Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021AE2582

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2013/34/UE, id-Direttiva 2004/109/KE, id-Direttiva 2006/43/KE u r-Regolament (UE) Nru 537/2014, fir-rigward tar-rapportar korporattiv sostenibbli minn ċerti impriżi” (COM(2021) 189 final — 2021/104 (COD))

    EESC 2021/02582

    ĠU C 517, 22.12.2021, p. 51–55 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    22.12.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 517/51


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2013/34/UE, id-Direttiva 2004/109/KE, id-Direttiva 2006/43/KE u r-Regolament (UE) Nru 537/2014, fir-rigward tar-rapportar korporattiv sostenibbli minn ċerti impriżi”

    (COM(2021) 189 final — 2021/104 (COD))

    (2021/C 517/07)

    Relatur:

    Marinel Dănuț MURESAN

    Konsultazzjoni

    Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 22.6.2021

    Parlament Ewropew, 23.6.2021

    Bażi legali

    Artikoli 50 u 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

    Adottata fis-sezzjoni

    2.9.2021

    Adottata fil-plenarja

    22.9.2021

    Sessjoni plenarja Nru

    563

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    226/0/7

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-KESE jilqa’ l-proposta għal Direttiva dwar ir-Rapportar Korporattiv dwar is-Sostenibbiltà (CSRD), u jqis li r-rapportar ta’ kwalità għolja dwar is-sostenibbiltà ser ikun komponent ewlieni fl-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, inklużi l-miri ambizzjużi tal-pakkett “lesti għall-mira ta’ 55 %”.

    1.2.

    B’mod partikolari, l-espansjoni tas-CSRD biex tkopri l-kumpaniji l-kbar kollha li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet, kif ukoll l-SMEs elenkati, se tappoġġja t-trasformazzjoni tal-ekonomija Ewropea f’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi, skont il-mandat għall-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju (EFRAG) biex jiżviluppa Standards tal-UE għar-Rapportar Mhux Finanzjarju koerenti.

    1.3.

    B’segwitu għall-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Finanzjament tat-Tkabbir Sostenibbli, il-KESE jilqa’ l-enfasi tal-Kummissjoni Ewropea fuq l-inċentivi għad-divulgazzjoni ta’ data ta’ kwalità għolja dwar is-sostenibbiltà mill-kumpaniji u mill-istituzzjonijiet finanzjarji. Is-settur pubbliku u dak privat għandhom jaħdmu id f’id għal dan ir-riżultat, fejn il-qafas leġiżlattiv għall-finanzi sostenibbli u għar-rapportar korporattiv jaqdu rwol kruċjali f’dan ir-rigward.

    1.4.

    Il-KESE jħeġġeġ lill-koleġiżlaturi biex jevalwaw l-ispejjeż operazzjonali u amministrattivi involuti bl-inklużjoni gradwali u volontarja tal-SMEs fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, u biex jikkunsidraw miżuri ta’ appoġġ addizzjonali potenzjali biex jgħinu biex jikkumpensaw kwalunkwe piż amministrattiv u operazzjonali għal dan il-qasam kruċjali tal-ekonomija.

    1.5.

    Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon kbir il-kjarifika mill-Kummissjoni Ewropea u l-konformità li turi mal-prinċipju tal-“materjalità doppja”, u d-deskrizzjoni tiegħu li tingħata fil-paragrafu 3 tal-proposta.

    1.6.

    Il-KESE jappoġġja l-mandat mogħti lill-EFRAG biex iħejji l-parir tekniku għall-iżvilupp ta’ standard Ewropew ta’ rapportar mhux finanzjarju. Dan il-proċess tat-twaqqif ta’ standards jenħtieġ li jinvolvi lill-partijiet ikkonċernati kollha b’interess materjali fit-tħejjija u l-użu tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà: il-partijiet ikkonċernati finanzjarji u mhux finanzjarji rilevanti, l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili għandhom jiġu garantiti rwol ċar fl-istadji kollha.

    1.7.

    Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej u lill-koleġiżlaturi biex jiżguraw allinjament bir-reqqa – f’termini ta’ kontenut u sekwenzjar – tal-komponenti differenti tal-qafas ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà, inklużi dawk li jkopru l-istituzzjonijiet finanzjarji.

    1.8.

