EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021AE1644

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Unjoni ta’ Ugwaljanza: Strateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità 2021-2030” (COM(2021) 101 final)

EESC 2021/01644

ĠU C 374, 16.9.2021, p. 50–57 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 374/50


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Unjoni ta’ Ugwaljanza: Strateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità 2021-2030”

(COM(2021) 101 final)

(2021/C 374/09)

Relatur:

Ioannis VARDAKASTANIS

Konsultazzjoni

Kummissjoni, 26.3.2021

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

 

 

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adottata fis-sezzjoni

21.6.2021

Adottata fil-plenarja

7.7.2021

Sessjoni plenarja Nru

562

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

233/0/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ l-Istrateġija l-ġdida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, li qieset ħafna mis-suġġerimenti proposti mill-moviment Ewropew għad-diżabilità u mis-soċjetà ċivili. Barra minn hekk, hija tirrifletti ħafna mill-proposti li saru fl-Opinjoni tal-KESE tal-2019 (1), tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità (CRPD) fil-livell tal-UE u hija parti vitali mill-Unjoni ta’ Ugwaljanza. Madankollu, il-KESE huwa mħasseb dwar id-dgħajfien tal-miżuri u l-leġiżlazzjoni vinkolanti li jimplimentaw l-Istrateġija, iżda jirrikonoxxi li l-Istrateġija l-ġdida hija pass ċar ’il quddiem fl-ambizzjoni meta mqabbla mal-Istrateġija għall-2010-2020.

1.2.

L-impenn għat-twaqqif ta’ Pjattaforma għad-Diżabilità huwa promettenti ħafna, iżda għandu wkoll il-potenzjal li jkun ta’ diżappunt jekk jiġi implimentat ħażin. Għandu jkun hemm trasparenza fir-rigward tal-membri, l-aġendi tal-laqgħat (bil-possibbiltà ta’ kontribut fil-punti tal-aġenda) u l-eżiti. Il-Pjattaforma għandha wkoll tiżgura li l-organizzazzjonijiet tal-persuni b’diżabilità jkollhom vuċi qawwija. Aħna nemmnu li l-KESE għandu rwol x’jaqdi u għandu jieħu sehem fit-teħid tad-deċiżjonijiet.

1.3.

Ir-rabta bejn l-Istrateġija tad-Diżabilità u l-investimenti sinifikanti li se jsiru fl-ambitu tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza għandha tissaħħaħ. Ir-rabta mal-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Pilastru tal-UE tad-Drittijiet Soċjali u b’mod partikolari tal-Prinċipju 17 tal-Pilastru għandha tiġi żgurata u massimizzata wkoll. Il-KESE jixtieq jara aġenda aktar ċara u b’saħħitha mill-Kummissjoni Ewropea (KE) dwar kif għandu jiġi promoss l-użu tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza nazzjonali sabiex il-persuni b’diżabilità jingħataw l-għajnuna biex jirkupraw mill-pandemija. Il-KE għandha tindirizza lil dawk l-Istati Membri li ma kinux trasparenti dwar il-pjani tagħhom jew li ma segwewx il-linji gwida tal-KE biex jiżguraw konsultazzjoni sinifikanti tas-soċjetà ċivili. Il-KE għandha wkoll tkun determinata li topponi pjani li jipproponu investimenti li jmorru kontra s-CRPD, bħal investimenti f’ambjenti ta’ kura istituzzjonali.

1.4.

Il-KESE jinnota bi pjaċir l-proposta għal AccessibleEU, għalkemm f’dan l-istadju ma tissodisfax għalkollox it-talba tal-Kumitat biex jiġi stabbilit Bord Ewropew għall-Aċċess. Il-KE jeħtieġ li tkun ċara u trasparenti dwar kif qed tippjana li tiffinanzja lil din l-aġenzija u tipprovdilha l-persunal, u kif se tiżgura li jiġu rappreżentati l-persuni b’diżabilità, dawn għandhom jiġu rappreżentati internament, bħala impjegati u esperti u mhux biss esternament, bħala atturi konsultati.

1.5.

Il-KESE japprova bis-sħiħ l-inizjattiva ewlenija dwar il-Karta tad-Diżabilità tal-UE u jqis li għandha l-potenzjal li trawwem bidla kbira. Madankollu, il-KESE jesprimi dispjaċir għall-fatt li sa issa għad ma hemm l-ebda impenn dwar kif għandu jiġi żgurat li din tiġi rikonoxxuta mill-Istati Membri. Il-Kumitat jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Karta tad-Diżabilità tiġi implimentata permezz ta’ regolament li jagħmilha direttament applikabbli u infurzabbli madwar l-UE kollha.

1.6.

Il-KESE jappoġġja l-pjan għal gwida dwar prattika elettorali tajba li tindirizza l-parteċipazzjoni tal-persuni b’diżabilità fil-proċess elettorali, li hija ppjanata għall-2023. Huwa jappoġġja wkoll il-ħidma ppjanata mal-Istati Membri, man-Network Ewropew ta’ Kooperazzjoni dwar l-Elezzjonijiet u mal-Parlament Ewropew biex jiġu garantiti d-drittijiet politiċi tal-persuni b’diżabilità fuq l-istess livell ta’ oħrajn. Il-KESE jirrakkomanda li dan il-proċess jitmexxa ’l quddiem sabiex jiġi żgurat li l-awtoritajiet nazzjonali u lokali jkollhom biżżejjed żmien biex jadottaw prattiki aktar aċċessibbli qabel l-elezzjonijiet Ewropej tal-2024.

1.7.

