Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021AE2534

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — L-Istrateġija tal-UE dwar ir-ritorn volontarju u r-riintegrazzjoni” (COM(2021) 120 final)

EESC 2021/02534

ĠU C 517, 22.12.2021, p. 86–90 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

22.12.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 517/86


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — L-Istrateġija tal-UE dwar ir-ritorn volontarju u r-riintegrazzjoni”

(COM(2021) 120 final)

(2021/C 517/13)

Relatur:

José Antonio MORENO DÍAZ

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 31.5.2021

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adottata fis-sezzjoni

7.9.2021

Adottata fil-plenarja

22.9.2021

Sessjoni plenarja Nru

563

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

219/1/4

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

L-Istrateġija dwar ir-ritorn volontarju u r-riintegrazzjoni għandha l-għan li tistabbilixxi approċċ kondiviż fit-tfassil, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-programmi ta’ ritorn volontarju assistit u riintegrazzjoni promossi mill-Istati Membri, li jiddefinixxu għanijiet komuni u jippromovu l-koerenza bejn il-programmi nazzjonali, u bejniethom u l-Unjoni Ewropea. L-Istrateġija tfittex ukoll li tippromovi u tistabbilixxi għodod komuni u ttejjeb il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri f’dawn l-oqsma.

1.2.

Sal-lum, l-eżistenza ta’ firxa kbira ta’ strumenti u approċċi fil-qasam tar-ritorn volontarju u r-riintegrazzjoni wasslet għal taħlita ta’ inizjattivi, programmi u proġetti li ħafna drabi ma jkollhomx oqfsa komuni ta’ referenza, u dan jagħmel l-evalwazzjoni, kif ukoll l-applikazzjoni effettiva tagħhom, diffiċli. L-għan ta’ din l-Istrateġija huwa li jsir progress fl-armonizzazzjoni ta’ dawn l-oqfsa ta’ referenza u li tiġi promossa l-kooperazzjoni tal-pajjiżi Ewropej fl-iżvilupp tal-programmi ta’ ritorn volontarju assistit u riintegrazzjoni.

1.3.

Il-KESE jilqa’ l-Istrateġija bħala strument ta’ ġestjoni li jfittex li jtejjeb il-koordinazzjoni u l-għanijiet kondiviżi tal-Istati Membri fil-governanza tal-migrazzjoni. Il-KESE jikkondividi l-loġika tal-Kummissjoni biex isir progress fir-reviżjoni u l-armonizzazzjoni tal-istrumenti, fil-ġbir tad-data u fil-mekkaniżmi ta’ konsulenza lin-nies involuti, sabiex tingħeleb il-frammentazzjoni tal-approċċi, jitnaqqsu l-ispejjeż tar-ritorn u jittejbu l-allokazzjonijiet finanzjarji ta’ dawn il-programmi, fost sfidi eżistenti oħra.

1.4.

Iżda, bħal f’każijiet preċedenti, il-KESE jiddispjaċih li l-miżuri biex isir progress fir-rotot regolari ta’ dħul, li huma dawk li jaffettwaw il-maġġoranza tal-popolazzjoni barranija residenti fl-Unjoni Ewropea, jiġu żviluppati aktar tard u b’mod aktar limitat minn dawk il-proposti mmirati biex jiġu solvuti kwistjonijiet relatati mal-irregolarità. Approċċ komprensiv għall-mobilità huwa essenzjali sabiex jiġu offruti alternattivi li jmorru lil hinn mill-kontroll fuq il-fruntieri u r-ritorn.

1.5.

Il-KESE jenfasizza li l-biċċa l-kbira tar-ritorni ma jaħdmux kif suppost minħabba n-nuqqas ta’ parteċipazzjoni mill-pajjiżi ta’ oriġini, kif ukoll minħabba l-parteċipazzjoni riluttanti tal-persuni f’sitwazzjoni irregolari. F’dan ir-rigward, u filwaqt li jivvaluta b’mod pożittiv l-isforzi tal-Kummissjoni, ma jistax ma jiddubitax kemm huma effettivi xi wħud mill-proposti mressqa, bħall-kunċett tar-ritorn sponsorizzat.

1.6.

