IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 18.1.2021
COM(2021) 9 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW
It-Tielet Rapport ta’ Progress dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għall-ġestjoni tar-riskju doganali
{SWD(2021) 2 final}
1.INTRODUZZJONI
L-awtoritajiet doganali jittrattaw volum ta’ merkanzija sostanzjali u li dejjem jiżdied. Jeħtieġu li jiffaċilitaw ammonti dejjem akbar ta’ kummerċ leġittimu u fl-istess ħin, huma involuti kontinwament fil-ġlieda kontra l-frodi u l-kuntrabandu ta’ prodotti illeċiti jew mhux sikuri. Sadattant, hemm sfidi ewlenin bħall-emerġenza tas-saħħa pubblika attwali, il-konsegwenzi tal-ħruġ tar-Renju Unit mis-Suq Uniku u mill-Unjoni Doganali tal-UE, u ż-żieda tad-diġitalizzazzjoni u l-kummerċ elettroniku li jaffettwaw il-ħidma tad-dwana.
Il-ġestjoni tar-riskju tippermetti lill-awtoritajiet doganali jidentifikaw u jimmiraw aħjar dawk il-kunsinni li jippreżentaw riskju. Tippermetti li dawn ir-riskji jiġu indirizzati fl-aħjar mument fil-katina tal-provvista biex jiġu żgurati s-sigurtà u s-sikurezza tar-residenti tal-UE u l-protezzjoni tal-interess finanzjarju tal-UE u tal-Istati Membri tagħha. Tippermetti wkoll li jiġi ottimizzat l-użu tar-riżorsi doganali.
Fl-2014, il-Kummissjoni adottat strateġija u pjan ta’ Azzjoni tal-UE għall-ġestjoni tar-riskju doganali. L-istrateġija tapplika għall-perjodu 2014-2020 u tidentifika seba’ objettivi ewlenin mirfuda mill-għan ġenerali li jintlaħaq approċċ ta’ kwalità għolja u b’ħafna saffi għall-ġestjoni tar-riskju. Il-pjan ta’ azzjoni stabbilixxa miżuri konkreti għal kull objettiv. Wara t-talba tal-Kunsill, il-Kummissjoni ppreżentat l-ewwel rapport ta’ progress dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija u l-pjan ta’ azzjoni f’Lulju 2016, u t-tieni rapport f’Lulju 2018.
Fil-konklużjonijiet tiegħu ta’ Jannar 2019 dwar it-tieni rapport ta’ progress, il-Kunsill laqa’l-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-istrateġija, inkluż it-tisħiħ tal-kollaborazzjoni bejn l-atturi kollha involuti, it-tnedija ta’ inizjattivi ġodda – b’mod partikolari d-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-kriterji tar-riskju finanzjarju – u l-parteċipazzjoni tal-amministrazzjonijiet doganali f’attivitajiet marbuta mas-sigurtà. Huwa ssottolinja wkoll li l-ġestjoni tar-riskju hija proċess kontinwu - li mhuwiex limitat għal azzjonijiet speċifiċi b’dati tal-bidu u tat-tmiem definiti b’mod ċar - u li l-awtoritajiet doganali jridu jkomplu jinnovaw u jkunu lesti jirrispondu għal theddid ġdid jew emerġenti. Fil-konklużjonijiet tiegħu ta’ Jannar 2019, il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta, fi żmien sentejn (2), it-tielet u l-aħħar rapport ta’ progress dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija attwali li tkopri l-perjodu 2019-2020.
Dan it-tielet rapport ta’ progress jikkostitwixxi t-tweġiba tal-Kummissjoni għal din it-talba. Bħar-rapporti preċedenti, dan ir-rapport jipprovdi valutazzjoni kwalitattiva ġenerali tal-implimentazzjoni tal-istrateġija, billi jispjega l-progress li sar taħt kull wieħed mis-seba’ objettivi ewlenin mill-pubblikazzjoni tat-tieni rapport. Jiddeskrivi l-objettivi wieħed wieħed, u jenfasizza l-aktar progressi sinifikanti u l-problemi mġarrba, filwaqt li d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjah, jipprovdi analiżi aktar profonda.
2.RAPPORT TA’ PROGRESS
2.1.Objettiv 1 — It-titjib tal-kwalità tad-data u tas-sistemi tal-arkivjar
Intlaħaq l-objettiv li jiġi stabbilit qafas legali komprensiv b’rekwiżiti għal “arkivjar multiplu” ta’ data għall-analiżi tar-riskju tas-sigurtà, li fih id-data tad-dikjarazzjoni fil-qosor tal-entrati tiġi pprovduta f’saffi u għat-titjib tal-kwalità tad-data, għalkemm l-implimentazzjoni sħiħa ta’ dan għad trid tinkiseb.
Il-qafas legali
Il-qafas legali jikkonsisti mill-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (KDU) u r-regoli dettaljati li hemm fl-atti delegati u ta’ implimentazzjoni. Il-Kodiċi daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2016. Fl-2020, l-atti ta’ implimentazzjoni u delegati tal-KDU ġew aġġornati aktar biex jintegraw ir-regoli dwar l-informazzjoni avvanzata u l-analiżi tar-riskji għas-sigurtà u s-sikurezza.
Evalwazzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni
Il-Kummissjoni dan l-aħħar nediet evalwazzjoni tal-KDU li għandha tiġi ffinalizzata sa tmiem l-2021. L-evalwazzjoni għandha l-għan li tistabbilixxi jekk il-leġiżlazzjoni u s-sistemi elettroniċi operattivi jkunux għadhom xierqa sa din id-data biex jiżguraw proċessi modernizzati u ssimplifikati biex jassistu lill-awtoritajiet doganali u lin-negozjanti konformi.
L-evalwazzjoni se tinforma lid-deċiżjonijiet futuri dwar jekk il-Kodiċi u l-atti ta’ implimentazzjoni u l-atti delegati tiegħu għandhomx jiġu riveduti. B’mod partikolari se tikkunsidra jekk il-KDU huwiex flessibbli biżżejjed biex jittratta l-ġestjoni tal-formalitajiet doganali matul kriżijiet bħall-pandemija attwali u fid-dawl ta’ mudelli kummerċjali ġodda bħall-kummerċ elettroniku.
L-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet xierqa tal-IT
L-implimentazzjoni sħiħa tal-KDU tiddependi fuq 17-il sistema elettronika.
Filwaqt li qed isir progress tanġibbli f’dan il-qasam u diġà ġew implimentati tmien sistemi li issa qed jitħaddmu, disgħa mis-sistemi għadhom qed jiġu żviluppati. Dan huwa konformi mal-ippjanar tal-programm ta’ ħidma tal-KDU. Għal aktar dettalji, ara l-kapitolu li jmiss.
2.2.Objettiv 2 — Il-garanzija tad-disponibbiltà tad-data fil-katina tal-provvista, il-kondiviżjoni tal-informazzjoni rilevanti għar-riskju u tar-riżultati tal-kontrolli
Il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri u n-negozji, kompliet tiżviluppa s-sistemi tal-IT li jappoġġaw l-implimentazzjoni sħiħa tal-Kodiċi. Mill-aħħar rapport ta’ progress, intlaħqu miri importanti fl-iżvilupp u l-iskjerament tas-sistemi tal-IT ppjanati kif ukoll dwar ir-regoli biex tiġi pprovduta jew skambjata l-informazzjoni. Is-sett sħiħ tas-sistemi tal-IT se jkompli jimmodernizza u jarmonizza l-proċessi tal-importazzjoni, tal-esportazzjoni u tat-tranżitu, u se jintroduċi kunċetti ġodda bħall-iżdoganar ċentralizzat.
Is-sistema l-ġdida ta’ Kontroll tal-Importazzjoni (ICS2)
Għal prodotti li jidħlu fl-UE, ir-riforma tas-sistema tal-informazzjoni antiċipata dwar il-merkanzija tal-UE (ICS) sejra tajjeb. Is-sistema għandha l-għan li tinforma lill-awtoritajiet doganali dwar il-wasla tal-merkanzija ferm qabel il-konsenja effettiva tagħhom. L-iżvilupp tal-ICS2 għadu għaddej u l-ewwel riżultat huwa mistenni fir-rebbiegħa tal-2021. Is-sistema sħiħa se titwettaq fi tliet verżjonijiet kif spjegat fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal mehmuż. Is-sistema hija mistennija li tkun kompletament operattiva f'Ottubru 2024 u se ttejjeb b’mod sinifikanti l-analiżi tar-riskji għas-sikurezza u s-sigurtà.
Proġetti u sistemi oħra
Is-sistema “Sorveljanza 3” (SURV3) tiġbor l-informazzjoni pprovduta fid-dikjarazzjonijiet doganali u taħżinha f’bażi ta’ data. SURV3 taġġorna s-sistema preċedenti (SURV2) u tallinjaha mar-rekwiżiti tal-KDU. Il-bażi ta’ data tirreġistra u tiċċentralizza d-data kummerċjali tal-UE (l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet) li l-awtoritajiet doganali nazzjonali jisiltu mis-sistemi tagħhom u jittrażmettu lill-Kummissjoni kuljum. L-użu tal-pjattaforma analitika tad-data beda bl-użu ta’ dashboard tal-Fluss Kummerċjali f'Marzu 2020. Se jiżdiedu aktar funzjonalitajiet fi żmien debitu biex il-Kummissjoni tkun tista’ tisfrutta aħjar id-data ta’ sorveljanza.
Il-Prestazzjoni tal-Unjoni Doganali (Customs Union Performance, CUP) tintuża bħala għodda ta’ ġestjoni/gwida għall-formulazzjoni tal-politika bbażata fuq l-evidenza u t-teħid ta’ deċiżjonijiet strateġiċi kif ukoll għall-evalwazzjoni tal-prestazzjoni u l-monitoraġġ tax-xejriet. Is-CUP gradwalment qed tiżviluppa indikaturi ewlenin ta’ prestazzjoni biex tevalwa kif l-Istati Membri qed iwettqu l-kontrolli doganali, biex tenfasizza l-impatt tad-Dwana fil-ġbir tad-dħul għall-baġit tal-UE, tiżgura s-sikurezza u s-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE, tipproteġi s-suq intern, u tenfasizza l-importanza tal-kontribut tal-amministrazzjonijiet Doganali għat-tkabbir, il-kompetittività u l-għanijiet tal-innovazzjoni f’konformità mal-aġenda Ewropa 2020.
