Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021DC0462

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL li jevalwa l-indikazzjoni obbligatorja tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-post ta’ provenjenza għal-laħam tal-majjal, tat-tjur, tan-nagħaġ u tal-mogħoż

    COM/2021/462 final

    Brussell, 10.8.2021

    COM(2021) 462 final

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    li jevalwa l-indikazzjoni obbligatorja tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-post ta’ provenjenza għal-laħam tal-majjal, tat-tjur, tan-nagħaġ u tal-mogħoż


    1.INTRODUZZJONI

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 1337/2013 1 (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ ir-Regolament), skont l-Artikolu 26(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 2 , introduċa l-indikazzjoni obbligatorja tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-post ta’ provenjenza għal-laħam tal-majjal, tat-tjur, tan-nagħaġ u tal-mogħoż mill-1 ta’ April 2015.

    Skont l-Artikolu 26(4) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011, fi żmien ħames snin mid-data tal-applikazzjoni tar-regoli l-ġodda, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport li jevalwa l-indikazzjoni obbligatorja tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-post ta’ provenjenza għal dawk il-prodotti tal-laħam.

    Dan ir-rapport jiffoka fuq l-implimentazzjoni u fuq l-impatt tar-Regolament fir-rigward tal-effettività, l-effiċjenza, il-koerenza, ir-rilevanza u l-valur miżjud tal-UE tiegħu.

    Kunsiderazzjonijiet oħra dwar il-kwistjoni ġenerali tat-tikkettar tal-oriġini u l-estensjoni possibbli għal kategoriji oħrajn ta’ prodotti (laħam mhux ippakkjat bil-lest jew laħam użat bħala ingredjent fi preparazzjonijiet u prodotti pproċessati) mhumiex indirizzati, peress li se jkunu l-objettiv ta’ valutazzjonijiet tal-impatt speċifiċi li l-Kummissjoni se twettaq fil-qafas tal-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt 3 ”.

    2.KUNTEST U QAFAS ĠURIDIKU

    Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 jipprovdi l-bażi għall-assigurazzjoni ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur fir-rigward tal-informazzjoni dwar l-ikel, hekk kif iqis id-differenzi fil-perċezzjoni tal-konsumaturi u l-ħtiġijiet ta’ informazzjoni tagħhom filwaqt li jiżgura l-funzjonament bla xkiel tas-suq intern. Fil-każ ta’ laħam frisk, imkessaħ u ffriżat tal-majjal, tan-nagħaġ, tal-mogħoż u tat-tjur, dan jipprevedi li l-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-post ta’ provenjenza għandha tkun obbligatorja u jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi regoli speċifiċi.

    L-obbligu jikkonċerna laħam mhux ipproċessat frisk, imkessaħ u ffriżat ippakkjat bil-lest fi kwalunkwe forma ta’ qatgħa u jinkludi laħam ikkapuljat.

    Fil-valutazzjoni tal-impatt imwettqa fit-tħejjija tal-leġiżlazzjoni 4 , il-Kummissjoni qieset tliet għażliet ta’ politika: il-mudell sempliċi, b’indikazzjoni tal-UE/mhux tal-UE, il-mudell intermedju, b’tikkettar obbligatorju tal-pajjiż tat-trobbija u tat-tbiċċir u l-mudell taċ-ċanga, li jinkludi wkoll l-indikazzjoni obbligatorja tal-pajjiż tat-twelid. Minn sitwazzjoni fejn ma kienet ipprovduta l-ebda informazzjoni dwar l-oriġini jew il-post ta’ provenjenza lill-konsumaturi, intgħażel il-mudell intermedju, peress li tqies bħala dak ottimali fl-għoti ta’ informazzjoni preċiża, ċara u utli dwar l-oriġini tal-laħam lill-konsumaturi, filwaqt li jiġi evitat piż amministrattiv eċċessiv fuq l-operaturi u l-awtoritajiet kompetenti.

    Il-blokok ewlenin tal-qafas regolatorju kif imfassal mir-Regolament huma:

    1)is-sistema ta’ traċċabilità (l-Artikolu 3), biex jiġi żgurat li tiġi trażmessa informazzjoni affidabbli tul il-katina sal-konsumaturi finali;

    2)ir-regoli għall-formazzjoni tal-lottijiet (l-Artikolu 4), peress li jista’ jkollhom impatt qawwi fuq il-fluss tax-xogħol normali u fuq il-prattiki tal-akkwist;

    3)il-kriterji biex il-fażijiet tal-produzzjoni jintrabtu mal-informazzjoni fuq it-tikketti (l-Artikolu 5), peress li l-annimali spiss jitrabbew f’aktar minn pajjiż wieħed;

    4)il-ħtieġa li tiġi pprovduta flessibbiltà fil-każ ta’ laħam ikkapuljat jew ta’ fadlijiet tal-laħam(l-Artikolu 7): regoli speċifiċi ssimplifikati japplikaw għal dawk il-kategoriji ta’ prodotti, peress li l-volumi tal-produzzjoni u l-katina tal-ipproċessar jagħmluha diffiċli li tiġi żgurata faċilment is-separazzjoni fiżika tal-lottijiet differenti.

