Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021IP0282

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ġunju 2021 dwar il-kunflitt ta' interess tal-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka (2021/2671(RSP))

    ĠU C 67, 8.2.2022, p. 56–63 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    8.2.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 67/56


    P9_TA(2021)0282

    Il-kunflitt ta' interess tal-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ġunju 2021 dwar il-kunflitt ta' interess tal-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka (2021/2671(RSP))

    (2022/C 67/04)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 310(6) u 325(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 61 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (1) (ir-Regolament Finanzjarju),

    wara li kkunsidra l-Avviż tal-Kummissjoni – Gwida dwar l-evitar tal-kunflitti ta' interess u l-ġestjoni tagħhom skont ir-Regolament Finanzjarju (2),

    wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet u r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-kwittanza lill-Kummissjoni għas-snin 2014, 2015, 2016, 2017, 2018 u 2019,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2018 dwar il-kunflitti ta' interess u l-protezzjoni tal-baġit tal-UE fir-Repubblika Ċeka (3) u r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura fil-konfront tal-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka dwar l-użu ħażin ta' fondi tal-UE u kunflitti ta' interess potenzjali (4),

    wara li kkunsidra l-missjonijiet ta' ġbir ta' informazzjoni fir-Repubblika Ċeka mwettqa mill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit bejn is-26 u s-27 ta' Marzu 2014 u bejn is-26 u t-28 ta' Frar 2020,

    wara li kkunsidra r-rapport finali ta' Novembru 2019 dwar l-awditu tal-funzjonament tas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll stabbiliti biex jiġi evitat kunflitt ta' interess fiċ-Ċekja, imwettaq mid-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Politika Reġjonali u Urbana (REGIO) u tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni (EMPL), li ġie ppubblikat fit-23 ta' April 2021,

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta' kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni (5),

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-2020 dwar l-Istat tad-Dritt, u b'mod partikolari l-Kapitolu għall-Pajjiżi dwar is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fiċ-Ċekja (SWD(2020)0302),

    wara li kkunsidra r-Rapport ta' Konformità Interim tar-Raba' Serje ta' Evalwazzjonijiet dwar ir-Repubblika Ċeka tal-Grupp ta' Stati kontra l-Korruzzjoni (GRECO) adottat mill-GRECO fl-84 laqgħa plenarja tiegħu f'Diċembru 2019,

    wara li kkunsidra r-Rapport tal-Pajjiż tal-2020 dwar iċ-Ċekja tas-26 ta' Frar 2020 (SWD(2020)0502) li jakkumpanja l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-Semestru Ewropew 2020: Valutazzjoni tal-progress fuq ir-riformi strutturali, il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi, u r-riżultati tar-rieżamijiet dettaljati skont ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 (COM(2020)0150),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit,

    A.

    billi l-Artikoli 61 u 63 tar-Regolament Finanzjarju, l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2014/24/UE dwar ir-regoli tal-akkwist pubbliku dwar l-evitar ta' kunflitti ta' interess, l-Artikoli 144 u 145 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni għal fondi ta' ġestjoni kondiviża, ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Att Ċek Nru 159/2006 dwar il-kunflitti ta' interess kif emendati fid-29 ta' Novembru 2016 jistabbilixxu obbligi speċifiċi u jipprovdu għodod biex jindirizzaw b'mod effettiv sitwazzjonijiet ta' kunflitt ta' interess;

    B.

    billi Agrofert hija konglomerat imwaqqfa u stabbilita mill-Prim Ministru Ċek Andrej Babiš u tikkonsisti f'aktar minn 230 kumpanija; billi ġie żvelat li l-Prim Ministru Babiš huwa wieħed mis-sidien benefiċjarji ta' Agrofert, il-kumpanija li tikkontrolla l-grupp Agrofert, inkluż fost l-oħrajn għadd ta' entitajiet tal-media Ċeki importanti, permezz tal-fondi fiduċjarji AB Private Trust I u AB Private Trust II, li huwa wkoll is-sid benefiċjarju tagħhom;

    C.

    billi f'Jannar u fi Frar 2019 twettaq awditu kkoordinat u komprensiv minn diversi servizzi tal-Kummissjoni (DĠ REGIO/DĠ EMPL, DĠ AGRI (DĠ assoċjat)) dwar l-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali u tal-UE; billi awditu li għaddej minn AGRI qed jeżamina l-allegati kunflitti ta' interess fl-implimentazzjoni tal-politika agrikola komuni fiċ-Ċekja;

    D.

    billi f'April 2021 il-Kummissjoni ppubblikat verżjoni debitament riveduta tar-rapport finali tal-awditjar dwar l-implimentazzjoni legali tal-Fondi SIE kif ivverifikat mid-DĠ EMPL u mid-DĠ REGIO; billi t-tieni rapport tal-awditjar mid-DĠ AGRI għadu ma ġiex ippubblikat;

    E.

    billi r-rapport tal-awditjar ippubblikat jenfasizza nuqqasijiet serji fis-sistema ta' ġestjoni u kontroll (6) fir-Repubblika Ċeka u nuqqasijiet li għandhom jiġu indirizzati permezz ta' korrezzjonijiet finanzjarji;

    F.

    billi r-rapport tal-awditjar tad-DĠ REGIO identifika tliet għotjiet fl-ambitu tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali li kisru l-liġi Ċeka u r-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni tal-UE;

    G.

