Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021AE3317

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: “Strateġija lejn żona Schengen reżiljenti u li tiffunzjona bis-sħiħ” (COM(2021) 277 final) u l-Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar it-twaqqif u l-operazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ biex jivverifika l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1053/2013 (COM(2021) 278 final — 2021/0140 (CNS))

    EESC 2021/03317

    ĠU C 105, 4.3.2022, p. 108–113 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    4.3.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 105/108


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: “Strateġija lejn żona Schengen reżiljenti u li tiffunzjona bis-sħiħ”

    (COM(2021) 277 final)

    u l-Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar it-twaqqif u l-operazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ biex jivverifika l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1053/2013

    (COM(2021) 278 final — 2021/0140 (CNS))

    (2022/C 105/17)

    Relatur:

    Ionuţ SIBIAN

    Konsultazzjoni

    Kummissjoni Ewropea, 10.8.2021

    Bażi legali

    L-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

    Adottata fis-sezzjoni

    6.10.2021

    Adottata fil-plenarja

    20.10.2021

    Sessjoni plenarja Nru

    564

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    232/1/5

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ l-Istrateġija tal-Kummissjoni għal żona Schengen li tiffunzjona bis-sħiħ u reżiljenti.

    1.2.

    Il-Kumitat jafferma mill-ġdid l-appoġġ sħiħ tiegħu, kif espress fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Frar 2016, għall-prinċipji li fuqhom hija bbażata l-kooperazzjoni ta’ Schengen: l-eżerċitar mingħajr xkiel tal-libertajiet fundamentali tat-trattati fi spazju komuni ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja u l-ħtieġa li tissaħħaħ ir-responsabbiltà konġunta u s-solidarjetà fil-ġestjoni tal-fruntieri esterni.

    1.3.

    Il-Kumitat itenni li, fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika tal-UE għall-ġestjoni tal-fruntieri, l-interoperabbiltà, il-migrazzjoni u l-ġestjoni tal-ażil, u l-kooperazzjoni tal-pulizija u dwar il-ġustizzja kriminali, l-UE u l-Istati Membri tagħha huma f’kull ħin marbuta bil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u huma obbligati mhux biss li jirrispettaw iżda wkoll li jippromovu d-dispożizzjonijiet tagħha.

    1.4.

    Il-Kumitat huwa mħasseb ħafna bir-rapporti dwar il-ksur tad-drittijiet fundamentali fil-fruntieri esterni tal-UE u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (EBCGA — Frontex) biex jirrimedjaw, jimmonitorjaw u jsegwu r-rapporti ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali mingħajr dewmien u jiżguraw li l-mekkaniżmi ta’ obbligu ta’ rendikont stabbiliti fir-Regolament tal-EBCG jiġu implimentati b’mod effettiv. Il-Kumitat jitlob li jissaħħaħ il-Forum Konsultattiv dwar id-Drittijiet Fundamentali, u li s-soċjetà ċivili organizzata tkun involuta fih permezz tal-KESE.

    1.5.

    Il-Kumitat jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-introduzzjoni mill-ġdid fuq bażi semipermanenti tal-kontrolli fuq il-fruntieri f’partijiet tal-fruntieri interni tal-Istati Membri u dwar l-impatt ekonomiku u soċjali negattiv li dan kellu fuq iċ-ċittadini, in-negozji tal-UE, u b’mod partikolari fuq il-ħaddiema tal-fruntieri, il-komunitajiet tal-fruntieri u l-Ewroreġjuni. Huwa jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja u tivvaluta bir-reqqa l-ħtieġa u l-proporzjonalità ta’ dawn ir-riintroduzzjonijiet fuq bażi perjodika u tieħu azzjoni fejn meħtieġ. Huwa jfaħħar l-intenzjoni ddikjarata tal-Kummissjoni li tuża aktar malajr is-setgħat ta’ infurzar tagħha fejn l-evalwazzjonijiet ta’ Schengen jistgħu jwasslu għal tali azzjoni.

    1.6.

    Il-Kumitat jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-esklużjoni kontinwa mill-applikazzjoni sħiħa tal-acquis ta’ Schengen tal-Istati Membri ta’ Ċipru, ir-Rumanija, il-Bulgarija u l-Kroazja. Flimkien mal-Kummissjoni, huwa jitlob li tittieħed azzjoni rapida u deċiżiva mill-Kunsill f’dan ir-rigward.

