This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52020XR1392
Resolution of the European Committee of the Regions — The European Committee of the Regions’ priorities for 2020-2025 — Europe closer to the people through its villages, cities and regions
Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-prijoritajiet tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni għall-2020–2025 — Ewropa eqreb lejn iċ-ċittadini permezz tal-villaġġi, il-bliet u r-reġjuni tagħha
Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-prijoritajiet tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni għall-2020–2025 — Ewropa eqreb lejn iċ-ċittadini permezz tal-villaġġi, il-bliet u r-reġjuni tagħha
COR 2020/01392
ĠU C 324, 1.10.2020, p. 8–15
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
1.10.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 324/8 |
Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-prijoritajiet tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni għall-2020–2025 — Ewropa eqreb lejn iċ-ċittadini permezz tal-villaġġi, il-bliet u r-reġjuni tagħha
(2020/C 324/02)
Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) huwa l-assemblea politika minquxa fit-Trattati tal-UE, li tipprovdi rappreżentazzjoni istituzzjonali għaż-żoni territorjali, ir-reġjuni, il-bliet u l-muniċipalitajiet kollha.
Unjoni Ewropea li tqis il-ħtiġijiet u t-tħassib lokali u reġjonali żżid il-leġittimità demokratika, ittejjeb is-sjieda u tikseb valur miżjud akbar, kemm għall-politiki tal-UE kif ukoll għall-effettività tagħhom fil-prattika, u b’hekk tipprovdi benefiċċju għaċ-ċittadini. Għal dan il-għan, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jaħdem mill-qrib mal-Kummissjoni Ewropea, mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll fl-Istati Membri fil-livelli differenti tal-gvern. L-istat attwali tal-UE jirrikjedi li din il-kooperazzjoni tissaħħaħ kontinwament u li l-vuċi tar-reġjuni, il-bliet u l-muniċipalitajiet tkun dejjem aktar preżenti fil-politika u l-iżvilupp leġislattiv tal-UE.
Mill-kriżi għall-irkupru: lejn Unjoni Ewropea reżiljenti, sostenibbli u koeżiva
F’dawn l-aħħar snin, l-Unjoni Ewropea ffaċċjat sfidi bla preċedent: kriżi finanzjarja serja u reċessjonijiet ekonomiċi severi, sfidi soċjali u territorjali, it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, instabbiltà fil-viċinat tagħha u fis-sistema globali, u l-migrazzjoni. Il-pandemija tal-COVID-19 qed tkompli tittestja s-solidarjetà tal-UE u poġġiet taħt il-lenti l-kapaċità tagħna li nkampaw f’emerġenzi li jpoġġu pressjoni konsiderevoli fuq is-servizzi tas-saħħa, soċjali u pubbliċi tagħna. Din l-iżjed kriżi reċenti wriet mhux biss il-bżonn li jiġi adottat rispons ikkoordinat, sostnut minn baġit tal-UE li hu ferm aktar qawwi, iżda wkoll il-bżonn li jiġu appoġġjati aktar il-miljun awtorità lokali u reġjonali tal-Ewropa li qed jaħdmu fl-aktar ambjenti esposti sabiex jipproteġu liċ-ċittadini u lill-ekonomiji lokali u jwieġbu għall-emerġenzi (1).
L-UE trid issir aktar reżiljenti soċjalment, ekonomikament u ambjentalment fir-reġjuni u l-bliet kollha tagħha. Jeħtieġ li tiżgura li l-politiki u l-programmi tagħha jissodisfaw il-bżonnijiet tal-komunitajiet lokali, bis-saħħa ta’ investiment Ewropew iffinanzjat kif imiss. Il-bliet u r-reġjuni huma l-muturi tal-ekonomija Ewropea. Ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali huwa essenzjali fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE, u huwa għalhekk li l-UE trid tinvolvi aħjar u b’mod aktar b’saħħtu lill-bliet u lir-reġjuni fil-proċess Ewropew tat-teħid tad-deċiżjonijiet permezz ta’ approċċ ta’ governanza f’diversi livelli li jkun prattiku u organizzat tajjeb. Jeħtieġ li l-Ewropa taċċellera d-diġitalizzazzjoni u tagħti spinta lill-kapaċità ta’ innovazzjoni bil-kooperazzjoni tal-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-UE kollha. Irkupru aktar mgħaġġel u ġust jirrikjedi solidarjetà, responsabbiltà u sħubijiet Ewropej akbar, xprunati mill-impenn tal-UE għal tkabbir ekoloġiku, sostenibbli u territorjalment ibbilanċjat li jappoġġja lil kull reġjun u belt.
Għalhekk, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) ser jiffoka fuq il-prijoritajiet ewlenin li ġejjin b’miżuri ewlenin matul il-mandat attwali tiegħu ta’ ħames snin (2020-2025):
Inressqu lill-Ewropa eqreb taċ-ċittadini tagħha: insaħħu d-demokrazija tal-UE u naħdmu flimkien fuq il-ġejjieni tal-Unjoni tagħna
Il-missjoni tal-KtR hija li jġib lill-Ewropa eqreb taċ-ċittadini tagħha u li jsaħħaħ id-demokrazija Ewropea fil-livelli kollha, sabiex il-bżonnijiet tan-nies jiġu sodisfatti b’mod aktar effiċjenti u sabiex terġa’ tinkiseb il-fiduċja tagħhom fl-Unjoni Ewropea u fl-istituzzjonijiet tagħha. Il-KtR ser jaħdem biex jiżgura li r-reġjuni, il-bliet, l-irħula u l-villaġġi kollha jiġu appoġġjati mill-UE biex jindirizzaw il-konsegwenzi fuq terminu qasir u twil tal-pandemija tal-COVID-19. Il-KtR ser ikompli jtejjeb il-kwalità tal-leġislazzjoni tal-UE u jantiċipa aħjar l-impatt territorjali tagħha u jippromovi l-prinċipju tas-sussidjarjetà attiva. Biex iwettaq din il-missjoni, il-KtR ser juża l-ħidma leġislattiva, politika u strateġika tal-membri tiegħu u tal-partijiet interessati. Barra minn hekk, il-KtR ser jiżviluppa kampanja ta’ komunikazzjoni ffokata fuq ir-rwol fundamentali tal-gvernijiet lokali u reġjonali fid-demokrazija Ewropea, li se tinkludi t-tħejjija tal-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa, u li jagħmel kontribut għaliha. Barometru Lokali u Reġjonali Annwali, li ser ikun ibbażat fuq evidenza statistika soda u fuq approċċ inklużiv li jinvolvi l-membri tiegħu u l-partijiet ikkonċernati rilevanti, u li ser jinkludi dibattitu plenarju politiku ta’ livell għoli, ser ikun punt ta’ referenza annwali u għalhekk se jikkontribwixxi għal dan l-għan.