    Ir-Regolament kien applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha mill-1 ta’ April 2015.

    3.EVALWAZZJONI

    Dan ir-rapport huwa bbażat l-aktar fuq id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni “Evaluation of the mandatory indication of the country of origin or place of provenance for fresh, chilled and frozen meat of swine, sheep, goats and poultry” 5 li fih jistgħu jinstabu d-dettalji kollha dwar il-metodoloġija użata għall-ġbir tal-evidenza kif ukoll id-dettalji tal-eżerċizzju ta’ evalwazzjoni.

    Barra minn hekk, twettaq studju estern ikkummissjonat mid-DĠ AGRI biex jappoġġa l-evalwazzjoni interna minn kuntrattur estern 6 u mid-9 ta’ Diċembru 2019 sat-2 ta’ Marzu 2020 saret konsultazzjoni pubblika 7 .

    L-evidenza miġbura ntużat biex jiġi evalwat ir-Regolament fir-rigward tal-effettività, l-effiċjenza, il-koerenza, ir-rilevanza u l-valur miżjud tal-UE tiegħu.

    3.1L-effettività u l-effiċjenza tar-Regolament

    Ġew ikkunsidrati l-aspetti li ġejjin:

    1.il-punt sa fejn l-operaturi kellhom ibiddlu s-sistema ta’ traċċabilità eżistenti u l-istrateġiji ta’ akkwist, l-effetti tar-rekwiżiti tal-lottijiet u jekk dawk it-tliet aspetti kellhomx impatt fuq l-ispejjeż;

    2.l-impatt tar-Regolament fuq l-atturi differenti tal-katina alimentari, fuq il-piż amministrattiv u l-ispejjeż żejda mġarrba u jekk l-ispejjeż ġewx ittrasferiti lill-konsumaturi finali;

    3.il-punt sa fejn l-informazzjoni hija verifikabbli mill-awtoritajiet kompetenti;

    4.il-punt sa fejn il-konsumaturi ngħataw informazzjoni ċara u preċiża;

    5.l-effetti pożittivi/negattivi fuq is-suq uniku tal-UE u fuq in-nazzjonalizzazzjoni mill-ġdid possibbli tas-suq tal-laħam;

    6.l-identifikazzjoni ta’ benefiċċji tanġibbli u intanġibbli.

    1.Il-bidliet meħtieġa fis-sistemi u l-istrateġiji eżistenti u l-impatt fuq l-operaturi

    Is-sistemi eżistenti ta’ traċċabilità stabbiliti f’konformità mar-Regolament (UE) 178/2002 8 u flimkien mal-leġiżlazzjoni dwar l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem 9 , ġeneralment huma kapaċi jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa lill-operaturi biex jittikkettaw b’mod korrett il-laħam għall-pajjiż ta’ oriġini jew għall-post ta’ provenjenza. L-informazzjoni pprovduta titqies affidabbli kemm mill-awtoritajiet kompetenti kif ukoll mill-operaturi tal-katina tal-provvista.

    Id-differenza ewlenija bejn ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni dwar it-traċċabilità u t-tikkettar tal-oriġini tikkonċerna l-aċċessibbiltà tal-informazzjoni: l-informazzjoni dwar it-traċċabilità normalment ma tkunx meħtieġa minnufih u għalhekk jistgħu jkunu meħtieġa sistemi ta’ informazzjoni aktar sofistikati biex tiġi aċċessata l-informazzjoni dwar l-oriġini għall-finijiet tat-tikkettar. Ma ħarġet l-ebda evidenza mill-evalwazzjoni li l-informazzjoni pprovduta mir-regoli dwar it-traċċabilità ma kinitx biżżejjed biex tikkonforma mar-rekwiżiti tat-tikkettar tar-Regolament. Hemm fiduċja kbira espressa fl-effettività tas-sistema ta’ traċċabilità.

    L-operaturi kellhom bżonn biss bidliet minimi għas-sistemi ta’ traċċabilità li diġà kienu qed jintużaw biex jikkonformaw mar-regoli l-ġodda. Il-bidliet prinċipalment kellhom l-għan li jiżguraw it-trażmissjoni xierqa tal-informazzjoni li tinġabar tul il-katina alimentari u li jadattaw is-sistema interna sabiex tiġi żgurata segregazzjoni xierqa tal-annimali ħajjin u tal-prodotti tal-laħam. Dawk il-bidliet kienu prinċipalment meħtieġa mill-operaturi li jittrattaw kemm annimali u/jew laħam domestiċi kif ukoll importati.

