Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021AT40608(02)

    Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Ottubru 2020 dwar proċedura skont l-Artikolu 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 54 tal-Ftehim taż-ŻEE (IL-KAŻ AT.40608 — Broadcom) (notifikat bid-dokument C(2020) 6765) (It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) 2021/C 81/09

    C/2020/6765

    ĠU C 81, 10.3.2021, p. 9–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    10.3.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 81/9


    Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

    tas-7 ta’ Ottubru 2020

    dwar proċedura skont l-Artikolu 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 54 tal-Ftehim taż-ŻEE

    (IL-KAŻ AT.40608 — Broadcom)

    (notifikat bid-dokument C(2020) 6765)

    (It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    (2021/C 81/09)

    Fis-7 ta’ Ottubru 2020, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni dwar proċediment skont l-Artikolu 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 54 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE. F’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (1) , il-Kummissjoni qiegħda hawnhekk tippubblika l-ismijiet tal-partijiet u l-kontenut prinċipali tad-deċiżjoni, inklużi kull penali imposti, fid-dawl tal-interess leġittimu tal-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom.

    1.   INTRODUZZJONI

    (1)

    Id-Deċiżjoni tagħmel vinkolanti r-rabitet offruti minn Broadcom Inc. (“Broadcom”) biex jiġi indirizzat it-tħassib tal-Kummissjoni kif espress fil-valutazzjoni preliminari tagħha, skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (“ir-Regolament (KE) Nru 1/2003”).

    2.   PROĊEDURA

    (2)

    Fis-26 ta’ Ġunju 2019, il-Kummissjoni fetħet proċedimenti bl-għan li tadotta deċiżjoni skont il-Kapitolu III tar-Regolament (KE) Nru 1/2003. Fl-istess jum, il-Kummissjoni adottat Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet (“DO”) indirizzata lil Broadcom li tfisser il-konklużjonijiet preliminari tal-Kummissjoni fir-rigward tal-ħtieġa li jiġu imposti miżuri interim, skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, fir-rigward ta’ aspetti speċifiċi tal-imġiba ta’ Broadcom li kienet soġġetta għall-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

    (3)

    Fis-16 ta’ Ottubru 2019, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (“Deċiżjoni dwar miżuri interim”), li stipulat il-konklużjonijiet tagħha fir-rigward tal-eżistenza ta’ ksur prima facie tar-regoli tal-kompetizzjoni u l-ħtieġa li jiġu imposti miżuri interim minħabba r-riskju ta’ dannu serju u irreparabbli għall-kompetizzjoni kkawżat mill-imġiba ta’ Broadcom. Id-Deċiżjoni dwar miżuri interim ordnat lil Broadcom biex unilateralment b’effett immedjat ma tibqax tapplika ċerti dispożizzjonijiet li jwasslu għall-esklużjoni u li jinsabu fi ftehimiet ma’ sitta mill-klijenti tagħha.

    (4)

    Fl-1 ta’ April 2020, Broadcom issottomettiet rabtiet inizjali (“ir-Rabtiet Inizjali”) lill-Kummissjoni bi tweġiba għat-tħassib li tfisser fid-DO u fid-Deċiżjoni dwar miżuri interim. Fit-30 ta’ April 2020, il-Kummissjoni ppubblikat avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (“it-Test tas-Suq”), li jagħti sommarju tal-każ u tar-Rabtiet Inizjali u li jistieden lill-partijiet terzi interessati jagħmlu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar ir-Rabtiet Inizjali.

    (5)

    Fid-29 ta’ Ġunju 2020, il-Kummissjoni infurmat lil Broadcom bl-osservazzjonijiet li waslu minn partijiet terzi interessati wara l-pubblikazzjoni tan-notifika. Fil-31 ta’ Lulju 2020, Broadcom ippreżentat proposta emendata għar-rabtiet (“ir-Rabtiet Finali”).

    (6)

    Fil-21 ta’ Settembru 2020, il-Kumitat Konsultattiv fil-qasam tal-Prattiki Restrittivi u Pożizzjonijiet Dominanti ġie kkonsultat u ħareġ b’opinjoni favorevoli. Fl-istess ġurnata, l-Uffiċjal tas-Seduta ħareġ ir-rapport finali tiegħu.

    3.   EVALWAZZJONI PRELIMINARI

    3.1.   Prodotti u swieq inkwistjoni

    (7)

    Id-Deċiżjoni tikkonċerna ċerti tipi ta’ ċirkwiti integrati (“ICs”) inkorporati f’tagħmir tal-aċċess għan-netwerk li jiġi installat fil-binjiet tal-klijent (l-hekk imsejjaħ customer premises equipment (“CPE”). B’mod aktar speċifiku, il-prodotti kkonċernati huma: (i) Systems-on-a-chip (“SoCs”), (ii) Front-end-chips (“FE chips”) u (iii) chipsets tal-WiFi biex jiġu integrati f’kaxxi set-top (set-top boxes - “STBs”) kif ukoll gateways reżidenzjali .

