Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021AA0001

Opinjoni Nru 1/2021 (skont l-Artikolu 322 TFUE) dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi r-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit (COM(2020) 854 final)

ECA_OPI_2021_1

ĠU C 101, 23.3.2021, p. 1–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.3.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 101/1


OPINJONI Nru 1/2021

(skont l-Artikolu 322 TFUE)

dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi r-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit

(COM(2020) 854 final)

(2021/C 101/01)

WERREJ

 

Paragrafu

Paġna

Introduzzjoni

1–7

2

L-Ewwel Parti: Kummenti ġenerali

8–14

4

Arkitettura tar-RAB

8–12

4

Awditjar u obbligu ta' rendikont

13–14

5

It-Tieni Parti: Kummenti speċifiċi

15–23

5

Perjodu ta’ eliġibbiltà

15–16

5

Kalkolu tal-prefinanzjament

17

5

Eliġibbiltà tan-nefqa

18

6

Metodoloġija tal-kampjunar

19

6

Taxxa fuq il-valur miżjud

20

6

Dikjarazzjoni ta’ ġestjoni

21

6

Rappurtar u evalwazzjoni

22–23

6

IL-QORTI TAL-AWDITURI TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 322 tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi r-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit, ippreżentata mill-Kummissjoni fil-25 ta’ Diċembru 2020 (“il-proposta”),

Wara li kkunsidrat it-talbiet li saru mill-Parlament u mill-Kunsill, fl-20 ta’ Jannar 2021, għal opinjoni dwar il-proposta msemmija hawn fuq,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (1) (“ir-Regolament Finanzjarju”),

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (2) (“il-Ftehim dwar il-Ħruġ”),

ADOTTAT L-OPINJONI LI ĠEJJA:

Introduzzjoni

1.

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq ħareġ mill-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Frar 2020, meta daħal fis-seħħ il-Ftehim dwar il-Ħruġ. Il-Ftehim dwar il-Ħruġ inkluda dispożizzjoni għal perjodu ta’ tranżizzjoni, li dam sal-31 ta’ Diċembru 2020 u ggarantixxa kundizzjonijiet ta’ “żamma tal-istatus quo” għaċ-ċittadini, il-konsumaturi u n-negozji kemm fl-UE kif ukoll fir-Renju Unit.

2.

Filwaqt li ż-żewġ naħat qablu dwar Ftehim ġdid dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit (3) fl-24 ta’ Diċembru, dan kien ifisser li, mill-1 ta’ Jannar 2021, l-UE u r-Renju Unit issa jiffurmaw żewġ swieq separati u żewġ spazji regolatorji u legali distinti. Inħolqu ostakli għall-kummerċ ta’ oġġetti u servizzi u għall-mobbiltà transfruntiera, b’konsegwenzi għall-amministrazzjoni pubblika, in-negozji, iċ-ċittadini u l-partijiet ikkonċernati fuq iż-żewġ naħat.

3.

Fil-konklużjonijiet għal-laqgħa speċjali tiegħu tas-17-21 ta’ Lulju 2020, il-Kunsill Ewropew ħabbar l-istabbiliment ta’ strument speċjali ġdid, ir-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit (“ir-RAB”), b’allokazzjoni totali ta’ EUR 5 biljun fi prezzijiet tal-2018. Il-Kunsill Ewropew stieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta għal regolament.

4.

Il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta tagħha f’Diċembru 2020. Ir-RAB għandha l-għan li tipprovdi appoġġ lill-Istati Membri, lir-reġjuni u lis-setturi li huma affettwati bl-akbar severità mill-ħruġ tar-Renju Unit, u b’hekk ittaffi l-impatt negattiv fuq il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali. L-Istati Membri kollha se jkunu eliġibbli għall-appoġġ mir-RAB.

5.

Huwa propost li r-RAB tiġi attivata f’żewġ allokazzjonijiet — l-ewwel waħda fl-2021 fil-forma ta’ prefinanzjament sostanzjali b’valur ta’ EUR 4 biljun. Il-metodoloġija għad-distribuzzjoni tas-sehem ta’ kull Stat Membru mill-prefinanzjament tkun ibbażata fuq żewġ fatturi prinċipali: il-kummerċ mar-Renju Unit u l-ħut maqbud fiż-żona ekonomika esklussiva tar-Renju Unit (4). Il- Figura 1 turi kif, bl-użu ta’ dak il-metodu, il-prefinanzjament ikun kondiviż fost l-Istati Membri.

