Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021IP0114

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Marzu 2021 dwar ir-Rapporti tal-Kummissjoni 2019-2020 dwar il-Maċedonja ta' Fuq (2019/2174(INI))

    ĠU C 494, 8.12.2021, p. 161–171 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    8.12.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 494/161


    P9_TA(2021)0114

    Ir-Rapporti 2019-2020 dwar il-Maċedonja ta' Fuq

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Marzu 2021 dwar ir-Rapporti tal-Kummissjoni 2019-2020 dwar il-Maċedonja ta' Fuq (2019/2174(INI))

    (2021/C 494/14)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-28 ta' Ġunju 2018, il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2019 u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-17 u tat-18 ta' Ottubru 2019 li pposponew id-deċiżjonijiet dwar il-ftuħ ta' negozjati tal-adeżjoni mar-Repubblika tal-Maċedonja ta' Fuq u mar-Repubblika tal-Albanija,

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-26 ta' Marzu 2020 dwar il-ftuħ ta' negozjati tal-adeżjoni mal-Maċedonja ta' Fuq u mal-Albanija, li approvaw il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta' Marzu 2020 dwar it-tkabbir u l-proċess ta' stabbilizzazzjoni u ta' assoċjazzjoni,

    wara li kkunsidra t-Trattat ta' Ħbiberija, Relazzjonijiet Tajbin ta' Viċinat u Kooperazzjoni bejn ir-Repubblika tal-Bulgarija u r-Repubblika tal-Maċedonja ta' Fuq, iffirmat fl-1 ta' Awwissu 2017 u ratifikat f'Jannar 2018,

    wara li kkunsidra l-Ftehim Finali għar-Riżoluzzjoni tad-Differenzi kif deskritt fir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill ta' Sigurtà tan-NU 817 (1993) u 845 (1993), it-terminazzjoni tal-Ftehim Interim tal-1995 u l-istabbiliment ta' Sħubija Strateġika bejn il-Greċja u l-Maċedonja ta' Fuq tas-17 ta' Ġunju 2018, magħruf ukoll bl-isem tal-Ftehim ta' Prespa,

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' Sofija tas-summit bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent tas-17 ta' Mejju 2018 u l-Aġenda ta' Prijoritajiet ta' Sofija annessa magħha,

    wara li kkunsidra s-summit bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent fil-qafas tal-Proċess ta' Berlin tal-10 ta' Novembru 2020,

    wara li kkunsidra l-adeżjoni tal-Maċedonja ta' Fuq man-NATO fis-27 ta' Marzu 2020,

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Frar 2020 intitolata “It-titjib tal-proċess tal-adeżjoni – Perspettiva kredibbli tal-UE għall-Balkani tal-Punent” (COM(2020)0057),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ottubru 2020 intitolata “Pjan Ekonomiku u ta' Investiment għall-Balkani tal-Punent” (COM(2020)0641), l-Anness tagħha u d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni intitolat “Guidelines for the Implementation of the Green Agenda for the Western Balkans” (Linji Gwida għall-Implimentazzjoni tal-Aġenda Ekoloġika għall-Balkani tal-Punent),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Mejju 2019 intitolata ''Komunikazzjoni dwar il-Politika tat-Tkabbir tal-UE 2019'' (COM(2019)0260), akkumpanjata mid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni bit-titolu “Rapport dwar il-Maċedonja ta' Fuq 2019” (SWD(2019)0218),

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Zagreb miftiehma waqt is-summit UE-Balkani tal-Punent li sar permezz ta' vidjokonferenza fis-6 ta' Mejju 2020,

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2020 dwar it-tisħiħ tal-kooperazzjoni mas-sħab tal-Balkani tal-Punent fil-qasam tal-migrazzjoni u s-sigurtà,

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-8 ta' April 2020 intitolata “Komunikazzjoni dwar ir-rispons globali tal-UE għall-COVID-19” (JOIN(2020)0011), u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' April 2020 intitolata “Appoġġ għall-Balkani tal-Punent fil-ġlieda kontra l-COVID-19 u l-irkupru wara l-pandemija” (COM(2020)0315),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ottubru 2020 intitolata ''Komunikazzjoni dwar il-Politika tat-Tkabbir tal-UE 2020'' (COM(2020)0660), akkumpanjata mid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni intitolat “Rapport dwar il-Maċedonja ta' Fuq 2019” [titolu mhux uffiċjali] (SWD(2020)0351),

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew f'Salonka fid-19 u l-20 ta' Ġunju 2003,

    wara li kkunsidra s-Summit ta' Sofija tal-2020 tal-Proċess ta' Berlin, kopresedut mill-Bulgarija u mill-Maċedonja ta' Fuq,

    wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2005 li tagħti lill-Maċedonja ta' Fuq l-istatus ta' kandidat għall-adeżjoni mal-UE,

    wara li kkunsidra l-“Ftehim ta' Pržino” li ntlaħaq bejn l-erba' partiti politiċi ewlenin fi Skopje fit-2 ta' Ġunju u fil-15 ta' Lulju 2015, kif ukoll il-ftehim bejn l-erba' partiti dwar l-implimentazzjoni tiegħu tal-20 ta' Lulju u tal-31 ta' Awwissu 2016,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2020 dwar it-Tisħiħ tal-Libertà tal-Media: il-Protezzjoni tal-Ġurnalisti fl-Ewropa, id-diskors ta' mibegħda, id-diżinformazzjoni u r-rwol tal-pjattaformi (1),

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta mill-Membri tal-Parlament Ewropew dwar in-negozjati tal-adeżjoni mal-Maċedonja ta' Fuq u l-Albanija, tat-8 ta' Diċembru 2020,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ottubru 2019 dwar il-ftuħ ta' negozjati tal-adeżjoni mal-Maċedonja ta' Fuq u mal-Albanija (2),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-pajjiż,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0040/2021),

    A.

    billi l-Maċedonja ta' Fuq għamlet progress konsistenti u wriet impenn dedikat fid-direzzjoni tagħha lejn l-UE u dan saħħaħ il-klima ta' fiduċja reċiproka u wassal għad-deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta' Marzu 2020 biex jinfetħu n-negozjati ta' adeżjoni;

    B.

    billi l-Maċedonja ta' Fuq għandha tiġi vvalutata b'mod individwali fuq il-merti tagħha stess u abbażi tal-progress li jkun sar fil-kriterji stabbiliti mill-Kunsill Ewropew, filwaqt li r-rapidità u l-kwalità tar-riformi jistabbilixxu l-kalendarju ta' adeżjoni mal-UE; billi l-prospett ta' sħubija fl-UE kien inċentiv fundamentali għar-riformi, u l-proċess ta' tkabbir kellu rwol deċiżiv fl-istabbilizzazzjoni tal-Balkani tal-Punent;

    C.

    billi l-istat tad-dritt huwa punt ta' riferiment ewlieni biex jiġu vvalutati l-istat tat-trasformazzjoni demokratika u l-progress lejn l-adeżjoni mal-UE;

    D.

    billi d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tas-17-18 ta' Ottubru 2019 biex jiġi pospost il-ftuħ tan-negozjati ta' adeżjoni mal-Maċedonja ta' Fuq wasslet għal instabbiltà politika fil-pajjiż u għal elezzjonijiet bikrija fl-2020;

    E.

    billi l-Kummissjoni Ewropea ppreżentat abbozz ta' qafas ta' negozjar fl-1 ta' Lulju 2020;

    F.

    billi l-użu ħażin tal-proċess ta' adeżjoni biex tinstab soluzzjoni għat-tilwim storiku kulturali mill-Istati Membri tal-UE joħloq preċedent perikoluż għall-proċessi ta' adeżjoni futuri tal-bqija tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, speċjalment meta jitqies il-kuntest storiku fir-reġjun;

    G.

    billi l-pajjiż qed iżomm pass kostanti fl-adozzjoni tar-riformi tal-UE, b'mod partikolari f'oqsma ewlenin bħall-istat tad-dritt, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, is-servizzi tal-intelligence u r-riforma tal-amministrazzjoni pubblika kif ukoll il-funzjonament tal-istituzzjonijiet u l-proċeduri demokratiċi;

    H.

