Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021DC0070

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Pjan ta’ Azzjoni għas-sinerġiji bejn l-industriji ċivili, tad-difiża, u spazjali

    COM/2021/70 final

    Brussell, 22.2.2021

    COM(2021) 70 final

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI EMPTY

    Pjan ta’ Azzjoni għas-sinerġiji bejn l-industriji ċivili, tad-difiża, u spazjali








    1. Introduzzjoni

    Waħda mill-aktar innovazzjonijiet importanti u dejjiema fl-industrija tal-karozzi toriġina mill-industrija tad-difiża, hawnhekk fl-Ewropa. Wara li ħadem fuq sedili li jisparaw ’il barra f’ajruplani tal-ġlied għal kumpanija ajrunawtika Ewropea, Nils Ivar Bohlin, inġinier mekkaniku Żvediż, iddiżinja ċinturin tas-sikurezza ġdid għal kumpanija Ewropea tal-karozzi. Ispirat mill-irbit tas-sikurezza li jużaw il-bdoti tal-ġettijiet, iċ-ċinturin tas-sikurezza bi tliet ankraġġi sar standard globali fl-industrija tal-karozzi u mill-introduzzjoni tiegħu ’l hawn salva aktar minn miljun ħajja.

    Dan l-eżempju juri dak li l-President von der Leyen kellha f’moħħha fl-inkarigu 1 tal-Kummissjoni tagħha biex “tiżgura l-arrikkiment reċiproku bejn l-industriji ċivili, tad-difiża u tal-ispazju” u “tiffoka fuq it-titjib tar-rabta kruċjali bejn l-ispazju u d-difiża u s-sigurtà”. Għal dan il-għan, f’Marzu 2020 l-Istrateġija Industrijali għall-Ewropa 2 ħabbret “Pjan ta’ Azzjoni għas-sinerġiji bejn l-industriji ċivili, tad-difiża, u spazjali, inkluż fil-livell tal-programmi, tat-teknoloġiji, tal-innovazzjoni, u tan-negozji ġodda”, li ntlaqa’ tajjeb mill-Kunsill 3 .

    Dan il-Pjan ta’ Azzjoni (il-“Pjan taċ-Ċinturin bi Tliet Ankraġġi”) jipprovdi l-pedamenti għal azzjonijiet politiċi konkreti fil-qafas ta’ tliet objettivi ewlenin:

    ·it-tisħiħ tal-komplementarjetà bejn il-programmi u l-istrumenti rilevanti tal-UE biex tiżdied l-effiċjenza tal-investimenti u l-effettività tar-riżultati (is-“sinerġiji”);

    ·il-promozzjoni li l-finanzjament tal-UE għar-riċerka u għall-iżvilupp, inkluż fuq id-difiża u l-ispazju, għandu dividendi ekonomiċi u teknoloġiċi għaċ-ċittadini tal-UE (l-“ispin-offs”) 4 ;

    ·il-faċilitazzjoni tal-użu tal-kisbiet fir-riċerka tal-industrija ċivili u tal-innovazzjoni ċivili fi proġetti Ewropej ta’ kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża (l-“ispin-ins”).

    Sinerġiji: F’ambjent internazzjonali kumpless, fejn l-UE teħtieġ li żżomm il-vantaġġ teknoloġiku tagħha u tappoġġa l-bażi industrijali tagħha, il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) tal-UE 2021–2027 iżid b’mod sinifikanti l-investiment f’teknoloġiji għad-difiża jew l-użu ċivili relatat, bħas-sigurtà, il-mobilità, is-saħħa, il-ġestjoni tal-informazzjoni, iċ-ċibernetika u l-ispazju. Il-programmi rilevanti tal-QFP ikopru r-riċerka, l-iżvilupp, id-dimostrazzjoni, il-prototipi u l-użu (l-akkwist ta’ prodotti u servizzi innovattivi) b’mod komplementari.

    It-tixrid ta’ teknoloġiji emerġenti u fixkiela fl-industriji ċivili, tad-difiża u tal-ispazju joħloq opportunitajiet ġodda għal sinerġiji fost il-programmi u l-istrumenti tal-UE 5 . Approċċ strutturat, li jistabbilixxi proċessi u mekkaniżmi xierqa fost dawn l-istrumenti filwaqt li jqis l-iskopijiet u l-limitazzjonijiet speċifiċi tagħhom, iwassal għal finanzjament li jħalli impatt akbar, inaqqas ir-riskji tad-duplikazzjoni u jimmassimizza l-valur miżjud għall-kontribwenti tal-UE.

    Spin-offs: Aktar investiment fid-difiża jrid jirriżulta wkoll f’dividend għall-ekonomija inġenerali, b’rispett sħiħ tal-limiti inerenti għas-settur tad-difiża (eż. ir-rwol tal-awtoritajiet nazzjonali fit-tmexxija tad-domanda, l-immaniġġjar tal-informazzjoni jew ir-regoli speċifiċi għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali). Aktar għarfien pubbliku dwar l-effett multiplikatur sostanzjali tan-nefqa tal-UE fuq is-sigurtà, id-difiża u l-ispazju fir-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż) ukoll jgħin biex jikkonsolida l-appoġġ pubbliku għal dawn l-inizjattivi.

    Dawn in-nefqiet jindirizzaw il-ħtieġa pubblika għal aktar sigurtà u jikkostitwixxu investiment ta’ terminu twil fl-iżvilupp teknoloġiku sostnut, fir-reżiljenza ekonomika u fit-tkabbir. Bosta kumpaniji Ewropej ta’ klassi dinjija jgawdu mill-pożizzjoni li għandhom bis-saħħa ta’ spin-offs mir-riċerka Ewropea dwar id-difiża, mit-teknoloġija tal-fibra għall-inġenji tal-ajru ċivili jew saħansitra l-ikel fil-laned. B’mod simili, ħafna innovazzjonijiet li l-ewwel intużaw fl-ispazju saru stejjer ta’ suċċess ċivili, bħas-sensur tal-immaġni diġitali, il-pompi tal-insulina jew il-headsets mingħajr fili. Id-data u s-servizzi spazjali ġġenerati minn Galileo, EGNOS u Copernicus jintużaw għal applikazzjonijiet f’bosta oqsma fl-UE u barra minnha, u jipprovdu gwadann sostanzjali f’termini ta’ benesseri ekonomiku u kwalità tal-ħajja ġenerali.

    Spin-ins: F’ħafna każijiet qed isir aktar diffiċli li tinqata’ linja ċara bejn ir-riċerka ċivili u dik tad-difiża, partikolarment għat-teknoloġija bażika (Livelli ta’ Tħejjija Teknoloġika (TRLs) baxxi). L-applikazzjonijiet ċivili tat-teknoloġija qed isiru dejjem orħos, xprunati mill-globalizzazzjoni tal-għarfien, l-aċċess għal pubbliku usa’ u l-aċċess ġeneralizzat għad-data. Fl-istess ħin, ħafna teknoloġiji emerġenti u diġitali joffru potenzjal sostanzjali għad-difiża, inkluża l-Intelliġenza Artifiċjali (IA), il-mikroelettronika, l-infrastrutturi tal-clouds tad-data u r-robotika.

    L-innovazzjoni f’dawn l-oqsma spiss tiġi minn negozji ġodda, intrapriżi żgħar u medji (SMEs) u organizzazzjonijiet tar-riċerka u tat-teknoloġija (Research & Technology Organisations, RTOs). Fejn possibbli, l-industrija tad-difiża tal-Ewropa għandha tkun tista’ tuża l-kisbiet tar-riċerka tal-industrija ċivili tal-UE biex tevita riċerka duplikata għalja 6 .

    It-trawwim ta’ sinerġiji fost l-istrumenti rilevanti ffinanzjati mill-UE u l-faċilitazzjoni tal-arrikkiment reċiproku​bejn l-industriji ċivili, tad-difiża u tal-ispazju (spin-ins u spin-offs) jistgħu jsaħħu t-tkabbir ekonomiku Ewropew, ikomplu jiżviluppaw is-Suq Uniku u jtejbu s-sigurtà għaċ-ċittadini Ewropej.

    L-użu tal-għarfien espert minn madwar l-Unjoni, lil hinn minn mexxejja stabbiliti sew fl-industriji ċivili, tad-difiża u tal-ispazju, inklużi l-SMEs u n-negozji ġodda, se jikkontribwixxi għal kooperazzjoni, kompetittività u reżiljenza Ewropea mtejba.

    F’dan l-isfond, dan il-Pjan ta’ Azzjoni jippreżenta 11-il azzjoni 7 li: (a) isaħħu l-approċċ xprunat mill-kapaċità fis-settur tas-sigurtà; (b) itejbu s-sinerġiji bejn il-programmi u l-istrumenti tal-UE; (c) jappoġġaw negozji ġodda, SMEs u organizzazzjonijiet tar-riċerka u tat-teknoloġija; (d) jimmonitorjaw teknoloġiji kritiċi biex jonqsu d-dipendenzi; (e) irawmu l-istandardizzazzjoni għal standards ċivili/tad-difiża ibridi; (f) jixprunaw l-innovazzjoni u l-arrikkiment reċiproku​bejn l-industriji ċivili, tad-difiża u tal-ispazju; u (g) iniedu tliet proġetti ewlenin li jistgħu jġibu magħhom bidla radikali.

    Filwaqt li l-mandat ta’ dan il-Pjan ta’ Azzjoni huwa limitat għal programmi u strumenti tal-UE 8 , il-promozzjoni tas-sinerġiji fil-livell tal-UE tista’ twassal għal azzjonijiet simili fil-livell nazzjonali u reġjonali, inkluż permezz ta’ kofinanzjament nazzjonali tal-proġetti tal-UE, bil-konsegwenza li l-effett pożittiv mistenni jiġi multiplikat.

    Għalkemm ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Pjan ta’ Azzjoni, l-inizjattivi rilevanti ta’ sigurtà u difiża mmexxija mill-Istati Membri 9 se jitqiesu wkoll, partikolarment il-Boxxla Strateġika, ir-Rieżami Annwali Koordinat dwar id-Difiża (Coordinated Annual Review on Defence, CARD), il-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (Permanent Structured Cooperation, PESCO) u l-Patt dwar id-Dimensjoni Ċivili tal-PSDK 10 . Fejn rilevanti titqies ukoll il-kooperazzjoni UE-NATO, inkluż fir-rigward tal-interoperabbiltà. Is-servizzi tal-Kummissjoni se jkomplu jaħdmu mill-qrib mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u mal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (European Defence Agency, EDA), li l-attivitajiet rilevanti tagħhom jitqiesu waqt it-tfittxija ta’ sinerġiji u l-arrikkiment reċiproku 11 .