F’dan ir-rigward, il-KtR ser jipprijoritizza l-miżuri ewlenin li ġejjin:
1. |
Jippromovi sensibilizzazzjoni u azzjoni fil-livell lokali u reġjonali dwar il-valuri fundamentali tal-UE tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, li jeħtieġ li jiġu mħarsa u rrispettati anke fi żminijiet ta’ emerġenza. Il-KtR jimpenjaruħu li jidentifika r-reazzjonijiet lokali u reġjonali adatti għall-mod kif taħdem l-UE u li jinvolvi liċ-ċittadini permezz tal-membri tiegħu, sabiex jitnaqqas id-distakk bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-komunitajiet lokali; |
2. |
Itenni mill-ġdid it-talba tiegħu biex jipparteċipa bis-sħiħ u jkun irrappreżentat b’mod ġust fil-korpi kollha tal-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa. Bħall-kriżijiet tal-ekonomija u tal-klima, il-pandemija wriet li hemm bżonn aktar minn qatt qabel li ssir riflessjoni profonda dwar id-demokrazija u l-politiki tal-Ewropa, u l-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa ser tkun opportunità essenzjali biex l-UE tiġi diskussa bħala proġett maċ-ċittadini u l-awtoritajiet lokali u reġjonali, kif ukoll biex jiġi propost, qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li ġejjin, mod ġdid ta’ ħidma għall-UE, inkluża r-reviżjoni tat-Trattati bil-għan li l-bliet u r-reġjuni jiġu involuti b’mod sħiħ fit-tfassil tal-politika; |
3. |
Jitlob lill-Istati Membri tal-UE u lill-istituzzjonijiet tagħha jirrispettaw, jibnu fuq u jsaħħu l-impenji maqbula fid-Dikjarazzjoni ta’ Berlin tal-2007 u fid-Dikjarazzjoni ta’ Ruma tal-2017, jiġifieri l-għarfien li l-kompiti u l-kooperazzjoni għandhom jinqasmu bejn il-livelli kollha tal-gvern, inklużi l-awtoritajiet lokali u reġjonali, sabiex l-Unjoni Ewropea ssir aktar effettiva, magħquda, demokratika u reżiljenti. It-test finali tal-pożizzjoni konġunta dwar il-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa għandu jiġi adottat fl-ispirtu tal-kooperazzjoni istituzzjonali; |
4. |
Jiżviluppa mudell għal djalogu permanenti u strutturat maċ-ċittadini permezz tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-kuntest tal-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa u lil hinn minnha, biex isir possibbli proċess ta’ komunikazzjoni bidirezzjonali bejn iċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet tal-UE. F’dan ir-rigward, l-esperjenza estensiva u l-aħjar prattiki eżistenti tad-demokrazija deliberattiva fil-livell lokali u reġjonali u l-ħafna networks ta’ kunsilliera lokali u reġjonali eletti huma assi ewlenin, li l-KtR ser jippreżenta fid-dibattitu dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa; |
5. |
Jappoġġa lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jagħmlu l-aħjar użu mill-istrumenti tat-teknoloġija diġitali u l-għodod tal-ICT il-ġodda. It-teknoloġiji diġitali għandhom potenzjal sinifikanti għal soluzzjonijiet innovattivi għall-isfidi ekonomiċi, soċjali u teknoloġiċi ta’ żmienna. B’dan il-mod, dawn jistgħu jtejbu l-provvista ta’ servizzi pubbliċi, jiffaċilitaw il-komunikazzjoni bejn in-nies, iżidu l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini b’modi ġodda u differenti, itejbu t-trasparenza, l-inklużività, ir-responsabbiltà u r-reattività tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, itejbu l-governanza lokali, u jikkomplementaw u jsaħħu d-demokrazija. Għal din ir-raġuni, ir-reżiljenza u l-indipendenza tas-sistemi diġitali u l-fornituri tagħhom għandhom jittejbu b’mod sostanzjali; |
6. |
Jippromovi d-diversità, permezz tal-promozzjoni ta’ miżuri ta’ inklużività u ta’ ugwaljanza u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru (2), ir-razza u l-oriġini etnika (3), ir-reliġjon, id-diżabilità, l-età (4) u d-diskriminazzjoni fuq kwalunkwe bażi fit-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livell Ewropew, nazzjonali, lokali u reġjonali, kemm fi ħdan il-KtR kif ukoll lil hinn minnu; |
7. |
Jipparteċipa b’mod attiv fil-kampanja ta’ sensibilizzazzjoni u komunikazzjoni dwar il-ġlieda kontra l-isterjotipi tas-sessi li l-Kummissjoni Ewropea se tniedi biex isservi bħala pjattaforma għal entitajiet lokali u reġjonali biex jiskambjaw l-aħjar prattiki dwar dan is-suġġett; |
8. |
Jappoġġja u jsaħħaħ il-minoranzi fl-Ewropa, b’mod partikolari permezz tal-inizjattiva Minority SafePack; |
9. |
Isir il-punt ta’ referenza għall-awtoritajiet reġjonali u lokali kollha fl-Ewropa, inklużi dawk li mhumiex membri tal-KtR, billi jsaħħaħ l-identità politika u r-relazzjonijiet tal-KtR kif ukoll isaħħaħ il-kooperazzjoni mal-familji politiċi ewlenin, mal-gvernijiet nazzjonali, mar-rappreżentanti eletti fil-livell lokali u reġjonali, mal-assoċjazzjonijiet Ewropej u nazzjonali tal-awtoritajiet reġjonali u lokali, u mal-uffiċċji reġjonali fi Brussell; |
