IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 29.9.2021
COM(2021) 591 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Pjan ta’ azzjoni tal-UE mġedded kontra l-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali (2021-2025)
Introduzzjoni
It-twassil ta’ rispons Ewropew b’saħħtu għall-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali ġewwa u barra l-UE huwa parti essenzjali mill-approċċ komprensiv għall-migrazzjoni, stabbilit fil-Patt il-Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil. Il-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali hija attività kriminali transfruntiera li tpoġġi l-ħajjiet tal-migranti f’riskju, turi nuqqas ta’ rispett għall-ħajja u d-dinjità tal-bniedem għall-kisba ta’ profitt, u timmina l-objettivi tal-ġestjoni tal-migrazzjoni tal-UE u d-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati.
Filwaqt li sar progress fil-livell tal-UE bl-istrutturi meħtieġa fis-seħħ bħall-istabbiliment taċ-
Ċentru Ewropew kontra l-Faċilitazzjoni ta’ Dħul Klandestin ta’ Migranti
tal-Europol u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni operazzjonali bejn l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri tal-UE, l-Aġenziji rilevanti tal-UE u l-pajjiżi sħab, li rriżultaw fiż-żarmar ta’ wħud min-networks kriminali, il-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali għadha sfida serja li jeħtieġ li tiġi indirizzata kontinwament, b’mod konġunt u kollettivament.
Il-Kunsill Ewropew, fil-konklużjonijiet tiegħu tal-24-25 ta’ Ġunju 2021, afferma mill-ġdid l-importanza tal-ġlieda kontra l-faċilitaturi tal-immigrazzjoni illegali, qajjem tħassib serju dwar l-iżviluppi fuq xi rotot migratorji li jeħtieġu azzjoni urġenti u appella għal approċċ ta’ rotta sħiħa biex dawn jiġu indirizzati, inkluż billi tinqered il-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti u t-traffikar tal-bnedmin. Barra minn hekk, wara l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-24-25 ta’ Mejju 2021, u bi tweġiba għar-rwol dejjem akbar tal-atturi tal-Istat fil-faċilitazzjoni tal-migrazzjoni irregolari u l-użu tal-bnedmin biex tinħoloq pressjoni fil-fruntieri esterni tal-UE, l-UE u l-Istati Membri tagħha esprimew id-determinazzjoni qawwija tagħhom, u aġixxew b’mod konġunt, biex jirrispondu għal dan it-theddid u jipproteġu b’mod effettiv il-fruntieri esterni tal-UE kontra l-istrumentalizzazzjoni tal-migrazzjoni għal finijiet politiċi.
It-tisħiħ tar-rispons għall-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni hija sfida komuni għall-UE, l-Istati Membri tagħha u l-pajjiżi sħab bl-istess mod. Dan jirrikjedi approċċ ta’ rotta sħiħa li jgħaqqad il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni internazzjonali mas-sħab tagħna u bejn l-Istati Membri biex jitkisser il-mudell kummerċjali tal-faċilitaturi ta’ dħul klandestin ta’ persuni.
Il-ħidma ma’ pajjiżi sħab biex jitnaqqsu l-inċentivi biex wieħed jimbarka fi vjaġġi perikolużi tinvolvi l-appoġġ tagħhom fuq il-firxa sħiħa ta’ aspetti relatati mal-migrazzjoni, l-għoti ta’ protezzjoni lil dawk fil-bżonn, l-indirizzar tal-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni irregolari, il-ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ impjieg u l-promozzjoni ta’ xogħol deċenti, il-promozzjoni tal-migrazzjoni legali u rotot legali sikuri lejn l-Ewropa, kif ukoll it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tagħhom ta’ ġestjoni tal-fruntieri u tal-migrazzjoni. Ir-ritorn effettiv u r-riintegrazzjoni sostenibbli ta’ dawk mingħajr dritt legali li jibqgħu fl-UE jikkontribwixxu wkoll għat-tnaqqis tal-inċentivi għall-migrazzjoni irregolari u jipprovdu l-opportunità għal bidu ġdid għall-persuni li jirritornaw lejn il-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom. Il-possibbiltà li l-migranti irregolari jsibu impjieg fl-ekonomija informali hija waħda mill-muturi ewlenin tal-migrazzjoni irregolari. L-implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva dwar Sanzjonijiet kontra Min Iħaddem hija importanti biex tiskoraġġixxi l-migrazzjoni irregolari u tipproteġi d-drittijiet tal-ħaddiema migranti irregolari. Il-Kummissjoni qed tippreżenta, flimkien ma’ dan il-pjan ta’ azzjoni mġedded tal-UE, il-valutazzjoni tagħha tal-istat ta’ implimentazzjoni, akkumpanjata minn sett ta’ miżuri meħtieġa sabiex tissaħħaħ l-effettività tiegħu, b’enfasi fuq sanzjonijiet kontra min iħaddem, miżuri għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-migranti irregolari u spezzjonijiet.
Il-pjan ta’ azzjoni mġedded tal-UE kontra l-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni (2021–2025) - li jqis ir-riżultati ta’ konsultazzjonijiet immirati mal-partijiet ikkonċernati, kif ukoll konsultazzjoni pubblika - jistabbilixxi l-pilastri ewlenin u l-azzjonijiet konkreti meħtieġa biex jiġi miġġieled u evitat il-kuntrabandu, u biex jiġi żgurat li d-drittijiet fundamentali tal-migranti jkunu protetti bis-sħiħ. Huwa jibni fuq u jippromwovi l-implimentazzjoni u t-tiġdid kontinwi tal-azzjonijiet ta’ suċċess imnedija skont il-pjan ta’ azzjoni tal-UE 2015-2020. Fl-istess ħin, jeħtieġ li l-UE ssaħħaħ ir-rispons tagħha għar-realtà u l-prattiki ġodda u li qed jevolvu li qed jitfaċċaw tul ir-rotot migratorji, f’kooperazzjoni mal-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu, fi spirtu ta’ sħubija u responsabbiltà reċiproka.
Il-pjan ta’ azzjoni mġedded tal-UE jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Patt il-Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil (il-Patt il-Ġdid), billi jimmira li jipprevjeni t-telf ta’ ħajja, inaqqas il-migrazzjoni mhux sikura u irregolari u jiffaċilita l-ġestjoni ordnata tal-migrazzjoni u l-istabbiliment ta’ politika tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-ażil sostenibbli. Billi jikkontribwixxi għat-tfixkil tan-negozji kriminali, huwa jappoġġa wkoll l-objettivi tal-Istrateġija tal-Unjoni tas-Sigurtà tal-UE, kif ukoll l-Istrateġiji tal-UE biex tiġi indirizzata l-Kriminalità Organizzata 2021–2025 u dwar il-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin 2021–2025 li ser jiġu implimentati f’sinerġija sħiħa.
1.Is-sitwazzjoni tal-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni
Skont l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol), aktar minn 90% tal-migranti irregolari li jaslu fl-UE jagħmlu użu mill-faċilitaturi tal-immigrazzjoni, jew matul il-vjaġġ kollu tagħhom jew parti minnu. Żewġ terzi minnhom ma jissodisfawx il-kriterji biex jingħataw protezzjoni internazzjonali u eventwalment se jkollhom jiġu ritornati. Il-miżuri restrittivi fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 għamlu l-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni aktar kumplessa, u dan wassal għal involviment akbar ta’ networks kriminali, prezzijiet ogħla u fl-aħħar mill-aħħar profitti ogħla. Fl-ewwel nofs tal-2021, il-qsim illegali tal-fruntieri żdied b’59 % meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2020. Huwa ċar li l-faċilitaturi ta’ dħul klandestin ta’ migranti adattaw malajr għal ċirkostanzi ġodda: wara tnaqqis inizjali matul Marzu u April 2020, l-attivitajiet reġgħu bdew malajr.
Networks kriminali ta’ faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni— kif joperaw
Il-faċilitaturi tal-immigrazzjoni jpoġġu ħajjet in-nies f’riskju, joffru perspettivi foloz u jikkawżaw ħsara serja lill-migranti. Id-drittijiet fundamentali tal-migranti spiss jinkisru b’mod gravi u l-migranti spiss ma jkunux jistgħu jfittxu l-għajnuna minħabba l-istatus irregolari tagħhom. Il-migranti — b’mod partikolari dawk f’sitwazzjonijiet vulnerabbli bħat-tfal u l-minorenni mhux akkumpanjati — huma esposti għal vjolenza, estorsjoni, sfruttament, stupru, abbuż, serq, ħtif u anke omiċidju. Skont l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni, mill-2014 ‘l hawn, mietu aktar minn 20 000 migrant waqt li kienu qed jippruvaw jaqsmu l-Baħar Mediterran, li minnhom 1 369 fl-2021.
Il-faċilitazzjoni tal- immigrazzjoni illegali hija attività ewlenija għal networks kriminali sostnuti minn domanda kontinwa. Din id-domanda hija mistennija li tkompli, xprunata minn diversi fatturi: It-tkabbir demografiku bid-diffikultajiet soċjoekonomiċi li jakkumpanjawhom u n-nuqqas ta’ opportunitajiet ta’ impjieg, id-diskriminazzjoni, l-instabbiltà, il-kunflitti, id-degradazzjoni ambjentali u t-tibdil fil-klima, il-perċezzjoni tal-UE bħala reġjun ekonomikament, politikament, soċjalment u ambjentalment aktar stabbli; id-diżinformazzjoni u n-narrattiva falza tal-faċilitaturi tal-immigrazzjoni, li tattira lill-migranti biex jimbarkaw fuq vjaġġi perikolużi b’wegħdiet li ma jikkorrispondux mar-realtà. Barra minn hekk, fit-terminu medju u fit-tul, il-konsegwenzi sanitarji, ekonomiċi, soċjali u politiċi tal-pandemija jistgħu jinċentivaw il-migrazzjoni irregolari lejn l-Ewropa, u b’hekk isostnu d-domanda għal servizzi ta’ faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni. Fil-passat, pajjiżi partikolarment affettwati minn qgħad fit-tul saru pajjiżi ta’ oriġini, kemm għall-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali kif ukoll għat-traffikar ta’ bnedmin lejn pajjiżi aktar għonja. Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet ekonomiċi li qed jiddgħajfu fl-UE jistgħu jżidu d-domanda għal xogħol irħis fis-suq illegali, li huwa aktar probabbli li jattira migranti irregolari u jwassal għall-isfruttament tax-xogħol, inkluż ix-xogħol furzat.
In-networks tal-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali jistgħu jadattaw rapidament l-offerta tagħhom ta’ servizzi illeċiti. Dawn jiffunzjonaw b’modi differenti, skont il-postijiet ġeografiċi u l-kuntest li joperaw fihom. Huma joffru diversi servizzi, inklużi modi differenti ta’ trasport, djar sikuri tul ir-rotta u dokumenti tal-ivvjaġġar frodulenti. Għat-trasport bl-ajru, il-frodi tad-dokumenti għall-karti tal-identità u l-viżi għandu rwol ewlieni, filwaqt li fuq l-art, il-ħabi fil-vetturi jew saħansitra l-mixi bejn il-fruntieri huwa parti mill-vjaġġ.
Il-faċilitaturi tal-immigrazzjoni jagħmlu użu minn diversi sistemi ta’ pagament, li jvarjaw minn metodi online għal sistemi bankarji illegali, fejn il-flus jiġu ddepożitati u jinġabru mal-konsenja tas-servizz miftiehem. Il-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali b’mod diġitali huwa sfida ġdida għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji peress li l-faċilitaturi tal-immigrazzjoni qed jużaw dejjem aktar servizzi u għodod diġitali, bħall-midja soċjali u l-applikazzjonijiet mobbli għar-reklutaġġ, il-komunikazzjoni u t-trasferimenti tal-flus, il-ġbir u t-trasferiment tal-migranti, l-għoti ta’ gwida dwar ir-rotot, il-kondiviżjoni ta’ ritratti u filmati ta’ dokumenti u biljetti, u anke l-monitoraġġ tal-attivitajiet tal-infurzar tal-liġi.
Huwa stmat li n-networks tal-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni jagħmlu profitti sostanzjali mill-attivitajiet kriminali tagħhom, li jvarjaw bejn EUR 4.7–6 biljun fis-sena madwar id-dinja. Filwaqt li l-prezzijiet tas-servizzi ta’ faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin jidhru li jvarjaw skont ir-rotot u s-servizzi ta’ faċilitazzjoni pprovduti, l-investigazzjonijiet ta’ każijiet ta’ faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali wrew li l-prezzijiet tas-servizzi ta’ faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ġeneralment jistgħu jilħqu EUR 20 000 għal kull individwu.
Il-profil, l-organizzazzjoni u l-attivitajiet ta’ faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni u n-networks ta’ faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni, kif ukoll il-livell ta’ servizzi illeċiti pprovduti, ivarjaw b’mod sinifikanti skont il-kuntesti soċjoekonomiċi, politiċi u kulturali fil-pajjiżi sħab. Il-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni bħala attività ekonomika illeċita tappoġġa firxa ħafna usa’ ta’ attivitajiet fil-pajjiżi ta’ oriġini, ta’ tranżitu u ta’ destinazzjoni, mis-sidien tal-ħwienet li jbigħu ġkieket tas-salvataġġ jew provvisti tal-ivvjaġġar, għall-kiri tal-vetturi, għas-sidien ta’ bastimenti u lukandi f’ċerti ċentri tat-trasport, sal-ħwienet tat-trasferimenti tal-flus. In-networks tal-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni spiss jiddependu fuq rabtiet stabbiliti fi ħdan il-komunità, li permezz tagħhom is-servizzi tal-faċilitaturi ta’ dħul klandestin huma rakkomandati lil migranti potenzjali oħra u jiġu żgurati pagamenti
.
L-istrutturi tal-kriminalità organizzata li kapaċi jwettqu operazzjonijiet sofistikati li jkopru l-firxa sħiħa ta’ servizzi ta’ faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali tul ir-rotta sħiħa jikkostitwixxu riskju għoli għas-sigurtà tal-Ewropa, b’mod partikolari l-individwi fl-ogħla livelli ta’ dawn l-organizzazzjonijiet kriminali. Madwar 50 % tan-networks involuti fil-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali huma polikriminali, involuti wkoll fit-traffikar tal-bnedmin, it-traffikar tad-drogi, il-frodi tas-sisa, it-traffikar tal-armi tan-nar u l-ħasil tal-flus. In-networks kriminali qed jorganizzaw dejjem aktar żwiġijiet fittizji bħala parti minn skemi ta’ frodi sofistikati, li jiġġeneraw profitti billi prinċipalment jattiraw lin-nisa f’pożizzjonijiet vulnerabbli f’attività li tidher li taqla’ “flus faċli” iżda minflok taqbadhom f’xibka ta’ sfruttament u abbuż.
