Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021DC0599

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI U T-TĦADDIM EFFIĊJENTI TAD-DIRETTIVA 2012/18/UE DWAR IL-KONTROLL TA' PERIKLI TA' INĊIDENTI KBAR LI JINVOLVU SUSTANZI U TAĦLITIET PERIKOLUŻI GĦALL-PERJODU 2015-2018

    COM/2021/599 final

    Brussell, 29.9.2021

    COM(2021) 599 final

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI U T-TĦADDIM EFFIĊJENTI TAD-DIRETTIVA 2012/18/UE DWAR IL-KONTROLL TA' PERIKLI TA' INĊIDENTI KBAR LI JINVOLVU SUSTANZI U TAĦLITIET PERIKOLUŻI GĦALL-PERJODU 2015-2018


    WERREJ

    Introduzzjoni

    1.Sommarju tar-rapporti tal-Istati Membri

    1.1.Statistika dwar l-istabbilimenti

    1.1.1.Għadd ta’ stabbilimenti

    1.1.2.Pjanijiet esterni ta’ emerġenza

    1.1.3.Informazzjoni lill-pubbliku

    1.1.4.Spezzjonijiet

    1.1.5.Projbizzjoni tal-użu, penali u strumenti ta’ koerċizzjoni oħrajn

    1.2.Statistika dwar aċċidenti kbar

    2it-triq ’il quddiem biex tittejjeb il-prevenzjoni tal-aċċidenti industrijali

    3Konklużjonijiet



    Introduzzjoni

    Aċċidenti kbar li jinvolvu sustanzi perikolużi huma ta’ theddida sinifikanti għall-bnedmin u għall-ambjent. Barra minn hekk, dawn l-aċċidenti ta’ spiss jikkawżaw telf ekonomiku sostanzjali u jfixklu t-tkabbir sostenibbli. Fl-istess ħin, is-sustanzi kimiċi għandhom rwol fundamentali fil-biċċa l-kbira tal-attivitajiet tagħna ta’ kuljum, peress li dawn jiffurmaw parti minn prattikament kull apparat li nużaw, jikkontribwixxu għall-benesseri tagħna, għall-protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà tagħna jew jipprovdu soluzzjonijiet għal sfidi ġodda permezz tal-innovazzjoni. Sabiex jiġu minimizzati r-riskji assoċjati, huma meħtieġa miżuri biex jiġu evitati aċċidenti kbar li jinvolvu sustanzi perikolużi u jiġu żgurati tħejjija u prevenzjoni xierqa kif ukoll rispons xieraq f’każ li xorta waħda jseħħu dawn l-aċċidenti.

    Il-Komunikazzjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew tirrikjedi li l-Kummissjoni żżid il-ħidma tagħha mal-Istati Membri biex ittejjeb il-prevenzjoni tal-aċċidenti industrijali 1 . Barra minn hekk, fil-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Tniġġis Żero 2 , il-Kummissjoni ħabbret li se tkompli tikkonsolida l-appoġġ tagħha lill-Istati Membri, pereżempju fir-rigward tal-valutazzjoni tar-riskji tal-istabbilimenti, sabiex jiżdiedu l-miżuri ta’ prevenzjoni, u l-konsegwenzi ta’ aċċidenti possibbli.

    Id-Direttiva 2012/18/UE 3 dwar il-kontroll ta’ perikli ta’ aċċidenti kbar li jinvolvu sustanzi u taħlitiet perikolużi (“id-Direttiva Seveso III”) tipprevedi l-qafas rilevanti dwar il-miżuri ta’ ġestjoni tar-riskju biex jiġu evitati l-aċċidenti l-kbar u biex jiġu limitati l-konsegwenzi tagħhom. Din hija l-aktar ġenerazzjoni reċenti tal-“liġi Seveso” u daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2015. Meta mqabbla mal-predeċessuri tagħha, din tissikka d-dispożizzjonijiet dwar il-parteċipazzjoni pubblika u l-informazzjoni, l-ippjanar tal-użu tal-art, l-aċċess pubbliku għall-ġustizzja u tintroduċi standards ta’ spezzjoni aktar stretti biex tiżgura li r-regoli tas-sikurezza jkunu qed jiġu implimentati b’mod effettiv.

    L-Istati Membri jipprovdu lill-Kummissjoni b’rapport ta’ kull erba’ snin dwar l-implimentazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 21(2). Dan ir-rapport jiġbor fil-qosor is-sottomissjonijiet tal-Istati Membri għall-perjodu 2015-2018, skont l-Artikolu 29 (f’dan iż-żmien ir-Renju Unit kien għadu membru tal-Unjoni Ewropea).

    Dan ir-rapport jinkludi żewġ partijiet:

    -Il-Parti I tiġbor fil-qosor l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva Seveso. It-Taqsima 1.1 tkopri l-informazzjoni miġbura permezz ta’ kwestjonarju 4 , li ffoka fuq oqsma problematiċi identifikati aktar kmieni. L-għan ta’ din il-ġabra fil-qosor huwa li jiġi vvalutat il-livell ta’ implimentazzjoni u li jiġi identifikat kull nuqqas li jeħtieġ li jiġi indirizzat. It-Taqsima 1.2 tissupplimenta dan b’data dwar l-aċċidenti li jirriżultaw minn analiżi tal-bażi tad-data ta’ aċċidenti kbar (eMARS 5 ), imħaddma mill-Uffiċċju dwar il-Perikli ta’ Aċċidenti Kbar taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea.

