EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020XC1022(01)

Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 2, 3, 4 u 5 tad-Direttiva 2009/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-promozzjoni ta' vetturi ta' trasport fuq it-triq nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija 2020/C 352/01

C/2020/7048

ĠU C 352, 22.10.2020, p. 1–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

22.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 352/1


Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 2, 3, 4 u 5 tad-Direttiva 2009/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-promozzjoni ta' vetturi ta' trasport fuq it-triq nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija

(2020/C 352/01)

Daħla

L-għan ta’ dan l-avviż huwa li jipprovdi linji gwida għall-awtoritajiet nazzjonali, l-Awtoritajiet Kontraenti, l-Entitajiet Kontraenti u l-operaturi dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 2, 3, 4 u 5 tad-Direttiva dwar il-Vetturi Nodfa (id-Direttiva 2009/33/KE (1) dwar il-promozzjoni tal-vetturi nodfa tat-trasport bit-triq b’appoġġ għall-mobbiltà b’emissjonijiet baxxi, kif emendata mid-Direttiva (UE) 2019/1161 (2).

Huwa jippreżenta ħarsa ġenerali lejn il-mistoqsijiet komuni (FAQs) fir-rigward tat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, b’mod partikolari dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, id-definizzjoni ta’ “vetturi nodfa”, l-objettivi minimi tal-akkwist, l-għadd tal-vetturi, u l-użu tal-bażi tad-data tal-offerti elettroniċi ta’ kuljum (TED) skont xenarji differenti ta’ akkwist (inklużi pereżempju vetturi b’installazzjoni a posteriori, is-sostituzzjoni ta’ vetturi fil-qafas ta’ kuntratti eżistenti, eċċ.).

Dan l-Avviż għandu jinqara flimkien ma’ dispożizzjonijiet rilevanti oħrajn tad-Direttiva. Huwa jiċċara d-dispożizzjonijiet li diġà jinsabu fil-leġiżlazzjoni applikabbli, u bl-ebda mod ma jestendi l-obbligi li jirriżultaw minn tali leġiżlazzjoni u lanqas ma jintroduċi xi rekwiżiti addizzjonali fuq l-awtoritajiet kompetenti u l-operaturi kkonċernati.

Dan l-Avviż huwa maħsub biss biex jgħin lill-Awtoritajiet Kontraenti, lill-Entitajiet Kontraenti, lill-operaturi tat-trasport u lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali fl-applikazzjoni tad-Direttiva. Il-fehmiet espressi f’dan l-Avviż ma jippreġudikaw l-ebda pożizzjoni futura tal-Kummissjoni dwar il-kwistjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea biss hija kompetenti biex tinterpreta b’mod awtorevoli d-dritt tal-Unjoni.

Mistoqsijiet relatati mal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva

1.   It-Tabella 1 fl-Anness tad-Direttiva telenka s-Servizzi ta’ ġbir tal-iskart fost is-servizzi inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. Il-vetturi għall-ġbir tal-iskart mhumiex esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva skont l-Artikolu 3(2)(a)?

L-Artikolu 3(2)(a) jeżenta mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, fost l-oħrajn, il-vetturi msemmija fl-Artikolu 2(3)(c) tar-Regolament (UE) 2018/858 (3) dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, jiġifieri “kwalunkwe vettura awtopropulsiva ddisinjata u mibnija speċifikament sabiex twettaq xogħol u li, minħabba l-karatteristiċi tal-kostruzzjoni tagħha, mhijiex addattata għall-ġarr tal-passiġġieri jew għat-trasport tal-merkanzija, u li ma tkunx makkinarju mmuntat fuq xażi ta' vettura bil-mutur.

Il-vetturi għall-ġbir tal-iskart ma jaqgħux taħt din il-kategorija; normalment dawn ikollhom approvazzjoni tat-tip bħala vetturi tal-kategorija N2 jew N3 f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/858. Bħala tali, mhumiex eżentati mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Vetturi Nodfa.

2.   Il-vetturi kollha użati minn, pereżempju, il-forzi armati jew il-pulizija jistgħu jiġu eżentati mid-Direttiva?

Le. F’konformità mal-Artikolu 2 tad-Direttiva moqri flimkien mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) 2018/858, jistgħu jiġu eżentati biss dawk il-vetturi li ġew “[i]ddisinjati u mibnija speċifikament u adattati” għall-użu minn dawk is-servizzi. Għalhekk, pereżempju, vann tal-pulizija b’tagħmir speċjali u dwal li jteptpu jista’ jiġi eżentat; min-naħa l-oħra, vann normali użat mis-servizzi tal-pulizija biex jittrasferixxu dokumenti minn uffiċċju għal ieħor ma jistax jiġi eżentat.

3.   Jekk il-pulizija takkwista vetturi normali bl-intenzjoni li tadattahom speċifikament għall-finijiet tagħha (jiġifieri minħabba li għandhom mekkanik in-house), dan huwa kopert mid-Direttiva jew le? Jekk il-pulizija tixtri vettura normali u f’din il-proċedura ta’ akkwist (jew f’oħra separata) takkwista wkoll servizzi li jwasslu għal adattament speċifiku, l-akkwist tal-vettura jkun kopert mid-Direttiva jew le?

Fl-ewwel każ – l-akkwist ta’ vetturi standard li se jiġu adattati in-house – l-akkwist huwa għal vettura li mhijiex “ddisinjat[a] u mibnija speċifikament u adattat[a]” għall-użu mill-pulizija. Għalhekk, dan l-akkwist ma jistax jiġi eżentat mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva.

Fit-tieni każ – l-akkwist ta’ vettura u l-adattament sussegwenti tagħha għall-ħtiġijiet speċifiċi tas-servizzi – jekk il-vettura u s-servizzi ta’ adattament jiġu akkwistati fl-istess proċedura, allura l-vetturi li jkunu qed jiġu akkwistati jistgħu jitqiesu bħala “adattati speċifikament” u għalhekk jistgħu jiġu eżentati. Jekk is-servizzi ta’ adattament jiġu akkwistati separatament, madankollu, l-akkwist tal-vettura ma jissodisfax il-kriterji speċifikati fl-Artikolu 2 tad-Direttiva, u għalhekk ma jistax jiġi eżentat.

F’dan il-kuntest, għandu jiġi mfakkar ukoll li d-Direttiva tiddefinixxi l-miri nazzjonali minimi bħala sehem minimu ta’ vetturi nodfa fl-għadd aggregat ta’ vetturi akkwistati fi Stat Membru. Anke jekk sett speċifiku ta’ vetturi jaqa’ fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, id-Direttiva ma tippreskrivix awtomatikament perċentwal minimu għall-akkwist speċifiku tagħhom. Fl-eżempji t’hawn fuq, anke jekk il-vetturi jaqgħu fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, l-Istat Membru jista’ jiddeċiedi li ma jistabbilixxi l-ebda mira għall-akkwist speċifiku tagħhom, u jiżgura li l-mira nazzjonali tintlaħaq billi jiżdiedu l-miri għal flotot oħra kif xieraq; aktar dettalji dwar dan l-aspett huma pprovduti fir-rigward ta’ mistoqsijiet dwar il-miri nazzjonali.

4.   Id-Direttiva tapplika wkoll għal kuntratti għal servizz pubbliku mogħtija permezz ta’ għotja diretta kif definita fir-Regolament (KE) 1370/2007 (4) dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq?

Iva. F’konformità mal-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva, il-kuntratti għal servizz pubbliku skont ir-Regolament (KE) 1370/2007 li għandhom bħala s-suġġett tagħhom il-forniment ta’ servizzi ta’ trasport tal-passiġġieri bit-triq li jaqbżu l-limitu li għandu jiġi ddefinit mill-Istati Membri, u li ma jaqbżux il-valur limitu applikabbli stabbilit fl-Artikolu 5(4) ta’ dak ir-Regolament, jaqgħu fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, irrispettivament mill-proċedura użata għall-għoti tagħhom (proċedura ta’ sejħa kompetittiva għall-offerti jew għotja diretta).