Hemm nuqqas ta’ azzjonijiet speċifiċi li jindirizzaw il-ħtiġijiet tan-nisa u l-bniet b’diżabilità. Il-KESE jitlob li dan jiġi rimedjat kemm jista’ jkun billi jiġi żgurat li d-dimensjoni tal-ġeneru tiġi integrata f’kull waħda mill-azzjonijiet diġà inklużi fl-Istrateġija. Dan għandu jiġi indirizzat b’attenzjoni partikolari fl-azzjonijiet li jittrattaw il-vjolenza. L-enfasi fuq in-nisa għandha tiġi estiża wkoll għall-membri tal-familja li jipprovdu kura fit-tul u informali lill-qraba tagħhom b’diżabilità, peress li n-nisa b’mod partikolari x’aktarx ikollhom rwoli ta’ kura. Wara r-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-Istrateġija, il-KESE jixtieq li fit-tieni nofs tal-perjodu tal-Istrateġija tiġi proposta inizjattiva ewlenija speċifika dwar in-nisa b’diżabilità.

1.8.

L-azzjonijiet li jittrattaw l-aċċess għall-ġustizzja u l-persuni b’diżabilità bħala vittmi tal-vjolenza huma ta’ importanza enormi. Il-KESE jqis li dawn l-azzjonijiet, b’mod partikolari dawk dwar it-taħriġ tal-professjonisti fis-sistema tal-ġustizzja u l-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, għandhom ukoll jagħtu gwida dwar kif jista’ jiġi żgurat li l-persuni b’diżabilità ma jiġux imċaħħda mill-aċċess għall-ġustizzja minħabba inkapaċità legali jew ikunu soġġetti għal dewmien meta jfittxu l-ġustizzja minħabba kwistjonijiet ta’ aċċessibbiltà, nuqqas ta’ appoġġ fit-teħid tad-deċiżjonijiet jew nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ assistenza għall-komunikazzjoni, bħall-interpretazzjoni tal-lingwa tas-sinjali.

1.9.

Il-linji gwida proposti dwar it-titjib fl-għajxien u l-inklużjoni indipendenti fil-komunità huma punt li l-KE jeħtieġ li tindirizza b’attenzjoni partikolari. Il-linji gwida għandhom ikunu bbażati fuq definizzjonijiet ċari ħafna ta’ dak li nifhmu b’kura istituzzjonali, is-servizzi bbażati fil-komunità u l-għajxien indipendenti. Il-KESE jirrakkomanda li l-KE tibbaża d-definizzjonijiet tagħha fuq dawk stabbiliti u miftiehma mill-Grupp Ewropew ta’ Esperti dwar it-Tranżizzjoni tal-Assistenza f’Istitut lejn l-Assistenza fil-Komunità, kif ukoll il-Kumment Ġenerali 5 tas-CRPD dwar l-Artikolu 19.

1.10.

Il-pakkett propost dwar it-titjib tal-eżiti tal-impjieg, kif ukoll il-wegħda tal-KE li ttejjeb ir-reklutaġġ u l-inklużjoni tal-persuni b’diżabilità fl-istituzzjonijiet tal-UE, huma tweġiba ċara għas-sejħiet tas-soċjetà ċivili. Ma jistax jiġi enfasizzat biżżejjed kemm huwa kruċjali li ssir enfasi biex l-impjieg ta’ kwalità tajba għall-persuni b’diżabilità jingħata spinta fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19 (2), u f’dan ir-rigward l-Istrateġija setgħet kienet aktar kuraġġuża. Il-KESE jirrakkomanda bis-sħiħ li tinbeda ħidma dwar l-istabbiliment ta’ indikaturi għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ dawn l-azzjonijiet, u li jsiru sforzi biex dawn il-miżuri jiġu allinjati ma’ dawk għall-protezzjoni ċivili u għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Fir-rigward tal-impjieg fl-Istati Membri, dan jista’ jinkiseb parzjalment bil-proposta tal-KE li jiġu inklużi indikaturi dwar id-differenza fl-impjiegi minħabba d-diżabilità fit-Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali l-ġdida tal-Pilastru Soċjali, u li tiġi inkluża d-diżaggregazzjoni b’rabta mad-diżabilità f’uħud mill-indikaturi l-oħra. Il-KESE jenfasizza li l-għan mhuwiex biss rati ogħla ta’ impjieg, iżda wkoll impjieg ta’ kwalità tajba li jippermetti lill-persuni b’diżabilità jtejbu l-pożizzjoni soċjali tagħhom permezz tax-xogħol. Għalhekk, aħna nissuġġerixxu li t-tabella ta’ valutazzjoni tkun tinkludi indikaturi dwar il-kwalità tal-impjieg tal-persuni b’diżabilità, pereżempju jekk għandhomx kuntratti full-time u fit-tul, u jekk humiex impjegati fis-suq tax-xogħol miftuħ. Il-KE jeħtieġ li tinsisti fuq il-miri li qed jiġu stabbiliti għall-Istati Membri li jistipulaw kemm għandhom inaqqsu d-differenza fl-impjiegi minħabba d-diżabilità sal-2030. Aħna rridu naraw miri ambizzjużi li jimmiraw li jqarrbu kemm jista’ jkun lejn l-eliminazzjoni ta’ kwalunkwe differenza fl-impjieg, b’enfasi fuq l-impjieg fis-suq tax-xogħol miftuħ.

1.11.

L-Istrateġija tipproponi għadd ta’ azzjonijiet dwar l-edukazzjoni. Il-KESE jisħaq li l-azzjoni dwar it-taħriġ għall-Għalliema għall-Persuni bi Bżonnijiet Speċjali għandha tiffoka wkoll fuq it-taħriġ tal-għalliema f’ambjenti ta’ edukazzjoni konvenzjonali biex joffru tagħlim inklużiv fil-klassi. L-Istati Membri għandhom jiġu mħeġġa jallokaw Edukaturi għall-Persuni bi Bżonnijiet Speċjali f’kuntesti inklużivi biex it-tfal b’diżabilità ikunu jistgħu jirċievu l-appoġġ speċjalizzat li jistgħu jeħtieġu, filwaqt li jkunu parti minn skola konvenzjonali li jattendu għaliha l-istudenti mingħajr diżabilità.

