Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020XC0925(02)

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal approvazzjoni ta’ emenda mhux minuri fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel 2020/C 317/09

C/2020/6471

ĠU C 317, 25.9.2020, p. 25–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

25.9.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 317/25


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal approvazzjoni ta’ emenda mhux minuri fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2020/C 317/09)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fi żmien tliet xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

APPLIKAZZJONI GĦALL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA MHUX MINURI FL-ISPEĊIFIKAZZJONI TAL-PRODOTT TA’ DENOMINAZZJONI TAL-ORIĠINI PROTETTA JEW TA’ INDIKAZZJONI ĠEOGRAFIKA PROTETTA

Applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

“STELVIO”/“STILFSER”

Nru tal-UE: PDO-IT-0255-AM02 – 10.1.2020

DOP (X) IĠP ( )

1.   Grupp applikant u interess leġittimu

Consorzio del Formaggio Stelvio con sede in via Innsbruck,43- 39 100 Bolzano

Tel. 0474 570113; Fax 0474 570177. Il-Konsorzju msemmi fuq jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 13(1) tad-Digriet Ministerjali tat-28 ta’ Novembru 2017

2.   Stat Membru jew pajjiż terz

L-Italja

3.   Intestatura fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwata mill-emenda

Isem tal-prodott

Deskrizzjoni tal-prodott

Żona ġeografika

Prova tal-oriġini

Metodu tal-produzzjoni

Rabta

Tikkettar

Oħrajn [għandhom jiġu speċifikati]

4.   Tip ta’ emenda/i

Emenda għall-Ispeċifikazzjoni ta’ Prodott ta’ DOP jew IĠP irreġistrata li ma għandhiex tiġi kkwalifikata bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

Emenda għall-Ispeċifikazzjoni ta’ Prodott ta’ DOP jew IĠP irreġistrata li għaliha ma ġiex ippubblikat Dokument Uniku (jew l-ekwivalenti) li ma għandhiex tikkwalifika bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

5.   Emendi

Deskrizzjoni tal-prodott

L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 5, punt 3.2 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tad-Dokument Uniku u tipprevedi l-inklużjoni ta’ metodi speċifiċi ta’ preparazzjoni tal-prodott maħsub sabiex jitqatta’ f’porzjonijiet.

Għalhekk fi tmiem l-Artikolu 5 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott (karatteristiċi tal-prodott finali) u fil-punt 3.2 tad-Dokument Uniku għandha tiddaħħal il-parti li ġejja.

“Biex tiġi evitata l-ħela mill-ipproċessar, mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti tal-piż u tal-għoli msemmija hawn fuq, il-produzzjoni tal-ġobon “Stelvio”/“Stilfser” f’għamla differenti minn dik ċilindrika hija aċċettata għall-prodott destinat esklussivament għall-ippakkjar (it-tqattigħ f’biċċiet jew f’dadi, it-tħakkik).”

Għalhekk l-emenda tikkonċerna l-għamla tal-prodott, li mhux bilfors tista’ tkun ċilindrika, limitata biss għall-ġobon maħsub sabiex jitqatta’ f’porzjonijiet, li għandu jkun identifikat bħala tali fil-bidu tal-ipproċessar għall-finijiet tad-DOP (fil-fażi tat-tqegħid fil-forma) u għalhekk ma jintużax għall-bejgħ bħala tali (fil-forma sħiħa) bl-użu tad-DOP, iżda biss għar-rilaxx għall-konsum wara l-qtugħ u l-ippakkjar.

Il-possibbiltà li tiġi adottata forma aktar razzjonali tagħmilha possibbli li jinkiseb porzjon mingħajr ħela tal-prodott mhux iġġustifikata bi kwalunkwe suppożizzjoni teknika jew kwalitattiva, bl-ottimizzazzjoni tar-rendiment u tal-operabbiltà li jsegwu t-tlestija tal-ħwawar skont l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. Dan kollu jsir filwaqt li l-karatteristiċi tekniċi u kwalitattivi ta’ “Stelvio”/“Stilfser” jinżammu.

Metodu tal-produzzjoni

L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 3 punt 3.3.2 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u l-punt 3.3 tad-Dokument Uniku.

