EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021IP0276

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2021 dwar id-dimensjoni tal-ġeneru fil-politika ta' koeżjoni (2020/2040(INI))

ĠU C 67, 8.2.2022, p. 16–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

8.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 67/16


P9_TA(2021)0276

Id-dimensjoni tal-ġeneru fil-politika ta' koeżjoni

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2021 dwar id-dimensjoni tal-ġeneru fil-politika ta' koeżjoni (2020/2040(INI))

(2022/C 67/02)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u l-Artikoli 6 u 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”),

wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u, b'mod partikolari, il-prinċipji 2, 3 u 9 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) tat-18 ta' Diċembru 1979 (1),

wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, u, b'mod partikolari, l-Għan 5, li huwa intiż li jikseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-għajxien għan-nisa sal-2030 (2),

wara li kkunsidra l-Karta Ewropea għall-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel fil-Ħajja Lokali (3),

wara li kkunsidra d-direttivi tal-UE mill-1975 'il quddiem dwar diversi aspetti tat-trattament ugwali għan-nisa u l-irġiel (id-Direttiva 79/7/KEE (4), id-Direttiva 86/613/KEE (5), id-Direttiva 92/85/KEE (6), id-Direttiva 2004/113/KE (7), id-Direttiva 2006/54/KE (8), id-Direttiva 2010/18/UE (9) u d-Direttiva 2010/41/UE (10)),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Mejju 2012 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ugwali għall-ħaddiema rġiel u nisa għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta' valur ugwali (11),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2013 dwar l-eliminazzjoni tal-istereotipi tas-sessi fl-UE (12),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Settembru 2015 dwar il-karrieri tan-nisa fix-Xjenza u l-Università u s-soqfa tal-ħġieġ li jiltaqgħu magħhom (13),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 dwar fatturi esterni li jirrappreżentaw ostakoli għall-intraprenditorija femminili Ewropea (14),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2016 dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għoti ta' setgħa lin-nisa fl-era diġitali (15),

wara li kkunsidra l-istudju bit-titolu “Gender in regional cohesion policy” (Il-ġeneru fil-politika ta' koeżjoni reġjonali) mill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE), ippubblikat fil-25 ta' Jannar 2017 (16),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2017 dwar il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fir-riċerka dwar is-saħħa mentali u dik klinika (17),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2017 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea 2014-2015 (18),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' April 2017 dwar in-nisa u r-rwol tagħhom fiż-żoni rurali (19),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Ġunju 2017 dwar il-ħtieġa ta' strateġija tal-UE biex titwaqqaf u tiġi evitata d-differenza bejn il-pensjonijiet tan-nisa u tal-irġiel (20),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Ottubru 2017 dwar it-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tan-nisa fis-setturi privati u pubbliċi fl-UE (21),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2018 dwar in-nisa, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-ġustizzja klimatika (22),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2018 dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-ftehimiet kummerċjali tal-UE (23),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2018 dwar l-għoti tas-setgħa lin-nisa u l-bniet permezz tas-settur diġitali (24),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2018 dwar is-servizzi tal-kura fl-UE għal ugwaljanza aħjar bejn is-sessi (25),

wara li kkunsidra l-istudju bit-titolu “Gender budgeting – Mainstreaming gender into the EU budget and macroeconomic policy framework” (Ibbaġitjar skont il-ġeneru – L-integrazzjoni tal-ġeneru fil-baġit u l-qafas ta' politika makroekonomika tal-UE) mill-EIGE, ippubblikat fl-10 ta' April 2019 (26),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv dwar l-Opportunitajiet Ugwali għan-Nisa u għall-Irġiel tad-19 ta' Diċembru 2018 bit-titolu “The future of gender equality strategy after 2019: the battles that we win never stay won” (Il-futur tal-istrateġija dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri wara l-2019: Il-battalji li nirbħu qatt ma jibqgħu mirbuħa) (27),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2019 dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-politiki tat-tassazzjoni fl-UE (28),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Frar 2019 dwar ir-rigressjoni attwali tad-drittijiet tan-nisa u tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-UE (29),

wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tas-6 ta' Marzu 2019 bit-titolu “2019 Report on equality between women and men in the EU” (Rapport tal-2019 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-UE) (SWD(2019)0101) (30),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Novembru 2019 dwar l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul u l-miżuri l-oħra biex tiġi miġġielda l-vjolenza abbażi tal-ġeneru (31),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta' Diċembru 2019 dwar “Ekonomiji li Jiffavorixxu l-Ugwaljanza is-Sessi fl-UE: It-Triq 'il Quddiem” (32),

wara li kkunsidra r-rapport bit-titolu “The Missing Entrepreneurs 2019: Policies for Inclusive Entrepreneurship” (L-Intraprendituri Nieqsa tal-2019: Politiki għal Intraprenditorija Inklużiva), ippubblikat mill-OECD fl-10 ta' Diċembru 2019 (33),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Diċembru 2019 dwar id-diskriminazzjoni pubblika u d-diskors ta' mibegħda kontra persuni LGBTI, inklużi żoni mingħajr LGBTI (34),

wara li kkunsidra l-istudju bit-titolu “Gender Dimension of the EU Cohesion Policy” (Id-Dimensjoni tal-Ġeneru tal-Politika ta' Koeżjoni tal-UE), ippubblikat mid-Direttorat Ġenerali tiegħu għall-Politiki Interni fid-19 ta' Frar 2019 (35),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta' Jannar 2020 dwar id-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri (36),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Frar 2020 dwar il-prijoritajiet tal-UE għall-64 sessjoni tal-Kummissjoni tan-NU dwar l-Istatus tan-Nisa (37),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Marzu 2020 bit-titolu “Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija dwar l-Ugwaljanza Bejn il-Ġeneri għall-2020-2025” (COM(2020)0152),

