IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 15.12.2020
COM(2020) 842 final
2020/0374(EMPTY)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar swieq kontestabbli u ġusti fis-settur diġitali (l-Att dwar is-Swieq Diġitali)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
{SEC(2020) 437 final} - {SWD(2020) 363 final} - {SWD(2020) 364 final}
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Is-servizzi diġitali ġabu benefiċċji innovattivi importanti għall-utenti u kkontribwew għas-suq intern billi fetħu opportunitajiet ġodda ta’ negozju u ffaċilitaw il-kummerċ transfruntier. Illum, dawn is-servizzi diġitali jkopru firxa wiesgħa ta’ attivitajiet ta’ kuljum, inkluż is-servizzi ta’ intermedjazzjoni online, bħal postijiet tas-suq online, servizzi ta’ networking soċjali online, magni tat-tiftix online, sistemi operatorji jew ħwienet ta’ applikazzjonijiet tas-software. Dawn iżidu l-għażla tal-konsumatur, itejbu l-effiċjenza u l-kompetittività tal-industrija u jistgħu jtejbu l-parteċipazzjoni ċivili fis-soċjetà. Iżda għalkemm fl-ekonomija diġitali tal-Ewropa hemm joperaw aktar minn 10 000 pjattaforma online, li l-ħafna minnhom huma SMEs, l-akbar sehem tal-valur ġenerali ġġenerat huwa ffurmat minn għadd żgħir ta’ pjattaformi online kbar.
Il-pjattaformi kbar tfaċċaw għax ibbenefikaw minn karatteristiċi tas-settur bħall-effetti qawwija tan-network, li ħafna drabi jiġu inkorporati fl-ekosistemi tal-pjattaformi tagħhom stess, u dawn il-pjattaformi jirrappreżentaw elementi strutturali ewlenin tal-ekonomija diġitali tal-lum għax jintermedjaw ħafna mit-tranżazzjonijiet bejn l-utenti finali u l-utenti kummerċjali. Ħafna minn dawn l-impriżi qed ukoll iżommu insegwimenti u jfasslu profili komprensivi tal-utenti finali. Għadd żgħir ta’ pjattaformi kbar qed jaġixxu dejjem aktar bħala gateways jew gwardjani bejn l-utenti kummerċjali u l-utenti finali, u jgawdu minn pożizzjoni stabbilita u dejjiema, ħafna drabi minħabba l-ħolqien ta’ ekosistemi konglomerati madwar is-servizzi ewlenin tal-pjattaforma tagħhom, li jsaħħu l-ostakli eżistenti għad-dħul.
Bħala tali, dawn il-gwardjani għandhom impatt kbir fuq is-swieq diġitali, għandhom kontroll sostanzjali fuq l-aċċess għalihom, u huma stabbiliti fihom, u dan iwassal għal dipendenzi sinifikanti ta’ ħafna utenti kummerċjali fuq dawn il-gwardjani, li xi drabi jwasslu għal imġiba inġusta fil-konfront ta’ dawn l-utenti kummerċjali. Dan iwassal ukoll għal effetti negattivi fuq il-kontestabbiltà tas-servizzi ewlenin tal-pjattaforma kkonċernati. L-inizjattivi regolatorji tal-Istati Membri ma jistgħux jindirizzaw dawn l-effetti għalkollox; mingħajr azzjoni fil-livell tal-UE, dawn jistgħu jwasslu għal frammentazzjoni tas-suq intern.
Il-prattiki inġusti u n-nuqqas ta’ kontestabbiltà jwasslu għal eżiti ineffiċjenti fis-settur diġitali f’termini ta’ prezzijiet ogħla, kwalità aktar baxxa, u inqas għażla u innovazzjoni għad-detriment tal-konsumaturi Ewropej. Huwa importanti ferm li dawn il-problemi jiġu indirizzati minħabba d-daqs tal-ekonomija diġitali (stmata bejn 4,5 % u 15,5 % tal-PDG dinji fl-2019 b’xejra ta’ tkabbir) u r-rwol importanti li għandhom il-pjattaformi online fis-swieq diġitali bl-implikazzjonijiet soċjetali u ekonomiċi tiegħu.
Għalkemm uħud minn dawn il-fenomeni speċifiċi għas-settur diġitali u għas-servizzi ewlenin tal-pjattaforma huma osservati wkoll sa ċertu punt f’setturi u fi swieq oħra, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta huwa limitat għas-settur diġitali għax dan għandu l-aktar ħtiġijiet urġenti mill-perspettiva tas-suq intern.
Il-kontestabbiltà dgħajfa u l-prattiki inġusti fis-settur diġitali huma aktar frekwenti u evidenti f’ċerti servizzi diġitali milli f’oħrajn. Dan huwa l-każ b’mod partikolari għal servizzi u infrastrutturi diġitali mifruxa u użati b’mod komuni li ħafna minnhom jintermedjaw direttament bejn l-utenti kummerċjali u l-utenti finali. L-esperjenza fl-infurzar skont ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE, bosta rapporti u studji ta’ esperti u r-riżultati tal-OPC juru li hemm għadd ta’ servizzi diġitali li għandhom il-karatteristiċi li ġejjin: (i) servizzi ta’ pjattaformi multilaterali u konċentrati ħafna, fejn normalment pjattaforma diġitali kbira waħda jew ftit ħafna jistabbilixxu l-kundizzjonijiet kummerċjali b’awtonomija konsiderevoli; (ii) ftit pjattaformi diġitali kbar jaġixxu bħala gateways għall-utenti kummerċjali biex jilħqu lill-klijenti tagħhom u viċi versa; u (iii) ħafna drabi, is-saħħa tal-gwardjani ta’ dawn il-pjattaformi diġitali kbar tintuża ħażin permezz ta’ mġiba inġusta fil-konfront ta’ utenti kummerċjali u klijenti dipendenti ekonomikament. Għaldaqstant, il-proposta hija limitata ulterjorment għal għadd ta’ “servizzi ewlenin tal-pjattaforma” fejn il-problemi identifikati huma l-aktar evidenti u prominenti u fejn il-preżenza ta’ għadd limitat ta’ pjattaformi online kbar li jservu bħala gateways għall-utenti kummerċjali u l-utenti finali wasslet jew aktarx se twassal għal kontestabbiltà dgħajfa ta’ dawn is-servizzi u tas-swieq fejn jintervjenu. Dawn is-servizzi ewlenin tal-pjattaforma jinkludu: (i) is-servizzi ta’ intermedjazzjoni online (inkluż pereżempju l-postijiet tas-suq, il-ħwienet ta’ applikazzjonijiet u s-servizzi ta’ intermedjazzjoni online f’setturi oħra bħall-mobbiltà, it-trasport jew l-enerġija) (ii) il-magni tat-tiftix online, (iii) in-networking soċjali (iv) is-servizzi ta’ pjattaforma tal-video-sharing, (v) is-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika interpersonali indipendenti min-numri, (vi) is-servizzi operatorji, (vii) is-servizzi ta’ cloud computing u (viii) is0servizzi tar-reklamar, inkluż in-networks tar-reklamar, l-iskambji tar-reklamar u kwalunkwe servizz ta’ intermedjazzjoni tar-reklamar ieħor, meta dawn is-servizzi tar-reklamar ikunu relatati ma’ wieħed jew aktar minn dawn is-servizzi ewlenin tal-pjattaforma msemmija hawn fuq.
Il-fatt li servizz diġitali jikkwalifika bħala servizz ewlieni tal-pjattaforma ma jfissirx li jinqalgħu kwistjonijiet ta’ kontestabbiltà u prattiki inġusti fir-rigward ta’ kull fornitur ta’ dawn is-servizzi ewlenin tal-pjattaforma. Pjuttost, dan it-tħassib jidher partikolarment qawwi meta s-servizz ewlieni tal-pjattaforma jiġi operat minn gwardjan. Il-fornituri ta’ servizzi ewlenin tal-pjattaforma jistgħu jitqiesu bħala gwardjani jekk: (i) ikollhom impatt sinifikanti fuq is-suq intern, (ii) joperaw gateway importanti wieħed jew aktar għall-klijenti u (iii) igawdu jew mistennija jgawdu pożizzjoni stabbilita u dejjiema fl-operazzjonijiet tagħhom.
Dan l-istatus ta’ gwardjan jista’ jiġi ddeterminat b’referenza għal metriċi kwantitattivi xierqa u ċirkoskritti b’mod ċar li jistgħu jservu ta’ suppożizzjonijiet konfutabbli biex jiġi ddeterminat l-istatus ta’ fornituri speċifiċi bħala gwardjani, jew abbażi ta’ valutazzjoni kwalitattiva ta’ każ b’każ permezz ta’ investigazzjoni tas-suq.
Bħalissa, il-problemi identifikati relatati mal-gwardjani mhux qed jiġu indirizzati (jew mhux qed jiġu indirizzati b’mod effettiv) mil-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE jew mil-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri. Għalkemm f’diversi Stati Membri ttieħdu jew qed jiġu kkunsidrati inizjattivi leġiżlattivi, dawn mhux se jkunu biżżejjed biex jindirizzaw il-problemi. Filwaqt li dawn l-inizjattivi huma limitati għat-territorju nazzjonali, il-gwardjani tipikament joperaw b’mod transfruntier, ħafna drabi fuq skala dinjija, u jħaddmu l-mudelli kummerċjali tagħhom b’mod dinji. Mingħajr azzjoni fil-livell tal-UE, il-leġiżlazzjoni nazzjonali eżistenti u pendenti tista’ twassal għal frammentazzjoni regolatorja akbar tal-ispazju tal-pjattaformi.
Għalhekk, il-proposta għandha l-objettiv li tippermetti lill-pjattaformi jisfruttaw il-potenzjal kollu tagħhom billi jindirizzaw fil-livell tal-UE l-aktar inċidenzi importanti ta’ prattiki inġusti u kontestabbiltà dgħajfa ħalli l-utenti finali u l-utenti kummerċjali jkunu jistgħu jgawdu l-benefiċċji kollha tal-ekonomija tal-pjattaformi u tal-ekonomija diġitali inġenerali, f’ambjent kontestabbli u ġust.
Il-ħtieġa li dan it-tħassib fl-ekonomija diġitali jiġi indirizzat tenfasizzaha l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa” li kkunsidrat li “abbażi tal-loġika tas-suq uniku, jistgħu jkunu meħtieġa regoli addizzjonali biex jiġu żgurati l-kontestabbiltà, il-ġustizzja u l-innovazzjoni u l-possibbiltà tad-dħul fis-suq, kif ukoll l-eżistenza ta’ interessi pubbliċi li jmorru lil hinn mill-kompetizzjoni jew mill-kunsiderazzjonijiet ekonomiċi”. Ħabbret ukoll li l-Kummissjoni “se tesplora aktar ir-regoli ex ante biex tiżgura li s-swieq ikkaratterizzati minn pjattaformi kbar li għandhom effetti sinifikanti tan-network u li jaġixxu bħala gwardjani, jibqgħu ġusti u kontestabbli għall-innovaturi, għan-negozji u għall-parteċipanti ġodda fis-suq.”
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Din il-proposta tibni fuq ir-Regolament P2B eżistenti, mingħajr ma tmur kontrih. Id-definizzjonijiet użati f’din il-proposta huma koerenti ma’ dak ir-Regolament, b’mod partikolari d-definizzjonijiet ta’ “servizzi ta’ intermedjazzjoni online” u “magni tat-tiftix online”. Minbarra l-linja bażi tar-regoli dwar it-trasparenza u l-ġustizzja applikabbli għall-pjattaformi online kollha irrispettivament mid-daqs jew il-pożizzjoni tagħhom introdotti fir-Regolament P2B, din il-proposta tistabbilixxi obbligi definiti b’mod għal għadd limitat ħafna ta’ fornituri transfruntieri ta’ servizzi ewlenin tal-pjattaforma li jservu ta’ gateways importanti biex l-utenti kummerċjali jilħqu lill-utenti finali. Fl-aħħar nett, fl-infurzar tagħha ta’ dawk l-obbligi, il-Kummissjoni tista’ tibbenefika mit-trasparenza li jridu jipprovdu s-servizzi ta’ intermedjazzjoni online u l-magni tat-tiftix online skont ir-Regolament P2B fejn jidħlu l-prattiki li jistgħu jkunu illegali skont il-lista ta’ obbligi jekk jintużaw mill-gwardjani.
Il-proposta hija wkoll koerenti għalkollox mal-proposta għal Att dwar is-Servizzi Diġitali (“DSA”). Id-DSA huwa inizjattiva orizzontali li tiffoka fuq kwistjonijiet bħar-responsabbiltà tal-intermedjarji online għal kontenut ta’ partijiet terzi, is-sikurezza tal-utenti online jew l-obbligi asimmetriċi ta’ diliġenza dovuta għal fornituri differenti ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni skont in-natura tar-riskji soċjetali li joħolqu dawn is-servizzi. Għall-kuntrarju, il-proposta għal DMA tfasslet minħabba żbilanċi ekonomiċi, prattiki kummerċjali inġusti mill-gwardjani u l-konsegwenzi negattivi tagħhom, bħal kontestabbiltà dgħajfa tas-swieq tal-pjattaformi.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Il-proposta hija koerenti mal-istrateġija diġitali tal-Kummissjoni fil-kontribut tagħha biex tiżgura ekonomija diġitali ġusta u kompetittiva, wieħed mit-tliet pilastri ewlenin tal-orjentazzjoni u l-objettivi ta’ politika mħabbra fil-Komunikazzjoni “Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa”. Se tikkostitwixxi qafas koerenti, effettiv u proporzjonat li jindirizza problemi fl-ekonomija diġitali li bħalissa ma jistgħux jiġu indirizzati jew ma jistgħux jiġu indirizzati b’mod effettiv.
Il-proposta tikkumplimenta r-regoli tal-kompetizzjoni eżistenti tal-UE (u nazzjonali). Tindirizza prattiki inġusti mill-gwardjani li jaqgħu barra mir-regoli tal-kompetizzjoni eżistenti tal-UE jew ma jistgħux jiġu indirizzati b’mod effettiv minn dawk ir-regoli, meta wieħed iqis li l-infurzar tal-antitrust jikkonċerna s-sitwazzjoni ta’ swieq speċifiċi, inevitabbilment jintervjeni wara li tkun seħħet l-imġiba restrittiva jew abbużiva u jinvolvi proċeduri investigattivi li jieħdu ż-żmien biex jiġi stabbilit il-ksur. Il-proposta attwali timminimizza l-effetti strutturali detrimentali ta’ prattiki inġusti ex ante, mingħajr ma tillimita l-abbiltà ta’ intervent ex post skont ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE u nazzjonali.
Il-proposta hi allinjata ma’ strumenti oħra tal-UE, inkluż mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u mal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (“KEDB”), mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, u mal-acquis tal-liġi tal-UE dwar tal-konsumatur.
Il-proposta tikkumplimenta l-liġijiet dwar il-protezzjoni tad-data. L-obbligi tat-trasparenza fejn jidħol it-tfassil ta’ profili profondi dwar il-konsumaturi se jgħinu biex jinfurmaw l-infurzar tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (“GDPR”), filwaqt li n-nonparteċipazzjoni obbligatorja fil-kombinament tad-data fejn jidħlu s-servizzi ewlenin tal-pjattaforma tissupplimenta l-livell eżistenti ta’ protezzjoni skont il-GDPR. Il-proposta tiċċara li hija r-responsabbiltà tal-gwardjani li jiżguraw li l-konformità mal-obbligi stabbiliti fir-Regolament jenħtieġ issir f’konformità sħiħa ma’ liġijiet oħra tal-UE, bħal dawk dwar il-protezzjoni tad-data personali u l-privatezza jew il-protezzjoni tal-konsumatur.
Il-proposta hija koerenti wkoll mar-regolamentazzjoni ex ante mmirata u mfassla apposta ta’ setturi speċifiċi, inkluż ir-regoli applikabbli għas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika jew il-bejgħ qasir, u ma’ inizjattivi eżistenti mmirati kontra prattiki kummerċjali dannużi fid-dinja offline.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
L-Istati Membri japplikaw jew qed jikkunsidraw li japplikaw regoli nazzjonali diverġenti biex jindirizzaw il-problemi li jirriżultaw mill-grad sinifikanti ta’ dipendenza tal-utenti kummerċjali fuq servizzi ewlenin tal-pjattaforma pprovduti mill-gwardjani u l-problemi konsegwenti li jirriżultaw mill-imġiba inġusta tagħhom fil-konfront tal-utenti kummerċjali tagħhom. Dik is-sitwazzjoni toħloq frammentazzjoni regolatorja safejn ir-regoli dwar l-indirizzar tal-ingustizzji fir-relazzjonijiet ta’ dipendenza ma’ dawn il-gwardjani u l-kontestabbiltà fir-rigward ta’ dawk is-servizzi jkunu jvarjaw b’mod partikolari fir-rigward tal-prekundizzjonijiet għal intervent u fir-rigward tal-profondità tal-intervent, u jżidu l-kostijiet tal-konformità għall-kumpaniji li joperaw fis-suq intern. Mingħajr azzjoni fil-livell tal-UE, dan se jkompli jiġi aggravat bl-adozzjoni ta’ inizjattivi ġodda pendenti f’diversi Stati Membri, filwaqt li fi Stati Membri oħra l-inġustizzja u l-kontestabbiltà mnaqqsa tas-servizzi ewlenin tal-pjattaforma pprovduti mill-gwardjani għadhom ma ġewx indirizzati. Minħabba n-natura transfruntiera intrinsika tas-servizzi ewlenin tal-pjattaforma pprovduti mill-gwardjani, il-frammentazzjoni regolatorja se ddgħajjef serjament il-funzjonament tas-Suq Uniku għas-servizzi diġitali u l-funzjonament tas-swieq diġitali inġenerali. Għaldaqstant, hija meħtieġa armonizzazzjoni fil-livell tal-UE, u l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) hu identifikat bħala l-bażi ġuridika rilevanti għal din l-inizjattiva.
•Sussidjarjetà
L-objettivi tal-proposta ma jistgħux jintlaħqu mill-Istati Membri li jaġixxu waħedhom, għax id-diffikultajiet għandhom natura transfruntiera, u mhumiex limitati għal Stati Membri individwali jew għal subsett ta’ Stati Membri. Is-settur diġitali bħala tali u b’mod partikolari s-servizzi ewlenin tal-pjattaforma pprovduti jew offruti mill-gwardjani għandhom natura transfruntiera, kif jidher mill-volum ta’ kummerċ transfruntier u mill-potenzjal li għadu ma ġiex sfruttat għal tkabbir fil-ġejjieni, kif jixhdu x-xejra u l-volum tal-kummerċ transfruntier intermedjat mill-pjattaformi diġitali. Kważi 24 % tal-kummerċ totali online fl-Ewropa hu transfruntier.
Il-parteċipanti diġitali tipikament joperaw f’diversi Stati Membri, jekk mhux mal-UE kollha u llum dan japplika b’mod partikolari għal servizzi bħar-reklamar online, servizzi tan-networking soċjali online, il-postijiet tas-suq online, servizzi ta’ cloud computing, servizzi ta’ tiftix online, servizzi ta’ pjattaforma tal-video-sharing, servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri jew is-sistemi operatorji. Għaldaqstant, il-problemi identifikati għandhom rilevanza għall-Unjoni għax jinqalgħu bejn il-fruntieri u jaffettwaw lil diversi Stati Membri, u b’hekk mhumiex limitati għat-territorju ta’ Stat Membru wieħed. Dan hu l-każ b’mod partikolari għas-servizzi ewlenin tal-pjattaforma pprovduti jew offruti mill-gwardjani.
Anke l-Istati Membri li għadhom ma adottawx leġiżlazzjoni biex jindirizzaw l-inġustizzja u l-kontestabbiltà mnaqqsa tas-servizzi ewlenin tal-pjattaforma pprovduti jew offruti mill-gwardjani qed jikkunsidraw aktar li jdaħħlu miżuri nazzjonali għal dak il-għan. Minbarra li ma tkunx effettiva biżżejjed, leġiżlazzjoni nazzjonali differenti fl-UE tista’ twassal għal aktar frammentazzjoni u kostijiet tal-konformità għall-atturi kbar tas-suq u għall-utenti kummerċjali li jiddependu fuqhom. Fl-istess ħin, anki n-negozji li għadhom jibdew u n-negozji ż-żgħar huma affettwati ħażin minn din is-sitwazzjoni għax ixxekkilhom milli jikbru u jespandu lil hinn mill-fruntieri biex jilħqu swieq ġodda, joffru prodotti aħjar u diversifikati bi prezzijiet aktar kompetittivi u, skont il-każ, jikbru bħala sfidanti ta’ atturi stabbiliti fis-settur diġitali. Għalhekk, billi jiġu indirizzati prattiki inġusti fir-rigward tas-servizzi ewlenin tal-pjattaforma operati mill-gwardjani fil-livell tal-Unjoni, il-funzjonament tas-suq intern se jittejjeb b’regoli ċari dwar l-imġiba li jagħtu ċarezza legali lill-partijiet ikkonċernati kollha u b’qafas ta’ intervent għall-UE kollha biex il-prattiki li jagħmlu ħsara jkunu jistgħu jiġu indirizzati b’mod effettiv u fil-ħin. Waħda mill-kundizzjonijiet biex fornitur jiġi ddeżinjat bħala “gwardjan” hi li l-fornitur tas-servizzi ewlenin tal-pjattaforma jkun għandu impatt sinifikanti fuq is-suq intern.
•Proporzjonalità
Il-proposta għandha l-għan li tikkontribwixxi għall-funzjonament xieraq tas-Suq Uniku għas-servizzi diġitali billi tiżgura li s-swieq madwar l-Unjoni fejn il-gwardjani huma preżenti jkunu kontestabbli u ġusti. Din għandha tippromwovi l-innovazzjoni, il-kwalità għolja tal-prodotti u s-servizzi diġitali, prezzijiet ġusti u kompetittivi, u għażla libera għall-utenti fis-settur diġitali.
F’dan il-kuntest, il-proposta tiffoka biss fuq dawk is-servizzi diġitali li jintużaw l-aktar mill-utenti kummerċjali u mill-utenti finali (“servizzi ewlenin tal-pjattaforma”) u fejn, abbażi tal-kundizzjonijiet attwali, it-tħassib dwar il-kontestabbiltà dgħajfa u l-prattiki inġusti mill-gwardjani huma aktar evidenti u urġenti minn perspettiva tas-suq intern. Is-servizzi ewlenin tal-pjattaforma fil-kamp ta’ applikazzjoni huma biss dawk li dwarhom hemm evidenza qawwija ta’ (i) konċentrazzjoni għolja, fejn normalment pjattaforma waħda jew ftit pjattaformi kbar online jistabbilixxu l-kundizzjonijiet kummerċjali b’awtonomija konsiderevoli mill-isfidanti (potenzjali), il-klijenti jew il-konsumaturi tagħhom; (ii) dipendenza fuq ftit pjattaformi online kbar li jaġixxu bħala gateways għall-utenti kummerċjali biex jilħqu u jkollhom interazzjonijiet mal-klijenti tagħhom; u (iii) setgħa mill-fornituri ta’ servizzi ewlenin tal-pjattaforma li ħafna drabi tintuża ħażin bi mġiba inġusta fil-konfront tal-utenti kummerċjali u l-klijenti ekonomikament dipendenti.
Għaldqastant, il-proposta tapplika biss għall-fornituri li jissodisfaw kriterji definiti b’mod ċar biex jitqiesu bħala gwardjani, kif stabbilit hawn fuq. L-użu ta’ limiti kwantitattivi, bħala l-bażi ta’ suppożizzjoni konfutabbli, hu kkumplimentat bl-użu ta’ kriterji kwalitattivi speċifikati fil-proposta. B’hekk, il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeżinja bħala gwardjani lill-fornituri ta’ servizzi ewlenin tal-pjattaforma li juru l-istess riskji jew riskji simili għall-ġustizzja u l-kontestabbiltà tas-suq u fl-istess ħin tiżgura li l-obbligi japplikaw biss għall-fornituri rilevanti ta’ servizzi ewlenin tal-pjattaforma.
Il-lista ta’ obbligi prevista mill-proposta ġiet limitata għall-prattiki li (i) huma partikolarment inġusti jew dannużi, (ii) jistgħu jiġu identifikati b’mod ċar u mhux ambigwu biex tingħata ċ-ċertezza legali meħtieġa lill-gwardjani u lil partijiet ikkonċernati oħra, u (iii) dwarhom hemm biżżejjed esperjenza. Il-proposta tipprevedi l-possibbiltà ta’ applikazzjoni mfassla apposta ta’ wħud mill-obbligi bi djalogu bejn il-Kummissjoni u l-gwardjani kkonċernati. Barra minn hekk, tippermetti li tkopri b’mod flessibbli prattiki addizzjonali li huma inġusti b’mod simili, jew li bl-istess mod iqiegħdu l-ġustizzja jew il-kontestabbiltà f’riskju wara investigazzjoni bir-reqqa tas-suq dwar l-impatt ta’ dawk il-prattiki. Dan il-mekkaniżmu jiżgura li ma jkunx hemm regolamentazzjoni żejda u fl-istess ħin jevita n-nuqqas ta’ intervent fir-rigward ta’ prattiki simili mill-istess gwardjani, meta l-prattiki jaf jevolvu maż-żmien.
Il-miżuri proposti huma proporzjonati għax jilħqu l-objettiv tagħhom billi jimponu biss piż fuq l-impriżi fis-settur diġitali b’mod immirat. Il-proposta teħtieġ il-kooperazzjoni tal-kumpaniji li huma soġġetti għal investigazzjoni, iżda l-kostijiet amministrattivi huma proporzjonali u aktarx ma joħolqux kostijiet addizzjonali sinifikanti fid-dawl tal-istrutturi regolatorji diġà eżistenti minħabba l-applikazzjoni ta’ biċċiet oħra ta’ leġiżlazzjoni tal-UE (bħar-Regolament tal-UE dwar l-Għaqdiet; ir-Regolament dwar il-Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur (“CPC”)). Rigward il-kostijiet tal-konformità għall-gwardjani, dawn huma raġonevoli għax fil-biċċa l-kbira tagħhom jissostitwixxu l-kostijiet għaljin li jġarrbu fornituri kbar ta’ servizzi ewlenin tal-pjattaforma biex jikkonformaw ma’ miżuri regolatorji diverġenti li jiġu implimentati gradwalment jew li aktarx jiġu implimentati fi Stati Membri differenti. Dawn il-kostijiet jimplikaw il-ħtieġa ta’ uffiċjali tal-konformità legali addizzjonali biex jivverifikaw il-politiki tal-kumpaniji mar-regoli l-ġodda, u impjegati biex jinterfaċċaw mal-Kummissjoni u jwieġbu t-talbiet għal informazzjoni.
•Għażla tal-istrument
Strument leġiżlattiv biss jista’ jindirizza b’mod effettiv il-problemi identifikati. Barra minn hekk, huwa meħtieġ Regolament, għax dan japplika direttament fl-Istati Membri, jistabbilixxi l-istess livell ta’ drittijiet u obbligi għall-partijiet privati, u jippermetti l-applikazzjoni koerenti u effettiva tar-regoli fil-kummerċ transfruntier intermedjat online iġġenerat b’mod inerenti fl-ekonomija tal-pjattaforma online. Dan hu l-aktar adattat biex jindirizza l-problemi ta’ ġustizzja u kontestabbiltà identifikati u biex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-Suq Uniku għas-servizzi ewlenin tal-pjattaforma pprovduti jew offruti mill-gwardjani.
3.IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Il-Kummissjoni kkonsultat b’mod wiesa’ dwar firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet relatati mal-pjattaformi online, inkluż is-saħħa ekonomika tal-pjattaformi online kbar ħafna bi rwol ta’ gwardjani.
L-ewwel nett, il-Kummissjoni wettqet żewġ konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa separati bejn it-2 ta’ Ġunju u t-8 ta’ Settembru 2020, li kienu jirreferu għal żewġ Valutazzjonijiet tal-Impatt tal-Bidu separati għal (i) il-pakkett tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali: Strument regolatorju ex ante għall-pjattaformi online kbar ħafna b’effetti sinifikanti fuq in-network, li jaġixxu bħala gwardjani fis-suq intern tal-Unjoni Ewropea; u l-ieħor għal (ii) l-Għodda l-Ġdida tal-Kompetizzjoni.
It-tieni, il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni li tappoġġa l-inizjattiva attwali mal-partijiet ikkonċernati dwar ir-rapporti interim mill-Osservatorju dwar l-Ekonomija tal-Pjattaformi Online.
It-tielet, saru sessjonijiet ta’ ħidma, konferenzi, u riċerka mill-JRC li jinfurmaw id-definizzjoni tal-problema u jgħinu biex jiġu identifikati l-għażliet preliminari ta’ politika. Minbarra l-għodod tal-konsultazzjoni użati, is-servizzi tal-Kummissjoni ltaqgħu wkoll b’mod bilaterali ma’ partijiet ikkonċernati fil-kuntest tal-konsultazzjonijiet pubbliċi u l-perjodu ta’ rispons għall-valutazzjonijiet tal-impatt tal-bidu.
Fl-aħħar nett, sar djalogu strutturat mal-Istati Membri, b’mod partikolari fil-grupp ta’ esperti fil-kummerċ elettroniku u bi skambji u konferenzi bilaterali u multilaterali li kkontribwew għat-tfassil tal-għażliet ta’ politika.