L-ambjent komuni għall-qsim tal-informazzjoni (Common information-sharing environment, CISE) jippromwovi l-iskambju ta’ informazzjoni marittima rilevanti bejn l-awtoritajiet differenti involuti. Huwa għamel progress sinifikanti billi daħal fil-fażi tranżitorja tiegħu (2019 - 2021) ġestita u mmexxija mill-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri.
Il-Forum tat-Trasport u l-Loġistika Diġitali (Digital Transport and Logistics Forum, DTLF) immexxi mill-Kummissjoni jlaqqa’ flimkien l-esperti tat-trasport u l-loġistika u l-partijiet ikkonċernati kemm mis-settur privat kif ukoll mis-settur pubbliku, bl-għan li jinbnew viżjoni u pjan direzzjonali komuni għat-trasport u l-loġistika diġitali. F'April 2020, il-Kunsill adotta regoli ġodda, li se jagħmluha aktar faċli għall-kumpaniji tat-trasport tal-merkanzija biex jipprovdu informazzjoni lill-awtoritajiet f’forma diġitali. Iż-żieda fid-diġitalizzazzjoni tat-trasport tal-merkanzija u tal-loġistika se twassal biex in-negozji jiffrankaw spejjeż sinifikanti, u se tagħmel lis-settur tat-trasport aktar effiċjenti u sostenibbli.
Is-Sistema tal-Kontroll tal-Kummerċ u tal-Esperti veterinarji (Trade Control and Expert System, TRACES) hija l-għodda multilingwi tal-Kummissjoni online għall-ħtiġijiet kollha sanitarji u fitosanitarji f’dak li għandu x’jaqsam mal-kummerċ ġewwa l-UE u l-importazzjoni ta’ semen u embrijuni tal-annimali, ikel, għalf u pjanti. L-objettiv ewlieni tagħha huwa li tiddiġitalizza l-proċess kollu ta’ ċertifikazzjoni, f’konformità mal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa. Il-Kummissjoni bdiet proġett ġdid fil-forma tal-iżvilupp ta’ sistema tal-IT għas-sottomissjoni u l-ġestjoni elettronika taċ-ċertifikati tal-qbid skont ir-Regolament (KE) 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat. Din is-sistema l-ġdida se tassisti lill-awtoritajiet tal-Istati Membri fit-twettiq tal-kompiti tagħhom ta’ verifika u tal-ġestjoni tar-riskju fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ prodotti tas-sajd fl-UE.
L-inizjattiva Ambjent ta’ Tieqa Unika tal-UE għad-Dwana għandha l-għan li tiffaċilita l-verifika awtomatizzata tad-dokumenti ta’ sostenn ipprovduti mad-dikjarazzjoni doganali fl-iżdoganar tal-merkanzija. Din se tkun strument li jappoġġa l-koordinazzjoni tal-kontrolli bejn l-awtoritajiet doganali u l-awtoritajiet kompetenti sħab fil-fruntiera u li jipprovdi feedback lill-operaturi ekonomiċi dwar il-kontrolli. Il-Tieqa Unika tgħaqqad is-sistemi doganali nazzjonali u s-soluzzjonijiet ta’ liċenzjar elettroniku tal-UE bħat-TRACES jew is-sistema tal-esportazzjoni ta’ Oġġetti b’Użu Doppju.
2.3.Objettiv 3 — L-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ kontroll u ta’ mitigazzjoni tar-riskji fejn meħtieġ (“valutazzjoni bil-quddiem — kontroll fejn meħtieġ”)
It-tielet objettiv (“valutazzjoni bil-quddiem - kontroll fejn meħtieġ”) huwa ċentrali għall-istrateġija fis-sens li jenħtieġ li l-objettivi l-oħra kollha fl-aħħar mill-aħħar jikkontribwixxu biex l-awtoritajiet doganali jkunu jistgħu jimmiraw aħjar il-kontrolli tagħhom f’termini ta’ meta u fejn iseħħu. Sar progress kbir fir-rigward tal-Objettiv 3, b’mod partikolari fiż-Żona ta’ Kontroll Prijoritarju (Priority Control Area, PCA), ir-riskji finanzjarji u l-konformità u s-sikurezza tal-prodotti. Il-Kummissjoni qed tkompli tiżviluppa u tespandi wkoll l-użu tal-Verifiki tal-Kredibbiltà.
Iż-Żona ta’ Kontroll Prijoritarju (PCA)
Il-PCA hija mekkaniżmu ewlieni fil-Qafas ta’ Ġestjoni tar-Riskju Doganali (Customs Risk Management Framework, CRMF) li jippermetti lill-UE tagħżel oqsma speċifiċi li għandhom jiġu ttrattati bħala prijorità għall-kontrolli doganali. L-għodda tal-PCA diġà ilha tintuża mill-2007 biex tikkoordina l-azzjonijiet doganali tal-UE fil-biċċa l-kbira taż-żoni ewlenin ta’ riskju, biex b’hekk twassal riżultati operazzjonali u tipprovdi tagħlimiet strateġiċi. Matul il-kriżi, il-prijoritajiet iridu jinbidlu, u l-PCAs huma għalhekk sostitwiti b’azzjonijiet konġunti li jiffokaw fuq il-kriżi partikolari. Dan kien il-każ fir-rigward tal-COVID-19 fl-2020.
