Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020XC1014(02)

    Notifika ta’ bidu ta’ proċediment anti-dumping li jirrigwarda l-importazzjonijiet ta’ monoetilenglikol li joriġina mill-Istati Uniti tal-Amerika u mir-Renju tal-Arabja Sawdija 2020/C 342/03

    C/2020/6915

    ĠU C 342, 14.10.2020, p. 12–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    14.10.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 342/12


    Notifika ta’ bidu ta’ proċediment anti-dumping li jirrigwarda l-importazzjonijiet ta’ monoetilenglikol li joriġina mill-Istati Uniti tal-Amerika u mir-Renju tal-Arabja Sawdija

    (2020/C 342/03)

    Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet ilment skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), li jallega li l-importazzjonijiet tal-monoetilenglikol li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika u mir-Renju tal-Arabja Sawdija huma l-oġġett ta’ dumping u b’hekk qed jikkawżaw dannu (2) lill-industrija tal-Unjoni.

    1.   L-ilment

    L-ilment kien ippreżentat fil-31 ta’ Awwissu 2020 mill-Kumitat ta’Difiża tal-Produtturi Ewropej tal-MEG (“l-ilmentatur”) f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-monoetilenglikol.

    Verżjoni pubblika tal-ilment u l-analiżi tal-livell ta’ sostenn għall-ilment mill-produtturi tal-Unjoni huma disponibbli fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati. It-Taqsima 5.6 ta’ din in-Notifika tipprovdi informazzjoni dwar l-aċċess għall-fajl għall-partijiet interessati.

    2.   Il-prodott investigat

    Il-prodott soġġett għal din l-investigazzjoni huwa l-monoetilenglikol (numru tal-KE attwali 203-473-3) (“il-prodott investigat”).

    Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw informazzjoni dwar l-ambitu tal-prodott iridu jagħmlu dan fi żmien 10 ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika (3).

    3.   L-allegazzjoni ta' dumping:

    Il-prodott li allegatament huwa oġġett ta’ dumping huwa l-prodott li qed jiġi investigat, li joriġina mill-Istati Uniti tal-Amerika u mir-Renju tal-Arabja Sawdija (il-pajjiżi kkonċernati”) bħalissa kklassifikat fil-kodiċi NM ex 2905 31 00 (il-kodiċi TARIC 2905310010). Il-kodiċijiet NM u TARIC qed jingħataw għall-informazzjoni biss.

    L-Istati Uniti tal-Amerika

    L-allegazzjoni ta’ dumping mill-Istati Uniti tal-Amerika hija bbażata fuq it-tqabbil tal-prezz domestiku mal-prezz tal-esportazzjoni (fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika) tal-prodott investigat meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

    Fuq din il-bażi, il-marġni ta’ dumping ikkalkulat huwa sinifikanti għall-Istati Uniti tal-Amerika.

    Ir-Renju tal-Arabja Sawdija

    L-allegazzjoni ta' dumping mir-Renju tal-Arabja Sawdija hi msejsa wkoll fuq tqabbil ta’ valur normali kostrutt (kostijiet ta’ manifattura, bejgħ, kostijiet ġenerali u amministrattivi — SG&A — u profitt) mal-prezzijiet tal-esportazzjoni (fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika) tal-prodott investigat meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

    Fuq din il-bażi, il-marġnijiet ta’ dumping ikkalkulati huma sinifikanti għar-Renju tal-Arabja Sawdija.

    4.   Allegazzjoni ta' dannu u kawżalità

    L-ilmentatur ipprovda evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott investigat mill-pajjiżi kkonċernati żdiedu kumplessivament f’termini assoluti u f’termini ta’ sehem mis-suq.

    L-evidenza ppreżentata mill-ilmentatur turi li l-volum u l-prezzijiet tal-prodott impurtat li qed jiġi investigat kellhom, fost konsegwenzi oħrajn, impatt negattiv fuq il-kwantitajiet mibjugħa u fuq il-livell tal-prezzijiet mitluba kif ukoll fuq is-sehem mis-suq li għandha l-industrija tal-Unjoni, li kellhom effetti negattivi fuq il-prestazzjoni kumplessiva u fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni.

    5.   Proċedura

    Ladarba tkun iddeterminat, wara li tkun infurmat lill-Istati Membri, li l-ilment ġie ppreżentat mill-industrija tal-Unjoni jew f’isimha, u li hemm biżżejjed evidenza biex jiġi ġġustifikat il-bidu ta’ proċediment, il-Kummissjoni tibda investigazzjoni skont l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku.

    L-investigazzjoni tistabbilixxi jekk il-prodott li qed jiġi investigat, li joriġina fil-pajjiżi kkonċernati, huwiex oġġett ta’ dumping, u jekk l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping kinux ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni.

    Jekk il-konklużjonijiet ikunu fl-affermattiv, l-investigazzjoni teżamina jekk l-impożizzjoni ta’ miżuri tkunx tmur kontra l-interess tal-Unjoni skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku.

    Ir-Regolament (UE) 2018/825 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), li daħal fis-seħħ fit-8 ta’ Ġunju 2018, (il-pakkett tal-Modernizzazzjoni tat-TDI) daħħal tibdiliet sinifikanti fl-iskeda ta’ żmien u fl-iskadenzi li kienu applikabbli qabel fil-proċedimenti anti-dumping. Il-limiti ta’ żmien biex il-partijiet interessati jippreżentaw ruħhom, b’mod partikolari fl-istadju bikri tal-investigazzjonijiet, huma mqassra.