10. |
Jappoġġja d-demokrazija rappreżentattiva permezz ta’ interazzjoni aktar b’saħħitha mal-parlamenti fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali, kif ukoll permezz tal-iskambju tal-aħjar prattiki dwar l-għodod li jistimulaw id-demokrazija rappreżentattiva u parteċipattiva, fosthom il-baġits parteċipattivi. L-istat tad-dritt, id-demokrazija u l-governanza tajba għandhom ikunu prerekwiżiti għall-fondi tal-UE; |
11. |
Juża analiżijiet ibbażati fuq l-evidenza għall-monitoraġġ u l-promozzjoni tad-devoluzzjoni tal-kompetenzi lokali u reġjonali u l-finanzi subnazzjonali, kif ukoll tal-funzjonament tad-demokrazija lokali fl-UE; |
12. |
Joħloq għodod diġitali għall-immappjar tal-politika u tal-kompetenzi finanzjarji, bl-użu ta’ sinerġiji mal-għodod eżistenti tal-organizzazzjonijiet tal-UE, u dawk nazzjonali u internazzjonali; |
13. |
Jappoġġja u jippromovi x-xogħol importanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali l-aktar esposti fil-pandemija tal-COVID-19 u l-kriżijiet ekonomiċi u soċjali. Il-pandemija qed turi l-importanza li jiġi applikat kif imiss il-prinċipju tas-sussidjarjetà attiva, kif ukoll ir-rwol essenzjali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali minn naħa, u l-ħtieġa għal koordinazzjoni u appoġġ fil-livell Ewropew min-naħa l-oħra; |
14. |
Jeżamina fid-dettall l-inizjattivi ġodda tal-politika tal-UE sabiex jiżgura li dawn jinkorporaw dimensjoni territorjali u jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ valur miżjud tal-UE, f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tat-“Task Force dwar is-Sussidjarjetà, il-Proporzjonalità u dwar li ‘Nagħmlu Anqas b’Aktar Effiċjenza’” u l-“Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar”; |
15. |
Inaqqas il-piżijiet amministrattivi u l-ispejjeż marbuta mal-implimentazzjoni għar-reġjuni u l-bliet billi jinsisti fuq is-semplifikazzjoni tal-leġislazzjoni u jwissi kontra l-prattika tar-regolamentazzjoni żejda (gold-plating) b’mod aktar ġenerali; |
16. |
Isaħħaħ il-kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea, mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill Ewropew, inkluż permezz tan-network taċ-Ċentri Reġjonali u tal-Pjattaforma Fit for Europe, sabiex titjieb l-effettività tat-tfassil tal-politika tal-UE permezz ta’ feedback ibbażat fuq l-evidenza min-naħa tal-partijiet ikkonċernati lokali u reġjonali; |
17. |
Jippromovi l-importanza tal-awtonomija lokali fi ħdan l-Unjoni Ewropea, fil-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali tal-UE u fil-pajjiżi msieħba tal-viċinati tal-Lvant u tal-Mediterran; |
18. |
Jappoġġja l-azzjoni globali tal-UE billi jippromovi valuri u prinċipji bħad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-iżvilupp sostenibbli u l-inklużività soċjali, fost oħrajn, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-imsieħba Mediterranji u tal-Lvant tiegħu; |
19. |
Iħeġġeġ lill-parlamenti reġjonali jinvolvu ruħhom fil-proġett pilota KtR-CALRE biex jiġġeneraw dibattiti politiċi dwar kwistjonijiet ewlenin tal-UE, bħat-tħejjija tal-Programmi ta’ Ħidma Annwali tal-Kummissjoni Ewropea; |
20. |
Jiżgura li l-UE tappoġġja l-parteċipazzjoni u l-involviment effettivi taż-żgħażagħ, inkluż permezz ta’ kooperazzjoni strutturata mal-Koordinatur tal-UE għaż-Żgħażagħ, issaħħaħ miżuri bħall-Garanzija għaż-Żgħażagħ sabiex jitjiebu l-prospetti għal impjieg u edukazzjoni ta’ kwalità għolja, u tistabbilixxi Garanzija Ewropea għat-Tfal; |
21. |
Jissokta l-kooperazzjoni mal-Politiċi Eletti Żgħażagħ fi ħdan il-qafas tal-programm Politiċi Eletti Żgħażagħ tal-KtR, sabiex għall-ġenerazzjonijiet futuri jinbnew rabtiet ta’ politiċi lokali u reġjonali eletti mal-proċessi tat-tfassil tal-politika Ewropej u nazzjonali; |
22. |
Jippromovi d-diversità kulturali tal-identitajiet lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej tagħna u l-lingwi u t-tradizzjonijiet differenti li jifformaw il-wirt kulturali Ewropew tagħna. Jenfasizza li s-setturi kulturali u kreattivi, li għandhom posthom fl-ekonomija lokali bħala impjegaturi iżda wkoll fil-ħajja soċjali tal-komunitajiet, intlaqtu ħażin ħafna mill-pandemija u jeħtieġu appoġġ. jikkontribwixxi għal Aġenda Ewropea Ġdida għall-Kultura, inkluża l-integrazzjoni tal-investiment fil-kultura fil-fondi differenti tal-UE, kif ukoll it-tisħiħ tas-sinerġiji bejn il-kultura u politiki oħrajn bħat-turiżmu, il-politika reġjonali, l-edukazzjoni, iż-żgħażagħ, ir-riċerka u l-innovazzjoni. |
Nifhmu t-trasformazzjonijiet profondi fis-soċjetà li l-isfidi diġitali, ambjentali u demografiċi joħolqu għall-bini ta’ komunitajiet reġjonali u lokali reżiljenti, u nirreaġixxu għalihom.