    billi huma meħtieġa aktar sforzi konsistenti fir-rigward ta' riformi strateġiċi relatati mal-UE, li jirrikjedu l-involviment konġunt tal-mexxejja u l-partijiet ikkonċernati kollha;

    I.

    billi l-UE tibqa' impenjata bis-sħiħ li tappoġġa l-għażla strateġika tal-Maċedonja ta' Fuq għall-integrazzjoni Ewropea u fl-aħħar mill-aħħar is-sħubija fl-UE, abbażi tal-istat tad-dritt, l-armonija multietnika u r-relazzjonijiet ta' viċinat tajbin; skont l-“Aġenda ta' Tessaloniki għall-Balkani tal-Punent” tal-2003;

    J.

    billi l-impenn tal-UE mal-Balkani tal-Punent huwa iżjed minn dak ta' kwalunkwe reġjun ieħor u juri impenn strateġiku reċiproku;

    K.

    billi l-UE għandha tkompli tippromwovi l-investiment u tiżviluppa relazzjonijiet kummerċjali mal-Maċedonja ta' Fuq peress li l-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiż huwa ta' importanza assoluta;

    L.

    billi l-UE hija bil-bosta l-akbar sieħeb kummerċjali tal-Maċedonja ta' Fuq, u tirrappreżenta 75 % tal-esportazzjonijiet tal-pajjiż u 62 % tal-importazzjonijiet tiegħu, u tipprovdi l-maġġoranza tal-assistenza finanzjarja u l-pajjiż ilu mill-2007 jibbenefika minn aktar minn EUR 1,25 biljun f'finanzjamenti ta' qabel l-adeżjoni tal-UE;

    M.

    billi l-ekonomija tal-Maċedonja ta' Fuq ntlaqtet ħażin ħafna mill-pandemija tal-COVID-19 u l-miżuri għall-prevenzjoni tat-tixrid tal-virus qed ikollhom riperkussjonijiet negattivi fuq il-baġit nazzjonali;

    N.

    billi l-UE offriet l-akbar appoġġ lill-Maċedonja ta' Fuq biex jittaffa l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19, bl-immobilizzar ta' EUR 66 miljun għall-ħtiġijiet urġenti tas-saħħa u għall-irkupru ekonomiku u soċjali ta' wara l-pandemija; billi l-UE poġġiet għad-dispożizzjoni madwar EUR 160 miljun f'assistenza makrofinanzjarja lill-Maċedonja ta' Fuq;

    O.

    billi l-UE mmobilizzat EUR 3,3 biljun biex tindirizza l-pandemija tal-coronavirus fil-Balkani tal-Punent, fosthom EUR 38 miljun f'appoġġ immedjat għas-settur tas-saħħa, EUR 467 miljun biex tinbena r-reżiljenza tas-sistemi tas-saħħa u biex jittaffa l-impatt soċjoekonomiku, EUR 750 miljun għall-assistenza makrofinanzjarja, EUR 385 miljun għall-appoġġ u għar-riattivazzjoni tas-settur privat u EUR 1,7 biljun f'self preferenzjali mill-Bank Ewropew tal-Investiment;

    P.

    billi l-Maċedonja ta' Fuq tibqa' waħda mir-rotot ta' tranżitu ewlenin għall-migrazzjoni irregolari;

    Q.

    billi l-kooperazzjoni reġjonali bejn il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent hija essenzjali sabiex tinżamm u tissaħħaħ l-istabbiltà tagħhom u titjieb il-prosperità tar-reġjun; billi r-relazzjonijiet tajbin ta' viċinat huma indispensabbli għall-progress tal-Maċedonja ta' Fuq lejn l-adeżjoni mal-UE;

    R.

    billi l-Ftehim ta' Prespa u t-Trattat dwar ir-Relazzjonijiet Tajbin ta' Viċinat huma ftehimiet importanti li jirrappreżentaw mudell għall-istabbiltà u r-rikonċiljazzjoni fir-reġjun kollu tal-Balkani tal-Punent u tejbu l-ispirtu ta' relazzjonijiet tajbin ta' Viċinat u l-kooperazzjoni reġjonali;

    S.

    billi l-Kunsill Ewropew s'issa naqas milli japprova l-qafas ta' negozjar għall-Maċedonja ta' Fuq, u b'hekk qed jipperikola l-kredibbiltà tal-Unjoni u jnaqqas is-setgħa trasformattiva tal-UE fil-Balkani tal-Punent;

    T.

    billi f'Marzu 2020, wara d-dħul fis-seħħ tal-ftehim storiku ta' Prespa u t-Trattat ta' Ħbiberija bejn il-Maċedonja ta' Fuq u l-Bulgarija, il-pajjiż sar it-30 Stat Membru tan-NATO, u l-UE ddeċidiet li tiftaħ negozjati ta' adeżjoni;

    U.

    billi s-sħubija man-NATO fl-2020 tikkostitwixxi pass ċar lejn aktar stabbiltà, interoperabbiltà u integrazzjoni tad-difiża fil-komunità Ewro-Atlantika, filwaqt li ttejjeb il-potenzjal tagħhom għal adeżjoni eventwali mal-UE;

    V.

    billi l-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa tista' tikkontribwixxi għall-aspirazzjonijiet ta' adeżjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent;

    W.

    billi s-sħubija sħiħa tal-UE għall-Maċedonja ta' Fuq hija fl-interess politiku, ta' sigurtà u ekonomiku proprju tal-Unjoni;

    1.   

    Jilqa' b'sodisfazzjon l-orjentazzjoni strateġika ċara tal-Maċedonja ta' Fuq u l-impenn għall-integrazzjoni fl-UE, kif immanifestat mill-implimentazzjoni kontinwa ta' riformi relatati mal-adeżjoni u l-ħidma kontinwa biex jiġu solvuti kwistjonijiet bilaterali mal-pajjiżi tal-viċinat;

    2.   

    Itenni l-appoġġ totali tiegħu għall-wegħda ta' Salonka, li saret mill-Kunsill Ewropew fl-2003, li l-futur tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jinsab fl-UE;

    3.   

    Jitlob lill-Istati Membri tal-UE jonoraw l-impenji tagħhom u juru rieda politika ċara, li tippermetti lill-Kunsill japprova l-qafas ta' negozjar u jorganizza l-ewwel konferenza intergovernattiva mal-Maċedonja ta' Fuq malajr kemm jista' jkun biex jiġi evitat aktar dewmien, li jikkonferma l-kredibbiltà, l-oġġettività u l-affidabbiltà tal-proċess ta' adeżjoni;

    4.   

    Ifakkar lill-Istati Membri li politika tat-tkabbir trid titmexxa minn kriterji oġġettivi u m'għandhiex tiġi mfixkla minn interessi unilaterali; itenni li l-politika tat-tkabbir tal-UE kienet l-aktar strument effettiv tal-politika barranija tal-Unjoni u jekk din tkompli tisfaxxa, dan jista' jwassal għal sitwazzjoni instabbli fil-viċinat immedjat tal-UE;

    5.   

    Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu tal-Maċedonja ta' Fuq, u jqis li huwa importanti li tiġi żgurata l-kontinwità ta' appoġġ impenjat u attiv għall-progress tal-Maċedonja lejn l-Unjoni Ewropea;

    6.   

    Jilqa' l-fatt li l-Maċedonja ta' Fuq se tkun inkarigata mill-Presidenza tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) fl-2023;

    7.   

    Jemmen li l-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa b'mod xieraq għandha tinkludi u tinvolvi attivament lir-rappreżentanti tal-Maċedonja ta' Fuq u pajjiżi oħra tal-Balkani tal-Punent, kemm fil-livell tal-gvern kif ukoll f'dak tas-soċjetà ċivili, inklużi ż-żgħażagħ;

    8.   

    Iħeġġeġ lill-awtoritajiet u lill-partiti politiċi tal-Maċedonja ta' Fuq iżommu sforzi kunsenswali għat-tisħiħ tad-demokrazija u l-proċess ta' trasformazzjoni, jissoktaw bil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u jsaħħu l-istat tad-dritt, ir-relazzjonijiet tajbin ta' viċinat u l-kooperazzjoni reġjonali, filwaqt li jtejbu l-klima għall-media u s-soċjetà ċivili;

    9.   

