EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021BP0267

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2021 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni ppreżentata min-Netherlands – EGF/2020/004 NL/KLM (COM(2021)0226 – C9-0161/2021 – 2021/0115(BUD))

ĠU C 67, 8.2.2022, p. 173–176 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

8.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 67/173


P9_TA(2021)0267

Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: applikazzjoni EGF/2020/004 NL/KLM – Netherlands

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2021 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni ppreżentata min-Netherlands – EGF/2020/004 NL/KLM (COM(2021)0226 – C9-0161/2021 – 2021/0115(BUD))

(2022/C 67/25)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2021)0226 – C9-0161/2021),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 (1) (“ir-Regolament tal-FEG”),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta' Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2021-2027 (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 8 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta' riżorsi proprja ġodda (3), (“il-FII tas-16 ta' Diċembru 2020”), u b'mod partikolari l-punt 9 tiegħu,

wara li kkunsidra l-ittri tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0187/2021),

A.

billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tagħti appoġġ addizzjonali lil ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, u biex tgħin fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol; billi din l-għajnuna hija magħmula permezz ta' appoġġ finanzjarju mogħti lill-ħaddiema u lill-kumpaniji li ħadmu għalihom;

B.

billi n-Netherlands ippreżentaw l-applikazzjoni EGF/2020/004 NL/KLM għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG), wara 1 851 sensja (4) fil-kumpanija KLM Royal Dutch Airlines fir-reġjun ta' livell NUTS 2 Noord-Holland (NL32) fin-Netherlands, fi żmien perjodu ta' referenza għall-applikazzjoni mill-15 ta' Awwissu 2020 sal-15 ta' Diċembru 2020;

C.

billi l-applikazzjoni tirrigwarda 1 851 ħaddiem li ngħataw is-sensja fil-KLM Royal Dutch Airlines, li minnhom 650 sensja seħħew matul il-perjodu ta' referenza u 1 201 seħħew qabel jew wara l-perjodu ta' referenza u tista' tiġi stabbilita rabta kawżali ċara mal-avveniment li wassal għas-sensji matul il-perjodu ta' referenza;

D.

billi l-applikazzjoni hija bbażata fuq il-kriterji ta' intervent tal-Artikolu 4(1), punt (a) tar-Regolament tal-FEG, li jirrikjedi li jrid ikun hemm mill-inqas 500 ħaddiem li ngħataw is-sensja matul perjodu ta' referenza ta' erba' xhur f'intrapriża fi Stat Membru;

E.

billi l-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-kriżi tas-saħħa tal-COVID-19 iġġenerat kriżi ekonomika u insistiet għal pjan ta' rkupru Next Generation EU li jissottolinja r-rwol ewlieni tal-FEG fl-għajnuna tal-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja;

F.

billi l-pandemija tal-COVID-19 ikkawżat xokk enormi lill-industrija tal-avjazzjoni minħabba restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, li wasslu għal tnaqqis fit-traffiku tal-ajru internazzjonali bi 98,9 % f'April 2020 meta mqabbel ma' April 2019, filwaqt li 64 % tal-inġenji tal-ajru globali nħażnu;

G.

billi d-domanda internazzjonali tal-passiġġieri naqset b'75,6 % fl-2020 meta mqabbla mal-livelli tal-2019, u billi skont it-tbassir globali tal-passiġġieri mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasport bl-Ajru, l-industrija tal-avjazzjoni se tieħu bejn 3 u 4 snin biex tirkupra għal-livell tagħha ta' qabel il-kriżi;

H.

billi din hija waħda mill-ewwel mobilizzazzjonijiet tal-FEG marbuta mal-kriżi tal-COVID-19, wara l-adozzjoni mill-Parlament Ewropew tar-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF/2020/000 TA 2020 – Assistenza teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni) (5), li tiddikjara li l-FEG jista' jiġi mobilizzat biex jappoġġja lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja b'mod permanenti u lill-persuni li jaħdmu għal rashom fil-kuntest tal-kriżi globali kkawżata mill-COVID-19 mingħajr ma jiġi emendat ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013;

I.

billi qabel ma bdiet il-pandemija, il-prestazzjoni finanzjarja tal-KLM kienet qed tiżdied b'mod stabbli bejn l-2015 u l-2019, filwaqt li l-profitt nett tagħha żdied minn EUR 54 miljun fis-sena finanzjarja 2015 għal EUR 449 miljun fis-sena finanzjarja 2019;

