Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020XC0629(02)

    Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda, li mhijiex minuri, għal Speċifikazzjoni tal-Prodott skont l-Artikolu 50(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel 2020/C 214/09

    C/2020/4265

    ĠU C 214, 29.6.2020, p. 16–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    29.6.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 214/16


    Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda, li mhijiex minuri, għal Speċifikazzjoni tal-Prodott skont l-Artikolu 50(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

    (2020/C 214/09)

    Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni ta’ emenda skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fi żmien tliet xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

    APPLIKAZZJONI GĦALL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA GĦALL-ISPEĊIFIKAZZJONI TAL-PRODOTT TA’ SPEĊJALITAJIET TRADIZZJONALI GARANTITI LI MHIJIEX MINURI

    Applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012

    “PÓŁTORAK STAROPOLSKI TRADYCYJNY”

    Nru tal-UE: TSG-PL-0034-AM02 — 11.1.2019

    1.   Grupp applikant u interess leġittimu

    Isem il-grupp: Związek Pracodawców Polska Rada Winiarstwa

    Indirizz:

    ul. Świętokrzyska 20

    00-002 Warszawa

    POLSKA/POLAND

    Tel.

    +48 222434176

    Indirizz elettroniku:

    office@zpprw.pl

    Związek Pracodawców Polska Rada Winiarstwa hija l-akbar organizzazzjoni li tirrappreżenta s-settur tal-inbid fil-Polonja. Il-membri tagħha jinkludu produtturi ta’ prodotti ffermentati, inkluż l-idromeli. Hija entità indipendenti mwaqqfa mill-membri tal-Krajowa Rada Winiarstwa i Miodosytnictwa przy Stowarzyszeniu Naukowo-Technicznym Inżynierów i Techników Przemysłu Spożywczego, li kienet l-applikant għar-reġistrazzjoni ta’ dan l-isem bħala STG.

    2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

    Il-Polonja

    3.   Intestatura fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwata mill-emendi

    Isem il-prodott

    Deskrizzjoni tal-prodott

    Metodu ta’ produzzjoni

    Oħrajn: Deskrizzjoni tal-elementi ewlenin li jistabbilixxu l-karattru tradizzjonali tal-prodott

    4.   Tip ta’ emenda/i

    Emenda għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ STG irreġistrata li ma għandhiex tiġi kkwalifikata bħala minuri skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

    5.   Emendi

    Fi 3.2, is-sentenza

    “L-isem półtorak ġej min-numru ‘1,5’ (PL: półtora) u huwa relatat direttament mal-kompożizzjoni u l-metodu ta’ produzzjoni stabbiliti storikament tal-półtorak – il-proporzjonijiet ta’ għasel u ilma fl-estratt tax-xgħir tal-idromel huma parti waħda għasel ma’ nofs parti ilma.”

    ġiet sostitwita bi

    “Il-kelma półtorak ġejja min-numru ‘1,5’ (PL: półtora) u hija relatata direttament mal-kompożizzjoni u l-metodu ta’ produzzjoni stabbiliti storikament tal-półtorak – il-proporzjonijiet ta’ għasel u ilma fl-idromel huma parti waħda għasel ma’ nofs parti ilma.”

    L-informazzjoni li l-kelma półtorak għandha x’taqsam mal-proporzjonijiet ta’ ilma u għasel fl-estratt tax-xgħir tal-idromel ġiet għalhekk ikkoreġuta. Ġie introdott kliem li jindika li huwa l-proporzjon ta’ ilma għall-għasel fl-idromel, jiġifieri l-prodott finali, li huwa l-aktar importanti. Din hija emenda formali u ma għandha l-ebda effett fuq il-karattru speċifiku tal-prodott. Hija neċessarja minħabba li, mill-1948, skont ir-regoli nazzjonali, “Jista’ jissejjaħ półtorak biss l-idromel prodott minn parti waħda għasel naturali u nofs parti ilma”. Matul il-proċess tal-produzzjoni l-għasel ma jiżdiedx biss fl-istadju tal-preparazzjoni tal-estratt tax-xgħir, u minħabba f’hekk għandu jitqies il-proporzjon ta’ għasel mal-ilma u/jew il-meraq fl-idromel lest.

    Deskrizzjoni tal-prodott

    Is-sentenza

    “It-togħma tal-‘półtorak staropolski tradycyjny’ tista’ tiġi arrikkita bit-togħma tal-ħwawar li jintużaw.”

    ġiet sostitwita bi

    “It-togħma tal-‘półtorak staropolski tradycyjny’ tista’ tiġi arrikkita bit-togħma tal-ħwawar, il-ħops u l-meraq tal-frott li jintużaw.”

    Din hija emenda formali. L-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott oriġinali tippermetti ż-żieda ta’ meraq tal-frott fil-produzzjoni tal-“półtorak staropolski tradycyjny”. Għalhekk għandu jitqies l-effett li dan il-meraq ikollu fuq it-togħma tal-prodott. Qed jiġi propost li jiġi inkluż il-ħops fit-taqsima “Materja prima”. Għalhekk għandu jiġi kkunsidrat ukoll l-effett tal-ħops fuq it-togħma tal-“półtorak staropolski tradycyjny”.