Il-Kriterji għar-Riskju Finanzjarju (Financial Risk Criteria, FRC)
L-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni fuq ir-riżorsi proprji tradizzjonali (RPT) kif ukoll il-ħidma preċedenti fuq l-azzjoni tal-UE biex jitnaqqas id-distakk doganali indikaw nuqqas ta’ armonizzazzjoni fit-twettiq tal-kontrolli doganali biex jittaffa r-riskju ta’ importazzjonijiet sottovalutati fl-Unjoni Doganali kollha.
F'Mejju 2018, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni ta’ implimentazzjoni importanti, li tistabbilixxi miżuri għall-applikazzjoni uniformi tal-kontrolli doganali billi tistabbilixxi standards komuni u kriterji għar-riskju finanzjarju (FRC).
L-FRC huma sett ta’ regoli li jippermettu li s-sistemi ta’ żdoganar tal-merkanzija tal-Istati Membri jidentifikaw (“jimmarkaw elettronikament”) b’mod sistematiku tranżazzjonijiet li jippreżentaw riskju finanzjarju potenzjali u li għalhekk jeħtieġu aktar skrutinju u/jew azzjoni ta’ kontroll. L-FRC jiġbru fihom il-maġġoranza tar-riskji finanzjarji magħrufa u jgħinu biex jikkontribwixxu għal approċċ aktar konsistenti għall-kontrolli doganali.
Id-deċiżjoni tal-FRC, disponibbli biss għall-esperti tal-ġestjoni tar-riskju doganali fl-Istati Membri, tippermetti lill-Istati Membri jindirizzaw ir-riskji finanzjarji b’mod ekwivalenti fil-fruntiera esterna, mingħajr ma jitqiegħed piż żejjed fuq il-kummerċ leġittimu. Id-deċiżjoni tidentifika wkoll l-iktar ħin u post tal-kontroll opportun skont l-ambitu u n-natura tar-riskju u d-disponibbiltà tad-data u tad-dokumentazzjoni.
Is-sikurezza u l-konformità tal-prodotti
Fl-2019, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw ir-Regolament 2019/1020 dwar is-sorveljanza tas-suq u l-konformità tal-prodotti mhux tal-ikel mal-leġiżlazzjoni tal-UE. Din il-leġiżlazzjoni l-ġdida ssaħħaħ il-qafas legali għall-kontrolli fuq l-oġġetti li jidħlu fl-UE. Dan għandu jissimplifika wkoll il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tad-dwana u tas-sorveljanza tas-suq biex isiru verifiki aktar effettivi fuq il-prodotti importati. Ir-Regolament il-ġdid se japplika bis-sħiħ mis-16 ta’ Lulju 2021. It-tħejjijiet għall-implimentazzjoni effiċjenti tiegħu jinsabu għaddejjin.
Il-verifiki tal-kredibbiltà
Il-verifiki tal-kredibbiltà (VK) ġew introdotti permezz tat-TARIC fis-sistemi nazzjonali tal-Istati Membri fl-2013 u qed jiġu żviluppati u estiżi kontinwament. Dawn huma verifiki awtomatizzati introdotti fl-istadju tal-iżdoganar tal-importazzjonijiet li jivvalutaw il-validità tal-valuri ddikjarati. Il-VK jiċċekkjaw il-kompatibbiltà tal-entrati fid-dikjarazzjoni doganali ma’ parametri speċifiċi u, fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità, jimblukkahom jew jimmarkawhom — u b’hekk tinħoloq twissija sabiex l-awtoritajiet Doganali jkunu jistgħu jivverifikaw id-dikjarazzjoni.
2.4.Objettiv 4 — It-tisħiħ tal-kapaċità biex tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva tal-Qafas Komuni ta’ Ġestjoni tar-Riskju u biex jiżdied ir-rispons għal riskji identifikati reċentement
It-titjib tal-implimentazzjoni tal-Qafas ta’ Ġestjoni tar-Riskju Doganali (CRMF)
L-amministrazzjonijiet doganali tal-Istati Membri pprijoritizzaw it-titjib tal-implimentazzjoni tas-CRMF, u ħadu għadd ta’ azzjonijiet f’dan il-qasam. Dan żied il-kooperazzjoni u l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni dwar ir-riskju bejn l-Istati Membri, inkluż permezz tas-Sistema ta’ Ġestjoni tar-Riskju Doganali (Customs Risk Management System, CRMS), u ġestjoni mtejba tar-riskju finanzjarju. Diversi Stati Membri rrapportaw ukoll titjib fl-analiżi tar-riskju, bis-saħħa tas-sistemi l-ġodda tal-IT jew li ġew imtejba u r-reklutaġġ jew it-taħriġ tal-persunal.
Madankollu, ħafna Stati Membri rrapportaw ukoll ostakli li żammewhom milli jimplimentaw l-azzjonijiet mixtieqa kollha jew milli jagħmlu aktar progress. L-akbar sfidi huma l-infrastruttura tal-IT insuffiċjenti, ir-restrizzjonijiet finanzjarji, u n-nuqqas ta’ riżorsi umani u d-disponibbiltà tad-data.
Is-Sistema ta’ Ġestjoni tar-Riskju Doganali (CRMS)
Is-CRMS hija bażi ta’ data komuni li fiha jintbagħtu u jinħażnu l-formoli u l-messaġġi. L-Istati Membri jistgħu jikkonsultawha biex jidentifikaw liema informazzjoni trid tiġi introdotta fis-sistema nazzjonali ta’ analiżi tar-riskju jew ikkomunikata b’mod reċiproku.