    -Il-Parti II tiddeskrivi l-azzjonijiet antiċipati li l-Kummissjoni se tippreżenta biex taħdem mal-Istati Membri biex tkompli ttejjeb il-prevenzjoni tal-aċċidenti industrijali, inkluż billi tindirizza n-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni.

    Bħal fil-każ ta’ valutazzjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni kkummissjonat fornitur estern tas-servizz biex janalizza r-rapporti pprovduti mill-Istati Membri, kif ukoll data oħra rilevanti. Ir-rapport tal-kuntrattur 6 jipprovdi analiżi dettaljata tal-informazzjoni rrapportata, inkluż analiżi għal kull Stat Membru, u informazzjoni disponibbli oħra.

    Il-kontribuzzjonijiet sħaħ tat-28 Stat Membru, kif ukoll il-kwestjonarju, u r-rapporti li jikkonċernaw il-perjodi tar-rapportar preċedenti huma wkoll disponibbli għall-pubbliku 7 .

    1.Sommarju tar-rapporti tal-Istati Membri

    It-28 Stat Membru 8 kollha ppreżentaw ir-rapporti tagħhom ta’ kull erba’ snin lill-Kummissjoni għall-perjodu 2015-2018.

    1.1.Statistika dwar l-istabbilimenti

    1.1.1.Għadd ta’ stabbilimenti

    L-Istati Membri rrapportaw total ta’ 11 776 stabbiliment li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva Seveso-III fl-2018 (ara l-Illustrazzjoni 1). Din hija żieda (479) mill-perjodu tar-rapportar preċedenti (2012-2014), li sa tmiemu ġew irrapportati 11 297 stabbiliment. Il-pajjiżi bl-akbar sehem ta’ dawn l-istabbilimenti kienu l-Ġermanja (31 %), Franza (11 %), l-Italja (8 %), ir-Renju Unit (8 %) – kien għadu Stat Membru tal-UE matul il-perjodu tar-rapportar rilevanti - u Spanja (7 %).

    Il-proporzjonijiet tal-istabbilimenti tal-livelli ogħla (UTE) u tal-istabbilimenti tal-livelli aktar baxxi (LTE) 9 kienu kważi kostanti matul il-perjodu tar-rapportar, b’medja ta’ 43 % (5 090 stabbiliment) ikunu UTE u 57 % (6 686 stabbiliment) LTE.

    Illustrazzjoni 1: Għadd ta’ stabbilimenti Seveso fl-2018

     
    Kif jidher fl-
    Figure 2 , tista’ tiġi osservata żieda bil-mod iżda kostanti fl-għadd ta’ stabbilimenti koperti bid-Direttiva. Dan jeħtieġ li jitqiegħed f’kuntest bi tliet rawnds ta’ tkabbir tal-UE matul dan il-perjodu (2004, 2007 u 2013) u żieda tas-sustanzi perikolużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva Seveso-III wara r-reviżjoni tad-Direttiva Seveso-II fl-2012. Id-data dwar l-istabbiliment tal-livelli aktar baxxi bdiet tiġi rrapportata biss mill-perjodu tar-rapportar 2009-2011.

    Illustrazzjoni 2: Evoluzzjoni tal-għadd ta’ stabbilimenti rrapportati 10

    Fost l-attivitajiet użati biex jiġu kkategorizzati l-istabbilimenti Seveso, erba’ jirrappreżentaw kważi 45 % tal-istabbilimenti:

    (1)Produzzjoni u distribuzzjoni ta’ sustanzi kimiċi ġenerali (1 850 stabbiliment = 15,1 %)

    (2)Il-ġenerazzjoni, il-provvista u d-distribuzzjoni tal-enerġija (1 606 stabbilimenti = 13,2 %)

    (3)Ħżin tal-fjuwil (1 190 stabbiliment = 9,8 %)

    (4)Bejgħ bl-ingrossa u bejgħ bl-imnut (930 stabbiliment = 7,6%)

    1.1.2.Pjanijiet esterni ta’ emerġenza 

    L-Artikolu 12 tad-Direttiva Seveso-III jirrikjedi li l-operaturi jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti bl-informazzjoni meħtieġa għalihom biex ifasslu, għall-istabbilimenti tal-ogħla livell, il-Pjanijiet Esterni ta’ Emerġenza (EEPs). Dawn il-pjanijiet huma importanti biex jippremettu rispons rapidu u kkoordinat għal aċċidenti kbar u għandhom rwol kruċjali biex jimminimizzaw l-effetti tagħhom.

    Dawn jenħtieġu wkoll li jiġu rieżaminati u ttestjati f’intervalli ta’ mhux aktar minn tliet snin.

    1.1.2.1. L-istabbiliment ta’ pjanijiet esterni ta’ emerġenza

    Kif muri fl- Figure 3 , l-EEPs ġew stabbiliti għall-biċċa l-kbira tal-istabbilimenti tal-livelli ogħla fi tmiem il-perjodu tar-rapportar. Bħala medja, 91 % tal-istabbilimenti tal-livelli ogħla kellhom EEP fi tmiem il-perjodu 2015-2018. 4 % tal-istabbilimenti ma kellhomx EEP, peress li l-awtoritajiet kompetenti ddeċidew abbażi tal-Artikolu 12(8) tad-Direttiva Seveso-III, li fid-dawl tal-informazzjoni li tinsab fir-rapport dwar is-sikurezza, ir-rekwiżit li jiġi prodott EEP ma għandux japplika.