It-tranżizzjonijiet klimatiċi u diġitali attwali, it-trasformazzjonijiet demografiċi u l-konsegwenzi tal-flussi migratorji interni u esterni qed ikollhom impatt profond fuq ir-reġjuni, il-bliet, l-irħula u l-villaġġi Ewropej kollha. Għal din it-tieni prijorità, il-missjoni tal-KtR ser tkun li janalizza u jidentifika soluzzjonijiet li jippermettu lill-awtoritajiet reġjonali u lokali jindirizzaw dawn it-trasformazzjonijiet fis-soċjetà fil-postijiet fejn jgħixu n-nies. Il-pandemija tal-COVID-19 tirrikjedi riflessjoni dwar ir-rispons adatt għal dawn l-isfidi, hekk kif l-Ewropa u l-Istati Membri juru sa fejn lesti jaslu biex isalvaw il-ħajjiet u l-ekonomija. Din il-kriżi żiedet il-ħtieġa għal riflessjoni profonda dwar il-politiki, il-kompetenzi u l-funzjonament ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Il-KtR għalhekk jistenna bil-ħerqa d-dibattitu importanti dwar il-politiki kollha tal-UE, b’rabta mal-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa, u li jiġu rieżaminati u vvalutati b’mod aktar ġenerali, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Sabiex iwettaq din il-missjoni, il-KtR ser juża l-ħidma leġislattiva u politika u dik marbuta mat-tfassil tal-politika tal-membri tiegħu u tal-partijiet ikkonċernati, u se jikkontribwixxi għall-Patt Ekoloġiku Ewropew u jilħaq l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU. Dan ser jiġi kkomplementat minn kampanja ta’ komunikazzjoni mmexxija mill-KtR. Il-Barometru Lokali u Reġjonali Annwali ser jikkontribwixxi wkoll għat-twettiq ta’ din il-prijorità.
Il-KtR ser jipprijoritizza l-miżuri ewlenin li ġejjin:
23. |
Jippromovi pjan għall-kriżi tal-pandemija tal-COVID-19 ibbażat fuq l-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli fil-livell lokali u reġjonali, kif ukoll fuq l-inizjattivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew; |
24. |
Jikkontribwixxi għall-miri tat-tnaqqis tal-karbonju tal-2030, bil-għan li tinkiseb newtralità klimatika sal-2050, billi jinkoraġġixxi azzjoni lokali u reġjonali ambizzjuża u deċiżiva permezz tal-Patt Klimatiku u inizjattivi lokali u reġjonali rilevanti oħra dwar l-iżvilupp sostenibbli; |
25. |
Jippromovi l-użu ta’ strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti u strumenti oħra li jżidu s-sħubijiet Ewropej u l-kollaborazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat sabiex jittejbu l-kompetenzi professjonali u l-opportunitajiet ta’ kwalifika f’oqsma, postijiet tax-xogħol u teknoloġiji li huma meħtieġa biex jiżdiedu s-sostenibbiltà, il-valur miżjud u r-reżiljenza fil-livell lokali u reġjonali; |
26. |
Jikkontribwixxi għal politika ambjentali tal-UE ambizzjuża, filwaqt li jiżgura l-integrazzjoni tal-politika fil-qafas tal-Programmi ta’ Azzjoni Ambjentali kollha. Jiżgura li d-dimensjoni lokali u reġjonali tiġi kkunsidrata kif imiss fit-tħejjija u fl-implimentazzjoni tat-tliet prijoritajiet ambjentali ewlenin tal-Patt Ekoloġiku Ewropew: il-bijodiversità, l-ekonomija ċirkolari u t-tniġġis żero. Jippjana politiki dwar l-ambjent u l-klima li huma adatti għall-implimentazzjoni prattika f’kull xorta ta’ komunità; |
27. |
Isawwar u jappoġġja l-iżvilupp tal-Patt Klimatiku permezz ta’ miżuri u inizjattivi koordinati u trasversali, inkluż permezz ta’ kontributi stabbiliti fil-livell lokali u impenji politiċi fil-livell tar-reġjuni u l-bliet, bil-għan li jiġi żgurat li huwa jibni fuq il-governanza f’diversi livelli, it-tixrid effettiv ta’ prattiki tajbin, u li l-ebda persuna jew reġjun ma jitħalla jibqa’ lura; |
28. |
Jantiċipa kif it-trasformazzjonijiet enerġitiċi, mobbli u diġitali ser jaffettwaw il-komunitajiet tagħna. Jifformula strateġiji u jappoġġja l-implimentazzjoni rapida tagħhom sabiex jimmassimizza l-effetti pożittivi tagħhom u jnaqqas l-impatti lokali negattivi tagħhom; |
29. |
Jappoġġja r-reżiljenza lokali permezz tal-adattament għat-tibdil fil-klima, u jżid il-kapaċità lokali ta’ rispons għal avvenimenti ta’ temp estrem li jseħħu bi frekwenza u severità akbar, b’mod partikolari billi jipprovdi r-riżorsi neċessarji lill-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex jimmaniġġjaw id-diżastri permezz tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili u billi jagħmel użu minn Fond imsaħħaħ ta’ Solidarjetà tal-UE; |
30. |
Jikkontribwixxi għat-tħejjija tal-għan ta’ tniġġis żero għal ambjent ħieles mis-sustanzi tossiċi, u jipprepara u jappoġġja lill-awtoritajiet reġjonali u lokali fl-implimentazzjoni tal-miri ambizzjużi tal-UE għal pjan ta’ azzjoni ta’ tniġġis żero għall-ilma, l-arja u l-ħamrija. Jikkontribwixxi għar-reieżami tal-pakkett dwar il-mobbiltà urbana abbażi tat-tagħlimiet meħuda mill-Pjani ta’ Mobilità Urbana Sostenibbli u jipprepara lill-awtoritajiet tat-trasport pubbliku biex jirrispondu għal theddid eżoġeniku għall-provvista ta’ servizzi ta’ mobbiltà siguri u mingħajr periklu. |
31. |
