżi, iċ-ċittadini jirrikorru għand ir-rappreżentanti tagħhom eletti fil-livell tal-UE billi jindirizzaw b'mod dirett it-tħassib u l-ilmenti tagħhom lilhom;

    E.

    billi, madankollu, l-għadd totali ta' petizzjonijiet għadu baxx meta mqabbel mal-popolazzjoni totali tal-UE, u dan juri li għad iridu jsiru aktar sforzi biex jiżdied l-għarfien taċ-ċittadini dwar id-dritt li jressqu petizzjoni u jiġu mħeġġa jeżerċitawh; billi, fl-eżerċizzju tad-dritt li titressaq petizzjoni, iċ-ċittadini jistennew li l-istituzzjonijiet tal-UE jipprovdu valur miżjud billi tinstab soluzzjoni għall-problemi tagħhom;

    F.

    billi l-kriterji għall-ammissibbiltà tal-petizzjonijiet huma stabbiliti fl-Artikolu 227 tat-TFUE u fl-Artikolu 226 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament, li jgħidu li l-petizzjonijiet iridu jitressqu minn ċittadini jew residenti tal-UE affettwati direttament minn kwistjonijiet li jaqgħu fl-oqsma tal-attività tal-UE;

    G.

    billi, mill-1 573 petizzjoni mressqa fl-2020, 392 ġew iddikjarati inammissibbli u 51 ġew irtirati; billi l-perċentwal relattivament għoli (24,92 %) ta' petizzjonijiet inammissibbli fl-2020 juri li għad hemm nuqqas kbir ta' ċarezza dwar il-kamp ta' applikazzjoni u l-limiti tal-oqsma tal-attività tal-Unjoni;

    H.

    billi d-dritt li titressaq petizzjoni quddiem il-Parlament Ewropew huwa wieħed mid-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE; billi d-dritt li titressaq petizzjoni jipprovdi liċ-ċittadini u r-residenti tal-UE mekkaniżmu miftuħ, demokratiku u trasparenti biex jindirizzaw lir-rappreżentanti eletti tagħhom direttament, u għalhekk huwa essenzjali biex jippermetti l-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini fl-oqsma tal-attività tal-Unjoni;

    I.

    billi d-dritt li titressaq petizzjoni joffri lill-Parlament l-opportunità li jsaħħaħ il-kapaċità ta' rispons tiegħu għall-ilmenti u l-preokkupazzjonijiet relatati mar-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-UE u l-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE fl-Istati Membri; billi, għalhekk, il-petizzjonijiet huma sors utli ta' informazzjoni dwar istanzi ta' applikazzjoni skorretta jew ksur tad-dritt tal-Unjoni, u għaldaqstant jippermettu lill-Parlament u lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE jivvalutaw it-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u l-impatt possibbli tiegħu fuq id-drittijiet taċ-ċittadini u r-residenti tal-UE;

    J.

    billi l-Parlament ilu fuq quddiem nett fl-iżvilupp tal-proċess tal-petizzjonijiet fuq livell internazzjonali u għad għandu l-aktar proċess tal-petizzjonijiet miftuħ u trasparenti fl-Ewropa, li jippermetti lill-petizzjonanti jipparteċipaw fl-attivitajiet tiegħu;

    K.

    billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet jeżamina u jittratta bir-reqqa kull petizzjoni mressqa quddiem il-Parlament; billi kull petizzjonant għandu d-dritt li jirċievi tweġiba li tinfurmah bid-deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà u l-azzjonijiet ta' segwitu meħuda mill-kumitat fi żmien raġonevoli, u dan bil-lingwa tiegħu stess jew b'dik użata fil-petizzjoni; billi kwalunkwe petizzjonant jista' jitlob li l-petizzjoni tiegħu terġa' tinfetaħ abbażi ta' elementi rilevanti ġodda;

    L.

    billi l-attivitajiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet huma bbażati fuq il-kontribut tal-petizzjonanti; billi l-informazzjoni ppreżentata mill-petizzjonanti fil-petizzjonijiet tagħhom u fil-laqgħat tal-kumitat, flimkien mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni u t-tweġibiet tal-Istati Membri u ta' korpi oħra, huma kruċjali għall-ħidma tal-kumitat; billi l-petizzjonijiet ammissibbli jipprovdu wkoll kontribut siewi għall-ħidma tal-kumitati parlamentari l-oħra, peress li jintbagħtu mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet lil kumitati oħra għal opinjoni jew għal skopijiet ta' informazzjoni;

    M.

    billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet jagħti importanza kbira lill-eżaminazzjoni u d-diskussjoni pubblika tal-petizzjonijiet fil-laqgħat tiegħu; billi l-petizzjonanti għandhom id-dritt li jippreżentaw il-petizzjonijiet tagħhom u spiss jitkellmu waqt id-diskussjoni, u b'hekk jikkontribwixxu b'mod attiv għax-xogħol tal-kumitat; billi fl-2020, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet organizza 13-il laqgħa tal-kumitat, li fihom ġew diskussi 116-il petizzjoni fil-preżenza ta' 110 petizzjonanti, filwaqt li 78 petizzjonant ipparteċipaw b'mod attiv billi intervjenew fil-laqgħa; billi l-għadd aktar baxx ta' petizzjonijiet diskussi fil-laqgħat tal-2020 meta mqabbel mal-2019 huwa spjegat mill-ammont inqas ta' ħin disponibbli għal-laqgħat tal-kumitat, speċjalment minn April sa Lulju, minħabba l-faċilitajiet limitati ta' interpretazzjoni bħala konsegwenza tal-miżuri ta' prekawzjoni tal-Parlament fil-kuntest tal-pandemija;