B’mod ġenerali, il-konsultazzjonijiet pubbliċi appoġġaw ferm intervent li jindirizza l-prattiki inġusti min-naħa tal-gwardjani. Fil-fatt, il-maġġoranza l-kbira tar-rispondenti tal-konsultazzjonijiet pubbliċi u ta’ kwestjonarju separat maħsub għall-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni qablu li hemm problemi strutturali li ma jistgħux jiġu indirizzati bir-regoli tal-kompetizzjoni eżistenti; l-istess maġġoranza kienet tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tkun tista’ tintervjeni fis-swieq fejn hemm preżenti l-gwardjani. Din l-opinjoni ġiet espressa mill-maġġoranza l-kbira tan-negozji u tal-assoċjazzjonijiet kummerċjali, tal-organizzazzjonijiet kollha tas-soċjetà ċivili (inkluż l-organizzazzjonijiet mhux governattivi (“NGOs”) u t-trade unions) u l-awtoritajiet pubbliċi kollha. L-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi bħall-BEUC ukoll taw prominenza lit-tħassib partikolari li jikkonċerna l-pjattaformi online u s-swieq diġitali. Dawn jidhrilhom li intervent li jindirizza dan it-tħassib joħloq kemm l-inċentivi meħtieġa għall-innovazzjoni u jgħin għal aktar għażla lill-konsumatur u b’hekk iwitti t-triq għal pjattaformi ġodda u servizzi innovattivi li jirrispettaw il-privatezza.
Il-pjattaformi online kienu maqsumin fuq din il-kwistjoni, bil-maġġoranza tal-pjattaformi online kbar u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom jikkontestaw il-ħtieġa ta’ strument ġdid għall-gwardjani. Min-naħa l-oħra, ħafna pjattaformi żgħar u medji, b’mod partikolari dawk li huma utenti kummerċjali ta’ pjattaformi online kbar, esprimew l-appoġġ tagħhom għal strument ġdid għall-gwardjani.
Dawk li ma qablux irreferew għall-fatt li l-kunċett ta’ gwardjan hu wiesa’ wisq u minflok għandu jiġi vvalutat abbażi ta’ każ b’każ u għall-fatt li l-Kummissjoni diġà tista’ tintervjeni meta l-imġiba ta’ gwardjan tikser l-Artikolu 102 tat-TFUE. Iżda l-Kummissjoni jidhrilha li l-Artikolu 102 tat-TFUE mhux biżżejjed biex jindirizza l-problemi kollha assoċjati mal-gwardjani għax gwardjan mhux bilfors ikun attur dominanti, u l-prattiki tiegħu jaf ma jkunx jaqgħu taħt l-Artikolu 102 tat-TFUE jekk ma jkun hemm l-ebda effett dimostrabbli fuq il-kompetizzjoni fi swieq rilevanti definiti b’mod ċar. Barra minn hekk, l-Artikolu 102 tat-TFUE mhux dejjem jippermetti intervent bil-ħeffa meħtieġa biex dawn il-prattiki urġenti jiġu indirizzati fil-ħin u għalhekk bl-aktar mod effettiv.
Il-maġġoranza l-kbira tar-rispondenti jidhrilhom ukoll li regoli dedikati dwar il-pjattaformi għandhom jinkludu projbizzjonijiet u obbligi għall-pjattaformi gwardjani. Issuġġerew ukoll li r-rimedji jista’ jkollhom natura aktar proċedurali minflok ma jippreskrivu mġiba ripetuta partikolari. Il-maġġoranza l-kbira tal-partijiet ikkonċernati kienu tal-fehma li l-lista proposta ta’ prattiki problematiċi, jew il-“blacklist”, għandha tkun immirata lejn prattiki inġusti u dannużi evidenti tal-pjattaformi gwardjani.
Fir-rigward tad-definizzjoni ta’ pożizzjoni ta’ gwardjan, il-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati kienu maqsuma. Xi pjattaformi argumentaw li l-inkorporazzjoni ta’ servizzi differenti fl-offerta ta’ kumpanija waħda tal-pjattaforma waħda ftit li xejn jirrifletti s-saħħa ta’ pjattaforma, l-istess bħall-abbiltà ta’ ingranar ta’ assi minn qasam għal ieħor. Ġie ssuġġerit li d-deżinjazzjonijiet tal-gwardjani jkunu anjostiċi għall-mudell kummerċjali, li l-valutazzjonijiet tal-gwardjani jiġu riveduti minn żmien għal żmien, li d-deżinjazzjonijiet tal-gwardjani japplikaw għal attivitajiet identifikati, u li ċerti regoli japplikaw għas-settur kollu.
B’mod ġenerali, il-partijiet ikkonċernati tal-kategoriji kollha indikaw il-ħtieġa li jiġi żgurat livell għoli ta’ koerenza u ċertezza legali, il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-kriterji użati biex jiġu identifikati l-gwardjani jkunu trasparenti, oġġettivi u jitkejlu faċilment. L-utenti rreferew l-aktar għal taħlita ta’ kriterji kwantitattivi u kwalitattivi.
L-awtoritajiet nazzjonali esprimew l-appoġġ tagħhom għal strument ġdid għall-gwardjani u l-ħtieġa ta’ approċċ fil-livell tal-UE biex tiġi evitata l-frammentazzjoni regolatorja, u enfasizzaw l-importanza li r-rappreżentanti responsabbli tal-gvernijiet nazzjonali jiġu involuti aktar kmieni fil-proġett leġiżlattiv.
Is-soċjetà ċivili u l-pubblikaturi tal-midja appoġġaw bil-qawwa wkoll strument ġdid għall-gwardjani. It-tnejn talbu livell adegwat ta’ trasparenza fis-suq kif ukoll il-garanzija ta’ ċertu grad ta’ diversità tal-midja u r-rispett tal-awtonomija u l-għażla tal-konsumaturi.
•
Ġbir u użu tal-għarfien espert
Din l-inizjattiva hija appoġġata bi studju ta’ valutazzjoni tal-impatt u b’diversi studji esterni ta’ appoġġ. Barra minn hekk, bejn l-2018 u l-2020 saru diversi konsultazzjonijiet pubbliċi u bosta studji u rapporti mill-Kummissjoni jew minn kuntratturi esterni. L-Osservatorju dwar l-Ekonomija tal-Pjattaformi Online, bl-appoġġ tal-grupp espert tiegħu ta’ 15-il espert akkademiku u ta’ studju ewlieni ta’ appoġġ, ipprovda għadd ta’ rapporti u dokumenti analitiċi li kkontribwew għall-ħidma dwar id-definizzjoni tal-problemi. Ir-riċerka ekonomika interna kif ukoll l-appoġġ għat-tfassil tal-politika miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (“JRC”) komplew jinfurmaw il-Valutazzjoni tal-Impatt li fuqha hi bbażata din l-inizjattiva. Barra minn hekk, l-Istati Membri ġew ikkonsultati b’konsultazzjoni online li kkontribwiet għal laqgħa tal-grupp espert tal-kummerċ elettroniku ddedikata għal din l-inizjattiva. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni organizzat għadd ta’ konferenzi, sessjonijiet ta’ ħidma u laqgħat ma’ esperti akkademiċi li l-fehmiet tagħhom ikkontribwew għad-definizzjoni tal-problemi u għall-istrateġija għall-ġbir tal-evidenza. Għadd ta’ dokumenti ta’ pożizzjoni tal-Istati Membri dwar il-pjattaformi gwardjani u għadd ta’ rapporti u studji minn pajjiżi barra l-UE, ilkoll ikkontribwew għat-tfassil tal-istrument.
•Valutazzjoni tal-impatt
Il-Valutazzjoni tal-Impatt li tirfed il-proposta ġiet analizzata mill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju tal-Kummissjoni, li ħareġ opinjoni pożittiva fl-10 ta’ Diċembru 2020. L-opinjoni tal-Bord, ir-rakkomandazzjonijiet u spjegazzjoni ta’ kif tqiesu, jinsabu fl-Anness 1 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal mehmuż ma’ din il-proposta. L-Anness 3 jagħti ħarsa ġenerali lejn min jintlaqat minn din il-proposta u kif.
Il-Kummissjoni eżaminat għażliet differenti ta’ politika li jilħqu l-objettiv ġenerali ta’ din l-inizjattiva, jiġifieri li tiżgura l-funzjonament xieraq tas-suq intern billi tippromwovi kompetizzjoni effettiva fis-swieq diġitali u b’mod partikolari ambjent kontestabbli u ġust tal-pjattaformi online.
Tfasslu tliet għażliet ta’ politika ewlenin li jindirizzaw il-problemi li jirriżultaw minn imġiba problematika tal-gwardjani, u dawn ġew imqabbla: Għażla 1 – Lista definita minn qabel ta’ gwardjani u ta’ obbligi b’eżekuzzjoni awtomatika; Għażla 2 – Qafas parzjalment flessibbli ta’ deżinjazzjoni u aġġornament tal-obbligi, inkluż djalogu regolatorju għall-implimentazzjoni ta’ wħud minnhom; u Għażla 3 – Għażla flessibbli bbażata esklużivament fuq limiti kwalitattivi tal-kamp ta’ applikazzjoni. Kull waħda minn dawn l-għażliet ħalliet għażliet ta’ disinn aktar dettaljat miftuħa għal kunsiderazzjoni politika, pereżempju dwar it-taħlita preċiża u l-livell tal-limiti kwantitattivi tal-kamp ta’ applikazzjoni li jrid jintuża, jew il-kamp ta’ applikazzjoni eżatt tar-rimedji disponibbli f’każ ta’ nonkonformità sistematika mal-obbligi mill-gwardjan iddeżinjat.
L-għażliet kollha jipprevedu implimentazzjoni, superviżjoni u infurzar fil-livell tal-UE mill-Kummissjoni bħala l-korp regolatorju kompetenti. Minħabba l-firxa pan-Ewropea tal-kumpaniji fil-mira, mudell ta’ infurzar deċentralizzat ma jidhirx li hu alternattiva konċepibbli, anki minħabba r-riskju ta’ frammentazzjoni regolatorja li l-inizjattiva trid tindirizza; barra minn hekk dan ma jkunx wieħed proporzjonat, minħabba n-numru limitat ta’ gwardjani li jkunu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-qafas propost. Iżda biex l-għarfien espert nazzjonali jiġi integrat fl-ekonomija tal-pjattaformi, l-inizjattiva tipprevedi li qabel ma tieħu ċerti deċiżjonijiet (eż. dwar in-nonkonformità; il-multi) il-Kummissjoni tikkonsulta ma’ kumitat magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri – il-Kumitat Konsultattiv għas-Swieq Diġitali.
L-għażla ppreferuta (Għażla 2) tinkludi (a) lista magħluqa ta’ servizzi ewlenin tal-pjattaforma; (b) taħlita ta’ kriterji kwantitattivi u kwalitattivi biex il-fornituri ta’ servizzi ewlenin tal-pjattaforma jiġu ddeżinjati bħala gwardjani; (c) obbligi applikabbli direttament, inkluż ċerti obbligi meta bi djalogu regolatorju teħfief l-implimentazzjoni effettiva tagħhom; u (d) possibbiltà għall-Kummissjoni li taġġorna l-istrument, wara investigazzjoni tas-suq, fejn jidħlu l-obbligi għall-gwardjani, b’atti delegati meta jiġu identifikati prattiki ġodda li jkunu inġusti bl-istess mod u li aktarx ifixklu l-kontestabbiltà, u bi proposti ta’ emenda fil-każijiet l-oħra. L-investigazzjonijiet tas-suq jistgħu jindikaw ukoll il-ħtieġa ta’ emenda tal-lista ta’ servizzi ewlenin tal-pjattaforma.
Din l-għażla tqieset li kapaċi tindirizza bl-aktar mod effettiv l-objettivi ta’ din l-inizjattiva. Tipprevedi intervent fil-ħin għall-prattiki problematiċi identifikati kollha, filwaqt li għal uħud minnhom tippermetti djalogu regolatorju biex jiġu implimentati miżuri mill-gwardjan iddeżinjat. Tippermetti wkoll li jiġu indirizzati prattiki inġusti ġodda, u b’hekk ikunu jistgħu jiġu indirizzati l-fallimenti tas-suq fl-ambjent diġitali li qed jinbidel b’mod dinamiku. Fl-istess ħin, għall-gwardjani li huma previsti li jkollhom pożizzjoni stabbilita u dejjiema fl-operazzjonijiet tagħhom fil-futur qrib, iżda li għadhom ma jgawdux pożizzjoni bħal din, il-proposta tidentifika sett sekondarju proporzjonat ta’ obbligi li huma rilevanti b’mod partikolari għas-salvagwardja u t-titjib tal-kontestabbiltà.
L-għażla ppreferuta se żżid il-kontestabbiltà tas-servizzi ewlenin tal-pjattaforma u tas-settur diġitali usa’, u se tgħin lin-negozji jegħlbu l-ostakli li jirriżultaw minn fallimenti tas-suq jew minn prattiki kummerċjali inġusti mill-gwardjani. Se tgħin biex jitrawwem il-ħolqien ta’ pjattaformi alternattivi li jistgħu jwasslu prodotti u servizzi innovattivi ta’ kwalità għolja bi prezzijiet affordabbli. Permezz ta’ kundizzjonijiet aktar ġusti u ekwi, l-atturi kollha fis-settur diġitali se jkunu jistgħu jieħdu vantaġġ akbar mill-potenzjal tat-tkabbir tal-ekonomija tal-pjattaformi.
Il-benefiċċji mistennija joħolqu potenzjal akbar ta’ innovazzjoni fost in-negozji ż-żgħar u jtejbu l-kwalità tas-servizz, b’kisbiet assoċjati mal-benessri tal-konsumaturi. Hu stmat li l-kontestabbiltà mtejba tas-servizzi ewlenin tal-pjattaforma skont l-għażla ppreferuta għandha l-potenzjal li trendi eċċess lill-konsumatur ta’ EUR 13-il biljun, jiġifieri żieda ta’ madwar 6 % meta mqabbla max-xenarju bażi.
Il-kost ewlieni hu relatat mal-kostijiet tal-konformità għall-gwardjani minħabba r-regoli l-ġodda. Negozji oħra għajr il-pjattaformi gwardjani jistgħu jġarrbu ċerti kostijiet amministrattivi biex jikkonformaw mat-talbiet għal informazzjoni. Iżda aktarx dawn il-kostijiet ma jirrappreżentawx żieda sostanzjali fil-kostijiet tal-konformità li n-negozji jkollhom iġarrbu minħabba t-talbiet għal informazzjoni f’kawżi tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE jew skont regoli nazzjonali speċifiċi differenti.
L-impatti tal-għażliet ta’ politika fuq kategoriji differenti ta’ partijiet ikkonċernati (gwardjani, kompetituri, utenti kummerċjali, il-konsumaturi, l-awtoritajiet regolatorji) huma spjegati fid-dettall fl-Anness 3 tal-Valutazzjoni tal-Impatt li tappoġġa din l-inizjattiva. Fl-Anness hemm valutazzjoni wkoll l-impatt ta’ kull obbligu għal kull kategorija ta’ partijiet ikkonċernati affettwata. Il-valutazzjoni hi kwantitattiva u kwalitattiva sa fejn kien possibbli.
Rigward l-impatt tal-inizjattiva fuq l-SMEs, peress li hu improbabbli ħafna li dawn jikkwalifikaw bħala gwardjani u ma jkunux fil-mira tal-lista ta’ obbligi, din l-inizjattiva ma timponix piż addizzjonali fuqhom. Għall-kuntrarju, peress li r-regoli l-ġodda joħolqu kundizzjonijiet ekwi, l-SMEs (inkluż l-utenti kummerċjali u fornituri oħra ta’ servizzi ewlenin tal-pjattaforma) se jkunu jistgħu jikbru fis-suq intern kollu bit-tneħħija ta’ ostakli kbar għad-dħul u l-espansjoni. Jista’ jkun mistenni li l-miżuri previsti jirriżultaw ukoll f’aktar kompetizzjoni fost il-pjattaformi għall-utenti kummerċjali. Dan mistenni jwassal għal titjib fil-kwalità tas-servizzi, prezzijiet aktar kompetittivi, u aktar produttività. Minbarra dan, l-utenti kummerċjali jkollhom aktar fiduċja fil-bejgħ online għax ikunu protetti minn prattiki inġusti.
B’sett ta’ għodod aktar komprensiv għall-infurzar, in-negozji se jkunu jistgħu jirnexxu fuq il-merti tal-ħiliet tagħhom. Dan se joħloq tkabbir ekonomiku, li mbagħad jissarraf f’aktar dħul mit-taxxa għall-amministrazzjonijiet nazzjonali. Il-piż fuq il-Kummissjoni għall-implimentazzjoni ta’ din l-inizjattiva hu baxx (l-aktar, riallokazzjoni ta’ pożizzjonijiet eżistenti tal-impjieg) meta mqabbel mal-benefiċċji għall-ekonomija. L-awtoritajiet nazzjonali jkollhom iġarrbu xi kostijiet amministrattivi żgħar.
Il-ġustizzja u l-kontestabbiltà mtejba fis-settur diġitali jirriżultaw f’aktar produttività, li mbagħad tissarraf fi tkabbir ekonomiku ogħla. Il-promozzjoni ta’ kontestabbiltà akbar tas-servizzi ewlenin tal-pjattaforma u tas-swieq diġitali hi importanti b’mod partikolari wkoll biex jiżdiedu l-flussi tal-kummerċ u tal-investiment.
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
Din il-proposta tistabbilixxi miżuri li se japplikaw għall-fornituri kbar ta’ servizzi ewlenin tal-pjattaforma li jissodisfaw il-kundizzjonijiet biex jiġu ddeżinjati bħala gwardjani. Il-fornituri l-oħra ta’ servizzi ewlenin tal-pjattaforma u ta’ servizzi anċillari, l-utenti kummerċjali u l-utenti finali se jibbenefikaw mill-obbligi definiti b’mod ċar u ċirkoskritti li huma stipulati fiha. Il-proposta timmira wkoll b’mod speċifiku li tiffaċilita t-tkabbir sostenibbli tas-servizzi ewlenin tal-pjattaforma u tal-ekonomija tal-pjattaformi b’mod aktar wiesa’, u tfasslet biex tkun newtrali għalkollox mil-lat teknoloġiku.
•Drittijiet fundamentali
Il-proposta hi allinjata mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (“KEDB”) u mal-GDPR.
L-introduzzjoni tal-aġġornament dinamiku tal-prattiki inġusti hi soġġetta għall-iżgurar tar-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali għal proċedimenti ġusti u għal amministrazzjoni tajba kif minquxin fil-KEDB, li huma vinkolanti għall-istituzzjonijiet tal-UE.
Meta taġixxi skont il-qafas il-ġdid, is-setgħat ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni jkunu soġġetti għall-kamp ta’ applikazzjoni kollu tad-drittijiet għal proċess ġust bħad-dritt ta’ smigħ, id-dritt għal deċiżjoni motivata u ta’ aċċess għal stħarriġ ġudizzjarju, inkluż il-possibbiltà ta’ kontestazzjoni tal-miżuri ta’ infurzar u sanzjonijiet. Dawn id-drittijiet japplikaw fil-każ ta’ proċedimenti amministrattivi.
Barra minn hekk, l-ambjent legali ġust u fdat li din il-proposta għandha l-għan li toħloq għandu jikkontribwixxi għas-salvagwardja ta’ bilanċ xieraq bejn il-libertajiet rispettivi ta’ intrapriża tal-fornituri ta’ servizzi ewlenin tal-pjattaforma u tal-utenti kummerċjali tagħhom (l-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea).
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Biex l-objettivi ta’ din l-inizjattiva jintlaħqu bl-aħjar mod, jeħtieġ jiġu ffinanzjati għadd ta’ azzjonijiet fil-livell tal-Kummissjoni, fejn hi prevista r-riallokazzjoni ta’ 80 FTEs, u fil-livell tal-Istati Membri bil-parteċipazzjoni attiva tagħhom fil-Kumitat Konsultattiv għas-Swieq Diġitali, magħmul mir-rappreżentanti tal-Istati Membri. Ir-riżorsi finanzjarji totali meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-proposta fil-perjodu 2021-2027 se jammontaw għal EUR 81 090 miljun, inkluż EUR 50 640 miljun għal kostijiet amministrattivi u EUR 30 450 miljun koperti għalkollox mill-allokazzjonijiet previsti fil-QFP 2021-27 permezz tal-pakketti finanzjarji tal-Programm għas-Suq Uniku u tal-Programm Ewropa Diġitali. Il-finanzjament se jappoġġa fost l-oħrajn attivitajiet bħad-deżinjazzjoni ta’ fornituri ta’ servizzi ewlenin tal-pjattaforma, it-twettiq ta’ investigazzjonijiet tas-suq u t-twettiq ta’ kwalunkwe azzjoni investigattiva oħra, azzjonijiet ta’ infurzar u attivitajiet ta’ monitoraġġ. Il-finanzjament se jappoġġa wkoll it-twettiq ta’ reviżjoni regolari tal-elementi speċifiċi tar-Regolament u evalwazzjoni tar-Regolament, evalwazzjoni kontinwa tal-effettività u l-effiċjenza tal-miżuri implimentati, kif ukoll tal-kostijiet marbuta maż-żamma, l-iżvilupp, l-ospitar, it-tħaddim u l-appoġġ ta’ sistema ċentrali tal-informazzjoni. Ħarsa ġenerali dettaljata lejn il-kostijiet involuti tinsab fid-“Dikjarazzjoni Finanzjarja” marbuta ma’ din l-inizjattiva.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar
Minħabba n-natura dinamika tal-ekonomija tal-pjattaformi, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-inizjattiva huma parti importanti mill-proposta. Din twieġeb ukoll it-talbiet espliċiti tal-partijiet ikkonċernati, inkluż l-Istati Membri, għal funzjoni ta’ monitoraġġ dedikata, u tirrifletti l-importanza mogħtija lil għażla ta’ politika indipendenti marbuta mal-monitoraġġ ikkunsidrata fil-Valutazzjoni tal-Impatt tal-Bidu. Għaldaqstant, il-monitoraġġ se jinqasam f’żewġ partijiet: (i) monitoraġġ kontinwu li se jirrapporta kull sentejn dwar l-aħħar żviluppi fis-suq u li jista’ jinvolvi l-Osservatorju dwar l-Ekonomija tal-Pjattaformi Online tal-UE, u (ii) objettivi operazzjonali u indikaturi speċifiċi biex dawn jitkejlu.
Il-monitoraġġ regolari u kontinwu se jkopri l-aspetti ewlenin li ġejjin: (i) monitoraġġ ta’ kwistjonijiet relatati mal-kamp ta’ applikazzjoni (eż. kriterji għad-deżinjazzjoni tal-gwardjani, l-iżviluppi fid-deżinjazzjoni tal-gwardjani, l-użu tal-valutazzjoni kwalitattiva fil-proċess tad-deżinjazzjoni); (ii) monitoraġġ ta’ prattiki inġusti (konformità, xejriet ta’ infurzar, żviluppi); u (iii) monitoraġġ li jiskatta investigazzjoni tas-suq biex jiġu eżaminati servizzi ewlenin tal-pjattaforma u prattiki ġodda fis-settur diġitali.
Il-monitoraġġ se jqis ukoll kif xieraq ix-xogħol kunċettwali tal-Grupp ta’ Esperti dwar l-Ekonomija tal-Pjattaformi Online permezz tal-fluss ta’ ħidma tiegħu dwar Indikaturi tal-Kejl u Indikaturi Ekonomiċi.
Barra minn hekk, l-effettività u l-effiċjenza tal-proposta se jiġu mmonitorjati bl-użu ta’ indikaturi definiti minn qabel biex jiġi stabbilit jekk jistax ikun hemm bżonn regoli addizzjonali, inkluż rigward l-infurzar, biex jiġi żgurat li s-swieq diġitali madwar l-UE jkunu kontestabbli u ġusti. Għaldaqstant, l-impatt tal-intervent se jiġi vvalutat fil-kuntest ta’ eżerċizzju ta’ evalwazzjoni u jattiva, jekk ikun meħtieġ, klawżola ta’ reviżjoni, li tippermetti lill-Kummissjoni tieħu miżuri xierqa, inkluż proposti leġiżlattivi.
L-Istati Membri se jipprovdu wkoll l-informazzjoni rilevanti li jkollhom u li l-Kummissjoni jaf ikollha bżonn għall-finijiet tal-evalwazzjoni.
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
Il-Kapitolu I jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali, inkluż is-suġġett, l-għan u l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament, inkluż l-effett ta’ armonizzazzjoni tiegħu fir-rigward ta’ ċerti liġijiet nazzjonali (l-Artikolu 1), u d-definizzjonijiet tat-termini użati fil-proposta, kif ukoll l-objettivi tal-proposta (l-Artikolu 2).
Il-Kapitolu II fih id-dispożizzjonijiet dwar id-deżinjazzjoni tal-gwardjani. B’mod aktar speċifiku, dan jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li skonthom il-fornituri ta’ servizzi ewlenin tal-pjattaforma għandhom jiġu ddeżinjati bħala gwardjani abbażi tal-kriterji kwantitattivi (b’suppożizzjoni soġġetta għal kontrodimostrazzjoni) jew wara valutazzjoni ta’ każ b’każ waqt investigazzjoni tas-suq (l-Artikolu 3). Barra minn hekk, jistabbilixxi wkoll kundizzjonijiet li skonthom id-deżinjazzjoni ta’ gwardjan tista’ tiġi kkunsidrata mill-ġdid kif ukoll obbligu li din id-deżinjazzjoni tiġi riveduta b’mod regolari (l-Artikolu 4).
Il-Kapitolu III jistabbilixxi l-prattiki tal-gwardjani li jillimitaw il-kontestabbiltà u li huma inġusti. B’mod partikolari, jistabbilixxi obbligi b’eżekuzzjoni awtomatika (l-Artikolu 5) u obbligi li huma suxxettibbli għal speċifikazzjoni (l-Artikolu 6) li l-gwardjani ddeżinjati għandhom jikkonformaw magħhom fir-rigward ta’ kull wieħed mis-servizzi ewlenin tal-pjattaforma tagħhom elenkati fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni rilevanti. Barra minn hekk, jistabbilixxi qafas għal djalogu possibbli bejn il-gwardjan iddeżinjat u l-Kummissjoni fir-rigward ta’ miżuri li l-gwardjan jimplimenta jew ikun beħsiebu jimplimenta biex jikkonforma mal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 6 (l-Artikolu 7). Jistabbilixxi wkoll il-kundizzjonijiet li skonthom jistgħu jiġu sospiżi l-obbligi għal servizz ewlieni tal-pjattaforma individwali f’ċirkostanzi eċċezzjonali (l-Artikolu 8) jew tista’ tingħata eżenzjoni għal raġunijiet ta’ interess pubbliku (l-Artikolu 9). Dispożizzjonijiet addizzjonali f’dan il-Kapitolu jistabbilixxu mekkaniżmu għall-aġġornament tal-lista ta’ obbligi (l-Artikolu 10); kjarifika li l-obbligi stabbiliti fir-Regolament japplikaw irrispettivament minn jekk il-prattika rilevanti tal-gwardjan iddeżinjat ikollhiex natura kuntrattwali, kummerċjali, teknika jew xi natura oħra (l-Artikolu 11); obbligu li tiġi nnotifikata kull konċentrazzjoni intenzjonata skont it-tifsira tar-Regolament tal-UE dwar l-Għaqdiet (l-Artikolu 12); u obbligu fuq il-gwardjan iddeżinjat biex isirlu awditu indipendenti għal kwalunkwe teknika għat-tfassil tal-profili dwar il-konsumaturi li l-gwardjan japplika għas-servizzi ewlenin tal-pjattaforma tiegħu jew fihom (l-Artikolu 13).
Il-Kapitolu IV jipprovdi regoli għat-twettiq ta’ investigazzjonijiet tas-suq, b’mod partikolari rekwiżiti proċedurali għall-ftuħ ta’ investigazzjoni tas-suq (l-Artikolu 14) u regoli għat-twettiq ta’ tipi differenti ta’ investigazzjonijiet tas-suq: (i) id-deżinjazzjoni ta’ gwardjan (l-Artikolu 15), (ii) l-investigazzjoni ta’ nonkonformità sistematika (l-Artikolu 16) u (iii) l-investigazzjoni ta’ servizzi ewlenin ġodda tal-pjattaforma u ta’ prattiki ġodda (l-Artikolu 17).
Il-Kapitolu V fih id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-implimentazzjoni u l-infurzar ta’ dan ir-Regolament. Jipprevedi rekwiżiti proċedurali għall-ftuħ tal-proċedimenti (l-Artikolu 18). Imbagħad jistabbilixxi regoli b’rabta ma’ għodod differenti li jistgħu jintużaw fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet tas-suq jew ta’ proċedimenti skont ir-Regolament. Dawn jinkludu l-abbiltà tal-Kummissjoni li titlob informazzjoni (l-Artikolu 19), twettaq intervisti u tieħu dikjarazzjonijiet (l-Artikolu 20) u tagħmel spezzjonijiet fuq il-post (l-Artikolu 21), tadotta miżuri interim (l-Artikolu 22) u tagħmel miżuri volontarji vinkolanti fuq il-gwardjani (l-Artikolu 23), kif ukoll timmonitorja l-konformità tagħhom mar-Regolament (l-Artikolu 24).
F’każ ta’ nonkonformità, il-Kummissjoni tista’ toħroġ deċiżjonijiet ta’ nonkonformità (l-Artikolu 25), kif ukoll timponi multi (l-Artikolu 26) u pagamenti perjodiċi ta’ penali (l-Artikolu 27) għal ksur tar-Regolament mill-gwardjani, kif ukoll għall-għoti ta’ informazzjoni mhux korretta, mhux kompluta jew qarrieqa fil-kuntest tal-investigazzjoni. Ir-Regolament jistabbilixxi wkoll perjodu ta’ preskrizzjoni għall-impożizzjoni ta’ penali u għall-infurzar tagħhom (l-Artikoli 28 u 29).