    Il-Kummissjoni tiġbed ukoll l-attenzjoni tal-partijiet li wara t-tifqigħa tal-COVID-19, ġiet ippubblikata Notifika (5) dwar il-konsegwenzi potenzjali tat-tifqigħa tal-COVID-19 fuq l-investigazzjonijiet anti-dumping u antisussidji.

    5.1.    Il-perjodu tal-investigazzjoni u l-perjodu kkunsidrat

    L-investigazzjoni tad-dumping u d-dannu tkopri l-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2019 sat-30 ta’ Ġunju 2020 (“il-perjodu tal-investigazzjoni”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tad-dannu jkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2017 sa tmiem il-perjodu tal-investigazzjoni (“il-perjodu kkunsidrat”).

    5.2.    Kummenti dwar l-ilment u l-bidu tal-investigazzjoni

    Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jikkummentaw dwar l-ilment (inklużi kwistjonijiet li jirrigwardaw id-dannu u l-kawżalità) jew dwar xi aspett li jirrigwarda l-bidu tal-investigazzjoni (inkluż il-livell ta’ sostenn għall-ilment) iridu jagħmlu dan fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

    Kull talba għal seduta ta’ smigħ fir-rigward tal-bidu tal-investigazzjoni trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

    5.3.    Proċedura ta’ kif jiġi stabbilit id-dumping

    Il-produtturi esportaturi (6) tal-prodott investigat huma mistiedna jipparteċipaw fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

    5.3.1.   L-investigazzjoni tal-produtturi esportaturi

    5.3.1.1.   Il-proċedura sabiex jintgħażlu l-produtturi esportaturi li jridu jiġu investigati fl-Istati Uniti tal-Amerika u fir-Renju tal-Arabja Sawdija

    (a)   Il-kampjunar

    Minħabba l-għadd kbir potenzjali ta’ produtturi esportaturi fil-pajjiżi kkonċernati li huma involuti f’dan il-proċediment u sabiex l-investigazzjoni titlesta fil-limiti ta’ żmien statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-għadd ta’ produtturi esportaturi li jridu jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar se jsir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

    Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ il-kampjunar, u jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, il-produtturi esportaturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, huma b’dan mitluba jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni dwar il-kumpanija/i tagħhom fi żmien sebat (7) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

    Din l-informazzjoni trid tingħata permezz ta’ TRON.tdi fl-indirizz li ġej:

    https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/tdi/form/1c069b94-6437-c707-53fe-060752b51199.

    L-informazzjoni dwar l-aċċess għal TRON tinstab fit-Taqsimiet 5.6 u 5.8.

    Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha meħtieġa biex tagħżel il-kampjun ta’ produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tikkuntattja wkoll lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti tal-Amerika u tar-Renju tal-Arabja Sawdija u tista’ tikkuntattja lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi esportaturi.

    Jekk ikun hemm bżonn ta’ kampjun, il-produtturi esportaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ esportazzjonijiet lejn l-Unjoni li jista’ jiġi raġonevolment investigat fiż-żmien disponibbli. Il-produtturi esportaturi kollha magħrufa, l-awtoritajiet tal-Istati Uniti tal-Amerika u tar-Renju tal-Arabja Sawdija u l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi esportaturi se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni, permezz tal-awtoritajiet tal-Istati Uniti tal-Amerika u tar-Renju tal-Arabja Sawdija, jekk ikun xieraq, dwar liema huma l-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

    Ladarba l-Kummissjoni tkun irċeviet l-informazzjoni meħtieġa biex tagħżel kampjun ta’ produtturi esportaturi, tinforma lill-partijiet ikkonċernati bid-deċiżjoni tagħha dwar jekk humiex inklużi fil-kampjun. Il-produtturi esportaturi fil-kampjun ikollhom jippreżentaw kwestjonarju komplut fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-inklużjoni tagħhom fil-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    Il-Kummissjoni żżid nota li tirrifletti l-għażla tal-kampjun fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati. Kull kumment dwar l-għażla tal-kampjun irid jasal fi żmien tlett (3) ijiem mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni dwar il-kampjun.

    Kopja tal-kwestjonarju għall-produtturi esportaturi hija disponibbli fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ (https://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2485).

    Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni possibbli tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, il-produtturi esportaturi li jkunu qablu li jiġu inklużi fil-kampjun iżda li ma jintgħażlux biex ikunu parti minnu se jitqiesu li jkunu kkooperaw (“il-produtturi esportaturi li kkooperaw iżda li mhumiex parti mill-kampjun”). Mingħajr preġudizzju għat-Taqsima 5.3.1.1(b) aktar ’l isfel, id-dazju anti-dumping li jista’ jiġi applikat fuq l-importazzjonijiet tal-produtturi esportaturi li kkooperaw iżda li ma kinux inklużi fil-kampjun, ma jkunx jaqbeż il-marġni medju peżat ta’ dumping stabbilit għall-produtturi esportaturi fil-kampjun (7).

    (b)   Marġni ta’ dumping individwali għall-produtturi esportaturi mhux inkluż fil-kampjun

    Skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku, il-produtturi esportaturi li kkooperaw iżda li mhumiex parti mill-kampjun jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi l-marġnijiet ta’ dumping individwali tagħhom. Il-produtturi esportaturi li jixtiequ jagħmlu talba għal marġni ta’ dumping individwali jridu jimlew il-kwestjonarju u jirritornawh debitament komplut fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Kopja tal-kwestjonarju għall-produtturi esportaturi hija disponibbli fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ (https://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2485).

