EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021IE3124

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-isfidi soċjali tal-ekoloġizzazzjoni tat-trasport marittimu u fl-ilmijiet navigabbli interni” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

EESC 2021/03124

ĠU C 275, 18.7.2022, p. 18–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

18.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 275/18


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-isfidi soċjali tal-ekoloġizzazzjoni tat-trasport marittimu u fl-ilmijiet navigabbli interni”

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2022/C 275/03)

Relatur:

Pierre Jean COULON

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

25.3.2021

Bażi legali

Artikolu 32(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

 

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

2.2.2022

Adottata fil-plenarja

23.2.2022

Sessjoni plenarja Nru

567

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

207/1/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għall-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Opinjoni dwar “FuelEU Maritime” (1) u tal-Opinjoni dwar “NAIADES III” (2).

1.1.1.

F’dawn l-oqsma, hemm bżonn ta’ kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet interessati kollha fir-raggruppament marittimu u l-katina tal-provvista biex fl-aħħar mill-aħħar jintlaħaq dan l-għan.

1.1.2.

L-istess japplika għall-interess meħtieġ għall-ħolqien ta’ terminals intermodali li jippermettu l-iżvilupp tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni fil-bliet li jikkontribwixxi għal titjib tal-kwalità tal-ħajja.

1.2.

Il-KESE jqis li l-ekoloġizzazzjoni tat-trasport marittimu u fl-ilmijiet navigabbli interni trid tqis is-saħħa u l-kwalità tal-ħajja tal-popolazzjonijiet li jgħixu qrib il-kanali tan-navigazzjoni jew il-portijiet.

1.3.

Għaldaqstant, l-awtoritajiet tal-port, l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-atturi tat-trasport għandhom jaħdmu flimkien biex jikkunsidraw mill-ġdid ir-rabtiet bejn il-belt, il-portijiet u l-atturi tat-trasport.

1.4.

It-tranżizzjoni għall-ekoloġizzazzjoni tista’ titqies biss wara l-implimentazzjoni ta’ taħriġ adegwat għall-impjegati.

1.5.

Dawn ir-rakkomandazzjonijiet huma parti integrali minn evalwazzjoni futura tal-ekonomija blu.

2.   Introduzzjoni

2.1.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea “NAIADES III” ippubblikata fl-24 ta’ Ġunju 2021, dwar il-modernizzazzjoni tan-navigazzjoni fl-ilmijiet navigabbli interni fl-Ewropa, u l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu ta’ fjuwils rinnovabbli fit-trasport marittimu, ippubblikata fl-14 ta’ Lulju 2021, magħrufa bħala “FuelEU Maritime”, jagħtu bidu għad-dekarbonizzazzjoni tas-setturi.

2.2.

“NAIADES III” huwa pjan ta’ azzjoni li għandu l-għan li jippromovi t-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni f’35 punt ibbażat fuq osservazzjoni sempliċi ħafna li għamlet il-Kummissarju għat-Trasport, Adina Vālean: it-trasport bl-ilma huwa “wieħed mill-modi ta’ trasport l-aktar effiċjenti fl-emissjonijiet tal-karbonju, u l-ilmijiet navigabbli interni jista’ jkollhom rwol essenzjali fid-dekarbonizzazzjoni tas-sistemi tat-trasport tagħna”; madankollu 6 % biss tal-merkanzija tal-UE tinġarr fix-xmajjar u l-kanali tagħna, minkejja li n-network tal-ilmijiet navigabbli interni huwa ta’ 41 000 kilometru.

2.3.

Il-Komunikazzjoni għandha l-għan li tippermetti li volum akbar ta’ merkanzija jiġi ttrasportat fix-xmajjar u l-kanali tal-Ewropa, u li tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni għal braken b’emissjonijiet żero sal-2050.

2.4.