F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi ċċarat li l-element ewlieni li jiddetermina jekk kuntratt jaqax fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva jew le huwa l-limitu msemmi fl-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva, u mhux il-proċedura użata biex jingħata l-kuntratt: għalhekk, kuntratt għal ammont taħt il-limitu stabbilit mill-Istat Membru jista’ jiġi eskluż anki jekk jingħata permezz ta’ proċedura kompetittiva. Min-naħa l-oħra, jekk pereżempju l-Istat Membru jistabbilixxi limitu aktar baxx skont l-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva u għotja diretta tkun ammissibbli ogħla minn dan il-limitu (nazzjonali), allura għotja diretta tista’ tkun fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva.

5.   Meta jiġi applikat l-akkwist ċentralizzat, il-kuntratt mogħti jista’ jkun ogħla mil-limitu minimu stabbilit fid-Direttiva, filwaqt li l-kuntratti tal-awtorità kontraenti individwali kienu jkunu taħt il-limitu li kieku ngħataw separatament. Dawn il-kuntratti jistgħu jiġu eżentati mill-applikazzjoni tad-Direttiva?

Le. Jekk il-valur totali tal-akkwist ikun ogħla mil-limitu, dan ma jiġix eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, anki jekk elementi individwali, meħuda separatament, kienu jkunu taħt il-limitu.

6.   F’konformità mal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva, id-data li għandha titqies hija d-data tal-għoti tal-kuntratt. Din tirreferi għad-data tan-notifika tal-għoti tal-kuntratt fit-TED jew il-konklużjoni tal-kuntratt innifsu?

L-Artikolu 5(2) tad-Direttiva jistipula li “Għall-fini li jiġu kkalkulati r-rekwiżiti minimi tal-akkwist, id-data tal-akkwist pubbliku li għandha titqies hija d-data tat-tlestija tal-proċedura tal-akkwist pubbliku, permezz tal-għoti tal-kuntratt.”; f’konformità ma’ dan l-artikolu, id-data li għandha titqies hija, għalhekk, id-data tan-notifika tal-għoti tal-kuntratt fid-bażi tad-data TED.

7.   L-Artikolu 5(2) ifisser li l-kuntratti li l-proċedura tagħhom ġiet imnedija qabel id-data tat-traspożizzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/1161 se jkunu fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha jekk id-data tal-għoti tagħhom tiġi wara t-2 ta’ Awwissu 2021?

Le. Kif speċifikat fl-Artikolu 3(1), id-Direttiva tapplika biss għal kuntratti li l-proċedura ta’ akkwist tagħhom bdiet wara t-2 ta’ Awwissu 2021.

F’dan il-kuntest, ta’ min jinnota wkoll li l-kuntratti li d-data tal-għoti tagħhom taqa’ fit-tieni perjodu ta’ referenza (jiġifieri wara l-31 ta’ Diċembru 2025) se jingħaddu għal dak il-perjodu, anki jekk il-proċedura tal-akkwist tkun bdiet matul l-ewwel perjodu ta’ referenza (jiġifieri bejn it-2 ta’ Awwissu 2021 u l-31 ta’ Diċembru 2025).

Jekk jogħġbok ara wkoll il-mistoqsijiet 27-29 għal aktar dettalji dwar il-mod kif din id-dispożizzjoni tapplika għal kuntratti individwali mogħtija taħt il-Ftehimiet Qafas jew ix-Xiri Dinamiku.

Mistoqsijiet relatati mad-definizzjoni ta’ vettura nadifa

8.   L-Artikolu 4(4)(b) tad-Direttiva jiddefinixxi l-vetturi tqal nodfa bħala vetturi tqal li jużaw karburanti alternattivi – kif definiti fl-Artikoli 2(1) u 2(2) tad-Direttiva 2014/94/UE (Direttiva dwar l-Infrastruttura tal-Karburanti Alternattivi) (5) . Il-vetturi ibridi u ibridi rikarikabbli huma inklużi wkoll f’din id-definizzjoni?

L-Artikolu 2(2) tad-Direttiva dwar l-Infrastruttura tal-Karburanti Alternattivi (id-Direttiva 2014/94/UE) jispeċifika li ““vettura elettrika” tfisser vettura bil-mutur mgħammra b'sistema ta' propulsjoni li fiha tal-inqas magna elettrika mhux periferika waħda bħala konvertitur tal-enerġija b'sistema ta' ħażna ta' enerġija elettrika rikarikabbli, li tista' tiġi ċċarġjata esternament”. F’konformità ma’ din id-definizzjoni, u skont l-Artikolu 4(4)(b) tad-Direttiva, il-vetturi ibridi rikarikabbli tqal jitqiesu bħala vetturi nodfa, filwaqt li vetturi ibridi li mhumiex rikarikabbli ma jitqisux bħala vetturi tqal nodfa.

9.   Il-vetturi ibridi rikarikabbli tqal jeħtieġ li jużaw ukoll karburanti alternattivi (eż. bijokarburanti) fil-magna tal-kombustjoni interna tagħhom, sabiex jikkwalifikaw bħala vetturi nodfa skont l-Artikolu 4(4)(b) tad-Direttiva?

Le. F’konformità mal-Artikolu 4(4)(b) tad-Direttiva, vettura ibrida rikarikabbli kif definita skont l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva dwar l-Infrastruttura tal-Karburanti Alternattivi (id-Direttiva 2014/94/UE) titqies bħala vettura nadifa anki jekk tuża karburanti konvenzjonali għall-magna tal-kombustjoni interna tagħha.

Dan jista’ jiġi ċċarat aktar billi jiġi kkunsidrat li vettura ibrida rikarikabbli se terġa’ tiġi ċċarġjata bl-użu tal-elettriku; l-iċċarġjar bl-elettriku jirrappreżenta l-karburant alternattiv użat mill-vettura ibrida rikarikabbli, li jippermettilha li titqies bħala vettura li taqa’ fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva dwar l-Infrastruttura tal-Karburanti Alternattivi (għall-kuntrarju ta’ vetturi ibridi li mhumiex rikarikabbli, li ma jiġux iċċarġjati mill-ġdid: fil-każ tagħhom, l-elettriku jiġi prodott esklussivament abbord, u l-vettura tingħata biss karburant ta’ diżil/petrol konvenzjonali).

10.   It-trolley buses jaqgħu fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva? Jistgħu jitqiesu bħala vetturi nodfa għall-finijiet tad-Direttiva?

Iva. Id-Direttiva tapplika għall-għoti ta’ vetturi tat-trasport bit-triq. Skont l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva, “vettura tat-trasport bit-triq” tfisser vettura tal-kategorija M jew N, kif definita fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) 2018/858. Din tal-aħħar tirreferi għall-“vetturi bil-mutur”, definiti bħala kwalunkwe vettura bil-magna ddisinjata u mibnija sabiex titmexxa minnha nnifisha, li jkollha mill-inqas erba’ roti, li tkun kompleta jew inkompleta, b’veloċità massima skont id-disinn ta’ aktar minn 25 km/siegħa (l-Artikolu 3(16) tar-Regolament). It-trolley buses jikkonformaw ma’ din id-definizzjoni u għalhekk huma kkunsidrati bħala vetturi tat-trasport bit-triq fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-approvazzjoni tat-tip. Dan ġie kkonfermat mis-servizzi tal-Kummissjoni bi tweġiba għal mistoqsija mill-Italja fis-sitt laqgħa tal-Grupp ta’ Esperti tal-Awtoritajiet tal-Approvazzjoni tat-Tip, fejn ġie ċċarat li t-trolley buses kienu koperti - dak iż-żmien - mid-Direttiva 2007/46/KE (6) li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi u mir-Regolament Nru 107 tal-UNECE (7) dwar dispożizzjonijiet uniformi rigward l-approvazzjoni ta’ vetturi tal-katergorija M2 jew M3 fir-rigward tal-bini ġenerali tagħhom.

Kif ġie ċċarat ukoll b’mod espliċitu fil-Premessa 18 tad-Direttiva (8), it-trolley buses dejjem jitqiesu bħala vetturi nodfa skont l-Artikolu 4(4)(b). Jekk jaħdmu biss fuq il-grilja jew jużaw magna b’emissjonijiet żero meta ma jkunux imqabbdin magħha, huma jgħoddu wkoll bħala vetturi b’emissjonijiet żero. Jekk trolley bus juża wkoll magna li mhix b’emissjonijiet żero – eż. meta tintuża magna diżil biex ix-xarabank titħalla taħdem waqt li ma tkunx imqabbda mal-grilja – allura t-trolley bus m’għandhiex titqies bħala xarabank b’emissjonijiet żero, iżda xorta waħda titqies bħala vettura nadifa, bħal xarabank ibrida rikarikabbli.