    N.

    billi s-suġġetti ta' tħassib ewlenin li tqajmu fil-petizzjonijiet imressqa fl-2020 kienu relatati mad-drittijiet fundamentali (partikolarment l-impatt tal-miżuri ta' emerġenza tal-COVID-19 fuq l-istat tad-dritt u d-demokrazija, kif ukoll fuq il-moviment liberu, id-dritt għax-xogħol, id-dritt għall-informazzjoni u d-dritt għall-edukazzjoni, kif ukoll għadd kbir ta' petizzjonijiet relatati mad-drittijiet tal-LGBTQ+ fl-Unjoni), is-saħħa (partikolarment mistoqsijiet dwar il-kriżi sanitarja li rriżultat mill-pandemija, li kienu jvarjaw mill-protezzjoni tas-saħħa taċ-ċittadini, inklużi t-trattamenti u t-tagħmir protettiv, għall-ġestjoni tal-kriżi tas-saħħa fl-Istati Membri u l-akkwist u d-distribuzzjoni tal-vaċċini), l-ambjent (primarjament l-attivitajiet minerarji u l-impatt tagħhom fuq l-ambjent, is-sikurezza nukleari, it-tniġġis tal-arja u d-deterjorament tal-ekosistemi naturali), il-ġustizzja (partikolarment kwistjonijiet relatati mal-aċċess għall-ġustizzja, allegati irregolaritajiet proċedurali jew tħassib dwar l-istat tad-dritt, flimkien ma' każijiet transfruntiera ta' ħtif ta' minorenni u drittijiet ta' kustodja), l-impjiegi (partikolarment l-aċċessibbiltà tas-suq tax-xogħol u l-prekarjat), l-edukazzjoni (partikolarment mistoqsijiet relatati mal-aċċess diskriminatorju għall-edukazzjoni), is-suq intern (partikolarment mistoqsijiet relatati mar-restrizzjonijiet nazzjonali fuq l-ivvjaġġar fil-kuntest tal-pandemija u l-impatt tagħhom fuq il-moviment liberu tal-persuni ġewwa u barra l-UE), kif ukoll l-implimentazzjoni tal-ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, minbarra ħafna oqsma oħra ta' attività;

    O.

    billi 79,7 % (1 254) tal-petizzjonijiet mibgħuta fl-2020 tressqu permezz tal-Portal tal-Petizzjonijiet tal-Parlament, meta mqabbla ma' 73,9 % (1 003 petizzjonijiet) fl-2019, u b'hekk ġie kkonfermat li l-Portal tal-Petizzjonijiet sar bil-bosta l-aktar mezz użat biex jitressqu l-petizzjonijiet taċ-ċittadini lill-Parlament;

    P.

    billi fl-2020, il-Portal tal-Petizzjonijiet kompla jiġi żviluppat f'portal aktar faċli biex jintuża, sigur u aċċessibbli għaċ-ċittadini; billi l-mistoqsijiet frekwenti (FAQs) ġew aġġornati u sar xi titjib fir-rigward tal-protezzjoni tad-data sabiex jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u ġie introdott mekkaniżmu ġdid għall-irkupru tal-password; billi l-interkonnessjoni bejn il-Portal tal-Petizzjonijiet, ePeti u PETIGREF ġiet żviluppata ulterjorment u sar xogħol biex tiġi żgurata l-integrazzjoni ta' żviluppi esterni u ta' Hermes; billi għadd kbir ta' talbiet individwali għall-appoġġ ġew indirizzati b'suċċess;

    Q.

    billi fl-2020, bosta petizzjonijiet dwar il-COVID-19 tqiegħdu fuq l-aġenda taħt il-proċedura ta' urġenza;

    R.

    billi fl-2020, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet għamel biss żjara waħda ta' ġbir ta' informazzjoni; billi ma setgħet issir l-ebda żjara oħra ta' ġbir ta' informazzjoni minħabba s-sitwazzjoni kkawżata mill-pandemija u d-deċiżjoni meħuda mill-President tal-Parlament li jħassar l-avvenimenti parlamentari, inklużi d-delegazzjonijiet, bħala waħda mill-miżuri ta' prekawzjoni neċessarji adottati sabiex jitnaqqas it-tixrid tal-COVID-19 u jiġu mminimizzati r-riskji għas-saħħa tal-Membri u l-persunal tal-Parlament;

    S.

    billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet, bħala kumitat assoċjat, flimkien mal-kumitati responsabbli għas-suġġett (il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (LIBE) u l-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (CULT)) organizzaw seduta ta' smigħ pubblika dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (IĊE) bit-titolu “Minority Safepack – one million signatures for diversity in Europe” fil-15 ta' Ottubru 2020; billi minħabba l-pandemija, is-seduta saret f'format ibridu u l-organizzaturi tal-IĊE setgħu jieħdu sehem fil-laqgħa mill-bogħod, filwaqt li l-pubbliku seta' jsegwi l-laqgħa permezz tal-internet;