    Ġiet miżjuda s-sentenza li ġejja:

    “Hemm żewġ tipi ta’ ‘półtorak staropolski tradycyjny’: dak tal-estratt tax-xgħir mgħolli u dak tal-estratt tax-xgħir kiesaħ, skont il-metodu li jintuża għall-preparazzjoni tal-estratt tax-xgħir.”

    Hemm żewġ varjetajiet ta’ “półtorak staropolski tradycyjny”: dak tal-estratt tax-xgħir mgħolli u dak tal-estratt tax-xgħir kiesaħ. L-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott oriġinali ssemmi biss il-varjetà tal-estratt tax-xgħir mgħolli. L-għan tal-emenda proposta huwa li tinkludi l-varjetà tal-estratt tax-xgħir kiesaħ fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. Il-ġustifikazzjoni għal din l-emenda tinsab f’sorsi storiċi. Informazzjoni kontenuta f’sorsi bil-miktub li jmorru lura għas-seklu 19 (pereżempju Najdokładniejszy sposób sycenia różnych gatunków miodów, Józef Ambrożewicz, 1891; Miodosytnictwo – czyli nauka przerabiania miodu i owoców na napoje, Teofil Ciesielski, 1892) turi li kienu jsiru xarbiet mill-għasel b’żewġ metodi: bit-togħlija jew mingħajr tisħin. Fil-Mała encyklopedia rolnicza (1964), l-idromeli huma maqsumin ukoll f’idromeli tal-estratt tax-xgħir mgħolli u idromeli tal-estratt tax-xgħir kiesaħ.

    Il-produzzjoni ta’ idromeli tal-estratt tax-xgħir kiesaħ hija tradizzjoni li tmur lura diversi sekli, iżda hija proċess teknoloġikament diffiċli, billi l-estratt tax-xgħir jiġi ppreparat mingħajr ma jissaħħan. Ir-riskju għoli ta’ kontaminazzjoni tal-estratt tax-xgħir miżjud bil-ħmira, speċjalment matul il-fermentazzjoni u l-istabbilizzazzjoni, kien ir-raġuni għaliex dan il-metodu ġie abbandunat. Madankollu, dan reġa’ ngħata l-ħajja f’dawn l-aħħar snin u għalhekk irid jiġi kkunsidrat fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott bħala li għandu status ugwali mal-produzzjoni tal-idromel tal-estratt tax-xgħir mgħolli.

    Id-differenza fil-metodu ta’ produzzjoni għaż-żewġ varjetajiet ta’ idromel — dak tal-estratt tax-xgħir mgħolli u dak tal-estratt tax-xgħir kiesaħ — tirriżulta biss mill-metodu differenti ta’ preparazzjoni tal-estratt tax-xgħir. Għall-idromeli tal-estratt tax-xgħir kiesaħ, il-metodu ma jinvolvix l-użu ta’ temperaturi għoljin, filwaqt li l-estratt tax-xgħir għall-produzzjoni tal-idromeli tal-estratt tax-xgħir mgħolli jiġi mgħolli. L-istadji sussegwenti tal-proċess ta’ produzzjoni huma l-istess għaż-żewġ tipi.

    Metodu ta’ produzzjoni

    Fit-taqsima “Materja prima”, l-inċiż

    “Ħxejjex aromatiċi u ħwawar: imsiemer tal-qronfol, kannella, noċemuskata jew ġinġer”

    ġiet sostitwita bi

    “Ħxejjex aromatiċi u ħwawar, jew ħops”.

    L-għan tal-emenda proposta huwa li tespandi l-firxa tal-ħxejjex aromatiċi u l-ħwawar (lil hinn mill-erbgħa msemmija fl-Ispeċifikazzjoni oriġinali) u li tippermetti ż-żieda tal-ħops. Dan huwa storikament ġustifikat, billi l-ħops u bosta ħxejjex aromatiċi u ħwawar huma msemmija f’pubblikazzjonijiet settorjali mis-seklu 19 ’il quddiem. Ir-regoli nazzjonali mill-1948 ippermettew iż-żieda ta’ firxa ta’ ingredjenti li hija konformi mal-emenda proposta.

    L-inċiż

    “Etanol ta’ oriġini agrikola (possibbilment)”

    ġie sostitwit bi

    “Etanol ta’ oriġini agrikola jew distillat tal-għasel (possibbilment)”.

    Minbarra l-etanol ta’ oriġini agrikola, huwa permess ukoll li jiżdied id-distillat tal-għasel, prodott ta’ kwalità għolja li l-użu tiegħu għandu effett pożittiv fuq it-togħma tal-idromel.

    Ġie miżjud l-inċiż li ġej: “Aċidu tartariku jew aċidu ċitriku.”

    L-użu tal-aċidu tartariku jew tal-aċidu ċitriku għandu jissemma għal raġunijiet teknoloġiċi. L-użu tagħhom huwa storikament ġustifikat, billi kien diġà permess fir-regoli nazzjonali tal-1948.