F’xi każijiet dawn in-networks għandhom rabtiet ma’ organizzazzjonijiet kriminali vjolenti u/jew gruppi armati, bħal f’xi żoni tas-Saħel, li jħallsu għat-tranżitu sikur f’sezzjonijiet tat-territorju taħt il-kontroll tagħhom. F’każijiet oħra, bħal fil-Libja, il-milizzji lokali jidhru dejjem aktar involuti f’attivitajiet ta’ faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni.
Żviluppi fil-flussi migratorji irregolari
Filwaqt li r-rotot jistgħu jinbidlu b’mod rapidu b’reazzjoni għal żieda fil-miżuri u l-kontrolli tal-fruntieri, l-attivitajiet tal-infurzar tal-liġi jew ir-riskji għas-sigurtà, iċ-ċentri ta’ faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin fejn jiltaqgħu d-domanda u l-provvista ta’ servizzi ta’ faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ persuni, għandhom it-tendenza li jkunu relattivament stabbli. Normalment dawn huma bliet kapitali jew bliet ewlenin li jinsabu f’salib it-toroq ta’ rotot migratorji importanti. Il-faċilitaturi ta’ dħul klandestin ta’ migranti jirreklutaw migranti potenzjali b’mod proattiv, inkluż permezz ta’ kampanji ta’ informazzjoni ħażina dwar ir-rotot, ir-riskji u l-kundizzjonijiet fil-pajjiżi ta’ destinazzjoni. It-tliet rotot tal-Baħar Mediterran (tal-Punent, Ċentrali u tal-Lvant) kif ukoll ir-rotta tal-Afrika tal-Punent (spiss magħrufa wkoll bħala r-rotta tal-Atlantiku) għadhom jintużaw b’mod predominanti minn networks ta’ faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti biex idaħħlu migranti irregolari fl-UE. Huwa stmat li bejn 85 % u 90 % tal-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali fl-UE hija permezz tal-baħar.
Fuq ir-rotta tal-Mediterran Ċentrali, il-wasliet fl-Italja u Malta wrew żieda kostanti meta mqabbla mal-2020. Fuq ir-rotta tal-Mediterran tal-Punent/tal-Atlantiku, l-Alġerija ħarġet bħala punt tat-tluq ewlieni lejn Spanja kontinentali u l-Gżejjer Kanarji kienu dejjem aktar fil-mira tul ir-rotta tal-Afrika tal-Punent. Minn Awwissu 2019, il-Gżejjer Kanarji raw żieda gradwali fil-qsim illegali identifikat tal-fruntieri fuq il-baħar, filwaqt li ġiet osservata żieda esponenzjali minn Awwissu 2020. Fuq ir-rotta tal-Lvant tal-Mediterran, għalkemm il-flussi migratorji globali lejn il-Greċja u l-Bulgarija naqsu maż-żmien, dawn jibqgħu kostanti. Id-domanda għall-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali mill-migranti li jgħaddu mill-Balkani tal-Punent għadha għolja. Bħala riżultat tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar imposti b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19, l-għadd ta’ migranti li jibqgħu fil-Balkani tal-Punent żdied matul l-2020 u l-2021. L-instabbiltà kontinwa f’pajjiżi bħas-Sirja jew is-Sudan t’Isfel tista’ ssostni jew iżżid il-pressjoni migratorja. Il-kriżi li għaddejja fl-Afganistan tista’ tkompli żżid ir-riskju ta’ spostament sfurzat, flussi migratorji fir-reġjun u faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti lejn l-UE. F’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-21 ta’ Settembru 2021, l-UE ser tagħti bidu wkoll għal pjattaforma politika reġjonali ta’ kooperazzjoni mal-Afganistan biex tgħin fil-prevenzjoni tal-effetti konsegwenzjali negattivi fir-reġjun u tappoġġa r-reżiljenza ekonomika u l-kooperazzjoni ekonomika reġjonali, kif ukoll il-ħtiġijiet umanitarji u ta’ protezzjoni.
Il-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni ma tiqafx fil-fruntieri esterni tal-UE. L-offerta għal servizzi ta’ faċilitazzjoni għal movimenti mhux awtorizzati fl-UE hija diversa. In-networks tal-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni ikomplu jisfruttaw ir-rotot fi ħdan l-UE minn Spanja, l-Italja jew il-Greċja lejn Franza, il-Ġermanja u oħrajn, u jiffaċilitaw il-movimenti ta’ migranti irregolari bl-art, bil-mixi jew f’vetturi, dgħajjes u ajruplani. Modus operandi komuni huwa l-ħabi f’kompartimenti magħluqa jew l-użu ta’ karozzi tal-kiri. Il-faċilitaturi joffru s-servizzi tagħhom online u f’postijiet fejn ikunu preżenti l-biċċa l-kbira tal-migranti, bħal fil-viċinati taċ-ċentri ta’ akkoljenza. Il-faċilitaturi jużaw il-frodi tad-dokumenti biex jiffaċilitaw l-ivvjaġġar bl-ajru u, xi drabi, joffru servizzi biex jillegalizzaw l-istatus ta’ residenza tal-migranti. Il-migranti irregolari spiss jimmiraw li jilħqu pajjiżi fl-UE jew fir-Renju Unit fejn għandhom familja, ħbieb jew dijaspora preżenti, u fejn iqisu li għandhom l-aħjar prospetti biex isibu impjieg u jipprovdu għalihom infushom. Hemm evidenza emerġenti li l-faċilitaturi qed jiffaċilitaw il-movimenti mhux awtorizzati ta’ benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali.
Strumentalizzazzjoni tal-migrazzjoni irregolari minn atturi Statali
Fenomenu inkwetanti ħafna li ġie osservat reċentement huwa r-rwol dejjem akbar tal-atturi tal-Istat fil-ħolqien u l-iffaċilitar artifiċjali tal-migrazzjoni irregolari, bl-użu tal-flussi migratorji bħala għodda għal skopijiet politiċi.
Fl-2020, l-azzjonijiet fil-qafas tal-EMPACT irriżultaw f’2 110 investigazzjoni internazzjonali, 2 280 arrest, li minnhom 16 kienu fil-mira ta’ valur għoli, l-identifikazzjoni ta’ 27 network kriminali u ż-żarmar ta’ 14 minnhom, 2 350 każ ta’ frodi ta’ dokumenti, u s-sekwestru ta’ EUR 0.7 miljun fi flus kontanti, kif ukoll vetturi, armi tan-nar u drogi. Fil-qafas ta’ dawn l-azzjonijiet, instabu 26 175 migrant irregolari.
Din il-ħidma ġiet appoġġata permezz taċ-Ċentru Ewropew kontra l-Faċilitazzjoni ta’ Dħul Klandestin ta’ Migranti. Mill-2016, iċ-Ċentru appoġġa 175 investigazzjoni fuq il-post relatati mal-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali.
Minn Ġunju 2021, ġie osservat żvilupp ġdid u serju maħsub biex jiddestabbilizza l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fejn il-Bjelorussja rritaljat għas-sanzjonijiet tal-UE permezz ta’ faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni organizzata sponsorjata mill-istat lejn l-UE bl-ajruplan minn diversi pajjiżi terzi (prinċipalment mill-Iraq, kif ukoll mir-Repubblika tal-Kongo, il-Kamerun, is-Sirja u oħrajn), normalment b’viża valida jew mingħajr viża. Il-Bjelorussja ħabbret is-sospensjoni tal-ftehim ta’ riammissjoni tal-UE rratifikat fl-2020 u rrifjutat li tieħu lura dawk il-migranti irregolari li għaddew mill-Belarussja. Il-faċilitaturi ta’ dħul klandestin ta’ migranti ħadu vantaġġ mis-sitwazzjoni, b’mod partikolari tal-azzjonijiet tal-awtoritajiet Bjelorussi, billi offrew servizzi illeċiti u gwida online lill-migranti dwar kif jaslu illegalment fil-Bjelorussja u jaqsmu b’mod irregolari l-fruntiera esterna tal-UE lejn il-Litwanja, il-Latvja jew il-Polonja.
Inċidenti ta’ tentattivi orkestrati biex il-migrazzjoni irregolari tintuża għal skopijiet politiċi huma fenomenu dejjem aktar inkwetanti, li għandu jiġi indirizzat b’mod konġunt mill-UE u l-Istati Membri tagħha.
2.Nibnu fuq il-kisbiet tal-ewwel pjan ta’ azzjoni tal-UE (2015–2020)
Ġlieda mġedda madwar l-Ewropa kollha kontra l-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali jeħtieġ li twieġeb għall-isfidi persistenti, filwaqt li tindirizza dawk li qed jitfaċċaw fix-xenarju attwali. Azzjonijiet ġodda jridu jkunu msejsa fuq il-kisbiet tal-pjan ta’ azzjoni tal-UE kontra l-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni (2015–2020), li jippromwovu l-implimentazzjoni tal-istadji importanti ewlenin tal-politika u l-qafas operazzjonali kontra l-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali.
Il-pjan ta’ azzjoni tal-UE 2015–2020 stabbilixxa għall-ewwel darba approċċ komprensiv u multidixxiplinarju tal-UE biex jittrasforma n-networks ta’ faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali minn operazzjonijiet ta’ “riskju baxx u ta’ ritorn għoli” għal dawk ta’ “riskju għoli, ritorn baxx”, u biex jiżgura r-rispett sħiħ u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-migranti. Huwa stabbilixxa azzjonijiet konkreti f’erba’ pilastri ewlenin: it-titjib tal-infurzar tal-liġi u r-rispons ġudizzjarju għall-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali; il-ġbir u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni; it-titjib tal-prevenzjoni tal-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali u l-assistenza għal migranti vulnerabbli; u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni ma’ pajjiżi sħab. Sar progress fl-implimentazzjoni tal-erba’ pilastri kollha.
Il-Europol u l-Eurojust jikkooperaw permezz taċ-Ċentru Ewropew kontra l-Faċilitazzjoni ta’ Dħul Klandestin ta’ Migranti. Il-Eurojust tappoġġa l-attivitajiet tal-EMPACT tal-Istati Membri rigward modi operandi speċifiċi, bħal żwiġijiet fittizji u faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni bil-baħar jew bl-ajru.
L-istabbiliment taċ-Ċentru Ewropew kontra l-Faċilitazzjoni ta’ Dħul Klandestin ta’ Migranti tal-Europol fl-2016 huwa pass importanti fit-tisħiħ tal-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi. Iċ-Ċentru jipprovdi appoġġ operazzjonali lill-Istati Membri fl-investigazzjonijiet tagħhom, billi jiġbor flimkien investigaturi mill-Istati Membri, jipprovdi analiżi u jipparteċipa f’jiem ta’ azzjoni, fejn il-persunal tal-Europol iwettaq kontroverifiki tal-informazzjoni operazzjonali dwar każijiet ta’ faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni. Barra minn hekk, il-Pjattaforma Multidixxiplinari Ewropea Kontra t-Theddid Kriminali (EMPACT) tejbet l-intelligence kriminali, l-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni operazzjonali fost l-Istati Membri u ma’ sħab terzi. Waħda mill-prijoritajiet tagħha hija li tfixkel in-networks kriminali tul ir-rotot ewlenin lejn u fi ħdan l-UE, filwaqt li tiffoka fuq dawk in-networks li l-metodi tagħhom jipperikolaw il-ħajja tan-nies (bħall-użu ta’ ħabi fit-trakkijiet u vannijiet, u l-użu ta’ bastimenti mhux tajbin għat-tbaħħir), l-offerta ta’ servizzi online u l-użu ta’ frodi tad-dokumenti.
L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust) hija attur ewlieni fit-tisħiħ tar-rispons ġudizzjarju għall-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali. Il-Eurojust żiedet gradwalment l-appoġġ tagħha għal attivitajiet f’dan il-qasam. Mill-2020, kien hemm 217 każ kumpless li jinvolvu koordinazzjoni ġudizzjarja transfruntiera. Il-Eurojust appoġġa l-implimentazzjoni ta’ 71 Skwadra ta’ Investigazzjoni Konġunta relatati ma’ investigazzjonijiet kriminali ta’ każijiet ta’ faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali. Grupp ta’ Fokus dwar il-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali stabbilit għall-imħallfin u l-prosekuturi pubbliċi jrawwem l-identifikazzjoni tal-isfidi, u l-iskambju tal-aħjar prattiki, u t-tagħlimiet meħuda fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ każijiet ta’ faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali.
Il-Komunità tal-Intelligence Afrika-Frontex, li tkopri 30 pajjiż Afrikan, tappoġġa ż-żieda tal-kapaċitajiet analitiċi, preventivi u operazzjonali fil-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni, b’mod partikolari permezz taċ-Ċelloli tal-Analiżi tar-Riskju. Fid-9 ta’ Frar 2021, l-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-Gambja u Sierra Leone wassal għall-arrest f’każ ta’ traffikar ta’ 13-il ċittadin żagħżugħ minn Sierra Leone, li minnhom 10 kienu taħt l-età ta’ 18-il sena.
It-Tim Operattiv Konġunt Mare (JOT Mare), imniedi fl-2015, jappoġġa skambju intensifikat ta’ intelligence mal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) u kooperazzjoni mill-qrib mal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Pulizija Kriminali (Interpol), inkluż permezz tal-iskjerament tal-esperti nazzjonali tal-Istati Membri fil-Europol. Huwa jiġbor, janalizza, itejjeb u jxerred prodotti ta’ intelligence, billi appoġġja għexieren ta’ investigazzjonijiet li jindirizzaw networks kriminali involuti fil-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali bil-baħar u movimenti mhux awtorizzati assoċjati lejn pajjiżi ta’ destinazzjoni. Bil-kooperazzjoni tal-Frontex u sħab oħra, aktar minn 1 000 bastiment issuspettat li huma involuti fil-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali huma inklużi fil-bażijiet ta’ data tal-Europol.
Kampanja ta’ informazzjoni u sensibilizzazzjoni saret fin-Niġer fl-2019-2020 biex tippromwovi t-teħid ta’ deċiżjonijiet infurmati dwar il-migrazzjoni. Din kienet tikkonsisti f’involviment dirett tal-komunità permezz ta’ konsulenza dwar il-migrazzjoni individwali u avvenimenti komunitarji fuq skala akbar, kif ukoll sensibilizzazzjoni online u permezz tal-midja. 10 580 persuna fi tranżitu fin-Niġer attendew konsultazzjonijiet personali minn aktar minn 20 pajjiż ta’ oriġini, li minnhom 7 502 irrappurtaw żieda fis-sensibilizzazzjoni f’oqsma ta’ riskju ewlenin.