11.   It-trammijiet jistgħu jitqiesu wkoll bħala vetturi nodfa skont id-Direttiva?

Le. It-trammijiet ma jaqgħux fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, peress li huma parti mis-sistema ferrovjarja u mhumiex meqjusa bħala vetturi tat-trasport bit-triq skont ir-Regolament (UE) 2018/858. Bħala tali, ma jistgħux jitqiesu taħt id-Direttiva dwar Vetturi Nodfa.

Mistoqsijiet relatati mal-miri minimi tal-akkwist

12.   Huwa neċessarju li kull kuntratt ta’ akkwist pubbliku / kull Awtorità Kontraenti u Entità Kontraenti jissodisfa l-miri minimi?

Le. Id-Direttiva tagħti flessibbiltà sħiħa lill-Istati Membri fil-mod kif jiddistribwixxu l-isforz fost l-Awtoritajiet Kontraenti (“CA”) l-Entitajiet Kontraenti (“CE”) differenti. Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jistabbilixxi l-istess mira għas-CA/CEs kollha, jew miri ogħla għal xi wħud u miri aktar baxxi – jew saħansitra l-ebda mira – għal oħrajn, sakemm il-mira minima tintlaħaq fil-livell nazzjonali.

F’dan il-kuntest, ta’ min jinnota wkoll li – filwaqt li d-Direttiva ma tistipulax rekwiżiti għal kuntratti individwali – huwa possibbli għal kull Stat Membru, fit-traspożizzjoni tad-Direttiva, li jintroduċi rekwiżiti bħal dawn (eż. il-ħtieġa ta’ sehem minimu ta’ vetturi nodfa f’kull akkwist).

Skont ir-responsabbiltajiet istituzzjonali f’kull Stat Membru, jista’ jkun possibbli li l-allokazzjoni dettaljata tiġi ddelegata lil livelli differenti ta’ governanza – pereżempju billi jiġu stabbiliti miri (l-istess jew differenzjati) għal kull reġjun, u tippermettilhom li jagħmlu aktar differenza bejn CA/CEs differenti fit-territorju tagħhom, sakemm tintlaħaq il-mira ġenerali tagħhom.

Eżempji possibbli ta’ kif l-isforz jista’ jinqasam bejn CA/CEs differenti fi Stat Membru jistgħu jinkludu l-istabbiliment ta’ rekwiżiti differenti bbażati fuq it-tip ta’ CA/CE involut (pereżempju miri ogħla għal korpi fil-livell nazzjonali/reġjonali, miri aktar baxxi għal dawk lokali), fuq id-daqs tal-amministrazzjoni pubblika rilevanti (pereżempju miri ogħla għal bliet/provinċji akbar, miri aktar baxxi jew saħansitra l-ebda mira għal oħrajn iżgħar), fuq il-karatteristiċi speċifiċi ta’ żoni ġeografiċi differenti (pereżempju miri ogħla għal żoni b’PDG/capita ogħla, u/jew żoni li huma aktar soġġetti għal problemi ta’ kwalità tal-arja), jew kwalunkwe approċċ u kriterji oħra li Stat Membru jqis rilevanti.

13.   Il-konformità mal-miri hija vvalutata fuq bażi annwali?

Le. Il-konformità ta’ kull Stat Membru mal-miri minimi tiegħu ta’ akkwist hija vvalutata abbażi tal-perjodu ta’ referenza kollu (mit-2 ta’ Awwissu 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2025 u mill-1 ta’ Jannar 2026 sal-31 ta’ Diċembru 2030 rispettivament), mingħajr l-ebda differenzazzjoni bbażata fuq meta seħħ kull akkwist (fil-perjodu ta’ referenza).

Madankollu, ta’ min jinnota li, fit-traspożizzjoni tad-Direttiva, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jirrikjedu lill-Awtoritajiet Kontraenti u/jew lill-Entitajiet Kontraenti biex jikkonformaw mal-miri nazzjonali fuq bażi annwali.

Eżempju prattiku – mistoqsijiet 12-13

L-eżempju li ġej juri d-distribuzzjoni possibbli tal-isforz fi Stat Membru fittizju li għandu biss tliet Awtoritajiet Kontraenti (“CA”) / Entitajiet Kontraenti (“CE”) fit-territorju tiegħu, u mira minima ta’ akkwist għax-xarabanks ta’ 45 % għall-ewwel perjodu. F’dan l-eżempju, l-akkwist ta’ xarabanks permezz ta’ kuntratti li jaqgħu fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva jseħħ kif ġej:

Awtoritajiet/Entitajiet Kontraenti

Numru ta’ xarabanks akkwistati fl-2021

Numru ta’ xarabanks akkwistati fl-2022

Numru ta’ xarabanks akkwistati fl-2023

Numru ta’ xarabanks akkwistati fl-2024

Numru ta’ xarabanks akkwistati fl-2025

Numru totali ta’ xarabanks akkwistati fil-perjodu ta’ referenza

Awtorità/Entità Kontraenti 1

5

0

10

20

10

45

Awtorità/Entità Kontraenti 2

0

10

0

0

5

15

Awtorità/Entità Kontraenti 3

10

10

5

5

10

40

MS totali

15

20

15

25

25

100

Mira = 45

Sabiex jiżgura l-konformità mad-Direttiva, dan l-Istat Membru jeħtieġ li jiżgura li 45 mill-100 xarabank li jiġu akkwistati matul il-perjodu ta’ referenza jkunu vetturi nodfa. Dan jista’ jinkiseb b’diversi modi differenti, bħal pereżempju:

Billi tiġi stabbilita mira minima ta’ 45 % għat-tliet CA/CEs kollha; f’dan il-każ, CA/CE 1 tkun meħtieġa tixtri 20 xarabank nadifa minn 45, CA/CE 2 7 minn 15, u CA/CE 3 18 minn 40, għal total ta’ 45 minn 100

Billi tiġi stabbilita mira ta’ 100 % għal CA/CE 1, u l-ebda rekwiżit għaż-żewġ CA/CEa l-oħrajn; dan ukoll iwassal għal total ta’ 45 xarabank nadifa minn 100

Billi tiġi stabbilita mira ta’ 50 % għal CA/CE 1 u 3, u mira ta’ 30 % għal CA/CE 2, li twassal għal total ta’ 46 xarabank nadifa minn 100

Billi tiġi stabbilita mira ta’ 60 % għal CA/CE 1 u 3, u l-ebda mira għal CA/CE 2 (total ta’ 51 xarabank nadifa minn 100)

F’dawn il-każijiet kollha, għall-finijiet tad-Direttiva, ma tagħmel l-ebda differenza meta jiġu akkwistati x-xarabanks nodfa matul il-perjodu (jiġifieri xarabank titqies bl-istess mod irrispettivament minn jekk tkunx ġiet akkwistata fl-2022 jew fl-2025). Madankollu, dan ma jżommx lill-Istat Membru milli jistabbilixxi rekwiżiti annwali fil-livell nazzjonali.

14.   Id-Direttiva tkopri tipi differenti ta’ kuntratti, inkluż ix-xiri, il-leasing, il-kiri tal-vetturi, kif ukoll kuntratti għal servizz pubbliku u għal servizz; L-Artikoli 5(4) u 5(5) tad-Direttiva jispeċifikaw li n-numru ta’ vetturi taħt kull kuntratt għandu jingħadd b’mod differenti fil-każ ta’ xiri/leasing/kiri jew lokazzjoni b’opzjoni ta’ xiri ta’ vetturi (l-Artikolu 5(4)) u ta’ kuntratti għal servizz pubbliku u għal servizz (l-Artikolu 5(5)). Il-vetturi f’dawn it-tipi differenti ta’ kuntratti għandhom jingħaddu kollha flimkien jew separatament għall-fini tal-ilħuq tal-miri?