    Il-KESE jħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni Ewropea u lill-EFRAG biex jikkunsidraw kif rekwiżiti speċifiċi ta’ rapportar skont il-pajjiż dwar ir-riskji u l-impatti tas-sostenibbiltà, għall-entitajiet kollha fil-kamp ta’ applikazzjoni, jistgħu jinkoraġġixxu divulgazzjonijiet aktar granulari u materjali.

    1.9.

    Fl-aħħar nett, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tikkunsidra li tagħti spinta għal-litteriżmu finanzjarja u dwar is-sostenibbiltà. Filwaqt li din il-proposta se tiżgura li l-kumpaniji u l-istituzzjonijiet finanzjarji jkunu jistgħu jipprovdu data preċiża lill-utenti aħħarin, lill-benefiċjarji futuri, u lil investituri finali oħra, huwa meħtieġ sforz komplementari sabiex jawtonomizzahom biex jikkanalizzaw it-tfaddil tagħhom lejn investimenti sostenibbli b’biżżejjed fiduċja. Għalhekk, il-KESE jilqa’ l-impenji li ttieħdu f’dan ir-rigward bħala parti mill-Istrateġija għall-Finanzjament tat-Tranżizzjoni lejn Ekonomija Sostenibbli (1).

    2.   Proposta tal-Kummissjoni

    2.1.

    Id-Direttiva 2014/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) dwar id-Divulgazzjoni ta’ Informazzjoni Mhux Finanzjarja (il-NFRD), li temenda d-Direttiva dwar il-Kontabilità, ġiet adottata fl-2014. Il-kumpaniji fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-NFRD kellhom jirrapportaw skont id-dispożizzjonijiet tagħha għall-ewwel darba fl-2018 (li jkopru s-sena finanzjarja 2017).

    2.2.

    F’konformità mal-NFRD, fl-2017 il-Kummissjoni ppubblikat linji gwida dwar rapportar mhux vinkolanti għall-kumpaniji (3). Fl-2019, hija ppubblikat linji gwida addizzjonali dwar ir-rapportar ta’ informazzjoni relatata mal-klima (4). Dawn il-linji gwida ma tejbux biżżejjed il-kwalità tal-informazzjoni li l-kumpaniji jiddivulgaw skont l-NFRD.

    2.3.

    Fil-Patt Ekoloġiku Ewropew u fil-Programm ta’ Ħidma tagħha għall-2020, il-Kummissjoni Ewropea impenjat ruħha li tipproponi reviżjoni tad-Direttiva dwar ir-Rapportar Mhux Finanzjarju (5).

    2.4.

    F’Marzu 2018, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Finanzjament tat-Tkabbir Sostenibbli (6), li tenna l-ħtieġa għal aktar standardizzazzjoni tal-informazzjoni mhux finanzjarja li għandha tingħata mill-korporattivi, li hija meħtieġa biex tiggwida d-deċiżjonijiet ta’ investiment. Wara l-Pjan ta’ Azzjoni, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet tliet proposti leġiżlattivi li ddefinixxew aktar id-data meħtieġa mingħand entitajiet korporattivi għal dan il-għan, jiġifieri, ir-Regolament dwar it-Tassonomija (7), ir-Regolament dwar id-Divulgazzjonijiet dwar il-Finanzi Sostenibbli (8), u r-Regolament dwar il-Parametri Referenzjarji b’Livell Baxx ta’ Karbonju (9).

    2.5.

    Fir-Rapport fuq inizjattiva proprja tiegħu ta’ Mejju 2018 dwar il-finanzi sostenibbli, il-Parlament Ewropew talab li jiġu żviluppati aktar ir-rekwiżiti ta’ rapportar fil-qafas tad-Direttiva dwar ir-Rapportar Mhux Finanzjarju (NFRD) (10). Fir-Riżoluzzjoni tiegħu ta’ Diċembru 2020 dwar il-governanza korporattiva sostenibbli, huwa laqa’ l-impenn tal-Kummissjoni dwar ir-rieżami tal-NFRD, appella għal estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-NFRD biex jinkludi kategoriji addizzjonali ta’ kumpaniji, u laqa’ l-impenn tal-Kummissjoni li tiżviluppa standards ta’ rapportar mhux finanzjarji tal-UE (11). Il-Parlament Ewropew qies ukoll li l-informazzjoni mhux finanzjarja ppubblikata mill-kumpaniji skont l-NFRD għandha tkun soġġetta għal awditu obbligatorju.

    2.6.

