Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021DC0050

    GREEN PAPER DWAR IT-TIXJIĦ Inrawmu solidarjetà u responsabbiltà bejn il-ġenerazzjonijiet

    COM/2021/50 final

    Brussell, 27.1.2021

    COM(2021) 50 final

    GREEN PAPER

    DWAR IT-TIXJIĦ




















    Inrawmu solidarjetà u responsabbiltà bejn il-ġenerazzjonijiet





















































































    1.    Introduzzjoni    

    2.    Tqiegħed il-pedamenti    

    2.1.    Tixjiħ attiv u b’saħħtu    

    2.2.    Edukazzjoni u taħriġ f’perspettiva ta’ tagħlim tul il-ħajja    

    2.3.    Aspetti territorjali fl-aċċess għall-edukazzjoni    

    3.    Nagħmlu l-aħjar użu mill-ħajja tax-xogħol tagħna    

    3.1.    Inżidu aktar nies fil-forza tax-xogħol    

    3.2.    Produttività, innovazzjoni u opportunitajiet ta’ negozju    

    3.3.    Impjiegi u produttività – perspettiva territorjali    

    4.    Opportunitajiet u sfidi ġodda fl-irtirar    

    4.1.    Nibqgħu attivi    

    4.2.    Faqar fix-xjuħija    

    4.3.    Sistemi tal-pensjonijiet adegwati, ġusti u sostenibbli    

    5.    L-issodisfar tal-ħtiġijiet dejjem jikbru ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ    

    5.1.    L-issodisfar tal-ħtiġijiet tas-saħħa u tal-kura fit-tul ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ    

    5.2.    Mobbiltà, konnettività u aċċessibbiltà    

    5.3.    Differenzi territorjali fl-aċċess għall-kura u s-servizzi    

    5.4.    It-titjib tal-benessri permezz tas-solidarjetà interġenerazzjonali    

    6.    Prospettiva    



    1.Introduzzjoni

    It-tixjiħ jaffettwa kull aspett ta’ ħajjitna, matul ħajjitna. Hekk kif il-pandemija attwali tkompli tkun ta’ sfida għalina, u hekk kif niġġieldu għall-protezzjoni tal-ħajjiet u l-għajxien, ma rridux ninsew żvilupp notevoli: qatt qabel ma kien hemm daqstant Ewropej li gawdew ħajja hekk twila. Din hija kisba kbira, mirfuda mill-ekonomija soċjali tas-suq tal-UE.

    Fl-aħħar ħames deċennji, l-istennija tal-għomor fit-twelid żdiedet b’madwar għaxar snin kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa. Il-profili demografiċi tar-reġjuni tal-UE jvarjaw ħafna, b’mod partikolari bejn iż-żoni urbani u rurali, b’xi postijiet li qed jixjieħu b’mod sinifikanti u oħrajn li qed jespandu l-popolazzjoni tagħhom fl-età tax-xogħol. L-Ewropa bl-ebda mod ma hija l-uniku kontinent b’popolazzjoni li qed tixjieħ, iżda l-proċess huwa l-aktar avvanzat hawnhekk. Bħala eżempju, l-età medjana tal-lum fl-Ewropa 1 ta’ 42.5 sena hija aktar mid-doppju taċ-ċifra f’Afrika. Dan id-distakk se jibqa’ kbir fid-deċennji li ġejjin.

    Din ix-xejra qed ikollha impatt sinifikanti fuq il-ħajja ta’ kuljum tan-nies u fuq is-soċjetajiet tagħna. Għandha implikazzjonijiet għat-tkabbir ekonomiku, is-sostenibbiltà fiskali, is-saħħa u l-kura fit-tul, il-benesseri u l-koeżjoni soċjali. Barra minn hekk, l-impatt sproporzjonat tal-pandemija fuq persuni akbar fl-età – f’termini ta’ ammissjonijiet fl-isptarijiet u ta’ mwiet – enfasizza wħud mill-isfidi li popolazzjoni li qed jixjieħ joħloq fuq is-saħħa u l-kura soċjali. Iżda t-tixjiħ jipprovdi wkoll opportunitajiet ġodda għall-ħolqien ta’ impjiegi ġodda, it-trawwim tal-ġustizzja soċjali u t-tisħiħ tal-prosperità, pereżempju fl-ekonomiji tal-anzjani u tal-kura.

    L-Istati Membri qed jindirizzaw l-impatti tat-tixjiħ billi jtejbu s-sistemi tal-edukazzjoni u l-ħiliet, jinkoraġġixxu ħajja tax-xogħol itwal u aktar sħiħa, u javvanzaw ir-riformi tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali u tal-pensjonijiet. Madankollu, minħabba l-iskala, il-veloċità u l-impatt li din ix-xejra se jkollha fis-soċjetà, neħtieġu nħarsu wkoll lejn approċċi ġodda u niżguraw li l-politiki tagħna jkunu adattati għal era ta’ bidla kbira – minn tranżizzjonijiet tewmin ekoloġiċi u diġitali għal forom ġodda ta’ xogħol u t-theddida tal-pandemija.

    L-għan ta’ din il-green paper huwa li tniedi dibattitu politiku wiesa’ dwar it-tixjiħ biex jiġu diskussi l-għażliet dwar kif jiġu antiċipati u indirizzati l-isfidi u l-opportunitajiet li jġib miegħu, filwaqt li tqis b’mod partikolari l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli tan-NU u d-Deċennju tat-Tixjiħ b’Saħħtu tan-NU. Il-kompetenzi biex jiġu indirizzati l-effetti tat-tixjiħ huma fil-biċċa l-kbira f’idejn l-Istati Membri u l-UE tinsab f’pożizzjoni tajba biex tidentifika kwistjonijiet u xejriet ewlenin u tappoġġa l-azzjoni dwar it-tixjiħ f’livell nazzjonali, reġjonali u lokali. Dan jista’ jgħin lill-Istati Membri u lir-reġjuni jiżviluppaw ir-risponsi ta’ politika tagħhom stess u mfassla apposta għat-tixjiħ.

    Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali 2 jistabbilixxi għadd ta’ prinċipji li huma relatati, direttament jew indirettament, ma’ oqsma milquta mit-tixjiħ, bħall-introjtu u l-pensjonijiet tax-xjuħija, il-kura fit-tul, il-kura tas-saħħa, l-inklużjoni ta’ persuni b’diżabilità, il-protezzjoni soċjali, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u l-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja. Il-Kummissjoni dalwaqt se tressaq pjan ta’ azzjoni biex tappoġġa l-implimentazzjoni sħiħa tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

    Din il-green paper tieħu approċċ taċ-ċiklu tal-ħajja li jirrifletti l-impatt universali tat-tixjiħ u tiffoka kemm fuq l-implikazzjonijiet personali kif ukoll fuq l-implikazzjoni soċjetali usa’ tat-tixjiħ. Dawn jinkludu kollox mit-tagħlim tul il-ħajja u stili ta’ ħajja tajbin għas-saħħa sa kif jiġu ffinanzjati pensjonijiet adegwati jew il-ħtieġa għal żieda fil-produttività u forza tax-xogħol kbira biżżejjed biex issostni l-kura tas-saħħa u l-kura fit-tul għall-persuni akbar fl-età.

    L-approċċ taċ-ċiklu tal-ħajja jqis il-fatt li l-istadji tradizzjonali tal-edukazzjoni u t-taħriġ, ix-xogħol u l-irtirar qed isiru definiti b’mod anqas riġidu u aktar flessibbli. Jirrifletti wkoll il-fatt li r-rispons għat-tixjiħ tal-popolazzjoni huwa kwistjoni ta’ bilanċ tajjeb bejn soluzzjonijiet sostenibbli għas-sistema tagħna ta’ protezzjoni soċjali u t-tisħiħ tas-solidarjetà u l-ġustizzja interġenerazzjonali bejn iż-żgħażagħ u l-anzjani. Hemm ħafna interdipendenzi bejn il-ġenerazzjonijiet li joħolqu sfidi, opportunitajiet u mistoqsijiet għas-soċjetajiet tagħna. Għalhekk jenħtieġ li ż-żgħażagħ – u dawk ta’ kull età – ikollhom parti attiva fit-tfassil tar-rispons ta’ politika tagħna.

    Din il-Kummissjoni poġġiet id-demografija fuq quddiem fl-aġenda tal-politika tal-UE. F’Ġunju 2020, ippreżentat rapport 3 li jistabbilixxi l-fatti ewlenin tat-tibdil demografiku u l-impatt probabbli tiegħu. Din il-green paper hija l-ewwel eżitu ta’ dan ir-rapport u tniedi dibattitu dwar waħda mit-trasformazzjonijiet demografiċi definiti fl-Ewropa. Id-dibattitu se jkun inklużiv u jibni fuq il-ħidma tal-istituzzjonijiet u korpi oħra tal-UE 4 li huma involuti b’mod attiv fid-dibattitu dwar l-isfidi demografiċi.

    2.Tqiegħed il-pedamenti

    Is-snin mit-tfulija bikrija saż-żgħożija jaffettwawna għall-kumplament ta’ ħajjitna. Dak li nesperjenzaw, dak li nitgħallmu, id-drawwiet li nadattaw huma kollha fatturi li jsawru l-prospetti, is-saħħa u l-benesseri futuri tagħna. It-tqegħid tal-pedamenti tajbin minn kmieni jista’ jgħin fil-prevenzjoni, il-limitazzjoni u l-posponiment ta’ wħud mill-isfidi marbuta mat-tixjiħ.

    Hemm żewġ kunċetti ta’ politika, b’mod partikolari, li jistgħu jippermettu soċjetà li qed tixjieħ b’saħħitha: tixjiħ attiv u b’saħħtu u tagħlim tul il-ħajja. Iż-żewġ approċċi jaħdmu l-aħjar meta jibdew minn età bikrija, peress li huma rilevanti għaċ-ċiklu tal-ħajja kollu. Huwa importanti li l-livelli għoljin ta’ edukazzjoni u s-saħħa tajba jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku.

    2.1.Tixjiħ attiv u b’saħħtu

    It-tixjiħ attiv u b’saħħtu huwa dwar il-promozzjoni ta’ stili ta’ ħajja tajbin għas-saħħa tul ħajjitna u jinkludi x-xejriet tagħna ta’ konsum u ta’ nutrizzjoni u l-livelli tagħna ta’ attività fiżika u soċjali. Dan jgħin biex jitnaqqas ir-riskju ta’ obeżità, dijabete u mard ieħor mhux komunikabbli li qed jiżdiedu. Il-mard kardjovaskulari u l-kanċer huma l-kawżi ewlenin ta’ mwiet li jistgħu jiġu evitati għal persuni taħt il-75 sena fl-Ewropa 5 . It-tixjiħ attiv u b’saħħtu għandu impatt pożittiv fuq is-suq tax-xogħol, ir-rata tal-impjieg u s-sistemi tagħna ta’ protezzjoni soċjali, u għalhekk fuq it-tkabbir u l-produttività tal-ekonomija.

    It-tixjiħ attiv u b’saħħtu huwa għażla u responsabbiltà personali, iżda jiddependi ħafna mill-ambjent li fih in-nies jgħixu, jaħdmu u jissoċjalizzaw. Il-politiki pubbliċi jista’ jkollhom rwol sinifikanti ta’ appoġġ. Il-miżuri proattivi jistgħu jgħinu fil-prevenzjoni u d-detezzjoni tal-mard u jipproteġu lin-nies mill-effetti tal-mard. Jistgħu jgħinu biex jiżguraw li t-tixjiħ attiv u b’saħħtu jsir għażla aktar faċli, inkluż għal dawk f’sitwazzjonijiet ta’ vulnerabbiltà. Hemm modi innovattivi għall-promozzjoni ta’ stili ta’ ħajja tajbin għas-saħħa fost it-tfal u ż-żgħażagħ, inkluż permezz tat-teknoloġija diġitali sigura, il-logħob, il-pjattaformi ta’ tagħlim u l-apps. Il-mediċina personalizzata tista’ tgħin biex jiġu identifikati, minn stadju bikri, persuni li jinsabu f’riskju li jiżviluppaw mard partikolari aktar tard fil-ħajja.

