EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021AE4727

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-proposta għal Regolament tal-Kunsill li jissospendi temporanjament d-dazji awtonomi tat-Tariffa Doganali Komuni fuq importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti industrijali fil-Gżejjer Kanarji (COM(2021) 392 final — 2021/0209 (CNS))

EESC 2021/04727

ĠU C 105, 4.3.2022, p. 105–107 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

4.3.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 105/105


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-proposta għal Regolament tal-Kunsill li jissospendi temporanjament d-dazji awtonomi tat-Tariffa Doganali Komuni fuq importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti industrijali fil-Gżejjer Kanarji

(COM(2021) 392 final — 2021/0209 (CNS))

(2022/C 105/16)

Relatur:

Tymoteusz Adam ZYCH

Konsultazzjoni

Kunsill, 15.9.2021

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adottat fis-sezzjoni

21.9.2021

Adottata fil-plenarja

20.10.2021

Sessjoni plenarja Nru

564

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

101/0/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea, minħabba l-importanza soċjoekonomika ewlenija tagħha għar-reġjun u l-awtorità tal-Unjoni li tadottaha, fid-dawl tal-kompetenza tagħha li tirregola d-dazji doganali.

1.2.

Minbarra l-kategoriji tal-prodotti koperti mir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1386/2011 (1), il-proposta ġiet estiża għal seba’ kategoriji ġodda li jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 3903 19, 5603 94, 5604 10, 7326 90, 7607 20, 8441 40 u 8479 90 (makkinarju għal skopijiet industrijali u materja prima).

1.3.

Iż-żamma tas-sospensjoni tad-dazji doganali fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti industrijali, kif ukoll l-estensjoni tal-kategoriji ta’ prodotti li tkopri, hija meqjusa ta’ benefiċċju għall-ekonomija tal-Gżejjer Kanarji, li ġarrbet ħsara ekonomika partikolari meta mqabbla ma’ reġjuni oħra tal-UE minħabba l-pandemija tal-COVID-19, speċjalment fir-rigward tal-volum tal-PDG nazzjonali.

1.4.

L-impożizzjoni ta’ kontrolli tal-użu aħħari f’konformità mar-regoli tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni u d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tiegħu hija proċedura stabbilita f’dan il-kuntest u ma toħloqx piżijiet amministrattivi sinifikanti u supplimentari għall-awtoritajiet reġjonali u lokali jew għall-operaturi ekonomiċi.

1.5.

Il-KESE jenfasizza li kemm l-introduzzjoni ta’ soluzzjonijiet legali ġodda kif ukoll il-kontinwazzjoni ta’ dawk eżistenti biex jappoġġjaw ir-reġjuni ultraperiferiċi huma essenzjali għat-tkabbir ekonomiku tagħhom, għall-ibbilanċjar tas-suq intern u għall-ħolqien tal-impjiegi fis-settur lokali.

1.6.

Fil-fehma tal-KESE, sabiex in-negozji jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet ta’ investiment fit-tul, is-sospensjoni proposta għandha tiġi stabbilita għal perjodu pluriennali.

2.   Kuntest

2.1.

Il-Gżejjer Kanarji, komunità awtonoma ta’ Spanja b’erja totali ta’ madwar 7 446,95 km2, jiffurmaw arċipelagu fl-Oċean Atlantiku li jikkonsisti fi tlettax-il gżira madwar 1 000 km mill-kosta tal-Peniżola Iberika. Huma wieħed mir-reġjuni periferiċi tal-Unjoni Ewropea li jagħmlu parti mill-grupp tar-reġjuni ultraperiferiċi, u flimkien mal-arċipelagi tal-Gżejjer Selvagens, Cabo Verde, Madeira u l-Azores, jiffurmaw żona ġeografika msejħa l-Makaroneżja.

2.2.

Il-popolazzjoni bħalissa hija ta’ madwar 2 175 952 abitant. L-aktar żewġ gżejjer popolati huma Tenerife (904 713) u Gran Canaria (846 717), fejn tgħix aktar minn 80 % tal-popolazzjoni totali. Konċentrazzjoni daqshekk għolja tal-popolazzjoni fuq tnejn biss mit-tlettax-il gżira hija parzjalment għalfejn ir-reġjun għandu problemi soċjoekonomiċi, inkluża r-rata għolja ta’ emigrazzjoni tiegħu.