L-approċċ hotspot kien essenzjali fil-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni, fejn l-aġenziji tal-UE — l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Asil (EASO), il-Frontex, il-Europol u l-Eurojust — jaħdmu mill-qrib mal-awtoritajiet tal-Istati Membri li qed jiffaċċjaw pressjonijiet migratorji fil-fruntieri esterni tal-UE, biex jgħinu biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont il-liġi tal-UE u jidentifikaw, jirreġistraw u jieħdu l-marki tas-swaba’ tal-migranti li jkunu deħlin. Il-Frontex appoġġa l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-migranti li jaslu fil-fruntieri esterni tal-UE u wettaq intervisti ta’ informazzjoni biex jiġbor informazzjoni dwar networks ta’ faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin u r-rotot għall-fini ta’ analiżi tar-riskju u biex jikkontribwixxi għal investigazzjonijiet kriminali. L-involviment tal-Europol f’sessjonijiet ta’ informazzjoni u aċċess aktar sistematiku għall-ġbir ta’ informazzjoni u l-ġbir ta’ intelligence ikkontribwew għall-identifikazzjoni ta’ prattiki, networks u rotot ta’ faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ persuni. Matul dawn l-aħħar snin, l-UE u l-Istati Membri tagħha taw mandat lill-missjonijiet tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK) biex jindirizzaw l-isfidi tas-sigurtà relatati mal-migrazzjoni irregolari, isaħħu l-kooperazzjoni bejn il-PSDK u l-aġenziji tal-UE biex jgħaqqdu l-kwistjonijiet ta’ sigurtà interna u esterna. Dan wassal għal diversi inizjattivi mal-Europol, il-Frontex u l-Eurojust fil-qasam tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni. L-ambitu tal-attivitajiet imwettqa fil-qafas tal-PSDK varja mill-appoġġ lill-awtoritajiet tal-Istat ospitanti fl-isforzi tagħhom biex jikkontrollaw u jipprevjenu l-migrazzjoni irregolari u jiġġieldu r-reati assoċjati, biex jiżguraw il-ġestjoni tal-fruntieri u l-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali u t-traffikar tal-bnedmin sal-indirizzar tan-nuqqas ta’ sigurtà jew sistema fqira tal-istat tad-dritt bħala kawża ewlenija tal-migrazzjoni irregolari. Barra minn hekk, iż-żewġ operazzjonijiet tal-forzi navali tal-UE, IRINI u ATALANTA jikkontribwixxu biex ifixklu l-mudell kummerċjali tal-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali u t-traffikar tal-bnedmin.
It-Tim Konġunt ta’ Investigazzjoni fin-Niġer beda jopera fl-2016. Sas-27 ta’ Mejju 2021, huwa appoġġa l-arrest ta’ 554 suspettat u 338 kawża fil-qorti, kif ukoll l-identifikazzjoni ta’ 50 network kriminali nazzjonali u 138 network kriminali internazzjonali.
Fl-2020, bdiet tiġi implimentata Sħubija Operattiva Komuni ġdida mal-Kosta tal-Avorju. L-awtoritajiet Franċiżi nedew attivitajiet ta’ taħriġ u ta’ mentoraġġ biex isaħħu l-unitajiet investigattivi speċjalizzati dwar il-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali u t-traffikar tal-bnedmin.
Ir-Regolament dwar in-network Ewropew tal-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni, li daħal fis-seħħ fl-2019, saħħaħ il-ġbir u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni permezz ta’ qafas ġdid ta’ kooperazzjoni u koordinazzjoni fost l-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni skjerati f’pajjiżi terzi mill-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-aġenziji tal-UE. Iċ-Ċentru ta’ Skambju ta’ Informazzjoni tal-Europol stabbilixxa l-bażi għal skambju u pproċessar aktar rapidu ta’ informazzjoni mill-missjonijiet tal-Frontex, l-Interpol u tal-PSDK. Huwa jtejjeb l-istampa tal-intelligence dwar il-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali minn pajjiżi ta’ oriġini u ta’ transitu. L-unità tal-UE ta’ Indikazzjoni ta’ Kontenut fuq l-Internet fl-Europol saħħet il-kapaċità tal-awtoritajiet biex jinvestigaw kontenut malizzjuż fuq l-internet u fil-midja soċjali, biex jidentifikaw u jitolbu t-tneħħija tal-kontenut użat min-networks tal-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni. L-iżvilupp ulterjuri tal-Komunità tal-Intelligence Afrika-Frontex, b’ċelloli tal-analiżi tar-riskju fil-Gambja, il-Gana, in-Niġer, in-Niġerja u s-Senegal, saħħaħ il-ġbir u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni.
Fir-rigward tal-prevenzjoni msaħħa tal-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali u l-assistenza għal migranti vulnerabbli, il-Kummissjoni nediet kampanji ta’ informazzjoni u sensibilizzazzjoni f’pajjiżi sħab ewlenin, biex tinforma lill-migranti potenzjali dwar ir-riskji ta’ traffikar u tal-immigrazzjoni irregolari u biex tiġġieled in-narrattiva tal-faċilitaturi ta’ dħul klandestin ta’ persuni. Tnedew kampanji fil-Balkani tal-Punent, fl-Afrika u fl-Asja. Abbażi tal-informazzjoni miksuba matul il-kampanji tal-passat, u studju li l-Kummissjoni wettqet dwar dan is-suġġett, il-Kummissjoni qed tiżviluppa sett ta’ għodod bi prattiki tajbin u rakkomandazzjonijiet dwar ir-riċerka u t-tfassil tal-kampanji, it-twassil tagħhom u l-metodi ta’ ħidma.
Taħt ir-raba’ komponent tal-pjan ta’ azzjoni 2015–2020, il-Kummissjoni appoġġat il-kooperazzjoni operazzjonali bilaterali u reġjonali kontra t-traffikar tal-migranti għal kooperazzjoni aktar b’saħħitha u aktar mill-qrib mal-pajjiżi sħab tul ir-rotot migratorji ewlenin. Din il-kooperazzjoni kienet tinkludi appoġġ għall-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja, il-bini tal-kapaċità fil-ġestjoni tal-fruntieri, il-kampanji ta’ informazzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni.
Is-Sħubijiet Operattivi Komuni reġjonali u nazzjonali ffaċilitaw azzjonijiet konġunti u pprovdew il-bini tal-kapaċità għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji fil-pajjiżi sħab, filwaqt li appoġġaw l-iskambju tal-aħjar prattiki u informazzjoni. Is-sħubija Operattiva Komuni tal-Afrika ta’ Fuq, implimentata mill-Awstrija, Franza, l-Italja, il-Ġermanja, in-Netherlands u l-Interpol, b’finanzjament mill-UE, taħdem mal-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi, ir-reġjuni u l-organizzazzjonijiet Afrikani, b’enfasi fuq il-Kosta tal-Avorju, il-Ginea, it-Tuneżija, in-Niġerja, kif ukoll pajjiżi fil-Qarn tal-Afrika u l-Mekkaniżmu tal-Unjoni Afrikana għall-Kooperazzjoni tal-Pulizija (AFRIPOL). Ġew żviluppati Sħubiji Operattivi Komuni u Skwadri ta’ Investigazzjoni Konġunti mal-Mali, il-Mawritanja, in-Niġer, is-Senegal, il-Gambja, it-Turkija u l-Balkani tal-Punent, u ġie pprovdut appoġġ għall-istabbiliment ta’ network ta’ Sħubijiet Operattivi Komuni fl-Afrika tal-Punent u l-Afrika Ċentrali.
Fil-livell reġjonali, il-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt tal-Belt Valletta appoġġa t-tisħiħ tal-governanza tal-migrazzjoni bejn l-Ewropa u l-Afrika. Il-Konferenza Ministerjali ta’ Lulju 2020 bejn l-UE, l-Istati Membri tagħha u s-sħab tal-Afrika ta’ Fuq ikkonfermat id-determinazzjoni reċiproka għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti. Fl-10-11 ta’ Mejju 2021, ġie organizzat seminar ta’ livell għoli bil-parteċipazzjoni tal-UE u tas-sħab Afrikani, li jafferma mill-ġdid l-impenn tal-parteċipanti li jindirizzaw b’mod konġunt kwistjonijiet marbuta mal-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari u l-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali, l-istabbiliment ta’ għodod għar-ritorn u r-riammissjoni, kif ukoll il-migrazzjoni legali u l-mobbiltà. Mill-2018, il-proċess ta’ Niamey jappoġġa l-kooperazzjoni bejn l-UE, l-Istati Membri tagħha u l-pajjiżi fl-Afrika tal-Punent u tat-Tramuntana biex jipprevjenu u jiġġieldu l-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali u t-traffikar tal-bnedmin. Barra minn hekk, iċ-Ċentru Operazzjonali Reġjonali f’Khartoum (ROCK), stabbilit fl-2019 b’assistenza mill-UE, appoġġa l-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni, ipproduċa 245 rapport ta’ intelligence u wassal għal 19-il arrest. Qed jiġu investiti wkoll fondi sinifikanti mill-UE biex jappoġġaw pajjiżi sħab, b’mod partikolari fil-Viċinat tal-UE, filwaqt li jtejbu l-ġestjoni tal-fruntieri tagħhom u l-kapaċità li jwettqu operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ fuq l-art u fuq il-baħar.
Il-parteċipazzjoni tas-sħab tal-Balkani tal-Punent fil-Pjan ta’ Azzjoni Operazzjonali tal-EMPACT dwar il-faċilitazzjoni tal-migrazzjoni irregolari qed tikkontribwixxi għat-tfixkil tan-networks tal-kriminalità organizzata involuti fil-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali u fl-abbuż ta’ mezzi legali għall-migrazzjoni, inkluż l-użu ta’ dokumenti frodulenti. Il-proġett Kontra l-Kriminalità Serja fil-Balkani tal-Punent, iffinanzjat mill-UE, stabbilixxa ħames Timijiet Konġunti ta’ Investigazzjoni u appoġġa 115-il investigazzjoni kriminali mill-2017 ‘l hawn (li rriżultaw fi prosekuzzjoni f’37 każ), li minnhom 14 kienu relatati mat-traffikar tal-bnedmin u l-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali.
Id-dikjarazzjoni UE-Turkija tal-2016 tikkontribwixxi biex jitkisser il-mudell kummerċjali tal-faċilitaturi ta’ dħul klandestin ta’ migranti, permezz ta’ aktar kontrolli fil-fruntieri mwettqa mill-awtoritajiet Torok, u għall-prevenzjoni ta’ rotot tal-baħar jew tal-art ġodda għall-migrazzjoni irregolari. Bħala parti mid-dikjarazzjoni, it-Turkija u l-UE qablu li jkomplu jżidu l-miżuri kontra l-faċilitaturi tal-immigrazzjoni. Barra minn hekk, huma qablu li jiffaċilitaw ir-ritorn ta’ migranti irregolari mill-gżejjer Griegi, filwaqt li fl-istess ħin iżidu l-opportunitajiet għar-risistemazzjoni tas-Sirjani mit-Turkija lejn l-UE. L-UE tistenna li t-Turkija twettaq l-elementi kollha tad-dikjarazzjoni UE-Turkija. L-implimentazzjoni sħiħa tagħha ser tkun ukoll suġġett fil-kuntest tad-Djalogu ta’ Livell Għoli bejn l-UE u t-Turkija dwar il-Migrazzjoni u s-Sigurtà f’Ottubru 2021.
Fir-rigward tal-pajjiżi tar-Rotta tal-ħarir, programm reġjonali ffinanzjat mill-UE u implimentat mill-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità (UNODC) u l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM) appoġġaw l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ 184 każ ta’ faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali, li wassal għal 80 investigazzjoni u 69 każ fil-qorti.
3.It-tiġdid tal-ġlieda Ewropea kontra l-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni
Filwaqt li l-UE ħadet passi sinifikanti fil-ġlieda kontra l-faċilitaturi ta’ dħul klandestin f’dawn l-aħħar snin, għad fadal sfidi u tfaċċaw oħrajn ġodda li jeħtieġu azzjonijiet imsaħħa u approċċ komprensiv imġedded. Dan japplika kemm għall-ħidma tagħna ma’ pajjiżi sħab, kif ukoll għall-ħidma fi ħdan l-UE u kull wieħed mill-Istati Membri tagħha, il-ġlieda kontra n-networks kriminali, it-tisħiħ tal-kooperazzjoni u l-appoġġ għall-ħidma tal-infurzar tal-liġi biex tiġi indirizzata l-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni.
Il-pjan ta’ azzjoni mġedded tal-UE kontra tal-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni
(2021–2025) huwa mibni fuq il-pilastri ta’ azzjoni ewlenin li ġejjin: (1) kooperazzjoni msaħħa ma’ pajjiżi sħab u organizzazzjonijiet internazzjonali, (2) l-implimentazzjoni tal-oqfsa legali u s-sanzjonar ta’ faċilitaturi ta’ dħul klandestin attivi fl-UE u barra minnha, (3) il-prevenzjoni tal-isfruttament u l-iżgurar tal-protezzjoni tal-migranti, (4) it-tisħiħ tal-kooperazzjoni u l-appoġġ għall-ħidma tal-infurzar tal-liġi u tal-ġudikatura biex jirrispondu għal sfidi ġodda, u (5) it-titjib tal-għarfien dwar il-modi operandi tal-faċilitaturi ta’ dħul klandestin.
3.1Kooperazzjoni msaħħa ma’ pajjiżi sħab u organizzazzjonijiet internazzjonali
Il-Patt il-Ġdid jenfasizza l-importanza li jiġu żviluppati sħubijiet ta’ migrazzjoni komprensivi, ibbilanċjati, imfassla apposta u ta’ benefiċċju reċiproku ma’ pajjiżi ewlenin ta’ oriġini u ta’ tranżitu, biex jiġu indirizzati l-isfidi komuni u jiġu sfruttati l-opportunitajiet kondiviżi. Is-sħubijiet tal-migrazzjoni għandhom l-għan li jtejbu l-governanza u l-ġestjoni tal-migrazzjoni, jappoġġaw lir-refuġjati u lill-komunitajiet ospitanti f’pajjiżi sħab, jibnu opportunitajiet ekonomiċi, jippromwovu xogħol deċenti u jindirizzaw il-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni irregolari, iżidu l-kooperazzjoni dwar ir-ritorn, ir-riammissjoni u r-riintegrazzjoni, filwaqt li jiżviluppaw perkorsi legali u jattiraw il-ħiliet u t-talent lejn l-Ewropa. Il-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali tifforma parti importanti minn dawn is-sħubijiet.