Mill-2005, is-CRMS ġiet aġġornata regolarment biex iżżid funzjonalitajiet ġodda u ttejjeb il-faċilità tal-użu tagħha. Fl-2016, ġiet deċiża reviżjoni sħiħa (“CRMS2”) abbażi tal-esperjenza miksuba flimkien mal-Istati Membri u mal-utenti tas-sistema. L-ewwel pass (l-analiżi tar-rekwiżiti tas-CRMS2) issa tlesta u l-fażi ta’ żvilupp tinsab għaddejja. Din se tkun segwita minn fażi ta’ ttestjar, qabel ma s-CRMS2 tkun prevista li tibda topera fir-raba’ trimestru tal-2021.
Fl-4 ta’ Frar 2020 infetħet twissija speċifika ta’ kriżi tal-COVID-19 fis-CRMS/il-ġestjoni tal-kriżijiet biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jikkondividu u jirċievu informazzjoni u gwida dwar il-prijoritizzazzjoni tar-riskji għall-kontrolli doganali marbuta mal-COVID-19. Minn dak iż-żmien, inħarġu aktar minn 400 Formola ta’ Informazzjoni dwar ir-Riskju (Risk Information Forms, RIFs) għal prodotti mediċi, tagħmir mediku u tagħmir protettiv personali perikoluż u mhux konformi.
Gruppi ta’ ħidma tematika
Ħafna gruppi ta’ ħidma fil-livell tal-UE, magħmula minn rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Istati Membri, qed jaħdmu b’mod attiv fuq kwistjonijiet ewlenin biex itejbu l-kontrolli doganali u l-kapaċitajiet tal-ġestjoni tar-riskju.
Kważi l-Istati Membri kollha jipparteċipaw f’kuntatt wieħed jew aktar jew fi gruppi ta’ esperti stabbiliti taħt il-programm “Dwana” biex tiżdied il-kooperazzjoni fuq il-post u l-koordinazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet doganali fil-fruntieri esterni tal-UE. Dawn il-gruppi jinkludu l-Grupp ta’ Kuntatt Ewropew għall-Fruntieri tal-Art (European Land Frontier Contact Group, LFCG) u diversi portijiet u gruppi ta’ kuntatt tal-ajruporti (RALFH, ODYSSUD u ICARUS). Diversi Stati Membri qed jieħdu sehem ukoll fit-Tim ta’ Esperti tal-Fruntieri tal-Art tal-Lvant u tax-Xlokk tad-Dwana (Customs Eastern and South-Eastern Land Border Expert Team, CELBET), li għandu l-għan li jsaħħaħ u jtejjeb il-kooperazzjoni operazzjonali f’din il-fruntiera tal-UE.
2.5.Objettiv 5 — Il-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-aġenziji u l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali u awtoritajiet oħrajn fil-livell tal-Istati Membri u tal-UE
Il-kooperazzjoni bejn l-aġenziji u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn id-dwana u awtoritajiet kompetenti oħra fil-livell tal-Istati Membri u tal-UE huma enfasizzati fl-istrateġija bħala mezz importanti biex tiġi żgurata ġestjoni tar-riskju aktar effettiva u tittejjeb is-sikurezza u s-sigurtà tal-katina tal-provvista.
It-titjib tal-kooperazzjoni u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni ma’ awtoritajiet oħra huwa prijorità għolja għall-biċċa l-kbira tal-Istati Membri. Filwaqt li sar aktar progress fl-istabbiliment ta’ ftehimiet bejn l-aġenziji u l-memoranda ta’ qbil, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri rrappurtaw li t-titjib fl-integrazzjoni tal-informazzjoni dwar ir-riskju jew fil-konsolidazzjoni tal-prattika tal-ġestjoni tar-riskju kien limitat minħabba restrizzjonijiet legali marbuta ma’ rekwiżiti mhux allinjati biżżejjed f’dak kollu li jirrigwarda l-privatezza tad-data u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, fost fatturi oħra. Id-diversi oqfsa legali involuti fil-kooperazzjoni bejn l-aġenziji jitqiesu li qed ixekklu l-koordinazzjoni u l-iffissar ta’ prijoritajiet komuni.
Id-dipartiment tal-Kummissjoni responsabbli għall-kwistjonijiet doganali huwa involut b’mod attiv fl-attivitajiet tal-Unjoni tas-Sigurtà, u l-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Kooperazzjoni Doganali qed jindirizza għadd ta’ oqsma ta’ prijorità rilevanti.
Sikurezza
Ir-Regolament (UE) 2017/625 dwar il-Kontrolli Uffiċjali daħal fis-seħħ f’Diċembru 2019 u jistabbilixxi approċċ integrat għall-kontrolli fuq l-importazzjoni ta’ oġġetti tal-ikel, tal-għalf u tal-bhejjem. Barra minn hekk, il-proposta tal-Kummissjoni għal Ambjent ta’ Tieqa Unika tal-UE għad-Dwana se tippermetti l-ipproċessar, il-kondiviżjoni u l-iskambju kollaborattivi ta’ informazzjoni u valutazzjoni tar-riskju aħjar għall-aġenziji tal-gvern.