Fi tmiem il-parti relatata mat-tmigħ tal-bovini kif meħtieġ mir-Regolament Delegat (UE) Nru. 664/2014 tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Diċembru 2013, ġiet miżjuda s-sentenza li ġejja:

“L-għalf li ma jiġix miż-żona ġeografika ma jistax jaqbeż il-50 % tal-materja niexfa tar-razzjon fuq bażi annwali.”

Din l-emenda hija kjarifika.

Il-ħaxix frisk u l-foraġġ lokali li jirrappreżentaw il-proporzjon tar-razzjon relatat mal-fibra li tista’ tiġi diġestita għandhom impatt sinifikanti fuq il-karatteristiċi kimiċi, sensorjali u organolettiċi tal-ħalib użat għall-produzzjoni, u b’hekk jikkostitwixxu perċentwal sostanzjali tar-razzjon tal-għalf f’materja niexfa.

Fil-formulazzjoni tar-razzjonijiet tal-għalf għall-bovini, tradizzjonalment użati għall-produzzjoni tal-ħalib, f’territorju muntanjuż, mhux adatt għall-produzzjoni taċ-ċereali jew taż-żrieragħ li minnhom jingħasar iż-żejt, isir neċessarju li wieħed jirrikorri għall-użu ta’ konċentrati u għalf minn territorji li jinsabu barra ż-żona ġeografika ddefinita. L-integrazzjoni tar-razzjon hija meħtieġa sabiex tiżgura l-kapaċitajiet nutrittivi u fiżjoloġiċi tar-razzjonijiet infushom u bħala għodda għall-prevenzjoni u għall-profilassi ta’ kumplikazzjonijiet fis-saħħa.

Dan l-għalf għandu rata għolja ta’ konsum u jirrappreżenta l-ammont ta’ enerġija u proteini disponibbli fil-pront għall-funzjonijiet ruminali normali tal-bovini. Peress li r-rwol tagħhom huwa limitat għal funzjoni fiżjoloġika ta’ appoġġ għall-funzjonijiet imsemmija qabel, l-impatt fuq il-karatteristiċi organolettiċi tal-ħalib huwa kważi żero.

Għalhekk huwa permess ukoll l-użu ta’ qamħ ippreżervat, għalf deidrat, xgħir, segala, tritikal, qamħ, ħafur u qamħirrum, fil-forma tal-prodotti u prodotti sekondarji kif ukoll munzelli tal-ewwel ħamsa; huwa possibbli wkoll li jintużaw dawn li ġejjin: żrieragħ taż-żejt, il-prodotti u l-prodotti sekondarji tagħhom, sojja mhux ġenetikament modifikata, lift, kittien, ġirasol anke parzjalment imqaxxra; polpa tal-pitravi mnixxfa; grani tal-birer u residwi mnixxfa tat-tuffieħ; pitravi; patata; ħmira tal-birra; molassi; ħarrub; prodotti tal-ħalib fil-forma ta’ trab; amminoaċidi u proteini nobbli mhux derivati minn protejoliżi; xaħmijiet veġetali.

Huwa kkonfermat li l-emenda proposta hija speċifikazzjoni tal-punt relatat man-nutrizzjoni u għalhekk din ma għandhiex impatt fuq ir-rabta u fuq il-kwalità tal-prodott.

L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 4 tal-punt 4.2.1 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott relatat mal-valur tax-xaħam tal-materja prima, il-punt 3.3 tad-Dokument Uniku.

Għalhekk, fejn hemm miktub:

4.2.1.   Tnaqqis tal-kontenut tax-xaħam

Il-ħalib, li possibbilment jitnaddaf permezz tal-battofugazzjoni, jista’ jkun ftit xkumat sabiex il-kontenut tax-xaħam jiġi regolat għal bejn 3,45 % u 3,6 %. Ix-xkumar parzjali tal-ħalib isir bl-użu ta’ separatur.

Inkiteb:

4.2.1.   Tnaqqis tal-kontenut tax-xaħam

Il-ħalib, li possibbilment jitnaddaf permezz tal-battofugazzjoni, jista’ jkun ftit xkumat sabiex il-kontenut tax-xaħam jiġi regolat għal bejn 3,45 % u 3,80 %. Ix-xkumar parzjali tal-ħalib isir bl-użu ta’ separatur.

