Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021DC0814

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar it-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-kriminalità ambjentali

    COM/2021/814 final

    Brussell, 15.12.2021

    COM(2021) 814 final

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    dwar it-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-kriminalità ambjentali




    1.INTRODUZZJONI

    Is-suċċess tal-Patt Ekoloġiku Ewropew jiddependi ħafna mir-regoli mmirati lejn it-trażżin tat-tniġġis, il-ġestjoni tal-iskart u s-salvagwardja tal-bijodiversità. Il-kriminalità ambjentali ddgħajjef serjament dawn l-għanijiet u jridu jiżdiedu l-isforzi sabiex din tiġi miġġielda.

    Il-kriminalità ambjentali hija suġġett ta’ tħassib dejjem jikber u qiegħda tikkawża ħsara sinifikanti lill-ambjent u lis-saħħa tal-bniedem fl-UE u lil hinn minnha, u lill-ekonomija. Skont l-Interpol u l-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent, il-kriminalità ambjentali hija r-raba’ attività kriminali fost l-ikbar fid-dinja wara t-traffikar tad-droga, it-traffikar tal-bnedmin, u l-falsifikazzjoni, u qiegħda tikber b’rata ta’ bejn 5 % u 7 % fis-sena 1 . Skont il-Eurojust, it-traffikar illegali tal-iskart u tal-ispeċijiet ta’ organiżmi selvaġġi, ir-reati tat-tniġġis, u l-kummerċ illegali ta’ sustanzi perikolużi huma mill-aktar reati ambjentali serji 2 . Studji riċenti 3 jistmaw li d-dħul annwali dderivat biss mis-suq illeċitu tal-iskart fl-UE, ivarja bejn EUR 4 u EUR 15-il biljun.

    It-trasgressjonijiet li jridu jiġu indirizzati mil-liġi kriminali jinkludu: it-tniġġis illegali serju tal-arja, tal-ilma u tal-ħamrija; il-ġestjoni ħażina tal-iskart; il-kummerċ illegali ta’ organiżmi selvaġġi; l-estrazzjoni illegali tal-minerali; il-persekuzzjoni illegali ta’ annimali u għasafar selvaġġi; u t-tneħħija tal-veġetazzjoni f’siti fejn jgħixu annimali selvaġġi. Dawn kollha jnaqqsu l-kwalità tal-arja u tal-ilma, jikkontaminaw l-art, jagħmlu ħsara lill-ispeċijiet selvaġġi u jagħmlu ħsara jew jeqirdu ħabitats naturali prezzjużi. L-individwi u s-soċjetà kollha kemm hi jbatu mill-effetti tad-degradazzjoni ambjentali, u din tagħmel ukoll il-ħsara għas-saħħa. L-ekonomija ċirkolari hija affettwata b’mod negattiv, il-kompetizzjoni ġusta tiddgħajjef u d-dħul tal-gvernijiet jitnaqqas. Minbarra l-ġenerazzjonijiet attwali, il-vittmi huma wkoll il-ġenerazzjonijiet tal-futur.

    Minkejja l-ħsara li jikkawżaw it-trasgressuri, ir-riskju li jinkixfu ħafna drabi huwa baxx, u r-riskju li jitħarrku u li jirċievu l-pieni huma saħansitra aktar baxxi, filwaqt li huma jibbenefikaw finanzjarjament mill-evitar tas-salvagwardji ambjentali. Din is-sitwazzjoni hija parti mir-raġuni tal-involviment tal-kriminalità organizzata. F’Mejju tal-2017, bħala parti miċ-ċiklu kontinwu ta’ politika tal-UE li tiġi indirizzata l-kriminalità serja u organizzata, il-Kunsill inkluda l-ġlieda kontra l-kriminalità ambjentali bħala waħda mill-prijoritajiet għall-ġlieda kontra l-kriminalità għal bejn l-2018 u l-2021. Fl-2021, din il-prijorità ġġeddet għall-2022 sal-2025 4 .

    Il-ġlieda kontra l-kriminalità ambjentali hija aspett ta’ dak li n-Nazzjonijiet Uniti ssejjaħ “l-istat tad-dritt ambjentali” 5 . Dan jiddeskrivi sitwazzjoni li fiha l-liġijiet jinftiehmu, jiġu rispettati u infurzati b’mod ġenerali u l-benefiċċji tal-protezzjoni ambjentali jitgawdew min-nies u mill-pjaneta. Sa mill-adozzjoni tad-Direttiva dwar il-Kriminalità Ambjentali 6 fl-2008, il-fehim tal-isfidi u tal-aħjar mezzi biex tiġi miġġielda l-kriminalità ambjentali żdied ħafna. Fl-2019, wara sensiela ta’ evalwazzjonijiet reċiproċi tal-implimentazzjoni u l-operat prattiċi tal-politiki Ewropej dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità ambjentali, il-Kunsill ipproduċa rapport b’serje ta’ rakkomandazzjonijiet, li jkopri (fost affarijiet oħra) l-adozzjoni ta’ strateġiji nazzjonali, il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-aġenziji, it-taħriġ u l-istatistika 7 .

    Sabiex il-kriminalità ambjentali tiġi indirizzata b’mod effettiv, jeħtieġ li l-qafas ġuridiku jwieġeb għall-isfidi attwali u jipprovdi bażi ġuridika soda sabiex dawn jiġu indirizzati. Mhux se jkun hemm titjib fit-tul fl-indirizzar tat-trasgressjonijiet jekk l-istat ma jpoġġix il-ġlieda kontra l-kriminalità ambjentali fuq quddiem nett fl-aġenda tal-infurzar, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell transfruntier madwar l-UE. Meta l-probabbiltà li jiġu ffaċċjati sanzjonijiet kriminali tkun żgħira, it-trasgressur ma jiġix skoraġġut mir-reat ambjentali, anke jekk il-qafas leġiżlattiv jittejjeb. 

    Huwa f’dan l-isfond li l-Kummissjoni qiegħda tistieden kemm lill-koleġiżlaturi tal-UE kif ukoll lill-Istati Membri jagħtu prijorità lill-miżuri mmirati lejn it-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-kriminalità ambjentali.