Figura 1

Allokazzjoni tal-prefinanzjament (kriterji dwar il-kummerċ u l-ħut)

Image 1

Sors:

il-Kummissjoni Ewropea.

6.

L-Istati Membri jkollhom sat-30 ta’ Settembru 2023 biex japplikaw għal kontribuzzjoni finanzjarja mir-RAB. L-ammont li jifdal ta’ EUR 1 000 000 ikun ikopri kwalunkwe nefqa eliġibbli li taqbeż l-ammont imħallas fil-prefinanzjament, iżda fil-limiti tar-riżorsi totali disponibbli. Il-kontribuzzjonijiet addizzjonali mir-RAB jkunu jitħallsu prinċipalment fl-2024.

7.

Il-bażi ġuridika (5) għall-proposta tal-Kummissjoni tirrikjedi konsultazzjoni mal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA), u l-Parlament Ewropew (6) u l-Kunsill (7) talbu lill-QEA għall-opinjoni tagħha. Din l-opinjoni hija rispons għal dik it-talba; hija intenzjonata li tikkontribwixxi għall-eżaminar tal-proposta tal-Kummissjoni mil-leġiżlaturi. Għal dak il-fini, aħna nipprovdu kummenti ġenerali u speċifiċi li fihom, fost affarijiet oħra, nenfasizzaw il-kwistjonijiet prinċipali involuti u r-riskji assoċjati.

L-Ewwel Parti: Kummenti ġenerali

Arkitettura tar-RAB

8.

Il-proposta tipprovdi li l-perjodu ta’ referenza (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-perjodu ta’ eliġibbiltà”) għall-implimentazzjoni tal-miżuri biex jittaffew il-konsegwenzi negattivi tal-ħruġ tar-Renju Unit ikun mill-1 ta’ Lulju 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2022. L-Istati Membri jkollhom sat-30 ta’ Settembru 2023 biex jippreżentaw applikazzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja, billi jagħtu dettalji tan-nefqa pubblika totali mġarrba matul il-perjodu ta’ eliġibbiltà (8). L-applikazzjonijiet ikunu akkumpanjati minn rapport ta’ implimentazzjoni li jiddeskrivi x’miżuri ta’ mitigazzjoni ttieħdu u kif ġew implimentati, kif ukoll dikjarazzjoni ta’ ġestjoni u opinjoni tal-awditjar indipendenti li tkopri l-perjodu sħiħ ta’ eliġibbiltà. Abbażi ta’ din l-informazzjoni, il-Kummissjoni mbagħad tivvaluta biss l-eliġibbiltà u x-xerqien tal-miżuri magħżula, li hija deroga mill-approċċ annwali applikat għal fondi taħt ġestjoni kondiviża (9). Il- Figura 2 tiddeskrivi dan il-proċess, b’dati ewlenin.

Figura 2

Skeda ta’ żmien għar-RAB

Image 2

Sors:

il-QEA.

9.

L-Istati Membri jkunu jirċievu EUR 4 biljun jew 80 % tal-fondi tar-riżerva permezz ta’ prefinanzjament. Qabel ma jirċievu l-prefinanzjament l-Istati Membri jridu jinnotifikaw lill-Kummissjoni liema korpi jkunu responsabbli għall-ġestjoni u l-kontroll tar-RAB, u lil liema korp jenħtieġ li jitħallas il-prefinanzjament. Filwaqt li l-livell ta’ prefinanzjament huwa għoli b’mod mhux tas-soltu, huwa jippermetti lill-Istati Membri biex jirreaġixxu malajr għas-sitwazzjoni eċċezzjonali, u jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-pagamenti tal-bilanċ finali mhux se jsiru qabel tmiem l-2023 l-aktar kmieni.

10.

L-arkitettura tal-proposta tkun tilħaq l-objettiv li tipprovdi flessibbiltà lill-Istati Membri. Jekk ammonti sinifikanti tar-RAB isiru disponibbli permezz ta’ prefinanzjament, l-Istati Membri jkunu jistgħu jirreaġixxu malajr għal ċirkostanzi li qegħdin jinbidlu u jiġġieldu l-effetti negattivi tal-Brexit b’mod aktar effettiv. Il-proposta tistabbilixxi oqsma wiesgħa li fihom jista’ jintuża l-finanzjament, mingħajr ma tiddefinihom ulterjorment, iżda l-Istati Membri jkollhom diskrezzjoni fir-rigward tat-tipi ta’ proġetti jew miżuri li jkunu xtaqu jiffinanzjaw (10).