Din l-emenda ċkejkna tikkunsidra firxa aktar realistika tal-kontenut tax-xaħam, jiġifieri dik li hemm attwalment fil-firxa tal-kontenut tal-materja prima fix-xaħam (bejn 3,45 u l-limitu ta’ 3,80 % minflok 3,6 %), filwaqt li tikkoordinah mar-rekwiżiti l-oħra tal-Ispeċifikazzjoni għall-ġobon matur.

L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 4 tal-Ispeċifikazzjoni, il-punt 4.2.5, u l-punt 3.3 tad-Dokument Uniku u tirrigwarda t-tip ta’ tames użat.

Għalhekk, fejn hemm miktub:

“Mal-ħalib ipproċessat, eventwalment inokulat bil-fermenti lattiċi fi żmien 85 minuta, għandu jiżdied it-tames tal-għoġol f’temperatura tal-massa pproċessata ta’ bejn 32 u 33 °C. L-enzima koagulanti użata għandha tkun magħmula esklussivament mit-tames, f’forma likwida jew trab. It-tames jiġi prodott skont metodu tradizzjonali, għandu attività ta’ madwar 1:15.000 u huwa magħmul minn madwar 75 % kimosina u 25 % pepsin; ma fih ebda tip ta’ koagulant (bħal pereżempju dawk ta’ oriġini mikrobjali), mhuwiex ġenetikament modifikat u lanqas ma fih enzimi koagulanti ġenetikament modifikati.”

Inkiteb:

“Mal-ħalib ipproċessat, eventwalment inokulat bil-fermenti lattiċi fi żmien 85 minuta, għandu jiżdied it-tames tal-għoġol jew ta’ oriġini oħra, anke veġetali, f’temperatura tal-massa pproċessata ta’ madwar 32-33 °C.

L-enzima koagulanti użata għandha tkun magħmula esklussivament mit-tames, f’forma likwida jew trab. It-tames tal-għoġol jiġi prodott skont metodu tradizzjonali, għandu attività ta’ madwar 1:15.000 u huwa magħmul minn madwar 75 % kimosina u 25 % pepsin; it-tames mhuwiex ġenetikament modifikat u lanqas ma fih enzimi koagulanti ġenetikament modifikati.”

L-ispeċifikazzjoni attwali tippermetti biss l-użu tat-tames tal-għoġol. Din il-preskrizzjoni issa tidher estremament riduttiva u teskludi l-iżviluppi teknoloġiċi li ilhom żmien isawru l-esperjenzi ta’ produzzjoni li jikkwalifikaw fiż-żona ġeografika ddefinita u li s’issa ġew esklużi mid-DOP, minkejja li dawn għandhom il-karatteristiċi mistennija u jiżguraw l-ilħuq tal-ħtiġijiet kimiċi u organolettiċi kollha tal-ġobon matur.

Din l-evoluzzjoni tippermetti wkoll li jiġu ssodisfati it-talbiet dejjem aktar iddiversifikati li jsiru mill-konsumaturi.

DOKUMENT UNIKU

“STELVIO”/“STILFSER”

Nru tal-UE: PDO-IT-0255-AM02 -10.1.2020

DOP (X) IĠP ( )

1.   Isem/Ismijiet

“Stelvio”/“Stilfser”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz

L-Italja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew l-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.3: Ġobon

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’1

Meta jkun lest għall-konsum, il-ġobon “Stelvio”/“Stilfser”, li jkun dam jimmatura għal minimu ta’ sittin jum, ikollu forma ċilindrika bil-ġnub ċatti u qiegħ lixx jew daqsxejn imbewwaq. Id-daqs tal-ġobon huwa kif ġej: jiżen bejn 8 u 10 kg. Id-dijametru jkun bejn 34 u 38 cm, l-għoli jkun bejn 8 u 11-il cm. Il-kontenut tax-xaħam fuq il-materja niexfa huwa tal-inqas 50 % u l-kontenut tal-umdità ma jaqbiżx l-44 %. Il-qoxra trid tkun tvarja mill-isfar għall-oranġjo fil-kannella. Is-sawra tal-ġobon hija kompatta, flessibbli u elastika. Għandu kulur isfar ċar lewn it-tiben, b’toqob irregolari li jvarjaw minn daqs żgħir għal wieħed medju.