Diversi dispożizzjonijiet f’dan il-Kapitolu jistabbilixxu l-garanziji proċedurali quddiem il-Kummissjoni, b’mod partikolari d-dritt ta’ smigħ u ta’ aċċess għall-fajl (l-Artikolu 30) u l-protezzjoni tas-segretezza professjonali (l-Artikolu 31). Huwa jipprevedi wkoll il-konsultazzjoni tal-Kumitat Konsultattiv għas-Swieq Diġitali stabbilit b’dan ir-Regolament qabel ma jiġu adottati deċiżjonijiet individwali identifikati indirizzati lill-gwardjani (l-Artikolu 32). Fl-aħħar nett, ir-Regolament jipprevedi l-possibbiltà għal tliet Stati Membri jew aktar li jitolbu lill-Kummissjoni
tiftaħ investigazzjoni tas-suq skont l-Artikolu 15 (l-Artikolu 33).
Il-Kapitolu VI fih dispożizzjonijiet ġenerali ulterjuri, bħal obbligu li jiġi ppubblikat sett identifikat ta’ deċiżjonijiet individwali adottati skont ir-Regolament (l-Artikolu 34), kjarifika li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkollha ġurisdizzjoni illimitata fir-rigward tal-pagamenti ta’ multi u penali (l-Artikolu 35), u l-possibbiltà li jiġu adottati atti ta’ implimentazzjoni (l-Artikolu 36) u delegati (l-Artikolu 37).
Fl-aħħar nett, id-dispożizzjonijiet li jifdal f’dan il-Kapitolu huma l-klawżola ta’ reviżjoni (l-Artikolu 38) u l-ispeċifikazzjoni tad-dħul fis-seħħ u d-dati ta’ applikazzjoni tar-Regolament (l-Artikolu 39).
2020/0374 ([…])
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar swieq kontestabbli u ġusti fis-settur diġitali (l-Att dwar is-Swieq Diġitali)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data,
Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)Is-servizzi diġitali b’mod ġenerali u l-pjattaformi online b’mod partikolari għandhom rwol dejjem aktar importanti fl-ekonomija, b’mod partikolari fis-suq intern, billi jipprovdu opportunitajiet ġodda ta’ negozju fl-Unjoni u jiffaċilitaw il-kummerċ transfruntier.
(2)Fl-istess ħin, is-servizzi ewlenin tal-pjattaforma għandhom bosta karatteristiċi li jistgħu jiġu sfruttati mill-fornituri tagħhom. Fost l-oħrajn, dawn il-karatteristiċi tas-servizzi ewlenin tal-pjattaforma jinkludu l-ekonomiji ta’ skala estremi, li ħafna drabi jirriżultaw minn kostijiet marġinali kważi żero biex jiżdiedu l-utenti kummerċjali jew l-utenti finali. Fost karatteristiċi oħra tas-servizzi ewlenin tal-pjattaforma hemm l-effetti qawwija ħafna tan-network, l-abbiltà li jikkollegaw ħafna utenti kummerċjali ma’ ħafna utenti finali għax dawn is-servizzi għandhom diversi naħat, il-grad sinifikanti ta’ dipendenza tal-utenti kummerċjali u tal-utenti finali, l-effetti ta’ intrappolament, in-nuqqas ta’ multi-homing għall-istess għan mill-utenti finali, l-integrazzjoni vertikali, u l-vantaġġi xprunati mid-data. Meta ma’ dawn il-karatteristiċi kollha tingħaqad l-imġiba inġusta ta’ fornituri ta’ dawn is-servizzi, dawn jistgħu jimminaw ġmielu l-kontestabbiltà tas-servizzi ewlenin tal-pjattaforma u jħallu impatt fuq il-ġustizzja tar-relazzjoni kummerċjali bejn il-fornituri ta’ dawn is-servizzi u l-utenti kummerċjali u l-utenti finali tagħhom, u dan iwassal għal tnaqqis mgħaġġel u potenzjalment estensiv fl-għażliet disponibbli fil-prattika għall-utenti kummerċjali u l-utenti finali, filwaqt li l-fornitur ta’ dawk is-servizzi jista’ jikseb il-pożizzjoni tal-hekk imsejjaħ gwardjan.
(3)Għadd żgħir ta’ fornituri kbar ta’ servizzi ewlenin tal-pjattaforma rnexxielhom jiksbu qawwa ekonomika konsiderevoli. Tipikament, dawn ikollhom l-abbiltà li jikkollegaw ħafna utenti kummerċjali ma’ ħafna utenti finali permezz tas-servizzi tagħhom, u min-naħa tagħhom dawn jippermettulhom jisfruttaw il-vantaġġi tagħhom, bħall-aċċess tagħhom għal ammonti kbar ta’ data, minn qasam wieħed tal-attività tagħhom għal oħrajn ġodda. Uħud minn dawn il-fornituri jeżerċitaw kontroll fuq ekosistemi sħaħ tal-pjattaformi fl-ekonomija diġitali u, strutturalment, ikun estremanent diffiċli għal operaturi tas-suq eżistenti jew ġodda li jisfidawhom jew jikkontestawhom, irrispettivament minn kemm dawn ikunu innovattivi u effiċjenti. Il-kontestabbiltà titnaqqas b’mod partikolari minħabba l-eżistenza ta’ ostakli kbar ħafna għad-dħul jew għall-ħruġ, li jinvolvu kostijiet kbar ta’ investiment li ma jistgħux jiġu rkuprati, jew li diffiċli jiġu rkuprati fil-każ tal-ħruġ, u n-nuqqas ta’ aċċess (jew l-aċċess imnaqqas) għal xi inputs ewlenin fl-ekonomija diġitali, bħad-data. Minħabba f’hekk, tiżdied il-probabbiltà li s-swieq sottostanti ma jiffunzjonawx tajjeb – jew daqt ma jibqgħux jiffunzjonaw tajjeb.
(4)Il-kombinament ta’ dawk il-karatteristiċi tal-gwardjani aktarx li ħafna drabi għal żbilanċi serji fis-saħħa tan-negozjar u għaldaqstant għal prattiki u kundizzjonijiet inġusti għall-utenti kummerċjali u għall-utenti finali ta’ servizzi ewlenin tal-pjattaforma pprovduti mill-gwardjani, għad-detriment tal-prezzijiet, tal-kwalità, tal-għażla u tal-innovazzjoni tagħhom.
(5)Dan ħafna drabi jwassal biex il-proċessi tas-suq ma jkunux kapaċi jiżguraw riżultati ekonomiċi ġusti fejn jidħlu s-servizzi ewlenin tal-pjattaforma. Għalkemm l-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE jibqgħu applikabbli għall-imġiba tal-gwardjani, il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom hu limitat għal ċerti każijiet ta’ saħħa fis-suq (pereżempju d-dominanza fuq swieq speċifiċi) u ta’ mġiba antikompetittiva, filwaqt li l-infurzar iseħħ ex post u jeħtieġ investigazzjoni estensiva ta’ fatti li ta’ spiss ikunu kumplessi ħafna abbażi ta’ każ b’każ. Barra minn hekk, il-liġi eżistenti tal-Unjoni ma tindirizzax, jew ma tindirizzax b’mod effettiv, l-isfidi identifikati għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern ikkawżati mill-imġiba tal-gwardjani, li mhux neċessarjament ikunu dominanti f’termini ta’ liġi tal-kompetizzjoni.
(6)Il-gwardjani għandhom impatt sinifikanti fuq is-suq intern għax jipprovdu gateways għal għadd kbir ta’ utenti kummerċjali biex jilħqu lill-utenti finali, kullimkien fl-Unjoni u fi swieq differenti. L-impatt negattiv tal-prattiki inġusti fuq is-suq intern u l-kontestabbiltà partikolarment dgħajfa tas-servizzi ewlenin tal-pjattaforma, inkluż l-implikazzjonijiet negattivi tagħhom fuq is-soċjetà u l-ekonomija, wasslu biex il-leġiżlaturi nazzjonali u r-regolaturi settorjali jieħdu azzjoni. Diġà ġew adottati jew proposti għadd ta’ soluzzjonijiet regolatorji nazzjonali biex jindirizzaw prattiki inġusti u l-kontestabbiltà tas-servizzi diġitali jew għall-inqas rigward uħud minnhom. Dan ħoloq riskju ta’ soluzzjonijiet regolatorji diverġenti u b’hekk frammentazzjoni tas-suq intern, u għalhekk żied ir-riskju ta’ żieda fil-kostijiet tal-konformità minħabba settijiet differenti ta’ rekwiżiti regolatorji nazzjonali.
(7)Għalhekk, l-utenti kummerċjali u l-utenti finali ta’ servizzi ewlenin tal-pjattaforma pprovduti mill-gwardjani jenħtieġ jingħataw salvagwardji regolatorji xierqa fl-Unjoni kollha kontra l-imġiba inġusta tal-gwardjani biex jeħfief in-negozju transfruntier fl-Unjoni u b’hekk jitjieb il-funzjonament xieraq tas-suq intern u tiġi indirizzata l-frammentazzjoni eżistenti jew li aktarx tinħoloq fl-oqsma speċifiċi koperti minn dan ir-Regolament. Barra minn hekk, għalkemm il-gwardjani għandhom it-tendenza li jadottaw mudelli ta’ negozju u strutturi algoritmiċi dinjin jew tal-inqas pan-Ewropej, dawn jistgħu jadottaw, u xi drabi diġà adottaw, kundizzjonijiet u prattiki kummerċjali differenti fi Stati Membri differenti li jaf joħolqu diskrepanzi bejn il-kundizzjonijiet kompetittivi tal-utenti ta’ servizzi ewlenin tal-pjattaforma pprovduti mill-gwardjani, għad-detriment tal-integrazzjoni fi ħdan is-suq intern.
(8)B’approssimazzjoni tal-liġijiet nazzjonali diverġenti, jenħtieġ jiġu eliminati l-ostakli għal-libertà tal-forniment u r-riċezzjoni tas-servizzi, inkluż is-servizzi bl-imnut, fis-suq intern. Għaldaqstant, jenħtieġ jiġi stabbilit sett immirat ta’ regoli obbligatorji armonizzati fil-livell tal-Unjoni ħalli jiġu żgurati swieq diġitali kontestabbli u ġusti li jinkludu l-preżenza ta’ gwardjani fi ħdan is-suq intern.
(9)Il-frammentazzjoni tas-suq intern tista’ tiġi evitata b’mod effettiv biss jekk l-Istati Membri ma jitħallewx japplikaw regoli nazzjonali li jkunu speċifiċi għat-tipi ta’ impriżi u servizzi koperti minn dan ir-Regolament. Fl-istess ħin, dan ir-Regolament għandu l-għan li jikkumplimenta l-infurzar tal-liġi tal-kompetizzjoni, u għalhekk jenħtieġ jiġi speċifikat li dan ir-Regolament hu mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE, għar-regoli nazzjonali korrispondenti tal-kompetizzjoni u għal regoli nazzjonali oħra tal-kompetizzjoni dwar l-imġiba unilaterali li huma bbażati fuq valutazzjoni individwalizzata tal-pożizzjonijiet u tal-imġiba fis-suq, inkluż l-effetti probabbli tagħha u l-kamp ta’ applikazzjoni preċiż tal-imġiba pprojbita, u li jipprevedu l-possibbiltà li l-impriżi jagħmlu argumenti ta’ effiċjenza u ġustifikazzjoni oġġettiva għall-imġiba inkwistjoni. Madankollu, jenħtieġ li l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ma taffettwax l-obbligi imposti fuq il-gwardjani skont dan ir-Regolament u l-applikazzjoni uniformi u effettiva tagħhom fis-suq intern.
(10)L-objettiv tal-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE u tar-regoli nazzjonali korrispondenti tal-kompetizzjoni li jikkonċernaw l-imġiba multilaterali u unilaterali antikompetittiva kif ukoll il-kontroll tal-fużjonijiet hu l-protezzjoni tal-kompetizzjoni mingħajr distorsjoni fis-suq. Dan ir-Regolament għandu objettiv kumplimentari għal, iżda differenti minn, dak li jipproteġi l-kompetizzjoni mingħajr distorsjoni fi kwalunkwe suq partikolari, kif definit f’termini ta’ liġi tal-kompetizzjoni, jiġifieri li tiżgura li s-swieq fejn hemm gwardjani, ikunu u jibqgħu kontestabbli u ġusti, indipendentement mill-effetti attwali, probabbli jew preżunti tal-imġiba ta’ gwardjan partikolari koperta minn dan ir-Regolament dwar il-kompetizzjoni f’suq partikolari. Għalhekk, dan ir-Regolament għandu l-għan li jipproteġi interess legali differenti minn dawk ir-regoli u jenħtieġ ikun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tagħhom.
(11)Dan ir-Regolament jenħtieġ jikkumplimenta wkoll, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tagħhom, ir-regoli li jirriżultaw minn atti oħra tal-liġi tal-Unjoni li jirregolaw ċerti aspetti tal-forniment tas-servizzi koperti minn dan ir-Regolament, b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2019/1150 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament (UE) xx/xx/UE [DSA] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u d-Direttiva (UE) 2010/13 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, kif ukoll regoli nazzjonali mmirati biex jinforzaw jew, skont il-każ, jimplimentaw dik il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.
(12)Il-kontestabbiltà dgħajfa u l-prattiki inġusti fis-settur diġitali huma aktar frekwenti u evidenti f’ċerti servizzi diġitali milli f’oħrajn. Dan hu l-każ b’mod partikolari għas-servizzi diġitali mifruxa u użati b’mod komuni li jintermedjaw direttament l-aktar bejn l-utenti kummerċjali u l-utenti finali, u meta karatteristiċi bħall-ekonomiji ta’ skala estremi, l-effetti qawwija ħafna fuq in-network, l-abbiltà li jikkollegaw ħafna utenti kummerċjali ma’ ħafna utenti finali għax dawn is-servizzi għandhom diversi naħat, l-effetti ta’ intrappolament, in-nuqqas ta’ multi-homing jew l-integrazzjoni vertikali huma l-aktar prevalenti. Ħafna drabi, ikun hemm biss fornitur kbir wieħed jew ftit fornituri kbar ħafna ta’ dawk is-servizzi diġitali. Dawn il-fornituri ta’ servizzi ewlenin tal-pjattaforma tfaċċaw l-aktar bħala gwardjani għall-utenti kummerċjali u għall-utenti finali b’impatti estensivi, filwaqt li kisbu l-abbiltà li jistabbilixxu faċilment kundizzjonijiet u termini kummerċjali b’mod unilaterali u detrimentali għall-utenti kummerċjali u l-utenti finali tagħhom. Għaldaqstant, jenħtieġ issir enfasi biss fuq dawk is-servizzi diġitali li jintużaw l-aktar mill-utenti kummerċjali u mill-utenti finali u meta, abbażi tal-kundizzjonijiet attwali tas-suq, it-tħassib dwar il-kontestabbiltà dgħajfa u l-prattiki inġusti mill-gwardjani hu aktar evidenti u urġenti minn perspettiva tas-suq intern.
(13)B’mod partikolari, is-servizzi ta’ intermedjazzjoni online, il-magni tat-tiftix online, is-sistemi operatorji, in-networking soċjali online, is-servizzi ta’ pjattaforma tal-video-sharing, is-servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri, is-servizzi ta’ cloud computing u s-servizzi ta’ reklamar online kollha għandhom il-kapaċità li jaffettwaw għadd kbir ta’ utenti finali u negozji bl-istess mod u dan joħloq riskju ta’ prattiki kummerċjali inġusti. Għalhekk jenħtieġ li dawn jiġu inklużi fid-definizzjoni ta’ servizzi ewlenin tal-pjattaforma u jkunu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Is-servizzi ta’ intermedjazzjoni online jistgħu jkunu attivi wkoll fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, u jistgħu jintermedjaw jew jiġu użati biex jipprovdu tali servizzi kif elenkati b’mod mhux eżawrjenti fl-Anness II tad-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. F’ċerti ċirkostanzi, il-kunċett ta’ utenti finali jenħtieġ ikun jinkludi lill-utenti li tradizzjonalment jitqiesu bħala utenti kummerċjali, iżda f’sitwazzjoni partikolari ma jużawx is-servizzi ewlenin tal-pjattaforma biex jipprovdu oġġetti jew servizzi lil utenti finali oħra, bħal pereżempju n-negozji li jiddependu fuq servizzi ta’ cloud computing għall-finijiet tagħhom stess.
(14)Għadd ta’ servizzi anċillari oħra, bħas-servizzi ta’ identifikazzjoni jew ta’ pagament u s-servizzi tekniċi li jappoġġaw il-forniment ta’ servizzi ta’ pagament, jistgħu jiġu pprovduti mill-gwardjani flimkien mas-servizzi ewlenin tal-pjattaforma tagħhom. Peress li l-gwardjani ta’ spiss ikunu jipprovdu l-portafoll tas-servizzi tagħhom bħala parti minn ekosistema integrata li l-fornituri terzi ta’ dawn is-servizzi anċillari ma jkollhomx aċċess għaliha, tal-anqas mhux bl-istess kundizzjonijiet, u jistgħu jorbtu l-aċċess għas-servizz ewlieni tal-pjattaforma mat-teħid ta’ servizz anċillari wieħed jew aktar, il-gwardjani aktarx ikollhom abbiltà u inċentiv akbar biex iżidu s-setgħa tagħhom bħala gwardjani mis-servizzi ewlenin tal-pjattaforma tagħhom għal dawn is-servizzi anċillari, għad-detriment tal-għażla u l-kontestabbiltà ta’ dawn is-servizzi.
(15)Il-fatt li servizz diġitali jikkwalifika bħala servizz ewlieni tal-pjattaforma fid-dawl tal-użu mifrux u komuni tiegħu u l-importanza tiegħu bħala kollegament bejn l-utenti kummerċjali u l-utenti finali, bħala tali ma jwassalx għal tħassib serju biżżejjed dwar il-kontestabbiltà u l-prattiki inġusti. Dan it-tħassib ifeġġ biss meta servizz ewlieni tal-pjattaforma jikkostitwixxi gateway importanti u jitħaddem minn fornitur b’impatt sinifikanti fis-suq intern u b’pożizzjoni stabbilita u dejjiema, jew minn fornitur li jista’ prevedibbilment ikollu tali pożizzjoni fil-futur qrib. Għaldaqstant, is-sett immirat ta’ regoli armonizzati stabbiliti f’dan ir-Regolament jenħtieġ ikun japplika biss għall-impriżi ddeżinjati abbażi ta’ dawn it-tliet kriterji oġġettivi, u dawn il-kriterji japplikaw jenħtieġ biss għas-servizzi ewlenin tal-pjattaforma tagħhom li individwalment jikkostitwixxu gateway importanti għall-utenti kummerċjali biex jilħqu lill-utenti finali.
(16)Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament għall-fornituri ta’ servizzi ewlenin tal-pjattaforma li aktarx jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti oġġettivi, u meta l-imġiba inġusta li ddgħajjef il-kontestabbiltà tkun l-aktar prevalenti u l-aktar li tħalli impatt, il-Kummissjoni jenħtieġ tkun tista’ tiddeżinja direttament bħala gwardjani lill-fornituri ta’ servizzi ewlenin tal-pjattaforma li jilħqu ċerti limiti kwantitattivi. Dawn l-impriżi jenħtieġ li fi kwalunkwe każ ikunu soġġetti għal proċess rapidu tad-deżinjazzjoni li jenħtieġ jibda mad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
(17)Fatturat sinifikanti ħafna fl-Unjoni u l-forniment ta’ servizz ewlieni tal-pjattaforma f’mill-inqas tliet Stati Membri jikkostitwixxu indikazzjonijiet konvinċenti li l-fornitur ta’ servizz ewlieni tal-pjattaforma għandu impatt sinifikanti fuq is-suq intern. Dan hu minnu wkoll meta fornitur ta’ servizz ewlieni tal-pjattaforma f’mill-inqas tliet Stati Membri jkollu kapitalizzazzjoni tas-suq sinifikanti ħafna jew valur ġust tas-suq ekwivalenti. Għaldaqstant, fornitur ta’ servizz ewlieni tal-pjattaforma jenħtieġ ikun preżunt li għandu impatt sinifikanti fuq is-suq intern meta jkun jipprovdi servizz ewlieni tal-pjattaforma f’mill-inqas tliet Stati Membri, u meta l-fatturat tal-grupp tiegħu realizzat fiż-ŻEE jkun daqs jew jaqbeż limitu għoli speċifiku, jew meta l-kapitalizzazzjoni fis-suq tal-grupp tkun daqs jew taqbeż ċertu valur assolut għoli. Fil-każ tal-fornituri ta’ servizzi ewlenin tal-pjattaforma li jappartjenu għal impriżi li mhumiex elenkati pubblikament, jenħtieġ issir referenza għall-valur ġust tas-suq ekwivalenti li jaqbeż ċertu valur assolut għoli. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tuża s-setgħa tagħha li tadotta atti delegati biex tiżviluppa metodoloġija oġġettiva għall-kalkolu ta’ dak il-valur. Fatturat għoli tal-grupp fiż-ŻEE flimkien mal-limitu tal-utenti fl-Unjoni ta’ servizzi ewlenin tal-pjattaforma jirriflettu abbiltà relattivament b’saħħitha li dawn l-utenti jiġu monetizzati. Kapitalizzazzjoni tas-suq għolja relattiva għall-istess limitu tal-utenti fl-Unjoni tirrifletti potenzjal relattivament sinifikanti li dawn l-utenti jiġu monetizzati fil-futur qrib. Dan il-potenzjal ta’ monetizzazzjoni min-naħa tiegħu jirrifletti fil-prinċipju l-pożizzjoni ta’ gateway tal-impriżi kkonċernati. Barra minn hekk, iż-żewġ indikaturi jirriflettu l-kapaċità finanzjarja tagħhom, inkluż l-abbiltà tagħhom li jingranaw l-aċċess tagħhom għas-swieq finanzjarji biex isaħħu l-pożizzjoni tagħhom. Dan jista’ pereżempju jseħħ meta dan l-aċċess superjuri jintuża biex jiġu akkwistati impriżi oħra, u din l-abbiltà min-naħa tagħha ntweriet li tista’ tħalli effetti negattivi fuq l-innovazzjoni. Il-kapitalizzazzjoni tas-suq tista’ tirrifletti wkoll il-pożizzjoni u l-effett futuri mistennija tal-fornituri kkonċernati fuq is-suq intern, minkejja li l-fatturat attwali potenzjalment ikun relattivament baxx. Il-valur tal-kapitalizzazzjoni tas-suq jista’ jkun ibbażat fuq livell li jirrifletti l-kapitalizzazzjoni medja tas-suq tal-akbar impriżi elenkati pubblikament fl-Unjoni tul perjodu xieraq.
(18)Kapitalizzazzjoni sostnuta tas-suq tal-fornitur ta’ servizzi ewlenin tal-pjattaforma li tkun daqs jew taqbeż il-limitu għal tliet snin jew aktar, jenħtieġ titqies li ssaħħaħ is-suppożizzjoni li l-fornitur ta’ servizzi ewlenin tal-pjattaforma għandu impatt sinifikanti fuq is-suq intern.
(19)Jista’ jkun hemm għadd ta’ fatturi li jikkonċernaw il-kapitalizzazzjoni tas-suq li jkunu jitolbu valutazzjoni profonda biex jiġi ddeterminat jekk fornitur ta’ servizzi ewlenin tal-pjattaforma jenħtieġx jitqies li għandu impatt sinifikanti fuq is-suq intern. Dan jista’ jkun il-każ meta l-kapitalizzazzjoni fis-suq tal-fornitur ta’ servizzi ewlenin tal-pjattaforma fis-snin finanzjarji preċedenti kienet ferm aktar baxxa mill-medja tas-suq tal-ekwità, meta l-volatilità tal-kapitalizzazzjoni tas-suq tiegħu tul il-perjodu osservat kienet sproporzjonata mal-volatilità ġenerali tas-suq tal-ekwità, jew meta t-trajettorja tiegħu tal-kapitalizzazzjoni tas-suq, meta mqabbla max-xejriet tas-suq, ma kinitx konsistenti ma’ tkabbir rapidu u unidirezzjonali.
(20)Jekk ikun hemm għadd kbir ħafna ta’ utenti kummerċjali li jiddependu minn servizz ewlieni tal-pjattaforma biex jilħqu lil għadd kbir ħafna ta’ utenti finali attivi kull xahar, il-fornitur ta’ dak is-servizz ikun jista’ jinfluwenza l-operazzjonijiet ta’ parti sostanzjali tal-utenti kummerċjali għall-vantaġġ tiegħu u jindika fil-prinċipju li l-fornitur iservi bħala gateway importanti. Il-livelli rilevanti rispettivi għal dawk in-numri jenħtieġ jiġu stabbiliti b’mod li jkunu jirrappreżentaw persentaġġ sostantiv tal-popolazzjoni kollha tal-Unjoni fir-rigward tal-utenti finali, u tal-popolazzjoni kollha tan-negozji li jużaw il-pjattaformi biex jiġi ddeterminat il-limitu għall-utenti kummerċjali.
(21)Pożizzjoni stabbilita u dejjiema fl-operazzjonijiet tiegħu jew il-prevedibbiltà li fil-futur tinkiseb din il-pożizzjoni sseħħ b’mod partikolari meta l-kontestabbiltà tal-pożizzjoni tal-fornitur ta’ servizz ewlieni tal-pjattaforma tkun limitata. Dan aktarx iseħħ meta dak il-fornitur ikun ipprovda servizz ewlieni tal-pjattaforma f’mill-inqas tliet Stati Membri lil għadd kbir ħafna ta’ utenti kummerċjali u utenti finali għal mill-inqas tliet snin.
(22)Dawn il-limiti jistgħu jiġu affettwati minn żviluppi tekniċi u tas-suq. Għalhekk il-Kummissjoni jenħtieġ tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati biex tispeċifika l-metodoloġija li tiddetermina jekk intlaħqux il-limiti kwantitattivi, u biex taġġustaha regolarment skont l-iżviluppi tas-suq u teknoloġiċi, skont il-ħtieġa. Dan hu rilevanti b’mod partikolari fejn jidħol il-limitu li jirreferi għall-kapitalizzazzjoni tas-suq, li jenħtieġ jiġi indiċjat f’intervalli xierqa.
(23)Il-fornituri ta’ servizzi ewlenin tal-pjattaforma li jilħqu l-limiti kwantitattivi iżda jistgħu jippreżentaw argumenti sostanzjati biżżejjed biex juru li, fiċ-ċirkostanzi li jopera fihom is-servizz ewlieni tal-pjattaforma rilevanti, dawn ma jissodisfawx ir-rekwiżiti oġġettivi għal gwardjan, jenħtieġ ma jiġux iddeżinjati direttament iżda wara investigazzjoni ulterjuri biss. L-oneru tal-evidenza li s-suppożizzjoni li tirriżulta mill-ilħuq ta’ limiti kwantitattivi jenħtieġ ma tapplikax għal fornitur speċifiku, jenħtieġ jinġarr minn dak il-fornitur. Fil-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni jenħtieġ tqis biss l-elementi relatati direttament mar-rekwiżiti li jikkostitwixxu gwardjan, jiġifieri jekk hux gateway importanti operat minn fornitur b’impatt sinifikanti fis-suq intern u b’pożizzjoni stabbilita u dejjiema, attwali jew prevedibbli. Kwalunkwe ġustifikazzjoni għal raġunijiet ekonomiċi li tipprova turi effiċjenzi li jirriżultaw minn tip speċifiku ta’ mġiba mill-fornitur ta’ servizzi ewlenin tal-pjattaforma jenħtieġ titwarrab għax mhix rilevanti għad-deżinjazzjoni ta’ gwardjan. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tieħu deċiżjoni billi tibbaża fuq il-limiti kwantitattivi meta l-fornitur ifixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni billi ma jikkonformax mal-miżuri investigattivi li tieħu l-Kummissjoni.
(24)Jenħtieġ li ssir dispożizzjoni wkoll għall-valutazzjoni tar-rwol ta’ gwardjan ta’ fornituri ta’ servizzi ewlenin tal-pjattaforma li ma jilħqux il-limiti kwantitattivi kollha, fid-dawl tar-rekwiżiti oġġettivi ġenerali li jkollhom impatt sinifikanti fuq is-suq intern, jaġixxu bħala gateway importanti għall-utenti kummerċjali biex jilħqu lill-utenti finali u jibbenefikaw minn pożizzjoni dejjiema u stabbilita fl-operazzjonijiet tagħhom jew ikun prevedibbli li se jagħmlu dan fil-futur qrib.
(25)Valutazzjoni bħal din tista’ ssir biss fid-dawl ta’ investigazzjoni tas-suq, filwaqt li jitqiesu l-limiti kwantitattivi. Fil-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni jenħtieġ issegwi l-objettivi li tippreserva u trawwem il-livell ta’ innovazzjoni, il-kwalità tal-prodotti u s-servizzi diġitali, il-grad sa fejn il-prezzijiet huma ġusti u kompetittivi, u l-grad sa fejn il-kwalità jew l-għażla għall-utenti kummerċjali u għall-utenti finali huma għoljin jew jibgħu għoljin. Jistgħu jiġu kkunsidrati elementi li huma speċifiċi għall-fornituri tas-servizzi ewlenin tal-pjattaforma kkonċernati, bħall-ekonomiji ta’ skala estremi, l-effetti qawwija ħafna fuq in-network, l-abbiltà li jikkollegaw ħafna utenti kummerċjali ma’ ħafna utenti finali għax dawn is-servizzi għandhom diversi naħat, l-effetti ta’ intrappolament, in-nuqqas ta’ multi-homing jew l-integrazzjoni vertikali. Barra minn hekk, kapitalizzazzjoni tas-suq għolja ħafna, proporzjon għoli ħafna tal-valur tal-ekwità fuq il-profitt jew fatturat għoli ħafna li ġej mill-utenti finali ta’ servizz ewlieni wieħed tal-pjattaforma jista’ jindika żbilanċ fis-suq jew potenzjal ta’ ingranaġġ ta’ dawn il-fornituri. Flimkien mal-kapitalizzazzjoni tas-suq, rati għoljin ta’ tkabbir, jew tnaqqis fir-rati ta’ tkabbir moqrija flimkien mat-tkabbir tal-profittabbiltà, huma eżempji ta’ parametri dinamiċi li huma partikolarment rilevanti biex jiġu identifikati fornituri bħal dawn ta’ servizzi ewlenin tal-pjattaforma li huma previsti li jsiru stabbiliti. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tieħu deċiżjoni billi tibbaża fuq il-limiti kwantitattivi meta l-fornitur ifixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni billi ma jikkonformax mal-miżuri investigattivi li tieħu l-Kummissjoni.