    Filwaqt li l-Istati Membri huma responsabbli għall-politiki tas-saħħa tagħhom, l-UE tista’ tappoġġa l-azzjoni tal-Istati Membri, inkluż permezz tal-programm il-ġdid EU4Health, pereżempju fil-ġlieda kontra l-kanċer, id-dimenzja, is-saħħa mentali u fil-promozzjoni ta’ nutrizzjoni u dieti tajbin għas-saħħa kif ukoll attività fiżika regolari. Biex jappoġġa dan, il-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer ġie stabbilit biex jindirizza l-perkors kollu tal-marda, mill-prevenzjoni sas-sopravivenza. Il-monitoraġġ u l-iskambju ta’ informazzjoni dwar l-inizjattivi nazzjonali tas-saħħa jistgħu jgħinu biex jitnaqqsu d-differenzi fl-approċċ u l-provvista fost il-pajjiżi u fi ħdanhom.

    2.2.Edukazzjoni u taħriġ f’perspettiva ta’ tagħlim tul il-ħajja

    It-tagħlim tul il-ħajja, l-investiment fl-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi tan-nies matul ħajjithom, jifforma parti mir-rispons għall-isfidi tat-tixjiħ. L-investiment kontinwu fit-tagħlim għandu ħafna effetti pożittivi: il-kisba u l-aġġornament tal-ħiliet jgħinu lin-nies jibqgħu impjegabbli, jirnexxu fit-tranżizzjoni professjonali u javvanzaw professjonalment, filwaqt li jżommuhom fix-xogħol u jżidu mas-sodisfazzjon fix-xogħol. F’dinja li qed tinbidel malajr, it-tagħlim tul il-ħajja huwa neċessità, hekk kif il-karrieri u l-opportunitajiet ta’ edukazzjoni jinbidlu b’pass mgħaġġel. It-tagħlim kontinwu jista’ jgħin ukoll biex idewwem il-bidu tad-dimenzja u jipprevjeni t-tnaqqis konjittiv relatat max-xjuħija. Huwa wkoll mod kif persuni akbar fl-età jkollhom rwol attiv fis-soċjetà. L-iżvilupp tal-kompetenzi taċ-ċittadinanza huwa importanti għall-parteċipazzjoni demokratika tul il-ħajja.

    It-tagħlim tul il-ħajja huwa l-aktar effettiv meta jibda kmieni fil-ħajja. L-ewwel snin tal-ħajja huma kruċjali għall-iżvilupp ta’ ħiliet konjittivi u soċjali. L-evidenza turi li l-aċċess għal edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal ta’ kwalità għolja għandu effett dejjiemi fuq il-kisba fl-iskola u lil hinn. Minkejja t-titjib fl-edukazzjoni u t-taħriġ fl-iskejjel, għad hemm ħafna żgħażagħ li jitilqu kmieni mill-iskola u jkollhom problemi kbar b’ħiliet bażiċi bħall-qari, ix-xjenza u l-matematika. L-istess jgħodd għall-adulti. Huwa allarmanti li wieħed minn kull ħames żgħażagħ ma għandux ħiliet diġitali bażiċi. Studenti minn sfondi żvantaġġati huma rappreżentati żżejjed fost dawk b’livell baxx ta’ kisbiet. L-evidenza tissuġġerixxi wkoll riskju ta’ nassa ta’ ħiliet baxxi fejn persuni b’aktar ħiliet ikollhom tendenza li jinvolvu ruħhom aktar ta’ spiss f’attivitajiet ta’ tagħlim, filwaqt li persuni b’anqas ħiliet bażiċi ma jinvolvux ruħhom.

    Hemm potenzjal kbir għall-iżvilupp tal-ħiliet tal-persuni akbar fl-età, kif ukoll għat-titjib fil-mod ta’ kif jiġu vvalidati u kif issir disponibbli l-gwida għall-karriera. L-edukazzjoni u t-taħriġ għall-adulti jgħinu biex titjieb l-impjegabbiltà f’dinja tax-xogħol li qed tinbidel peress li l-ħtiġijiet tal-ħiliet li qed jevolvu b’mod partikolari minħabba tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali joħolqu potenzjal għal impjiegi ġodda.

    Dan huwa kollu fil-qalba tal-implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea tal-Ħiliet, adottata reċentement mill-Kummissjoni 6 . Barra minn hekk, bil-ħolqien ta’ Żona Ewropea tal-Edukazzjoni 7 sal-2025, qed naħdmu lejn aċċess għal edukazzjoni ta’ kwalità għal kulħadd, filwaqt li nqisu b’mod partikolari dawk li huma f’riskju ta’ livell baxx ta’ kisba u esklużjoni soċjali. 

    2.3.Aspetti territorjali fl-aċċess għall-edukazzjoni

    L-aċċess għal edukazzjoni u taħriġ ta’ kwalità għolja ma jistax jitqies bħala fatt ovvju, speċjalment f’reġjuni b’popolazzjoni baxxa, fejn in-nies jista’ jkollhom jivvjaġġaw distanzi twal għall-faċilitajiet rilevanti. Il-kombinazzjoni ta’ rati baxxi tat-twelid u l-emigrazzjoni taż-żgħażagħ tista’ tnaqqas id-domanda għall-edukazzjoni f’reġjuni rurali u remoti.

    Dan jista’ jwassal għal ċirku vizzjuż: l-għadd ta’ tfal jista’ jaqa’ għal livell tant baxx li jkun diffiċli li wieħed jiġġustifika ż-żamma ta’ skola. Min-naħa l-oħra, dan jagħmilha anqas attraenti għall-familji bit-tfal biex jiċċaqilqu f’tali reġjun, jew jibqgħu hemm.

    Il-bidla għat-tagħlim mill-bogħod stimulata mit-tifqigħa tal-COVID-19 ipprovdiet xi lezzjonijiet għall-użu tat-teknoloġija diġitali fl-edukazzjoni u t-taħriġ. Madankollu, kompliet tenfasizza l-inugwaljanzi li jiffaċċjaw il-komunitajiet rurali fl-aċċess għas-servizzi diġitali. Iż-żoni rurali u remoti huma aktar probabbli li jeħtieġu investiment fil-konnettività u huwa anqas probabbli li jkollhom aċċess għal broadband affordabbli u ta’ kwalità għolja, kif ukoll għat-tagħmir u l-ħiliet meħtieġa biex jagħmlu użu minnha. Għal uħud mit-tfal dan kien ifisser li ma setgħux ikomplu l-lezzjonijiet matul il-pandemija, b’hekk twessa’ l-inugwaljanzi diġà eżistenti mal-pari f’reġjuni b’servizzi aħjar. Approċċi ġodda jistgħu jħalltu t-tagħlim fil-klassi ma’ tagħlim diġitali ta’ kwalità għolja biex itejbu l-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ, kemm f’żoni urbani kif ukoll rurali. Il-Pjan għall-Edukazzjoni Diġitali 8 jipproponi approċċ komprensiv għat-tagħlim u l-edukazzjoni diġitali fil-livell tal-UE. 

    1.Kif jistgħu l-politiki ta’ tixjiħ attiv u b’saħħtu jkunu promossi minn età bikrija u tul il-ħajja għal kulħadd? Kif jistgħu t-tfal u ż-żgħażagħ ikunu mgħammra aħjar għall-prospett ta’ stennija tal-għomor itwal? X’tip ta’ appoġġ tista’ tipprovdi l-UE lill-Istati Membri?

    2.X’inhuma l-ostakli l-aktar sinifikanti għat-tagħlim tul il-ħajja fiċ-ċiklu tal-ħajja? F’liema stadju tal-ħajja jista’ l-indirizzar ta’ dawk l-ostakli jagħmel l-aktar differenza? Dan kif jenħtieġ li jiġi indirizzat speċifikament f’żoni rurali u remoti?

    3.Nagħmlu l-aħjar użu mill-ħajja tax-xogħol tagħna

    Il-popolazzjoni fl-età tax-xogħol tal-UE ilha tonqos għal deċennju u huwa mistenni li tkompli tonqos 9 . Bil-popolazzjoni ġenerali tibqa’ kostanti, ir-riskju tan-nuqqas ta’ ħaddiema jiżdied. Min-naħa l-oħra, dan jagħmilha diffiċli biex jiġu sostnuti l-produzzjoni u l-provvista ta’ servizz u fl-aħħar mill-aħħar ikollu impatt fuq il-prosperità u l-benesseri tagħna. Biex jikkumpensaw għall-popolazzjoni fl-età tax-xogħol li qed tonqos, jenħtieġ li l-UE u l-Stati Membri jippromwovu politiki li jżidu aktar nies fis-suq tax-xogħol, jippermettu ħajja tax-xogħol itwal u jtejbu l-produttività. Il-potenzjal tar-reġjuni anqas żviluppati, jiġifieri r-reġjuni bi PDG per capita taħt il-75 % tal-medja tal-UE, jista’ wkoll jiġi sfruttat aħjar b’investiment xieraq biex jiġi appoġġat it-titjib tal-livell reġjonali.

    3.1.Inżidu aktar nies fil-forza tax-xogħol 

    Parteċipazzjoni għolja fis-suq tax-xogħol u ħajja tax-xogħol itwal jistgħu jtaffu l-problema ta’ soċjetà li qed tixjieħ b’popolazzjoni fl-età tax-xogħol li qed tonqos 10 . Madankollu, id-diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol – jew meta wieħed ifittex xogħol – hija mifruxa u tista’ taffettwa ċerti gruppi aktar. L-iżgurar li l-persuni bi sfond razzjali jew etniku minoritarju jistgħu jużaw bis-sħiħ il-potenzjal tagħhom se jwassal għall-eżiti soċjali u ekonomiċi aħjar għal kulħadd. F’din ir-rigward, il-ħidma kontinwa fuq il-bini ta’ Unjoni ta’ Ugwaljanza u l-implimentazzjoni sħiħa tal-istrumenti legali eżistenti hija kruċjali.

    Ir-rati ta’ impjieg fost in-nisa (bejn l-età ta’ 20 u 64) fl-UE jibqgħu 11.7 punt perċentwal anqas minn dawk fost l-irġiel, u aktar nisa għandhom it-tendenza li jaħdmu part time minkejja li aktar nisa milli rġiel jiksbu lawrja universitarja 11 .

    Miżuri li jippromwovu l-parteċipazzjoni ugwali tan-nisa u l-irġiel kemm f’xogħol tal-familja imħallas kif ukoll f’xogħol tal-familja mhux imħallas jistgħu jgħinu biex jagħtu spinta lir-rati ta’ impjieg fost in-nisa, inkluż billi jappoġġaw lin-nies u lill-familji biex jiksbu rikonċiljazzjoni aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. Azzjoni biex tittejjeb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fis-suq tax-xogħol u biex tingħalaq id-disparità bejn il-ġeneri tista’ ttejjeb il-parteċipazzjoni tal-irġiel fix-xogħol tad-dar u l-kura tal-familja - jekk tkun flimkien ma’ miżuri strutturali li jirriformaw is-sistemi tat-taxxa u tal-protezzjoni soċjali. L-Istrateġija tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri għall-2020-2025 12 diġà stabbiliet għadd ta’ azzjonijiet ewlenin f’dan il-qasam.