    L-NFRD, flimkien mar-Regolament dwar id-Divulgazzjoni dwar il-Finanzi Sostenibbli (SFDR) u r-Regolament dwar it-Tassonomija, huma l-komponenti ċentrali tar-rekwiżiti ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà li jikkostitwixxu l-bażi tal-istrateġija tal-UE għall-finanzi sostenibbli.

    2.7.

    Għalhekk, l-għan ta’ din il-proposta huwa li ttejjeb ir-rapportar dwar is-sostenibbiltà, sabiex jiġi sfruttat aħjar il-potenzjal tas-suq uniku Ewropew li jikkontribwixxi għat-tranżizzjoni lejn sistema ekonomika u finanzjarja kompletament sostenibbli u inklużiva f’konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew, inklużi l-pakkett “lesti għall-mira ta’ 55 %” u mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.

    3.   Kummenti ġenerali

    3.1.

    L-Ewropa bħalissa qed toħroġ minn emerġenza tas-saħħa li tat prominenza lill-ħtieġa għal sistema finanzjarja u ekonomika reżiljenti biex tissalvagwardja kontra kriżijiet mhux mistennija fil-futur. Kif isostni l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), il-pandemija serviet bħala tfakkira importanti li l-prevenzjoni tat-tibdil fil-klima milli jikkawża ħsara permanenti fuq l-ekonomija globali teħtieġ bidla strutturali fundamentali għall-ekonomija tagħna, li twassal għal bidliet sistematiċi fil-mod kif tiġi ġġenerata u kkunsmata l-enerġija (12). Fl-istess ħin, il-BĊE jenfasizza li n-nuqqas ta’ azzjoni urġenti jhedded il-ħajja tal-bniedem stess, b’mod partikolari ta’ dawk li huma l-ifqar u l-aktar vulnerabbli. Ir-rapportar korporattiv mhux finanzjarju ta’ kwalità għolja huwa komponent kruċjali biex jiġi żgurat li ż-żewġ dimensjonijiet ta’ din il-kwistjoni jiġu indirizzati kif dovut.

    3.2.

    Fl-istess ħin, il-progress fl-Unjoni tas-Swieq Kapitali se jiżgura li l-industrija Ewropea, li s-sinsla tagħha hija magħmula minn SMEs li jikkontribwixxu għal aktar minn nofs il-PDG Ewropew (13), tkompli tirnexxi, toħloq impjiegi ta’ kwalità, u twassal għall-kompetittività fit-tul tal-Unjoni Ewropea. Dan il-progress huwa kontinġenti fuq kapital li jiġi allokat lil kumpaniji li jinsabu fi tranżizzjoni biex jilħqu l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi, u li se jappoġġja lill-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, kif ukoll fuq l-iżgurar li l-edukazzjoni finanzjarja u ta’ sostenibbiltà ssir komponent integrali tal-impenji tal-Ewropa.

    3.3.

    Data korporattiva ta’ kwalità għolja, komparabbli u rilevanti, li taderixxi mal-approċċ tal-materjalità doppja, hija prerekwiżit ewlieni biex jiġi żgurat li s-settur finanzjarju jkun jista’ jivvaluta l-profil ta’ sostenibbiltà ta’ klijenti u kontropartijiet mhux finanzjarji jew finanzjarji, biex b’hekk ikun jista’ jappoġġja lill-klijenti tiegħu sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi. Il-KESE jħeġġeġ lill-koleġiżlaturi jiżguraw li l-proposta inkwistjoni tissodisfa dan l-objettiv ewlieni, li ser jikkostitwixxi l-bażi ta’ rkupru sostenibbli mill-pandemija tal-COVID-19, u jiżgura l-kompetittività u t-tkabbir fit-tul tas-suq uniku.

    3.4.