Il-Kummissjoni għalhekk qed tipproponi reviżjoni tad-Direttiva dwar it-Trasport Intermodali tal-1992 (3), li hija l-uniku strument legali tal-UE li jappoġġja direttament it-tranżizzjoni minn trasport tal-merkanzija bit-triq għal modi tat-trasport b’emissjonijiet baxxi (ilmijiet navigabbli interni, trasport marittimu u ferrovjarju), iżda li l-effett tagħha ġie affettwat minn traspożizzjoni mhux sodisfaċenti fl-Istati Membri. Raġuni ewlenija għal din it-traspożizzjoni ħażina hija li l-Pakkett tal-2018 dwar “il-Mobbiltà” kien fih kunflitt reali bejn, minn naħa waħda, l-għan li tinkiseb kompetizzjoni ġusta bejn l-intrapriżi u l-impjegati tat-trasport bit-triq u l-impjegati fis-suq intern (billi jiġi limitat il-kabotaġġ tat-termini intermodali) u, min-naħa l-oħra, it-tranżizzjoni minn trasport modali għal trasport intermodali billi titnaqqas l-ispiża tiegħu.

2.5.

Il-Proposta għal Regolament dwar it-traffiku marittimu hija parti mill-pakkett politiku u leġiżlattiv “Lesti għall-mira ta’ 55 %” li għandu l-għan li jnaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra b’55 % sal-2030. Din hija prinċipalment immirata lejn miri ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet, u tirrikjedi li t-trasportaturi jiddikjaraw it-tip ta’ bastimenti u fjuwil li jużaw. Għalhekk ftit li xejn hija vinkolanti. Dan għaliex, skont il-Kummissjoni Ewropea, it-trasport marittimu b’mod ġenerali jammonta għal 10 % tal-emissjonijiet relatati mat-trasport fl-Unjoni.

2.6.

Il-KESE jista’ biss jappoġġja l-politika tal-Kummissjoni Ewropea għall-ekoloġizzazzjoni tat-trasport marittimu u fl-ilmijiet navigabbli interni.

2.7.

Huwa diġà għamel dan fl-Opinjonijiet dwar FuelEU Maritime (4) u NAIADES III (5) li ġew adottati reċentement; u l-KESE jixtieq ukoll jieħu l-opportunità li jippreżenta xi ħsibijiet dwar l-isfidi soċjali li tirrappreżenta l-ekoloġizzazzjoni tat-trasport marittimu u t-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni, u jiġbed l-attenzjoni tas-soċjetà ċivili dwar il-fatt li l-ekoloġizzazzjoni tat-trasport marittimu u fl-ilmijiet navigabbli interni tinvolvi wkoll l-ippjanar tal-ispazju marittimu, sabiex it-trasport jkun jista’ jiġi adattat għat-tibdil fil-klima fir-rigward tal-ekonomija blu (6).

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Din l-Opinjoni fuq inizjattiva proprja hija maqsuma f’żewġ partijiet li jkopru suġġetti differenti: l-ewwel parti tindirizza n-natura tat-trasport u l-portijiet tal-ilmijiet navigabbli interni, u t-tieni parti titratta kwistjonijiet soċjali li jikkonċernaw l-impjegati fit-trasport marittimu u fl-ilmijiet navigabbli interni. Il-KESE jenfasizza li t-trasport marittimu huwa suq settorjali, li jvarja minn trasport lokali permezz ta’ ferries għall-bliet u l-arċipelagi tul xmajjar u rotot marittimi qosra, trasport għal vjaġġi twal permezz ta’ ferries, bastimenti ta’ tagħbija bl-ingrossa, bastimenti tal-kontejners, kif ukoll kruċieri.

Din l-Opinjoni ma tindirizzax dawn is-setturi kollha iżda tindirizza d-dimensjoni soċjetali marbuta mal-kwistjonijiet tat-trasport lokali u reġjonali.

3.2.

L-ekoloġizzazzjoni tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni u dak marittimu teħtieġ approċċ integrat għaliex l-infrastruttura futura tat-trasport se jkollha tqis ukoll it-tħassib relatat mas-saħħa tar-residenti u tal-ħaddiema lokali.

3.3.