Kif rifless fit-tabelli 3 u 4 fl-Anness għad-Direttiva, hija stabbilita mira minima waħda għal kull kategorija ta’ vetturi (jiġifieri vetturi ħfief, trakkijiet, xarabanks) għal kull Stat Membru, mingħajr ma ssir distinzjoni bejn tipi differenti ta’ kuntratti (jiġifieri xiri ta’ vetturi, kiri, servizzi, eċċ.).

F’konformità mal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva, dawn il-miri minimi huma kkalkulati bħala perċentwali minimi ta’ vetturi nodfa fl-għadd totali ta’ vetturi tat-trasport bit-triq koperti mill-ammont totali tal-kuntratti kollha fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, mingħajr ma ssir distinzjoni bejn it-tipi differenti ta’ kuntratti (jiġifieri xiri ta’ vetturi, kera, lokazzjoni b’opzjoni ta’ xiri tal-vetturi, kuntratt għal servizz, eċċ.).

L-Artikoli 5(4) u 5(5) tad-Direttiva jiċċaraw kif l-għadd ta’ vetturi koperti minn kull kuntratt individwali għandu jingħadd għal tipi differenti ta’ kuntratti (eż. kuntratti ta’ xiri ta’ vetturi jew għal servizz). Ladarba l-għadd ta’ vetturi taħt kull kuntratt individwali jiġi kkalkulat skont dawn id-dispożizzjonijiet, il-konformità mal-miri tista’ tiġi vverifikata fuq il-bażi tat-total tal-vetturi akkwistati kollha taħt il-kuntratti rilevanti kollha, u s-sehem ta’ vetturi nodfa minn dan it-total.

Mistoqsijiet relatati max-xiri ta’ vetturi minn fornituri ta’ servizzi skont kuntratti għal servizzi pubbliku

15.   Kif għandhom jingħaddu l-vetturi skont kuntratt għal servizz pubbliku? Għandna nikkunsidraw ix-xiri ta’ vetturi ġodda mill-fornitur tas-servizz? Dawn kif jistgħu jiġu mmonitorjati?

Skont l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva, fil-każ ta’ kuntratti għal servizzi msemmija fl-Artikoli 3(1)(b) u 3(1)(c) – jiġifieri kuntratti ta’ servizz pubbliku u l-kuntratti għal servizz elenkati fit-Tabella 1 tal-Anness għad-Direttiva – għandhom jingħaddu l-vetturi kollha li għandhom jintużaw għall-forniment tas-servizz inkwistjoni.

Dan l-approċċ jiżgura koerenza bejn iż-żewġ metodi differenti ta’ akkwist (xiri/leasing/lokazzjoni b’opzjoni ta’ xiri kif imsemmi fl-Artikolu 3(1)(a) u kuntratti għal servizz pubbliku u għal servizz kif imsemmi rispettivament fl-Artikolu 3(1)(b) u (c)), u jimminimizza l-piż amministrattiv.

Kuntratt ta’ xiri/leasing/lokazzjoni b’opzjoni ta’ xiri jirrappreżenta l-akkwist ta’ ċertu numru ta’ vetturi minn Awtorità Kontraenti/Entità Kontraenti; għal dik ir-raġuni, il-vetturi kollha koperti minn kuntratt bħal dan jingħaddu. B’mod simili, permezz ta’ kuntratt għal servizz, Awtorità Kontraenti/Entità Kontraenti qed takkwista l-użu ta’ ċertu numru ta’ vetturi biex jipprovdu servizz; l-għadd ta’ vetturi li l-fornitur tas-servizz se juża biex jipprovdi dak is-servizz għalhekk se jingħadd, irrispettivament minn jekk il-fornitur tas-servizz hux qed jixtri vetturi ġodda jew jekk hux qed juża dawk eżistenti.

16.   Jekk il-kuntratt għal servizz jiġi konkluż għal perjodu ta’ żmien itwal mill-perjodu ta’ referenza, il-vetturi użati għandhom jingħaddu wkoll għall-perjodu ta’ referenza ta’ wara?

Le. Kif speċifikat fl-Artikolu 5 tad-Direttiva, id-data tal-għoti tal-kuntratt tiddetermina f’liema perjodu ta’ referenza għandhom jingħaddu l-vetturi akkwistati. Minkejja li kuntratt għal servizz iffirmat matul l-ewwel perjodu ta’ referenza jista’ jkun għadu fis-seħħ matul it-tieni perjodu, il-vetturi skont dak il-kuntratt se jgħoddu biss għall-ewwel perjodu.

17.   Fil-każ ta’ kuntratt għal servizz, kif għandhom jingħaddu l-vetturi użati għat-twettiq tas-servizz jekk in-numru tagħhom jinbidel matul iż-żmien (bidliet regolari jew bidliet ta’ darba) matul il-perjodu ta’ referenza?

L-għadd ta’ vetturi li se jintużaw fil-forniment tas-servizzi koperti mill-kuntratt jiġi rreġistrat fil-mument tal-għoti tal-kuntratt.

Bidliet sostanzjali fl-għadd ta’ vetturi użati tipikament ikollhom implikazzjoni baġitarja, u jkunu jeħtieġu xi forma ta’ reviżjoni jew emenda tal-kuntratt, li għandha tiġi rrapportata.

Bidliet żgħar li ma jeħtiġux modifika tal-kuntratt ma jiġux irreġistrati skont id-Direttiva; filwaqt li dan ifisser li l-għadd finali ta’ vetturi rrappurtat skont id-Direttiva jista’ ma jkunx preċiż għalkollox, il-koleġiżlaturi qiesu li dan jirrappreżenta kompromess tajjeb bejn il-preċiżjoni u l-ammont ta’ piż amministrattiv li jkun meħtieġ sabiex jiġi żgurat monitoraġġ sħiħ f’ħin reali.

18.   X’jiġri jekk il-fornitur tas-servizz ta’ kuntratt għal servizz pubbliku jew għal servizz imsemmi fl-Artikoli 3(1)(b) jew 3(1)(c) huwa wkoll, hu stess, Entità Kontraenti (“CE”) jew Awtorità Kontraenti (“CA”) soġġetta għall-obbligi stabbiliti fid-Direttivi 2014/24/UE (9) dwar l-akkwist pubbliku u 2014/25/UE (10) dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, tal-enerġija, tat-trasport u postali? Irid jirreġistra wkoll ix-xiri ta’ vetturi ġodda li jintużaw biex jipprovdu s-servizz?

Jekk il-fornitur tas-servizz huwa soġġett għall-obbligu li japplika l-proċeduri ta’ akkwist stabbiliti fid-Direttiva 2014/24/UE jew id-Direttiva 2014/25/UE, sabiex japplikaw għax-xiri ta’ vetturi li jintużaw fil-forniment tas-servizz, id-Direttiva dwar Vetturi Nodfa tapplika wkoll għal dak ix-xiri.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar ukoll li d-Direttiva tapplika biss għal kuntratti li ma jaqgħux fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi 2014/24/UE u 2014/25/UE jew tar-Regolament (KE) 1370/2007; jekk kuntratt bejn żewġ CA/CEx ma jaqax fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn l-istrumenti legali, allura lanqas ma jaqa' fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar Vetturi Nodfa. F’dan il-każ, madankollu, l-akkwist ta’ vetturi mis-CA/CE tal-aħħar xorta jaqa’ fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar Vetturi Nodfa (sakemm ma jkunx eskluż minħabba ċirkostanzi oħra).

Eżempji prattiċi – mistoqsijiet 15-18

L-eżempji li ġejjin juru kif il-punti deskritti fil-mistoqsijiet 15, 16, 17 u 18 se jaħdmu fil-prattika:

 

Każ 1: matul il-perjodu ta’ referenza, Awtorità Kontraenti tixtri 10 xarabanks. L-10 xarabanks kollha jingħaddu għall-iskop tal-mira minima ta’ akkwist.