Jiżgura li l-vuċi u l-kontributi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu kkunsidrati kif dovut fid-djalogi dwar il-klima u l-enerġija f’diversi livelli fl-Istati Membri waqt it-tfassil, l-evalwazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Pjani Nazzjonali Integrati għall-Enerġija u l-Klima, l-istrateġiji nazzjonali fit-tul u l-istrateġiji nazzjonali ta’ rinnovazzjoni fit-tul; |
32. |
Jappoġġja lill-Kummissjoni Ewropea biex issawwar u tipprovdi b’suċċess il-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni u tpoġġiha fil-qalba tal-istrateġija ta’ rkupru wara l-pandemija; |
33. |
Jappoġġja lill-Kummissjoni Ewropea fl-ambizzjoni tagħha li tistabbilixxi tikkettar ta’ prodotti li ma jikkontribwixxux għad-deforestazzjoni u li tipproteġi u tirrestawra l-foresti madwar id-dinja; |
34. |
Jindirizza d-distakk diġitali u jippromovi żieda fit-tagħlim diġitali u d-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi lokali u reġjonali, inkluż bl-appoġġ tal-Programm Ewropa Diġitali 2021-2027, sabiex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi u tingħata spinta lit-tkabbir sostenibbli tan-negozju lokali u ta’ ekonomija reżiljenti, kif ukoll sabiex jikkontribwixxi għal Ewropa aktar sostenibbli u ekoloġika; |
35. |
Jappoġġja l-għoti ta’ ħiliet tal-litteriżmu diġitali u fil-media għal kulħadd fil-livelli reġjonali u lokali, u jaħdem biex jistabbilixxi qafas Ewropew għat-tnedija ta’ intelliġenza artifiċjali ċċentrata fuq il-bniedem u affidabbli; |
36. |
Jitlob appoġġ mill-Kummissjoni Ewropea, mill-Istati Membri tal-UE u mir-reġjuni u l-bliet tagħhom sabiex jiġu aċċellerati l-modernizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ, inklużi l-investimenti neċessarji fit-tagħmir u fl-infrastruttura edukattiva, u l-appoġġ għall-impjieg fl-ekonomija lokali. Jikkontribwixxi għal sforzi biex jerġgħu jitkomplew l-attivitajiet taħt il-programm Erasmus+ u l-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. Iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u l-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa aġġornata jikkostitwixxu żewġ mezzi importanti għall-azzjoni u l-appoġġ, li għandhom ikunu l-bażi tal-programm Erasmus tal-futur; |
37. |
Itejjeb il-konnettività tal-broadband u t-tnedija tal-5G fil-livell lokali u reġjonali kemm fiż-żoni urbani kif ukoll f’dawk rurali, u jimmappja l-ħtiġijiet ta’ investiment futuri; |
38. |
Jiżgura li l-awtoritajiet reġjonali u lokali jkunu jistgħu jikkontribwixxu u jibbenefikaw mill-istrateġija futura Mill-Għalqa sal-Platt; iniedi kunsilli tal-ikel lokali, jgħaqqad lill-produtturi tal-ikel lokali mal-konsumaturi, jippromovi dieti tajbin għas-saħħa u jissensibilizza n-nies dwar il-ħela tal-ikel; u jindirizza l-ħtiġijiet finanzjarji tal-azjendi agrikoli sabiex jiġu implimentati l-miżuri neċessarji dwar il-klima, l-ambjent u l-bijodiversità; |
39. |
Jindirizza l-isfida dejjem akbar tal-eżodu tal-imħuħ u jsaħħaħ l-ekosistemi ta’ innovazzjoni reġjonali billi jsaħħaħ il-koeżjoni territorjali, irawwem ekonomija ta’ benesseri u jippromovi r-riċerka u l-innovazzjoni, inkluż permezz tal-appoġġ minn Orizzont Ewropa, l-FSIE u strumenti ta’ finanzjament nazzjonali differenti. Iniedi malajr kemm jista’ jkun inizjattivi ta’ prospettiva territorjali kif ukoll attivitajiet immirati lejn ir-reżiljenza soċjali, ekonomika u dik relatata mas-saħħa tar-reġjuni u tal-bliet; |
40. |
Jikkontribwixxi għal strateġija Ewropea globali dwar it-tibdil demografiku li tindirizza l-isfidi demografiċi kollha u li tinkludi reazzjoni vasta, koordinata u integrata mill-UE għall-isfidi demografiċi, peress li din hija tema trasversali li taffettwa l-politiki kollha tal-UE; |
41. |
Jiżgura li l-UE tiżviluppa politika dwar il-migrazzjoni komprensiva, umanitarja u ġusta u ma tħallix lill-Istati Membri, lir-reġjuni tal-fruntiera, lill-gżejjer u lir-reġjuni ultraperiferiċi tagħha waħedhom biex jindirizzaw il-kriżi tal-migrazzjoni, peress li din hija kemm kwistjoni nazzjonali kif ukoll Ewropea; jappoġġja l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-awtoritajiet reġjonali u lokali dwar l-integrazzjoni tal-migranti; |
42. |
Jipprovdi input reġjonali u lokali għar-riforma tal-politika tal-UE dwar il-migrazzjoni, li tinkludi integrazzjoni, proċeduri ta’ ritorn ġust u politiki dwar l-asil li għandhom ikunu kapaċi jindirizzaw b’mod adegwat ix-xejriet migratorji attwali u futuri; jindirizzaw il-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni f’kooperazzjoni mal-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu, għal dawk li jeħtieġu protezzjoni umanitarja; jipproteġu l-fruntieri esterni tal-UE; jipprevjeni l-migrazzjoni irregolari u jiġġieldu kontra t-traffikar tal-bnedmin; |
43. |
Jippromovi kultura ta’ rispett għall-istat tad-dritt fil-livell lokali u reġjonali, bħala prekundizzjoni għall-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea u bħala valur fundamentali tal-UE, minquxa fit-Trattati u komuni għat-tradizzjonijiet kostituzzjonali tal-Istati Membri; |