1.12.

Il-proposta għal aġġornament tas-Sett ta’ Għodod dwar l-“Approċċ Ibbażat fuq id-Drittijiet, li jinkludi d-drittijiet tal-bniedem kollha tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE” hija pass pożittiv. Dan għandu jsir b’kontribut minn organizzazzjonijiet nazzjonali u lokali tal-persuni b’diżabilità bbażati fil-pajjiżi fejn qed isiru dawn l-investimenti.

1.13.

L-azzjoni dwar l-appoġġ lill-Istati Membri biex jimplimentaw il-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-2000 toħloq kunflitt mas-CRPD fir-rigward ta’ kwistjonijiet bħat-trattament furzat u l-koerċizzjoni. Dan jeħtieġ li jiġi indirizzat b’kontribut minn organizzazzjonijiet tal-persuni b’diżabilità qabel ma l-KE tieħu kwalunkwe azzjoni ulterjuri.

1.14.

Il-KESE jinnota bi pjaċir l-impenn tal-KE li tmexxi bl-eżempju. Proposti bħal dawk dwar l-aċċessibbiltà tal-bini tal-KE jeħtieġ li jiġu infurzati b’mod strett u li ma jiddevjawx mill-iskeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni deskritta fl-Istrateġija.

1.15.

L-istrateġija proposta għall-ġbir ta’ data hija waħda mill-proposti kruċjali. Il-KESE jissottolinja l-ħtieġa li jiġi żgurat ġbir aktar sistematiku ta’ data diżaggregata, possibbilment bl-użu tas-Sensiela Qasira ta’ Mistoqsijiet tal-Grupp ta’ Washington.

1.16.

Qafas għall-monitoraġġ tal-objettivi u l-azzjonijiet tal-Istrateġija huwa mistenni li jkun lest sal-2021. Il-KESE, u b’mod partikolari l-Grupp tal-KESE dwar id-Diżabilità, huwa lest li jgħin lill-KE fit-tfassil tiegħu, flimkien mal-organizzazzjonijiet tal-persuni b’diżabilità li għandhom ikunu involuti b’mod sħiħ u sinifikattiv matul il-proċess kollu.

1.17.

L-Istrateġija tiddikjara li l-persuni b’diżabilità għandhom jipparteċipaw bis-sħiħ fil-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa. Il-KESE jixtieq li l-KE twettaq dan l-impenn billi tinkludi l-persuni b’diżabilità u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom fl-oqsma kollha tal-Konferenza, mhux biss dawk relatati speċifikament mad-diżabilità.

1.18.

Il-KESE jistieden lill-KE tibda tħejji għall-għażla ta’ kandidat tal-UE għall-Kumitat tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD), u jirrakkomanda li l-kandidat tkun mara Ewropea b’diżabilità.

1.19.

Il-Kunsill tal-UE wkoll għandu rwol essenzjali fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija. Il-KESE jistieden lill-Kunsill jingħaqad mal-Pjattaforma għad-Diżabilità, u jaħtar malajr koordinatur għall-persuni b’diżabilità kif previst fl-Istrateġija. Il-koordinatur għall-persuni b’diżabilità fil-Kunsill għandu jservi bħala l-punt fokali tas-CRPD, kif issuġġerit lill-UE fl-Osservazzjonijiet Konklużivi tar-rieżami tas-CRPD fl-2015.

1.20.

Barra minn hekk, il-KESE jistieden lill-moviment għad-diżabilità jkun proattiv u jinsisti li kull azzjoni ta’ din l-Istrateġija twettaq dak li twiegħed, u turi solidarjetà billi tiżgura li l-miżuri jkunu ta’ benefiċċju wkoll għall-immigranti u r-refuġjati b’diżabilità. It-tnedija tal-Istrateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità hija biss punt tat-tluq. Mhijiex l-Istrateġija nnifisha li se twassal għal bidla reali għall-persuni b’diżabilità, iżda pjuttost is-saħħa ta’ kull wieħed mill-komponenti tagħha matul id-deċennju li ġej. L-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom jappoġġjaw bis-sħiħ l-implimentazzjoni tal-Istrateġija l-ġdida.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.

Il-KESE jinnota bi pjaċir li l-Istrateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità għall-2021-2030 hija pass ċar ’il quddiem meta mqabbla mal-Istrateġija preċedenti. Barra minn hekk, il-KESE jfaħħar bil-kbir il-proċess ta’ konsultazzjoni tal-KE, u l-fatt li ħafna mill-proposti li għamel il-KESE fl-Opinjoni tiegħu (3) kienu preżenti fl-istrateġija finali. Dan jissottolinja wkoll il-kapaċità ċara tal-Kumitat li jsawwar l-eżiti tal-politiki u l-inizjattivi l-ġodda tal-UE.

2.2.

Il-KESE jinnota bi pjaċir li l-KE impenjat ruħha għal seba’ proposti ewlenin b’objettivi u dati ċari għat-twassil tar-riżultati. Dan il-livell ta’ trasparenza se jiffaċilita bil-kbir il-ħidma tal-KESE, is-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali fit-tħejjija tal-kontribut tagħhom għal dawn l-azzjonijiet.

2.3.

Fost il-proposti ewlenin, il-KESE jara potenzjal partikolari fiċ-ċentru ta’ riżorsi tal-AccessibleEU. Is-suċċess tiegħu se jiġi determinat parzjalment mir-riżorsi li l-KE tattribwixxi lilu, l-għarfien espert tal-persunal li joperah, u l-kapaċità tiegħu li jlaqqa’ flimkien esperti li jistgħu jittrasferixxu l-għarfien ta’ valur reali lill-Istati Membri.

2.4.

