EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020XC0618(12)

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel 2020/C 204/19

C/2020/4047

ĠU C 204, 18.6.2020, p. 29–33 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

18.6.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 204/29


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2020/C 204/19)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fi żmien tliet xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

DOKUMENT UNIKU

“Malostonska kamenica”

Nru tal-UE: PDO-HR-02426 — 22.8.2018

DOP (X) IĠP ()

1.   Isem/ismijiet

“Malostonska kamenica”

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

Ir-Repubblika tal-Kroazja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.7: Ħut frisk, molluski, krustaċji u prodotti derivati minnhom

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

Tassonomikament, il-“Malostonska kamenica” tappartjeni għall-ispeċi tal-gajdra ċatta Ewropea Ostrea edulis Linnaeus, 1758.

Il-“Malostonska kamenica” hija frotta tal-baħar b’qafas sod, asimmetrika, b’valvi inugwali fid-daqs u l-forma, xi drabi fraġli, b’forma ovali irregolari u truf irregolari. Il-valv (il-qoxra ta’ taħt) tax-xellug ikun imqabbad, filwaqt li l-valv (ta’ fuq) tal-lemin ikun ċatt u jagħlaq fil-valv tax-xellug. Il-valvi huma ta’ kulur safrani, kannella fil-griż jew aħdar fl-isfar, bi sfumaturi fil-vjola jew fl-aħmar. L-iskultura tal-valvi tikkonsisti fi xfar jew linji konċentriċi, xquq u kustilji u laqx qisu weraq. Jistgħu jidhru wkoll xquq u kustilji radjali. In-naħa ta’ ġewwa tal-valv tkun ta’ kulur abjad lewn il-perla, xi drabi bi tbajja’ b’ħafna kuluri.

It-tessut artab, jew il-“laħam”, jimla l-parti l-kbira tal-kavità tal-valv u jista’ jittiekel mingħajr ma jkollu bżonn jgħaddi minn trattament bis-sħana. Il-laħam fil-ħotba vixxerali huwa kkaratterizzat minn struttura xaħmija tleqq, ta’ kulur abjad li jagħti fl-isfar, soda, f’għamla ta’ koppla u minfuħa, filwaqt li t-truf tal-mantell ikunu skuri ħafna, ġeneralment suwed u, għalhekk, f’kuntrast qawwi mal-ħotba vixxerali liemja u tleqq.

Meta titqiegħed fis-suq, il-“Malostonska kamenica” trid tkun ħajja u jkollha l-karatteristiċi li ġejjin:

il-valvi tagħha jridu jkunu sħaħ, mingħajr ebda ħsara jew deformazzjoni, u mnaddfin minn organiżmi li jniġġsu u impuritajiet oħrajn;

il-laħam irid ikollu konsistenza żejtnija li ddub fil-ħalq u jrid ikun artab u mmerraq meta tigdmu; irid ikollu togħma bilanċjata karatteristika ta’ ħlewwa u mluħa prodotta mit-taħlita tat-togħma ħelwa u qawwija tal-parti vixxerali u t-togħma pjaċevoli ta’ minerali tal-baħar iddominata minn aroma ta’ jodju li tibqa’ fuq il-palat;

il-kontenut minimu ta’ karboidrati fil-laħam irid ikun ta’ 25 milligramma għal kull gramma ta’ materja niexfa;

il-valur tal-indiċi tal-laħam, jiġifieri l-proporzjon tal-laħam mill-piż tal-frott tal-baħar kollu (il-piż tal-laħam frisk/il-piż tal-frott tal-baħar kollu × 100) irid ikun akbar minn 10,5 minn Frar sa Lulju u f’Settembru, u aktar minn 6,5 matul il-bqija tas-sena;

minbarra l-laħam, il-parti ta’ ġewwa tal-valv irid ikun fiha likwidu intervalvulari trasparenti u ċar karatteristiku, ikkaratterizzat minn riħa rinfreskanti ta’ alka fiż-żona tal-marea;

it-tul minimu ta’ gajdra waħda jrid ikun ta’ 7 ċentimetri, il-piż minimu ta’ 60 gramma.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