44. |
Jitlob lill-UE tissalvagwardja l-impjiegi u tiżgura rkupru bbażat fuq konverġenza soċjali u ekonomika ’l fuq u drittijiet soċjali u kundizzjonijiet tax-xogħol imtejba għal kulħadd, u għandhom jiġu kkunsidrati wkoll l-imsieħba soċjali u s-sistemi nazzjonali, inklużi dawk li jaħdmu f’forom ġodda ta’ impjieg, bħax-xogħol fuq pjattaforma diġitali u l-ekonomija tal-gigs, kif ukoll ħaddiema fl-ekonomija tradizzjonali, il-mikrointrapriżi u s-settur kulturali. Jagħraf li żewġ terzi tal-impjieg kollha huma ġġenerati mill-SMEs, li l-biċċa l-kbira tagħhom għandhom għeruq fondi fil-komunitajiet lokali u għalhekk huma parti kruċjali tan-nisġa soċjali tal-Ewropa. Il-KtR jkompli jippromovi l-attivitajiet tal-EER u attivitajiet oħra mifruxin mal-Ewropa kollha li jiżviluppaw u jżidu l-intraprenditorija, speċjalment fost iż-żgħażagħ; |
45. |
Jaġixxi bħala faċilitatur għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp bejn il-bliet u r-reġjuni u bħala promotur tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU sabiex jikseb rwol ta’ tmexxija fil-kontribut tiegħu biex jiġu indirizzati sfidi globali bħall-kunflitt u l-instabbiltà politika, il-fraġilità ekonomika, il-migrazzjoni, u t-tibdil fil-klima; |
46. |
Jikkondividi prattika tajba mal-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-pajjiżi tal-adeżjoni u l-pajjiżi msieħba mill-viċinat tal-UE kif ukoll min-Nofsinhar Globali, u jiffaċilita l-aċċess tagħhom għal appoġġ tal-UE mmirat. |
Niżguraw li l-Unjoni Ewropea tkun dejjem għas-servizz taċ-ċittadini tagħha u tal-postijiet li jgħixu fihom abbażi ta’ koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali bħala valuri fundamentali
Il-missjoni tal-KtR ser tkun li jiżgura li l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tiġi rispettata permezz ta’ politiki tal-Unjoni Ewropea li jaffettwaw liċ-ċittadini u l-postijiet li jgħixu fihom (politiki bbażati fuq il-post). Biex iwettaq din il-missjoni, il-KtR ser juża l-ħidma leġislattiva u politika u dik marbuta mat-tfassil tal-politika tal-membri tiegħu, tal-imsieħba u tal-partijiet ikkonċernati. Ser ikompli jibni fuq il-mobilizzazzjoni tal-“Alleanza tal-Koeżjoni”, u juri l-valur miżjud tal-koeżjoni bħala politika u bħala valur fundamentali li fuqu huma bbażati l-politiki tal-UE kollha. Ser jiffoka fuq ir-rwol tar-reġjuni u l-bliet fil-pjan ta’ rkupru ekonomiku tal-UE. Il-Ġimgħa Ewropea tar-Reġjuni u l-Bliet u l-Barometru Lokali u Reġjonali Annwali wkoll se jwettqu din il-missjoni.
Il-KtR ser jipprijoritizza l-miżuri ewlenin li ġejjin:
47. |
Jippromovi Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) bħala għodda ewlenija tas-solidarjetà Ewropea li tirrifletti l-livell ta’ ambizzjoni tal-UE biex tindirizza l-prijoritajiet kollha tagħha, tipprovdi valur miżjud, tkun aktar trasparenti u komprensibbli għaċ-ċittadini u tinkludi l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU, l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-prijoritajiet il-ġodda stabbiliti fil-Patt Ekoloġiku Ewropew; |
48. |
Jikkontribwixxi għar-rinforz tal-Politika ta’ Koeżjoni, li ilha fundamentali sa mill-oriġini tal-UE, permezz tal-implimentazzjoni intelliġenti tal-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni, u b’hekk jiġi żgurat impatt sinifikanti fost ir-reġjuni Ewropej kollha; |
49. |
Ikompli jippromovi politika ta’ koeżjoni tal-UE b’saħħitha u effettiva għar-reġjuni kollha tal-UE, li hija meħtieġa mhux biss biex tgħin lill-bliet u lir-reġjuni jirkupraw mill-kriżi tal-COVID-19, iżda wkoll biex jindirizzaw l-isfidi l-kbar l-oħra li għandhom dimensjoni territorjali qawwija u distribuzzjoni inugwali tal-effetti kemm ġewwa kif ukoll bejn id-diversi reġjuni u bliet fl-Ewropa, b’mod partikolari t-tibdil fil-klima u l-bidla għal ekonomija newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju, it-trasformazzjoni diġitali, il-bidliet demografiċi u l-migrazzjoni; |
50. |
Jenfasizza l-ħtieġa għal finanzjament adegwat u stabbli għall-politika ta’ koeżjoni tal-UE u għall-Politika Agrikola Komuni sabiex jintlaħaq l-għan sħiħ tagħhom; jappoġġja l-ekonomiji lokali u l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-użu effettiv tar-riżorsi allokati bħalissa għall-irkupru tal-ekonomija Ewropea; |
51. |
Fid-dawl tal-impatt territorjali asimmetriku mistenni tal-kriżi tal-COVID-19, jitlob allokazzjoni reġjonali u lokali fil-Fond ta’ Rkupru l-ġdid. Jiżgura li l-istrument il-ġdid ma jinħoloqx għall-ispiża tal-baġit tal-politika ta’ koeżjoni, u li l-investimenti jiġu kkoordinati mal-interventi tal-finanzjament tal-UE sabiex jiġu mmassimizzati l-effetti ta’ ingranaġġ u jiġu evitati l-frammentazzjoni u ċ-ċentralizzazzjoni; |
52. |
