This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52020XG1124(01)
Conclusions of the Council and the Representatives of the Governments of the Member States on the role of the EU in strengthening the World Health Organization 2020/C 400/01
Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri dwar ir-rwol tal-UE fit-tisħiħ tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa 2020/C 400/01
Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri dwar ir-rwol tal-UE fit-tisħiħ tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa 2020/C 400/01
ĠU C 400, 24.11.2020, p. 1–3
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
24.11.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 400/1 |
Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri dwar ir-rwol tal-UE fit-tisħiħ tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa
(2020/C 400/01)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA U R-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI MLAQQGĦIN FIL-KUNSILL,
1. |
JIRRIKONOXXU li l-pandemija tal-COVID-19, u l-konsegwenzi tagħha soċjali, ekonomiċi u fuq is-saħħa, komplew jissottolinjaw il-ħtieġa, fost l-oħrajn, għal kooperazzjoni multilaterali globali b'saħħitha, għal kapaċitajiet globali b'saħħithom fil-qasam tas-saħħa u għal rispons globali għall-isfidi fil-qasam tas-saħħa. Abbażi tal-mandat tagħha, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) taqdi rwol ċentrali bħala l-awtorità li tmexxi u tikkoordina l-indirizzar tal-isfidi globali tas-saħħa, inkluż it-tħejjija u r-rispons għal tifqigħat, u l-prevenzjoni u d-detezzjoni tagħhom. |
2. |
JIRRIKONOXXU r-rwol moqdi mid-WHO bħala segretarjat taċ-ċentru ta' koordinazzjoni tal-Aċċeleratur tal-Aċċess għall-Għodod kontra l-COVID-19 (ACT). |
3. |
IKOMPLU JIRRIKONOXXU, li, filwaqt li d-WHO għandha mandat wiesa', l-aħħar pandemiji wrew li l-aspettattivi tal-komunità internazzjonali, filwaqt li jvarjaw skont il-kuntesti nazzjonali, ġeneralment jegħlbu l-kapaċitajiet attwali tad-WHO u l-abbiltà tagħha li tappoġġa lill-Istati Membri fl-iżvilupp ta' sistemi tas-saħħa b'saħħithom u reżiljenti li jipprovdu servizzi ta' kwalità għolja lil dawk fil-bżonn, filwaqt li ħadd ma jitħalla jibqa' lura, inkluż matul il-pandemiji. |
4. |
JENFASIZZAW ir-rwol tad-WHO fl-għoti ta' appoġġ, inkluż appoġġ tekniku u ta' emerġenza, lill-pajjiżi l-aktar vulnerabbli. |
5. |
IFAKKRU li r-rieżamijiet u l-evalwazzjonijiet wara l-epidemija tas-Sindromu Respiratorju Akut Gravi (SARS-CoV), il-pandemiji tal-influwenza H1N1 u t-tifqigħa tal-Ebola fl-Afrika tal-Punent enfasizzaw nuqqasijiet fil-kapaċità globali ta' tħejjija għat-tifqigħat u r-rispons għalihom, u għamlu bosta rakkomandazzjonijiet speċifiċi biex jiġu indirizzati dawn in-nuqqasijiet. Sa ċertu punt, dawk ir-rakkomandazzjonijiet irriżultaw f'azzjonijiet ta' min ifaħħarhom, bħar-reviżjoni tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (IHR) fl-2005 u l-istabbiliment tal-Programm tad-WHO dwar l-Emerġenzi tas-Saħħa u l-Kumitat Indipendenti ta' Sorveljanza u Konsulenza għall-Programm tad-WHO dwar l-Emerġenzi tas-Saħħa (IOAC) wara t-tifqigħa tal-Ebola msemmija hawn fuq. |