Il-KESE jinnota bi pjaċir il-proposta għal Karta tad-Diżabilità għal madwar l-UE kollha. Id-differenza li din il-karta tagħmel għall-ħajja tal-persuni b’diżabilità se tiddependi mid-drittijiet u l-intitolamenti pprovduti mill-karta meta titnieda u jekk jitteħdux passi biex jiġi żgurat li tiġi infurzata fl-Istati Membri kollha.

2.5.

Wieħed mill-punti b’saħħithom tal-Istrateġija huwa l-mod kif se jkollha impatt fuq il-ħidma interna tal-KE u l-konnessjoni ma’ istituzzjonijiet oħra tal-UE. Il-KESE jilqa’ b’mod partikolari l-impenn għal skambju annwali bejn il-KE u l-KESE. Aħna nqisu wkoll li l-KESE għandu jkollu post fil-Pjattaforma l-ġdida għad-Diżabilità, flimkien ma’ organizzazzjonijiet tal-persuni b’diżabilità.

2.6.

F’ċerti aspetti l-Istrateġija tidher li hija pass riluttanti ’l quddiem. L-istrateġija tinkorpora ħafna mill-proposti tal-Opinjoni tal-KESE (4), iżda l-impenn għal leġiżlazzjoni ġdida huwa prattikament assenti. Mill-ħames azzjonijiet li jirreferu għal leġiżlazzjoni vinkolanti, erbgħa huma rieżamijiet ta’ leġiżlazzjoni eżistenti li diġà qed iseħħu, u waħda hija proposta biex tiġi esplorata l-possibbiltà ta’ leġiżlazzjoni “jekk xieraq”. L-Istrateġija l-ġdida tiffavorixxi mekkaniżmi bħal linji gwida u settijiet ta’ għodod li, għalkemm jistgħu jmexxu ’l quddiem prattiki fl-Istati Membri, hemm riskju ħafna akbar ta’ nuqqas ta’ konformità mingħajr kwalunkwe rikors għat-tressiq tal-Istati Membri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

2.7.

Fl-Istrateġija, il-KE wiegħdet li tindirizza ċerti kwistjonijiet permezz ta’ strateġiji u pjani ta’ azzjoni oħra tal-UE bħall-Istrateġija dwar Gvern Diġitali tal-UE u l-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ekonomija Soċjali. Il-KE mhux dejjem tipprovdi dettalji dwar kif eżattament se jiġu indirizzati l-kwistjonijiet tad-diżabilità f’dawn l-istrateġiji. Għandhom jiġu pprovduti aktar dettalji dwar kif il-KE tipproponi li tagħmel dan.

2.8.

Il-KESE huwa mħasseb dwar l-azzjoni għall-appoġġ lill-Istati Membri biex jimplimentaw il-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-2000, li toħloq kunflitt mas-CRPD dwar kwistjonijiet bħat-trattament furzat u l-koerċizzjoni fil-proċeduri mediċi. Dan jeħtieġ li jiġi indirizzat b’kontribut minn organizzazzjonijiet tal-persuni b’diżabilità qabel ma l-KE tieħu kwalunkwe azzjoni ulterjuri.

2.9.

Il-KESE jqis li l-Istrateġija għandha l-potenzjal li tikseb bidla reali, iżda dan jiddependi għalkollox minn kemm tiġi implimentata tajjeb u kemm ikunu ambizzjużi l-azzjonijiet individwali. Jekk il-KE u l-Istati Membri ma jkunux ambizzjużi fl-insistenza għal azzjonijiet li jisfidaw l-istatus quo, l-Istrateġija tista’ tonqos milli tilħaq l-aspettattivi ta’ aktar minn 100 miljun persuna b’diżabilità fl-UE.

2.10.

Il-KESE jistieden lill-moviment għad-diżabilità biex ikun proattiv huwa u jinsisti biex l-Istrateġija twettaq dak li twiegħed. Mhijiex l-Istrateġija nnifisha li se twassal għal bidla reali għall-persuni b’diżabilità, iżda pjuttost is-saħħa ta’ kull wieħed mill-komponenti tagħha matul id-deċennju li ġej.

3.   L-aċċessibbiltà u t-tgawdija tad-drittijiet tal-UE

3.1.

Il-Kapitoli tnejn u tlieta tal-Istrateġija jkopru azzjonijiet relatati mal-aċċessibbiltà u t-tgawdija tad-drittijiet tal-UE. L-azzjonijiet prinċipali jinkludu dawn li ġejjin:

3.1.1.

Inizjattiva ewlenija għall-istabbiliment ta’ ċentru ta’ riżorsi msejjaħ AccessibleEU. Huwa se jlaqqa’ flimkien l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-implimentazzjoni u l-infurzar tar-regoli tal-aċċessibbiltà u l-esperti u l-professjonisti tal-aċċessibbiltà, li jaqsmu bejniethom prattiki tajba kif ukoll jiżviluppaw għodod u standards biex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Dan jirrifletti l-appell tal-KESE għal Bord Ewropew għall-Aċċess. Il-KE jeħtieġ li tiċċara kif dan iċ-ċentru se jiġi ffinanzjat u pprovdut bil-persunal, u kif se jilħaq lill-esperti tal-aċċessibbiltà, il-persuni b’esperjenza fi kwistjonijiet ta’ aċċessibbiltà u l-organizzazzjonijiet tal-persuni b’diżabilità.

3.1.2.

L-istabbiliment ta’ Karta Ewropea tad-Diżabilità sa tmiem l-2023, li għandha tiġi rikonoxxuta fl-Istati Membri kollha. Il-KESE jinnota bi pjaċir li dan jirrispondi direttament għall-appell fl-Opinjoni tiegħu tal-2019 (5). Is-suċċess ta’ din l-inizjattiva se jiġi ddeterminat mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-intitolamenti pprovduti mill-karta, u skont jekk l-Istati Membri kollha jaqblux li jimplimentawha b’mod sħiħ. Il-KESE jħeġġeġ lill-KE tkun ambizzjuża bil-Karta tad-Diżabilità, filwaqt li tqis li din se tkun waħda mir-riżultati ewlenin tal-Istrateġija u punt ta’ referenza li bih ħafna se jkejlu s-suċċess tal-Istrateġija.