Jenfasizza li l-pandemija tal-COVID-19 tirrikjedi lill-UE ssaħħaħ is-sigurtà tas-saħħa u żżid ir-riżorsi tas-saħħa u l-provvisti mediċi tagħha stess, inkluż it-tagħmir ta’ protezzjoni personali. Dan jinkludi l-ħolqien ta’ mezzi legali biex, jekk ikun hemm bżonn, ikun jista’ jingħata bidu għall-proċeduri tal-akkwisti jew għall-proċessi tal-manifattura b’mod rapidu u faċli. Barra minn hekk, l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jiġu appoġġjati biex itejbu l-kapaċitajiet tagħhom f’dak li jirrigwarda l-emerġenza u protezzjoni ċivili. Peress li l-awtoritajiet reġjonali u lokali għandhom rwol importanti fil-provvista ta’ kura tas-saħħa pubblika u servizzi soċjali għaċ-ċittadini kollha, il-KtR ser jippromovi azzjoni tal-UE kkoordinata u appoġġ għal strutturi nazzjonali, reġjonali u lokali ta’ tħejjija għad-diżastri bħala rispons għal theddid għas-saħħa u sitwazzjonijiet ta’ kriżi f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà; |
53. |
Jorganizza r-reżiljenza taċ-ċikli ekonomiċi billi jsaħħaħ il-konverġenza spazjali tal-ktajjen tal-provvista fl-Ewropa; |
54. |
Jippromovi l-użu ta’ strateġiji ta’ żvilupp urban sostenibbli biex jagħti spinta lit-tkabbir ekonomiku, il-ħolqien tal-impjiegi u x-xogħol deċenti, u l-inklużjoni soċjali, f’konformità mal-għanijiet tal-Karta ta’ Leipzig imġedda u l-Aġenda Urbana tal-UE; |
55. |
Jaħdem favur Qafas ta’ Governanza Ekonomika mġedded, inkluż il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (PST), filwaqt li jibni fuq it-tagħlimiet meħuda mill-kriżi, sabiex jittejbu r-regoli fiskali tal-UE billi tiġi introdotta regola tad-deheb għall-investimenti sostenibbli, inkluż il-kofinanzjament tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment fi ħdan l-għan globali ta’ ppjanar finanzjarju sostenibbli; |
56. |
Jimmonitorja l-impatt tal-pandemija u l-effetti negattivi tagħha fuq l-impjieg fit-tul fl-ekonomiji lokali u reġjonali kollha tal-UE. Jenfasizza l-importanza li jiġu eżaminati mill-ġdid tal-istrateġiji industrijali u intraprenditorjali tal-UE u li ssir enfasi fuq l-aspetti dwar is-sostenibbiltà tat-tkabbir sabiex ikun hemm irkupru rapidu. Jippromovi ekosistemi innovattivi, ekonomija soċjali u speċjalizzazzjoni intelliġenti, u jappoġġja politiki industrijali bbażati fuq il-post; |
57. |
Jimmonitorja l-applikazzjoni tal-Kodiċi ta’ Kondotta dwar is-Sħubija biex jiżgura l-involviment sħiħ tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tħejjija tal-Ftehimiet ta’ Sħubija u l-programmi għall-perjodu 2021-2027. Il-prinċipji tas-sħubija u tal-governanza f’diversi livelli għandhom jipprovdu wkoll ispirazzjoni għall-governanza tas-Semestru Ewropew; |
58. |
Jitlob aċċess dirett għall-finanzjament tal-UE għall-bliet u r-reġjuni sabiex jiġi implimentat il-Patt Ekoloġiku Ewropew u jiġi żgurat li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu involuti fit-tħejjija tal-pjani ta’ tranżizzjoni ġusta u fl-implimentazzjoni tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta; |
59. |
Jiżgura li r-reġjuni, il-bliet u l-individwi jistgħu jibbenefikaw mill-miżuri ta’ semplifikazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej. Jappoġġja l-ġlieda kontra – u l-prevenzjoni ta’ – mmaniġġjar ħażin tal-fondi tal-UE u frodi; |
60. |
Jikkontribwixxi għat-tisħiħ u t-titjib tal-funzjonament tas-Suq Uniku, mhux biss billi jidentifika l-ostakli għall-erba’ libertajiet fil-livell lokali u reġjonali u billi jinkoraġġixxi semplifikazzjoni amministrattiva, iżda wkoll billi jinsisti li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu parti essenzjali mill-implimentazzjoni u l-infurzar tar-regoli tas-Suq Uniku. Jenfasizza, f’dan ir-rigward, l-effetti drastiċi li l-libertà ta’ moviment għandha fuq is-Suq Uniku u jwissi kontra kwalunkwe frammentazzjoni oħra ta’ dan is-Suq Uniku; |
61. |
Jestendi l-Alleanza tal-Koeżjoni biex jiġu mmobilizzati l-partijiet ikkonċernati tas-settur pubbliku u privat fil-promozzjoni tal-politika ta’ koeżjoni u juri l-valur miżjud tal-UE għal kull ċittadin tal-UE kif ukoll għall-prinċipji demokratiċi, billi jimmonitorja u jikkomunika l-impatt tal-investimenti ffinanzjati mill-UE; |
62. |
Jimmonitorja l-Qafas Temporanju għall-Miżuri ta’ Għajnuna mill-Istat u miżuri sussegwenti ta’ intenzjoni simili, u b’hekk jippermetti appoġġ immirat biex jiġu salvati l-impjiegi f’setturi u reġjuni li ntlaqtu partikolarment ħażin mill-pandemija. Jenfasizza li, f’dan il-kuntest, regoli aktar flessibbli dwar l-għajnuna mill-Istat ikollhom l-għan li “[jirrimedjaw] taħwid serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru”, u li din ir-raġuni ser tibqa’ valida sew wara Diċembru 2020, id-data ta’ skadenza tal-Qafas Temporanju; jitlob, għalhekk, li l-Kummissjoni tkun lesta testendi l-Qafas Temporanju jew tippermetti flessibbiltajiet simili biex jgħinu lis-setturi u r-reġjuni milquta mill-kriżi jirkupraw; |
63. |
Jappoġġja l-ġbir u t-tixrid ta’ informazzjoni marbuta mal-flessibbiltà ta’ proċeduri ta’ akkwist pubbliku, peress li fiċ-ċirkostanzi attwali dawn jiftħu l-possibbiltà li l-awtoritajiet kontraenti jużaw il-proċedura negozjata b’rekwiżiti proċedurali mnaqqsa; |
64. |