L-ewwel fażi tat-trobbija tikkonsisti fil-qbid tal-frieħ tal-“Malostonska kamenica” u tinvolvi t-tħejjija u l-installazzjoni ta’ kolletturi għall-frieħ tal-gajdri u l-klassifikazzjoni u l-issortjar ta’ dawk addattati. It-tieni fażi tinvolvi t-tnissil tal-frieħ tal-gajdri fl-irziezet tat-tnissil sakemm jilħqu tul kummerċjali. Issir distinzjoni bejn żewġ metodi ta’ trobbija: dak tat-trobbija fiċ-ċestuni u x-xbieki, u dak bis-simentar. Ġeneralment, dawn iż-żewġ metodi jiġu kkombinati.

It-trobbija tal-“Malostonska kamenica” ssir fi rziezet li jżommu f’wiċċ l-ilma.

Il-fażijiet kollha msemmija hawn fuq fil-produzzjoni tal-“Malostonska kamenica”, sal-qbid għas-suq, iridu jseħħu fiż-żona ġeografika ddefinita fil-punt 4.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

Meta l-prodott jitqiegħed fis-suq bi kwalunkwe tip ta’ imballaġġ minn qabel, it-tikkettar irid ikun fih l-isem “Malostonska kamenica”, u jkun distingwibbli b’mod ċar skont id-daqs, it-tip u l-kulur tal-ittri (tipografija) minn kwalunkwe skrizzjoni oħra.

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona ġeografika li fiha jseħħu l-fażijiet kollha tal-produzzjoni tal-“Malostonska kamenica” tinkludi l-ilmijiet tal-Bajja ta’ Mali Ston li jappartjenu għar-Repubblika tal-Kroazja. Il-Bajja ta’ Mali Ston tkopri medda ta’ 28 km tal-Kanal ta’ Neretva li testendi bejn ix-xtut tal-art kontinentali u l-peniżola ta’ Pelješac fid-direzzjoni tal-Majjistral/tax-Xlokk. L-aktar punt wiesa’ tagħha kbir 6,1 km, bejn il-port ta’ Drače u l-qala ta’ Soline. Il-bajja tkopri ż-żona mill-qala ta’ Kuta fuq naħa waħda, sal-kap ta’ Rat fuq Pelješac u l-kap ta’ Rivine fuq l-art kontinentali fuq in-naħa l-oħra, fejn il-bajja għandha wisa’ ta’ 4,5 km.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

L-ispeċifiċità tal-“Malostonska kamenica” hija bbażata kemm fuq il-karatteristiċi naturali uniċi tal-Bajja ta’ Mali Ston, li wasslu għad-deżinjazzjoni tagħha bħala żona naturali protetta, kif ukoll fuq l-għarfien espert, żviluppat matul sekli, tat-tnissil tal-gajdri fil-Bajja ta’ Mali Ston. Il-karatteristiċi uniċi tal-ilmijiet tal-Bajja ta’ Mali Ston, il-kwantità u l-kompożizzjoni ottimali tal-ikel, il-kwalità eċċellenti tal-ilma baħar, u l-użu tal-għarfien espert u l-kompetenza tradizzjonali huma kollha riflessi direttament fil-kwalità u l-karatteristiċi organolettiċi ta’ dan il-prodott apprezzat.

5.1.   L-ispeċifiċità taż-żona ġeografika

Il-Bajja ta’ Mali Ston kienet magħrufa matul l-istorja bħala l-post fejn titrabba l-“Malostonska kamenica”. Huwa bis-saħħa tal-kundizzjonijiet ekoloġiċi speċifiċi tal-bajja li x-xjentisti wrew interess fil-bajja u ilhom iwettqu riċerka fil-fond hawnhekk mill-1979. Is-sejbiet ta’ din ir-riċerka wasslu lill-korpi kompetenti tal-Istat biex jinnominaw din iż-żona bħala żona protetta fl-1983. Hija protetta bħala riżerva tal-baħar speċjali sal-lum il-ġurnata.

