Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021IE2760

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “COVID-19: Ir-rwol tas-soċjetà ċivili fir-rikostruzzjoni u r-reżiljenza tar-reġjun Ewro-Mediterranju” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

EESC 2021/02760

ĠU C 140, 21.4.2023, p. 14–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

21.4.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 140/14


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “COVID-19: Ir-rwol tas-soċjetà ċivili fir-rikostruzzjoni u r-reżiljenza tar-reġjun Ewro-Mediterranju”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2023/C 140/03)

Relatur:

Angelo PAGLIARA

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

25.3.2021

Bażi legali

Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

 

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għar-Relazzjonijiet Esterni

Adozzjoni fis-sezzjoni

20.12.2022

Adozzjoni fil-plenarja

24.1.2023

Sessjoni plenarja Nru

575

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

183/0/5

1.   Introduzzjoni

1.1.

Il-kriżi pandemika laqtet lir-reġjun Ewro-Mediterranju b’mod qawwi, u aggravat il-problemi eżistenti u ħolqot sfidi ġodda li jiżdiedu ma’ dawk ta’ qabel. Il-konsegwenzi soċjoekonomiċi pproduċew riskju li jiżdiedu l-inugwaljanzi speċjalment f’dawk il-pajjiżi b’sistemi ekonomiċi u produttivi dgħajfa.

1.2.

Il-Kumitat ta’ monitoraġġ Euromed tal-KESE ddeċieda li jiffoka l-attenzjoni tiegħu fuq ir-rwol tas-soċjetà ċivili fir-rikostruzzjoni u r-reżiljenza fir-reġjun Ewro-Mediterranju.

1.3.

L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tar-reġjun Ewro-Mediterranju u l-kumitati ekonomiċi u soċjali ta’ diversi pajjiżi ġew involuti fl-abbozzar tar-rapport. Ġiet żviluppata kooperazzjoni partikolari u mill-qrib mal-Kunsill Ekonomiku, Soċjali u Ambjentali tal-Marokk li ospita b’mod konġunt is-Summit Ewro-Mediterranju 2021.

1.4.

Għalhekk, dan ir-rapport ta’ informazzjoni għandu valur miżjud importanti li ġej mill-involviment tas-soċjetà ċivili fuq iż-żewġ naħat tal-Mediterran.

1.5.

Dan ir-rapport jikkomplementa r-rapporti ta’ informazzjoni preċedenti dwar it-temi L-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali fir-reġjun Ewro-Mediterranju, Id-diġitalizzazzjoni u l-SMEs fir-Reġjun tal-Mediterran u Żvilupp sostenibbli fir-reġjun tal-Mediterran (1).

2.   Konklużjonijiet

2.1.

Is-soċjetà ċivili, fuq livell globali, irrispondiet immedjatament għall-pandemija billi kienet attiva fuq quddiem nett, u pprovdiet assistenza u għajnuna lill-popolazzjoni. Fiż-żona Ewro-Mediterranja wkoll, ir-rwol tas-soċjetà ċivili kien fundamentali biex jiġu mmitigati l-effetti negattivi tal-COVID-19.

2.2.

Fir-reġjun Ewro-Mediterranju, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili appoġġjaw l-azzjoni tal-gvernijiet billi pprovdew servizzi essenzjali u assistenza fil-kura tas-saħħa, qasmu tagħmir protettiv personali u kkontribwew għat-tixrid ta’ informazzjoni essenzjali, speċjalment f’żoni periferiċi. L-azzjoni tagħhom kienet ukoll ta’ importanza fundamentali biex timmitiga l-effetti tal-pandemija fuq l-aktar sezzjonijiet vulnerabbli tal-popolazzjoni, bħal nisa, żgħażagħ, immigranti u persuni b’diżabilità.

2.3.

L-attiviżmu tas-soċjetà ċivili għamilha possibbli li tissaħħaħ is-solidarjetà fir-reġjun Ewro-Mediterranju; ħafna organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-Viċinat tan-Nofsinhar kienu attivi billi ħolqu gruppi ta’ solidarjetà ċivika, esperimentaw b’metodoloġiji innovattivi u intensifikaw l-informazzjoni u l-attivitajiet ta’ koordinazzjoni tagħhom online.