    Data reċenti 13 turi li 5.4 % tan-nisa (u 2.2 % tal-irġiel) ta’ bejn it-18-il u l-64 sena naqqsu mill-ħin tax-xogħol, jew waqfu mix-xogħol għal aktar minn xahar biex jieħdu ħsieb qraba morda u/jew akbar fl-età b’diżabilità. Disponibbiltà aħjar ta’ kura tat-tfal ta’ kwalità, kura formali fit-tul u appoġġ għal persuni li jindukraw b’mod informali mhux biss jgħinu biex jintlaħqu l-ħtiġijiet dejjem akbar tal-persuni akbar fl-età, iżda jippermettu wkoll li aktar ħaddiema - b’mod partikolari n-nisa - jidħlu u jibqgħu fis-suq tax-xogħol.

    Jekk ikunu jistgħu jwettqu xogħol li jirrifletti l-kwalifiki u l-ħiliet tagħhom, persuni bi sfond ta’ migrazzjoni jistgħu jiġu integrati aħjar. Dan jikkontribwixxi għal titjib fil-koeżjoni soċjali, fit-tkabbir ekonomiku u fit-tnaqqis tal-inugwaljanzi.

    Il-migrazzjoni legali tista’ tgħin biex jimtlew in-nuqqasijiet ta’ ħiliet u għalhekk tindirizza l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. Migranti b’livell għoli ta’ edukazzjoni huma aktar probabbli mill-medja li jkunu kwalifikati żżejjed għax-xogħol li jkunu qed jagħmlu. L-isfruttar tal-potenzjal tan-nisa migranti huwa partikolarment ta’ sfida bħala riżultat ta’ ostakli strutturali, bħall-aċċess għal kura tat-tfal ta’ kwalità għolja u affordabbli. F’Novembru 2020, il-Kummissjoni ppreżentat Pjan ta’ Azzjoni ġdid dwar l-Integrazzjoni u l-Inklużjoni 2021-2027 14 , li jqis is-sitwazzjoni differenti tal-popolazzjonijiet tal-migranti u jappoġġa lill-Istati Membri u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra biex isibu r-rispons adegwat fil-politiki ta’ integrazzjoni u inklużjoni tagħhom. Bħala segwitu għall-Patt il-Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil 15 , il-Kummissjoni reċentement ikkonkludiet konsultazzjoni pubblika dwar il-futur tal-migrazzjoni legali tal-UE u se tipproponi għadd ta’ miżuri inkluż pakkett ta’ “talent u ħiliet” b’għażliet għall-iżvilupp ta’ riżerva ta’ talent tal-UE.

    Hemm ukoll il-potenzjal li jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ ħaddiema billi jiżdiedu l-impjiegi fost il-persuni b’diżabilità, li jirrikjedi akkomodazzjoni raġonevoli u ambjent tax-xogħol aċċessibbli.

    Minkejja ż-żidiet reċenti, ir-rata ta’ impjieg fost il-ħaddiema akbar fl-età fl-UE baqgħet aktar baxxa mill-medja. 59.1 % biss ta’ dawk li għandhom bejn il-55 u l-64 sena kienu impjegati fl-2019 meta mqabbel mat-73.1 % ta’ dawk li għandhom bejn l-20 u l-64 sena 16 . Wara l-età ta’ 50 sena, ir-riskju ta’ qgħad ta’ terminu twil jiżdied 17 . Ħafna ħaddiema akbar fl-età jiffaċċjaw diffikultajiet fir-rigward tar-reklutaġġ, l-aċċess għal opportunitajiet ta’ taħriġ, it-tranżizzjoni professjonali u l-kompiti adattati għall-età. L-iffaċilitar tal-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol ta’ persuni akbar fl-età jista’ jitħeġġeġ aħjar, inkluż pereżempju b’inċentivi fiskali għal impjegaturi biex jirreklutaw ħaddiema akbar fl-età.

    F’xi setturi, bħall-agrikoltura, in-nies ikomplu jaħdmu sax-xjuħija, jew minħabba li jagħżlu hekk jew minħabba l-kundizzjonijiet tal-għajxien tagħhom, in-nuqqas ta’ ċessjonarju potenzjali, jew minħabba l-provvista ta’ pensjoni baxxa. L-aspetti fiżiċi – kemm dawk ergonomiċi kif ukoll dawk relatati mal-aċċessibbiltà – u l-kundizzjonijiet tax-xogħol flessibbli jippermettu lill-ħaddiema akbar fl-età jipposponu l-irtirar tagħhom jekk jagħżlu li jagħmlu dan. L-aċċidenti fuq il-post tax-xogħol u l-mard okkupazzjonali huma aktar perikolużi hekk kif il-persuni jikbru fl-età. Il-kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin, inkluż is-sikurezza u s-saħħa okkupazzjonali tajbin, jgħinu biex jipproteġu s-saħħa tal-ħaddiema ta’ kull età, b’hekk jippromwovu l-benesseri u jnaqqsu r-rati tal-irtirar bikri. It-teknoloġiji diġitali jistgħu jappoġġaw lill-ħaddiema u joffru ambjenti tax-xogħol adattati aħjar b’sistemi personalizzati bbażati fuq l-ICT, oġġetti li jintlibsu u applikazzjonijiet tas-saħħa mobbli.

    L-intraprenditorija fost l-anzjani tista’ ttawwal il-ħajja tax-xogħol, tnaqqas il-qgħad fix-xjuħija, ittejjeb l-inklużjoni soċjali ta’ individwi akbar fl-età u ttejjeb l-innovazzjoni permezz ta’ negozji ġodda. Tista’ trawwem it-tagħlim interġenerazzjonali u tiżgura trasferiment tal-għarfien. Is-sensibilizzazzjoni dwar l-intraprenditorija bħala għażla fl-aħħar tal-karriera tista’ tgħin fil-ġlieda kontra l-etaiżmu bħala ostaklu potenzjali għal tali attività. Il-politika pubblika tista’ tappoġġa lill-intraprendituri anzjani billi tneħħi d-diżinċentivi fis-sistemi ta’ taxxi u sigurtà soċjali, tipprovdi pariri mmirati tajjeb u tiżgura l-aċċess għal finanzjament.

    3.2.Produttività, innovazzjoni u opportunitajiet ta’ negozju

    It-tkabbir tal-produttività naqas fl-ekonomiji avvanzati kollha f’dawn l-aħħar deċennji. Fl-isfond ta’ popolazzjoni fl-età tax-xogħol li qed tonqos, produttività ogħla hija essenzjali biex tirfed it-tkabbir ekonomiku sostenibbli u inklużiv u l-istandards tal-għajxien ogħla fl-UE. It-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali jippreżentaw opportunitajiet biex terġa’ tingħata spinta lit-tkabbir tal-produttività billi tiġi promossa l-innovazzjoni fil-forma ta’ teknoloġiji u mudelli ta’ negozju ġodda. L-innovazzjoni tista’ tgħin ukoll biex titjieb l-effiċjenza fir-riżorsi filwaqt li teknoloġiji li jiffrankaw ix-xogħol jistgħu jtaffu l-isfidi ta’ popolazzjoni fl-età tax-xogħol li qed tonqos.

    Investiment adegwat u effiċjenti fir-riċerka u l-iżvilupp u l-assi intanġibbli b’mod ġenerali huma ċentrali biex jistimulaw l-innovazzjoni u jrawmu l-adozzjoni ta’ teknoloġiji ġodda. Amministrazzjoni pubblika u sistema ġudizzjarja effiċjenti, ambjent tan-negozju ta’ appoġġ, politiki effettivi tal-kompetizzjoni u sistema ġusta, trasparenti u effiċjenti ta’ sussidji u tassazzjoni koerenti mal-objettivi fit-tul tas-sostenibbiltà soċjoambjentali għandhom wkoll rwol fl-appoġġ tal-produttività u l-innovazzjoni.

    Waħda mill-opportunitajiet għall-UE hija l-ekonomija tal-anzjani – dan it-terminu jirreferi għal bidla ġenerali fid-domanda għall-prodotti u s-servizzi li tirrifletti l-ħtiġijiet u l-preferenzi speċifiċi tal-persuni akbar fl-età. L-ekonomija tal-anzjani hija mistennija li tikber b’madwar 5 % fis-sena minn EUR 3,7 triljun fl-2015 għal EUR 5,7 triljun fl-2025 18 .

    L-ekonomija tal-anzjani tista’ tiftaħ opportunitajiet ġodda ta’ xogħol f’setturi bħat-turiżmu, id-djar intelliġenti li jappoġġaw għajxien indipendenti, it-teknoloġiji ta’ assistenza, il-prodotti u s-servizzi aċċessibbli, ir-robotika tas-servizz, il-benesseri, il-kożmetika u l-moda, is-sikurezza, il-kultura, il-mobilità personali u awtomatizzata, u s-servizzi bankarji. L-innovazzjoni xjentifika u medika se tagħti spinta wkoll lill-opportunitajiet għall-iżviluppaturi tat-teknoloġija u l-persunal tas-saħħa u l-persuni li jindukraw b’livell għoli ta’ ħiliet, filwaqt li twassal għall-pass meħtieġ biex tirrispondi għal soċjetà li qed tixjieħ.

    It-telemediċina, l-apps tal-ismartphones u l-bijosensuri għad-dijanjożi u monitoraġġ remoti jistgħu jtejbu l-eżiti tal-pazjenti. Teknoloġiji ta’ assistenza ġodda jistgħu jestendu l-awtonomija, l-indipendenza u l-parteċipazzjoni ta’ persuni akbar fl-età b’diżabilità. Suq żviluppat ta’ prodotti u servizzi għal tixjiħ attiv u b’saħħtu jista’ jtejjeb l-effiċjenza tas-sistemi tas-saħħa u tal-kura soċjali, u potenzjalment jagħmilhom aktar sostenibbli.

    3.3.Impjiegi u produttività – perspettiva territorjali 

    Il-mappa ta’ hawn taħt turi ż-żieda fil-ħajja tax-xogħol meħtieġa għall-ġlieda kontra t-tixjiħ tal-popolazzjoni fir-reġjuni tal-UE. Wieħed minn kull ħames reġjuni tal-UE huwa previst li jkollu popolazzjoni fl-età tax-xogħol li qed tikber bejn l-2020 u l-2040. Dawn ir-reġjuni spiss jinkludu l-belt kapitali, belt kbira oħra u/jew is-subborgi tagħhom. Il-kumpaniji fil-ftit reġjuni b’popolazzjoni fl-età tax-xogħol li qed tikber se jsibuha eħfef biex jimlew il-postijiet vakanti tagħhom u jespandu n-negozju tagħhom. Il-kumpaniji f’reġjun b’popolazzjoni fl-età tax-xogħol li qed tonqos, madankollu, huma aktar probabbli li jiffaċċjaw nuqqas ta’ ħaddiema fin-nuqqas ta’ żieda fil-mobbiltà tal-forza tax-xogħol. Bħala riżultat, se jkollhom jinvestu aktar fit-teknoloġija u l-innovazzjoni li jiffrankaw ix-xogħol sempliċiment biex jipproduċu l-istess ammont ta’ oġġetti jew servizzi.