    2. IT-TISĦIĦ TAL-QAFAS LEGALI TAL-UE 

    L-adozzjoni tad-Direttiva dwar il-Kriminalità Ambjentali fl-2008 kienet pass importanti fir-rikonoxximent tar-rwol tal-liġi kriminali fil-protezzjoni tal-ambjent b’mod effettiv. Dik id-Direttiva żgurat li sett ta’ reati ambjentali serji miftiehma b’mod komuni jitqies bħala reat fl-Istati Membri kollha tal-UE. 

    Madankollu, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-2020 8 turi li d-Direttiva attwali dwar il-Kriminalità Ambjentali għandha limitazzjonijiet u nuqqasijiet sinifikanti. Id-Direttiva ma ġietx aġġornata bi qbil mal-iżvilupp tal-liġi ambjentali tal-UE, u ma tweġibx għall-isfidi attwali. Pereżempju, ma tkoprix kategoriji ta’ reati bħall-kummerċ illegali tal-injam jew ir-riċiklaġġ illegali tal-bastimenti. F’termini tal-effetti prattiċi tagħha, id-Direttiva tirrikjedi, b’mod pjuttost ġenerali, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tinkludi dispożizzjonijiet dwar sanzjonijiet kriminali; ma tkoprix il-livelli u t-tipi ta’ sanzjonijiet, u lanqas kwistjonijiet relatati mal-identifikazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati ambjentali. Barra minn hekk, hemm bżonn li tittejjeb iċ-ċarezza dwar id-definizzjonijiet ta’ reati ambjentali u kunċetti ewlenin użati fid-Direttiva, bħal “ħsara sostanzjali”.

    L-evalwazzjoni turi wkoll li l-livelli tas-sanzjonijiet ivarjaw ħafna fost l-Istati Membri, u jidher li l-applikazzjoni tagħhom fil-prattika ma hijiex dissważiva. Ma kien hemm l-ebda titjib ċar tal-kooperazzjoni transfruntiera minn meta daħlet fis-seħħ id-Direttiva. 

    Il-parir mill-prattikanti li jaħdmu fuq il-post jissuġġerixxi li, sabiex il-ġlieda kontra l-kriminalità ambjentali tkun effettiva, jeħtieġ li:

    ·ir-reati ambjentali jiġu ttrattati bħala parti minn fenomenu aktar ġenerali ta’ ksur ambjentali, u li jintużaw kemm il-liġi amministrattiva kif ukoll il-liġi kriminali;

    ·jiġu żgurati l-prevenzjoni u l-identifikazzjoni tar-reati ambjentali kif ukoll il-pieni u r-rimedju tad-danni;

    ·jiġu involuti diversi settijiet ta’ ħiliet, dixxiplini u speċjalizzazzjonijiet;

    ·jiġi żgurat livell għoli ta’ koordinazzjoni u ta’ kooperazzjoni bejn il-prattikanti;

    ·jiġi żgurat il-ġbir u l-użu effettiv tad-data; u

    ·jiġu allokati biżżejjed riżorsi umani u finanzjarji.

    Sabiex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet attwali tad-Direttiva, jitqiesu l-iżviluppi u x-xejriet ġodda fil-kriminalità ambjentali, u jiġu appoġġati talbiet ewlenin mill-prattikanti, il-Kummissjoni tipproponi li d-Direttiva l-ġdida dwar il-Kriminalità Ambjentali: 

    ·Taġġorna u tirfina l-lista ta’ reati kriminali. Il-lista ta’ reati kriminali koperti mid-Direttiva attwali se tiġi aġġornata u se jiżdiedu reati ġodda sabiex jirriflettu l-istat attwali tal-liġi ambjentali tal-UE u sabiex jiġu indirizzati aħjar l-aktar attivitajiet illegali dannużi. Ir-reviżjoni se żżid iċ-ċertezza legali billi tipprovdi deskrizzjonijiet speċifiċi u ċari ta’ reati kriminali. Ir-reati kriminali koperti mill-proposta jirrappreżentaw ksur serju tal-obbligi fil-leġiżlazzjoni settorjali kif inhi fid-data ta’ din il-proposta 9 . Il-Kummissjoni tkompli tressaq proposti leġiżlattivi skont il-Patt Ekoloġiku Ewropew. Eżempji jinkludu proposti dwar il-minimizzazzjoni tar-riskju tad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti assoċjati ma’ prodotti mqiegħda fis-suq tal-UE 10 , u proposta li ġejja dwar il-liġi dwar ir-restawr tan-natura. Il-Kummissjoni tistieden lill-koleġiżlaturi jikkunsidraw li jestendu iżjed il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kriminalità Ambjentali f’konformità ma’ tali leġiżlazzjoni ġdida imminenti. B’hekk ikun żgurat li l-aktar reati serji koperti mil-leġiżlazzjoni l-ġdida jkunu riflessi wkoll f’Direttiva dwar il-Kriminalità Ambjentali li qiegħda tevolvi.

    Il-kategoriji l-ġodda ta’ reati proposti fid-Direttiva l-ġdida dwar il-Kriminalità Ambjentali jinkludu:

    ·il-kummerċ illegali tal-injam;

    ·ir-riċiklaġġ illegali tal-bastimenti;

    ·l-astrazzjoni illegali tal-ilma li tikkawża ħsara sostanzjali lir-riżorsi tal-ilma;

    ·il-ksur serju tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi, li jagħmel dannu sostanzjali għall-ambjent jew għas-saħħa tal-bniedem;

    ·it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li, bi ksur tar-rekwiżiti obbligatorji, jikkawżaw ħsara sostanzjali lill-ambjent jew lis-saħħa tal-persuni minħabba l-użu tal-prodott fuq skala kbira;

    ·l-iskariku mis-sors ta’ sustanzi niġġiesa mill-bastimenti;

    ·il-ksur serju tal-leġiżlazzjoni dwar speċijiet aljeni invażivi li huma ta’ tħassib għall-Unjoni;

    ·iċ-ċirkomvenzjoni serja tar-rekwiżiti li jinkiseb kunsens għall-iżvilupp u li ssir valutazzjoni tal-impatt ambjentali, li tikkawża ħsara sostanzjali;

    ·il-ksur serju relatat mat-trattament ta’ gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra.