6. |
JIEĦDU NOTA tal-isfidi, fost l-oħrajn, f'termini ta' trasparenza, sinerġiji, finanzjament u responsabbiltà li d-WHO tiffaċċja fis-sitwazzjoni ġeopolitika attwali, u tar-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fir-rieżamijiet u l-evalwazzjonijiet imwettqa f'dawn l-aħħar snin, kif ukoll ir-rieżamijiet u l-evalwazzjonijiet li għaddejjin bil-ħsieb li jiġu identifikati soluzzjonijiet għal dawn l-isfidi. JIEĦDU NOTA WKOLL tal-isforzi li għaddejjin biex l-organizzazzjoni tiġi ttrasformata permezz tal-''Aġenda ta' Trasformazzjoni tad-WHO'' u l-''miri ta' biljun triplu'' fit-13-il-Programm Ġenerali ta' Ħidma tad-WHO. |
7. |
IFAKKRU fir-rwol ta' koordinazzjoni u ta' tmexxija tal-UE u l-Istati Membri tagħha fit-tnedija u n-negozjar tar-riżoluzzjoni WHA73.1 tad-WHO, tad-19 ta' Mejju 2020, dwar ir-rispons għall-COVID-19. |
8. |
JESPRIMU l-appoġġ tagħhom għall-proċess ta' evalwazzjoni mibdi mid-WHO, JILQGĦU l-istabbiliment tal-Panel Indipendenti għat-Tħejjija u r-Rispons għall-Pandemiji (''IPPR'') u JENFASIZZAW il-ħtieġa għall-imparzjalità, l-indipendenza u l-komprensività tiegħu, kif ukoll li l-ħidma tiegħu tkun tal-ogħla kwalità possibbli. |
9. |
JILQGĦU t-tlaqqigħ mid-WHO ta' Kumitat ta' Reviżjoni dwar il-Funzjonament tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (Kumitat ta' Reviżjoni tal-IHR), u l-kollaborazzjoni tiegħu mal-IOAC, l-IPPR u korpi rilevanti oħra, filwaqt li jenfasizzaw l-importanza li din il-ħidma tkun komplementari u allinjata mal-inizjattivi eżistenti u li għaddejjin bħalissa. IFAKKRU fir-riżoluzzjoni adottata mill-146 Bord Eżekuttiv (EB146.R10) bit-titolu “It-Tisħiħ tat-Tħejjija għall-Emerġenzi tas-Saħħa: l-implimentazzjoni tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005)” U JINNOTAW ir-rakkomandazzjonijiet tal-Bord ta' Monitoraġġ tat-Tħejjija Globali dwar it-tisħiħ tat-tħejjija u r-rispons globali. |
10. |
JENFASIZZAW, f'dan il-kuntest ta' riforma, l-importanza tal-approċċ Saħħa Waħda għall-prevenzjoni u l-indirizzar ta' emerġenzi tas-saħħa, u jinkoraġġixxu riflessjoni dwar l-ankraġġ istituzzjonali u organizzattiv tal-approċċ Saħħa Waħda fil-livell globali. |
ABBAŻI TA' DAN, IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA U R-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI MLAQQGĦIN FI ĦDAN IL-KUNSILL,
11. |