Il-ġobon “Stelvio”/“Stilfser” jinbiegħ bħala ġobna sħiħa jew f’biċċiet u jinħareġ għall-konsum bit-tikketta tad-Denominazzjoni tal-Oriġini.

Biex tiġi evitata l-ħela mill-ipproċessar, mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti tal-piż u tal-għoli msemmija hawn fuq, il-produzzjoni tal-ġobon “Stelvio”/“Stilfser” f’għamla differenti minn dik ċilindrika hija aċċettata għall-prodott destinat esklussivament għall-ippakkjar (it-tqattigħ f’biċċiet jew f’dadi, it-tħakkik).

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Meta l-bovini jkunu qed jirgħu f’mergħat fuq muntanji, dawn għandhom jieklu primarjament ħaxix frisk; u meta jkunu fl-istalel, id-dieta bażika tagħhom, li jieklu minnha liberalment, tkun magħmula mit-tiben u l-għalf tal-ħaxix maħsud fiż-żona ġeografika ddefinita sa massimu ta’ 15-il kilo għal kull baqra.

Il-ħaxix frisk u l-foraġġ lokali li jirrappreżentaw il-proporzjon tar-razzjon marbut mal-fibra li tista’ tiġi diġestita għandhom impatt sinifikanti fuq il-karatteristiċi kimiċi, sensittivi u organolettiċi tal-ħalib użat fil-produzzjoni, u jikkostitwixxu perċentwal sostanzjali (li ma jaqax taħt il-50 %) tar-razzjon tal-għalf f’materja niexfa.

Fil-formulazzjoni tar-razzjonijiet tal-għalf għall-bovini, tradizzjonalment użati għall-produzzjoni tal-ħalib, f’territorju muntanjuż, mhux adatt għall-produzzjoni taċ-ċereali jew taż-żrieragħ li minnhom jingħasar iż-żejt, isir neċessarju li wieħed jirrikorri għall-użu ta’ konċentrati u għalf minn territorji li jinsabu barra ż-żona ġeografika ddefinita. L-integrazzjoni tar-razzjon hija meħtieġa sabiex tiżgura l-kapaċitajiet nutrittivi u fiżjoloġiċi tar-razzjonijiet infushom u bħala għodda għall-prevenzjoni u għall-profilassi ta’ kumplikazzjonijiet fis-saħħa.

Dan l-għalf għandu rata għolja ta’ konsum u jirrappreżenta l-ammont ta’ enerġija u proteini disponibbli fil-pront għall-funzjonijiet ruminali normali tal-bovini. Peress li r-rwol tagħhom huwa limitat għal funzjoni fiżjoloġika ta’ appoġġ għall-funzjonijiet imsemmija qabel, l-impatt fuq il-karatteristiċi organolettiċi tal-ħalib huwa kważi żero.

Għalhekk huwa permess ukoll l-użu ta’ qamħ ippreżervat, għalf deidrat, xgħir, segala, tritikal, qamħ, ħafur u qamħirrum, fil-forma tal-prodotti u prodotti sekondarji kif ukoll munzelli tal-ewwel ħamsa; huwa possibbli wkoll li jintużaw dawn li ġejjin: żrieragħ taż-żejt, il-prodotti u l-prodotti sekondarji tagħhom, sojja mhux ġenetikament modifikata, lift, kittien, ġirasol anke parzjalment imqaxxra; polpa tal-pitravi mnixxfa; grani tal-birer u residwi mnixxfa tat-tuffieħ; pitravi; patata; ħmira tal-birra; molassi; ħarrub; prodotti tal-ħalib fil-forma ta’ trab; amminoaċidi u proteini nobbli mhux derivati minn protejoliżi; xaħmijiet veġetali.

L-għalf li ma jiġix miż-żona ġeografika ma jistax jaqbeż il-50 % tal-materja niexfa tar-razzjon fuq bażi annwali.