3.1.3.

L-evalwazzjoni tal-applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-Aċċessibbiltà għall-Web u l-valutazzjoni ta’ jekk id-Direttiva għandhiex tiġi riveduta. Din l-evalwazzjoni hija opportunità biex jiġi analizzat jekk din il-leġiżlazzjoni hijiex adatta għall-iskop tagħha f’settur pubbliku li qed isir dejjem aktar diġitali, b’mod partikolari wara l-COVID-19. Il-KESE jqis li l-KE għandha twaqqaf l-eżenzjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva li tapplika għal ċerti siti web (pereżempju skejjel, kindergartens u skejjel preprimarji), peress li dawn l-esklużjonijiet potenzjali seta’ kellhom impatt negattiv fuq il-persuni b’diżabilità li jistgħu jaċċessaw dawn is-servizzi pubbliċi permezz ta’ għodod diġitali biss. Aħna nixtiequ naraw ukoll spjegazzjoni aktar ċara dwar liema azzjoni se tittieħed fil-każ tal-Istati Membri li jonqsu milli jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-Direttiva.

3.1.4.

Ir-rieżami ta’ għadd ta’ atti leġiżlattivi eżistenti, jiġifieri l-qafas leġiżlattiv relatat mar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija inkluż l-impatt tiegħu fuq it-titjib tal-aċċessibbiltà bħala riżultat tar-rekwiżiti ta’ rinnovazzjoni; il-qafas regolatorju dwar id-drittijiet tal-passiġġieri; ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) dwar il-Linji Gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-network trans-Ewropew tat-trasport biex tissaħħaħ l-aċċessibbiltà; u l-Pakkett dwar il-Mobilità Urbana. Filwaqt li l-KESE jesprimi diżappuntat għall-fatt li l-KE ma kinitx aktar ambizzjuża fil-proposta ta’ aktar azzjonijiet ibbażati fuq leġiżlazzjoni vinkolanti, huwa jinnota bi pjaċir li s-sejħa tiegħu għal azzjoni dwar l-aċċessibbiltà tal-ambjent mibni u t-trasport sawret l-Istrateġija. Il-KESE jħeġġeġ lill-KE tkun ambizzjuża fl-emendi tagħha u tippromovi miżuri ta’ aċċessibbiltà kuraġġużi.

3.1.5.

L-istabbiliment ta’ gwida dwar prattika elettorali tajba li tindirizza l-parteċipazzjoni tal-persuni b’diżabilità fil-proċess elettorali, u li taħdem mal-Istati Membri, in-Network Ewropew ta’ Kooperazzjoni dwar l-Elezzjonijiet u l-Parlament Ewropew biex tiggarantixxi d-drittijiet politiċi tal-persuni b’diżabilità, inkluż id-dritt li joħorġu għall-elezzjoni u li jirċievu informazzjoni aċċessibbli. Il-KE se tindirizza wkoll il-ħtiġijiet tal-persuni b’diżabilità fil-kompendju dwar il-votazzjoni elettronika u tappoġġja l-parteċipazzjoni demokratika inklużiva. Se jkun importanti għall-KE li taħdem mill-qrib mal-Parlament Ewropew biex tiżgura li l-elezzjonijiet li jmiss tal-UE jkunu aċċessibbli u li l-UE tmexxi bl-eżempju.

4.   Kwalità tal-ħajja deċenti u parteċipazzjoni ugwali

4.1.

Il-Kapitoli erbgħa u ħamsa tal-Istrateġija jkopru azzjonijiet relatati mal-kwalità tal-ħajja u l-ugwaljanza. L-azzjonijiet prinċipali jinkludu dawn li ġejjin:

4.1.1.

Inizjattiva ewlenija dwar linji gwida għal għajxien indipendenti għall-Istati Membri biex itejbu l-għajxien indipendenti u l-inklużjoni fil-komunità. Il-KESE jqis li din hija inizjattiva potenzjalment kruċjali. Is-saħħa tagħha se tiddependi minn definizzjoni ċara u stretta ta’ x’jikkostitwixxi kura istituzzjonali, għaliex għandha tiġi evitata, u x’inhuwa mifhum b’investiment f’servizzi bbażati fil-komunità u l-għajxien indipendenti. Il-linji gwida għandhom jitfasslu b’kontribut mill-persuni b’diżabilità u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom.

4.1.2.

Qafas għas-servizzi soċjali biex jittejjeb il-forniment tas-servizzi għall-persuni b’diżabilità u biex l-impjiegi jsiru aktar attraenti f’dan il-qasam. Il-KESE jqis li dan il-qafas għandu jiffoka mhux biss fuq kif is-settur tas-servizzi soċjali jista’ jsir aktar attraenti f’termini ta’ salarju u kundizzjonijiet tax-xogħol, iżda jiżgura wkoll li l-fornituri tas-servizzi jirċievu taħriġ adegwat dwar kif jipprovdu appoġġ li jkun iggwidat mill-għażliet tal-utenti tas-servizzi u li jieħu approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem u ċċentrat fuq il-persuna.

4.1.3.