    billi l-investigazzjoni kriminali dwar il-Prim Ministru Babiš, li oriġinat mir-rapport tal-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) dwar l-użu irregolari tas-sussidji tal-UE maħsuba għal negozji żgħar, li inizjalment ingħalqet u mbagħad infetħet mill-ġdid u li kienet is-suġġett tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tad-19 ta' Ġunju 2020, għadha għaddejja;

    H.

    billi wara sena l-Kummissjoni għadha ma tatx tweġiba komprensiva għat-talba tal-Parlament biex jiġi kkwantifikat l-ammont totali ta' sussidji riċevuti minn entitajiet tal-grupp Agrofert;

    I.

    billi wara r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament ta' Diċembru 2018 u Ġunju 2020 dwar il-kunflitt ta' interess tal-Prim Ministru Babiš u aktar minn sentejn wara l-bidu tal-awditi tal-Kummissjoni, is-sitwazzjoni marbuta mal-kunflitt ta' interess tal-Prim Ministru Babiš għadha ma ġietx solvuta;

    J.

    billi ġestjoni finanzjarja tajba tista' tiġi żgurata biss mill-Istati Membri jekk l-awtoritajiet pubbliċi jaġixxu f'konformità mal-liġi, kemm nazzjonali kif ukoll tal-UE, u jekk imġiba kriminali ħażina li toriġina minn każijiet ta' kunflitt ta' interess li ma jkunux ġew trattati b'mod xieraq tiġi segwita b'mod effettiv minn servizzi investigattivi u ta' prosekuzzjoni;

    K.

    billi skont l-Artikolu 3(b) tar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 in-nuqqas li jiġi żgurat li m'hemmx kunflitti ta' interess jista' jkun indikattiv ta' ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt;

    L.

    billi li jkun hemm stabbiliti politiki u regoli dettaljati dwar l-evitar u l-ġestjoni ta' kunflitti u ta' kunflitti ta' interess perċepiti huwa parti essenzjali għal governanza tajba u għal ġestjoni finanzjarja tajba;

    M.

    billi l-missjoni tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit fi Frar 2020 żvelat limitazzjonijiet fil-qafas legali li jimpedixxu l-ħidma effiċjenti u effettiva tal-Uffiċċju Suprem tal-Awditjar nazzjonali billi jżommuh milli jivverifika r-regolarità u l-prestazzjoni tal-infiq pubbliku fil-livell reġjonali u lokali jew iwettaq kontrolli fuq il-post tal-benefiċjarji finali;

    1.   

    Jilqa' l-pubblikazzjoni tar-rapport finali tal-awditjar mid-DĠ REGIO u mid-DĠ EMPL dwar il-funzjonament tas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll stabbiliti biex jiġu evitati l-kunflitti ta' interess fiċ-Ċekja, wara t-talbiet ripetuti mill-Parlament, li jikkonferma l-kunflitt ta' interess attwali u kontinwu tal-Prim Ministru Babiš fir-rigward tal-konglomerat ta' Agrofert, u b'hekk jikkonferma l-pożizzjoni tal-Parlament kif espressa f'riżoluzzjonijiet u rapporti ta' kwittanza preċedenti;

    2.   

    Jilqa' l-fatt li d-DĠ REGIO u d-DĠ EMPL jirrikonoxxu l-interess pubbliku importanti fit-trasparenza u l-informazzjoni dwar din is-sitwazzjoni eċċezzjonali bħala raġunijiet raġonevoli għall-pubblikazzjoni; jesprimi dispjaċir madankollu għall-fatt li s-sejbiet ġew ippubblikati biss f'April 2021 minkejja li r-rapport finali tal-awditjar intbagħat lill-awtoritajiet Ċeki f'Novembru 2019 u li l-Kummissjoni rċeviet tweġibiet f'Mejju 2020; iħeġġeġ lid-DĠ AGRI jħaffef il-proċedura u s-segwitu tal-awditjar tiegħu, u jippubblika r-rapport finali tal-awditjar tiegħu mingħajr dewmien żejjed; jitlob li tingħata attenzjoni partikolari lill-pagamenti magħmula lill-kumpaniji li huma direttament jew indirettament proprjetà tal-Prim Ministru Babiš jew ta' membri oħra tal-Gvern Ċek;

    3.   

    Iqis li huwa ta' dispjaċir li l-proċeduri ta' awditjar u dawk kontradittorji, kif ukoll il-proċeduri dwar l-applikazzjoni tal-korrezzjoni finanzjarja, bħalissa huma mifruxa fuq bosta snin; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrevedi r-regoli tal-proċeduri ta' awditjar u ta' korrezzjoni finanzjarja biex tippermetti konklużjonijiet aktar f'waqthom u l-irkupru tal-fondi tal-UE indebitament imħallsa; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tippubblika d-dokumenti kollha relatati mal-każ tal-kunflitt ta' interess tal-Prim Ministru Ċek;

    4.   