    Il-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rapportar Finanzjarju (EFRAG) għandu l-kompitu li jiżviluppa l-istandards tekniċi (“standards”) li se jimplimentaw it-test leġiżlattiv fil-prattika. B’segwitu għar-rapport finali tal-EFRAG dwar il-kwistjoni (14), il-KESE jħeġġeġ lill-Pjattaforma tal-UE dwar il-Finanzi Sostenibbli u lill-Pjattaforma Internazzjonali dwar il-Finanzi Sostenibbli biex jikkonsultaw mill-qrib mal-EFRAG dwar il-valutazzjoni ta’ livell adatt ta’ granularità tal-istandards, filwaqt li jiġi żgurat li l-entitajiet ta’ rapportar jipprovdu data li tkun materjali u komparabbli. Minħabba l-pass mgħaġġel fl-iżviluppi internazzjonali fil-qasam tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, inkluż l-użu mifrux tal-oqfsa tal-GRI (Inizjattiva Globali għar-Rapportar), tas-SASB (Bord għall-Istandards dwar il-Kontabilità għas-Sostenibbiltà) u tat-TCFD (Task Force dwar Divulgazzjonijiet Finanzjarji relatati mal-Klima) mill-kumpaniji u l-istituzzjonijiet finanzjarji bl-istess mod, il-KESE jirrakkomanda li l-istandards jiġu infurmati mid-dispożizzjonijiet ewlenin ta’ dawn l-oqfsa. Kif spjegat ukoll mill-EFRAG, il-kooperazzjoni internazzjonali f’dan ir-rigward, madankollu, ma għandhiex tfixkel l-ambizzjoni tal-UE bħala mexxejja globali fis-sostenibbiltà, f’termini tal-kamp ta’ applikazzjoni u l-ħeffa tal-iżvilupp tal-qafas regolatorju tal-UE. L-iżgurar ta’ rappreżentanza bbilanċjata ta’ gruppi ta’ partijiet ikkonċernati ewlenin, inklużi l-imsieħba soċjali, fl-istruttura governattiva tal-EFRAG, se jiżgura li dan il-proċess jitwettaq bl-aktar mod robust possibbli.

    3.5.

    Il-koerenza fl-adozzjoni ta’ prattiki ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà fil-ġurisdizzjonijiet kollha tal-UE-27 se tkun kruċjali fil-forniment ta’ data komparabbli u ta’ kwalità għolja. Il-KESE jħeġġeġ lill-koleġiżlaturi jiżguraw li n-negozjati jwasslu għal eżitu flessibbli biżżejjed b’mod li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva ma jkunux soġġetti għal modifika estensiva fil-proċess ta’ traspożizzjoni, peress li ma ġiex adottat Regolament. Dan l-element ikun kruċjali biex jiġu żgurati rekwiżiti ta’ rapportar koeżivi madwar l-UE-27, biex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq, u biex jitħeġġeġ il-fluss mingħajr xkiel tal-kapital b’mod ugwali fil-ġurisdizzjonijiet kollha. Filwaqt li l-KESE jistenna bis-sħiħ li l-istandards previsti jiġu applikati b’mod konsistenti madwar l-UE-27, huwa importanti li tiġi enfasizzata l-importanza li jiġi żgurat li l-eżitu kemm tat-traspożizzjoni tas-CSRD kif ukoll dak tal-istabbiliment tal-istandards iwasslu għal divulgazzjonijiet tal-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà li jkunu ta’ kwalità għolja, komparabbli u materjali fl-UE-27. Il-ħidma empirika preċedenti mwettqa mis-soċjetà ċivili wriet differenzi reġjonali sinifikanti, li jistgħu jipperikolaw dan l-għan (15).

    4.   Kummenti speċifiċi

    4.1.   Kamp ta’ applikazzjoni

    4.1.1.

    Il-KESE jilqa’ l-kamp ta’ applikazzjoni usa’ tad-Direttiva biex jinkludi lill-SMEs elenkati – bl-esklużjoni ta’ dawk elenkati f’faċilitajiet multilaterali tan-negozjar (MTFs) jew fis-swieq tat-tkabbir tal-SMEs – kif ukoll id-dispożizzjonijiet għar-rapportar volontarju għal SMEs mhux elenkati, il-perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ tliet snin, u l-istandard simplifikat għall-SMEs elenkati. Minħabba l-piżijiet amministrattivi u operazzjonali sinifikanti li jiffaċċjaw l-SMEs biex jakkwistaw id-data adatta u biex iħejju r-rapporti tagħhom, aggravati mill-effetti tal-pandemija tal-COVID-19, il-KESE jappoġġja l-kamp ta’ applikazzjoni attwali tal-proposta. Dan l-approċċ ibbilanċjat jippermetti perkors prevedibbli għall-SMEs biex jissodisfaw l-aspettattivi dejjem akbar għall-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà fost l-investituri tagħhom u fost il-firxa usa’ tal-partijiet ikkonċernati, filwaqt li jippermetti l-flessibbiltà u l-ħin biex dawn ir-rekwiżiti jiġu ssodisfati gradwalment u b’mod volontarju.