(26)Jenħtieġ ikun hemm subsett partikolari tar-regoli li japplika għal fornituri bħal dawn ta’ servizzi ewlenin tal-pjattaforma li huma previsti li fil-futur qrib se jgawdu pożizzjoni stabbilita u dejjiema. L-istess karatteristiċi speċifiċi tas-servizzi ewlenin tal-pjattaforma jagħmluhom suxxettibbli għal żbilanċ: ladarba fornitur ta’ servizz ikun kiseb ċertu vantaġġ fuq rivali jew sfidanti potenzjali mil-lat ta’ skala jew saħħa ta’ intermedjazzjoni, il-pożizzjoni tiegħu tista’ ssir inattakkabbli u s-sitwazzjoni tista’ tevolvi sal-punt li aktarx issir dejjiema u stabbilita fil-futur qrib. L-impriżi jistgħu jippruvaw jinduċu dan l-iżbilanċ u joħorġu bħala gwardjani billi jużaw uħud mill-kundizzjonijiet u l-prattiki inġusti regolati f’dan ir-Regolament. F’sitwazzjoni bħal din, jidher xieraq li jkun hemm intervent qabel ma s-suq jiżbilanċja b’mod irriversibbli.
(27)Iżda tali intervent bikri jenħtieġ ikun limitat għall-impożizzjoni biss tal-obbligi meħtieġa u xierqa biex jiżguraw li s-servizzi inkwistjoni jibqgħu kontestabbli u jippermettu li jiġi evitat ir-riskju kwalifikat ta’ kundizzjonijiet u prattiki inġusti. L-obbligi li jipprevjenu lill-fornitur ikkonċernat ta’ servizzi ewlenin tal-pjattaforma milli jikseb pożizzjoni stabbilita u dejjiema fl-operazzjonijiet tiegħu, bħal dawk li jipprevjenu l-influwenzar inġust u dawk li jiffaċilitaw il-qlib u l-multi-homing huma mmirati b’mod aktar dirett lejn dan il-għan. Barra minn hekk, biex tiġi żgurata l-proporzjonalità, minn dak is-subsett ta’ obbligi, il-Kummissjoni jenħtieġ tapplika biss dawk meħtieġa u proporzjonati biex jintlaħqu l-objettivi ta’ dan ir-Regolament u jenħtieġ twettaq rieżami regolari biex tara jekk dawk l-obbligi hemmx bżonn jinżammu, jitneħħew jew jiġu adattati.
(28)Dan mistenni jippermetti lill-Kummissjoni tintervjeni fil-ħin u b’mod effettiv, b’rispett sħiħ lejn il-proporzjonalità tal-miżuri kkunsidrati. Dan mistenni wkoll iserraħ ras il-parteċipanti attwali jew potenzjali fis-suq rigward il-ġustizzja u l-kontestabbiltà tas-servizzi kkonċernati.
(29)Il-gwardjani ddeżinjati jenħtieġ ikunu konformi mal-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament fejn jidħol kull wieħed mis-servizzi ewlenin tal-pjattaforma elenkati fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni rilevanti. Ir-regoli obbligatorji jenħtieġ jiġu applikati filwaqt li titqies il-pożizzjoni ta’ konglomerat tal-gwardjani, meta applikabbli. Barra minn hekk, il-miżuri ta’ implimentazzjoni li l-Kummissjoni tista’, permezz ta’ deċiżjoni, timponi fuq il-gwardjani wara djalogu regolatorju jenħtieġ jitfasslu b’mod effettiv, billi jitqiesu l-karatteristiċi tas-servizzi ewlenin tal-pjattaforma kif ukoll ir-riskji possibbli ta’ ċirkomvenzjoni u f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità u d-drittijiet fundamentali tal-impriżi kkonċernati u tal-partijiet terzi.
(30)Is-servizzi ewlenin tal-pjattaforma għandhom natura teknoloġika kumplessa u qed tinbidel malajr ħafna; għalhekk hemm bżonn rieżami regolari tal-istatus tal-gwardjani, inkluż ta’ dawk previsti li fil-futur qrib igawdu minn pożizzjoni dejjiema u stabbilita fl-operazzjonijiet tagħhom. Biex il-parteċipanti kollha fis-suq, inkluż il-gwardjani, jingħataw iċ-ċertezza meħtieġa fir-rigward tal-obbligi legali applikabbli, hemm bżonn limitu ta’ żmien għal dawn ir-rieżamijiet regolari. Dawn ir-rieżamijiet importanti li jsiru b’mod regolari u mill-inqas kull sentejn.
(31)Biex tiġi żgurata l-effettività tar-rieżami tal-istatus ta’ gwardjan u l-possibbiltà li tiġi aġġustata l-lista tas-servizzi ewlenin tal-pjattaforma li jipprovdi gwardjan, il-gwardjani jenħtieġ jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar l-akkwiżizzjonijiet kollha ppjanati u konklużi tagħhom ta’ fornituri oħra ta’ servizzi ewlenin tal-pjattaforma jew ta’ xi servizz ieħor ipprovdut fis-settur diġitali. Din l-informazzjoni jenħtieġ isservi mhux biss għall-proċess tar-rieżami msemmi hawn fuq rigward l-istatus ta’ gwardjani individwali, iżda tipprovdi wkoll informazzjoni kruċjali għall-monitoraġġ ta’ xejriet usa’ ta’ kontestabbiltà fis-settur diġitali u għalhekk tista’ tkun fattur utli li jitqies fil-kuntest tal-investigazzjonijiet tas-suq previsti minn dan ir-Regolament.
(32)Biex jiġu ssalvagwardjati l-ġustizzja u l-kontestabbiltà tas-servizzi ewlenin tal-pjattaforma pprovduti mill-gwardjani, jeħtieġ jiġi previst b’mod ċar u inekwivoku sett ta’ obbligi armonizzati fir-rigward ta’ dawk is-servizzi. Dawn ir-regoli huma meħtieġa biex jiġi indirizzat ir-riskju ta’ effetti dannużi minħabba prattiki inġusti imposti mill-gwardjani, għall-ġid tal-ambjent kummerċjali fis-servizzi kkonċernati, għall-ġid tal-utenti, u fl-aħħar mill-aħħar għall-ġid tas-soċjetà inġenerali. Minħabba n-natura mgħaġġla u dinamika tas-swieq diġitali, u s-saħħa ekonomika sostanzjali tal-gwardjani, hu importanti li dawn l-obbligi jiġu applikati b’mod effettiv mingħajr ma jiġu evitati. Għal dak il-għan, l-obbligi inkwistjoni jenħtieġ japplikaw għal kwalunkwe prattika tal-gwardjani, irrispettivament mill-forma tagħha u irrispettivament minn jekk għandhiex natura kuntrattwali, kummerċjali, teknika jew xi natura oħra, sa fejn prattika tikkorrispondi għat-tip ta’ prattika li hi soġġetta għal wieħed mill-obbligi ta’ dan ir-Regolament.
(33)L-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament huma limitati għal dak meħtieġ u ġustifikat biex tiġi indirizzata l-inġustizzja tal-prattiki identifikati tal-gwardjani u biex tiġi żgurata l-kontestabbiltà fir-rigward tas-servizzi ewlenin tal-pjattaforma pprovduti mill-gwardjani. Għalhekk, l-obbligi jenħtieġ jikkorrispondu għall-prattiki meqjusina inġusti billi jitqiesu l-karatteristiċi tas-settur diġitali u meta l-esperjenza miksuba, pereżempju fl-infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE, turi li jħallu impatt dirett partikolarment negattiv fuq l-utenti kummerċjali u l-utenti finali. Barra minn hekk, hemm bżonn tiġi prevista l-possibbiltà ta’ djalogu regolatorju mal-gwardjani biex jitfasslu l-obbligi li aktarx ikunu jeħtieġu miżuri speċifiċi ta’ implimentazzjoni biex jiġu żgurati l-effettività u l-proporzjonalità tagħhom. L-obbligi jenħtieġ jiġu aġġornati biss wara investigazzjoni bir-reqqa tan-natura u l-impatt ta’ prattiki speċifiċi li jaf ikun għadhom kemm ġew identifikati bħala inġusti jew li jillimitaw il-kontestabbiltà, wara investigazzjoni fil-fond, bl-istess mod bħall-prattiki inġusti stipulati f’dan ir-Regolament filwaqt li potenzjalment jistgħu jaħarbu mill-kamp ta’ applikazzjoni tas-sett attwali tal-obbligi.
(34)Il-kombinament ta’ dawn il-mekkaniżmi differenti għall-impożizzjoni u l-adattament tal-obbligi jenħtieġ jiżgura li l-obbligi ma jestendux lil hinn mill-prattiki inġusti osservati, u fl-istess ħin jiżgura li l-prattiki ġodda jew li jkunu qed jevolvu jistgħu jkunu soġġetti għal intervent meta meħtieġ u ġustifikat.
(35)L-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament huma meħtieġa biex jindirizzaw tħassib identifikat tal-ordni pubbliku, meta ma jkun hemm l-ebda miżura alternattiva u inqas restrittiva li effettivament tikseb l-istess riżultat, b’kunsiderazzjoni tal-bżonn li jiġi ssalvagwardjat l-ordni pubbliku, titħares il-privatezza u jingħelbu l-prattiki kummerċjali frodulenti u qarrieqa.
(36)Dawk li jikkombinaw data tal-utenti finali mingħand sorsi differenti jew jabbonaw l-utenti għal servizzi differenti tal-gwardjani, ikunu qed jiksbu vantaġġi potenzjali mil-lat ta’ akkumulazzjoni tad-data, u b’hekk jiżdiedu l-ostakli għad-dħul. Biex jiġi żgurat li l-gwardjani ma jfixklux inġustament il-kontestabbiltà tas-servizzi ewlenin tal-pjattaforma, jenħtieġ li dawn ikunu jippermettu lill-utenti finali tagħhom jagħżlu liberament li jipparteċipaw f’dawn il-prattiki kummerċjali billi joffru alternattiva inqas personalizzata. Il-possibbiltà jenħtieġ tkopri s-sorsi kollha possibbli tad-data personali, inkluż servizzi proprji tal-gwardjan u siti web ta’ partijiet terzi, u jenħtieġ tiġi ppreżentata b’mod proattiv lill-utent finali b’mod espliċitu, ċar u sempliċi.
(37)Minħabba l-pożizzjoni tagħhom, xi drabi l-gwardjani jistgħu jillimitaw l-abbiltà tal-utenti kummerċjali tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni online tagħhom li joffru l-oġġetti jew is-servizzi tagħhom lil utenti finali b’kundizzjonijiet aktar favorevoli, inkluż il-prezz, tramite servizzi oħra ta’ intermedjazzjoni online. Dawn ir-restrizzjonijiet għandhom effett ta’ deterrent sinifikanti fuq l-utenti kummerċjali tal-gwardjani f’termini tal-użu tagħhom ta’ servizzi alternattivi ta’ intermedjazzjoni online, li jillimita l-kontestabbiltà bejn il-pjattaformi, li min-naħa tiegħu jillimita l-għażla ta’ mezzi alternattivi ta’ intermedjazzjoni online għall-utenti finali. Biex jiġi żgurat li l-utenti kummerċjali tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni online tal-gwardjani jkunu jistgħu jagħżlu liberament servizzi alternattivi ta’ intermedjazzjoni online u jiddifferenzjaw il-kundizzjonijiet li bihom joffru l-prodotti jew is-servizzi tagħhom lill-utenti finali tagħhom, jenħtieġ ma jiġix aċċettat li l-gwardjani jillimitaw lill-utenti kummerċjali milli jagħżlu li jiddifferenzjaw il-kundizzjonijiet kummerċjali, inkluż il-prezz. Jenħtieġ li tali restrizzjoni tapplika għal kwalunkwe miżura b’effett ekwivalenti, bħal pereżempju żieda fir-rati tal-kummissjoni jew it-tneħħija tal-offerti tal-utenti kummerċjali mil-lista.
(38)Biex jiġi evitat li tissaħħaħ aktar id-dipendenza tagħhom fuq is-servizzi ewlenin tal-pjattaforma tal-gwardjani, l-utenti kummerċjali ta’ dawn il-gwardjani jenħtieġ li jkunu ħielsa li jippromwovu u jagħżlu l-mezz ta’ distribuzzjoni li huma jqisu l-aktar xieraq biex jinteraġixxu ma’ kwalunkwe utent finali li dawn l-utenti kummerċjali jkunu diġà akkwistaw tramite servizzi ewlenin tal-pjattaforma pprovduti mill-gwardjan. Min-naħa l-oħra, l-utenti finali jenħtieġ ikunu liberi wkoll li jagħżlu l-offerti ta’ dawn l-utenti kummerċjali u li jidħlu f’kuntratti magħhom tramite servizzi ewlenin tal-pjattaforma tal-gwardjan, jekk applikabbli, jew b’mezz dirett tad-distribuzzjoni tal-utent kummerċjali, jew b’mezz indirett ieħor tad-distribuzzjoni li dan l-utent kummerċjali jista’ juża. Dan jenħtieġ li japplika għall-promozzjoni tal-offerti u l-konklużjoni tal-kuntratti bejn l-utenti kummerċjali u l-utenti finali. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-abbiltà tal-utenti finali li jakkwistaw liberament kontenut, abbonamenti, karatteristiċi jew oġġetti oħra barra mis-servizzi ewlenin tal-pjattaforma tal-gwardjan ma tiddgħajjifx jew tiġi ristretta. B’mod partikolari, jenħtieġ jiġi evitat li l-gwardjani jirrestrinġu lill-utenti finali milli jaċċessaw jew jużaw servizzi bħal dawn permezz ta’ applikazzjoni tas-software li topera fuq is-servizz ewlieni tal-pjattaforma tagħhom. Pereżempju, jenħtieġ li l-abbonati għal kontenut online mixtri barra minn applikazzjoni tas-software imniżżla jew mixtri minn ħanut ta’ applikazzjonijiet tas-software ma jitwaqqfux milli jaċċessaw kontenut online bħal dan fuq applikazzjoni tas-software fuq is-servizz ewlieni tal-pjattaforma tal-gwardjan sempliċiment għax ikun inxtara barra minn din l-applikazzjoni tas-software jew minn dan il-ħanut ta’ applikazzjonijiet tas-software.
(39)Biex ikun żgurat ambjent kummerċjali ġust u titħares il-kontestabbiltà tas-settur diġitali, hu importanti li jiġi salvagwardjat id-dritt tal-utenti kummerċjali li jqajmu tħassib tagħhom dwar imġiba inġusta minn gwardjani ma’ awtorità amministrattiva jew awtorità pubblika oħra rilevanti. Pereżempju, l-utenti kummerċjali jistgħu jkunu jridu jilmentaw dwar tipi differenti ta’ prattiki inġusti, bħal kundizzjonijiet ta’ aċċess diskriminatorji, għeluq mhux ġustifikat ta’ kontijiet tal-utenti kummerċjali jew raġunijiet mhux ċari għat-tneħħija ta’ prodott mil-lista. Għalhekk jenħtieġ tiġi pprojbita kwalunkwe prattika li b’xi mod timpedixxi din il-possibbiltà li wieħed juri tħassib jew ifittex rimedju disponibbli, pereżempju bi klawżoli ta’ kunfidenzjalità fi ftehimiet jew termini oħra bil-miktub. Dan jenħtieġ ikun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-utenti kummerċjali u tal-gwardjani li jistabbilixxu t-termini tal-użu fil-ftehimiet tagħhom, inkluż l-użu ta’ mekkaniżmi legali għall-immaniġġjar tal-ilmenti, inkluż kwalunkwe użu ta’ mekkaniżmi ta’ soluzzjoni alternattiva għat-tilwim jew tal-ġurisdizzjoni ta’ qrati speċifiċi f’konformità mal-liġi rispettiva tal-Unjoni u nazzjonali. Għalhekk, dan jenħtieġ ikun ukoll mingħajr preġudizzju għar-rwol li jaqdu l-gwardjani fil-ġlieda kontra l-kontenut illegali online.
(40)Is-servizzi ta’ identifikazzjoni huma kruċjali għall-utenti kummerċjali biex iwettqu n-negozju tagħhom, għax dawn jistgħu jippermettulhom mhux biss li jottimizzaw is-servizzi, sa fejn hu permess skont ir-Regolament (UE) 2016/679 u d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, iżda anki jinjettaw fiduċja fit-tranżazzjonijiet online, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-gwardjani ma jużawx il-pożizzjoni tagħhom bħala fornituri ta’ servizzi ewlenin tal-pjattaforma biex jeżiġu li l-utenti kummerċjali dipendenti tagħhom jinkludu kull servizz ta’ identifikazzjoni pprovdut mill-gwardjan innifsu bħala parti mill-forniment ta’ servizzi jew prodotti minn dawn l-utenti kummerċjali lill-utenti finali tagħhom, meta servizzi oħra ta’ identifikazzjoni jkunu disponibbli għal dawn l-utenti kummerċjali.
(41)Jenħtieġ li l-gwardjani ma jillimitawx l-għażla libera tal-utenti finali billi teknikament jipprevjenu l-qlib bejn applikazzjonijiet u servizzi differenti tas-software jew l-abbonament għalihom. Għalhekk il-gwardjani jenħtieġ jiżguraw għażla libera irrispettivament minn jekk dawn ikunux il-manifattur ta’ xi hardware li permezz tiegħu jiġu aċċessati applikazzjonijiet tas-software jew servizzi bħal dawn, u jenħtieġ ma joħolqux ostakli tekniċi artifiċjali biex jagħmlu l-qlib impossibbli jew ineffettiv. Is-sempliċi offerta ta’ prodott jew servizz partikolari lill-utenti finali, inkluż b’installazzjoni minn qabel, kif ukoll it-titjib ta’ offerta lil utent finali, bħal prezzijiet aħjar jew kwalità aqwa, fiha nnifisha ma tikkostitwixxix ostaklu għall-qlib.
(42)Il-kundizzjonijiet li skonthom il-gwardjani jipprovdu servizzi ta’ reklamar online lill-utenti kummerċjali, inkluż lir-reklamaturi u lill-pubblikaturi, spiss ma jkunux trasparenti u ċari. Din l-opaċità hi parzjalment marbuta mal-prattiki ta’ ftit pjattaformi, iżda hi dovuta wkoll għall-kumplessità enormi tar-reklamar programmatiku tal-lum. Is-settur hu meqjus li sar inqas trasparenti wara l-introduzzjoni ta’ leġiżlazzjoni ġdida dwar il-privatezza, u mistenni jsir aktar vag bit-tneħħija mħabbra tal-cookies ta’ partijiet terzi. Dan spiss iwassal għal nuqqas ta’ informazzjoni u għarfien għar-reklamaturi u għall-pubblikaturi dwar il-kundizzjonijiet tas-servizzi ta’ reklamar li jkunu xtraw u jimmina l-abbiltà tagħhom li jaqilbu għal fornituri alternattivi ta’ servizzi ta’ reklamar online. Barra minn hekk, il-kostijiet tar-reklamar online aktarx ikunu iżjed minn dawk f’ambjenti ta’ pjattaforma aktar ġusti, aktar trasparenti u kontestabbli. Dawn il-kostijiet akbar aktarx jiġu riflessi fil-prezzijiet li l-utenti finali jħallsu għal ħafna prodotti u servizzi ta’ kuljum li jiddependu fuq l-użu ta’ reklamar online. Għalhekk l-obbligi ta’ trasparenza jenħtieġ jeżiġu li l-gwardjani jagħtu informazzjoni lir-reklamaturi u lill-pubblikaturi, li lilhom jipprovdu servizzi ta’ reklamar online, li permezz tagħha ż-żewġ naħat ikunu jistgħu jifhmu l-prezz imħallas għal kull wieħed mis-servizzi differenti ta’ reklamar ipprovduti bħala parti mill-katina tal-valur rilevanti ta’ reklamar, meta tintalab din l-informazzjoni u sa fejn ikun possibbli.
(43)F’ċerti ċirkostanzi, gwardjan jista’ jaqdi rwol doppju bħala fornitur ta’ servizzi ewlenin tal-pjattaforma li jipprovdi servizz ewlieni tal-pjattaforma lill-utenti kummerċjali tiegħu, u fl-istess ħin jikkompeti wkoll ma’ dawk l-istess utenti kummerċjali fil-forniment tal-istess servizzi jew prodotti, jew ta’ oħrajn simili, lill-istess utenti finali. F’dawn iċ-ċirkostanzi, gwardjan jista’ jieħu vantaġġ mir-rwol doppju tiegħu u juża d-data ġġenerata permezz tat-tranżazzjonijiet mill-utenti kummerċjali tiegħu fuq il-pjattaforma, għall-fini tas-servizzi tiegħu stess li joffru servizzi simili għal dawk tal-utenti kummerċjali tiegħu. Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, meta gwardjan jipprovdi post tas-suq online jew ħanut ta’ applikazzjonijiet tas-software lill-utenti kummerċjali, u fl-istess ħin joffri servizzi bħala bejjiegħ online jew fornitur ta’ applikazzjonijiet tas-software kontra dawk l-utenti kummerċjali. Biex jiġi evitat li l-gwardjani jibbenefikaw inġustament mir-rwol doppju tagħhom, jenħtieġ jiġi żgurat li dawn ma jużawx data aggregata jew mhux aggregata, li tista’ tinkludi data anonimizzata u personali li ma tkunx disponibbli pubblikament, biex joffru servizzi simili għal dawk tal-utenti kummerċjali tagħhom. Dan l-obbligu jenħtieġ japplika għall-gwardjan kollu kemm hu, inkluż iżda mhux limitat għall-unità kummerċjali tiegħu li tikkompeti mal-utenti kummerċjali ta’ servizz ewlieni tal-pjattaforma.
(44)L-utenti kummerċjali jistgħu wkoll jixtru servizzi ta’ reklamar mingħand fornitur ta’ servizzi ewlenin tal-pjattaforma bil-għan li jipprovdu oġġetti u servizzi lil utenti finali. F’dan il-każ, jista’ jiġri li d-data ma tiġix iġġenerata fuq is-servizz ewlieni tal-pjattaforma iżda tingħata lis-servizz ewlieni tal-pjattaforma mill-utent kummerċjali jew tiġi ġġenerata abbażi tal-operazzjonijiet tiegħu tramite s-servizz ewlieni tal-pjattaforma kkonċernat. F’ċerti każijiet, servizz ewlieni tal-pjattaforma li jipprovdi reklamar jista’ jkollu rwol doppju, bħala intermedjarju u bħala fornitur ta’ servizzi ta’ reklamar. Għaldaqstant, l-obbligu li jipprojbixxi lil gwardjan bi rwol doppju milli juża data tal-utenti kummerċjali jenħtieġ japplika wkoll fir-rigward tad-data li servizz ewlieni tal-pjattaforma jkun irċieva mingħand negozji biex jiġu pprovduti servizzi ta’ reklamar relatati ma’ dak is-servizz ewlieni tal-pjattaforma.
(45)Fir-rigward tas-servizzi ta’ cloud computing, dan l-obbligu jenħtieġ jiġi estiż għad-data pprovduta jew iġġenerata mill-utenti kummerċjali tal-gwardjan fil-kuntest tal-użu tagħhom tas-servizz ta’ cloud computing tal-gwardjan, jew mill-ħanut ta’ applikazzjonijiet tas-software tiegħu li jkun jippermetti aċċess għal applikazzjonijiet tas-software lil utenti finali ta’ servizzi ta’ cloud computing. Dan l-obbligu jenħtieġ ma jaffettwax id-dritt tal-gwardjani li jużaw data aggregata biex jipprovdu servizzi analitiċi anċillari tad-data, soġġetti għal konformità mar-Regolament 2016/679 u d-Direttiva 2002/58/KE u mal-obbligi rilevanti f’dan ir-Regolament rigward is-servizzi anċillari.
(46)Gwardjan jista’ juża mezzi differenti biex jiffavorixxi s-servizzi jew il-prodotti tiegħu stess fuq is-servizz ewlieni tal-pjattaforma tiegħu, għad-detriment tal-istess servizzi jew ta’ servizzi simili li l-utenti finali jistgħu jiksbu tramite partijiet terzi. Dan jista’ pereżempju jkun il-każ meta ċerti applikazzjonijiet tas-software jew servizzi jiġu installati minn qabel minn gwardjan. Biex l-utenti finali jkollhom għażla, il-gwardjani jenħtieġ ma jipprevjenux lill-utenti finali milli jneħħu kull applikazzjoni tas-software installata minn qabel fuq is-servizz ewlieni tal-pjattaforma tagħhom u b’hekk jiffavorixxu l-applikazzjonijiet tas-software tagħhom stess.
(47)Ir-regoli li l-gwardjani jistabbilixxu għad-distribuzzjoni ta’ applikazzjonijiet tas-software jistgħu f’ċerti ċirkostanzi jillimitaw l-abbiltà tal-utenti finali li jinstallaw u jużaw b’mod effettiv applikazzjonijiet tas-software ta’ partijiet terzi jew ħwienet ta’ applikazzjonijiet tas-software fuq sistemi operatorji jew hardware tal-gwardjan rilevanti, u jillimitaw l-abbiltà tal-utenti finali li jaċċessaw dawn l-applikazzjonijiet tas-software jew il-ħwienet ta’ applikazzjonijiet tas-software barra mis-servizzi ewlenin tal-pjattaforma ta’ dak il-gwardjan. Dawn ir-restrizzjonijiet jistgħu jillimitaw l-abbiltà tal-iżviluppaturi ta’ applikazzjonijiet tas-software li jużaw mezzi alternattivi tad-distribuzzjoni u l-abbiltà tal-utenti finali li jagħżlu bejn applikazzjonijiet differenti tas-software minn mezzi differenti tad-distribuzzjoni, u jenħtieġ jiġu pprojbiti għax inġusti u jistgħu jdgħajfu l-kontestabbiltà tas-servizzi ewlenin tal-pjattaforma. Biex jiġi żgurat li applikazzjonijiet tas-software jew il-ħwienet ta’ applikazzjonijiet tas-software ta’ partijiet terzi ma jipperikolawx l-integrità tal-hardware jew tas-sistema operatorja pprovduta mill-gwardjan, il-gwardjan ikkonċernat jista’ jimplimenta miżuri tekniċi jew kuntrattwali proporzjonati biex jikseb dak il-għan jekk il-gwardjan juri li tali miżuri huma meħtieġa u ġustifikati u li ma hemmx mezzi inqas restrittivi biex titħares l-integrità tal-hardware jew tas-sistema operatorja.
(48)Il-gwardjani spiss ikunu integrati vertikalment u joffru ċerti prodotti jew servizzi lill-utenti finali tramite s-servizzi ewlenin tal-pjattaforma tagħhom stess, jew tramite utent kummerċjali li jkollhom kontroll tiegħu u dan spiss iwassal għal kunflitti ta’ interess. Dan jista’ jinkludi s-sitwazzjoni meta gwardjan joffri s-servizzi ta’ intermedjazzjoni online tiegħu tramite magna tat-tiftix online. Meta joffru dawk il-prodotti jew is-servizzi fuq is-servizz ewlieni tal-pjattaforma, il-gwardjani jistgħu jirriżervaw pożizzjoni aħjar għall-offerta tagħhom stess, f’termini ta’ klassifikazzjoni, meta mqabbla mal-prodotti ta’ partijiet terzi li joperaw ukoll fuq dak is-servizz ewlieni tal-pjattaforma. Dan jista’ jseħħ pereżempju bi prodotti jew servizzi, inkluż servizzi ewlenin oħra tal-pjattaforma, li jkunu kklassifikati fir-riżultati kkomunikati mill-magni tat-tiftix online, jew li jkunu inkorporati parzjalment jew kompletament fir-riżultati ta’ magni tat-tiftix online, fi gruppi ta’ riżultati speċjalizzati f’ċertu suġġett, murija flimkien mar-riżultati ta’ magna tat-tiftix online, li jkunu kkunsidrati jew użati minn ċerti utenti finali bħala servizz distint mill-magna tat-tiftix online jew addizzjonali għaliha. Eżempji oħra huma l-applikazzjonijiet tas-software li jitqassmu mill-ħwienet ta’ applikazzjonijiet tas-software, jew prodotti jew servizzi li jingħataw prominenza u jintwerew f’xi sezzjoni tal-aħbarijiet ta’ network soċjali, jew prodotti jew servizzi kklassifikati fir-riżultati ta’ tiftix jew li jintwerew f’post tas-suq online. F’dawk iċ-ċirkostanzi, il-gwardjan ikun f’pożizzjoni bi rwol doppju bħala intermedjarju għal fornituri terzi u bħala fornitur dirett ta’ prodotti jew servizzi tal-gwardjan. Għaldaqstant, dawn il-gwardjani jkollhom l-abbiltà li jimminaw direttament il-kontestabbiltà ta’ dawk il-prodotti jew servizzi fuq dawn is-servizzi ewlenin tal-pjattaforma, għad-detriment tal-utenti kummerċjali li ma jkunux fil-kontroll tal-gwardjan.