    ·It-tisħiħ tad-dispożizzjonijiet dwar sanzjonijiet kriminali. Id-dispożizzjonijiet proposti dwar l-approssimazzjoni tat-tipi u tal-livelli ta’ sanzjonijiet se jtejbu l-effett deterrenti tagħhom, u se jgħinu biex tiġi żgurata applikazzjoni aktar konsistenti madwar l-UE, filwaqt li jipprovdu kundizzjonijiet ekwi għan-negozji. Qegħdin jiġu proposti sanzjonijiet u miżuri anċillari sabiex jiġi żgurat li l-imħallfin u l-prosekuturi nazzjonali jkollhom sett ta’ għodod li jippermetti li s-sanzjonijiet jiġu imposti skont il-każ. Id-dispożizzjonijiet dwar iċ-ċirkostanzi aggravanti se jiżguraw sanzjonar aktar effettiv, anki billi jitqiesu r-rabtiet mal-kriminalità organizzata, l-istorja tal-konformità tal-awturi, u l-imblukkar tal-attivitajiet ta’ spezzjoni u infurzar. 

    ·Ir-rikonoxximent u t-tisħiħ tal-katina tal-infurzar. L-infurzar effettiv tal-liġi kriminali jiddependi mill-kapaċitajiet, il-ħiliet u l-prestazzjoni ta’ kull ħolqa f’katina li tgħaqqad ir-rwoli tal-ispettorati ambjentali, tal-pulizija u ta’ aġenziji oħrajn tal-infurzar tal-liġi, tas-servizzi ta’ prosekuzzjoni u tal-ġudikatura. Il-proposta tipprevedi l-adozzjoni ta’ strateġiji nazzjonali bil-prijorità komuni li jiġu mmobilizzati l-isforzi għall-ġlieda kontra l-kriminalità ambjentali bl-aktar mod effettiv. Sabiex issaħħaħ il-katina tal-infurzar, il-proposta għandha l-għan li tiżgura d-disponibbiltà ta’ taħriġ speċjalizzat xieraq, ta’ għodod ta’ investigazzjoni effettivi, u ta’ mekkaniżmi għall-kooperazzjoni fost l-infurzaturi fi Stat Membru. Dawn il-miżuri jippermettu sforzi aktar effettivi u komparabbli biex tiġi indirizzata l-kriminalità ambjentali madwar l-UE. Il-proposta tirrikonoxxi wkoll ir-rwol tan-networks Ewropej tal-infurzaturi.

    ·Ir-rikonoxximent u t-tisħiħ tar-rwol taċ-ċittadini u tas-soċjetà ċivili. Il-ġlieda effettiva kontra l-kriminalità ambjentali teħtieġ ukoll il-mobilizzazzjoni taċ-ċittadini u tas-soċjetà ċivili kif ukoll l-iżgurar tal-fiduċja pubblika fis-sistemi nazzjonali ta’ infurzar. Jenħtieġ li kull min jinforma u jirrapporta r-reati kriminali ambjentali 11 , kif ukoll dawk kollha li jikkooperaw fil-proċessi kriminali jkunu protetti u appoġġati. Il-pubbliku kkonċernat għandu jkun jista’ jieħu sehem fil-proċessi kriminali, skont ir-regoli proċedurali nazzjonali, pereżempju fir-rwol ta’ parti ċivili. 

    Il-kriminalità ambjentali hija fenomenu kumpless u l-indirizzar effettiv tagħha jeħtieġ approċċ strateġiku olistiku f’livelli differenti. Għalhekk huwa partikolarment importanti li tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-liġi kriminali ambjentali fl-Istati Membri.

    3.L-IŻGURAR TAL-IMPLIMENTAZZJONI EFFETTIVA TAL-LIĠI KRIMINALI AMBJENTALI FL-ISTATI MEMBRI

    Qafas leġiżlattiv b’saħħtu u ċar tal-liġi kriminali huwa neċessarju iżda mhux biżżejjed għas-suċċess. Huma meħtieġa wkoll sistemi effettivi ta’ infurzar tal-liġi. Il-proposta tistabbilixxi standards minimi għall-infurzar kriminali rigward reati ambjentali, bħal għodod ta’ investigazzjoni, riżorsi u kooperazzjoni. Il-Kummissjoni tista’ tikkontribwixxi wkoll għal dan l-għan b’diversi modi oħrajn. 

    Koerenza ma’ programmi usa’ ta’ assigurazzjoni tal-konformità ambjentali u dispożizzjonijiet dwar sanzjonijiet fil-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE

    L-użu tal-liġi kriminali fl-aħħar mill-aħħar jikkonċerna objettiv usa’: l-iżgurar ta’ konformità ġenerali mal-liġijiet ambjentali tal-UE. Fl-2018, il-Kummissjoni ppreżentat dan l-objettiv f’termini ta’ “assigurazzjoni tal-konformità ambjentali” 12 . Din tfisser il-kombinazzjoni ta’ miżuri li l-awtoritajiet kompetenti jużaw sabiex jiżguraw il-konformità. Tinkludi l-promozzjoni tal-konformità, il-prevenzjoni tal-ksur, il-verifika tal-konformità, l-iskoperta tal-ksur u l-użu ta’ miżuri amministrattivi u ta’ miżuri tal-infurzar tal-liġi kriminali. 

    Kif ġie nnotat, il-prattikanti jenfasizzaw l-importanza tal-użu ta’ miżuri tal-liġi kriminali li huma koerenti ma’ assigurazzjoni aktar wiesgħa tal-konformità u ma’ rabtiet mal-infurzar amministrattiv. Il-ksur kollu tad-dritt tal-UE jirrikjedi s-sanzjonijiet 13 , mhux biss il-ksur li jiġġustifika s-sanzjonijiet kontra l-ksur tal-liġi kriminali – u huwa għalhekk li l-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni jinkludu dispożizzjonijiet dwar is-sanzjonijiet 14 . Biex jiġi ddeterminat liema tip ta’ sanzjonijiet huma xierqa f’ċirkostanzi speċifiċi tenħtieġ il-possibbiltà li jsiru għażliet każ b’każ. Xi drabi d-deċiżjoni tkun li jiġi mħarrek reat ambjentali; xi drabi jkun li jintużaw sanzjonijiet amministrattivi. Jista’ jkun meħtieġ li jiġu applikati kemm miżuri tal-liġi amministrattiva kif ukoll tal-liġi kriminali – bħal f’sitwazzjonijiet fejn attività li tikkostitwixxi mġiba ħażina kriminali twassal ukoll għal responsabbiltà li jiġi rrimedjat dannu ambjentali, sakemm dawn il-miżuri ma jirriżultawx f’penali doppja. 