F’din l-Opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar l-isfidi soċjali tal-ekoloġizzazzjoni tat-trasport marittimu u t-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni, il-KESE jqis li huwa essenzjali li l-Kummissjoni jkollha studji sodi dwar l-impatti fuq is-saħħa tal-attivitajiet tal-portijiet tax-xmajjar u dawk marittimi. Dawn l-istudji għandhom jiffokaw fuq l-analiżi ta’ sistemi ta’ ġestjoni ambjentali fuq skala kbira u jinkludu rakkomandazzjonijiet għal operazzjoni ta’ portijiet tax-xmajjar u dawk marittimi li jqisu l-kwistjonijiet tas-saħħa.

3.4.

Il-kabotaġġ marittimu għandu rwol essenzjali fil-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, b’mod partikolari għall-gżejjer. Dan jiffavorixxi politika ta’ emissjonijiet baxxi tal-karbonju, inaqqas l-impatt ambjentali u jiffaċilita l-prinċipju tal-multimodalità.

3.5.

It-titjib tal-kwalità tal-arja fil-portijiet u l-konsegwenzi li dan għandu fuq is-saħħa tar-residenti huwa suġġett sensittiv. Il-KESE jemmen li jkun utli li jiġu żviluppati aktar sistemi tal-provvista tal-elettriku mix-xatt fil-portijiet tax-xmajjar u dawk marittimi, bħal fil-każ tal-port ta’ Rotterdam, sabiex bastimenti ta’ kull daqs ikunu jistgħu jitfu l-magni tagħhom waqt li jkunu rmiġġati, peress li dan jikkontribwixxi għall-protezzjoni tas-saħħa tar-residenti u tal-ħaddiema. Dan japplika wkoll għall-bastimenti tal-kruċieri li spiss ikunu rmiġġati fiż-żoni tal-portijiet ċentrali.

3.6.

It-tniġġis akustiku kkawżat minn attivitajiet fil-portijiet marittimi ma jistax jiġi injorat, peress li dan jaffettwa l-kwalità tal-ħajja tar-residenti, minn naħa, u s-saħħa tal-ħaddiema, min-naħa l-oħra. L-istess jgħodd għar-residenti taż-żoni interni tal-ilmijiet navigabbli interni. It-titjib tal-prestazzjoni tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni jimxi id f’id mal-iżvilupp soċjoekonomiku taż-żoni interni. Madankollu, dan l-iżvilupp ma għandux isir a skapitu tal-kwalità tal-ħajja tar-residenti, minkejja li t-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni jiġġenera inqas tniġġis mit-trasport bit-triq.

3.7.

L-ekoloġizzazzjoni tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni u dak marittimu ma tistax tinkiseb mingħajr ma jiġu indirizzati kwistjonijiet relatati mat-taħriġ tal-persunal, il-prospetti ta’ impjieg u t-trattament mhux ugwali bejn l-irġiel u n-nisa f’dawn is-setturi, u mingħajr ma jitqiesu l-isfidi soċjali tal-bidliet profondi li jirriżultaw mid-diġitalizzazzjoni u l-awtomatizzazzjoni tal-impjiegi.

3.8.

It-tiġdid tal-flotta huwa essenzjali biex titnaqqas id-dipendenza tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni mill-fjuwils fossili. Madankollu, dan is-settur huwa magħmul prinċipalment minn barklori żgħar u SMEs li bħalissa qed ibatu minn diffikultajiet ekonomiċi (telf ta’ fatturat ta’ madwar EUR 2,7 biljun, tnaqqis ta’ mill-inqas 70 % fit-trasport tal-passiġġieri). Għalhekk, l-aċċettazzjoni soċjali tat-tiġdid meħtieġ tal-flotta teħtieġ l-appoġġ tal-barklori, li jiġi żgurat biss jekk il-fiduċja tagħhom tinkiseb permezz ta’ investimenti u appoġġ finanzjarju fit-tul.

3.9.