    Ifakkar li l-progress fin-negozjati tal-adeżjoni skont il-metodoloġija riveduta tat-tkabbir ikompli jiddependi fuq riformi persistenti, profondi u irriversibbli fl-oqsma fundamentali kollha;

    L-Istat tad-Dritt

    10.

    Jisħaq dwar l-importanza kruċjali tal-ħarsien tal-istat tad-dritt permezz ta' riformi ġudizzjarji u l-prosekuzzjoni konsistenti ta' korruzzjoni u networks kriminali ta' livell għoli;

    11.

    Ifaħħar il-progress miksub fl-indirizzar tal-“Prijoritajiet Urġenti ta' Riforma” u fis-segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja u tal-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar kwistjonijiet sistemiċi tal-Istat tad-Dritt;

    12.

    Jirrikonoxxi l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni dwar il-prevenzjoni tal-korruzzjoni u tal-kunflitti ta' interess, il-lobbjar, l-aċċess għall-informazzjoni, il-protezzjoni tal-informaturi, l-uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku, u jitlob l-implimentazzjoni effettiva u kostanti tagħhom;

    13.

    Jieħu nota tal-adozzjoni mill-gvern ta' żewġ pjanijiet ta' riforma, jiġifieri l-aġenda Ewropea interna u l-pjan ta' azzjoni dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, li għandhom l-għan li jissimplifikaw l-aġenda ta' riforma f'oqsma ta' prijorità magħżula fil-qafas tar-raggruppament fundamentali tal-metodoloġija tal-adeżjoni riveduta;

    14.

    Ifakkar li jinħtieġu riżorsi finanzjarji u umani suffiċjenti biex jiġu żgurati d-dissważjoni effettiva u konsistenti, il-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni proattiva u l-mekkaniżmi ta' sanzjonijiet kontra l-persuni f'karigi pubbliċi permezz ta' miżuri li jkopru l-kunflitti ta' interess, il-lobbjar, il-kodiċi ta' etika u l-protezzjoni tal-informaturi;

    15.

    Jilqa' l-ħolqien tal-kariga ta' Viċi Prim Ministru għall-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni u l-Kriminalità, l-Iżvilupp Sostenibbli u r-Riżorsi Umani bħala sinjal ta' impenn politiku ċar biex dawn il-kwistjonijiet jiġu indirizzati bħala kwistjoni ta' prijorità;

    16.

    Iħeġġeġ l-implimentazzjoni effettiva ta' miżuri biex jiġu garantiti l-professjonaliżmu ġudizzjarju u tal-prosekuzzjoni, l-indipendenza, l-integrità u l-obbligu ta' rendikont, inkluż permezz ta' implimentazzjoni effiċjenti tal-kodiċijiet tal-etika u tal-liġi ferm importanti dwar l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku, biex jiġu żgurati soluzzjonijiet sostenibbli għall-każijiet trattati mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjali, u l-obbligu ta' rendikont għar-reati li jirriżultaw mill-każ ta' interċettazzjoni telefonika illegali fuq skala kbira; jitlob li jsiru sforzi addizzjonali fl-istituzzjonijiet ġudizzjarji kollha biex jikkontribwixxu għall-kisba mill-ġdid tal-fiduċja pubblika fil-ġudikatura;

    17.

    Jilqa' l-passi meħuda li jsaħħu l-imparzjalità, it-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont tal-ġudikatura permezz tal-passi ta' azzjoni proattiva tal-Kunsill Ġudizzjarju u jitlob għall-implimentazzjoni effettiva tal-liġi riveduta dwar il-Kunsill tal-Prosekuturi Pubbliċi; jitlob li jsir użu sħiħ mill-mekkaniżmi biex jiġu kkonsolidati l-professjonaliżmu u l-integrità tal-ġudikatura permezz ta' verifiki, investigazzjonijiet finanzjarji u l-konfiska tal-assi; jinsab imħasseb dwar l-aċċess ristrett għall-ġustizzja matul il-pandemija tal-COVID-19, filwaqt li jħeġġeġ lill-awtoritajiet iħaffu d-diġitalizzazzjoni tal-ġudikatura u tal-amministrazzjoni relatata;

    18.

    Jinkoraġġixxi l-konklużjoni ta' riformi istituzzjonali u l-implimentazzjoni tar-riformi li għaddejjin bħalissa fis-setturi tas-sigurtà u tal-intelligence, filwaqt li tiġi żgurata l-indipendenza finanzjarja, operazzjonali u funzjonali tal-Aġenzija tas-Sigurtà Nazzjonali l-ġdida u l-Aġenzija Teknika Operazzjonali u sorveljanza parlamentari sinifikanti fuq is-servizzi sigrieti;

    19.

    Jitlob li jsiru sforzi proattivi kontinwi biex jiġu indirizzati l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni b'mod sistematiku u permezz ta' miżuri ta' prevenzjoni sistematiċi, investigazzjonijiet finanzjarji, prosekuzzjoni ta' kriminalità finanzjarja, inkluż il-ħasil tal-flus, kif ukoll il-finanzjament tat-terroriżmu, u l-adozzjoni ta' sanzjonijiet xierqa; jitlob li jitkomplew l-isforzi biex jiġu varati operazzjonijiet immirati lejn iż-żarmar ta' networks kriminali involuti f'diversi forom ta' traffikar bħal traffikar tal-armi tan-nar, tal-bnedmin u tad-drogi; iħeġġeġ lill-pajjiż ikompli jallinja ruħu mal-acquis u jwettaq investigazzjonijiet finanzjarji sistematiċi, filwaqt li jintensifika l-identifikazzjoni, it-traċċar, l-iffriżar, il-konfiska u l-ġestjoni ta' assi akkwistati illegalment;

    20.

    Jinkoraġġixxi miżuri għat-tisħiħ tal-Uffiċċju għall-Irkupru tal-Assi li għadu kif ġie stabbilit u t-titjib tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-kriminalità finanzjarja; jitlob li jiżdiedu l-isforzi konġunti biex tiġi indirizzata l-kriminalità organizzata, ekonomika u ċibernetika, inkluż permezz ta' koordinazzjoni u sħubija mtejba mal-Europol;

    21.

    Jirrikonoxxi l-progress miksub fl-indirizzar tal-korruzzjoni mifruxa, inkluż permezz ta' riżultati aħjar fl-investigazzjoni, fil-prosekuzzjoni u fil-prosekuzzjoni ta' każijiet ta' korruzzjoni fil-livelli għolja, fl-abbużi ta' pożizzjoni uffiċjali u fl-arrikkiment illeċitu; jinnota l-importanza tar-rwol ta' tmexxija msaħħaħ tal-Kummissjoni għall-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni u tal-kooperazzjoni magħha f'dan ir-rigward;

    22.

    Iħeġġeġ lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku jipproċessa l-każijiet serji u biex b'mod proattiv jagħti segwitu għall-każijiet ewlenin imressqa mill-aġenziji kontra l-korruzzjoni u tal-awditjar kif ukoll mill-informaturi;

    23.

    Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Maċedonja ta' Fuq ikomplu u jintensifikaw l-isforzi tagħhom fil-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni u t-terroriżmu, u jindirizzaw il-kwistjoni tal-ġellieda terroristi barranin permezz tal-iskambju transfruntier kontinwu ta' informazzjoni u kooperazzjoni akbar bejn l-aġenziji tas-sigurtà u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ), il-mexxejja reliġjużi, il-komunitajiet lokali u l-istituzzjonijiet edukattivi, tal-kura tas-saħħa u soċjali, u permezz ta' sforzi xierqa ta' riintegrazzjoni;

    Il-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi

    24.

    Ifakkar li oppożizzjoni bi rwol kostruttiv hija essenzjali għall-funzjonament tas-Sobranie, l-Assemblea tal-Maċedonja ta' Fuq, u għall-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni ewlenija, bħall-proċess ta' riforma relatat mal-UE u n-NATO;

    25.