Il-KESE huwa mħasseb ukoll dwar ir-rwol futur tal-Frontex, speċjalment qabel il-pubblikazzjoni tar-rapport tal-Parlament Ewropew dwar il-ksur tad-drittijiet minn din l-aġenzija Ewropea (1). Fil-fehma tal-KESE, huwa essenzjali li jintalab l-istabbiliment ta’ mekkaniżmi flessibbli u effettivi ta’ sorveljanza u kontroll effettiv (obbligu ta’ rendikont) tal-attività tal-Frontex, kif ukoll li l-attività tagħha tirrispetta d-drittijiet tal-bniedem.

1.7.

Il-KESE jappoġġja koordinazzjoni aħjar bejn il-partijiet ikkonċernati kollha, kif ukoll it-titjib ippjanat biex tissaħħaħ is-solidarjetà bejn l-Istati Membri u l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi. Jappoġġja wkoll l-isforzi għat-titjib tal-konsulenza u l-attitudni dwar ir-ritorn, u l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili f’azzjonijiet ta’ ritorn u speċjalment ta’ riintegrazzjoni sostenibbli. Bl-istess mod, jivvaluta b’mod pożittiv l-isforzi biex tittejjeb id-disponibbiltà tar-riżorsi u l-ġbir tad-data, kif ukoll l-iskambju ta’ prattiki tajba dwar dawn il-kwistjonijiet.

1.8.

Il-KESE jinsab imħasseb dwar l-għan imsemmi hawn fuq li jiżdiedu r-ritorni volontarji rapidi mill-fruntieri esterni, minħabba n-nuqqas ta’ garanziji li dawn jistgħu jinvolvu. Jinsab speċjalment imħasseb li dawn jistgħu jinbidlu f’ewfemiżmu biex jiġu diskussi d-deportazzjonijiet jew biex jingħata kumpens finanzjarju lill-pajjiżi ta’ destinazzjoni li jilqgħu lil dawn il-persuni rimpatrijati, mingħajr ma jiġu meqjusa biżżejjed ix-xewqat tagħhom u, aktar inkwetanti, id-drittijiet tagħhom. Il-KESE jwissi wkoll dwar l-inkongruwenza li jiġu offruti inċentivi fi programmi li jinvolvu l-eżistenza ta’ persuni f’sitwazzjoni irregolari, peress li dan jista’ jiskoraġġixxi kwalunkwe tentattiv mill-pajjiżi ta’ oriġini biex inaqqsu dawn il-flussi.

1.9.

F’dan ir-rigward, il-KESE jkompli jqis id-dedikazzjoni kważi esklużiva tal-politika dwar l-immigrazzjoni u l-ażil tal-Unjoni Ewropea, bħala dgħufija strateġika tagħha għall-ġlieda kontra l-irregolarità, kemm fil-fruntiera kif ukoll permezz ta’ ritorni volontarji u mġiegħla. Għal dan il-għan, jitlob lill-Kummissjoni għal darb’oħra tirrevedi l-qafas ta’ referenza tagħha, u taħdem b’mod effettiv bil-għan li tipprovdi ħarsa komprensiva lejn il-politika dwar l-immigrazzjoni u l-ażil, li tippromovi mobbiltà ordnata, legali u sikura.

2.   Sfond

2.1.

L-iffaċilitar tar-ritorn volontarju huwa għan strateġiku tal-politika dwar il-migrazzjoni tal-Unjoni Ewropea, mid-Direttiva dwar ir-Ritorn approvata fl-2018, u kif iddikjarat fil-Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil.

2.2.

Ir-ritorn volontarju huwa mifhum bħala l-istrument li jippermetti r-ritorn tal-migranti li jinsabu b’mod irregolari fit-territorju tal-UE lejn il-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom. Huwa mifhum li dan l-istrument jippermetti n-natura volontarja tad-deċiżjoni tal-migranti, jiffaċilita r-riammissjoni fl-oriġini u jippermetti riintegrazzjoni aħjar fis-soċjetà ospitanti minn proċeduri ta’ ritorn imġiegħel. Mill- 491 195 nazzjonal ta’ pajjiż terz f’sitwazzjoni irregolari li ġew ordnati jirritornaw fl-2019, 142 320 effettivament irritornaw lejn pajjiż terz.

2.3.