Il-ġobon “Stelvio”/“Stilfser” huwa prodott mill-ħalib tal-bovini li jinkiseb fiż-żona ġeografika ddefinita, mill-bovini li jgħixu fuq l-għalf maħsud f’dik iż-żona u għandu kontenut ta’ proteini li jaqbeż it-3,10 %. Il-ħalib jista’ jiġi ftit xkumat biex jiġi regolat il-kontenut tax-xaħam għal bejn 3,45 % u 3,80 %.

3.4.   Passi speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

L-operazzjonijiet kollha deskritti fl-ispeċifikazzjoni u f’dan id-dokument iridu jseħħu fiż-żona ġeografika ddefinita fil-punt 4 hawn taħt, mit-trobbija tal-bovini għal meta jinħalbu, il-ġbir u l-ipproċessar tal-ħalib, is-sawra tal-ġobon u l-maturazzjoni.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

Ġobniet sħaħ jinqatgħu f’biċċiet biss wara li tkun twaħħlitilhom it-tikketta tad-Denominazzjoni tal-Oriġini. Il-ġobon “Stelvio”/“Stilfser” jista’ jkun ippakkjat ukoll f’biċċiet barra miż-żona ġeografika ddefinita. Il-biċċiet tal-ġobon “Stelvio”/“Stilfser” jinbiegħu bit-tikketta li tidentifika d-Denominazzjoni tal-Oriġini, jew b’tikketta li teħel mal-pakkett u/jew imballaġġ stampat minn qabel li fuqu jkollu d-Denominazzjoni tal-Oriġini.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

Il-ġobon “Stelvio”/“Stilfser” li jinbiegħ bħala ġobna sħiħa għandu fuqu t-tikketta tad-Denominazzjoni tal-Oriġini – li titwaħħal biss wara li l-ġobna tkun damet timmatura 60 jum – flimkien mat-timbru li jindika l-lott, id-data tal-produzzjoni u l-kodiċi tal-produttur. Il-prodotti għall-bejgħ għandhom it-tikketta speċifika li tindika d-Denominazzjoni tal-Oriġini. It-tikketta tad-Denominazzjoni tal-Oriġini hija magħmula mill-kliem “Stelvio”/“Stilfser” miktubin bl-aħmar.

4.   Definizzjoni konċiża taż-żona ġeografika

Iż-żona ġeografika ddefinita għall-ġobon “Stelvio”/“Stilfser”, fejn iridu jseħħu l-passi kollha tat-trobbija, fejn jinħalbu l-bovini, fejn jinġabar u jiġi pproċessat il-ħalib, fejn jinħadem u jiġi mmaturat il-ġobon, hija magħmula mid-distretti li ġejjin tal-Provinċja Awtonoma ta’ Bolzano: Val Venosta, Burgraviato, Salto-Sciliar, Val Pusteria, Val d’Isarco u t-territorju kollu tal-muniċipalità ta’ Bolzano. Dawn id-distretti jinkorporaw it-territorju taċ-ċensiment u amministrattiv ta’ 84 muniċipalità.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Il-ġobon “Stelvio”/“Stilfser”, tradizzjonalment prodott ġewwa ż-żona ddefinita fil-punt 4, matul iż-żmien żamm il-karatteristiċi speċifiċi li ġew ffurmati mill-ambjent Alpin fiż-żona muntanjuża ta’ “Stelvio”/“Stilfser”, li hija ż-żona tal-produzzjoni ewlenija u għalhekk tagħti l-isem lil dan il-ġobon. Il-kundizzjonijiet klimatiċi u tal-ħamrija taż-żona Alpina Alto-Adige jinfluwenzaw in-natura tal-għalf li jintuża prinċipalment fid-dieta tal-bovini u għalhekk il-ġobon prodott fiż-żona mill-ħalib tagħhom.