    1.7.

    Il-Kumitat jinnota li ħafna mill-elementi li huma partijiet kostitwenti tal-Istrateġija għadhom proposti leġiżlattivi. Huwa jixtieq jindika li l-Kumitat ħareġ Opinjonijiet speċifiċi dwar xi wħud minn dawn il-proposti, b’mod partikolari l-Patt il-ġdid għall-Migrazzjoni u l-Ażil u l-Interoperabbiltà. Il-Kumitat jistieden lill-Kummissjoni tieħu nota ta’ dawn l-Opinjonijiet.

    1.8.

    Il-Kumitat jinnota li ħafna mill-elementi tal-Patt jiddependu mill-implimentazzjoni f’waqtha tal-leġiżlazzjoni adottata reċentement, b’mod partikolari r-Regolament dwar l-interoperabbiltà u r-Regolament Ewropew dwar il-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta 2.0. Il-Kumitat jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-progress li sar f’dan ir-rigward u jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib kwalunkwe dewmien u nfiq li jaqbeż il-baġit u tirrimedjahom b’mod effettiv.

    1.9.

    Il-Kumitat iqis li l-proposti biex jittejjeb il-funzjonament tal-Mekkaniżmu ta’ Evalwazzjoni ta’ Schengen huma pożittivi, b’mod partikolari s-segwitu aktar rapidu, sinerġiji akbar mal-Mekkaniżmu ta’ Valutazzjoni tal-Vulnerabbiltà u attenzjoni akbar u aktar orizzontali għad-drittijiet tal-bniedem, inkluż ir-rwol previst tal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali. Madankollu, għandha tingħata attenzjoni biex jiġi żgurat li l-Mekkaniżmu ta’ Evalwazzjoni ta’ Schengen ma jippolitiċizzax kwistjonijiet ta’ natura aktar teknika.

    1.10.

    Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-Forum Schengen jista’ jipprovdi impetu politiku għas-salvagwardja u l-iżvilupp taż-żona Schengen, iżda jwissi li dan ma għandux jinvolvi ritorn għall-passat intergovernattiv ta’ Schengen, li l-funzjonament tagħha kien preġudikat mill-intergovernanza u n-nuqqas ta’ trasparenza. Istituzzjonijiet oħra tal-UE, kif ukoll il-Kumitat, għandhom jinżammu infurmati f’kull ħin u għandhom ikunu jistgħu jattendu bħala parteċipanti.

    1.11.

    Il-Kumitat jifhem li l-oqsma relatati tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dwar il-ġustizzja kriminali, inkluża kooperazzjoni mtejba dwar il-prevenzjoni tat-terroriżmu, huma tal-akbar importanza għall-fiduċja taċ-ċittadini tal-UE u tal-Istati Membri fiż-żona Schengen. Kooperazzjoni bħal din għandha tirrikjedi rispett sħiħ kontinwu għad-drittijiet fundamentali fl-Istati Membri kollha, inkluża s-salvagwardja ta’ ġudikatura indipendenti, sabiex tippermetti li strumenti ta’ fiduċja reċiproka, bħall-Mandat ta’ Arrest Ewropew, jiffunzjonaw kif xieraq.

    1.12.

    Il-Kumitat jemmen bis-sħiħ li l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi ma għandhiex tiffoka esklużivament fuq il-kontrolli tal-migrazzjoni u l-ażil, iżda għandha tikkostitwixxi sħubija ġenwina bil-għan li ttejjeb il-pożizzjoni tal-migranti u tar-rifuġjati f’pajjiżi terzi kif ukoll, b’mod partikolari, tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, u għandha tfittex li tindirizza l-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni, filwaqt li tippromovi migrazzjoni sikura u ordnata.

    1.13.

    Kif ġie enfasizzat mill-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen fid-diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2021, huwa ta’ importanza kruċjali li jintlaħaq qbil dwar sistema Ewropea komuni għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni tagħna, il-migrazzjoni u l-ażil sabiex il-pajjiżi terzi ma jitħallewx jieħdu vantaġġ minn nuqqas ta’ għaqda.

    2.   Kuntest tal-Opinjoni

    2.1.