    Huwa mħasseb ħafna bis-sejbiet tar-rapport tal-awditjar li juru li:

    Il-Fondi SIE ngħataw bla bżonn lil entitajiet li jagħmlu parti mill-grupp Agrofert,

    Il-Prim Ministru huwa s-sid benefiċjarju ta' Agrofert Holding u minn Frar 2017 tal-Fondi Fiduċjarji AB Private Trust I u AB Private Trust II, li huwa jikkontrolla, billi jżomm interess ekonomiku dirett fis-suċċess ta' Agrofert,

    Il-Prim Ministru Babiš kien involut b'mod attiv fl-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE fir-Repubblika Ċeka, u kien f'pożizzjoni li jeżerċita influwenza fuq korpi bħall-Kunsill tal-FSIE u l-Awtorità Nazzjonali ta' Koordinazzjoni, filwaqt li fl-istess ħin kien involut f'deċiżjonijiet li jaffettwaw il-grupp Agrofert,

    Il-proġetti identifikati ngħataw bi ksur tal-Artikolu 4c tal-Att Ċek rivedut dwar il-Kunflitt ta' Interess, kif ukoll tar-Regolament Finanzjarju tal-UE,

    Matul il-perjodu awditjat l-eżerċizzju imparzjali u oġġettiv tal-funzjonijiet tas-Sur Babiš bħala Prim Ministru, President tal-Kunsill tal-FSIE, Ministru tal-Finanzi u Deputat Prim Ministru għall-Ekonomija ġie kompromess;

    5.   

    Jinnota li mill-1 ta' Ġunju 2021 l-Att Ċek Nru 37/2021 SB. dwar ir-Reġistrazzjoni tas-Sidien Benefiċjarji Aħħarin finalment ittraspona fil-liġi nazzjonali l-ħames Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, li tirrikjedi l-istabbiliment ta' reġistri disponibbli pubblikament għall-kumpaniji, għat-trusts u għal arranġamenti legali oħra; ifakkar li l-iskadenza għat-traspożizzjoni ta' din id-direttiva kienet skadiet fl-10 ta' Jannar 2020; jikkritika bil-qawwa l-fatt li ċ-Ċekja ttrasponiet il-ħames Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus b'dewmien kbir; jinnota li l-Prim Ministru Babiš ilu elenkat fir-reġistru Ċek tas-sidien bħala “sid indirett reali” ta' Agrofert mill-1 ta' Ġunju 2021; jikkritika bil-qawwa d-dikjarazzjoni maħruġa mill-Ministeru tal-Ġustizzja Ċek, li tiddikjara li s-sussidji jistgħu jkomplu jitħallsu lil Agrofert minkejja l-fatt li Andrej Babiš huwa elenkat bħala s-sid benefiċjarju ta' Agrofert fiċ-Ċekja;

    6.   

    Jinsisti li kunflitt ta' interess fl-ogħla livell ta' gvern ta' Stat Membru, issa kkonfermat bil-pubblikazzjoni, fit-23 ta' April 2021, tar-rapport finali tal-Kummissjoni dwar l-awditu tal-funzjonament tas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll stabbiliti biex jiġi evitat kunflitt ta' interess fir-Repubblika Ċeka, ma jistax jiġi ttollerat u jrid jiġi indirizzat bis-sħiħ billi:

    a)

    jittieħdu miżuri li jiżguraw li l-Prim Ministru Babiš ma jibqa' jkollu l-ebda interess ekonomiku jew interessi oħra li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 61 tar-Regolament Finanzjarju tal-UE jew tal-Att Ċek dwar il-Kunflitt ta' Interess fir-rigward tal-grupp Agrofert; jew

    b)

    jiġi żgurat li l-entitajiet kummerċjali taħt il-kontroll tal-Prim Ministru Babiš ma jibqgħu jirċievu l-ebda finanzjament mill-fondi tal-UE, mis-sussidji pubbliċi jew mill-finanzjament imqassam mil-livelli kollha tal-awtoritajiet pubbliċi madwar l-UE; jew

    c)

    jiġi żgurat li l-Prim Ministru Babiš u l-membri tal-gvern tiegħu jastjenu bis-sħiħ milli jipparteċipaw fi kwalunkwe proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE li jista' jikkonċerna direttament jew indirettament l-interessi tal-grupp Agrofert; jisħaq madankollu li, fid-dawl tal-funzjonijiet u tas-setgħat tal-Prim Ministru u tal-membri tal-gvern tiegħu, jidher li huwa dubjuż li miżura bħal din tista' tindirizza b'mod adegwat il-kunflitt ta' interess fil-prattika, jekk il-persuni kkonċernati jkomplu jeżerċitaw il-funzjonijiet pubbliċi tagħhom, u li r-riżenja mill-pożizzjoni pubblika għalhekk tikkostitwixxi mezz aktar adegwat biex tindirizza bis-sħiħ il-kunflitt ta' interess;

    7.   

    Jilqa' t-tħabbira li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) se jwettaq investigazzjoni imparzjali u bbażata fuq il-fatti fir-rigward tal-kunflitt ta' interess; jirrikonoxxi d-dikjarazzjoni maħruġa mill-uffiċċju tal-prosekutur responsabbli li skontha l-kawża “tissodisfa l-kundizzjonijiet ta' ġuriżdizzjoni obbligatorja tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew stabbilit dan l-aħħar skont ir-Regolament rilevanti tal-Unjoni Ewropea, li lilu trid tiġi trażmessa mingħajr dewmien”;

    8.   

    Jesprimi dispjaċir għall-fatt li s-sejbiet tal-awditjar jikkonfermaw l-eżistenza ta' nuqqasijiet sistemiċi serji fil-funzjonament tas-sistema ta' ġestjoni u kontroll u b'mod partikolari fis-sejba ta' kunflitti ta' interess; jiddeplora li l-ineffettività tal-kontroverifiki u l-proċessi u l-istrutturi mhux trasparenti jfixklu l-affidabbiltà ta' kwalunkwe prevenzjoni u sejbien ta' kunflitti ta' interess fir-Repubblika Ċeka;

    9.   