    T.

    billi l-Kummissjoni, bħala l-gwardjan tat-Trattati, għandha rwol essenzjali fix-xogħol tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet u l-informazzjoni pprovduta mill-petizzjonanti hija utli biex tiskopri ksur jew applikazzjoni ħażina tad-dritt Ewropew;

    U.

    billi l-istrateġija tal-Kummissjoni fit-trattament tal-petizzjonijiet hija bbażata fuq il-Komunikazzjoni tagħha tal-2016 bit-titlu “Id-dritt tal-UE: Riżultati aħjar permezz ta' applikazzjoni aħjar” (C(2016)8600);

    V.

    billi r-rapporti annwali tal-Kummissjoni dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE jirreferu għal petizzjonijiet b'mod ġenerali ħafna, u jikxfu n-nuqqas ta' sistema xierqa għall-ġbir ta' informazzjoni dwar il-petizzjonijiet u dwar kif dawn jorbtu ma' proċeduri ta' ksur jew ma' atti tal-UE;

    W.

    billi skont ir-Regoli ta' Proċedura, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet huwa responsabbli għar-relazzjonijiet mal-Ombudsman Ewropew, li jinvestiga l-ilmenti dwar amministrazzjoni ħażina fi ħdan l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE; billi l-Ombudsman Ewropew attwali, Emily O'Reilly, ippreżentat ir-Rapport Annwali tagħha għall-2019 lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet fil-laqgħa tiegħu tat-3 ta' Settembru 2020;

    X.

    billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet huwa membru tan-Network Ewropew tal-Ombudsmen, li jinkludi wkoll l-Ombudsman Ewropew, l-ombudsmen nazzjonali u reġjonali u korpi simili fl-Istati Membri, il-pajjiżi kandidati u pajjiżi oħra taż-Żona Ekonomika Ewropea, u li għandu l-għan li jippromwovi l-iskambju ta' informazzjoni dwar id-dritt u l-politika tal-Unjoni, u li jikkondividi l-aħjar prattiki;

    1.

    Jenfasizza r-rwol fundamentali tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet fil-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini u r-residenti tal-UE billi jiżgura li t-tħassib u l-ilmenti tal-petizzjonanti jiġu eżaminati f'waqthom u b'mod effettiv u, meta possibbli, jiġu riżolti permezz ta' proċess ta' petizzjonijiet miftuħ, demokratiku, rapidu u trasparenti; jenfasizza l-importanza ċentrali tal-petizzjonijiet għall-promozzjoni tal-prinċipji tad-demokrazija diretta u biex titjieb il-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini fl-Unjoni Ewropea;

    2.

    Jenfasizza li l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċess deċiżjonali tal-Unjoni hija essenzjali biex ikollna Unjoni aktar demokratika, miftuħa u trasparenti; jissottolinja li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet għandu rwol fundamentali fl-involviment taċ-ċittadini Ewropej fl-attivitajiet tal-Unjoni u jirrappreżenta forum ta' diskussjoni fejn iċ-ċittadini jistgħu jsemmgħu leħinhom fl-istituzzjonijiet tal-UE; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jtejbu r-rispons tagħhom għall-problemi taċ-ċittadini fit-tfassil tal-politiki billi jqisu l-opinjonijiet u l-ilmenti espressi fil-petizzjonijiet;

    3.

    Itenni l-importanza ta' dibattitu pubbliku kontinwu dwar l-oqsma tal-attività tal-Unjoni sabiex jiġi żgurat li ċ-ċittadini jiġu infurmati korrettament dwar il-kamp ta' applikazzjoni tal-kompetenzi tal-Unjoni u l-livelli differenti ta' teħid ta' deċiżjonijiet; jitlob, f'dan ir-rigward, li jsiru kampanji ta' sensibilizzazzjoni effettivi; jenfasizza li l-involviment attiv tas-servizzi tal-istampa u tal-komunikazzjoni, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f'dak nazzjonali, u midja soċjali aktar attiva jsaħħu l-viżibilità u l-kapaċità ta' rispons tax-xogħol tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet għat-tħassib tal-pubbliku;

    4.

    Jemmen li dan l-isforz ikun ta' għajnuna biex tiġi evitata d-diżinformazzjoni dwar ix-xogħol tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet bi qbil mal-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni promossa mill-Kummissjoni u jgħin biex jiżdied l-għarfien taċ-ċittadini dwar id-dritt li jressqu petizzjoni kif ukoll dwar il-kamp ta' applikazzjoni u l-limiti tar-responsabbiltajiet tal-Unjoni u l-kompetenzi tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, bil-għan li jonqos l-għadd ta' petizzjonijiet inammissibbli; jemmen li hu importanti wkoll li jiġu enfasizzati l-każijiet ta' suċċess fejn kwistjoni mqajma minn petizzjonant tkun ġiet solvuta bl-appoġġ tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza tal-politika ta' komunikazzjoni multilingwi tal-UE sabiex titjieb ir-relazzjoni maċ-ċittadini mill-Istati Membri kollha;

    5.