    Il-Kummissjoni se teżamina jekk il-produtturi esportaturi li kkooperaw u mhux inklużi fil-kampjun jistgħux jingħataw dazju individwali f’konformità mal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku.

    Madankollu, il-produtturi esportaturi li kkooperaw iżda mhux inklużi fil-kampjun li jitolbu marġni ta’ dumping individwali, jenħtieġ li jkunu konxji li l-Kummissjoni xorta waħda tista’ tiddeċiedi li ma tistabbilixxix il-marġni ta’ dumping individwali tagħhom jekk, pereżempju, l-għadd ta’ produtturi esportaturi li kkooperaw iżda mhux inklużi fil-kampjun tant ikun kbir li tali stabbiliment ikun wisq diffiċli li jsir u minħabba fih l-investigazzjoni ma tkunx tista’ titlesta fil-ħin.

    5.3.2.   L-investigazzjoni ta’ importaturi mhux relatati (8) (9)

    Importaturi mhux relatati tal-prodott investigat mill-Istati Uniti tal-Amerika u mir-Renju tal-Arabja Sawdija lejn l-Unjoni huma mistiedna jieħdu sehem f’din l-investigazzjoni.

    Minħabba l-għadd kbir potenzjali ta’ importaturi li mhumiex relatati involuti f’dan il-proċediment, u sabiex l-investigazzjoni titlesta sal-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-għadd ta’ importaturi li mhumiex relatati u li jridu jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar se jsir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

    B’hekk, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ kampjunar, u jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, l-importaturi kollha li mhumiex relatati, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, huma mitluba jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni dwar il-kumpanija/i tagħhom, mitluba fl-Anness ta’ din in-Notifika fi żmien sebat (7) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

    Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista’ tikkuntattja wkoll lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi.

    Jekk ikun hemm bżonn ta’ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ tal-prodott investigat fl-Unjoni li jista’ jiġi raġonevolment investigat fiż-żmien disponibbli.

    Ladarba l-Kummissjoni tkun irċeviet l-informazzjoni meħtieġa biex tagħżel kampjun, hija tinforma lill-partijiet ikkonċernati bid-deċiżjoni tagħha dwar il-kampjun tal-importaturi. Il-Kummissjoni żżid ukoll nota li tirrifletti l-għażla tal-kampjun fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati. Kull kumment dwar l-għażla tal-kampjun irid jasal fi żmien tlett (3) ijiem mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni dwar il-kampjun.

    Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tqiegħed kwestjonarji għad-dispożizzjoni tal-importaturi mhux relatati li jkunu parti mill-kampjun. Dawn il-partijiet iridu jippreżentaw kwestjonarju komplut fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni dwar il-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    Kopja tal-kwestjonarju għall-importaturi hija disponibbli fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ (https://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2485).

    5.4.    Proċedura biex jiġi ddeterminat id-dannu u biex jiġu investigati l-produtturi tal-Unjoni

    Id-determinar tad-dannu jissejjes fuq evidenza pożittiva u jinvolvi eżami oġġettiv tal-volum tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, tal-effett tagħhom fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni u tal-impatt konsegwenti ta’ dawn l-importazzjonijiet fuq l-industrija tal-Unjoni. Sabiex jiġi stabbilit jekk l-industrija tal-Unjoni ġarrbitx xi dannu, il-produtturi tal-Unjoni tal-prodott investigat huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

    Fil-dawl tal-għadd kbir ta’ produtturi tal-Unjoni kkonċernati, u sabiex tlesti l-investigazzjoni sal-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita l-produtturi tal-Unjoni li se jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar isir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

    Il-Kummissjoni għażlet kampjun proviżorju ta’ produtturi tal-Unjoni. Id-dettalji jinsabu fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati. Il-partijiet interessati huma b’dan mistiedna jikkummentaw dwar il-kampjun proviżorju. Barra minn hekk, produtturi oħra tal-Unjoni, jew rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, li jqisu li hemm raġunijiet għalfejn jenħtieġ li jiġu inklużi fil-kampjun, iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien sebat (7) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Il-kummenti kollha dwar il-kampjun proviżorju jridu jaslu fi żmien sebat (7) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    Il-Kummissjoni se tgħarraf lill-produtturi magħrufa kollha tal-Unjoni u/jew lill-assoċjazzjonijiet magħrufa kollha tal-produtturi tal-Unjoni dwar il-kumpaniji finalment magħżula biex ikunu parti mill-kampjun.

    Il-produtturi tal-Unjoni li jkunu parti mill-kampjun se jkollhom jippreżentaw kwestjonarju komplut fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-inklużjoni tagħhom fil-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    Kopja tal-kwestjonarju għall-produtturi tal-Unjoni hija disponibbli fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ (https://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2485).

    5.5.    Proċedura għall-valutazzjoni tal-interessi tal-Unjoni

    Jekk jiġi stabbilit li jeżisti dumping u dannu kkawżat minnu, tittieħed deċiżjoni, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, dwar jekk l-adozzjoni ta’ miżuri anti-dumping tmurx kontra l-interessi tal-Unjoni. Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, it-trade unions u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur rappreżentattivi huma mistiedna jgħaddu lill-Kummissjoni informazzjoni dwar l-interessi tal-Unjoni. Sabiex jieħdu sehem fl-investigazzjoni, l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur rappreżentattivi jridu juru li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott investigat.