L-UE diġà stabbiliet oqfsa ta’ kooperazzjoni b’suċċess ma’ pajjiżi sħab li jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari u l-faċilitazzjoni tagħha. Madankollu, l-azzjonijiet u l-isforzi s’issa huma frammentati u l-faċilitar għadu fenomenu ta’ tħassib dejjem jikber kemm għall-UE kif ukoll għall-pajjiżi sħab. Huwa meħtieġ approċċ aktar koordinat u strutturat biex jissaħħu s-sinerġiji, tiġi mmassimizzata l-effettività tal-għodod eżistenti u jiġu indirizzati sfidi ġodda, tiġi evitata l-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni u jiġi żgurat l-infurzar effettiv tal-investigazzjonijiet, il-prosekuzzjonijiet u l-kundanni, għandu jittieħed approċċ aktar koordinat u strutturat. F’konformità mal-Patt il-Ġdid, l-UE għandha għalhekk tibni fuq l-oqfsa ta’ kooperazzjoni eżistenti u tiżviluppa Sħubijiet Operattivi ddedikati u mfassla apposta għal Kontra l-Faċilitazzjoni ta’ Dħul Klandestin ma’ pajjiżi jew reġjuni terzi tul rotot migratorji lejn l-UE. Dawn is-Sħubiji Operattivi Kontra l-Faċilitazzjoni tal-Immigrazzjoni għandhom ikunu parti integrali mis-sħubiji komprensivi tal-UE dwar il-migrazzjoni ma’ pajjiżi ta’ oriġini u ta’ transitu u jappoġġaw il-kooperazzjoni reġjonali u internazzjonali.
Fil-livell internazzjonali, il-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni teħtieġ impenn attiv kontinwu man-Nazzjonijiet Uniti (NU), l-Interpol, organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali oħra kif ukoll donaturi oħra. L-UE għandha tkompli l-kooperazzjoni attiva tagħha man-NU u l-aġenziji speċjalizzati tagħha, b’mod partikolari l-UNODC, u l-Grupp ta’ Ħidma tagħha dwar il-Faċilitazzjoni ta’ Dħul Klandestin ta’ Migranti.
Barra minn hekk, huwa meħtieġ ukoll approċċ strutturat u kkoordinat biex jiġi żgurat rispons effettiv u rapidu għall-migrazzjoni irregolari ffaċilitata mill-atturi tal-Istat, li għandha tiġi diskussa wkoll f’fora multilaterali u internazzjonali.
3.1.1 Sħubijiet Operattivi Kontra l-Faċilitazzjoni ta’ Dħul Klandestin
Sabiex tiġi miġġielda b’mod effettiv in-natura transnazzjonali tat-traffikar tal-migranti lil hinn mill-fruntieri tal-UE, hija meħtieġa kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-pajjiżi sħab ewlenin ta’ oriġini u ta’ tranżitu, kemm fil-livell bilaterali kif ukoll f’dak reġjonali. Bħala parti mis-sħubijiet komprensivi tal-UE, din il-kooperazzjoni se tissarraf fi Sħubijiet imfassla apposta għal Sħubiji Operattivi Kontra l-Faċilitazzjoni ta’ Dħul Klandestin ibbażati fuq skambju kontinwu u kooperazzjoni ta’ benefiċċju reċiproku bejn l-UE u l-pajjiżi sħab. L-azzjonijiet se jkollhom l-għan li jsaħħu l-oqfsa legali, ta’ politika, operazzjonali u strateġiċi fil-pajjiżi sħab u li jżidu l-impatt, is-sjieda u s-sostenibbiltà tal-isforzi biex tiġi indirizzata l-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni.
Jeħtieġ li jiġu promossi u żgurati sinerġiji u konsistenza ma’ politiki u azzjonijiet oħra, inkluż fil-qasam tas-sigurtà (eż. is-sigurtà tal-fruntieri, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata), il-kooperazzjoni għall-iżvilupp (eż. l-edukazzjoni u t-taħriġ, l-iżvilupp tal-komunità, l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli u inklużiv) u l-governanza tajba (eż. il-ġlieda kontra l-korruzzjoni).
Is-Sħubijiet Operattivi Kontra l-Faċilitazzjoni ta’ Dħul Klandestin se jinkludu xi wħud mill-komponenti li ġejjin jew kollha kemm huma, adattati għall-ħtiġijiet ta’ pajjiżi jew reġjuni sħab u li għandhom l-għan li jsaħħu l-kooperazzjoni operazzjonali permezz ta’ skambji kontinwi, li se jipprovdu appoġġ immirat billi:
-Jassistu fl-istabbiliment ta’ oqfsa legali solidi — jew it-tisħiħ ta’ dawk eżistenti — li jibnu fuq il-Protokoll tan-NU dwar il-Faċilitazzjoni ta’ Dħul Klandestin ta’ Migranti bl-Art, bil-Baħar u bl-Ajru. Fejn il-pajjiżi sħab għadhom mhumiex Parti għall-Protokoll tan-NU, l-UE, f’kooperazzjoni mal-UNODC, ser tħeġġiġhom u tappoġġahom biex jirratifikaw il-Protokoll. Dan huwa pass ewlieni biex it-traffikar tal-migranti jiġi skoraġġut u mħarrek b’mod effettiv, sabiex il-kuntrabandisti jkunu jistgħu jiġu arrestati u kkastigati għar-reati tagħhom fil-pajjiżi ta’ oriġini. Oqfsa legali robusti huma ugwalment neċessarji għal kooperazzjoni effettiva mal-Istati Membri u l-aġenziji tal-UE, inklużi l-Europol, il-Frontex u l-Eurojust.
-L-iżgurar tal-implimentazzjoni tal-oqfsa legali permezz tal-iżvilupp ta’ politiki, strateġiji u pjanijiet ta’ azzjoni bbażati fuq l-evidenza fil-livell nazzjonali, reġjonali u kontinentali. L-appoġġ lill-pajjiż sieħeb kif ukoll lill-organizzazzjonijiet reġjonali u kontinentali, fil-ġbir tad-data, l-analiżi u r-riċerka biex jiggwidaw lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet se jkun essenzjali.
-Il-bini tal-kapaċità operazzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali u lokali fil-pajjiżi sħab biex jipprevjenu u jiskoraġġixxu l-migrazzjoni irregolari, inkluż, fejn rilevanti, billi jibnu fuq strutturi eżistenti jew jistabbilixxu ċentri ta’ koordinazzjoni dedikati. Il-kapaċità tal-pajjiżi sħab għandha tissaħħaħ ukoll fl-għoti ta’ assistenza lil persuni f’sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà, b’mod partikolari t-tfal u n-nisa, li jistgħu jkunu esposti għal vjolenza, sfruttament, abbuż u traffikar.
-L-appoġġ għall-kapaċità tal-ġestjoni tal-fruntieri tal-pajjiżi sħab biex jiġu evitati t-tluq u t-tranżitu irregolari.
-L-għoti ta’ appoġġ operazzjonali lill-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja biex jinħolqu u jissaħħu l-kapaċità u s-sjieda fil-pajjiżi sħab, jissaħħaħ l-użu ta’ għodod u tekniki ta’ investigazzjoni moderni u jiġu ffaċilitati l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti. Dan għandu jibni fuq ir-riżultati ta’ u l-esperjenza mas-Sħubiji Operattivi Komuni u l-Iskwadri ta’ Investigazzjoni Konġunti attwali.
-It-tisħiħ tal-kooperazzjoni mal-pajjiżi sħab dwar il-frodi tal-identità u tad-dokumenti, biex jitnaqqas l-għadd ta’ viżi li jinħarġu abbażi ta’ dokumenti tal-identità misruqa u/jew iffalsifikati. Dan għandu jippromwovi l-użu ta’ teknoloġiji ġodda biex jiġi identifikat il-frodi tad-dokumenti, biex jiġu kkontrollati l-ħruġ u t-twassil ta’ passaporti, l-immodernizzar u l-kompjuterizzazzjoni tar-reġistri ċivili, kif ukoll attivitajiet ta’ taħriġ possibbli.
-It-tisħiħ tal-prevenzjoni u l-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni permezz ta’ kampanji mmirati ta’ informazzjoni u sensibilizzazzjoni fil-komunitajiet ta’ oriġini u ta’ tranżitu (inkluż f’kampijiet tar-refuġjati u tal-akkoljenza f’pajjiżi ta’ tranżitu u dijaspora fl-UE) dwar ir-riskji tal-migrazzjoni irregolari u l-kuntrabandu kif ukoll alternattivi rilevanti, il-ġlieda kontra n-narrattiva falza promossa min-networks kriminali.
-L-għoti ta’ appoġġ, fejn rilevanti, biex jiġi indirizzat it-tħassib dwar is-sigurtà marbut mal-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali, il-promozzjoni ta’ sinerġiji ma’ azzjonijiet immirati lejn il-ġlieda kontra kull forma ta’ kriminalità, terroriżmu u estremiżmu vjolenti.
-Djalogu kontinwu u impenn koordinat mal-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu affettwati mill-fenomenu l-ġdid tal-istrumentalizzazzjoni tal-migrazzjoni mmexxija mill-Istat.
Il-Kummissjoni, flimkien mar-Rappreżentant Għoli u l-Istati Membri, se tippromwovi b’mod sistematiku l-kooperazzjoni fl-indirizzar tal-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni bħala kwistjoni ta’ interess reċiproku fir-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi sħab. Huma ser jappoġġaw lill-pajjiżi u r-reġjuni sħab fid-determinazzjoni tal-ħtiġijiet reali fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti, b’kont meħud tas-sitwazzjoni speċifika tagħhom, inklużi l-aspetti soċjoekonomiċi tal-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin għall-komunitajiet lokali. Abbażi ta’ dawn il-ħtiġijiet, is-Sħubijiet Operattivi kontra t-Traffikar se jiġu żviluppati bħala qafas koerenti li jinkludi l-komponenti rilevanti indikati hawn fuq.
Il-Kummissjoni, flimkien mar-Rappreżentant Għoli u l-Istati Membri, u l-pajjiżi sħab se jniedu u jimplimentaw flimkien dawn is-sħubijiet kontra l-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni, u b’hekk jikkonfermaw id-dedikazzjoni reċiproka biex jintlaħqu għanijiet komuni kontra l-faċilitaturi tal-immigrazzjoni. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni se torganizza wkoll konferenzi ta’ livell għoli ma’ pajjiżi sħab skont ir-rotta, biex tanalizza l-isfidi eżistenti, tippromwovi l-kooperazzjoni, tapprova r-rakkomandazzjonijiet minn gruppi ta’ ħidma tekniċi u tieħu kont tal-progress li sar kontra n-networks tal-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali. Is-Sħubijiet Operattivi Kontra l-Faċilitazzjoni ta’ Dħul Klandestin tul ir-rotta tal-Mediterran tal-Lvant/il-Balkani tal-Punent, ibbażati fuq approċċ ta’ rotta sħiħa li jinkludi l-pajjiżi tar-Rotta tal-Ħarir, u fl-Afrika ta’ Fuq ser jitniedu bħala prijorità, f’kooperazzjoni mal-pajjiżi jew ir-reġjuni sħab.
L-awtoritajiet tal-Istati Membri, permezz tal-ġbir flimkien tal-għarfien u r-riżorsi fi spirtu ta’ Team Europe, għandu jkollhom rwol ċentrali fit-tfassil u l-implimentazzjoni tas-Sħubijiet Operattivi kontra l-Faċilitazzjoni tal-Immigrazzjoni. L-Istati Membri għandhom il-kapaċità operazzjonali u l-għarfien biex jipprovdu l-assistenza meħtieġa lill-pajjiżi sħab u jenħtieġ li jkomplu l-attivitajiet li għaddejjin li huma implimentati f’pajjiżi sħab biex jappoġġaw il-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ persuni.
L-aġenziji tal-UE, b’mod partikolari l-Europol, il-Frontex u l-Eurojust, għandhom joffru assistenza f’konformità mal-mandati tagħhom, inkluż billi jiffaċilitaw l-iskambju ta’ informazzjoni, jipprovdu appoġġ tekniku, bini ta’ kapaċità u taħriġ, kif ukoll jiskjeraw uffiċjali ta’ kollegament. Skont il-pajjiżi sħab jew ir-reġjuni kkonċernati u l-ħtiġijiet identifikati, l-aġenziji tal-UE jistgħu jikkonkludu ftehimiet ġodda (eż. ftehimiet dwar l-istatus tal-Frontex jew arranġamenti ta’ ħidma mal-awtoritajiet kompetenti); fejn tali ftehimiet jew arranġamenti diġà jeżistu, l-implimentazzjoni tagħhom għandha tappoġġa bis-sħiħ l-objettivi tas-Sħubijiet Operattivi ġodda kontra l-Faċilitazzjoni tal-Immigrazzjoni. Se jittieħed kont ukoll tal-kontributi mill-Interpol kif adatt.
L-attivitajiet operazzjonali tal-missjonijiet tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni jistgħu jappoġġaw lill-awtoritajiet tal-Istat ospitanti Huma jistgħu jingħataw mandat biex jipprovdu pariri strateġiċi dwar l-elaborazzjoni jew ir-riforma ta’ oqfsa legali, strateġiji u pjanijiet ta’ azzjoni u joffru bini ta’ kapaċità fil-ġestjoni tal-fruntieri, l-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja, il-frodi tal-identità u tad-dokumenti, eċċ.
Biex jiġi żgurat is-suċċess tas-Sħubijiet Operattivi l-ġodda Kontra l-Faċilitazzjoni ta’ Dħul Klandestin ta’ Persuni, l-UE teħtieġ li tiżgura finanzjament adegwat li jappoġġa u jsarraf f’azzjoni l-ambizzjoni u l-objettivi tal-pjan ta’ azzjoni tal-UE mġedded. Diversi strumenti finanzjarji se jġibu l-appoġġ tagħhom, b’mod komplementari, għall-implimentazzjoni tad-diversi komponenti tas-sħubijiet: l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali — Ewropa Globali (NDICI) u l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni III għall-perjodu 2021-2027, il-Fond għas-Sigurtà Interna, il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u l-Istrument għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u tal-Viżi, kif ukoll pakketti rilevanti oħra, filwaqt li jitqiesu l-istrateġiji nazzjonali tas-sħab u tiġi żgurata s-sjieda tagħhom. Is-Sħubijiet Operattivi Kontra l-Faċilitazzjoni ta’ Dħul Klandestin se jinformaw l-ipprogrammar strateġiku u mmexxi mill-politika tal-finanzjament estern tal-UE u l-implimentazzjoni tad-dokumenti ta’ programmazzjoni tal-istrumenti. Mill-baġit totali ta’ EUR 79.5 biljun ta’ NDICI — Ewropa Globali, mill-inqas 10 % se jkunu ddedikati għal azzjonijiet li jimmiraw direttament lejn sfidi speċifiċi relatati mal-migrazzjoni u ċ-ċaqliq sfurzat, inkluż kontra l-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni.