L-għan tal-Istrateġija huwa li tistabbilixxi approċċ kondiviż fit-tfassil, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-programmi ta’ ritorn volontarju assistit u riintegrazzjoni promossi mill-Istati Membri, li jiddefinixxu għanijiet komuni u jippromovu l-koerenza bejn il-programmi nazzjonali u bejn dawn il-programmi u l-Unjoni Ewropea. Il-promozzjoni u l-istabbiliment ta’ għodod komuni u t-titjib tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri ukoll huwa għan tal-Istrateġija.

2.4.

L-iskop tal-assistenza għar-ritorn u r-riintegrazzjoni huwa li tgħin lill-migranti irregolari jirritornaw volontarjament u jibdew ħajja indipendenti fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, u b’hekk jitnaqqas ir-riskju ta’ immigrazzjoni irregolari mill-ġdid. L-assistenza għar-ritorn tista’ tinkludi, pereżempju, konsulenza ta’ qabel it-tluq, appoġġ psikosoċjali u għajnuna fl-organizzazzjoni tal-vjaġġ, assistenza biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet mediċi immedjati, u/jew appoġġ finanzjarju biex jiġi ffaċilitat ir-ritorn u biex jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet tal-għajxien n m mal-wasla. L-assistenza għar-riintegrazzjoni għandha l-għan li tgħin lill-persuna terġa’ tintegra b’suċċess fis-soċjetà u tista’ tinkludi assistenza u konsulenza immedjata wara l-wasla, appoġġ fit-tfittxija jew il-ħolqien ta’ attivitajiet li jiġġeneraw l-introjtu għall-persuna rimpatrijata, kif ukoll attivitajiet mal-komunitajiet lokali.

2.5.

L-UE tiffinanzja direttament jew permezz tal-programmi tal-Istati Membri numru sinifikanti ta’ azzjonijiet relatati mar-ritorn volontarju u r-riintegrazzjoni. Bejn l-2014 u l-2018, ġew iffinanzjati madwar 60 programm ta’ ritorn volontarju assistit u riintegrazzjoni permezz tal-Fondi għall-Migrazzjoni u l-Ażil, u ġew iffinanzjati inizjattivi simili wkoll permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp u strumenti bħall-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni. Min-naħa l-oħra, bosta Stati Membri għandhom il-programmi ta’ ritorn volontarju assistit u riintegrazzjoni tagħhom stess.

2.6.

L-eżistenza ta’ tali firxa ta’ strumenti wasslet għal taħlita ta’ inizjattivi, programmi u proġetti li ħafna drabi ma jkollhomx qafas ta’ referenza komuni, li jagħmel l-evalwazzjoni, kif ukoll l-applikazzjoni effettiva tagħhom, diffiċli. L-għan ta’ din l-Istrateġija huwa li jsir progress fl-armonizzazzjoni ta’ dawn l-oqfsa ta’ referenza u li tiġi promossa l-kooperazzjoni tal-pajjiżi Ewropej fl-iżvilupp tal-programmi ta’ ritorn volontarju assistit u riintegrazzjoni.

2.7.

L-Istrateġija mressqa mill-Kummissjoni tidentifika l-għanijiet li ġejjin: 1) iż-żieda tal-aċċettazzjoni ta’ ritorni volontarji fost il-migranti u l-parteċipazzjoni tagħhom fl-għadd totali ta’ ritorni; 2) il-ħolqien ta’ perkors addizzjonali għall-kooperazzjoni u s-solidarjetà bejn l-Istati Membri, li jikkontribwixxi għall-isponsorizzazzjoni tar-ritorn; 3) it-titjib tal-effiċjenza għall-assistenza individwali u komunitarja, li tnaqqas in-nuqqasijiet u d-duplikazzjonijiet u żżid is-sinerġiji ma’ donaturi oħra u ma’ pajjiżi terzi, inkluż permezz ta’ protezzjoni aħjar tal-migranti vulnerabbli; 4) l-għoti ta’ direzzjoni lill-azzjonijiet ta’ ritorn u riintegrazzjoni sostenibbli biex iqisu u jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-individwu; 5) il-promozzjoni tas-sostenibbiltà tar-ritorni u t-tnaqqis tal-immigrazzjoni irregolari mill-ġdid, inkluż permezz ta’ appoġġ lill-komunitajiet ospitanti; 6) it-titjib tas-sostenibbiltà tal-azzjonijiet ta’ riintegrazzjoni fil-livell individwali u komunitarju u l-kontribut tagħhom għall-pjani tal-iżvilupp ta’ pajjiżi terzi, inkluż permezz ta’ rabtiet ma’ attivitajiet oħra ffinanzjati għall-iżvilupp fil-livell nazzjonali jew komunitarju; 7) iż-żieda tal-kapaċitajiet u l-involviment ta’ pajjiżi terzi fir-rigward ta’ proċessi ta’ ritorn, riammissjoni u riintegrazzjoni; 8) ir-rabta tal-għanijiet ta’ hawn fuq f’approċċ ibbażat fuq id-drittijiet u ffukat fuq il-migranti.