    Mappa 1. L-età massima tax-xogħol prevista li żżomm id-daqs tal-popolazzjoni fl-età tax-xogħol kostanti, 2040

    Il-potenzjal tar-reġjuni anqas żviluppati, inklużi r-reġjuni rurali, jista’ jiġi esplorat aktar, pereżempju biex jintużaw opportunitajiet emerġenti fl-ekonomija tal-anzjani. Il-politika ta’ koeżjoni għandha rwol sinifikanti fl-appoġġ għall-iżvilupp tagħhom. Iż-żoni rurali fl-Ewropa jvarjaw ħafna b’xi wħud li għandhom prestazzjoni tajba f’termini ekonomiċi u soċjali u oħrajn bi tnaqqis ekonomiku u/jew soċjali. Il-kwalità tal-ħajja spiss titqies aħjar fiż-żoni rurali milli fil-bliet. Il-viċinanza għan-natura, l-arja nadifa, is-sens ta’ komunità u l-akkomodazzjoni irħas jappellaw għan-nies mill-bliet. Jekk ikunu mgħammra b’infrastruttura bażika suffiċjenti, faċilitajiet tat-trasport u kundizzjonijiet għall-attività ekonomika, dawn jistgħu jkunu attraenti kemm għall-persuni fl-età tax-xogħol kif ukoll għal popolazzjoni li qed tixjieħ. 

    Il-konnettività diġitali tista’ tgħin ukoll lit-territorji remoti b’aċċess għall-edukazzjoni ta’ kwalità u opportunitajiet ta’ impjiegi ta’ kwalità, kif muri matul il-kriżi tal-COVID-19. Il-kriżi enfasizzat ukoll il-potenzjal tat-telexogħol għal xi professjonijiet bħala mod kif jiġi evitat l-ivvjaġġar bil-konsegwenzi kollha tiegħu fuq it-tniġġis tal-arja u l-użu tal-ħin.

    L-infrastruttura - mit-trasport għall-iskejjel, il-konnettività sal-akkomodazzjoni jew in-networks postali sal-kura tas-saħħa - u l-provvista tas-servizzi, bħall-edukazzjoni u t-taħriġ, is-saħħa u l-kura fit-tul, jistgħu jtejbu l-opportunitajiet għall-iżvilupp, jekk jiġu adattati għall-ħtiġijiet lokali.

    3. Liema miżuri ta’ politika innovattivi jenħtieġ li jitqiesu aktar mill-qrib biex titjieb il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, b’mod partikolari minn ħaddiema akbar fl-età?

    4. Hemm bżonn ta’ aktar politiki u azzjoni li jappoġġaw l-intraprenditorija fost l-anzjani fil-livell tal-UE? X’tip ta’ appoġġ huwa meħtieġ fil-livell tal-UE u kif nistgħu nibnu fuq l-eżempji ta’ suċċess tal-innovazzjoni soċjali ta’ mentoraġġ bejn l-imprendituri żgħażagħ u dawk akbar fl-età?

    5. Kif jistgħu l-politiki tal-UE jgħinu lir-reġjuni anqas żviluppati u ż-żoni rurali biex jiġġestixxu t-tixjiħ u d-depopolazzjoni? Kif jistgħu t-territorji tal-UE affettwati mill-isfidi tad-depopolazzjoni u tat-tixjiħ jagħmlu użu aħjar mill-ekonomija tal-anzjani?

    4. Opportunitajiet u sfidi ġodda fl-irtirar

    Qatt qabel fl-istorja Ewropea ma kien hemm daqstant nies li gawdew ħajja hekk b’saħħitha u twila. Hemm aktar nies li qed jibqgħu attivi għal aktar żmien, jestendu l-karrieri tax-xogħol tagħhom u jipparteċipaw f’attivitajiet soċjali wara l-irtirar. Bis-saħħa ta’ stili ta’ ħajja aktar tajbin għas-saħħa u l-progress mediku (prevenzjoni, dijanjożi u trattament tal-mard imtejba), ħafna mill-irtirati huma b’saħħithom u jistgħu jagħżlu kif iqattgħu l-ħin tagħhom 19 . Dawn ir-realtajiet ġodda jbiddlu l-perċezzjoni tagħna tat-tixjiħ, u jitfgħu dawl fuq il-kontribut importanti tal-persuni akbar fl-età fis-soċjetà u l-ekonomija permezz tat-tagħlim u l-koeżjoni interġenerazzjonali.

    Fl-istess ħin, l-istadju tal-irtirar jippreżenta sfidi għall-individwi iżda wkoll għas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali li jappoġġawhom. L-iżgurar tal-adegwatezza, l-affordabbiltà u s-sostenibbiltà tas-sistemi tal-pensjonijiet jirrikjedi li nevalwaw b’mod kritiku kemm huma adatti s-sistemi tal-pensjonijiet attwali biex jittrattaw popolazzjoni li qed tixjieħ malajr.

    4.1.Nibqgħu attivi

    L-attivitajiet tal-volontarjat jistgħu jippromwovu s-solidarjetà u l-kooperazzjoni interġenerazzjonali, filwaqt li joħolqu valur u jkunu ta’ benefiċċju kemm għaż-żgħażagħ kif ukoll għall-anzjani f’termini ta’ għarfien, esperjenza u awtostima. Fl-istess ħin, il-volontarjat għandu valur ekonomiku importanti. Id-data turi li madwar wieħed minn kull ħamsa ta’ dawk bejn il-65 u l-74 sena jipparteċipaw f’volontarjat formali filwaqt li persuni ta’ 75 sena jew aktar jibqgħu wkoll involuti meta s-saħħa tagħhom tippermetti 20 . Matul il-pandemija tal-COVID-19, l-irtirati għenu lill-komunità billi marru lura għax-xogħol mill-irtirar bħala persunal mediku jew infermiera, jew wettqu servizzi volontarji biex inaqqsu l-piż lil ħaddieħor fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.

    Ħafna, speċjalment nisa akbar fl-età, huma persuni li jindukraw mingħajr ħlas, prinċipalment fil-familja tagħhom (għall-ġenituri, sieħeb, tfal jew neputijiet tagħhom), b’hekk jgħinu lill-ġenerazzjoni fl-età tax-xogħol biex jilħqu bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja.

    It-tagħlim interġenerazzjonali, inkluż il-mentoraġġ jew il-kondiviżjoni tal-esperjenza, jippermetti liż-żgħażagħ u lill-anzjani jiskambjaw l-għarfien u l-kompetenzi. Ħafna tagħlim interġenerazzjonali jseħħ b’mod informali fil-komunità, f’attivitajiet madwar libreriji u mużewijiet, assoċjazzjonijiet kulturali, sportivi jew oħra, istituzzjonijiet reliġjużi, eċċ.

    Il-mobilità attiva tappoġġa wkoll it-tixjiħ attiv. Il-mixi u ċ-ċikliżmu huma popolari f’ħafna Stati Membri, inkluż fost il-persuni li għandhom aktar minn 65 sena. Forom ġodda ta’ mobbiltà elettrika, prinċipalment roti elettriċi, diġà qed jipprovdu rispons flessibbli għall-ħtiġijiet tal-mobbiltà ta’ xi persuni akbar fl-età u jippermettulhom jużaw mezz attiv ta’ trasport filwaqt li jnaqqsu l-emissjonijiet tagħhom mit-trasport.

    4.2.Faqar fix-xjuħija

    Għall-biċċa l-kbira tan-nies, l-irtirar iġib miegħu tnaqqis fl-introjtu u, għal xi wħud, it-theddida tal-faqar fix-xjuħija. Hekk kif in-nies jikbru fl-età, jiffaċċaw riskji finanzjarji dejjem akbar relatati, pereżempju, mal-ħtieġa għall-kura tas-saħħa u speċjalment il-kura fit-tul.

    Il-pensjonijiet huma s-sors ewlieni tal-introjtu għall-biċċa l-kbira tal-persuni rtirati. Biex jiġi żgurat li jibqgħu adegwati fid-dawl taż-żieda fl-istennija tal-għomor, in-nies se jkollhom jaħdmu aktar fit-tul fil-futur. Madankollu, xi wħud xorta se jkollhom riskju ogħla ta’ faqar fix-xjuħija minn oħrajn, inkluża l-prekarjetà enerġetika. Dan jikkonċerna b’mod partikolari lil dawk li kellhom introjtu baxx, kellhom waqfiet fil-karriera tagħhom jew kienu f’impjiegi jew fi snajja’ li pprovdew protezzjoni limitata, bħall-ħaddiema mhux standard u dawk li jaħdmu għal rashom.

    Ir-riskju għadu ogħla għal gruppi speċifiċi. Hemm it-tendenza li n-nisa jaqilgħu inqas, ikollhom karrieri iqsar u inqas lineari, jaħdmu part-time u jieħdu aktar responsabbiltajiet ta’ kura bla ħlas. Il-pensjonijiet tan-nisa fl-UE huma bħala medja 29,5 % inqas minn dawk tal-irġiel 21 . Fl-2019, 37 % tal-migranti minn pajjiżi terzi kienu f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali meta mqabbla ma’ 22 % taċ-ċittadini mobbli tal-UE 22 . Fis-snin li ġejjin, huma jistgħu jiffaċċaw riskji ogħla ta’ faqar fix-xjuħija minħabba karrieri iqsar fl-UE.

    L-anzjani b’diżabilità jistgħu jiffaċċaw problemi partikolari. Il-persuni fl-età tax-xogħol li jiżviluppaw diżabilità spiss jibbenefikaw minn appoġġ relatat mas-suq tax-xogħol biex jikkumpensaw għat-telf ta’ introjtu u għall-infiq żejjed. Filwaqt li dan mhuwiex biżżejjed f’ħafna każijiet, il-persuni li jiżviluppaw diżabbiltà wara l-irtirar spiss ma jkunux eliġibbli għal dawn il-benefiċċji.

    Kaxxa 1. Awtonomija, parteċipazzjoni u drittijiet tal-anzjani

    Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jservi bħala boxxla fit-triq lejn kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien aħjar għal kulħadd, irrispettivament mill-età, u d-drittijiet soċjali ġenwini. Dan jinkludi għadd ta’ prinċipji li jiffukaw fuq l-isfidi tat-tixjiħ.

    L-anzjani spiss isibu ruħhom f’sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà; xi wħud b’aktar minn mod wieħed, pereżempju, dawk b’mard jew b’diżabbiltà 23 , dawk minn minoranza etnika jew reliġjuża jew dawk li huma LGBTQI. Xi wħud jistgħu jeħtieġu assistenza relatata direttament mal-protezzjoni tagħhom stess jew mal-assi tagħhom, bħal pereżempju li jieħdu ħsieb il-finanzi jew jimmaniġġjaw it-trattament mediku. Dan ġie enfasizzat ukoll fl-Aġenda tal-Konsumatur il-Ġdida reċenti 24 . Barra minn hekk, persuni anzjani vulnerabbli jistgħu jiffaċċaw ukoll riskju ta’ abbuż bħal pereżempju minħabba abbandun, jew vjolenza fiżika jew mentali. L-effett qawwi fuq persuni anzjani vulnerabbli matul il-pandemija jenfasizza l-importanza li tiġi protetta l-awtonomija tagħhom, kif ukoll is-saħħa u l-kundizzjonijiet tal-għajxien tagħhom.

    L-aċċess għall-prodotti, is-servizzi, inklużi s-servizzi pubbliċi, u l-parteċipazzjoni fil-ħajja politika, soċjali u kulturali jeħtieġu dejjem aktar ħiliet diġitali. L-iżviluppi teknoloġiċi jistgħu jamplifikaw il-vulnerabbiltà tal-anzjani, pereżempju jekk ikunu inqas familjari jew komdi ma’ għodod diġitali, jew jekk ikollhom aċċess limitat għat-teknoloġija diġitali. Dan jista’ jagħmilhom aktar suxxettibbli għal frodi, inganni u kummerċ qarrieqi kif rajna matul il-pandemija u l-konfinamenti. L-anzjani li jgħixu barra minn pajjiżhom jew li għandhom beni barra minn pajjiżhom jistgħu jkunu partikolarment vulnerabbli wkoll minħabba l-ostakli ta’ lingwi barranin u sistemi amministrattivi u legali mhux magħrufa u miżuri speċifiċi għall-protezzjoni jistgħu jkunu meħtieġa f’sitwazzjonijiet transfruntiera.

