Choisissez les fonctionnalités expérimentales que vous souhaitez essayer

Ce document est extrait du site web EUR-Lex

Document 52021AE2594

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iżgurar ta’ kundizzjonijiet ekwi għal trasport bl-ajru sostenibbli (COM(2021) 561 final — 2021/0205 (COD))

EESC 2021/02594

ĠU C 105, 4.3.2022, p. 134–139 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

4.3.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 105/134


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iżgurar ta’ kundizzjonijiet ekwi għal trasport bl-ajru sostenibbli

(COM(2021) 561 final — 2021/0205 (COD))

(2022/C 105/20)

Relatur:

Thomas KROPP

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 13.9.2021

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 14.9.2021

Bażi legali

Artikoli 100(2) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

7.10.2021

Adottata fil-plenarja

20.10.2021

Sessjoni plenarja Nru

564

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

231/0/9

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (il-KESE) isostni li s-suq tal-avjazzjoni tal-UE huwa essenzjali għall-kummerċ u t-turiżmu fl-Unjoni Ewropea, kif ukoll għall-kompetittività internazzjonali tal-ekonomija Ewropea (1).

Madankollu, minħabba li l-avjazzjoni hija wieħed mis-setturi li qed jikbru l-aktar malajr f’termini ta’ emissjonijiet tas-CO2, il-KESE jappoġġja l-inizjattivi regolatorji meħuda mill-istituzzjonijiet tal-UE biex jiġi mmitigat l-impatt tal-avjazzjoni fuq l-ambjent (2).

1.2.

Il-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55 %” tal-Kummissjoni għandu l-għan li jpoġġi lill-blokk fit-triq it-tajba biex jilħaq il-mira ambizzjuża tiegħu ta’ tnaqqis ta’ 55 % fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra sal-2030, meta mqabbel mal-livelli tal-1990, filwaqt li jallinja l-politika tal-UE mal-mandati politiċi ambizzjużi tal-Patt Ekoloġiku u l-Liġi Ewropea dwar il-Klima. Il-KESE jappoġġja din il-politika ambizzjuża ħafna, li fiha diversi proposti leġiżlattivi li jaffettwaw l-avjazzjoni, li element essenzjali tagħhom huwa l-promozzjoni ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli (SAF). Għalkemm il-Kummissjoni evalwat in-natura komplementari ta’ din il-proposta ma’ proposti rilevanti oħra, il-KESE jemmen li l-Kummissjoni għandha tqis ukoll l-effetti finanzjarji kumulattivi tal-miżuri regolatorji rilevanti kollha.

1.3.

Fil-kuntest tal-inizjattivi regolatorji mfassla biex tiġi aċċellerata t-tranżizzjoni lejn newtralità klimatika, il-Proposta RefuelEU Aviation hija ta’ importanza ewlenija għall-avjazzjoni. Għall-kuntrarju ta’ setturi oħra, l-avjazzjoni tiddependi mill-fjuwils fossili bħala sors ta’ enerġija. Sabiex is-settur tal-avjazzjoni jkun jista’ jikber filwaqt li jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 tiegħu, il-Proposta għal Regolament rigward RefuelEU Aviation tfittex li taċċellera l-produzzjoni, id-distribuzzjoni u l-użu tal-SAF billi jiġi impost obbligu fuq il-fornituri tal-fjuwil tal-ġettijiet lill-avjazzjoni biex jipprovdu sehem dejjem akbar ta’ fjuwil tal-avjazzjoni mħallat mal-SAF fl-ajruporti kollha tal-UE, u billi l-linji tal-ajru jintalbu jżidu l-użu tagħhom tal-SAF fi stadji inkrementali predefiniti.

F’konformità mal-approċċ tiegħu għall-promozzjoni tal-avjazzjoni sostenibbli, il-KESE jappoġġja l-impetu tal-Proposta tal-Kummissjoni, iżda jissuġġerixxi emendi biex jiżguraw li din tkun tista’ tiġi implimentata b’mod effettiv u mingħajr ma jinħolqu distorsjonijiet.

1.4.

Il-KESE jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex jiġi aċċellerat it-tkabbir ta’ suq għall-SAF. Tabilħaqq huwa minnu li l-SAF — jekk jiġu prodotti fi kwantitajiet suffiċjenti u jkunu disponibbli għal-linji tal-ajru kollha — inaqqsu b’mod sinifikanti l-emissjonijiet tas-CO2 tas-settur. Madankollu, mhuwiex ċar jekk l-approċċ segwit mill-Kummissjoni huwiex se jipprevjeni distorsjonijiet għall-kompetizzjoni.

1.5.