wara li kkunsidra l-iskeda informattiva tal-Komunikazzjoni tas-17 ta' Ġunju 2020 bit-titolu “Coronavirus Pandemic – Impact on Gender Equality” (Il-Pandemija tal-Coronavirus – L-Impatt fuq l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri) (38),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tad-29 ta' Mejju 2020 bit-titolu “National minorities and COVID-19: inequality deepened, vulnerability exacerbated” (Il-minoranzi nazzjonali u l-COVID-19: l-inugwaljanza kompliet tikber, il-vulnerabilità kompliet tiggrava),

wara li kkunsidra d-Dokument ta' Diskussjoni 129 tal-Kummissjoni tal-24 ta' Lulju 2020 bit-titolu “Gender Smart Financing Investing In & With Women: Opportunities for Europe” (Finanzjament Intelliġenti tal-Ġeneru – Ninvestu fin-Nisa u man-Nisa: Opportunitajiet għall-Ewropa) (39),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Settembru 2020 bit-titolu “Unjoni ta' Ugwaljanza: Pjan ta' azzjoni tal-UE għall-ġlieda kontra r-razziżmu 2020-2025” (COM(2020)0565),

wara li kkunsidra l-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri tal-2020 mill-EIGE, ippubblikat fis-16 ta' Ottubru 2020 (40),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Novembru 2020 bit-titolu “Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ 2020-2025” (COM(2020)0698),

wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regolament ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A9-0154/2021),

A.

billi l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel huwa valur ewlieni tal-UE, li hu minqux fit-Trattati u fil-Karta; billi l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri għandha għaldaqstant tiġi implimentata u integrata bħala prinċipju orizzontali fl-attivitajiet, il-miżuri, l-azzjonijiet u l-programmi kollha tal-UE u fil-proġetti kollha ffinanzjati mill-UE u fil-politiki kollha tal-UE, inkluża l-Politika ta' Koeżjoni; billi huma meħtieġa sforzi akbar biex jiġu indirizzati d-diversi forom ta' diskriminazzjoni u inugwaljanza li n-nisa jiffaċċjaw; billi l-Artikolu 7 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (41) għall-2014-2020 jistabbilixxi li l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u l-integrazzjoni ta' perspettiva tal-ġeneri jridu jitqiesu u jiġu promossi tul it-tħejjija u l-implimentazzjoni kollha tal-programmi, inkluż fir-rigward tal-monitoraġġ, ir-rapportar u l-evalwazzjoni; billi n-nisa u l-irġiel li huma fuq quddiem nett tal-ġlieda għall-ugwaljanza wrew impenn, kuraġġ u tmexxija fil-promozzjoni tal-opportunitajiet indaqs madwar id-dinja, speċjalment fejn jippersistu tali inugwaljanzi, fejn in-nisa jiġu ppersegwitati u d-drittijiet tagħhom jinkisru sempliċement minħabba li huma nisa; billi bħala ċittadini Ewropej, għandna nkunu kburin li ksibna d-drittijiet u l-obbligi, il-libertajiet u l-opportunitajiet għall-irġiel u n-nisa, u billi llum in-nisa jmexxu wħud mill-aktar istituzzjonijiet importanti u għandhom xi wħud mill-aktar karigi politiċi prominenti fl-Ewropa; billi dawn l-eżempji pożittivi jgħinu biex jibdew jiġu indirizzati l-istereotipi eżistenti u biex jiġu promossi mudelli eżemplari;

B.

billi l-politika ta' koeżjoni tindirizza d-disparitajiet bejn id-diversi reġjuni u r-ritard tar-reġjuni li huma l-inqas favoriti bil-għan li tippromwovi l-iżvilupp armonjuż tagħha b'mod ġenerali bil-ħsieb li tinkiseb il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, li minnha tifforma parti essenzjali l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; billi l-politika ta' koeżjoni wriet ir-rilevanza tagħha billi kisbet progress sinifikanti lejn l-ugwaljanza bejn iċ-ċittadini u l-bilanċ territorjali;

C.

billi l-politika ta' koeżjoni hija għodda importanti mhux biss sabiex tiġi appoġġjata b'mod attiv u effettiv il-kisba tal-ugwaljanza bejn iċ-ċittadini, l-iżvilupp sostenibbli u l-koeżjoni ekonomika u soċjali, iżda wkoll biex jitnaqqsu d-disparitajiet li jaffettwaw lill-gruppi li għadhom qed ibatu minħabba d-diskriminazzjoni, inkluża dik marbuta mal-orjentazzjoni sesswali tagħhom; billi l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija objettiv orizzontali għall-fondi tal-politika ta' koeżjoni kollha; billi l-Fondi Strutturali huma riżorsa importanti ħafna biex jingħata appoġġ lill-Istati Membri biex jagħmlu progress fil-qasam tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri;

D.

billi l-kisba tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, ir-reġjuni jew il-ġenerazzjonijiet, fost ħwejjeġ oħra, hija kruċjali biex jitnaqqsu d-disparitajiet lokali u reġjonali, u dawk ekonomiċi u soċjali, kif ukoll biex jiġu żgurati l-kompetittività fit-tul u l-iżvilupp ġust, inklużiv u sostenibbli tal-UE, tal-Istati Membri tagħha u tar-reġjuni tagħha; billi sar progress f'dawn l-aħħar deċennji fil-qasam tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-UE tjiebet orizzontalment f'ħafna dimensjonijiet; billi s-sottorappreżentanza tan-nisa fis-suq tax-xogħol u l-indikaturi disponibbli għadhom juru segmentazzjoni vertikali u orizzontali fis-suq tax-xogħol, u fl-isfera soċjoekonomika u f'dik politika; billi t-Trattat ta' Ruma diġà inkluda l-prinċipju tal-paga ugwali għal xogħol ugwali, u billi l-politika ta' koeżjoni tista' tikkontribwixxi għall-ħolqien ta' kundizzjonijiet li jirfdu l-iżvilupp ekonomiku u dak soċjali, li huma ta' benefiċċju wkoll f'dawk li huma t-tnaqqis ulterjuri ta' din id-differenza u l-inklużjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol; billi skont l-EIGE, il-promozzjoni effettiva tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri jkollha impatt soċjali u ekonomiku qawwi u pożittiv, inklużi żieda fil-PDG per capita tal-UE, miljuni ta' impjiegi addizzjonali u żieda fil-PDG tal-Istati Membri;