Il-Bajja ta’ Mali Ston hija kkaratterizzata minn dħul sinifikanti ta’ ilma ħelu minn fawwara taħt il-baħar, mix-Xmara Neretva u mill-preċipitazzjoni li titkaxkar mill-art kontinentali. Dawn l-ilmijiet jaġixxu bħala regolatur speċifiku tat-temperatura u tas-salinità u jarrikkixxu l-Bajja ta’ Mali Ston bin-nutrijenti, u b’hekk jagħmlu ż-żona produttiva ħafna. Il-Bajja ta’ Mali Ston hija baxxa, b’fond medju ta’ 15-il metru u qiegħ il-baħar mimli ħama, li jgħin mhux biss biex jinżammu l-kundizzjonijiet ekoloġiċi partikolari għat-trobbija tal-frott tal-baħar, iżda wkoll jiffavorixxi t-tekniki tal-produzzjoni.

L-ispeċifiċità taż-żona ġeografika kostali tal-Bajja ta’ Mali Ston tinsab fil-veġetazzjoni tagħha, li hija ddominata minn arbuxelli u siġar tal-ilċi, li r-residwi tal-pjanti tagħhom huma ddepożitati fis-saff ta’ fuq tal-ħamrija kostali, u b’hekk tiġi evitata l-erożjoni tal-ħamrija. Din il-veġetazzjoni tippermetti fluss gradwali ta’ nutrijenti (fosfati, silikati, nitrati) u minerali mill-art kontinentali sal-baħar, li jikkontribwixxu għal żvilupp bilanċjat tal-popolazzjonijiet tal-fitoplankton li jipprovdu “Malostonska kamenica” b’nutrijenti importanti.

Il-karatteristiċi tal-ilmijiet jiġu influwenzati wkoll mill-irjieħ. Taħt l-influwenza tal-irjieħ mit-Tramuntana u min-Nofsinhar, l-ilma joħroġ mill-Bajja ta’ Mali Ston fis-saff tal-wiċċ u jidħol fil-bajja fis-saff tal-qiegħ, u jġib miegħu l-ispeċijiet ta’ plankton tal-baħar fond. B’kuntrast, l-irjieħ qawwija mill-Punent jamplifikaw l-effett tax-Xmara Neretva, u b’hekk inaqqsu l-valuri tas-salinità. Il-fond baxx tal-ilmijiet jagħti lok għal kurrenti tal-baħar qawwija li jimxu f’direzzjonijiet varjabbli. Dan jippermetti li l-ilmijiet tal-baħar tal-bajja jkunu ossiġenati sewwa u jiżgura li l-ikel planktoniku jkun distribwit sewwa.

Il-fluss kostanti ta’ nutrijenti mill-art kontinentali, il-kurrenti qawwija, l-influwenza tal-irjieħ u l-proprjetajiet termoalini jingħaqdu biex jifformaw komunità speċifika ta’ plankton. Fil-Bajja ta’ Mali Ston instabu total ta’ 195 speċi ta’ mikrofitoplankton. Id-dijatomi u d-dinoflaġellati tal-ġinnodinojdi jiddominaw matul is-sena, filwaqt li fix-xitwa tiżviluppa popolazzjoni densa ta’ mikrożooplankton fiż-żona, speċjalment gruppi ta’ tintinnidi, ifformati minn 20 speċi.

It-tradizzjoni tat-trobbija tal-frott tal-baħar fil-Bajja ta’ Mali Ston b’attenzjoni partikolari għall-gajdri tmur lura sa żmien l-Imperu Ruman (Pliny – Naturalis Historia) u r-Repubblika ta’ Dubrovnik (Ordni tal-Prinċep ta’ Ston mill-1641). L-ewwel rekord disponibbli fl-arkivju dwar kif jinġabru l-gajdri minn mixtliet naturali u dwar is-semitrobbija fil-Bajja ta’ Mali Ston imur lura għall-1573. It-trobbija tal-gajdri kienet diġà stabbilita sewwa sas-seklu 16, meta kienet f’idejn ir-rappreżentanti tar-Repubblika ta’ Dubrovnik fi Ston. L-ewwel razzett kummerċjali tal-frott tal-baħar fuq il-kosta Dalmazjana twaqqaf mill-Kaptan Stijepo Bjelovučić fil-qala ta’ Sutvid, ħdejn Drače, fl-1889, li tejjeb b’mod sinifikanti t-teknika tat-trobbija tal-gajdri fiż-żona.