    F’kuntest ġeopolitiku usa’, l-UE impenjat ruħha li tiżviluppa approċċ transatlantiku komuni biex tipproteġi teknoloġiji kritiċi fid-dawl ta’ tħassib ekonomiku u tas-sigurtà globali kif ukoll li tikkoopera fil-qasam tat-teknoloġija, tal-kummerċ u tal-istandards. Is-sħubija transatlantika u l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi oħra tal-istess fehma jistgħu jappoġġaw l-isforzi tal-UE f’dan il-qasam. 

    2. L-approċċ xprunat mill-kapaċità

    L-industriji spazjali, tad-difiża u tas-sigurtà huma strateġiċi għall-Ewropa. L-istrateġija diġitali tal-UE 12 , adottata fi Frar 2020, enfasizzat l-importanza tat-tmexxija tal-UE fit-teknoloġiji diġitali u fiċ-ċibersigurtà u pprevediet livell bla preċedent ta’ investiment fit-tranżizzjoni diġitali tal-UE matul is-seba’ snin li ġejjin. F’Ottubru 2020 il-Kunsill Ewropew enfasizza 13 li l-ksib tal-awtonomija strateġika waqt li tiġi ppreservata ekonomija miftuħa huwa objettiv ċentrali tal-Unjoni u appella għall-iżvilupp tal-awtonomija tal-UE fis-settur spazjali u bażi industrijali tad-difiża aktar integrata. F’Lulju 2020 l-Istrateġija tal-UE dwar l-Unjoni tas-Sigurtà 14 enfasizzat il-ħtieġa li jkomplu jissaħħu r-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tas-sigurtà; dan il-Pjan ta’ Azzjoni jista’ jaqdi wkoll din il-ħtieġa u jappoġġa l-industriji tas-sigurtà tal-UE b’soluzzjonijiet innovattivi u moderni ħafna li jirriżultaw mill-arrikkiment reċiproku u s-sinerġiji effiċjenti bejn l-industriji ċivili, tad-difiża u tal-ispazju. Il-Patt Ekoloġiku tal-UE stabbilixxa t-ton għal tranżizzjoni ambizzjuża lejn soċjetà trasformattiva, li tirrikjedi riċerka u innovazzjoni sostanzjali f’teknoloġiji u tranżizzjonijiet soċjali u se twassal għal skoperti ġodda f’ħafna setturi.

    L-ekosistema industrijali tal-ajruspazju u tad-difiża tinkludi s-setturi tal-ajrunawtika, tal-ispazju u tad-difiża. Tirrappreżenta EUR 376 biljun f’fatturat annwali, 44 000 kumpanija u 1,5 miljun impjegat 15 . Skont id-data tal-2015 16 , l-industrija tas-sigurtà fl-Ewropa timpjega 4,7 miljun persuna u tammonta għal fatturat annwali ta’ EUR 200 biljun f’aktar minn 20 sottosettur tal-ekonomija Ewropea. Il-biċċa l-kbira tal-kumpaniji kienu rrappurtaw tkabbir u stennew li jkomplu jikbru qabel il-COVID-19, li xejnet din ix-xejra.

    Dan il-Pjan ta’ Azzjoni jindirizza s-setturi tal-ispazju u tad-difiża ta’ din l-ekosistema, kif ukoll l-interazzjonijiet tagħhom mas-setturi ċivili (bħas-sigurtà). Dawn l-industriji qed jippruvaw jirkupraw mill-kriżi, kif ukoll jirrispondu u jsawru l-aċċelerazzjoni tat-tranżizzjonijiet tewmin ekoloġiċi u diġitali. Għandhom teknoloġija avvanzata, jimpjegaw impjegati bi kwalifiki għoljin u għandhom it-tendenza li jesportaw sehem kbir mill-prodotti tagħhom. L-istess atturi industrijali kbar ħafna drabi jkunu involuti fl-ispazju, fid-difiża kif ukoll f’għadd ta’ setturi ċivili (bħas-sigurtà, l-ajrunawtika jew dak diġitali). Jiddependu fuq kollaborazzjoni internazzjonali, qed jippruvaw isiru aktar reżiljenti u għandhom ktajjen tal-valur dinamiċi. L-iżviluppi teknoloġiċi reċenti juru xejra li qed tinbidel fejn l-innovazzjoni ċivili, b’mod partikolari minn negozji ġodda u SMEs, aktar ma jmur qed tixpruna l-innovazzjoni tad-difiża.

    Is-setturi tal-ispazju, tad-difiża u tas-sigurtà għandhom il-potenzjal għal sinerġiji u għal arrikkiment reċiproku bejniethom u ma’ setturi ċivili oħra. Jaffaċċjaw ħafna sfidi u limiti, fosthom l-ostakli regolatorji, in-nuqqas ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fis-swieq internazzjonali, l-aċċess għal infrastruttura ta’ riċerka u ttestjar għalja, il-bżonn ta’ ħiliet speċjalizzati, in-nuqqas ta’ attrattività b’mod partikolari għan-nisa u għaż-żgħażagħ, l-aċċess għall-materjali jew għall-komponenti kritiċi, u l-ħtieġa ta’ standards u ċertifikazzjoni Ewropej. Jikkonformaw mal-kontrolli tal-esportazzjoni speċifiċi għad-difiża u għall-oġġetti b’użu doppju 17 . Billi jiżviluppaw teknoloġiji jew infrastrutturi b’implikazzjonijiet possibbli għas-sigurtà, jistgħu jiġu soġġetti għal Skrinjar tal-Investiment Dirett Barrani 18 .

    Sabiex tifhem iżjed l-interkonnessjonijiet bejn dawn is-setturi ċivili u oħrajn, il-Kummissjoni tkompli tikkonsulta lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha. B’mod partikolari, se tipprova tindirizza l-isfidi li jaffaċċjaw l-SMEs, in-negozji ġodda, l-organizzazzjonijiet tar-riċerka u tat-teknoloġija u l-akkademja Ewropej li jwaqqfuhom milli jkollhom rwol aktar attiv: dawn l-isfidi jinkludu r-rekwiżiti ta’ sigurtà għolja, l-upscaling fis-suq, l-aċċess għal finanzjament (pakketti finanzjarji, investiment tas-settur privat), l-aċċess għal swieq terzi, l-aċċess għal infrastrutturi tal-ittestjar u t-tnaqqis insuffiċjenti tar-riskji tal-investimenti fir-riċerka.

    Wieħed mill-modi għall-indirizzar ta’ dawn l-isfidi huwa bil-promozzjoni tal-approċċ xprunat mill-kapaċità. Approċċ xprunat mill-kapaċità għandu żewġ karatteristiċi ewlenin: l-ewwel nett, l-utenti jiddefinixxu liema kapaċità jeħtieġu u, it-tieni, jesprimu l-intenzjoni tagħhom li jakkwistaw prodotti li, ladarba jiġu żviluppati, joffru l-kapaċità mixtieqa. Dan l-approċċ wera li huwa utli fis-setturi tal-ispazju u tad-difiża billi jippermetti direzzjoni politika ċara, mentalità li tħares ’il quddiem, ippjanar fit-tul, approċċ interdixxiplinari li jinkludi l-partijiet ikkonċernati kollha u sinkronizzazzjoni tal-proċessi varji.

    Il-Fond Ewropew għad-Difiża (European Defence Fund, EDF) u l-programmi prekursuri 19 tiegħu jiddependu fuq l-approċċ xprunat mill-kapaċità, speċjalment billi jitqiesu l-għodod u l-proċessi eżistenti ta’ prijoritizzazzjoni tad-difiża tal-UE 20 , li jappoġġaw it-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livell nazzjonali u tal-UE. Dan jgħin biex tiżdied il-konverġenza bejn l-ippjanar tad-difiża tal-Istati Membri u jipprovdi referenzi għal żvilupp aktar koerenti tal-kapaċitajiet tad-difiża tal-Ewropa.

    Il-qafas stabbilit dwar il-governanza tal-ispazju u l-finanzjament stabbli pprovdut mill-Istati Membri permezz tal-Aġenzija Spazjali Ewropea u mill-baġit tal-Unjoni ppermettew ukoll l-implimentazzjoni tal-approċċ xprunat mill-kapaċità fis-settur spazjali. L-approċċ xprunat mill-kapaċità jiżgura li s-sistemi tal-ispazju futuri jkunu kapaċi joffru kapaċitajiet li jaqdu bl-aħjar mod il-ħtiġijiet tal-UE għall-monitoraġġ tal-ambjent jew tas-sigurtà, il-komunikazzjoni sigura, il-pożizzjonament, in-navigazzjoni u s-sinkronizzazzjoni, jew oħrajn.

    Bl-eċċezzjoni partikolari tal-ġestjoni integrata tal-fruntieri esterni 21 , ma hemmx proċess ġenerali simili ta’ approċċ xprunat mill-kapaċità għas-settur tas-sigurtà tal-UE. Diversità ġeografika, tematika u tal-utenti għolja tagħti lok għal “sottosetturi tas-sigurtà” differenti b’diversi approċċi mfassla għall-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom. In-nuqqas ta’ ppjanar ikkoordinat jista’ jwassal għal dipendenza żejda fuq teknoloġiji importati li huma disponibbli kummerċjalment. Filwaqt li jippreserva l-flessibilità meħtieġa għal kull sottosettur tas-sigurtà, approċċ xprunat mill-kapaċità jista’ jikkontribwixxi għal settur tas-sigurtà modern u li jħares ’il quddiem. Jista’ jiffaċilita l-użu ta’ teknoloġija innovattiva biex jintlaqgħu l-isfidi tas-sigurtà li qed jevolvu għall-komunità tal-infurzar tal-liġi (eż. il-pulizija, id-dwana u awtoritajiet oħra ta’ spezzjoni) u b’hekk jibbenefika lill-awtoritajiet tal-Istati Membri, u jiffaċilita l-konformità mal-protezzjoni tad-data u mal-istandards etiċi Ewropej.

    L-UE hija f’pożizzjoni tajba biex tippromwovi l-approċċ xprunat mill-kapaċità fis-settur tas-sigurtà. It-tisħiħ tal-approċċ xprunat mill-kapaċità fl-aġenziji tal-UE, pereżempju, jista’ jgħin biex jiġu strutturati l-ħtiġijiet tal-utenti, jiġu identifikati l-vulnerabbiltajiet, jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fil-kapaċitajiet, jiġu definiti pjanijiet direzzjonali teknoloġiċi u opportunitajiet ta’ riċerka, tiġi żgurata tranżizzjoni b’suċċess mir-R&Ż għall-operazzjonijiet, u jinħolqu opportunitajiet ta’ akkwist konġunt. Se jitqiesu wkoll sinerġiji possibbli mal-maniġġar ċivili ta’ kriżijiet.