    Fl-1985, għadd ta’ Stati Membri adottaw il-Ftehim Internazzjonali ta’ Schengen, u ħadu d-deċiżjoni li jabolixxu l-kontrolli kollha fuq il-fruntieri fil-fruntieri interni tagħhom. Il-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal-1990 ipprovdiet il-“miżuri ta’ akkumpanjament” meħtieġa, bil-għan li jiġu bbilanċjati l-esternalitajiet li jirriżultaw mit-tneħħija tal-kontrolli.

    2.2.

    It-Trattat ta’ Amsterdam integra l-acquis ta’ Schengen fl-ordni legali tal-UE u rregola l-pożizzjoni speċjali tar-Renju Unit, tal-Irlanda u tad-Danimarka.

    2.3.

    Il-konklużjoni ta’ ftehimiet bilaterali man-Norveġja, mal-Iżlanda, mal-Iżvizzera u mal-Liechtenstein ippermettiet il-parteċipazzjoni ta’ dawn il-pajjiżi fil-kooperazzjoni ta’ Schengen.

    2.4.

    Il-Bulgarija, ir-Rumanija u l-Kroazja jipparteċipaw f’partijiet tal-acquis ta’ Schengen, iżda t-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni tagħhom tirrikjedi Deċiżjoni tal-Kunsill unanima għal dak il-għan. Il-Kunsill irrifjuta li jieħu dik id-deċiżjoni anki jekk il-Kummissjoni sabet li dawn il-pajjiżi huma teknikament lesti.

    2.5.

    Peress li l-acquis ta’ Schengen ġie inkorporat fl-ordni legali tal-UE, dan kompla jiżviluppa b’mod progressiv b’mod partikolari bl-adozzjoni tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, il-Kodiċi dwar il-Viżi u r-Regolament Ewropew dwar il-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta. Il-kooperazzjoni fil-qasam tal-fruntieri, il-viżi, il-migrazzjoni u l-ażil hija appoġġjata minn għadd ta’ bażijiet tad-data tal-IT fuq skala kbira għall-iskambju tal-informazzjoni (SIS, VIS, Eurodac, EES, ETIAS, TCN-ECRIS), li bħalissa huma interoperabbli.

    2.6.

    Għalkemm ir-responsabbiltà hija kondiviża, l-Istati Membri individwali jibqgħu responsabbli għall-partijiet rispettivi tagħhom tal-fruntieri esterni, li jfisser li n-nuqqasijiet fil-ġestjoni tal-fruntieri esterni fi Stat Membru wieħed x’aktarx li jkollhom riperkussjonijiet serji fil-qasam kollu tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja.

    2.7.

    Matul l-aħħar ħames snin, iż-żona Schengen kienet taħt pressjoni konsiderevoli bħala riżultat tar-riintroduzzjoni ripetuta u kontinwa tal-kontrolli fil-fruntieri interni minn xi Stati Membri. Dan seħħ b’reazzjoni għas-sitwazzjoni tar-rifuġjati u l-migrazzjoni tal-2015 u t-theddida ta’ vjolenza terroristika fl-Ewropa.

    2.8.

    Il-pandemija tal-COVID-19 wasslet għal aktar każijiet ta’ għeluq tal-fruntieri u restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-persuni.

    2.9.

    B’reazzjoni għas-sitwazzjoni tar-rifuġjati u l-migrazzjoni tal-2015, il-Frontex, l-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, ġiet riformata bħala l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fl-2016 u msaħħa aktar fl-2019.

    2.10.

    Fil-Patt il-ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil, il-Kummissjoni Ewropea affermat li “l-ġestjoni integrata tal-fruntieri hija strument ta’ politika indispensabbli” għall-integrità taż-żona Schengen kif ukoll “komponent essenzjali ta’ politika komprensiva dwar il-migrazzjoni”. Hija ħabbret strateġija separata dwar il-futur ta’ Schengen, li ġiet ippubblikata fit-2 ta’ Ġunju 2021.

    2.11.

    L-għan tal-istrateġija huwa li tagħmel iż-żona Schengen aktar b’saħħitha u aktar reżiljenti. Din tqis l-isfidi li ffaċċjat iż-żona Schengen f’dawn l-aħħar snin, inkluż matul il-kriżi pandemika, u tistabbilixxi triq ’il quddiem li żżomm il-benefiċċji ta’ Schengen.

    2.12.