E.

billi l-Qorti Ewropea tal-Awdituri bħalissa qed tivvaluta l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-baġit Ewropew; billi dan ir-rapport tal-awditjar, li għandu jiġi ppubblikat fl-ewwel kwart tal-2021, se jagħti għarfien utli dwar kif għandha tiġi implimentata d-dimensjoni tal-ġeneru fl-azzjonijiet tal-politika ta' koeżjoni fl-ambitu tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) 2021-2027;

F.

billi, matul il-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, l-elementi kritiċi ewlenin biex tiġi promossa l-ugwaljanza bejn il-ġeneri permezz tal-politika ta' koeżjoni kienu, fost ħwejjeg oħra, id-diskrepanza bejn id-dikjarazzjonijiet formali fil-Ftehimiet ta' Sħubija u l-Programmi Operazzjonali (li jiddikjaraw il-promozzjoni tal-prinċipju tal-opportunitajiet indaqs u dak tan-nondiskriminazzjoni) u l-implimentazzjoni effettiva tagħhom, kif ukoll l-impenn politiku kemmxejn dgħajjef f'dan il-qasam; billi l-Ftehimiet ta' Sħubija u l-Programmi Operazzjonali jiddikjaraw li josservaw u jippromwovu l-prinċipju tal-opportunitajiet indaqs u dak tan-nondiskriminazzjoni; billi għad hemm bżonn li jsiru sforzi akbar fir-rigward tal-parteċipazzjoni tan-nisa fl-istadji kollha taċ-ċiklu tal-politika ta' koeżjoni, speċjalment fl-iżvilupp ta' programmi u proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet, kif ukoll fl-implimentazzjoni tal-proġetti magħżula; billi, matul il-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, il-kwistjonijiet relatati mal-ġeneru ġew indirizzati l-aktar permezz tal-Programmi Operazzjonali tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE); billi, matul l-istess perjodu, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) ikkontribwixxa għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri b'mod limitat ħafna;

G.

billi data diżaggregata skont il-ġeneru bbażata fuq sorsi affidabbli u vverifikati u fuq indikaturi rilevanti għall-ġeneru hija essenzjali sabiex setturi jew reġjuni partikolari jkunu jistgħu jużaw b'mod effettiv l-appoġġ tal-UE, abbażi tar-realtà lokali tal-inugwaljanzi, sabiex jittejjeb il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u jiġi vvalutat l-eżitu tal-azzjonijiet diretti u indiretti tal-politika ta' koeżjoni mmirati lejn il-promozzjoni tal-identifikazzjoni ta' inugwaljanzi jew inġustizzji possibbli li fuqhom trid tittieħed azzjoni u lejn l-iżvilupp ta' politiki effettivi biex jiġu rispettati d-drittijiet u l-libertajiet ugwali fost iċ-ċittadini;

H.

billi l-koerenza politika fil-qasam tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija nieqsa, u billi għad m'hemmx sistema unifikata li tiffaċilita fehim u implimentazzjoni identiċi tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fl-istituzzjonijiet tal-UE;

I.

billi l-konsegwenzi sħaħ tal-pandemija fuq l-ekonomija, l-impjiegi u s-soċjetà għadhom mhux magħrufa; billi studji preliminari jissuġġerixxu li l-pandemija tal-COVID-19 aggravat l-inugwaljanzi li diġà jeżistu bejn l-irġiel u n-nisa, speċjalment f'dawk li huma żieda fix-xogħol ta' kura mhux imħallas u l-iżbilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, kif ukoll il-vjolenza domestika, u għandha impatt sproporzjonat fuq il-bniet u n-nisa, speċjalment dawk minn gruppi emarġinati; billi dan huwa wkoll minħabba li n-nisa spiss jiffurmaw il-maġġoranza fis-setturi esposti għall-pandemija, bħall-edukazzjoni u s-saħħa; billi l-politika ta' koeżjoni, u b'mod aktar speċifiku, l-FSE Plus li jmiss, għandhom iqisuh dan;

J.

billi l-Fond ta' Rkupru tal-UE jappoġġja setturi li ġew affettwati serjament mill-kriżi; billi l-impatt fuq is-soċjetà Ewropea kollha kemm hi għalhekk se jkollu effetti fit-tul fuq l-edukazzjoni, l-impjegabbiltà u l-futur taċ-ċittadini kollha, u r-reazzjoni rapida tal-istituzzjonijiet Ewropej u r-rieda tagħhom li jappoġġjaw is-soċjetà Ewropea għandhom jiġu mfaħħra; billi l-prijoritajiet ġenerali tal-Fond ta' Rkupru tal-UE jiffokaw fuq setturi b'sehem għoli ta' impjieg tal-irġiel u għalhekk jistgħu potenzjalment jirriskjaw li jżidu l-inugwaljanzi bejn l-irġiel u n-nisa fl-impjiegi;

K.

billi n-nisa u l-irġiel m'għandhomx l-istess riżorsi, ħtiġijiet u preferenzi; billi ħafna politiki spiss iqisu prinċipalment il-perspettiva tal-irġiel; billi n-nisa u l-irġiel għalhekk jesperjenzaw is-servizzi u l-infrastrutturi b'mod differenti u l-prijoritajiet tagħhom spiss ma jkunux l-istess f'dawk li huma servizzi bażiċi;

L.

billi l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju huma s-sinsla tal-ekonomiji reġjonali; billi l-promozzjoni tal-ugwaljanza, tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, tar-reklutaġġ inklużiv u tal-paga ugwali se tippermetti l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju;

M.

billi ħafna investimenti jaffettwaw lin-nisa u lill-irġiel b'mod differenti, u dan joħloq il-ħtieġa li tiġi applikata lill-investimenti perspettiva ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri;

Ir-rwol tal-politika ta' koeżjoni fil-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri għall-benefiċċju tat-tkabbir soċjoekonomiku u l-iżvilupp sostenibbli

1.