    Fost l-operaturi b’akkwist minn diversi pajjiżi, il-maġġoranza ma bidlux il-prattiki tal-akkwist tagħhom, iżda minflok tejbu s-sistema ta’ segregazzjoni tal-annimali ħajjin u tal-laħam biex jiżguraw tikkettar xieraq. Bl-istess mod, ir-rekwiżiti tal-lott 10 ma wasslux għal bidliet fil-prattiki tal-akkwist peress li l-proċeduri standard applikati fil-biċċa l-kbira tal-każijiet diġà kienu jinkludu regoli ċari għall-formazzjoni tal-lottijiet għal skopijiet ta’ traċċabilità.

    Xi effetti negattivi (perċepiti mill-operaturi) ġew irrappurtati b’mod sporadiku fl-istħarriġiet differenti:

    - ir-Regolament jista’ jiffavorixxi l-perċezzjoni tal-konsumaturi li l-prodotti importati huma ta’ kwalità aktar baxxa u għalhekk qed jintużaw dejjem aktar mill-operaturi fl-industrija tal-ipproċessar tal-laħam aktar milli għall-konsum frisk;

    - telf possibbli ta’ flessibbiltà fil-provvista peress li mhuwiex possibbli li wieħed jaqleb faċilment għal fornituri minn Stati Membri oħra fi żminijiet ta’ nuqqas.

    Madankollu, ma nstabet l-ebda evidenza ta’ dawk l-effetti negattivi rrappurtati minn ftit operaturi fl-istħarriġ tal-katina tal-provvista b’mod sistematiku u kwantifikabbli fl-eżerċizzju ta’ evalwazzjoni.

    2.L-impatt fuq l-ispejjeż u l-piż amministrattiv ġdid

    L-istħarriġ tal-katina tal-provvista u l-istudji tal-każijiet urew li l-bidliet li saru kellhom biss implikazzjoni żgħira fuq l-ispejjeż peress li l-ispejjeż li diġà kienu appoġġati għar-regoli ġenerali dwar it-traċċabilità assorbew l-ispejjeż li rriżultaw mill-implimentazzjoni ta’ regoli ġodda. L-istimi pprovduti jindikaw li ż-żieda fl-ispejjeż varjat minn valuri negliġibbli sa massimu ta’ 2 % fil-katina tal-provvista tal-laħam tal-majjal u tat-tjur filwaqt li ma setgħu jiġu pprovduti l-ebda stimi fis-settur tal-laħam tan-nagħaġ/tal-mogħoż.

    Dawk iż-żidiet minimi fl-ispejjeż ma ġewx trażmessi tul il-katina, u l-istudju ma sab l-ebda evidenza li l-prezzijiet għall-konsumatur inbidlu bħala riżultat tal-implimentazzjoni tar-Regolament.

    Il-piż amministrattiv ġdid li kkawża r-Regolament tqies bħala baxx ħafna: is-sistemi ta’ traċċabilità kienu diġà fis-seħħ qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament u l-operaturi bi strateġiji kumplessi ta’ akkwist setgħu jagħżlu li jużaw indikazzjonijiet simplifikati ta’ tikkettar li ppermettew li jitnaqqsu l-bidliet meħtieġa biex ikunu konformi. Id-derogi previsti għal-laħam ikkapuljat u l-fadlijiet tal-laħam ippermettew lill-operaturi b’akkwist kumpless jagħżlu strateġiji ta’ tikkettar simplifikati.

    3.Il-punt sa fejn l-informazzjoni hija verifikabbli mill-awtoritajiet kompetenti

    L-awtoritajiet kompetenti u l-operaturi ma rrappurtaw l-ebda diffikultà jew problema sistematika fl-implimentazzjoni tar-Regolament. Barra minn hekk, l-awtoritajiet kompetenti ma ltaqgħu ma’ ebda problema speċifika fil-verifika tar-rekwiżiti tar-Regolament, b’mod partikolari fir-rigward tar-rekwiżit dwar il-perjodu tat-trobbija.

    4.Il-kwalità tal-informazzjoni pprovduta lill-konsumaturi

    L-istħarriġ tal-konsumaturi wera li l-pajjiż ta’ oriġini huwa kunsiderazzjoni importanti meta jinxtara laħam tal-majjal, tat-tjur jew tan-nagħaġ u tal-mogħoż. Il-biċċa l-kbira tal-konsumaturi għandhom it-tendenza li jippreferu laħam ta’ oriġini nazzjonali, u jqisu li l-laħam prodott f’pajjiżhom stess huwa aktar sikur jew ta’ kwalità aħjar u l-livell ta’ sodisfazzjon bl-informazzjoni misjuba fuq it-tikketta kien ġeneralment għoli.