2.8.

Ir-ritorn volontarju joffri opportunitajiet veri lill-persuni rimpatrijati u jqis il-ħtiġijiet, l-aspettattivi u l-prospetti tagħhom mar-ritorn tagħhom. Jista’ jiddependi wkoll, fil-qafas ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi, mill-parteċipazzjoni tal-pajjiżi tar-ritorn. Min-naħa tagħha, ir-riintegrazzjoni hija kruċjali għall-effiċjenza u l-kredibilità tal-programmi ta’ ritorn, sa fejn tinvolvi l-iżvilupp ta’ għodod biex jgħinu lill-migranti jegħlbu d-diffikultajiet soċjoekonomiċi u psikosoċjali li jiffaċċjaw meta jirritornaw fil-komunità tagħhom u jagħmlu r-ritorn tagħhom aktar sostenibbli. Ir-riintegrazzjoni għandha tkun imfassla bil-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali u lokali, il-komunitajiet lokali ospitanti u s-soċjetà ċivili biex tgħin biex jiġu pprovduti prospetti futuri tanġibbli għall-persuna rimpatrijata u l-komunità lokali tagħha.

2.9.

Sabiex tappoġġja lill-partijiet ikkonċernati fl-applikazzjoni, l-Istrateġija se tipproponi modalitajiet operattivi konkreti biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ hawn fuq u ġabra ta’ għodod li jvarjaw minn soluzzjonijiet tal-IT biex jingħalqu l-lakuni fl-informazzjoni u tiġi ffaċilitata l-ġestjoni tad-data għal gwida ffokata fuq il-ġestjoni tal-proġetti, l-ipprogrammar dwar l-iżvilupp u l-bini tal-kapaċitajiet.

2.10.

L-Istrateġija kienet ir-riżultat ta’ proċess ta’ parteċipazzjoni miftuħ, li fih ipparteċipaw atturi ewlenin differenti, kif ukoll l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-programmi ta’ ritorn volontarju assistit u riintegrazzjoni, entitajiet li jipparteċipaw fi proġetti ta’ ritorn, networks ta’ servizzi, eċċ.

3.   Osservazzjonijiet dwar il-preżentazzjoni tal-Istrateġija dwar ir-ritorn volontarju u r-riintegrazzjoni

3.1.

Il-KESE jilqa’ l-Istrateġija tal-UE dwar ir-ritorn volontarju u r-riintegrazzjoni, bħala strument ta’ ġestjoni li jfittex li jtejjeb il-koordinazzjoni u l-għanijiet komuni tal-Istati Membri fil-governanza tal-migrazzjoni.

3.2.

Il-KESE jifhem li fir-reviżjoni ta’ strument bħar-ritorn volontarju u r-riintegrazzjoni hemm lok għat-titjib, bħal dak deskritt mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha. Li tingħeleb il-frammentazzjoni tal-approċċi, jitnaqqsu l-ispejjeż tar-ritorn, jittejjeb il-ġbir tal-informazzjoni, tittejjeb is-sistema ta’ konsulenza għall-persuni rimpatrijati, tittejjeb il-koordinazzjoni bejn il-partijiet involuti, tiġi appoġġjata s-sostenibbiltà ta’ proġetti ta’ ritorn volontarju u riintegrazzjoni jew it-titjib tal-allokazzjonijiet finanzjarji ta’ dawn il-programmi huma kwistjonijiet li l-KESE jqis meħtieġa biex tittejjeb l-effiċjenza ta’ dawn l-istrumenti. It-titjib tal-ġbir tad-data u l-identifikazzjoni ta’ prattiki tajba għall-kondiviżjoni tat-tagħlimiet meħuda huma wkoll meqjusa bħala essenzjali.

3.3.