    L-informazzjoni dwar il-valutazzjoni tal-interessi tal-Unjoni trid tingħata fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, jekk ma jkunx speċifikat mod ieħor. Din l-informazzjoni tista’ tingħata jew fil-format ta’ test liberu jew inkella billi jimtela kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni. Kopja tal-kwestjonarji, inkluż il-kwestjonarju għall-utenti tal-prodott investigat, hija disponibbli fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ (https://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2485). L-informazzjoni ppreżentata skont l-Artikolu 21 titqies biss jekk tkun appoġġata minn evidenza fattwali meta tiġi ppreżentata.

    5.6.    Il-partijiet interessati

    Sabiex jieħdu sehem fl-investigazzjoni, il-partijiet interessati, bħall-produtturi esportaturi, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, it-trade unions u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur rappreżentattivi, l-ewwel iridu juru li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott investigat.

    Il-produtturi esportaturi, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi li ppreżentaw informazzjoni disponibbli b’konformità mal-proċeduri deskritti fit-Taqsimiet 5.3.1, 5.3.2 u 5.4 hawn fuq jiġu kkunsidrati bħala partijiet interessati jekk ikun hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott investigat.

    Partijiet oħra jkunu jistgħu jipparteċipaw fl-investigazzjoni biss bħala parti interessata mill-mument meta jagħmlu lilhom infushom magħrufa, u diment li jkun hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott investigat. Il-fatt li wieħed jiġi kkunsidrat bħala parti interessata huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

    L-aċċess għall-fajl disponibbli għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati jsir permezz ta’ TRON.tdi f’dan l-indirizz: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI. Segwi l-istruzzjonijiet f’din il-paġna sabiex ikollok aċċess (10).

    5.7.    Il-possibbiltà ta’ seduta ta’ smigħ mas-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni

    Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu seduta ta’ smigħ mas-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni.

    Kull talba għal seduta ta’ smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba kif ukoll sommarju ta’ dak li l-parti interessata tixtieq tiddiskuti matul is-seduta ta’ smigħ. Is-seduta ta’ smigħ tkun limitata għall-kwistjonijiet stabbiliti minn qabel bil-miktub mill-partijiet interessati.

    L-iskeda ta’ żmien għas-seduti ta’ smigħ hija kif ġej:

    i.

    Sabiex seduta ta’ smigħ issir qabel l-iskadenza biex jiġu imposti l-miżuri proviżorji, jenħtieġ li t-talba ssir fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika u s-seduta ta’ smigħ normalment isseħħ fi żmien 60 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

    ii.

    Wara l-istadju tal-konstatazzjonijiet proviżorji, jenħtieġ li ssir talba fi żmien ħamest (5) ijiem mid-data tad-divulgazzjoni tal-konstatazzjonijiet proviżorji jew tad-dokument ta’ informazzjoni, u s-seduta ta’ smigħ normalment issir fi żmien 15-il jum mid-data tan-notifika tad-divulgazzjoni jew mid-data tad-dokument ta’ informazzjoni.

    iii.

    Fl-istadju tal-konstatazzjonijiet definittivi, jenħtieġ li ssir talba fi żmien tlett (3) ijiem mid-data tad-divulgazzjoni finali, u s-seduta ta’ smigħ normalment issir fil-perjodu mogħti biex isiru l-kummenti dwar id-divulgazzjoni finali. Jekk ikun hemm divulgazzjoni finali addizzjonali, jenħtieġ li ssir talba minnufih malli tasal din id-divulgazzjoni finali addizzjonali, u s-seduta ta’ smigħ normalment issir qabel l-iskadenza stabbilita biex isiru l-kummenti dwar din id-divulgazzjoni.

    L-iskeda ta’ żmien deskritta hija mingħajr preġudizzju għad-dritt tas-servizzi tal-Kummissjoni li jaċċettaw seduti ta’ smigħ lil hinn mill-iskeda ta’ żmien f’każijiet debitament ġustifikati u għad-dritt tal-Kummissjoni li tiċħad seduti ta’ smigħ f’każijiet debitament ġustifikati. Meta s-servizzi tal-Kummissjoni jirrifjutaw talba għal seduta ta’ smigħ, il-parti kkonċernata tiġi infurmata bir-raġunijiet għal tali rifjut.

    Fil-prinċipju, is-seduti ta’ smigħ ma jintużawx biex tiġi ppreżentata informazzjoni fattwali li tkun għadha mhijiex fil-fajl. Madankollu, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba u sabiex is-servizzi tal-Kummissjoni jkunu jistgħu jimxu ’l quddiem bl-investigazzjoni, wara seduta ta’ smigħ il-partijiet interessati jistgħu jintalbu jipprovdu informazzjoni fattwali ġdida.

    5.8.    Struzzjonijiet biex isiru preżentazzjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji kompluti u l-korrispondenza

    L-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni għall-fini tal-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Il-partijiet interessati, qabel ma jippreżentaw lill-Kummissjoni informazzjoni u/jew data li tkun soġġetta għad-drittijiet tal-awtur ta’ parti terza, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet tal-awtur biex jippermetti b’mod espliċitu li l-Kummissjoni a) tuża l-informazzjoni u d-data għall-fini ta’ dan il-proċediment tad-difiża tal-kummerċ u b) tipprovdi l-informazzjoni u/jew id-data lill-partijiet interessati f’din l-investigazzjoni f’għamla li tippermettilhom jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

    Il-preżentazzjonijiet kollha bil-miktub, inkluża l-informazzjoni mitluba f’din in-Notifika, il-kwestjonarji kompluti u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għalihom jintalab trattament kunfidenzjali għandhom jiġu mmarkati bħala “Sensitive” (11). Il-partijiet li jippreżentaw informazzjoni matul din l-investigazzjoni huma mistiedna jagħtu raġuni għat-talba tagħhom għal trattament kunfidenzjali.