Drittijiet tal-proprjetà intellettwali (DPI)
F'Novembru 2020, il-Kummissjoni adottat il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-PI
, li għandu l-għan, fost l-oħrajn, li jtejjeb l-infurzar tad-DPI, b’mod partikolari billi jsaħħaħ il-kapaċità tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, jappoġġa lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri fit-titjib tal-ġestjoni tar-riskju u l-azzjonijiet kontra l-frodi
, u jistabbilixxi Sett ta’ Għodod tal-UE kontra l-falsifikazzjoni. Is-Sett ta’ għodod għandu l-għan (i) li jiċċara r-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-atturi kollha involuti (id-detenturi tad-drittijiet, il-fornituri, diversi settijiet ta’ intermedjarji
u awtoritajiet pubbliċi tal-infurzar, inklużi l-awtoritajiet doganali), u (ii) li jidentifika modi biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejniethom, b’mod partikolari dwar il-kondiviżjoni ta’ data rilevanti marbuta mal-merkanzija u n-negozjanti.
It-titjib tal-kooperazzjoni mal-awtoritajiet għall-infurzar tal-liġi
Maġġoranza kbira tal-Istati Membri qed twettaq jew temmet attivitajiet partikolari maħsuba biex itejbu l-kooperazzjoni mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi. Dan jinkludi l-parteċipazzjoni fi proġetti u operazzjonijiet konġunti mal-Europol u l-aġenziji nazzjonali tal-infurzar tal-liġi, ftehimiet ta’ kooperazzjoni u kondiviżjoni ta’ informazzjoni, u kooperazzjoni fit-tħejjija għall-implimentazzjoni tal-ICS2.
Madankollu, xi Stati Membri esprimew xi diffikultajiet - bħal sfidi legali, riżorsi umani u finanzjarji insuffiċjenti u nuqqas ta’ għodod tal-IT - li żammewhom milli jimplimentaw l-azzjonijiet mixtieqa jew milli jagħmlu aktar progress f’kooperazzjoni ma’ awtoritajiet oħra fil-livell tal-Istati Membri u tal-UE.
L-aġenda Ewropea dwar is-sigurtà
Bħala gwardjani tal-fruntieri esterni tal-UE għall-fluss ta’ prodotti, l-awtoritajiet doganali tal-UE għandhom rwol kruċjali fil-protezzjoni tal-UE u taċ-ċittadini tagħha, kif ukoll tal-katini tal-provvista internazzjonali mill-attivitajiet kriminali u mill-attakki terroristiċi. Bl-implimentazzjoni tal-istrateġija u l-pjan ta’ azzjoni tal-UE għall-ġestjoni tar-riskju doganali, il-Kummissjoni tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-aġenda Ewropea dwar is-sigurtà. L-istrateġija l-ġdida tal-UE dwar l-Unjoni tas-Sigurtà 2020-2025 adottata fis-27 ta’ Lulju 2020 tirreferi għall-importanza ta’ fruntiera esterna sigura u r-rwol kruċjali tad-dwana fil-ġlieda kontra l-kriminalità transfruntiera u t-terroriżmu. Hija tirreferi wkoll għall-pjan ta’ azzjoni “Inpoġġu l-Unjoni Doganali fuq il-livell li jmiss” adottat fit-28 ta’ Settembru 2020, li ħabbar azzjonijiet biex tissaħħaħ il-ġestjoni tar-riskju u biex tittejjeb is-sigurtà interna, inkluż billi tiġi vvalutata l-fattibbiltà ta’ rabta bejn is-sistemi ta’ informazzjoni rilevanti għall-analiżi tar-riskju għas-sigurtà.
Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Kooperazzjoni Doganali (CCWP)
L-enfasi fuq il-ksur tad-DPI kompliet taħt id-disa’ (9) pjan ta’ azzjoni tas-CCWP (2018-2019) u l-attivitajiet f’dan il-qasam huma mistennija li jkomplu taħt il-pjan ta’ azzjoni li jmiss.
Bl-istess mod, ġew żviluppati azzjonijiet tas-CCWP għal reati ambjentali. L-10 pjan ta’ azzjoni għall-2020-2021 jinkludi azzjonijiet iffukati fuq il-moviment transfruntier ta’ skart perikoluż u skart ieħor, it-traffikar illegali ta’ sustanzi li jnaqqsu l-ożonu u fuq ir-restrizzjonijiet kummerċjali, sabiex tiġi promossa s-sostenibbiltà ambjentali.
L-awtoritajiet doganali ġew integrati wkoll fil-mekkaniżmu ta’ rappurtar tal-Valutazzjoni ta’ Theddid mill-Kriminalità Serja u Organizzata (SOCTA) permezz ta’ azzjoni ddedikata tas-CCWP dwar l-“Integrazzjoni aħjar tad-dwana fis-SOCTA tal-UE”. L-10 Pjan ta’ Azzjoni tas-CCWP jinkludi azzjoni ta’ segwitu speċifika f’dan il-qasam.
Fl-istess ħin, is-sinerġiji bejn iċ-ċiklu ta’ Politika tal-UE 2018-2021/EMPACT u l-10 Pjan ta’ Azzjoni tas-CCWP 2020-2021 qed ikomplu jissaħħu bil-ħsieb li jallinjaw u, fejn xieraq, jintegraw l-azzjonijiet tas-CCWP taħt iċ-Ċiklu ta’ Politika tal-UE.