2.4.

Il-KESE huwa konvint li rkupru ekonomiku u soċjali ġust u ekwu huwa possibbli biss permezz tal-involviment tal-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, is-settur privat u. speċjalment l-SMEs. L-irkupru taż-żona tal-Mediterran u l-iżvilupp ta’ mudelli soċjoekonomiċi sostenibbli u reżiljenti għandhom ikunu ispirati minn prinċipji bħar-rispett għall-istat tad-dritt, il-protezzjoni tal-valuri demokratiċi u d-drittijiet soċjali u tal-bniedem, l-implimentazzjoni tal-konvenzjonijiet ewlenin tal-ILO, u impenn komuni għat-tilħiq tal-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli u n-newtralità klimatika.

2.5.

Il-KESE jilqa’ l-adozzjoni tal-Aġenda ġdida għall-Mediterran u jenfasizza l-ħtieġa li l-miżuri kollha biex jiġi appoġġjat l-irkupru jaqdu l-għanijiet doppji tal-iżvilupp u t-titjib tal-kwalità tal-ħajja tal-popolazzjoni tar-reġjun.

2.6.

Fil-Mediterran illum huma kkonċentrati sensiela ta’ sfidi ta’ natura soċjali, politika, ambjentali, ġeopolitika u ta’ immigrazzjoni, li huma sfidi fundamentali mhux biss għall-Ewropa iżda għad-dinja kollha. Il-KESE jemmen li l-isfidi multidimensjonali dejjem jikbru taż-żona jistgħu jiġu indirizzati biss permezz ta’ multilateraliżmu mġedded u effettiv appoġġjat mill-Unjoni Ewropea.

2.7.

L-effetti tat-tibdil fil-klima qed jaffettwaw ukoll iż-żona tal-Mediterran permezz tal-proċess ta’ deżertifikazzjoni, l-iskarsezza tal-ilma u ż-żieda fit-temperaturi. Il-kriżi attwali enfasizzat il-ħtieġa li tissaħħaħ ir-reżiljenza komuni u jinfetħu inizjattivi ġodda ta’ kooperazzjoni fl-oqsma tal-ambjent u tad-diġitalizzazzjoni. Il-KESE jqis li huwa utli, anke bis-saħħa ta’ għarfien dejjem akbar tas-soċjetà ċivili u permezz ta’ parteċipazzjoni akbar tal-imsieħba soċjali, li inizjattivi bħal WestMED jiġu estiżi u msaħħa, bil-għan li jikkontribwixxu għat-tilħiq tal-objettivi dwar il-klima u l-ambjent permezz ta’ mudelli ta’ ekonomija blu mmirati lejn il-ħolqien tal-impjiegi u l-protezzjoni tal-ekosistema u d-diversità.

2.8.

Għaxar snin wara r-Rebbiegħa Għarbija, l-Unjoni Ewropea ġeddet l-istrateġija tagħha ta’ kooperazzjoni mal-viċinat tal-Mediterran. F’dan il-kuntest, il-KESE jqis li l-aġenda l-ġdida għall-Mediterran hija għodda fundamentali għall-irkupru soċjali u ekonomiku tar-reġjun wara l-kriżi tal-COVID-19. L-impenn imġedded għas-sħubija għandu jkun marbut mill-qrib mhux biss mal-isfidi ekonomiċi u soċjali, iżda wkoll mal-isfidi ambjentali, demografiċi u ta’ immigrazzjoni b’rispett sħiħ tal-progress u l-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni. Is-sitwazzjoni tas-sistemi tas-saħħa wriet li hija fraġli f’ħafna oqsma tar-reġjun, u l-kriżi pandemika tirrappreżenta test importanti li jista’ jaffettwa wkoll l-istabbiltà politika.

2.9.