    Madankollu, l-istħarriġ irrapporta fehim baxx tat-termini “imrobbi fi” u “oriġini”. Il-biċċa l-kbira tal-konsumaturi għandhom it-tendenza li jinterpretaw it-terminu “imrobbi fi” bħala l-pajjiż fejn l-annimal qatta’ ħajtu kollha jew bħala l-pajjiż tat-twelid tal-annimal. Għalhekk, xi konsumaturi x’aktarx li jqisu lilhom infushom (involontarjament) żgwidati mit-tikkettar fir-rigward tal-perjodu tat-trobbija. Dan jista’ jiġi attribwit prinċipalment għal nuqqas ta’ komunikazzjoni ċara u għarfien speċifiku aktar milli għar-Regolament innifsu.

    5.Effetti fuq il-kummerċ intern

    Sabiex jiġu investigati l-effetti potenzjali fuq il-kummerċ intra-UE u n-nazzjonalizzazzjoni mill-ġdid possibbli tas-suq, ġew analizzati l-flussi kummerċjali qabel u wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament. Il-flussi kummerċjali intra-UE eżistenti ta’ annimali ħajjin jew tal-laħam ma nbidlux b’mod sinifikanti wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament u dan jista’ jkun dovut għal żewġ raġunijiet ewlenin:

    -fis-setturi involuti, l-annimali ħajjin jiġu importati f’età li ma taffettwax l-indikazzjoni finali fuq it-tikkettar dwar il-post tat-trobbija;

    -is-sehem mis-suq tal-laħam nazzjonali mibjugħ fl-istadju tal-bejgħ bl-imnut kien diġà għoli qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament.

    6.Benefiċċji tanġibbli u intanġibbli

    Fir-rigward tal-benefiċċji li joriġinaw mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament, aktar minn nofs l-operaturi kkonsultati ma rrappurtaw l-ebda benefiċċju tanġibbli speċifiku mill-implimentazzjoni tar-Regolament; ġiet irrappurtata żieda żgħira fl-aċċess għas-suq domestiku minn xi operaturi fis-settur tal-laħam tal-majjal fi ftit Stati Membri (IE, EL, DE, DK) biss, iżda dan ma jwassalx għal prezzijiet ogħla għall-produtturi. L-operaturi minn Stati Membri oħra ma rrappurtaw l-ebda bidla fid-dinamika tas-suq domestiku. Fost il-benefiċċji intanġibbli, iż-żieda fit-trasparenza u konsegwentement fil-kunfidenza u l-fiduċja tal-konsumaturi kienet l-aktar irrappurtata.

    3.2Il-koerenza tar-Regolament ma’ regoli u regolamenti oħra

    L-objettiv ewlieni tar-Regolament huwa li l-konsumaturi jingħataw informazzjoni ċara, preċiża u sinifikanti dwar l-oriġini ta’ laħam frisk, imkessaħ u ffriżat tal-majjal, tan-nagħaġ, tal-mogħoż u tat-tjur u huwa relatat mal-objettivi segwiti mir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi.

    L-istess objettiv huwa segwit mir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-fart u dwar it-tikkettjar tal-laħam taċ-ċanga u tal-prodotti tal-laħam taċ-ċanga; f’dak ir-rigward, iż-żewġ Regolamenti huma kompletament koerenti minkejja li r-Regolament (KE) 1760/2000 għandu kamp ta’ applikazzjoni usa’, kif spjegat hawn taħt.

    Il-maġġoranza tar-rispondenti għall-istħarriġ tal-katina tal-provvista ma identifikaw l-ebda inkonsistenza jew kunflitt bejn l-objettivi tar-Regolament (UE) Nru 1337/2013 u l-objettivi ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni oħra tal-UE.

    Minoranza ta’ rispondenti rrappurtaw inkonsistenzi jew kunflitti potenzjali bejn it-tikkettar obbligatorju tal-pajjiż tal-oriġini u l-objettiv li jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-Suq Uniku, peress li t-tikkettar tal-oriġini jista’ jwassal għal nazzjonalizzazzjoni mill-ġdid tas-swieq. Madankollu, ma ġiet identifikata l-ebda bidla tanġibbli fid-dinamika tas-suq tal-UE u l-analiżi wriet li ma kien hemm l-ebda evidenza li r-Regolament stimula jew fixkel il-funzjonament bla xkiel tas-Suq Uniku.

    Ir-regoli dwar it-tikkettar tal-oriġini għaċ-ċanga huma differenti u aktar stretti minn dawk għal tipi oħra ta’ laħam u dan ġie rrapportat bħala inkonsistenza possibbli minn xi operaturi. Fil-fatt, it-tikkettar għaċ-ċanga dejjem jinkludi l-indikazzjoni tal-pajjiż tat-twelid, li hija nieqsa mir-Regolament ħlief fejn tintuża d-denominazzjoni “Oriġini” u għalhekk tingħata informazzjoni dwar il-pajjiż tat-twelid.