(49)F’dawn is-sitwazzjonijiet, il-gwardjan jenħtieġ ma jinvolvi ruħu fl-ebda forma ta’ trattament divrenzjat jew preferenzjali fil-klassifikazzjoni fuq is-servizz ewlieni tal-pjattaforma, sew b’mezzi legali, kummerċjali jew tekniċi, favur prodotti jew servizzi li joffri hu stess jew tramite utent kummerċjali li jkollu kontroll tiegħu. Biex jiġi żgurat li dan l-obbligu jkun effettiv, jenħtieġ jiġi żgurat ukoll li anki l-kundizzjonijiet applikabbli għal din il-klassifikazzjoni jkunu ġeneralment ġusti. F’dan il-kuntest, il-klassifikazzjoni jenħtieġ tkopri l-forom kollha ta’ prominenza relattiva, inkluż it-turija, il-klassifikazzjoni, il-konnessjoni jew ir-riżultati tal-vuċi. Biex jiġi żgurat li dan l-obbligu jkun effettiv u ma jkunx jista’ jiġi evitat, dan jenħtieġ japplika wkoll għal kull miżura li jista’ jkollha effett ekwivalenti għat-trattament divrenzjat jew preferenzjali fil-klassifikazzjoni. Il-linji gwida adottati skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2019/1150 jenħtieġ jiffaċilitaw ukoll l-implimentazzjoni u l-infurzar ta’ dan l-obbligu.
(50)Il-gwardjani jenħtieġ ma jillimitawx jew jipprevjenu l-għażla libera tal-utenti finali billi teknikament jipprevjenu l-qlib bejn applikazzjonijiet tas-software u servizzi differenti, jew l-abbonament għalihom. B’hekk aktar fornituri jkunu jistgħu joffru s-servizzi tagħhom, u b’hekk fl-aħħar mill-aħħar jipprovdu għażla akbar lill-utent finali. Għalhekk il-gwardjani jenħtieġ jiżguraw għażla libera irrispettivament minn jekk dawn ikunux il-manifattur ta’ xi hardware li permezz tiegħu jiġu aċċessati applikazzjonijiet tas-software jew servizzi bħal dawn, u jenħtieġ ma joħolqux ostakli tekniċi artifiċjali biex jagħmlu l-qlib impossibbli jew ineffettiv. Is-sempliċi offerta ta’ prodott jew servizz partikolari lill-konsumaturi, inkluż permezz ta’ installazzjoni minn qabel, inkluż b’installazzjoni minn qabel, kif ukoll it-titjib ta’ offerta lil utent finali, bħal prezzijiet aħjar jew kwalità aqwa, fiha nnifisha jenħtieġ ma tikkostitwixxix ostaklu għall-qlib.
(51)Il-gwardjani jistgħu jfixklu l-abbiltà tal-utenti finali li jaċċessaw kontenut u servizzi online, inkluż applikazzjonijiet tas-software. Għaldaqstant, jenħtieġ jiġu stabbiliti regoli biex jiġi żgurat li d-drittijiet tal-utenti finali ta’ aċċess għal internet miftuħ ma jiġux kompromessi mill-imġiba tal-gwardjani. Il-gwardjani jistgħu wkoll jillimitaw teknikament l-abbiltà tal-utenti finali li jaqilbu b’mod effettiv bejn fornituri differenti tas-servizzi ta’ aċċess għall-internet, b’mod partikolari bil-kontroll tagħhom fuq sistemi operatorji jew hardware. Dan ifixkel il-kundizzjonijiet ekwi għas-servizzi ta’ aċċess għall-internet u fl-aħħar mill-aħħar jagħmel ħsara lill-utenti finali. Għalhekk, jenħtieġ jiġi żgurat li l-gwardjani ma jillimitawx bla bżonn lill-utenti finali fl-għażla tal-fornitur ta’ servizzi ta’ aċċess għall-internet tagħhom.
(52)Il-gwardjani jistgħu wkoll jaqdu rwol doppju bħala żviluppaturi tas-sistemi operatorji u manifatturi ta’ apparat, inkluż kwalunkwe funzjonalità teknika li dan l-apparat jista’ jkollu. Pereżempju, gwardjan li jkun manifattur ta’ apparat jista’ jillimita l-aċċess għal uħud mill-funzjonalitajiet f’dan l-apparat, bħat-teknoloġija tal-komunikazzjoni b’kamp fil-qrib u s-software użat biex wieħed jopera dik it-teknoloġija, li jistgħu jkunu meħtieġa għall-forniment effettiv ta’ servizz anċillari mill-gwardjan u minn kwalunkwe fornitur terz potenzjali ta’ tali servizz anċillari. Dan l-aċċess jista’ jkun meħtieġ bl-istess mod minn applikazzjonijiet tas-software relatati mas-servizzi anċillari rilevanti biex jipprovdu effettivament funzjonalitajiet simili għal dawk offruti mill-gwardjani. Jekk dan ir-rwol doppju jintuża b’mod li jipprevjeni lil fornituri alternattivi ta’ servizzi anċillari jew ta’ applikazzjonijiet tas-software milli jkollhom aċċess b’kundizzjonijiet ugwali għall-istess sistema operatorja, hardware jew karatteristiċi ta’ software li jkunu disponibbli jew użati fil-forniment ta’ xi servizz anċillari mill-gwardjan, dan jista’ jdgħajjef b’mod sinifikanti l-innovazzjoni mill-fornituri ta’ servizzi anċillari bħal dawn kif ukoll l-għażla għall-utenti finali ta’ dawn is-servizzi anċillari. Għaldaqstant, il-gwardjani jenħtieġ ikunu obbligati jiżguraw aċċess b’kundizzjonijiet ugwali għal, u interoperabbiltà ma’, l-istess sistema operatorja, hardware jew karatteristiċi ta’ software li jkunu disponibbli jew użati fil-forniment ta’ xi servizz anċillari mill-gwardjan.
(53)Il-kundizzjonijiet li skonthom il-gwardjani jipprovdu servizzi ta’ reklamar online lill-utenti kummerċjali, inkluż lir-reklamaturi u lill-pubblikaturi, spiss ma jkunux trasparenti u ċari. Dan spiss iwassal għal nuqqas ta’ informazzjoni lir-reklamaturi u lill-pubblikaturi dwar l-effett ta’ reklam partikolari. Biex ikomplu jittejbu l-ġustizzja, it-trasparenza u l-kontestabbiltà tas-servizzi ta’ reklamar online iddeżinjati skont dan ir-Regolament, u dawk integrati għalkollox ma’ servizzi ewlenin oħra tal-pjattaforma tal-istess fornitur, il-gwardjani ddeżinjati jenħtieġ jipprovdu aċċess mingħajr ħlas lir-reklamaturi u lill-pubblikaturi, meta jintalbu, għall-għodod tal-kejl tal-prestazzjoni tal-gwardjan u l-informazzjoni meħtieġa għalir-reklamaturi, għall-aġenziji tar-reklamar li jaġixxu f’isem kumpanija li tqiegħed ir-reklamar, u għall-pubblikaturi biex iwettqu l-verifika indipendenti tagħhom stess tal-forniment tas-servizzi ta’ reklamar online rilevanti.
(54)Il-gwardjani jibbenefikaw minn aċċess għal ammonti kbar ta’ data li jiġbru waqt li jipprovdu servizzi ewlenin tal-pjattaforma u servizzi diġitali oħra. Biex jiġi żgurat li l-gwardjani ma jimminawx il-kontestabbiltà tas-servizzi ewlenin tal-pjattaforma u l-potenzjal ta’ innovazzjoni tas-settur diġitali dinamiku billi jillimitaw l-abbiltà tal-utenti kummerċjali li jittrasferixxu effettivament id-data tagħhom, l-utenti kummerċjali u l-utenti finali jenħtieġ jingħataw aċċess effettiv u immedjat għad-data li pprovdew jew iġġeneraw fil-kuntest tal-użu tagħhom tas-servizzi ewlenin tal-pjattaforma rilevanti tal-gwardjan, b’format strutturat, użat b’mod komuni u li jinqara minn magna. Dan jenħtieġ japplika wkoll għal kull data oħra f’livelli differenti ta’ aggregazzjoni li tista’ tkun meħtieġa biex tippermetti din it-trasferibbiltà b’mod effettiv. Jenħtieġ jiġi żgurat ukoll li l-utenti kummerċjali u l-utenti finali jkunu jistgħu jittrasferixxu dik id-data f’ħin reali b’mod effettiv, bħal pereżempju minn interfaċċi ta’ kwalità għolja għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet. Min-naħa tiegħu, l-iffaċilitar tal-qlib jew il-multi-homing jenħtieġ iwassal għal għażla akbar għall-utenti kummerċjali u għall-utenti finali, u joħloq inċentiv biex il-gwardjani u l-utenti kummerċjali jkunu jistgħu jinnovaw.
(55)L-utenti kummerċjali li jużaw servizzi ewlenin kbar tal-pjattaforma pprovduti minn gwardjani u minn utenti finali ta’ dawn l-utenti kummerċjali, jipprovdu u jiġġeneraw ammont kbir ta’ data, inkluż data dedotta minn dan l-użu. Biex jiġi żgurat li l-utenti kummerċjali jkollhom aċċess għad-data rilevanti ġġenerata b’dan il-mod, il-gwardjan, meta jintalab, jenħtieġ jippermetti aċċess għal din id-data mingħajr xkiel u mingħajr ħlas. Dan l-aċċess jenħtieġ jingħata wkoll lil partijiet terzi kkuntrattati mill-utent kummerċjali li jkunu qed jaġixxu bħala proċessuri ta’ din id-data għall-utent kummerċjali. Dan jista’ jikkonċerna d-data pprovduta jew iġġenerata mill-istess utenti kummerċjali u mill-istess utenti finali ta’ dawn l-utenti kummerċjali fil-kuntest ta’ servizzi oħra pprovduti mill-istess gwardjan meta din tkun marbuta b’mod inseparabbli mat-talba rilevanti. Għal dan il-għan, il-gwardjan jenħtieġ ma juża l-ebda restrizzjoni kuntrattwali jew xi restrizzjoni oħra biex jipprevjeni lill-utenti kummerċjali milli jaċċessaw data rilevanti u jenħtieġ jippermetti lill-utenti kummerċjali jiksbu kunsens mingħand l-utenti finali tagħhom għal dawn l-aċċess u l-irkupru tad-data, meta dan il-kunsens ikun meħtieġ skont ir-Regolament (UE) 2016/679 u d-Direttiva 2002/58/KE. Il-gwardjani jenħtieġ jiffaċilitaw ukoll l-aċċess għal din id-data f’ħin reali permezz ta’ miżuri tekniċi xierqa, bħal pereżempju l-istabbiliment ta’ interfaċċi ta’ kwalità għolja għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet.
(56)Il-valur tal-magni tat-tiftix online għall-utenti kummerċjali u l-utenti finali rispettivi tagħhom jiżdied meta jiżdied it-total ta’ dawn l-utenti. Il-fornituri tal-magni tat-tiftix online jiġbru u jaħżnu settijiet tad-data aggregata li jkun fihom informazzjoni dwar x’fittxew l-utenti u kif dawn interaġixxew mar-riżultati li ngħatawlhom. Il-fornituri ta’ servizzi tal-magni tat-tiftix online jiġbru din id-data mit-tiftixiet li jsiru fuq is-servizz tal-magni tat-tiftix online tagħhom stess u, meta applikabbli, mit-tiftixiet li jsiru fuq il-pjattaformi tas-sħab kummerċjali downstream tagħhom. L-aċċess mill-gwardjani għal din id-data dwar il-klassifikazzjoni, il-mistoqsijiet, il-klikks u l-viżjonijiet jikkostitwixxi ostaklu importanti għad-dħul u l-espansjoni, u dan idgħajjef il-kontestabbiltà ta’ servizzi tal-magni tat-tiftix online. Għalhekk, il-gwardjani jenħtieġ ikunu obbligati jipprovdu aċċess, b’termini ġusti, raġonevoli u nondiskriminatorji, għal din id-data dwar il-klassifikazzjoni, il-mistoqsijiet, il-klikks u l-viżjonijiet b’rabta ma’ tiftixiet mingħajr ħlas u bi ħlas iġġenerati mill-konsumaturi fuq servizzi tal-magni tat-tiftix online lil fornituri oħra ta’ servizzi bħal dawn, biex dawn il-fornituri terzi jkunu jistgħu jottimizzaw is-servizzi tagħhom u jikkontestaw is-servizzi ewlenin tal-pjattaforma rilevanti. Dan l-aċċess jenħtieġ jingħata wkoll lil partijiet terzi kkuntrattati minn fornitur ta’ magna tat-tiftix li jkunu qed jaġixxu bħala proċessuri ta’ din id-data għal dik il-magna tat-tiftix. Meta jipprovdi aċċess għad-data tat-tiftix tiegħu, gwardjan jenħtieġ jiżgura l-protezzjoni tad-data personali tal-utenti finali b’mezzi xierqa, mingħajr ma jiddegrada sostanzjalment il-kwalità jew l-utilità tad-data.
(57)B’mod partikolari, il-gwardjani li jipprovdu aċċess għal ħwienet ta’ applikazzjonijiet tas-software iservu bħala gateway importanti għall-utenti kummerċjali li jipprovaw jilħqu lill-utenti finali. Fid-dawl tal-iżbilanċ fis-saħħa tan-negozjar bejn dawk il-gwardjani u l-utenti kummerċjali tal-ħwienet ta’ applikazzjonijiet tas-software tagħhom, dawk il-gwardjani jenħtieġ ma jitħallewx jimponu kundizzjonijiet ġenerali, inkluż kundizzjonijiet tal-ipprezzar, li jkunu inġusti jew li jwasslu għal divrenzjar mhux iġġustifikat. Il-kundizzjonijiet tal-ipprezzar jew kundizzjonijiet ġenerali oħra tal-aċċess jenħtieġ jitqiesu inġusti jekk ikunu jwasslu għal żbilanċ fid-drittijiet u l-obbligi imposti fuq l-utenti kummerċjali, jew ikunu jagħtu vantaġġ lill-gwardjan li jkun sproporzjonat għas-servizz ipprovdut mill-gwardjan lill-utenti kummerċjali, jew ikunu jwasslu għal żvantaġġ għall-utenti kummerċjali meta jipprovdu l-istess servizzi jew servizzi simili għall-gwardjan. Il-punti ta’ riferiment li ġejjin jistgħu jservu bħala kejl biex tiġi ddeterminata l-ġustizzja tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-aċċess: il-prezzijiet mitluba jew il-kundizzjonijiet imposti għall-istess servizzi jew għal servizzi simili minn fornituri oħra ta’ ħwienet ta’ applikazzjonijiet tas-software; il-prezzijiet mitluba jew il-kundizzjonijiet imposti mill-fornitur tal-ħanut ta’ applikazzjonijiet tas-software għal servizzi differenti relatati jew simili jew lil tipi differenti ta’ utenti finali; il-prezzijiet mitluba jew il-kundizzjonijiet imposti mill-fornitur tal-ħanut ta’ applikazzjonijiet tas-software għall-istess servizz f’reġjuni ġeografiċi differenti; il-prezzijiet mitluba jew il-kundizzjonijiet imposti mill-fornitur ta’ ħanut ta’ applikazzjonijiet tas-software għall-istess servizz li l-gwardjan joffri lilu nnifsu. Dan l-obbligu jenħtieġ ma jistabbilixxix dritt ta’ aċċess u jenħtieġ ikun mingħajr preġudizzju għall-abbiltà tal-fornituri ta’ ħwienet ta’ applikazzjonijiet tas-software li jieħdu r-responsabbiltà meħtieġa fil-ġlieda kontra kontenut illegali u mhux mixtieq kif stabbilit fir-Regolament [l-Att dwar is-Servizzi Diġitali].
(58)Biex tiġi żgurata l-effettività tal-obbligi stabbiliti b’dan ir-Regolament, filwaqt li jiġi żgurat ukoll li dawn l-obbligi jkunu limitati għal dak meħtieġ biex jiġu żgurati l-kontestabbiltà u l-indirizzar tal-effetti dannużi tal-imġiba inġusta mill-gwardjani, hu importanti li l-obbligi jiġu definiti u ċirkoskritti b’mod ċar biex il-gwardjan ikun jista’ jikkonforma magħhom minnufih, b’rispett sħiħ tar-Regolament (UE) 2016/679 u d-Direttiva 2002/58/KE, għall-protezzjoni tal-konsumatur, iċ-ċibersigurtà u s-sikurezza tal-prodotti. Il-gwardjani jenħtieġ jiżguraw il-konformità ma’ dan ir-Regolament mid-disinn. Għalhekk, il-miżuri meħtieġa jenħtieġ li, kemm jista’ jkun possibbli u meta rilevanti, ikunu integrati fid-disinn teknoloġiku użat mill-gwardjani. Iżda xi drabi jista’ jkun xieraq li l-Kummissjoni, wara djalogu mal-gwardjan ikkonċernat, tispeċifika aktar uħud mill-miżuri li l-gwardjan ikkonċernat jenħtieġ jadotta biex jikkonforma b’mod effettiv ma’ dawk l-obbligi li huma suxxettibbli li jiġu speċifikati aktar. Din il-possibbiltà ta’ djalogu regolatorju jenħtieġ tiffaċilita l-konformità mill-gwardjani u tħaffef l-implimentazzjoni korretta tar-Regolament.
(59)Bħala element addizzjonali biex tiġi żgurata l-proporzjonalità, il-gwardjani jenħtieġ jingħataw l-opportunità li jitolbu s-sospensjoni, sa fejn ikun meħtieġ, ta’ obbligu speċifiku f’ċirkostanzi eċċezzjonali li jkunu lil hinn mill-kontroll tal-gwardjan, bħal pereżempju, f’każ ta’ xokk estern mhux previst li jelimina temporanjament parti sinifikanti mid-domanda tal-utent finali għas-servizz ewlieni tal-pjattaforma rilevanti, meta l-gwardjan juri li l-konformità ma’ obbligu speċifiku tipperikola l-vijabbiltà ekonomika tal-operazzjonijiet tal-Unjoni tal-gwardjan ikkonċernat.
(60)F’ċirkostanzi eċċezzjonali ġustifikati minħabba raġunijiet limitati ta’ moralità pubblika, saħħa pubblika jew sigurtà pubblika, il-Kummissjoni jenħtieġ tkun tista’ tiddeċiedi li l-obbligu kkonċernat ma japplikax għal servizz ewlieni speċifiku tal-pjattaforma. L-affett fuq dawn l-interessi pubbliċi jista’ jindika li l-kost tal-infurzar ta’ ċertu obbligu għas-soċjetà kollha kemm hi, f’ċertu każ eċċezzjonali, ikun kbir wisq u b’hekk ikun sproporzjonat. Id-djalogu regolatorju li jiffaċilita l-konformità, flimkien mal-possibbiltajiet limitati ta’ sospensjoni u eżenzjoni jenħtieġ jiżguraw il-proporzjonalità tal-obbligi f’dan ir-Regolament mingħajr ma jimminaw l-effetti ex ante intenzjonati fuq il-ġustizzja u l-kontestabbiltà.
(61)L-interessi tal-protezzjoni tad-data u tal-privatezza tal-utenti finali huma rilevanti għal kull valutazzjoni tal-effetti negattivi potenzjali tal-prattika osservata tal-gwardjani li jiġbru u jakkumulaw ammonti kbar ta’ data mingħand l-utenti finali. Jekk jiġi żgurat livell xieraq ta’ trasparenza fil-prattiki tat-tfassil tal-profili użati mill-gwardjani, tiġi ffaċilitata l-kontestabbiltà tas-servizzi ewlenin tal-pjattaforma, billi titqiegħed pressjoni esterna fuq il-gwardjani ħalli jevitaw li jfasslu profili profondi dwar il-konsumatur bħala standard tal-industrija, peress li l-parteċipanti ġodda jew il-fornituri li jkunu għadhom jibdew ma jistgħux jaċċessaw id-data bl-istess mod u profondità, u fuq skala simili. Jenħtieġ li bi trasparenza mtejba, fornituri oħra ta’ servizzi ewlenin tal-pjattaforma jkunu jistgħu jiddivrenzjaw lilhom infushom aħjar bl-użu ta’ faċilitajiet superjuri li jiżguraw il-privatezza. Biex jiġi żgurat livell minimu ta’ effettività ta’ dan l-obbligu ta’ trasparenza, il-gwardjani jenħtieġ jipprovdu tal-inqas deskrizzjoni tal-bażi li fuqha jsir it-tfassil tal-profili, inkluż jekk tkunx qed tintuża data personali u data li tkun ġejja mill-attività tal-utent, l-ipproċessar applikat, l-għan li għalih jiġi ppreparat u eventwalment użat il-profil, l-impatt ta’ dan it-tfassil tal-profili fuq is-servizzi tal-gwardjan, u l-passi meħuda biex l-utenti finali jkunu konxji tal-użu rilevanti ta’ dan it-tfassil tal-profili, kif ukoll biex jitolbu l-kunsens tagħhom.
(62)Biex tiġi żgurata l-kisba sħiħa u dejjiema tal-objettivi ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni jenħtieġ tkun tista’ tivvaluta jekk fornitur ta’ servizzi ewlenin tal-pjattaforma jenħtieġx jiġi ddeżinjat bħala gwardjan mingħajr ma jilħaq il-limiti kwantitattivi stabbiliti f’dan ir-Regolament; jekk in-nonkonformità sistematika minn gwardjan teżiġix l-impożizzjoni ta’ rimedji addizzjonali; u jekk il-lista tal-obbligi li jindirizzaw il-prattiki inġusti tal-gwardjani jenħtieġx tiġi riveduta u jekk jenħtieġx jiġu identifikati prattiki addizzjonali li jkunu inġusti b’mod simili u li jillimitaw il-kontestabbiltà tas-swieq diġitali. Din il-valutazzjoni jenħtieġ tissejjes fuq investigazzjonijiet tas-suq li jridu jsiru f’perjodu xieraq ta’ żmien, bl-użu ta’ proċeduri u skadenzi ċari, biex jiġi appoġġat l-effett ex ante ta’ dan ir-Regolament fuq il-kontestabbiltà u l-ġustizzja fis-settur diġitali, u biex jingħata l-grad meħtieġ ta’ ċertezza legali.
(63)Wara investigazzjoni tas-suq, impriża li tipprovdi servizz ewlieni tal-pjattaforma tista’ tinstab li tissodisfa l-kriterji kwalitattivi ġenerali kollha biex tiġi identifikata bħala gwardjan. Din, fil-prinċipju, imbagħad jenħtieġ tikkonforma mal-obbligi rilevanti kollha stabbiliti b’dan ir-Regolament. Iżda għall-gwardjani ddeżinjati mill-Kummissjoni li fil-futur qrib aktarx igawdu minn pożizzjoni stabbilita u dejjiema, il-Kummissjoni jenħtieġ timponi biss l-obbligi meħtieġa u xierqa biex jiġi evitat li l-gwardjan ikkonċernat jikseb pożizzjoni stabbilita u dejjiema fl-operazzjonijiet tiegħu. Fir-rigward ta’ dawn il-gwardjani emerġenti, il-Kummissjoni jenħtieġ tqis li dan l-istatus fil-prinċipju għandu natura temporanja, u għalhekk jenħtieġ jiġi deċiż f’mument partikolari jekk dan il-fornitur ta’ servizzi ewlenin tal-pjattaforma jenħtieġx ikun soġġett għas-sett kollu tal-obbligi tal-gwardjani għax ikun kiseb pożizzjoni stabbilita u dejjiema, jew jekk fl-aħħar mill-aħħar il-kundizzjonijiet għad-deżinjazzjoni mhumiex issodisfati u għalhekk l-obbligi kollha imposti qabel jenħtieġ jitneħħew.
(64)Il-Kummissjoni jenħtieġ tinvestiga u tivvaluta jekk humiex ġustifikati rimedji komportamentali jew, meta xieraq, strutturali addizzjonali biex jiġi żgurat li l-gwardjan ma jkunx jista’ jfixkel l-objettivi ta’ dan ir-Regolament minħabba nonkonformità sistematika ma’ obbligu wieħed jew aktar stabbiliti f’dan ir-Regolament, li kompliet issaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu ta’ gwardjan. Dan ikun il-każ meta d-daqs tal-gwardjan fis-suq intern kompla jiżdied, id-dipendenza ekonomika tal-utenti kummerċjali u tal-utenti finali fuq is-servizzi ewlenin tal-pjattaforma tal-gwardjan kompliet tissaħħaħ hekk kif in-numru tagħhom kompla jiżdied u l-gwardjan igawdi minn żieda fl-istabbiliment tal-pożizzjoni tiegħu. Għaldaqstant, f’dawn il-każijiet, il-Kummissjoni jenħtieġ ikollha s-setgħa li timponi rimedju, sew komportamentali jew strutturali, filwaqt li tqis kif xieraq il-prinċipju tal-proporzjonalità. Rimedji strutturali, bħal separazzjoni legali, funzjonali jew strutturali, inkluż iċ-ċessjoni ta’ negozju, jew ta’ partijiet minnu, jenħtieġ jiġu imposti bissw meta ma jkun hemm l-ebda rimedju komportamentali effettiv ugwalment jew meta kull rimedju komportamentali effettiv ugwalment ikun piż akbar għall-impriża kkonċernata mir-rimedju strutturali. Bidliet fl-istruttura ta’ impriża kif kienet teżisti qabel ma ġiet stabbilita n-nonkonformità sistematika jkunu proporzjonati biss meta jkun hemm riskju sostanzjali li din in-nonkonformità sistematika tirriżulta mill-istruttura stess tal-impriża kkonċernata.
(65)Is-servizzi u l-prattiki fis-servizzi ewlenin tal-pjattaforma u fis-swieq fejn dawn jintervjenu jistgħu jinbidlu malajr u b’mod sinifikanti. Biex jiġi żgurat li dan ir-Regolament jibqa’ aġġornat u jikkostitwixxi rispons regolatorju effettiv u ħolistiku għall-problemi li joħolqu l-gwardjani, hu importanti li tiġi prevista reviżjoni regolari tal-listi tas-servizzi ewlenin tal-pjattaforma kif ukoll tal-obbligi previsti f’dan ir-Regolament. Dan hu importanti b’mod partikolari biex jiġi żgurat li l-imġiba inġusta jew li tista’ tillimita l-kontestabbiltà tas-servizzi ewlenin tal-pjattaforma tiġi identifikata. Filwaqt li minħabba l-bidliet dinamiċi fis-settur diġitali, hu importanti li ssir reviżjoni regolari biex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali fir-rigward tal-kundizzjonijiet regolatorji, kull reviżjoni jenħtieġ issir fi żmien raġonevoli u xieraq. L-investigazzjonijiet tas-suq jenħtieġ jiżguraw ukoll li l-Kummissjoni jkollha bażi evidenzjarja soda li fuqha tkun tista’ tivvaluta jekk jenħtieġx tipproponi li temenda dan ir-Regolament biex tespandi, jew tiddeskrivi aktar fid-dettall, il-listi tas-servizzi ewlenin tal-pjattaforma. Jenħtieġ ukoll jiżguraw ugwalment li l-Kummissjoni jkollha bażi evidenzjarja soda li fuqha tkun tista’ tivvaluta jekk jenħtieġx tipproponi li temenda l-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament jew jekk jenħtieġx tadotta att delegat li jaġġorna dawn l-obbligi.
(66)Jekk il-gwardjani jġibu ruħhom b’mod inġust jew b’mod li jillimita l-kontestabbiltà tas-servizzi ewlenin tal-pjattaforma diġà ddeżinjati skont dan ir-Regolament iżda mingħajr ma din l-imġiba tkun espliċitament koperta mill-obbligi, il-Kummissjoni jenħtieġ tkun tista’ taġġorna dan ir-Regolament b’atti delegati. Dawn l-aġġornamenti b’att delegat jenħtieġ ikunu soġġetti għall-istess standard investigattiv u għalhekk wara investigazzjoni tas-suq. Il-Kummissjoni jenħtieġ tapplika wkoll standard predefinit fl-identifikazzjoni ta’ din l-imġiba. Dan l-istandard legali jenħtieġ jiżgura li t-tip ta’ obbligi li jista’ jkollhom il-gwardjani fi kwalunkwe ħin skont dan ir-Regolament ikun prevedibbli biżżejjed.
(67)Meta, waqt proċediment dwar nonkonformità jew investigazzjoni dwar nonkonformità sistemika, gwardjan joffri impenji lill-Kummissjoni, din tal-aħħar jenħtieġ tkun tista’ tadotta deċiżjoni li permezz tagħha dawn l-impenji jsiru vinkolanti għall-gwardjan ikkonċernat, meta tagħraf li l-impenji jkunu jiżguraw konformità effettiva mal-obbligi ta’ dan ir-Regolament. Din id-deċiżjoni jenħtieġ tagħraf ukoll li ma jkun għad hemm l-ebda raġuni għal azzjoni mill-Kummissjoni.
(68)Biex tiżgura l-implimentazzjoni effettiva u l-konformità ma’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni jenħtieġ ikollha setgħat investigattivi u ta’ infurzar qawwijin biex tkun tista’ tinvestiga, tinforza u timmonitorja r-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament, iżda li fl-istess ħin jiżguraw ir-rispett għad-dritt fundamentali ta’ smigħ u ta’ aċċess għall-fajl fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ infurzar. Il-Kummissjoni jenħtieġ tiddisponi minn dawn is-setgħat investigattivi wkoll għall-fini li twettaq investigazzjonijiet tas-suq bil-għan li taġġorna u tirrevedi dan ir-Regolament.