L-avjazzjoni hija settur tas-servizzi internazzjonali, li fil-fatt ikopri żewġ swieq distinti b’dinamika differenti tas-suq: is-Suq Uniku Ewropew taż-ŻEE minn naħa waħda, u s-suq regolat fuq livell internazzjonali min-naħa l-oħra. Il-KESE jemmen li l-abbozz ta’ Proposta għandu jirrifletti b’mod ċar din id-differenza, u jistieden lill-Kummissjoni żżomm kundizzjonijiet ekwi fi ħdan iż-ŻEE u tippromovi b’mod proattiv standards applikabbli globalment għas-sostenibbiltà.

1.6.

Ir-Regolament propost se jkopri l-operazzjonijiet kollha tal-linji tal-ajru kollha tal-UE, kemm jekk dawn joperaw fiż-ŻEE kif ukoll fuq livell internazzjonali; madankollu, in-networks tal-linji tal-ajru mhux tal-UE se jkunu koperti biss sal-punt fejn dawn jinkludu servizzi minn ajruport tal-UE. Is-servizzi globali l-oħra kollha tal-linji tal-ajru mhux tal-UE ma jiġux affettwati mill-użu minimu meħtieġ tal-fjuwil tal-avjazzjoni mħallat mal-SAF. Għalhekk, id-differenza mistennija fil-prezz bejn il-fjuwil tal-avjazzjoni u l-SAF tista’ tipprovdi vantaġġ kompetittiv lil-linji tal-ajru mhux tal-UE. Fi żmien meta s-settur tal-avjazzjoni globali kollu qed jitħabat biex jirkupra mill-agħar kriżi fl-istorja tiegħu ta’ wara l-gwerra, il-linji tal-ajru tal-UE m’għandhomx għalfejn iġarrbu kostijiet addizzjonali b’mod unilaterali. Barra minn hekk, jekk id-differenza fil-prezzijiet tiġi mgħoddija lill-passiġġieri, titjiriet inqas ekoloġiċi operati minn linji tal-ajru mhux tal-UE jsiru aktar attraenti għall-passiġġieri tal-UE.

1.7.

Il-KESE jirrakkomanda li ssir fażi pilota qabel l-implimentazzjoni attwali ta’ dan ir-Regolament, li matulha jistgħu jiġu allinjati d-dispożizzjonijiet interni fi ħdan iż-ŻEE relatati mal-mitigazzjoni tal-impatt tal-avjazzjoni fuq l-ambjent, u l-Kummissjoni tiffoka l-isforzi tagħha fuq il-koordinazzjoni mill-qrib tal-promozzjoni tal-UE tal-SAF b’inizjattivi simili mwettqa fuq livell internazzjonali. Ladarba tiġi prodotta kwantità suffiċjenti ta’ SAF u tkun disponibbli għat-trasportaturi tal-UE u mhux tal-UE, dan ir-Regolament jiġi applikat bis-sħiħ biex ikopri wkoll l-obbligi għal-linji tal-ajru mhux tal-UE li jitilqu minn ajruporti tal-UE. Approċċ gradwali bħal dan jimminimizza r-riskji ta’ żvantaġġi ta’ min jidħol l-ewwel, inaqqas ir-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, jippermetti proċess ta’ implimentazzjoni kosteffettiv u jistabbilixxi l-istabbiltà tal-ippjanar għall-partijiet ikkonċernati kollha, inklużi l-manifatturi tal-SAF. Barra minn hekk, dan jiffaċilita approċċ konsistenti għall-bijofjuwils.

1.8.

Minħabba li proporzjon ferm ogħla ta’ CO2 jiġi rilaxxat fuq rotot internazzjonali fit-tul milli fuq ir-rotot ta’ distanzi medji sa qosra taż-ŻEE (3), il-KESE jemmen li l-Kummissjoni għandha tagħmel enfasi akbar fuq il-mezzi biex tinkiseb koordinazzjoni tal-miżuri regolatorji internazzjonali. Dawn il-miżuri ta’ partijiet terzi, flimkien ma’ mekkaniżmi ta’ kumpens diġà miftiehma bħall-CORSIA (4), se jiġġeneraw aktar momentum għall-produzzjoni, it-tixrid u l-użu tal-SAF fuq livell internazzjonali, u b’hekk jaċċelleraw id-domanda akbar għall-SAF u jnaqqsu r-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju (5).

Il-KESE jaqbel mal-analiżi tal-Kummissjoni li se jieħu ż-żmien biex jinħoloq suq għall-SAF. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa pjan direzzjonali realistiku u komprensiv għaż-żieda inkrementali fl-użu tal-SAF biex tipprovdi stabbiltà fl-ippjanar għall-partijiet ikkonċernati kollha, inklużi għall-produtturi tal-SAF, u biex tipprovdi orjentazzjoni għall-proċess ta’ monitoraġġ politiku.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.

Huwa meħtieġ approċċ regolatorju komprensiv u effettiv għall-promozzjoni tat-tkabbir tal-avjazzjoni sostenibbli.

2.1.1.