    Madankollu, jenħtieġ li jitqies li r-regoli dwar it-tikkettar tal-oriġini taċ-ċanga stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1760/2000 ġew adottati immedjatament wara l-kriżi tal-Enċefalopatija Sponġiformi Bovina għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika u sikurezza alimentari u biex terġa’ tinkiseb il-fiduċja tal-konsumaturi wara t-tfixkil serju fis-suq. Għalhekk, l-objettivi tagħhom kienu usa’ minn dawk tar-Regolament u kienu jeħtieġu approċċ aktar strett 11 .

    Bl-istess mod, ma ġiet identifikata l-ebda inkonsistenza fid-definizzjonijiet, fit-traċċabilità u fir-rekwiżiti tat-tikkettar fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni oħra tal-UE matul l-istudju ta’ evalwazzjoni.

    Fir-rigward tad-derogi permessi għal-laħam importat u għal-laħam ikkapuljat u l-fdalijiet tal-laħam, id-derogi previsti mir-Regolament (UE) 1760/2000 fil-każ taċ-ċanga huma differenti minn dawk previsti skont ir-Regolament (UE) Nru 1337/2013 u mhumiex ibbażati fuq l-użu sistematiku tal-indikazzjoni tal-oriġini ssimplifikata “tal-UE/mhux tal-UE”.

    Madankollu, dawk id-differenzi ma kinux ikkunsidrati sinifikanti mill-istħarriġ u l-prevalenza għolja ta’ fehmiet pożittivi kemm fost il-partijiet ikkonċernati tal-katina tal-provvista kif ukoll fost l-Awtoritajiet Kompetenti tippermetti l-konklużjoni li d-derogi previsti mir-Regolament huma aktar xierqa għas-sitwazzjoni reali tal-produzzjoni tal-laħam ikkapuljat għal dawk it-tipi ta’ laħam.

    Fil-fatt, l-istħarriġ tal-katina tal-provvista ma identifika l-ebda inkonsistenza meta mqabbla mad-derogi dwar it-tikkettar ipprovduti f’leġiżlazzjoni rilevanti oħra tal-UE.

    B’mod partikolari, l-użu tal-indikazzjoni tal-oriġini ssimplifikata “tal-UE/mhux tal-UE” permessa għal-laħam ikkapuljat u l-fadlijiet tal-laħam fir-Regolament huwa permess bl-istess mod għal tipoloġiji speċifiċi ta’ prodotti (għasel, frott u ħxejjex friski, żjut taż-żebbuġa) 12  li spiss jirriżulta minn kombinazzjonijiet xi ftit jew wisq kumplessi ta’ ingredjenti primarji minn oriġini multipla tal-UE u mhux tal-UE, li jistgħu wkoll jinbidlu b’mod pjuttost frekwenti, u b’hekk jagħmlu s-segregazzjoni tal-prodotti ta’ oriġini differenti ħaġa ta’ piż jew bla sinifikat.

    Fl-aħħar nett, l-indikazzjoni tal-oriġini ssimplifikata “tal-UE/mhux tal-UE” hija wkoll waħda mill-għażliet biex jiġi indikat il-pajjiż ta’ oriġini jew il-post ta’ provenjenza tal-ingredjent primarju ta’ ikel skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2018/775 13 meta l-oriġini tal-ingredjent primarju ma tkunx l-istess bħall-oriġini tal-prodott finali. Peress li l-laħam ikkapuljat u l-fadlijiet tal-laħam jintużaw bħala ingredjenti primarji f’ħafna preparazzjonijiet, ir-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 1337/2013 u tar-Regolament (UE) 2018/775 jidhru li huma kompletament koerenti.

    3.3Ir-rilevanza tar-Regolament

    L-istħarriġiet tal-katina tal-provvista u tal-konsumaturi wrew b’mod ċar li l-għoti ta’ informazzjoni ċara, preċiża u sinifikanti lill-konsumaturi għadu rilevanti ħafna. Dan huwa konformi mad-diskussjoni politika attwali dwar l-estensjoni possibbli tal-obbligi tat-tikkettar tal-oriġini għal sett usa’ ta’ kategoriji ta’ prodotti. Bl-istess mod, iżda b’inqas enfasi, l-objettiv li jiġi evitat il-piż bla bżonn fuq l-operaturi, il-kummerċ, l-amministrazzjoni u l-ambjent għadu meqjus rilevanti.