Jisħaq fuq l-importanza tal-politika ta' koeżjoni fil-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-persuni u bejn ir-reġjuni, inkluża l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri, inklużi l-prijoritajiet tas-saħħa tagħha relatati mal-ġeneru bħas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati; ifakkar li l-għanijiet ta' politika kollha jeħtieġu riżorsi biżżejjed u sostenibbli ddedikati għall-implimentazzjoni tagħhom; jirrakkomanda li l-Istati Membri jqisu l-miżuri ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri meta jkunu qed jiżviluppaw u japprovaw il-programmi;

2.

Jemmen bil-qawwa li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri għadha prinċipalment indirizzata b'mod ġenerali u għadha limitata għall-oqsma tal-politika tal-FSE, kif ukoll fil-fażi ta' analiżi tal-kuntest u programmazzjoni, filwaqt li hemm il-ħtieġa ta' aktar attenzjoni fil-fażijiet ta' implimentazzjoni, monitoraġġ u evalwazzjoni fuq bażi regolari; ifakkar li huwa meħtieġ li kull fażi ta' programmazzjoni tidentifika l-oqsma ta' prijorità li jikkontribwixxu għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u għall-iżvilupp sostenibbli;

3.

Jemmen bis-sħiħ li r-regoli tal-UE għandhom jinkitbu b'mod ċar u espliċitu li jiffaċilita l-applikazzjoni tagħhom għall-benefiċċju taċ-ċittadini, inkluż fir-rigward tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa; jissottolinja li n-nuqqas ta' riżorsi xierqa huwa kawża ewlenija ta' diskriminazzjoni;

4.

Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' impenn politiku qawwi biex tiġi difiża l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-liġi għall-popolazzjoni kollha kemm hi u għal tkabbir ekonomiku u żvilupp territorjali ġusti, inklużivi u sostenibbli; jirrimarka li sabiex tinkiseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, huwa essenzjali li jiġi żgurat bilanċ tajjeb bejn ix-xogħol u l-ħajja privata li jnaqqas il-pressjoni minn fuq in-nisa matul il-liv relatat mal-familja; jisħaq, għalhekk, fuq il-ħtieġa ta' strateġija aktar b'saħħitha għall-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-UE bħala mod kif tiġi promossa l-ugwaljanza bejn il-ġeneri;

5.

Jisħaq fuq l-importanza ta' qafas ta' governanza kkoordinat dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, linji gwida nazzjonali u appoġġ tekniku għall-monitoraġġ tal-impatt fuq il-ġeneri, disponibbli fil-lingwi uffiċjali tal-UE, kif ukoll skrutinju aktar b'saħħtu fil-livell tal-UE wara l-adozzjoni ta' programmi; jitlob, bl-istess mod, li l-konnessjoni mal-pjanijiet nazzjonali li jirriżultaw mill-pjan ta' rkupru titqies għall-iżvilupp tal-objettivi ta' żvilupp ekonomiku u soċjali ta' dawn il-programmi;

6.

Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' strateġija dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri b'objettivi u miri ċari fil-livell nazzjonali u f'dak reġjonali u fuq il-ħtieġa ta' programmi ta' sensibilizzazzjoni dwar il-benefiċċji li jirriżultaw mill-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u tal-opportunitajiet indaqs għan-nisa u l-irġiel għat-tkabbir soċjoekonomiku u l-iżvilupp sostenibbli fil-livell nazzjonali u f'dak reġjonali;

7.

Iqis li huwa meħtieġ li tingħata spinta lill-ħiliet u li jkomplu jiġu żviluppati aktar it-taħriġ u l-bini tal-kapaċitajiet tal-Awtoritajiet Maniġerjali u s-sħab ta' implimentazzjoni fir-rigward tad-dimensjoni tal-ġeneru tal-Fondi Strutturali, kif ukoll li tiġi ssodisfata l-ħtieġa ta' strateġiji ta' monitoraġġ ikkoordinati, sistemi unifikati ta' metodoloġija u evalwazzjoni fir-rigward tal-ġestjoni u d-diżaggregazzjoni tad-data utli immirata lejn l-identifikazzjoni ta' inugwaljanzi possibbli bejn iċ-ċittadini; jisħaq fuq l-importanza li jiġu evalwati r-riżultati tat-taħriġ biex tiġi vvalutata l-effettività tiegħu fit-titjib tal-implimentazzjoni tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri;

8.

Jisħaq fuq l-importanza li jiġi rispettat il-prinċipju tas-sħubija fil-programmazzjoni nazzjonali fl-ambitu tal-politika ta' koeżjoni; jistieden lill-Istati Membri jikkoordinaw mill-qrib mal-awtoritajiet lokali u reġjonali, mas-sħab soċjali u ekonomiċi, mas-soċjetà ċivili u mal-akkademja fil-qafas tal-prinċipju tas-sħubija b'mod trasversali u meta jkunu qed jabbozzaw il-ftehim ta' sħubija sabiex iqisu l-isfidi relatati mal-politiki tal-ugwaljanza effettivi fil-livell lokali u f'dak reġjonali, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jwettqu kampanji biex jippromwovu politiki tal-ugwaljanza, b'mod partikolari fl-oqsma tar-rikonċiljazzjoni tax-xogħol u l-ħajja privata, l-eliminazzjoni tal-istereotipi tal-ġeneri fl-għażliet ta' karriera u fit-titjib tal-indipendenza ekonomika tan-nisa;

9.