J.

billi fl-2020 l-għadd ta' passiġġieri ttrasportati minn KLM naqas bi 68 % filwaqt li d-dħul ta' KLM naqas bi 53,8 % meta mqabbel mal-2019, u dan wassal biex KLM takkumula telf operattiv ta' EUR 1 154 miljun fl-2020 meta mqabbel mal-profitt ta' EUR 714-il miljun fl-2019 (6), u billi l-ġestjoni tagħha ħabbret pjan ta' ristrutturar li jnaqqas il-forza tax-xogħol b'madwar 5 000 ekwivalenti full-time (7);

K.

billi l-Kummissjoni ddikjarat li l-kriżi tas-saħħa rriżultat fi kriżi ekonomika, stabbiliet pjan ta' rkupru għall-ekonomija, u ssottolinjat ir-rwol tal-FEG bħala għodda ta' emerġenza (8);

1.

Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1), punt (a) tar-Regolament tal-FEG huma ssodisfati u li n-Netherlands għandhom id-dritt għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 5 019 218 skont dak ir-Regolament, somma li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 8 365 364, liema spiża tinkludi n-nefqa għal servizzi personalizzati ta' EUR 8 030 750 u n-nefqa għall-attivitajiet ta' tħejjija, ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità, kontroll u rapportar ta' EUR 334 614;

2.

Jinnota li l-awtoritajiet tan-Netherlands ressqu l-applikazzjoni fit-22 ta' Diċembru 2020 u wara li n-Netherlands taw informazzjoni addizzjonali, il-Kummissjoni ffinalizzat il-valutazzjoni tagħha fis-6 ta' Mejju 2021 u nnotifikatha lill-Parlament fl-istess ġurnata;

3.

Jiddispjaċih dwar il-proċess twil f'dawn iċ-ċirkostanzi diffiċli u jistieden lill-Kummissjoni tħaffef il-proċess ta' valutazzjoni, filwaqt li tiżgura li l-ħaddiema li ngħataw is-sensja jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-appoġġ tal-Unjoni fi żmien xieraq;

4.

Jinnota li l-applikazzjoni b'kollox hija relatata ma' 1 851 ħaddiem li ngħataw is-sensja fil-kumpanija KLM Royal Dutch Airlines; jieħu nota tal-fatt li n-Netherlands jipprevedu li 1 201 biss mill-benefiċjarji eliġibbli kollha se jipparteċipaw fil-miżuri (“benefiċjarji fil-mira”);

5.

Jinnota li n-Netherlands iddeċidew li ma joffrux appoġġ għall-introjtu lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja permezz tal-FEG; jieħu nota tal-fatt li l-gvern Netherlandiż kien vara għotja ġenerika ta' appoġġ għall-pagi għall-kumpaniji kollha li l-fatturat tagħhom ġie affettwat b'aktar minn 20 % bil-kriżi tal-COVID-19 u li l-Grupp KLM applika għall-għotja NOW (Noodmaatregel Overbrugging voorWerkgelegenheid); jieħu nota li l-Grupp KLM applika għall-perjodu kollu kopert mill-għotja NOW u diġà rċieva pagamenti bil-quddiem ta' EUR 683 miljun u għandu jirċievi EUR 488 miljun addizzjonali;

6.

Jinnota li huwa f'idejn l-Istat Membru biex jiddeċiedi kemm mill-ħaddiema eliġibbli għandhom ikunu fil-mira għall-benefiċċju tal-appoġġ; jistieden lin-Netherlands jiggarantixxu l-inklużjoni tal-persuni l-aktar vulnerabbli li x'aktarx jiffaċċjaw l-aktar diffikultajiet fis-suq tax-xogħol, mingħajr ebda forma ta' diskriminazzjoni; jisħaq fuq il-benefiċċju li l-ħaddiema kollha li ngħataw is-sensja, li għalihom din tirrappreżenta l-aħjar għażla tagħhom, jitħallew jiġu integrati u appoġġjati mill-miżuri inklużi f’dan il-proġett tal-FEG;

7.

Jissottolinja li l-impatt soċjali tas-sensji huwa mistenni li jkun konsiderevoli peress li KLM hija t-tieni l-akbar impjegatur privat tan-Netherlands b'aktar minn 33 000 impjegat (9) fl-2019; ifakkar li dawn is-sensji saru f'kuntest ta' rati tal-qgħad li qed jiżdiedu f'Noord-Holland, b'żieda ta' 1,5 punt perċentwali biex laħqu 4,8 % fir-raba' trimestru tal-2020 meta mqabbla mal-istess trimestru tal-2019;

8.