 

Każ 2: matul il-perjodu ta’ referenza, Awtorità Kontraenti tagħti kuntratt lil entità biex tmexxi n-network tax-xarabanks tagħha, li mhijiex Awtorità Kontraenti jew Entità Kontraenti kif definiti fid-Direttivi 2014/24/UE u 2014/25/UE; il-kuntratt jipprevedi li dan se jkun jeħtieġ l-użu ta’ 10 xarabanks. Dawk l-10 xarabanks jgħoddu għall-fini tal-mira, irrispettivament minn jekk il-fornitur tas-servizz jixtrix xarabanks ġodda jew jużax dawk eżistenti; is-sostituzzjonijiet eventwali tax-xarabanks ma jgħoddux għall-iskop tal-mira minima tal-akkwist, u ma hemmx għalfejn jiġu mmonitorjati/reġistrati.

 

Każ 3: matul il-perjodu ta’ referenza, Awtorità Kontraenti tagħti kuntratt lil Awtorità Kontraenti jew lil Entità Kontraenti oħra biex tmexxi n-network tax-xarabanks tagħha, li hija soġġetta għar-rekwiżiti tad-Direttivi 2014/24/UE u 2014/25/UE; il-kuntratt jipprevedi li dan se jkun jeħtieġ l-użu ta’ 10 xarabanks. Dawk l-10 xarabanks jgħoddu għall-finijiet tal-mira, irrispettivament minn jekk il-fornitur tas-servizz jixtrix xarabanks ġodda jew jużax dawk eżistenti. Barra minn hekk, jekk matul il-perjodu ta’ referenza, it-tieni Awtorità Kontraenti/Entità Kontraenti takkwista xarabank waħda jew aktar (eż. tixtri xarabank ġdida biex tissostitwixxi waħda minn dawk użati taħt il-kuntratt għas-servizzi), dan jingħadd ukoll għall-finijiet tal-mira minima ta’ akkwist u għandu jiġi rrapportat kif xieraq. Jekk jogħġbok kun af li f’dan il-każ ix-xiri tax-xarabank mit-tieni Awtorità Kontraenti/Entità Kontraenti jgħodd irrispettivament minn jekk jintużawx jew le fil-kuntratt għas-servizzi.

 

Każ 4: matul il-perjodu ta’ referenza, Awtorità Kontraenti tagħti kuntratt lil Awtorità Kontraenti jew lil Entità Kontraenti oħra biex tmexxi n-network tax-xarabanks tagħha, li hija soġġetta għar-rekwiżiti tad-Direttivi 2014/24/UE u 2014/25/UE. Il-kuntratt għas-servizzi jipprevedi li dan se jkun jeħtieġ l-użu ta’ 10 xarabanks; madankollu, dan il-kuntratt ma jaqax fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawk iż-żewġ Direttivi. F’dan il-każ, l-ebda vettura mhi se tiġi rreġistrata għall-kuntratt għas-servizzi, peress li ma jaqax fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva; madankollu, jekk matul il-perjodu ta’ referenza t-tieni Awtorità Kontraenti/Entità Kontraenti takkwista xarabank waħda jew aktar (eż. tixtri xarabank ġdida biex tissostitwixxi waħda minn dawk użati taħt il-kuntratt għas-servizzi), dan jingħadd ukoll għall-finijiet tal-mira minima ta’ akkwist u għandu jiġi rrapportat kif xieraq. Jekk jogħġbok kun af li f’dan il-każ ukoll, ix-xiri tax-xarabank mit-tieni Awtorità Kontraenti/Entità Kontraenti jgħodd irrispettivament minn jekk jintużawx jew le fil-kuntratt għas-servizzi.

Mistoqsijiet relatati mal-installazzjoni a posteriori

19.   Skont l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva, vetturi b’installazzjoni a posteriori li jissodisfaw id-definizzjoni ta’ vettura nadifa u/jew b’emissjonijiet żero jistgħu jingħaddu sabiex jintlaħqu l-miri minimi ta’ akkwist. Kif għandu jiġi rifless l-għadd ta’ vetturi b’installazzjoni a posteriori fil-bażi tad-data tat-TED u fir-rappurtar?

Huwa mistenni li fil-biċċa l-kbira tal-każijiet l-installazzjoni a posteriori tal-vetturi ma tkunx viżibbli fil-bażi tad-data tat-TED – eż. minħabba li jitwettaq in-house, jew minħabba li huwa s-suġġett ta’ kuntratt għal servizz barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. Id-Direttiva toffri lill-Istati Membri l-possibbiltà li jużaw l-installazzjoni a posteriori bħala mod kosteffettiv biex jintlaħqu l-miri, iżda fil-biċċa l-kbira tal-każijiet l-użu ta’ din l-għażla jeħtieġ li jiġi rrappurtat separatament, lil hinn mill-ġbir tal-informazzjoni mit-TED li se jitwettaq mill-Kummissjoni.

F’dan ir-rigward, ta’ min ifakkar li, skont l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni Rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva, inkluż in-numru u l-kategoriji ta’ vetturi koperti mill-kuntratti rilevanti, abbażi tad-data pprovduta mill-Kummissjoni mill-bażi tad-data tat-TED. Il-konformità mal-miri minimi tal-akkwist se tiġi vvalutata primarjament abbażi ta’ dan ir-Rapport, u mhux biss abbażi taċ-ċifri meħuda mill-bażi tad-data tat-TED mill-Kummissjoni.

Jekk l-installazzjoni a posteriori tintuża biex jintlaħqu l-miri minimi tal-akkwist, u ma tkunx riflessa fiċ-ċifri rrappurtati fil-bażi tad-data tat-TED, l-Istati Membri għandhom jiġbru mingħand l-Awtoritajiet Kontraenti u mingħand l-Entitajiet Kontraenti rilevanti, u jinkludu fir-Rapport imsemmi fl-Artikolu 10(2), l-għadd ta’ vetturi (għal kull kategorija) li jissodisfaw id-definizzjoni ta’ vettura nadifa u/jew vettura b’emissjonijiet żero bħala riżultat tal-installazzjoni a posteriori. B’dan il-mod, dawk il-vetturi jitqiesu għall-fini tal-valutazzjoni tal-konformità mal-miri minimi ta’ akkwist.

20.   Kif għandhom jingħaddu fil-prattika l-vetturi b’installazzjoni a posteriori, fil-każ fejn vetturi li kienu diġà ġew akkwistati qabel il-perjodu ta’ referenza ssirilhom installazzjoni a posteriori biex jissodisfaw id-definizzjoni ta’ vettura nadifa matul il-perjodu ta’ referenza? U fil-każ fejn jinxtraw vetturi ġodda mhux nodfa u mbagħad ssirilhom installazzjoni a posteriori fl-istess perjodu ta’ referenza?

Kemm l-installazzjoni a posteriori ta’ vetturi li ġew akkwistati qabel il-bidu tal-perjodu ta’ referenza kif ukoll ix-xiri u l-installazzjoni a posteriori sussegwenti ta’ vetturi matul l-istess perjodu ta’ referenza jistgħu jingħaddu, għalkemm il-mod kif dan għandu jsir u l-impatti effettivi tagħhom f’termini tal-miri minimi tal-akkwist ikunu ftit differenti, kif jidher fl-eżempji li ġejjin.

Eżempji prattiċi – mistoqsija 20

Każ 1

Awtorità Kontraenti tixtri 10 xarabanks tad-diżil ġodda matul il-perjodu ta’ referenza. Għall-fini tal-miri minimi ta’ akkwist, akkwistat 10 vetturi, li minnhom l-ebda waħda mhi nadifa.

Każ 2

Awtorità Kontraenti tixtri 10 xarabanks jaħdmu bil-batterija/elettriku ġodda matul il-perjodu ta’ referenza. Għall-fini tal-miri minimi ta’ akkwist, akkwistat 10 vetturi nodfa (b’emissjonijiet żero).

Każ 3

Awtorità Kontraenti għandha 10 xarabanks tad-diżil, li ġew akkwistati qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva l-ġdida. Matul il-perjodu ta’ referenza, tagħmlilhom installazzjoni a posteriori biex jaħdmu esklussivament fuq l-elettriku. Għall-fini tal-miri minimi ta’ akkwist, akkwistat 10 vetturi nodfa (b’emissjonijiet żero). F’dan is-sens, l-impatt ta’ dan il-każ huwa effettivament l-istess bħal dak tal-każ 2.