3.1.2Rispons għall-istrumentalizzazzjoni tal-migrazzjoni irregolari minn atturi Statali
L-iżviluppi reċenti fil-fruntiera esterna tal-UE mal-Belarussja huma l-aħħar eżempji ta’ avvenimenti inkwetanti ħafna u juru li l-kooperazzjoni mill-qrib u l-viġilanza kontinwa huma essenzjali għall-protezzjoni tal-fruntieri esterni, il-prevenzjoni u r-rispons għall-migrazzjoni irregolari ffaċilitata minn atturi tal-Istat. L-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-UE u l-aġenziji tal-UE (b’mod partikolari l-Frontex, l-EASO u l-Europol) irreaġixxew malajr għall-avvenimenti li qed jevolvu malajr fil-fruntiera tal-Lvant tal-UE, u pprovdew appoġġ lill-pajjiżi direttament soġġetti għal pressjoni b’mod partikolari permezz tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili. L-użu tan-Network tal-UE għat-Tħejjija għall-Migrazzjoni u għall-Ġestjoni tal-Kriżijiet tal-Migrazzjoni (in-Network tal-Blueprint) ipprovda l-aħħar għarfien tas-sitwazzjoni għall-partijiet ikkonċernati kollha u żgura rispons operazzjonali f’waqtu u kkoordinat. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qed tipprovdi wkoll assistenza finanzjarja ta’ emerġenza biex tgħin lil-Litwanja tindirizza l-ħtiġijiet fuq terminu qasir biex jiġu żgurati kundizzjonijiet dinjitużi ta’ akkoljenza lill-migranti li jintużaw għal skopijiet politiċi, kif ukoll appoġġ fuq terminu medju għall-protezzjoni tal-fruntiera esterna biex tiġi miġġielda l-migrazzjoni irregolari orkestrata.
Dawn l-avvenimenti juru li permezz ta’ impenn kollettiv miftiehem, il-pajjiżi sħab, li ċ-ċittadini tagħhom intużaw minn din l-iskema mmexxija mill-Istat, jistgħu jkunu lesti li jikkooperaw mal-UE biex iwaqqfu dan il-modus operandi, billi jinvolvu ruħhom fi djalogu kostruttiv u komprensiv għall-benefiċċju tan-naħat kollha. F’dan ir-rigward, id-djalogu tal-UE u l-impenn konġunt mal-Iraq ġab riżultati pożittivi, naqqas it-tentattivi ta’ dħul fl-UE b’mod irregolari u ffaċilita r-ritorn volontarju.
Eżempji bħal dan ta’ azzjoni miftiehma tal-UE fl-indirizzar ta’ sitwazzjonijiet ta’ pressjoni migratorja orkestrata fil-fruntieri esterni tagħha juru li l-kooperazzjoni mill-qrib u s-solidarjetà fost l-Istati Membri kif ukoll djalogu kontinwu u wiesa’ u impenn koordinat mal-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu dwar il-prevenzjoni tal-migrazzjoni irregolari, dwar l-indirizzar tal-fenomenu l-ġdid tal-istrumentalizzazzjoni tal-migrazzjoni u dwar il-faċilitazzjoni tar-ritorn, jistgħu jwasslu għal riżultati konkreti.
Biex twieġeb b’mod konġunt u effettiv għall-isfidi ta’ dan il-fenomenu l-ġdid u tiżgura l-protezzjoni tal-fruntieri esterni tal-UE, l-UE teħtieġ sett ta’ għodod imsaħħaħ li jiġbor flimkien b’mod strateġiku l-firxa sħiħa tal-istrumenti operattivi, legali, diplomatiċi u finanzjarji għad-dispożizzjoni tagħha.
L-aġenziji tal-UE – b’mod partikolari l-Frontex, l-Europol u l-EASO, anke f’kooperazzjoni mal-Interpol u atturi internazzjonali oħra – iridu jkunu jistgħu jimmobilizzaw malajr ir-riżorsi u l-assi tagħhom u jipprovdu appoġġ operazzjonali biex jipproteġu l-fruntieri esterni tal-UE, jiġbru intelligence u informazzjoni operazzjonali u jassistu lill-migranti li jkunu sfaw vittmi ta’ strumentalizzazzjoni mmexxija mill-Istat. Ir-rispons għall-użu tal-migrazzjoni irregolari mill-atturi tal-Istat jeħtieġ li jidher u jissaħħaħ aktar fid-djalogu mal-pajjiżi sħab, b’mod partikolari tas-Sħubijiet Operattivi Kontra l-Faċilitazzjoni ta’ Immigrazzjoni Illegali. Fejn adatt u applikabbli, l-użu ta’ miżuri restrittivi taħt ir-Reġim Globali ta’ Sanzjonijiet tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-UE jista’ jiġi kkunsidrat li jimmira lejn individwi, entitajiet u korpi li jipparteċipaw fi skemi mmexxija mill-Istat u responsabbli għal, involuti fi jew assoċjati ma’ ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-UE tieħu miżuri konsegwenzjali f’diversi oqsma ta’ politika li huma rilevanti fir-relazzjonijiet mal-pajjiż terz ikkonċernat, filwaqt li tieħu azzjoni mmirata, fejn xieraq, fil-qasam tal-viża, il-kummerċ, l-iżvilupp, l-assistenza finanzjarja u oħrajn. Is-sospensjoni parzjali tal-Ftehim għall-Faċilitazzjoni tal-Viża mal-Belarussja, li l-Kummissjoni qed tadotta llum flimkien ma’ dan il-pjan ta’ azzjoni mġedded tal-UE, hija eżempju konkret ta’ tali miżuri.
Kif imħabbar mill-President von der Leyen fid-diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2021, il-Kummissjoni, “bħala parti mill-ħidma tagħha fuq Schengen, se tistabbilixxi modi ġodda biex twieġeb għal tali aggressjoni u tiżgura l-unità fil-protezzjoni tal-fruntieri esterni tagħna”. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tikkunsidra t-tisħiħ tal-qafas legali tal-UE biex tiżgura approċċ komuni biex tipproteġi aħjar il-fruntieri esterni u l-interessi essenzjali tal-UE u tal-Istati Membri tagħha, filwaqt li dejjem tiżgura rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali.
Barra minn hekk, se jkun essenzjali li tinstab bażi komuni dwar kif għandha tiġi ġestita l-migrazzjoni fiċ-ċirkostanzi kollha sabiex jiġi żgurat li l-opponenti ma jkomplux jimmiraw lejn in-nuqqas ta’ sistema komuni effettiva u ġusta. Il-Patt il-Ġdid fih il-komponenti kollha – inkluż strument iddedikat li jippermetti derogi temporanji minn proċeduri normali fi żminijiet ta’ kriżi – meħtieġa biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jimmaniġġjaw it-tipi differenti ta’ sfidi li jiffaċċjaw u għalhekk huwa essenzjali li l-Kunsill u l-Parlament Ewropew javvanzaw malajr fin-negozjati tiegħu.
Azzjonijiet ewlenin
-Il-Kummissjoni, flimkien mar-Rappreżentant Għoli u l-Istati Membri, se tistabbilixxi Sħubiji Operazzjonali Kontra l-Faċilitazzjoni ta’ Immigrazzjoni Illegali ma’ pajjiżi sħab tul ir-rotot migratorji, bħala parti mis-sħubijiet komprensivi, ibbilanċjati, imfassla apposta u ta’ benefiċċju reċiproku skont il-Patt il-Ġdid.
-Il-Kummissjoni se tippromwovi l-kooperazzjoni reġjonali, kif ukoll il-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti, bħall-UNODC u l-Interpol.
-Il-Kummissjoni, ir-Rappreżentant Għoli, l-Istati Membri u l-aġenziji tal-Unjoni se jiġbru flimkien u jiżviluppaw aktar l-għodod operazzjonali, legali, diplomatiċi u finanzjarji kollha għad-dispożizzjoni tagħhom biex iwieġbu għall-istrumentalizzazzjoni tal-migrazzjoni irregolari mill-atturi tal-Istat.
3.2Sanzjonar ta’ faċilitaturi ta’ immigrazzjoni illegali u l-prevenzjoni tal-isfruttament tal-migranti
Biex tiġi miġġielda l-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni irregolari, hija meħtieġa implimentazzjoni ottimali ta’ metodi biex jiġu sanzjonati faċilitaturi ta’ immigrazzjoni illegali, speċjalment dawk li jmexxu n-networks kriminali. Dan jitlob li tiġi indirizzata u mtejba b’mod effettiv l-implimentazzjoni tal-oqfsa legali applikabbli mill-Istati Membri u l-pajjiżi sħab abbażi tal-Protokoll kontra l-Faċilitazzjoni tad-Dħul Klandestin ta’ Migranti bl-Art, bil-Baħar u bl-Ajru, li jissupplimenta l-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali u, fi ħdan l-UE, il-“Pakkett tal-Faċilitaturi”.
It-telf ta’ ħajjiet ta’ migranti li jiddaħħlu klandestinament lejn u fl-Ewropa, u d-diversi forom ta’ ħsara u sfruttament li huma esposti għalihom, mhuwiex aċċettabbli. Id-drittijiet fundamentali tal-migranti jeħtieġ li jiġu salvagwardjati f’kull ħin, l-ewwel nett ta’ persuni f’sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà. Il-migranti li huma wkoll vittmi tal-kriminalità spiss ikunu f’sitwazzjoni vulnerabbli u jista’ jkollhom diffikultajiet biex ikollhom aċċess għall-ġustizzja. Skont id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi, il-vittmi kollha tal-kriminalità jgawdu minn sensiela ta’ drittijiet, inkluż l-appoġġ u l-protezzjoni, li jenħtieġ li jiġu salvagwardjati fiċ-ċirkostanzi kollha. Jenħtieġ li l-UE tipprovdi assistenza u protezzjoni lill-migranti li jiddaħħlu klandestinament, b’mod partikolari gruppi vulnerabbli bħat-tfal u n-nisa.
3.2.1Sanzjonijiet kontra faċilitaturi ta’ immigrazzjoni illegali li jaġixxu fuq ir-rotot migratorji
Il-Protokoll kontra l-Faċilitazzjoni tad-Dħul Klandestin ta’ Migranti bl-Art, bil-Baħar u bl-Ajru jirrigwarda l-prevenzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-kuntrabandu kif ukoll il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ persuni li kienu s-suġġett ta’ tali reati. Il-Protokoll tan-NU dwar il-Faċilitazzjoni ta’ Dħul Klandestin ta’ Migranti jobbliga lill-Istati Partijiet jistabbilixxu bħala reati kriminali l-kuntrabandu tal-migranti u forom oħra ta’ attività li jappoġġaw tali kuntrabandu, filwaqt li l-migranti ma għandhomx isiru soġġetti għal prosekuzzjoni kriminali talli jkunu ġew ittraffikati. Biex tiġi indirizzata l-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali, sanzjonijiet tan-NU jew sanzjonijiet awtonomi mill-UE jistgħu jipprovdu għodda biex jiġu imposti sanzjonijiet fuq individwi jew entitajiet responsabbli, bħal projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar jew iffriżar ta’ assi finanzjarji jew il-projbizzjoni li jsiru disponibbli fondi jew riżorsi ekonomiċi.
L-UE tittrasponi fil-liġi tal-UE s-sanzjonijiet maqbula min-NU. F’dan ir-rigward, fis-7 ta’ Ġunju 2018 il-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà dwar il-Libja żied sitt traffikanti ta’ bnedmin u faċilitaturi ta’ immigrazzjoni illegali li joperaw fil-Libja fil-Lista ta’ Sanzjonijiet tiegħu ta’ individwi u entitajiet soġġetti għall-iffriżar tal-assi, il-projbizzjoni tal-ivvjaġġar u miżuri oħra. Fl-14 ta’ Ġunju 2018, il-Kunsill tal-UE ttraspona dawn il-miżuri fil-liġi tal-UE. Minbarra t-traspożizzjoni tas-sanzjonijiet maqbula fil-livell tan-NU, l-UE tista’ tagħmel użu mill-għodod awtonomi għad-dispożizzjoni tagħha stess kull meta jkun xieraq. Ir-Reġim Globali tas-Sanzjonijiet tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-UE, adottat fis-7 ta’ Diċembru 2020, ta lill-UE qafas li jippermettilha timmira lejn dawk responsabbli għal, involuti fi jew assoċjati ma’ ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u abbużi madwar id-dinja. Dan ir-reġim ġdid ta’ sanzjonijiet ikopri, fost l-oħrajn, it-traffikar tal-bnedmin, kif ukoll l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem minn faċilitaturi ta’ immigrazzjoni illegali sal-punt li dawn l-abbużi jkunu mifruxa, sistematiċi jew inkella ta’ tħassib serju fir-rigward tal-objettivi tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni.
Fl-UE, il-pakkett tal-Faċilitaturi jiddefinixxi r-reat kriminali ta’ faċilitazzjoni ta’ dħul, tranżitu jew residenza mhux awtorizzati u jistabbilixxi s-sanzjonijiet kriminali relatati. Il-pakkett tal-Faċilitaturi jirrikjedi li l-Istati Membri jissanzjonaw b’mod xieraq lil kull min intenzjonalment jassisti lil ċittadin ta’ pajjiż terz biex jidħol jew jgħaddi minn pajjiż tal-UE jew, għal gwadann finanzjarju, biex jirrisjedi hemmhekk. L-għan ewlieni tiegħu huwa li jirreaġixxi għan-networks kriminali responsabbli għall-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali. L-evalwazzjoni tal-2017 tal-pakkett tal-Faċilitaturi kkonkludiet li l-effettività tiegħu biex jintlaħqu l-objettivi tiegħu għadha parzjali. Filwaqt li tqies li ċerti aspetti tal-istrument setgħu jiġu ċċarati, bħad-definizzjoni tar-reat billi tingħata aktar ċertezza legali dwar id-distinzjoni bejn il-faċilitazzjoni kriminali u l-assistenza umanitarja, l-effettività ta’ aspetti ewlenin oħra tal-pakkett bħall-approssimazzjoni ġenerali tal-qafas penali tal-Istati Membri ġiet evalwata b’kunsiderazzjonijiet pożittivi u newtrali. Filwaqt li d-dispożizzjonijiet tal-pakkett tal-Faċilitaturi ġew trasposti b’mod ġenerali mill-Istati Membri kollha marbuta bih, l-effetti tiegħu fuq il-livell attwali ta’ prosekuzzjoni u kundanna ma setgħux jiġu evalwati, minħabba nuqqas ta’ data robusta, komprensiva u komparabbli. Biex itejbu l-bażi tal-għarfien tal-implimentazzjoni tagħha, jenħtieġ li l-Istati Membri jtejbu l-kwalità u d-disponibbiltà tad-data li tiġi pprovduta lill-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea (Eurostat). Il-Kummissjoni se tappoġġa l-iskambju tal-aħjar prattiki u se tipprovdi gwida permezz tal-punti ta’ kuntatt nazzjonali dwar il-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali.