    Azzjoni 1: Qabel tmiem l-2021, il-Kummissjoni se tippreżenta proposta biex issaħħaħ l-identifikazzjoni bikrija u li tħares ’il quddiem tal-ħtiġijiet u tas-soluzzjonijiet fil-qasam tas-sigurtà interna u l-infurzar tal-liġi billi trawwem approċċi xprunati mill-kapaċità fis-setturi tas-sigurtà, fuq il-bażi tal-aħjar prattiki fis-setturi tad-difiża u tal-ispazju.

    3. Sinerġiji bejn il-programmi u l-istrumenti tal-UE

    Taħt il-QFP 2021–2027, l-UE se żżid l-investiment f’teknoloġiji għall-applikazzjonijiet ċivili, tad-difiża u tal-ispazju permezz: (a) ta’ programmi ta’ riċerka, żvilupp u skjerament bħal Orizzont Ewropa, tal-programm Ewropa Diġitali (DEP), tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE), tal-Fond għas-Sigurtà Interna, tal-Fond Ewropew għad-Difiża u tal-programm tal-ispazju; (b) tal-akkwist pubbliku 22 ta’ soluzzjonijiet teknoloġiċi innovattivi transsettorjali.

    Ir-R&Ż b’rabta mad-difiża huma previsti fil-qafas tal-FEŻ. Il-programmi tal-politika tal-koeżjoni jistgħu wkoll jikkontribwixxu għal R&Ż b’rabta mad-difiża, dment li jkunu konformi mar-regoli rilevanti għall-ġestjoni kondiviża. Strumenti oħra ta’ finanzjament jiffukaw fuq applikazzjonijiet ċivili, filwaqt li r-regolamenti rispettivi spiss jinkludu dispożizzjonijiet dwar l-użu doppju 23 . Pereżempju, fil-protezzjoni ċivili, rescEU 24 tipprovdi finanzjament lill-Istati Membri u lill-Istati Parteċipanti biex jiżviluppaw kapaċitajiet tal-UE li jirrispondu għal diżastri kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari (chemical, biological, radiological and nuclear, CBRN) meta l-kapaċitajiet nazzjonali ma jkunux biżżejjed.

    Il-QFP jinkludi wkoll strumenti orizzontali li jappoġġaw il-politiki marittimi u tat-trasport. Il-programmi (eż. il-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri) jew l-aġenziji tal-UE (eż. Frontex, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta) li għandhom l-għan li jtejbu s-sigurtà interna u esterna u l-protezzjoni tal-UE huma partikolarment rilevanti. Barra minn hekk, il-Faċilità tal-UE għall-Irkupru u r-Reżiljenza u l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku jappoġġaw riformi u investimenti mill-Istati Membri, dment li jkunu allinjati mal-prijoritajiet stabbiliti tal-UE, partikolarment dawk relatati mat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali.

    Id-daqs miżjud ta’ dawn l-investimenti, permezz ta’ varjetà ta’ programmi u strumenti tal-UE, jippreżenta opportunitajiet għal sinerġiji li jistgħu jevitaw ir-riskju ta’ duplikazzjoni u jipprovdu opportunitajiet aktar faċli għall-utent għall-finanzjament (eż. għotjiet, akkwist pubbliku, garanziji). Dawn jgħinu proġetti tul il-perkors mir-R&Ż sal-iskjerament, kemm jekk permezz tal-adozzjoni mis-suq jew permezz tal-akkwist pubbliku għall-innovazzjoni. 

    Il-QFP jinkludi wkoll strumenti li jappoġġaw: l-investiment (eż. InvestEU); proġetti reġjonali għar-riċerka, għall-innovazzjoni, għat-teknoloġiji u għall-SMEs (eż. permezz tal-FEŻR jew il-Fond Soċjali Ewropew jew il-Fond Soċjali Ewropew (FSE)); l-innovazzjoni teknoloġika, in-negozji ġodda u l-SMEs (eż. riċerka kollaborattiva fil-qafas tal-Orizzont Ewropa, inklużi sħubijiet u missjonijiet, u b’mod partikolari l-istrumenti “Pathfinder” u “Accelerator” tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni (European Innovation Council, EIC)) jew iċ-ċentri Ewropej ta’ innovazzjoni diġitali.

    Jekk fil-programmi tal-UE jkunu previsti eżenzjonijiet tas-sigurtà, il-Kummissjoni u l-Aġenziji tal-UE se jillimitaw, jekk ikun hemm raġunijiet debitament ġustifikati, il-parteċipazzjoni fl-akkwisti pubbliċi għal entitajiet ġuridiċi stabbiliti fl-Istati Membri, jew li mhumiex ikkontrollati minn pajjiżi terzi.

    Il-miżuri biex jitjieb l-aċċess għall-finanzi u s-sinerġiji fil-programmi tal-QFP jistgħu jinkludu:

    ·Faċilitajiet ta’ taħlit fil-livell tal-UE, li jinvolvu taħlita ta’ forom differenti ta’ appoġġ għall-investiment mill-baġit tal-UE (eż. għotjiet u riżorsi ripagabbli) u sorsi oħra ta’ finanzjament biex jinkiseb impatt akbar.

    ·L-istrumenti “Pathfinder” u “Accelerator” tal-EIC, li għandhom l-għan li jisfruttaw il-bażi ta’ riċerka b’saħħitha tal-Ewropa u jfittxu li jappoġġaw innovazzjonijiet li jġibu bidla radikali.

    ·Sinerġiji bejn Orizzont Ewropa u programmi oħra ġestiti direttament mill-QFP (meta l-bażijiet ġuridiċi rispettivi jippermettu dan), li joffru firxa wiesgħa ta’ ingranaġġ strateġiku permezz tal-possibbiltà li jiġi kkombinat il-finanzjament. Il-programmi taħt ġestjoni kondiviża (eż. il-FEŻR) ukoll jistgħu jitqiesu għat-trasferiment ta’ fondi (trasferimenti volontarji bejn il-fondi jew lejn strumenti ġestiti direttament u indirettament, u l-mekkaniżmu tas-siġill ta’ eċċellenza).

    Minbarra dawn il-miżuri, il-Kummissjoni tfakkar ukoll fl-appoġġ tagħha, kif iddikjarat fil-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għad-Difiża tal-2016 25 , u fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru 2016 26 , għal adattament tal-kriterji tas-self tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) lis-settur tad-difiża fil-limiti tat-Trattati.

    Azzjoni 2: Qabel tmiem l-2021 u bil-ħsieb tal-programmi ta’ ħidma tal-2022, il-Kummissjoni se tkompli ttejjeb il-proċess intern tagħha biex tippromwovi sinerġiji bejn l-industrija tal-ispazju, tad-difiża u l-industriji ċivili relatati billi ttejjeb il-koordinazzjoni tal-programmi u l-istrumenti tal-UE u billi tniedi azzjonijiet biex tiffaċilita l-aċċess għal finanzjament.

    4. Appoġġ għal negozji ġodda, SMEs u organizzazzjonijiet tar-riċerka u tat-teknoloġija

    Bi ftit eċċezzjonijiet, il-livell tal-parteċipazzjoni ta’ negozji ġodda, SMEs u organizzazzjonijiet tar-riċerka u tat-teknoloġija fis-swieq tad-difiża u fis-suq tas-sigurtà għadu baxx. Fid-dawl tal-potenzjal ta’ dawn it-tipi ta’ organizzazzjonijiet, hemm bżonn li jiġi ffaċilitat il-ħolqien ta’ opportunitajiet għal “spin-ins” mill-industriji ċivili għad-difiża. Sabiex dan jinkiseb, l-SMEs u n-negozji ġodda fl-Unjoni:

    ·għandhom isiru aktar konxji tal-opportunitajiet ta’ negozju potenzjali, partikolarment fis-suq tad-difiża;

    ·għandhom jiksbu ħarsa ġenerali komprensiva tal-opportunitajiet offruti mis-sejħiet imnedija taħt il-programmi tal-UE b’rabta mal-industriji spazjali, tad-difiża u ċivili;

    ·jeħtieġu jadattaw il-prodotti/il-mudelli tan-negozju tagħhom għall-ispeċifiċitajiet ta’ dawn is-swieq.

    L-organizzazzjonijiet tar-riċerka u tat-teknoloġija jista’ jkollhom rwol importanti fl-appoġġ tal-SMEs, billi jipprovdu ideat u approċċi innovattivi. Tali innovazzjoni għandha l-potenzjal li ssawwar in-networks eżistenti u toħloq interazzjonijiet ġodda bejn l-istituzzjonijiet tad-difiża, l-industrija u l-organizzazzjonijiet tar-riċerka u tat-teknoloġija. Hu kritiku li jkun hemm interazzjonijiet bejn l-SMEs u l-organizzazzjonijiet tar-riċerka u tat-teknoloġija fl-Unjoni biex tkun żgurata d-diversità meħtieġa f’termini ta’ innovazzjoni u speċjalizzazzjoni.

    Mill-fornituri tad-data spazjali bħal Galileo jew Copernicus għal forom ġodda ta’ rappreżentazzjoni u analitika tad-data bħal Destinazzjoni d-Dinja 27 , iċ-ċentri Ewropej ta’ innovazzjoni diġitali jistgħu jlaqqgħu flimkien SMEs innovattivi tul il-katina tal-valur tad-data. Sabiex tkompli tappoġġa l-SMEs, in-negozji ġodda u l-organizzazzjonijiet tar-riċerka u tat-teknoloġija tal-UE, kif ukoll tiżgura l-arrikkiment reċiproku bejn l-industriji ċivili, tad-difiża u tal-ispazju, il-Kummissjoni beħsiebha:

    ·iżżid l-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni tagħha, li jinkludu l-involviment tan-Network Ewropew ta’ Reġjuni Relatati mad-Difiża, in-Network Ewropew tar-Riċerka u l-Innovazzjoni fid-Difiża, in-Network Enterprise Europe u r-raggruppamenti industrijali bħal dawk fuq il-Pjattaforma Ewropea għall-Kollaborazzjoni bejn ir-Raggruppamenti 28 ;

    ·tuża komunikaturi tal-UE fuq il-post bħar-Rappreżentanzi tal-Kummissjoni, kif ukoll networks ta’ sensibilizzazzjoni tal-UE preżenti fl-Istati Membri, biex jgħinu fit-tixrid ta’ messaġġi ewlenin u l-bini ta’ sħubijiet;

    ·tibni fuq networks u korpi tal-UE eżistenti biex tiżviluppa sħubijiet industrijali u xjentifiċi f’teknoloġiji kritiċi;

    ·tiffaċilita l-aċċess għall-appoġġ tal-UE permezz ta’ għodda interattiva multilingwi li tiggwida lill-kumpaniji għall-aħjar finanzjament tal-UE għall-proġett tagħhom;