Fil-programmi ta’ rkupru u rikostruzzjoni taż-żona tal-Mediterran, għandha tingħata importanza partikolari lil irkupru mgħaġġel tas-settur turistiku u speċjalment tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju li jimpjegaw iktar minn nofs l-impjegati fl-UE. Il-kontinwazzjoni tal-konsegwenzi tal-kriżi, inkluż il-qgħad strutturali – speċjalment fost iż-żgħażagħ u n-nisa – jista’ jkollha riperkussjonijiet soċjali serji.

2.10.

L-iżvilupp tal-kapital uman tal-forza tax-xogħol huwa partikolarment importanti għall-iżvilupp sostenibbli tal-imsieħba Mediterranji tal-UE. B’mod speċjali fis-settur tat-turiżmu, għandu jiġi promoss it-taħriġ tal-persunal. Barra minn hekk, il-KESE jinnota li ostaklu kbir huwa l-problema tal-“eżodu ta’ mħuħ” mill-pajjiżi msieħba tan-Nofsinhar lejn pajjiżi industrijalizzati żviluppati ħafna, b’mod partikolari għad-detriment tat-trasformazzjoni diġitali tal-ekonomiji tagħhom. L-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea għandhom għalhekk jiffaċilitaw il-permessi tax-xogħol għal żmien qasir u medju fl-UE kemm għall-ħaddiema li jaħdmu għal rashom kif ukoll għall-impjegati, speċjalment fis-settur tal-IT. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tappoġġja l-implimentazzjoni ta’ proġetti diġitali f’pajjiżi msieħba sabiex b’mod partikolari t-tekniċi tal-IT isibu opportunitajiet tajbin ta’ impjieg f’pajjiżhom.

2.11.

Sabiex issaħħaħ id-djalogu mal-Viċinat tan-Nofsinhar, l-UE se tuża l-għodod u l-programmi eżistenti ta’ kooperazzjoni. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jirrakkomanda l-aktar parteċipazzjoni wiesgħa tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, permezz ta’ djalogu soċjali u ċivili inklużiv fil-livelli kollha li jqis l-ispeċifiċitajiet u r-rwoli tad-diversi atturi involuti u li jivvaluta l-kontribut tagħhom fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politiki u l-miżuri meħtieġa biex jimmaniġġjaw l-impatt li qed jiġġeneraw it-trasformazzjonijiet u l-kriżijiet attwali, billi jibdew bl-effetti tat-tibdil fil-klima.

2.12.

Huwa stmat li ħafna pajjiżi fil-Viċinat tan-Nofsinhar se jesperjenzaw tnaqqis fil-PDG per capita u se jħabbtu wiċċhom ma’ sfidi kbar fl-indirizzar tar-riskji soċjali, ekonomiċi u tal-faqar li qegħdin dejjem jikbru. Għal din ir-raġuni, huma meħtieġa pjani ta’ rikostruzzjoni ekonomika u finanzjarja li fihom miżuri li jistgħu jindirizzaw ukoll il-problemi responsabbli għall-prekarjetà soċjali dejjem tikber.

2.13.

L-irkupru ekonomiku ta’ ħafna pajjiżi fil-viċinat tal-Mediterran huwa marbut mill-qrib mal-effettività ta’ kampanja adegwata ta’ tilqim, u għalhekk il-KESE jirrakkomanda t-tisħiħ tal-COVAX u l-appoġġ massimu loġistiku u ta’ provvista mill-istituzzjonijiet Ewropej, anke permezz ta’ ftehimiet bilaterali. Il-KESE jenfasizza li huwa partikolarment importanti li l-pajjiżi msieħba fin-Nofsinhar tal-Mediterran jiġu appoġġjati fl-istabbiliment ta’ faċilitajiet ta’ produzzjoni awtodeterminati għall-vaċċini u l-prodotti mediċi f’pajjiżhom. F’dan il-kuntest, huwa jtenni l-appell tiegħu biex jiġi diskuss b’mod serju l-ħruġ ta’ privattivi fuq vaċċini u prodotti mediċi sabiex jiġu miġġielda l-pandemiji.

2.14.