    Jinsab imħasseb ħafna li anke wara d-dħul fis-seħħ tal-Artikoli 61 u 63 tar-Regolament Finanzjarju fl-2018, in-nuqqas tas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll – fir-rigward tal-evitar ta' kunflitt ta' interess – għadu jeżisti u li l-awtoritajiet Ċeki għadhom jieħdu azzjoni żgħira u insuffiċjenti biex jiżguraw il-konformità;

    10.   

    Jiddeplora t-tentattivi rrappurtati mill-Gvern Ċek biex jillegalizza l-kunflitt ta' interess tal-Prim Ministru Babiš permezz ta' liġi, proposta fil-bidu tal-kriżi tal-COVID f'Marzu 2020 minflok ma jsolvi l-kunflitt ta' interess innifsu;

    11.   

    Jistenna li l-awtoritajiet nazzjonali jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet kollha mitluba, bil-għan, fost affarijiet oħra, li jtejbu s-sistema ta' ġestjoni u kontroll u jivverifikaw l-għotjiet kollha mogħtija wara d-9 ta' Frar 2017 li jistgħu jiksru l-Att dwar il-Kunflitt ta' Interess;

    12.   

    Jitlob lill-Kummissjoni tinforma lill-Parlament dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-awditjar mill-Gvern Ċek, b'mod partikolari rigward l-iskrutinju tal-fondi kollha mogħtija lill-grupp Agrofert li ma kinux parti mill-kampjun ta' awditu;

    13.   

    Jinsab imħasseb ħafna bid-dgħufijiet tal-qafas regolatorju ġenerali, li jagħmluha diffiċli li jiġu identifikati sistematikament is-sidien benefiċjarji ta' entitajiet li jirċievu fondi tal-UE; ifakkar li l-Kummissjoni kkonfermat li għamlet pagamenti fl-ambitu tal-PAK lil kumpaniji li jagħmlu parti mill-grupp Agrofert, kif ukoll lil kumpaniji oħra li s-sid benefiċjarju tagħhom huwa l-Prim Ministru Babiš f'diversi Stati Membri oħra, iżda mhijiex kapaċi tidentifika b'mod eżawrjenti l-operaturi ekonomiċi kollha li bbenefikaw; jinsisti li l-Kummissjoni hija mistennija tipprovdi lill-awtorità tal-kwittanza b'ħarsa ġenerali kompleta u affidabbli tal-pagamenti kollha magħmula lill-kumpaniji tal-grupp Agrofert u lil kumpaniji bl-istess sid benefiċjarju fl-Istati Membri kollha għas-snin finanzjarji 2018 u 2019; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi wkoll informazzjoni għas-sena 2020; iqis li dan juri l-ħtieġa urġenti li l-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-aġenziji nazzjonali, toħroġ b'format standardizzat u aċċessibbli għall-pubbliku biex tiżvela l-benefiċjarji finali tal-iżborżi tal-PAK;

    14.   

    Jinnota l-korrezzjoni reċenti fir-rekords tar-reġistru tas-sjieda benefiċjarja tal-kumpaniji (Transparenzregister), li issa jelenka l-Prim Ministru Babiš bħala benefiċjarju u azzjonist ta' sussidjarja ta' Agrofert fil-Ġermanja; itenni li l-Prim Ministru Babiš huwa elenkat bħala wieħed minn sitt persuni attivi b'influwenza sinifikanti jew b'kontroll fuq it-trustees ta' trust relatat mas-sussidjarja ta' Agrofert bl-isem GreenChem Solutions Ltd. fir-Renju Unit; jistieden lill-Istati Membri kollha li fihom is-sussidjarji ta' Agrofert huma attivi biex jirrieżaminaw ir-reġistru tas-sjieda benefiċjarja f'dan ir-rigward;

    15.   

    Jesprimi dispjaċir għall-fatt li entitajiet tal-grupp Agrofert għadhom jirċievu pagamenti fl-ambitu tal-ewwel pilastru tal-PAK; ifakkar li l-Att Ċek dwar il-Kunflitt ta' Interess jipprojbixxi li jingħata kwalunkwe sussidju, inklużi pagamenti diretti tal-PAK, lil kumpanija li fiha uffiċjal pubbliku jew entità kkontrollata minn uffiċjal pubbliku jkollha sehem ta' 25 % jew aktar; jisħaq fuq id-dubji serji dwar l-indipendenza tal-awtoritajiet Ċeki li jiddeċiedu dwar l-eliġibbiltà u l-kontroll tal-pagamenti agrikoli diretti; jidentifika indikaturi tar-riskju fil-fatt li l-kumpaniji li huma parti mill-grupp Agrofert jibqgħu jirċievu dawn il-fondi bi ksur tal-Att Ċek dwar il-Kunflitt ta' Interess;

    16.   

    Jinnota li l-leġiżlazzjoni Ċeka eżistenti dwar il-kunflitti ta' interess li ilha stabbilita mill-2006 kellha lakuni serji u nuqqasijiet sinifikanti fl-implimentazzjoni, li ppermettew t-twaqqif u t-tkabbir ta' strutturi oligarkiċi profondi; jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-missjoni tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament fi Frar 2020 skopriet nuqqasijiet serji fis-sistemi għall-evitar, l-iskoperta u r-riżoluzzjoni ta' kunflitti ta' interess fiċ-Ċekja;

    17.   