Każ 4

Awtorità Kontraenti tixtri 10 xarabanks tad-diżil ġodda matul il-perjodu ta’ referenza; imbagħad tagħmlilhom installazzjoni a posteriori biex taqlibhom għall-batterija/l-elettriku matul l-istess perjodu. F’dan il-każ, għandhom jiġu rreġistrati żewġ akkwisti separati: l-ewwel nett, l-akkwist ta’ 10 vetturi li mhumiex nodfa (l-istess bħal fil-każ 1), imbagħad l-akkwist (permezz tal-installazzjoni a posteriori) ta’ 10 vetturi nodfa b’emissjonijiet żero (l-istess bħal fil-każ 3). Għalhekk, b’kollox dan se jitqies bħala akkwist ta’ 20 vettura, li minnhom 10 huma b’emissjonijiet żero u 10 mhumiex nodfa.

Mistoqsijiet relatati mal-użu tal-bażi tad-data tat-TED

21.   Kif se tintuża l-bażi tad-data tat-TED biex tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni tad-Direttiva? X’inhuma meħtieġa li jikkodifikaw l-Awtoritajiet Kontraenti u l-Entitajiet Kontraenti fil-bażi tad-data tat-TED għall-finijiet tad-Direttiva?

Għal kull akkwist li jaqa’ fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, l-informazzjoni li jeħtieġ li tinġabar hija din li ġejja: l-għadd totali ta’ vetturi koperti mill-akkwist; l-għadd ta’ vetturi (minn dan it-total) li jikkwalifikaw bħala “vetturi nodfa” kif definiti fl-Artikolu 4(4) tad-Direttiva, u l-għadd ta’ vetturi (mill-għadd totali ta’ vetturi) li jikkwalifikaw bħala “vetturi tqal b’emissjonijiet żero” skont l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva.

Din l-informazzjoni hija magħrufa fiż-żmien tal-għoti tal-kuntratt, u ħafna drabi tkun diġà pprovduta f’waħda mill-oqsma b’test miftuħ tal-bażi tad-data tat-TED. Peress li bħalissa m’hemm l-ebda rekwiżit li tingħata din l-informazzjoni, madankollu, dan mhux dejjem ikun il-każ; barra minn hekk, anke meta din l-informazzjoni tkun ipprovduta fil-bażi tad-data tat-TED, din mhux dejjem tiġi kkodifikata fl-istess qasam testwali, peress li m’hemm l-ebda rekwiżit ċar f’dan is-sens. Għalhekk, bħalissa mhuwiex possibbli li din l-informazzjoni tinkiseb awtomatikament mill-bażi tad-data tat-TED, u l-estrazzjoni manwali tal-informazzjoni rilevanti tieħu ħafna ħin.

Għal dawn ir-raġunijiet, il-verżjoni li jmiss tal-Formoli Elettroniċi, introdotta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1780 (11) li jistabbilixxi formoli standard għall-pubblikazzjoni ta’ avviżi fil-qasam tal-akkwist pubbliku, se tinkludi t-tliet oqsma li ġejjin, għall-kuntratti kollha b’kodiċi CPV li huma rilevanti għad-Direttiva:

BT-715 Vetturi – In-numru tal-vetturi kollha (irrispettivament minn jekk humiex nodfa jew le) li jagħmlu parti mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/33/KE. Dawn il-vetturi jkunu nxtraw, ikunu b’lokazzjoni, ikunu nkrew, ikunu b’lokazzjoni b’opzjoni ta’ xiri, jew inkella l-użu tagħhom ikun ġie marbut b’kuntratt għall-provvista ta’ servizz b’xiri li jagħmel parti mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/33/KE.

BT-716 Vetturi Li Ma Jniġġsux – In-numru ta’ vetturi nodfa li jagħmlu parti mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/33/KE u li huma definiti minnha. Dawn il-vetturi jew ikunu nxtraw, ikunu b’lokazzjoni, ikunu nkrew, ikunu b’lokazzjoni b’opzjoni ta’ xiri, jew inkella l-użu tagħhom ikun ġie marbut b’kuntratt għall-provvista ta’ servizz b’xiri li jagħmel parti mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/33/KE.

BT-725 Vetturi b’Żero Emissjonijiet – In-numru ta’ vetturi heavy-duty b’żero emissjonijiet li jagħmlu parti mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/33/KE u li huma definiti minnha. Dawn il-vetturi jew ikunu nxtraw, ikunu b’lokazzjoni, ikunu nkrew, ikunu b’lokazzjoni b’opzjoni ta’ xiri, jew inkella l-użu tagħhom ikun ġie marbut b’kuntratt għall-provvista ta’ servizz b’xiri li jagħmel parti mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/33/KE.

Ladarba dawn il-Formoli Elettroniċi ġodda jkunu fis-seħħ, ikun possibbli li jinħareġ awtomatikament l-għadd ta’ vetturi tat-trasport bit-triq u l-għadd ta’ vetturi tat-trasport bit-triq nodfa u b’emissjonijiet żero. Dan se jiffaċilita r-reġistrazzjoni u l-monitoraġġ tal-ordnijiet għall-Istati Membri kollha. Il-Kummissjoni se tiġbor din l-informazzjoni u se tippubblikaha fuq is-sit web tagħha.

Għandu jiġi nnutat li l-kampijiet msemmija hawn fuq (BT-715, BT-716 u BT-725), li se jintużaw għall-monitoraġġ permezz tal-Formoli Elettroniċi, mhumiex obbligatorji. Jekk l-Istati Membri jkollhom l-intenzjoni li jippermettu l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tad-Direttiva permezz tal-bażi tad-data tat-TED, huwa rrakkomandat li dawn l-oqsma jsiru obbligatorji fil-livell nazzjonali. Jekk dawn l-oqsma ma jintużawx fi Stat Membru, xi forma ta’ sistema apposta ta’ monitoraġġ u rappurtar se jkollha tiġi stabbilita fil-livell nazzjonali.

22.   L-Istati Membri huma meħtieġa jdaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mad-Direttiva 2019/1161 sa mhux aktar tard mit-2 ta’ Awwissu 2021; madankollu, il-Formoli Elettroniċi l-ġodda inklużi l-oqsma ddedikati fil-bażi tad-data tat-TED se jkunu disponibbli biss mill-14 ta’ Novembru 2022. Il-progress kif se jiġi mmonitorjat sadanittant?

L-inklużjoni tal-oqsma ddedikati (in-numru ta’ vetturi, in-numru ta’ vetturi li ma jniġġsux, in-numru ta’ vetturi b’żero emissjonijiet) fil-Formoli Elettroniċi l-ġodda se tippermetti l-estrazzjoni awtomatika ta’ informazzjoni mill-bażi tad-data tat-TED. Għall-perjodu bejn it-tmiem tal-perjodu ta’ traspożizzjoni (2 ta’ Awwissu 2021) u l-implimentazzjoni tal-Formoli Elettroniċi l-ġodda għat-TED, l-informazzjoni dwar in-numru ta’ vetturi, vetturi li ma jniġġsux u vetturi b’żero emissjonijiet koperti minn kull kuntratt tista’ tiġi kkodifikata fil-qasam testwali II.2.14) “Informazzjoni addizzjonali”. Fit-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tad-Direttiva, l-Istati Membri huma mħeġġin jispeċifikaw li dan il-qasam ta’ test miftuħ għandu jintuża għal dan il-għan sabiex jiġi ffaċilitat il-ġbir ta’ din l-informazzjoni.

23.   Fil-kuntest tan-Notifiki ta’ għoti ta’ kuntratt ippubblikati fit-TED, tista’ tinħoloq problema f’kuntratti li jkopru vetturi ta’ kategoriji differenti, li għalihom ġew stabbiliti perċentwali differenti (eż. xarabanks u karozzi). F’każ bħal dan, l-Awtorità Kontraenti/l-Entità Kontraenti kif għandha tirrapporta l-akkwist?

Abbażi tal-esperjenza attwali, nistennew biss numru relattivament limitat ta’ notifiki ta’ għoti ta’ kuntratt li tolqothom din il-kwistjoni. B’mod ġenerali, l-Awtoritajiet Kontraenti u l-Entitajiet Kontraenti għandhom jiġu mħeġġa jużaw lottijiet separati għal kategoriji differenti ta’ vetturi meta dan ikun possibbli.