    ·tivvaluta l-opportunitajiet biex jinħolqu punti ċentrali nazzjonali għall-aspetti kollha tal-parteċipazzjoni fil-FEŻ, biex jinħolqu sinerġiji ma’ entitajiet oħra li jippromwovu l-opportunitajiet ta’ finanzjament tal-UE;

    ·tkompli tippromwovi l-opportunitajiet offruti mill-inizjattiva tal-intraprenditorija spazjali CASSINI għall-aċċellerazzjoni tan-negozju, l-inkubazzjoni, il-finanzjament ta’ avvjament u l-akkwist pubbliku prekummerċjali kif ukoll is-sħubija għall-innovazzjoni u l-akkwist pubbliku tal-innovazzjoni;

    ·taħdem mal-EIC biex tipprovdi servizzi ta’ aċċellerazzjoni tan-negozju għal negozji ġodda/SMEs ċivili b’teknoloġija avvanzata biex jilħqu s-swieq tad-difiża u tas-sigurtà;

    ·tappoġġa l-istabbiliment ta’ ċentri Ewropej ta’ innovazzjoni diġitali, kif previst mill-istrateġija industrijali tal-UE, li jistgħu jaġixxu bħala punti uniċi ta’ servizz għall-kumpaniji biex jaċċessaw l-ittestjar tat-teknoloġija u juru soluzzjonijiet innovattivi għas-swieq ċivili, tad-difiża u tal-ispazju;

    ·tipprovdi appoġġ tekniku u taħriġ prattiku għan-negozji ġodda, SMEs u organizzazzjonijiet tar-riċerka u tat-teknoloġija li huma interessati japplikaw il-programmi u l-istrumenti rilevanti tal-UE;

    ·torganizza attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni bħal sfidi, hackathons, laboratorji għal negozji ġodda, jiem iddedikati għat-teknoloġija, fora ta’ innovazzjoni, logħob serju, kif ukoll workshops dwar il-previżjoni u l-iżvilupp tal-ħiliet.

    Azzjoni 3: Mit-tieni nofs tal-2021, il-Kummissjoni se tibda tħabbar azzjonijiet immirati għan-negozji ġodda, SMEs u organizzazzjonijiet tar-riċerka u tat-teknoloġija biex tqajjem kuxjenza dwar il-programmi u l-istrumenti tal-UE li joffru opportunitajiet ta’ finanzjament, jipprovdu appoġġ tekniku u taħriġ prattiku, jipprovdu servizzi li jaċċelleraw in-negozju, jippreżentaw soluzzjonijiet innovattivi u jiffaċilitaw id-dħul fis-swieq tad-difiża, tas-sigurtà, tal-ispazju jew swieq ċivili rilevanti oħra.

    5. Teknoloġiji kritiċi u pjanijiet direzzjonali għat-teknoloġija

    Fil-linji gwida politiċi tagħha tal-2019 il-President von der Leyen enfasizzat li “mhuwiex tard wisq għall-Ewropa biex tikseb is-sovranità teknoloġika f’xi oqsma kritiċi tat-teknoloġija”. L-istrateġija industrijali tal-UE tal-2020 iddikjarat: “L-awtonomija strateġika tinvolvi li nnaqqsu d-dipendenza tagħna fuq ħaddieħor għall-affarijiet li l-aktar neħtieġu: materjali u teknoloġiji kritiċi, l-ikel, l-infrastruttura, is-sigurtà u oqsma strateġiċi oħra. Dawn jagħtu wkoll opportunità lill-industrija tal-Ewropa biex tiżviluppa s-swieq, il-prodotti u s-servizzi tagħha stess li jagħtu spinta lill-kompetittività.” L-UE b’hekk tappoġġa l-iżvilupp ta’ teknoloġiji kritiċi li għandhom importanza strateġika għall-Ewropa.

    Għal xi wħud minn dawn it-teknoloġiji, il-Kummissjoni użat is-setgħa tagħha li tlaqqa’ biex tniedi alleanzi industrijali 29 . Alleanzi bħal dawn diġà jeżistu għat-teknoloġiji tal-enerġija (batteriji, idroġenu nadif) u materja prima filwaqt li aktar alleanzi qed jiġu kkunsidrati .

    L-identifikazzjoni ta’ liema teknoloġiji kritiċi joffru kontribuzzjoni deċiżiva għall-kapaċitajiet ewlenin tista’ tgħin biex jiġi deċiż: (i) liema teknoloġiji huma importanti għas-sovranità teknoloġika (jiġifieri fejn hemm il-ħtieġa li jitnaqqas ir-riskju tad-dipendenza); (ii) fejn l-appoġġ ikkombinat/ikkoordinat minn programmi u strumenti differenti tal-UE jista’ jindirizza sfidi bħal dawn. Sabiex issaħħaħ is-sovranità teknoloġika tagħha, l-UE jrid ikollha kompetenza industrijali b’saħħitha u, fejn possibbli, tfittex li tmexxi f’dawn it-teknoloġiji kritiċi. Minbarra dawn it-teknoloġiji kritiċi, l-UE trid tħares ukoll lejn:

    ·il-ktajjen tal-valur, inkluża s-sigurtà tal-provvista ta’ materji (primi) kritiċi li huma elementi importanti għat-teknoloġiji kritiċi fl-industriji ċivili, tad-difiża u tal-ispazju 30 , 31 , 32 .

    ·ir-riċerka relatata u l-infrastruttura tal-ittestjar, li hija essenzjali għall-istandardizzazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni.

    Fil-kuntest ta’ dan il-Pjan ta’ Azzjoni, it-teknoloġiji kritiċi huma teknoloġiji 33  li huma rilevanti għall-industriji tad-difiża, tal-ispazju u dawk ċivili relatati kif ukoll li jikkontribwixxu għas-sovranità teknoloġika tal-Ewropa billi jnaqqsu r-riskji tas-sovradipendenza fuq oħrajn għall-affarijiet li l-aktar neħtieġu . It-tabella segwenti tippreżenta lista 34 , 35  ta’ eżempji ta’ teknoloġiji kritiċi rilevanti għall-industriji ċivili (inkluża s-sigurtà), tad-difiża u tal-ispazju (teknoloġiji li r-rilevanza tagħhom hija limitata biss għal waħda minn dawn l-industriji mhumiex inklużi).

    Settur

    Teknoloġiji

    L-elettronika u d-diġitali

    ·L-intelliġenza artifiċjali, l-analitika avvanzata u l-big data

    ·Iċ-ċibersigurtà u t-teknoloġiji taċ-ċiberdifiża

    ·It-teknoloġiji forensiċi diġitali

    ·L-ispazji tal-computing ta’ prestazzjoni għolja, tal-cloud u tad-data

    ·Il-fotonika

    ·Il-mikroproċessuri b’qawwa ultra-baxxa, stampati ħfief jew ta’ elettronika flessibbli

    ·It-teknoloġiji kwantistiċi

    ·Il-komunikazzjoni u n-networking siguri

    ·Is-sensuri (inklużi dawk elettro-ottiċi, tar-radar, kimiċi, bijoloġiċi, tar-radjazzjoni, eċċ.)

    Il-manifattura

    ·Il-manifattura avvanzata u addittiva

    ·It-teknoloġiji avvanzati tal-materjali u l-materjali sostenibbli skont id-disinn

    ·In-nanoteknoloġiji

    ·Ir-robotika

    ·Is-semikondutturi u l-mikroelettronika

    L-ispazju u l-aeronawtika

    ·It-teknoloġiji spazjali (inkluż id-disinn u l-manifattura ta’ lanċjaturi u satelliti)

    ·Teknoloġiji siguri ta’ kronometraġġ preċiż, pożizzjonament u navigazzjoni 

    ·Teknoloġiji tal-Osservazzjoni tad-Dinja b’definizzjoni għolja

    ·Komunikazzjoni u konnettività siguri bbażati fuq is-satelliti

    Is-saħħa

    ·Il-bijoteknoloġija

    ·Teknoloġiji kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari 36

    L-enerġija

    ·It-teknoloġiji tal-enerġija (inkluż il-ħżin tal-enerġija, ir-reżiljenza tal-enerġija, l-enerġija rinnovabbli, l-idroġenu u l-enerġija nukleari)

    Il-mobbiltà

    ·Is-sistemi awtonomi

    X’aktarx li t-teknoloġiji kritiċi jinbidlu hekk kif jitfaċċaw teknoloġiji ġodda. Il-Kummissjoni se twaqqaf fis-servizzi tagħha Osservatorju tat-Teknoloġiji Kritiċi tal-UE 37 . Se tipprovdi monitoraġġ u analiżi regolari tat-teknoloġiji kritiċi, l-applikazzjonijiet potenzjali tagħhom, il-katini tal-valur, ir-riċerka meħtieġa u l-infrastruttura tal-ittestjar, il-livell mixtieq ta’ kontroll tal-UE fuqhom, u l-lakuni u d-dipendenzi eżistenti 38 . Kull sentejn, l-Osservatorju, f’konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati ewlenin, se jipproduċi rapport klassifikat dwar it-teknoloġiji kritiċi, id-dipendenzi, il-katini tal-valur u l-infrastruttura tal-ittestjar għad-difiża, l-ispazju u l-industriji ċivili relatati 39 .

    Abbażi ta’ dawn ir-rapporti, il-Kummissjoni se tiżviluppa pjanijiet direzzjonali teknoloġiċi biex tistimula l-arrikkiment reċiproku bejn l-industriji ċivili, tad-difiża u tal-ispazju għat-teknoloġiji kritiċi. Il-pjanijiet direzzjonali teknoloġiċi qed jintużaw dejjem aktar mill-Kummissjoni 40 bħala teknika flessibbli biex tappoġġa l-ippjanar strateġiku, billi tqabbel l-għanijiet ta’ terminu qasir u dawk fit-tul ma’ soluzzjonijiet teknoloġiċi speċifiċi.

    Bl-użu ta’ pjanijiet direzzjonali teknoloġiċi, il-Kummissjoni se tibni fuq it-teknoloġiji kritiċi identifikati u (a) tindirizza l-istrumenti ta’ finanzjament rilevanti kollha, il-ħtiġijiet ta’ politika u l-aċċess għal opportunitajiet ta’ finanzjament sabiex jinħolqu sinerġiji fost l-azzjonijiet tal-UE; (b) tikkonċentra fuq teknoloġija u bżonnijiet soċjoekonomiċi usa’ bil-ħsieb li jitrawwem arrikkiment reċiproku; (c) tlaqqa’ flimkien il-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inklużi l-gvern, l-industrija, l-akkademja u s-soċjetà ċivili.