    Iż-żieda fl-għadd ta’ anzjani fl-UE ġġib magħha tħassib speċifiku dwar is-sigurtà u s-sikurezza, peress li jistgħu jsibu ruħhom fil-mira ta’ kriminali organizzati, pereżempju permezz ta’ telefonati d-djar, frodi fit-toroq, serq mid-djar, serq mill-bwiet jew inganni u reati oħrajn.

    Sabiex l-anzjani jkunu jistgħu jgawdu d-drittijiet u l-awtonomija tagħhom u jipparteċipaw fis-soċjetà kemm jista’ jkun, dawn is-sitwazzjonijiet ta’ vulnerabbiltà jeħtieġ li jiġu kkunsidrati u, meta jkun meħtieġ, jiġu indirizzati b’mod speċifiku minn dawk li jfasslu l-politika fil-livelli kollha.

    4.3.Sistemi tal-pensjonijiet adegwati, ġusti u sostenibbli

    L-isfida li jinżammu pensjonijiet adegwati, ġusti u sostenibbli f’soċjetà li qed tixjieħ u l-ħtieġa li n-nies jakkumulaw tfaddil addizzjonali ġew enfasizzati ripetutament, b’mod partikolari fir-Rapporti dwar l-Adegwatezza tal-Pensjonijiet ippubblikati b’mod konġunt mill-Kunsill u mill-Kummissjoni 25 . Madankollu, fin-nuqqas ta’ aktar riformi, aktar pensjonanti u inqas persuni fl-età tax-xogħol x’aktarx li jwasslu għal rati ogħla ta’ kontribuzzjoni u rati aktar baxxi ta’ sostituzzjoni tal-pensjonijiet sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi. Żviluppi bħal dawn jistgħu joħolqu piż doppju għall-ġenerazzjonijiet iżgħar u b’hekk joħolqu domandi ta’ ġustizzja interġenerazzjonali.

    Ħajjiet tax-xogħol itwal hija risposta ewlenija għalihom. Skont l-aktar projezzjoni tal-popolazzjoni reċenti tal-Eurostat, il-proporzjon ta' dipendenza tal-età avvanzata 26 tal-UE fl-2040 jibqa’ fl-istess livell bħal fl-2020 biss jekk il-ħajja tax-xogħol tiġi estiża sal-età ta’ 70 sena. Madankollu, hemm varjazzjonijiet sinifikanti bejn l-Istati Membri, li juru l-isfidi differenti madwar l-Ewropa. Sabiex il-proporzjon ta' dipendenza tal-età avvanzata nazzjonali jinżamm kostanti fl-2040 meta mqabbel mal-2020, il-projezzjonijiet jissuġġerixxu li Malta, l-Ungerija u l-Iżvezja jkollhom jestendu l-ħajja tax-xogħol sat-68 biss, filwaqt li l-Litwanja u l-Lussemburgu jkollhom jestenduh sat-72. Diġà fl-2019, il-proporzjon ta' dipendenza tal-età avvanzata kien ivarja sostanzjalment minn 22 fil-Lussemburgu għal 39 fl-Italja u 38 fil-Finlandja 27 .

    Is-sistemi tal-pensjonijiet jistgħu jappoġġaw ħajjiet tax-xogħol itwal billi jaġġustaw l-etajiet tal-irtirar jew ir-rekwiżiti tal-karriera, ir-rati tad-dovuti jew il-benefiċċji awtomatikament biex jirriflettu l-istennija tal-għomor ogħla. Il-limitazzjoni tal-irtirar kmieni għal każijiet oġġettivament ġustifikati, l-istabbiliment ta’ dritt ġenerali għax-xogħol lil hinn mill-età tal-pensjoni u skemi flessibbli tal-irtirar, jistgħu jgħinu biex is-sistemi tal-pensjonijiet isiru kemm adegwati kif ukoll sostenibbli.

    Ir-riformi biex jiġu mmodernizzati s-sistemi tal-pensjonijiet jeħtieġ li jikkunsidraw bir-reqqa l-loġika ta’ ridistribuzzjoni u ġustizzja tas-sistemi tal-pensjonijiet. Fatturi li jistgħu jitqiesu jinkludu l-piż demografiku li qed jiżdied fuq il-ġenerazzjonijiet futuri, trattament ġust tal-ħaddiema li jidħlu fis-suq tax-xogħol kmieni, il-kapaċità ridistributtiva fost il-gruppi ta’ introjtu differenti, il-protezzjoni ta’ interruzzjonijiet fil-karriera relatati mal-familja u t-tneħħija gradwali ta’ skemi ta’ pensjonijiet preferenzjali.

    Il-pensjonijiet li jippermettu standards tal-għajxien dinjitużi fix-xjuħija għandhom ikunu disponibbli għal dawk li mhux se jkun jista’ jkollhom ħajja tax-xogħol itwal fil-futur. Dan jista’ jinkiseb, pereżempju, permezz ta’ krediti tal-pensjoni, pensjonijiet minimi, pensjonijiet ibbażati fuq ir-residenza u l-assistenza soċjali mmirati lejn, jew disponibbli wkoll għall-anzjani.

    L-iżgurar li s-sistemi tal-pensjonijiet ikopru tipi differenti ta’ attività ekonomika, pereżempju billi jiġi estiż l-aċċess għal aktar tipi ta’ ħaddiema u għal dawk li jaħdmu għal rashom, jgħin biex jissalvagwardja l-adegwatezza u l-bażi ta’ kontribuzzjoni tagħhom u jimmitiga l-inugwaljanzi fis-suq tax-xogħol. Peress li l-bidliet fl-ekonomija u fid-dinja tax-xogħol jistgħu jaffettwaw il-bażi tal-kontribuzzjoni, l-Istati Membri jista’ jkollhom bżonn jikkunsidraw mill-ġdid min fejn jiġu r-riżorsi għas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali tagħhom.

    Iċ-ċittadini jeħtieġ li jsiru konxji tal-istatus tal-intitolamenti tal-irtirar tagħhom. Pensjonijiet supplimentari ta’ kwalità għolja, sikuri u kosteffettivi, inkluż il-prodott tal-pensjoni personali pan-Ewropew (PEPP) 28 , li jikkomplementaw l-iskemi statutorji tal-pensjonijiet jistgħu jipprovdu tfaddil addizzjonali għall-irtirar. Il-politiki li jiffaċilitaw u jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni fi skemi ta’ pensjonijiet supplimentari għandhom jikkunsidraw l-ispiża fiskali u l-effett distributtiv tagħhom, u jsibu bilanċ bejn kopertura wiesgħa u inklużiva u salvagwardji kontra l-effetti tal-volatilità tas-suq fuq naħa u l-kosteffettività fuq in-naħa l-oħra.

    6.Kif jistgħu jiġu appoġġati aħjar il-volontarjat minn persuni akbar fl-età u l-apprendiment interġenerazzjonali, inkluż bejn il-fruntieri, biex jitrawmu l-kondiviżjoni tal-għarfien u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini? Xi rwol jista’ jkollha pjattaforma diġitali jew inizjattivi oħrajn fil-livell tal-UE u lil min għandhom jiġu indirizzati dawn l-inizjattivi? Kif jista’ l-volontarjat miż-żgħażagħ flimkien mal-anzjani u għall-anzjani jiġi kkombinat f’inizjattivi transġenerazzjonali? 

    7. X’servizzi u ambjent abilitanti jeħtieġ li jkunu stabbiliti jew imtejba sabiex jiġu żgurati l-awtonomija, l-indipendenza u d-drittijiet tal-anzjani u biex jippermettu l-parteċipazzjoni tagħhom fis-soċjetà?

    8.L-UE, kif tista’ tappoġġa lill-anzjani vulnerabbli li ma jkunux f’pożizzjoni li jipproteġu l-interessi finanzjarji u personali tagħhom stess, b’mod partikolari f’sitwazzjonijiet transfruntiera?

    9.L-UE, kif tista’ tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri biex tiġi żgurata aktar ġustizzja fis-sistemi ta’ ħarsien soċjali fost il-ġenerazzjonijiet, il-ġeneri, l-etajiet u l-gruppi ta’ introjtu, filwaqt li tiżgura li jibqgħu fiskalment sodi?

    10.Kif jistgħu jitnaqqsu u jiġu indirizzati r-riskji tal-faqar fix-xjuħija?

    11.Kif nistgħu niżguraw pensjonijiet adegwati għal dawk (l-aktar in-nisa) li jqattgħu perjodi kbar tal-ħajja tax-xogħol tagħhom f’xogħol bla ħlas (spiss l-għoti tal-kura)?

    12.Xi rwol jista’ jkollhom il-pensjonijiet supplimentari fl-iżgurar ta’ introjti adegwati għall-irtirar? Kif jistgħu jiġu estiżi madwar l-UE u x’jista’ jkun ir-rwol tal-UE f’dan il-proċess?

    5.L-issodisfar tal-ħtiġijiet dejjem jikbru ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ

    Minkejja titjib fl-istennija tal-għomor b’saħħa tajba, aktar ma tkun kbir fl-età aktar ikun hemm possibbiltajiet ta’ mard jew diżabbiltà. B’mod gradwali, ħafna anzjani jsiru fraġli u jiddependu fuq il-kura fit-tul.

    Illustrazzjoni 1.    Ir-rati ta’ dipendenza tal-UE 29 jiżdiedu bl-età, 2015-2019

    Sors: Il-kalkolu tad-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-Kummissjoni bbażat fuq it-tabella tad-data online tal-Eurostat hlth_silc_06

    Il-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard, fil-forma ta’ stili ta’ ħajja tajbin għas-saħħa, is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, u ħajjiet soċjali attivi jistgħu jgħinu biex jillimitaw jew jipposponu dawn il-problemi. Il-politiki ta’ appoġġ, bħat-tiġdid urban, iż-żoni rurali rivitalizzati u l-aċċessibbiltà fil-bini u t-trasport, jistgħu jgħinu biex jiffaċilitaw il-ħajja, b’mod partikolari għal persuni b’mobilità limitata.

    Filwaqt li politiki bħal dawn jistgħu jgħinu biex itaffu l-isfida kumplessivi, it-tixjiħ u l-lonġevità se jwasslu invarjabbilment għal żieda strutturali fid-domanda aggregata għall-kura tas-saħħa u s-servizzi tal-kura fit-tul 30 . Dan huwa aggravat għal xi reġjuni remoti u rurali li tipikament jiffaċċaw sfidi f’termini ta’ kwalità u skala tas-servizzi soċjali pprovduti.

    Il-mod kif is-soċjetajiet jippreparaw għat-tixjiħ irid imur lil hinn minn kwistjonijiet ekonomiċi u minn servizzi ta’ kwalità u affordabbli. Irridu naħsbu dwar kif il-ġenerazzjonijiet jgħixu flimkien. Tħassib minnhom huwa r-riskju dejjem jikber ta’ solitudni u iżolament soċjali fost il-persuni kemm inqas u kemm iktar avvanzati fl-età, kif esperjenzat minn ħafna mhux l-inqas matul il-pandemija tal-COVID-19. Filwaqt li jidher inqas, dan għandu impatt reali fuq is-sistemi ekonomiċi, soċjali u tal-kura tas-saħħa tagħna u jistħoqqlu l-attenzjoni ta’ dawk li jfasslu l-politika.