    Taħt “Stadju 1” fit-taqsima “Metodu ta’ produzzjoni”, il-kliem

    “Togħlija (sajran) tal-idromel f’temperatura ta’ 95-105 °C.”

    ġie sostitwit bi

    “Preparazzjoni tal-estratt tax-xgħir tal-idromel:

    Għall-idromeli ta’ estratt tax-xgħir mgħolli, l-estratt tax-xgħir jissaħħan (jissajjar) f’temperatura ta’ 95-105 °C.

    Għall-idromeli ta’ estratt tax-xgħir kiesaħ, l-għasel jiġi maħlul f’ilma fietel f’temperatura ta’ 20-30 °C.”

    L-għan ta’ din l-emenda huwa li tipprovdi informazzjoni dwar iż-żewġ metodi ta’ preparazzjoni tal-estratt tax-xgħir tal-idromel għall-produzzjoni tal-idromel, skont jekk ikunx idromel ta’ estratt tax-xgħir mgħolli jew idromel ta’ estratt tax-xgħir kiesaħ.

    Taħt “Stadju 1” fit-taqsima “Metodu ta’ produzzjoni”, is-sentenza:

    “Billi l-konċentrazzjoni taz-zokkor hija għolja wisq biex il-ħmira taħdem fil-proċess tal-fermentazzjoni, jiġi ppreparat estratt tax-xgħir bil-proporzjonijiet li ġejjin: parti waħda għasel ma’ żewġ partijiet ilma, li magħhom jistgħu jiżdiedu ħxejjex aromatiċi u ħwawar.”

    ġiet sostitwita bi

    “Billi l-konċentrazzjoni taz-zokkor hija għolja wisq biex il-ħmira taħdem fil-proċess tal-fermentazzjoni, jiġi ppreparat estratt tax-xgħir bil-proporzjonijiet li ġejjin: parti waħda għasel ma’ żewġ partijiet ilma, li magħhom jistgħu jiżdiedu ħxejjex aromatiċi u ħwawar jew ħops.”

    Din it-taqsima issa tinkludi wkoll il-possibbiltà li jiżdiedu l-ħops, kif ukoll il-ħxejjex aromatiċi u l-ħwawar. Din l-emenda saret minħabba ż-żieda ta’ materji prima permessi mal-lista.

    Is-sentenza

    “Tintuża kitla tal-estratt tax-xgħir mgħammra b’ġakketta tal-fwar sabiex tiġi żgurata ż-żamma stretta mal-proporzjonijiet ta’ ilma u għasel u jinkiseb l-estratt meħtieġ.”

    ġiet sostitwita bi

    “Fil-każ tal-idromeli ta’ estratt tax-xgħir mgħolli, tintuża kitla tal-estratt tax-xgħir mgħammra b’ġakketta tal-fwar biex tiġi żgurata ż-żamma stretta mal-proporzjonijiet ta’ ilma u għasel u jinkiseb l-estratt meħtieġ.”

    Ġiet miżjuda informazzjoni sabiex tagħmilha ċara li dan jikkonċerna l-idromeli ta’ estratt tax-xgħir mgħolli. M’hemmx għalfejn jintużaw ktieli tal-estratt tax-xgħir mgħammra bi ġkieket tal-fwar meta jkunu qegħdin isiru idromeli ta’ estratt tax-xgħir kiesaħ, billi z-zokkor ma jiġix karamellizzat meta l-estratt tax-xgħir tal-idromel jiġi ppreparat f’temperaturi baxxi.

    Taħt “Stadju 2” fit-taqsima “Metodu ta’ produzzjoni”, il-kliem

    “Tkessiħ tal-estratt tax-xgħir għal temperatura ta’ 20-22 °C, it-temperatura ottimali għall-propagazzjoni tal-ħmira.”

    ġie sostitwit bi

    “Għall-idromeli ta’ estratt tax-xgħir mgħolli, l-estratt tax-xgħir jitkessaħ għal temperatura ta’ 20-22 °C, it-temperatura ottimali għall-propagazzjoni tal-ħmira.”

    L-għan ta’ din l-emenda huwa li tagħmilha ċara li l-estratt tax-xgħir jitkessaħ meta jiġu prodotti idromeli ta’ estratt tax-xgħir mgħolli. Dan mhuwiex neċessarju għall-idromeli ta’ estratt tax-xgħir kiesaħ, minħabba l-preparazzjoni f’temperatura baxxa tal-estratt tax-xgħir.

    Taħt “Stadju 5” fit-taqsima “Metodu ta’ produzzjoni”, il-kliem

    “Odciąg odfermentowanego nastawu znad osadu drożdżowego.” (Tiswib tal-estratt tax-xgħir miżjud bil-ħmira attenwat.)

    ġie kkoreġut bil-Pollakk biex jinqara kif ġej:

    “Obciąg odfermentowanego nastawu znad osadu drożdżowego.”

    Il-kelma odciąg ġiet sostitwita bil-kelma korretta għall-proċess inkwistjoni: obciąg (tiswib).