    Il-Kummissjoni se tikkontribwixxi sabiex tiżgura l-koerenza permezz ta’:

    ·enfasi aktar dettaljata fuq id-dispożizzjonijiet dwar is-sanzjonijiet fil-leġiżlazzjoni settorjali tal-UE, kemm fiż-żmien meta jiġu fformulati kif ukoll fit-traspożizzjoni tagħhom fil-liġi nazzjonali. Fost affarijiet oħra, il-Kummissjoni se tivvaluta jekk, minbarra tali dispożizzjonijiet dwar is-sanzjonijiet, l-emendi għad-dispożizzjonijiet eżistenti u d-dispożizzjonijiet tal-liġi ambjentali l-ġodda fil-futur jeħtiġux li jkunu akkumpanjati minn aġġustamenti għar-reati stabbiliti fid-Direttiva dwar il-Kriminalità Ambjentali sabiex jiġu żgurati implimentazzjoni u infurzar effettivi;

    ·livell ogħla ta’ kooperazzjoni mal-Istati Membri u mal-professjonisti tal-infurzar tal-liġi fil-qasam tal-konformità u l-governanza ambjentali, b’mod partikolari permezz tal-Forum dwar il-Konformità u l-Governanza Ambjentali 15 . Dan il-qafas ta’ kooperazzjoni se jippermettilha tindirizza kwistjonijiet trasversali fl-użu tal-liġi kriminali u l-liġi amministrattiva fl-infurzar 16 .

    L-appoġġ għall-katina tal-infurzar

    Id-dgħufijiet fil-katina tal-infurzar jirrendu s-sistemi kollha kemm huma ineffettivi. Detezzjoni mhux tajba tfisser reati li ma jibqgħux jiġu skoperti; servizzi ta’ prosekuzzjoni mingħajr ir-riżorsi meħtieġa jew imħarrġa ħażin ifissru li r-reati skoperti ma jiġux ipproċessati jew jiġu indirizzati b’mod dgħajjef waqt il-proċess; u sistemi tal-qorti li ma għandhomx kapaċità jew fehim tad-dinamika tal-kriminalità ambjentali jfissru dewmien fil-proċess u l-eżiti mhux sodisfaċenti.

    Fil-livell tal-UE, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) (fir-rigward tal-infurzar amministrattiv), il-Europol u l-Eurojust jirrappreżentaw forom ta’ koordinazzjoni u appoġġ għall-katina tal-infurzar. In-networks Ewropej volontarji tal-aġenziji ambjentali, l-ispetturi, il-pulizija, il-prosekuturi u l-imħallfin jappoġġaw ukoll il-katina billi jiffaċilitaw il-kondiviżjoni tal-għarfien u tal-esperjenza fost il-professjonisti tal-infurzar u tal-ġustizzja. Minbarra d-dispożizzjonijiet il-ġodda proposti, il-Kummissjoni se tfittex li tappoġġa l-katina ta’ infurzar billi:

    ·tinkoraġġixxi networks professjonali volontarji sabiex jużaw il-Forum dwar il-Konformità u l-Governanza Ambjentali biex jaqsmu l-għarfien dwar it-tħaddim tal-katina hekk kif l-infurzar tal-liġi kriminali jevolvi u, fejn xieraq, ifittxu rabtiet aktar mill-qrib mal-aġenziji tal-UE bħall-Eurojust;

    ·tgħin fl-iżvilupp ta’ għodod u approċċi li jagħmlu l-ġlieda kontra l-kriminalità ambjentali effettiva, pereżempju billi tappoġġa l-użu ta’ intelliġenza ġeospazjali u artifiċjali sabiex tinġabar l-evidenza ta’ reati bħar-rimi illegali tal-iskart u l-qerda ta’ ħabitats protetti 17 ;

    ·tinkoraġġixxi l-użu tar-Regolament LIFE sabiex jiġu żviluppati modi aktar effettivi għall-ġlieda kontra l-kriminalità ambjentali 18 u sabiex jiġi appoġġat it-tħaddim ta’ diversi networks ewlenin 19 ;

    ·tqis jekk il-proposti leġiżlattivi futuri jkunux jeħtieġu l-inklużjoni ta’ dispożizzjonijiet dwar il-verifika tal-konformità u l-identifikazzjoni tal-ksur sabiex jissaħħu d-dispożizzjonijiet dwar is-sanzjonijiet u sabiex tissaħħaħ l-assigurazzjoni ġenerali tal-konformità;

    ·ittejjeb il-kopertura tal-liġi kriminali ambjentali fil-programm kontinwu ta’ taħriġ għall-kooperazzjoni mal-imħallfin u mal-prosekuturi nazzjonali, fl-UE u lil hinn minnha 20 ;

    ·tippromwovi u tikkontribwixxi għall-Pjattaforma Multidixxiplinari Ewropea Kontra t-Theddid Kriminali (EMPACT) bħala inizjattiva ta’ sigurtà mmexxija mill-Istati Membri sabiex jidentifikaw, jipprijoritizzaw u jindirizzaw it-theddid maħluq mill-kriminalità internazzjonali organizzata u serja, inkluża l-kriminalità ambjentali, bħala prijorità ewlenija għall-2022 sal-2025 u azzjonijiet operazzjonali konkreti.

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tikkunsidra wkoll l-estensjoni possibbli tal-mandat tal-OLAF fil-leġiżlazzjoni settorjali sabiex iwettaq l-investigazzjonijiet amministrattivi ta’ reati ambjentali.

    Huwa kruċjali li l-Istati Membri jikkontribwixxu wkoll għall-appoġġ tal-katina tal-infurzar fil-livell tal-UE, b’mod partikolari billi jippermettu u jħeġġu l-parteċipazzjoni tal-professjonisti tagħhom fin-networks volontarji Ewropej. Mingħajr dan, se jkun aktar diffiċli li jiġi żgurat approċċ koeżiv u bbilanċjat għall-ġlieda kontra l-kriminalità ambjentali madwar l-UE.