    5.1.L-issodisfar tal-ħtiġijiet tas-saħħa u tal-kura fit-tul ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ

    B’riżultat tal-bidla demografika, se jkun hemm aktar pazjenti anzjani li jbatu minn mard kroniku u, f’ħafna każijiet, minn diversi mard. Kważi nofs il-persuni ta’ 65 sena jew aktar huma meqjusa li għandhom diżabbiltà jew limitazzjoni fit-tul fl-attività tagħhom. Barra minn hekk, l-effetti tat-tibdil fil-klima, id-diżastri naturali u d-degradazzjoni ambjentali u t-tniġġis għandhom it-tendenza li jżidu b’mod sproporzjonat il-pressjoni fuq is-saħħa tal-anzjani. Dan se jżid il-ħtieġa għal kura tas-saħħa u servizzi oħrajn ta’ kura jew appoġġ.

    Għalkemm kemm is-sistemi tal-kura tas-saħħa kif ukoll dik tal-kura fit-tul se jkollhom bżonn jilqgħu domanda akbar, huma jiffaċċaw sfidi differenti, bħal fir-rigward tal-forza tax-xogħol tagħhom, il-kopertura tal-protezzjoni soċjali jew l-istandards ambjentali.

    Reazzjoni politika komprensiva tista’ tinvolvi investiment f’servizzi u infrastruttura ta’ kwalità, kif ukoll fir-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tal-kura tas-saħħa, l-iżgurar tal-aċċess għall-kura tas-saħħa, l-offerta ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol attraenti biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ persunal u l-isfruttar ta’ teknoloġija innovattiva biex tittejjeb l-effiċjenza. Il-progress teknoloġiku jagħmilha possibbli li jiġu pprovduti ċerti servizzi u terapiji b’modi ġodda, minflok fl-isptarijiet. Provvediment akbar ta’ infrastruttura tal-kura ambulatorja u komunitarja mhux talli tipprovdi kura tas-saħħa u soċjali aħjar, imma tista’ wkoll tippermetti lill-anzjani jieħdu sehem f’attivitajiet soċjali u ta’ benessri.

    Hemm potenzjal ta’ 8 miljun opportunità ta’ impjieg fis-settur tal-kura tas-saħħa u tal-kura soċjali fl-10 sena li ġejjin. Dan se jirrikjedi aktar speċjalisti u titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema, li se jiġi indirizzat b’mod partikolari permezz tal-Patt għall-Ħiliet imniedi f’Novembru 2020. Barra minn hekk, il-mobbiltà transfruntiera tal-persunal jista’ jkollha rwol biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ persunal tal-kura tas-saħħa,. Fl-2018, iċ-ċittadini tal-UE li jaħdmu fi Stat Membru li mhuwiex pajjiżhom kienu jirrappreżentaw kważi 5 % tal-forza tax-xogħol tal-kura tas-saħħa u tal-kura fit-tul, filwaqt li l-immigranti minn barra l-UE ammontaw għal 9,1 % 31 . L-integrazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet tal-kura tas-saħħa u tal-kura fit-tul fil-kanali eżistenti tal-migrazzjoni legali jistgħu jtejbu wkoll l-użu tal-ħiliet tal-migranti fl-UE.

    L-għadd ta’ persuni potenzjalment fil-bżonn ta’ kura fit-tul mistenni jiżdied minn 19,5 miljun fl-2016 għal 23,6 miljun fl-2030 u 30,5 miljun fl-2050 fl-EU27 32 . Id-dipendenza fuq carers informali ma għadhiex sostenibbli, peress li l-għajnuna mill-membri tal-familja hija dejjem aktar diffiċli biex tiġi żgurata, meta l-familji qed ikollhom inqas tfal, qed jgħixu aktar separatament, u bin-nisa jipparteċipaw aktar fis-suq tax-xogħol.

    L-Istati Membri jiffaċċaw sfidi komuni fil-kura fit-tul, li jinkludu l-iżgurar tal-aċċess, l-affordabbiltà u l-kwalità , tal-kura fit-tul, kif ukoll forza tax-xogħol adegwata. Ħafna li jeħtieġu l-kura ma jistgħux jaċċessawha minħabba lakuni fil-provvista, spejjeż kbar, u nuqqas ta’ protezzjoni soċjali jew kopertura tal-assigurazzjoni biex tiġi żgurata l-affordabbiltà. Mingħajr protezzjoni soċjali adegwata, il-ħtieġa għal kura fit-tul tista’ twassal lill-individwi għall-faqar. Dan ir-riskju jeħtieġ li jitqabbel maż-żamma tas-sostenibbiltà fiskali tas-sistemi f’soċjetà li qed tixjieħ.

    Il-kura fit-tul ta’ kwalità hija importanti biex jiġu żgurati d-dinjità personali, l-għażla, il-benessri, kif ukoll biex jiġu evitati ospitalizzazzjonijiet mhux meħtieġa. Bħalissa, hemm standards ta’ kwalità u interpretazzjonijiet differenti madwar l-UE u l-Istati Membri jinsabu fi stadji differenti ta’ assigurazzjoni tal-kwalità. Importanti li wieħed jinnota li hemm modi differenti kif tingħata kura fit-tul ta’ kwalità. L-offerta ta’ provvista ta’ servizzi bbażati fil-komunità għall-anzjani li jeħtieġu kura fit-tul, inklużi dawk b’diżabilità, tista’ tappoġġa d-dritt tagħhom li jgħixu b’mod indipendenti fil-komunità, sakemm dan ikun possibbli. Servizzi residenzjali jew servizzi oħrajn, min-naħa l-oħra, jistgħu jiżguraw il-forniment ta’ servizzi tal-kura li jaqbżu l-kapaċitajiet ta’ ambjenti bbażati fil-komunità.

    Ir-reklutaġġ u ż-żamma ta’ persunal ikkwalifikat biex jaħdem fil-kura fit-tul huma diffiċli minħabba paga baxxa u kundizzjonijiet tax-xogħol impenjattivi . Dan iżid il-pressjoni fuq il-carers informali - normalment nisa - li jbatu biex jibbilanċjaw il-kura u x-xogħol imħallas, spiss b’kost għas-soċjetà bħal effetti negattivi fuq is-saħħa u l-benesseri, tnaqqis fil-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u introjtu mnaqqas.

    Kif enfasizzat fil-Komunikazzjoni dwar Ewropa soċjali b’saħħitha għal tranżizzjonijiet ġusti 33 , l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ kura fit-tul b’saħħithom se jtejjeb l-aċċess għal kura fit-tul affordabbli u ta’ kwalità, jiżgura ħajjiet dinjitużi fix-xjuħija u jagħti spinta lill-opportunitajiet ta’ impjieg fl-ekonomija tal-kura. Rapport konġunt tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali, li jrid jiġi ppubblikat fl-2021, se jixħet dawl fuq is-sitwazzjoni attwali tas-sistemi tal-kura fit-tul madwar l-UE kif ukoll fuq l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19.

    L-introduzzjoni fuq skala kbira ta’ innovazzjoni soċjali u teknoloġika, bħas-saħħa elettronika, is-saħħa mobbli, it-telecare, il-kura integrata jew l-għajxien indipendenti, tista’ ttejjeb sostanzjalment l-effiċjenza tas-sistemi tal-kura tas-saħħa u tal-kura fit-tul. Il-mudelli ta’ telesorveljanza tal-kura tas-saħħa, b’mod partikolari dawk li jinkludu pazjenti u membri tal-familja fl-iskwadra tal-kura, urew benefiċċji ċari għall-pazjenti b’mard kroniku 34 . 

    L-integrazzjoni tal-kura permezz ta’ kooperazzjoni mill-qrib u kondiviżjoni ta’ informazzjoni bejn il-professjonisti, il-pazjenti u l-carers (inklużi carers informali) għandha l-potenzjal li trażżan l-ispejjeż dejjem jiżdiedu tal-kura tas-saħħa u l-kura soċjali u fl-istess ħin tgħin lill-anzjani jibqgħu indipendenti għal żmien itwal u jżidu l-benessri tagħhom.

    L-intrapriżi soċjali u l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ, (b’mod partikolari l-impriżi mutwi), qed jintużaw dejjem aktar biex jipprovdu servizzi tal-kura tas-saħħa u tal-kura soċjali, inkluż għall-anzjani. Dawn jistgħu jkunu effettivi minħabba l-għeruq u l-għarfien lokali tagħhom u l-għanijiet soċjali espliċiti tagħhom.

    L-UE tappoġġa lill-Istati Membri biex javvanzaw is-sistemi u r-riformi tal-kura fit-tul permezz ta’ ħidma analitika, skambji reċiproċi, gwida politika, kif ukoll finanzjament tal-UE. L-isfidi fil-kura fit-tul u fil-kura tas-saħħa huma riflessi wkoll fis-Semestru Ewropew. L-UE tiffaċilita l-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali nazzjonali, filwaqt li tipproteġi d-drittijiet tal-persuni li jiċċaqalqu fl-Ewropa, inkluż l-aċċess tagħhom għall-benefiċċji tal-kura fit-tul 35 . Bosta inizjattivi se jgħinu biex itejbu s-sitwazzjoni tal-carers informali u jiżguraw paga adegwata fis-settur, bħad-Direttiva dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, jew il-proposta għal Direttiva dwar pagi minimi adegwati 36 . Fil-kuntest tal-COVID-19, l-analiżi tal-impatt tagħha fuq il-kura fit-tul 37 u l-gwida pprovduta dwar il-ġestjoni tal-pandemija fl-ambjent tal-kura fit-tul 38 jenfasizzaw id-dgħufijiet strutturali.

    5.2.Mobbiltà, konnettività u aċċessibbiltà 

    Soċjetajiet li qed jixjieħu fl-Ewropa jirrappreżentaw xejra demografika li x’aktarx issawwar ix-xejriet tal-mobbiltà fil-futur. Il-fornituri tat-trasport pubbliku se jkollhom jadattaw ruħhom għal għadd dejjem akbar ta’ passiġġieri b’diżabbiltà jew b’mobbiltà ridotta u jinvestu f’infrastruttura u f’vetturi tat-trasport intelliġenti u mingħajr ostakli. B’popolazzjoni anzjana predominantement femminili, il-mobbiltà jista’ jkollha tiffoka aktar fuq il-ħtiġijiet speċifiċi tan-nisa f’termini ta’ ħin u skop tal-ivvjaġġar, ir-rotta u d-distanza tal-ivvjaġġar kif ukoll is-sikurezza.

    L-awtomatizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni tat-trasport jistgħu jgħinu jnaqqsu l-għadd ta’ inċidenti, itejbu l-operazzjonijiet tal-ivvjaġġar u tat-trasport, jippromwovu l-multimodalità, inaqqsu l-konsum tal-enerġija u t-tniġġis, u jottimizzaw l-użu tar-riżorsi u l-infrastruttura. Min-naħa l-oħra, dawn jippreżentaw ukoll sfidi għall-anzjani li m’għandhomx ħiliet diġitali bażiċi jew li għandhom aċċess limitat għall-internet. Dawk l-isfidi huma partikolarment rilevanti għall-anzjani li jgħixu f’żoni rurali.