    Jinsab sorpriż bl-approċċi li jidhru differenti għal ksur simili tal-Att Ċek dwar il-Kunflitt ta' Interess u l-Artikolu 61 tar-Regolament Finanzjarju mid-DĠ REGIO u EMPL u mid-DĠ AGRI; filwaqt li d-DĠ REGIO u EMPL iqisu li ksur tal-Att Ċek dwar il-Kunflitt ta' Interess jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 61(2) tar-Regolament Finanzjarju, id-DĠ AGRI ma jidhirx li japplika l-istess loġika; jinnota, barra minn hekk, li l-kontrolli tal-eliġibbiltà tal-pagamenti bbażati fuq l-intitolamenti (pagamenti diretti) jinkludu wkoll element tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-verifika; jenfasizza li din id-deċiżjoni ta' verifika tista' tiġi influwenzata minn kunflitt ta' interess; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Parlament bi spjegazzjoni legali dettaljata dwar l-impatt differenti tal-ksur tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kunflitt ta' interess u l-Artikolu 61 tar-Regolament Finanzjarju, u tinkludi spjegazzjoni dettaljata dwar kif il-Kummissjoni tiżgura li d-deċiżjonijiet ta' verifika għall-pagament ibbażat fuq l-intitolamenti ma kinux affettwati minn kunflitt ta' interess;

    18.   

    Jinsab sorpriż bl-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li l-Ministru Ċek għall-Agrikoltura mhuwiex f'sitwazzjoni ta' kunflitt ta' interess minkejja li l-membri tal-familja tiegħu jirċievu ammonti sostanzjali ta' sussidji agrikoli filwaqt li huwa responsabbli għall-ipprogrammar u l-implimentazzjoni ta' programmi agrikoli fl-ambitu tal-PAK; jitlob lill-Kummissjoni taqsam din l-evalwazzjoni mal-Parlament; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni uniformi tal-Artikolu 61 tar-Regolament Finanzjarju;

    19.   

    Jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta l-effettività tal-Artikolu 61 tar-Regolament Finanzjarju biex tipprevjeni jew tiżvela u ssolvi b'suċċess każijiet ta' kunflitt ta' interess meta jseħħu, u, kif xieraq, tagħmel proposti fil-kuntest tar-reviżjoni li jmiss tar-Regolament Finanzjarju biex tkompli ssaħħaħ ir-regoli li jirregolaw il-kunflitti ta' interess, filwaqt li tagħti attenzjoni speċjali lid-definizzjonijiet, il-kamp ta' applikazzjoni (min huwa kopert), l-identifikazzjoni ta' funzjonijiet jew attivitajiet sensittivi f'riskju, is-“sitwazzjonijiet li jistgħu jiġu perċepiti b'mod oġġettiv bħala kunflitt ta' interess” u l-obbligi f'każijiet ta' kunflitt ta' interess; ifakkar li l-Artikolu 61 tar-Regolament Finanzjarju ma jagħmilx distinzjoni bejn tipi differenti ta' pagamenti mill-baġit tal-UE u li s-sempliċi possibbiltà li tintuża pożizzjoni li tirriżulta mill-kunflitt ta' interess hija indikatur suffiċjenti;

    20.   

    Jinsab imħasseb dwar l-interpretazzjoni limitata tal-Artikolu 61 tar-Regolament Finanzjarju mill-Aġenzija Ċeka tal-Pagamenti għall-Agrikoltura (il-Fond Statali għall-Intervent Agrikolu), li tqisha mhux applikabbli għall-membri tal-gvern; itenni t-tħassib tal-Parlament dwar għadd ta' nuqqasijiet identifikati fil-ġestjoni tal-Aġenzija Ċeka tal-Pagamenti għall-Agrikoltura, speċjalment in-nuqqas ta' indipendenza tal-Bord Superviżorju, kif enfasizzat fir-rapport tal-Parlament dwar il-missjoni tiegħu fir-Repubblika Ċeka fi Frar 2020 (7); jitlob lill-Kummissjoni tiftaħ proċedura ta' awditjar biex tiżgura l-ġestjoni tajba tal-aġenzija;

    21.   

    Iqis il-gwida tal-Kummissjoni dwar l-evitar u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess fl-ambitu tar-Regolament Finanzjarju bħala għodda importanti biex jissaħħu aktar il-miżuri għall-protezzjoni tal-baġit tal-UE kontra l-frodi u l-irregolaritajiet; jitlob lill-Kummissjoni tqajjem sensibilizzazzjoni u tippromwovi interpretazzjoni u applikazzjoni uniformi tar-regoli dwar l-evitar tal-kunflitti ta' interess, inklużi l-pagamenti diretti fl-ambitu tal-ewwel pilastru tal-PAK, u tissorvelja l-funzjonament indipendenti tal-Aġenziji tal-Pagamenti u l-istrutturi tal-awditjar f'dan ir-rigward; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi lill-awtoritajiet tal-Istati Membri kkonċernati b'aktar eżempji prattiċi, suġġerimenti u rakkomandazzjonijiet biex tgħinhom jevitaw il-kunflitti ta' interess;

    22.   

    Itenni li ċ-ċittadini u l-kontribwenti Ċeki ma għandhomx iħallsu jew isofru minn konsegwenzi li jirriżultaw mill-kunflitt ta' interess tal-Prim Ministru Babiš, u li l-kumpaniji li jagħmlu parti mill-grupp Agrofert għandhom iħallsu lura s-sussidji kollha li ngħataw illegalment mill-baġit nazzjonali tal-UE jew tar-Repubblika Ċeka; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċeki jitolbu lura s-sussidji kollha li tħallsu indebitament lil kwalunkwe entità tal-grupp Agrofert;

    23.   