    Il-kapitalizzazzjoni fuq l-għarfien tal-professjonisti tal-infurzar

    Il-ġlieda kontra l-kriminalità ambjentali hija kumplessa f’termini tal-għarfien meħtieġ tal-liġi, tal-proċeduri u tal-interazzjonijiet umani mal-ambjent. L-għarfien rilevanti jinżamm minn prattikanti individwali kif ukoll minn aġenziji u minn istituzzjonijiet tal-infurzar tal-liġi u tal-ġustizzja. In-Network Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju (EJTN) jagħti taħriġ ta’ kwalità għolja u jiddistribwixxi għarfien essenzjali lill-prattikanti ġudizzjarji f’dan il-qasam.

    It-tlestija mill-Kunsill tat-tmien rawnds ta’ evalwazzjonijiet reċiproċi hija eżempju tal-kapitalizzazzjoni ta’ dan l-għarfien. L-istess hija l-approvazzjoni mill-Forum dwar il-Konformità u l-Governanza Ambjentali fl-2021 tal-gwida dwar il-ġlieda kontra r-reati ambjentali u l-ksur relatat 21 . Din tal-aħħar kienet r-riżultat ta’ kollaborazzjoni estensiva bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u n-networks professjonali. Eżempji oħrajn jinkludu x-xogħol li jagħmlu n-networks professjonali dwar suġġetti bħal spezzjonijiet ibbażati fuq ir-riskju kif ukoll prattiki tajbin u fatturi ta’ gravità fil-prosekuzzjonijiet u fl-għoti ta’ sentenzi 22 . L-evoluzzjoni tad-dispożizzjonijiet u tal-prattiki tal-liġi kriminali se toħloq opportunitajiet sabiex jiġi sfruttat aktar dan l-għarfien professjonali.

    Il-Kummissjoni se tfittex li tagħmel il-parti tagħha billi:

    ·ixxandar u tippromwovi b’mod attiv il-ħidma li diġà saret b’kollaborazzjoni mal-prattikanti, anki permezz tal-EJTN;

    ·tinkoraġġixxi lin-networks tal-prattikanti jidentifikaw oqsma ta’ tħassib u pariri prattiċi dwar kif dawn għandhom jiġu indirizzati.

    L-appoġġ lid-difensuri ambjentali, lill-informaturi u lill-vittmi

    Il-piż tal-ġlieda kontra l-kriminalità ambjentali jaqa’ fuq l-awtoritajiet pubbliċi, iżda r-rwol tad-difensuri ambjentali u tal-informaturi wkoll jistħoqqlu rikonoxximent, kif jistħoqqilha l-pożizzjoni tal-vittmi. 

    Il-ġlieda kontra l-kriminalità fl-organiżmi selvaġġi tibbenefika b’mod konsiderevoli mill-ħidma ta’ organizzazzjonijiet speċjalizzati mhux governattivi (NGOs), li jikxfu l-kriminalità, jiġbru l-evidenza tagħha u jenfasizzaw l-effetti tagħha. B’mod aktar ġenerali, is-soċjetà ċivili, li tinkludi firxa ta’ NGOs, għandha r-rwol kruċjali li tinforma lill-awtoritajiet dwar problemi bħar-rimi illegali tal-iskart. L-informaturi jista’ jkollhom rwol ewlieni fl-identifikazzjoni ta’ kondotta kriminali korporattiva. L-ewwel strateġija tal-UE dwar id-drittijiet tal-vittmi (2020-2025) 23 li qatt saret tkopri l-vittmi tal-kriminalità ambjentali fost affarijiet oħra, filwaqt li tinnota li l-vittmi tal-kriminalità ambjentali jistgħu jkunu partikolarment suxxettibbli għal vittimizzazzjoni sekondarja, intimidazzjoni u ritaljazzjoni, b’mod partikolari jekk il-kriminalità ambjentali tkun forma ta’ kriminalità organizzata. 

    Il-Kummissjoni se tfittex ukoll li tappoġġa lid-difensuri ambjentali, lill-informaturi u lill-vittmi permezz ta’:

    ·l-inkoraġġiment tal-użu tar-Regolament LIFE għall-proġetti li jinvolvu l-parteċipazzjoni ta’ difensuri ambjentali fil-ġlieda kontra r-reati ambjentali;

    ·l-inkoraġġiment lill-Istati Membri sabiex ikollhom sistemi effettivi għall-ġestjoni tal-ilmenti li jippermettu lis-soċjetà ċivili tinforma b’mod sikur lill-awtoritajiet kompetenti dwar ir-reati ambjentali 24 ;

    ·kif tħabbar fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni tal-2021, se tiġi adottata proposta ta’ leġiżlazzjoni kontra l-litigazzjoni abbużiva kontra l-ġurnalisti u d-difensuri tad-drittijiet, fosthom id-difensuri tal-ambjent.

    It-tisħiħ tar-responsabbiltà korporattiva

    L-indirizzar tar-reati ambjentali u tad-danni li jsiru minnhom iqajjem sett wiesa’ ta’ kwistjonijiet, inkluża r-responsabbiltà għad-danni ambjentali u r-responsabbiltà korporattiva f’kuntest fejn is-swieq jinvolvu ktajjen tal-provvista li huma vulnerabbli għall-imġiba kriminali u għal imġiba ħażina oħra 25 .

    Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-ġlieda kontra l-kriminalità ambjentali se tkun aktar effettiva jekk tkun parti minn sforz aktar ġenerali sabiex tissaħħaħ ir-responsabbiltà korporattiva u tiġi żgurata l-aderenza mal-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”.

    B’mod parallel mal-ħidma dwar il-kriminalità ambjentali, il-Kummissjoni se:

    ·twettaq it-tieni evalwazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali 2004/35/KE li se teżamina kif tista’ tittejjeb l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas għad-danni ambjentali. Filwaqt li ż-żewġ direttivi (id-Direttiva dwar il-Kriminalità Ambjentali u d-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali), għandhom l-għan li jsaħħu l-protezzjoni ambjentali, id-Direttiva dwar il-Kriminalità Ambjentali tikkonċerna l-indirizzar ta’ ksur individwali tal-liġi ambjentali u d-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali tikkonċerna miżuri ta’ rimedju li għandhom jittieħdu sabiex jiġi restawrat id-dannu ambjentali;

    ·kif tħabbar fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni tal-2021, tressaq proposta ta’ leġiżlazzjoni dwar il-governanza korporattiva sostenibbli sabiex trawwem imġiba korporattiva sostenibbli u responsabbli fit-tul.