3.   L-għan tal-proposta tal-Kummissjoni

3.1.

Il-KESE jinnota li, abbażi tal-Artikolu 349 tat-TFUE, ir-Regolament (UE) Nru 1386/2011 jipprevedi miżuri doganali speċifiċi għall-Gżejjer Kanarji bħala wieħed mir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni Ewropea – is-sospensjoni temporanja tad-dazji awtonomi tat-Tariffa Doganali Komuni fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti industrijali.

3.2.

Il-miżuri previsti fir-Regolament (UE) Nru 1386/2011, li kellhom l-għan li jsaħħu l-kompetittività ta’ operaturi ekonomiċi lokali u b’hekk jiżguraw impjieg aktar stabbli fil-gżejjer, jiskadu fil-31 ta’ Diċembru 2021. F’April 2021, il-gvern Spanjol talab l-estensjoni tas-sospensjoni tad-dazji awtonomi tat-Tariffa Doganali Komuni għal għadd ta’ prodotti. Skont it-talba, ir-restrizzjonijiet li qed jiffaċċa r-reġjun, li huma strutturali u permanenti, għadhom relatati mal-iżolament tiegħu, id-daqs żgħir tas-suq u l-frammentazzjoni tiegħu. Il-gżejjer lanqas ma jistgħu jibbenefikaw mill-integrazzjoni Ewropea bl-istess mod bħal reġjuni fuq il-kontinent. L-iskema ta’ sospensjoni li għaliha l-proposta tirrelata hija maħsuba biex tnaqqas dawn ir-restrizzjonijiet fuq is-suq tal-Gżejjer Kanarji. Barra minn hekk, minħabba l-kriżi ekonomika kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19, il-gvern Spanjol talab ukoll is-sospensjoni tad-dazji tat-Tariffa Doganali Komuni għal seba’ kategoriji ġodda ta’ prodotti.

3.3.

L-għan tal-proposta tal-Kummissjoni huwa li tappoġġja lir-reġjun ultraperiferiku ta’ Spanja billi tibni fuq l-assi tiegħu sabiex tippermetti t-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fis-settur lokali. Il-proposta tissupplimenta l-Programm ta’ Soluzzjonijiet Speċifiċi Relatati mal-Periferiċità u l-Insularità (POSEI), li jipprovdi appoġġj lis-settur primarju u l-produzzjoni tal-materja prima, kif ukoll il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) u l-allokazzjoni addizzjonali speċifika tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR).

3.4.

Il-proposta tal-Kummissjoni hija konformi mal-politiki tal-Unjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-politika kumplessiva għar-reġjuni ultraperiferiċi u l-politiki fil-qasam tal-kummerċ internazzjonali, il-kompetizzjoni, l-ambjent, l-intrapriża, l-iżvilupp u r-relazzjonijiet esterni.

3.5.

Din se tippermetti lill-operaturi ekonomiċi, mill-1 ta’ Jannar 2022 sal-31 ta’ Diċembru 2031, jimportaw ċerta materja prima, komponenti, partijiet u oġġetti kapitali mingħajr dazju permezz tas-sospensjoni temporanja tad-dazji doganali.

4.   Kummenti ġenerali

4.1.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta li jiġi modifikat ir-Regolament tal-Kunsill eżistenti u jinnota li l-miżuri speċifiċi li jistipula jistgħu jiġu adottati mingħajr ma tiġi pperikolata l-integrità u l-koerenza tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, inklużi s-suq intern u l-politiki komuni. Fil-fehma tal-KESE, din il-bidla ser tgħin biex jittejjeb il-bilanċ fis-suq intern.

4.2.