    Jenfasizza li l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa għandha tintuża bħala opportunità biex jiġi spjegat liċ-ċittadini tal-UE r-rwol tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, b'tali mod li titqajjem kuxjenza dwar id-dritt li titressaq petizzjoni u jiġu mħeġġa jipparteċipaw b'mod attiv u jsemmgħu t-tħassib u l-ideat tagħhom mar-rappreżentanti eletti tagħhom;

    6.

    Jirrimarka li l-petizzjonijiet jikkostitwixxu l-bieb lejn l-istituzzjonijiet Ewropej għaċ-ċittadini u opportunità unika għall-Parlament u l-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE biex jinteraġixxu direttament maċ-ċittadini u r-residenti tal-UE, jifhmu l-problemi tagħhom u jżommu djalogu regolari magħhom, partikolarment f'każijiet fejn ikunu affettwati mill-applikazzjoni skorretta tad-dritt tal-UE; jisħaq fuq il-bżonn ta' kooperazzjoni msaħħa bejn il-Kumitat għall-Petizzjonijiet u l-kumitati ewlenin, l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni u l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali dwar l-inkjesti u l-proposti li jirrigwardaw l-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE u l-konformità miegħu, inklużi t-tweġibiet neċessarji lill-Kumitat; jemmen li tali kooperazzjoni hija kruċjali biex jiġu indirizzati u solvuti l-preokkupazzjonijiet taċ-ċittadini dwar l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-leġittimità demokratika u r-responsabbiltà tal-Unjoni; jitlob, għalhekk, parteċipazzjoni aktar attiva min-naħa tar-rappreżentanti tal-Istati Membri fil-laqgħat tal-kumitat u tweġibiet aktar rapidi għat-talbiet għal kjarifika jew informazzjoni mibgħuta mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet lill-awtoritajiet nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tieħu passi biex tiżgura li l-interpretazzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 51 tal-Karta tkun koerenti u wiesgħa kemm jista' jkun;

    7.

    Jistieden lill-Kummissjoni tieħu rwol aktar attiv fil-Kumitat għall-Petizzjonijiet biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini tal-Unjoni jingħataw risposta dettaljata u li tinftiehem;

    8.

    Jenfasizza l-bżonn li jiġu rispettati l-approċċ u l-perspettiva espressi mill-Kummissjoni fit-tweġibiet tagħha lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet u li jiġi rispettat ir-rwol tagħha bħala gwardjan tat-Trattati;

    9.

    Ifakkar li l-petizzjonijiet jikkontribwixxu b'mod konsiderevoli għar-rwol tal-Kummissjoni bħala gwardjan tat-Trattati; jenfasizza li kooperazzjoni msaħħa bejn il-Kumitat għall-Petizzjonijiet u l-Kummissjoni hija essenzjali biex il-petizzjonijiet jiġu ttrattati b'suċċess; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tevita li tagħti risposti ġenerali u tipprovdi tweġibiet f'waqthom, preċiżi, ċari u mmirati biex twieġeb b'mod effiċjenti għat-talbiet konkreti tal-petizzjonanti; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura t-trasparenza u l-aċċess għad-dokumenti u l-informazzjoni fil-qafas tal-proċeduri tal-EU Pilot fir-rigward tal-petizzjonijiet imressqa, kif ukoll tal-proċeduri tal-EU Pilot u tal-proċeduri ta' ksur li diġà ġew konklużi, u tqis kwalunkwe kwistjoni relatata mal-ksur tad-dritt tal-UE li titqajjem permezz ta' petizzjonijiet bħala kwistjoni ta' prijorità meta tkun qed tikkunsidra jekk tibdiex proċedura ta' ksur, speċjalment meta l-kwistjoni tkun relatata mal-leġiżlazzjoni ambjentali;

    10.

    Jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi kjarifika dwar il-kompetenza tagħha fir-rigward tal-petizzjonijiet inklużi dawk li jqajmu kwistjonijiet li jaqgħu f'qasam ta' attività tal-UE iżda mhux f'politika fejn l-UE għandha kompetenza leġiżlattiva;

    11.

    Jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali jkunu proattivi meta jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jirrispondu għat-tħassib taċ-ċittadini kif espress fil-petizzjonijiet tagħhom fejn iseħħu każijiet ta' nuqqas sistemiku f'konformità mad-dritt tal-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni ssegwi regolarment il-progress li jkun sar fir-rigward tal-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE fil-każijiet eżaminati;

    12.

    Jenfasizza li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet irid jirrispetta l-kriterji ta' ammissibilità stabbiliti fl-Artikoli 226 u 227 tat-TFUE u fir-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew;

    13.