    Il-pjanijiet direzzjonali teknoloġiċi se jużaw it-tbassir teknoloġiku biex jidentifikaw teknoloġiji emerġenti xierqa, jevitaw id-duplikazzjoni tal-ispejjeż, jikkontribwixxu għall-istabbiltà tas-suq fl-Ewropa, jippromwovu l-kooperazzjoni transfruntiera u jistimulaw l-innovazzjoni minn negozji ġodda u SMEs. Kull pjan direzzjonali se jkollu orizzont speċifiku, stadji importanti u għan aħħari konkret.

    Abbażi tar-riżultati tal-ħidma mwettqa skont il-pjanijiet direzzjonali teknoloġiċi, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tniedi proġetti ewlenin, u tqis l-impatt probabbli tagħhom fuq is-sovranità u r-rwol ta’ tmexxija teknoloġiċi tal-UE, is-sorsi ta’ finanzjament tagħhom kif ukoll il-governanza tagħhom (ara t-Taqsima 8 hawn taħt).

    Azzjoni 4: Il-Kummissjoni se tiżviluppa pjanijiet direzzjonali teknoloġiċi biex tagħti spinta lill-innovazzjoni fit-teknoloġiji kritiċi għad-difiża, l-ispazju u s-setturi ċivili relatati kif ukoll tistimula l-kooperazzjoni transfruntiera, bl-użu tal-istrumenti rilevanti kollha tal-UE b’mod sinerġetiku. Dawn il-pjanijiet direzzjonali se jkunu bbażati fuq valutazzjoni li ssir kull sentejn minn Osservatorju għat-Teknoloġiji Kritiċi ġdid fil-Kummissjoni. Il-pjanijiet direzzjonali jistgħu jwasslu biex jiġu varati proġetti ewlenini ġodda.

    6. Standardizzazzjoni

    Il-promozzjoni u l-applikazzjoni ta’ standards komuni fis-setturi kollha jistgħu jikkontribwixxu għall-iffrankar tal-ispejjeż f’termini ta’ perjodi tal-produzzjoni u ġestjoni tal-ispejjeż, iżda wkoll biex itejbu l-effettività operattiva, billi jtejbu l-interoperabbiltà, b’mod partikolari f’ambjent multinazzjonali.

    Rabta aħjar tal-istandards mal-programmi tal-akkwist pubbliku relatati mas-sigurtà tista’ tgħin lill-industrija tal-UE tibqa’ fuq quddiem nett fit-teknoloġiji kritiċi ta’ importanza għas-sovranità teknoloġika tal-UE. B’mod ġenerali, l-istandards komuni jistgħu jikkontribwixxu għall-innovazzjoni u s-sinerġiji.

    F’kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati ewlenin, il-Kummissjoni se tidentifika l-istandards eżistenti u l-aħjar prattiki, u tikkummissjona l-iżvilupp ta’ oħrajn ġodda, li jistgħu jintużaw fl-industriji ċivili, tad-difiża u tal-ispazju u tippromwovi l-użu tagħhom fi programmi u strumenti rilevanti tal-UE f’oqsma fejn l-istandardizzazzjoni għadha skarsa. Fosthom:

    ·il-ħidma ppjanata f’rescEU, li tista’ sservi ta’ katalist biex tittejjeb il-kollaborazzjoni transfruntiera lejn standards kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari unifikati fil-livell tal-utenti (aġenziji tal-protezzjoni ċivili) u industrijali jew

    ·l-inizjattiva ppjanata skont il-Programm Ewropa Diġitali dwar Spazju Ewropew ta’ Data ta’ Sigurtà, li se tikkontribwixxi għall-istabbiliment ta’ standards ta’ kwalità fil-livell tal-UE.

    Tista’ tkun meħtieġa azzjoni biex jiġu żviluppati standards teknoloġiċi ibridi 41 u l-aħjar prattiki applikabbli fis-setturi ċivili (eż. l-infurzar tal-liġi) u tad-difiża. Dan jista’ jinkludi d-definizzjoni u l-armonizzazzjoni ta’ standards, protokolli ta’ ttestjar miftiehma b’mod komuni, l-aħjar prattiki u kodiċijiet ta’ kondotta tal-UE biex jitnaqqsu l-ispejjeż, tiżdied l-interoperabbiltà, jitjieb il-potenzjal għal sinerġiji u tittejjeb il-komprensibbiltà. L-UE tista’ taqdi l-interessi tagħha l-aħjar billi tieħu rwol ta’ tmexxija fl-iżvilupp ta’ standards fil-livell internazzjonali (eż. dwar iċ-ċibersigurtà), filwaqt li tqis il-valuri u l-prijoritajiet tal-UE (eż. il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data).

    Azzjoni 5: Qabel tmiem l-2022, il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ partijiet ikkonċernati ewlenin oħra, se tippreżenta pjan biex tippromwovi l-użu ta’ standards ibridi eżistenti ċivili/tad-difiża u l-iżvilupp ta’ oħrajn ġodda.

    7. Innovazzjoni u skambju ta’ ideat bejn l-industriji ċivili, tad-difiża u tal-ispazju

    L-innovazzjoni 42 hija ċentrali għall-isforzi tal-Ewropa biex tkun quddiem nett fit-tranżizzjoni diġitali u ssaħħaħ il-kompetittività. L-ideat u t-teknoloġiji jistgħu joriġinaw minn kumpaniji kbar, negozji ġodda, organizzazzjonijiet tar-riċerka u tat-teknoloġija u SMEs fi kwalunkwe ekosistema u għandhom impatt ġenerali fuq il-kapaċitajiet. L-iffaċilitar tal-arrikkiment reċiproku ċivili, tal-ispazju u tad-difiża (spin-ins u spin-offs) se jindirizza l-frammentazzjoni attwali tax-xenarju tal-innovazzjoni tad-difiża ċivili. Dan jista’ jsaħħaħ ulterjorment l-innovazzjoni u jwassal għal tkabbir ekonomiku Ewropew, ikompli jiżviluppa s-Suq Uniku u jtejjeb is-sigurtà għaċ-ċittadini Ewropej.

    Inkubatur tal-innovazzjoni li kapaċi jiżviluppa u jaċċellera t-teknoloġiji fil-qasam tal-innovazzjoni b’użu doppju jista’ jsir assi ewlieni biex jagħti spinta lill-innovazzjoni u joħloq teknoloġiji rivoluzzjonarji għat-tliet setturi industrijali, u biex itejjeb l-arrikkiment reċiproku ma’ ekosistemi oħra. Dan l-inkubatur tal-innovazzjoni jista’ jieħu l-forma ta’ network virtwali, ibbażat fuq kollaborazzjoni mill-qrib tal-Kummissjoni mal-EIC u l-EDA. Dan jista’, pereżempju: (i) jeżamina r-riżultati fejn tirnexxi r-riċerka rilevanti ffinanzjata mill-UE u jipproponihom għal finanzjament ta’ segwitu jew użu mill-utenti; (ii) jappoġġa teknoloġiji ġodda, b’enfasi partikolari fuq l-innovazzjoni b’użu doppju li toriġina minn negozji ġodda, SMEs u organizzazzjonijiet tar-riċerka u tat-teknoloġija; u (iii) jorbot u jikkomplementa inizjattivi settorjali bħaċ-ċentru Ewropew għas-sigurtà ospitat mill-Europol.

    Il-Kummissjoni se tistabbilixxi wkoll networks ta’ Innovazzjoni fid-Difiża, bil-għan li tipprovdi servizzi ta’ dimostrazzjoni teknoloġika (ospitati minn organizzazzjonijiet tar-riċerka u tat-teknoloġija, universitajiet jew infrastrutturi oħra tar-riċerka) biex tittestja r-rilevanza tat-teknoloġiji li jirriżultaw mis-settur ċivili f’applikazzjonijiet potenzjali tad-difiża. Filwaqt li jaġixxu bħala intermedjarji tal-innovazzjoni bejn atturi ta’ daqsijiet differenti u li jirriżultaw minn setturi differenti, tali networks tematiċi se jappoġġaw l-innovazzjoni f’katini tal-valur tad-difiża speċifiċi billi jrawmu l-adozzjoni ta’ teknoloġiji ċivili minn atturi tad-difiża, filwaqt li jagħtu l-opportunità lill-kumpaniji ċivili li jivvalorizzaw it-teknoloġiji tagħhom lejn sħab ġodda tad-difiża.

    Barra minn hekk, iż-żewġ oqsma kritiċi tat-teknoloġija segwenti jippreżentaw opportunitajiet promettenti għall-arrikkiment reċiproku.

    Ċibersigurtà u ċiberdifiża. Fl-2021, il-Kummissjoni se twaqqaf iċ-Ċentru ta’ Kompetenza fiċ-Ċibersigurtà 43  (Cybersecurity Competence Centre, CCC) u n-Network taċ-Ċentri Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni. Is-CCC se jkollu l-għan li jipproteġi l-ekonomija u s-soċjetà tal-Ewropa minn attakki ċibernetiċi, iżomm u jippromwovi l-eċċellenza fir-riċerka u jsaħħaħ il-kompetittività tal-industrija tal-UE fiċ-ċibersigurtà. Ir-riżorsi għal dan iċ-Ċentru se jiġu minn Ewropa Diġitali u minn Orizzont Ewropa kif ukoll mill-Istati Membri. B’mod parallel, il-Fond Ewropew għad-Difiża (EDF) se jappoġġa r-riċerka u l-iżvilupp Ewropej f’soluzzjonijiet taċ-ċiberdifiża, bħal fl-oqsma tal-għarfien tas-sitwazzjoni u l-kapaċitajiet operattivi fiċ-ċiberspazju, it-taħriġ u l-eżerċizzji ċibernetiċi. Il-Programm Spazjali tal-UE se jkompli jiżviluppa soluzzjonijiet għall-isfidi taċ-ċibersigurtà (eż. Galileo).

    Il-Kummissjoni se tfittex li ttejjeb l-arrikkiment reċiproku u s-sinerġiji bejn il-ħidma ċibernetika fl-isferi ċivili, tad-difiża u tal-ispazju bil-ħsieb li tnaqqas il-vulnerabbiltajiet u toħloq effiċjenzi 44 .

    Teknoloġiji fixkiela, inkluż l-Intelliġenza Artifiċjali 45 . It-terminu “teknoloġija fixkiela” jirreferi għal teknoloġija li twassal għal tfixkil jew bidla fil-paradigma, jiġifieri bidla radikali aktar milli waħda inkrementali. L-iżvilupp ta’ teknoloġija bħal din huwa “riskju għoli, impatt potenzjali għoli”, u l-kunċett japplika bl-istess mod għas-setturi ċivili, tad-difiża u tal-ispazju. It-teknoloġiji fixkiela 46 għad-difiża jistgħu jkunu bbażati fuq kunċetti jew ideat li joriġinaw minn atturi tad-difiża mhux tradizzjonali u jsibu l-oriġini tagħhom fi spin-ins mill-qasam ċivili.