Il-KESE jemmen li, fil-kuntest tal-irkupru ta’ wara l-COVID-19, l-involviment attiv tas-soċjetà ċivili huwa parti mill-proċess biex jintlaħqu għanijiet bħat-titjib tal-kwalità tal-ħajja tal-popli u l-iżvilupp ta’ mudell ġdid ta’ żvilupp sostenibbli. Għalhekk jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej biex, fil-qafas tas-sħubija mal-Viċinat tan-Nofsinhar, ikomplu jsaħħu l-istrumenti kollha għall-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

2.15.

L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kienu minn ta’ quddiem nett fl-appoġġ tagħhom għar-rispons fil-qasam tas-saħħa u dak soċjali għall-pandemija, u l-attiviżmu tagħhom għamilha possibbli li jiġu mmitigati l-konsegwenzi soċjali u tas-saħħa fuq il-popolazzjoni. Madankollu, kif diġà enfasizzat mill-KESE, il-kapaċità tagħhom li jirrispondu għall-ħtiġijiet tas-soċjetà hija kkundizzjonata mill-fatt li r-riżorsi huma ta’ spiss limitati u soġġetti għal varjazzjonijiet. Il-KESE huwa konvint mill-ħtieġa li jissaħħu l-mekkaniżmi ta’ appoġġ għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili bil-għan ukoll li l-gruppi l-aktar vulnerabbli partikolarment affettwati mill-pandemija, bħaż-żgħażagħ, in-nisa, il-migranti u l-persuni b’diżabilità jkunu protetti aħjar.

2.16.

Il-KESE jappella għal aktar azzjoni mill-istituzzjonijiet Ewropej biex jappoġġjaw il-paċi, id-demokraziji u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fiż-żoni ta’ kunflitt tal-viċinat tal-Mediterran. Il-kundizzjonijiet tal-popli fiż-żoni ta’ kunflitt komplew imorru għall-agħar minħabba l-pandemija u huma meħtieġa inizjattivi qawwija biex jiġi żgurat pjan ta’ paċi komplet.

2.17.

Fid-dawl tal-probabbiltà ta’ rkupru diffiċli mill-kriżi pandemika, in-negozjati kummerċjali li għaddejjin bejn l-UE u l-Marokk u t-Tuneżija, kif ukoll in-negozjati li se jsiru mal-Ġordan, jassumu importanza akbar. L-UE għandha tikkunsidra aktar l-asimmetriji eżistenti u tilqa’ lill-imsieħba kummerċjali tagħha tan-Nofsinhar b’mod adegwat. Il-KESE jappella għal involviment akbar tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-imsieħba soċjali fil-proċessi ta’ negozjati u ankraġġ formali fit-Trattati sabiex huma jkunu jistgħu jikkontribwixxu b’mod pożittiv għar-relazzjonijiet kummerċjali bejn il-pajjiżi msieħba, b’mod partikolari biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-kapitoli obbligatorji dwar is-sostenibbiltà tal-ftehimiet kummerċjali li jmiss.

2.18.

Barra minn hekk, il-KESE jissuġġerixxi li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali jingħataw ir-responsabbiltà mhux biss għall-kapitoli dwar is-sostenibbiltà iżda wkoll għall-ambitu kollu tal-ftehimiet kummerċjali u ta’ investiment bħala parti mill-involviment tagħhom strutturat b’mod formali.

2.19.

Il-KESE jtenni l-fehma tiegħu li l-UE għandha timmira parti mill-fondi tagħha għall-għajnuna għall-kummerċ biex tappoġġja l-parteċipazzjoni u l-bini tal-kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fi sforzi ta’ kummerċ u investiment sostenibbli.

2.20.