Pakkett ġdid dwar l-eżiti fis-suq tax-xogħol tal-persuni b’diżabilità. Bħala parti minn dan il-pakkett, il-KE se tfittex li tiżgura l-applikazzjoni rigoruża mill-Istati Membri tad-drittijiet koperti mid-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi u se tirrapporta dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva fl-2021. Il-KE se tissorvelja wkoll l-iżvilupp ta’ Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ekonomija Soċjali fl-2021, inklużi l-opportunitajiet relatati mal-persuni b’diżabilità u l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol miftuħ. Il-persuni b’diżabilità jħabbtu wiċċhom ma’ ħafna ostakli biex jaċċessaw l-impjieg. Il-KESE jemmen li l-KE għandha tkun ċara dwar liema ostakli jeżistu u liema għandhom jiġu indirizzati bl-aktar mod urġenti, kif ukoll dwar kif il-COVID-19 aggravat is-sitwazzjoni. Aħna nirrakkomandaw li qabel it-tfassil tal-pakkett ikun hemm riċerka jew stħarriġ li jistaqsu lill-persuni b’diżabilità u lill-organizzazzjonijiet tal-persuni b’diżabilità, xi jridu jaraw li jsir. Il-KESE jemmen ukoll li l-pakkett dwar l-impjieg għandu jiffoka fuq il-kapaċità ta’ aċċess għal impjieg ta’ kwalità tajba fis-suq tax-xogħol miftuħ, inkluż l-ekonomija soċjali u l-mudelli ta’ impjieg D-WISE, jipprevjeni l-esklużjoni ulterjuri tal-persuni b’diżabilità, u b’mod partikolari li jilħaq lin-nisa u liż-żgħażagħ b’diżabilità li jkunu qed ifittxu x-xogħol. L-għan m’għandux ikun biss li jitjiebu r-rati tal-impjieg, iżda wkoll li l-persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jtejbu l-istatus soċjali u l-benessri finanzjarju tagħhom permezz ta’ xogħol imħallas.

4.1.4.

Studju tal-2022 dwar il-protezzjoni soċjali u s-servizzi għall-persuni b’diżabilità segwit minn gwida biex jiġu appoġġjati l-Istati Membri bir-riforma tal-protezzjoni soċjali, li jiffoka fuq l-oqfsa tal-valutazzjoni tad-diżabilità. L-istudju għandu jiffoka fuq is-servizzi soċjali bħala l-bażi biex tiġi żgurata ħajja dinjituża għall-persuni b’diżabilità kif ukoll ir-rwol tal-familji u ta’ dawk li jieħdu ħsiebhom. Il-gwida għandha għalhekk tissottolinja li s-servizzi għandhom ikunu kapaċi jissodisfaw il-ħtiġijiet individwali tal-persuni b’diżabilità, ibbażati fil-komunità u mhux f’ambjenti iżolati, u jkunu akkumpanjati minn allowances adegwati għad-diżabilità. Huwa kruċjali li l-gwida dwar ir-riformi tal-protezzjoni soċjali tindirizza ż-żieda tal-għoli tal-ħajja għall-persuni b’diżabilità u tħeġġeġ lill-Istati Membri jkunu aktar flessibbli biex jippermettu lin-nies iżommu l-benefiċċji tad-diżabilità irrispettivament mill-introjtu proprju tagħhom, jew dak tal-konjuġi jew tas-sieħeb/sieħba tagħhom. Il-persuni b’diżabilità għandhom ikunu liberi li jfittxu impjieg jew jgħixu mas-sieħeb/sieħba tagħhom mingħajr ma jiġu ppenalizzati finanzjarjament.

4.1.5.

Strateġija ta’ taħriġ għall-professjonisti fil-ġustizzja, b’enfasi fuq il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar id-diżabilità, inkluża s-CRPD. Dan se jinkludi studju dwar is-salvagwardji proċedurali għall-adulti vulnerabbli fi proċedimenti kriminali u se jivvaluta l-ħtieġa ta’ proposti leġiżlattivi dwar l-appoġġ u l-protezzjoni tal-adulti vulnerabbli f’konformità mal-Istrateġija dwar id-Drittijiet tal-Vittmi. Il-KE se tipprovdi wkoll lill-Istati Membri bi gwida dwar l-aċċess għall-ġustizzja għall-persuni b’diżabilità fl-UE. Hija se tappoġġja lill-Istati Membri biex jagħtu spinta lill-parteċipazzjoni tal-persuni b’diżabilità bħala professjonisti fis-sistema tal-ġustizzja. Il-KESE jilqa’ dawn il-proposti li jirriflettu r-rakkomandazzjonijiet li għamel fl-Opinjoni tiegħu (7). Barra minn hekk, il-KESE jinnota bi pjaċir li l-KE se titlob lill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali teżamina s-sitwazzjoni tal-persuni b’diżabilità li jgħixu f’istituzzjonijiet f’termini ta’ vjolenza, abbuż u tortura. Dawn l-azzjonijiet għandhom jipprovdu wkoll gwida dwar kif jista’ jiġi żgurat li l-persuni b’diżabilità ma jiġux imċaħħda mid-dritt tagħhom għall-ġustizzja jew li jkunu soġġetti għal dewmien minħabba kwistjonijiet ta’ aċċessibbiltà, nuqqas ta’ kapaċità legali, nuqqas ta’ assistenza għat-teħid ta’ deċiżjonijiet appoġġjat jew in-nuqqas ta’ assistenza fil-komunikazzjoni, bħall-interpretazzjoni tal-lingwa tas-sinjali. Għandhom jinġabru prattiki tajba dwar it-teħid tad-deċiżjonijiet appoġġjat f’konformità mal-Artikoli 12 u 13 tas-CRPD. Jista’ jkun ta’ benefiċċju wkoll li jiġi esplorat kif l-Istati Membri implimentaw ir-Rakkomandazzjoni tal-KE tas-27 ta’ Novembru 2013 dwar is-salvagwardji proċedurali għall-persuni vulnerabbli suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali (8).

4.1.6.