Iżda, bħal f’okkażjonijiet preċedenti (Opinjoni SOC/649 (2)), il-KESE jiddispjaċih li l-miżuri biex jiġu avvanzati rotot regolari ta’ dħul, li huma dawk li jaffettwaw il-maġġoranza tal-popolazzjoni barranija residenti fl-Unjoni Ewropea, jiġu żviluppati aktar tard b’mod aktar limitat minn proposti mmirati biex jiġu solvuti kwistjonijiet relatati mal-irregolarità. Ifakkar li approċċ komprensiv għall-mobilità huwa essenzjali sabiex jiġu offruti alternattivi li jmorru lil hinn mill-kontroll fuq il-fruntieri u r-ritorn.

3.4.

Il-KESE huwa konxju mid-diffikultajiet tar-ritorn effettiv fil-maġġoranza tal-Istati Membri, kif ukoll mir-rieda tal-Kummissjoni li timxi ’l quddiem b’sistema Ewropea ta’ ritorni komuni u effettiva. Madankollu, il-KESE jixtieq ifakkar li l-biċċa l-kbira tar-ritorni ma jaħdmux kif suppost minħabba n-nuqqas ta’ parteċipazzjoni mill-pajjiżi ta’ oriġini, kif ukoll minħabba l-parteċipazzjoni riluttanti tal-persuni f’sitwazzjoni irregolari. Ritorn volontarju biex tiġi evitata deportazzjoni mġiegħla ma jistax jinftiehem bħala azzjoni ħielsa mill-kundizzjonijiet.

3.5.

Il-KESE għal darb’oħra jesprimi d-dubji tiegħu dwar il-kunċett tar-ritorn sponsorizzat, peress li l-inċentivi għall-Istati Membri biex jipparteċipaw f’dan il-mekkaniżmu, li għadu bbażat fuq is-solidarjetà volontarja, mhumiex ċari.

3.6.

Il-KESE jirrikonoxxi l-isforzi magħmula mill-Kummissjoni dwar ir-ritorn, kemm fil-monitoraġġ tal-programmi nazzjonali kif ukoll f’inizjattivi ffinanzjati mill-UE nnifisha. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat in-Network Ewropew tal-Istrument ta’ Ritorn u Riintegrazzjoni, li jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti dwar kwistjonijiet ta’ migrazzjoni. Il-Kummissjoni tippjana li, mill-2022 ’l hemm, il-Frontex tieħu f’idejha l-attivitajiet ta’ dan in-Network, li jqajjem tħassib kbir fil-KESE, minħabba r-rapport tal-grupp ta’ ħidma tal-Parlament Ewropew dwar il-ksur tad-drittijiet minn din l-aġenzija Ewropea. Fil-fehma tal-KESE, din id-dispożizzjoni titlob l-istabbiliment ta’ mekkaniżmi flessibbli u effettivi ta’ sorveljanza u kontroll effettiv (obbligu ta’ rendikont) tal-attività tal-Frontex, u li l-attività tagħha tirrispetta d-drittijiet tal-bniedem (3). Huwa essenzjali li dan il-punt jiġi enfasizzat, peress li l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem hija kruċjali fl-azzjonijiet kollha tal-Unjoni Ewropea, inkluża l-politika dwar il-migrazzjoni, anke fil-proċessi ta’ ritorn u riintegrazzjoni, u l-kontroll tar-rwol tal-Frontex għandu jkun possibbli (u ikkoreġut jekk meħtieġ) f’ħin reali.

3.7.

Il-programmi ta’ ritorn u riintegrazzjoni jimmobilizzaw ġabra importanti ta’ atturi, fornituri ta’ servizzi, taħriġ, skambju tal-informazzjoni u riżorsi, kemm fil-pajjiżi tat-tluq kif ukoll f’dawk tal-wasla. Din id-dinamika hija bbażata fuq l-eżistenza ta’ persuni f’sitwazzjoni irregolari fit-territorju Ewropew, u huwa inkwetanti li wieħed jaħseb li jista’ jinħoloq lok għal negozju li jaqla’ l-flus preċiżament mill-eżistenza neċessarja ta’ persuni f’sitwazzjoni irregolari li, min-naħa tiegħu, jinkoraġġixxi dan il-mod ta’ immigrazzjoni b’aspettattivi ta’ ritorn (volontarju jew imġiegħel).

4.   Xi konsiderazzjonijiet komplementari dwar l-approċċ tal-Istrateġija

4.1.