L-abbozz tal-Proposta RefuelEU Aviation huwa inkorporat f’diversi proposti regolatorji oħra fil-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55 %”, li kollha huma mmirati biex jimmitigaw l-effetti tal-avjazzjoni fuq l-ambjent (6). Għalhekk, fil-valutazzjoni tal-impatt u l-prattiċità tal-proposta RefuelEU Aviation, għandha tingħata kunsiderazzjoni xierqa lill-interdipendenza ta’ dawn il-proposti u lill-effett kumulattiv tagħhom fuq is-suq tal-avjazzjoni.

2.1.2.

Direttiva riveduta dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija tintroduċi rata tat-taxxa minima applikabbli għal titjiriet intra-UE; l-SAF jibbenefikaw minn rata tat-taxxa minima żero, filwaqt li r-rati tat-taxxa minimi għandhom jiżdiedu fi stadji inkrementali fuq perjodu ta’ għaxar snin għal livell ta’ EUR 10,75/Gigajoule. L-għan iddikjarat ta’ din il-proposta huwa li jiġi stimulat l-użu ta’ aktar SAF u li l-linji tal-ajru jiġu mħeġġa jużaw inġenji tal-ajru aktar effiċjenti u li jniġġsu anqas u li jiġi evitat nuqqas possibbli ta’ dħul ta’ 32 %. Jekk l-Istati Membri jaqbżu r-rata minima individwalment, dawn it-taxxi nazzjonali addizzjonali tas-CO2 iżidu b’mod sinifikanti l-piż tal-kost fuq il-linji tal-ajru, sakemm l-SAF ma jiġux prodotti fi kwantitajiet suffiċjenti. Jidher essenzjali li tiġi stabbilita rabta bħal din mad-disponibbiltà tal-SAF, inkella r-regoli jista’ jkollhom effett li jikkastigaw minflok jipprovdu aktar inċentivi għall-produzzjoni u l-użu tal-SAF.

2.1.3.

Fil-fatt, hemm dubju dwar jekk taxxi addizzjonali jistgħux jipprovdu stimolu għat-tranżizzjoni mill-fjuwils fossili lejn l-SAF, jekk l-SAF ma jkunux disponibbli fi kwantitajiet suffiċjenti.

2.1.4.

Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet dwar l-anti-dumping sinifikanti, il-kundizzjonijiet tas-suq bħalissa jippermettu lill-kompetituri tal-linji tal-ajru joffru prezzijiet tal-biljetti li huma taħt il-kostijiet operazzjonali marġinali tagħhom, saħansitra anke taħt il-kostijiet kumulattivi tal-ATM u tal-imposti tal-ajruporti. Taxxa ulterjuri ma taffettwax tali livelli ta’ prezzijiet marġinali u għalhekk ma tipprevedix inċentivi għall-benefiċċju mill-SAF bħala miżura kompetittiva; tali taxxa minima madwar l-UE sempliċiment iċċaħħad lil-linji tal-ajru mill-mezzi finanzjarji meħtieġa għall-investimenti f’inġenji tal-ajru aktar effiċjenti. Barra minn hekk, id-dħul miksub minn dawn it-taxxi addizzjonali jista’, min-natura tiegħu, ma jintużax għall-objettivi predefiniti (rilevanti għall-ambjent), iżda se jgħaddi fil-fondi tal-Istati Membri. Għalhekk, dawn ma jippermettux it-tkabbir tal-provvista biex tiġi ssodisfata d-domanda dejjem tikber għall-ivvjaġġar bl-ajru.

2.1.5.

Għalhekk, il-KESE jemmen li hija meħtieġa evalwazzjoni aktar divrenzjata tad-dinamika tas-suq b’enfasi partikolari fuq il-ħtieġa potenzjali li tiġi indirizzata, bħala miżura regolatorja addizzjonali, il-ħtieġa ta’ leġiżlazzjoni anti-dumping immirata biex effettivament tirrikjedi livell minimu ta’ prezzijiet biex tkopri l-kostijiet eżoġeni (7).

Il-Kummissjoni tipproponi wkoll ir-reviżjoni tar-regoli tal-avjazzjoni tal-ETS bħala miżura oħra skont il-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55 %”. L-ETS qabel kienet tkopri madwar 40 % tal-emissjonijiet totali fl-UE; il-verżjoni riveduta żiedet dan is-sehem bl-inklużjoni ta’ setturi addizzjonali bħal dak marittimu. L-obbligu tat-tnaqqis tal-emissjonijiet għas-setturi tal-ETS żdied ukoll minn 40 % għal 61 % sal-2030 abbażi tal-livelli tal-2005, filwaqt li l-kwoti bla ħlas fl-avjazzjoni għandhom jitneħħew gradwalment bejn l-2023 u l-2025.

2.1.6.