Jappoġġja Aġenda tal-UE għaż-Żoni Rurali biex tiġi rimedjata d-depopolazzjoni u jiġi evitat ir-riskju ta’ faqar f’dawn ir-reġjuni, u biex jiġi żgurat approċċ bilanċjat u komprensiv għall-iżvilupp territorjali Ewropew; |
65. |
Isegwi b’mod attiv l-attivitajiet tal-KtR dwar “Irħula Intelliġenti” u jippromovi l-kunċett fost l-istituzzjonijiet Ewropej; jippromovi inizjattivi ta’ innovazzjoni u modernizzazzjoni għaż-żoni rurali, u jadotta strateġija ta’ mobilità sostenibbli u intelliġenti taħt il-programm ta’ destinazzjonijiet turistiċi intelliġenti (“Smart tourist destinations”); |
66. |
Jinsisti li, f’każ ta’ sitwazzjoni ta’ kriżi fejn il-fruntieri għandhom jingħalqu b’mod temporanju jew jiġu mmonitorjati aktar mill-qrib, l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jiftiehmu dwar regoli vinkolanti u proċeduri komuni biex tiġi ggarantita l-libertà ta’ moviment tal-UE; josserva li żoni ekonomiċi u soċjali transfruntiera huma ta’ valur kbir għall-UE; |
67. |
Jenfasizza li matul il-kriżi tal-COVID-19, l-atturi lokali u reġjonali wrew – minkejja l-ħafna fruntieri magħluqa u r-restrizzjonijiet bla preċedent – kapaċità ammirabbli biex isibu metodi kif ikomplu l-kooperazzjoni transfruntiera u transnazzjonali, u wrew solidarjetà ġenwina bejn iċ-ċittadini Ewropej. Din il-kriżi tfakkar li Ewropa mingħajr fruntieri hija waħda mill-kisbiet ewlenin tal-integrazzjoni Ewropea, li jeħtieġ tiġi mħarsa. L-involviment fi proġetti transfruntiera bejn il-persuni u fuq skala żgħira, li joħolqu n-nisġa tan-networks transfruntiera u proġetti fuq skala kbira billi tinbena l-fiduċja reċiproka bejn il-parteċipanti, għandha tibqa’ prijorità permanenti tal-Unjoni Ewropea u l-istituzzjonijiet tagħha; |
68. |
Jappoġġja l-importanza tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea u jiżgura li jkun hemm riżorsi baġitarji meħtieġa għaliha; din uriet li hija indispensabbli għal ħafna awtoritajiet reġjonali kemm għall-iskambju ta’ għarfien espert kif ukoll tal-aħjar prattiki dwar sfidi ewlenin, iżda wkoll għall-bini ta’ rabtiet umani bejn l-awtoritajiet reġjonali minn fruntiera għal oħra; |
69. |
Jinkoraġġixxi investiment pubbliku fil-gżejjer u fir-reġjuni skarsament popolati u ultraperiferiċi billi jiġu adattati aktar ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, billi jiżdied il-kofinanzjament Ewropew taħt il-politika ta’ koeżjoni u tiġi żviluppata kooperazzjoni territorjali ma’ pajjiżi terzi; |
70. |
Jippromovi l-aġġornament tas-sistema ġenerali tal-ġestjoni tal-politika ta’ koeżjoni, b’mod partikolari billi jiġu ssemplifikati l-proċeduri amministrattivi fil-livelli kollha ta’ governanza; |
71. |
Jappella għall-implimentazzjoni territorjali sħiħa tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u għall-implimentazzjoni ta’ Ewropa soċjali b’saħħitha għal tranżizzjonijiet ġusti; |
72. |
Jappoġġja l-ħolqien, mill-Kummissjoni Ewropea, tad-dimensjoni reġjonali tat-Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali Ewropea, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri; |
73. |
Jagħmel l-ekosistemi ta’ innovazzjoni reġjonali aktar reżiljenti kontra l-effetti ta’ ħsara li jkollhom emerġenzi potenzjali futuri billi tiġi kkompletata ż-Żona Ewropea ta’ Riċerka għall-moviment liberu tar-riċerkaturi, l-għarfien xjentifiku u t-teknoloġija, jiġu promossi s-sinerġiji bejn Orizzont Ewropa u programmi oħra ta’ finanzjament tal-UE u Titkompla l-ħidma b’suċċess tal-Pjattaforma għall-Iskambju tal-Għarfien u tal-inizjattiva interistituzzjonali x-Xjenza tiltaqa’ mar-Reġjuni; |
74. |
Jikkontribwixxi għar-reviżjoni tar-Regolament TEN-T u l-finanzjament relatat miegħu u jenfasizza l-ħtieġa li jiġu stabbiliti l-konnessjonijiet neqsin fl-infrastruttura tat-trasport transfruntier biex jiġu konnessi l-bliet u r-reġjuni kollha tal-Unjoni fiż-żoni ċentrali u periferiċi, inklużi r-reġjuni ultraperiferiċi; |
Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni ser juża r-riżorsi u l-influwenza politika kollha tiegħu biex isaħħaħ l-Ewropa. Billi jipproteġi d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tiegħu, jiżgura li l-politiki u l-investimenti tal-UE huma effiċjenti u effettivi, il-Kumitat ser jistinka biex jittrasforma lill-UE sabiex din issir aktar kompetittiva, sostenibbli u reżiljenti, u b’hekk tissodisfa l-aspettattivi taċ-ċittadini tagħha.
Brussell, it-2 ta’ Lulju 2020.
Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni
Apostolos TZITZIKOSTAS
(1) Dikjarazzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar L-awtoritajiet lokali u reġjonali bħala atturi tar-rispons Ewropew għall-kriżi tal-COVID-19.
(2) Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tat-13 ta’ Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi (ĠU L 373, 21.12.2004, p. 37).
(3) Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità (ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22).
(4) COM(2008) 426: Proposta għal Direttiva dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn il-persuni.