Il-KESE jkompli jqis id-dedikazzjoni kważi esklużiva tal-politika dwar l-immigrazzjoni u l-ażil tal-Unjoni Ewropea, bħala dgħufija strateġika tagħha għall-ġlieda kontra l-irregolarità, kemm fil-fruntiera kif ukoll permezz ta’ ritorni volontarji u mġiegħla. Biex tiġi evitata l-irregolarità jeħtieġ li jiġu stabbiliti mekkaniżmi legali, flessibbli, sikuri u effettivi ta’ dħul, li jillimitaw ukoll il-possibbiltajiet li jinħoloq lok għall-isfruttament ekonomiku bbażati fuqha.

4.2.

Il-KESE jinsab imħasseb dwar l-għan imsemmi hawn fuq li jiżdiedu r-ritorni volontarji rapidi mill-fruntieri esterni, minħabba n-nuqqas ta’ garanziji li dawn jistgħu jinvolvu. Jekk il-proċess ta’ ritorn volontarju jinftiehem bħala deċiżjoni konsapevoli (mill-persuna) li tinkludi azzjonijiet għar-riintegrazzjoni (li fihom jipparteċipaw l-amministrazzjonijiet taż-żewġ pajjiżi), mhuwiex konċepibbli li jintgħażel dan il-mudell fil-fruntiera. Jista’ jiġi mifhum, jekk le, li ritorn volontarju huwa ewfemiżmu biex jiġu diskussi d-deportazzjonijiet jew biex isir kumpens finanzjarju għall-pajjiżi ta’ destinazzjoni li jilqgħu lil dawn il-persuni rimpatrijati, mingħajr ma jiġu meqjusa biżżejjed ix-xewqat tagħhom u, aktar inkwetanti, id-drittijiet tagħhom.

4.3.

Koordinazzjoni effettiva bejn il-partijiet ikkonċernati kollha. Il-KESE jista’ biss jappoġġja t-titjib fil-koordinazzjoni bejn il-partijiet involuti fil-politika pubblika. Huwa mħasseb, madankollu, li n-network ta’ aġenti u partijiet ikkonċernati li jaraw ir-ritorn volontarju bħala opportunità ta’ negozju se jikber, u li ma jissodisfawx b’mod adegwat il-ħtiġijiet tal-persuni rimpatrijati.

4.4.

It-titjib tas-solidarjetà u l-kooperazzjoni. L-azzjonijiet ta’ ritorn u riintegrazzjoni għandhom jitwettqu fi ħdan qafas ta’ kooperazzjoni u solidarjetà fost l-Istati Membri. Huwa jittratta t-tisħiħ tal-istrumenti ta’ koordinazzjoni li jmorru lil hinn mill-kontribuzzjoni ekonomika, filwaqt li jappoġġja wkoll b’għarfien, impenn u tagħlimiet meħuda. Barra minn hekk, l-azzjonijiet kollha għandhom ikunu bbażati fuq ir-rispett u l-kollaborazzjoni ma’ pajjiżi terzi fejn se jiġu żviluppati dawn l-inizjattivi, u jiffavorixxu mhux biss il-parteċipazzjoni istituzzjonali, iżda wkoll il-kollaborazzjoni u l-kontribut tas-soċjetà ċivili.

4.5.

L-appoġġ għar-ritorn volontarju u r-riintegrazzjoni ta’ migranti li ġejjin minn pajjiżi terzi u bejn pajjiżi terzi. Fil-fehma tal-KESE, l-impenn għall-kollaborazzjoni ma’ pajjiżi terzi huwa kruċjali għall-governanza tal-migrazzjoni. Li din il-kooperazzjoni tkun iffukata fuq strumenti li jorbtu l-eżistenza ta’ riżorsi mal-irregolarità ma jidhirx li huwa l-aħjar mod biex din tiġi skoraġġuta.

4.6.

Konsulenza u gwida effettivi fil-qasam tar-ritorn. It-titjib tal-informazzjoni pprovduta lill-migranti matul il-proċess huwa kruċjali, billi jkun mifhum li, anke fi proċess ta’ deportazzjoni, id-drittijiet tal-persuni huma inaljenabbli u għandhom jiġu garantiti. Speċifikament minħabba din ir-raġuni, u minħabba l-għadd kbir ta’ atturi li għandhom jipparteċipaw fi programm ta’ ritorn volontarju ta’ suċċess (fl-oriġini, id-destinazzjoni, id-dijaspora, eċċ.), programmi bħal dawn ma jistgħux jinħolqu bħala għodda rapida u mingħajr ma jkunu marbuta b’mod ċar mal-proġetti ta’ riintegrazzjoni.