It-tradizzjoni ta’ sekli sħaħ ta’ trobbija tal-gajdri fil-Bajja ta’ Mali Ston irriżultat f’akkumulazzjoni ta’ għarfien espert u kompetenza speċifiċi fost il-pixxikulturi lokali tal-frott tal-baħar. Dawn il-pixxikulturi saru dejjem aktar familjari mal-karatteristiċi taż-żona tal-produzzjoni matul iż-żmien, u kontinwament jadattaw u jtejbu l-prattiki tat-trobbija tagħhom sabiex itejbu l-kwantità u l-kwalità tal-gajdri mrobbija.

Wieħed mill-proċessi tat-trobbija huwa marbut mal-produzzjoni għolja tal-plankton tal-Bajja ta’ Mali Ston, li għandha effett pożittiv fuq it-tkabbir u l-kundizzjoni tal-gajdri, iżda tiffavorixxi wkoll it-tkabbir intensiv tal-organiżmi li jniġġsu, li jnaqqas l-iżvilupp tal-gajdri. Għal dik ir-raġuni, il-pixxikulturi lokali jnaddfu l-gajdri ta’ dawn l-organiżmi li jniġġsu b’mod aktar frekwenti, billi jagħżlu biss l-aqwa gajdri għat-trobbija ulterjuri. Minħabba li l-gajdri huma sensittivi ħafna matul il-fażijiet bikrija, l-organiżmi li jniġġsu jitnaddfu bl-idejn, li jippermetti li l-gajdri jiġu eżaminati waħda waħda qabel ma jintgħażlu jew jintremew. Sabiex jitnisslu gajdri tal-ogħla kwalità, il-proċess ta’ hawn fuq jitwettaq għal 3-5 darbiet matul ċiklu wieħed tal-produzzjoni.

5.2.   Dettalji tal-kwalità tal-prodott

L-ispeċifiċità tal-“Malostonska kamenica” hija bbażata primarjament fuq il-karatteristiċi organolettiċi tal-laħam.

Il-laħam tal-“Malostonska kamenica” huwa kkaratterizzat minn struttura xaħmija soda, f’għamla ta’ koppla u minfuħa ta’ kulur bajdani għal safrani jleqq, li tiżviluppa bħala riżultat tal-akkumulazzjoni ta’ glikoġenu fil-ħotba vixxerali. Il-glikoġenu huwa sustanza ta’ riżerva u sors ta’ enerġija għall-bini u l-iżvilupp tat-tessut gonadali waqt il-proċess tar-riproduzzjoni. Jinħażen fil-ħotba vixxerali fuq il-garġi, bejn l-aductor u l-muskoli tal-ġogi. Il-glikoġenu huwa polisakkarid tal-glukosju, li jikkostitwixxi kważi s-sehem kollu tal-karboidrati fil-laħam tal-gajdra. L-ogħla kontenut ta’ glikoġenu fil-laħam tal-“Malostonska kamenica” jista’ jinstab matul ix-xitwa u l-bidu tar-rebbiegħa, li jfisser li l-gajdra tkun l-eħxen u l-aktar xaħmija matul dak il-perjodu.

Minbarra t-tessut xaħmi jew il-“laħam”, in-naħa ta’ ġewwa tal-valv tal-“Malostonska kamenica” fiha wkoll likwidu intervalvulari trasparenti u ċar karatteristiku, ikkaratterizzat minn riħa rinfreskanti ta’ alka fiż-żona tal-marea.