HUMA IMPENJATI li jiżguraw li l-UE u l-Istati Membri tagħha, abbażi tal-impenn tagħhom għall-multilateraliżmu, ikomplu jassumu rwol ta' tmexxija fis-saħħa globali, u HUMA DETERMINATI li jiżguraw rwol proattiv, ta' koordinazzjoni u ta' tmexxija fi proċess inklużiv immirat lejn it-tisħiħ tas-sigurtà tas-saħħa globali u d-WHO, b'mod partikolari l-kapaċità ta' din tal-aħħar fit-tħejjija u r-rispons f'emerġenzi tas-saħħa u li jeżaminaw l-eżiti futuri mill-IPPR, mill-Kumitat ta' Reviżjoni tal-IHR u mill-IOAC bil-għan li dawn jissarfu f'azzjonijiet kif ukoll biex jiġu appoġġati l-Istati Membri tad-WHO permezz tat-tisħiħ ta' sistemi tas-saħħa nazzjonali u ta' politiki tas-saħħa pubblika. F'dan il-kuntest, huwa importanti li jkun hemm djalogu kostanti u b'saħħtu mal-Istati Membri tad-WHO. |
12. |
JIKKONKLUDU, filwaqt li jirrikonoxxu kuntesti nazzjonali differenti, li hemm il-ħtieġa li tiġi indirizzata d-disparità bejn l-aspettattivi tal-Istati Membri tad-WHO fir-rigward tal-organizzazzjoni u l-kapaċitajiet tagħha u SER IKOMPLU JIMPENJAW RUĦHOM mal-Istati Membri l-oħra tad-WHO fil-korpi governattivi tal-organizzazzjoni biex jippromwovi azzjonijiet xierqa dwar l-aħjar triq 'il quddiem. |
13. |
JIRRIKONOXXU li l-indirizzar tal-isfidi li attwalment qed tiffaċċa d-WHO, fost l-oħrajn, f'termini ta' trasparenza, sinerġiji, finanzjament prevedibbli u sostenibbli, u responsabbiltà, kif ukoll dawk relatati mar-rispons tagħha għall-pandemija attwali u d-disparità bejn l-aspettattivi tal-Istati Membri tad-WHO u l-kapaċitajiet tal-organizzazzjoni, jenħtieġ li jitwettaq bħala prijorità fil-korpi governattivi tagħha. |
14. |
JINKORAĠĠIXXU lill-atturi rilevanti kollha, inkluż atturi oħra tas-saħħa globali u atturi mhux statali biex b'mod konġunt isaħħu l-kapaċità tad-WHO fil-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons, filwaqt li fl-istess ħin JISĦQU FUQ l-importanza li jkomplu jissaħħu s-sħubiji kif ukoll l-indipendenza, il-ħidma normattiva, il-kapaċità teknika, ir-responsabbiltà, l-effiċjenza, l-effettività u t-trasparenza tal-organizzazzjoni. |
15. |
JISĦQU FUQ il-fatt li Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) imsaħħaħ jista' jaqdi rwol kruċjali f'tifqigħat futuri u li jenħtieġ li tkompli tiġi esplorata kooperazzjoni aktar b'saħħitha bejn l-ECDC u d-WHO. |
16. |
JENFASIZZAW l-importanza tal-implimentazzjoni sħiħa tal-IHR u JISĦQU FUQ li, mingħajr preġudizzju għar-rapporti finali u r-rakkomandazzjonijiet tal-mekkaniżmi ta' rieżami u evalwazzjoni li għaddejjin, is-suġġerimenti għal miżuri li ġejjin, fost l-oħrajn, fir-rigward tar-reviżjoni tal-IHR, jistgħu jiġu previsti u jistgħu jikkontribwixxu għall-ħidma tal-IPPR, l-IOAC, il-Bord ta' Monitoraġġ tat-Tħejjija Globali (GPMB) u l-Kumitat ta' Reviżjoni tal-IHR. Dawn il-miżuri jinkludu:
|
17. |
JISSOTTOLINJAW li l-UE u l-Istati Membri tagħha jappoġġaw bis-sħiħ ir-rwol ta' tmexxija u ta' koordinazzjoni tad-WHO fis-saħħa globali u għaldaqstant ser jippromwovu l-implimentazzjoni f'waqtha tal-miżuri ta' riforma meħtieġa tad-WHO abbażi tar-riflessjonijiet dwar il-punti msemmija hawn fuq kif ukoll ir-rapporti u r-rakkomandazzjonijiet rilevanti bil-għan li tissaħħaħ l-organizzazzjoni, fit-tliet livelli tagħha, u biex jiġi żgurat segwitu mill-korpi governattivi tad-WHO. |