    L-aktar raġuni komuni invokata mill-awtoritajiet kompetenti biex jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ EEP hija li, abbażi tal-valutazzjoni tagħhom, il-konsegwenzi ta’ aċċidenti kbar ma jestendux lil hinn mil-limitu tas-sit u/jew ma jkollhom l-ebda riskju potenzjali għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent. Spjegazzjoni oħra pprovduta kienet li x-xenarji ta’ aċċidenti f’ċerti każijiet kienu koperti minn pjanijiet oħra ta’ rispons ta’ emerġenza (eż. pjanijiet għal emerġenzi tal-baħar u kostali jew pjan ta’ reazzjoni tas-servizzi kompetenti tat-tifi tan-nar).

    Il-5 % li jifdal tal-istabbilimenti tal-livelli ogħla (jiġifieri aktar minn 200 stabbiliment tal-livelli ogħla tal-UE) ma kellhomx EEP, u dan jindika nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva Seveso-III. Madankollu, dan huwa titjib mill-perjodu tar-rapportar preċedenti, fejn 12 % tal-istabbilimenti tal-livelli ogħla ma kellhomx EEP.

    Illustrazzjoni 3: Is-sehem tal-istabbilimenti tal-ogħla livell li għalihom ġie stabbilit EEP jew li għalihom, EEP ma kienx meħtieġ matul il-perjodu tar-rapportar 11

    1.1.2.2.Ittestjar u rieżami ta’ pjanijiet esterni ta’ emerġenza

    Fir-rigward tal-Artikolu 12(6) tad-Direttiva Seveso-III u l-obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw li l-pjanijiet esterni ta’ emerġenza jiġu analizzati, ittestjati, u fejn meħtieġ aġġornati f’intervalli xierqa ta’ mhux aktar minn tliet snin, il-perjodu tar-rapportar 2015-2018 juri titjib żgħir meta mqabbel ma’ dawk preċedenti. Fil-fatt, fil-perjodu tar-rapportar 2006-2008, ġew analizzati u ttestjati 60 % tal-EEPs; fil-perjodu 2009-2011, dan is-sehem żdied għal 73 % u sa tmiem l-2014 laħaq il-75 %. Fil-perjodu tar-rapportar 2015-2018, mit-total ta’ 5 090 stabbiliment tal-livelli ogħla, ġew ittestjati 77 % tal-EEPs.

    Il-Kummissjoni tinnota li s-sitwazzjoni tvarja fost l-Istati Membri: il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jikkonformaw bis-sħiħ mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva Seveso-III relatati mal-ittestjar u mar-rieżami tal-EEP, filwaqt li ftit oħrajn għandhom rata għolja ħafna ta’ nuqqas ta’ konformità. L-informazzjoni rrapportata hija ppreżentata fl- Figure 4 .

    Illustrazzjoni 4: Pjanijiet esterni ta’ emerġenza li ġew ittestjati matul il-perjodu 2015-2018 12

    1.1.3.Informazzjoni lill-pubbliku

    Skont l-Artikolu 14(1), l-Istati Membri jridu jiżguraw li l-informazzjoni msemmija fl-Anness V tkun disponibbli b’mod permanenti għall-pubbliku, inkluż b’mod elettroniku.

    L-informazzjoni dwar l-istabbilimenti kollha tinżamm disponibbli b’mod permanenti, inkluż b’mod elettroniku, u tiġi aġġornata fejn meħtieġ minn 17-il Stat Membru. Il-11-il Stat Membru li jifdal ma kkonformawx bis-sħiħ mal-Artikolu 14(1) 13 , anke jekk din l-informazzjoni tkun magħmula disponibbli għall-pubbliku fuq talba.

    L-Istati Membri ntalbu jirrapportaw is-sehem ta’ stabbilimenti li għalihom l-informazzjoni elenkata fl-Anness V tad-Direttiva ma nżammitx disponibbli. Din l-informazzjoni hija ppreżentata fl- Figure 5 .

    Illustrazzjoni 5: Is-sehem tal-istabbilimenti li għalihom l-informazzjoni fl-Anness V, ma tinżammx disponibbli b’mod permanenti 14  

    Barra minn hekk, l-Artikolu 14(2) jirrikjedi li, għall-istabbilimenti tal-livelli ogħla biss, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni kollha li x’aktarx jiġu affettwati minn aċċident kbir jirċievu b’mod regolari, mingħajr ma jkollhom jitolbu dan, informazzjoni dwar il-miżuri ta’ sikurezza u l-imġiba meħtieġa fil-każ ta’ aċċident kbir.

    B’kollox, 92 % tal-istabbilimenti tal-livelli ogħla għamlu din l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku. Din hija żieda ta’ 11 % meta mqabbla ma’ 81 % tal-istabbilimenti tal-livelli ogħla li kienu għamlu din l-informazzjoni disponibbli fil-perjodu tar-rapportar 2012-2014. L-informazzjoni rrapportata dwar dan l-aspett ta’ implimentazzjoni hija ppreżentata fl- Figure 6 . 

    Illustrazzjoni 6: It-total u l-perċentwal (%) tal-istabbilimenti tal-ogħla livell li għalihom l-informazzjoni dwar il-miżuri ta’ sikurezza u l-imġiba meħtieġa ma kinux disponibbli b’mod attiv għall-pubbliku 15

    1.1.4.Spezzjonijiet

    L-Artikolu 20 tad-Direttiva Seveso-III jirrikjedi li l-Istati Membri jistabbilixxu sistema ta’ spezzjoni u programm ta’ spezzjonijiet għall-istabbilimenti kollha. L-istabbilimenti tal-livelli ogħla għandhom jiġu spezzjonati kull tnax-il xahar u l-istabbilimenti tal-livelli aktar baxxi għandhom jiġu spezzjonati kull sitta u tletin xahar, sakemm ma jintużax programm ta’ spezzjoni bbażat fuq valutazzjoni sistematika.