    Ifaħħar l-impenn tal-partiti governattivi u tal-oppożizzjoni fis-Sobranie dwar deċiżjonijiet ewlenin fl-interess nazzjonali komuni; jinnota li djalogu politiku aktar b'saħħtu bejn il-partiti politiċi kollha huwa prerekwiżit ta' governanza tajba u ta' funzjonalità leġiżlattiva; jitlob lill-partiti kollha fil-Parlament biex jibqgħu kostruttivi, joqogħdu lura milli jużaw retorika nazzjonalista u provokattiva u biex jingaġġaw fi djalogu politiku, abbażi ta' rieda tajba, speċjalment dwar sforzi ewlenin tas-saħħa, ekonomiċi, soċjali u politiċi mmirati lejn l-indirizzar tal-kriżi tal-COVID-19;

    26.

    Ifakkar fl-importanza tal-proċess tad-Djalogu Jean Monnet (JMD) fil-ħolqien tal-fiduċja, it-tisħiħ tal-kultura demokratika u t-tisħiħ tal-kapaċità parlamentari billi jiġi ffaċilitat djalogu politiku fi ħdan is-Sobranie; jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn kostruttiv bejn il-partijiet fil-JMD u l-impenn biex jiġu implimentati l-konklużjonijiet tiegħu u biex titlaqqa' r-raba' sensiela tiegħu;

    27.

    Iħeġġeġ lis-Sobranie ttejjeb il-proċess leġiżlattiv billi tnaqqas kemm jista' jkun l-użu ta' proċeduri rapidi, iżżid it-trasparenza, filwaqt li tiżgura aċċess f'waqtu u inklużiv għall-informazzjoni dwar il-proċessi tat-tfassil tal-liġijiet, u twettaq konsultazzjonijiet u valutazzjonijiet tal-impatt xierqa; ifakkar fil-ħtieġa li r-regoli ta' proċedura parlamentari jiġu aġġornati b'kunsens sabiex is-Sobranie tingħata s-setgħa u jissaħħu l-mekkaniżmi ta' skrutinju leġiżlattivi, ta' sorveljanza u dawk baġitarji; itenni l-importanza tal-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili u l-finanzjament sostenibbli tagħha sabiex jiġi żgurat l-iskrutinju sod tal-istituzzjonijiet pubbliċi;

    28.

    Jieħu nota tat-tmexxija bla xkiel tal-elezzjonijiet parlamentari tal-15 ta' Lulju 2020, u jfakkar li l-istabbiltà legali tagħhom kienet madankollu mxekkla minn reviżjonijiet frekwenti tal-qafas legali u regolatorju; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu implimentati bir-reqqa r-rakkomandazzjonijiet pendenti li jinsabu fir-rapport finali tal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) tal-OSKE, inkluż rieżami f'waqtu, inklużiv u komprensiv tal-kodiċi elettorali qabel ma jsiru elezzjonijiet futuri, filwaqt li jeħtieġ li jsiru aktar sforzi sabiex jiġi żgurat li l-listi tal-votanti jkunu aġġornati u preċiżi;

    29.

    Jitlob miżuri addizzjonali biex tittejjeb it-trasparenza tal-finanzjament tal-partiti politiċi u jiġu żgurati mekkaniżmi demokratiċi, kompetittivi u rappreżentattivi li jiffunzjonaw bejn il-partiti, inkluż permezz ta' sorveljanza indipendenti xierqa; ifakkar fil-ħtieġa li jiġu implimentati b'mod effettiv ir-rakkomandazzjonijiet tal-Uffiċċju Statali tal-Awditjar;

    30.

    Iħeġġeġ lill-gvern il-ġdid jagħti prijorità lir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika billi jintegra u japplika b'mod sistematiku standards ibbażati fuq il-mertu fil-ħatriet u l-promozzjonijiet pubbliċi, li javvanza l-kultura tat-trasparenza, l-indipendenza professjonali, l-obbligu ta' rendikont, l-integrità u r-rappreżentanza ekwa tal-ġeneru u l-etniċità madwar is-servizz ċivili u l-intrapriżi tal-istat, filwaqt li jiżgura protezzjoni adegwata tal-informaturi; jitlob li jsir segwitu bir-reqqa għar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Statali għall-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni;

    31.

    Iħeġġeġ lill awtoritajiet jiżguraw trasparenza sħiħa billi jkomplu jtejbu l-aċċess għall-informazzjoni, inkluż dwar il-COVID-19, billi jiżguraw aġġornamenti regolari bejn l-aġenziji permezz tal-portal miftuħ tad-data governattiva u billi tingħata funzjonalità sħiħa lill-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Aċċess Liberu għall-Informazzjoni Pubblika;

    32.

    Iħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jirkupraw u jiftħu l-arkivji rilevanti tas-servizzi sigrieti Jugoslavi; huwa tal-fehma li t-trattament trasparenti tal-passat totalitarju, inkluż il-ftuħ tal-arkivji tas-servizzi sigrieti, huwa pass lejn aktar demokratizzazzjoni, responsabbiltà u saħħa istituzzjonali kemm fil-pajjiż innifsu kif ukoll fir-reġjun tal-Balkani tal-Punent kollu kemm hu;

    33.

    Jinsisti fuq il-ħtieġa ta' titjib ulterjuri fit-trasparenza u l-viżibbiltà tal-finanzjament tal-UE, filwaqt li jiġu żgurati kontroll, awditjar u segwitu effiċjenti;

    Id-drittijiet fundamentali

    34.

    Jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-isforzi biex jiġu żgurati politiki inklużivi għall-protezzjoni tal-libertajiet u d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini kollha, b'attenzjoni speċjali għan-nisa, iż-żgħażagħ, il-persuni b'diżabilità, il-komunitajiet etniċi, il-gruppi etniċi minoritarji, il-persuni LGBTQI+, u l-persuni qiegħda b'livell baxx ta' ħiliet; jitlob lill-awtoritajiet jimmitigaw impatt detrimentali sproporzjonat tal-pandemija tal-COVID-19 fuq komunitajiet minoritarji, u jintensifikaw il-ġlieda kontra l-inugwaljanza;

    35.

    Jilqa' l-fatt li l-libertà tar-reliġjon, tal-ħsieb u tal-kuxjenza jkomplu jiġu ggarantiti, u li ġeneralment, id-diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon hija pprojbita;

    36.

    Jitlob lill-korp nazzjonali ta' koordinazzjoni għall-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni nazzjonali dwar il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità biex jinvolvi ruħu b'mod sistematiku ma' organizzazzjonijiet ta' appoġġ għall-persuni b'diżabilità; jissottolinja l-ħtieġa ta' deistituzzjonalizzazzjoni ulterjuri u li jitħassru d-dispożizzjonijiet li jippermettu l-privazzjoni involontarja tal-libertà; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' riżorsi u infrastruttura adegwati biex tinżamm il-protezzjoni soċjali meħtieġa u jiġu żgurati kundizzjonijiet ta' għajxien deċenti għall-persuni b'diżabilità; jilqa' l-pjan ta' azzjoni nazzjonali dwar il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità, u li l-korp nazzjonali ta' koordinazzjoni għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni jiltaqa' regolarment.

    37.

    Jilqa' ż-żieda fl-attenzjoni u l-finanzjament għall-politiki ta' inklużjoni tar-Rom, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet itejbu l-pass u l-kapaċità tal-implimentazzjoni, il-koordinazzjoni, il-monitoraġġ u l-użu tal-fondi, inkluż fid-djar u fil-politiki attivi tas-suq tax-xogħol, f'konformità mad-Dikjarazzjoni ta' Poznan tal-2019 dwar l-Integrazzjoni tar-Rom fi ħdan il-Proċess ta' Tkabbir tal-UE; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet jiżguraw implimentazzjoni mingħajr xkiel tal-liġi dwar persuni mingħajr stat ċivili regolat u jsolvu l-kwistjoni tan-nuqqas ta' dokumenti personali għar-Rom;

    38.