Il-KESE fil-passat kien diġà rrakkomanda t-tisħiħ tal-ħiliet diġitali fuq iż-żewġ naħat tal-Mediterran. Wara l-adozzjoni tal-istrateġija l-ġdida għall-Mediterran u fid-dawl tar-rikostruzzjoni ta’ wara l-pandemija, il-KESE jfakkar fil-ħtieġa li jissaħħu l-investimenti fl-infrastrutturi diġitali u l-appoġġ għat-trasformazzjoni diġitali tal-SMEs bħala xpruni għall-impjieg u l-iżvilupp soċjali, inkluż permezz tal-involviment tal-imsieħba soċjali, u b’hekk jiġi rikonoxxut il-potenzjal ta’ negozjar kollettiv u djalogu soċjali fid-diversi livelli.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-kriżi pandemika aggravat il-kwistjonijiet kritiċi tal-viċinat tal-Mediterran; 25 sena wara d-dikjarazzjoni ta’ Barċellona u 10 snin wara r-Rebbiegħa Għarbija, l-isfidi tal-Mediterran jibqgħu enormi. L-Unjoni Ewropea u l-imsieħba tagħha fir-reġjun tal-Mediterran dan l-aħħar iddeċidew li jerġgħu jniedu u jsaħħu l-kooperazzjoni permezz ta’ Aġenda għall-Mediterran ġdida u ambizzjuża.

3.2.

Din hija bbażata fuq it-twemmin li l-uniku mezz biex l-isfidi strateġiċi tal-ġejjieni jkunu jistgħu jiġu indirizzati b’suċċess u f’interess reċiproku huwa jekk jaħdmu flimkien u fi spirtu ta’ sħubija. L-Aġenda tinkludi pjan apposta ta’ investimenti ekonomiċi biex jitrawwem l-irkupru soċjoekonomiku tal-Viċinat tal-Mediterran fil-perjodu 2021-2027. L-għan komuni, kif iddikjarat mir-Rappreżentant Għoli Josep Borrell, huwa li jinbena Viċinat tan-Nofsinhar paċifiku, sikur, aktar demokratiku, aktar favur l-ambjent, prosperu u inklużiv.

3.3.

Fi studju reċenti ppubblikat minn Med Dialogue for Rights and Equality, bit-titolu Bridging the Sea (2), ħareġ li kważi 63 % tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li joperaw fil-Viċinat tan-Nofsinhar huma kkonċernati bi kwistjonijiet bħall-konsolidazzjoni tad-demokrazija u d-drittijiet, filwaqt li aktar minn 53 % huma kkonċernati, fost affarijiet oħra, bil-ġlieda kontra l-inugwaljanzi soċjoekonomiċi. L-importanza tas-sensittività u l-attenzjoni tagħhom għal kwistjonijiet ekoloġiċi u ambjentali qiegħda dejjem tikber. Din id-data tikkonferma l-preżenza ta’ bażi sodi u l-ħtieġa li jissaħħaħ l-appoġġ għas-soċjetà ċivili biex tiffaċċja aħjar l-isfidi tal-futur.

3.4.

Is-soċjetà ċivili fil-pajjiżi tal-Viċinat tan-Nofsinhar saħħet il-preżenza tagħha matul l-aħħar għoxrin sena. Permezz tal-approċċ attiv tagħha kien possibbli li l-konsegwenzi soċjali u tas-saħħa fuq il-popolazzjoni jiġu mmitigati, iżda fl-istess ħin dan enfasizza l-ħtieġa ta’ azzjoni sabiex il-ħiliet u l-kompetenzi tas-soċjetà ċivili jaħdmu aħjar.

3.5.

Iż-żona tal-Mediterran, bħall-bqija tad-dinja, sofriet xokk ekonomiku u soċjali qawwi wara l-pandemija tal-COVID-19. Il-konsegwenzi soċjali u tas-saħħa ġew aċċentwati min-nuqqas ta’ infrastrutturi tas-saħħa pubblika adegwati, speċjalment fl-aktar pajjiżi fraġli. Il-kriżi pandemika żiedet mal-kriżijiet li diġà jeżistu f’diversi pajjiżi, minħabba sensiela ta’ fatturi bħall-prestazzjoni diġà prekarja fil-qasam ekonomiku u soċjali, il-livelli għoljin ta’ qgħad u l-konsegwenzi ta’ kunflitti f’ċerti żoni bħal-Libja u s-Sirja.

3.6.

