Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021AG0013(02)

    Dikjarazzjoni tar-raġunijiet tal-Kunsill: Pożizzjoni (UE) Nru 13/2021 tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Programm dwar il-Ġustizzja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1382/2013

    ĠU C 167, 4.5.2021, p. 17–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    4.5.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 167/17


    Dikjarazzjoni tar-raġunijiet tal-Kunsill: Pożizzjoni (UE) Nru 13/2021 tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Programm dwar il-Ġustizzja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1382/2013

    (2021/C 167/02)

    I.   INTRODUZZJONI

    1.

    Fit-30 ta' Mejju 2018 il-Kummissjoni adottat il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Programm dwar il-Ġustizzja (1) (minn hawn 'il quddiem: ir-Regolament).

    2.

    Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta l-opinjoni tiegħu fit-18 ta’ Ottubru 2018.

    3.

    L-eżami tal-proposta beda f'Lulju u tlesta f'Diċembru 2018. Fid-19 ta' Diċembru 2018, il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti ta mandat parzjali ta' negozjati (2). Peress li r-Regolament huwa wieħed mill-pakkett ta' proposti marbuta mal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (minn hawn 'il quddiem: il-QFP), id-dispożizzjonijiet kollha b'implikazzjonijiet baġitarji jew ta' natura orizzontali twarrbu, sakemm isir aktar progress fil-QFP.

    4.

    Il-Parlament Ewropew adotta l-pożizzjoni tiegħu fis-6 ta' Frar 2019. Ġew organizzati żewġ trilogi, fl-20 ta’ Frar u fil-5 ta’ Marzu 2019. Fil-Kunsill, ġew organizzati żewġ laqgħat tal-Grupp ta' Ħidma Ad Hoc dwar l-Istrumenti Finanzjarji tal-ĠAI biex jinfurmaw lill-Istati Membri dwar il-progress tan-negozjati u jirċievu r-rispons tagħhom, li saru fit-28 ta' Frar u fl-4 ta' Marzu 2019.

    5.

    Dawn in-negozjati ppermettew li jintlaħaq fehim komuni mal-Parlament Ewropew dwar il-partijiet mhux fil-parentesi tal-proposta, li għalihom il-Presidenza ngħatat mandat. L-eżitu ta' dawk in-negozjati jinsab fid-dokument 7248/1/19. Fit-13 ta' Marzu 2019, il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti kkonferma l-fehim komuni li ntlaħaq mal-Parlament Ewropew.

    6.

    Il-Parlament Ewropew ikkonferma l-fehim komuni fis-17 ta' April 2019, permezz tal-adozzjoni tar-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu (l-ewwel qari).

    7.

    Fis-16 ta' Novembru 2020, il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti eżamina l-ftehim politiku proviżorju milħuq min-negozjaturi dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027. Dan ippermetta lill-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti jadotta l-mandat sħiħ għan-negozjati tal-Programm dwar il-Ġustizzja, fit-2 ta’ Diċembru 2020 (3).

    8.

    Saru żewġ trilogi fil-11 u fit-18 ta' Diċembru 2020. Dawn kienu akkumpanjati minn diversi laqgħat tekniċi u sessjonijiet ta’ abbozzar.

    9.

    Fit-18 ta' Diċembru 2020, intlaħaq qbil politiku proviżorju mal-Parlament Ewropew.

    10.

    Sadanittant, fis-17 ta' Diċembru 2020, id-diversi elementi tal-pakkett tal-QFP ġew adottati formalment mill-Kunsill.

    11.

    Fit-3 ta' Frar 2021, il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti analizza t-test ta' kompromess finali u esprima l-appoġġ tiegħu għalih.

    12.

    Fil-5 ta' Frar 2021, il-Presidenti tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tal-Parlament Ewropew bagħtu ittra lill-President tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Parti 2) (minn hawn 'il quddiem il-"Coreper"), li tikkonferma l-qbil tal-Parlament Ewropew dwar l-eżitu tan-negozjati interistituzzjonali (soġġett għal verifika legali-lingwistika miż-żewġ istituzzjonijiet).

    13.