4.7.

Il-garanzija tal-kwalità tal-appoġġ. Għal darb’oħra, il-KESE ma jistax ma jaqbilx mal-importanza li tiġi pprovduta l-għajnuna għal ritorn volontarju b’firxa wiesgħa ta’ servizzi u benefiċċji li jvarjaw mill-konsulenza, l-appoġġ mediku u psikoloġiku, kif ukoll l-assistenza finanzjarja, legali u loġistika għall-ivvjaġġar. Minħabba dan, itenni li l-programmi ta’ ritorn volontarju assistit u riintegrazzjoni ma jistgħux jinftiehmu bħala strument ta’ użu massiv u ġeneralizzat: ir-ritorn volontarju tal-familji, pereżempju, jeħtieġ attenzjoni speċjali għat-tfal, b’mod differenti minn sitwazzjonijiet oħra ta’ ritorn. Ir-rwol tal-Frontex fil-forniment u l-evalwazzjoni ta’ wħud minn dawn is-servizzi huwa attwalment kawża ta’ tħassib.

4.8.

It-trawwim tas-sostenibbiltà tal-appoġġ għar-riintegrazzjoni u tar-responsabbiltà tal-pajjiżi msieħba. Dan il-punt huwa kruċjali mhux biss għall-futur tal-persuni rimpatrijati, iżda wkoll għall-għan li tiġi evitata l-immigrazzjoni irregolari mill-ġdid. Għal darb’oħra, il-KESE jwissi dwar l-inkongruwenza li jiġu offruti inċentivi fi programmi li jinvolvu l-eżistenza ta’ persuni f’sitwazzjoni irregolari, peress li dan jista’ jiskoraġġixxi kwalunkwe tentattiv mill-pajjiżi ta’ oriġini biex jitnaqqsu dawn il-flussi. Barra minn hekk, jekk l-effettività kollha ta’ politika bħar-ritorn volontarju tiġi bbażata fuq realtà li tiddependi mir-rieda tal-pajjiżi terzi, dan jista’ jwassal għal dgħufija ewlenija fil-kredibilità u l-koerenza tal-politika Ewropea dwar il-migrazzjoni.

4.9.

Il-finanzjament tar-ritorn volontarju u r-riintegrazzjoni. Huwa evidenti li l-UE hija attur ewlieni fil-finanzjament tal-programmi ta’ ritorn volontarju assistit u riintegrazzjoni f’aspetti differenti. Huwa essenzjali li l-kollaborazzjoni ma’ pajjiżi terzi fi kwalunkwe aspett tkun konformi mar-rabta ta’ dawn il-pajjiżi terzi mal-liġi pubblika internazzjonali, kif ukoll mal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet individwali fundamentali. Kwalunkwe spazju għall-kollaborazzjoni ma’ pajjiżi terzi li fih jiġu diskussi kwistjonijiet marbuta mad-drittijiet tal-bniedem għandu jkollu l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew. Il-konverżjoni tal-kooperazzjoni fi kwistjonijiet ta’ ritorn f’rekwiżit għall-azzjoni esterna u l-politika tal-viċinat tal-Unjoni Ewropea hija, b’mod kontrofattwali, stimolu akbar għall-irregolarità pjuttost milli mekkaniżmu biex din titnaqqas.

Brussell, it-22 ta’ Settembru 2021.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Ara r-“Report on the fact-finding investigation on Frontex concerning alleged fundamental rights violation”, Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (LIBE), 14 ta’ Lulju 2021. https://www.europarl.europa.eu/cmsdata/238156/14072021%20Final%20Report%20FSWG_en.pdf (mhux disponibbli bil-Malti).

(2)  ĠU C 123, 9.4.2021, p. 15.

(3)  Ara r-rakkomandazzjonijiet f’dan ir-rigward fid-dokument “Report on the fact-finding investigation on Frontex concerning alleged fundamental rights violation”, Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (LIBE), 14 ta’ Lulju 2021. https://www.europarl.europa.eu/cmsdata/238156/14072021%20Final%20Report%20FSWG_en.pdf (mhux disponibbli bil-Malti).


Top