Fil-fatt, l-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet huwa mekkaniżmu bbażat fuq is-suq biex jitnaqqsu l-emissjonijiet, u l-irfinar ulterjuri tal-parametri ta’ dan l-istrument jista’ jsaħħaħ il-mekkaniżmu. Meta jiġu evalwati l-effetti ta’ tali miżuri fuq id-dinamika tas-suq, kif issuġġerit hawn fuq, għandu jiġi mfakkar li t-tnaqqis inkrementali tal-kwoti bla ħlas iżid piż ta’ spiża fuq il-kost addizzjonali diġà previst tat-taxxa minima madwar l-UE. Barra minn hekk, id-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija, id-Direttiva dwar l-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet u r-Regolament RefuelEU Aviation kollha jirrikjedu data dwar l-użu u l-konsum tal-fjuwil tal-ġettijiet tal-avjazzjoni, kif ukoll l-użu tal-SAF. Għandha tingħata aktar kunsiderazzjoni lis-simplifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-ġbir, ir-rapportar u l-verifika tad-data sabiex tiġi evitata kumplessità bla bżonn u tiġi żgurata l-prattiċità tal-proċessi.

Ir-Regolament propost dwar l-Infrastruttura tal-Fjuwils Alternattivi huwa maħsub biex jiżgura li fl-ajruporti jkun hemm l-infrastruttura xierqa biex tippermetti l-aċċess għall-SAF fl-ajruporti kollha tal-UE. Filwaqt li l-iżgurar ta’ loġistika effiċjenti għat-tixrid tal-SAF huwa bla dubju essenzjali, ir-Regolament innifsu jeħtieġ kjarifika ulterjuri; skont il-formulazzjoni attwali tiegħu, il-vetturi għall-forniment ta’ fjuwil ekoloġiku għall-avjazzjoni jistgħu jitqiesu li mhumiex ekoloġiċi (8). Fin-nuqqas ta’ kjarifiki bħal dawn, huwa diffiċli li jiġi vvalutat sa liema punt jistgħu jirriżultaw aktar kostijiet fl-ajruporti li potenzjalment jistgħu jiġu mgħoddija lil-linji tal-ajru.

2.2.

Ir-Regolament propost RefuelEU Aviation huwa proposta ewlenija biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-futur tal-avjazzjoni, iżda għandu jevita effetti ta’ distorsjoni fuq is-suq tal-avjazzjoni.

2.2.1.

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-produzzjoni u t-tixrid tal-SAF fil-livell industrijali se jeħtieġu investimenti sinifikanti, u ż-żmien, għal applikazzjoni fuq skala akbar sinifikanti. Minħabba li l-ġurisdizzjoni tal-Kummissjoni hija legalment limitata għal traffiku tal-ajru intra-UE, u b’mod effettiv għal traffiku tal-ajru intra-ŻEE, il-Kummissjoni tipproponi li timminimizza d-distorsjonijiet għall-kompetizzjoni internazzjonali b’żewġ miżuri: l-iżgurar tal-użu ta’ fjuwil tal-ġettijiet imħallat mal-SAF għat-titjiriet kollha li jitilqu mill-ajruporti tal-UE irrispettivament mid-destinazzjoni tagħhom, u l-impożizzjoni ta’ użu minimu tal-fjuwil tal-ġettijiet tal-avjazzjoni fl-ajruporti tal-UE. Tal-ewwel hija mmirata lejn il-fornitur u mhijiex diskriminatorja fir-rigward tal-linji tal-ajru. Madankollu, hemm dubju dwar jekk il-miżura tal-aħħar hijiex prattikabbli u effettiva fil-prevenzjoni tad-distorsjonijiet tas-suq.

2.2.2.

L-Artikolu 7 jimponi obbligu fuq il-linji tal-ajru kollha biex jipprovdu data, fost l-oħrajn, dwar l-użu tal-fjuwil tal-ġettijiet tal-avjazzjoni f’ajruport partikolari tal-UE, u obbligu li jirrapportaw l-ammont totali ta’ fjuwil tal-avjazzjoni mħallat mal-SAF mixtri mill-fornituri. Il-linji tal-ajru bħalissa diġà jirrapportaw l-użu u l-konsum tal-fjuwil tal-ġettijiet għal kull titjira fil-kuntest tal-obbligi ta’ rapportar skont l-EU ETS; din l-iskema tapplika biss għal titjiriet intra-UE (9). Ir-Regolament propost jestendi l-obbligi ta’ rapportar għal titjiriet internazzjonali mill-ajruporti tal-UE. Dawn huma operati wkoll minn trasportaturi mhux tal-UE li għalhekk huma inklużi fl-obbligi ta’ rapportar tad-data. Huwa aċċettat fuq livell internazzjonali li l-linji tal-ajru mhux nazzjonali jiġu inklużi fl-obbligi ta’ rapportar tad-data sabiex l-awtoritajiet nazzjonali jkunu jistgħu jimmonitorjaw il-konformità. Għalhekk, mhix mistennija oppożizzjoni internazzjonali għal dan l-obbligu ta’ rapportar.