    L-istrateġija għandha l-għan li:

    (1)

    tiżgura ġestjoni effettiva tal-fruntieri esterni tal-UE;

    (2)

    issaħħaħ iż-żona Schengen fuq livell intern;

    (3)

    ittejjeb it-tħejjija u l-governanza;

    (4)

    tlesti ż-żona Schengen.

    2.13.

    L-istrateġija l-ġdida hija akkumpanjata mill-proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ biex jivverifika l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1053/2013 (1).

    2.14.

    Il-Kummissjoni tipproponi reviżjoni maġġuri tal-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ ta’ Schengen. Il-bidliet jinkludu l-aċċellerazzjoni tal-proċess ta’ evalwazzjoni kif ukoll proċedura rapida f’każ ta’ nuqqasijiet sinifikanti li jistgħu jkunu ta’ riskju lil Schengen fl-intier tiegħu.

    3.   Kummenti ġenerali

    3.1.   Ġestjoni Moderna u Effettiva tal-Fruntieri Esterni

    3.1.1.

    Il-Kumitat jappoġġja l-adozzjoni rapida ta’ Politika Strateġika Pluriennali għall-Ġestjoni Integrata Ewropea tal-Fruntieri bħala parti mis-sistema ta’ ġestjoni integrata prevista mill-Artikolu 77(2)(d) tat-TFUE. Huwa jitlob li jiġi kkonsultat dwar din l-istrateġija qabel l-adozzjoni (2) tagħha.

    3.1.2.

    Il-Kumitat ikompli jappoġġja Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta effettiva, u l-istabbiliment tal-fergħa operattiva tagħha. Madankollu, huwa mħasseb dwar il-progress li qed isir f’dan ir-rigward. B’mod partikolari, huwa jindika s-sejbiet reċenti tal-Qorti tal-Awdituri tal-UE li jiddikjaraw li l-Aġenzija ma implimentatx bis-sħiħ il-mandat tagħha tal-2016 u li kien hemm diversi riskji u nuqqasijiet fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-mandat tagħha tal-2019 (3).

    3.1.3.

    Il-Kumitat huwa partikolarment imħasseb dwar ir-rapporti dwar l-abbużi tad-drittijiet fundamentali matul l-attivitajiet operazzjonali kkoordinati tal-Frontex u l-għarfien dwar dan mill-Aġenzija, kif irrapportat minn sorsi tal-midja u NGOs differenti, u diskuss fir-rapport tal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Iskrutinju tal-Frontex tal-Kumitat LIBE. Huwa kuntent bil-ħatra reċenti ta’ Uffiċjal tad-Drittijiet Fundamentali ġdid kif ukoll bir-reklutaġġ li jinsab għaddej ta’ uffiċjali għall-monitoraġġ tad-drittijiet fundamentali, iżda jenfasizza li l-Uffiċċju tad-Drittijiet Fundamentali jeħtieġ li jirċievi riżorsi adegwati biex iwettaq il-kompiti tiegħu b’indipendenza sħiħa. Huwa jitlob lill-Aġenzija timplimenta bis-sħiħ il-mekkaniżmi u l-istrutturi ta’ obbligu ta’ rendikont previsti fir-regolament tat-twaqqif tagħha.

    3.1.4.

    Il-Kumitat huwa mħasseb dwar l-enfasi fl-istrateġija fuq is-sistema ta’ skrinjar ta’ qabel id-dħul, li fl-Opinjoni tiegħu dwar il-Patt iqis li din tikkostitwixxi kontribut ġdid ta’ min jikkunsidrah. Madankollu, il-Kumitat qajjem dubji dwar il-fattibbiltà prattika tagħha u kkunsidraha mhux adegwata mill-perspettiva tad-drittijiet fundamentali (4). Huwa jenfasizza l-ħtieġa għal mekkaniżmu għal monitoraġġ indipendenti mill-Istati Membri kif previst fir-Regolament dwar l-Iskrinjar.

    3.1.5.

    Il-Kumitat dejjem ikkunsidra li t-tilħiq ta’ interoperabbiltà sħiħa tas-sistemi tal-IT huwa pass meħtieġ biex tiġi żviluppata politika koerenti u effettiva madwar l-UE kollha. F’konformità ma’ dik il-fehma, huwa jappoġġja wkoll aktar diġitalizzazzjoni tal-proċeduri tal-viża u tad-dokumenti tal-ivvjaġġar.

    3.1.6.