Il-laħam ikollu konsistenza żejtnija u jkun artab u mmerraq meta tigdmu, b’togħma ħelwa u mielħa bilanċjata u speċifika. It-togħma tiġi prodotta mit-taħlita tat-togħma ħelwa u sħiħa tal-parti vixxerali u t-togħma pjaċevoli ta’ minerali tal-baħar iddominata minn aroma ta’ jodju li tibqa’ fuq il-palat. Il-ħotba vixxerali, bir-riżervi tagħha ta’ glikoġenu, iddub fil-ħalq u tipproduċi togħma distinta, ħelwa u sħiħa. It-togħma karatteristika ta’ minerali hija r-riżultat ta’ taħlita tal-minerali li jinsabu fil-laħam u fil-likwidu intervalvulari.

Il-kontenut ta’ karboidrati tal-laħam tal-“Malostonska kamenica”, ifformat kważi kollu kemm hu mill-glikoġenu, ivarja skont iż-żmien tas-sena. Sabiex tiġi żgurata l-kwalità minima tal-“Malostonska kamenica” f’termini tal-ħlewwa u l-konsistenza mmerrqa rikonoxxibbli tagħha, il-kontenut minimu ta’ karboidrati fil-laħam irid ikun ta’ 25 milligramma għal kull gramma ta’ materja niexfa.

Il-kwalità kummerċjali tal-“Malostonska kamenica” tiġi ddeterminata prinċipalment mill-ammont ta’ laħam ġewwa l-kavità tal-mantell, jiġifieri mill-indiċi tal-laħam. Fi studju xjentifiku, A. Gavrilović u oħrajn ittestjaw il-kwalità tal-laħam tal-“Malostonska kamenica” fil-Bajja ta’ Mali Ston u, skont l-istandard Franċiż (IFREMER, 2003), sabu li l-“Malostonska kamenica” tista’ tinqasam fi tliet gruppi differenti ta’ kwalità skont il-valur tal-indiċi tal-laħam (il-piż tal-laħam frisk/il-piż tal-frott tal-baħar sħiħ × 100). L-indiċi tal-laħam juri li għal seba’ xhur tas-sena (minn Frar sa Lulju, u f’Settembru), skont l-istandard Franċiż, il-“Malostonska kamenica” tappartjeni għall-ogħla kategorija (catégorie spéciale, b’indiċi tal-laħam > 10,5), filwaqt li, għall-bqija tas-sena, tappartjeni għall-kategorija eċċellenti (catégorie fine, b’indiċi tal-laħam ta’ 6,5–10,5). L-aktar kategorija baxxa, “mhux ikklassifikata” (non classées, indiċi tal-laħam < 6,5), ma nstabitx. Dan jissuġġerixxi li l-“Malostonska kamenica” hija ta’ kwalità eċċellenti matul is-sena kollha, speċjalment meta wieħed iqis li, anki fil-kategorija aktar baxxa ta’ “eċċellenti”, il-valuri jkunu qrib ħafna tal-istandard massimu għal dik il-kategorija (A. Gavrilović u oħrajn, Utjecaj indeksa kondicije i stupnja infestacije ljušture polihetom Polydora spp. na kvalitetu europske plosnate kamenice Ostrea edulis (Linneaus, 1758) iz Malostonskog zaljeva, 2008).

Ir-riżultati tal-analiżijiet ġenetiċi jindikaw ukoll l-ispeċifiċità tal-“Malostonska kamenica”, li tikkonferma d-diversità ġenetika tal-popolazzjoni tagħha, li tvarja mill-popolazzjonijiet l-oħrajn tal-gajdri analizzati f’termini tal-għadd ta’ ħaplotipi differenti (l-Anness 4.20. L-Istitut Ruđer Bošković, Ir-rapport finali dwar il-proġett intitolat Zaštita proizvodnje malostonske kamenice dokazivanjem autohtonosti, 2009).

Il-“Malostonska kamenica” hija msemmija wara l-Bajja ta’ Mali Ston, fejn titrabba l-gajdra. L-isem deher għall-ewwel darba u beda jintuża fid-diskors ta’ kuljum fis-snin sebgħin (1970s) (A. Šimunović, Problemi uzgoja kamenica u Malostonskom zaljevu, 1975).

