EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020XC0908(06)

Pubblikazzjoni ta’ komunikazzjoni tal-approvazzjoni ta’ emenda standard għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ isem fis-settur tal-inbid, kif imsemmi fl-Artikolu 17(2) u (3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 2020/C 298/11

PUB/2020/555

ĠU C 298, 8.9.2020, p. 23–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

8.9.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 298/23


Pubblikazzjoni ta’ komunikazzjoni tal-approvazzjoni ta’ emenda standard għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ isem fis-settur tal-inbid, kif imsemmi fl-Artikolu 17(2) u (3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33

(2020/C 298/11)

Din il-komunikazzjoni hija ppubblikata f’konformità mal-Artikolu 17(5) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 (1).

KOMUNIKAZZJONI DWAR L-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD

Eisenberg

Nru ta’ referenza: PDO-AT-A0215-AM01

Data tal-komunikazzjoni: 21.02.2020

DESKRIZZJONI TAL-EMENDA APPROVATA U RAĠUNIJIET GĦALIHA

1.

Peress li r-reġistru tal-vinji issa huwa ġestit skont is-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, ir-rendiment massimu għal kull ettaru jrid jiġi aġġustat.

DOKUMENT UNIKU

1.   Isem/ismijiet għar-reġistrazzjoni

Eisenberg

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

DOP — Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta

3.   Kategoriji tal-prodotti tad-dwieli

1.

Inbid

4.   Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed

Id-denominazzjoni ta’ oriġini Eisenberg tista’ tintuża biss għall-inbejjed tal-varjetà Blaufränkisch b’karatteristiċi mmarkati ta’ togħma ta’ frott, minerali u ħwawar li huma kwalitajiet tipiċi ta’ dik il-varjetà. Karatteristiċi organolettiċi oħrajn huma stabbiliti fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

Karatteristiċi analitiċi ġenerali

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum)

 

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum)

 

Aċidità totali minima

 

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

 

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

 

5.   Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid

a.   Prattiċi enoloġiċi essenzjali

Restrizzjoni rilevanti fuq il-produzzjoni tal-inbejjed

Il-prattiki enoloġiċi kollha awtorizzati skont ir-Regolamenti (UE) 2019/934 u (UE) 2019/935 għall-inbejjed b’denominazzjoni ta’ oriġini protetta huma permessi għad-denominazzjoni ta’ oriġini “Eisenberg”, għajr it-trattament bis-sorbat tal-potassju u bid-dikarbonat tad-dimetil. Id-deaċidifikazzjoni tal-inbejjed hija possibbli f’konformità mar-Regolamenti (UE) 2019/934 u (UE) 2019/935. Il-Ministru Federali għall-Agrikoltura, ir-Reġjuni u t-Turiżmu jiddeċiedi dwar l-aċidifikazzjoni possibbli skont il-kundizzjonijiet tat-temp matul l-istaġun tat-tkabbir. F’dan il-każ, il-kundizzjonijiet għall-aċidifikazzjoni possibbli huma rregolati mir-Regolamenti (UE) 2019/934 u (UE) 2019/935.

Il-prattiki enoloġiċi speċifiċi (inkluż l-arrikkiment) huma derivati mill-metodu ta’ produzzjoni tradizzjonali magħżul u deskritt fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

b.   Rendimenti massimi

10 000 kilogramma ta’ għeneb għal kull ettaru

6.   Definizzjoni taż-żona demarkata

Iż-żona ġeografika tad-denominazzjoni ta’ oriġini “Eisenberg” tkopri ż-żoni distrettwali ta’ Oberwart, Güssing u Jennersdorf f’Burgenland.

7.   Varjetà jew varjetajiet tad-dwieli li minnhom jinkiseb l-inbid

Blaufränkisch — Frankovka

8.   Deskrizzjoni tar-rabta/rabtiet

Fir-reġjun bl-għoljiet ta’ Eisenberg, is-sottostrat huwa magħmul minn ħamrija tqila tat-tafal ferruż u tal-bażalt. L-istruttura tal-produzzjoni fir-reġjun tal-inbid ta’ Eisenberg hija kkaratterizzata minn negozji tad-dwieli mmexxija mill-familja li prinċipalment jipproċessaw l-għeneb mill-produzzjoni tagħhom stess u, f’ħafna każijiet, ibigħu ukoll direttament mill-azjendi agrikoli tagħhom. Hemm rabta qawwija bejn il-livell għoli ta’ turiżmu u l-industrija tal-inbid.