Diversi azzjonijiet fil-qasam tal-edukazzjoni. Dawn jinkludu appoġġ għall-Istati Membri biex jiżguraw teknoloġiji ta’ assistenza u jipprovdu ambjent u kontenut ta’ tagħlim diġitali aċċessibbli skont il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali 2021-2027. Il-KE tipproponi wkoll sett ta’ għodod għall-inklużjoni fl-edukazzjoni u l-kura bikrija għat-tfal, li jinkludi kapitolu speċifiku dwar it-tfal b’diżabilità. Fl-aħħar nett, il-KE se tgħin lill-Istati Membri jiżviluppaw aktar is-sistemi tal-edukazzjoni tal-għalliema biex jindirizzaw in-nuqqas ta’ għalliema fl-Edukazzjoni għal Persuni bi Bżonnijiet Speċjali u biex il-professjonisti kollha fl-edukazzjoni jkunu jistgħu jimmaniġġaw id-diversità u l-edukazzjoni inklużiva. Il-KESE jinnota bi pjaċir li l-KE tirrikonoxxi r-rwol li jista’ jkollha l-UE fit-trawwim tal-edukazzjoni inklużiva, b’mod partikolari t-tagħlim elettroniku peress li l-istudenti b’diżabilità ħabbtu wiċċhom ma’ ħafna kwistjonijiet ta’ aċċessibbiltà matul il-pandemija tal-COVID-19. Madankollu, il-KESE jixtieq jisħaq li l-azzjoni dwar it-taħriġ għall-Għalliema għall-Persuni bi Bżonnijiet Speċjali għandha tiffoka wkoll fuq it-taħriġ tal-għalliema f’ambjenti tal-edukazzjoni konvenzjonali dwar kif jista’ jiġi offrut tagħlim inklużiv fil-klassi. Il-KE għandha tippromovi l-edukazzjoni inklużiva u tħeġġeġ lill-Istati Membri jallokaw Edukaturi għall-Persuni bi Bżonnijiet Speċjali f’ambjenti ta’ edukazzjoni inklużiva. L-għoti ta’ gwida għall-karriera għall-persuni b’diżabilità fis-sistemi edukattivi għandu jiġi investit u mtejjeb ukoll.

4.1.7.

Fl-oqsma tal-arti u l-kultura inklużivi, l-isport, id-divertiment u l-attivitajiet rikreattivi inkluż it-turiżmu, l-Istrateġija se ssaħħaħ il-parteċipazzjoni billi taħdem fuq diversi aspetti, jiġifieri billi tikkoopera ma’ organizzazzjonijiet sportivi konvenzjonali u speċifiċi għad-diżabilità, filwaqt li tappoġġja l-ħolqien tal-arti minn artisti b’diżabilità u tuża l-fondi tal-UE biex is-siti ta’ patrimonju kulturali u l-avvenimenti tal-arti jsiru aktar aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità.

4.1.8.

Il-KESE jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-Istrateġija hija nieqsa mill-ambizzjoni dwar l-adozzjoni tad-Direttiva Orizzontali dwar in-Nondiskriminazzjoni, imblukkata fil-Kunsill għal dan l-aħħar deċennju. Ma hemm l-ebda pjan reali biex jingħeleb dan l-imblukkar jew biex jiġu proposti alternattivi jekk il-Kunsill jonqos milli jilħaq ftehim.

4.1.9.

Il-KESE xtaq ukoll li tingħata aktar attenzjoni lill-kwistjonijiet relatati mas-saħħa. L-Istrateġija tiffoka fuq il-Pjan biex jingħeleb il-kanċer, li nilqgħu, iżda hija vaga ħafna dwar is-saħħa mentali, l-aċċessibbiltà tal-informazzjoni relatata mas-saħħa u l-provvista tal-kura tas-saħħa lill-persuni b’diżabilità li għadhom jgħixu fl-istituzzjonijiet.

5.   Promozzjoni globali tad-drittijiet tal-persuni b’diżabilità

5.1.

Il-Kapitolu sitta tal-Istrateġija jkopri azzjonijiet relatati mal-promozzjoni globali tad-drittijiet tal-persuni b’diżabilità. L-azzjonijiet prinċipali jinkludu dawn li ġejjin:

5.1.1.

It-tisħiħ tal-ġbir ta’ data tal-UE dwar persuni b’diżabilità fl-għajnuna umanitarja ffinanzjata mill-UE, pereżempju billi jiġi promoss l-użu tas-Sensiela Qasira ta’ Mistoqsijiet tal-Grupp ta’ Washington. Din hija proposta eċċellenti li twieġeb għat-talbiet li saru qabel mill-KESE. Il-Kumitat jixtieq li l-ġbir ta’ data diżaggregata jitjieb f’kull aspett, b’mod partikolari fir-rigward tan-nies li jgħixu fl-istituzzjonijiet. L-UE għandha tappoġġja wkoll l-implimentazzjoni tal-UNCRPD u tippromovi r-ratifika globali.

5.1.2.

L-aġġornament tas-Sett ta’ Għodod dwar l-“Approċċ Ibbażat fuq id-Drittijiet, li jinkludi d-drittijiet tal-bniedem kollha tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE” fl-2021. Dan għandu jsir mhux biss b’kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tad-diżabilità fl-UE, iżda wkoll mal-organizzazzjonijiet nazzjonali u lokali tad-diżabilità bbażati fil-pajjiżi fejn qed isiru dawn l-investimenti.

5.1.3.

L-iżgurar tal-użu sistematiku tal-markatur b’rabta mad-diżabilità tal-Kumitat ta’ Għajnuna għall-Iżvilupp (DAC) tal-OECD biex jiġu ttraċċati investimenti inklużivi fid-diżabilità għal monitoraġġ immirat tal-finanzjament mill-UE. Il-KESE jinnota bi pjaċir kbir li dan is-suġġeriment, li sar fl-Opinjoni tiegħu SOC/616 (9), ġie meqjus.

6.   It-twettiq tal-istrateġija u t-tmexxija bl-eżempju

6.1.