Iqis li l-partijiet ikkonċernati tal-programm u l-kumitati ta' monitoraġġ għandhom ikunu armati b'indikaturi aktar ċari tal-effiċjenza u l-effettività tal-programmi f'dik li hi l-implimentazzjoni ta' perspettiva tal-ġeneri fi proġetti konkreti, speċjalment fl-interventi tal-FEŻR; iqis li l-linji gwida, il-programmi ta' taħriġ u l-eżempji konkreti ta' prattika tajba biex tiġi indirizzata din il-kwistjoni għadhom limitati fl-għadd tagħhom; jissottolinja, f'dan ir-rigward, il-potenzjal tal-FEŻR/Fond ta' Koeżjoni li jeliminaw id-diskrepanza li n-nisa għadhom qed jiffaċċjaw, b'referenza partikolari għall-intraprenditorija femminili u s-settur diġitali, peress li n-nisa jirrappreżentaw biss 34,4 % ta' dawk li jaħdmu għal rashom u 30 % tal-intraprendituri li qed jibdew negozju fl-Unjoni Ewropea; iħeġġeġ lill-Kunsill jilħaq ftehim dwar il-proposta għal direttiva dwar it-titjib tal-bilanċ bejn il-ġeneri fost id-diretturi mhux eżekuttivi tal-kumpaniji elenkati fil-boroż u miżuri relatati (id-Direttiva dwar in-Nisa fuq il-Bordijiet), peress li hija għodda importanti ħafna biex jinkiseb bilanċ akbar bejn il-ġeneri fit-teħid ta' deċiżjonijiet ekonomiċi fl-ogħla livell; jitlob li parti mill-fondi tal-politika ta' koeżjoni jiġu ddedikati biex jappoġġjaw in-nisa fil-faqar, in-nisa f'riskju ta' faqar, l-ommijiet waħedhom, in-nisa b'diżabilità u n-nisa li huma vittmi tal-vjolenza; jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet rispettivi tagħhom jimplimentaw tali programmi;

10.

Jisħaq li l-programmi kollha implimentati fil-qafas tal-politika ta' koeżjoni għandhom jiżguraw l-ugwaljanza bejn il-ġeneri matul it-tħejjija, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tagħhom, kif ukoll opportunitajiet indaqs għal kulħadd, inkluż permezz ta' azzjoni pożittiva fejn hu meħtieġ u applikabbli, mingħajr diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali; jissottolinja li l-azzjonijiet immirati lejn l-eliminazzjoni tad-disparità bejn il-ġeneri fl-ambitu tal-politika ta' koeżjoni wkoll għandhom jadottaw approċċ intersezzjonali; huwa tal-fehma li l-kompożizzjoni ta' gruppi esperti fil-fażijiet differenti taċ-ċiklu ta' politika għandha tkun ibbilanċjata bejn il-ġeneri;

11.

Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet rispettivi tagħhom isegwu l-prinċipji tal-istat tad-dritt, inkluż il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni, u r-rispett għad-drittijiet fundamentali fir-rigward tad-deċiżjonijiet dwar il-finanzjament ta' programmi jew reġjuni, segwiti minn monitoraġġ, investigazzjoni u azzjonijiet xierqa f'każijiet ta' ksur ta' dawn il-prinċipji, filwaqt li dejjem jiżguraw il-protezzjoni tal-benefiċjarji finali; jemmen li l-benefiċjarji tal-politika ta' koeżjoni ma għandhom jadottaw l-ebda politika diskriminatorja, b'mod partikolari kontra dawk il-gruppi li għadhom ibatu minħabba d-diskriminazzjoni, bħall-komunità LGBTI; iħeġġeġ li jiġu rrifjutati applikazzjonijiet minn benefiċjarji potenzjali, inkluż mill-awtoritajiet reġjonali jew lokali, li adottaw politiki diskriminatorji kontra membri tal-komunità LGBTI bħad-dikjarazzjoni ta' żoni “ħielsa mil-LGBTI”;

12.

Jindika l-ħtieġa li jittejbu s-sinerġiji bejn il-fond ta' koeżjoni u l-fond għall-irkupru u programmi eżistenti oħra, bħal programmi li għandhom l-għan li jtejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol għan-nisa, inkluż, fost l-oħrajn, billi jiġġieldu d-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri u l-impjieg prekarju, jinvestu fil-faċilitajiet ta' kura, jiġġieldu u jipprevjenu l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u jiżguraw l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati;

13.

Jirrikonoxxi l-piż imqiegħed fuq in-nisa bħala indokraturi ewlenin f'ambjenti formali u informali, kif ukoll il-valur soċjali tiegħu, speċjalment matul il-kriżi tal-COVID-19; jirrikonoxxi l-fatt li 80 % tal-kura kollha pprovduta madwar l-UE tingħata minn persuni li jindukraw b'mod informali li spiss ma jitħallsux, li 75 % minnhom huma nisa; jinnota, għalhekk, ir-rwol kruċjali tal-politika ta' koeżjoni biex jiġu żgurati investimenti adegwati fis-servizzi tal-kura; jistieden lill-Istati Membri jipprijoritizzaw il-fondi disponibbli fi ħdan il-politika ta' koeżjoni għall-forniment tal-kura mhux biss biex tiġi ssodisfata d-domanda dejjem akbar għall-infrastruttura tal-kura, iżda wkoll biex jiġu indirizzati b'mod effettiv id-disparitajiet bejn il-ġeneri fl-impjiegi, id-differenzi fil-pagi u fil-pensjonijiet li jirriżultaw, is-segregazzjoni tas-suq tax-xogħol u, b'riżultat ta' dan, biex jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tiġi żgurata l-istess paga għall-istess xogħol, biex jiġu miġġielda l-impjieg informali u l-prekarjetà u biex jinħolqu impjiegi ġodda ta' kwalità għolja f'dan is-settur, kif ukoll biex tiġi appoġġjata tranżizzjoni lejn ekonomija aħjar tal-kura li tkun aċċessibbli għal kulħadd; jitlob li l-Kummissjoni għalhekk tipproponi Patt ta' Kura għall-Ewropa mmirat biex jappoġġja tali tranżizzjoni; jisħaq, barra minn hekk, fuq il-ħtieġa ta' investiment fil-protezzjoni soċjoekonomika tan-nisa, minħabba l-fatt li dawn fil-biċċa l-kbira jassumu r-responsabbiltà għal xogħol ta' indukrar mhux imħallas u spiss ikollhom ftit li xejn protezzjoni soċjali;

14.