    4.1.2.

    Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea twettaq malajr valutazzjoni tal-impatt speċifika u analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji dwar l-effetti tal-perjodu ta’ introduzzjoni gradwali u dwar l-istandard ta’ rapportar simplifikat kemm fuq l-SMEs elenkati kif ukoll fuq dawk mhux elenkati. Element sinifikanti ta’ din l-analiżi għandu jinkludi evidenza empirika konkreta u rakkomandazzjonijiet dwar l-inklużjoni, f’perjodu raġonevoli, ta’ SMEs elenkati u mhux elenkati li joperaw f’setturi ta’ riskju għoli, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. Jekk ikun meħtieġ, il-Kummissjoni Ewropea għandha tikkunsidra wkoll miżuri addizzjonali ta’ appoġġ biex tgħin lill-SMEs fir-rekwiżiti ta’ rapportar li huma previsti.

    4.2.   Divulgazzjoni tar-riskji u l-impatti tul il-ktajjen tal-valur

    4.2.1.

    Il-KESE jilqa’ l-approċċ tad-Direttiva proposta li jiġu inklużi rekwiżiti ta’ rapportar li jkopru l-katina tal-valur ta’ entitajiet koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni. Fid-dawl tal-kumplessità tal-ktajjen tal-valur moderni, il-KESE jirrakkomanda kwalifikaturi aktar ċari u dettaljati dwar meta għandu jiġi rispettat l-approċċ tal-katina tal-valur kollha għar-rapportar, f’konformità mad-dispożizzjoni tad-Direttiva proposta biex dan ir-rapportar isir “kif xieraq”, skont il-Premessa 29. Peress li jirriżultaw riskji u impatti ambjentali, soċjali u ta’ governanza sinifikanti minn attivitajiet fil-ktajjen tal-valur, il-KESE jixtieq jenfasizza li dawn l-ispeċifikazzjonijiet addizzjonali m’għandhomx inaqqsu mir-rekwiżit ta’ rapportar b’mod li jippromovi trasparenza sħiħa dwar l-impatti tal-attivitajiet imwettqa fil-ktajjen tal-valur.

    4.3.   Allinjament tar-Rekwiżiti ta’ Rapportar f’termini ta’ skedar taż-żmien u kontenut

    4.3.1.

    Il-KESE jenfasizza li s-suċċess tal-proposta huwa bbażat fuq sekwenzjar u allinjament bir-reqqa tar-rekwiżiti ta’ rapportar bejn is-CSRD u oqfsa leġiżlattivi oħrajn. Billi dan il-proċess jikkonċerna b’mod partikolari l-ħtiġijiet ta’ dawk l-entitajiet koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni, jiġifieri kemm dawk utenti kif ukoll dawk li jippreparaw l-informazzjoni mhux finanzjarja, se jkun sinifikanti li jiġi żgurat li jingħata biżżejjed ħin għall-ġbir, il-valutazzjoni, u d-divulgazzjoni tad-data rilevanti. Tali koordinazzjoni għandha tiżgura li l-klijenti mhux finanzjarji ta’ dawk l-entitajiet finanzjarji koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni jintalbu jiddivulgaw id-data meħtieġa fl-ewwel istanza, u sussegwentement tippermetti lill-entitajiet finanzjarji jivvalutawha u jħejju d-divulgazzjonijiet tagħhom stess.

    4.3.2.

    Il-Kummissjoni Ewropea u l-koleġiżlaturi għandhom jivvalutaw dawn ir-rekwiżiti ta’ sekwenzjar, speċjalment peress li dawn jinfluwenzaw lil dawk l-entitajiet koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni li se jkunu soġġetti għal rekwiżiti ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà skont ir-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital (16), l-Artikolu 8 tar-Regolament dwar it-Tassonomija, l-Atti Delegati tar-Regolament dwar id-Divulgazzjoni dwar il-Finanzi Sostenibbli (17), u kwalunkwe standard futur relatat mal-iżvilupp tat-Tassonomija Soċjali, kif ukoll tassonomiji oħra. Il-konformità ma’ dawn ir-rekwiżiti se tiddependi mid-disponibbiltà ta’ data ta’ kwalità għolja pprovduta abbażi tal-proposta inkwistjoni. L-informazzjoni meħtieġa permezz tad-divulgazzjonijiet tas-CSRD jenħtieġ tkun simili fil-kamp ta’ applikazzjoni għad-data li għandha tiġi divulgata skont dawn ir-rekwiżiti relatati, inklużi dawk tal-atti delegati tar-Regolament dwar it-Tassonomija, li jistgħu jingħataw aktar kjarifiki għalihom fid-Direttiva proposta u fil-ħidma tal-EFRAG fl-iżvilupp tal-istandards, kif adatt.