Id-dwieli huma kważi esklussivament ikkultivati bl-użu tas-sistema “Hochkultur” (tkabbir fl-għoli) bl-użu ta’ kontrospallieri tal-wajer. L-inbid irid ikollu l-kwalitajiet tipiċi li ġejjin: togħma ta’ frott, minerali u ħwawar, u bi sfumaturi ta’ injam li bilkemm jintiegħmu jew li ma jintiegħmu xejn. Inbid bid-denominazzjoni addizzjonali ta’ “Riżerva” jrid ikun qawwi u jkollu togħma ta’ frott, minerali u ħwawar. Il-ħamrija tqila tat-tafal ferruż u tal-bażalt tagħti lill-inbejjed finesse bi ħjiel minerali u rikki. Il-klima Pannonjana hija prevalenti fir-reġjun u tagħti lok għal inbejjed qawwijin u b’togħma ta’ ħwawar.

Barra minn hekk, minħabba li l-istruttura tan-negozji tal-inbid hija prinċipalment ibbażata fuq il-familja, l-istil tradizzjonali tal-produzzjoni tal-inbid jgħaddi minn ġenerazzjoni għal oħra, u dan iżid il-karattru distintiv tal-inbejjed Eisenberg.

9.   Rekwiżiti oħra applikabbli (ippakkjar, tikkettar, rekwiżiti oħra)

Qafas ġuridiku:

Leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ kundizzjoni oħra:

Deroga dwar il-produzzjoni fiż-żona ġeografika demarkata

Deskrizzjoni tal-kundizzjoni:

Skont l-Att Awstrijak dwar l-Inbid, inbid bid-denominazzjoni ta’ oriġini “Eisenberg” jista’ jiġi kkummerċjalizzat biss jekk ikollu numru tal-kontroll tal-kwalità uffiċjali [staatlicher Prüfnummer]. Sabiex jinkiseb numru tal-kontroll tal-kwalità uffiċjali, kampjun ta’ kull inbid li jrid jiġi kkummerċjalizzat bid-denominazzjoni ta’ oriġini “Eisenberg” (kontroll sistematiku) irid ikun soġġett għal testijiet analitiċi u organolettiċi. Il-partijiet li biħsiebhom iressqu applikazzjoni għal numru tal-kontroll tal-kwalità uffiċjali kull sena jridu jinfurmaw lill-Kumitat dwar l-Inbid Reġjonali ta’ Burgenland bil-miktub. Fil-kuntest tal-għoti tan-numru tal-kontroll tal-kwalità uffiċjali, l-inbid jitqies xieraq mill-perspettiva organolettika jekk mill-inqas ħamsa mis-sitt dewwieqa jaqblu li dan jista’ jiġi kkummerċjalizzat bid-denominazzjoni “Eisenberg DAC”. Jekk l-inbid jiġi rifjutat bħala “Eisenberg DAC” b’opinjoni diviża fil-proporzjon ta’ 4:2, il-kampjun irid jiġi sottomess mill-ġdid lil bord ieħor ta’ dewwieqa tal-inbid. Minħabba l-ħidma żejda involuta għal dan, l-applikant irid iħallas tariffa skont l-iskeda tariffarja stabbilita fir-Regolament dwar it-tariffi għall-ħruġ tan-numru tal-kontroll tal-kwalità uffiċjali. Għall-finijiet tal-għoti ta’ numru tal-kontroll tal-kwalità uffiċjali, id-dewqan tal-bordijiet jista’ jsir biss fl-Uffiċċju Federali tal-Vitikultura f’Eisenstadt. Id-dewwieqa uffiċjali tal-bord tad-dewwieqa jridu jkunu mħarrġa mill-Kumitat dwar l-Inbid Reġjonali ta’ Burgenland fil-valutazzjoni tal-profili tat-togħma tipiċi tal-inbejjed “Eisenberg DAC”.

Link għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott

https://www.bmlrt.gv.at/land/produktion-maerkte/pflanzliche-produktion/wein/Weinherkunft.html


(1)  ĠU L 9, 11.1.2019, p. 2.


Top