(69)Il-Kummissjoni jenħtieġ tingħata s-setgħa li titlob l-informazzjoni meħtieġa għall-fini ta’ dan ir-Regolament fl-Unjoni kollha. B’mod partikolari, il-Kummissjoni jenħtieġ ikollha aċċess għal kull dokument, data, bażi tad-data, algoritmu u informazzjoni rilevanti meħtieġa biex tiftaħ u twettaq investigazzjonijiet u biex timmonitorja l-konformità mal-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament, irrispettivament minn min ikollu d-dokumenti, id-data jew l-informazzjoni inkwistjoni, u irrispettivament mill-forma jew mill-format tagħhom, il-mezz tal-ħżin tagħhom, jew il-post tal-ħażna.
(70)Il-Kummissjoni jenħtieġ tkun tista’ titlob direttament lil impriżi jew lil assoċjazzjoni ta’ impriżi biex jipprovdu kwalunkwe evidenza, data u informazzjoni rilevanti. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ titlob kwalunkwe informazzjoni rilevanti mingħand kwalunkwe awtorità pubblika, korp jew aġenzija fl-Istat Membru, jew mingħand kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament. Meta jikkonformaw ma’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, l-impriżi huma obbligati jwieġbu mistoqsijiet fattwali u jipprovdu dokumenti.
(71)Jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata wkoll is-setgħa li tagħmel spezzjonijiet fuq il-post u intervisti ma’ kwalunkwe persuna li tista’ tkun fil-pussess ta’ informazzjoni utli u li tirreġistra d-dikjarazzjonijiet magħmula.
(72)Il-Kummissjoni jenħtieġ tkun tista’ tieħu l-azzjonijiet meħtieġa biex timmonitorja l-implimentazzjoni effettiva u l-konformità mal-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament. Dawn l-azzjonijiet jenħtieġ jinkludu l-abbiltà tal-Kummissjoni li taħtar esperti esterni indipendenti, bħal awdituri li jgħinu lill-Kummissjoni f’dan il-proċess, inkluż meta applikabbli minn awtoritajiet indipendenti kompetenti, bħal awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data jew tal-konsumatur.
(73)Il-konformità mal-obbligi imposti skont dan ir-Regolament jenħtieġ tkun infurzabbli permezz ta’ multi u pagamenti perjodiċi ta’ penali. Għal dak il-għan, jenħtieġ jiġu stabbiliti wkoll livelli xierqa ta’ multi u pagamenti perjodiċi ta’ penali għal nonkonformità mal-obbligi u ksur tar-regoli proċedurali soġġetti għal perjodi ta’ preskrizzjoni xierqa. Il-Qorti tal-Ġustizzja jenħtieġ ikollha ġurisdizzjoni bla limiti fir-rigward tal-pagamenti ta’ multi u penali.
(74)Biex jiġi żgurat l-irkupru effettiv tal-multi imposti fuq l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi għall-ksur li jkunu wettqu, jeħtieġ jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet li skonthom il-Kummissjoni tista’ titlob il-pagament tal-multa mill-membri tal-assoċjazzjoni meta l-assoċjazzjoni ma tkunx solventi.
(75)Fil-kuntest tal-proċedimenti mwettqa skont dan ir-Regolament, l-impriżi kkonċernati jenħtieġ jingħataw id-dritt ta’ smigħ mill-Kummissjoni u d-deċiżjonijiet meħuda jenħtieġ jiġu ppubbliċizzati b’mod wiesa’. Filwaqt li jiġu żgurati d-drittijiet għal amministrazzjoni tajba u d-drittijiet ta’ difiża tal-impriżi kkonċernati, b’mod partikolari, id-dritt ta’ aċċess għall-fajl u d-dritt ta’ smigħ, hu essenzjali li l-informazzjoni kunfidenzjali tiġi protetta. Barra minn hekk, filwaqt li tirrispetta l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni, il-Kummissjoni jenħtieġ tiżgura li kull informazzjoni li użat għall-fini tad-deċiżjoni, tiġi żvelata sal-punt li jippermetti lid-destinatarju tad-deċiżjoni jifhem il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet li jkunu wasslu għad-deċiżjoni. Fl-aħħar nett, f’ċerti kundizzjonijiet, ċerti rekords kummerċjali, bħall-komunikazzjoni bejn l-avukati u l-klijenti tagħhom, jistgħu jitqiesu kunfidenzjali jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet rilevanti.
(76)Biex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-Artikoli 3, 6, 12, 13, 15, 16, 17, 20, 22, 23, 25 u 30, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni. Dawk is-setgħat jenħtieġ jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(77)Il-kumitat konsultattiv stabbilit skont ir-Regolament (UE) Nru 182//2011 jenħtieġ jagħti opinjonijiet ukoll dwar ċerti deċiżjonijiet individwali tal-Kummissjoni maħruġa skont dan ir-Regolament. Biex jiġu żgurati swieq kontestabbli u ġusti fis-settur diġitali madwar l-Unjoni fejn ikun hemm il-gwardjani, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiġi delegata s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat biex tissupplimenta dan ir-Regolament. B’mod partikolari, jenħtieġ jiġu adottati atti delegati fir-rigward tal-metodoloġija għad-determinazzjoni tal-limiti kwantitattivi għad-deżinjazzjoni tal-gwardjani skont dan ir-Regolament u fir-rigward tal-aġġornament tal-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament meta, abbażi ta’ investigazzjoni tas-suq il-Kummissjoni tkun identifikat il-ħtieġa ta’ aġġornament tal-obbligi li jindirizzaw il-prattiki inġusti jew li jillimitaw il-kontestabbiltà tas-servizzi ewlenin tal-pjattaforma. Hu importanti b’mod partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa u li dawk il-konsultazzjonijiet isiru f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016. B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin bħall-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess b’mod sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.
(78)Jenħtieġ li l-Kummissjoni tevalwa perjodikament dan ir-Regolament u timmonitorja mill-qrib l-effetti tiegħu fuq il-kontestabbiltà u l-ġustizzja tar-relazzjonijiet kummerċjali fl-ekonomija tal-pjattaformi online, b’mod partikolari biex tistabbilixxi l-ħtieġa ta’ emendi fid-dawl ta’ żviluppi teknoloġiċi jew kummerċjali rilevanti. Din l-evalwazzjoni jenħtieġ tinkludi r-reviżjoni regolari tal-lista tas-servizzi ewlenin tal-pjattaforma u tal-obbligi indirizzati lill-gwardjani kif ukoll l-infurzar tagħhom biex jiġi żgurat li s-swieq diġitali madwar l-Unjoni jkunu kontestabbli u ġusti. Biex tinkiseb stampa wiesgħa tal-iżviluppi fis-settur, jenħtieġ li l-evalwazzjoni tqis l-esperjenzi tal-Istati Membri u ta’ partijiet ikkonċernati rilevanti. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra wkoll l-opinjonijiet u r-rapporti ppreżentati lilha mill-Osservatorju dwar l-Ekonomija tal-Pjattaformi Online li ġie stabbilit għall-ewwel darba bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2018) 2393 tas-26 ta’ April 2018. Wara l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni jenħtieġ tieħu l-miżuri xierqa. Jenħtieġ li l-Kummissjoni żżomm livell għoli ta’ protezzjoni u rispett għad-drittijiet u l-valuri komuni tal-UE, b’mod partikolari l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni, bħala objettiv fit-twettiq tal-valutazzjonijiet u tar-reviżjonijiet tal-prattiki u tal-obbligi previsti f’dan ir-Regolament.
(79)Dan ir-Regolament għandu l-objettiv li b’mod inġenerali jiżgura settur diġitali kontestabbli u ġust, u b’mod partikolari jiżgura servizzi ewlenin tal-pjattaforma kontestabbli u ġusti, li jippromwovu l-innovazzjoni, kwalità għolja tal-prodotti u tas-servizzi diġitali, prezzijiet ġusti u kompetittivi, u kwalità għolja u għażla wiesgħa lill-utenti finali fis-settur diġitali. Dan ma jistax jinkiseb biżżejjed mill-Istati Membri iżda jista’ jinkiseb biss bis-sħiħ fil-livell tal-Unjoni, minħabba l-mudell kummerċjali u l-operazzjonijiet tal-gwardjani u l-iskala u l-effetti tal-operazzjonijiet tagħhom. L-Unjoni tista’ tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak meħtieġ biex jintlaħaq dak l-objettiv.
Dan ir-Regolament iħares id-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikoli 16, 47 u 50 tagħha. Għaldaqstant, dan ir-Regolament jenħtieġ jiġi interpretat u applikat b’rispett għal dawk id-drittijiet u l-prinċipji ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Kapitolu I
Suġġett, kamp ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
1.Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli armonizzati li jiżguraw swieq kontestabbli u ġusti fis-settur diġitali madwar l-Unjoni fejn ikunu preżenti l-gwardjani.
2.Dan ir-Regolament għandu japplika għal servizzi ewlenin tal-pjattaforma pprovduti jew offruti minn gwardjani lil utenti kummerċjali stabbiliti fl-Unjoni jew lil utenti finali stabbiliti jew li jinsabu fl-Unjoni, irrispettivament mill-post ta’ stabbiliment jew ta’ residenza tal-gwardjani u irrispettivament mil-liġi applikabbli mod ieħor għall-forniment ta’ servizz.
3.Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal swieq:
(a)relatati ma’ networks tal-komunikazzjoni elettronika kif definit fil-punt (1) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(b)relatati ma’ servizzi tal-komunikazzjoni elettronika kif definit fil-punt (4) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2018/1972 għajr dawk relatati ma’ servizzi tal-komunikazzjoni interpersonali kif definit fil-punt (4)(b) tal-Artikolu 2 ta’ dik id-Direttiva.
4.Fir-rigward tas-servizzi tal-komunikazzjoni interpersonali, dan ir-Regolament hu mingħajr preġudizzju għas-setgħat u l-kompiti mogħtija lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u lil awtoritajiet kompetenti oħra permezz tal-Artikolu 61 tad-Direttiva (UE) 2018/1972.
5.L-Istati Membri ma għandhomx jimponu obbligi ulterjuri fuq il-gwardjani permezz ta’ liġijiet, regolamenti jew azzjoni amministrattiva bil-għan li jiżguraw swieq kontestabbli u ġusti. Dan hu mingħajr preġudizzju għar-regoli li jsegwu interessi pubbliċi leġittimi oħra, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni. B’mod partikolari, xejn f’dan ir-Regolament ma jipprekludi lill-Istati Membri milli jimponu obbligi kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni fuq impriżi, inkluż fuq fornituri ta’ servizzi ewlenin tal-pjattaforma, meta dawn l-obbligi ma jkunux relatati mal-impriżi rilevanti li jkollhom status ta’ gwardjan skont it-tifsira ta’ dan ir-Regolament, biex jipproteġu lill-konsumaturi jew jiġġieldu kontra atti ta’ kompetizzjoni inġusta.
6.Dan ir-Regolament hu mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE. Hu mingħajr preġudizzju wkoll għall-applikazzjoni ta’: regoli nazzjonali li jipprojbixxu ftehimiet, deċiżjonijiet minn assoċjazzjonijiet ta’ impriżi u prattiki miftiehma li jkunu antikompetittivi, u abbużi ta’ pożizzjonijiet dominanti; regoli nazzjonali tal-kompetizzjoni li jipprojbixxu forom oħra ta’ mġiba unilaterali diment li dawn jiġu applikati għall-impriżi li mhumiex gwardjani jew jammontaw għall-impożizzjoni ta’ obbligi addizzjonali fuq il-gwardjani; ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 u r-regoli nazzjonali dwar il-kontroll tal-amalgamazzjonijiet; ir-Regolament (UE) 2019/1150 u r-Regolament (UE) …./.. tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
7.L-awtoritajiet nazzjonali ma għandhomx jieħdu deċiżjonijiet li jmorru kontra deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni skont dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jaħdmu b’kooperazzjoni u koordinazzjoni mill-qrib fl-azzjonijiet ta’ infurzar tagħhom.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1)“gwardjan” tfisser fornitur ta’ servizzi ewlenin tal-pjattaforma ddeżinjat skont l-Artikolu 3;
(2)“servizz ewlieni tal-pjattaforma” tfisser kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:
(a)servizzi ta’ intermedjazzjoni online;
(b)magni tat-tiftix online;
(c)servizzi ta’ networking soċjali online;
(d)servizzi ta’ pjattaforma tal-video-sharing;
(e)servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri;
(f)sistemi operatorji;
(g)servizzi ta’ cloud computing;
(h)servizzi ta’ reklamar, inkluż kwalunkwe network ta’ reklamar, skambji ta’ reklamar u kwalunkwe servizz ieħor ta’ intermedjazzjoni tar-reklamar, ipprovduti minn fornitur ta’ xi wieħed mis-servizzi ewlenin tal-pjattaforma elenkati fil-punti (a) sa (g);
(3)“servizz ta’ soċjetà tal-informazzjoni” tfisser kwalunkwe servizz skont it-tifsira tal-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva (UE) 2015/1535;
(4)“settur diġitali” tfisser is-settur tal-prodotti u s-servizzi pprovduti permezz ta’ jew tramite servizzi ta’ soċjetà tal-informazzjoni;
(5)“servizzi ta’ intermedjazzjoni online” tfisser servizzi kif definit fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) 2019/1150;
(6)“magna tat-tiftix online” tfisser servizz diġitali kif definit fl-Artikolu 2(5) tar-Regolament (UE) 2019/1150;
(7)“servizz ta’ networking soċjali online” tfisser pjattaforma biex l-utenti finali jkunu jistgħu jikkollegaw, jikkondividu, jiskopru u jikkomunikaw bejniethom b’diversi apparati, u b’mod partikolari b’chats, posts, vidjos u rakkomandazzjonijiet;
(8)“servizz ta’ pjattaforma tal-video-sharing” tfisser servizz kif definit fl-Artikolu 1(1)(aa) tad-Direttiva 2010/13/UE;
(9)“servizz ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri” tfisser servizz kif definit fl-Artikolu 2(7) tad-Direttiva (UE) 2018/1972;
(10)“sistema operatorja” tfisser software tas-sistema li jikkontrolla l-funzjonijiet bażiċi tal-hardware jew tas-software u li jippermetti li l-applikazzjonijiet tas-software jaħdmu fuqu;
(11)“servizzi ta’ cloud computing” tfisser servizz diġitali kif definit fl-Artikolu 4(19) tad-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(12)“ħwienet ta’ applikazzjonijiet tas-software” tfisser tip ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online li hu ffukat fuq applikazzjonijiet tas-software bħala l-prodott jew is-servizz intermedjat;
(13)“applikazzjoni tas-software” tfisser prodott jew servizz diġitali li jaħdem fuq sistema operatorja;
(14)“servizz anċillari” tfisser servizzi pprovduti fil-kuntest ta’ servizzi ewlenin tal-pjattaforma jew flimkien magħhom, inkluż servizzi ta’ pagament kif definit fl-Artikolu 4(3) u servizzi tekniċi li jappoġġaw il-forniment ta’ servizzi tal-pagament kif definit fl-Artikolu 3(j) tad-Direttiva (UE) 2015/2366, servizzi ta’ ġestjoni, identifikazzjoni jew reklamar;
(15)“servizz ta’ identifikazzjoni” tfisser tip ta’ servizzi anċillari li jippermetti kwalunkwe tip ta’ verifika tal-identità tal-utenti finali jew tal-utenti kummerċjali, irrispettivament mit-teknoloġija użata;
(16)“utent finali” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tuża servizzi ewlenin tal-pjattaforma, għajr utent kummerċjali;
(17)“utent kummerċjali” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li taġixxi f’kapaċità kummerċjali jew professjonali u li tuża servizzi ewlenin tal-pjattaforma għall-fini li tipprovdi, jew waqt li tkun qed tipprovdi, oġġetti jew servizzi lil utenti finali;
(18)“klassifikazzjoni” tfisser il-prominenza relattiva mogħtija lil prodotti jew servizzi offruti tramite servizzi ta’ intermedjazzjoni online jew tramite servizzi ta’ networking soċjali online, jew ir-rilevanza li tingħata lir-riżultati tat-tiftix minn magni tat-tiftix online, kif ippreżentati, organizzati jew ikkomunikati mill-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online jew ta’ servizzi ta’ networking soċjali online jew mill-fornituri ta’ magni tat-tiftix online, rispettivament, irrispettivament mill-mezzi teknoloġiċi użati għal tali preżentazzjoni, organizzazzjoni jew komunikazzjoni;
(19)“data” tfisser kwalunkwe rappreżentazzjoni diġitali ta’ atti, fatti jew informazzjoni u kwalunkwe kompilazzjoni ta’ dawn l-atti, fatti jew informazzjoni, inkluż fil-forma ta’ reġistrazzjoni awdjo, viżiva jew awdjoviżiva;
(20)“data personali” tfisser kwalunkwe informazzjoni kif definit fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) 2016/679;
(21)“data mhux personali” tfisser data għajr id-data personali kif definit fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) 2016/679;
(22)“impriża” tfisser kull intrapriża affiljata jew impriża konnessa li jiffurmaw grupp bil-kontroll dirett jew indirett ta’ intrapriża jew impriża minn oħra u li huma involuti f’attività ekonomika, irrispettivament mill-istatus legali tagħhom u l-mod kif inhuma ffinanzjati;
(23)“kontroll” tfisser il-possibbiltà li tiġi eżerċitata influwenza deċiżiva fuq impriża, kif mifhum fir-Regolament (UE) Nru 139/2004.
Kapitolu II
Il-gwardjani
Artikolu 3
Deżinjazzjoni tal-gwardjani
1.Fornitur ta’ servizzi ewlenin tal-pjattaforma għandu jiġi ddeżinjat bħala gwardjan jekk:
(a)ikollu impatt sinifikanti fuq is-suq intern;
(b)jopera servizz ewlieni tal-pjattaforma li jservi ta’ gateway importanti għall-utenti kummerċjali biex jilħqu lil utenti finali; u
(c)igawdi minn pożizzjoni stabbilita u dejjiema fl-operazzjonijiet tiegħu, jew ikun prevedibbli li fil-futur qrib se jgawdi pożizzjoni bħal din.
2.Fornitur ta’ servizzi ewlenin tal-pjattaforma għandu jkun preżunt li jissodisfa:
(a)ir-rekwiżit fil-paragrafu 1(a) meta l-impriża li jappartjeni għaliha tikseb fatturat annwali fiż-ŻEE ta’ EUR 6,5 biljun jew aktar fl-aħħar tliet snin finanzjarji, jew meta l-kapitalizzazzjoni medja tas-suq jew il-valur ġust ekwivalenti tas-suq tal-impriża li jappartjeni għaliha jammontaw għal mill-inqas EUR 65 biljun fl-aħħar sena finanzjarja, u jkun jipprovdi servizz ewlieni tal-pjattaforma f’mill-inqas tliet Stati Membri;
(b)ir-rekwiżit fil-paragrafu 1(b) meta jipprovdi servizz ewlieni tal-pjattaforma li jkollu aktar minn 45 miljun utent finali attiv fix-xahar stabbiliti jew li jinsabu fl-Unjoni u aktar minn 10 000 utent kummerċjali attiv fis-sena stabbiliti fl-Unjoni fl-aħħar sena finanzjarja;
għall-fini tal-ewwel subparagrafu, l-utenti finali attivi ta’ kull xahar għandhom jirreferu għall-medja ta’ utenti finali attivi fix-xahar tul l-akbar parti tal-aħħar sena finanzjarja;
(c)ir-rekwiżit fil-paragrafu 1(c) meta l-limiti fil-punt (b) ikunu ntlaħqu f’kull waħda mill-aħħar tliet snin finanzjarji.
3.Meta fornitur ta’ servizzi ewlenin tal-pjattaforma jilħaq il-limiti kollha fil-paragrafu 2, dan għandu jinnotifika lill-Kummissjoni b’dan fi żmien tliet xhur wara li dawk il-limiti jkunu ntlaħqu u jipprovdilha l-informazzjoni rilevanti identifikata fil-paragrafu 2. Dik in-notifika għandha tinkludi l-informazzjoni rilevanti identifikata fil-paragrafu 2 għal kull servizz ewlieni tal-pjattaforma tal-fornitur li jilħaq il-limiti fil-paragrafu 2(b). In-notifika għandha tiġi aġġornata kull meta servizzi ewlenin oħra tal-pjattaforma jilħqu individwalment il-limiti fil-paragrafu 2(b).
Nuqqas minn fornitur rilevanti ta’ servizzi ewlenin tal-pjattaforma li jinnotifika l-informazzjoni meħtieġa skont dan il-paragrafu ma għandux jipprevjeni lill-Kummissjoni milli tiddeżinja lil dawn il-fornituri bħala gwardjani skont il-paragrafu 4 fi kwalunkwe ħin.
4.Il-Kummissjoni, mingħajr dewmien żejjed u sa mhux aktar tard minn 60 jum wara li tirċievi l-informazzjoni kompluta msemmija fil-paragrafu 3, għandha tiddeżinja l-fornitur ta’ servizzi ewlenin tal-pjattaforma li jilħaq il-limiti kollha tal-paragrafu 2 bħala gwardjan, sakemm dak il-fornitur, bin-notifika tiegħu ma jippreżentax argumenti sostanzjati biżżejjed biex juri li, fiċ-ċirkostanzi li fihom jopera s-servizz ewlieni tal-pjattaforma rilevanti, u meta jitqiesu l-elementi elenkati fil-paragrafu 6, il-fornitur ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-paragrafu 1.
Meta l-gwardjan jippreżenta tali argumenti sostanzjati biżżejjed biex juri li ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tapplika l-paragrafu 6 biex tivvaluta jekk il-kriterji fil-paragrafu 1 humiex issodisfati.
5.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 37 biex tispeċifika l-metodoloġija li tiddetermina jekk jintlaħqux il-limiti kwantitattivi stabbiliti fil-paragrafu 2, u biex taġġustaha regolarment skont żviluppi teknoloġiċi u tas-suq meta meħtieġ, b’mod partikolari fir-rigward tal-limitu fil-paragrafu 2(a).
6.Il-Kummissjoni tista’ tidentifika bħala gwardjan, skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 15, kwalunkwe fornitur ta’ servizzi ewlenin tal-pjattaforma li jissodisfa kull wieħed mir-rekwiżiti tal-paragrafu 1, iżda li ma jilħaqx kull wieħed mil-limiti tal-paragrafu 2, jew li jkun ippreżenta argumenti sostanzjati biżżejjed skont il-paragrafu 4.
Għal dak il-għan, il-Kummissjoni għandha tqis l-elementi li ġejjin:
(a)id-daqs, inkluż il-fatturat u l-kapitalizzazzjoni tas-suq, l-operazzjonijiet u l-pożizzjoni tal-fornitur ta’ servizzi ewlenin tal-pjattaforma;
(b)l-għadd ta’ utenti kummerċjali li jiddependu fuq is-servizz ewlieni tal-pjattaforma biex jilħqu l-utenti finali, u l-għadd ta’ utenti finali;
(c)l-ostakli għad-dħul derivati mill-effetti tan-network u l-vantaġġi xprunati mid-data, b’mod partikolari b’rabta mal-aċċess tal-fornitur għad-data personali u mhux personali u l-ġbir tagħha, jew il-kapaċitajiet analitiċi tiegħu;
(d)l-iskala u l-effetti tal-kamp ta’ applikazzjoni li l-fornitur jibbenefika minnhom, inkluż fir-rigward tad-data;
(e)l-intrappolament tal-utenti kummerċjali jew tal-utenti finali;
(f)karatteristiċi strutturali oħra tas-suq.
Fit-twettiq tal-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tqis l-iżviluppi prevedibbli ta’ dawn l-elementi.
Meta l-fornitur ta’ servizz ewlieni tal-pjattaforma li jilħaq il-limiti kwantitattivi tal-paragrafu 2 jonqos milli jikkonforma mal-miżuri investigattivi ordnati mill-Kummissjoni b’mod sinifikanti u n-nuqqas jippersisti wara li l-fornitur ikun ġie mistieden jikkonforma f’limitu ta’ żmien raġonevoli u jressaq l-osservazzjonijiet, il-Kummissjoni għandha tkun intitolata tiddeżinja lil dak il-fornitur bħala gwardjan.
Meta l-fornitur ta’ servizz ewlieni tal-pjattaforma li ma jilħaqx il-limiti kwantitattivi tal-paragrafu 2 jonqos milli jikkonforma mal-miżuri investigattivi ordnati mill-Kummissjoni b’mod sinifikanti u n-nuqqas jippersisti wara li l-fornitur ikun ġie mistieden jikkonforma f’limitu ta’ żmien raġonevoli u jressaq l-osservazzjonijiet, il-Kummissjoni għandha tkun intitolata tiddeżinja lil dak il-fornitur bħala gwardjan abbażi tal-fatti disponibbli.
7.Għal kull gwardjan identifikat skont il-paragrafu 4 jew il-paragrafu 6, il-Kummissjoni għandha tidentifika l-impriża rilevanti li jappartjeni għaliha u telenka s-servizzi ewlenin tal-pjattaforma rilevanti li huma pprovduti fi ħdan dik l-istess impriża u li jservu individwalment bħala gateway importanti għall-utenti kummerċjali biex jilħqu lill-utenti finali kif imsemmi fil-paragrafu 1(b).
8.Il-gwardjan għandu jikkonforma mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 5 u 6 fi żmien sitt xhur wara li servizz ewlieni tal-pjattaforma jkun ġie inkluż fil-lista skont il-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu.
Artikolu 4
Rieżami tal-istatus tal-gwardjani
1.Meta tintalab jew b’inizjattiva tagħha stess, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra mill-ġdid, temenda jew tħassar fi kwalunkwe mument deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 3 għal waħda mir-raġunijiet li ġejjin:
(a)tkun saret bidla sostanzjali fi kwalunkwe wieħed mill-fatti li fuqhom issejset id-deċiżjoni;
(b)id-deċiżjoni tkun issejset fuq informazzjoni mhux kompluta, skorretta jew qarrieqa pprovduta mill-impriżi.
2.Il-Kummissjoni għandha twettaq rieżami regolarment, u mill-inqas kull sentejn, dwar jekk il-gwardjani ddeżinjati għadhomx jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3(1), jew jekk fornituri ġodda ta’ servizzi ewlenin tal-pjattaforma jissodisfawx dawk ir-rekwiżiti. Ir-rieżami regolari għandha teżamina wkoll jekk jeħtieġx tiġi aġġustata l-lista tas-servizzi ewlenin tal-pjattaforma affettwati tal-gwardjan.
Meta l-Kummissjoni, abbażi ta’ dak ir-rieżami skont l-ewwel subparagrafu, issib li nbidlu l-fatti li fuqhom issejset id-deżinjazzjoni tal-fornituri ta’ servizzi ewlenin tal-pjattaforma bħala gwardjani, din għandha tadotta deċiżjoni korrispondenti.
3.Il-Kummissjoni għandha tippubblika u taġġorna kontinwament il-lista tal-gwardjani u l-lista tas-servizzi ewlenin tal-pjattaforma li għalihom jeħtieġ jikkonformaw mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 5 u 6.
Kapitolu III
Prattiki ta’ gwardjani li jillimitaw il-kontestabbiltà jew li huma inġusti
Artikolu 5
Obbligi għall-gwardjani
Fir-rigward ta’ kull wieħed mis-servizzi ewlenin tal-pjattaforma tiegħu identifikati skont l-Artikolu 3(7), il-gwardjan għandu:
(a)joqgħod lura milli jikkombina data personali miksuba minn dawn is-servizzi ewlenin tal-pjattaforma ma’ data personali minn xi servizz ieħor offrut mill-gwardjan jew ma’ data personali minn servizzi ta’ partijiet terzi, u milli jagħti aċċess lil utenti finali għal servizzi oħra tal-gwardjan biex jikkombina data personali, sakemm l-utent finali ma jkunx ingħata l-għażla speċifika u ta l-kunsens fis-sens tar-Regolament (UE) 2016/679. ;
(b)jippermetti li l-utenti kummerċjali joffru l-istess prodotti jew servizzi lill-utenti finali tramite s-servizzi ta’ intermedjazzjoni online ta’ partijiet terzi bi prezzijiet jew b’kundizzjonijiet differenti minn dawk offruti mis-servizzi ta’ intermedjazzjoni online tal-gwardjan;
(c)jippermetti li l-utenti kummerċjali jippromwovu offerti ma’ utenti finali miksuba tramite s-servizz ewlieni tal-pjattaforma, u jikkonkludu kuntratti ma’ dawn l-utenti finali irrispettivament minn jekk għal dak il-għan jużawx is-servizzi ewlenin tal-pjattaforma tal-gwardjan jew le; u jippermetti li l-utenti finali jaċċessaw u jużaw kontenut, abbonamenti, karatteristiċi jew oġġetti oħra, tramite s-servizzi ewlenin tal-pjattaforma tal-gwardjan, billi jużaw l-applikazzjoni tas-software ta’ utent kummerċjali, meta dawn l-oġġetti jkunu nkisbu mill-utenti finali mingħand l-utent kummerċjali rilevanti mingħajr ma jintużaw is-servizzi ewlenin tal-pjattaforma tal-gwardjan;
(d)joqgħod lura milli jipprevjeni jew jillimita lill-utenti kummerċjali milli jqajmu kwistjonijiet relatati ma’ xi prattika tal-gwardjani ma’ kwalunkwe awtorità pubblika rilevanti;
(e)joqgħod lura milli jeżiġi li l-utenti kummerċjali jużaw, joffru jew joperaw bejniethom b’servizz ta’ identifikazzjoni tal-gwardjan fil-kuntest ta’ servizzi offruti mill-utenti kummerċjali li jużaw is-servizzi ewlenin tal-pjattaforma ta’ dak il-gwardjan;
(f)joqgħod lura milli jeżiġi li l-utenti kummerċjali jew l-utenti finali jabbonaw għal jew jirreġistraw ma’ xi servizz ewlieni ieħor tal-pjattaforma identifikat skont l-Artikolu 3 jew li jilħaq il-limiti fl-Artikolu 3(2)(b) bħala kundizzjoni biex jaċċessaw, jabbonaw jew jirreġistraw għal xi wieħed mis-servizzi ewlenin tal-pjattaforma tagħhom identifikati skont dak l-Artikolu;
(g)jipprovdi informazzjoni, meta jitolbuh, lil reklamaturi u pubblikaturi li lilhom jipprovdi servizzi ta’ reklamar, dwar il-prezz imħallas mir-reklamatur u l-pubblikatur, kif ukoll dwar l-ammont jew ir-remunerazzjoni mħallsa lill-pubblikatur, għall-pubblikazzjoni ta’ reklam partikolari u għal kull wieħed mis-servizzi ta’ reklamar rilevanti pprovduti mill-gwardjan.