Il-KESE kemm-il darba enfasizza li s-sitwazzjoni tar-reġjuni insulari hija ħafna aktar diffiċli milli fil-bqija tal-Unjoni, speċjalment meta mqabbla mal-kontinent. Huma jbatu minn ostakli ġeografiċi, demografiċi u ambjentali severi u permanenti, bħas-separazzjoni mill-kontinent; erja tal-art limitata; dipendenza fuq it-trasport marittimu u bl-ajru, bl-ispejjeż ogħla tagħhom; tnaqqis fil-popolazzjoni u d-diffikultajiet fis-suq tax-xogħol; produzzjoni kkonċentrata f’intrapriżi żgħar u mikro li huma inqas reżiljenti għad-dinamika tal-bidla ekonomika minn negozji akbar; u opportunitajiet limitati biex jinkisbu l-benefiċċji tas-suq uniku Ewropew u r-relazzjonijiet ekonomiċi kompetittivi.

4.3.

Il-mezzi limitati tat-trasport u ż-żieda fl-ispejjeż tad-distribuzzjoni jwasslu għal spiża ogħla għan-negozju tal-manifattura tal-prodott milli kieku kellu jiġi stabbilit fuq l-art kontinentali, li jirriżulta direttament fi tnaqqis fil-kompetittività. Dan iwassal għal diffikultajiet għan-negozji lokali biex isibu klijenti barra mill-fruntieri nazzjonali u jġiegħel lis-settur industrijali jikkonċentra l-produzzjoni fis-suq lokali. Il-KESE jemmen li l-politika doganali tal-Unjoni għandha tqis din is-sitwazzjoni ekonomika diffiċli esperjenzata mir-reġjuni insulari u tieħu miżuri xierqa biex ittejjeb l-opportunitajiet u l-kompetittività tagħhom vis-à-vis l-Ewropa kontinentali.

4.4.

Il-KESE jinnota li t-turiżmu huwa fattur ewlieni għall-istabbiltà ekonomika f’ħafna żoni insulari, u dan is-settur huwa wkoll ir-riżorsa ekonomika ewlenija tal-Gżejjer Kanarji. Is-sehem tat-turiżmu lejn ir-reġjun fil-PDG tal-Gżejjer Kanarji fl-2018 kien ta’ 28 %, li jirrappreżenta xejra ’l fuq. Fl-2017, l-għadd ta’ turisti li waslu fl-arċipelagu tal-Gżejjer Kanarji kien qrib ħafna li jaqbeż is-16-il miljun u kien madwar miljun aktar mill-2016, filwaqt li 15,11-il miljun persuna vvjaġġaw lejn il-Gżejjer Kanarji fl-2019.

4.5.

Filwaqt li l-iżvilupp tat-turiżmu wasslet għal tkabbir ekonomiku, huwa importanti wkoll li wieħed iżomm f’moħħu l-aspetti negattivi meta t-turiżmu huwa pedament tal-ekonomija, u li saru evidenti mat-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19. Skont data ppubblikata mill-Istitut Nazzjonali tal-Istatistika Spanjol, l-għadd ta’ turisti barranin fil-Gżejjer Kanarji naqas b’aktar minn 70 % fl-2020, meta 3,78 miljun persuna biss waslu fl-arċipelagu. Id-dħul tar-reġjun mit-turiżmu naqas bl-istess perċentwal, b’madwar EUR 4 biljun iggwadanjati mit-turiżmu s-sena l-oħra. L-akbar tnaqqis ġie rreġistrat għall-gżira ta’ Lanzarote (73,7 %), filwaqt li l-iżgħar tnaqqis kien għal Tenerife (66,4 %). Attività turistika limitata fil-Gżejjer Kanarji fl-2020 wasslet għal tnaqqis stmat ta’ madwar 20 % tal-PDG. Kien hemm ukoll reċessjoni f’termini tal-attività tal-kostruzzjoni u industrijali, bi tnaqqis stmat ta’ 13 % meta mqabbel mal-2019. Għandu jiġi enfasizzat li l-effetti tal-kriżi tas-saħħa globali se jkollhom konsegwenzi fit-tul, u l-industrija tat-turiżmu Ewropea hija mistennija li tibqa’ taħt il-livelli tal-2019 sal-2023 (2).

4.6.