    Ifakkar li l-kooperazzjoni mal-kumitati l-oħra fil-Parlament hija essenzjali biex il-petizzjonijiet jiġu ttrattati b'mod preċiż u komprensiv; jinnota li fl-2020 il-kumitati l-oħra ntbagħtulhom 56 petizzjoni għal opinjoni u 385 għal skopijiet ta' informazzjoni; jilqa' l-fatt li l-kumitati l-oħra bagħtu 40 opinjoni u 60 konferma li l-petizzjonijiet ittieħdu inkunsiderazzjoni fil-ħidma tagħhom; jinnota li s-seduti ta' smigħ pubbliċi organizzati b'mod konġunt ma' kumitati parlamentari oħra jiffaċilitaw eżami bir-reqqa tal-petizzjonijiet; ifakkar li l-petizzjonanti jiġu infurmati meta tittieħed deċiżjoni li tintalab l-opinjoni ta' kumitati oħrajn biex jiġu indirizzati l-petizzjonijiet tagħhom; jistieden lill-kumitati parlamentari jżidu l-isforzi tagħhom biex jikkontribwixxu b'mod attiv għall-eżaminazzjoni tal-petizzjonijiet – billi jagħtu prova tal-għarfien espert tagħhom – u b'hekk jippermettu lill-Parlament iwieġeb aktar malajr u b'mod aktar komprensiv għat-tħassib taċ-ċittadini; jiddispjaċih li fl-2020 in-network tal-petizzjonijiet ma setax jiltaqa' minħabba s-sitwazzjoni kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19;

    14.

    Jemmen li n-network tal-petizzjonijiet huwa għodda utli biex titqajjem kuxjenza dwar il-kwistjonijiet imqajma fil-petizzjonijiet u biex jiġi ffaċilitat it-trattament tal-petizzjonijiet li jintbagħtu lil kumitati oħra għal opinjoni jew għal skopijiet ta' informazzjoni; jinnota li hemm bżonn li jiġi ffaċilitat is-segwitu tal-petizzjonijiet fil-ħidma parlamentari u leġiżlattiva; huwa tal-fehma li dan in-network għandu jsaħħaħ id-djalogu u l-kollaborazzjoni mal-Kummissjoni u l-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE; jinsab fiduċjuż li laqgħat regolari tan-network tal-petizzjonijiet huma kruċjali għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn il-kumitati parlamentari permezz tal-iskambju tal-informazzjoni u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattika fost il-membri tan-network; jistieden lill-Parlament iħejji mekkaniżmu li jippermetti lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet ikun involut direttament fil-proċess leġiżlattiv;

    15.

    Jiġbed l-attenzjoni għar-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar ir-riżultat tad-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet matul is-sena 2019 (1);

    16.

    Jissottolinja li minkejja l-ammont inqas ta' ħin disponibbli għal-laqgħat tal-kumitat fl-2020 minħabba l-miżuri ta' prekawzjoni tal-Parlament biex jiġi evitat it-tixrid tal-COVID-19 fil-bini tiegħu u t-tnaqqis fil-faċilitajiet ta' interpretazzjoni b'konsegwenza ta' dan, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet esprima l-opinjoni tiegħu dwar kwistjonijiet importanti mqajma fil-petizzjonijiet billi kkontribwixxa għal għadd sinifikanti ta' rapporti parlamentari, partikolarment dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (2), dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE fl-2017 u fl-2018 (3), dwar ir-rakkomandazzjonijiet dwar in-negozjati għal sħubija ġdida mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq (4), dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea – rapport annwali għas-snin 2018-2019 (5), dwar it-tnaqqis tal-inugwaljanzi, b'enfasi partikolari fuq il-faqar fost dawk li jaħdmu (6), dwar it-Turkija – rapport annwali dwar il-progress tal-2019 (7), u dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol fid-dawl tal-UNCRPD (8); jesprimi l-apprezzament tiegħu għax-xogħol tas-Segretarjat tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet b'mod ġenerali u, b'mod partikolari, matul il-pandemija, peress li l-kundizzjonijiet tax-xogħol saru aktar kumplessi; jenfasizza l-bżonn li ssir riflessjoni dwar l-isfidi ffaċċjati matul il-pandemija u li tingħata ħarsa lejn modi kif tista' tittejjeb il-ħidma tal-kumitat, speċjalment fi żminijiet ta' kriżi;

    17.

    Ifakkar li fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu għan-negozjati dwar ftehim ġdid mar-Renju Unit, il-membri tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet enfasizzaw li kwalunkwe ċittadin tal-UE li jirrisjedi fir-Renju Unit għandu d-dritt li jressaq petizzjoni quddiem il-Parlament Ewropew skont l-Artikolu 227 tat-TFUE, li jipparteċipa f'Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej u li jindirizza lill-Ombudsman Ewropew wara t-tmiem tal-perjodu ta' tranżizzjoni previst (il-31 ta' Diċembru 2020), filwaqt li stiednu lill-Ombudsman Ewropew tkompli l-ħidma tagħha, mibdija matul in-negozjati dwar il-ftehim tal-ħruġ, sabiex tiżgura t-trasparenza tan-negozjati fil-qafas tas-sħubija futura bejn l-Unjoni u r-Renju Unit;

    18.