    Jenħtieġ li, fl-organizzazzjoni tal-infrastruttura u s-servizzi urbani, jitqiesu l-ħtiġijiet u l-kapaċitajiet differenti tal-anzjani. Ħafna bliet diġà jqisu s-saħħa, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u kunsiderazzjonijiet oħrajn fil-pjanijiet tal-mobbiltà urbana tagħhom. L-aċċessibbiltà tikkontribwixxi għall-inklużjoni soċjali. Soluzzjonijiet ta’ akkomodazzjoni adattati u “djar intelliġenti” b’sensuri u sistemi awtomatizzati għall-apparati elettriċi, id-dawl u t-tisħin jistgħu jtejbu s-sikurezza tal-anzjani li jgħixu waħedhom u jżidu d-durabbiltà u riutilizzabbiltà tal-prodotti.

    5.3.Differenzi territorjali fl-aċċess għall-kura u s-servizzi

    Għalkemm il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-UE kisbu kopertura universali għal sett ewlieni ta’ servizzi tas-saħħa, il-firxa tas-servizzi u l-grad ta’ qsim tal-ispejjeż ivarjaw b’mod sinifikanti bejn il-pajjiżi. L-aċċess effettiv għall-kura jista’ jiġi ristrett għal raġunijiet finanzjarji, nuqqas ta’ persunal, ħinijiet twal ta’ stennija u distanza eċċessiva biex wieħed jivvjaġġa lejn l-eqreb faċilità tal-kura tas-saħħa. Xi Stati Membri jirreġistraw problemi fl-aċċess għall-kura tas-saħħa f’żoni rurali u periferiċi. Dawn l-oqsma huma magħrufa bħala “deżerti mediċi” 39 . Id-disparitajiet reġjonali fl-aċċess għall-kura tas-saħħa laħqu momentum ġdid matul il-pandemija tal-COVID‑19. Dan huwa ugwalment rilevanti għall-aċċess għas-servizzi u l-infrastruttura tal-kura fit-tul.



    Mappa 2. Ħin tas-sewqan sal-eqreb faċilità tal-kura tas-saħħa

    It-teknoloġija tista’ tgħin biex ittejjeb l-aċċess għall-kura tas-saħħa għall-anzjani, b’mod partikolari fiż-żoni remoti. Is-soluzzjonijiet diġitali għandhom rwol importanti biex jingħalqu l-lakuni u qed isiru dejjem aktar komuni, pereżempju għat-telekonsultazzjonijiet. Dan se jirrikjedi taħriġ u appoġġ xierqa fl-użu ta’ għodod ta’ dan it-tip.

    Id-densitajiet baxxi tal-popolazzjoni jagħmluha diffiċli għall-muniċipalitajiet rurali li joffru trasport pubbliku kosteffettiv, regolari u konvenjenti li jkun aċċessibbli u affordabbli wkoll għall-anzjani. Jekk il-faċilitajiet lokali, bħall-ħwienet, il-banek, il-kura tas-saħħa, eċċ. jagħlqu, in-nies ikollhom jivvjaġġaw aktar biex jaċċessaw dawn is-servizzi, kwistjoni li tista’ taffettwa b’mod sproporzjonat lir-residenti rurali anzjani. Soluzzjonijiet ta’ servizzi innovattivi, ibbażati fil-komunità, u xi kultant mobbli, jistgħu jgħinu biex jimtlew il-lakuni, filwaqt li jinżamm l-aċċess għas-servizzi f’żoni b’popolazzjoni baxxa.

    Kaxxa 2. L-indirizzar tal-ħtiġijiet tal-ġenerazzjonijiet kollha

    Waħda mill-kwistjonijiet il-kbar fid-dibattitu dwar ir-reazzjoni għat-tixjiħ hija l-ġustizzja interġenerazzjonali. L-isfida hija li jinżamm livell adegwat ta’ protezzjoni soċjali mingħajr ma jitqiegħed piż eċċessiv fuq il-popolazzjoni fl-età tax-xogħol li qed tonqos u li l-kontribuzzjonijiet tagħha jirrappreżentaw l-akbar sors ta’ finanzjament għas-sistemi soċjali. It-trasferiment tal-piż tat-taxxa minn fuq ix-xogħol għal fuq it-tniġġis, kif propost fil-Patt Ekoloġiku Ewropew, jista’ joffri soluzzjonijiet ġodda. Fin-nuqqas ta’ aktar riformi, id-diversità li qed tiżdied fis-suq tax-xogħol għandha inqas nies koperti mis-sistemi ta’ protezzjoni soċjali u li jikkontribwixxu għalihom.

    Jeħtieġ li s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi tiġi mmonitorjata mill-qrib, speċjalment għall-pajjiżi b’dejn pubbliku għoli. Bħalissa, l-ispiża totali tan-nefqa pubblika relatata mal-età taqbeż il-25 % tal-PDG kumplessiv tal-UE. Fir-Rapport dwar it-Tixjiħ tal-2018, dawn il-kostijiet kienu previsti li jiżdiedu b’1.1 punt perċentwali (pp) sal-2070, b’żieda ta’ 3 pp jew aktar fi 11-il Stat Membru. Iż-żieda hija xprunata prinċipalment mill-infiq fuq il-kura fit-tul u l-kura tas-saħħa f’konformità mal-ħtieġa li jiġu ssodisfati b’mod adegwat il-ħtiġijiet ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ. Barra minn hekk, ir-riżultat tal-ġlieda kontra l-COVID-19 u tal-konsegwenzi ekonomiċi tal-miżuri ta' konfinament ħolqu sfidi ulterjuri.

    Fil-prattika, madankollu, iż-żieda fl-infiq relatat mal-età tista’ tkun saħansitra ogħla, pereżempju, jekk ir-riformi tal-pensjonijiet tal-passat jitreġġgħu lura jew jiġu adottati riformi ġodda li jżidu l-infiq. Fil-qasam tal-kura tas-saħħa u l-kura fit-tul, il-progress teknoloġiku jista’ jgħin biex titjieb il-kwalità tas-servizzi, iżda jista’ jwassal ukoll għal nefqa ogħla; bl-istess mod, aċċess aħjar għall-kura fit-tul affordabbli jista’ jeħtieġ finanzjament pubbliku addizzjonali.

    Is-sostenibbiltà u l-adegwatezza fiskali huma marbutin ma’ xulxin, peress li l-Ewropa hija impenjata bis-sħiħ li żżomm l-istandards soċjali għoljin tagħha. Il-miżuri ta’ politika jistgħu jgħinu biex jiġu rrikonċiljati s-sostenibbiltà soċjali u dik fiskali billi tittawwal l-ħajja tax-xogħol filwaqt li jżidu l-kopertura u joħolqu ripensament tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali.

    5.4.It-titjib tal-benessri permezz tas-solidarjetà interġenerazzjonali

    Il-porzjon dejjem jikber ta’ anzjani jista’ jfisser li jkunu meħtieġa politiki biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet soċjali u emozzjonali, bħas-sikurezza u l-interazzjoni soċjali. It-taħlit soċjali huwa limitat mill-fatt li l-gruppi ta’ età jinġabru f’distretti u reġjuni differenti skont il-preferenzi residenzjali li jiddependu fuq l-istadju tal-ħajja tagħhom. L-istudenti żgħażagħ għandhom ix-xejra li jfittxu ċ-ċentri tal-bliet, il-familji żgħażagħ joqogħdu fis-subborgi, filwaqt li l-anzjani jiċċaqalqu lejn żoni b’popolazzjoni inqas densa u b’distanzi ikbar miċ-ċentri tal-bliet. Dawn ix-xejriet ta’ moviment skont l-età 40 jista’ jkollhom implikazzjonijiet għall-koeżjoni interġenerazzjonali.

    Huwa stmat li madwar 30 miljun adult fl-UE iħossuhom waħedhom 41 ta’ spiss. Is-solitudni taffettwa l-gruppi tal-etajiet kollha. Fatturi bħal nuqqas ta’ saħħa, ċirkostanzi ekonomiċi sfavorevoli u għajxien waħedhom huma assoċjati ma’ livelli ogħla ta’ solitudni.

    Il-kriżi tal-COVID-19 enfasizzat l-importanza ġenerali tas-saħħa mentali. Il-konfinamenti kellhom impatt sinifikanti fuq persuni anzjani ħafna u fraġli li jgħixu f’dar ta’ kura residenzjali, li spiss ma jkollhomx aċċess għal komunikazzjoni diġitali jew il-ħiliet biex jużawha. L-investiment fil-ħiliet diġitali, l-iżvilupp tal-komunità u l-koeżjoni interġenerazzjonali jistgħu jipprevjenu d-deterjorament tas-saħħa u l-benessri mentali u jnaqqsu l-inugwaljanzi.

    L-anzjani f’saħħithom jistgħu jikkontribwixxu b’mod sostanzjali għall-produzzjoni ta’ valur soċjali u ekonomiku fis-soċjetajiet tagħna. Il-ħela tal-ħiliet konjittivi tagħhom mhux talli hija ta’ detriment għas-saħħa mentali u fiżika u l-benesseri tagħhom, imma hija wkoll opportunità mitlufa għall-komunità.

    Hemm tendenza dejjem tikber, iżda li għadha fil-bidu, li tiġi organizzata “akkomodazzjoni multiġenerazzjonali”, xi drabi fil-forma ta’ kooperattivi tal-akkomodazzjoni, li jistgħu jipprovdu kumpanija għal residenti anzjani, it-trasferiment ta’ ħiliet u għarfien lir-residenti ta’ età iżgħar, u interazzjonijiet soċjali siewja għal kulħadd.

    13.L-UE, kif tista’ tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri biex jirrikonċiljaw kopertura adegwata u affordabbli tal-kura tas-saħħa u tal-kura fit-tul adegwati u affordabbli mas-sostenibbiltà fiskali u finanzjarja?

    14.L-UE, kif tista’ tappoġġa lill-Istati Membri fl-indirizzar tal-isfidi komuni tal-kura fit-tul? X’objettivi u miżuri jenħtieġ li jiġu segwiti permezz ta’ qafas ta’ politika tal-UE li jindirizza l-isfidi bħall-aċċessibbiltà, il-kwalità, l-affordabbiltà jew il-kundizzjonijiet tax-xogħol? X’inhuma l-kunsiderazzjonijiet li jridu jsiru għal żoni b’densità ta’ popolazzjoni baxxa?

    15.L-anzjani, kif jistgħu jaħsdu l-benefiċċji tad-diġitalizzazzjoni tal-mobbiltà u tas-servizzi tas-saħħa? Kif jistgħu jitjiebu l-aċċessibbiltà, id-disponibbiltà, l-affordabbiltà u s-sikurezza tal-alternattivi tat-trasport pubbliku għall-anzjani, b’mod partikolari fiż-żoni rurali u remoti?

    16.Aħna konxji biżżejjed tal-kawżi u l-impatti tas-solitudni fit-tfassil tal-politika tagħna? X’passi jistgħu jittieħdu biex jiġu evitati s-solitudni u l-iżolament soċjali fost l-anzjani? X’appoġġ tista’ tagħti l-UE?

    17.Xi rwol jista’ jkollhom l-għajxien u l-akkomodazzjoni multiġenerazzjonali fl-ippjanar urban u rurali fl-indirizzar tal-isfidi ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ? Kif tista’ tiġi sfruttata aħjar?