11.

Il-flessibbiltà pprovvduta mir-RAB — b’mod partikolari n-nuqqas ta’ rekwiżit għall-Istati Membri biex jinfurmaw b’mod uffiċjali lill-Kummissjoni dwar liema reġjuni, oqsma u setturi jistgħu jkunu l-aktar milquta u jiddeskrivu liema miżuri se jiġu ffinanzjati qabel isseħħ l-allokazzjoni tal-prefinanzjament — toħloq għadd ta’ riskji assoċjati man-nuqqas ta’ ċertezza. Ir-RAB għandha mnejn tintuża biex tappoġġa miżuri li mhumiex fil-fatt eliġibbli, sabiex il-Kummissjoni ma tagħtix rimborż sussegwenti tal-ispejjeż lill-Istati Membri. Barra minn hekk, il-miżuri magħżula jistgħu jkunu subottimali u jistgħu ma jiksbux l-objettiv intenzjonat tagħhom.

12.

Il-proposta tkun teħtieġ li l-Istati Membri jikkonfermaw li fasslu deskrizzjonijiet tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll tagħhom (11). L-Istati Membri jistgħu jagħmlu użu mill-korpi u s-sistemi maħtura eżistenti diġà fis-seħħ għall-implimentazzjoni tal-fondi tal-UE għall-iskopijiet tal-ġestjoni tar-riżerva. Fejn l-Istati Membri jiddeċiedu li jistabbilixxu sistemi ġodda hemm riskju li dawn jistgħu jkunu ineffettivi. Jenħtieġ li l-Kummissjoni, fl-istadji bikrija tal-perjodu ta’ eliġibbiltà, tivvaluta l-adegwatezza tagħhom biex jikkontribwixxu għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE.

Awditjar u obbligu ta’ rendikont

13.

Il-proposta tipprevedi korp tal-awditjar indipendenti f’kull Stat Membru biex jawditja s-sistema ta’ ġestjoni u kontroll u jwettaq awditi tal-miżuri ffinanzjati (12). Il-korp tal-awditjar għalhekk ikun attur ewlieni fl-għoti ta’ aċċertament lill-Kummissjoni li s-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll tal-Istati Membri qegħdin jaħdmu b’mod effettiv u li n-nefqa hija legali u regolari. Madankollu, il-proposta hija nieqsa mid-dettal u minn definizzjonijiet ċari fir-rigward ta’ ċerti elementi importanti, bħall-metodoloġija tal-kampjunar kif ukoll il-kwantifikazzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbalji.

14.

Dan in-nuqqas ta’ ċarezza jista’ ma jiżgurax approċċ tal-awditjar konsistenti u komparabbli fl-Istati Membri kollha, u b’hekk inaqqas l-aċċertament li l-Kummissjoni tista’ tikseb minn xogħolhom u mill-opinjonijiet tal-awditjar tagħhom.

It-Tieni Parti: Kummenti speċifiċi

Perjodu ta’ eliġibbiltà

15.

Il-proposta tiddikjara li l-perjodu ta’ eliġibbiltà għall-implimentazzjoni tal-miżuri għandu jkun minn Lulju 2020 sa Diċembru 2022 (13). Il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni li l-proposta hija parti mit-tħejjija għal tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, li tibni fuq u tikkomplementa x-xogħol li sar mill-UE u l-Istati Membri fil-kuntest tal-miżuri ta’ tħejjija meħuda matul in-negozjati tal-Brexit (14).

16.

Jenħtieġ li l-perjodu ta’ eliġibbiltà jiffaċilita l-objettiv li r-RAB tintuża biex tappoġġa l-miżuri ta’ tħejjija u tgħin biex jittaffa l-impatt ekonomiku tal-ħruġ tar-Renju Unit. Madankollu, il-proposta ma tidentifikax b’mod ċar ir-raġunament għall-perjodu ta’ eliġibbiltà magħżul u lanqas ma teżamina l-adattezza tiegħu fir-rigward tal-objettivi ddikjarati.

Kalkolu tal-prefinanzjament

17.