    4.INĦARSU ’L BARRA: ID-DIMENSJONI INTERNAZZJONALI

     
    Il-ġlieda kontra l-kriminalità ambjentali għandha dimensjoni internazzjonali wkoll. It-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi jista’ joriġina f’pajjiżi barra mill-UE, u kemm it-traffikar tal-iskart kif ukoll it-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi jiġġeneraw effetti negattivi serji, inkluż barra mill-fruntieri tal-UE. In-natura globali tal-ktajjen tal-provvista tfisser li l-UE tista’ ssib ruħha timporta prodotti u servizzi li jinvolvu abbużi ambjentali serji. Il-karattru dinji tal-kriżijiet klimatiċi u tal-bijodiversità jfisser li l-UE stess se tiġi affettwata b’mod negattiv mill-kriminalità ambjentali li sseħħ f’postijiet oħrajn fuq il-pjaneta, speċjalment fejn din hija vasta u tqiegħed il-beni komuni dinjin f’periklu. 

    Fuq livell internazzjonali, qiegħda tingħata attenzjoni dejjem akbar lill-indirizzar tal-problemi tal-kriminalità ambjentali u hemm fehim dejjem akbar li tista’ tinkiseb bidla dejjiema billi nieħdu azzjoni flimkien. Għalhekk, huwa importanti li tkompli titrawwem il-kooperazzjoni internazzjonali f’dan il-qasam. Qed tiżdied ukoll l-attenzjoni fuq l-abbużi kbar li qegħdin isiru u li qed ikollhom impatt dannuż kbir jew fit-tul fuq l-ambjent (dan jissejjaħ ukoll “ekoċidju”) 26 u d-Direttiva l-ġdida dwar il-Kriminalità se tgħin biex tindirizza din il-kwistjoni billi tagħti iżjed qawwa lill-ġlieda kontra l-kriminalità ambjentali. Il-kriminalità ambjentali tista’ tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kunflitti u tal-instabbiltà, peress li, barra milli hija assoċjata mad-degradazzjoni ambjentali, ħafna drabi tkun assoċjata wkoll mal-finanzjament ta’ gruppi armati u ta’ kunflitti ċivili. Tabilħaqq minħabba l-valur tal-kriminalità ambjentali, bħala kobor tar-reati madwar id-dinja, din tiġi r-raba’, kif inhu spjegat fl-introduzzjoni. It-traffikar tal-organiżmi selvaġġi, il-qtugħ illegali tas-siġar u l-kummerċ illegali tal-injam relatat, kif ukoll it-traffikar illegali tal-iskart saru theddida serja għas-sigurtà, għall-istabbiltà politika, għall-ekonomija, għar-riżorsi naturali u għall-wirt kulturali ta’ ħafna pajjiżi u reġjuni. Minbarra l-impatti ambjentali, hemm evidenza dejjem tikber li l-korruzzjoni li tirriżulta minnha u li tippermettilha tiffjorixxi tikkontribwixxi għal spirall li jdgħajjef l-istat tad-dritt, irawwem attivitajiet kriminali oħrajn u jżid in-nuqqas ta’ sigurtà. Fl-istess ħin, il-qerda u d-degradazzjoni tal-ambjent, kemm jekk dan jintuża bħala arma tal-gwerra, kif ukoll jekk issirlu ħsara minħabba l-attakki u attivitajiet li jsostnu l-kunflitti, fl-aħħar mill-aħħar tfixkel l-irkupru tal-popolazzjonijiet li jkunu affettwati mill-kunflitti u li jiddependu mir-riżorsi naturali għall-għajxien u għall-benessri tagħhom. Huwa importanti li nwasslu l-messaġġ favur il-protezzjoni tal-ambjent naturali li jinqabad fil-kunflitti armati madwar id-dinja, bi qbil mal-liġi umanitarja internazzjonali.

    Sabiex tgħin fil-ġlieda kontra l-kriminalità ambjentali fil-livell dinji, l-UE ilha sostenitur kbir tal-Konsorzju Internazzjonali dwar il-Ġlieda Kontra l-Kriminalità fil-Ħajja Selvaġġa (ICCWC), din hija sħubija li tinvolvi l-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta’ Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu, l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Pulizija Kriminali (INTERPOL), l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità (UNODC), il-Bank Dinji u l-Organizzazzjoni Dinjija Doganali. Il-Konsorzju jaħdem sabiex iġib appoġġ ikkoordinat lill-aġenziji nazzjonali tal-infurzar tal-liġi dwar l-organiżmi selvaġġi u lin-networks subreġjonali u reġjonali relatati. Jenħtieġ li l-Unjoni żżid ukoll l-appoġġ tagħha għat-taħriġ tal-persunal tal-infurzar tal-liġi u tal-membri tal-ġudikatura fil-pajjiżi involuti fil-kriminalità ambjentali fil-livell dinji. L-attivitajiet tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni wkoll jistgħu jgħinu dawn l-isforzi.

    Huwa daqstant ieħor importanti li l-UE tindirizza kwistjonijiet marbuta mal-kriminalità ambjentali fir-relazzjonijiet bilaterali tagħha ma’ pajjiżi sħab. It-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-kriminalità ambjentali qiegħed dejjem iżjed isir suġġett fid-djalogi politiċi u ta’ politika tal-UE fil-qasam tal-kooperazzjoni bilaterali u reġjonali, u hekk għandu jkun.

    L-indirizzar tar-reati ambjentali fl-UE għandu rilevanza dinji wiesgħa, peress li huwa meħtieġ fost affarijiet oħra għat-twettiq tal-Għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli. It-tisħiħ tal-indirizzar tar-reati ambjentali fl-UE jgħin lill-UE twitti t-triq bl-eżempju u tkun sieħeb effettiv fil-livell dinji.

    Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli se:

    ·jippromwovu l-ġlieda kontra l-kriminalità ambjentali fil-livell internazzjonali, fost l-oħrajn billi jaħdmu mal-UNEP, u fil-kuntest ta’ ftehimiet ambjentali multilaterali;

    ·jirrevedu l-pjan ta’ azzjoni tal-UE kontra t-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi fid-dawl tal-esperjenza fl-implimentazzjoni tiegħu s’issa;

    ·ikomplu jieħdu sehem f’fora dinjin multilaterali u mal-organizzazzjonijiet rilevanti (bħall-UNEP, l-Interpol, l-UNODC) sabiex iżidu l-kooperazzjoni internazzjonali kontra t-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi u l-kriminalità marbuta mal-foresti u jisfruttaw id-dimensjoni tranżnazzjonali tal-problema; jibnu fuq il-kooperazzjoni mal-ICCWC bil-għan li jsaħħu l-pulizija, is-sistemi ġudizzjarji u l-kontrolli fuq il-fruntieri ta’ pajjiżi suxxettibbli għall-kummerċ illegali ta’ organiżmi selvaġġi u b’rabta mal-foresti;

    ·iżidu l-isforzi biex fid-djalogi politiċi mal-pajjiżi sħab idaħħlu l-kwistjonijiet marbuta mal-indirizzar tal-kriminalità ambjentali, kif xieraq, b’mod partikolari ma’ dawk il-pajjiżi fejn ir-reati ambjentali huma l-aktar serji jew rikorrenti;

    ·ikomplu jsaħħu l-kooperazzjoni mal-pajjiżi sħab biex titnaqqas il-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi u l-foresti (fosthom il-kaċċa illegali) permezz tal-bini tal-kapaċità, pereżempju, tal-partijiet ikkonċernati rilevanti li jaħdmu fil-katina tal-valur/tal-provvista, li jvarjaw minn bejjiegħa bl-imnut sa negozjanti u konsumaturi internazzjonali, filwaqt li jistudjaw l-għeruq tal-problema tal-kriminalità ambjentali;

    ·ikomplu jagħtu l-appoġġ tal-UE lill-pajjiżi sħab fl-implimentazzjoni ta’ Ftehimiet Ambjentali Multilaterali relatati dwar l-iskart u kwistjonijiet relatati mat-tniġġis, fl-aġġornament tar-regolamenti u fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet biex jinfurzawhom;

    ·isegwu mill-qrib l-iżviluppi internazzjonali li jikkonċernaw id-definizzjoni tal-ekoċidju u l-possibbiltajiet ta’ kif jista’ jiġi indirizzat 27 ;

    ·jiżviluppaw alternattivi għall-istabbiliment ta’ programmi ta’ taħriġ fil-pajjiżi tal-viċinat tal-UE u fil-pajjiżi sħab tal-UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità ambjentali, kemm għall-infurzar tal-liġi kif ukoll għall-prattikanti ġudizzjarji. L-attivitajiet tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni jistgħu jgħinu dawn l-isforzi.

    ·ikomplu bl-appoġġ dirett tagħhom għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem f’riskju madwar id-dinja, inkluż id-difensuri tad-drittijiet ambjentali, permezz tal-“Mekkaniżmu tal-UE għad-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem”;

    ·ikomplu jappoġġaw lis-sħab tal-UE koperti mill-politiki tat-tkabbir u tal-viċinat, eż. permezz tal-bini tal-kapaċitajiet, biex tiġi miġġielda l-kriminalità ambjentali u jiġu miġġielda reati serji oħrajn permezz tat-tisħiħ tal-effikaċja tal-ispezzjonijiet ambjentali u tal-infurzar kontra l-kriminalità u l-infurzar amministrattiv. u

    ·jippromwovu l-azzjonijiet li jżidu s-sensibilizzazzjoni u jappoġġaw il-konformità mar-regoli tal-liġi umanitarja internazzjonali dwar il-protezzjoni tal-ambjent naturali fil-kunflitti armati.

    (1)

    UNEP-INTERPOL Rapid Response Assessment: The Rise of Environmental Crime – A Growing Threat To Natural Resources, Peace, Development And Security, Ġunju tal-2016.

    (2)

    L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali. (2021). Report on Eurojust’s Casework on Environmental Crime. Criminal justice across borders.

    (3)

      Mapping the risk of serious and organised crime infiltrating legitimate businesses , ir-rapport finali mħejji għad-Direttorat Ġenerali għall-Migrazzjoni u l-Affarijiet Interni tal-Kummissjoni Ewropea (2021), editjat minn Shann Hulme, Emma Disley u Emma Louise Blondes, p. 40. L-istudju jidentifika tkabbir fl-istimi tad-dħul tas-suq tal-iskart illeċitu tal-UE kemm għall-iskart perikoluż kif ukoll għal dak mhux perikoluż u jindika li, mingħajr l-istabbiliment ta’ miżuri aktar effettivi, il-vjeġġi illegali ta’ skart tal-plastik, vetturi li ma għadhomx jintużaw u l-iskart elettroniku huma mistennijin jiżdiedu aktar.

    (4)

    Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill li jistabbilixxu l-prijoritajiet tal-UE għall-ġlieda kontra l-kriminalità serja u organizzata għall-EMPACT 2022 – 2025, 8665/21, it-12 ta’ Mejju 2021. L-għan li tiġi pprijoritizzata l-kriminalità ambjentali huwa “li jiġu sfrattati n-networks kriminali involuti f’kull forma ta’ kriminalità ambjentali, b’fokus speċifiku fuq it-traffikar tal-iskart u tal-organiżmi selvaġġi, kif ukoll fuq in-networks kriminali u l-intraprendituri kriminali individwali li għandhom il-kapaċità li jinfiltraw l-istrutturi kummerċjali legali f’livell għoli jew li jistabbilixxu l-kumpaniji tagħhom sabiex jiffaċilitaw ir-reati tagħhom”.

    Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-2021 dwar l-istrateġija tal-UE biex tindirizza l-kriminalità organizzata, COM (2021) 170 final, il-Kummissjoni enfasizzat ukoll il-ħtieġa li jittejjeb il-qafas leġiżlattiv, li tissaħħaħ il-kapaċità ta’ infurzar fil-livell nazzjonali u tal-UE sabiex tiġi indirizzata l-kriminalità ambjentali b’mod aktar effettiv, u tkompli ttejjeb il-kooperazzjoni permezz tan-networks Ewropej għall-infurzar ambjentali.

    (5)

      Environmental Rule of Law: First Global Report | UNEP - UN Environment Programme .