    (8)

    Fil-valutazzjoni preliminari tagħha, il-Kummissjoni kkonkludiet li, prima facie, jeżistu swieq mondjali separati għal: (i) SoCs għall-STBs; (ii) SoCs għal gateways reżidenzjali bil-fibra; (iii) SoCs għal gateways reżidenzjali tal-xDSL; u (iv) SoCs għal gateways residenzjali tal-cable.

    3.2.   Dominanza

    (9)

    Fil-valutazzjoni preliminari tagħha, il-Kummissjoni kkonkludiet li, prima facie, Broadcom għandha pożizzjoni dominanti fis-swieq mondjali għall-prodotti li ġejjin: (i) SoCs għall-STBs; (iii) SoCs għal gateways reżidenzjali tal-xDSL; u (iii) SoCs għal gateways reżidenzjali bil-fibra.

    3.3.   Prattiki li jqajmu tħassib

    (10)

    Fil-valutazzjoni preliminari tagħha, il-Kummissjoni kienet tal-fehma li, prima facie, l-imġiba ta’ Broadcom kienet bi ksur tal-Artikolu 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“it-Trattat”) u l-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE billi daħlet fi ftehimiet li fihom kundizzjonijiet kuntrattwali li jwasslu għall-esklużjoni ma’ sitt manifatturi kbar tat-tagħmir oriġinali (original equipment manufaturers - “OEMs”), li jakkwistaw SoCs u prodotti oħra mill-Broadcom biex jiġu integrati fl-STBs u/jew f’gateways reżidenzjali. Dawn id-dispożizzjonijiet li jwasslu għall-esklużjoni jistgħu jinġabru f’żewġ tipi differenti ta’ restrizzjonijiet potenzjali għall-kompetizzjoni: (i) arranġamenti ta’ esklużività u ta’ kważi esklussività u (ii) restrizzjonijiet fuq it-trasferiment tas-saħħa fis-suq.

    (11)

    Fir-rigward tal-ewwel tip ta’ restrizzjoni, il-Kummissjoni kienet tal-fehma preliminari li, prima facie, Broadcom daħlet fi ftehimiet li jinkludu obbligi jew wegħdiet mingħand l-OEMs li jinkisbu prodotti, esklużivament jew kważi esklussivament minn Broadcom, f’liema prodotti Broadcom tkun prima facie dominanti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni prima facie qieset li Broadcom daħlet fi ftehimiet li jinkludu dispożizzjonijiet li, biex il-klijent igawdi minn ċerti vantaġġi, tiġi imposta fuqu l-kundizzjoni li huwa jikseb, esklussivament jew kważi esklussivament mingħand Broadcom, prodotti li fihom Broadcom tkun prima facie dominanti.

    (12)

    Fir-rigward tat-tieni tip ta’ restrizzjoni, il-valutazzjoni preliminari tal-Kummissjoni kkonkludiet li, prima facie, Broadcom daħlet fi ftehimiet li fihom dispożizzjonijiet li jistgħu jittrasferixxu s-saħħa fis-suq ta’ Broadcom minn xi suq tal-prodotti wieħed, jew aktar, lejn suq tal-prodotti, wieħed jew aktar, li jkun/u qrib iżda separat(i).

    (13)

    Fil-valutazzjoni preliminari tagħha, il-Kummissjoni kienet tal-fehma li, prima facie, id-dispożizzjonijiet li jwasslu għall-esklussività ta’ Broadcom huma kapaċi jaffettwaw il-kompetizzjoni, u li Broadcom ma pprovdietx biżżejjed evidenza li l-imġiba tagħha hija kontrobilanċjata jew megħluba minn vantaġġi fejn jidħlu effiċjenzi li jkunu ta’ benefiċċju wkoll għall-konsumatur: Barra minn hekk, il-Kummissjoni kienet tal-fehma li l-aġir ta’ Broadcom jista’, prima facie, jaffettwa l-andament tal-kummerċ tal-merkanzija bejn l-Istati Membri.

    4.   RABTIET

    4.1.   Rabtiet inizjali

    (14)

    Filwaqt li Broadcom ma taqbilx mal-valutazzjoni preliminari tal-Kummissjoni, xorta waħda offriet ir-Rabtiet Inizjali li ġejjin skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 sabiex tilqa’ għat-tħassib tal-Kummissjoni dwar il-kompetizzjoni.

    (15)

    Fuq livell mondjali (minbarra ċ-Ċina), Broadcom offriet, għal perjodu ta’ ħames snin, li:

    a)

    Ma titlobx mingħand xi OEM, jew ma tħajjrux, permezz ta’ ċertu tip ta’ vantaġġi, li jikseb mingħand Broadcom aktar minn 50 % tal-ħtiġijiet tiegħu fejn jidħlu SoCs għall-STB, għal gateways reżidenzjali tal-xDSL u għal gateways reżidenzjali bil-fibra; kif ukoll

    b)

    Ma timponix il-kundizzjoni fuq xi OEM li, biex jiġi fornit b’SoCs għal STBs tat-televiżjoni, għal gateways reżidenzjali tal-xDSL u għal gateways reżidenzjali bil-fibra, jew biex jikseb xi vantaġġi dwarhom, ikun irid jakkwista mingħand Broadcom aktar minn 50% tal-ħtiġijiet tiegħu ta’ xi wieħed ieħor minn dawn il-prodotti, jew ta’ xi prodotti oħra li kienu fi ħdan l-ambitu tal-miżuri interim fid-DO jew fid-Deċiżjoni (jiġifieri SoCs għal gateways reżidenzjali bil-cable, FE chips għall-DTBs u għal gateways reżidenzjali u/jew chipsets tal-WiFi għal STBs u għal gateways reżidenzjali).