Jinnota li n-Netherlands bdew joffru servizzi personalizzati lill-benefiċjarji fil-mira fl-1 ta' Frar 2021, u għaldaqstant il-perjodu ta' eleġibbiltà għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se jkun mill-1 ta' Frar 2021 sal-1 ta' Frar 2023;

9.

Ifakkar li s-servizzi personalizzati li għandhom jiġu pprovduti lill-ħaddiema jikkonsistu mill-azzjonijiet li ġejjin: orjentazzjoni professjonali, appoġġ biex jinstab xogħol f'setturi ddedikati, taħriġ, coaching u/jew edukazzjoni u pariri finanzjarji; jilqa' l-enfasi tal-awtoritajiet fuq it-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema biex jiffaċilitaw ir-riorjentazzjoni tagħhom lejn setturi b'nuqqas ta' ħaddiema, bħall-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, il-loġistika, it-teknoloġiji u l-ġestjoni tal-informazzjoni;

10.

Jinnota li n-Netherlands bdew iġarrbu n-nefqa amministrattiva biex jimplimentaw il-FEG fl-1 ta' Frar 2021 u li għaldaqstant, in-nefqa fuq attivitajiet ta' tħejjija, ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità, kontroll u rapportar se tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mill-1 ta' Frar 2021 sal-1 ta' Awwissu 2023;

11.

Jilqa' l-fatt li l-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati tfassal min-Netherlands f'konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati u s-sħab soċjali, inklużi tmien trade unions, u, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kunsilli tax-Xogħol rilevanti, u li ġie stabbilit grupp ta' appoġġ biex jiżgura li dawn is-servizzi jiġu kkoordinati;

12.

Jisħaq li l-awtoritajiet tan-Netherlands ikkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli mhux se jirċievu għajnuna minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni (10);

13.

Jappella għal tnaqqis kontinwu tal-piż amministrattiv matul il-proċess;

14.

Jitlob li jsiru aktar sforzi ta' komunikazzjoni fir-rigward tal-miżuri appoġġjati mill-baġit tal-Unjoni permezz tal-FEG; jissottolinja l-importanza li tinxtered informazzjoni dwar il-valur miżjud tal-Unjoni u l-appoġġ għal setturi u ħaddiema vulnerabbli, speċjalment wara l-konsegwenzi tal-COVID-19;

15.

Itenni li l-għajnuna mill-FEG ma tridx tieħu post azzjonijiet li huma r-responsabbiltà ta' kumpaniji, skont il-liġi nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi;

16.

Jinnota li, skont il-Kummissjoni, ir-rekwiżiti proċedurali kollha ġew issodisfati;

17.

Jappoġġja bil-qawwa l-fatt li fl-2021-2027 il-FEG se jkompli juri solidarjetà filwaqt li jċaqlaq l-attenzjoni mill-kawża tar-ristrutturar għall-impatt tiegħu; jilqa' l-fatt li skont ir-regoli l-ġodda d-dekarbonizzazzjoni se tkun ukoll raġuni biex l-applikaturi jkunu eliġibbli għall-appoġġ.

18.

Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

19.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

20.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

(2)  ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 11.

(3)  ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 28.

(4)  Skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-FEG.

(5)  Testi adottati, P9_TA(2020)0141.

(6)  https://www.airfranceklm.com/sites/default/files/q4_2020_press_release_en_final.pdf

(7)  KLM newsroom: https://news.klm.com/klm-adapts-organisation-further-due-to-covid-19-crisis/

(8)  COM(2020)0442.

(9)  Ir-rapport annwali ta' KLM għall-2019: https://www.klm.com/travel/nl_nl/images/KLM-Jaarverslag-2019_tcm541-1063986.pdf

(10)  Fit-13 ta' Lulju 2020, il-Kummissjoni Ewropea approvat, skont ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat, miżura ta' għajnuna mill-Istat Netherlandiż ta' EUR 3,4 biljun li tikkonsisti f'garanzija mill-Istat fuq self u self subordinat mill-Istat lil KLM biex tipprovdi likwidità urġenti lill-kumpanija fil-kuntest tat-tifqigħa tal-coronavirus. https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/ip_20_1333


ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni min-Netherlands – EGF/2020/004 NL/KLM

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE) 2021/1022.)


Top