    Skont l-Artikolu 20(5), il-valutazzjoni sistematika tal-perikli tal-istabbilimenti kkonċernati għandha tkun ibbażata, tal-anqas, fuq l-impatti potenzjali tal-istabbilimenti kkonċernati fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, kif ukoll fuq ir-rekord tal-konformità mar-rekwiżiti tad-Direttiva Seveso-III. Dawn il-kriterji għandhom jiżguraw tal-anqas l-istess livell ta’ effettività bħall-ispezzjonijiet imwettqa fuq bażi annwali jew ta’ kull tliet snin. Kemm l-istabbilimenti tal-livelli ogħla kif ukoll dawk tal-livelli aktar baxxi huma koperti minn din id-dispożizzjoni.

    Fejn ikun xieraq, għandhom jiġu kkunsidrati wkoll is-sejbiet rilevanti tal-ispezzjonijiet imwettqa skont leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni.

    Abbażi tad-data rrapportata mill-awtoritajiet kompetenti f’dan l-aħħar perjodu tar-rapportar, sal-lum il-biċċa l-kbira tal-istabbilimenti tal-livelli ogħla (3 556 mit-total ta’ 5 090 stabbiliment tal-livelli ogħla) jiġu spezzjonati fuq bażi annwali (ara l- Figure 7 ). Għall-istabbilimenti li jibqa’, il-programm ta’ spezzjoni, inkluż il-frekwenza taż-żjarat fuq is-sit, huwa bbażat fuq valutazzjoni sistematika tal-periklu ta’ aċċidenti kbar tal-istabbiliment ikkonċernat.

    Illustrazzjoni 7: Is-sehem tal-istabbilimenti tal-livelli ogħla spezzjonati mill-Istat Membru

    Fir-rigward tal-istabbilimenti tal-livelli aktar baxxi, kważi kollha kemm huma (6 140 mit-total ta’ 6 686 stabbiliment tal-livelli aktar baxxi) jiġu spezzjonati kull tliet snin (ara l- Figure 8 ). Għall-istabbilimenti li jibqa’, il-programm ta’ spezzjoni, inkluż il-frekwenza taż-żjarat fuq is-sit, huwa bbażat fuq valutazzjoni sistematika tal-periklu ta’ aċċidenti kbar tal-istabbiliment ikkonċernat.

    Illustrazzjoni 8: Is-sehem tal-istabbilimenti tal-livelli aktar baxxi spezzjonati mill-Istat Membru

     

    1.1.5.Projbizzjoni tal-użu, penali u strumenti ta’ koerċizzjoni oħrajn

    Skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva Seveso-III, l-Istati Membri għandhom jipprojbixxu l-operazzjoni ta’ kwalunkwe stabbiliment fejn il-miżuri meħuda mill-operatur għall-prevenzjoni u għall-mitigazzjoni ta’ aċċidenti kbar ikunu neqsin serjament, bħal, fost l-oħrajn, nuqqasijiet serji biex jittieħdu l-azzjonijiet meħtieġa identifikati fir-rapport ta’ spezzjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 28 jipprevedi li l-Istati Membri jiddeterminaw il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont id-Direttiva Seveso-III. Il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

    Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ma rrapportaw l-ebda projbizzjoni tal-operazzjoni ta’ kwalunkwe stabbiliment minħabba li l-miżuri meħuda mill-operatur għall-prevenzjoni u għall-mitigazzjoni ta’ aċċidenti kbar kienu neqsin serjament matul il-perjodu tar-rapportar (ara l- Figure 9 and 10 ). B’kollox, matul il-perjodu tar-rapportar ġew irreġistrati 8 207 miżuri ta’ koerċizzjoni. In-Netherlands (4 023) u r-Rumanija (3 586) irrapportaw l-aktar każijiet bil-bosta.

    Xi Stati Membri pprovdew dettalji tal-ammont totali ta’ sanzjonijiet applikati (eż. is-Slovakkja b’EUR 25 250 u l-Latvja b’EUR 6 335).

    B’mod ġenerali, tingħata prijorità lill-azzjonijiet korrettivi, bħall-ħruġ ta’ twissijiet, fuq l-infurzar. Il-kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-operaturi ġeneralment taħdem tajjeb, u għalhekk l-azzjoni ta’ koerċizzjoni u l-penali għandhom it-tendenza li jkunu eċċezzjoni.

    Illustrazzjoni 9: L-għadd totali ta’ stabbilimenti li għalihom l-użu ġie pprojbit matul il-perjodu tar-rapportar

    Illustrazzjoni 10: L-għadd totali ta’ miżuri ta’ koerċizzjoni rrapportati skont it-tip ta’ miżura

    1.2.Statistika dwar aċċidenti kbar

    L-għadd ta’ aċċidenti kbar huwa wieħed mill-indikaturi ewlenin kif titkejjel l-effettività ġenerali tad-Direttiva Seveso-III fil-minimizzazzjoni tagħhom u tal-impatti dannużi tagħhom. Skont l-Artikolu 18, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni l-aċċidenti kbar li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Anness VI li seħħew fit-territorju tagħhom.