    Il-partijiet li jipprovdu informazzjoni mmarkata “Sensitive” huma obbligati jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, li jiġu mmarkati “For inspection by interested parties” (Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati). Jenħtieġ li dawn is-sommarji jkunu dettaljati biżżejjed biex jippermettu li s-sustanza tal-informazzjoni mressqa b’mod kunfidenzjali tkun raġonevolment tinftiehem.

    Jekk parti li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali tonqos milli tiġġustifika biżżejjed it-talba għal trattament kunfidenzjali jew ma tipprovdix sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u l-kwalità mitluba, il-Kummissjoni tista’ tinjora tali informazzjoni sakemm ma jkunx jista’ jintwera b’mod sodisfaċenti minn sorsi xierqa li l-informazzjoni hija korretta.

    Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu l-preżentazzjonijiet u t-talbiet kollha permezz ta’ TRON.tdi (https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI) inklużi dokumenti skenjati ta’ prokuri u ta’ ċertifikazzjoni. Meta jużaw TRON.tdi jew il-posta elettronika, il-partijiet interessati jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għall-preżentazzjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “CORRESPONDENCE WITH THE EUROPEAN COMMISSION IN TRADE DEFENCE CASES” (IL-KORRISPONDENZA MAL-KUMMISSJONI EWROPEA F’KAŻIJIET TA’ DIFIŻA TAL-KUMMERĊ) ippubblikat fuq is-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: https://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2014/june/tradoc_152577.pdf. Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefown u indirizz validu tal-posta elettronika u jenħtieġ li jiżguraw li l-indirizz tal-posta elettronika li jipprovdu jkun wieħed uffiċjali tax-xogħol li jiffunzjona u li jiġi ċċekkjat kuljum. Ladarba jiġu pprovduti d-dettalji ta’ kuntatt, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz ta’ TRON.tdi jew tal-posta elettronika biss, dment li ma jitolbux li jirċievu d-dokumenti kollha mingħand il-Kummissjoni b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew sakemm in-natura tad-dokument li jrid jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu tal-posta rreġistrata. Għal regoli u informazzjoni ulterjuri dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, inklużi l-prinċipji li japplikaw għall-preżentazzjonijiet permezz ta’ TRON.tdi u bil-posta elettronika, il-partijiet interessati jenħtieġ jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.

    L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

    European Commission

    Directorate-General for Trade

    Directorate H

    Office: CHAR 04/039

    1049 Bruxelles/Brussel

    BELGIQUE/BELGIË

    Email:

    Għal kwistjonijiet relatati mad-dumping:

    TRADE-AD671-MEG-DUMPING@ec.europa.eu

    Għal kwistjonijiet relatati mad-dannu u mal-interessi tal-Unjoni:

    TRADE-AD671-MEG-INJURY@ec.europa.eu

    6.   L-iskeda tal-investigazzjoni

    Skont l-Artikolu 6(9) tar-Regolament bażiku, normalment l-investigazzjoni tiġi konkluża fi żmien 13-il xahar, iżda mhux aktar tard minn 14-il xahar, mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament bażiku, normalment il-miżuri proviżorji jistgħu jiġu imposti sa mhux aktar tard minn seba’ (7) xhur mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, iżda fi kwalunkwe każ sa mhux aktar tard minn tmien (8) xhur mill-pubblikazzjoni tagħha.

    Skont l-Artikolu 19a tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni dwar l-impożizzjoni ppjanata ta’ dazji proviżorji erba’ (4) ġimgħat qabel l-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji. Il-partijiet interessati jingħataw tlett (3) ijiem ta’ xogħol biex jikkummentaw bil-miktub dwar il-preċiżjoni tal-kalkoli.

    F’każijiet fejn il-Kummissjoni jkollha l-ħsieb li ma timponix dazji proviżorji iżda li tkompli l-investigazzjoni, il-partijiet interessati jiġu infurmati, permezz ta’ dokument ta’ informazzjoni, li mhux se jiġu imposti dazji erba’ (4) ġimgħat qabel ma tiskorri l-iskadenza skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament bażiku.

    Il-partijiet interessati jingħataw 15-il jum biex jikkummentaw bil-miktub dwar il-konstatazzjonijiet proviżorji jew dwar id-dokument ta’ informazzjoni, u 10 ijiem biex jikkummentaw bil-miktub dwar il-konstatazzjonijiet definittivi, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Fejn ikun applikabbli, id-divulgazzjonijiet finali addizzjonali jkunu jispeċifikaw l-iskadenza sabiex il-partijiet interessati jikkummentaw bil-miktub.

    7.   Preżentazzjoni tal-informazzjoni

    Bħala regola, il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw l-informazzjoni biss fl-iskedi ta’ żmien speċifikati fit-Taqsimiet 5 u 6 ta’ din in-Notifika. Il-preżentazzjoni ta’ kull informazzjoni oħra mhux koperta minn dawn it-taqsimiet, jenħtieġ li tkun tirrispetta l-iskeda li ġejja:

    i.

    Kull informazzjoni għall-istadju tal-konstatazzjonijiet proviżorji jenħtieġ li tiġi ppreżentata fi żmien 70 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    ii.

    Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, jenħtieġ li l-partijiet interessati ma jippreżentawx informazzjoni fattwali ġdida wara l-iskadenza għall-kummenti dwar id-divulgazzjoni tal-konstatazzjonijiet proviżorji jew dwar id-dokument ta’ informazzjoni fl-istadju tal-konstatazzjonijiet proviżorji. Wara din l-iskadenza, il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw biss informazzjoni fattwali ġdida jekk ikunu jistgħu juru li tali informazzjoni fattwali ġdida hija meħtieġa biex jikkonfutaw allegazzjonijiet fattwali li jkunu saru minn partijiet interessati oħrajn u dment li tali informazzjoni fattwali ġdida tkun tista’ tiġi vverifikata fiż-żmien disponibbli biex l-investigazzjoni titlesta fil-ħin.

    iii.

    Sabiex l-investigazzjoni titlesta fl-iskadenzi obbligatorji, il-Kummissjoni ma taċċettax aktar preżentazzjonijiet mingħand il-partijiet interessati wara l-iskadenza għal kummenti dwar id-divulgazzjoni finali jew, jekk ikun applikabbli, wara l-iskadenza għal kummenti dwar id-divulgazzjoni finali addizzjonali.

    8.   Il-possibbiltà li jsiru kummenti dwar il-preżentazzjonijiet ta’ partijiet oħra

    Sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet tad-difiża, jenħtieġ li l-partijiet interessati jkollhom il-possibbiltà li jikkummentaw dwar l-informazzjoni ppreżentata minn partijiet interessati oħra. Meta jagħmlu dan, il-partijiet interessati jistgħu biss jindirizzaw kwistjonijiet imqajma fil-preżentazzjonijiet ta’ partijiet interessati oħra u ma jistgħux iqajmu kwistjonijiet ġodda.

    Tali kummenti jenħtieġ li jsiru skont l-iskeda ta’ żmien li ġejja:

    i.

    Jenħtieġ li kull kumment dwar l-informazzjoni ppreżentata minn partijiet interessati oħra qabel l-iskadenza tal-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji, isir mhux aktar tard mill-75 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    ii.

    Jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduta minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għad-divulgazzjoni tal-konstatazzjonijiet proviżorji jew tad-dokument ta’ informazzjoni, jiġu ppreżentati fi żmien sebat (7) ijiem mill-iskadenza għal kummenti dwar il-konstatazzjonijiet proviżorji jew dwar id-dokument ta’ informazzjoni, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    iii.

    Jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduta minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għad-divulgazzjoni finali, jiġu ppreżentati fi żmien tlett (3) ijiem mill-iskadenza għal kummenti dwar id-divulgazzjoni finali, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Jekk ikun hemm divulgazzjoni finali addizzjonali, jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduta minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għal din id-divulgazzjoni jsiru fi żmien jum wieħed (1) mill-iskadenza għal kummenti dwar din id-divulgazzjoni, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    L-iskeda ta’ żmien deskritta hija mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Kummissjoni li titlob informazzjoni addizzjonali mingħand il-partijiet interessati f’każijiet debitament ġustifikati.

    9.   Estensjoni tal-limiti ta’ żmien speċifikati f’din in-Notifika

    Jenħtieġ li kull estensjoni għal-limiti ta’ żmien previsti f’din in-Notifika tintalab biss f’ċirkostanzi ta’ eċċezzjoni u tingħata biss jekk tkun debitament ġustifikata.

    Fi kwalunkwe każ, kull estensjoni għall-iskadenza biex wieħed iwieġeb il-kwestjonarji se tkun limitata għal tlett (3) ijiem u bħala regola ma taqbiżx is-sebat (7) ijiem.

    Rigward il-limiti ta’ żmien għall-preżentazzjoni ta’ informazzjoni oħra speċifikata fin-Notifika ta’ Bidu, l-estensjonijiet se jkunu limitati għal tlett (3) ijiem sakemm ma jkunx hemm evidenza ta’ ċirkustanzi ta’ eċċezzjoni.

    10.   Nonkooperazzjoni

    F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix it-tagħrif meħtieġ fil-limitu tal-iskadenzi, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, il-konstatazzjonijiet proviżorji jew finali, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru abbażi tal-fatti disponibbli, f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

    Fejn jinstab li xi parti interessata tkun ipprovdiet informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ tiġi injorata u jsir użu mill-fatti disponibbli.

    Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss u għaldaqstant il-konstatazzjonijiet ikunu bbażati fuq fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun anqas favorevoli għal din il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

    In-nuqqas li tingħata tweġiba elettronika ma għandux jitqies bħala nuqqas ta' koperazzjoni, sakemm il-parti interessata turi li l-preżentazzjoni tat-tweġiba kif mitluba tirriżulta f'piż żejjed mhux raġonevoli jew fi spejjeż żejda mhux raġonevoli. Jenħtieġ li l-parti interessata tikkuntattja lill-Kummissjoni minnufih.

    11.   L-Uffiċjal tas-Seduta

    Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta għal proċedimenti kummerċjali. L-Uffiċjal tas-Seduta janalizza t-talbiet għall-aċċess għall-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-limiti ta’ żmien u kull talba oħra dwar id-drittijiet tad-difiża ta’ partijiet interessati u partijiet terzi kif jistgħu jirriżultaw matul il-proċediment.

    L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduti ta’ smigħ u jagħmilha ta’ medjatur bejn il-parti(jiet) interessata/i u s-servizzi tal-Kummissjoni sabiex jiggarantixxi t-tħaddim sħiħ tad-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati. Jenħtieġ li t-talba għal seduta ta' smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta ssir bil-miktub u jenħtieġ li tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina r-raġunijiet għat-talbiet. Jenħtieġ li dawn is-seduti ta’ smigħ isiru biss jekk il-kwistjonijiet ma jkunux ġew solvuti mas-servizzi tal-Kummissjoni fi żmien debitu.