Il-gvernijiet fir-reġjun tal-Mediterran, għalkemm b’differenzi sostanzjali, irreaġixxew minnufih biex irażżnu l-firxa tal-pandemija billi implimentaw miżuri ħalli jappoġġjaw lill-ħaddiema u n-negozji, b’kollaborazzjoni wkoll mal-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, għalkemm ta’ spiss irriżulta li l-involviment tagħhom kien insuffiċjenti u f’xi każijiet assenti. Sabiex jitrażżnu l-effetti tal-pandemija, kważi l-pajjiżi kollha fiż-żona tal-Mediterran adottaw miżuri ta’ lockdown, bħal fil-Marokk, l-Eġittu, il-Ġordan u l-Libanu, kif ukoll curfews u restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar.

3.7.

Wara l-kriżi pandemika, bosta gvernijiet fiż-żona implimentaw politiki ta’ espansjoni sabiex jindirizzaw il-kriżi ekonomika u jappoġġjaw setturi speċifiċi billi jinkoraġġixxu l-produzzjoni, jintroduċu benefiċċji tat-taxxa u ekonomiċi u miżuri bil-għan li jiġi attirat l-investiment

3.8.

Il-pandemija kellha konsegwenzi ekonomiċi negattivi fir-reġjun tal-Mediterran, mhux biss minħabba fatturi bħat-tnaqqis fid-domanda interna u esterna u t-tnaqqis fil-konsum, iżda wkoll minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja u d-dejn pubbliku li sejrin għall-agħar. Mill-bidu tal-kriżi pandemika ’l hawn, il-gvernijiet fir-reġjun bdew jallokaw riżorsi addizzjonali għas-sistemi tas-saħħa u tal-ekonomija sabiex jappoġġjaw ċerti setturi. Għal din ir-raġuni, id-defiċit pubbliku ta’ kważi l-pajjiżi kollha tar-reġjun tal-Mediterran se jiżdied b’mod konsiderevoli.

3.9.

Is-settur tat-trasport intlaqat ħażin mill-miżuri restrittivi li impedixxew jew naqqsu l-ivvjaġġar internazzjonali, u konsegwentement it-turiżmu kien wieħed mis-setturi l-aktar milquta mill-kriżi pandemika. L-OECD stmat li s-settur ra tnaqqis ta’ bejn 45 % u 70 %, u tnaqqis fit-turiżmu internazzjonali ta’ bejn 60 % u 80 % (3). It-turiżmu huwa wieħed mis-setturi ekonomiċi ewlenin għall-pajjiżi taż-żona tal-Mediterran u, skont il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (UNCTAD), l-Eġittu u l-Marokk se jkunu fost il-pajjiżi l-aktar milquta fid-dinja (4).

3.10.

L-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju u l-ħaddiema li jaħdmu għal rashom huma wieħed mill-komponenti importanti tal-ekonomija tal-pajjiżi tax-xatt tan-Nofsinhar. Dawn raw tnaqqis konsiderevoli fil-fatturat tagħhom, u ħafna minnhom kellhom inaqqsu n-numru ta’ impjegati. F’dan ir-rigward, se jkun meħtieġ li jiġu introdotti miżuri strutturali li jistgħu jgħinu lill-SMEs biex joħorġu mill-kriżi, jikbru u jinnovaw billi jiffaċċjaw l-isfida doppja tad-diġitalizzazzjoni u d-dekarbonizzazzjoni.

3.11.

Il-kriżi pandemika fir-reġjun tal-Mediterran affettwat il-gruppi soċjali kollha iżda, b’mod partikolari, l-aktar affettwati kienu: iż-żgħażagħ, minħabba d-deterjorazzjoni tas-suq tax-xogħol u l-miżuri ta’ għeluq li affettwaw l-iskejjel u l-universitajiet; in-nisa, impjegati, f’xi żoni bħall-Viċinat tan-Nofsinhar, l-aktar fl-ekonomija informali, fl-agrikoltura u fis-settur tat-turiżmu li kien affettwat severament mill-miżuri ta’ konteniment; kategoriji vulnerabbli bħal ħaddiema informali u refuġjati li ħafna drabi ma kinux fil-mira tal-miżuri ta’ protezzjoni soċjali, u persuni b’diżabilità minħabba li s-servizzi ta’ spiss kienu insuffiċjenti.

3.12.