    Jiġbed l-attenzjoni għall-għadd kbir ta' petizzjonijiet dwar il-COVID-19 li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet eżamina u wieġeb fl-2020, l-aktar permezz tal-proċedura ta' urġenza tiegħu; jenfasizza li l-biċċa l-kbira ta' dawn il-petizzjonijiet talbu li d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali taċ-ċittadini jiġu mħarsa mill-miżuri ta' emerġenza, inklużi l-lockdowns, kif ukoll li jkun hemm trasparenza fl-iżvilupp, ix-xiri u d-distribuzzjoni tal-vaċċini kontra l-COVID-19; jissottolinja li dawn il-petizzjonijiet kien fihom ukoll mistoqsijiet dwar it-trattamenti u t-tagħmir protettiv, kif ukoll valutazzjoni tal-ġestjoni tal-kriżi tas-saħħa fl-Istati Membri; ifakkar, barra minn hekk, li ħafna petizzjonanti qajmu tħassib dwar l-impatt tal-miżuri ta' emerġenza nazzjonali, inklużi l-lockdowns, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, esprimew dubji dwar ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u fuq ix-xogħol, kif ukoll in-nuqqas inizjali ta' koordinazzjoni fost l-Istati Membri dwar il-kontrolli fil-fruntieri interni li kienu qed ixekklu l-moviment liberu fiż-żona Schengen u kienu problema partikolari għal għadd kbir ta' ħaddiema, studenti u koppji b'żewġ nazzjonalitajiet transfruntieri, kif ukoll il-ġestjoni tat-titjiriet u l-vjaġġi kkanċellati matul il-pandemija u l-politiki tal-linji tal-ajru involuti f'dak li għandu x'jaqsam mar-rimborż; ifakkar li l-miżuri restrittivi kollha jridu jkunu neċessarji, proporzjonati u temporanji; jenfasizza li l-iżgurar tal-applikazzjoni effettiva, ugwali u uniformi tad-dritt tal-UE huwa kruċjali biex jiġi rispettat l-istat tad-dritt, li huwa wieħed mill-valuri li fuqhom huma msejsa l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, skont l-Artikolu 2 tat-TUE, anke waqt kriżi bħall-pandemija tal-COVID-19; huwa tal-fehma li, partikolarment fi żminijiet ta' kriżi kbira, it-trattament rapidu u effettiv tal-petizzjonijiet huwa prerekwiżit biex tintrebaħ il-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet tal-UE;

    19.

    Jenfasizza d-deċiżjoni meħuda fl-ewwel xhur tal-pandemija li tingħata prijorità lill-petizzjonijiet relatati mal-COVID-19 fil-Kumitat għall-Petizzjonijiet sabiex jiġu indirizzati b'mod xieraq it-talbiet urġenti espressi miċ-ċittadini fl-ewwel xhur tal-2020;

    20.

    Jinsab imħasseb ħafna dwar id-danni sanitarji u soċjoekonomiċi kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19; jilqa' l-ħidma eċċellenti mwettqa mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet li, billi ta vuċi lit-tħassib taċ-ċittadini dwar il-kriżijiet sanitarji u soċjoekonomiċi relatati mal-pandemija tal-COVID-19, ikkontribwixxa biex jiġi żgurat li l-Parlament jirreaġixxi għall-ħtiġijiet u l-aspettattivi taċ-ċittadini, speċjalment dawk li ntlaqtu partikolarment mill-kriżi tas-saħħa, fir-rigward tal-kapaċità tal-Unjoni li tindirizza sfida globali bħal din; jiġbed l-attenzjoni, f'dan ir-rigward, għall-azzjonijiet ta' segwitu importanti meħuda mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet b'risposta għall-kwistjonijiet imqajma f'petizzjonijiet relatati mal-COVID-19, li wasslu għall-adozzjoni fil-plenarja tar-riżoluzzjonijiet dwar is-sistema Schengen u l-miżuri meħuda matul il-kriżi tal-COVID-19 (9), dwar id-drittijiet tal-persuni b'diżabilità intellettwali u l-familji tagħhom fil-kriżi tal-COVID-19 (10) u dwar l-indirizzar tar-rati ta' persuni mingħajr dar fl-Unjoni Ewropea (11);

    21.

    Jisħaq fuq il-kontribut importanti mogħti mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet għall-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal, kif juri t-trattament ta' għadd ta' petizzjonijiet dwar il-ħtif ta' minuri mill-ġenituri fil-Ġappun; jiġbed l-attenzjoni, f'dan ir-rigward, għar-riżoluzzjoni dwar il-ħtif internazzjonali u nazzjonali ta' tfal tal-Unjoni minn ġenitur fil-Ġappun, li l-mozzjoni għaliha ġiet adottata mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet fis-16 ta' Ġunju 2020 u adottata fil-plenarja fit-8 ta' Lulju 2020 (12);

    22.

    Jiġbed l-attenzjoni għas-seduta tad-29 ta' Ottubru 2020 bit-tema “Union citizenship: Empowerment, Inclusion, Participation”, organizzata mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet flimkien mal-Kumitat għall-Affarijiet Legali, il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u l-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern; iqis li b'dan l-avveniment il-Parlament ikkontribwixxa b'mod sinifikanti għar-rapport tal-Kummissjoni tal-2020 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE u għax-xogħol li għaddej mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet dwar l-involviment taċ-ċittadini;

    23.