    Jinsisti li l-iżborż ulterjuri ta' fondi, kemm mill-baġit nazzjonali tal-UE kif ukoll minn dak Ċek, lill-kumpaniji li fl-aħħar mill-aħħar huma kkontrollati mill-Prim Ministru Babiš jew mill-membri tal-Gvern Ċek irid jitwaqqaf sakemm il-każijiet ta' kunflitt ta' interess jiġu kompletament solvuti;

    24.   

    Iħeġġeġ lill-Gvern Ċek itejjeb il-ġustizzja ġenerali tad-distribuzzjoni tas-sussidji tal-UE u jistabbilixxi sistema li tiggarantixxi trasparenza sħiħa fid-distribuzzjoni tal-fondi tal-UE; jinnota bi tħassib li skont l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni, ma kien hemm l-ebda deċiżjoni li tibdel is-sistema Ċeka tal-pagamenti diretti minn mindu twaqqfet fl-2014 u li jinħoloq mekkaniżmu effettiv kontra l-kunflitti ta' interess;

    25.   

    Ifakkar li bħala parti mill-proġett “Stork Nest”, Agrofert ħolqot b'mod artifiċjali kumpanija ta' daqs medju, li baqgħet taħt il-kontroll ta' Agrofert, sabiex jinkisbu fondi maħsuba għal negozji żgħar u ta' daqs medju, li jammontaw għal total ta' madwar EUR 2 miljun; iqis li huwa inaċċettabbli li wara li ġew konklużi irregolaritajiet serji fl-investigazzjonijiet dwar “Stork Nest”, l-awtoritajiet Ċeki rtiraw il-proġett mill-finanzjament tal-UE bil-għan li jiffinanzjawh mill-baġit nazzjonali, u jittrasferixxu l-piż finanzjarju lill-kontribwenti Ċeki; iqis li din hija konferma li l-awtoritajiet Ċeki naqsu milli jikkonvinċu lill-Kummissjoni dwar il-legalità u r-regolarità ta' dawn il-pagamenti; jesprimi dispjaċir għall-fatt li dan ifisser li l-OLAF ma għadx għandu d-dritt li jinvestiga u huwa biss il-prosekutur nazzjonali li jista' jressaq l-akkużi; jinsab serjament imħasseb li l-prosekutur Ċek għalaq, fuq bażi temporanja, il-proċedimenti u wara fetaħ mill-ġdid il-każ; jistieden lill-awtoritajiet Ċeki jgħarrfu lill-istituzzjonijiet tal-UE dwar l-eżitu tal-investigazzjoni dwar “Stork Nest” kemm jista' jkun malajr;

    26.   

    Jinnota li l-pulizija Ċeka rrakkomandat, għat-tieni darba, li l-Prim Ministru Babiš jitressaq b'allegazzjoni ta' frodi li tammonta għal madwar EUR 2 miljun fir-rigward tal-investigazzjonijiet “Stork Nest”; jinnota li l-prosekutur ta' superviżjoni Jaroslav Šaroch, li f'Settembru 2019 inizjalment iddeċieda li jwaqqa' l-każ, huwa responsabbli biex jiddeċiedi dwar il-kap ta' akkuża; ifakkar li l-Prosekutur Ġenerali Pavel Zeman, li issa rriżenja, fl-4 ta' Diċembru 2019 kien ordna l-ftuħ mill-ġdid tal-każ, filwaqt li kkwota nuqqasijiet fil-valutazzjoni legali tal-prosekutur Šaroch;

    27.   

    Jinsab imħasseb ħafna bil-pressjoni politika kontra l-media indipendenti u l-istituzzjonijiet indipendenti fir-Repubblika Ċeka, li reċentement ġiet enfasizzata bir-riżenja tal-Prosekutur Ġenerali, li ddikjara pressjoni mill-Ministru tal-Ġustizzja bħala r-raġuni għar-riżenja tiegħu;

    28.   

    Jitlob lill-Kummissjoni teżamina l-vulnerabbiltajiet tas-sistema ġudizzjarja Ċeka u tniedi l-azzjonijiet meħtieġa; jitlob lill-Kummissjoni teżamina bir-reqqa u tanalizza jekk xi każijiet oħra li jinvolvu membri tal-Gvern Ċek ġewx irtirati jew magħluqa qabel iż-żmien potenzjalment wara pressjoni; jistieden lill-Kummissjoni żżomm lill-Parlament infurmat mingħajr dewmien żejjed dwar is-sejbiet u l-konklużjonijiet tagħha;

    29.   

    Jinsab imħasseb dwar ir-rapporti li l-Gvern Ċek diġà ħallas aktar minn CZK 150 miljun lill-Agrofert mill-baġit nazzjonali Ċek matul il-perjodu awditjat (8); peress li dan jista' jikkostitwixxi għajnuna illegali mill-Istat u jikkomprometti l-kompetizzjoni ġusta fis-suq uniku tal-UE, kif ukoll l-integrità tiegħu, jitlob lill-Kummissjoni tinvestiga bis-sħiħ dawn il-każijiet ta' finanzjament mill-baġit nazzjonali u tinforma lill-Parlament dwar il-konklużjonijiet tal-investigazzjoni u l-miżuri meħuda;

    30.   