    4.4.   Assigurazzjoni

    4.4.1.

    Il-KESE jirrikonoxxi l-importanza li jiġu żgurati l-kwalità għolja u l-verifikabbiltà tad-data mhux finanzjarja divulgata skont id-Direttiva proposta. Ir-rwol tal-assigurazzjoni huwa kritiku f’dan ir-rigward, u l-KESE jilqa’ r-rakkomandazzjoni tal-proposta għall-użu ta’ assigurazzjoni limitata biex tiġi vverifikata d-data mhux finanzjarja tal-entitajiet koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni.

    4.4.2.

    Minħabba n-nuqqas ta’ qafas miftiehem komunement għal assigurazzjoni raġonevoli dwar l-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà u għal kwalità prematura ta’ ċerti forom ta’ data mhux finanzjarja, huwa rrakkomandat li r-rekwiżiti ta’ assigurazzjoni jibqgħu fil-livell ta’ valutazzjoni meħtieġ għal assigurazzjoni limitata.

    4.5.   Drittijiet tal-bniedem

    4.5.1.

    Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-identifikazzjoni aktar granulari ta’ suġġetti dwar is-sostenibbiltà li dwarhom għandha tiġi żvelata d-data, inklużi dawk is-suġġetti relatati mal-impatti fuq komunitajiet u ħaddiema vulnerabbli. Flimkien mal-progress ippjanat rigward il-ħruġ ta’ proposta dwar Governanza Korporattiva Sostenibbli, il-KESE jqis li l-proposta inkwistjoni tipprovdi opportunità sinifikanti biex jiġi żviluppat qafas prattiku għall-valutazzjoni tar-riskji finanzjarji li joriġinaw minn operazzjonijiet kummerċjali li jinfluwenzaw il-komunitajiet, filwaqt li tippromovi wkoll fehim tajjeb dwar l-impatti tal-operazzjonijiet tan-negozju fuq l-istess komunitajiet. L-ispeċifikazzjoni ulterjuri tar-rekwiżiti tar-rapportar kif ukoll dawk tad-diliġenza dovuta għandha tibbilanċja bir-reqqa l-ħtiġijiet tal-imsieħba soċjali, permezz ta’ dritt ta’ konsultazzjoni formali.

    4.5.2.

    Il-KESE jħeġġeġ lill-koleġiżlaturi biex jikkunsidraw definizzjoni aktar ċara tal-partijiet ikkonċernati li għandhom jitqiesu u jiġu kkonsultati f’dan il-proċess, u biex jiżguraw l-allinjament sħiħ ta’ dawn ir-rekwiżiti mad-dispożizzjonijiet tal-proposta mistennija dwar il-Governanza Korporattiva Sostenibbli. Il-proċess li l-kumpaniji għandhom iwettqu biex jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati jenħtieġ li, minn naħa waħda, jiġi definit billi jiġu identifikati biss il-partijiet ikkonċernati l-aktar rilevanti, filwaqt li min-naħa l-oħra, jenħtieġ li jiġi żgurat li dawn il-proċessi jitfasslu b’mod adatt, ikunu sempliċi, u ma jżidux kumplessità bla bżonn għall-kumpaniji koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni estiż tad-Direttiva proposta.

    4.6.   Ippjanar tat-tranżizzjoni

    4.6.1.

    Il-KESE jagħraf il-ħtieġa li l-kumpaniji fi tranżizzjoni jattiraw il-finanzi. L-enfasi tal-proposta dwar il-ħtieġa ta’ rapportar dwar il-kompatibbiltà tal-mudelli u l-istrateġiji tan-negozju mat-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli u mat-trażżin tat-tisħin globali għal 1,5 oC hija għalhekk kruċjali. Meta jitqies ir-rapport tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija dwar il-kisba tan-newtralità klimatika sal-2050 (18), l-iżgurar ta’ data robusta u ta’ kwalità għolja biex jiġi ssodisfat dan ir-rekwiżit tad-Direttiva proposta se jkun fattur kruċjali li jippermetti li jiġi żgurat li l-kumpaniji jkollhom pjani ta’ tranżizzjoni kredibbli, u li l-banek u s-swieq kapitali jkunu jistgħu jgħinuhom jilħqu l-għanijiet tagħhom. Il-KESE jappoġġja aktar granularità fir-rekwiżiti li juru dan l-allinjament, b’mod proporzjonat. Tali rekwiżiti jenħtieġ li jinkludu aktar informazzjoni dwar ix-xenarji ta’ tranżizzjoni adottati mill-korporattivi, kif ukoll dwar l-elementi li jiddeterminaw il-kompatibbiltà tagħhom mal-objettivi tat-Tranżizzjoni Ġusta.