Jissottolinja li għad hemm bżonn li tiġi indirizzata b'mod determinat lakuna diġitali serja u li hemm bżonn li jsir investiment akbar fid-diġitalizzazzjoni, fl-innovazzjoni diġitali u fil-konnettività diġitali; jisħaq li l-politika ta' koeżjoni jeħtieġ li tappoġġja l-aċċess ugwali għat-taħriġ u l-impjieg għan-nisa u l-irġiel, timplimenta azzjoni pożittiva sabiex tnaqqas id-distakk diġitali bejn il-ġeneri u tappoġġja t-tranżizzjoni ġusta, dik ekoloġika u dik diġitali, filwaqt li tipproteġi lill-ħaddiema li se jiġu affettwati minn dawn it-tranżizzjonijiet, pereżempju billi żżid il-proporzjon ta' gradwati nisa fis-suġġetti STEM, kif ukoll l-involviment tagħhom f'setturi li huma kruċjali għat-tranżizzjoni ambjentali, bħas-settur tal-enerġija; jirrikonoxxi l-fatt li l-innovazzjoni hija element essenzjali tal-iżvilupp sostenibbli u tal-impjiegi ekoloġiċi fl-UE u li l-istrateġiji mfassla apposta jistgħu jippermettu lil kull reġjun jidentifika u jiżviluppa l-vantaġġi kompetittivi tiegħu stess;

15.

Jissottolinja r-rwol kruċjali tal-politika ta' koeżjoni biex isir investiment f'servizzi pubbliċi, inkluża l-kura tas-saħħa, u infrastruttura soċjali ta' kwalità għolja, kemm biex jiġu miġġielda d-diversi inugwaljanzi bejn il-ġeneri, speċjalment l-inugwaljana bejn il-ġeneri, kif ukoll biex tinbena r-reżiljenza soċjali u jiġu indirizzati b'suċċess il-kriżijiet ekonomiċi, soċjali u tas-saħħa; ifakkar li l-politika ta' koeżjoni hija mmirata għall-iżvilupp armonjuż tar-reġjuni bis-saħħa tal-objettiv ta' konverġenza soċjali u ekonomika, u b'hekk tikkontribwixxi għall-benesseri taċ-ċittadini; għalhekk jemmen li l-politika ta' koeżjoni għandha tagħti attenzjoni partikolari lin-nisa li jgħixu fiż-żoni milquta minn tranżizzjoni industrijali u fir-reġjuni li jbatu minn żvantaġġi naturali jew demografiċi severi u permanenti, bħar-reġjuni ultraperiferiċi jew iż-żoni b'densità ta' popolazzjoni baxxa ħafna jew iż-żoni skarsament popolati kif ukoll il-gżejjer, ir-reġjuni transfruntiera u r-reġjuni muntanjużi; jisħaq li l-implimentazzjoni effettiva tal-politiki ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri tgħin biex treġġa' lura x-xejriet tad-depopolazzjoni fir-reġjuni konverġenti li huma suxxettibbli għal dak il-fenomenu;

16.

Jirrimarka dwar l-opportunità tal-istrateġiji għall-iżvilupp urban u territorjali integrat u sostenibbli mwettqa mill-gvernijiet lokali u reġjonali f'konformità mal-Aġenda 2030, li jiżguraw li d-dimensjonijiet kollha tal-iżvilupp sostenibbli, inkluż l-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDG) 5, jiġu indirizzati meta jkunu qed jitfasslu l-politiki fil-livell lokali u f'dak reġjonali; jisħaq fuq ir-rwol imwettaq mill-bliet u r-reġjuni li ilhom żmien minn ta' quddiem nett fil-ħidma favur l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, kif ukoll l-inizjattivi Ewropej ta' żvilupp urban, bħall-Karta ta' Leipzig; jemmen li l-politika ta' koeżjoni għandha tikkontribwixxi biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi urbani mifruxa ħafna billi tintegra aħjar lin-nisa fl-ippjanar tal-politiki għall-iżvilupp reġjonali u urban sabiex jitfasslu bliet u komunitajiet inklużivi fir-rigward tal-ġeneri, li jkunu jaqblu għal kulħadd; jissottolinja li ppjanar urban sensittiv għall-ġeneru jista' jiżgura aċċess aktar ġust u aktar ugwali għall-beni urbani; jisħaq ukoll li r-reġjuni u l-gvernijiet lokali għandhom rwol ewlieni x'jaqdu fil-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali, u li l-ippjanar territorjali sensittiv għall-ġeneru jista' jikkontribwixxi biex isiru avvanzi f'dan il-proċess;

L-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-politika ta' koeżjoni ta' wara l-2020

17.

Jitlob impenn politiku qawwi favur l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-livell tal-UE, f'dak nazzjonali u f'dak reġjonali sabiex tissaħħaħ l-attenzjoni mogħtija mill-partijiet ikkonċernati nazzjonali, reġjonali u lokali lill-ugwaljanza bejn il-ġeneri u lill-aspetti tal-ugwaljanza, kemm mill-perspettiva tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll bħala fattur kruċjali għall-iżvilupp soċjoekonomiku, u biex jiġi promoss aktar impenn f'dan il-qasam;

18.

Jitlob li fil-programmi kollha ta' wara l-2020 jiġu introdotti miri u rekwiżiti ċari u konkreti dwar l-objettivi tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u opportunitajiet u ugwaljanza akbar bejn l-irġiel u n-nisa, b'miżuri speċifiċi u interdixxiplinari li għandhom jiġu tradotti fl-operazzjonijiet kollha;

19.

Jappoġġja bil-qawwa r-rekwiżit ex ante li tiġi żviluppata strateġija nazzjonali dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri b'objettivi u miri ċari biex jirfdu l-interventi tal-politika ta' koeżjoni sabiex jittejbu l-effettività u l-valur miżjud tagħha fir-rigward tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jistieden lill-Istati Membri jinfurzaw strateġija bħal din, inkluż, fejn xieraq, permezz ta' miżuri mmirati, obbligi u linji gwida vinkolanti;

20.