    Taħt “Stadju 7” fit-taqsima “Metodu ta’ produzzjoni”, il-formulazzjoni ġiet emendata biex tinkludi l-ħops, l-aċidu tartariku jew l-aċidu ċitriku u d-distillat tal-għasel, f’konformità maż-żidiet fil-lista tal-materji prima permessi.

    L-inċiż

    “żieda ta’ estratti ta’ ħxejjex aromatiċi u ħwawar”

    ġie sostitwit bi

    “żieda ta’ estratti ta’ ħxejjex aromatiċi u ħwawar, jew ħops,”.

    Ġie miżjud l-inċiż li ġej:

    “żieda ta’ aċidu tartariku jew aċidu ċitriku.”

    L-inċiż

    “żieda ta’ etanol ta’ oriġini agrikola”

    ġie sostitwit bi

    “żieda ta’ etanol ta’ oriġini agrikola u/jew distillat tal-għasel. Il-kwantità ta’ alkoħol li tiżdied tiġi kkalkulata permezz ta’ konverżjoni għall-ekwivalenti ta’ għasel.”

    L-informazzjoni dwar il-konverżjoni għall-ekwivalenti ta’ għasel hija meħuda mir-regoli nazzjonali fis-seħħ. Jagħmel sens li tiddaħħal din il-formulazzjoni billi l-aspett tal-konverżjoni huwa inkluż fir-regoli settorjali Pollakki u l-prodotti ta’ STG jistgħu jiġu prodotti barra mill-pajjiż tal-applikant.

    Deskrizzjoni tal-elementi ewlenin li jistabbilixxu l-karattru tradizzjonali tal-prodott

    Fit-taqsima “Karattru speċifiku tal-prodott”, is-sentenza

    “Il-karattru speċifiku tal-półtorak jirriżulta b’mod partikolari mill-użu, u ż-żamma stretta mal-proporzjonijiet stabbiliti ta’ għasel u ilma – parti waħda għasel ma’ nofs parti ilma – fl-estratt tax-xgħir tal-idromel.”

    ġiet sostitwita bi

    “Il-karattru speċifiku tal-‘półtorak staropolski tradycyjny’ jirriżulta b’mod partikolari mill-użu, u ż-żamma stretta mal-proporzjonijiet stabbiliti ta’ għasel u ilma – parti waħda għasel ma’ nofs parti ilma – fl-idromel.”

    Ġie introdott kliem li jindika li huwa l-proporzjon ta’ ilma għall-għasel fl-idromel, pjuttost milli fl-estratt tax-xgħir tal-idromel, li huwa l-aktar importanti; dan jikkorrispondi mal-emendi magħmula fi 3.2.

    Mad-deskrizzjoni tal-elementi li jiddeterminaw il-karattru tradizzjonali tal-prodott ġew miżjuda kwotazzjonijiet li jattestaw il-karattru tradizzjonali taż-żewġ metodi ta’ preparazzjoni tal-estratt tax-xgħir li huma l-bażi għall-idromeli ta’ estratt tax-xgħir mgħolli u għall-idromeli ta’ estratt tax-xgħir kiesaħ.

    Saru wkoll korrezzjonijiet fir-rigward tal-isem: fejn kien xieraq, il-kelma półtorak ġiet sostitwita bl-isem tal-prodott, jiġifieri “półtorak staropolski tradycyjny”.

    SPEĊIFIKAZZJONI TAL-PRODOTT TA’ SPEĊJALITÀ TRADIZZJONALI GARANTITA

    “PÓŁTORAK STAROPOLSKI TRADYCYJNY”

    Nru tal-UE: TSG-PL-0034-AM02 — 11.1.2019

    Il-Polonja

    1.   Isem/ismijiet

    “Półtorak staropolski tradycyjny”

    2.   Tip ta’ prodott

    Klassi 1.8. Prodotti oħra tal-Anness I għat-Trattat (ħwawar, eċċ.)

    3.   Raġunijiet għar-reġistrazzjoni

    3.1.   Indika jekk il-prodott:

    jirriżultax minn metodu ta’ produzzjoni, ipproċessar jew kompożizzjoni li jikkorrispondu għall-prattika tradizzjonali għal dak il-prodott jew l-oġġett tal-ikel;

    jiġix prodott minn materja prima jew ingredjenti li huma dawk li jintużaw tradizzjonalment.

    L-idromel ilu jiġi prodott fil-Polonja għal aktar minn 1 000 sena, kif ikkonfermat minn bosta sorsi storiċi. L-ewwel rekords bil-miktub imorru lura għas-seklu 10, u pubblikazzjonijiet mis-sekli 17 u 18 fihom informazzjoni dwar varjetajiet differenti ta’ idromel. It-teknika ta’ produzzjoni qadima sekli għaddiet biss minn bidliet żgħar. “Półtorak staropolski tradycyjny” huwa wieħed minn erba’ tipi ta’ idromel. Dan isir skont riċetti tradizzjonali, li jżommu strettament mal-proporzjonijiet speċifikati ta’ għasel u ilma.