    Jinnota bi tħassib id-diskors ta' mibegħda mifrux fuq il-media soċjali, b'mod partikolari fir-rigward tar-Rom, il-persuni LGBTI+ u gruppi, pajjiżi u popli vulnerabbli oħra; jappella għall-implimentazzjoni effettiva tal-qafas regolatorju rilevanti, li jiżgura distinzjoni ċara bejn id-dibattitu pubbliku liberu u d-diskors ta' mibegħda, il-malafama jew l-inċitament għall-vjolenza, l-intensifikazzjoni tal-kapaċitajiet ta' prosekuzzjoni għall-protezzjoni mir-reati ta' mibegħda, id-diskors ta' mibegħda u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru; jinsab imħasseb dwar każijiet ta' brutalità tal-pulizija kontra komunitajiet vulnerabbli;

    39.

    Jilqa' l-passi pożittivi lejn appoġġ istituzzjonali għall-avvanz tad-drittijiet tal-bniedem tal-persuni LGBTI+, iżda jinnota li d-diskriminazzjoni tal-komunità LGBTI+ tibqa' problema prevalenti u li l-implimentazzjoni tal-qafas regolatorju għandha tingħata prijorità mill-istituzzjonijiet tal-istat; jitlob għal aktar azzjoni biex jiġu miġġielda d-diskors ta' mibegħda u r-reati ta' mibegħda kontra persuni LGBTI+, iħeġġeġ ir-rapportar ta' dawn ir-reati u titwaqqaf l-impunità;

    40.

    Jilqa' b'sodisfazzjon l-adozzjoni mġedda ta' leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni mill-partiti politiċi kollha, u jilqa' l-proċess trasparenti tal-ħatra tal-Kummissjoni għall-Protezzjoni kontra d-Diskriminazzjoni, li tiżgura l-protezzjoni u l-inklużjoni tal-gruppi emarġinati kollha; iħeġġeġ lis-Sobranie tadotta leġiżlazzjoni li tippermetti proċedura simplifikata, trasparenti u aċċessibbli għar-rikonoxximent legali tal-ġeneru abbażi tal-awtodeterminazzjoni, u tipprevjeni d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru; jinnota l-organizzazzjoni tal-ewwel Skopje Pride li qatt saret, f'Ġunju 2019;

    41.

    Jitlob għal sforzi kostruttivi kontinwi biex jissaħħu r-relazzjonijiet interetniċi ġeneralment kalmi, biex jiġi rikonoxxut, protett u pprovdut appoġġ adegwat lill-komunitajiet kollha, u lill-wirt kulturali tagħhom; jitlob li d-drittijiet tal-komunitajiet minoritarji jiġu salvagwardjati, u għall-integrazzjoni u r-rappreżentanza adegwati tagħhom fil-ħajja pubblika u fil-midja billi jiġu żgurati biżżejjed riżorsi umani u finanzjarji għall-istituzzjonijiet inkarigati mill-politiki relatati mal-minoranzi, filwaqt li jsir użu sħiħ mill-mandat imsaħħaħ tal-Aġenzija għar-Realizzazzjoni tad-Drittijiet tal-Komunitajiet biex timmonitorja u tiggwida lill-istituzzjonijiet pubbliċi biex jirrispettaw l-obbligi legali tagħhom lejn il-minoranzi;

    42.

    Jitlob lill-Maċedonja ta' Fuq tkompli timplimenta l-Ftehim Qafas ta' Ohrid; jappoġġa r-rieżami tal-Liġi dwar l-Użu tal-Lingwi f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja li saru f'konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati kollha; jilqa' l-ħolqien ta' aġenzija u spettorat li jissorvelja l-implimentazzjoni ġenerali tal-Liġi dwar l-Użu tal-Lingwi, u jfakkar fil-ħtieġa li tiġi pprovduta edukazzjoni ugwali u nondiskriminatorja fil-lingwi minoritarji;

    43.

    Jistieden lill-Ministeru tas-Sistema Politika u r-Relazzjonijiet Interkomunitarji biex javvanza l-koeżjoni soċjali permezz tal-implimentazzjoni tal-istrateġija ta' “soċjetà waħda għal kulħadd” u jħeġġeġ lill-awtoritajiet jindirizzaw l-isfidi li fadal tad-diskriminazzjoni, l-esklużjoni u s-sottorappreżentanza; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-minoranzi kollha li jgħixu fil-Maċedonja ta' Fuq jingħataw appoġġ adegwat u jgħixu ħielsa mill-intimidazzjoni jew minn kwalunkwe tip ta' diskriminazzjoni;

    44.

    Jilqa' t-titjib kostanti fil-konsultazzjonijiet pubbliċi, u jitlob li jsir aktar progress biex tiġi żgurata l-inklużjoni sinifikanti u f'waqtha tas-soċjetà ċivili fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet fl-oqsma differenti ta' politika, kif ukoll fis-salvagwardja tas-sostenibbiltà finanzjarja tas-settur mhux governattiv; jinnota li r-ristrutturar tal-baġit għandu jgħaddi minn proċessi ta' konsultazzjoni xierqa, u ma għandux idgħajjef is-sostenibbiltà tas-settur tas-soċjetà ċivili;

    45.

    Jitlob lill-Maċedonja ta' Fuq tiggarantixxi l-indipendenza funzjonali tal-korpi tad-drittijiet fundamentali, l-allokazzjoni xierqa tal-fondi għalihom, u l-ħatriet trasparenti, inklużivi u bbażati fuq il-mertu tal-membri tagħhom, u b'hekk tikkontribwixxi għat-titjib tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż; jilqa' l-ħatra tal-Ombudsman il-ġdid, u jappella għal aktar kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili; ifaħħar it-tisħiħ tal-uffiċċju tal-Ombudsman u jħeġġeġ lill-awtoritajiet biex iżidu l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu; jilqa' l-ħolqien tal-mekkaniżmu ta' sorveljanza tal-pulizija esterna fl-Uffiċċju tal-Ombudsperson, u jitlob li jsiru sforzi kontinwi biex tiġi indirizzata l-impunità tal-pulizija permezz tal-implimentazzjoni sistematika ta' salvagwardji kontra t-trattament ħażin mill-pulizija, l-użu ta' investigaturi ġenwinament indipendenti, u mekkaniżmi mtejba għall-monitoraġġ tal-pulizija;

    46.

    Jilqa' l-aġġornament reċenti tal-Liġi dwar il-Prevenzjoni u l-Protezzjoni mill-Vjolenza kontra n-Nisa u l-Vjolenza Domestika; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jimplimentaw b'mod effikaċi dawn il-liġijiet u jipprevjenu l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza kontra t-tfal, filwaqt li jipprovdu protezzjoni billi jistabbilixxu mekkaniżmu effikaċi għall-ġbir tal-evidenza u l-prosekuzzjoni tal-awturi tar-reati; jisħaq fuq l-importanza ta' miżuri ta' prevenzjoni, u l-protezzjoni u l-appoġġ tal-vittmi ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru u ta' abbuż domestiku, li ġew aggravati mill-pandemija tal-COVID-19;

    47.

    Iħeġġeġ lill-Maċedonja ta' Fuq iżżid l-isforzi rigward l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-drittijiet tan-nisa, inkluż billi tipprijoritizza l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri u kooperazzjoni akbar mas-soċjetà ċivili, b'mod partikolari l-organizzazzjonijiet tan-nisa;

    48.

    Jitlob lil dawk li jfasslu l-liġijiet u lill-partiti politiċi kollha tal-Maċedonja ta' Fuq jieħdu passi biex itejbu r-rappreżentanza tan-nisa fil-pożizzjonijiet kollha ta' teħid ta' deċiżjonijiet, eletti u maħtura, skont ix-xejriet pożittivi fir-rappreżentanza parlamentari ffaċilitati mill-kwoti obbligatorji tal-ġeneru; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jindirizzaw ulterjorment in-nuqqas ta' implimentazzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema nisa, l-iżbilanċi bejn il-ġeneri u d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa fil-forza tax-xogħol, jieħdu azzjoni dwar l-istereotipizzazzjoni tal-ġeneru, id-diskriminazzjoni fid-dispożizzjonijiet legali relatati mal-liv tal-maternità u l-fastidju fuq il-post tax-xogħol, u jiżguraw kapaċitajiet adegwati għall-indukrar tat-tfal;

    49.