Jistieden lill-Istati Membri jutilizzaw il-finanzjament tal-politika ta' koeżjoni biex ikomplu jnaqqsu d-disparitajiet ekonomiċi u soċjali reġjonali b'enfasi partikolari fuq il-ġlieda kontra l-femminizzazzjoni tal-faqar, fuq il-qgħad fost in-nisa u l-esklużjoni tagħhom minn ħafna opportunitajiet ekonomiċi, fuq il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta' vjolenza u diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru, fuq il-promozzjoni u l-insegwiment tal-awtonomizzazzjoni tan-nisa permezz tat-titjib tal-aċċess għas-suq tax-xogħol u fuq l-integrazzjoni mill-ġdid fih u fuq l-indirizzar tal-prijoritajiet relatati mas-saħħa kif definiti fl-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2020-2025, b'mod partikolari s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati bħala dritt fundamentali tal-bniedem u aspett essenzjali tal-benesseri tal-bnedmin, u fuq tal-avvanz tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jitlob, barra minn hekk, li jittejbu s-sinerġiji bejn il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond għall-Irkupru u programmi eżistenti oħra bl-għan li jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol għan-nisa, inkluż billi jiġġieldu d-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri, l-impjieg prekarju u l-impjieg informali, isir investiment fil-faċilitajiet tal-kura, tiġi miġġielda u pprevenuta l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u jiġi żgurat l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati, fost ħwejjeġ oħra;

21.

Jisħaq fuq l-importanza tas-sħubiji mal-korpi għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u jappoġġja bil-qawwa l-involviment ta' dawn l-organizzazzjonijiet fil-fażijiet kollha tal-programmi sabiex jiġi ggarantit allinjament aħjar bejn l-azzjonijiet implimentati u l-ħtiġijiet tan-nisa u l-irġiel billi jiġu kkonsolidati l-oqfsa istituzzjonali u jissaħħu l-koordinazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-korpi ta' appoġġ fl-oqsma ta' politika kollha;

22.

Jitlob li tiddaħħal il-valutazzjoni tal-impatt fuq il-ġeneri ex anteex post bħala parti mill-evalwazzjonijiet tal-Istati Membri, b'rabta mal-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-mod li bih jintefqu l-fondi u jekk il-konformità mal-miri tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri hijiex irrispettata b'mod effettiv; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li matul ir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-politika ta' koeżjoni ta' wara l-2020, titwettaq evalwazzjoni dwar l-użu tas-sorsi tagħhom sabiex jiġu vvalutati l-effettività, l-effiċjenza, l-impatt u, fejn ikun applikabbli, l-inklużività u n-nondiskriminazzjoni tagħhom, inkluż minn perspettiva tal-ġeneri;

23.

Ifakkar fil-ħtieġa li jiġu evalwati l-Fondi abbażi tal-informazzjoni miġbura permezz ta' rekwiżiti ta' monitoraġġ speċifiċi; jisħaq li indikaturi li jistgħu jitkejlu, fejn ikun xieraq, għandhom jippermettu wkoll li l-appoġġ għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri jiġi mmonitorjat;

24.

Jilqa' ż-żieda fl-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri bħala waħda mill-prijoritajiet orizzontali tal-QFP il-ġdid u bħala prinċipju orizzontali fir-Regolament il-ġdid dwar Dispożizzjonijiet Komuni; ifakkar li l-ibbaġitjar skont il-ġeneru huwa l-applikazzjoni tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-livelli kollha tal-proċess baġitarju; jisħaq li l-monitoraġġ tal-programmi ma għandux ikollu biss l-għan li jkejjel in-nefqa rilevanti fil-linji baġitarji kollha, iżda, aktar importanti minn hekk, għandu jivvaluta l-eżitu tal-baġit tal-UE fit-titjib tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jisħaq li kull valutazzjoni tal-impatt fuq il-ġeneri għandha tkun disponibbli bil-lingwi uffiċjali tal-UE; jirrakkomanda l-użu ta' kriterji li mhux biss jivvalutaw il-paga medjana nazzjonali u d-dħul gross annwali medjan fil-parità tal-kapaċità tal-akkwist, iżda anke l-indikaturi mhux ekonomiċi, bħal dawk li jkejlu l-benessri soġġettiv, l-eliminazzjoni tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru, l-impenn ċivili, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u r-rabtiet soċjali; jissottolinja li l-valutazzjoni tal-eżitu hija possibbli biss jekk tkun disponibbli data diżaggregata skont il-ġeneru;

25.

Jisħaq fuq id-diskrepanza fid-data dwar il-ġeneri fil-qasam tal-politika ta' koeżjoni u l-ippjanar urban, li teżisti f'għadd ta' Stati Membri, u jistieden lill-Istati Membri jintroduċu metodi għall-ġbir tad-data li jikkorrispondu għal data diżaggregata skont il-ġeneru sabiex id-differenzi bejn il-ġeneri jkunu jistgħu jiġu analizzati kif xieraq; jisħaq li sabiex tiġi żgurata l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, il-Kummissjoni għandha timplimenta valutazzjoni tal-impatt tal-ġeneru għal kull politika u proposta leġiżlattiva fil-qasam tal-politika ta' koeżjoni, tiddefinixxi indikaturi reattivi għal kwistjonijiet ta' ġeneru, tiġbor data diżaggregata skont il-ġeneru u twettaq evalwazzjonijiet reattivi għal kwistjonijiet ta' ġeneru;

26.

Jistieden lill-istituzzjonijiet kollha jipprovdu dokumenti ta' gwida u, fuq bażi regolari, taħriġ prattiku fil-livelli kollha tal-amministrazzjoni, sabiex ixerrdu u jintegraw eżempji konkreti ta' prattiki tajba dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, l-integrazzjoni u l-immaniġġjar tajjeb; jisħaq, barra minn hekk, li fl-istadju tal-għażla tal-proġett il-kriterji għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri għandhom jissaħħu permezz ta' punteġġi ogħla u rekwiżiti għal azzjonijiet aktar prattiċi; jilqa' r-rwol tal-EIGE fil-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru; jissottolinja l-kontribut pożittiv tiegħu għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, inkluż fil-qasam tal-politika ta' koeżjoni; jappella għall-finanzjament adegwat tal-EIGE u jirrakkomanda li jsir użu mill-għodod eżistenti żviluppati mill-EIGE bħas-sett ta' għodod tiegħu għall-ibbaġitjar skont il-ġeneru fl-istadji kollha tal-evalwazzjoni, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ fil-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej;

27.