Il-Kapitoli sebgħa u tmienja tal-Istrateġija jkopru azzjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-Istrateġija, u kif il-KE se tbiddel l-istruttura u l-mod ta’ ħidma tagħha biex tikseb dan. L-azzjonijiet prinċipali jinkludu dawn li ġejjin:

6.1.1.

Skambju ta’ fehmiet annwali mal-KESE. Il-KESE jinnota bi pjaċir li l-involviment tiegħu fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija se jiġi formalizzat u huwa ħerqan għal din il-kooperazzjoni strutturata u kontinwa. Barra minn hekk, huwa jinnota bi pjaċir li l-KE se torganizza wkoll laqgħat regolari ta’ livell għoli mal-Parlament Ewropew, mal-Kunsill u mas-SEAE, li jinvolvu organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-persuni b’diżabilità.

6.1.2.

It-twaqqif ta’ Pjattaforma għad-Diżabilità biex tissostitwixxi l-Grupp ta’ Livell Għoli dwar id-Diżabilità. Il-Pjattaforma se tappoġġja l-implimentazzjoni tal-Istrateġija kif ukoll l-istrateġiji nazzjonali tad-diżabilità. Din se tlaqqa’ flimkien punti fokali nazzjonali tas-CRPD, organizzazzjonijiet tal-persuni b’diżabilità u l-KE. Hija se tipprovdi forum biex jiġu diskussi l-valutazzjonijiet tan-NU dwar l-implimentazzjoni tal-Istati Membri tas-CRPD. Il-KESE għandu fiduċja kbira f’din l-istruttura l-ġdida, li tipprometti li tkun aktar miftuħa u trasparenti mill-Grupp ta’ Livell Għoli.

6.1.3.

Strateġija mġedda dwar ir-Riżorsi Umani biex tagħti spinta lir-reklutaġġ u lill-perspettivi tal-karriera tal-persunal b’diżabilità, inkluż “Uffiċċju għad-Diversità u l-Inklużjoni” biex jissorvelja l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet li jmexxu ’l quddiem id-diversità u l-inklużjoni madwar il-KE. Il-KESE jqis din bħala waħda mill-aktar azzjonijiet promettenti fl-Istrateġija u jittama li tirriżulta fi tkabbir reali tar-reklutaġġ tal-persuni b’diżabilità fl-istituzzjonijiet tal-UE. Il-KESE jinnota wkoll bi pjaċir li l-KE se taġġorna l-istrateġija ta’ komunikazzjoni u sensibilizzazzjoni mmirata tal-EPSO, u se ssaħħaħ ir-rappurtar mill-maniġers tas-servizzi kollha tal-KE dwar id-diversità u l-akkomodazzjoni raġonevoli għall-persunal b’diżabilità.

6.1.4.

It-titjib tal-aċċessibbiltà tas-servizzi kollha tal-komunikazzjonijiet awdjoviżivi u tad-disinn grafiku tal-KE sal-2023. Il-KESE jilqa’ din l-azzjoni u jistieden lill-KE taħdem mal-esperti fl-aċċessibbiltà biex tiżgura l-ogħla livell ta’ aċċessibbiltà possibbli.

6.1.5.

Il-garanzija tal-aċċessibbiltà tal-bini kollu tal-KE li għadu kif ġie okkupat. Il-KE se tiżgura wkoll li l-postijiet għal avvenimenti tal-KE jkunu aċċessibbli u li l-bini kollu tal-KE jilħaq l-istandards ta’ aċċessibbiltà Ewropej sal-2030. Il-KESE jħeġġeġ lill-KE ma tonqosx milli twettaq dan.

6.1.6.

L-iżvilupp ta’ strateġija għall-ġbir ta’ data li se tidderieġi lill-Istati Membri u tanalizza s-sorsi u l-indikaturi ta’ data eżistenti, inkluż għal data amministrattiva. Il-KESE jissottolinja l-ħtieġa li tinġabar data diżaggregata, possibbilment bl-użu tas-Sensiela Qasira ta’ Mistoqsijiet tal-Grupp ta’ Washington, kif diġà indikat fl-Istrateġija.

6.1.7.

Il-pubblikazzjoni ta’ qafas għall-monitoraġġ tal-objettivi u l-azzjonijiet ta’ din l-Istrateġija segwita mill-iżvilupp ta’ indikaturi ġodda tad-diżabilità u l-ħruġ ta’ rapport fl-2024 dwar l-Istrateġija, li jivvaluta s-sitwazzjoni attwali u, jekk meħtieġ, jaġġorna l-objettivi u l-azzjonijiet tagħha. Il-KESE, u b’mod partikolari l-Grupp tal-KESE dwar id-Diżabilità, huwa lest jappoġġja lill-KE fit-tfassil ta’ dan il-qafas, flimkien mal-organizzazzjonijiet tad-diżabilità. Il-KESE jinnota bi pjaċir li ġiet stabbilita data għar-rapport ta’ implimentazzjoni, skedata b’tali mod li tippermetti lill-KE tikkoreġi kwalunkwe nuqqas matul il-ħajja tal-Istrateġija.

Brussell, 7 ta’ Lulju 2021

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  ĠU C 97, 24.3.2020, p. 41.

(2)  Eurofound, Disability and labour market integration: Policy trends and support (Diżabilità u integrazzjoni fis-suq tax-xogħol: xejriet ta’ politika u appoġġ).

(3)  ĠU C 97, 24.3.2020, p. 41.

(4)  ĠU C 97, 24.3.2020, p. 41.

(5)  ĠU C 97, 24.3.2020, p. 41, ĠU C 56, 16.2.2021, p. 36.

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 1).

(7)  ĠU C 97, 24.3.2020, p. 41

(8)  ĠU C 378, 24.12.2013, p. 8

(9)  ĠU C 97, 24.3.2020, p. 41


Top