    Ir-Regolament tal-Fond Ewropew għad-Difiża jipprevedi li sa 8 % tal-baġit tiegħu jkun jappoġġa t-teknoloġiji fixkiela, jippromwovi l-parteċipazzjoni ta’ atturi tad-difiża mhux tradizzjonali u jattira negozji ġodda fi proġetti tad-difiża permezz ta’ sejħiet miftuħa jew premji għal applikazzjonijiet innovattivi tad-difiża. Dawn il-mekkaniżmi innovattivi ta’ finanzjament se jkunu pass prattiku biex jiġu ppreżentati ideat innovattivi u biex jiġi ffaċilitat l-arrikkiment reċiproku tal-innovazzjoni bejn il-qasam ċivili u dak tad-difiża. Parti sinifikanti ħafna tal-Programm Ewropa Diġitali se tappoġġa teknoloġiji fixkiela għall-applikazzjonijiet ċivili. Strumenti oħra ta’ finanzjament tal-UE, inklużi dawk tal-Programm Spazjali u tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni, jipprevedu investimenti simili.

    Biex titrawwem l-innovazzjoni u tiġi ggarantita l-kompetittività tal-industrija tal-UE, se tkun meħtieġa wkoll politika ambizzjuża dwar il-ħiliet. Il-Kummissjoni se tieħu miżuri speċifiċi biex tidentifika n-nuqqasijiet possibbli, l-aktar ħiliet rilevanti u l-potenzjal għal sinerġiji fl-interazzjoni bejn is-setturi ċivili, tad-difiża u tal-ispazju.

    Il-parteċipazzjoni tan-nisa u ta’ gruppi oħra li mhumiex rappreżentati biżżejjed fis-setturi tad-difiża u tas-sigurtà għadha baxxa. Minħabba li d-diversità hija fattur importanti biex tiġi stimulata l-innovazzjoni, se tingħata spinta favur involviment aktar b’saħħtu ta’ dawn il-profili. Il-Kummissjoni se tfittex ukoll li jkun hemm parteċipazzjoni aktar b’saħħitha mill-innovaturi nisa u se tindirizza l-għanijiet tal-ugwaljanza u l-inklużjoni (eż. l-aċċessibbiltà diġitali) 47 .

    Azzjoni 6: Fl-ewwel nofs tal-2022, il-Kummissjoni se tniedi, f’kooperazzjoni mal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni u partijiet ikkonċernati oħra, “inkubatur tal-innovazzjoni” biex tappoġġa teknoloġiji ġodda u ssawwar l-innovazzjoni b’użu doppju. Il-Kummissjoni se tappoġġa wkoll in-networks transfruntieri tal-innovazzjoni fid-difiża li se jittestjaw ir-rilevanza tat-teknoloġiji mis-settur ċivili u se jappoġġaw l-innovazzjoni responsabbli fil-katini ta’ valur tad-difiża. Dawn l-azzjonijiet se jindirizzaw ukoll il-frammentazzjoni attwali tax-xenarju tal-innovazzjoni fid-difiża ċivili, l-iskarsezza ta’ ħiliet kif ukoll l-għanijiet tal-ugwaljanza u l-inklużjoni.

    Azzjoni 7: Minn Ġunju 2021’il quddiem, il-Kummissjoni se twaqqaf flimkien mal-Istati Membri ċ-Ċentru ta’ Kompetenza fiċ-Ċibersigurtà, filwaqt li talloka r-riżorsi meħtieġa mill-programmi u l-istrumenti rilevanti tal-UE. Il-Kummissjoni se tfittex li ssaħħaħ is-sinerġiji, l-ispin-ins u l-ispin-offs bejn il-ħidma taċ-Ċentru, il-Fond Ewropew għad-Difiża u l-programm Spazjali tal-UE dwar iċ-ċibersigurtà u ċ-ċiberdifiża bil-għan li jitnaqqsu l-vulnerabbiltajiet u jinħolqu effiċjenzi.

    Azzjoni 8: B’seħħ mill-ewwel nofs tal-2022, biex tappoġġa t-teknoloġiji fixkiela, il-Kummissjoni se tippreżenta forom innovattivi ta’ finanzjament biex tippromwovi l-parteċipazzjoni ta’ atturi mhux tradizzjonali, tattira negozji ġodda u tippromwovi l-arrikkiment reċiproku tas-soluzzjonijiet, filwaqt li tibni fuq l-opportunitajiet li joffru l-programmi u l-istrumenti tal-UE inklużi l-Programm Ewropa Diġitali u l-Fond Ewropew għad-Difiża.

    8. Il-promozzjoni ta’ sinerġiji u l-arrikkiment reċiproku permezz ta’ proġetti ewlenin

    Mod kif jissaħħu s-sinerġiji bejn l-industriji ċivili, tad-difiża u tal-ispazju huwa permezz tat-tnedija ta’ proġetti ewlenin, li jappoġġaw teknoloġiji kritiċi u jipprovdu soluzzjonijiet għal sfidi tas-soċjetà jew sfidi strateġiċi importanti. Il-proġetti ewlenin joffru potenzjal kbir għas-sinerġiji u għall-arrikkiment reċiproku: fil-livell tal-programm (eż. sejħiet għal proposti mmirati lejn oqsma simili, li jorbtu l-ħtiġijiet tal-akkwist mar-riċerka, is-sinerġiji fil-finanzjament); permezz tat-teknoloġija (eż. teknoloġiji b’użu doppju, speċjalment f’livell baxx ta’ tħejjija teknoloġika); kif ukoll permezz tal-innovazzjoni u l-SMEs (eż. l-iffaċilitar ta’ interazzjonijiet ġodda mal-industrija tad-difiża u s-sigurtà).

    Diversi inizjattivi ffinanzjati mill-UE jwittu t-triq għal sinerġiji transsettorjali, inkluż:

    ·il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li se tikkofinanzja proġetti ta’ infrastruttura tat-trasport b’użu doppju biex ittejjeb kemm il-mobbiltà ċivili kif ukoll dik militari;

    ·Galileo, li joffri servizz pubbliku regolat li jista’ jintuża għal skopijiet ta’ difiża;

    ·Copernicus, li joffri servizzi ambjentali u ta’ sigurtà li jintużaw regolarment minn diversi komunitajiet ta’ utenti għal skopijiet ċivili u ta’ difiża, b’mod partikolari applikazzjonijiet bħalma huma l-verifika u l-infurzar tal-konformità mad-dritt tal-UE (eż. dwar il-garanzija tal-konformità mal-leġiżlazzjoni ambjentali u reati kontra l-ambjent);

    ·ir-Riċerka dwar l-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew (Single European Sky Air traffic management Research, SESAR), li tħares lejn soluzzjonijiet tekniċi għal kooperazzjoni ċivili-militari flessibbli biex jiġi massimizzat l-użu tal-ispazju tal-ajru;

    ·is-servizzi tas-Sorveljanza u l-Insegwiment fl-Ispazju (Space Surveillance and Tracking, SST) tal-UE għall-operaturi satellitari nazzjonali u kummerċjali li jużaw l-assi nazzjonali;

    ·riċerka orjentata lejn id-difiża għal mudelli tal-enerġija sikuri u sostenibbli (bħall-ġenerazzjoni, il-ħżin, l-effiċjenza u l-ġestjoni tal-enerġija), li twassal għal aktar reżiljenza u effiċjenza operazzjonali fil-kuntest tat-tibdil fil-klima;

    ·il-forum ta’ konsultazzjoni għall-Enerġija sostenibbli fis-settur tad-Difiża u s-Sigurtà 48 kif ukoll l-azzjoni konġunta ppjanata mal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża biex jiġu identifikati l-ostakli għall-iżviluppi tal-enerġija rinnovabbli offshore f’oqsma riżervati għall-attivitajiet ta’ difiża u titjieb il-koeżistenza 49 ;

    ·rispons mediku u attivitajiet kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari li huma (i) appoġġati minn rescEU (eż. it-trasport ta’ pazjenti kkontaminati u infettivi), (ii) ippjanati mill-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, jew (iii) appoġġati mill-programm tas-saħħa tal-UE (eż. azzjoni konġunta għat-tisħiħ tal-istat ta’ tħejjija għas-saħħa u tar-rispons għal attakki terroristiċi bijoloġiċi u kimiċi).

    Biex tiżgura li dawn l-inizjattivi jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom, il-Kummissjoni se timmonitorja l-implimentazzjoni tagħhom u tidentifika opportunitajiet biex ittejjeb ir-redditu fuq l-investiment. Pereżempju,

    ·il-Kummissjoni se tiżgura sinerġiji ma’ korpi, programmi u strumenti eżistenti tal-UE fl-azzjonijiet preparatorji, li se jiġu varati fl-2021 għall-istabbiliment tal-Awtorità tal-UE għar-Rispons f’Każ ta’ Emerġenza tas-Saħħa (Health Emergency and Response Authority, HERA) 50 , inkluż dwar it-theddid bijoloġiku emerġenti għas-saħħa tal-bniedem u l-inkorporazzjoni tal-ħidma fuq rispons Ewropew għall-bijodifiża.

    ·il-Kummissjoni se tiggarantixxi sinerġiji bejn l-investimenti ċivili u dawk tad-difiża fit-teknoloġiji ċibernetiċi, cloud, ta’ proċessuri u kwantistiċi.

    ·biex twieġeb aħjar għall-isfidi tas-sigurtà tal-lum 51 , il-Kummissjoni se tfittex li tagħti spinta lill-użu tal-investiment sinifikanti fl-infrastruttura ta’ komunikazzjoni sigura Trans-Ewropea (Trans-European secure communication infrastructure, TESTA). TESTA tippermetti konnettività sigura madwar l-UE (inklużi l-vidjokonferenzi) bejn l-Istituzzjonijiet tal-UE, u l-korpi u aġenziji tal-UE kif ukoll l-amministrazzjonijiet, nazzjonali fil-qasam tad-difiża u s-sigurtà.

    ·fil-kuntest tal-Istrateġija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EU Maritime Security Strategy, EUMSS) 52 , il-Kummissjoni se tkompli tippromwovi l-kooperazzjoni bejn l-aġenziji li huma responsabbli minn linji ta’ ħidma ċivili u ta’ difiża (jiġifieri Frontex, ESMA - l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima, EFCA - l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd) u tappoġġa l-implimentazzjoni tal-aġenda kkoordinata tar-riċerka ċivili-militari fis-sigurtà marittima. Il-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża ċivili hija parti mill-prinċipji bażiċi tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-EUMSS 53 , li jinkludi azzjonijiet dwar it-tisħiħ tal-interkonnessjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet ċivili u militari permezz tal-Ambjent Komuni għall-Qsim tal-Informazzjoni (Common Information Sharing Environment, CISE) 54 marittimu; il-promozzjoni ta’ qafas għal industrija ċivili u militari tal-bini tal-bastimenti; u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni ċivili-militari dwar it-Tfittxija u s-Salvataġġ (Search And Rescue, SAR) marittimi.