    Fis-17 ta' Frar 2021, il-Coreper laħaq qbil politiku dwar it-test ta' kompromess.

    II.   OBJETTIV

    14.

    Il-proposta għal Regolament li jistabbilixxi l-Programm dwar il-Ġustizzja għandha l-għan li tappoġġa l-iżvilupp ulterjuri ta’ spazju Ewropew ta’ ġustizzja bbażat fuq il-valuri tal-Unjoni, l-istat tad-dritt u r-rikonoxximent u l-fiduċja reċiproċi, b’mod partikolari billi tiffaċilita l-aċċess għall-ġustizzja, u tippromwovi l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kriminali, kif ukoll l-effettività tas-sistemi ġudizzjarji nazzjonali. Flimkien mal-programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri, il-programm il-ġdid ser jifforma parti minn Fond ġdid għall-Ġustizzja, id-Drittijiet u l-Valuri, b’mod li jgħin biex jiġu sostnuti soċjetajiet miftuħa, demokratiċi, pluralisti u inklużivi. Dan ser jgħin ukoll sabiex jagħti s-setgħa liċ-ċittadini billi jipproteġi u jippromwovi d-drittijiet u l-valuri u billi jkompli jiżviluppa spazju ta' ġustizzja tal-UE.

    III.   ANALIŻI TAL-POŻIZZJONI TAL-KUNSILL FL-EWWEL QARI

    Fehim Komuni

    15.

    Fil-biċċa l-kbira tiegħu, il-fehim komuni rrifletta l-proposta oriġinali tal-Kummissjoni u kien konformi mal-mandat parzjali tal-Kunsill.

    16.

    Sar dan it-titjib segwenti:

    a)

    l-inklużjoni ta’ professjonisti legali li jaħdmu mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ) bħala benefiċjarji potenzjali;

    b)

    rwol akbar għall-OSĊ;

    c)

    it-tisħiħ tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri (partikolarment biż-żieda ta’ Artikolu speċifiku ġdid dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri) u n-nondiskriminazzjoni;

    d)

    speċifikazzjoni ulterjuri tal-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati taħt il-Programm dwar il-Ġustizzja.

    Karatteristiċi ewlenin tal-kompromess finali

    17.

    It-test finali, kif maqbul miż-żewġ koleġiżlaturi, jirrappreżenta kompromess bilanċjat. Fin-negozjati mnedija fl-2020, tliet suġġetti kienu s-suġġett ta’ diskussjonijiet speċjali:

    a)

    f’termini ta’ governanza tal-programm, l-użu ta’ atti ta’ implimentazzjoni għall-adozzjoni tal-programm ta’ ħidma, f’konformità mal-proposta oriġinali u l-mandat tal-Kunsill, ġie kkonfermat;

    b)

    it-tisħiħ tal-klawżoli dwar l-istat tad-dritt;

    c)

    fir-rigward tal-allokazzjoni ta' fondi, ġiet introdotta preallokazzjoni limitata fir-Regolament, fir-rigward tal-finanzjament li għandu jiġi allokat għall-objettivi tar-Regolament. Ġie pprovdut ukoll marġni ta’ flessibbiltà, biex jappoġġa kull wieħed mill-objettivi definiti mir-Regolament, biex jappoġġa, bħala prijorità, azzjonijiet immirati lejn il-promozzjoni tal-istat tad-dritt. Din il-preallokazzjoni limitata, anke jekk mhux prevista fil-proposta oriġinali tal-Kummissjoni, tkompli fuq allokazzjoni simili ta’ fondi prevista fir-Regolament li jistabbilixxi l-Programm dwar il-Ġustizzja 2014-2020.

    IV.   KONKLUŻJONI

    18.

    Il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tirrifletti l-kompromess li ntlaħaq fin-negozjati bejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew. Dan ġie kkonfermat mill-ittra msemmija hawn fuq mill-President tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tal-Parlament Ewropew u sussegwentement approvat mill-Coreper fis-17 ta' Frar 2021.

    (1)  Dokument 9598/18

    (2)  Dokument 15377/18

    (3)  Dokument 13420/20


    Top