    3.2.   Indika jekk l-isem:

    intużax tradizzjonalment biex jirreferi għall-prodott speċifiku;

    jidentifikax il-karattru tradizzjonali jew il-karattru speċifiku tal-prodott.

    Il-kelma półtorak ġejja min-numru “1,5” (PL: półtora) u hija relatata direttament mal-kompożizzjoni u l-metodu ta’ produzzjoni stabbiliti storikament tal-półtorak – il-proporzjonijiet ta’ għasel u ilma fl-idromel huma parti waħda għasel ma’ nofs parti ilma. L-isem għalhekk jesprimi l-karattru speċifiku tal-prodott. Minħabba li półtorak hija kelma li tintuża biss biex tindika varjetà speċifika ta’ idromel, l-isem għandu jitqies bħala speċifiku fih innifsu.

    4.   Deskrizzjoni

    4.1.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem fil-punt 1, inklużi l-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi, mikrobijoloġiċi jew organolettiċi prinċipali tiegħu li juru l-karattru speċifiku tal-prodott (l-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-Regolament)

    “Półtorak staropolski tradycyjny” huwa idromel, xarba ċara ffermentata mill-estratt tax-xgħir tal-idromel, li tingħaraf mill-aroma karatteristika tagħha tal-għasel u mit-togħma tal-materja prima użata.

    It-togħma tal-“półtorak staropolski tradycyjny” tista’ tiġi arrikkita bit-togħma tal-ħwawar, il-ħops u l-meraq tal-frott li jintużaw. Il-lewn tal-“półtorak staropolski tradycyjny” ivarja minn kulur id-deheb għal ambra skura u jiddependi mit-tip ta’ għasel li jintuża fil-produzzjoni tiegħu.

    Hemm żewġ tipi ta’ “półtorak staropolski tradycyjny”: estratt tax-xgħir mgħolli u estratt tax-xgħir kiesaħ, skont il-metodu li jintuża għall-preparazzjoni tal-estratt tax-xgħir.

    L-indikaturi fiżikokimiċi tipiċi għall-“półtorak staropolski tradycyjny” huma:

    qawwa alkoħolika: 15-18 % vol.,

    zokkor riduċenti wara l-inverżjoni: > 300 g/l,

    aċidità totali espressa bħala aċidu maliku: 3,5–8 g/l,

    aċidità volatili espressa bħala aċidu aċetiku: massimu 1,4 g/l,

    zokkor totali fi grammi: iċ-ċifra li, meta tiżdied mal-qawwa alkoħolika proprja (% vol.) immultiplikata bi 18, tagħti minimu ta’ 600,

    estratt mhux taz-zokkor: mhux anqas minn

    30 g/l,

    35 g/l fil-każ tal-idromel tal-frott (melomel);

    irmied: minimu 1,3 g/l — fil-każ tal-idromel tal-frott.

    L-użu ta’ preżervattivi, stabbilizzaturi u sustanzi artifiċjali li jagħtu l-kulur u t-togħma huwa pprojbit fil-produzzjoni tal-“półtorak staropolski tradycyjny”.

    4.2.   Deskrizzjoni tal-metodu ta’ produzzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem imsemmi fil-punt 1 li jridu jsegwu l-produtturi, inklużi, fejn xieraq, in-natura u l-karatteristiċi tal-materja prima jew tal-ingredjenti li jintużaw, kif ukoll il-metodu li permezz tiegħu jiġi ppreparat il-prodott (l-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-Regolament)

    Materja prima:

    Għasel naturali bil-parametri li ġejjin:

    kontenut ta’ ilma: massimu 20 % (m/m),

    kontenut ta’ zokkor riduċenti: minimu 70 % (m/m),

    kontenut ikkombinat ta’ sukrożju u meleżitożju: massimu 5 % (m/m),

    aċidità totali — soluzzjoni ta’ 1 mol/l NaOH għal kull 100 g ta’ għasel: fil-medda ta’ 1-5 ml,

    kontenut ta’ 5-idrossimetilfurfural (HMF): massimu 4,0 mg għal kull 100 g ta’ għasel;

    Ħmira tal-idromel ta’ attenwazzjoni għolja – adatta għall-attenwazzjoni ta’ estratti għoljin f’estratt tax-xgħir miżjud bil-ħmira;

    Ħxejjex aromatiċi u ħwawar, jew ħops;

    Meraq tal-frott naturali jew frott frisk;

    Etanol ta’ oriġini agrikola jew distillat tal-għasel (possibbilment);

    Aċidu tartariku jew aċidu ċitriku.

    Metodu ta’ produzzjoni:

    Stadju 1

    Preparazzjoni tal-estratt tax-xgħir tal-idromel:

    Għall-idromeli ta’ estratt tax-xgħir mgħolli, l-estratt tax-xgħir jissaħħan (jissajjar) f’temperatura ta’ 95–105 °C.

    Għall-idromeli ta’ estratt tax-xgħir kiesaħ, l-għasel jiġi maħlul f’ilma fietel f’temperatura ta’ 20–30 °C.