    Bejn l-2000 u l-2018, fil-bażi tad-data eMARS b’kollox ġew irreġistrati 518-il aċċident. Minn dawk il-518-il aċċident, 442 (85 %) ġew identifikati bħala aċċidenti kbar li jissodisfaw il-kriterji speċifikati fl-Anness VI tad-Direttiva Seveso-III. Kif muri fl- Figure 11 , l-għadd globali ta’ aċċidenti kbar jippreżenta xejra stabbli f’dawn l-aħħar snin minkejja ż-żieda fl-għadd ta’ stabbilimenti koperti bid-Direttiva Seveso-III. Matul il-perjodu 2005-2015, l-għadd ta’ aċċidenti, abbażi ta’ data vverifikata, huwa inqas minn 25 fis-sena, għat-total ta’ 11 776 stabbiliment soġġetti għar-rekwiżiti tad-Direttiva 16 .

    Meta titqies ir-rata għolja ħafna ta’ industrijalizzazzjoni fl-UE, id-data li ġejja turi li d-Direttiva Seveso-III tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-kisba ta’ frekwenza baxxa ta’ aċċidenti kbar. B’mod ġenerali titqies ukoll bħala punt ta’ riferiment għall-politika tal-aċċidenti industrijali u serviet ta’ mudell għal-leġiżlazzjoni f’ħafna pajjiżi madwar id-dinja.

    Illustrazzjoni 11: Għadd ta’ aċċidenti kbar li jissodisfaw mill-inqas wieħed mill-kriterji tal-Anness VI matul il-perjodu 2000-2018

     
    Għalkemm f’dawn l-aħħar snin kien hemm għadd pjuttost baxx ta’ fatalitajiet minħabba aċċidenti kimiċi kbar, fis-snin reċenti 2014 u 2015 il-fatalitajiet kienu ħafna ogħla, li juri l-importanza li tinżamm il-viġilanza fil-konfront tar-riskji ta’ aċċidenti kimiċi (ara l-
    Figure 12 u l- Figure 13 ).

    Illustrazzjoni 12: Għadd ta’ fatalitajiet fuq il-post u lil hinn mill-post matul il-perjodu 2000-2018

    Illustrazzjoni 13: Għadd ta’ korrimenti fuq il-post u lil hinn mill-post matul il-perjodu 2000-2018

    Matul il-perjodu 2000-2018, l-aktar kriterji rrapportati b’mod komuni, mis-sitt kriterji previsti fl-Anness VI, għan-notifika ta’ aċċident kbir lill-Kummissjoni, ma nbidlux u huma:

    -Il-kwantità ta’ sustanzi involuti;

    -Korriment ta’ persuni;

    -Ħsara lill-proprjetà.

    Illustrazzjoni 14: Kriterji għar-rapportar tal-aċċidenti l-kbar f’eMARS għall-perjodu 2000–2018 17 ,  18

    Fir-rigward tal-attività industrijali involuta, id-data miġbura turi li l-manifattura tas-sustanzi kimiċi (114-il aċċident kbir) u s-setturi tar-raffineriji petrokimiċi u taż-żejt (105 aċċidenti kbar) huma l-aktar suxxettibbli għal aċċidenti kbar (ara l- Figure 15 ).

    Illustrazzjoni 15: L-għadd ta’ aċċidenti skont it-tip ta’ attività fis-snin 2000-2018

    2it-triq ’il quddiem biex tittejjeb il-prevenzjoni tal-aċċidenti industrijali

    Id-data rrapportata mill-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva Seveso-III tipprovdi informazzjoni utli biex jiġu identifikati l-azzjonijiet meħtieġa biex tkompli tittejjeb il-prevenzjoni tal-aċċidenti industrijali. Għal dan il-għan, ġew identifikati tliet xprunaturi ewlenin, li jippermettu valutazzjoni sinifikattiva tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha:

    1.It-titjib tal-implimentazzjoni u tal-konformità

    2.It-titjib u s-simplifikazzjoni tar-rapportar

    3.It-tisħiħ tal-iskambji bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar it-tagħlimiet meħuda u l-prattiki tajbin

    It-titjib tal-implimentazzjoni u l-konformità tad-Direttiva Seveso-III

    Id-Direttiva Seveso-III kellha tiġi trasposta fir-reġimi leġiżlattivi tal-Istati Membri sal-1 ta’ Ġunju 2015. Fin-nuqqas ta’ traspożizzjoni f’waqtha minn 16-il Stat Membru, il-Kummissjoni segwiet proċeduri ta’ ksur ta’ nuqqas ta’ komunikazzjoni fil-perjodu 2015-2017. Il-każijiet kollha sussegwentement ingħalqu wara l-komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni.

    Il-Kummissjoni kienet qed timmonitorja wkoll mill-qrib it-traspożizzjoni korretta tad-Direttiva. F’16-il Stat Membru nstabu problemi ta’ traspożizzjoni, u ġew imnedija jew qegħdin jiġu mnedija proċeduri ta’ ksur biex dawn jiġu indirizzati.

    Għalkemm is-sitwazzjoni qiegħda titjieb b’mod ġenerali, sena wara sena, kif indikat mill-analiżi tar-rapporti tal-Istati Membri, il-Kummissjoni identifikat ċerti nuqqasijiet u se tinvestiga r-raġunijiet sottostanti għan-nuqqas ta’ konformità (eż. dwar l-EEPs u l-informazzjoni lill-pubbliku).