2.2.3.

Madankollu, l-Artikolu 5 jimponi obbligu fuq il-linji tal-ajru (kollha) biex jiżguraw li l-użu annwali tagħhom tal-fjuwil tal-ġettijiet f’ajruport partikolari tal-UE jkun mill-inqas 90 % tal-fjuwil tal-ġettijiet tal-avjazzjoni meħtieġ fis-sena. L-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa li tipprevjeni l-hekk imsejħa tankering. Il-Kummissjoni tirreferi għat-tankering bħala mezz għal linja tal-ajru biex iżżid aktar fjuwil tal-ġettijiet milli meħtieġ biex jiġi evitat ir-riforniment fl-ajruport tad-destinazzjoni fejn il-fjuwil tal-ġettijiet jista’ jkun aktar għali (10). Madankollu, iċ-ċentri ta’ xi linji tal-ajru tan-network mhux tal-UE jinsabu fil-prossimità taż-ŻEE (eżempji: Londra, Doha, Dubai, Istanbul) u jeħtieġu biss titjira qasira minn ajruport partikolari taż-ŻEE għal dak iċ-ċentru. Imbagħad, id-destinazzjonijiet fuq distanzi twal jistgħu jintlaħqu b’forniment ta’ fjuwil minn ajruport ċentrali mhux tal-UE mingħajr it-tankering. L-ammont ta’ kost addizzjonali relatat mal-SAF mgħoddi lill-passiġġier fil-prezz tal-biljett jista’ jinċentiva lill-passiġġieri jilħqu d-destinazzjoni finali tagħhom fuq distanzi twal billi jtiru mill-ajruport ta’ konnessjoni ċentrali mhux tal-UE (inqas għali) (11). Madankollu, l-Artikolu 5 ma jindirizzax id-distorsjonijiet sistemiċi li jirriżultaw mill-ħolqien ta’ żvantaġġi kompetittivi għall-ajruporti ċentrali tal-UE u b’hekk għal-linji tal-ajru tan-network tal-UE.

2.2.4.

Minħabba li r-rotot lejn iċ-ċentri fil-viċinanza tal-UE jinvolvu titjiriet fuq distanzi qosra, ir-riforniment bil-fjuwil għal dawn it-titjiriet barra mill-UE jkopri biss frazzjoni żgħira tal-operazzjonijiet internazzjonali totali tal-linji tal-ajru mhux tal-UE. Maż-żmien, hekk kif is-sehem tal-fjuwil imħallat mal-SAF jiżdied, se tiżdied ukoll id-differenza fil-prezzijiet bejn it-taħlita tal-SAF u l-fjuwil tradizzjonali tal-avjazzjoni, u b’hekk tiżdied l-attraenza kompetittiva tat-titjiriet permezz ta’ ċentri mhux tal-UE. Il-passiġġieri se jkunu saħansitra aktar inċentivati biex jevitaw ir-rotot li jinvolvu r-riforniment bl-SAF; dan ikollu impatt negattiv fuq l-għan iddikjarat ta’ din il-proposta regolatorja biex jiġi promoss l-użu tal-SAF u b’hekk jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2, inkluż fuq ir-rotot ’il barra mill-UE.

2.2.5.

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-KESE jirrakkomanda li l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament propost issir fi stadji. F’fażi pilota, l-enfasi tal-attivitajiet għandha tkun fuq l-allinjament tad-dispożizzjonijiet eżistenti dwar ir-rapportar tad-data u dwar l-imposti relatati mas-CO2 fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali. Bħalissa jeżistu diversi dispożizzjonijiet bħal dawn b’mod parallel, u dawn jiffurmaw il-bażi għall-kalkolu tal-livell kemm ta’ kwoti tal-emissjonijiet kif ukoll ta’ kumpensi, u t-taxxi nazzjonali fuq is-CO2/il-fjuwil tal-avjazzjoni li għandhom jitħallsu. Madankollu, bħalissa, dawn id-dispożizzjonijiet mhux qed jitqiesu fl-istess kuntest, li jwassal għal proċessi amministrattivi paralleli għall-partijiet ikkonċernati u għall-amministrazzjonijiet. Dan ir-Regolament propost, fil-forma attwali tiegħu, jintroduċi rekwiżit ulterjuri biex tiġi pprovduta saħansitra aktar data dwar l-użu tal-fjuwil fl-ajruporti kollha, inkluż l-użu tal-fjuwil SAF u l-użu tal-fjuwil madwar l-UE kollha; l-EASA u l-Eurocontrol ikunu obbligati wkoll li jirrapportaw data akkumulata li jirċievu f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, iżda mhux neċessarjament data oħra.

2.2.6.