F’xi żoni tal-Viċinat tan-Nofsinhar, fatturi bħall-iskarsezza tal-ilma u ftit li xejn aċċess għas-sanità aċċentwaw l-impatt tal-pandemija, speċjalment fl-aktar strati soċjalment iżolati, fiż-żoni ta’ kunflitt u l-kampijiet tar-refuġjati.

4.   Sfidi u opportunitajiet

4.1.

Kif enfasizzat mis-Segretarju Ġenerali tal-Unjoni għall-Mediterran (5), il-kriżi attwali tas-saħħa qed tipperikola l-progress soċjoekonomiku taż-żona miksub f’dawn l-aħħar snin. Il-kriżi, madankollu, tirrappreżenta opportunità biex tissaħħaħ l-integrazzjoni u biex l-ekonomiji jsiru aktar reżiljenti.

4.2.

Ir-rwol tas-soċjetà ċivili fir-reġjun Ewro-Mediterranju huwa ta’ importanza fundamentali fil-bini ta’ soċjetà aktar ġusta u inklużiva wara l-pandemija; bl-istess mod, kif ġie enfasizzat fis-Summit Soċjali ta’ Porto (6), l-involviment attiv tal-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huwa kruċjali biex jiġi żgurat li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura u għall-implimentazzjoni effettiva tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

4.3.

Il-COVID-19 u miżuri relatati jpoġġu s-sostenibbiltà tas-soċjetà ċivili f’riskju. Il-gvernijiet u ħafna donaturi ssospendew l-għotjiet u ffriżaw il-finanzjament, u dderiġew mill-ġdid il-fondi lejn l-isforzi ta’ għajnuna minħabba l-COVID-19. Ir-riżultat qed jhedded is-sostenibbiltà diġà fraġili tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-possibbiltà li jkomplu jaqdu lill-komunitajiet, u l-impjiegi ta’ ħafna ħaddiema tas-soċjetà ċivili, għalkemm hemm aspettattivi kbar għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Il-KESE jenfasizza li l-għotjiet għas-sostenibbiltà organizzattiva u l-finanzjament ta’ appoġġ ewlieni huma kruċjali għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jadattaw għal sitwazzjonijiet li jinbidlu malajr u biex ikomplu joperaw waqt kriżi.

4.4.

Il-KESE enfasizza li l-Mediterran huwa waħda mill-aktar żoni fid-dinja vulnerabbli għall-impatti tat-tibdil fil-klima. Il-COVID-19 affettwat is-sitwazzjoni soċjali u l-iżvilupp b’mod negattiv, u żiedet l-urġenza li jiġu adottati strateġiji għal żvilupp sostenibbli u l-ekonomija ekoloġika.

4.5.

L-adozzjoni ta’ pjani ta’ rkupru fiż-żona tal-Mediterran tirrappreżenta opportunità potenzjali biex jiġi ggarantit l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali tar-reġjun. Huwa essenzjali li l-opportunitajiet ta’ żvilupp jintrabtu mar-rispett għal prinċipji bħas-solidarjetà, il-ġlieda kontra l-inugwaljanzi, il-protezzjoni u r-rispett għall-istat tad-dritt. L-involviment attiv tas-soċjetà ċivili huwa essenzjali biex jintlaħqu l-għanijiet kollha.

4.6.

Fil-pajjiżi tal-Viċinat tan-Nofsinhar, il-pjani futuri ta’ rikostruzzjoni ta’ wara l-COVID-19, flimkien mat-tkabbir ekonomiku, għandu jkollhom rilevanza primarja f’azzjonijiet li għandhom l-għan li jnaqqsu l-problemi ambjentali marbuta mat-tibdil fil-klima, l-iskarsezza tal-ilma, id-deżertifikazzjoni u t-tniġġis. Il-miżuri għall-konservazzjoni u protezzjoni ambjentali jista’ jkollhom impatt pożittiv fir-reġjun tal-Mediterran billi jiddiversifikaw l-ekonomija u joħolqu impjiegi ta’ kwalità tajba. F’dan il-kuntest, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-potenzjal għoli ħafna tal-enerġiji rinnovabbli (speċjalment l-enerġija mix-xemx u mir-riħ) fil-pajjiżi msieħba tan-Nofsinhar u jistieden lill-UE u lill-pajjiżi membri tagħha biex jinsistu għal investimenti komuni li jkunu aktar sostenibbli f’dan il-qasam.