Il-metodoloġija magħżula u applikata mill-Kummissjoni għall-kalkolu ta’ sehem l-Istati Membri mill-prefinanzjament hija bbażata fuq żewġ fatturi, il-kummerċ mar-Renju Unit u l-ħut maqbud fl-ilmijiet tar-Renju Unit. Permezz ta’ din il-metodoloġija, il-Kummissjoni għandha l-għan li tipproduċi l-aqwa stima tal-impatt tal-Brexit fuq l-Istati Membri rispettivi. Madankollu, meta jitqiesu l-ħafna inċertezzi li għadhom assoċjati mal-impatt tal-ħruġ tar-Renju Unit, inkluż il-moviment ta’ setturi ta’ attività ekonomiċi mir-Renju Unit lejn l-UE, hemm riskju li l-metodu ta’ allokazzjoni magħżul jista’ ma jirriflettix bis-sħiħ l-isponiment speċifiku tal-ekonomija ta’ Stat Membru.

Eliġibbiltà tan-nefqa

18.

Il-proposta tistabbilixxi li n-nefqa għandha tkun eliġibbli jekk issir u titħallas matul il-perjodu ta’ referenza (15). Hija tipprevedi wkoll li l-kontribuzzjonijiet mir-riżerva għandhom jieħdu l-forma ta’ rimborż tal-ispejjeż eliġibbli mġarrbin u mħallsin mill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-miżuri (16). Fil-fehma tagħna, il-proposta tippermetti interpretazzjonijiet differenti dwar l-eliġibbiltà tan-nefqa. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi ċċarat aktar li l-ispejjeż jenħtieġ li jiġġarrbu u jitħallsu fi żmien il-perjodu ta’ eliġibbiltà, kemm fil-livell tal-korpi maħtura kif ukoll f’dak tar-riċevituri finali.

Metodoloġija tal-kampjunar

19.

Il-proposta tagħti deskrizzjoni qasira tal-proċess għall-awditjar tal-miżuri ffinanzjati u tiddeskrivi l-metodoloġija tal-kampjunar korrispondenti (17). Fejn tippermetti metodu ta’ kampjunar mhux statistiku, il-proposta tiddikjara li l-unitajiet tal-kampjunar iridu jkopru ċertu proporzjon tal-popolazzjoni għas-sena kontabilistika. Billi l-awditu tal-miżuri ffinanzjati għandu jkopri l-perjodu ta’ eliġibbiltà kollu kemm hu, jiġifieri sentejn u nofs, ir-referenza għas-“sena kontabilistika” tidher inkonsistenti fi ħdan il-metodoloġija kumplessiva.

Taxxa fuq il-valur miżjud

20.

Skont il-proposta, ir-RAB ma tkunx tappoġġa t-taxxa fuq il-valur miżjud (18). Aħna nilqgħu l-approċċ propost għar-RAB li huwa f’konformità mar-rakkomandazzjoni, li ġiet espressa l-aħħar fl-analiżi rapida li wettaqna fl-2018 dwar kas speċifiku dwar ir-rimborż tal-VAT fil-qasam tal-Koeżjoni. Aħna rrakkomandajna li jiġi eskluż ir-rimborż tal-VAT lill-korpi pubbliċi mill-fondi tal-UE bħala mod kif jitnaqqas ir-riskju ta’ żbalji fl-infiq fil-qasam tal-Koeżjoni u jiġi żgurat użu aħjar tal-fondi tal-UE mill-perspettiva ta’ ġestjoni finanzjarja tajba (19).

Dikjarazzjoni ta’ ġestjoni

21.

Il-proposta tkun tirrikjedi li l-Istati Membri jippreżentaw dikjarazzjoni ta’ ġestjoni, l-opinjoni ta’ korp indipendenti tal-awditjar u rapport ta’ implimentazzjoni (il-paragrafu 8) bħala parti mill-applikazzjonijiet tagħhom għal kontribuzzjonijiet finanzjarji mir-RAB (20). Aħna nosservaw li l-mudell għad-dikjarazzjoni ta’ ġestjoni, stabbilit fl-Anness II għall-proposta, ma jipprevedix dikjarazzjoni, mill-persuna inkarigata mill-ġestjoni tar-RAB, biex jiġi kkonfermat il-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ kontroll. Din id-dikjarazzjoni hija meħtieġa mill-Artikolu 63(6)(c) tar-Regolament Finanzjarju. In-nuqqas ta’ tali dikjarazzjoni jkun jillimita l-aċċertament li tista’ tipprovdi d-dikjarazzjoni. Dan ikollu wkoll implikazzjonijiet għall-opinjoni tal-awditjar, li normalment tkun tivvaluta l-preċiżjoni tad-dikjarazzjoni.