Jidher li għall-bidu jeħtieġ li tiġi stabbilita t-trasparenza u titnaqqas il-kumplessità bla bżonn billi jiġu ssimplifikati l-mekkaniżmi ta’ rapportar, ta’ verifika u ta’ monitoraġġ għar-regolamenti eżistenti għal-linji tal-ajru tal-UE, u b’hekk jiġi stabbilit sett ta’ miżuri koerenti, effettiv u effiċjenti li jista’ jintegra wkoll l-inizjattivi nazzjonali varji, u b’hekk jinħoloq qafas armonizzat. F’din il-fażi pilota, id-data pprovduta mil-linji tal-ajru tal-UE tkun tirrifletti l-użu tal-SAF (biss) mil-linji tal-ajru tal-UE għal titjiriet intra-ŻEE. Dan jidher realistiku fid-dawl taż-żmien meħtieġ biex tiżdied l-iskala tal-produzzjoni tal-SAF. Tali titjiriet fis-Suq Uniku Ewropew tal-Avjazzjoni, inizjalment, ma għandhomx jinkludu passiġġieri internazzjonali.

2.2.7.

Din il-fażi pilota ssuġġerita mhux neċessarjament iddewwem l-implimentazzjoni sħiħa tar-Regolament, bl-għan tagħha jkun li tissimplifika l-proċessi ta’ rapportar u ta’ verifika tad-data intra-UE biex jiġi żgurat li l-miżuri tal-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55 %” għall-avjazzjoni ma jwasslux għal burokrazija kumplessa bla bżonn. Barra minn hekk, din toħloq trasparenza dwar l-effett finanzjarju kumulattiv tal-miżuri fuq is-settur tal-avjazzjoni Ewropew. Il-fażi pilota ma tipprekludix lill-Kummissjoni milli tallinja l-proċessi ma’ dawk adottati barra miż-ŻEE.

2.2.8.

L-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għal titjiriet internazzjonali minn ajruporti tal-UE għandha ssir dipendenti mid-disponibbiltà tal-SAF biex tilqa’ għad-domanda akbar. Skema effettiva ta’ użu tal-SAF madwar iż-ŻEE tista’ mbagħad isservi fuq livell internazzjonali bħala punt ta’ riferiment, mudell u standard possibbli. Barra minn hekk, it-tqassim tal-iskema proposta fi stadji differenti se jevita ripetizzjoni tal-kontroversja esperjenzata mill-Kummissjoni dwar l-inklużjoni ta’ titjiriet ’il barra mill-UE fl-EU ETS. Huwa essenzjali li l-Kummissjoni tiżviluppa strumenti regolatorji prattikabbli fil-livell taż-ŻEE, u tinnegozja approċċ armonizzat fil-livell globali.

2.2.9.

Fil-kuntest tal-koordinazzjoni tal-passi lejn qafas internazzjonali rfinat u mmirat, il-CORSIA tista’, u se tkun teħtieġ li, tiġi indirizzata. Billi tinżamm distinzjoni bejn l-istadji importanti għall-miżuri fiż-ŻEE, u l-istadji importanti għall-qafas internazzjonali, il-CORSIA tista’ tiġi adattata b’mod kunsenswali għal dan tal-aħħar mingħajr ma tinħoloq aktar kumplessità għal tal-ewwel.

2.3.

Huwa meħtieġ pjan direzzjonali komprensiv, ċar u konvinċenti għall-implimentazzjoni tal-proposti abbozzati kollha, kif ukoll stadji importanti ta’ monitoraġġ, jekk ikun meħtieġ.

2.3.1.

Il-miri klimatiċi li ġew miftiehma politikament fiż-ŻEE għas-setturi kollha, b’mod partikolari l-avjazzjoni, huma tassew ambizzjużi u, kif jikkonferma r-rapport tal-IPCC li ġie ppubblikat dan l-aħħar, suppost ilhom li ddaħħlu. Madankollu, l-ispeċifiċitajiet tal-avjazzjoni, kif deskritti mill-Kummissjoni u miġbura fil-qosor hawn fuq, jirrikjedu l-inċentivar tad-domanda u tal-provvista għal suq (tal-SAF) attwalment negliġibbli mingħajr ma tiġi pperikolata l-kompetittività internazzjonali tas-settur tal-avjazzjoni Ewropew jew tiġi pperikolata s-sigurtà tal-impjieg fl-Ewropa. Sabiex jiġu ssodisfati dawn l-isfidi speċifiċi għas-settur, se jkun essenzjali li jiġu implimentati miżuri effettivi fi stadji inkrementali definiti b’mod ċar li għalihom il-partijiet ikkonċernati jistgħu jadattaw b’mod realistiku l-prodotti u l-proċessi interni tagħhom.

2.3.2.