2.6.Objettiv 6 — It-titjib tal-kooperazzjoni mal-kummerċ
Il-kooperazzjoni bejn id-dwana u l-kummerċ tjiebet, prinċipalment bis-saħħa tat-tisħiħ tal-kunċett tal-Operatur Ekonomiku Awtorizzat (Authorised Economic Operator, AEO). L-Istati Membri esprimew b’mod ġenerali li r-riżultati ta’ dan il-programm tal-UE — li jinkludu aċċess akbar għad-data u l-kwalità tagħha, iż-żieda fis-sensibilizzazzjoni tal-programm AEO u l-kooperazzjoni u l-komunikazzjoni msaħħa mal-kummerċ — wasslu għal attivitajiet ta’ kontroll aktar immirati u għall-faċilitazzjoni tal-kummerċ leġittimu. Għadd żgħir ta’ amministrazzjonijiet doganali ltaqa’ ma’ sfidi sinifikanti li żammewhom milli jimplimentaw l-azzjonijiet mixtieqa jew jagħmlu aktar progress fil-kooperazzjoni tagħhom mal-operaturi ekonomiċi. Il-ftit sfidi kienu jikkonċernaw b’mod ġenerali s-sistemi tal-IT, in-nuqqas ta’ kapaċità umana u għarfien espert, u l-leġiżlazzjoni — inkluż il-GDPR.
It-tisħiħ tal-Programm AEO tal-UE
Il-Kummissjoni u l-Istati Membri qablu dwar strateġija u metodoloġija globali biex tittejjeb l-implimentazzjoni robusta tal-programm, inkluż billi jissaħħu r-rabtiet mal-ġestjoni tar-riskju doganali. Hemm ukoll pjan biex jiżdied aktar il-fehim tal-programm permezz ta’ strateġiji ta’ sensibilizzazzjoni, li għandhom jiġu żviluppati b’mod konġunt man-negozjanti.
Dawn l-attivitajiet jinkludu b’mod partikolari żjarat ta’ ġbir ta’ informazzjoni mill-Kummissjoni lill-Istati Membri kollha biex jiġi vvalutat il-mod kif jiġi implimentat il-programm AEO u biex jiġu identifikati l-aħjar prattiki. Dawn iż-żjarat bdew f’Lulju 2019 iżda ġew sospiżi fl-2020 minħabba s-sitwazzjoni tal-COVID-19. L-ewwel sejbiet jinkludu għadd tal-aqwa prattiki, li se jkunu disponibbli għall-Istati Membri kollha.
Barra minn hekk, hemm għadd ta’ dgħufijiet, li ġew identifikati wkoll mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA), b’mod partikolari fir-rigward tal-kontrolli interni, il-monitoraġġ, il-kooperazzjoni bejn l-AEO u s-servizzi tal-ġestjoni tar-riskju, u s-sitwazzjoni speċifika ta’ kurriera express/servizzi postali. Dawn is-suġġetti se jkollhom jiġu indirizzati fost l-oħrajn, permezz ta’ emenda tal-Linji Gwida tal-AEO u — fejn meħtieġ — tad-dispożizzjonijiet legali.
Il-modulu eAEO tal-aċċess dirett għan-negozjanti
Il-modulu tal-AEO (e-AEO) tal-Portal tan-Negozjanti Doganali tal-UE, imfassal mill-Kummissjoni flimkien mal-Istati Membri, beda jopera fl-1 ta’ Ottubru 2019 (l-ewwel fażi tiegħu) u fis-16 ta’ Diċembru 2019 (it-tieni fażi tiegħu). Huwa jipprovdi punt uniku ta’ aċċess għas-sistemi tal-AEO u tal-BTI (informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi). Jiffaċilita u jħaffef l-iskambju ta’ informazzjoni, ta’ komunikazzjonijiet u ta’ notifiki relatati mal-applikazzjonijiet tal-AEO, l-awtorizzazzjonijiet u l-proċessi ta’ ġestjoni tagħhom kif stabbilit fil-KDU u fl-atti delegati u ta’ implimentazzjoni relatati. Il-modulu għandu l-għan li jarmonizza l-aċċess għas-sistemi doganali differenti tal-UE għall-operaturi ekonomiċi. Huwa previst fil-futur qrib li s-sistemi doganali l-oħra kollha tal-UE jikkollegaw ma’ dan il-portal.
2.7.Objettiv 7 — L-użu tal-potenzjal offrut mill-kooperazzjoni doganali internazzjonali
Il-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni relatata mad-dwana ma’ pajjiżi terzi għandhom rwol importanti fil-qasam tal-Unjoni Doganali u tal-politika kummerċjali komuni.
Il-Kummissjoni tirrappreżenta lill-UE fl-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (World Customs Organisation, WCO), filwaqt li tiżgura li l-prinċipji u r-regoli tal-UE jkunu inkorporati fl-istandards internazzjonali, b’mod partikolari f’oqsma ta’ importanza għall-ġestjoni tar-riskju doganali bħan-nomenklatura u l-klassifikazzjoni tal-oġġetti, il-kummerċ elettroniku, u s-sigurtà u s-sikurezza. Il-Kummissjoni bdiet tipparteċipa wkoll b’mod attiv fir-reviżjoni tal-Konvenzjoni ta’ Kyoto u l-Kompendju dwar it-teknika tal-Ġestjoni tar-Riskju.