    (6)

    Id-Direttiva 2008/99/KE dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali, ĠU L 328, 6.12.2008, p. 28-37.

    (7)

    Rapport finali dwar it-Tmien ċiklu ta’ evalwazzjonijiet reċiproċi dwar il-kriminalità ambjentali, id-dokument 14065/19,  https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-14065-2019-INIT/mt/pdf .

    (8)

    SWD(2020) 259 final.

    (9)

    Pereżempju, ir-reati relatati mal-immaniġġjar ħażin tal-iskart huma bbażati fuq dispożizzjonijiet fil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE li jirregolaw l-immaniġġjar tal-iskart.

    (10)

     Proposta għal Regolament dwar it-tqegħid fis-suq tal-Unjoni u dwar l-esportazzjoni mill-Unjoni ta’ ċerti komoditajiet u prodotti assoċjati mad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti, COM(2021) 706 final.

    (11)

     Ara wkoll id-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni.

    (12)

    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar azzjonijiet tal-UE għat-titjib tal-governanza u l-konformità ambjentali, COM(2018) 10 final.

    (13)

    Il-Kawża 68/88, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika Ellenika (il-qamħirrum Grieg) [1989] Ġabra 2965, il-punti 23 u 24.

    (14)

     Eżempju ta’ tali dispożizzjoni dwar sanzjonijiet huwa l-Artikolu 16 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 tad-9 ta’ Diċembru 1996 dwar il-protezzjoni ta’ speċi ta’ fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom (ir-Regolament CITES). Il-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament ġdid dwar Vjeġġi ta’ Skart tinkludi wkoll dispożizzjoni dettaljata dwar is-sanzjonijiet.

    (15)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Jannar 2018 li twaqqaf grupp ta’ esperti dwar il-governanza u l-konformità ambjentali, C(2018) 10 final.

    (16)

    Ġie stabbilit sottogrupp dwar is-sanzjonar tar-reati ambjentali fil-qafas tal-Forum dwar il-Konformità u l-Governanza Ambjentali sabiex jaħdem, fost l-oħrajn, fuq l-iżgurar tal-konsistenza bejn biċċiet diversi tal-leġiżlazzjoni rilevanti u fuq l-identifikazzjoni ta’ prattiki tajba ta’ infurzar u sanzjonar.

    (17)

    Ara r-Regolament (UE) 2021/696 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Programm Spazjali tal-Unjoni u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 912/2010, (UE) Nru 1285/2013 u (UE) Nru 377/2014 u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE, li jirrikonoxxi r-rwol tat-teknoloġiji spazjali u tal-intelliġenza ġeospazjali għall-assigurazzjoni tal-konformità ambjentali li issa huma inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Programm Copernicus (il-Premessi 77, 78, l-Artikoli 49(4)(b) u 51(1)(a)).

    (18)

    Ir-Regolament (UE) 2021/783 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2021 li jistabbilixxi Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni dwar il-Klima (LIFE), u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1293/2013. Eżempji utli ta’ proġetti rilevanti ta’ suċċess iffinanzjati minn LIFEfil-passat huma l-proġett tal-iskart LIFE SMART (LSW), li sar bħala sħubija innovattiva bejn korpi Ewropej ewlenin mill-2014 sal-2020 li juri modi innovattivi ta’ fehim, indirizzar u tnaqqis tal-kriminalità relatata mal-iskart, u l-proġett IMPEL LIFE SWEAP mill-2018 sal-2023 u li jiffoka fuq il-vjeġġi tal-iskart, l-azzjonijiet ta’ infurzar u l-immappjar tax-xejriet fil-vjeġġi illegali tal-iskart.

    (19)

    Ir-Regolament LIFE jirrikonoxxi r-rwol tan-networks, bħall-IMPEL, l-ENPE u l-EUFJE (il-Premessa 33, l-Artikolu 13 u l-Anness 1).

    (20)

    Il-materjali tat-taħriġ li diġà ġew żviluppati fil-qafas ta’ dan il-programm huma disponibbli online .

    (21)

    Il-gwida dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità ambjentali u l-ksur relatat hija ppubblikata online .

    (22)

    Pereżempju, l-IMPEL żviluppa dokumenti ta’ gwida dwar iċ-ċiklu ta’ spezzjoni ambjentali, dwar l-ispezzjonijiet tal-landfills li jippreżentaw l-aħjar prattiki minn sistemi legali diversi u li jindikaw l-importanza ta’ ppjanar ta’ spezzjoni xieraq. In-Network Ewropew tal-Prosekuturi għall-Ambjent (ENPE) ipproduċa r-rapport Sanctioning Environmental Crime – Prosecution and Judicial Practices .

    (23)

     COM(2020) 258 final.

    (24)

    Fl-2019, il-Forum dwar il-Konformità u l-Governanza Ambjentali approva vade mecum dwar il-ġestjoni tal-ilmenti u l-involviment taċ-ċittadini. Ara https://op.europa.eu/mt/publication-detail/-/publication/1fc175c2-8051-11ea-b94a-01aa75ed71a1/language-mt . Il-Kummissjoni pproduċiet ukoll gwida fil-qosor: https://ec.europa.eu/environment/system/files/2020-09/Environmental%20complaints%20-%20summary%20guide.pdf .

    (25)

    Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta’ Mejju 2021 dwar ir-responsabbiltà tal-kumpaniji għal ħsara ambjentali (2020/2027(INI)).

    (26)

     Ara pereżempju r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta’ Mejju 2021 dwar ir-responsabbiltà tal-kumpaniji għall-ħsara ambjentali, li tiddikjara fil-punt 12 li [il-Parlament Ewropew] “Jieħu nota tal-impenn dejjem jikber tal-Istati Membri sabiex jaħdmu lejn ir-rikonoxximent tal-ekoċidju fil-livell nazzjonali u dak internazzjonali; jitlob lill-Kummissjoni tistudja r-rilevanza tal-ekoċidju għad-dritt tal-UE u d-diplomazija tal-UE”.

    (27)

    F’dak li għandu x’jaqsam mar-riflessjonijiet li qegħdin isiru fil-kuntest tal-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, ta’ min wieħed jinnota li l-Unjoni Ewropea mhijiex parti għall-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali.

    Top