    4.7.   Żvilupp tal-istandards tal-UE dwar ir-rapportar mhux finanzjarju

    4.7.1.

    Il-KESE jtenni l-appoġġ tiegħu għall-mandat estiż għall-EFRAG għall-għoti ta’ pariri tekniċi fir-rigward tal-iżvilupp tal-istandards tal-UE dwar ir-rapportar mhux finanzjarju. Il-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-mandat tiegħu jirrikjedi “proċess xieraq, taħt sorveljanza pubblika u bi trasparenza” inkluża l-konsultazzjoni ta’ firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati fl-iżvilupp tal-istandards, u jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li t-trade unions, l-imsieħba soċjali usa’, l-SMEs, u partijiet ikkonċernati oħrajn b’interess materjali fl-iżvilupp tal-istandards, inklużi kumpaniji finanzjarji u mhux finanzjarji u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, jiġu inklużi u kkonsultati matul l-iżvilupp tal-konsulenza teknika. F’dan ir-rigward, il-KESE jappoġġja l-isforzi tal-EFRAG biex ifittex il-fehmiet tal-partijiet interessati dwar l-iżvilupp tal-proċess dovut (19) tiegħu, u jistenna eżitu li jiżgura l-inklużjoni tal-partijiet ikkonċernati kollha msemmija hawn fuq.

    Brussell, it-22 ta’ Settembru 2021.

    Christa SCHWENG

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


    (1)  COM(2021) 390 final.

    (2)  Direttiva 2014/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2014 li temenda d-Direttiva 2013/34/UE fir-rigward tad-divulgazzjoni ta’ informazzjoni mhux finanzjarja u dwar id-diversità minn ċerti impriżi u gruppi kbar (ĠU L 330, 15.11.2014, p. 1).

    (3)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni C(2017) 4234 final (ĠU C 215, 5.7.2017, p. 1).

    (4)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni C(2019) 4490 final (ĠU C 209, 20.6.2019, p. 1).

    (5)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM/2019/640 final), Programm ta’ Ħidma Aġġustat tal-Kummissjoni (2020 COM(2020) 440 final).

    (6)  COM(2018) 97 final.

    (7)  Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13).

    (8)  Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2019 dwar divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà fis-settur tas-servizzi finanzjarji (ĠU L 317, 9.12.2019, p. 1).

    (9)  Regolament (UE) 2019/2089 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1011 fir-rigward ta’ Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE, ta’ Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi u ta’ divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà għall-parametri referenzjarji (ĠU L 317, 9.12.2019, p. 17).

    (10)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta’ Mejju 2018 dwar il-finanzi sostenibbli (2018/2007(INI)) (ĠU C 76, 9.3.2020, p. 23).

    (11)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Diċembru 2020 dwar governanza korporattiva sostenibbli (2020/2137(INI)). (ĠU C 445, 29.10.2021, p. 94).

    (12)  https://www.ecb.europa.eu/press/key/date/2020/html/ecb.sp200717~1556b0f988.en.html

    (13)  https://ec.europa.eu/growth/smes_mt

    (14)  https://ec.europa.eu/info/sites/default/files/business_economy_euro/banking_and_finance/documents/210308-report-efrag-sustainability-reporting-standard-setting_en.pdf

    (15)  https://www.allianceforcorporatetransparency.org/assets/Research_Report_EUKI_2020.pdf, p. 51.

    (16)  Regolament (UE) 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

    (17)  C(2021) 2800 final.

    (18)  https://www.iea.org/reports/net-zero-by-2050

    (19)  https://www.efrag.org/Assets/Download?assetUrl=%2fsites%2fwebpublishing%2fSiteAssets%2fEFRAG%2520Due%2520Process%2520Procedures_V04.pdf


    Top