    Il-proporzjonijiet meħtieġa ta’ għasel u ilma għall-“półtorak staropolski tradycyjny” huma parti waħda għasel ma’ nofs parti ilma (jew ilma mħallat mal-meraq tal-frott) fil-prodott lest. Billi l-konċentrazzjoni taz-zokkor hija għolja wisq biex il-ħmira taħdem fil-proċess tal-fermentazzjoni, jiġi ppreparat estratt tax-xgħir bil-proporzjonijiet li ġejjin: parti waħda għasel ma’ żewġ partijiet ilma, li magħhom jistgħu jiżdiedu ħxejjex aromatiċi u ħwawar jew ħops. Fil-każ tal-idromeli tal-frott, mill-anqas 30 % tal-ilma jiġi sostitwit b’meraq tal-frott. Sabiex jinżamm il-proporzjon xieraq ta’ għasel mal-ilma li huwa karatteristiku tal-“półtorak staropolski tradycyjny”, il-bqija tal-għasel jiżdied fil-fażi finali tal-fermentazzjoni matul it-tqaddim.

    Fil-każ tal-idromeli ta’ estratt tax-xgħir mgħolli, tintuża kitla tal-estratt tax-xgħir mgħammra b’ġakketta tal-fwar biex tiġi żgurata ż-żamma stretta mal-proporzjonijiet ta’ ilma u għasel u jinkiseb l-estratt meħtieġ. Dan il-metodu ta’ sajran jipprevjeni l-karamellizzazzjoni taz-zokkor.

    Stadju 2

    Għall-idromeli tal-estratt tax-xgħir mgħolli, l-estratt tax-xgħir jitkessaħ għal temperatura ta’ 20-22 °C, it-temperatura ottimali għall-propagazzjoni tal-ħmira. L-l-estratt tax-xgħir irid jitkessaħ fil-jum tal-produzzjoni, il-ħin tat-tkessiħ jiddependi mill-effiċjenza tal-apparat li jkessaħ. It-tkessiħ jiggarantixxi s-sigurtà mikrobijoloġika tal-estratt tax-xgħir.

    Stadju 3

    Żieda tal-ħmira, iż-żieda ta’ soluzzjoni tal-ħmira mal-estratt tax-xgħir f’tank tal-fermentazzjoni.

    Stadju 4

    A.

    Fermentazzjoni vjolenti – 6-10 ijiem. Iż-żamma tat-temperatura f’livell massimu ta’ 28 °C tiżgura li l-proċess tal-fermentazzjoni jseħħ b’mod korrett.

    B.

    Fermentazzjoni bil-mod – 3-6 ġimgħat. Il-perjodu ta’ fermentazzjoni bil-mod jiżgura li jintlaħqu l-parametri fiżikokimiċi xierqa.

    F’dan l-istadju, il-kwantità ta’ għasel li jifdal tista’ tiġi miżjuda sabiex jiġi żgurat il-proporzjon meħtieġ fil-półtorak.

    Stadju 5

    Tiswib tal-estratt tax-xgħir miżjud bil-ħmira attenwat.

    Wara li tinkiseb qawwa alkoħolika ta’ mill-anqas 12 % vol., għandu jsir tiswib minn reċipjent għall-ieħor qabel it-tqaddim. Dan jiggarantixxi li l-idromel ikollu l-karatteristiċi fiżikokimiċi u organolettiċi xierqa. Jekk l-estratt tax-xgħir miżjud bil-ħmira jitħalla fuq is-sediment lil hinn mill-perjodu ta’ fermentazzjoni bil-mod, dan jaffettwa b’mod negattiv il-karatteristiċi organolettiċi, minħabba l-awtoliżi tal-ħmira.

    Stadju 6

    Tqaddim (maturazzjoni) u sifonaġġ (dekantazzjoni) – dan jiġi ripetut kif meħtieġ sabiex jiġi evitat li jseħħu proċessi mhux mixtieqa fis-sediment (awtoliżi tal-ħmira). Matul it-tqaddim, jistgħu jitwettqu operazzjonijiet bħall-pastorizzazzjoni u l-filtrazzjoni. Il-kwantità ta’ għasel li jifdal meħtieġa biex jiġi żgurat li l-proporzjon meħtieġ fil-półtorak ikun jista’ jiġi miżjud f’dan l-istadju, jekk dan ma jkunx sar fil-fażi finali tal-fermentazzjoni. Dan l-istadju huwa essenzjali biex jiġi żgurat li l-prodott ikollu l-karatteristiċi organolettiċi korretti.

    Fil-każ tal-“półtorak staropolski tradycyjny”, dan il-perjodu huwa ta’ mill-anqas 3 snin.