    Il-Kumitat jesprimi t-tħassib tiegħu fir-rigward tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li d-dewmien fl-Istati Membri individwali jista’ jżomm lura l-implimentazzjoni tal-interoperabbiltà madwar l-Ewropa kollha. Minħabba l-esperjenza tal-passat fl-implimentazzjoni tas-SIS II u fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali reċenti rigward l-implimentazzjoni tas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ u tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (5), il-Kumitat jixtieq jisma’ x’passi konkreti qed tieħu l-Kummissjoni biex tiżgura implimentazzjoni f’waqtha tal-interoperabbiltà, f’konformità mal-baġit previst.

    3.1.7.

    Il-Kumitat jenfasizza li għandu jintlaħaq aktar żvilupp teknoloġiku kif ukoll interoperabbiltà sħiħa b’kunsiderazzjoni xierqa għall-protezzjoni tad-data personali u tad-drittijiet fundamentali. Fir-rigward tal-proposta dwar Eurodac riveduta, u b’rabta mal-użu ta’ bażijiet ta’ data fuq skala kbira b’mod ġenerali, il-Kumitat itenni li għandha tintlaħaq interoperabbiltà sħiħa b’kunsiderazzjoni xierqa għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. Il-miżuri jridu jkunu strettament meħtieġa u proporzjonati, minħabba s-sensittività tad-data, speċjalment fejn dawn jikkonċernaw l-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali u l-kunfidenzjalità tal-proċedura. Għandu jiġi indikat li d-data personali pproċessata fir-rigward tal-ġestjoni tal-fruntieri u r-ritorn, taqa’ fl-ambitu tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, u ma tikkwalifikax bħala data personali operazzjonali, skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

    3.1.8.

    Il-KESE jinnota li meta jkun hemm kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi, speċjalment ukoll meta l-Frontex taġixxi f’territorju ta’ pajjiż terz, id-drittijiet fundamentali, inkluż id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, iridu jiġu rrispettati bis-sħiħ u jridu jiġu stabbiliti mekkaniżmi xierqa ta’ obbligu ta’ rendikont.

    3.2.   Miżuri għat-tisħiħ ta’ Schengen fuq livell intern

    3.2.1.

    Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon l-attenzjoni mogħtija lill-miżuri li, għalkemm fil-verità mhumiex miżuri li jiżviluppaw Schengen, huma marbuta mal-funzjonament taż-żona Schengen.

    3.2.2.

    It-tħassib dwar is-sigurtà tal-Istati Membri huwa indirizzat aħjar b’aktar kooperazzjoni u kooperazzjoni msaħħa bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi milli bir-riintroduzzjoni tal-kontrolli fil-fruntiera interna.

    3.2.3.

    Il-Kumitat jenfasizza li fil-forom kollha ta’ kooperazzjoni tal-pulizija u kooperazzjoni fil-ġustizzja kriminali, id-drittijiet fundamentali, inklużi d-dritt tad-difiża (7) u d-drittijiet tal-vittmi (8), iridu jiġu rrispettati bis-sħiħ. Dan ifisser ukoll li jekk id-drittijiet fundamentali jiġu miksura, it-tqassim tar-responsabbiltajiet bejn atturi differenti (UE u nazzjonali) ma għandux jirriżulta f’nuqqas ta’ obbligu ta’ rendikont.

    3.2.4.

    Il-protezzjoni tad-data personali, fl-ambitu tal-oqfsa legali xierqa, jeħtieġ li tiġi rrispettata f’kull ħin, speċjalment f’każ ta’ data personali sensittiva ħafna, bħal fl-ambitu tad-Deċiżjonijiet ta’ Prüm.

    3.2.5.

    Fir-rigward tal-użu tal-Intelliġenza Artifiċjali għall-pulizija transfruntiera, il-Kumitat jirreferi għall-Opinjoni tiegħu dwar ir-Regolament dwar l-intelliġenza artifiċjali (9).

    3.2.6.

    Il-Kumitat jixtieq jindika li, fl-anness għall-proposta għal Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali (10), hemm il-possibbiltà li l-IA tintuża għall-ġestjoni tal-migrazzjoni, l-ażil u l-kontroll fuq il-fruntieri. B’mod partikolari, ir-referenza għall-użu ta’ “poligrafi u għodod simili jew [għodod] biex jiġi identifikat l-istat emozzjonali ta’ persuna fiżika” hija inkwetanti, peress li hemm nuqqas ta’ evidenza xjentifika għall-affidabbiltà ta’ tali metodi.