It-tranżizzjoni lejn trasport fl-ilmijiet navigabbli interni b’emissjonijiet tas-CO2 żero għalhekk teħtieġ mhux biss appoġġ finanzjarju għall-barklori eżistenti, iżda wkoll li jkun hemm sforzi akbar biex jitħarreġ il-persunal attwali u dak futur ta’ fuq il-bastimenti. Is-suċċess tal-ekoloġizzazzjoni tat-trasport bl-ilma u dak marittimu jiddependi wkoll mill-kapaċità tas-settur li jiġġestixxi t-trasformazzjoni tax-xogħol u tal-ħiliet.

4.   Kummenti speċifiċi

Il-portijiet

4.1.

Fil-qasam tat-trasport marittimu, il-politika ta’ ekoloġizzazzjoni tat-trasport marittimu twassal għall-kunsiderazzjoni mill-ġdid tar-rabtiet bejn il-belt u l-portijiet. Proġetti ta’ żvilupp ibbażati fuq l-ekonomija bbażata fuq “iż-żejt” u l-“użu qawwi tal-kontejners” madwar id-dinja fit-tieni nofs tas-seklu 20 wasslu biex il-portijiet joħorġu mill-bliet, li kienu saru żgħar wisq, u wasslu għall-ħolqien ta’ żoni industrijali tal-port fil-periferija. Madankollu, l-aċċettazzjoni ta’ proġett kbir tal-port jew proġett urban għandha tkun pjuttost unanima, li jfisser li għandhom jiġu kkunsidrati sett ta’ argumenti ta’ spiss kumplessi ħafna marbuta mal-interess pubbliku u l-interessi individwali. Dawn it-talbiet taċ-ċittadini u tas-soċjetà huma pjuttost ġodda fir-relazzjoni twila ta’ bejn belt u l-port tagħha.

4.2.

L-awtoritajiet tal-port u l-muniċipalitajiet jistgħu jkunu fuq l-istess naħa jew jopponu għalkollox lil xulxin fir-rigward ta’ dimensjonijiet soċjetali u ambjentali, li issa saru inevitabbli (7). Fil-bliet tal-portijiet, fejn il-bastimenti jikkoeżistu mar-residenti, l-industriji, in-negozji u l-attivitajiet turistiċi, il-kwalità tal-ambjent u s-sorsi tat-tniġġis isiru fatturi li jimmobilizzaw ir-residenti. Pereżempju, id-dgħajjes iħaddmu l-magni tagħhom lejl u nhar: it-tniġġis tal-arja huwa pjaga ta’ kuljum għar-residenti ta’ diversi portijiet Ewropej.

4.3.

Il-bastimenti tat-tagħbija mħallta u l-ferries ta’ bosta kumpaniji jirrilaxxaw gassijiet u partiċelli fini fl-arja. L-istorbju ġġenerat mill-magni huwa wkoll tniġġis insopportabbli, għaliex dan huwa storbju kostanti u amplifikat matul il-lejl.

4.4.

Il-problema ġejja mill-fatt li parti biss mis-sottostazzjonijiet għall-irmiġġ tal-bastimenti fil-portijiet huma mgħammra b’konnessjoni tal-elettriku mix-xatt. Għalhekk, għadd ta’ bastimenti huma mġiegħla joperaw il-ġeneraturi tal-elettriku tagħhom stess.

4.5.

It-titjib tal-kwalità tal-arja fil-portijiet u l-effetti li dan ikollu fuq is-saħħa tar-residenti huwa suġġett sensittiv. Qiegħda dejjem tikber id-domanda tas-soċjetà għal miżuri preventivi u korrettivi tal-kwalità tal-arja madwar il-portijiet, speċjalment fuq il-midja soċjali.

4.6.

L-istess jgħodd għat-tniġġis akustiku ġġenerat mill-attività tal-portijiet. Skont il-KESE, l-ekoloġizzazzjoni tat-trasport marittimu u fl-ilmijiet navigabbli interni teħtieġ valutazzjoni u analiżi tal-impatti ambjentali tal-portijiet, b’mod partikolari fiż-żoni tal-interfaċċa tal-belt/port. Dan għandu jkun pass preliminari għall-adozzjoni ta’ kwalunkwe miżura u li jippermetti ġestjoni ambjentali intelliġenti tal-interfaċċa tal-belt/port, li għaliha jista’ jikkontribwixxi l-iżvilupp tal-portijiet tax-xmajjar interni.