Artikolu 6
Obbligi għall-gwardjani li huma suxxettibbli li jiġu speċifikati aktar
1.Fir-rigward ta’ kull wieħed mis-servizzi ewlenin tal-pjattaforma tiegħu identifikati skont l-Artikolu 3(7), gwardjan għandu:
(a)joqgħod lura milli juża, f’kompetizzjoni mal-utenti kummerċjali, kwalunkwe data li ma tkunx disponibbli pubblikament, li tiġi ġġenerata bl-attivitajiet minn dawk l-utenti kummerċjali, inkluż mill-utenti finali ta’ dawn l-utenti kummerċjali, tas-servizzi ewlenin tal-pjattaforma tiegħu jew ipprovduta minn dawk l-utenti kummerċjali ta’ servizzi ewlenin tal-pjattaforma tiegħu jew mill-utenti finali ta’ dawn l-utenti kummerċjali;
(b)jippermetti lill-utenti finali jneħħu kwalunkwe applikazzjoni tas-software installata minn qabel fuq is-servizz ewlieni tal-pjattaforma tiegħu mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li gwardjan jillimita din id-diżinstallazzjoni b’rabta ma’ applikazzjonijiet tas-software li huma essenzjali għall-funzjonament tas-sistema operatorja jew tal-apparat u li ma jistgħux teknikament jiġu offruti waħedhom minn partijiet terzi;
(c)jippermetti l-installazzjoni u l-użu effettiv ta’ applikazzjonijiet tas-software jew ħwienet ta’ applikazzjonijiet tas-software ta’ partijiet terzi li jużaw, jew li joperaw ma’, sistemi operatorji ta’ dak il-gwardjan, u jippermetti li dawn l-applikazzjonijiet tas-software jew il-ħwienet ta’ applikazzjonijiet tas-software jiġu aċċessati b’mezzi oħra għajr is-servizzi ewlenin tal-pjattaforma ta’ dak il-gwardjan. Il-gwardjan ma għandux jitwaqqaf milli jieħu miżuri proporzjonati biex jiżgura li applikazzjonijiet tas-software jew ħwienet ta’ applikazzjonijiet tas-software ta’ partijiet terzi ma jipperikolawx l-integrità tal-hardware jew tas-sistema operatorja pprovduta mill-gwardjan;
(d)joqgħod lura milli jagħti klassifikazzjoni aktar favorevoli lil servizzi u prodotti offruti mill-gwardjan stess jew minn kwalunkwe parti terza li tappartjeni għall-istess impriża meta mqabbla ma’ servizzi jew prodotti simili ta’ parti terza u japplika kundizzjonijiet ġusti u nondiskriminatorji għal din il-klassifikazzjoni;
(e)joqgħod lura milli jillimita teknikament l-abbiltà tal-utenti finali li jaqilbu bejn servizzi jew applikazzjonijiet tas-software differenti, u li jabbonaw għalihom, li jridu jiġu aċċessati bis-sistema operatorja tal-gwardjan, inkluż fir-rigward tal-għażla ta’ fornitur ta’ aċċess għall-internet għall-utenti finali;
(f)jipprovdi aċċess lill-utenti kummerċjali u lill-fornituri ta’ servizzi anċillari għal, u interoperabbiltà ma’, l-istess sistema operatorja, hardware jew karatteristiċi tas-software li jkunu disponibbli jew li jintużaw fil-forniment mill-gwardjan ta’ xi servizz anċillari;
(g)jipprovdi aċċess lir-reklamaturi u lill-pubblikaturi, meta jitolbuh u mingħajr ħlas, għall-għodod tal-kejl tal-prestazzjoni tal-gwardjan u għall-informazzjoni meħtieġa għar-reklamaturi u għall-pubblikaturi biex iwettqu l-verifika indipendenti tagħhom stess tal-inventarju tar-reklami;
(h)jipprovdi trasferibbiltà effettiva tad-data ġġenerata bl-attività ta’ utent kummerċjali jew ta’ utent finali u għandu, b’mod partikolari, jipprovdi għodod lill-utenti finali biex jiffaċilita l-eżerċizzju tat-trasferibbiltà tad-data, f’konformità mar-Regolament UE 2016/679, inkluż bil-forniment ta’ aċċess kontinwu u f’ħin reali;
(i)jipprovdi aċċess u użu effettivi, ta’ kwalità għolja, kontinwi u f’ħin reali lill-utenti kummerċjali, jew lil partijiet terzi awtorizzati minn utent kummerċjali, mingħajr ħlas, għad-data aggregata jew mhux aggregata li tkun ipprovduta jew iġġenerata fil-kuntest tal-użu tas-servizzi ewlenin tal-pjattaforma rilevanti mill-utenti kummerċjali u l-utenti finali li jinteraġixxu mal-prodotti jew is-servizzi pprovduti minn dawk l-utenti kummerċjali; għad-data personali, jipprovdi aċċess u użu biss meta dawn ikunu konnessi direttament mal-użu li jkun sar mill-utent finali fir-rigward tal-prodotti jew is-servizzi offruti mill-utent kummerċjali rilevanti tramite s-servizz ewlieni tal-pjattaforma rilevanti, u meta l-utent finali jaċċetta din il-kondiviżjoni b’kunsens fis-sens tar-Regolament (UE) 2016/679; ;
(j)jipprovdi aċċess lil kwalunkwe fornitur terz ta’ magni tat-tiftix online, meta jitolbu, b’termini ġusti, raġonevoli u nondiskriminatorji, għal data dwar il-klassifikazzjoni, il-mistoqsijiet, il-klikks u l-viżjonijiet fir-rigward ta’ tiftix mingħajr ħlas u bi ħlas iġġenerati mill-utenti finali fuq il-magni tat-tiftix online tal-gwardjan, soġġett għall-anonimizzazzjoni tad-data dwar il-mistoqsijiet, il-klikks u l-viżjonijiet li tikkostitwixxi data personali;
(k)japplika kundizzjonijiet ġenerali ġusti u nondiskriminatorji għall-aċċess tal-utenti kummerċjali għall-ħanut ta’ applikazzjonijiet tas-software tiegħu ddeżinjat skont l-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament.
2.Għall-finijiet tal-paragrafu 1(a), id-data li ma tkunx disponibbli pubblikament għandha tinkludi kwalunkwe data aggregata u mhux aggregata ġġenerata mill-utenti kummerċjali li tista’ tiġi dedotta mill-attivitajiet kummerċjali, jew miġbura bis-saħħa tagħhom, tal-utenti kummerċjali jew tal-klijenti tagħhom fuq is-servizz ewlieni tal-pjattaforma tal-gwardjan.
Artikolu 7
Konformità mal-obbligi għall-gwardjani
1.Il-miżuri implimentati mill-gwardjan biex tiġi żgurata l-konformità mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 5 u 6 għandhom ikunu effettivi biex jintlaħaq l-objettiv tal-obbligu rilevanti. Il-gwardjan għandu jiżgura li dawn il-miżuri jiġu implimentati f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 u d-Direttiva 2002/58/KE, u mal-leġiżlazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà, il-protezzjoni tal-konsumatur u s-sikurezza tal-prodotti.
2.Meta l-Kummissjoni ssib li l-miżuri li l-gwardjan ikun beħsiebu jimplimenta, jew li jkun implimenta, skont il-paragrafu 1 ma jiżgurawx konformità effettiva mal-obbligi rilevanti stabbiliti fl-Artikolu 6, din tista’, permezz ta’ deċiżjoni, tispeċifika l-miżuri li l-gwardjan ikkonċernat għandu jimplimenta. Il-Kummissjoni għandha tadotta din id-deċiżjoni fi żmien sitt xhur mill-ftuħ tal-proċedimenti skont l-Artikolu 18.
3.Il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu hu mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kummissjoni skont l-Artikoli 25, 26 u 27.
4.Fid-dawl tal-adozzjoni tad-deċiżjoni skont il-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-konklużjonijiet preliminari tagħha fi żmien tliet xhur mill-ftuħ tal-proċedimenti. Fis-sejbiet preliminari, il-Kummissjoni għandha tispjega l-miżuri li tqis li se tieħu jew li l-fornitur tas-servizzi ewlenin tal-pjattaforma kkonċernat għandu jieħu biex is-sejbiet preliminari jiġu indirizzati b’mod effettiv.
5.Meta tispeċifika l-miżuri skont il-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-miżuri jkunu effettivi biex jintlaħqu l-objettivi tal-obbligu rilevanti u jkunu proporzjonati fiċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-gwardjan u s-servizz rilevanti.
6.Għall-finijiet tal-ispeċifikazzjoni tal-obbligi skont l-Artikolu 6(1)(j) u (k), il-Kummissjoni għandha tivvaluta wkoll jekk il-miżuri intenzjonati jew implimentati jiżgurawx li ma jkunx fadal żbilanċ fid-drittijiet u l-obbligi għall-utenti kummerċjali u li l-miżuri ma jagħtux vantaġġ huma stess lill-gwardjan li jkun sproporzjonat għas-servizz ipprovdut mill-gwardjan lill-utenti kummerċjali.
7.Gwardjan jista’ jitlob il-ftuħ ta’ proċedimenti skont l-Artikolu 18 biex il-Kummissjoni tiddetermina jekk il-miżuri li l-gwardjan ikun beħsiebu jimplimenta jew li jkun implimenta skont l-Artikolu 6 humiex effettivi biex jintlaħaq l-objettiv tal-obbligu rilevanti fiċ-ċirkostanzi speċifiċi. Gwardjan jista’, mat-talba tiegħu, jipprovdi sottomissjoni motivata biex jispjega b’mod partikolari għalfejn il-miżuri li jkun beħsiebu jimplimenta jew li jkun implimenta huma effettivi biex jintlaħaq l-objettiv tal-obbligu rilevanti fiċ-ċirkostanzi speċifiċi.
Artikolu 8
Sospensjoni
1.Il-Kummissjoni tista’, wara talba motivata mill-gwardjan, tissospendi b’mod eċċezzjonali, kompletament jew parzjalment, obbligu speċifiku stabbilit fl-Artikoli 5 u 6 għal servizz ewlieni tal-pjattaforma, permezz ta’ deċiżjoni adottata skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 32(4), meta l-gwardjan juri li l-konformità ma’ dak l-obbligu speċifiku tista’ tipperikola, minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali lil hinn mill-kontroll tal-gwardjan, il-vijabbiltà ekonomika tal-operazzjoni tal-gwardjan fl-Unjoni, u sal-punt biss meħtieġ biex tiġi indirizzata din id-theddida għall-vijabbiltà tiegħu. Il-Kummissjoni għandu jkollha l-għan li tadotta d-deċiżjoni ta’ sospensjoni mingħajr dewmien u sa mhux aktar tard minn tliet xhur wara li tirċievi talba motivata sħiħa.
2.Meta tingħata s-sospensjoni skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tirrevedi d-deċiżjoni tagħha ta’ sospensjoni kull sena. Wara din ir-reviżjoni l-Kummissjoni għandha tneħħi s-sospensjoni jew tiddeċiedi li l-kundizzjonijiet tal-paragrafu 1 għadhom qed jiġu ssodisfati.
3.Il-Kummissjoni tista’, filwaqt li taġixxi skont talba motivata ta’ gwardjan, tissospendi proviżorjament l-applikazzjoni tal-obbligu rilevanti għal servizz ewlieni individwali wieħed jew aktar tal-pjattaforma, diġà qabel id-deċiżjoni skont il-paragrafu 1.
Fil-valutazzjoni tat-talba, il-Kummissjoni għandha tqis, b’mod partikolari, l-impatt tal-konformità mal-obbligu speċifiku fuq il-vijabbiltà ekonomika tal-operazzjoni tal-gwardjan fl-Unjoni kif ukoll fuq partijiet terzi. Is-sospensjoni tista’ tiġi soġġetta għal kundizzjonijiet u obbligi li jridu jiġu ddefiniti mill-Kummissjoni biex jiġi żgurat bilanċ ġust bejn dawn l-interessi u l-objettivi ta’ dan ir-Regolament. Din it-talba tista’ ssir u tiġi aċċettata fi kwalunkwe ħin sakemm issir il-valutazzjoni tal-Kummissjoni skont il-paragrafu 1.
Artikolu 9
Eżenzjoni għal raġunijiet prevalenti ta’ interess pubbliku
1.Il-Kummissjoni tista’, filwaqt li taġixxi skont talba motivata ta’ gwardjan jew b’inizjattiva tagħha stess, permezz ta’ deċiżjoni adottata skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 32(4), teżentah kompletament jew parzjalment minn obbligu speċifiku stabbilit fl-Artikoli 5 u 6 fir-rigward ta’ servizz ewlieni individwali tal-pjattaforma identifikat skont l-Artikolu 3(7), meta din l-eżenzjoni tkun iġġustifikata għar-raġunijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. Il-Kummissjoni għandha tadotta d-deċiżjoni dwar l-eżenzjoni sa mhux aktar tard minn tliet xhur wara li tirċievi talba motivata sħiħa.
2.Eżenzjoni skont il-paragrafu 1 tista’ tingħata biss għal raġunijiet ta’:
(a)moralità pubblika;
(b)saħħa pubblika;
(c)sigurtà pubblika.
3.Il-Kummissjoni tista’, filwaqt li taġixxi skont talba motivata ta’ gwardjan jew b’inizjattiva tagħha stess, tissospendi proviżorjament l-applikazzjoni tal-obbligu rilevanti għal servizz ewlieni individwali wieħed jew aktar tal-pjattaforma, diġà qabel id-deċiżjoni skont il-paragrafu 1.
Fil-valutazzjoni tat-talba, il-Kummissjoni għandha tqis, b’mod partikolari, l-impatt tal-konformità mal-obbligu speċifiku fuq ir-raġunijiet fil-paragrafu 2 kif ukoll l-effetti fuq il-gwardjan ikkonċernat u fuq partijiet terzi. Is-sospensjoni tista’ tiġi soġġetta għal kundizzjonijiet u obbligi li jridu jiġu ddefiniti mill-Kummissjoni biex jiġi żgurat bilanċ ġust bejn il-miri segwiti mir-raġunijiet fil-paragrafu 2 u l-objettivi ta’ dan ir-Regolament. Din it-talba tista’ ssir u tiġi aċċettata fi kwalunkwe ħin sakemm issir il-valutazzjoni tal-Kummissjoni skont il-paragrafu 1.
Artikolu 10
Aġġornament tal-obbligi għall-gwardjani
1.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 34 biex taġġorna l-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 5 u 6 meta, abbażi ta’ investigazzjoni tas-suq skont l-Artikolu 17, tkun identifikat il-ħtieġa ta’ obbligi ġodda li jindirizzaw prattiki li jillimitaw il-kontestabbiltà ta’ servizzi ewlenin tal-pjattaforma jew li jkunu inġusti bl-istess mod bħall-prattiki indirizzati mill-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 5 u 6.
1.Prattika skont it-tifsira tal-paragrafu 1 għandha titqies bħala inġusta jew li tillimita l-kontestabbiltà tas-servizzi ewlenin tal-pjattaforma meta:
(a)ikun hemm żbilanċ fid-drittijiet u l-obbligi fuq l-utenti kummerċjali u l-gwardjan ikun qed jikseb vantaġġ mill-utenti kummerċjali li jkun sproporzjonat għas-servizz ipprovdut mill-gwardjan lill-utenti kummerċjali; jew
(b)il-kontestabbiltà tas-swieq tiddgħajjef minħabba din il-prattika użata mill-gwardjani.
Artikolu 11
Antiċirkomvenzjoni
1.Gwardjan għandu jiżgura li l-obbligi tal-Artikoli 5 u 6 jiġu rrispettati għalkollox u b’mod effettiv. Filwaqt li l-obbligi tal-Artikoli 5 u 6 japplikaw fir-rigward ta’ servizzi ewlenin tal-pjattaforma ddeżinjati skont l-Artikolu 3, l-implimentazzjoni tagħhom ma għandhiex tixxekkel minn xi mġiba tal-impriża li għaliha jappartjeni l-gwardjan, irrispettivament minn jekk din l-imġiba jkollhiex natura kuntrattwali, kummerċjali, teknika jew xi natura oħra.
2.Meta jkun meħtieġ il-kunsens għall-ġbir u l-ipproċessar ta’ data personali biex tiġi żgurata konformità ma’ dan ir-Regolament, gwardjan għandu jieħu l-passi meħtieġa biex jippermetti li l-utenti kummerċjali jiksbu direttament il-kunsens meħtieġ għall-ipproċessar tagħha, meta meħtieġ skont ir-Regolament (UE) 2016/679 u d-Direttiva 2002/58/KE, jew inkella li jikkonforma mar-regoli u l-prinċipji tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data u tal-privatezza b’modi oħra, inkluż billi jipprovdi data anonimizzata lill-utenti kummerċjali kif xieraq u meta xieraq. Il-gwardjan ma għandux jagħmel il-kisba ta’ dan il-kunsens mingħand l-utent kummerċjali aktar diffiċli milli għas-servizzi tiegħu stess.
3.Gwardjan ma għandux inaqqas il-kundizzjonijiet jew il-kwalità ta’ xi servizz ewlieni tal-pjattaforma pprovdut lil utenti kummerċjali jew lil utenti finali li jeżerċitaw id-drittijiet jew l-għażliet stabbiliti fl-Artikoli 5 u 6, jew jagħmel l-eżerċizzju ta’ dawk id-drittijiet jew l-għażliet diffiċli b’mod mhux xieraq.
Artikolu 12
Obbligu ta’ informazzjoni dwar il-konċentrazzjonijiet
1.Gwardjan għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar kull konċentrazzjoni maħsuba skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 li tinvolvi fornitur ieħor ta’ servizzi ewlenin tal-pjattaforma jew ta’ xi servizz ieħor ipprovdut fis-settur diġitali irrispettivament minn jekk ikunx notifikabbli lil awtorità tal-kompetizzjoni tal-Unjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 139/2004 jew lil awtorità kompetenti nazzjonali tal-kompetizzjoni skont ir-regoli nazzjonali dwar il-fużjonijiet.
Gwardjan għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar din il-konċentrazzjoni qabel l-implimentazzjoni tagħha u wara l-konklużjoni tal-ftehim, it-tħabbira tal-offerta pubblika, jew l-akkwiżizzjoni ta’ interess kontrollanti.
2.In-notifika skont il-paragrafu 1 għandha mill-inqas tiddeskrivi, għall-miri tal-akkwiżizzjoni, il-fatturat annwali tagħhom fiż-ŻEE u dinji, għal kwalunkwe servizz ewlieni tal-pjattaforma rilevanti, il-fatturat annwali rispettiv tagħhom fiż-ŻEE, l-għadd tagħhom ta’ utenti kummerċjali attivi annwali u l-għadd ta’ utenti finali attivi fix-xahar, kif ukoll ir-raġunament tal-konċentrazzjoni maħsuba.
3.Jekk, wara kwalunkwe konċentrazzjoni kif previst fil-paragrafu 1, servizzi ewlenin addizzjonali tal-pjattaforma jilħqu individwalment il-limiti fil-punt (b) tal-Artikolu 3(2), il-gwardjan ikkonċernat għandu jinforma lill-Kummissjoni b’dan fi żmien tliet xhur mill-implimentazzjoni tal-konċentrazzjoni u jipprovdi l-informazzjoni lill-Kummissjoni li tissemma fl-Artikolu 3(2).
Artikolu 13
Obbligu ta’ awditu
Fi żmien sitt xhur wara d-deżinjazzjoni tiegħu skont l-Artikolu 3, gwardjan għandu jippreżenta deskrizzjoni awditjata b’mod indipendenti lill-Kummissjoni ta’ kull teknika għat-tfassil tal-profili dwar il-konsumaturi li l-gwardjan japplika għas-servizzi ewlenin tal-pjattaforma tiegħu, jew fihom, identifikati skont l-Artikolu 3. Din id-deskrizzjoni għandha tiġi aġġornata mill-inqas darba fis-sena.
Kapitolu IV
Investigazzjoni tas-suq
Artikolu 14
Ftuħ ta’ investigazzjoni tas-suq
1.Meta l-Kummissjoni jkun beħsiebha twettaq investigazzjoni tas-suq biex possibbilment tadotta deċiżjonijiet skont l-Artikoli 15, 16 u 17, din għandha tadotta deċiżjoni tal-ftuħ ta’ investigazzjoni tas-suq.
2.Id-deċiżjoni tal-ftuħ għandha tispeċifika:
(a)id-data tal-ftuħ tal-investigazzjoni;
(b)id-deskrizzjoni tal-kwistjoni li dwarha qed issir l-investigazzjoni;
(c)l-iskop tal-investigazzjoni.
3.Il-Kummissjoni tista’ tiftaħ mill-ġdid investigazzjoni tas-suq li tkun għalqet meta:
(a)tkun seret bidla materjali f’xi wieħed mill-fatti li fuqhom tkun issejset id-deċiżjoni;
(b)id-deċiżjoni kienet issejset fuq informazzjoni mhux kompluta, skorretta jew qarrieqa pprovduta mill-impriżi kkonċernati.
Artikolu 15
Investigazzjoni tas-suq għad-deżinjazzjoni tal-gwardjani
1.Il-Kummissjoni tista’ twettaq investigazzjoni tas-suq biex teżamina jekk fornitur ta’ servizzi ewlenin tal-pjattaforma għandux jiġi ddeżinjat bħala gwardjan skont l-Artikolu 3(6), jew biex tidentifika servizzi ewlenin tal-pjattaforma għal gwardjan skont l-Artikolu 3(7). Għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-investigazzjoni tagħha billi tadotta deċiżjoni skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 32(4) fi żmien tnax-il xahar mill-ftuħ tal-investigazzjoni tas-suq.
2.Waqt investigazzjoni tas-suq skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkomunika s-sejbiet preliminari tagħha lill-fornitur ta’ servizzi ewlenin tal-pjattaforma kkonċernat fi żmien sitt xhur mill-ftuħ tal-investigazzjoni. Fis-sejbiet preliminari, il-Kummissjoni għandha tispjega jekk tqisx, b’mod proviżorju, li l-fornitur ta’ servizzi ewlenin tal-pjattaforma għandu jiġi ddeżinjat bħala gwardjan skont l-Artikolu 3(6).
3.Meta l-fornitur ta’ servizzi ewlenin tal-pjattaforma jilħaq il-limiti stabbiliti fl-Artikolu 3(2), iżda jkun ippreżenta argumenti sostanzjati b’mod sinifikanti skont l-Artikolu 3(4), il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-investigazzjoni tas-suq fi żmien ħames xhur mill-ftuħ tal-investigazzjoni tas-suq b’deċiżjoni skont il-paragrafu 1. F’dak il-każ, il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkomunika s-sejbiet preliminari tagħha skont il-paragrafu 2 lill-fornitur ta’ servizzi ewlenin tal-pjattaforma fi żmien tliet xhur mill-ftuħ tal-investigazzjoni.
4.Meta l-Kummissjoni, skont l-Artikolu 3(6), tiddeżinja bħala gwardjan lil fornitur ta’ servizzi ewlenin tal-pjattaforma li jkun għadu ma jgawdix pożizzjoni stabbilita u dejjiema fl-operazzjonijiet tiegħu, iżda jkun prevedibbli li fil-futur qrib se jgawdi pożizzjoni bħal din, din għandha tiddikjara applikabbli għal dak il-gwardjan, dawk l-obbligi biss li huma stabbiliti fl-Artikolu 5(b) u fil-punti (e), (f), (h) u (i) tal-Artikolu 6(1) kif speċifikat fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tiddikjara applikabbli biss dawk l-obbligi li huma xierqa u meħtieġa biex jiġi evitat li l-gwardjan ikkonċernat jikseb pożizzjoni stabbilita u dejjiema fl-operazzjonijiet tiegħu b’mezzi inġusti. Il-Kummissjoni għandha tirrevedi din id-deżinjazzjoni skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 4.
Artikolu 16
Investigazzjoni tas-suq dwar nonkonformità sistematika
1.Meta l-investigazzjoni tas-suq turi li gwardjan ikun kiser b’mod sistematiku l-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 5 u 6 u kompla jsaħħaħ jew jestendi l-pożizzjoni ta’ gwardjan tiegħu fir-rigward tal-karatteristiċi skont l-Artikolu 3(1), il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ deċiżjoni adottata skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 32(4), timponi kwalunkwe rimedju komportamentali jew strutturali fuq dan il-gwardjan li jkun proporzjonat għall-ksur imwettaq u meħtieġ biex tiġi żgurata l-konformità ma’ dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tikkonkludi l-investigazzjoni tagħha billi tadotta deċiżjoni fi żmien tnax-il xahar mill-ftuħ tal-investigazzjoni tas-suq.
2.Il-Kummissjoni tista’ timponi biss rimedji strutturali skont il-paragrafu 1 meta ma jkun hemm l-ebda rimedju komportamentali effettiv ugwalment jew meta kull rimedju komportamentali effettiv ugwalment ikun piż akbar għall-gwardjan ikkonċernat mir-rimedju strutturali.
3.Gwardjan għandu jitqies li jkun wettaq nonkonformità sistematika mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 5 u 6, meta l-Kummissjoni tkun ħarġet mill-inqas tliet deċiżjonijiet ta’ nonkonformità jew ta’ multa skont l-Artikoli 25 u 26 rispettivament kontra gwardjan b’rabta ma’ xi wieħed mis-servizzi ewlenin tal-pjattaforma tiegħu fi żmien ħames snin qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-ftuħ ta’ investigazzjoni tas-suq fid-dawl tal-adozzjoni possibbli ta’ deċiżjoni skont dan l-Artikolu.
4.Gwardjan għandu jitqies li jkun saħħaħ aktar jew estenda l-pożizzjoni tiegħu ta’ gwardjan fir-rigward tal-karatteristiċi skont l-Artikolu 3(1), meta l-impatt tiegħu fuq is-suq intern ikun kompla jiżdied, l-importanza tiegħu bħala gateway għall-utenti kummerċjali biex jilħqu lill-utenti finali tkun żdiedet jew il-gwardjan ikun igawdi pożizzjoni stabbilita u dejjiema ulterjuri fl-operazzjonijiet tiegħu.
5.Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-oġġezzjonijiet tagħha lill-gwardjan ikkonċernat fi żmien sitt xhur mill-ftuħ tal-investigazzjoni. Fl-oġġezzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni għandha tispjega jekk preliminarjament tqisx li l-kundizzjonijiet tal-paragrafu 1 huma ssodisfati u liema rimedju/i tqis preliminarjament li huma meħtieġa u proporzjonati.
6.Il-Kummissjoni tista’, fi kwalunkwe ħin waqt l-investigazzjoni tas-suq, testendi t-tul ta’ żmien tal-investigazzjoni meta l-estensjoni tkun iġġustifikata għal raġunijiet oġġettivi u proporzjonati. L-estensjoni tista’ tapplika għall-iskadenza sa meta l-Kummissjoni jkollha tippreżenta l-oġġezzjonijiet tagħha, jew għall-iskadenza tal-adozzjoni tad-deċiżjoni finali. It-tul ta’ żmien totali ta’ kwalunkwe estensjoni skont dan il-paragrafu ma għandux jaqbeż is-sitt xhur. Il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra impenji skont l-Artikolu 23 u tagħmilhom vinkolanti fid-deċiżjoni tagħha.
Artikolu 17
Investigazzjoni tas-suq dwar servizzi ġodda u prattiki ġodda
Il-Kummissjoni tista’ twettaq investigazzjoni tas-suq biex teżamina jekk servizz wieħed jew aktar fis-settur diġitali għandhomx jiżdiedu mal-lista tas-servizzi ewlenin tal-pjattaforma jew biex tidentifika tipi ta’ prattiki li jistgħu jillimitaw il-kontestabbiltà tas-servizzi ewlenin tal-pjattaforma jew li jkunu inġusti, u li ma jkunux indirizzati b’mod effettiv minn dan ir-Regolament. Għandha toħroġ rapport pubbliku fi żmien 24 xahar mill-ftuħ tal-investigazzjoni tas-suq.
Meta xieraq, dak ir-rapport għandu:
(a)ikun akkumpanjat minn proposta biex jiġi emendat dan ir-Regolament ħalli jiġu inklużi servizzi addizzjonali fis-settur diġitali fil-lista tas-servizzi ewlenin tal-pjattaforma stabbilita fil-punt 2 tal-Artikolu 2;
(b)ikun akkumpanjat minn att delegat li jemenda l-Artikolu 5 jew 6 kif previst fl-Artikolu 10.
Kapitolu V
Setgħat investigattivi, ta’ infurzar u ta’ monitoraġġ
Artikolu 18
Ftuħ ta’ proċedimenti
Meta l-Kummissjoni jkun beħsiebha tiftaħ proċediment biex possibbilment tadotta deċiżjonijiet skont l-Artikoli 7, 25 u 26, din għandha tadotta deċiżjoni tal-ftuħ ta’ proċediment.