    Jinnota li, flimkien mad-drittijiet fundamentali, is-saħħa kienet il-qasam prinċipali li qajjem tħassib għall-petizzjonanti fl-2020, filwaqt li jirrikonoxxi li t-tħassib relatat mas-saħħa fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 kien fiċ-ċentru tax-xogħol tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet; jiġbed l-attenzjoni għar-riżoluzzjoni dwar finanzjament addizzjonali għar-riċerka bijomedika dwar l-enċefalomijelite mijalġika, li l-mozzjoni għaliha ġiet adottata mill-Kumitat fit-30 ta' April 2020 u adottata fil-plenarja fit-18 ta' Ġunju 2020 (13); ifakkar li r-riżoluzzjoni tal-Parlament intlaqgħet tajjeb ħafna mill-komunitajiet xjentifiċi u tal-pazjenti billi tagħmel appell għal rikonoxximent aħjar ta' dan it-tip ta' mard fil-livell tal-Istati Membri bl-organizzazzjoni ta' korsijiet ta' taħriġ imfassla apposta għall-awtoritajiet pubbliċi, il-fornituri tal-kura tas-saħħa u l-uffiċjali pubbliċi b'mod ġenerali; itenni, f'dan ir-rigward, l-appell tiegħu favur sforzi ta' riċerka koordinati u mtejba kif ukoll finanzjament addizzjonali, inkluż fil-qafas tal-programm Orizzont Ewropa, biex jiġi appoġġjat il-progress fir-riċerka u b'hekk jiġu indirizzati l-konsegwenzi umani u soċjoekonomiċi tal-għadd dejjem akbar ta' individwi li jgħixu u jaħdmu b'kundizzjonijiet ta' diżabilità u kroniċi fit-tul;

    24.

    Jinnota li fl-2020 il-kwistjonijiet ambjentali baqgħu qasam ta' tħassib serju għall-petizzjonanti; jesprimi dispjaċir għall-fatt li r-regoli ambjentali mhux dejjem jiġu implimentati b'mod korrett fl-Istati Membri, kif deskritt f'bosta petizzjonijiet li jressqu lmenti dwar it-tniġġis tal-arja, id-deterjorament tal-ekosistemi naturali, is-sikurezza nukleari u l-impatt tal-attivitajiet tal-estrazzjoni minerarja fuq l-ambjent; jisħaq fuq l-importanza li jintlaħqu l-aspettattivi taċ-ċittadini tal-UE dwar il-ħarsien tal-ambjent; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, jiżguraw l-implimentazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni tal-UE f'dan il-qasam;

    25.

    Jilqa' r-rwol ta' protezzjoni speċifiku li jiżvolġi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet fi ħdan l-UE fil-qafas tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità; jiġbed l-attenzjoni għall-ħidma kontinwa importanti tal-kumitat b'rabta ma' petizzjonijiet li jikkonċernaw kwistjonijiet relatati mad-diżabilità; jinnota li l-għadd ta' petizzjonijiet dwar id-diżabilità kważi rdoppja fl-2020 meta mqabbel mas-sena preċedenti; jisħaq li d-diskriminazzjoni u l-aċċess għall-edukazzjoni u l-impjieg għadhom fost l-isfidi prinċipali li jħabbtu wiċċhom magħhom il-persuni b'diżabilità, u jemmen li hemm bżonn aktar sforzi mill-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri biex tiġi żgurata aċċessibbiltà sħiħa għal servizzi bażiċi; jappella għall-implimentazzjoni ta' proposti konkreti biex titrawwem l-inklużività u jiġu ffaċilitati r-rikonoxximent u l-portabbiltà tal-ħiliet fl-UE;

    26.

    Ifakkar li fl-2020, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet ta attenzjoni speċifika lid-diskussjoni tal-petizzjonijiet dwar id-diffikultajiet li jiffaċċjaw il-persuni b'diżabilità intellettwali u l-familji tagħhom matul il-pandemija tal-COVID-19, speċjalment fir-rigward tal-aċċess għas-servizzi tas-saħħa, l-assistenza personali u l-kuntatt mal-familji u mal-persuni li jindukraw; jiġbed l-attenzjoni, f'dan ir-rigward, għar-riżoluzzjoni mressqa mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-persuni b'diżabilità intellettwali u l-familji tagħhom fil-kriżi tal-COVID-19, adottata fil-plenarja tat-8 ta' Lulju 2020; jilqa' l-eżitu tal-workshop annwali tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni b'diżabilità – l-istrateġija l-ġdida dwar id-diżabilità – li sar fil-laqgħa tal-kumitat tat-28 ta' Ottubru 2020;

    27.

    Ifakkar li r-relazzjonijiet mal-Ombudsman Ewropew huma fost ir-responsabbiltajiet li r-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament jagħtu lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet; jilqa' l-kooperazzjoni kostruttiva tal-Parlament mal-Ombudsman Ewropew, kif ukoll l-involviment tiegħu fin-Network Ewropew tal-Ombudsmen; jirrikonoxxi l-kontributi regolari tal-Ombudsman Ewropew għall-ħidma tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet matul is-sena; jemmen b'konvinzjoni li l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni jeħtiġilhom jiżguraw li jingħata segwitu konsistenti u effikaċi għar-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman;

    28.