F’dawk il-każijiet fejn notifika ta’ għoti ta’ kuntratt jeħtieġ li tkun tkopri kategoriji differenti ta’ vetturi, nirrakkomandaw l-approċċ li ġej:

Jiġu inklużi l-kodiċijiet CPV għaż-żewġ kategoriji ta’ vetturi; jintgħażel bħala l-kodiċi CPV prinċipali dak tal-kategorija ta’ vetturi bl-akbar numru ta’ vetturi involuti, u dak/dawk tal-kategoriji l-oħrajn bħala kodiċijiet CPV sekondarji (pereżempju, jekk in-notifika tikkonċerna 10 xarabanks u 5 vannijiet, agħżel bħala l-kodiċi CPV prinċipali dak tax-xarabankijiet, u bħala kodiċi CPV sekondarju dak tal-vannijiet)

Jiġi rreġistrat biss fl-oqsma ddedikati l-għadd ta’ vetturi tal-kategorija bl-akbar numri involuti (pereżempju jekk in-notifika tikkonċerna 10 xarabanks u 5 vannijiet, jiġu inklużi biss l-10 xarabanks)

Inkludi n-numru ta’ vetturi oħra fil-qasam II.2.14) “Informazzjoni addizzjonali”

24.   X’jiġri meta Awtorità Kontraenti jew Entità Kontraenti tuża l-Formoli Elettroniċi tal-bażi tad-data tat-TED għal kuntratti li ma jaqgħux fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, eż. minħabba li huma taħt il-limiti minimi, jew minħabba li l-vetturi akkwistati huma eżentati mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva? Kif nistgħu nevitaw li l-vetturi koperti minn dawn il-kuntratti jingħaddu għall-finijiet tal-miri minimi ta’ akkwist skont id-Direttiva minkejja li ma jaqgħux fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha?

Jekk tintuża Formula Elettronika għal kuntratt li ma jaqax fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva (eż. minħabba li l-valur tiegħu huwa taħt il-limitu), l-oqsma ddedikati (l-għadd ta’ vetturi akkwistati fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, l-għadd ta’ vetturi nodfa, l-għadd ta’ vetturi b’emissjonijiet żero) għandhom jew jitħallew vojta jew jimtlew b’‘0’, sabiex l-għadd korrispondenti ta’ vetturi ma jingħaddux meta jiġu estratti ċ-ċifri mill-bażi tad-data tat-TED.

25.   L-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva jippermetti lill-Istati Membri li jiddeterminaw limitu minimu għall-kuntratti għal servizzi pubbliċi, li jista’ jkun daqs jew inqas minn dak stabbilit fl-Artikolu 5(4) tar-Regolament (KE) 1370/2007. Jekk Stat Membru jistabbilixxi limitu aktar baxx, kif jistgħu dawn il-kuntratti jiġu mmonitorjati fil-bażi tad-data tat-TED?

Jekk Stat Membru jiddeċiedi li jistabbilixxi limitu aktar baxx, fil-prinċipju għandu jkun possibbli li kuntratti għal servizz pubbliku jiġu kkodifikati b’valur aktar baxx mil-limitu tal-UE msemmi fl-Artikolu 5(4) tar-Regolament (KE) 1370/2007 fil-bażi tad-data tat-TED.

Jekk kuntratt partikolari jkun diġà jrid jiġi rreġistrat fil-bażi tad-data tat-TED skont ir-regoli nazzjonali, huwa faċli li n-numru ta’ vetturi tat-triq fil-Formula Elettronika rilevanti jiġi rreġistrat b’piż amministrattiv addizzjonali minimu.

Jekk kuntratt, attwalment, ma jkollux għalfejn jiġi rrapportat, huma disponibbli għażliet differenti għar-rappurtar; madankollu, kollha jinvolvu ċertu livell ta’ piż amministrattiv:

l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li l-kuntratt jiġi rrappurtat fil-bażi tad-data tat-TED.

Inkella, l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu lill-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti biex jirrapportaw l-għadd ta’ vetturi tat-triq (u vetturi tat-triq nodfa u b’emissjonijiet żero) f’dawn il-kuntratti fil-livell nazzjonali; l-Istat Membru mbagħad ikun jista’ jinkludi dawn iċ-ċifri fir-rapport nazzjonali mingħajr ma juża l-bażi tad-data tat-TED. Il-ħtieġa li jkun hemm rappurtar parallel għall-għadd ta’ vetturi koperti minn dawn il-kuntratti relattivament żgħar timplika wkoll ċertu livell ta’ piż amministrattiv addizzjonali.

Nistiednu lill-Istati Membri biex iqisu l-merti u l-impatti rispettivi ta’ dawn l-għażliet differenti meta jiddeċiedu dwar din il-kwistjoni fil-kuntest tat-traspożizzjoni tad-Direttiva.

Mistoqsijiet relatati ma’ akkwist li beda qabel tmiem il-perjodu tat-traspożizzjoni

26.   Il-kuntratti ta’ servizzi li għaddejjin bħalissa li jiġu ffirmati qabel it-2 ta’ Awwissu 2021 huma milquta mid-Direttiva? Kif għandha tiġi ttrattata s-sostituzzjoni tal-vetturi fil-qafas ta’ dawn il-kuntratti?

Il-kuntratti qafas jew il-kuntratti għal servizz pubbliku għal servizzi ta’ trasport pubbliku li ġew konklużi qabel it-2 ta’ Awwissu 2021 ma jaqgħux fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. Barra minn hekk, kif spjegat fir-rigward tal-mistoqsija 13 hawn fuq, anki jekk kuntratt għal servizzi jaqa’ fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, l-għadd ta’ vetturi li għandhom jitqiesu għall-iskop tal-mira minima ta’ akkwist huwa l-għadd ta’ vetturi li se jintużaw biex jipprovdu s-servizz, u mhux l-għadd ta’ vetturi li jistgħu jiġu sostitwiti mill-fornitur tas-servizz matul il-kuntratt.

Madankollu, kif spjegat f’aktar dettall fir-rigward tal-mistoqsija 14 hawn fuq, il-fornitur tas-servizz jista’ jkun meħtieġ jirrapporta x-xiri ta’ vetturi, jekk huwa stess huwa Awtorità Kontraenti jew Entità Kontraenti soġġetta għar-rekwiżiti tad-Direttivi 2014/24/UE jew 2014/25/UE.

Eżempji prattiċi – mistoqsijiet 17, 18 u 26

Każ 1: qabel it-2 ta’ Awwissu 2021, Awtorità Kontraenti tat kuntratt lil entità biex tmexxi n-network tax-xarabanks tagħha, li mhijiex Awtorità Kontraenti jew Entità Kontraenti kif definiti fid-Direttivi 2014/24/UE u 2014/25/UE. Il-kuntratt ta’ servizz ma jaqax fi ħdan l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva u ma jingħaddx għall-iskop tal-miri minimi ta’ akkwist. L-ebda waħda mix-xarabanks involuti fil-kuntratt ma tgħodd għall-fini tal-mira; is-sostituzzjonijiet eventwali tax-xarabanks ma jingħaddux lanqas, u m’hemmx għalfejn jiġu mmonitorjati/reġistrati.

Każ 2: qabel it-2 ta’ Awwissu 2021, Awtorità Kontraenti tat kuntratt lil aġenzija tat-trasport pubbliku biex tmexxi n-network tax-xarabanks tagħha, li hija wkoll Awtorità Kontraenti jew Entità Kontraenti soġġetta għar-rekwiżiti tad-Direttivi 2014/24/UE u 2014/25/UE. Il-kuntratt ta’ servizz ma jaqax fi ħdan l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva u ma jingħaddx għall-iskop tal-miri minimi ta’ akkwist. Madankollu, l-akkwist ta’ xarabanks mill-aġenzija tat-trasport pubbliku jaqa’ fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. Għalhekk, jekk matul il-perjodu ta’ referenza l-aġenzija tissostitwixxi waħda jew aktar mix-xarabanks użati biex jipprovdu s-servizz, dan ix-xiri se jingħadd għall-finijiet tal-mira minima ta’ akkwist u għandu jiġi rrappurtat kif xieraq (jekk jogħġbok kun af li f’dan il-każ ix-xiri tax-xarabank jgħodd irrispettivament minn jekk jintużawx għall-kuntratt għal servizz).