    Barra minn hekk, abbażi ta’ analiżi preliminari, u abbażi ta’ inizjattivi li għandhom jiġu ffinanzjati mill-istrumenti tal-UE, il-Kummissjoni qed tniedi tliet proġetti ewlenin:

    ·Teknoloġiji tad-droni tal-UE. Dan il-proġett ewlieni se jfittex li jsaħħaħ il-kompetittività tal-industrija tal-UE f’dan il-qasam kritiku tat-teknoloġija. Se jidentifika oqsma ta’ arrikkiment reċiproku, sabiex il-proġetti tad-difiża jibbenefikaw minn żviluppi innovattivi li joriġinaw mill-SMEs attivi fil-qasam tad-droni ċivili u li l-ajrunawtika ċivili tibbenefika mill-iżviluppi fil-qasam tad-difiża. B’mod partikolari, se jeżamina l-inġenji tal-ajru mingħajr ekwipaġġ innifishom kif ukoll l-iżvilupp tal-elementi kostitwenti teknoloġiċi meħtieġa għal aktar awtomatizzazzjoni tat-traffiku tad-droni. Il-proġett ewlieni se jifforma parti minn ambizzjoni ġenerali li għandha tiġi elaborata aktar fl-“Istrateġija tal-UE dwar id-droni 2.0” li hija ppjanata għall-2022 55 bħala mod li jippermetti u jaċċellera l-iżvilupp u l-użu ulterjuri ta’ din it-teknoloġija fl-Ewropa, u b’hekk tissaħħaħ is-sovranità teknoloġika.

    ·Sistema ta’ komunikazzjoni sikura globali tal-UE bbażata fuq l-ispazju. Dan il-proġett ewlieni għandu l-għan li jipprovdi aċċess għal konnettività b’veloċità għolja permezz ta’ infrastruttura spazjali multiorbita, inklużi satelliti b’orbita dinjija baxxa, u li jikkomplementa lil Galileo/EGNOS u Copernicus bħala t-tielet sistema satellitari tal-UE. Bl-integrazzjoni tat-teknoloġiji ta’ kriptaġġ kwantistiku, se jiżgura konnettività u komunikazzjoni b’sigurtà għolja għas-servizzi governattivi u kummerċjali (eż. konnettività aħjar tal-infrastruttura ewlenija, appoġġ għall-ġestjoni tal-kriżijiet, sorveljanza u applikazzjonijiet potenzjali tal-broadband fis-suq tal-massa). Dan se jippermetti l-aċċess għal konnettività b’veloċità għolja għal kulħadd fl-Ewropa, u se jipprovdi sistema ta’ konnettività reżiljenti li permezz tagħha l-Ewropa tibqa’ konnessa irrispettivament minn x’jiġri, inklużi attakki ċibernetiċi fuq skala kbira fl-internet. Fl-aħħar nett, se tkun infrastruttura ġeostrateġika, fiċ-ċentru ta’ sħubijiet speċifiċi pereżempju mal-Afrika.

    ·Strateġija tal-UE għall-Immaniġġjar tat-Traffiku fl-Ispazju (Space Traffic Management, STM). Dan il-proġett ewlieni se jiżviluppa standards u regoli tal-STM, li huma meħtieġa biex jiġu evitati avvenimenti ta’ kolliżjoni li jistgħu jirriżultaw mill-proliferazzjoni ta’ satelliti u residwi spazjali u li jistgħu jwasslu għal avvenimenti katastrofiċi għall-assi tal-UE fl-ispazju. L-STM se tevita wkoll ir-riskju li l-istandards mhux tal-UE jsiru n-norma, peress li din id-dipendenza jkollha effett negattiv fuq l-isforzi Ewropej biex tinkiseb is-sovranità teknoloġika. Jenħtieġ li dan il-proġett ewlieni jikkontribwixxi wkoll għall-bini ta’ approċċ internazzjonali għall-STM.

    Kull wieħed mill-proġetti ewlenin jista’ jġib bidla radikali minħabba d-daqs jew l-impatt tiegħu kif ukoll il-benefiċċji potenzjali tiegħu għas-sovranità teknoloġika u s-soċjetà usa’ tal-Ewropa. Biex tiżviluppa aktar kull proġett, il-Kummissjoni se tkompli tanalizza l-każijiet tal-użu, il-karatteristiċi tekniċi, liema teknoloġiji kritiċi jużaw, l-ispejjeż u l-istrumenti possibbli ta’ finanzjament, l-istrutturi ta’ governanza u l-ideat innovattivi (relatati mat-teknoloġija jew mas-suq) minn SMEs, negozji ġodda u organizzazzjonijiet tar-riċerka u tat-teknoloġija. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni se tiddeċiedi dwar passi ta’ segwitu possibbli għal kull proġett, inklużi proposti leġiżlattivi meta jkun xieraq.

    Il-pjanijiet direzzjonali teknoloġiċi għal xi wħud mit-teknoloġiji kritiċi identifikati fit-Taqsima 5 jistgħu jwasslu wkoll għal proġetti ewlenin futuri.

    Il-Kummissjoni tniedi djalogu intensifikat u xogħol ta’ żvilupp fuq tliet proġetti ewlenin bil-potenzjal li jġibu bidliet radikali. Wara analiżi adegwata u konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, il-Kummissjoni se tiddeċiedi dwar passi ta’ segwitu possibbli, inklużi proposti leġiżlattivi fejn xieraq.

    Azzjoni 9: “Teknoloġiji tad-droni tal-UE”.

    Azzjoni 10: “Sistema ta’ komunikazzjoni sikura globali tal-UE bbażata fuq l-ispazju ”.

    Azzjoni 11: “L-Immaniġġjar tat-Traffiku fl-Ispazju.”.

    9. Nagħmluh realtà

    Il-Kummissjoni se tissorvelja l-implimentazzjoni ta’ dan il-Pjan ta’ Azzjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill. Se tagħti attenzjoni partikolari għall-implimentazzjoni aktar effettiva u effiċjenti tal-prijoritajiet ta’ politika (politiki tematiċi u politiki li jippromwovu l-kompetittività ġenerali u r-riċerka u l-innovazzjoni), filwaqt li tissalvagwardja livell massimu ta’ koerenza u sinerġiji fil-programmi u l-istrumenti kollha tal-UE.

    Biex tippromwovi l-iskambju ta’ ideat bejn l-industriji ċivili, tad-difiża u tal-ispazju fuq medda twila ta’ żmien, il-Kummissjoni se timmonitorja l-progress speċifiku ta’ kull waħda mill-11-il azzjoni elenkati u se tippreżenta rapport ta’ progress kull sentejn. L-iskeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni ta’ kull azzjoni se tkun allinjata mal-ippjanar tal-istrumenti rilevanti tal-UE.

    (1) Ara l-ittri ta’ missjoni lill-Viċi President Eżekuttiv Vestager u lill-Kummissarju Breton .
    (2) Il-Komunikazzjoni COM(2020) 102 tal-10.3.2020.
    (3)

    Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-Sigurtà u d-Difiża, 8910/20 tas-17 ta’ Ġunju 2020: “Il-Kunsill [...] jilqa’ s-sejħa għal aktar sinerġiji bejn l-industriji ċivili u tad-difiża, inkluż l-ispazju, fil-programmi tal-UE, filwaqt li jiġu rispettati n-naturi u l-bażijiet ġuridiċi differenti tal-programmi u l-inizjattivi rispettivi tal-UE, inkluż in-natura ċivili tal-programmi spazjali Ewropej, bil-għan li r-riżorsi u t-teknoloġiji jintużaw b’mod aktar effettiv u jinħolqu ekonomiji ta’ skala.”

    (4) Fuq perjodu medju u twil, meta ma tibqax tapplika l-ħtieġa li jiġu protetti assi ewlenin ta’ superjorità operazzjonali.
    (5) L-Anness IV tar- Regolament li jistabbilixxi Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni u li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni fih u t-tixrid tiegħu jinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi għal sinerġiji ma’ programmi oħra.
    (6) Ara, pereżempju, ir-rapport Horizon 2020-funded security research projects with dual-use potential: An overview (2014-2018) ’, EUR 30210 EN, taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka.
    (7) L-azzjonijiet kollha jridu jikkonformaw bis-sħiħ mad-dritt nazzjonali, tal-UE u internazzjonali rilevanti, inkluż mar-regoli tal-kompetizzjoni.
    (8) Il-finanzjament tal-UE jrid jikkonforma bis-sħiħ mad-dritt applikabbli, inkluż mat-Trattati, mar-Regolament Finanzjarju u mar-regoli speċifiċi definiti fl-att bażiku rilevanti għal programm jew strument ta’ finanzjament.
    (9) Żviluppati fil-qafas tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK)/tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK).
    (10) Il-cluster tal-Pjan ta’ Implimentazzjoni Nazzjonali stabbilit reċentement dwar is-sigurtà, it-teknoloġija u r-RŻI (riċerka, żvilupp u innovazzjoni) għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet nazzjonali fil-PSDK ċivili, għandu l-għan li jidentifika u juża l-programmi rilevanti tal-UE.
    (11) Dan huwa konformi mal-obbligu tal-Kummissjoni u tal-Kunsill, assistiti mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, li tkun żgurata l-konsistenza bejn l-azzjoni esterna u l-politiki interni (l-Artikolu 21(3) tat-TUE).
    (12) Il-Komunikazzjoni COM(2020) 67 tad-19.2.2020, “Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa”.
    (13) Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, EUCO 13/20 tat-2 ta’ Ottubru 2020.
    (14) COM(2020) 605 tal-24.7.2020.
    (15) Il-kalkoli huma bbażati fuq “Structural Business Statistics” u “National accounts aggregates by industry” tal-Eurostat. Il-biċċa l-kbira tal-valuri jirreferu għall-EU-27, fl-2017. Il-valuri nieqsa huma sostitwiti bl-aktar data reċenti disponibbli.
    (16) Ara r-rapport tal-2015 hawnhekk . Din id-data jaf ma tkunx kompletament preċiża minħabba li l-biċċa l-kbira tal-organizzazzjonijiet industrijali huma attivi kemm fid-difiża kif ukoll fis-sigurtà. Il-Kummissjoni reċentement varat studju ġdid.
    (17) B’mod konformi mar- Ir-Regolament tal-Kunsill dwar il-kummerċ b’oġġetti b’użu doppju , f’dan il-Pjan ta’ Azzjoni l-oġġetti b’użu doppju huma definiti bħala oġġetti, software u teknoloġija li jistgħu jintużaw f’applikazzjonijiet ċivili kif ukoll tad-difiża.
    (18) Ir-Regolament 2019/452 tad-19.3.2019. L-implimentazzjoni u l-infurzar tar-Regolament jistgħu jgħinu biex jiġu salvagwardjati teknoloġiji u infrastruttura kritiċi b’mod li jibbenefika wkoll lill-operaturi tal-UE li jiddependu fuqhom.
    (19)  L-Azzjoni Preparatorja fuq ir-Riċerka dwar id-Difiża u l-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża.
    (20) B’mod partikolari l-Pjan ta’ Żvilupp tal-Kapaċitajiet (u l-każijiet relatati fil-kuntest strateġiku) u r-Rieżami Annwali Koordinat dwar id-Difiża.
    (21) Skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2019/1896 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, ġie stabbilit proċess speċifiku tal-ippjanar tal-iżvilupp ta’ kapaċità għall-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri. Iwassal għall-koordinazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali ta’ żvilupp tal-kapaċitajiet tal-Istati Membri b’rabta mal-ġestjoni tal-fruntieri u l-pjanijiet ta’ kapaċità ta’ Frontex stess. Il-proċess tal-ippjanar tal-iżvilupp ta’ kapaċità jappoġġa l-iskjerament tal-Korp Permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u jmexxi l-ipprogrammar tal-istrumenti rilevanti tal-UE.
    (22) L-akkwist pubbliku dirett tal-UE jew għajnuna għall-akkwist pubbliku mill-Istati Membri.
    (23) Il-programm Orizzont Ewropa jipprevedi li s-sinerġiji mal-FEŻ se jkunu ta’ benefiċċju għar-riċerka ċivili u tad-difiża, għalkemm l-attivitajiet taħt il-Programm Qafas se jiffukaw esklussivament fuq l-applikazzjonijiet ċivili.
    (24)   rescEU hija parti mill-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili.
    (25) COM(2016) 950 tat-30.11.2016.
    (26) Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-15 ta’ Diċembru 2016 stiednu lill-BEI “jeżamina l-passi bil-ħsieb li jappoġġa l-investimenti favur ir-riċerka fid-difiża u l-attivitajiet ta’ żvilupp”.
    (27)