    (16)

    Fil-livell taż-ŻEE, Broadcom offriet, għal perjodu ta’ ħames snin, li:

    a)

    Ma titlobx jew ma tħajjarx, permezz ta’ ċertu tip ta’ vantaġġi lil xi OEM biex jikseb mingħand Broadcom aktar minn 50 % tal-ħtiġijiet tiegħu fiż-ŻEE fejn jidħlu SoCs għall-STBs, għal gateways reżidenzjali tal-xDSL u għal gateways reżidenzjali bil-fibra; kif ukoll

    b)

    Ma timponix il-kundizzjoni fuq xi OEM li, biex jiġi fornit b’SoCs għal STBs tat-televiżjoni, għal gateways reżidenzjakli tal-xDSL u għal gateways reżidenzjali bil-fibra, jew biex jikseb xi vantaġġi dwarhom, ikun irid jakkwista mingħand Broadcom xi prodott ieħoe minn dawn, jew kwalunkwe prodotti ieħor li jaqa’ fl-ambitu tal-miżuri interim fid-DO jew fid-Deċiżjoni.

    (17)

    Ir-Rabtiet Inizjali kienu jinkludu dispożizzjonijiet addizzjonali fir-rigward tal-obbligi u l-inċentivi biex jiġi offrut tagħmir ibbażat fuq prodotti Broadcom kif ukoll ċerti impenji fir-rigward tal-fornituri tas-servizzi fiż-ŻEE. Barra minn hekk, huma pprojbew li Broadcom tevita jew tipprova tevadi r-rabtiet b’xi mod.

    4.2.   Rabtiet riveduti fid-dawl tat-Test tas-Suq

    (18)

    Bi tweġiba għall-osservazzjonijiet li waslu minn partijiet terzi interessati matul it-Test tas-Suq, Broadcom immodifikat ir-Rabtiet Inizjali u ppreżentat ir-Rabtiet Finali fit-31 ta’ Lulju 2020. Ir-Rabtiet Finali mmodifikaw ir-Rabtiet Inizjali f’għadd ta’ aspetti, b’mod partikolari:

    a)

    Il-limitu ta’ 50 % fir-Rabtiet Inizjali jitneħħa fiż-ŻEE fir-rigward ta’ OEMs u ta’ fornituri tas-servizzi;

    b)

    Il-perjodu li matulhom jinżammu r-rabtiet jiġi estiż għal seba’ snin;

    c)

    L-obbligi ta’ rappurtar imposti fuq Broadcom qegħdin jissaħħu;

    d)

    Il-klawżola ta’ nonċirkomvenzjoni hija kkumplimentata minn impenn separat dwar l-interoperabbiltà.

    5.   KONKLUŻJONI

    (19)

    Ir-Rabtiet Finali jirrispondu b’mod adegwat għat-tħassib espress fil-valutazzjoni preliminari tal-Kummissjoni u għat-tħassib imqajjem minn dawk li wieġbu għat-Test tas-Suq. B’mod partikolari, huma jiżguraw li Broadcom tissospendi kwalunkwe ftehim li, skont il-valutazzjoni preliminari tal-Kummissjoni, jista’ jkollu effett li jwassal għall-esklussività u għalhekk jista’ jkun bi ksur tal-Artikolu 102 tat-Trattat u l-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE, u toqgħod lura milli tidħol fi ftehimiet ekwivalenti għal perjodu ta’ seba’ snin. Fir-rigward taż-ŻEE, ir-Rabtiet Finali ma jippermettux lil Broadcom li timponi xi kundizzjoni fuq il-provvista ta’ prodotti rilevanti jew li tagħti xi vantaġġi mhux ta’ prezz jew vantaġġi retroattivi fuq il-prezz relatati mal-prodotti rilevanti fuq xi OEM, fis-sens li jkun irid jikseb xi perċentwal minimu tar-rekwiżitiżi tiegħu għal dak il-prodott rilevanti, xi prodott rilevanti ieħor jew xi prodott ieħor minn Broadcom, b’limitazzjonijiet ekwivalenti li japplikaw għar-relazzjonijiet ta’ Broadcom mal-fornituri tas-servizzi taż-ŻEE.

    (20)

    Broadcom ma offrietx rabtiet anqas onerużi li jindirizzaw ukoll it-tħassib tal-Kummissjoni b’mod adegwat. Ir-Rabtiet Finali għaldaqstant jikkonformaw mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    (1)  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 411/2004 (ĠU L 68, 6.3.2004, p. 1).


    Top