    Iqis li huwa essenzjali li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jiġu involuti direttament fit-tnedija ta' proposti leġiżlattivi; jenfasizza li l-IĊE hija strument importanti ta' ċittadinanza attiva kif ukoll għodda ta' demokrazija parteċipattiva Ewropea pubblika unika għall-Kumitat għall-Petizzjonijiet u, għaldaqstant, trid tiġi trattata b'approċċ miftuħ u reattiv; jissottolinja li s-seduta ta' smigħ pubbliku hija opportunità ewlenija għall-organizzaturi biex jippreżentaw pubblikament l-inizjattiva tagħhom lill-istituzzjonijiet u l-esperti tal-UE u b'hekk il-Kummissjoni u l-Parlament ikunu jistgħu jifhmu fil-fond l-eżiti mixtieqa tal-IĊE; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li tagħti bidu għal proposta leġiżlattiva abbażi tal-kontenut ta' kwalunkwe IĊE li tirnexxi;

    29.

    Jenfasizza li t-trasparenza u l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-UE huma essenzjali sabiex jiġu żgurati l-ogħla livelli ta' ħarsien tad-drittijiet demokratiċi taċ-ċittadini u l-fiduċja tagħhom fl-istituzzjonijiet tal-UE; jirrimarka li r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni m'għadux jirrifletti s-sitwazzjoni attwali; jiddispjaċih ħafna li r-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 ilha wieqfa għal snin sħaħ mingħajr progress; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta għar-riformulazzjoni tar-regolament tal-2001 bil-għan li jitjiebu t-trasparenza u r-responsabbiltà bil-promozzjoni ta' prattika amministrattiva tajba, f'konformità mal-obbligi tat-Trattat ta' Lisbona;

    30.

    Jissottolinja li l-Portal tal-Petizzjonijiet huwa għodda essenzjali biex jiġi żgurat proċess tal-petizzjonijiet mingħajr intoppi, effiċjenti u trasparenti; jilqa', f'dan ir-rigward, it-titjib fil-protezzjoni tad-data u f'elementi ta' sigurtà li għamlu l-portal aktar faċli biex jintuża u sigur għaċ-ċittadini; jenfasizza li jridu jibqgħu jsiru sforzi biex il-portal jiġi ppubbliċizzat permezz tal-midja soċjali u jsir aktar navigabbli u aċċessibbli għaċ-ċittadini kollha, speċjalment għall-persuni b'diżabilità, inkluż billi jkunu jistgħu jitressqu petizzjonijiet bil-lingwi tas-sinjali nazzjonali; jitlob li fuq il-Portal tal-Petizzjonijiet tiġi ppubblikata aktar informazzjoni, inkluż il-progress tal-petizzjonijiet u t-talbiet għal informazzjoni lil istituzzjonijiet oħra; jappella biex issir valutazzjoni ta' kif jista' jiġi evitat l-użu ta' identitajiet misruqa jew foloz u jisħaq fuq l-urġenza li s-sistema kompjuterizzata tar-reġistrazzjoni u l-firem tinbidel jew tiġi aġġornata sabiex tkun verament flessibbli u tippermetti l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini skont il-ħtiġijiet tagħhom, f'ħin reali; jappoġġja l-ħolqien ta' portal diġitali uniku li permezz tiegħu ċ-ċittadini jkunu jistgħu jiksbu aċċess għall-proċeduri kollha marbuta mal-petizzjonijiet u jsibu informazzjoni dwarhom;

    31.

    Jinnota li filwaqt li hemm żieda ċara fl-għadd ta' persuni li jappoġġjaw petizzjoni waħda jew aktar, ħafna petizzjonanti għadhom jirrimarkaw li l-passi li wieħed irid isegwi biex jagħti l-appoġġ tiegħu għal petizzjoni fuq il-Portal tal-Petizzjonijiet tal-Parlament huma kkumplikati; huwa tal-fehma li jekk il-proċess jiġi ssimplifikat, iċ-ċittadini jkunu jistgħu jagħmlu użu aħjar mid-dritt li jressqu petizzjoni;

    32.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Ombudsman Ewropew, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-kumitati għall-petizzjonijiet tal-Istati Membri u lill-ombudsmen jew l-entitajiet simili kompetenti nazzjonali tagħhom.

    (1)  ĠU C 445, 29.10.2021, p. 168.

    (2)  Opinjoni adottata fil-21 ta' Jannar 2020.

    (3)  Opinjoni adottata fid-19 ta' Frar 2020.

    (4)  Opinjoni adottata fit-30 ta' April 2020.

    (5)  Opinjoni adottata fis-7 ta' Settembru 2020.

    (6)  Opinjoni adottata fis-7 ta' Settembru 2020.

    (7)  Opinjoni adottata fid-29 ta' Ottubru 2020.

    (8)  Opinjoni adottata fit-3 ta' Diċembru 2020.

    (9)  ĠU C 425, 20.10.2021, p. 7.

    (10)  ĠU C 371, 15.9.2021, p. 6.

    (11)  ĠU C 425, 20.10.2021, p. 2.

    (12)  ĠU C 371, 15.9.2021, p. 2.

    (13)  ĠU C 362, 8.9.2021, p. 2.


    Top