    Jikkundanna l-prattika li jiġu rtirati l-proġetti mill-fondi tal-UE sabiex jiġu ffinanzjati mill-baġit nazzjonali wara l-iskoperta ta' irregolaritajiet mill-Kummissjoni jew mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri; jitlob lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib u twettaq analiżi legali bir-reqqa f'dawn il-każijiet, filwaqt li tagħti attenzjoni partikolari lill-ksur potenzjali tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat;

    31.   

    Jiddeplora l-kummenti pubbliċi li għamel il-Prim Ministru Babiš b'reazzjoni għall-pubblikazzjoni tar-rapport finali tal-awditar tad-DĠ REGIO u EMPL (9); iqis inaċċettabbli li l-awdituri tal-Kummissjoni jissejħu “mafja” minn membru tal-Kunsill Ewropew;

    32.   

    Jikkundanna l-kummenti diffamatorji tal-Prim Ministru Babiš kontra l-organizzazzjonijiet tal-aħbarijiet li jirrappurtaw dwar il-kunflitt ta' interess tiegħu u l-operazzjonijiet tan-negozji tiegħu; jindika f'dan ir-rigward il-kummenti negattivi tiegħu dwar ir-Referendum ta' Denik fil-Parlament Ċek f'Novembru 2020;

    33.   

    Jinsab imħasseb ħafna bil-livell baxx ta' konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-GRECO li jinsabu fir-Rapport ta' Evalwazzjoni tar-Raba' Serje – waħda biss mill-erbatax-il rakkomandazzjoni ġiet implimentata b'mod sodisfaċenti, seba' rakkomandazzjonijiet ġew implimentati parzjalment u s-sitt rakkomandazzjonijiet li fadal ma ġew implimentati xejn;

    34.   

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jipprojbixxu każijiet ta' pagamenti ta' sussidji ta' miljuni ta' euro bi tliet ċifri lil persuni fiżiċi individwali fl-ambitu tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) il-ġdid u jimxu lejn il-pożizzjoni tal-Parlament li tiggarantixxi trasparenza sħiħa u l-possibbiltà ta' aggregazzjoni tal-pagamenti kif ukoll il-proċeduri ta' monitoraġġ u awditi diġitali bejn il-fruntieri tal-Istati Membri fi programmi b'ġestjoni kondiviża;

    35.   

    Jistieden lill-Kunsill fin-negozjati li għaddejjin dwar ir-Regolament tal-PAK iqis kif xieraq l-effettività baġitarja u d-distribuzzjoni aktar ġusta u trasparenti tal-pagamenti diretti, jimxi lejn il-pożizzjoni tal-Parlament li tistabbilixxi limiti speċifiċi għal kull persuna fiżika għaż-żewġ pilastri tal-PAK, kif ukoll digressività, limitazzjoni obbligatorja u pagamenti ridistributtivi biex tiġi żgurata perċezzjoni pożittiva tal-PAK b'mod ġenerali miċ-ċittadini tal-UE; jenfasizza li n-negozjati fil-Kunsill ma għandhomx jiġu affettwati minn kunflitti ta' interess u li l-ebda ministru, membru jew rappreżentant ta' gvern nazzjonali ma għandu jipparteċipa fin-negozjati waqt li jkun affettwat minn kunflitt ta' interess; iqis inaċċettabbli li l-Prim Ministru Babiš, waqt li kien is-sid benefiċjarju tal-grupp Agrofert, ħa sehem fin-negozjati dwar il-PAK u ġġieled kontra l-limitu tas-sussidji; jissottolinja bil-qawwa li l-limiti għal kull persuna fiżika għall-ewwel u t-tieni pilastru tal-PAK iridu jkunu applikabbli b'mod uniformi, inkluż għall-membri tal-gvernijiet nazzjonali sabiex ma jitħallewx jinnegozjaw fil-Kunsill għall-benefiċċju tagħhom stess;

    36.   

    Ma japprovax bil-qawwa l-istrutturi oligarkiċi li jużaw il-fondi agrikoli u ta' koeżjoni tal-UE, fejn minoranza żgħira ta' benefiċjarji jirċievu l-maġġoranza l-kbira tal-fondi tal-UE, u jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Kunsill Ewropew jipprevjenu t-trawwim ta' strutturi bħal dawn, li qed inaqqsu l-kompetittività ta' bdiewa żgħar u ta' daqs medju u ta' rziezet tal-familja, li għandhom ikunu l-benefiċjarji ewlenin tal-PAK;

    37.   

    Jisħaq fuq it-tħassib serju tiegħu dwar il-fatt li l-Prim Ministru Babiš jinsab f'kunflitt ta' interess waqt li jipparteċipa fit-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-allinjament tal-PAK mal-għanijiet ġenerali tal-politika Ewropea dwar it-tibdil fil-klima, minħabba li l-interessi kummerċjali tal-grupp Agrofert jistgħu jegħlbu l-interess pubbliku fl-appoġġ ta' agrikoltura aktar sostenibbli u fil-limitazzjoni tal-impatti negattivi tat-tibdil fil-klima;

    38.   

    Iqis li n-nuqqas ta' azzjoni mill-Gvern Ċek fl-indirizzar tal-kunflitti ta' interess tal-Prim Ministru Babiš għandu impatt negattiv fuq il-funzjonament tal-awtoritajiet tal-Istat Ċek, inklużi l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u s-sistemi ta' ġestjoni u kontroll, u fuq il-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE;

    39.   

    Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta s-sitwazzjoni ta' hawn fuq, flimkien mal-influwenza tal-Prim Ministru Babiš fuq il-media Ċeka u fuq is-sistema ġudizzjarja, bil-ħsieb li tidentifika ksur tal-istat tad-dritt u, jekk ikkonfermata u abbażi tas-sejbiet tagħha, tattiva fi żmien xieraq il-mekkaniżmu ta' kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni;

    40.   

    Għadu mħasseb dwar il-konċentrazzjoni dejjem tiżdied ta' sjieda tal-media f'idejn ftit oligarki (10);

    41.   

    Jinnota li għaddejjin investigazzjonijiet u awditi kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak Ewropew dwar kunflitti ta' interess potenzjali u l-użu tal-fondi tal-UE; jinsab imħasseb dwar it-tħassib espress fir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-istat tad-dritt tal-2020 li każijiet ta' korruzzjoni ta' livell għoli mhumiex segwiti biżżejjed u ġew identifikati xi lakuni fl-oqfsa ta' integrità applikabbli għall-membri tal-parlament;

    42.   

    Jistieden lill-Kunsill u lill-Kunsill Ewropew jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa u xierqa biex jipprevjenu l-kunflitti ta' interess f'konformità mal-Artikolu 61(1) tar-Regolament Finanzjarju; jesprimi tħassib li l-Prim Ministru Ċek kien, u għadu, parti attiva min-negozjati dwar il-baġit tal-UE u l-programmi tal-UE waqt li jinsab f'kunflitt ta' interess; jitlob lill-Kunsill u lill-Kunsill Ewropew jispjegaw lill-Parlament kif qed jippjanaw li jqisu u jaġixxu fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-Prim Ministru Babiš fit-teħid ta' deċiżjonijiet relatati mal-PAK u mal-baġit tal-UE wara l-konklużjoni fir-rapporti tal-awditjar tal-Kummissjoni;

    43.   

    Iqis li l-każ tal-kunflitt ta' interess tal-Prim Ministru Babiš jikkonferma wkoll il-ħtieġa urġenti li tiġi stabbilita sistema ta' rappurtar u monitoraġġ diġitali interoperabbli għall-finanzi tal-UE; jesprimi dispjaċir kbir għall-fatt li l-koleġiżlaturi ma laħqux ftehim sodisfaċenti dwar id-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-interoperabbiltà tas-sistemi tal-IT, li jippermettu rappurtar standardizzat u uniformi u jrawmu l-kooperazzjoni; jitlob li jsir sforz mill-atturi rilevanti kollha biex jistinkaw għal soluzzjonijiet ugwalment effettivi għall-fini ta' obbligu ta' rendikont imtejjeb;

    44.   

    Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju dwar kunflitt ta' interess, inkluż fil-każ tal-kunflitt ta' interess tal-Prim Ministru Babiš, jiġu applikati bis-sħiħ fl-implimentazzjoni tal-QFP 2021-2027 u tan-Next Generation EU sabiex ma jsir l-ebda pagament lil kumpaniji li huma direttament jew indirettament proprjetà tal-Prim Ministru Babiš (11); jitlob aktar skrutinju ta' kwalunkwe kunflitt ta' interess potenzjali kif ukoll elementi oħra tal-istat tad-dritt fil-pjanijiet nazzjonali ta' rkupru;

    45.   

    Jenfasizza bil-qawwa li l-Membri tal-Parlament Ewropew jeħtiġilhom ikunu jistgħu jwettqu xogħolhom mingħajr theddid u li l-gvernijiet nazzjonali jkunu responsabbli biex jiżguraw il-protezzjoni tagħhom fil-pajjiżi ta' oriġini tagħhom;

    46.   

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kumissjoni, lill-Kunsill u lill-Gvern u liż-żewġ kmamar tal-Parlament tar-Repubblika Ċeka.


    (1)  ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.

    (2)  ĠU C 121, 9.4.2021, p. 1.

    (3)  ĠU C 388, 13.11.2020, p. 157.

    (4)  Testi adottati, P9_TA(2020)0164.

    (5)  ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 1.

    (6)  Ir-rapport tal-awditjar finali sab nuqqasijiet serji fit-tfassil tas-sistema ta' kontroll biex jiġi evitat kunflitt ta' interess, kif muri mis-seba' każijiet ta' ksur tal-Artikolu 4c tal-liġi Ċeka dwar il-kunflitti ta' interess u r-rata għolja ta' żball ta' 96,7 % fil-kampjun awditjat.

    (7)  Rapport dwar il-missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (CONT) fir-Repubblika Ċeka, 26-28 ta' Frar 2020.

    (8)  iROZHLAS, Penam, Lovochemie, Cerea. Česko vyplatilo Agrofertu podle Bruselu na dotacích neoprávněně 155 milionů, 27 ta' April 2021.

    (9)  Euractiv, Czech PM slams EU Commission auditors as “mafia” (Il-Prim Ministru Ċek jirreferi għall-awdituri tal-Kummissjoni tal-UE bħala “mafja”), 26 ta' April 2021.

    (10)  Reporters Without Borders, ir-Repubblika Ċeka, https://rsf.org/en/czech-republic [aċċessat it-2 ta' Ġunju 2021].

    (11)  Lista ta' kumpaniji u proġetti approvati mill-Gvern Ċek biex jitressqu għall-finanzjament mill-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, tinkludi aktar minn CZK 6 biljun għal Lovochemie, kumpanija li hija parti mill-grupp Agrofert, li qabel kienet immexxija mill-Ministru Ċek għall-Ambjent fil-kariga, Richard Brabec.


    Top