Id-Direttiva li hija parti mill-pakkett tal-Faċilitaturi tippermetti lill-Istati Membri jeżentaw l-assistenza umanitarja mhux awtorizzata mil-liġi milli tiġi kriminalizzata. Biex twieġeb għall-ambjent dejjem aktar diffiċli għall-organizzazzjonijiet mhux governattivi u l-individwi meta jassistu lill-migranti inkluż fil-kuntest ta’ operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ fuq il-baħar, il-Kummissjoni pprovdiet gwida, li tiċċara li l-assistenza umanitarja obbligatorja bil-liġi (pereżempju fil-qafas tal-operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ) qatt ma tista’ tiġi kriminalizzata u stiednet lill-Istati Membri li għadhom ma għamlux dan biex jużaw il-possibbiltà li jiddistingwu bejn assistenza umanitarja (mhux obbligatorja bil-liġi) u attivitajiet li għandhom l-għan li jiffaċilitaw id-dħul jew it-tranżitu irregolari, u tippermetti l-esklużjoni ta’ dawk tal-ewwel mill-kriminalizzazzjoni.
Bħala segwitu għall-evalwazzjoni tal-pakkett tal-Faċilitaturi, il-Kummissjoni nediet proċess ta’ konsultazzjoni regolari mas-soċjetà ċivili u l-aġenziji tal-UE, inkluż l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali u l-Eurojust, biex tibni l-għarfien u tiġbor evidenza sabiex tidentifika l-kwistjonijiet marbuta mal-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Faċilitazzjoni. Il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri permezz tal-punti ta’ kuntatt nazzjonali dwar il-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali sabiex ittejjeb l-infurzar tad-Direttiva.
Il-Kummissjoni se żżid ukoll il-monitoraġġ tagħha tal-implimentazzjoni tal-acquis biex tiżgura li jkun hemm fis-seħħ sanzjonijiet kriminali xierqa, effettivi u dissważivi filwaqt li tevita r-riskji ta’ kriminalizzazzjoni ta’ dawk li jipprovdu assistenza umanitarja lill-migranti f’diffikultà. Il-Kummissjoni se tagħmel kuntatt mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri, biex tiġbor informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-pakkett tal-Faċilitaturi u – fejn xieraq, f’każ ta’ ksur tal-liġi tal-UE – tniedi proċeduri ta’ ksur. Il-Kummissjoni biħsiebha tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tal-pakkett tal-Faċilitaturi, inkluż dwar l-implimentazzjoni tal-gwida tal-2020, fl-2023. Jekk ikun meħtieġ, il-Kummissjoni se tipproponi li tirrevedi l-qafas legali biex tiżgura li l-UE tkun mgħammra biex timplimenta l-qafas ta’ politika maħluq minn dan il-pjan ta’ azzjoni tal-UE biex twieġeb għall-isfidi li qed jevolvu b’mod kostanti f’dan il-qasam.
3.2.2Il-prevenzjoni tal-isfruttament u l-iżgurar tal-protezzjoni tal-migranti mdaħħla klandestin
Immigranti li jiddaħħlu klandestinament jinsabu f’riskju kbir li jitilfu ħajjithom jew li jesperjenzaw dannu matul il-vjaġġ tagħhom. Id-drittijiet fundamentali tagħhom ta’ spiss jinkisru b’mod serju permezz ta’ abbuż u sfruttament. L-għoti ta’ protezzjoni u assistenza lil migranti vulnerabbli b’kuntrabandu huwa kruċjali, b’attenzjoni partikolari għat-tfal u n-nisa, inkluż fil-qafas tal-istrateġiji tal-UE dwar id-drittijiet tal-vittmi 2020-2025 u dwar il-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin 2021-2025, kif ukoll l-Istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal. Il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fi proċedimenti tal-pulizija u ġudizzjarji jeħtieġ li tiġi żgurata, b’attenzjoni speċifika għal każijiet fejn il-migranti jsiru vittmi tat-traffikar.
Immigranti jgħibu waqt il-vjaġġi tagħhom u l-familji jirriskjaw li jinfirdu. Bl-appoġġ finanzjarju tal-UE, jenħtieġ li l-Istati Membri u l-pajjiżi sħab jipprevjenu l-firda tal-familji matul vjaġġi migratorji u jiżviluppaw mekkaniżmi ta’ tiftix għal immigranti nieqsa. Jenħtieġ li ħidma bħal din tibni fuq l-attivitajiet diġà implimentati mill-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u s-Soċjetajiet Nazzjonali tas-Salib l-Aħmar u tan-Nofs Qamar l-Aħmar, kif ukoll organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti oħra u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.
Mal-wasla fit-territorju tal-UE, jenħtieġ li persuni bi bżonnijiet speċjali jiġu identifikati bħala prijorità u jiġu riferuti għal appoġġ adegwat minn entitajiet xierqa. Ir-rwol tal-iskrinjar futur ta’ qabel id-dħul, bl-appoġġ tal-aġenziji tal-UE, b’mod partikolari l-Frontex u l-EASO, huwa importanti f’dan ir-rigward. Sadanittant, l-aġenziji tal-UE se jkomplu jappoġġaw lill-Istati Membri, b’mod partikolari bil-proċeduri għall-identifikazzjoni u r-riferimenti, f’konformità mad-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet ta’ Akkoljenza u d-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Ażil.
Iċ-ċentri ta’ akkoljenza għal dawk li jfittxu l-ażil huma fil-mira ta’ faċilitaturi ta’ immigrazzjoni illegali biex jirreklutaw persuni li lesti jinvolvu ruħhom f’movimenti mhux awtorizzati fl-UE jew li jistgħu jisfaw vittmi ta’ traffikar u sfruttament. Faċilitaturi ta’ immigrazzjoni illegali jmexxuhom lejn pajjiżi ta’ destinazzjoni, jew klandestinament jew meta jkollhom dokumenti dwar l-ażil. Biex jipprevjenu l-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali u t-traffikar fl-UE, l-awtoritajiet tal-ażil u awtoritajiet rilevanti oħra tal-Istati Membri għandhom iżidu l-attivitajiet ta’ monitoraġġ tagħhom fiċ-ċentri ta’ akkoljenza u madwarhom. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-EASO jinkludu informazzjoni dwar ir-riskji ta’ kuntrabandu fil-materjal ta’ informazzjoni li jeħtieġu biex jipprovdu lil persuni li jfittxu ażil u migranti oħra.
Terz tat-tfal immigranti li jaslu fl-UE huma minorenni mhux akkumpanjati. Huma grupp vulnerabbli ħafna li jiffaċċja diversi riskji, inkluż it-traffikar tal-bnedmin. Għadd ta’ minorenni mhux akkumpanjati jgħibu wara l-wasla tagħhom fl-UE, qabel ma jiġu rreġistrati mill-awtoritajiet tal-ażil. Iċ-ċentri ta’ akkoljenza jintużaw mit-traffikanti biex jidentifikaw vittmi potenzjali u biex jorganizzaw it-trasport lejn id-destinazzjonijiet fejn it-tfal u persuni vulnerabbli oħra jkunu se jiġu sfruttati. Id-Direttiva Kontra t-Traffikar tipprevedi regoli vinkolanti għall-prevenzjoni tat-traffikar, il-prosekuzzjoni effettiva tal-kriminali u l-protezzjoni tal-vittmi. L-istrateġija tal-UE dwar il-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin 2021-2025 tistabbilixxi l-pjan tal-Kummissjoni biex tappoġġa l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u tidentifika l-ħtieġa li tiġi evalwata. Abbażi tal-eżitu tal-evalwazzjoni, il-Kummissjoni se tikkunsidra li tirrevediha. B’mod parallel, il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tad-Direttiva Kontra t-Traffikar, b’mod partikolari fir-rigward tal-aspetti speċifiċi għall-ġeneru u dawk sensittivi għat-tfal.
Id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi tipprevedi sett ta’ drittijiet vinkolanti għall-vittmi kollha tal-kriminalità u għall-membri tal-familja tagħhom. Id-drittijiet tal-vittmi għandhom japplikaw għall-vittmi b’mod mhux diskriminatorju, indipendentement mill-istatus ta’ residenza tagħhom. Il-Kummissjoni se tniedi wkoll studju dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Permess ta’ Residenza, li tistabbilixxi regoli dwar permessi ta’ residenza maħruġa lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma vittmi tat-traffikar tal-bnedmin jew li ġew imdaħħlin b’kuntrabandu, li jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti.
Il-possibbiltà li l-migranti irregolari jsibu impjieg fl-ekonomija informali, u b’hekk jiksbu riżorsi li jistgħu jappoġġaw is-sussistenza tal-membri tal-familja fil-pajjiż ta’ oriġini, hija waħda mill-muturi ewlenin tal-migrazzjoni irregolari. L-implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva dwar Sanzjonijiet kontra Min Iħaddem hija importanti biex tiskoraġġixxi l-migrazzjoni irregolari u tipproteġi d-drittijiet tal-ħaddiema migranti irregolari. Dan isir billi jiġu sanzjonati l-impjegaturi li jimpjegaw immigranti irregolari mingħajr dritt ta’ permanenza, billi jiġi żgurat li jkun hemm mekkaniżmi effettivi għall-irkupru ta’ pagi mhux imħallsa, il-preżentazzjoni ta’ lmenti u r-rapportar ta’ reati, kif ukoll billi jitwettqu spezzjonijiet effettivi fis-setturi ekonomiċi li huma l-aktar f’riskju ta’ impjieg illegali. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni qed tippreżenta, flimkien ma’ dan il-pjan ta’ azzjoni mġedded, il-valutazzjoni tagħha akkumpanjata minn sett ta’ miżuri meħtieġa sabiex tissaħħaħ l-effettività tad-Direttiva dwar Sanzjonijiet kontra Min Iħaddem.
Azzjonijiet ewlenin
Il-Kummissjoni se:
Jenħtieġ li l-Kunsill u l-Istati Membri:
Jenħtieġ li l-Istati Membri:
-taħdem mal-Istati Membri permezz tal-punti ta’ kuntatt nazzjonali dwar il-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali u awtoritajiet nazzjonali kompetenti oħra biex ittejjeb l-infurzar u l-implimentazzjoni tal-pakkett tal-Faċilitaturi, u, fejn rilevanti, tiftaħ proċedimenti ta’ ksur;
-tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tal-pakkett tal-Faċilitaturi fl-2023 u tikkunsidra azzjoni ulterjuri;
-ittejjeb il-protezzjoni tal-immigranti billi ssaħħaħ l-implimentazzjoni tad-Direttiva Kontra t-Traffikar u d-Direttiva dwar il-Permessi ta’ Residenza;
-ittejjeb l-effettività tad-Direttiva dwar Sanzjonijiet kontra Min Iħaddem, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, l-aġenziji rilevanti u l-partijiet ikkonċernati.
-jissanzjonaw lil faċilitaturi ta’ immigrazzjoni illegali billi tittrasponi s-sanzjonijiet tan-NU u, fejn xieraq, tuża r-Reġim ta’ Sanzjonijiet Globali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.
-jimplimentaw bis-sħiħ il-pakkett tal-Faċilitaturi u japplikaw sanzjonijiet adegwati fuq faċilitaturi ta’ immigrazzjoni illegali, b’enfasi partikolari fuq miri ta’ valur għoli;
-itejbu l-identifikazzjoni tal-immigranti li jeħtieġu protezzjoni, b’mod partikolari t-tfal u l-minorenni mhux akkumpanjati, billi tapplika l-proċeduri għall-identifikazzjoni u r-riferimenti f’konformità mal-acquis u bl-appoġġ tal-aġenziji tal-UE;
-jimplimentaw bis-sħiħ id-Direttiva Kontra t-Traffikar, bl-appoġġ tal-Kummissjoni u l-assistenza finanzjarja tal-UE, f’konformità mal-Istrateġija tal-UE dwar il-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin 2021-2025.
3.3It-tisħiħ tal-kooperazzjoni u l-appoġġ għall-ħidma tal-infurzar tal-liġi u tal-ġudikatura
Faċilitaturi ta’ immigrazzjoni illegali malajr jadattaw għaċ-ċirkostanzi li qed jinbidlu, kif muri matul il-pandemija tal-COVID-19. Biex ikunu ta’ suċċess, l-oqfsa tal-infurzar tal-liġi u tal-kooperazzjoni ġudizzjarja jeħtieġ li jkunu aġli u jadattaw ukoll għaċ-ċirkostanzi li qed jinbidlu, abbażi ta’ kooperazzjoni operazzjonali msaħħa u l-iskambju ta’ informazzjoni.
Hemm bżonn li nibnu fuq l-attivitajiet operazzjonali implimentati skont il-pjan ta’ azzjoni tal-UE kontra l-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali 2015-2020 u nkomplu nsaħħu l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u mal-aġenziji tal-UE. Jenħtieġ li l-aġenziji tal-UE, inkluż l-EASO, il-Frontex, l-Europol u l-Eurojust jintensifikaw l-iskambju u l-analiżi strateġiċi tal-informazzjoni bejn l-aġenziji. Jenħtieġ li jikkooperaw fi stadju bikri ta’ każijiet ta’ faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali biex jużaw il-mandati komplementari tagħhom b’appoġġ għall-awtoritajiet nazzjonali, filwaqt li jibnu fuq l-abbozzar komuni b’suċċess ta’ rapporti ta’ analiżi strateġika mill-EASO, il-Frontex u l-Europol. Għall-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni diġitali tal-immigrazzjoni illegali, it-twettiq ta’ investigazzjonijiet finanzjarji effettivi u l-irkupru tal-assi u l-ġlieda kontra l-frodi tad-dokumenti, l-infurzar tal-liġi u l-awtoritajiet ġudizzjarji jenħtieġ li jiżviluppaw azzjonijiet immirati ġodda biex itejbu l-kooperazzjoni operazzjonali u l-iskambju ta’ informazzjoni.