Il-qgħad żdied ukoll b’mod sinifikanti fil-Gżejjer Kanarji bħala riżultat tal-kriżi tal-COVID-19. Fl-ewwel tliet xhur tal-2020 laħaq it-18,89 %, u matul is-sena żdied għal 25,42 %, ferm ogħla mill-medji nazzjonali u tal-Unjoni ta’ 15,5 % u 7,1 %, rispettivament (Eurostat, 2021).

4.7.

Il-KESE jinnota li l-proposta hija konformi mal-politika segwita mill-Unjoni, li wieħed mill-għanijiet ewlenin tagħha huwa l-koeżjoni territorjali, ekonomika u soċjali, u li, permezz ta’ politiki ekonomiċi ġestiti tajjeb, tfittex li ssaħħaħ il-Komunità b’tali mod li r-reġjuni ultraperiferiċi jkollhom opportunitajiet indaqs għall-iżvilupp u aċċess għal kundizzjonijiet tal-għajxien aħjar. Skont l-Artikolu 174 tat-TFUE, it-territorji insulari ġew rikonoxxuti bħala reġjuni żvantaġġati li jeħtieġu attenzjoni speċjali.

4.8.

Il-KESE jinnota wkoll li ż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija f’dawn l-aħħar sentejn u l-impatt tagħha fuq l-ispejjeż globali tat-trasport bla dubju kkontribwixxew għal tnaqqis akbar fil-kompetittività tal-industriji tal-gżejjer. Barra minn hekk, il-benefiċċji tas-sospensjoni tariffarja awtonoma introdotta fl-1991 saru inqas effettivi. B’konsegwenza ta’ dan, l-industrija lokali saret inqas kompetittiva vis-à-vis il-kompetituri tagħha fi Spanja u l-bqija tal-Unjoni kontinentali. Konxju mill-karatteristiċi ġeografiċi u ekonomiċi tar-reġjun tal-Gżejjer Kanarji, il-KESE jemmen li għandu jingħata appoġġ lil miżuri mmirati biex itaffu l-effetti negattivi ta’ dawn il-kundizzjonijiet.

4.9.

Il-KESE jinnota li s-soluzzjoni proposta tista’ tagħti kontribut sinifikanti biex tinżamm l-istabbiltà ekonomika ta’ din il-parti tal-Unjoni Ewropea, u li t-tneħħija tas-sospensjoni għandu jkollha effett inflazzjonarju fuq is-suq, li maż-żmien jipperikola l-bażi industrijali diġà moderata fuq il-gżejjer u b’hekk iżid id-disparitajiet mal-bqija tal-UE.

4.10.

Fil-fehma tal-KESE, għadha tiġi appoġġjata s-soluzzjoni – applikata ripetutament – li l-użu ta’ miżuri tariffarji jkun kondizzjonali fuq l-użu aħħari tal-prodotti, sabiex jibbenefikaw biss l-operaturi ekonomiċi li jinsabu fil-Gżejjer Kanarji.

4.11.

Madankollu, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-ħruġ fid-dieher possibbli ta’ diffikultajiet fil-kummerċ fir-reġjun tal-Gżejjer Kanarji – jew saħansitra b’mod aktar wiesa’, madwar l-UE – minħabba n-nuqqas ta’ definizzjoni tat-terminu “devjazzjoni tal-kummerċ” użat fl-Artikolu 4(1) tal-att propost. Il-ħolqien ta’ tali “devjazzjonijiet tal-kummerċ” jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex temporanjament tirtira s-sospensjoni tad-dazji awtonomi, li jkollha għadd ta’ konsegwenzi ekonomiċi għar-reġjun u għan-negozji lokali. Il-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa ta’ definizzjoni preċiża ta’ dan it-terminu, kemm f’sens kwalitattiv kif ukoll kwantitattiv.

Brussell, l-20 ta’ Ottubru 2021.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1386/2011 tad-19 ta’ Diċembru 2011 li temporanjament jissospendi d-dazji awtonomi tat-Tariffa Doganali Komuni fuq importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti industrijali fil-Gżejjer Kanarji (ĠU L 345, 29.12.2011, p. 1).

(2)  https://www.europarl.europa.eu/factsheets/mt/sheet/126/tourism


Top