4.7.

Tabilħaqq, l-ekoloġizzazzjoni tat-trasport marittimu u fl-ilmijiet navigabbli interni ma tistax timxi ’l quddiem mingħajr ma ssir valutazzjoni minn qabel tal-impatt tat-tixrid tal-emissjonijiet tal-gassijiet, anke b’emissjonijiet baxxi tal-karbonju, tal-bastimenti, tal-profil topografiku taż-żona tal-port, tad-distribuzzjoni tal-popolazzjoni fiż-żoni ta’ influwenza tal-attività tal-port, tal-eżistenza ta’ stazzjonijiet meteoroloġiċi, minħabba li t-temp għandu influwenza fuq it-tixrid jew l-istaġnar tal-gassijiet fl-arja, u tas-sensuri li jkejlu t-tniġġis u l-livelli tal-istorbju.

Impjegati tas-settur marittimu

4.8.

Ma tistax tiġi injorata sfida oħra ewlenija tas-soċjetà: l-impjieg u t-taħriġ għall-professjonijiet ġodda għall-baħħara. Minkejja n-nuqqas ta’ data disponibbli, preċiża u komparabbli dwar il-baħħara, huwa ġeneralment meqjus li s-settur marittimu jbati minn nuqqas ta’ ħiliet, u li huwa diffiċli li jimtlew il-pożizzjonijiet u jinżammu l-baħħara disponibbli.

4.9.

Ċertu nuqqas ta’ attraenza ta’ dan is-settur professjonali huwa riżultat, fost oħrajn, tal-fatt li n-navigazzjoni fuq il-baħar m’għadhiex meqjusa bħala mod kif persuna tara d-dinja; tabilħaqq, l-ivvjaġġar sar irħas u aktar faċli. Skont studju indipendenti mħejji għall-Kummissjoni Ewropea, is-settur huwa wkoll meqjus bħala inkompatibbli ma’ dik li titqies bħala ħajja soċjali u tal-familja normali, u li joffri kundizzjonijiet tax-xogħol ħżiena u nuqqas ta’ prospetti għall-iżvilupp professjonali, minkejja l-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu tal-2006 (MLC 2006), li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet minimi tax-xogħol u tal-ħajja għall-baħħara tal-flotta merkantili dinjija (8).

4.10.

Madankollu, ċerta data meħuda minn rapport tal-European Community Shipowners’ Associations turi li f’ċerti strati tas-soċjetà, in-navigazzjoni marittima hija meqjusa bħala prestiġjuża u rispettabbli, b’mod partikolari bis-saħħa ta’ kampanji tal-informazzjoni pubbliċi dwar is-settur, tal-boroż ta’ studju, eċċ.

Ir-rappreżentanza tan-nisa fil-qasam tat-trasport

4.11.

L-għadd ta’ nisa fit-trasport marittimu għadu relattivament sottorappreżentat/baxx, u ftit li xejn kien hemm sinjali ta’ titjib matul iż-żmien. Bl-eċċezzjoni ta’ xi pajjiżi Nordiċi u n-Netherlands, in-nisa jokkupaw pożizzjonijiet bi status aktar baxx u f’impjiegi bi ħlas inqas mill-irġiel.

4.12.