    Jekk tali nuqqasijiet, li jwasslu għal riskji akbar ta’ aċċidenti, u b’hekk jimminaw l-objettivi tad-Direttiva, ikunu r-riżultat ta’ kwistjonijiet strutturali aktar milli ta’ darba, il-Kummissjoni se tikkunsidra li tibda proċedimenti ta’ ksur kif xieraq 19 .

    It-titjib u s-simplifikazzjoni tar-rapportar

    Il-Kummissjoni se tkompli taħdem biex ittejjeb u tissimplifika l-proċess ta’ rapportar, kif ukoll biex timmassimizza s-sinerġiji billi tgħaqqad id-diversi bażijiet tad-data li fihom data dwar l-istabbilimenti industrijali. Dan għandu l-għan li jtejjeb ir-rilevanza u l-kwalità tad-data pprovduta mill-Istati Membri, filwaqt li jnaqqas il-piż amministrattiv.

    L-ewwel nett, il-Kummissjoni tixtieq li ttejjeb il-bażi tad-data dwar aċċidenti industrijali kbar (eMARS 20 ), li bħalissa tinkludi informazzjoni limitata dwar il-konsegwenzi soċjoekonomiċi usa’ u fit-tul (eż. proprjetà mitlufa jew li saritilha ħsara, ħsara ambjentali fit-tul, telf ta’ impjiegi, telf tar-reputazzjoni, impatt fit-tul fuq il-viċinat), peress li l-informazzjoni rrapportata, tipikament hija relatata mal-impatti immedjati (eż. korrimenti u mwiet). Valutazzjoni aktar dettaljata tal-impatti soċjoekonomiċi u ambjentali tal-aċċidenti hija rilevanti biex jittaffew aħjar il-konsegwenzi fit-tul ta’ aċċidenti industrijali kbar.

    It-tieni, il-Kummissjoni tixtieq ittejjeb ir-rapportar ta’ “kważi aċċidenti”. Dawn huma aċċidenti li matulhom ma tkun saret ħsara lil ebda proprjetà u ma jkun seħħ l-ebda korriment personali, iżda fejn faċilment seta’ jseħħ dannu jew korriment. Għalhekk, huwa sors siewi ta’ informazzjoni għall-kondiviżjoni tat-tagħlimiet madwar l-UE.

    It-tielet, ir-rapportar ta’ aċċidenti industrijali kbar ta’ dawn l-aħħar snin x’aktarx li ma jkunx komplut minħabba ż-żmien meħtieġ għal investigazzjonijiet ġudizzjarji sħaħ u d-diffikultà li jiġi pprovdut rapportar f’żewġ stadji skont is-sistema ta’ rapportar attwali. Is-sistema ta’ rapportar jenħtieġ li tittejjeb fil-futur biex jiġi ffaċilitat ir-rapportar f’żewġ stadji b’(1) rapport preliminari qasir sottomess ftit wara l-okkorrenza tal-aċċident u (2) rapport komplet introdott ladarba jkunu seħħew l-investigazzjonijiet rilevanti kollha.

    Fl-aħħar nett, l-istabbiliment ta’ aktar indikaturi statistiċi fir-rapportar tal-Istati Membri (eż. dwar l-għadd ta’ spetturi u spezzjonijiet) jippermetti segwitu aħjar tar-rekwiżiti stabbiliti bid-Direttiva. Din tkun informazzjoni importanti oħra, speċjalment għat-tagħlimiet meħuda biex tittejjeb il-prevenzjoni tal-aċċidenti industrijali, u tista’ tikkontribwixxi b’mod utli għall-Qafas integrat ta’ Monitoraġġ u Prospettiva ta’ Tniġġis Żero.

    It-tisħiħ tal-iskambji bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni

    Il-ħidma fuq it-tagħlimiet meħuda minn aċċidenti u minn spezzjonijiet industrijali kbar huma elementi ewlenin biex tinżamm il-kultura tas-sikurezza industrijali madwar l-Unjoni Ewropea u biex jittejbu l-prevenzjoni u l-mitigazzjoni tal-aċċidenti.

    Il-Kummissjoni twettaq missjonijiet importanti relatati mal-prevenzjoni ta’ aċċidenti industrijali. Dan huwa b’mod partikolari l-każ għall-analiżi tal-aċċidenti industrijali, li jipprovdi appoġġ lill-Istati Membri dwar l-analiżi tar-riskju u tal-konsegwenzi, li jmexxi lill-grupp ta’ ħidma tekniku dwar l-ispezzjoni u t-twassil ta’ għodod ta’ spezzjonijiet. Din il-ħidma trid titkompla u tissaħħaħ biex jiġu ssodisfati l-objettivi stabbiliti fil-Patt Ekoloġiku Ewropew.

    Matul il-perjodu li jkopri dan ir-rapport, il-Kummissjoni ħadmet mill-qrib mal-Istati Membri fuq it-titjib, fejn meħtieġ, tal-bini tal-kapaċità tagħhom u fuq id-definizzjoni ta’ qafas għal azzjoni li għandha tiġi implimentata biex tittejjeb il-prevenzjoni ta’ aċċidenti industrijali. Fis-snin li ġejjin, dan jista’ jinkludi aktar appoġġ dwar ir-rapportar ta’ kważi aċċidenti, l-inkorporazzjoni tal-impatti fit-tul fir-rapportar u t-tisħiħ tal-fehim tal-impatti soċjoekonomiċi u ambjentali tal-aċċidenti.