    3.2.7.

    Fir-rigward tal-miżuri speċifiċi proposti fil-Patt il-ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil, il-Kumitat jirreferi għall-Opinjoni tiegħu tas-17 ta’ Diċembru 2020 (11).

    3.2.8.

    Il-Kumitat għandu dubji dwar il-valur miżjud ta’ żieda fl-użu ta’ Informazzjoni Antiċipata dwar il-Passiġġieri flimkien mar-Rekords tal-Ismijiet tal-Passiġġieri, u jħoss li l-Kummissjoni ma għamlitx każ konvinċenti biex tippermetti l-iskambju sistematiku u tal-massa ta’ data personali intra-Schengen, li awtomatikament jaffettwa wkoll liċ-ċittadini tal-UE li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu.

    3.2.9.

    Fir-rigward tal-użu tal-Mandat ta’ Arrest Ewropew, u strumenti oħra li jiffaċilitaw il-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi, bħall-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea, il-Kumitat jindika li l-fiduċja reċiproka hija indispensabbli għall-funzjonament bla xkiel ta’ dawn l-istrumenti ta’ rikonoxximent reċiproku. Dan jirrikjedi monitoraġġ saħansitra aktar effettiv tal-istat tad-dritt mill-istituzzjonijiet tal-UE u jinvolvi responsabbiltà min-naħa tal-Istati Membri biex jirrispettaw l-istat tad-dritt, b’mod partikolari d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva skont l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE (minn hawn ’il quddiem “il-Karta”) u l-Artikolu 19(1) tat-TUE.

    3.3.   Governanza msaħħa

    3.3.1.

    Il-Kumitat japprezza li l-Forum Schengen jista’ jipprovdi lill-Istati Membri post biex jiddiskutu kwistjonijiet politikament rilevanti relatati mal-kooperazzjoni ta’ Schengen. Madankollu, istituzzjonijiet oħra tal-UE, kif ukoll il-Kumitat, għandhom jibqgħu informati u jkollhom id-dritt li jattendu bħala parteċipanti. Il-Forum u l-azzjonijiet tiegħu għandhom ikunu trasparenti kemm jista’ jkun u għandhom jipprovdu aċċess għad-dokumenti tiegħu. It-tnedija mill-ġdid tar-Rapport dwar l-Istat ta’ Schengen hi ta’ min ifaħħarha, iżda mhijiex biżżejjed f’dan ir-rigward.

    3.3.2.

    Il-Kumitat jappoġġja l-idea li l-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jirrikjedi emenda biex jiġu inkorporati xi wħud mit-tagħlimiet miksuba mill-pandemija tal-COVID-19. Huwa jenfasizza li dawn it-tagħlimiet imorru lil hinn mill-kwistjoni tal-fruntieri interni u jikkonċernaw il-funzjonament tas-suq intern innifsu. Għalhekk, kwalunkwe emenda bħal din għandha tkun parti minn test tal-idoneità usa’ għall-qafas regolatorju tal-Ewropa għall-moviment liberu f’dinja fejn il-COVID-19 x’aktarx li tkompli tkun realtà tal-ħajja. Il-Kumitat jappoġġja l-idea li approċċ bħal dan għandu jinkludi regoli dwar l-ivvjaġġar lejn l-UE, li bħalissa huma neqsin mill-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Il-Kumitat isaqsi wkoll lill-Kummissjoni jekk tipprevedix xi emenda għar-Regolament dwar it-Traffiku Lokali tal-Fruntiera.

    3.3.3.

    Il-Kumitat jemmen li l-Kummissjoni għandha tieħu pożizzjoni aktar b’saħħitha b’appoġġ għall-ivvjaġġar mingħajr fruntieri fl-Ewropa. It-Trattat tal-UE jgħid b’mod ċar li l-UE għandha toffri liċ-ċittadini tagħha żona mingħajr fruntieri. Id-dritt għall-Istati Membri li jerġgħu jintroduċu l-kontrolli fuq il-fruntieri huwa eċċezzjoni għal dak id-dritt, li jeħtieġ li jiġi interpretat b’mod ristrett. Ma jistax jitqies bħala prerogattiva sovrana, u minflok huwa marbut bir-regoli tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Kwalunkwe reviżjoni tal-Kodiċi jeħtieġ li tqis b’mod sħiħ in-natura eċċezzjonali tal-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri.