Il-KESE huwa parti kkonċernata tal-pjattaforma “In-nisa fit-trasport – Pjattaforma tal-UE għall-bidla”, li l-għan tagħha huwa li tintegra u tippromovi n-nisa fis-settur tat-trasport b’mod ġenerali, inkluż it-trasport marittimu u fl-ilmijiet navigabbli interni. Stħarriġ online li sar mill-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport bejn is-7 ta’ Ottubru u d-29 ta’ Novembru 2019 juri li n-nisa jirrappreżentaw 22 % biss tal-impjegati tal-industrija tat-trasport fis-setturi kollha (9). L-istudju juri li għad hemm ħafna ostakli li jirriżultaw mill-inugwaljanzi bejn il-ġeneri u l-istereotipi marbuta mal-ġeneru fis-settur. It-trasport marittimu minn dejjem kien industrija ddominata mill-irġiel, u l-KESE jqis li jeħtieġ li dan jinbidel sabiex tiġi indirizzata l-isfida soċjali li n-nisa jaffaċċjaw f’dan is-settur.

4.13.

L-ekoloġizzazzjoni tat-trasport marittimu tista’ tkun ta’ opportunità għal din il-bidla. Tabilħaqq, il-KESE jqis li l-bidla teknoloġika li se tirriżulta mill-ekoloġizzazzjoni għandha twassal għal dinamika fil-ħolqien ta’ impjiegi fit-trasport marittimu u bidla fil-perċezzjonijiet dwar dan is-settur, fejn l-impjiegi tradizzjonali fuq il-baħar jiġu sostitwiti b’impjiegi b’valur miżjud għoli fuq l-art, li b’hekk jippermetti li jiġu reklutati aktar nisa.

4.14.

Baħħara kwalifikati sew huma essenzjali biex jiġi żgurat li n-navigazzjoni tkun sikura u li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent. Is-sostenibbiltà ta’ dan is-settur dinamiku tiddependi mill-kapaċità li jkompli jattira għadd suffiċjenti ta’ ħaddiema ġodda ta’ kwalità għolja u jżomm baħħara b’esperjenza, inklużi baħħara nisa u gruppi oħra mhux rappreżentati biżżejjed.

4.15.

Il-KESE jemmen li l-involviment tal-partijiet interessati kollha, inklużi l-imsieħba soċjali, huwa meħtieġ biex jinstabu soluzzjonijiet kemm sinifikanti kif ukoll vijabbli fil-kuntest tal-ekoloġizzazzjoni tat-trasport marittimu (10).

Il-baħħara

4.16.

Mandakollu, l-awtomatizzazzjoni tal-bastimenti tista’ tirriżulta fit-tnaqqis tal-ekwipaġġi u tal-persunal ta’ fuq il-bastimenti, li se jwassal għal tnaqqis fid-domanda tal-baħħara u fl-istess ħin, żieda fil-piż tax-xogħol u r-responsabbiltajiet għall-ħaddiema eżistenti. Huwa improbabbli li l-prospett tal-qgħad jew tal-klassifikazzjoni mill-ġdid se jiġi aċċettat soċjalment.

4.17.

Barra minn hekk, id-diġitalizzazzjoni u l-awtomatizzazzjoni għandhom il-potenzjal li jtejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persunal ta’ fuq il-bastimenti bi kwalifiki għolja u b’kompetenzi fl-informatika u fl-elettroteknika. Id-diġitalizzazzjoni u l-awtomatizzazzjoni se jkunu jistgħu wkoll inaqqsu l-piż amministrattiv, ta’ spiss imniżżel bħala sors ta’ għejja għall-persunal ta’ fuq il-bastimenti, u jippermettu l-iżvilupp ta’ sistemi operattivi kważi awtonomi, li jista’ jkollhom impatt konsiderevoli f’termini ta’ sigħat tax-xogħol u tal-attraenza tan-navigazzjoni marittima.

4.18.

Id-diġitalizzazzjoni u l-awtomatizzazzjoni involuti fl-ekoloġizzazzjoni tat-trasport marittimu se jbiddlu s-settur bil-kbir. Dan ma jistax jintlaħaq fi żmien qasir, speċjalment peress li s-sidien tal-bastimenti għadhom mhumiex ippreparati sew. Min-naħa l-oħra, dawn it-teknoloġiji ġodda huma adattati għall-bastimenti eżistenti. L-ispiża ġġenerata mit-tiġdid tal-flotta wkoll għandha rwol f’din l-eżitazzjoni.