    Kull talba trid tiġi ppreżentata fi żmien raġonevoli u bla dewmien sabiex ma xxekkilx l-andament tajjeb tal-proċedimenti. Għal dan il-għan, jenħtieġ li l-partijiet interessati jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta minn kmieni kemm jista’ jkun wara li jseħħ il-każ li jiġġustifika tali intervent. Fil-prinċipju, l-iskedi ta’ żmien stabbiliti fit-Taqsima 5.7 sabiex jintalbu seduti ta’ smigħ mas-servizzi tal-Kummissjoni japplikaw mutatis mutandis għal talbiet għal seduti ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta. Meta t-talbiet għal seduti ta’ smigħ jiġu ppreżentati lil hinn mill-iskedi ta’ żmien rilevanti, l-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina wkoll ir-raġunijiet għalfejn tali talbiet ikunu saru daqshekk tard, in-natura tal-kwistjonijiet imqajma u l-impatt ta’ dawn il-kwistjonijiet fuq id-drittijiet tad-difiża, filwaqt li debitament iqis l-interessi ta’ amministrazzjoni tajba u t-tlestija f’waqtha tal-investigazzjoni.

    Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fis-sit web tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/trade-policy-and-you/contacts/hearing-officer/

    12.   Ipproċessar ta’ data personali

    Kull data personali li tinġabar f’din l-investigazzjoni se tiġi trattata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12).

    Avviż dwar il-protezzjoni tad-data li jinforma lill-individwi kollha dwar l-ipproċessar tad-data personali fil-qafas tal-attivitajiet tad-difiża tal-kummerċ tal-Kummissjoni huwa disponibbli fis-sit web tad-DĠ KUMMERĊ: http://ec.europa.eu/trade/policy/accessing-markets/trade-defence/


    (1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

    (2)  It-terminu ġenerali “dannu” jirreferi għal dannu materjali kif ukoll għal theddida ta’ dannu materjali jew dewmien materjali fl-istabbiliment ta’ tali industrija kif stipulat fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament bażiku.

    (3)  Ir-referenzi għall-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika jirreferu għall-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    (4)  Ir-Regolament (UE) 2018/825 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1036 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea u r-Regolament (UE) 2016/1037 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 143, 7.6.2018, p. 1).

    (5)  Dwar il-konsegwenzi tat-tifqigħa tal-COVID-19 fuq l-investigazzjonijiet anti-dumping u antisussidji (ĠU C 86, 16.3.2020, p. 6).

    (6)  Produttur esportatur huwa kull kumpanija fil-pajjiż ikkonċernat li tipproduċi u tesporta l-prodott investigat lejn is-suq tal-Unjoni, kemm direttament kif ukoll permezz ta’ parti terza, inkluża kull kumpanija relatata magħha involuta fil-produzzjoni, fil-bejgħ domestiku jew fl-esportazzjonijiet tal-prodott investigat.

    (7)  Skont l-Artikolu 9(6) tar-Regolament bażiku, kull marġni żero u de minimis, u l-marġnijiet stabbiliti f’konformità maċ-ċirkostanzi deskritti fl-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku mhumiex se jitqiesu.

    (8)  Din it-taqsima tkopri biss l-importaturi li mhumiex relatati mal-produtturi esportaturi. L-importaturi li mhumiex relatati mal-produtturi esportaturi jridu jimlew l-Anness I tal-kwestjonarju għal dawn il-produtturi esportaturi. F'konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, żewġ persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu msieħba rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) ikunu min iħaddem u l-impjegat; (d) parti terza tippossjedi jew tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew aktar tal-azzjoni bid-dritt tal-vot jew l-ishma pendenti tat-tnejn li huma; (e) waħda minnhom tikkontrolla direttament jew indirettament lill-persuna l-oħra; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn persuna terza; (g) flimkien jikkontrollaw persuna terza direttament jew indirettament; jew (h) ikunu membri tal-istess familja (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558). Il-persuni għandhom jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja jekk ikollhom xi waħda mir-relazzjonijiet segwenti ma’ xulxin biss: (i) konjuġi, (ii) ġenitur u wild, (iii) aħwa (sew jekk mill-istess ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nannu jew nanna u neputi jew neputija, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenitur tar-rispett u wild tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. F’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, “persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika u kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ persuni li mhijiex persuna ġuridika iżda li hija rikonoxxuta taħt il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali bħala li jkollha l-kapaċità biex tagħmel atti legali (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).

    (9)  Id-data li jipprovdu l-importaturi mhux relatati tista’ tintuża wkoll b’rabta ma’ aspetti oħra ta’ din l-investigazzjoni, apparti milli biex jiġi stabbilit id-dumping.

    (10)  F’każ ta’ problemi tekniċi kkuntattja lis-servizz ta’ assistenza tad-DĠ Kummerċ (Trade Service Desk) permezz tal-posta elettronika trade-service-desk@ec.europa.eu jew ċempel + 32 22979797.