    Kważi tliet kwarti ta’ dawk li wieġbu għall-istħarriġ tal-katina tal-provvista ma identifikaw l-ebda ħtieġa ġdida minn meta sar l-abbozzar tar-Regolament. Il-ħtiġijiet il-ġodda identifikati mill-minoranza ta’ dawk li wieġbu jistgħu jinġabru fil-qosor bħala:

    -l-estensjoni tat-tikkettar obbligatorju tal-oriġini għas-setturi tas-servizzi tal-ikel u tal-catering, għal preparazzjonijiet u għal laħam użati bħala ingredjent f’ikel ipproċessat;

    -l-inklużjoni ta’ laħam mhux ippakkjat bil-lest fil-kategoriji li għalihom l-informazzjoni dwar l-oriġini jenħtieġ li tkun obbligatorja;

    -l-inklużjoni tal-laħam tal-fenek.

    Il-perċezzjonijiet dwar dawk il-ħtiġijiet il-ġodda mhumiex kondiviżi b’mod mifrux u wħud minnhom (jiġifieri l-inklużjoni tal-laħam tal-fenek) mhumiex previsti skont il-bażi ġuridika attwali (ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011).

    L-analiżi tal-evoluzzjoni tal-kuntest uriet l-użu dejjem akbar tal-internet għax-xiri tal-ikel (ix-xiri online). Konsegwentement, il-ħtieġa li tkun disponibbli online informazzjoni affidabbli hija meqjusa wkoll bħala fattur importanti li għandu jiġi indirizzat fis-snin li ġejjin.

    Bħala konklużjoni, il-maġġoranza ta’ dawk li wieġbu l-istħarriġ tal-partijiet ikkonċernati tal-katina tal-provvista u l-istħarriġ tal-Awtoritajiet Kompetenti nazzjonali ħassew li r-Regolament jibqa’ jew “kompletament” rilevanti jew “fil-biċċa l-kbira” rilevanti.

    3.4Il-valur miżjud tal-UE tar-Regolament

    Biex jiġi vvalutat il-valur miżjud ta’ Regolament tal-UE dwar l-indikazzjoni obbligatorja tal-oriġini jew tal-post ta’ provenjenza għat-tipi ta’ laħam ikkonċernati, ġew investigati l-aspetti li ġejjin:

    -jekk l-Istati Membri hux se jaġixxu biex jintroduċu regoli simili fin-nuqqas tar-Regolament u l-impatti potenzjali ta’ sistema mhux armonizzata;

    -il-benefiċċji għas-suq intern li jkun hemm regoli armonizzati previsti fir-Regolament;

    -evalwazzjoni tar-regoli nazzjonali eżistenti maħruġa mill-Istati Membri flimkien ma’ dawk ipprovduti fir-Regolament dwar l-Informazzjoni dwar l-Ikel lill-Konsumaturi (UE) Nru 1169/2011 u fir-Regolament, u r-raġunijiet għal tali regoli.

    L-opinjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti kienu bbilanċjati bejn dawk li probabbilment jintroduċu r-regoli nazzjonali u dawk li ma kinux se jagħmlu dan fin-nuqqas tar-Regolament.

    Fost l-Istati Membri li kieku kienu jintroduċu regoli, ir-raġuni ewlenija għal dan kienet id-domanda tal-konsumaturi għal tali informazzjoni. Madankollu, terz biss ta’ dawk li wieġbu kienu tal-fehma li jkun “pjuttost fattibbli” li jiġu introdotti regoli nazzjonali u l-ebda wieħed ma kkunsidra dan bħala “kompletament fattibbli”. F’dak is-sens, ir-Regolament iffaċilita l-introduzzjoni ta’ tali regoli fl-Istati Membri aktar inklinati li jirregolaw it-tikkettar tal-oriġini.

    Maġġoranza kbira tal-Awtoritajiet Kompetenti, l-organizzazzjonijiet fil-livell tal-UE u l-organizzazzjonijiet tal-industrija nazzjonali qiesu li r-regoli nazzjonali ma jissodisfawx kompletament l-objettivi tal-UE segwiti mir-Regolament. Waħda minn kull ħames awtoritajiet kompetenti biss qieset li r-regoli nazzjonali kienu jissodisfaw l-istess objettivi bħar-Regolament. Il-maġġoranza qiesu li r-regoli nazzjonali kienu jwasslu għal nuqqas ta’ armonizzazzjoni b’konsegwenzi possibbli fuq il-kummerċ fis-suq uniku jew possibbilment li jiġu żgwidati l-konsumaturi, peress li r-regoli nazzjonali japplikaw biss għal prodotti domestiċi. Il-pożizzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati varjaw fir-rigward tal-grad sa fejn il-katina tal-provvista domestika tiddependi fuq il-kummerċ intra-UE. Fejn dik id-dipendenza hija ogħla (pereżempju, il-ħnieżer u t-tjur fil-Ġermanja; it-tjur fin-Netherlands u l-ħnieżer fi Spanja) l-opinjoni kienet li r-regoli nazzjonali ma jissodisfawx l-objettivi tal-UE jew jagħmlu dan biss sa ċertu punt limitat, fin-nuqqas tar-Regolament.