    Jilqa' l-isforzi tal-pajjiż fit-titjib tal-kooperazzjoni dwar il-ġestjoni tal-migrazzjoni irregolari, il-protezzjoni tal-fruntieri u l-indirizzar tal-ħtiġijiet bażiċi tar-rifuġjati, tal-applikanti għall-ażil u tal-migranti; jappella għat-tisħiħ ulterjuri tal-protezzjoni internazzjonali għal dawk fil-bżonn u għall-prevenzjoni ta' ksur tad-dritt internazzjonali, bħall-allegati pushbacks; jitlob lill-awtoritajiet jistabbilixxu mekkaniżmu ta' monitoraġġ attiv u jieħdu l-passi meħtieġa biex jipprevjenu dan il-ksur tad-dritt internazzjonali; jissottolinja li l-kontribut tal-Maċedonja ta' Fuq għall-protezzjoni tal-fruntiera esterna tal-Unjoni Ewropea huwa ta' importanza kruċjali u jitlob lill-UE tintensifika l-appoġġ tagħha għall-protezzjoni tal-fruntieri fir-reġjun; jinnota l-progress li sar fil-ġlieda kontra t-traffikar u d-dħul klandestin ta' bnedmin u jfakkar fil-ħtieġa li jiġi stabbilit mekkaniżmu vijabbli għall-ġestjoni tal-flussi migratorji irregolari u fil-ġlieda kontra n-networks ta' faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' bnedmin, peress li l-pajjiż jibqa' fuq waħda mir-rotot ta' tranżitu migratorji ewlenin; jinnota l-kooperazzjoni li għaddejja bħalissa u jappoġġa l-iffinalizzar tal-ftehim dwar l-istatus mal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) li jiffaċilita protezzjoni aħjar tal-fruntieri u l-ġlieda kontra l-kriminalità transfruntiera b'rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali; iħeġġeġ lill-pajjiż jimxi 'l quddiem bl-adozzjoni ta' strateġija dwar l-integrazzjoni tal-migranti, inkluża r-riintegrazzjoni mill-ġdid tal-persuni rimpatrijati;

    Media

    50.

    Jirrikonoxxi li l-ambjent ġeneralment favorevoli għal-libertà tal-espressjoni u għall-indipendenza tal-media jrid ikompli jissaħħaħ u jtejjeb il-qafas legali, l-awtoregolamentazzjoni, it-trasparenza tas-sjieda u s-suq tar-reklamar, filwaqt li jiżdiedu s-sostenibbiltà finanzjarja u l-imparzjalità tal-mezzi tal-media pubbliċi u privati, l-iżgurar ta' finanzjament baġitarju tal-media bbażat fuq ir-regoli, it-trasparenza u t-tnaqqis tar-reklamar politiku, u b'hekk jiġu salvagwardjati l-kompetizzjoni ġusta u l-politiki editorjali indipendenti;

    51.

    Iħeġġeġ lill-awtoritajiet jimplimentaw minnufih riformi sistemiċi fil-media li jagħtu nifs ġdid lill-kompetizzjoni, iżidu l-indipendenza u l-kapaċità tax-xandar tas-servizz pubbliku u tar-regolatur tal-media u jappoġġjaw il-ġurnaliżmu investigattiv;

    52.

    Jinnota l-passi meħuda biex tissaħħaħ l-awtoregolamentazzjoni tal-media permezz tar-Reġistru tal-Media Professjonali Online u billi jittejbu l-istandards professjonali permezz tal-Karta dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ġurnalisti u l-abbozz ta' Kuntratt Ġust ta' Ħidma għall-media diġitali;

    53.

    Iħeġġeġ l-adozzjoni ta' miżuri li jissalvagwardjaw l-indipendenza finanzjarja u operazzjonali tax-xandar tas-servizz pubbliku u tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Media tal-Awdjo u Awdjoviżiva; ifaħħar l-isforzi tal-Aġenzija fil-monitoraġġ tat-trasparenza tas-sjieda tal-media u fl-indirizzar ta' każijiet ta' diskors ta' mibegħda, diskriminazzjoni u theddid kontra l-ġurnalisti;

    54.

    Jinkoraġġixxi lill-atturi kollha fix-xenarju politiku u medjatiku biex jibqgħu inklużivi, biex b'hekk tiġi żgurata rappreżentanza ġusta tal-perspettivi politiċi rilevanti kollha bil-għan li ċ-ċittadini jiġu megħjuna jagħmlu għażla ġusta u demokratika;

    55.

    Jinkoraġġixxi titjib ulterjuri tal-qafas legali, filwaqt li jiżgura miżuri effettivi li jżidu s-sikurezza tal-ġurnalisti u jindirizzaw l-impunità għal reati kontra l-ġurnalisti; jitlob li jsiru investigazzjonijiet effettivi dwar it-theddid fiżiku u l-attakki verbali kontra l-professjonisti fil-qasam tal-media;

    56.

    Jinsab imħasseb dwar id-diżinformazzjoni u l-kampanji ta' interferenza barranija li għandhom l-għan li jaggravaw it-tensjonijiet etniċi, jagħmlu ħsara lir-relazzjonijiet u r-reputazzjoni internazzjonali tal-pajjiż, jgħawġu l-opinjoni pubblika u l-proċess elettorali, u joħolqu riskji serji għal-libertà tal-media, is-soċjetajiet u l-istituzzjonijiet demokratiċi, id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, u l-istat tad-dritt;

    57.

    Jinnota l-importanza li tiġi żgurata l-libertà tal-media u li jiġu promossi ġurnaliżmu ta' kwalità u litteriżmu medjatiku biex jiġu indirizzati d-diżinformazzjoni mifruxa, l-aħbarijiet foloz, ir-retorika nazzjonalista u d-diskors ta' mibegħda; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu investigati l-oriġini tal-kampanji ta' diżinformazzjoni u l-interferenza barranija fil-media; jitlob lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Kummissjoni jtejbu l-koordinazzjoni u jindirizzaw b'mod strateġiku d-diżinformazzjoni u t-theddid ibridu li għandhom l-għan li jdgħajfu l-perspettiva Ewropea fir-reġjun kollu; jappella għall-ħolqien ta' Ċentru ta' Eċċellenza ffokat fuq il-Balkani biex tiġi miġġielda d-diżinformazzjoni;

    Ir-riformi soċjoekonomiċi

    58.

    Jinnota l-impatt ekonomiku u soċjali detrimentali tal-COVID-19, u jesprimi appoġġ għal firxa ta' miżuri li ttieħdu sabiex dan jiġi mitigat; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jagħmlu użu sħiħ mill-appoġġ kontinwu u l-mekkaniżmi relatati tal-UE rigward il-COVID, billi jużaw l-opportunitajiet offruti mill-Pjan Ekonomiku u ta' Investiment għall-Balkani tal-Punent, li għandu l-għan li jqarreb ir-reġjun lejn is-Suq Uniku tal-UE; jilqa' l-EUR 4 miljun ta' appoġġ immedjat għas-settur tas-saħħa, u l-EUR 62 miljun ta' appoġġ għall-irkupru soċjali u ekonomiku li l-UE pprovdiet lill-Maċedonja ta' Fuq fil-bidu tal-pandemija, li ġew ikkomplementati minn pakkett ta' assistenza makrofinanzjarja ta' EUR 160 miljun f'self;

    59.

    Jilqa' l-pakkett ta' għotjiet b'valur ta' EUR 70 miljun mill-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni II (IPA II) biex jiġi ffinanzjat l-aċċess tas-sħab tal-Balkani tal-Punent għall-vaċċini kontra l-COVID-19; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jallokaw ammont suffiċjenti ta' vaċċini kontra l-COVID-19 għaċ-ċittadini tal-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent; jinkoraġġixxi l-kooperazzjoni reġjonali fil-qasam tas-saħħa, b'mod partikolari dwar il-mard transfruntier bil-għan li jittaffa l-piż fir-reġjun;

    60.

    Iħeġġeġ lill-Gvern jagħti prijorità lill-miżuri mmirati lejn il-mitigazzjoni tar-reċessjoni ekonomika u l-indirizzar tal-ħtiġijiet strutturali, bħan-nuqqasijiet fl-edukazzjoni u t-taħriġ, kif ukoll il-ħruġ ta' ħaddiema tas-sengħa u d-diskrepanzi fl-investiment fl-infrastruttura, li jagħtu spinta lid-diversifikazzjoni, lill-kompetizzjoni u lid-diġitalizzazzjoni u jittrattaw l-ekonomija informali; ifakkar fl-importanza tat-tisħiħ tal-kompetittività tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs);

    61.