    Stadju 7

    Aġġustament tat-togħma (kompożizzjoni) – dan l-istadju jikkonċerna l-preparazzjoni ta’ prodott finali li jkollu karatteristiċi organolettiċi u fiżikokimiċi xierqa għall-“półtorak staropolski tradycyjny”. Sabiex jiġi żgurat li jinkisbu l-parametri meħtieġa, huwa possibbli li jiġu kkoreġuti l-karatteristiċi organolettiċi u fiżikokimiċi billi000

    jiġi miżjud l-għasel biex l-idromel isir aktar ħelu,

    jiġu miżjuda ħxejjex aromatiċi u ħwawar, jew ħops,

    jiġi miżjud etanol ta’ oriġini agrikola u/jew distillat tal-għasel. Il-kwantità ta’ alkoħol li tiżdied tiġi kkalkulata permezz ta’ konverżjoni għall-ekwivalenti ta’ għasel,

    jiġi miżjud l-aċidu tartariku jew l-aċidu ċitriku.

    L-għan ta’ dan l-istadju huwa li jinkiseb prodott bil-bouquet karatteristiku tal-“półtorak staropolski tradycyjny”.

    Stadju 8

    Tferrigħ f’kontenituri individwali f’temperatura ta’ 18-25 °C. Huwa rakkomandat li l-“półtorak staropolski tradycyjny” jiġi ppreżentat f’imballaġġ tradizzjonali, bħal damiġġjani, kontenituri taċ-ċeramika jew btieti tal-ballut.

    4.3.   Deskrizzjoni tal-elementi ewlenin li jistabbilixxu l-karattru tradizzjonali tal-prodott (l-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-Regolament)

    Karattru speċifiku tal-prodott:

    Il-karattru speċifiku tal-“półtorak staropolski tradycyjny” jirriżulta minn:

    il-preparazzjoni tal-estratt tax-xgħir (il-kompożizzjoni u l-proporzjon tal-materja prima),

    it-tqaddim u l-maturazzjoni,

    il-karatteristiċi fiżikokimiċi u organolettiċi tiegħu.

    Preparazzjoni tal-estratt tax-xgħir (kompożizzjoni):

    Il-karattru speċifiku tal-“półtorak staropolski tradycyjny” jirriżulta b’mod partikolari mill-użu, u ż-żamma stretta mal-proporzjonijiet stabbiliti ta’ għasel u ilma – parti waħda għasel ma’ nofs parti ilma – fl-idromel. Dan il-proporzjon huwa l-fattur determinanti fl-istadji ulterjuri kollha fil-produzzjoni tal-“półtorak staropolski tradycyjny” li jagħtuh il-karatteristiċi uniċi tiegħu.

    Tqaddim u maturazzjoni:

    Skont ir-riċetta antika tradizzjonali Pollakka, il-karattru tal-prodott jiddependi milli jiġi mqaddem u maturat għal perjodu ta’ żmien speċifikat. Fil-każ tal-“półtorak staropolski tradycyjny” dan il-perjodu huwa ta’ mill-anqas 3 snin.

    Karatteristiċi fiżikokimiċi u organolettiċi:

    L-osservanza tal-istadji kollha tal-produzzjoni inklużi fl-Ispeċifikazzjoni tiżgura li jinkiseb prodott b’togħma u aroma uniċi. It-togħma u r-riħa uniċi tal-“półtorak staropolski tradycyjny” huma r-riżultat ta’ kontenut xieraq ta’ zokkor u alkoħol:

    zokkor riduċenti wara l-inverżjoni: > 300 g/l,

    zokkor totali fi grammi: iċ-ċifra li, meta tiżdied mal-qawwa alkoħolika reali (% vol.) immultiplikata bi 18, tagħti minimu ta’ 600,

    qawwa alkoħolika: 15–18 % vol.

    Minħabba l-proporzjonijiet strettament definiti tal-ingredjenti użati fil-produzzjoni tiegħu, il-“półtorak staropolski tradycyjny” għandu konsistenza tipikament viskuża u likwida li tiddistingwiha minn tipi oħra ta’ idromel.

    Metodu ta’ produzzjoni tradizzjonali:

    Il-produzzjoni tal-idromel fil-Polonja hija tradizzjoni li tmur lura aktar minn elf sena u hija diversa ħafna. L-iżvilupp u t-titjib tal-metodu ta’ produzzjoni matul is-sekli wassal għal ħafna varjetajiet ta’ idromel. L-istorja tal-produzzjoni tal-idromel tmur lura għall-bidu tas-sovranità tal-Polonja. Fis-sena 966, id-diplomatiku, negozjant u vjaġġatur Spanjol, Ibrahim ibn Yaqub, kiteb: “Minbarra l-ikel, il-laħam u l-art għall-ħrit, il-pajjiż ta’ Mieszko I huwa abbundanti fl-idromel, kif jissejħu l-inbejjed u x-xorb li jsakkar Slavi” (Mieszko I kien l-ewwel ħakkiem storiku tal-Polonja). Il-Kronaki ta’ Gallus Anonymus, li rreġistraw l-istorja Pollakka bejn l-aħħar snin tas-seklu 11 u l-ewwel snin tas-seklu 12, fihom ukoll bosta referenzi għall-produzzjoni tal-idromel.