Jisħaq fuq il-fatt li numru bla għadd ta' nisa qed jiffaċċjaw l-isfidi tal-pandemija tal-COVID-19 li wasslet għal żidiet qawwija fir-rapporti ta' vjolenza domestika; jistieden lill-Kunsill jikkonkludi b'mod urġenti r-ratifika min-naħa tal-UE tal-Konvenzjoni ta' Istanbul dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jallokaw il-finanzjament tal-politika ta' koeżjoni u jwettqu programmi li huma mmirati lejn il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u biex jgħinu lill-vittmi tal-vjolenza; jisħaq fuq id-disparitajiet li hemm fil-kwantità u l-kwalità tas-servizzi pprovduti għan-nisa u t-tfal li jbatu minħabba l-vjolenza sessista, u r-rwol tal-politika ta' koeżjoni fl-eliminazzjoni gradwali ta' tali inugwaljanzi; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-awtoritajiet lokali jinvolvu lill-impjegaturi reġjonali u lill-NGOs fil-ħidma tagħhom;

28.

Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi r-rakkomandazzjonijiet meħtieġa dwar il-promozzjoni tad-dimensjoni tal-ġeneru u kwistjonijiet relatati mal-ġeneru fil-komunikazzjoni tagħha dwar it-tnedija tal-politika ta' koeżjoni l-ġdida għall-2021-2027;

o

o o

29.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  https://www.ohchr.org/documents/professionalinterest/cedaw.pdf

(2)  https://sdgs.un.org/goals/goal5

(3)  https://www.ccre.org/docs/charte_egalite_en.pdf

(4)  Id-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE tad-19 ta' Diċembru 1978 dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' sigurtà soċjali (ĠU L 6, 10.1.1979, p. 24).

(5)  Id-Direttiva tal-Kunsill 86/613/KEE tal-11 ta' Diċembru 1986 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa involuti f'attività, inkluża l-agrikoltura, b'kapaċità li fiha jaħdmu għal rashom, u dwar il-protezzjoni ta' nisa li jaħdmu għal rashom waqt it-tqala u waqt li qegħdin irabbu t-tfal (ĠU L 359, 19.12.1986, p. 56).

(6)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE tad-19 ta' Ottubru 1992 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (ĠU L 348, 28.11.1992, p. 1).

(7)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tat-13 ta' Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi (ĠU L 373, 21.12.2004, p. 37).

(8)  Id-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali ta' l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol (ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23).

(9)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE tat-8 ta' Marzu 2010 li timplimenta l-Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri konkluż minn BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP u ETUC u li tħassar id-Direttiva 96/34/KE (ĠU L 68, 18.3.2010, p. 13).

(10)  Id-Direttiva 2010/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2010 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa li jeżerċitaw attività li fiha jaħdmu għal rashom u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 86/613/KEE (ĠU L 180, 15.7.2010, p. 1).

(11)  ĠU C 264 E, 13.9.2013, p. 75.

(12)  ĠU C 36, 29.1.2016, p. 18.

(13)  ĠU C 316, 22.9.2017, p. 173.

(14)  ĠU C 11, 12.1.2018, p. 35.

(15)  ĠU C 66, 21.2.2018, p. 44.

(16)  https://eige.europa.eu/publications/gender-regional-cohesion-policy

(17)  ĠU C 252, 18.7.2018, p. 99.

(18)  ĠU C 263, 25.7.2018, p. 49.

(19)  ĠU C 298, 23.8.2018, p. 14.

(20)  ĠU C 331, 18.9.2018, p. 60.

(21)  ĠU C 346, 27.9.2018, p. 6.

(22)  ĠU C 458, 19.12.2018, p. 34.

(23)  ĠU C 162, 10.5.2019, p. 9.

(24)  ĠU C 390, 18.11.2019, p. 28.

(25)  ĠU C 363, 28.10.2020, p. 80.

(26)  https://eige.europa.eu/publications/gender-budgeting-mainstreaming-gender-eu-budget-and-macroeconomic-policy-framework

(27)  https://ec.europa.eu/info/sites/default/files/aid_development_cooperation_fundamental_rights/opinion_on_gender_equality_policy_post_2019_2018_en.pdf

(28)  ĠU C 411, 27.11.2020, p. 38.

(29)  ĠU C 449, 23.12.2020, p. 102.

(30)  https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-7263-2019-INIT/en/pdf

(31)  Testi adottati, P9_TA(2019)0080.

(32)  https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-14254-2019-INIT/mt/pdf.

(33)  https://www.oecd.org/industry/the-missing-entrepreneurs-43c2f41c-en.htm

(34)  Testi adottati, P9_TA(2019)0101.

(35)  Studju/Analiżi fil-fond – “Gender Dimension of the EU Cohesion Policy” (Id-Dimensjoni tal-Ġeneru tal-Politika ta' Koeżjoni tal-UE), Parlament Ewropew, Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni, Dipartiment Tematiku B – Politiki Strutturali u ta' Koeżjoni, 19 ta' Frar 2019, disponibbli fuq: https://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2019/629185/IPOL_STU(2019)629185_EN.pdf

(36)  Testi adottati, P9_TA(2020)0025.

(37)  Testi adottati, P9_TA(2020)0039.

(38)  https://ec.europa.eu/info/sites/default/files/research_and_innovation/research_by_area/documents/ec_rtd_covid19-gender-equality_factsheet.pdf

(39)  https://ec.europa.eu/info/publications/gender-smart-financing-investing-and-women-opportunities-europe_en

(40)  https://eige.europa.eu/publications/gender-equality-index-2020-digitalisation-and-future-work

(41)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew koperti mill-Qafas Strateġiku Komuni u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).


Top