4.7.

Il-KESE diġà enfasizza l-ħtieġa li tiġi promossa tranżizzjoni ġusta fiż-żona tal-Mediterran sabiex ikun hemm ukoll benefiċċji f’termini tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-ġeneru. Sabiex jiġi ggarantit irkupru li huwa tassew orjentat lejn il-prinċipji tat-tranżizzjoni u d-diġitalizzazzjoni, se jkun ta’ importanza fundamentali li jiġu promossi l-għarfien u l-iżvilupp ta’ attitudnijiet intraprenditorjali partikolari u l-ħiliet diġitali. Il-KESE jappoġġja s-sejħa tal-pajjiżi msieħba tan-Nofsinhar tiegħu għal impenn aktar b’saħħtu tal-UE u l-Istati Membri tagħha fil-qasam tar-riċerka u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp fil-Mediterran.

4.8.

L-irkupru tal-Viċinat tan-Nofsinhar, f’kuntest ikkaratterizzat minn perċentwal importanti ta’ impjieg fl-ekonomija informali, huwa wkoll marbut mill-qrib mal-iżvilupp ta’ mudell effettiv ta’ taħriġ vokazzjonali u edukazzjoni. Il-KESE jtenni l-ħtieġa li jissaħħu l-ħiliet professjonali, speċjalment dawk taż-żgħażagħ u n-nisa, sabiex ikunu jistgħu jintużaw f’ambjenti nazzjonali u transnazzjonali, bħala parti minn approċċ ta’ “moħħ ċirkolari”. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom ukoll rwol importanti fit-tisħiħ tal-ħiliet permezz tal-edukazzjoni mhux formali, l-organizzazzjoni ta’ sessjonijiet ta’ ħidma u taħriġ u permezz tal-promozzjoni tal-ekonomija soċjali. Il-Kumitat jenfasizza wkoll il-ħtieġa li, kif diġà ġie enfasizzat fid-djalogu reġjonali tal-UgħM mal-imsieħba soċjali, fost l-oħrajn, jiġu involuti l-imsieħba soċjali, bil-għan li jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ qbil bejn il-provvista u d-domanda fis-suq tax-xogħol.

Brussell, l-24 ta’ Jannar 2023.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Dan ir-rapport ta’ informazzjoni huwa kkomplementat ukoll minn Opinjonijiet reċenti tal-KESE dwar dan is-suġġett, b’mod partikolari: Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Faċilità għall-Irkupru u għar-Reżiljenza” (COM(2020) 408 final — 2020/0104 (COD)) — “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Strument ta’ Appoġġ Tekniku” (COM(2020) 409 final — 2020/0103 (COD)) (ĠU C 364, 28.10.2020, p. 132); ECO/515 Regolament dwar Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali); Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Emerġenza wara l-COVID-19: it-tfassil ta’ Matriċi Multilaterali Ġdida” (opinjoni fuq inizjattiva proprja), (ĠU C 364, 28.10.2020, p. 53).

(2)  https://meddialogue.eu/wp-content/uploads/2021/02/Publication-Bridging-the-sea.pdf

(3)  https://read.oecd-ilibrary.org/view/?ref=124_124984-7uf8nm95se&title=Covid-19_Tourism_Policy_Responses&_ga=2.143901749.1647750476.1622806508-1692148678.1622806341

(4)  https://unctad.org/system/files/official-document/ditcinf2020d3_en.pdf

(5)  Il-ministri għall-Affarijiet Barranin tal-UgħM stabbilixxew oqsma ta’ prijorità għal kooperazzjoni u integrazzjoni aktar b’saħħithom fir-reġjun Ewro-Mediterranju – Unjoni għall-Mediterran – UgħM (ufmsecretariat.org)

(6)  https://www.2021portugal.eu/en/porto-social-summit/porto-social-commitment/


Top