    L-avvanzi progressivi fil-qasam tal-ġestjoni tar-riskju tas-sustanzi kimiċi (eż. l-identifikazzjoni ta’ sustanzi ta’ tħassib għoli ħafna, id-definizzjoni ta’ kriterji għal użi essenzjali 21 , proposta li l-Kummissjoni tiġi fdata bid-dmir li twettaq awditi fl-Istati Membri) mistennija li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, b’mod partikolari l-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Tniġġis Żero tiegħu u l-Istrateġija dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà 22 , se jkomplu jtejbu l-għarfien meħtieġ biex jiġu evitati aħjar l-aċċidenti industrijali.

    3Konklużjonijiet

    Id-Direttiva Seveso-III, li tkopri madwar 12 000 stabbiliment fejn jistgħu jkunu preżenti s-sustanzi perikolużi, għandha rwol importanti fit-tmexxija ta’ UE industrijalizzata ħafna lejn l-ambizzjoni ta’ tniġġis żero permezz tal-prevenzjoni tal-aċċidenti industrijali. Matul il-perjodu 2005-2015, kien hemm, bħala medja, inqas minn 25 aċċident kbir kull sena fl-UE, b’impatti dejjem aktar imnaqqsa. Din id-Direttiva hija meqjusa b’mod ġenerali bħala punt ta’ riferiment għall-politika tal-aċċidenti industrijali u kienet mudell għal-leġiżlazzjoni f’bosta pajjiżi madwar id-dinja.

    L-analiżi tar-rapporti tal-Istati Membri turi li kważi fl-oqsma kollha (informazzjoni pubblika, l-istabbiliment tal-EEPs, l-għadd ta’ korrimenti, eċċ.) kien hemm titjib fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva Seveso-III meta mqabbel mad-data rrapportata f’perjodi preċedenti.

    Madankollu, kull aċċident huwa aċċident żejjed, u huma meħtieġa aktar sforzi biex tittejjeb il-prevenzjoni tagħhom, kif mitlub fil-Patt Ekoloġiku Ewropew u fil-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Tniġġis Żero. Għalhekk, il-Kummissjoni se żżid l-isforzi tagħha biex tappoġġa l-implimentazzjoni xierqa tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva Seveso-III u tieħu l-passi ta’ infurzar, kull meta jkun meħtieġ, biex tiżgura li dawn id-dispożizzjonijiet jiġu osservati b’mod effettiv u jwasslu l-benefiċċji ambjentali u tas-saħħa maħsuba. Se ssaħħaħ ukoll il-kooperazzjoni tagħha mal-Istati Membri biex ittejjeb il-prevenzjoni tal-aċċidenti industrijali.

    F’dan ir-rigward, id-DĠ ENV u d-DĠ ECHO se jiżviluppaw sinerġiji bejn id-Direttiva Seveso-III u l-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili, sabiex itejbu l-prevenzjoni, l-istat tat-tħejjija u r-rispons fil-każ ta’ aċċident industrijali kbir. Dawn l-isforzi jinkludu l-ħidma li ġejja biex tkun tista’ tiġi identifikata s-Sistema elettronika għall-Irkupru tal-Impjanti Seveso (eSPIRS) fis-Sistema Globali ta’ Twissija u Koordinazzjoni għad-Diżastri 23 biex l-operaturi u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jkunu jistgħu jiġu avżati f’każ ta’ avveniment li jista’ jwassal għal aċċident industrijali kbir. Il-Kummissjoni (id-DĠ Ambjent u ċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka) u l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent se jibdew ukoll ħidma biex itejbu u jissimplifikaw l-obbligi ta’ rapportar dwar l-istabbilimenti u l-aċċidenti kbar. Barra minn hekk, l-Uffiċċju dwar il-Perikli ta’ Aċċidenti Kbar taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka se jkompli jipprovdi appoġġ xjentifiku u tekniku lill-Istati Membri, speċjalment fil-qafas tal-grupp ta’ ħidma tekniku dwar l-ispezzjonijiet u l-programm tiegħu ta’ żjarat konġunti reċiproċi.

    Dan ir-rapport jippreżenta l-aktar data reċenti miġbura u għandu l-għan li jinforma b’mod oġġettiv dwar l-istat attwali tal-funzjonament tad-Direttiva Seveso-III u dwar il-progress li sar fid-dawl tal-objettivi tagħha. Flimkien mal-informazzjoni li se tiġi pprovduta fir-rapport futur li jkopri l-perjodu 2019-2022, dan se jippermetti lill-Kummissjoni tivvaluta l-ħtieġa li tirrevedi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva fl-2023, kif meħtieġ mill-Artikolu 29(1).