    (11)  Dokument “Sensitive” huwa dokument li jitqies li hu kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim dwar l-Anti-Dumping). Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

    (12)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


    ANNESS

    Verżjoni “Sensittiva”

    Verżjoni “Biex jikkonsultawha l-partijiet interessati”

    (immarka l-kaxxa rilevanti)

    PROĊEDIMENT ANTI-DUMPING LI JIRRIGWARDA L-IMPORTAZZJONIJIET TA’ MONOETILENGLIKOL LI JORIĠINA MILL-ISTATI UNITI TAL-AMERIKA U MIR-RENJU TAL-ARABJA SAWDIJA

    INFORMAZZJONI GĦALL-GĦAŻLA TAL-KAMPJUN TA’ IMPORTATURI MHUX RELATATI

    Din il-formola hija mfassla biex tgħin lill-importaturi mhux relatati jwieġbu għat-talba għal informazzjoni rigward il-kampjunar li saret fil-punt 5.3.2 tan-Notifika ta’ bidu.

    Kemm il-verżjoni Sensitive kif ukoll il-verżjoni For inspection by interested parties iridu jintbagħtu lura lill-Kummissjoni kif stabbilit fin-Notifika ta’ bidu.

    1.   IDENTITÀ U DETTALJI TA’ KUNTATT

    Agħti d-dettalji li ġejjin dwar il-kumpanija tiegħek:

    Isem il-kumpanija

     

    Indirizz

     

    Persuna ta' kuntatt

     

    Posta elettronika

     

    Telefown

     

    2.   FATTURAT U VOLUM TAL-BEJGĦ

    Indika l-fatturat totali tal-kumpanija tiegħek f’euro (EUR), u l-fatturat u l-piż tal-importazzjonijiet lejn l-Unjoni u l-bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni wara l-importazzjoni mill-Istati Uniti tal-Amerika u mir-Renju tal-Arabja Sawdija, matul il-perjodu ta’ investigazzjoni (mill-1 ta’ Lulju 2019 sat-30 ta’ Ġunju 2020) rigward il-monoetilenglikol kif definit fin-Notifika ta’ bidu.

     

    Tunnellati

    Valur f’euro (EUR)

    Fatturat totali tal-kumpanija tiegħek f'euro (EUR)

     

     

    Importazzjonijiet tal-prodott investigat li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika u mir-Renju tal-Arabja Sawdija lejn l-Unjoni (iddistingwi għal kull wieħed mill-pajjiżi kkonċernati)

     

     

    Importazzjonijiet fl-Unjoni tal-prodott investigat (kull oriġini)

     

     

    Il-bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni wara l-importazzjoni mill-Istati Uniti tal-Amerika u mir-Renju tal-Arabja Sawdija (iddistingwi għal kull wieħed mill-pajjiżi kkonċernati)

     

     

    3.   ATTIVITAJIET TAL-KUMPANIJA TIEGĦEK U TAL-KUMPANIJI RELATATI (1)

    Agħti dettalji tal-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija tiegħek u l-kumpaniji relatati kollha (elenkahom u speċifika r-relazzjoni tagħhom mal-kumpanija tiegħek) involuti fil-produzzjoni u/jew fil-bejgħ (għall-esportazzjoni u/jew fis-suq domestiku) tal-prodott investigat. Attivitajiet bħal dawn jistgħu jinkludu x-xiri tal-prodott investigat jew il-produzzjoni tiegħu skont arranġamenti ta’ sottokuntrattar, jew l-ipproċessar jew in-negozjar tal-prodott investigat, iżda mhumiex limitati għal dawn biss.

    Isem u lokalità tal-kumpanija

    Attivitajiet

    Tip ta’ relazzjoni

     

     

     

     

     

     

     

     

     

    4.   INFORMAZZJONI OĦRA

    Agħti kull informazzjoni rilevanti oħra li tikkunsidra utli biex tgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun.

    5.   ĊERTIFIKAZZJONI

    Meta tipprovdi t-tagħrif ta’ hawn fuq, il-kumpanija tiegħek tkun qed taqbel li possibbilment tiġi inkluża fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tiegħek tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan ifisser li trid timla kwestjonarju u taċċetta li ssirilha żjara fil-post sabiex jiġu vverifikati t-tweġibiet tagħha. Jekk il-kumpanija tiegħek tindika li ma taqbilx mal-possibbiltà li tiġi inkluża fil-kampjun, titqies li ma tkunx ikkooperat fl-investigazzjoni. Il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni għall-importaturi li ma jikkooperawx jiġu bbażati fuq il-fatti disponibbli u r-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-kumpanija milli kieku tkun ikkooperat.

    Firma tal-uffiċjal awtorizzat:

    Isem u titlu tal-uffiċjal awtorizzat:

    Data:


    (1)  F'konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, żewġ persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu msieħba rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) ikunu min iħaddem u l-impjegat; (d) parti terza tippossjedi jew tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew aktar tal-azzjoni bid-dritt tal-vot jew l-ishma pendenti tat-tnejn li huma; (e) waħda minnhom tikkontrolla direttament jew indirettament lill-persuna l-oħra; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn persuna terza; (g) flimkien jikkontrollaw persuna terza direttament jew indirettament; jew (h) ikunu membri tal-istess familja (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558). Il-persuni għandhom jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja jekk ikollhom xi waħda mir-relazzjonijiet segwenti ma’ xulxin biss: (i) konjuġi, (ii) ġenitur u wild, (iii) aħwa (sew jekk mill-istess ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nannu jew nanna u neputi jew neputija, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenitur tar-rispett u wild tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. F’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, “persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika u kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ persuni li mhijiex persuna ġuridika iżda li hija rikonoxxuta taħt il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali bħala li jkollha l-kapaċità biex tagħmel atti legali (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).


    Top