    Filwaqt li, kif ġie osservat qabel, id-dħul fis-seħħ tar-Regolament ma fixkilx l-evoluzzjoni tal-kummerċ intra-UE fl-annimali ħajjin jew f’laħam frisk u ma fixkilx l-operat tas-Suq Uniku tal-UE, ir-riskji ewlenin identifikati jekk ikun hemm sistema mhux armonizzata kienu:

    -il-gradi differenti ta’ informazzjoni mogħtija lill-konsumaturi.

    -il-kwistjoni potenzjali tal-ostakli għall-kummerċ fi ħdan is-Suq Uniku;

    -il-kundizzjonijiet ekwivalenti differenti għall-operaturi.

    Dawk l-effetti negattivi potenzjali kollha ġew effettivament evitati bid-dħul fis-seħħ tar-Regolament. Il-konsumaturi tal-UE issa qed jingħataw l-istess informazzjoni fir-rigward tal-prodotti fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament u l-operaturi kollha tal-UE jridu jikkonformaw mal-istess regoli mingħajr differenzi bejn l-Istati Membri.

    Xi Stati Membri ppromulgaw liġijiet nazzjonali li jistabbilixxu reġim ta’ kontroll (DK, IE, IT) u oħrajn emendaw liġijiet nazzjonali eżistenti biex jiżguraw il-konformità mar-Regolament (EL, PL, RO).

    F’żewġ Stati Membri (EL, PL), il-leġiżlazzjoni nazzjonali tispeċifika wkoll ir-rekwiżit addizzjonali li tingħata informazzjoni dwar il-pajjiż ta’ oriġini għal-laħam frisk, imkessaħ u ffriżat tal-ħnieżer, tan-nagħaġ, tal-mogħoż u tat-tjur li jinbiegħ sfuż (jiġifieri mhux ippakkjat bil-lest).

    Żewġ Stati Membri (FI u FR) ħarġu regoli nazzjonali addizzjonali biex jestendu l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament għal-laħam użat bħala ingredjent jew il-laħam mibjugħ fir-ristoranti u fil-catering. 

    L-istudju wera li dawk ir-regoli nazzjonali ma kellhom l-ebda effett dirett fuq l-implimentazzjoni tar-Regolament.

    4.KONKLUŻJONIJIET

    Is-sistemi ta’ traċċabilità żviluppati skont il-qafas tal-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel urew l-effettività tagħhom fl-iżgurar tal-konformità mar-Regolament u kienu meħtieġa biss bidliet minimi (prinċipalment fl-istadju tal-ipproċessar) biex tiġi żgurata t-trażmissjoni xierqa tal-informazzjoni. Ma kien hemm l-ebda evidenza li informazzjoni speċifika għal tikkettar xieraq tal-oriġini hija sistematikament insuffiċjenti.

    Għalhekk, is-setturi setgħu jlaħħqu mar-rekwiżiti mingħajr piż amministrattiv u spejjeż eċċessivi, b’mod partikolari bis-saħħa ta’ derogi għal-laħam ikkapuljat u l-fadlijiet tal-laħam.

    L-ispejjeż minimi mġarrba mill-operaturi ma ġewx ittrasferiti tul il-katina u ma kellhom l-ebda impatt fuq il-prezzijiet għall-konsumatur finali.

    Ir-Regolament kellu impatt minimu fuq il-kummerċ fi ħdan is-Suq Uniku tal-UE; bl-istabbiliment ta’ regoli armonizzati, ir-Regolament għen il-funzjonament tas-Suq Uniku billi pprovda kundizzjonijiet ekwivalenti komuni għall-operaturi tal-UE.

    F’dak is-sens, u meta wieħed iqis li l-objettivi tar-Regolament għadhom meqjusa rilevanti, il-valur miżjud tal-UE kien li l-konsumaturi tal-UE jingħataw l-istess livell ta’ informazzjoni, mingħajr ma jiġi mfixkel l-operat tas-suq uniku tal-UE u l-kummerċ intra-UE.

    L-informazzjoni pprovduta wriet li hija affidabbli u konformi mad-definizzjonijiet tat-tikkettar u verifikabbli bis-sħiħ mill-Awtoritajiet Kompetenti mingħajr wisq sforz jew piż kbir.

    Madankollu, il-fehim tal-konsumaturi ta’ dawk id-definizzjonijiet huwa baxx. B’mod partikolari, hemm fehim skars mill-konsumaturi tat-terminu “Mrobbi fi” kif definit skont l-Artikolu 5 tar-Regolament, li spiss jinftiehem bħala l-post fejn l-annimal ikun twieled u qatta’ ħajtu kollha. B’riżultat ta’ dan, ma jistax jiġi konkluż li l-informazzjoni hija kompletament ċara u utli għall-konsumaturi. Madankollu, dik il-kwistjoni mhijiex relatata mal-implimentazzjoni tar-Regolament, iżda tista’ tiġi indirizzata permezz ta’ komunikazzjoni aħjar, b’mod partikolari fil-livell tal-bejgħ bl-imnut.