Il-proċess leġiżlattiv li għaddej minnu nnifsu fih livell ta’ inċertezza fir-rigward tal-eżitu finali tal-pakketti leġiżlattivi. Il-KESE jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE biex ifittxu li jżommu u tabilħaqq itejbu aktar l-effettività kumulata tal-miżuri proposti — u jilħqu kunsens dwar il-pjan direzzjonali għall-implimentazzjoni tagħhom.

2.3.3.

Pjan direzzjonali bħal dan se jinkludi l-allinjament ta’ miżuri nazzjonali diġà eżistenti. Xi Stati Membri diġà żviluppaw pjani direzzjonali bħal dawn wara konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati (12).

3.   Kummenti speċifiċi

3.1.

Sabiex il-proposta tiġi implimentata b’suċċess, huwa essenzjali li jiġi żgurat li jiġu esklużi l-iżbalji kritiċi fid-disinn f’mandat rigward l-SAF. Il-Kummissjoni żviluppat 8 tfassiliet tal-politika li jvarjaw fir-rigward tal-parti obbligata tar-Regolament (Fornitur u/jew Linja tal-ajru), il-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku (intra-ŻEE b’żona extra-ŻEE jew mingħajrha), is-sottomandati għal prodotti tal-SAF sofistikati futuri (b’mod partikolari l-RFNBO), l-objettiv (volum tal-SAF/iffrankar tal-gassijiet serra), u r-rekwiżiti loġistiċi (jiġifieri jekk l-opzjoni tinkludix sistema ta’ ċertifikati negozjabbli (book and claim) li tagħmel il-provvista fiżika ta’ kull ajruport mhux meħtieġa, sabiex jiġi evitat l-iżgurar li kull lott ta’ fjuwil f’kull ajruport ikollu jkun fih l-SAF).

3.2.

Il-KESE jappoġġja l-approċċ tal-Kummissjoni ta’ mandat għall-bijofjuwils avvanzati u l-e-kerosin. Il-Proposta tal-UE tieħu post mandati nazzjonali partikolari li parzjalment jiddependu minn fjuwils ibbażati fuq kultivazzjonijiet alimentari. Għalhekk, minħabba li l-produzzjoni tal-bijofjuwils hija ta’ importanza prevalenti għal ħafna setturi, u mhux biss għall-avjazzjoni, huwa kruċjali li jiġi żgurat li l-produzzjoni tagħhom tkun dejjem sostenibbli.

3.3.

Il-Proposta tal-Kummissjoni tipprevedi taħlita ta’ 5 % ta’ SAF sal-2023, li 4,3 % minnha hija attribwita għall-bijofjuwils, u 0,7 % għall-e-kerosin. Il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-bilanċ bejn il-bijofjuwils avvanzati u l-e-kerosin. Minħabba li l-bijofjuwils avvanzati huma magħmula mill-iskart u mir-residwi, ir-riżorsi jillimitaw l-isfruttar ambizzjuż tagħhom. Madankollu, l-e-kerosin, jekk ikun magħmul minn elettriku rinnovabbli (ekoloġiku) u mis-CO2 maqbud mill-atmosfera, dan jipprovdi fjuwil b’emissjonijiet negliġibbli ta’ CO2. Il-KESE jemmen li leġiżlazzjoni sekondarja ulterjuri tista’ taċċellera l-introduzzjoni ta’ proċessi ta’ produzzjoni avvanzati, u tiffaċilita l-kisba ta’ miri aktar ambizzjużi fuq perjodu medju u twil għat-taħlitiet tal-SAF.

3.4.

Fid-dawl tal-potenzjal tiegħu, il-KESE jirrakkomanda li jiġu segwiti inklużjonijiet aktar ambizzjużi tal-e-kerosin. Ma jidhirx li huwa impossibbli li l-mira minima tiżdied għal 0,7 % fl-2027 u għal 5 % fl-2030. Fil-fehma tal-KESE, il-Kummissjoni tissottovaluta d-dinamika tas-suq tal-e-kerosin. Il-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-Amerika t’Isfel u fl-Afrika jistgħu jiżviluppaw impjanti tal-enerġija, jaħżnu u jittrasportaw l-e-fjuwils lejn pajjiżi li jeħtieġu l-SAF u l-e-fjuwils. Skont kemm tikber l-iskala tal-impjanti, il-produzzjoni tal-e-fjuwils se ssir dejjem aktar affordabbli għal dawn il-pajjiżi. Madankollu, il-formulazzjoni attwali tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli (RED III) ma tipprevedix biżżejjed stabbiltà fl-ippjanar għall-investituri biex jinvestu f’teknoloġiji ġodda. Madankollu, dan is-sors ta’ enerġija huwa tant importanti li hemm bżonn ta’ pjan direzzjonali politiku ċar, kif deskritt hawn fuq.

Brussell, l-20 ta’ Ottubru 2021.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  ĠU C 429, 11.12.2020, p. 99; ĠU C 389, 21.10.2016, p. 86.