    “Destinazzjoni d-Dinja” hija inizjattiva tal-UE li għandha l-għan li tiżviluppa mudell diġitali ta’ preċiżjoni għolja ħafna tad-dinja biex timmonitorja u tissimula l-attività naturali u tal-bniedem, u tiżviluppa u tittestja xenarji li jippermettu żvilupp aktar sostenibbli insostenn tal-politiki ambjentali Ewropej.

    (28)   https://www.endr.eu/ , https://www.edrin.org/ , https://een.ec.europa.eu/ , https://www.clustercollaboration.eu
    (29)

    L-alleanzi industrijali jservu biex ilaqqgħu u jiġbru firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati f’ekosistema/katina speċifika fejn ikun hemm: (i) raġunament bażiku urġenti għat-tibdil tal-mudell kummerċjali; (ii) riskju ta’ eliminazzjoni mis-swieq li huma kruċjali għall-futur tal-industrija/ekonomija tal-UE; jew (iii) ċans li jinqabad suq promettenti li jibqa’ validu fil-futur, kif ukoll l-effetti konsegwenzjali tiegħu.

    (30)

     KE, Ir-Reżiljenza tal-Materja Prima Kritika: It-Twittija tat-Triq lejn Sigurtà u Sostenibbiltà Akbar, COM(2020) 474 final.

    (31)  ĊKR, 2019, Materials dependencies for dual-use technologies relevant to Europe’s defence sector , JRC117729.
    (32) KE, 2020, Critical raw materials for strategic technologies and sectors in the EU – a Foresight study
    (33) Inkluż, fejn xieraq, teknoloġiji abilitanti essenzjali rilevanti identifikati , li jikkostitwixxu kategorija komplementari distinta.
    (34) Il-lista tibni fuq teknoloġiji kritiċi ppreżentati fil-Komunikazzjoni dwar l-Istrateġija Industrijali tal-2020 u r-regolament dwar il-kontroll tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju. Din tqis il-lista tal-UE tat-teknoloġiji abilitanti essenzjali u l-approċċ tagħha huwa konsistenti mal-analiżi reċenti tal-industrija tal-UE.
    (35) Ċerti teknoloġiji jistgħu jkunu relatati ma’ aktar minn settur wieħed.
    (36) Bħal pereżempju għall-użu f’soluzzjonijiet sanitarji, forensiċi eċċ preventivi jew ta’ trattament.
    (37) F’ħidma kif xieraq bl-għodod tal-monitoraġġ tat-teknoloġija eżistenti tal-UE bħal dawk tal-Kummissjoni ( https://ati.ec.europa.eu/ ) jew l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (European Defence Agency, EDA).
    (38)

    Dipendenzi kritiċi fl-interazzjoni tat-teknoloġiji ċivili, tad-difiża u tal-ispazju huma subsett speċifiku tas-sett sħiħ ta’ dipendenzi industrijali kritiċi (u għalhekk kompletament allinjati magħhom) li huma indirizzati mill-Istrateġija Industrijali tal-UE, li għandha kamp ta’ applikazzjoni ferm usa’.

    (39)

    Fejn xieraq se titqies il-ħidma tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża dwar it-teknoloġiji kritiċi, inkluż permezz tal-Aġenda Strateġika Globali ta’ Riċerka (Overarching Strategic Research Agenda, OSRA) u Elementi Kostitwenti tat-Teknoloġija (Technology Building Blocks, TBB) relatati.

    (40)

    Ara wkoll il-Komunikazzjoni COM (2020) 628 tat-30.9.2020, “ŻER ġdida għar-Riċerka u l-Innovazzjoni”.

    (41)

    L-intenzjoni li jinħarġu standards ibridi (pereżempju, dwar radju definit b’softwer) tħabbret għall-ewwel darba f’COM (2012) 417 u SWD (2012) 233 tas-26.07.2012, “Pjan ta’ Azzjoni għal Industrija tas-Sigurtà innovattiva u kompetittiva”.

    (42)

    Iċ-“Ċentru ta’ Innovazzjoni tal-UE fis-sigurtà interna u l-ġustizzja”, imħabbar reċentement mill-Kunsill (6158/20 tad-19.02.2020), għandu wkoll l-għan li jidentifika opportunitajiet għas-sinerġiji.

    (43)

      https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/en/ip_20_2384  

    (44)

    Ara COM(2020) 18 tas-16.12.2020 “L-istrateġija tal-UE dwar iċ-Ċibersigurtà għad-Deċennju Diġitali”, paġni 13-19: It-tisħiħ tal-kapaċità operazzjonali għall-prevenzjoni, għad-deterrenza u għar-rispons.

    (45)

    L-iżviluppi tal-IA jridu jitwettqu b’mod miftuħ madwar l-UE kollha, jiżguraw is-sikurezza u l-korrettezza tal-aspett soċjali kif ukoll ambjentali tal-applikazzjonijiet ibbażati fuq l-IA, iqisu l-aspetti etiċi mill-bidu nett, jivvalutaw ir-riskji u jimmitigaw l-potenzjal tagħha għal użu malizzjuż u diskriminazzjoni mhux intenzjonata bħal preġudizzju abbażi tal-ġeneru, ir-razza jew id-diżabbiltà. L-IA se tiġi żviluppata f’qafas ikkoordinat tajjeb li jirrispetta l-valuri tal-UE, il-prinċipji etiċi u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni se tiggarantixxi approċċ iffukat fuq il-bniedem u inklużiv li jirrispetta l-valuri tal-Unjoni u huwa konformi mal-“White Paper dwar l-Intelliġenza Artifiċjali – Approċċ Ewropew għall-IA” COM (65) tad-19.2. 2020 li għaliha l-Kummissjoni se tippreżenta proposta ta’ segwitu fl-2021.

    (46)

    F’konformità mar-Regolament tal-Fond Ewropew għad-Difiża, il-Kummissjoni tista’ tappoġġa finanzjarjament azzjonijiet li jwasslu għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji fixkiela għad-difiża. Madankollu, sabiex ikun żgurat li l-obbligi internazzjonali tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha jiġu rispettati, l-azzjonijiet relatati ma’ prodotti jew teknoloġiji li l-użu, l-iżvilupp jew il-produzzjoni tagħhom huma pprojbiti mid-dritt internazzjonali ma għandhomx ikollhom appoġġ finanzjarju. Għalhekk, meta jipproponu prodotti jew teknoloġiji ġodda tad-difiża jew l-aġġornament ta’ dawk eżistenti, l-applikanti jenħtieġ li jimpenjaw ruħhom li jikkonformaw mal-prinċipji etiċi, bħal dawk relatati mal-benesseri tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-ġenoma uman, riflessi wkoll fil-liġi nazzjonali, tal-Unjoni u internazzjonali rilevanti, inkluż il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u, fejn rilevanti, il-Protokolli tagħha.

    (47) Komunikazzjoni “Unjoni ta’ Ugwaljanza: Strateġija ta’ Ugwaljanza Bejn il-Ġeneri għall-2020-2025”. COM/2020/152 final
    (48)

    https://cordis.europa.eu/project/id/882171.

    (49)

     COM (2020) 741 final, Strateġija tal-UE biex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta għal futur newtrali għall-klima.

    (50)

    Ara wkoll COM (2020) 724 tat-11.11.2020 “Nibnu Unjoni tas-Saħħa Ewropea: Rinforzar tar-reżiljenza tal-UE għat-theddid transkonfinali għas-saħħa”.

    (51)

    F’konformità mal-għan espress f’“L-Ewwel Rapport ta’ Progress rigward l-Istrateġija tal-UE dwar l-Unjoni tas-Sigurtà, COM (2020) 797”, biex tiġi promossa r-reżiljenza tal-infrastrutturi diġitali u tiżdied it-tħejjija fil-livell nazzjonali u tal-UE billi jinbnew kapaċitajiet robusti għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, ir-rispons u l-mitigazzjoni tat-theddid.

    (52) https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52014JC0009&from=MT
    (53) https://ec.europa.eu/maritimeaffairs/sites/maritimeaffairs/files/2018-06-26-eumss-revised-action-plan_en.pdf
    (54) http://emsa.europa.eu/cise.html
    (55)

    Ara l-paġna 15 f’COM (2020) 789 tat-9.12.2020, “Strateġija ta’ Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti – inpoġġu t-trasport Ewropew fit-triq it-tajba għall-futur”.

    Top