Rappurtar u evalwazzjoni

22.

Skont il-proposta, il-Kummissjoni tkun twettaq evalwazzjoni tal-effettività, l-effiċjenza, ir-rilevanza, il-koerenza u l-valur miżjud tal-UE għar-RAB (21). Filwaqt li nirrikonoxxu li huwa importanti li jinstab il-bilanċ it-tajjeb bejn ir-rekwiżiti ta’ monitoraġġ u l-piż amministrattiv fuq l-Istati Membri, aħna nosservaw li l-applikazzjonijiet għal kontribuzzjonijiet finanzjarji jridu jinkludu valuri fuq l-indikaturi tal-output biss (22). Għalkemm dawn l-indikaturi tal-output jistgħu jitkejlu, kif ġie osservat qabel, huma jipprovdu biss informazzjoni limitata dwar jekk miżura kinitx effettiva fl-indirizzar tal-konsegwenzi negattivi tal-ħruġ tar-Renju Unit (23). Barra minn hekk, il-proposta ma tirrikjedix li l-Istati Membri jistabbilixxu miri għall-indikaturi msemmija qabel, li se tagħmilha saħansitra aktar diffiċli li tiġi pprovduta valutazzjoni sinifikanti tal-effettività tar-RAB.

23.

Skont il-Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar, riżultati robusti u affidabbli jistgħu jinkisbu biss permezz ta’ evalwazzjonijiet oġġettivi indipendenti (24). Filwaqt li l-proposta tipprevedi evalwazzjoni sħiħa tar-RAB, li twassal għal rapport li għandu jiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sat-30 ta’ Ġunju 2027, hija ma tiddikjarax b’mod espliċitu li l-evalwazzjoni tkun indipendenti.

Din l-Opinjoni ġiet adottata mill-Qorti tal-Awdituri fil-Lussemburgu, fil-laqgħa tagħha tal-25 ta’ Frar 2021.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner LEHNE

Il-President


(1)  ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.

(2)  ĠU C 384 I, 12.11.2019, p. 1.

(3)  ĠU L 444, 31.12.2020, p. 14.

(4)  L-Anness I għall-proposta.

(5)  It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 322(1)(a).

(6)  Il-Parlament Ewropew — D300288 (20.1.2021).

(7)  Il-Kunsill — SGS 21/000201 (20.1.2021).

(8)  L-Artikolu 9 tal-proposta.

(9)  L-Artikolu 7(4): “B’deroga mill-paragrafi 5, 6 u 7 tal-Artikolu 63 tar-Regolament Finanzjarju, id-dokumenti msemmija f’dawk id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu ppreżentati darba, skont l-Artikolu 10 ta’ dan ir-Regolament.”

(10)  L-Artikolu 5 tal-proposta.

(11)  L-Artikolu 13(1) tal-proposta.

(12)  L-Artikolu 13(4) tal-proposta.

(13)  L-Artikoli 2(1) u 5(2) tal-proposta.

(14)  Il-Premessa 7 tal-proposta.

(15)  L-Artikolu 5(2) tal-proposta.

(16)  L-Artikolu 7(2) tal-proposta.

(17)  L-Artikolu 13(4) tal-proposta.

(18)  L-Artikolu 6(a) tal-proposta.

(19)  Analiżi rapida dwar każ speċifiku: “Rimborż tal-VAT fil-qasam tal-Koeżjoni — użu tal-fondi tal-UE li huwa suxxettibbli għall-iżbalji u li mhuwiex ottimu”, Novembru 2018.

(20)  L-Artikolu 10(1)(2) tal-proposta.

(21)  L-Artikolu 16 tal-proposta.

(22)  L-Anness II tal-proposta.

(23)  Ir-Rapport tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-prestazzjoni tal-baġit tal-UE — Status fi tmiem l-2019, il-paragrafu 4.19: “L-indikaturi tal-output għandhom rabta diretta mal-attivitajiet iffinanzjati mill-baġit tal-UE, iżda ftit li xejn jipprovdu informazzjoni dwar il-progress lejn l-ilħuq tal-objettivi ta’ politika”.

(24)  SWD(2017) 350 final tas-7 ta’ Mejju 2017, p. 53.


Top