    3.3.4.

    Il-Kumitat jilqa’ l-proposti biex jittejjeb il-funzjonament tal-Mekkaniżmu ta’ Evalwazzjoni ta’ Schengen, b’mod partikolari dawk biex jiġi żgurat segwitu aktar rapidu, sinerġiji akbar mal-Mekkaniżmu ta’ Valutazzjoni tal-Vulnerabbiltà u dawk li jagħtu aktar attenzjoni u jieħdu approċċ trasversali għad-drittijiet tal-bniedem. Madankollu, għandha tingħata attenzjoni biex il-Mekkaniżmu ta’ Evalwazzjoni ta’ Schengen ma jippolitiċizzax kwistjonijiet ta’ natura aktar teknika.

    3.3.5.

    Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel użu attiv mis-setgħat ta’ infurzar tagħha skont it-Trattati f’sitwazzjonijiet fejn ikun hemm nuqqas ta’ segwitu għan-nuqqasijiet misjuba matul l-Evalwazzjonijiet ta’ Schengen. Għandha tingħata prijorità lill-prattiki sistemiċi li jiksru n-normi tad-drittijiet fundamentali. Huwa importanti li l-Kummissjoni ma tiddependix biss mis-sejbiet tal-Mekkaniżmu ta’ Evalwazzjoni ta’ Schengen, iżda hi stess għandha timmonitorja wkoll b’mod attiv is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali.

    3.4.   L-ikkompletar taż-żona Schengen

    3.4.1.

    Il-Kumitat ifaħħar il-pożizzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tat-tlestija taż-żona Schengen. Huwa jenfasizza r-rabta bejn il-moviment liberu, iċ-ċittadinanza tal-UE u n-nuqqas ta’ kontrolli fuq il-fruntieri. Bħalissa ċ-ċittadini tal-Bulgarija, tal-Kroazja u tar-Rumanija ma jibbenefikawx bis-sħiħ mid-drittijiet tagħhom bħala ċittadini tal-UE skont it-Trattati.

    3.4.2.

    Il-Kumitat jenfasizza li dawn l-Istati Membri diġà jikkontrollaw il-fruntieri esterni tagħhom f’konformità mal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. L-adeżjoni sħiħa tagħhom iżżid il-funzjonament u s-sigurtà tal-Unjoni Ewropea, permezz tal-parteċipazzjoni sħiħa tagħhom fil-bażijiet tad-data kollha tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni (ĠAI) fuq skala kbira.

    3.4.3.

    Il-Kumitat jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta pjan direzzjonali aktar dettaljat għall-adeżjoni sħiħa u jistieden lill-Kunsill jaġixxi malajr kif xieraq.

    Brussell, l-20 ta’ Ottubru 2021.

    Christa SCHWENG

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


    (1)  COM(2021) 278 final.

    (2)  Ara l-punt 4.8 fil-ĠU C 110, 22.3.2019, p. 62.

    (3)  Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, L-appoġġ li l-Frontex tagħti lill-ġestjoni tal-fruntieri esterni: mhuwiex suffiċjentement effettiv sal-ġurnata tal-lum, 2021.

    (4)  Ara l-Opinjonijiet tal-KESE dwar il-migrazzjoni, ĠU C 123, 9.4.2021, p. 15, ĠU C 155, 30.4.2021, p. 58, ĠU C 155, 30.4.2021, p. 64.

    (5)  Nota tal-Kummissjoni Ewropea dwar Implementation of interoperability: state of play on the implementation of the Entry/Exit System and the European Travel Information and Authorisation System, June 2021. (L-implimentazzjoni tal-interoperabbiltà: is-sitwazzjoni attwali rigward l-implimentazzjoni tas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ, u tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar).

    (6)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

    (7)  F’konformità mat-Titolu VI tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-leġiżlazzjoni sekondarja rilevanti.

    (8)  Id-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57) kif ukoll il-leġiżlazzjoni għal kategoriji speċifiċi ta’ vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, l-isfruttament sesswali u l-pornografija tat-tfal u t-terroriżmu.

    (9)  INT/940 (ĠU C 517, 22.12.2021, p. 61) .

    (10)  COM(2021) 206 final, pp. 4 u 5.

    (11)  ĠU C 123, 9.4.2021, p. 15.


    Top