Il-livell ta’ rikonoxximent li gawdiet minnu l-“Malostonska kamenica” intwera fi stħarriġ li sar mal-Kroazja kollha. Is-sejbiet tal-istħarriġ, li twettaq fuq kampjun ta’ 1 000 rispondent f’sitt reġjuni Kroati, jindikaw grad għoli ta’ rikonoxximent tal-“Malostonska kamenica”. Meta saritilhom il-mistoqsija “Ġieli smajt bil-Malostonska kamenica?”, 56 % tar-rispondenti wieġbu fl-affermattiv.

Fi tmiem is-seklu 19, il-“Malostonska kamenica” ngħatat diversi diplomi. Rebħet il-premju tal-Grand Prix fil-Wirja Dinjija f’Londra fl-1936, fejn kisbet il-midalja tad-deheb għall-kwalità.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għal DOP) jew il-kwalità, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra speċifiċi talprodott (għal IĠP)

Il-karatteristiċi speċifiċi tal-“Malostonska kamenica” jiġu prodotti taħt l-influwenza ta’ fatturi ambjentali taż-żona ġeografika li fiha jitrabbew, u huma parzjalment ir-riżultat ta’ prattiki tradizzjonali tat-trobbija użati mill-pixxikulturi lokali tal-frott tal-baħar.

Fattur ambjentali ewlieni huwa l-ilma ħelu li jidħol fil-Bajja ta’ Mali Ston minn diversi sorsi. Dan l-ilma ħelu jnaqqas is-salinità tal-ilma baħar, filwaqt li jaġixxi wkoll bħala regolatur tas-sħana. Billi jitnaqqsu l-ogħla livelli u l-inqas livelli tat-temperatura staġjonali tal-ilma baħar, u s-salinità tiegħu, tonqos ukoll l-influwenza negattiva ta’ dawn il-fatturi fuq it-tkabbir u l-iżvilupp tal-gajdri. L-ilma ħelu jarrikkixxi wkoll il-Bajja ta’ Mali Ston bin-nutrijenti, li jagħmilha ż-żona produttiva ħafna, u l-veġetazzjoni speċifika tippermetti fluss gradwali ta’ nutrijenti (fosfati, silikati, nitrati) u minerali mill-art kontinentali sal-baħar, li jikkontribwixxu għal żvilupp bilanċjat tal-popolazzjonijiet tal-fitoplankton li jipprovdu “Malostonska kamenica” b’nutrijenti importanti. It-temperatura u s-salinità rregolati u l-iżvilupp uniformi tal-popolazzjonijiet tal-fitoplankton u tal-mikrożooplankton huma riflessi fl-indiċi tal-laħam konsistentement għoli għall-“Malostonska kamenica” matul is-sena kollha. Dan jikkonferma r-rabta bejn il-kundizzjonijiet speċifiċi fil-bajja u l-kwalità tal-gajdra matul is-sena kollha. Minbarra li tipprovdi n-nutrijenti, iż-żieda fil-fluss tal-ilma ħelu żżid ukoll il-konċentrazzjoni ta’ minerali fil-Bajja ta’ Mali Ston, li min-naħa tagħha taffettwa l-akkumulazzjoni ta’ dawn il-minerali, speċjalment iż-żingu, il-ħadid u l-jodju, fil-laħam tal-gajdra.

Il-kundizzjonijiet ekoloġiċi speċifiċi tal-Bajja ta’ Mali Ston u l-iżolament ġeografiku tagħha setgħu influwenzaw ukoll l-ispeċifiċità bijoloġika tal-“Malostonska kamenica”, kif riflessa fid-diversità ġenetika tagħha meta mqabbla ma’ popolazzjonijiet oħrajn. Il-fatt li l-“Malostonska kamenica” adattat kompletament għall-ambjent lokali tagħha, flimkien mal-prattiki tradizzjonali tat-trobbija, jippermetti li l-potenzjal ġenetiku tagħha jintlaħaq bis-sħiħ, li fl-aħħar mill-aħħar jista’ jidher fil-karatteristiċi organolettiċi speċifiċi tal-prodott.