    Jinnota l-isforzi tal-Gvern fl-istabbiliment tal-Liġi dwar il-Pagi Minimi u t-twessigħ tal-kopertura tal-assistenza soċjali; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jimmodernizzaw il-kodiċi tat-taxxa, itejbu l-kapaċità, il-persunal, il-kundizzjonijiet tax-xogħol fil-kura tas-saħħa pubblika u s-sistemi tal-assigurazzjoni tas-saħħa, kif ukoll l-aċċess għalihom; iħeġġeġ l-adozzjoni ta' miżuri mmirati li jindirizzaw il-faqar fost it-tfal u l-faqar enerġetiku, li ġew aggravati mill-pandemija;

    62.

    Jitlob li jiżdiedu l-miżuri soċjoekonomiċi biex jiġu indirizzati t-tnaqqis demografiku u l-eżodu tal-imħuħ permezz ta' politiki attivi tas-suq tax-xogħol li jnaqqsu l-qgħad fit-tul;

    63.

    Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu avvanzati l-isforzi biex jiġu żgurati aċċess nondiskriminatorju għas-suq tax-xogħol għaċ-ċittadini tal-UE, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali u l-eliminazzjoni tal-ostakli mhux tariffarji għall-kummerċ;

    64.

    Ifakkar fl-importanza li tiġi żgurata data statistika transsettorjali f'waqtha, komprensiva u ta' kwalità għolja, u jħeġġeġ lill-pajjiż iwettaq ċensiment demografiku li ilu mistenni;

    L-enerġija, it-trasport u l-ambjent

    65.

    Ifakkar li għad hemm bżonn ta' sforzi sostanzjali biex jintlaħqu miri għall-effiċjenza fl-enerġija, fl-enerġija rinnovabbli, fis-sigurtà tal-provvista u fit-tnaqqis tal-emissjonijiet;

    66.

    Jirrakkomanda li l-investimenti pubbliċi jiġu ffukati fuq it-tkabbir sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi, u jħeġġeġ lill-pajjiż iżid is-sigurtà u s-sostenibbiltà tal-provvista tal-enerġija tiegħu billi jagħti spinta lill-effiċjenza u d-diversifikazzjoni permezz tal-użu sostenibbli tal-enerġija rinnovabbli;

    67.

    Jilqa' l-adozzjoni tal-Liġi dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija, u jħeġġeġ lill-Maċedonja ta' Fuq biex timplimentaha; jilqa' l-progress miksub biex tiġi żgurata aktar konformità mal-obbligi tat-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija, u jinħoloq suq tal-enerġija reġjonali integrat permezz ta' interkonnetturi tal-elettriku u tal-gass futuri mal-pajjiżi tal-viċinat; jitlob li jittieħdu passi biex tiġi żgurata l-kompetizzjoni fis-suq ferrovjarju, tiġi avvanzata l-kostruzzjoni ta' kurituri ferrovjarji rilevanti u tiġi żgurata l-funzjonalità tal-qsim tal-fruntieri rilevanti;

    68.

    Jitlob lill-Kummissjoni timplimenta rigorożament il-prinċipju ta' “aktar għal aktar”, b'mod partikolari b'rabta mal-Maċedonja ta' Fuq, għall-IPA III jew mal-Pjan Ekonomiku u ta' Investiment tal-Balkani tal-Punent, meta jitqies il-progress sinifikanti magħmul mill-pajjiż matul il-perjodu ta' rapportar u bħala sinjal ta' solidarjetà mill-Unjoni tagħna;

    69.

    Jilqa' l-adozzjoni tal-Pjan Ekonomiku u ta' Investiment (PIE) u l-Aġenda Ekoloġika għall-Balkani tal-Punent biex jingħata appoġġ għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali tar-reġjun u biex titrawwem kooperazzjoni reġjonali u transfruntiera aktar wiesgħa u tas-sigurtà tal-enerġija; ifakkar fil-potenzjal tagħhom li jtejbu l-infrastruttura pubblika u l-konnettività reġjonali, b'mod partikolari permezz tal-Kuritur Ferrovjarju u tal-Awtostrada VIII għall-Bulgarija, l-interkonnetturi tal-gass mal-Kosovo, is-Serbja u l-Greċja, flimkien mal-proġett tat-terminal tal-gass naturali likwifikat (LNG) ta' Alexandroupolis; itenni l-importanza li jiġu żviluppati l-konnessjonijiet tal-ajru fi ħdan il-Balkani tal-Punent u mal-Istati Membri tal-UE; jenfasizza li l-investimenti tal-EIP iridu jikkontribwixxu għall-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi u l-miri tad-dekarbonizzazzjoni tal-UE, u jinkludu valutazzjonijiet ex ante tal-impatt ambjentali; jenfasizza l-valur strateġiku tat-tisħiħ tal-konnettività u l-integrazzjoni ekonomika bejn il-Maċedonja ta' Fuq u l-viċini tagħha;

    70.

    Ifaħħar lill-Maċedonja ta' Fuq talli hija l-ewwel waħda mill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent li żviluppat abbozz ta' Pjan Nazzjonali Integrat għall-Enerġija u l-Klima, li jipprovdi bażi soda għall-iżvilupp ta' pjan finali ambizzjuż, li jrid jiġi żviluppat f'konformità mal-obbligi tal-Komunità tal-Enerġija;

    71.

    Jitlob li jkun hemm rieda politika għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi u pjanijiet ambizzjużi għall-ħarsien tal-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli inkluż permezz ta' restrizzjonijiet fuq l-iżvilupp tal-enerġija idroelettrika f'żoni protetti, il-preservazzjoni tal-bijodiversità u l-iżgurar tar-responsabbiltà ambjentali;

    72.

    Itenni s-sejħiet tiegħu biex jiġu indirizzati livelli allarmanti ta' tniġġis tal-arja, b'mod partikolari f'żoni urbani, permezz ta' tranżizzjoni lejn enerġija, tisħin u trasport sostenibbli, u permezz ta' investiment f'sorsi rinnovabbli, billi tittejjeb il-koordinazzjoni intersettorjali, jiżdied il-finanzjament lokali u nazzjonali, tiġi żgurata l-konformità mal-limiti massimi tal-emissjonijiet għal impjanti kbar tal-kombustjoni, u tiġi żviluppata strateġija nazzjonali għat-tneħħija gradwali tal-faħam;

    73.

    Jilqa' l-progress li sar fit-titjib tal-kwalità tal-ilma, u jfakkar fil-ħtieġa li jiżdiedu l-kapaċitajiet tat-trattament tal-ilma mormi, jitnaqqsu r-rati għoljin ta' tnixxija ta' plastik fil-baħar, tingħata prijorità lill-ħolqien ta' sistema reġjonali integrata għall-ġestjoni tal-iskart, u jiġi promoss ir-riċiklaġġ;

    74.

    Jitlob lill-awtoritajiet jieħdu l-azzjoni meħtieġa biex jippreżervaw il-wirt naturali u kulturali ta' Ohrid billi jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjoni tal-UNESCO dwar ir-reġjun ta' Ohrid;

    Kooperazzjoni reġjonali u politika barranija

    75.

    Ifakkar dwar l-approċċ kooperattiv u kostruttiv adottat mill-Maċedonja ta' Fuq matul in-negozjati tal-ftehim ta' Prespa mal-Greċja u t-Trattat dwar Relazzjonijiet Tajbin ta' Viċinat mal-Bulgarija, li juri l-impenn strateġiku tal-pajjiż favur l-adeżjoni Ewropea tiegħu; jinnota li l-Istati Membri tal-UE għandhom jiffaċilitaw l-organizzazzjoni tal-konferenza intergovernattiva (IGC) mal-Maċedonja ta' Fuq mill-aktar fis possibbli sabiex jirrikonoxxu l-isforzi tal-pajjiż fil-proċess ta' adeżjoni mal-UE, u wkoll biex jipprevjenu dewmien ulterjuri milli jagħmel ħsara lill-kisbiet ta' rikonċiljazzjoni fir-reġjun;

    76.