3.3.1It-tisħiħ tal-kooperazzjoni operazzjonali tal-infurzar tal-liġi kontra l-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali
Il-fok tal-investigazzjonijiet tal-infurzar tal-liġi m’għandux jieqaf mal-arrest ta’ kriminali ta’ livell baxx. Kontra dan ix-xenarju, huwa kruċjali li jiżdied iż-żarmar tal-istrutturi tal-kriminalità organizzata, immirati lejn dawk il-gruppi li huma ta’ riskju akbar għas-sigurtà tal-Ewropa u l-individwi fl-ogħla livelli tal-organizzazzjonijiet kriminali. Jenħtieġ li l-investigazzjonijiet jimmiraw lejn tali networks kriminali attivi madwar l-UE u jfixklu l-mudelli tan-negozju tagħhom. Jenħtieġ li dan iwassal għal żieda fl-għadd ta’ investigazzjonijiet, prosekuzzjonijiet u kundanni, b’mod partikolari ta’ miri ta’ valur għoli.
Filwaqt li jibnu fuq l-azzjonijiet ta’ suċċess tas-snin preċedenti, l-Istati Membri u s-sħab operazzjonali għandhom jagħmlu l-aħjar użu mis-servizzi speċjalizzati pprovduti miċ-Ċentru Ewropew kontra il-Faċilitazzjoni ta’ Immigrazzjoni Illegali tal-Europol u jikkondividu informazzjoni minn uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni, sħubiji operazzjonali komuni, u missjonijiet u operazzjonijiet tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni permezz taċ-Ċentru ta’ Distribuzzjoni tal-Informazzjoni. L-Istati Membri li jikkonsolidaw l-użu tal-Applikazzjoni ta’ Network għall-Iskambju Sikur ta’ Informazzjoni (SIENA - Secure Information Exchange Network Application), bl-involviment tal-Europol, jevitaw stampa frammentata tal-intelligence. F’konformità mal-Istrateġija tal-UE biex tiġi indirizzata l-Kriminalità Organizzata 2021-2025, il-Kummissjoni se żżid in-negozjati dwar il-kooperazzjoni bejn l-Europol u l-pajjiżi sħab sabiex jiġi ffaċilitat l-iskambju ta’ data personali għal skopijiet ta’ investigazzjoni.
It-Task Forces Operattivi tal-Europol se jkomplu jappoġġaw u jlaqqgħu flimkien l-isforzi tal-Istati Membri u tas-sħab operazzjonali f’investigazzjonijiet komuni ta’ miri ta’ valur għoli identifikati, inkluż minn pajjiżi sħab. Biex tiżdied l-azzjoni kkoordinata mmexxija mill-intelligence kontra networks kriminali attivi fl-UE, jenħtieġ li l-Istati Membri jappoġġaw il-ħidma tat-Task Force Konġunta ta’ Kollegament dwar il-Faċilitazzjoni ta’ Immigrazzjoni Illegali u t-Traffikar tal-Bnedmin, stabbilita fl-2019.
Il-Pjattaforma Multidixxiplinari Ewropea Kontra l-Kriminalità Organizzata (EMPACT) hija għodda ewlenija biex jiġi implimentat dan il-pjan ta’ azzjoni tal-UE u biex tiżdied il-kooperazzjoni fost l-atturi nazzjonali u Ewropej. L-EMPACT, appoġġat permezz tal-Fond għas-Sigurtà Interna u l-pakkett tal-EMPACT tal-baġit tal-Europol, jinkludi l-ġlieda kontra t-traffikar tal-migranti bħala waħda mill-prijoritajiet tiegħu għall-2022–2025. Fid-definizzjoni tal-azzjonijiet speċifiċi għal din il-prijorità, l-Istati Membri u l-aġenziji tal-UE għandhom isegwu approċċ multidixxiplinari u integrat fil-prijoritajiet rilevanti tal-UE dwar il-kriminalità fiċ-ċiklu 2022-2025, inkorporati fl-istrateġiji u l-azzjonijiet nazzjonali u tal-UE.
Biex titjieb il-koordinazzjoni fil-livell nazzjonali bejn is-servizzi rilevanti kollha, bħall-infurzar tal-liġi, l-ispezzjonijiet tax-xogħol u s-servizzi li jimmaniġġjaw iċ-ċentri ta’ akkoljenza, jenħtieġ li l-Istati Membri jġeddu l-impenn tagħhom fil-ħidma tal-punti ta’ kuntatt nazzjonali dwar il-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali. In-network ta’ punti ta’ kuntatt nazzjonali, stabbilit mill-Kummissjoni, se jippromwovi l-iskambju tal-aħjar prattiki biex jiġu żviluppati strateġiji nazzjonali kontra l-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali tal-Istati Membri. Bl-istess mod, in-network Ewropew bejn l-uffiċjali ta’ komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni (in-network ILO) se jkompli jappoġġa l-bini tal-kapaċità u l-iskambji operazzjonali fil-pajjiżi sħab u magħhom kontra l-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali.
L-azzjonijiet ta’ suċċess tat-Tim Operattiv Konġunt Mare fit-twettiq ta’ azzjonijiet koordinati u mmexxija mill-intelligence kontra l-faċilitaturi tal-migrazzjoni irregolari għandhom jitkomplew, bl-użu tal-informazzjoni tas-Sistema Ewropea ta’ Sorveljanza tal-Fruntieri (EUROSUR) – li issa għandha rwol aktar b’saħħtu fil-ġlieda kontra l-kriminalità transfruntiera – u l-Ambjent Komuni għall-Qsim tal-Informazzjoni. Jenħtieġ li l-Frontex tuża l-kapaċitajiet analitiċi msaħħa tagħha fil-qasam marittimu billi tagħmel użu sħiħ mill-mandat tagħha biex tipprovdi informazzjoni dwar il-fruntieri esterni u dwar iż-żona prefruntiera. Jenħtieġ li l-Frontex tkompli tassisti lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u l-Europol billi tipprovdi profil aġġornat ta’ bastimenti suspettużi li għandhom jiġu mmonitorjati, identifikati, sekwestrati u, ladarba l-investigazzjonijiet kriminali rilevanti jkunu ġew ikkompletati, eliminati, u jiskambjaw informazzjoni ta’ tali bastimenti mal-Europol.
Bil-Patt il-Ġdid, il-Kummissjoni pproponiet proċedura bla xkiel fil-fruntiera esterna, li tinkludi skrinjar ta’ qabel id-dħul, proċedura ta’ asil fil-fruntiera u proċedura rapida ta’ ritorn fil-fruntiera – u b’hekk integrat proċessi li bħalissa huma separati. L-iskrinjar il-ġdid ta’ qabel id-dħul se jrawwem kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti kollha u l-aġenziji tal-UE, inkluż għall-ġbir ta’ informazzjoni u intelligence dwar il-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali. Barra minn hekk, ir-Regolament Eurodac rivedut, billi jagħmel ir-reġistrazzjoni ta’ dħul u soġġorn irregolari obbligatorja u billi jinkludi l-possibbiltà li jaħżen u jfittex informazzjoni dwar migranti irregolari, se jnaqqas il-possibbiltajiet għal movimenti mhux awtorizzati ta’ migranti irregolari fl-UE wara li jaqsmu l-fruntieri esterni tagħha. Il-Kummissjoni tappella lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex imexxu ‘l quddiem in-negozjati dwar ir-Regolament dwar l-Iskrinjar u jadottaw ir-Regolament Eurodac bħala kwistjoni ta’ prijorità.
3.3.2It-tisħiħ tal-kooperazzjoni ġudizzjarja kontra l-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali
Biex jiġu sfrattati n-networks ta’ faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali u biex l-awturi jitressqu quddiem il-ġustizzja, l-awtoritajiet ġudizzjarji jeħtieġ li jkunu involuti f’każijiet ta’ faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali fi stadju bikri tal-investigazzjonijiet. B’mod simili għall-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi, ukoll jenħtieġ li r-rispons ġudizzjarju għall-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali jkun immirat lejn u jżarma networks kriminali ta’ riskju għoli u ta’ valur għoli attivi madwar l-UE.
Il-kisba ta’ dan l-objettiv teħtieġ kooperazzjoni b’saħħitha fost l-awtoritajiet ġudizzjarji. Madankollu, l-għadd ta’ riferimenti ta’ każijiet ta’ faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali lill-Eurojust huwa relattivament baxx. Jenħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu użu aktar estensiv mill-appoġġ tal-Eurojust, b’mod partikolari għall-Iskwadri ta’ Investigazzjoni Konġunta u l-għodod operazzjonali, bħal laqgħat ta’ koordinazzjoni u ċentri ta’ koordinazzjoni għall-iskambju ta’ informazzjoni relatata mal-każ. Il-Grupp Fokus tal-prosekuturi dwar il-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali, stabbilit fi ħdan l-Eurojust fl-2020, se jsaħħaħ l-iskambju ta’ informazzjoni fost il-prattikanti rigward l-isfidi, ix-xejriet u s-soluzzjonijiet possibbli eżistenti, inkluż l-indirizzar tal-użu ħażin ta’ proċeduri amministrattivi bħal żwiġijiet fittizji. Il-Grupp Fokus joffri forum ta’ diskussjoni għall-imħallfin u l-prosekuturi mill-Istati Membri u dawk il-pajjiżi bi ftehim ta’ kooperazzjoni mal-Eurojust.
Barra minn hekk, sabiex tiġi appoġġata l-kooperazzjoni bejn l-infurzar tal-liġi u l-ġudikatura, l-Eurojust u l-awtoritajiet ġudizzjarji għandhom ikunu parti mit-Task Force Konġunta ta’ Kollegament dwar il-Faċilitazzjoni ta’ Dħul Klandestin ta’ Migranti u t-Traffikar tal-Bnedmin. Jenħtieġ li l-Eurojust u l-awtoritajiet ġudizzjarji jżidu aktar il-parteċipazzjoni tagħhom fl-EMPACT, u l-Eurojust għandha tkun involuta aktar mill-qrib fl-attivitajiet ta’ skambju ta’ informazzjoni taċ-Ċentru ta’ Distribuzzjoni ta’ Informazzjoni tal-Europol. Sabiex tippermetti l-kooperazzjoni ġudizzjarja mal-Eurojust, f’konformità mal-Istrateġija tal-UE biex tiġi indirizzata l-Kriminalità Organizzata 2021-2025, il-Kummissjoni se tibda negozjati għal ftehimiet dwar il-kooperazzjoni bejn l-Eurojust u pajjiżi terzi.
Is-servizzi tal-ażil u tal-akkoljenza jistgħu jassistu fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ attivitajiet ta’ faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali permezz tal-għoti ta’ informazzjoni lill-migranti, l-esplorazzjoni ta’ indikaturi relatati mal-attivitajiet ta’ faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali waqt l-intervisti tal-asil jew permezz ta’ osservazzjonijiet mis-servizzi ta’ akkoljenza. Jenħtieġ li din l-informazzjoni tingħata lill-uffiċċji tal-prosekuturi fejn xieraq. L-iskambju ta’ informazzjoni bejn is-servizzi tal-asil u tal-akkoljenza u l-uffiċċji tal-prosekuturi nazzjonali għandu jissaħħaħ permezz ta’ approċċ armonizzat, appoġġat mill-Eurojust u li jinvolvi lill-Istati Membri.
3.3.3L-indirizzar ta’ sfidi ġodda fil-faċilitazzjoni diġitali tal-immigrazzjoni, l-investigazzjonijiet finanzjarji u l-frodi tad-dokumenti
L-infurzar tal-liġi u r-rispons ġudizzjarju mġedda għall-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali jeħtieġ li jkunu jistgħu jaġġustaw rapidament għax-xenarju kriminali li qed jevolvi b’mod kostanti. B’mod partikolari, hemm bżonn li jiġu indirizzati l-faċilitazzjoni diġitali tal-immigrazzjoni, l-investigazzjonijiet finanzjarji u l-irkupru tal-assi, kif ukoll il-frodi tad-dokumenti.
It-tisħiħ tal-monitoraġġ tal-midja soċjali huwa meħtieġ għall-iżvilupp kontinwu ta’ stampa ċara u f’ħin reali tad-dinamika tal-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali. Dan jgħin biex jiġu antiċipati l-iżviluppi immedjati kif ukoll ix-xejriet imbassra fuq medda medja ta’ żmien. Dan ikun japplika għall-monitoraġġ tal-attivitajiet tan-networks kriminali u l-iżviluppi ġenerali fil-pajjiżi sħab b’impatt fuq il-movimenti migratorji futuri lejn l-UE. Jenħtieġ li l-Frontex tuża l-kapaċitajiet ta’ monitoraġġ tagħha fil-midja soċjali biex ittejjeb l-analiżi tar-riskju rigward movimenti migratorji irregolari futuri filwaqt li tqis il-kunsiderazzjonijiet tal-protezzjoni tad-data. Jenħtieġ li l-Frontex tikkoopera wkoll ma’ pajjiżi terzi f’dan il-qasam, inkluż permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni u l-bini tal-kapaċità.
Biex jiġu sfrattati n-networks ta’ faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali involuti fil-faċilitazzjoni diġitali ta’ immigrazzjoni illegali, huwa meħtieġ li tissaħħaħ il-kapaċità tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji biex jimmiraw il-preżenza online tagħhom u l-użu tagħhom ta’ teknoloġiji moderni għal finijiet ta’ komunikazzjoni bl-appoġġ tal-Unità ta’ Indikazzjoni ta’ Kontenut fuq l-Internet tal-Europol. Jenħtieġ li jiġi pprovdut taħriġ speċjalizzat, inkluż bl-appoġġ tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL) u n-Network Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju, u d-disponibbiltà ta’ tagħmir tekniku u software għall-unitajiet investigattivi għandha tiġi żgurata.
Il-pakkett tal-Evidenza Elettronika se jipprovdi lill-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji bl-għodod adattati għall-ispeċifiċitajiet tad-dinja diġitali u fl-istess ħin fih salvagwardji b’saħħithom. Hekk kif il-pakkett jiġi adottat, dan se jrawwem l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni effiċjenti tar-reati kollha fejn tkun involuta l-evidenza elettronika.
Barra minn hekk, il-Eurojust tista’ tappoġġa lill-Istati Membri billi tiffaċilita u tiżgura l-ġbir ta’ evidenza elettronika, speċjalment fejn tkun relatata ma’ mezzi ta’ komunikazzjoni kriptati. Jenħtieġ li l-Eurojust tippromwovi l-iskambju tal-aħjar prattiki rigward il-ġbir ta’ evidenza elettronika, speċjalment dment li l-pakkett dwar l-evidenza ma jkunx ġie adottat. Jenħtieġ li l-kooperazzjoni tal-Europol u tal-Eurojust ma’ pajjiżi terzi f’dan il-qasam tissaħħaħ biex tappoġġa l-investigazzjonijiet internazzjonali u tiżgura prosekuzzjonijiet effettivi.