    L-analiżi wriet li r-Regolament huwa koerenti ma’ leġiżlazzjoni oħra tal-UE dwar l-indikazzjoni tal-oriġini, minkejja d-differenzi meta mqabbla mal-leġiżlazzjoni dwar it-tikkettar taċ-ċanga li huma ġġustifikati mill-kuntesti u l-perjodi differenti li fihom tfasslu ż-żewġ leġiżlazzjonijiet.

    Bħala konklużjoni, ir-Regolament tfassal biex ikollu impatt minimu fuq is-settur filwaqt li jipprovdi wkoll lill-konsumaturi b’informazzjoni xierqa għad-deċiżjoni tagħhom dwar ix-xiri. L-evidenza tissuġġerixxi li dawk l-objettivi ntlaħqu. Għalhekk, f’dan l-istadju ma hemmx bżonn li jiġu rieżaminati d-dispożizzjonijiet attwali. Din il-konklużjoni hija mingħajr preġudizzju għar-rieżami ġenerali tal-informazzjoni tal-konsumatur imsemmija fl-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt”.

    (1) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 1337/2013 tat-13 ta’ Diċembru 2013 li jistipula r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-post ta’ provenjenza għal laħam frisk, imkessaħ jew iffriżat tal-majjal, tan-nagħaġ, tal-mogħoż u tat-tjur (ĠU L 335, 14.12.2013, p. 19).
    (2) Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18).
    (3)  L-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” – għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent. COM(2020) 381 final. https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:52020DC0381  
    (4)

    Valutazzjoni tal-impatt: “Mandatory Origin Indication for Unprocessed Pig, Poultry, Sheep and Goat Meat”: ; Studju estern: “Study on mandatory origin labelling for pig, poultry and sheep and goat meat”: https://ec.europa.eu/agriculture/external-studies/origin-labeling-2013_mt

    (5) SWD(2021)218 – Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal: Evaluation of mandatory indication of country of origin labelling for certain meats.
    (6) (Agra Ceas Consulting SA/ IHS Market u Areté Srl: “Evaluation study of mandatory country of origin labelling for certain meats”, https://ec.europa.eu/info/food-farming-fisheries/key-policies/common-agricultural-policy/cmef/products-and-markets/mandatory-indication-country-origin-labelling-certain-meats_mt
    (7)   https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/1892-Evaluation-of-mandatory-country-of-origin-labelling-for-certain-meats/public-consultation
    (8) Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU L 031, 1.2.2002, p. 1).
    (9)      - Ir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Lulju 2000 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-fart u dwar it-tikkettjar tal-laħam taċ-ċanga u tal-prodotti tal-laħam taċ-ċanga u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 820/97 (ĠU L 204, 11.8.2000, p. 1).      - Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/71/KE tal-15 ta’ Lulju 2008 dwar l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-ħnieżer (ĠU L 213, 8.8.2008, p. 31).- Ir-Regolament (KE) Nru 21/2004 tas-17 ta’ Diċembru 2003 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali ovini u kaprini u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 u d-Direttiva 92/102/KEE u 64/432/KEE (ĠU L 005, 9.1.2004, p. 8).
    (10) “Lott”, kif iddefinit fl-Artikolu 2(2)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1337/2013, tfisser laħam li jiġi minn speċi waħda (majjal, nagħaġ, mogħoż jew tjur) bl-għadam jew mingħajru, imqatta’ jew ikkapuljat jew mhux, li ġie maqtugħ, ikkapuljat jew ippakkjat f’kundizzjonijiet prattikament identiċi.
    (11)  Għal analiżi dettaljata ara r-Rapport “Evaluation of EU beef labelling rules” https://op.europa.eu/mt/publication-detail/-/publication/bda60704-8451-11e5-b8b7-01aa75ed71a1
    (12) Id-Direttiva 2001/110/KE għall-għasel (ĠU L 147, 31.5.2001, p. 41), ir-Regolament (UE) Nru 543/2011 għall-frott u l-ħxejjex friski (ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1) u r-Regolament (UE) Nru 29/2012 għaż-żejt taż-żebbuġa (ĠU L 12, 14.1.2012, p. 14).
    (13)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/775 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tal-Artikolu 26(3) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar il-pajjiż ta’ oriġini jew il-post ta’ provenjenza tal-ingredjent primarju ta’ ikel meta jkun differenti minn dak mogħti għall-ikel (ĠU L 131, 29.5.2018, p. 8).
    Top