    Jiddispjaċih għan-nuqqas kontinwu ta' progress fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet preċedenti tal-Parlament Ewropew rigward id-diskriminazzjoni kontra ċ-ċittadini li jesprimu b'mod miftuħ l-identità Bulgara u/jew l-isfond etniku tagħhom;

    77.

    Iħeġġeġ bis-sħiħ lill-awtoritajiet u lis-soċjetà ċivili jieħdu miżuri xierqa għar-rikonċiljazzjoni storika bil-għan li tingħeleb il-firda bejn id-diversi gruppi etniċi u nazzjonali, inklużi ċ-ċittadini ta' identità Bulgara u fi ħdanhom;

    78.

    Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għal tisħiħ tal-kooperazzjoni reġjonali, u jappella lill-partijiet kollha biex jiżguraw implimentazzjoni in bona fide, sħiħa u konsistenti tal-ftehim ta' Prespa mal-Greċja u t-Trattat dwar Relazzjonijiet Tajbin ta' Viċinat mal-Bulgarija, peress li t-tnejn li huma parti integrali mir-relazzjonijiet bilaterali; iħeġġeġ lis-sħab ikomplu jimpenjaw ruħhom u b'mod bilaterali jsolvu l-kwistjonijiet bilaterali pendenti kollha li ma għandhomx effett fuq il-proċess ta' adeżjoni, jaġixxu b'mod kostruttiv, u joqogħdu lura minn azzjonijiet li jistgħu jdgħajfu l-integrazzjoni Ewropea u l-interessi usa' tal-UE;

    79.

    Jinnota li l-kooperazzjoni reġjonali trid tkun ibbażata fuq futur komuni fl-UE, fuq djalogu b'moħħ miftuħ li jegħleb tilwim reġjonali u passat diffiċli u li jirrispetta l-valuri fundamentali Ewropej; jitlob li jinħolqu opportunitajiet ġodda ta' djalogu politiku u strateġiku ta' livell għoli mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, permezz ta' summits regolari bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent u kuntatti ministerjali intensifikati, sabiex tissaħħaħ is-sjieda politika tal-proċess tat-tkabbir u jiġu żgurati tmexxija aħjar u impenn ta' livell għoli, li huwa wkoll l-għan tal-metodoloġija riveduta tat-tkabbir;

    80.

    Jiddispjaċih li l-Kunsill ma setax jadotta l-Qafas ta' Negozjar; jistenna bil-ħerqa l-adozzjoni rapida tal-qafas ta' negozjar, bil-għan li jiġi evitat aktar dewmien u li l-ewwel Konferenza Intergovernattiva tagħti bidu għat-taħditiet dwar l-adeżjoni malajr kemm jista' jkun; jappoġġja l-isforzi kollha biex jiġi ffaċilitat id-djalogu, u b'hekk titwitta t-triq għal ftehim vijabbli; jirrimarka li l-Unjoni Ewropea biħsiebha tegħleb it-tilwim reġjonali u l-passat diffiċli, bil-għan li jkun hemm kollaborazzjoni għal futur aħjar ta' paċi u għal prosperità kollettiva

    81.

    Jiddispjaċih li l-Bulgarija u l-Maċedonja ta' Fuq għad iridu jilħqu fehim dwar kwistjonijiet bilaterali pendenti. ifakkar fl-importanza ta' djalogu kontinwu sabiex jinkisbu riżultati sostenibbli fl-implimentazzjoni in bona fide, tal-ftehimiet bilaterali, bl-użu sħiħ tal-qafas u tal-objettivi tat-Trattat ta' Ħbiberija, Relazzjonijiet Tajbin ta' Viċinat u Kooperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi; jilqa' l-ħatra ta' Rappreżentant Speċjali tal-Maċedonja ta' Fuq għall-Bulgarija, u jenfasizza l-importanza ta' djalogu kontinwu sabiex jintlaħaq ftehim sostenibbli dwar kwistjonijiet bilaterali attwali; iħeġġeġ lill-Bulgarija u lill-Maċedonja ta' Fuq jilħqu kompromess dwar pjan direzzjonali ta' miżuri konkreti, li l-implimentazzjoni tiegħu se tiġi vvalutata b'mod regolari f'konformità mat-Trattat ta' Ħbiberija;

    82.

    Ifaħħar lill-Maċedonja ta' Fuq u lill-Bulgarija għall-Presidenza Konġunta tagħhom b'suċċess tal-Proċess ta' Berlin għall-Balkani tal-Punent u l-kisbiet importanti tiegħu

    83.

    Jitlob għat-twaqqif ta' djalogu istituzzjonalizzat maż-żgħażagħ, iffinanzjat mill-pubbliku b'mod suffiċjenti bejn il-Maċedonja ta' Fuq u l-Greċja, u bejn il-Maċedonja ta' Fuq u l-Bulgarija abbażi tal-mudell tal-Uffiċċju taż-Żgħażagħ Franko-Ġermaniż (FGYO);

    84.

    Jitlob għal darb'oħra lill-mexxejja politiċi reġjonali kollha jieħdu passi urġenti biex iwaqqfu l-Kummissjoni Reġjonali (RECOM) fdata bil-kompitu li tistabbilixxi l-fatti dwar il-vittmi kollha tad-delitti tal-gwerra u ksur serju ieħor tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa fit-territorju ta' dik li qabel kienet il-Jugoslavja, filwaqt li jibnu fuq il-ħidma sinifikanti mwettqa mill-Koalizzjoni favur ir-RECOM;

    85.

    Jilqa' l-adeżjoni tal-Maċedonja ta' Fuq man-NATO fis-27 ta' Marzu 2020 kif ukoll l-impenn kontinwu tagħha għall-qafas ta' sigurtà Ewro-Atlantiku; jilqa' l-kontribut tal-pajjiż għall-missjonijiet immexxija min-NATO, kif ukoll għall-Forza tal-Kosovo (KFOR) permezz taċ-Ċentru ta' Koordinazzjoni tan-Nazzjon Ospitanti, u l-kooperazzjoni formali tiegħu mal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża; jitlob lill-Maċedonja ta' Fuq tkompli l-allinjament tagħha mal-istandards militari u operazzjonali bil-għan li ttejjeb l-interoperabbiltà u l-koerenza mal-UE u l-pajjiżi membri tan-NATO; jilqa' l-impenn tal-Maċedonja ta' Fuq favur l-inizjattiva “Network Nadif”;

    86.

    Jissottolinja l-ħtieġa li l-UE u l-Istati Uniti jsaħħu s-sħubija u l-koordinament tagħhom fil-Balkani tal-Punent sabiex imexxu 'l quddiem riformi fundamentali, u jtejbu l-governanza u r-rikonċiljazzjoni;

    87.

    Jirrikonoxxi t-titjib fil-livell għoli ta' allinjament tal-Maċedonja ta' Fuq mal-politika estera u ta' sigurtà komuni u jistieden lill-pajjiż ikompli jtejjibha, b'mod partikolari rigward il-miżuri restrittivi kontra r-Russja; ifaħħar lill-Maċedonja ta' Fuq dwar il-kontribuzzjonijiet kontinwi tagħha għall-ġestjoni dejjem għaddejja tal-kriżijiet tal-UE u għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK), u jenfasizza l-ħtieġa li jinżamm l-impenn tagħha fil-futur; jesprimi tħassib dwar id-dipendenza dejjem akbar tagħha fuq l-ekonomija u l-enerġija minn pajjiżi terzi;

    88.

    Jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn kontinwu tal-Maċedonja ta' Fuq għal inizjattivi reġjonali, u jitlob li jkun hemm implimentazzjoni kostanti tal-obbligi fi ħdan diversi oqfsa reġjonali li jmexxu 'l quddiem is-Suq Reġjonali Komuni;

    o

    o o

    89.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-President, lill-Gvern u lill-Assemblea tar-Repubblika tal-Maċedonja ta' Fuq.

    (1)  Testi adottati, P9_TA(2020)0320.

    (2)  Testi adottati, P9_TA(2019)0050.


    Top