Xi testi storiċi jiddeskrivu l-pjanura tal-mergħa Alpina (marbl u madaun) li għenet biex ittejjeb il-kwalità tal-ħalib prodott. Il-kundizzjonijiet ambjentali u klimatiċi speċifiċi fiż-żona ġeografika identifikata huma marbuta man-natura muntanjuża tagħha, li dejjem kienet karatterizzata mill-impriżi tal-bhejjem (masi) li jinsabu f’altitudni ta’ bejn 500 u 2 000 metru. Dawn il-kundizzjonijiet jitħalltu mal-azzjoni tal-mikroflora lokali matul il-proċess ta’ maturazzjoni. Dawn il-fatturi ambjentali esklussivi, uniċi, flimkien mal-evoluzzjoni storika tat-tradizzjoni tal-produzzjoni jgħinu biex “Stelvio”/“Stilfser” jikseb il-karatteristiċi speċifiċi ta’ ġobon bid-Denominazzjoni tal-Oriġini Protetta li jagħmluh uniku, prodott ta’ klassi għalih li ċertament huwa mmarkat bil-karatteristiċi uniċi lokali tiegħu.

Barra minn dawk indikati fil-punt 3.2, il-prodott għandu ċerti karatteristiċi speċifiċi uniċi u partikolari li jistgħu jinġabru kif ġej:

il-kulur tal-qoxra: ivarja minn isfar fl-oranġjo għal oranġjo fil-kannella,

it-togħma: aromatika u tispikka, xi kultant qawwija ħafna,

xaħam fil-materja niexfa: 50 % jew iktar.

Meta jkunu fil-mergħa Alpina, il-bovini jieklu ħaxix frisk u meta jkunu fl-istalel id-dieta tagħhom hija primarjament ibbażata fuq għalf li jkun ġej mill-ħaxix taż-żona ġeografika ddefinita; barra minn hekk, jintuża biss ħalib prodott f’dik iż-żona. In-natura muntanjuża u l-karatteristiċi tal-ħamrija taż-żona, flimkien mal-karatteristiċi tal-ħaxix Alpin speċifiku u l-mikroflora lokali bil-batterji diversi tagħha li huma użati fl-ipproċessar, jagħtu lill-proċess ta’ maturazzjoni tal-ġobon ċerti karatteristiċi distintivi uniċi li jgħinuh ikollu dik it-togħma distinta. Dawn il-fatturi għandhom rwol deċiżiv kemm fis-sens li jagħtu l-kulur lill-qoxra tiegħu kif ukoll fil-fatt li jikkontribwixxu għat-togħma u l-aroma distinti tal-prodott. Barra minn hekk, id-dieta kumplessiva tal-bovini tikkontribwixxi għal-livell pjuttost għoli ta’ xaħam meta mqabbel mal-materja niexfa.

Il-fatturi ta’ hawn fuq jistgħu jiġu ntraċċati matul iż-żmien f’sorsi li jmorru lura lejn l-aħħar tal-Medju Evu u ġew ikkonsolidati permezz tad-drawwiet u permezz tal-istituzzjonijiet tradizzjonali lokali li jinkludu l-irziezet maso, kif jidher fuq id-deskrizzjoni tal-prodott u l-proċess tal-produzzjoni tal-fabbrika tal-ġobon fi Stilf (Stelvio) fl-1914. Dan kollu ta bidu għal benefiċċji ekonomiċi sinifikanti madwar iż-żona ġeografika. L-ispeċifikazzjoni tagħmel dawn il-fatturi obbligatorji billi timponi rekwiżiti kemm fuq il-bdiewa tal-bovini u l-proċessuri li għandhom jiġu dokumentati permezz ta’ entrati u rekords speċifiċi, sistemi ta’ identifikazzjoni għal kull operatur individwali fiż-żona u ż-żamma ta’ dokumentazzjoni speċifika dwar l-ipproċessar, il-produzzjoni u l-allokazzjoni tad-denominazzjoni

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott

(l-Artikolu 6, paragrafu 1, it-tieni subparagrafu, ta’ dan ir-Regolament)

It-test sħiħ tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott huwa disponibbli fuq is-sit web li ġej: http://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/3335

Jew

billi wieħed jidħol direttament fis-sit web tal-Ministeru għall-Agrikoltura, l-Ikel u l-Politika tal-Forestrija (http://www.politicheagricole.it) u jagħfas fuq “Prodotti DOP IGP” (fil-kantuniera ta’ fuq tal-lemin) u wara fuq “Prodotti DOP IGP STG” (mal-ġenb, max-xellug tal-iskrin) u fl-aħħar nett fuq “Disciplinari di Produzione all’esame dell’UE”.


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p.1.


Top