    Il-poeżija epika nazzjonali Pollakka Pan Tadeusz ta’ Adam Mickiewicz, li tirrakkonta l-istorja tan-nobbiltà fl-1811 u l-1812, fiha ħafna informazzjoni dwar il-produzzjoni, il-konsum u l-varjetajiet differenti ta’ idromel. Referenzi għall-idromel jistgħu jinstabu wkoll fil-poeżiji ta’ Tomasz Zan (1796-1855), kif ukoll fit-triloġija ta’ Henryk Sienkiewicz li tiddeskrivi avvenimenti fil-Polonja fis-seklu 17 (Ogniem i mieczem, ippubblikat fl-1884; Potop, ippubblikat fl-1886 u Pan Wołodyjowski, ippubblikat fl-1887 u fl-1888).

    Il-materjali ta’ bażi li jiddeskrivu t-tradizzjonijiet kulinarji Pollakki tas-sekli 17 u 18 jinkludu mhux biss referenzi ġenerali għall-idromel, iżda wkoll referenzi għal varjetajiet differenti ta’ idromel. Jiddependi mill-metodu ta’ produzzjoni, dawn kienu jissejħu półtorak, dwójniak, trójniak jew czwórniak. Kull wieħed minn dawn l-ismijiet huwa relatat ma’ tip differenti ta’ idromel, prodott abbażi ta’ proporzjonijiet differenti ta’ għasel u ilma jew meraq, u żminijiet differenti ta’ tqaddim. It-teknika tal-produzzjoni tal-półtorak ilha tintuża, b’modifiki żgħar, għal sekli sħaħ.

    Kompożizzjoni tradizzjonali:

    Il-klassifikazzjoni tradizzjonali tal-idromeli bħala półtorak, dwójniak, trójniak u czwórniak ilha teżisti fil-Polonja għal sekli sħaħ u għadha teżisti fil-koxjenza tal-konsumaturi sal-lum. Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, saru tentattivi sabiex jiġi regolat it-tqassim tradizzjonali tal-idromeli f’erba’ kategoriji. Din il-klassifikazzjoni finalment ġiet imnaqqxa fil-liġi Pollakka fl-1948 permezz tal-Att dwar il-produzzjoni tal-inbejjed, il-mosti tal-inbejjed u l-idromeli u l-kummerċ ta’ dawn il-prodotti (Ġurnal tal-Liġijiet tar-Repubblika tal-Polonja tat-18 ta’ Novembru 1948). Dan l-Att jinkludi regoli dwar il-produzzjoni tal-idromeli, li jispeċifikaw il-proporzjonijiet eżatti ta’ għasel u ilma u r-rekwiżiti teknoloġiċi. Il-proporzjon ta’ ilma u għasel għall-półtorak huwa mogħti kif ġej: “Jista’ jissejjaħ półtorak biss l-idromel prodott minn parti waħda għasel naturali u nofs parti ilma”.

    Żewġ metodi ta’ preparazzjoni tal-estratt tax-xgħir:

    L-estratt tax-xgħir għall-produzzjoni tal-idromeli tradizzjonali jista’ jiġi ppreparat b’żewġ modi: permezz ta’ sajran (tisħin) jew billi jitħalla barra dan l-istadju. Saret distinzjoni bejn iż-żewġ metodi ta’ produzzjoni f’bosta sorsi bil-miktub, pereżempju

    “Najdokładniejszy sposób sycenia różnych gatunków miodów”, Fr. Józef Ambrożewicz, Varsavja, 1891. Dan ix-xogħol jiddeskrivi żewġ metodi ta’ kif isir l-idromel.

    “Hemm żewġ modi li bihom nistgħu nagħmlu l-idromel mill-għasel:

    1)

    bil-għajnuna tan-nar, fi kliem ieħor permezz tas-sajran jew tat-togħlija;

    2)

    mingħajr l-għajnuna tan-nar, jiġifieri mingħajr togħlija.”

    “Miodosytnictwo – czyli nauka przerabiania miodu i owoców na napoje” minn Teofil Ciesielski, ippubblikat f’Lviv fl-1892, li jikklassifika l-idromeli skont il-mod li bih l-estratt tax-xgħir jiġi ppreparat għall-fermentazzjoni:

    “Hemm żewġ modi li bihom nistgħu nagħmlu xarba mill-għasel, jiġifieri:

    (a)

    bil-għajnuna tan-nar, fi kliem ieħor permezz tas-sajran jew tat-togħlija;

    (b)

    bil-metodu kiesaħ.”

    “Mała encyklopedia rolnicza”, ippubblikata minn Państwowe Wydawnictwa Rolnicze i Leśne, Varsavja, fl-1964, li tiddeskrivi, f’paġna 410, it-tqassim tal-idromeli f’kategoriji:

    “Jiddependi mill-metodu ta’ preparazzjoni tal-estratt tax-xgħir tal-idromel, hemm idromeli ta’ estratt tax-xgħir kiesaħ, miksuba minn estratt tax-xgħir li ma jkunx ġie msaħħan, u idromel ta’ estratt tax-xgħir mgħolli (imsajjar), miksub minn most li jkun ġie msaħħan (mgħolli, imsajjar).”

    (1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.


    Top