    6.Prospettiva

    It-tixjiħ u l-isfidi u l-opportunitajiet tiegħu huma preżenti tul ħajjitna iżda l-perspettivi tagħna jinbidlu. Ħafna żgħażagħ illum isibuha diffiċli biex jidħlu fis-suq tax-xogħol u l-kriżi attwali tal-COVID-19 aggravat is-sitwazzjoni. Fit-terminu itwal, il-prospett ta’ stennija tal-għomor itwal minn dik tal-ġenerazzjoni ta’ nanniethom jispjega ħafna mill-għażliet li jagħmlu ż-żgħażagħ, inkluż dwar l-edukazzjoni, il-ħajja tax-xogħol, il-waqfiet fil-karriera. Dan min-naħa tiegħu għandu impatti fuq saħħithom, u posthom fl-ekonomija u s-soċjetà. Fl-istess ħin, il-ġenerazzjoni aktar anzjana tal-lum iġġib magħha l-kontributi, il-ħtiġijiet u l-aspettattivi ta’ ħajjithom. Flimkien, dawn jiffurmaw parti minn soċjetà u ekonomija li jeħtieġ li jiżguraw il-prosperità, is-suċċess u l-benessri għall-membri kollha tagħha. L-indirizzar tal-isfidi u l-opportunitajiet tat-tixjiħ huwa għalhekk responsabbiltà individwali u kollettiva.

    Kif diskuss f’din il-Green Paper, hemm ħafna modi kif jiġu evitati jew limitati l-konsegwenzi negattivi tat-tixjiħ fuq is-soċjetà tagħna. Dawn jinkludu l-promozzjoni ta’ tixjiħ attiv u f’saħħtu, it-titjib tar-reżiljenza tas-sistemi tas-saħħa u tal-kura tagħna, it-titjib tal-prestazzjoni tas-suq tax-xogħol, l-immodernizzar tal-protezzjoni soċjali u t-trawwim tal-migrazzjoni legali u l-integrazzjoni bħala parti minn taħlita ta’ politiki, l-istinkar għal produttività u effiċjenza ogħla fl-oqsma kollha.

    L-UE tista’ tiffaċċahom bl-impenn u l-involviment taż-żgħażagħ u tal-anzjani, filwaqt li trawwem is-solidarjetà u r-responsabbiltà interġenerazzjonali b’politiki abilitanti, u fl-istess ħin tkun minn ta’ quddiem fl-iżvilupp ta’ soċjetà sostenitriċi u dinamika.

    Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, l-istrument ewlieni ta’ rkupru fil-qalba ta’ NextGenerationEU, għandha l-għan li tappoġġa lill-Istati Membri biex dan jagħmluh, u tabilitahom biex isaħħu l-potenzjal ta’ tkabbir ekonomiku tagħhom, il-ħolqien tal-impjiegi, u r-reżiljenza ekonomika u soċjali tagħhom huma u joħorġu mill-kriżi attwali. NextGenerationEU hija fl-istess ħin mezz ta’ appoġġ u ġustizzja interġenerazzjonali, li tiffaċilita l-irkupru ekonomiku sostenibbli fit-terminu l-medju u t-twil li jenħtieġ li jkun ta’ benefiċċju għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin, permezz ta’ taħlita ta’ riformi ambizzjużi u investimenti mill-Istati Membri.

    Madankollu, it-tixjiħ ma jikkonċernax biss is-sostenn għat-tkabbir u l-istat soċjali. Jikkonċerna wkoll is-soċjetajiet tagħna b’mod kumplessiv u l-mod kif ninteraġixxu bejn il-ġenerazzjonijiet. B’mod parallel mar-reazzjoni politika tagħna għall-impatt soċjoekonomiku tat-tixjiħ, irridu niddiskutu kif niżguraw li kulħadd ikun jista’ jipparteċipa fis-soċjetajiet tagħna. Dan jitlob involviment attiv kemm taż-żgħażagħ kif ukoll tal-anzjani fid-diskussjoni.

    Fl-aħħar mill-aħħar, id-dibattitu dwar il-politiki biex jiġu indirizzati l-isfidi u l-opportunitajiet tat-tixjiħ huwa waħda mis-soluzzjonijiet kemm immedjati kif ukoll fit-tul. Dan jirrikjedi riflessjoni dwar l-impatti u l-alternattivi f’din it-tranżizzjoni demografika fl-UE kif ukoll dwar il-konsegwenzi tagħha għar-rwol tal-Ewropa fid-dinja, li tkun tħares ’il quddiem. Dan il-ħsieb antiċipattiv jista’ jkun il-bażi informattiva għad-dibattitu u jappoġġa għażliet ta’ politika sostenibbli fit-tul għall-benefiċċju ta’ kull età.

    Kif tieħu sehem fil-konsultazzjoni

    Din il-Green Paper tniedi konsultazzjoni pubblika ta’ 12‑il ġimgħa. Il-Kummissjoni se tqis il-kontribuzzjonijiet kollha fil-ħidma futura tagħha u tipprovdi feedback dwar ir-riżultati. Nistednuk tibgħat il-kontribuzzjoni tiegħek permezz tal-formola elettronika, li tista’ ssib fl-indirizz li ġej:    
    https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/12722-Green-Paper-on-Ageing  

    L-użu tal-formola ta’ tweġiba elettronika jagħmilha aktar faċli biex jiġu pproċessati l-opinjonijiet tiegħek. Madankollu, tista’ tibgħat ukoll kontribuzzjoni bil-miktub fl-indirizz li ġej:

    Green paper on ageing

    SG.E.3

    BERL 06/270

    European Commission

    1049 Brussels

    Il-Belġju

    (1)

    L-Ewropa hawnhekk tirreferi għall-kontinent kollu. Sors: ir- Reviżjoni tal-2019 tal-Prospetti tal-Popolazzjoni Dinjija tan-NU . It-tabella tad-data online tal-Eurostat, demo_pjanind, tindika l-età ta’ 43.7 bħala l-età medjana tal-2019 għall-EU-27.

    (2)

          https://ec.europa.eu/commission/priorities/deeper-and-fairer-economic-and-monetary-union/european-pillar-social-rights/european-pillar-social-rights-20-principles_mt

    (3)

      Ir-Rapport dwar l-impatt tat-tibdil demografiku fl-Ewropa (COM(2020) 241 final, 17.6.2020).

    (4)

    Pereżempju l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Isfidi Demografiċi – it-Triq ’il Quddiem (8668/20 tat-8.6.2020); Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-Parteċipazzjoni u l-Benesseri ta’ Persuni Akbar fl-Età fl-Era tad-Diġitalizzazzjoni (11717/2/20 tad-9.10.2020); L-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “l-isfidi demografiċi fl-UE fid-dawl tal-inugwaljanzi ekonomiċi u tal-iżvilupp” tal-5 ta’ Mejju 2020 u l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “it-tibdil demografiku: proposti dwar il-kejl u l-indirizzar tal-effetti negattivi tiegħu fir-reġjuni tal-UE” tal-14 ta’ Ottubru 2020. Il-Parlament Ewropew qed iħejji wkoll rapport dwar “kontinent xiħ li qed jixjieħ – possibilitajiet u sfidi relatati mal-politika dwar it-tixjiħ wara l-2020”.

    (5)

     Sors: Eurostat, it-tabella tad-data online: HLTH_CD_APR u Statistika dwar il-mortalità evitabbli u trattabbli

    (6)

    COM(2020) 274 final, 1.7.2020

    (7)

    COM(2020) 625 final, 30.9.2020

    (8)

    COM(2020) 624 final, 30.9.2020

    (9)

    Sors: It-tabelli online tal-Eurostat demo_pjan u proj_19np

    (10)

     JRC, Demographic Scenarios for the EU: Migration, Population and Education , 2019.

    (11)

    Sors: It-tabelli online tal-Eurostat lfsi_emp_a

    (12)

    COM(2020) 152 final, 5.3.2020

    (13)

         Stħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol,  Care for incapacitated relatives .

    (14)

    COM(2020) 758 final, 24.11.2020.

    (15)

    COM(2020) 609 final, 23.9.2020

    (16)

    Sors: It-tabelli online tal-Eurostat lfsi_emp_a

    (17)

         Sors: lfsa_upgan

    (18)

          https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/news/silver-economy-study-how-stimulate-economy-hundreds-millions-euros-year  

    (19)

         Sors: L-edizzjoni tal-2020 tal-Eurostat,  Ageing Europe  

    (20)

    Għal aktar informazzjoni ara t-tabella online tal-Eurostat: ilc_scp19

    (21)

         Sors: It-tabella online tal-Eurostat ilc_pnp13.

    (22)

    Sors: It-tabella online tal-Eurostat ilc_peps05

    (23)

    L-UE hija impenjata lejn il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (UNCRPD) biex tipproteġi d-drittijiet u d-dinjità tal-persuni b’diżabilità.

    (24)

    COM(2020) 696 final, 13.11.2020

    (25)

    Kull tliet snin il-Kunsill u l-Kummissjoni jippubblikaw b’mod konġunt ir-Rapport dwar it-Tixjiħ u r-Rapport dwar l-Adegwatezza tal-Pensjonijiet (l-edizzjonijiet li jmiss se jiġu ppubblikati fl-2021).

    (26)

    Il-proporzjon ta' dipendenza tal-età avvanzata użat hawnhekk huwa l-proporzjon bejn l-għadd ta’ persuni li għandhom 65 sena jew aktar u l-għadd ta’ persuni bejn il-20 u l-64 sena. Il-valur huwa espress għal kull 100 persuna ta’ età tax-xogħol (15-64).

    (27)

    Sors: It-tabella online tal-Eurostat proj_19np u l-kalkoli magħmula mid-Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali u Urbana tal-Kummissjoni, aktar informazzjoni hawnhekk .

    (28)

    Il-PEPP hija skema tal-pensjoni personali volontarja li mistennija tiġi introdotta fl-2022 li se toffri lill-konsumaturi prodott pan-Ewropew ġdid biex ifaddlu għall-irtirar. Cf. Ir-Regolament (UE) 2019/1238 tal-20 ta’ Ġunju 2019.

    (29)

    Nota: Ir-rati ta’ dipendenza huma kkalkulati bħala medja fuq ħames snin ta’ limitazzjonijiet severi fit-tul suġġettivi annwali fl-attivitajiet tas-soltu minħabba problema tas-saħħa.

    (30)

         Il-prinċipji 16 u 18 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jistabbilixxu “d-dritt għal aċċess f’waqtu għal kura tas-saħħa affordabbli, preventiva u kurattiva ta’ kwalità tajba” u “d-dritt għal servizzi ta’ kura fit-tul ta’ kwalità tajba affordabbli, b’mod partikolari l-kura fid-djar u l-kura bbażata fil-komunità”.

    (31)

         JRC, Health care and long-term care workforce: Demographic challenges and potential contribution of migration and digital technology, https://publications.jrc.ec.europa.eu/repository/handle/JRC121698

    (32)

    Projezzjonijiet mir-Rapport dwar it-Tixjiħ 2018.

    (33)

    COM(2020) 14 final, 14.1.2020

    (34)

         Transforming the future of ageing, SAPEA (2019) https://www.sapea.info/wp-content/uploads/tfa-report.pdf

    (35)

    Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tad-29 ta’ April 2004.

    (36)

    Id-Direttiva (UE) 2019/1158 tal-20 ta’ Ġunju 2019 u COM(2020)682 final, 28.10.2020.

    (37)

    Rapport konġunt tal-Kummissjoni Ewropea u l-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali li jrid jiġi ppubblikat fl-2021.

    (38)

      https://www.ecdc.europa.eu/en/publications-data/surveillance-COVID-19-long-term-care-facilities-EU-EEA  

    (39)

         Sors: Tabella online tal-Eurostat: hlth_silc_21. Ara wkoll il-mappa tal-faċilitajiet tal-kura tas-saħħa fl-UE .

    (40)

         JRC, Demographic landscape of EU territories — challenges and opportunities in diversely ageing regions, https://publications.jrc.ec.europa.eu/repository/handle/JRC123046.

    (41)

    JRC, Tagħrif politiku: Loneliness – an unequally shared burden in Europe, 2019

    Top