    (1) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Il-Patt Ekoloġiku Ewropew ( COM/2019/640 final )
    (2) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Perkors għal Pjaneta b’Saħħitha għal Kulħadd Pjan ta’ Azzjoni tal-UE: “Lejn Tniġġis Żero għall-Arja, għall-Ilma u għall-Ħamrija” ( COM/2021/400 final )
    (3) Id-Direttiva 2012/18/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta Lulju 2012 dwar il-kontroll ta’ perikli ta’ aċċidenti kbar li jinvolvu sustanzi u taħlitiet perikolużi, li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/82/KE, ĠU L 197, 24.7.2012, p. 1–37.
    (4) 2014/896/UE: Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Diċembru 2014 li tistabbilixxi l-format għall-komunikazzjoni ta’ informazzjoni mill-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2012/18/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kontroll ta’ perikli ta’ aċċidenti kbar li jinvolvu sustanzi u taħlitiet perikolużi (notifikata bid-dokument C(2014) 9335)
    (5) Sistema ta’ Rapportar ta’ Aċċidenti Kbar ( https://emars.jrc.ec.europa.eu )
    (6)   https://circabc.europa.eu/w/browse/df2c6a1c-99bb-4b13-b68c-b8a1e33c95c5  
    (7)   https://circabc.europa.eu/w/browse/4cc9ca17-0920-4d8a-8796-6ffa170612b7  
    (8) Għall-perjodu 2015-2018, ir-Renju Unit kien Stat Membru tal-UE
    (9) Id-Direttiva tkopri stabbilimenti fejn jistgħu jkunu preżenti sustanzi perikolużi (eż. matul l-ipproċessar jew il-ħżin) fi kwantitajiet li jaqbżu ċertu limitu. Skont l-ammont ta’ sustanzi perikolużi preżenti, l-istabbilimenti jiġu kkategorizzati f’livelli ogħla u aktar baxxi, b’dawn tal-aħħar soġġetti għal rekwiżiti aktar stretti.
    (10) Id-data tal-1996 u tal-1999 ma hijiex kompletament komparabbli minħabba d-definizzjonijiet differenti tal-istabbilimenti u tal-istallazzjonijiet. Jista’ jkun li diversi installazzjonijiet li jkunu jinsabu fl-istess stabbiliment ġew irrapportati b’mod individwali, u dan jispjega t-tnaqqis apparenti fl-2002. Minbarra l-klassifikazzjoni ta’ sustanzi perikolużi, il-klassifikazzjoni nbidlet bid-Direttiva Seveso-III.
    (11) Nota: L-Istati Membri li ma humiex imsemmija fl-illustrazzjoni rrapportaw li huma konformi mal-obbligu li jiġu stabbiliti l-EEPs għall-istabbilimenti tal-livelli ogħla
    (12) Nota: L-Istati Membri li ma humiex imsemmija fl-illustrazzjoni rrapportaw li ttestjaw l-EEPs kollha matul il-perjodu 2015-2018. Il-Greċja u r-Repubblika Ċeka rrapportaw li ttestjaw biss parti mill-EEPs kollha, mingħajr ma indikaw madankollu kemm minnhom ma ġewx ittestjati – għalhekk, dawn jidhru griżi fl-illustrazzjoni.
    (13) Tnedew jew qegħdin jiġu mnedija proċeduri ta’ ksur kontra dawk l-Istati Membri fejn in-nuqqas ta’ konformità mal-Artikolu 14(1) jirriżulta minn traspożizzjoni skorretta. Għal kwistjonijiet oħrajn ta’ nuqqas ta’ konformità, il-Kummissjoni se tinvestiga ulterjorment ir-raġunijiet sottostanti ta’ nuqqas ta’ konformità. Jekk tali nuqqasijiet, li jwasslu għal riskji akbar ta’ aċċidenti, u b’hekk jimminaw l-objettivi tad-Direttiva, ikunu r-riżultat ta’ kwistjonijiet strutturali aktar milli ta’ darba, il-Kummissjoni se tikkunsidra li tibda proċedimenti ta’ ksur kif xieraq.
    (14) Nota: L-Istati Membri li ma humiex imsemmija fl-illustrazzjoni rrapportaw li żammew l-informazzjoni fl-Anness V disponibbli b’mod permanenti għall-istabbilimenti kollha fit-territorju tagħhom.
    (15) Nota: L-Istati Membri li ma humiex imsemmija fl-illustrazzjoni rrapportaw li l-istabbilimenti kollha fit-territorju tagħhom ipprovdew tali informazzjoni lill-pubbliku.
    (16)  Dan ir-rapport ikopri l-perjodu 2015-2018, madankollu l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri għas-snin 2016-2018 jenħtieġ li tinqara b’kawtela, peress li x’aktarx li ma tkunx kompluta fil-bażi tad-data eMARS minħabba dewmien fl-investigazzjoni, rieżamijiet interni u traduzzjoni.
    (17) It-total tal-kriterji għar-rapportar huwa ogħla mill-għadd totali ta’ aċċidenti rrapportati, irrapportati bħala aċċident, jista’ jissodisfa diversi kriterji.
    (18) Il-kriterji previsti fl-Anness VI għan-notifika ta’ aċċident kbir lill-Kummissjoni.
    (19) F’konformità mal-prijoritajiet ta’ infurzar kif stipulati fil-Komunikazzjoni “Id-Dritt tal-UE: Riżultati aħjar permezz ta’ applikazzjoni aħjar”; C(2016)8600 final.
    (20) The Minerva Portal of the Major Accident Hazards Bureau, A Collection of Technical Information and Tools Supporting EU Policy on Control of Major Chemical Hazards, https://emars.jrc.ec.europa.eu/en/emars/accident/search  
    (21) Filwaqt li titqies id-definizzjoni ta’ użi essenzjali fil- Montreal Protocol on Substances that Deplete the Ozone Layer (Protokoll ta’ Montreal dwar Sustanzi li Jnaqqsu s-Saff tal-Ożonu), li ġie introdott biex jivvaluta jekk l-użu ta’ ċerti sustanzi kimiċi huwiex fil-fatt meħtieġ, filwaqt li jirrikonoxxi li l-firxa tas-sustanzi kimiċi koperti bil-qafas regolatorju tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi hija ferm usa’ mill-firxa speċifika tas-sustanzi kimiċi koperti mill-Protokoll ta’ Montreal.
    (22) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Strateġija dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà, Lejn Ambjent Ħieles mit-Tossiċità, Dokument COM(2020) 667
    (23)   https://www.gdacs.org/  
    Top