4.19.

Lanqas ma jista’ jiġi injorat ir-riskju li l-ħtiġijiet b’rabta mal-ħiliet li qed jevolvu jistgħu jkunu ta’ detriment għall-impjieg, u jeskludu lil xi baħħara jew jonqsu milli jħarrġu tajjeb lill-baħħara tal-futur. Dan joħloq sfida kbira għall-iskejjel tat-taħriġ marittimu, li tista’ tiġi ttrattata biss minn dawk li jikkooperaw mill-qrib mal-industrija marittima biex jadattaw għall-ħtiġijiet ta’ din tal-aħħar.

4.20.

Barra minn hekk, taħriġ kontinwu għall-baħħara huwa essenzjali biex jinżammu aġġornati l-ħiliet tagħhom, u biex titħaffef it-tranżizzjoni minn impjiegi bbażati fuq il-baħar għal dawk fuq l-art, li x’aktarx tirriżulta mill-ekoloġizzazzjoni tat-trasport marittimu. Dan l-aspett huwa essenzjali għal effetti pożittivi fuq is-soċjetà kollha.

4.21.

Persunal aktar ikkwalifikat ifisser żieda fin-nefqa operatorja, riskju ta’ dumping soċjali għad-detriment ta’ persunal inqas ikkwalifikat, u kompetizzjoni inġusta fis-suq tax-xogħol, li jenfasizza l-ħtieġa li jiġu protetti l-impjiegi tal-baħħara Ewropej. F’dan ir-rigward ara l-istudju “Seafarers and digital disruption“ Seafarers and digital disruption” (Il-baħħara u t-tfixkil diġitali) tal-2018 (11). Jidher li n-numru tal-baħħara Ewropej qed jonqos, l-età medja tagħhom qed tiżdied, u dan iqajjem il-mistoqsija dwar jekk humiex kompetittivi meta mqabbla mal-baħħara mhux Ewropej. Minkejja li din hija kwistjoni separata, din l-Opinjoni fuq inizjattiva proprja ppruvat tindirizzaha.

4.22.

Għalhekk, l-imsieħba soċjali għandhom rwol essenzjali biex jiżguraw li l-istandards tax-xogħol fit-trasport marittimu jiġu rispettati u saħansitra msaħħa. Madankollu, in-negozjar kollettiv jista’ jiġi kompromess minħabba d-disparità tad-drittijiet tax-xogħol applikabbli abbord, u kkumplikat bl-applikazzjoni tal-liġi tax-xogħol f’żoni transfruntiera, minħabba nuqqas ta’ komunikazzjoni, kooperazzjoni u koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet differenti responsabbli għall-kontroll tal-kundizzjonijiet tax-xogħol.

It-trasport fl-ilmijiet navigabbli intern

4.23.

Uħud mill-kunsiderazzjonijiet relatati mal-impjegati tat-trasport marittimu jistgħu jiġu estrapolati għat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni, ħlief li s-suq tax-xogħol tan-navigazzjoni interna huwa magħmul prinċipalment minn operaturi indipendenti li qed jikbru fl-età, minħabba l-kombinazzjoni ta’ fatturi soċjali, ekonomiċi u kulturali (12). Għandu jiġi nnotat li t-tixjiħ jaffettwa wkoll il-kategorija tal-impjegati għaliex iż-żgħażagħ jippreferu jaħdmu fuq l-art b’ħinijiet regolari u l-possibbiltà li jqattgħu tmiem il-ġimgħa d-dar. Pereżempju, dan il-fattur huwa importanti ħafna fl-Ewropa tal-Punent, fejn madwar 80 % tal-intrapriżi tat-trasport tal-merkanzija fl-ilmijiet navigabbli interni huma sidien-operaturi indipendenti, li l-ħinijiet tax-xogħol tagħhom mhumiex regolari. Dan iwassal għal nuqqas ta’ ħaddiema fin-navigazzjoni interna, kemm fis-suq tat-trasport tal-passiġġieri fl-ilmijiet navigabbli interni kif ukoll fis-suq tal-merkanzija, u l-fenomenu jista’ jiġi osservat għal persunal ikkwalifikat fil-livell ta’ kmand u operaturi kkwalifikati tad-dgħajjes fil-qasam tal-merkanzija likwida.