Il-kundizzjonijiet ekoloġiċi speċifiċi fil-Bajja ta’ Mali Ston għandhom effett pożittiv fuq iċ-ċiklu riproduttiv tal-“Malostonska kamenica”, li jirriżulta f’ċiklu biannwali ta’ riproduzzjoni b’konċentrazzjonijiet għoljin ta’ larvi. Il-Bajja ta’ Mali Ston għandha l-ogħla konċentrazzjoni ta’ larvi fil-Baħar Adrijatiku u hija l-unika parti tal-Adrijatiku fejn il-larvi jistgħu jinqabdu b’suċċess darbtejn fis-sena (M. Meštrov u A. Požar-Domac, Bitna svojstva ekosistema Malostonskog zaljeva i zaštita, 1981, A. Šimunović, Stanje i problemi uzgoja kamenice i dagnje u Malostonskom zaljevu, 2001). Minbarra li jindika l-kundizzjonijiet favorevoli ħafna għat-trobbija tal-gajdri fil-Bajja ta’ Mali Ston, iċ-ċiklu biannwali tar-riproduzzjoni jerġa’ jikkonferma l-ispeċifiċità tal-“Malostonska kamenica” u l-kapaċità tagħha li tilħaq il-potenzjal ġenetiku speċifiku tagħha bis-sħiħ.

L-użu ta’ proċessi tradizzjonali ta’ trobbija, inkluż it-tindif frekwenti bl-idejn ta’ organiżmi li jniġġsu, u l-metodu speċifiku għall-għażla tal-gajdri, fejn jinġabru biss l-aħjar gajdri għat-trobbija ulterjuri, jaffettwa l-kapaċità tal-filtrazzjoni tal-gajdri u l-kapaċità tagħhom li jieklu, jiġifieri t-tkabbir u l-iżvilupp tagħhom. Il-metodu ta’ tindif manwali użat minn dawk li jrabbu l-frott tal-baħar fil-Bajja ta’ Mali Ston inaqqas ħafna l-okkorrenza tal-polychaete Polydora sp., li taffettwa b’mod negattiv l-indiċi tal-kundizzjoni u l-karatteristiċi organolettiċi tal-gajdra. Fil-Bajja ta’ Mali Ston instabu għadd ferm aktar baxx ta’ polychaeta fil-valvi tal-gajdri, meta mqabbla ma’ żoni oħrajn ta’ produzzjoni. Il-pixxikulturi lokali tal-frott tal-baħar tgħallmu mill-esperjenza li l-eżami u t-tindif tal-gajdri bejn 3 u 5 darbiet matul ċiklu ta’ produzzjoni jiżguraw il-kapaċità massima tal-filtrazzjoni, li taffettwa mhux biss in-nutrizzjoni, iżda wkoll iċ-ċiklu riproduttiv u l-assorbiment tal-minerali, kif ukoll it-togħma karatteristika tal-“Malostonska kamenica”.

L-ispeċifiċità ġenetika; id-diversità u t-taħlita ta’ speċijiet ta’ plankton; iċ-ċiklu riproduttiv speċifiku; il-fluss ta’ minerali mill-art kontinentali; il-kurrenti qawwija tal-baħar; il-kwalità u l-arjazzjoni tajba tal-ilma baħar; u l-użu ta’ għarfien espert tradizzjonali mill-pixxikulturi lokali tal-frott tal-baħar: dawn il-fatturi kollha jingħaqdu flimkien biex jipproduċu l-karatteristiċi organolettiċi ta’ kwalità għolja, speċifiċi u rikonoxxibbli tal-“Malostonska kamenica”.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)

https://poljoprivreda.gov.hr/UserDocsImages/arhiva/datastore/filestore/82/Specifikacija-Malostonska-kamenica-11.pdf


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.


Top