Kwistjonijiet relatati mal-applikazzjoni tad-Direttiva għall-Ftehimiet Qafas u s-Sistemi Dinamiċi ta’ Xiri

27.   Kif inhuma applikati r-rekwiżiti tad-Direttiva għas-sejħiet għall-offerti taħt is-Sistema Dinamika ta’ Xiri jew fi ħdan il-Ftehimiet Qafas?

Id-Direttiva tapplika għal kuntratti individwali mogħtija fi ħdan Ftehim Qafas jew taħt Sistemi Dinamiċi ta’ Xiri. In-notifiki individwali ta’ għoti ta’ kuntratti għandhom jiġu kkunsidrati għall-finijiet tad-Direttiva, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(2). Dawn jistgħu jiġu rrappurtati kif ġej:

Għal Sistemi Dinamiċi ta’ Xiri, skont l-Artikolu 50(3) tad-Direttiva 2014/24/UE, “L-awtoritajiet kontraenti għandhom jibagħtu avviż tal-għotja ta’ kuntratti fi żmien 30 jum mill-għoti ta’ kull kuntratt ibbażat fuq sistema dinamika ta’ xiri. Madankollu, jistgħu jiġbru dawn l-avviżi fi gruppi fuq bażi trimestrali. F’dak il-każ, huma għandhom jibagħtu l-avviżi miġburin flimkien fi żmien 30 jum mit-tmiem ta’ kull trimestru.

Għal kuntratti individwali fi ħdan Ftehim Qafas, il-mod kif jistgħu jintużaw il-Formoli Elettroniċi huwa ċċarat fil-Manwal dwar l-Implimentazzjoni tal-Politika tal-Formoli Elettroniċi; jekk jogħġbok ara b’mod partikolari l-estratt li ġej mill-Manwal:

“Il-Formoli Elettroniċi jistgħu jintużaw għall-pubblikazzjoni ta’ avviżi ta’ għoti ta’ kuntratt għal kuntratti individwali fi ħdan ftehim qafas, kull tliet xhur (u referenza għall-avviż li jistabbilixxi l-ftehim qafas) li mhuwiex meħtieġ mid-Direttivi dwar l-Akkwist (*). L-obbligu jista’ jiġi segmentat ulterjorment skont it-tip ta’ ftehim qafas: eż. għall-ftehimiet qafas kollha, jew inkella biss għal ftehimiet qafas ma’ operaturi ekonomiċi multipli.

Il-pubblikazzjoni ta’ avviżi ta’ għoti ta’ kuntratti dwar kuntratti mogħtija fi ħdan ftehimiet qafas hija meħtieġa biex tiġi żgurata t-trasparenza dwar l-ammont reali ta’ flus tal-kontribwenti li jkunu qed jintnefqu u, fil-każ ta’ ftehimiet qafas ma’ operaturi ekonomiċi multipli, biex tiġi żgurata trasparenza addizzjonali dwar min fil-fatt ikun qed jirċievi l-flus. (Barra minn hekk, dan huwa meħtieġ għall-kejl preċiż tax-xiri ta’ vetturi skont id-Direttiva dwar il-Vetturi Nodfa).

28.   Id-Direttiva tapplika għal sejħiet għall-offerti skont Sistemi Dinamiċi ta’ Xiri jew Ftehim Qafas li ġew stabbiliti qabel, meta d-Direttiva tidħol fis-seħħ matul il-perjodu ta’ validità tas-sistema?

Le. Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva, huma biss il-kuntratti li s-sejħa tagħhom għall-kompetizzjoni ntbagħtet wara t-2 ta’ Awwissu 2021 li jaqgħu fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Sistema Dinamika ta’ Xiri jew Ftehim Qafas li s-sejħa għall-kompetizzjoni tagħhom tkun intbagħtet qabel dik id-data għalhekk ma jaqgħux fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, anki jekk kuntratti individwali bbażati fuq dik is-sistema dinamika ta’ xiri jistgħu jingħataw wara dik id-data. Jekk jogħġbok ara wkoll il-mistoqsija 7.

29.   Jekk jiġu stabbiliti Ftehim Qafas jew Sistema Dinamika ta’ Xiri matul l-ewwel perjodu ta’ referenza, iżda jingħataw kuntratti individwali matul it-tieni perjodu, għal liema perjodu għandhom jingħaddu l-vetturi korrispondenti?

F’konformità mal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva, id-data li għandha titqies hija d-data tal-għoti tal-kuntratt. Fil-każ ta’ Ftehimiet Qafas jew Sistemi Dinamiċi ta’ Xiri, din hija d-data tal-għoti tal-kuntratti individwali. Għalhekk, fil-każ ta’ kuntratti individwali mogħtija matul it-tieni perjodu ta’ referenza bħala parti minn Ftehim Qafas jew Sistema Dinamika ta’ Xiri li kienet stabbilita matul l-ewwel perjodu ta’ referenza, il-vetturi kkonċernati jingħaddu għat-tieni perjodu ta’ referenza.

Jekk jogħġbok ara wkoll il-mistoqsija 7.

Mistoqsijiet relatati ma’ akkwist li jinvolvi awtoritajiet kontraenti minn Stati Membri differenti

30.   Jekk jiġi organizzat akkwist konġunt li jinvolvi Awtoritajiet Kontraenti/Entitajiet Kontraenti minn Stati Membri differenti – pereżempju jekk Ragruppament Ewropew ta’ Kooperazzjoni Territorjali jorganizza akkwist konġunt ta’ xarabanks nodfa f’isem il-membri tiegħu fi Stati Membri differenti – kif għandu jiġi rrappurtat dan fil-bażi tad-data tat-TED, sabiex jiġi żgurat li l-vetturi jiġu allokati b’mod korrett lill-Istat Membru rilevanti għall-finijiet tal-miri minimi ta’ akkwist?

L-akkwist konġunt kif deskritt hawn fuq se jiġi rreġistrat bħala entrata waħda fil-bażi tad-data tat-TED; il-vetturi korrispondenti għalhekk jiġu awtomatikament allokati lill-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-Awtorità Kontraenti/l-Entità Kontraenti prinċipali. Sabiex jiġi żgurat li l-vetturi jiġu allokati b’mod korrett bejn l-Istati Membri involuti għall-finijiet tal-miri minimi ta’ akkwist, id-distribuzzjoni ta’ vetturi, vetturi nodfa u vetturi b’emissjonijiet żero madwar l-Istati Membri għandha tiġi kkodifikata fil-qasam II.2.14) “Informazzjoni addizzjonali”. Is-servizzi tal-Kummissjoni mbagħad jikkoreġu b’mod manwali l-għadd ta’ dawn il-vetturi fis-sistema, biex jirriflettu d-distribuzzjoni veru tagħhom bejn l-Istati Membri involuti.


(1)  ĠU L 120, 15.5.2009, p. 5.

(2)  Id-Direttiva (UE) 2019/1161 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li temenda d-Direttiva 2009/33/KE dwar il-promozzjoni ta’ vetturi ta’ trasport fuq it-triq nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija (ĠU L 188, 12.7.2019, p. 116).

(3)  ĠU L 151, 14.6.2018, p. 1.

(4)  ĠU L 315, 3.12.2007, p. 1

(5)  ĠU L 307, 28.10.2014, p. 1

(6)  ĠU L 263, 9.10.2007, p. 1. Skont l-Artikolu 88 tar-Regolament (UE) 2018/858, id-Direttiva 2007/46/KE hija mħassra b’effett mill-1 ta’ Settembru 2020.

(7)  https://ec.europa.eu/transparency/regexpert/index.cfm?do=groupDetail.groupDetailDoc&id=12920&no=1

(8)  “Jenħtieġ li jiġi nnutat li t-“trolley buses” huma meqjusa bħala xarabanks mingħajr emissjonijiet, dment li jaħdmu biss bl-elettriku jew li jużaw biss sistema ta’ motopropulsjoni mingħajr emissjonijiet meta ma jkunux konnessi mal-grilja, inkella xorta jgħoddu bħala vetturi nodfa.”

(9)  ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65.

(10)  ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243.

(11)  ĠU L 272, 25.10.2019, p. 7


Top