(2)  Komunikazzjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019) 640 final);

Strateġija għal Mobilità Sostenibbli u Intelliġenti, https://ec.europa.eu/transport/themes/mobilitystrategy_mt;

Id-Direttiva tal-UE dwar l-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet, inkluża l-avjazzjoni (COM(2021) 552 final);

Id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli (COM/2021/557 final);

Id-Direttiva dwar l-Infrastruttura tal-Fjuwils Alternattivi (COM(2021) 560 final).

(3)  Nofs l-emissjonijiet tas-CO2 ġejjin minn 6 % biss tat-titjiriet: l-operazzjonijiet fit-tul., Data Snapshot on CO2 emissions and flight distance | EUROCONTROL.

(4)  L-Iskema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali, CORSIA, hija reġim globali ta’ miżuri bbażati fuq is-suq biex jiġi kkumpensat is-sehem tal-emissjonijiet tas-CO2 minn titjiriet internazzjonali li jaqbżu l-livell tagħhom tal-2020. Din qed tiġi applikata mill-1 ta’ Jannar 2021 fuq bażi volontarja, sal-2026; ivvolontarjaw 81 pajjiż (inklużi l-Istati Membri kollha tal-UE) li jirrappreżentaw 77 % tal-avjazzjoni internazzjonali.

(5)  Diversi nazzjonijiet, bħar-Renju Unit u l-Istati Uniti, qed jippjanaw ukoll miżuri biex jippromovu l-SAF u jnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2, ara SWD(2021) 633 final.

(6)  SWD(2021) 633 final, sezzjoni 7.2 (mhux disponibbli bil-Malti).

(7)  Kwalunkwe intervent regolatorju fil-mekkaniżmi tas-suq imur kontra l-objettivi tal-liberalizzazzjoni tas-suq tal-avjazzjoni. Madankollu, il-liberalizzazzjoni mhijiex domma, u għandha l-limiti tagħha meta tipprevjeni l-kisba tal-għanijiet klimatiċi kif stabbiliti fil-Patt Ekoloġiku. Minn dan jirriżulta r-rekwiżit għal analiżi dettaljata u divrenzjata tal-implikazzjonijiet tas-suq ta’ tali interventi f’qafas regolatorju liberalizzat. Dan huwa aktar rilevanti jekk diversi inizjattivi regolatorji komplementari jkunu interdipendenti u jista’ jkollhom effetti finanzjarji kumulattivi fuq il-partijiet ikkonċernati.

(8)  Opinjoni tal-KESE dwar Tassonomija tal-finanzi sostenibbli — tibdil fil-klima, adottata fit-22 ta’ Settembru 2021, ECO/549 (ĠU C 517, 22.12.2021, p. 72).

(9)  L-intenzjoni oriġinali li tiġi estiża l-applikabbiltà tal-EU ETS għat-titjiriet lejn/minn ajruporti tal-UE tneħħiet wara oppożizzjoni minn stati mhux tal-UE li saħqu li l-linji tal-ajru tagħhom ma jistgħux jiġu inklużi legalment fi skema regolatorja tal-UE simili għal taxxa.

(10)  Il-Memorandum ta’ Spjegazzjoni (1. Ir-raġunijiet u l-objettivi tal-proposta), p. 1.

(11)  Eżempju: Il-prezz tal-biljett għal Stuttgart-Vjenna-Kuala Lumpur jiġi affettwat mill-użu ta’ fjuwil imħallat mal-SAF, li jiswa aktar, għar-rotta qasira ta’ Stuttgart-Vjenna, kif ukoll mir-rekwiżit ta’ użu tal-SAF għar-rotta twila ta’ Vjenna-Kuala Lumpur. B’kuntrast ma’ dan, it-titjiriet ta’ Stuttgart-Istanbul-Kuala Lumpur ikunu jirrikjedu biss l-użu ta’ fjuwil tal-avjazzjoni mħallat mal-SAF għar-rotta qasira ta’ Stuttgart-Istanbul.

Fl-eżempju mogħti hawn fuq, jista’ tabilħaqq ikun ta’ vantaġġ mill-aspett finanzjarju għal-linja tal-ajru li topera Istanbul-Stuttgart biex tuża l-kwantità ta’ fjuwil meħtieġa minn Istanbul biex titnaqqas il-ħtieġa ta’ riforniment tal-fjuwil ulterjuri għat-titjira tar-ritorn Stuttgart-Istanbul u b’hekk jiġi evitat għalkollox l-użu tal-fjuwil imħallat mal-SAF. L-Artikolu 5 jipprevjeni kunsiderazzjonijiet bħal dawn.

(12)  Eżempju: Il-Pjan Direzzjonali tal-Ġermanja dwar “mill-elettriku għal fjuwil likwidu” (PtL-Roadmap), 2021 https://www.bmvi.de/SharedDocs/DE/Anlage/LF/ptl-roadmap.pdf?__blob=publicationFile


Haut