Il-Proġett Pilota tar-Rotta Kummerċjali Intelliġenti u Sigura maċ-Ċina (China Smart and Secure Trade Lane Pilot, SSTL)
Matul il-perjodu reċenti, l-għadd ta’ operaturi, portijiet SSTL u rotot kummerċjali kompla jiżdied u l-programm pilota ġie estiż għal modi oħra ta’ trasport skont il-kundizzjonijiet attwali tal-iskambju tad-data. B’mod partikolari, l-għadd ta’ korsiji ferrovjarji bejn l-UE u ċ-Ċina kiber u diversi Stati Membri bdew ukoll korsiji tal-ajru. Żewġ pjattaformi tal-kummerċ elettroniku ngħaqdu wkoll mal-SSTL, u b’hekk iffaċilitaw l-indirizzar ta’ volumi kbar ta’ oġġetti.
Rikonoxximent Reċiproku tal-AEO
Il-Kummissjoni kompliet bl-implimentazzjoni tal-ftehimiet eżistenti ta’ rikonoxximent reċiproku maċ-Ċina, mal-Ġappun, mal-Istati Uniti, man-Norveġja u mal-Iżvizzera. Barra minn hekk, il-Kummissjoni impenjat ruħha f’negozjati mal-Kanada dwar ftehim ta’ rikonoxximent reċiproku, u ħadet passi preparatorji ma’ Singapore.
Ftehimiet bilaterali dwar is-sigurtà doganali
Il-Kummissjoni għamlet progress fin-negozjati ta’ emendi għall-ftehimiet bilaterali dwar is-sigurtà doganali mal-Iżvizzera u man-Norveġja biex tallinjahom mal-aħħar bidliet fil-liġi tal-UE. Il-Kummissjoni ħadmet ukoll b’mod intensiv mal-Iżvizzera u man-Norveġja fuq il-parteċipazzjoni tagħhom fis-sistema ICS2 u fuq il-proċessi legali u operazzjonali relatati kollha għall-operaturi ekonomiċi u l-partijiet kontraenti.
3.SISTEMA TA’ MONITORAĠĠ
Fil-Konklużjonijiet tiegħu ta’ Jannar 2009, il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, qafas ta’ prestazzjoni u ta’ monitoraġġ biex timmonitorja l-implimentazzjoni tal-istrateġija b’mod aktar sistematiku u qawwi fil-ġejjieni.
Filwaqt li l-istrateġija attwali tapplika mill-2014 sal-2020, dan il-qafas ta’ monitoraġġ jeħtieġ li jkopri s-suċċessur tiegħu. Għalkemm id-dettalji kollha ta’ din l-istrateġija futura qed jitħejjew bħalissa, x’aktarx li din l-istrateġija se tindirizza u ssegwi ħafna mill-kwistjonijiet identifikati fl-istrateġija attwali. Il-Kummissjoni żviluppat abbozz ta’ qafas ta’ monitoraġġ (ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja dan ir-rapport), iżda xi aspetti operattivi jistgħu jiġu definiti biss meta tiġi adottata l-istrateġija l-ġdida.
KONKLUŻJONIJIET
Dan ir-rapport u d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanjah jipprovdu stampa tal-istat ta’ implimentazzjoni tal-istrateġija u l-pjan ta’ azzjoni attwali tal-UE għall-ġestjoni tar-riskju doganali minn tmiem l-2020. Dawn juru li sar progress sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija u l-Pjan ta’ Azzjoni mill-pubblikazzjoni tar-rapport preċedenti, kemm mill-Istati Membri kif ukoll mill-Kummissjoni. L-Istati Membri użaw l-istrateġija biex itejbu l-ġestjoni tar-riskji doganali u jattribwixxu lilha l-ħafna kisbiet pożittivi. Dan jinkludi aktar sensibilizzazzjoni dwar il-ġestjoni tar-riskju fi ħdan l-amministrazzjonijiet nazzjonali u appoġġ konvint biex il-ġestjoni tar-riskju ssir prijorità akbar.
Minkejja dan il-progress, hemm bżonn li jissaħħu aktar il-proċeduri u l-obbligi taħt il-qafas attwali. Dan jinkludi: (i) użu aħjar mid-data eżistenti biex tkun tista’ ssir aktar analiżi tar-riskju u analiżi aħjar; (ii) proċeduri aktar effettivi biex jittrattaw l-ammont dejjem jikber ta’ oġġetti li jaslu permezz tal-kummerċ elettroniku; (iii) regoli aktar ċari; (iv) rispons ta’ kontroll aktar strett mill-Istati Membri meta r-riskji jkunu ġew identifikati fil-livell tal-UE u kkomunikati lill-Istati Membri; (v) kooperazzjoni aktar sistematika ma’ awtoritajiet oħra; u (vi) sistemi ta’ monitoraġġ aħjar għall-AEOs. Fl-istess ħin, l-awtoritajiet doganali jridu jipprovdu tweġibiet proattivi u innovattivi biex jindirizzaw sfidi ġodda li jipperikolaw l-approċċi tradizzjonali għall-ġestjoni tar-riskju u għall-kontrolli doganali.
L-analiżi tar-riskju tibqa’ element kruċjali tal-effiċjenza tal-kontrolli doganali billi tippermetti lill-awtoritajiet doganali jiffukaw fuq il-kontrolli f’sitwazzjoni li fiha l-volumi akbar u r-ritmu aktar intensiv tal-kummerċ jeħtieġu, aktar minn qatt qabel, l-adozzjoni ta’ approċċ selettiv u mmirat.