Il-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali tiġġenera ammonti kbar ta’ profitti kriminali, li huwa l-objettiv ewlieni ta’ tali attivitajiet. Biex jiġu miġġielda dawn in-networks billi jiġi evitat li dawk il-profitti jintużaw biex isaħħu l-attivitajiet kriminali, jenħtieġ li kull investigazzjoni dwar każ ta’ faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali tinkludi investigazzjoni finanzjarja biex jiġu ttraċċati, sekwestrati u rkuprati assi kriminali. Dan mhux qed iseħħ fuq bażi regolari biżżejjed. Investigazzjonijiet finanzjarji li “jsegwu l-flus” għandhom jitnedew b’mod parallel ma’ investigazzjonijiet regolari eżistenti dwar persuni suspettati, modus operandi u rotot. L-użu ta’ kanali finanzjarji mhux regolati u rabtiet bejn networks kriminali u strutturi legali tan-negozju jxekkel dan l-approċċ.
F’konformità mal-Istrateġija tal-UE biex tiġi indirizzata l-Kriminalità Organizzata 2021-2025, jenħtieġ li l-investigazzjonijiet finanzjarji u l-proċeduri għall-irkupru tal-assi jissaħħu fil-livell nazzjonali, Ewropew u internazzjonali. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-Istati Membri sistematikament iwettqu investigazzjonijiet finanzjarji u rkupru tal-assi f’investigazzjonijiet ta’ kriminalità organizzata, bl-appoġġ taċ-Ċentru tal-Kriminalità Finanzjarja u Ekonomika tal-Europol u l-Eurojust. Jenħtieġ li l-analiżi tar-riskju tal-Europol f’kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali (jiġifieri l-Interpol) tappoġġa u tiggwida l-azzjonijiet tal-Istati Membri. Jenħtieġ li l-assistenza tal-Eurojust fil-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u ma’ pajjiżi terzi tintuża fuq bażi aktar sistematika, inkluż permezz tal-użu tal-aħjar prattiki u rakkomandazzjonijiet għat-traċċar, l-iffriżar, il-konfiska u d-disponiment transfruntier tal-assi.
F’dawn l-aħħar snin, inqabad kemm-il darba l-użu ta’ viżi frodulenti għad-dħul fiż-żona Schengen. Bejn l-2016 u l-2019, 32 029 ċittadin ta’ pajjiżi terzi nqabdu jużaw dokumenti frodulenti fil-punti tal-qsim tal-fruntieri mad-dħul fl-UE jew fiż-żona Schengen. Faċilitaturi ta’ immigrazzjoni illegali jorganizzaw dokumenti oriġinaturi għall-proċeduri tal-applikazzjoni għall-viża u mbagħad jipprovdu lill-migranti irregolari b’viżi ġenwini maħruġa mill-ambaxxati tal-Istati Membri biex jiffaċilitaw id-dħul irregolari permezz ta’ rotot tal-ajru fiż-żona Schengen. Id-diġitalizzazzjoni tal-proċeduri tal-viża, imħabbra fil-Patt il-Ġdid u li se jiġu ppreżentati s-sena d-dieħla, se tkompli ssaħħaħ is-sigurtà tal-proċedura u l-istikers tal-viża attwali u se tnaqqas b’mod sinifikanti r-riskji ta’ falsifikazzjoni u frodi. Appoġġ aħjar lill-Istati Membri li jittrattaw il-frodi tal-identità u tad-dokumenti, inkluż permezz ta’ taħriġ dwar is-sensibilizzazzjoni għall-persunal konsulari, huwa kruċjali għaż-żarmar ta’ dawn in-networks. Ġewwa l-fruntieri tal-UE, il-frodi tad-dokumenti hija problematika wkoll. Faċilitaturi ta’ immigrazzjoni illegali joffru dokumenti frodulenti, li jistgħu jintużaw biex jillegalizzaw l-istatus ta’ residenza. Hija meħtieġa kollaborazzjoni aktar mill-qrib bejn l-awtoritajiet li joħorġu d-dokumenti u l-awtoritajiet ta’ kontroll tad-dokumenti, inkluż billi jitwettqu kontrolli fuq il-bażi tad-data ta’ Dokumenti tal-Ivvjaġġar Misruqa u Mitlufa (SLTD) tal-Interpol, kif ukoll rabtiet mal-industriji privati fir-rigward tal-produzzjoni sigura tad-dokumenti u l-ispezzjoni tad-dokumenti.
Għal dan il-għan, jenħtieġ li l-Istati Membri jużaw sistemi ġodda ta’ informazzjoni biex jidentifikaw dokumenti ffalsifikati. Jenħtieġ li r-rwol taċ-Ċentru ta’ Eċċellenza tal-Frontex għall-Ġlieda Kontra l-Frodi tad-Dokumenti jissaħħaħ, inkluż permezz tal-iskjerament ta’ esperti tal-frodi tad-dokumenti fil-qafas tal-attivitajiet operazzjonali tal-Frontex fl-Istati Membri u f’pajjiżi terzi. Jenħtieġ li bħala parti mis-Sħubijiet Operattivi Kontra l-Faċilitazzjoni ta’ Immigrazzjoni Illegali, tiġi segwita wkoll il-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-frodi tal-identità u tad-dokumenti ma’ pajjiżi sħab.
Azzjonijiet ewlenin
Jenħtieġ li l-Istati Membri:
Il-Kummissjoni:
Il-Kummissjoni tappella lill-Istati Membri, bl-appoġġ tal-aġenziji tal-UE, l-Europol, il-Frontex, l-Eurojust u s-CEPOL biex:
-jintensifikaw l-użu taċ-Ċentru Ewropew kontra l-Faċilitazzjoni ta’ Immigrazzjoni Illegali tal-Europol u taċ-Ċentru ta’ Distribuzzjoni tal-Informazzjoni;
-jagħmlu aktar użu mill-appoġġ tal-Eurojust għal investigazzjonijiet transkonfinali, permezz ta’ Skwadri ta’ Investigazzjoni Konġunti;
-jiżviluppaw strateġiji nazzjonali kontra l-kuntrabandu, filwaqt li japprofittaw ukoll mill-aħjar prattiki skambjati permezz tan-network ta’ punti ta’ kuntatt nazzjonali dwar il-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali.
-se tippreżenta proposta għad-diġitalizzazzjoni sħiħa tal-proċeduri tal-viża fl-ewwel nofs tal-2022;
-tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jiffinalizzaw in-negozjati dwar ir-Regolament dwar l-Iskrinjar u jadottaw ir-Regolament Eurodac bħala kwistjoni ta’ prijorità;
-tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jiffinalizzaw in-negozjati dwar il-pakkett dwar l-evidenza;
-tistieden lill-Frontex tkompli ssaħħaħ il-kapaċità tagħha li timmonitorja żoni marittimi magħżula u tidentifika bastimenti suspettużi;
-tistieden lill-Eurojust u lill-awtoritajiet ġudizzjarji biex ikomplu jżidu l-parteċipazzjoni tagħhom fl-EMPACT, filwaqt li ċ-Ċentru ta’ Skambju ta’ Informazzjoni tal-Europol għandu jiżgura l-kondiviżjoni f’waqtha ta’ informazzjoni konnessa ma’ investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet ġudizzjarji;
-tappella lill-Frontex, lill-Europol u lill-Eurojust biex ikomplu jappoġġaw il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi sħab fil-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni diġitali tal-immigrazzjoni illegali u l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjoni internazzjonali.
-ikomplu jsaħħu l-infurzar tal-liġi u r-rispons ġudizzjarju permezz tal-EMPACT;
-isaħħu r-rispons tagħhom għal servizzi ġodda ta’ faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali offruti online;
-iwettqu investigazzjonijiet finanzjarji u rkupru tal-assi f’każijiet ta’ faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali;
-isaħħu l-ġlieda kontra l-frodi tal-identità u tad-dokumenti.
3.4Bażi ta’ għarfien miżjuda
Ir-riċerka u l-ġbir tad-data huma ta’ importanza primarja biex wieħed jifhem aħjar ix-xejriet tal-migrazzjoni, in-natura u l-firxa tan-networks kriminali involuti fil-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali, l-impatt tal-politiki kontra l-kuntrabandu, ir-rwol u l-importanza tal-attivitajiet ta’ faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali fil-komunitajiet lokali, kif ukoll ir-rabtiet bejn il-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali u oqsma kriminali oħra, bħat-traffikar tal-bnedmin, it-traffikar tad-drogi u t-terroriżmu. L-avvanzi teknoloġiċi u l-approċċi innovattivi li jappoġġaw il-prevenzjoni tal-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali u l-ġlieda kontrih, inkluż l-użu tal-intelliġenza artifiċjali, jistgħu jippermettu li d-data tinbidel f’informazzjoni li tista’ tiġi azzjonata malajr b’mod aktar effiċjenti.
Orizzont Ewropa, jenħtieġ li l-programm qafas għar-riċerka u l-innovazzjoni għall-2021-2027 jintuża għal dan il-għan, filwaqt li jidentifika l-ħtiġijiet u t-temi ta’ riċerka rilevanti relatati mal-prevenzjoni tal-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali u l-ġlieda kontrih.
Barra minn hekk, jenħtieġ li l-aġenziji tal-UE isaħħu r-rwol tagħhom fir-riċerka u l-innovazzjoni, filwaqt li jimmassimizzaw ir-rwol tal-inizjattiva taċ-Ċentru ta’ Innovazzjoni tal-Europol u l-parteċipazzjoni tal-Frontex fl-iżvilupp u l-ġestjoni tal-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni, inkluż f’kooperazzjoni mal-industrija, biex jidentifikaw opportunitajiet għall-iżvilupp ta’ kapaċitajiet ġodda għad-detezzjoni, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali. Biex itejbu l-għarfien tal-attivitajiet ta’ faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali, jenħtieġ li l-aġenziji tal-UE jżidu l-kooperazzjoni tagħhom mas-settur privat, b’mod partikolari mas-settur bankarju, is-settur tal-kiri (inkluż il-kondiviżjoni tal-karozzi), is-servizzi tal-pakketti, l-aġenziji tal-ivvjaġġar, il-kumpaniji tal-ajru, is-servizzi li jittrasferixxu l-flus kif ukoll il-fornituri tas-servizzi online.
L-Europol u l-Frontex għandhom jaħdmu flimkien biex jirrapportaw b’mod konġunt u regolari dwar il-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali, filwaqt li jkopru kemm il-perspettiva tal-migrazzjoni kif ukoll dik tal-infurzar tal-liġi. Ħarsa ġenerali komprensiva bħal din tal-fenomenu tal-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali se tkun kruċjali biex jiġi vvalutat l-impatt ta’ dan il-pjan ta’ azzjoni tal-UE mġedded u jiġu identifikati r-reazzjonijiet ta’ politika meħtieġa.
Azzjonijiet ewlenin
-Jenħtieġ li l-Europol u l-Frontex jipproduċu rapporti konġunti regolari dwar il-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali;
-L-Istati Membri, bl-assistenza tal-Kummissjoni, u l-aġenziji tal-UE jenħtieġ li jappoġġaw l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda, inkluża l-intelliġenza artifiċjali, biex tiżdied il-bażi tal-għarfien dwar il-migrazzjoni irregolari u l-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali;
-Jenħtieġ li l-aġenziji tal-UE, bħall-Europol u l-Frontex, jistabbilixxu kooperazzjoni mas-settur privat biex itejbu l-bażi tal-għarfien tal-prattiki tal-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali.
4.Konklużjoni
Il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali huma objettiv strateġiku ewlieni tal-Patt il-Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil u l-Istrateġija tal-UE dwar l-Unjoni tas-Sigurtà.
Il-Kummissjoni, ir-Rappreżentant Għoli, l-Istati Membri, l-aġenziji tal-UE u d-delegazzjonijiet tal-UE se jaħdmu flimkien ma’ pajjiżi sħab, organizzazzjonijiet internazzjonali u partijiet ikkonċernati involuti fil-politika dwar il-migrazzjoni, biex jimplimentaw l-aspetti kollha ta’ dan il-pjan ta’ azzjoni mġedded tal-UE biex jiżguraw li l-azzjonijiet fil-livell tal-UE u nazzjonali jkunu mfassla tajjeb u kkoordinati biex jippromwovu u jappoġġaw il-prevenzjoni tal-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali u l-ġlieda kontriha.
Il-ħidma mill-qrib ma’ pajjiżi sħab se tkun kruċjali għall-implimentazzjoni ta’ diversi aspetti ta’ dan il-pjan ta’ azzjoni tal-UE. Il-Patt il-Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil wera bidla fil-paradigma fl-involviment tal-UE mas-sħab internazzjonali dwar il-migrazzjoni. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mar-Rappreżentant Għoli, se timpenja ruħha ma’ pajjiżi prijoritarji tul ir-rotot migratorji lejn l-UE u se tiżviluppa magħhom Sħubijiet Operattivi Kontra l-Faċilitazzjoni ta’ Immigrazzjoni Illegali b’għodod konkreti bħala parti minn sħubijiet komprensivi, ibbilanċjati, imfassla apposta u ta’ benefiċċju reċiproku, filwaqt li tkompli tibni fuq il-fiduċja u l-kooperazzjoni reċiproka. Il-Kummissjoni, ir-Rappreżentant Għoli, l-Istati Membri u l-aġenziji tal-UE se jiġbru flimkien l-għodod operazzjonali, legali, diplomatiċi u finanzjarji kollha għad-dispożizzjoni tagħhom biex iwieġbu għall-istrumentalizzazzjoni tal-migrazzjoni irregolari mill-atturi tal-Istat.
Il-Kummissjoni se tappoġġa l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni mġedded tal-UE biex tiżgura li dan jikkontribwixxi għall-approċċ komprensiv għall-migrazzjoni tal-Patt il-Ġdid. Se tagħmel dan f’kooperazzjoni mill-qrib mal-punti ta’ kuntatt nazzjonali dwar il-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali u l-aġenziji tal-UE, b’mod partikolari permezz tal-grupp ta’ esperti ddedikat tal-Kummissjoni dwar il-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali u l-Pjattaforma Multidixxiplinari Ewropea Kontra l-Kriminalità Organizzata (EMPACT). Għall-perjodu 2021-2027, il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, l-Istrument għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u tal-Viżi, il-Fond għas-Sigurtà Interna, l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali (NDICI) u l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni III se jappoġġaw l-implimentazzjoni effettiva tiegħu għal attivitajiet kemm ġewwa kif ukoll barra l-UE. Il-Kummissjoni se tinforma regolarment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni tal-UE u r-riżultati miksuba skont l-azzjonijiet tagħha.