4.24.

Il-KESE josserva li dan in-nuqqas jista’ jiġi spjegat ukoll minn fatturi tekniċi; hekk kif ix-xogħol tal-membri tal-ekwipaġġ qed isir aktar u aktar tekniku, l-intrapriżi tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni qed ifittxu profili speċjalizzati, iżda dawn huma diffiċli biex jinstabu.

4.25.

Iż-żieda fl-attraenza tas-settur għall-ġenerazzjoni żagħżugħa, b’mod partikolari, tinvolvi l-adozzjoni ta’ miżuri fundamentali, b’mod partikolari ta’ natura soċjokulturali u soċjetali, bħall-iżvilupp ta’ kooperattivi biex jiġu allinjati aħjar il-ħtiġijiet ekonomiċi (effiċjenza, profittabilità, piż tax-xogħol għoli) fuq aspetti soċjali, kulturali u soċjetali (ħajja privata u soċjali, familja, eċċ.).

4.26.

Fl-aħħar nett, il-KESE jinnota li l-effetti tal-kriżi minħabba l-COVID-19 li diġà nħassu se jkunu kwantifikabbli fis-snin li ġejjin, aktar u aktar peress li s-suq tax-xogħol fin-navigazzjoni fl-ilmijiet navigabbli interni se jkollu jinbidel aktar minħabba l-ekoloġizzazzjoni tas-settur.

Brussell, it-23 ta’ Frar 2022.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Opinjoni tal-KESE dwar FuelEU Maritime (ĠU C 152, 6.4.2022, p. 145).

(2)  Opinjoni tal-KESE dwar NAIADES III (ĠU C 194, 12.5.2022, p. 102).

(3)  Council Directive 92/106/KEE of 7 December 1992 on the establishment of common rules for certain types of combined transport of goods between Member States (ĠU L 368, 17.12.1992, p. 38).

(4)  Opinjoni tal-KESE dwar FuelEU Maritime (ĠU C 152, 6.4.2022, p. 145).

(5)  Opinjoni tal-KESE dwar NAIADES III (ĠU C 194, 12.5.2022, p. 102).

(6)  Opinjoni tal-KESE dwar Approċċ ġdid għal ekonomija blu sostenibbli fl-UE, relatur Simo Tiainen (ĠU C 517, 22.12.2021, p. 108), u Opinjoni tal-KESE dwar L-innovazzjoni fl-ekonomija blu, relatur: Séamus Boland (ĠU C 12, 15.1.2015, p. 93).

(7)  Daudet, B., u Alix, Y., “Gouvernance des territoires ville-port: empreintes locales, concurrences régionales et enjeux globaux”, Organisations et Territoires, (Governanza tat-territorji belt-port: impronti lokali, kompetizzjonijiet reġjonali u sfidi globali, Organizzazzjonijiet u Territorji), 2012.

(8)  Coffey, Consultores em Transportes Inovacāo e Sistemas, Oxford Research u World Maritime University, Study on social aspects within the maritime transport sector (Studju dwar aspetti soċjali fi ħdan is-settur tat-trasport marittimu), Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2020.

(9)  https://www.etf-europe.org/make-transport-fit-for-women-to-work-in-etf-sounds-alarm-over-industrys-growing-gender-divide/

(10)  https://www.ecsa.eu/index.php/etf-ecsa-declaration-enhanced-participation-women-european-shipping

(11)  https://www.ics-shipping.org/wp-content/uploads/2018/10/ics-study-on-seafarers-and-digital-disruption.pdf.

(12)  Kummissjoni Ċentrali għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu, Rapport tematiku dwar is-suq tax-xogħol fis-settur tan-navigazzjoni interna Ewropea, Frar 2021.


Top