Artikolu 19
Talbiet għal informazzjoni
1.Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ talba sempliċi jew deċiżjoni, titlob li impriżi u assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa, inkluż għall-fini ta’ monitoraġġ, implimentazzjoni u infurzar tar-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni tista’ titlob ukoll aċċess għal bażijiet tad-data u algoritmi ta’ impriżi u titlob spjegazzjonijiet dwar dawk b’talba sempliċi jew b’deċiżjoni.
2.Il-Kummissjoni tista’ titlob informazzjoni mingħand impriżi u assoċjazzjonijiet ta’ impriżi skont il-paragrafu 1 ukoll qabel il-ftuħ ta’ investigazzjoni tas-suq skont l-Artikolu 14 jew ta’ proċedimenti skont l-Artikolu 18.
3.Meta tibgħat talba sempliċi għal informazzjoni lil impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi, il-Kummissjoni għandha tiddikjara l-iskop tat-talba, tispeċifika liema informazzjoni hi meħtieġa u tiffissa l-limitu ta’ żmien sa meta għandha tingħata l-informazzjoni, u l-penali previsti fl-Artikolu 26 għall-għoti ta’ informazzjoni jew spjegazzjonijiet mhux kompluti, skorretti jew qarrieqa.
4.Meta l-Kummissjoni titlob l-informazzjoni mingħand impriżi u assoċjazzjonijiet tal-impriżi permezz ta’ deċiżjoni, din għandha tiddikjara l-iskop tat-talba, tispeċifika liema informazzjoni hi meħtieġa u tiffissa l-limitu ta’ żmien sa meta għandha tingħata. Meta l-Kummissjoni titlob li l-impriżi jipprovdu aċċess għall-bażijiet tad-data u l-algoritmi tagħhom, din għandha tiddikjara l-bażi ġuridika u l-iskop tat-talba, u tiffissa l-limitu ta’ żmien sa meta għandu jingħata. Għandha tindika wkoll il-penali previsti fl-Artikolu 26, u tindika jew timponi l-pagamenti perjodiċi ta’ penali previsti fl-Artikolu 27. Għandha tindika wkoll id-dritt li d-deċiżjoni tiġi riveduta mill-Qorti tal-Ġustizzja.
5.L-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom jagħtu l-informazzjoni mitluba f’isem l-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ impriżi kkonċernata. L-avukati awtorizzati debitament biex jaġixxu jistgħu jipprovdu l-informazzjoni f’isem il-klijenti tagħhom. Dawn tal-aħħar għandhom jibqgħu responsabbli għalkollox jekk l-informazzjoni mogħtija tkun mhux kompluta, skorretta jew qarrieqa.
6.Meta jintalbu mill-Kummissjoni, il-gvernijiet u l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jagħtu l-informazzjoni kollha meħtieġa lill-Kummissjoni biex twettaq il-kompiti assenjati lilha b’dan ir-Regolament.
Artikolu 20
Setgħa biex isiru intervisti u jittieħdu dikjarazzjonijiet
Il-Kummissjoni tista’ tintervista kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li taċċetta intervista biex tinġabar informazzjoni relatata mas-suġġett ta’ investigazzjoni, inkluż b’rabta mal-monitoraġġ, l-implimentazzjoni u l-infurzar tar-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament.
Artikolu 21
Setgħat biex jitwettqu spezzjonijiet fuq il-post
1.Il-Kummissjoni tista’ twettaq spezzjonijiet fuq il-post fil-binjiet ta’ impriża jew ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi.
2.L-ispezzjonijiet fuq il-post jistgħu jsiru wkoll bl-assistenza ta’ awdituri jew esperti maħtura mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 24(2).
3.Waqt l-ispezzjonijiet fuq il-post, il-Kummissjoni u l-awdituri jew l-esperti maħtura minnha jistgħu jitolbu li l-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ impriżi tipprovdi aċċess għal, u spjegazzjonijiet dwar, l-organizzazzjoni, il-funzjonament, is-sistema tal-IT, l-algoritmi, l-immaniġġjar tad-data u l-kondotta kummerċjali tagħha. Il-Kummissjoni u l-awdituri jew l-esperti maħtura minnha jistgħu jagħmlu mistoqsijiet lill-persunal ewlieni.
4.L-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jeħtieġ jissottomettu ruħhom għal spezzjoni fuq il-post ordnata permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni. Id-deċiżjoni għandha tispeċifika s-suġġett u l-iskop taż-żjara, tistabbilixxi d-data meta din għandha tibda u tindika l-penali previsti fl-Artikolu 26 u 27 kif ukoll id-dritt li d-deċiżjoni tiġi riveduta mill-Qorti tal-Ġustizzja.
Artikolu 22
Miżuri interim
1.F’każ ta’ urġenza minħabba r-riskju ta’ dannu serju u irreparabbli għall-utenti kummerċjali jew għall-utenti finali tal-gwardjani, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ deċiżjoni adottata skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 32(4), tordna miżuri interim kontra gwardjan abbażi ta’ sejba prima facie ta’ ksur tal-Artikoli 5 jew 6.
2.Deċiżjoni skont il-paragrafu 1 tista’ tiġi adottata biss fil-kuntest ta’ proċedimenti miftuħa fid-dawl tal-adozzjoni possibbli ta’ deċiżjoni ta’ nonkonformità skont l-Artikolu 25(1). Din id-deċiżjoni għandha tapplika għal perjodu ta’ żmien speċifikat u tista’ tiġġedded sa fejn dan ikun meħtieġ u xieraq.
Artikolu 23
Impenji
1.Jekk waqt proċedimenti skont l-Artikoli 16 jew 25, il-gwardjan ikkonċernat joffri impenji għas-servizzi ewlenin tal-pjattaforma rilevanti biex jiżgura konformità mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 5 u 6, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ deċiżjoni adottata skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 32(4), tagħmel dawk l-impenji vinkolanti għal dak il-gwardjan u tiddikjara li mhemmx raġunijiet oħra għal azzjoni.
2.Il-Kummissjoni tista’, meta tintalab jew b’inizjattiva tagħha stess, tiftaħ mill-ġdid il-proċedimenti rilevanti b’deċiżjoni, meta:
(a)tkun saret bidla materjali f’xi wieħed mill-fatti li fuqhom tkun issejset id-deċiżjoni;
(b)il-gwardjan kkonċernat jaġixxi kontra l-impenji tiegħu;
(c)id-deċiżjoni kienet issejset fuq informazzjoni mhux kompluta, skorretta jew qarrieqa mogħtija mill-partijiet.
3.Jekk il-Kummissjoni jidhrilha li l-impenji magħmula mill-gwardjan ikkonċernat ma jistgħux jiżguraw konformità effettiva mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 5 u 6, din għandha tispjega r-raġunijiet għalfejn mhix se tagħmel dawk l-impenji vinkolanti, fid-deċiżjoni li tikkonkludi l-proċedimenti rilevanti.
Artikolu 24
Monitoraġġ ta’ obbligi u miżuri
1.Il-Kummissjoni tista’ tieħu l-azzjonijiet meħtieġa biex timmonitorja l-implimentazzjoni effettiva u l-konformità mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 5 u 6 u d-deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikoli 7, 16, 22 u 23.
2.L-azzjonijiet skont il-paragrafu 1 jistgħu jinkludu l-ħatra ta’ esperti u awdituri esterni indipendenti biex jassistu lill-Kummissjoni timmonitorja l-obbligi u l-miżuri u biex jipprovdu kompetenza jew għarfien speċifiku lill-Kummissjoni.
Artikolu 25
Nonkonformità
1.Il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni dwar in-nonkonformità skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 32(4) meta ssib li gwardjan ma jikkonformax ma’ waħda jew aktar minn dawn li ġejjin:
(a)kwalunkwe wieħed mill-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 5 jew 6;
(b)il-miżuri speċifikati f’deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 7(2);
(c)il-miżuri ordnati skont l-Artikolu 16(1);
(d)il-miżuri interim ordnati skont l-Artikolu 22; jew
(e)l-impenji magħmula vinkolanti legalment skont l-Artikolu 23.
2.Qabel ma tadotta d-deċiżjoni skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tikkomunika s-sejbiet preliminari tagħha lill-gwardjan ikkonċernat. Fis-sejbiet preliminari, il-Kummissjoni għandha tispjega l-miżuri li tqis li se tieħu jew li l-gwardjan għandu jieħu biex is-sejbiet preliminari jiġu indirizzati b’mod effettiv.
3.Fid-deċiżjoni dwar in-nonkonformità adottata skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tordna lill-gwardjan biex iwaqqaf in-nonkonformità fi żmien xieraq u biex jagħti spjegazzjonijiet dwar kif jippjana li jikkonforma mad-deċiżjoni.
4.Il-gwardjan għandu jagħti deskrizzjoni lill-Kummissjoni tal-miżuri li jkun ħa biex jiżgura l-konformità mad-deċiżjoni adottata skont il-paragrafu 1.
5.Meta l-Kummissjoni ssib li l-kundizzjonijiet tal-paragrafu 1 ma jkunux ġew issodisfati, din għandha tagħlaq l-investigazzjoni b’deċiżjoni.
Artikolu 26
Multi
1.Fid-deċiżjoni skont l-Artikolu 25, il-Kummissjoni tista’ timponi multi fuq gwardjan li ma jaqbżux l-10 % tal-fatturat totali tiegħu fis-sena finanzjarja preċedenti meta ssib li l-gwardjan, intenzjonalment jew b’negliġenza, jonqos milli jikkonforma ma’:
(a)kwalunkwe obbligu skont l-Artikoli 5 u 6;
(b)il-miżuri speċifikati mill-Kummissjoni skont deċiżjoni skont l-Artikolu 7(2);
(c)il-miżuri ordnati skont l-Artikolu 16(1);
(d)deċiżjoni li tordna miżuri interim skont l-Artikolu 22;
(e)impenn magħmul vinkolanti b’deċiżjoni skont l-Artikolu 23.
2.Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ deċiżjoni, timponi multi fuq impriżi u assoċjazzjonijiet ta’ impriżi li ma jaqbżux il-1 % tal-fatturat totali fis-sena finanzjarja preċedenti meta dawn intenzjonalment jew b’negliġenza:
(a)jonqsu milli jipprovdu informazzjoni fil-limitu ta’ żmien li hija meħtieġa għall-valutazzjoni tad-deżinjazzjoni tagħhom bħala gwardjani skont l-Artikolu 3(2) jew jipprovdu informazzjoni skorretta, mhux kompluta jew qarrieqa;
(b)jonqsu milli jinnotifikaw informazzjoni li hija meħtieġa skont l-Artikolu 12 jew jipprovdi informazzjoni skorretta, mhux kompluta jew qarrieqa;
(c)jonqsu milli jagħtu d-deskrizzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 13;
(d)l-informazzjoni jew l-spjegazzjonijiet meħtieġa skont l-Artikolu 19 jew l-Artikolu 20 jagħtuhom b’mod skorrett, mhux komplet jew qarrieq;
(e)jonqsu milli jipprovdu aċċess għall-bażijiet tad-data u l-algoritmi skont l-Artikolu 19;
(f)jonqsu milli jirrettifikaw f’limitu ta’ żmien stabbilit mill-Kummissjoni, informazzjoni skorretta, mhux kompluta jew qarrieqa mogħtija minn membru tal-persunal, jew jonqsu milli, jew jirrifjutaw li, jipprovdu informazzjoni kompluta dwar fatti relatati mas-suġġett u l-għan ta’ spezzjoni skont l-Artikolu 21;
(g)jirrifjutaw li jissottomettu ruħhom għal spezzjoni fuq il-post skont l-Artikolu 21.
3.Fl-iffissar tal-ammont tal-multa, għandhom jitqiesu l-gravità, it-tul ta’ żmien, ir-rikorrenza u, għall-multi imposti skont il-paragrafu 2, id-dewmien ikkawżat fil-proċedimenti.
4.Meta tiġi imposta multa fuq assoċjazzjoni ta’ impriżi li tqis il-fatturat tal-membri tagħha u l-assoċjazzjoni ma tkunx solventi, l-assoċjazzjoni għandha tkun obbligata titlob kontribuzzjonijiet mingħand il-membri tagħha biex tkopri l-ammont tal-multa.
Meta dawn il-kontribuzzjonijiet ma jkunux saru lill-assoċjazzjoni f’limitu ta’ żmien stabbilit mill-Kummissjoni, il-Kummissjoni tista’ titlob il-pagament tal-multa direttament mingħand kwalunkwe impriża li r-rappreżentanti tagħha kienu membri tal-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet ikkonċernati tal-assoċjazzjoni.
Wara li tkun talbet il-pagament skont it-tieni subparagrafu, il-Kummissjoni tista’ titlob il-pagament tal-bilanċ minn xi wieħed mill-membri tal-assoċjazzjoni li kienu attivi fis-suq fejn seħħ il-ksur, meta meħtieġ, biex tiżgura l-pagament kollu tal-multa.
Iżda l-Kummissjoni ma għandhiex titlob pagament skont it-tieni jew it-tielet subparagrafu mingħand impriżi li juru li ma implimentawx id-deċiżjoni tal-ksur tal-assoċjazzjoni, u ma kinux konxji mill-eżistenza tagħha jew iddistanzjaw ruħhom b’mod attiv minnha qabel ma l-Kummissjoni bdiet tinvestiga l-każ.
Ir-responsabbiltà finanzjarja ta’ kull impriża fir-rigward tal-pagament tal-multa ma għandhiex taqbeż l-10 % tal-fatturat totali tagħha fis-sena finanzjarja preċedenti.
Artikolu 27
Pagamenti perjodiċi ta’ penali
1.Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ deċiżjoni, timponi pagamenti perjodiċi ta’ penali fuq impriżi, inkluż fuq gwardjani meta applikabbli, għal kull jum li ma jaqbżux il-5 % tal-fatturat medju ta’ kuljum fis-sena finanzjarja preċedenti, ikkalkulati mid-data stabbilita minn dik id-deċiżjoni, biex iġġegħelhom:
(a)jikkonformaw mad-deċiżjoni skont l-Artikolu 16(1);
(b)jipprovdu informazzjoni korretta u kompluta fil-limitu ta’ żmien mitlub f’talba għal informazzjoni magħmula permezz ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 19;
(c)jiżguraw l-aċċess għall-bażijiet tad-data u l-algoritmi tal-impriżi u jagħtu spjegazzjonijiet dwarhom kif teżiġi deċiżjoni skont l-Artikolu 19;
(d)jissottomettu ruħhom għal spezzjoni fuq il-post ordnata b’deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 21;
(e)jikkonformaw ma’ deċiżjoni li tordna miżuri interim meħuda skont l-Artikolu 22(1);
(f)jikkonformaw mal-impenji magħmula vinkolanti legalment b’deċiżjoni skont l-Artikolu 23(1);
(g)jikkonformaw ma’ deċiżjoni skont l-Artikolu 25(1);
2.Meta l-impriżi jkunu ssodisfaw l-obbligu li l-pagament perjodiku ta’ penali kien maħsub jinforza, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ deċiżjoni adottata skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 32(4), tistabbilixxi l-ammont definittiv tal-pagament perjodiku ta’ penali f’ċifra aktar baxxa minn dik li tirriżulta mid-deċiżjoni oriġinali.
Artikolu 28
Perjodi ta’ preskrizzjoni għall-impożizzjoni ta’ penali
1.Is-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni mill-Artikoli 26 u 27 għandhom ikunu soġġetti għal perjodu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin.
2.Iż-żmien għandu jibda jiddekorri mill-jum meta jitwettaq il-ksur. Iżda fil-każ ta’ ksur kontinwu u ripetut, iż-żmien għandu jibda jiddekorri mill-jum meta jieqaf il-ksur.
3.Kwalunkwe azzjoni meħuda mill-Kummissjoni għall-fini ta’ investigazzjoni jew proċedimenti fir-rigward ta’ ksur għandha tinterrompi l-perjodu ta’ preskrizzjoni għall-impożizzjoni ta’ multi jew ta’ pagamenti perjodiċi ta’ penali. Il-perjodu ta’ preskrizzjoni għandu jiġi interrott b’effett mid-data meta l-azzjoni tiġi notifikata lil mill-inqas waħda mill-impriżi jew mill-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi li tkun ipparteċipat fil-ksur. L-azzjonijiet li jinterrompu d-dekorrenza tal-perjodu għandhom jinkludu b’mod partikolari dan li ġej:
(a)talbiet għal informazzjoni mill-Kummissjoni;
(b)spezzjoni fuq il-post;
(c)il-ftuħ ta’ proċediment mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 18.
4.Kull interruzzjoni għandha tibda d-dekorrenza taż-żmien mill-ġdid. Iżda l-perjodu ta’ preskrizzjoni għandu jiskadi sal-jum meta jkun għadda perjodu daqs id-doppju tal-perjodu ta’ preskrizzjoni mingħajr ma l-Kummissjoni tkun imponiet multa jew pagament perjodiku ta’ penali. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż biż-żmien li matulu l-preskrizzjoni tkun ġiet sospiża skont il-paragrafu 5.
5.Il-perjodu ta’ preskrizzjoni għall-impożizzjoni ta’ multi jew ta’ pagamenti perjodiċi ta’ penali għandu jiġi sospiż sakemm id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun is-suġġett ta’ proċedimenti pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 29
Perjodi ta’ preskrizzjoni għall-infurzar ta’ penali
1.Is-setgħa tal-Kummissjoni li tinforza deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikoli 26 u 27 għandha tkun soġġetta għal perjodu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin.
2.Iż-żmien għandu jibda jiddekorri fil-jum meta d-deċiżjoni ssir finali.
3.Il-perjodu ta’ preskrizzjoni għall-infurzar ta’ penali għandu jiġi interrott:
(a)b’notifika ta’ deċiżjoni li tvarja l-ammont oriġinali tal-multa jew tal-pagament perjodiku ta’ penali jew li tirrifjuta applikazzjoni għall-varjazzjoni;
(b)bi kwalunkwe azzjoni tal-Kummissjoni jew ta’ Stat Membru, li jaġixxi skont talba tal-Kummissjoni, maħsuba biex tinforza l-pagament tal-multa jew tal-pagament perjodiku ta’ penali.
4.Kull interruzzjoni għandha tibda d-dekorrenza taż-żmien mill-ġdid.
5.Il-perjodu ta’ preskrizzjoni għall-infurzar ta’ penali għandu jiġi sospiż sakemm:
(a)jingħata l-ħin għall-pagament;
(b)l-infurzar tal-pagament ikun sospiż skont deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.
Artikolu 30
Dritt ta’ smigħ u ta’ aċċess għall-fajl
1.Qabel ma tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 7, l-Artikolu 8(1), l-Artikolu 9(1), l-Artikoli 15, 16, 22, 23, 25 u 26, u l-Artikolu 27(2), il-Kummissjoni għandha tagħti l-opportunità ta’ smigħ lill-gwardjan jew lill-impriża jew lill-assoċjazzjoni ta’ impriżi kkonċernati, dwar:
(a)sejbiet preliminari tal-Kummissjoni, inkluż dwar xi kwistjoni li l-Kummissjoni tkun oġġezzjonat għaliha;
(b)miżuri li l-Kummissjoni jaf ikun beħsiebha tieħu fid-dawl tas-sejbiet preliminari skont il-punt (a) ta’ dan il-paragrafu.
2.Il-gwardjani, l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi kkonċernati jistgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom għas-sejbiet preliminari tal-Kummissjoni f’limitu ta’ żmien li trid tistabbilixxi l-Kummissjoni fis-sejbiet preliminari tagħha u li ma jistax ikun inqas minn 14-il jum.
3.Il-Kummissjoni għandha tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha biss fuq oġġezzjonijiet li dwarhom setgħu jikkummentaw il-gwardjani, l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi kkonċernati.
4.Id-drittijiet ta’ difiża tal-gwardjan jew tal-impriża jew tal-assoċjazzjoni ta’ impriżi kkonċernati għandhom jiġu rrispettati bis-sħiħ fi kwalunkwe proċediment. Il-gwardjan jew l-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ impriżi kkonċernati għandhom ikunu intitolati għal aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni skont it-termini ta’ divulgazzjoni negozjata, soġġett għall-interess leġittimu tal-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom. Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl ma għandux jiġi estiż għal informazzjoni kunfidenzjali u dokumenti interni tal-Kummissjoni jew tal-awtoritajiet tal-Istati Membri. B’mod partikolari, id-dritt ta’ aċċess ma għandux jiġi estiż għal korrispondenza bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-Istati Membri. Xejn f’dan il-paragrafu ma għandu jipprevjeni lill-Kummissjoni milli tikxef u tuża l-informazzjoni meħtieġa biex tipprova xi ksur.
Artikolu 31
Segretezza professjonali
1.L-informazzjoni miġbura skont l-Artikoli 3, 12, 13, 19, 20 u 21 għandha tintuża biss għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.
2.Mingħajr preġudizzju għall-iskambju u l-użu ta’ informazzjoni mogħtija għall-fini tal-użu skont l-Artikoli 32 u 33, il-Kummissjoni, l-awtoritajiet tal-Istati Membri, l-uffiċjali u l-aġenti tagħhom u persuni oħra li jaħdmu bis-superviżjoni ta’ dawn l-awtoritajiet u kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, inkluż l-awdituri u l-esperti maħtura skont l-Artikolu 24(2), ma għandhomx jiżvelaw informazzjoni miksuba jew skambjata minnhom skont dan ir-Regolament u tat-tip kopert mill-obbligu tas-segretezza professjonali. Dan l-obbligu għandu japplika wkoll għar-rappreżentanti u l-esperti kollha tal-Istati Membri li jipparteċipaw f’xi waħda mill-attivitajiet tal-Kumitat Konsultattiv għas-Swieq Diġitali skont l-Artikolu 32.
Artikolu 32
Kumitat Konsultattiv għas-Swieq Diġitali
1.Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat Konsultattiv għas-Swieq Diġitali. Dak il-Kumitat għandu jkun Kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2.Meta jkun meħtieġ li l-opinjoni tal-Kumitat tinkiseb bi proċedura bil-miktub, dik il-proċedura għandha tintemm mingħajr riżultat meta, fil-limitu ta’ żmien għall-ħruġ tal-opinjoni, il-President tal-Kumitat jiddeċiedi hekk, jew maġġoranza sempliċi tal-membri tal-Kumitat titlob hekk.
3.Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv għas-Swieq Diġitali lid-destinatarju ta’ deċiżjoni individwali, flimkien ma’ dik id-deċiżjoni. Għandha tippubblika l-opinjoni flimkien mad-deċiżjoni individwali, filwaqt li tqis l-interess leġittimu fil-protezzjoni tas-segretezza professjonali.
4.Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Artikolu 33
Talba għal investigazzjoni tas-suq
1.Meta tliet Stati Membri jew aktar jitolbu lill-Kummissjoni biex tiftaħ investigazzjoni skont l-Artikolu 15 għax ikun jidhrilhom li hemm raġunijiet raġonevoli biex jissuspettaw li fornitur ta’ servizzi ewlenin tal-pjattaforma għandu jiġi ddeżinjat bħala gwardjan, il-Kummissjoni għandha teżamina fi żmien erba’ xhur jekk hemmx raġunijiet raġonevoli biex tiftaħ din l-investigazzjoni.
2.L-Istati Membri għandhom jippreżentaw evidenza li ssostni t-talba tagħhom.
Kapitolu VI
Dispożizzjonijiet ġenerali
Artikolu 34
Pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet
1.Il-Kummissjoni għandha tippubblika d-deċiżjonijiet li tieħu skont l-Artikoli 3, 7, 8, 9, 15, 16, 17, 22, 23(1), 25, 26 u 27. Din il-pubblikazzjoni għandha tiddikjara l-ismijiet tal-partijiet u l-kontenut ewlieni tad-deċiżjoni, inkluż kull penali impost.
2.Il-pubblikazzjoni għandha tqis l-interess leġittimu tal-gwardjani jew ta’ partijiet terzi fil-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali tagħhom.
Artikolu 35
Reviżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea
F’konformità mal-Artikolu 261 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha ġurisdizzjoni bla limiti biex tirrevedi deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-Kummissjoni tkun imponiet multi jew pagamenti perjodiċi ta’ penali. Din tista’ tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-pagament perjodiku ta’ penali imposti.
Artikolu 36
Dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni
1.Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jikkonċernaw: 3, 6, 12, 13, 15, 16, 17, 20, 22, 23, 25 u 30
(a)il-forma, il-kontenut u dettalji oħra tan-notifiki u s-sottomissjonijiet skont l-Artikolu 3;
(b)il-forma, il-kontenut u dettalji oħra tal-miżuri tekniċi li l-gwardjani għandhom jimplimentaw biex jiżguraw il-konformità mal-punti (h), (i) u (j) tal-Artikolu 6(1);
(c)il-forma, il-kontenut u dettalji oħra tan-notifiki u s-sottomissjonijiet skont l-Artikoli 12 u 13;
(d)l-arranġamenti prattiċi għall-estensjoni tal-iskadenzi kif previst fl-Artikolu 16;
(e)l-arranġamenti prattiċi tal-proċedimenti li jikkonċernaw l-investigazzjonijiet skont l-Artikoli 15, 16 u 17, u l-proċedimenti skont l-Artikoli 22, 23 u 25;
(f)l-arranġamenti prattiċi għall-eżerċitar tad-dritt ta’ smigħ previst fl-Artikolu 30;
(g)l-arranġamenti prattiċi għad-divulgazzjoni negozjata tal-informazzjoni prevista fl-Artikolu 30;
2.l-arranġamenti prattiċi għall-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri previsti fl-Artikolu 1(7). Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 32(4). Qabel l-adozzjoni ta’ xi miżura skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tippubblika abbozz tagħha u tistieden lill-partijiet ikkonċernati kollha biex jissottomettu l-kummenti tagħhom fiż-żmien stipulat, li ma jistax ikun inqas minn xahar.
Artikolu 37
Eżerċizzju tad-delega
1.Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hi mogħtija lill-Kummissjoni soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
2.Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikoli 3(6) u 9(1) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin minn JJ/XX/SSSS. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa sa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel jintemm il-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża b’mod taċitu għal perjodi ta’ żmien identiċi, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma joġġezzjonawx għal din l-estensjoni sa tliet xhur qabel jintemm kull perjodu.
3.Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 3(6) u 9(1) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.
4.Qabel tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-esperti ddeżinjati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.
5.Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
6.Att delegat adottat skont l-Artikoli 3(6) u 9(1) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun saret l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn informaw lill-Kummissjoni li mhux se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Artikolu 38
Reviżjoni
1.Sal-JJ/XX/SSSS, u sussegwentement kull tliet snin, il-Kummissjoni għandha tevalwa dan ir-Regolament u tirrapporta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.
2.L-evalwazzjonijiet għandhom jistabbilixxu jekk hemmx bżonn regoli addizzjonali, inkluż rigward il-lista tas-servizzi ewlenin tal-pjattaforma stabbilita fl-Artikolu 2(2), l-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 5 u 6 u l-infurzar tagħhom, biex jiġi żgurat li s-swieq diġitali madwar l-Unjoni jkunu kontestabbli u ġusti. Wara l-evalwazzjonijiet, il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri xierqa li jistgħu jinkludu proposti leġiżlattivi.
3.L-Istati Membri għandhom jipprovdu kull informazzjoni rilevanti li jkollhom u li l-Kummissjoni jaf ikollha bżonn biex tfassal ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1.
Artikolu 39
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
1.Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
2.Dan ir-Regolament għandu japplika wara sitt xhur mid-dħul fis-seħħ.
Iżda l-Artikoli 3, 15, 18, 19, 20, 21, 26, 27, 30, 31 u 34 għandhom japplikaw minn [data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament].
3.Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President
DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA
1.QAFAS TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA
1.1.Titolu tal-proposta/inizjattiva
1.2.Qasam/oqsma ta’ politika kkonċernat(i) fl-istruttura ABM/ABB
1.3.Natura tal-proposta/inizjattiva
1.4.Objettiv(i)
1.5.Raġunijiet għall-proposta/inizjattiva
1.6.Durata u impatt finanzjarju
1.7.Mod(i) ta’ ġestjoni previsti
2.MIŻURI TA’ ĠESTJONI
2.1.Regoli ta’ monitoraġġ u ta’ rappurtar
2.2.Sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll
2.3.Miżuri għall-prevenzjoni ta’ frodi u ta’ irregolaritajiet
3.IMPATT FINANZJARJU STMAT TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA
3.1.Intestatura/i tal-qafas finanzjarju pluriennali u l-linja/i baġitarja/i tan-nefqa affettwata/i
3.2.Impatt stmat fuq in-nefqa
3.2.1.Sommarju tal-impatt stmat fuq in-nefqa
3.2.2.Impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet operazzjonali
3.2.3.Impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva
3.2.4.Kompatibbiltà mal-qafas finanzjarju pluriennali attwali
3.2.5.Kontribuzzjonijiet minn partijiet terzi
3.3.Impatt stmat fuq id-dħul
DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA
1.QAFAS TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA
1.1.Titolu tal-proposta/tal-inizjattiva
Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Att dwar is-Swieq Diġitali
1.2.Qasam/oqsma ta’ politika kkonċernat(i) fl-istruttura ABM/ABB
Qasam ta’ politika:
is-Suq Uniku
Ewropa Diġitali
L-impatt baġitarju jikkonċerna l-kompiti l-ġodda fdati lill-Kummissjoni, inkluż il-kompiti superviżorji diretti.
1.3.Natura tal-proposta/tal-inizjattiva
☑ Il-proposta/l-inizjattiva hija relatata ma’ azzjoni ġdida
◻ Il-proposta/l-inizjattiva hija relatata ma’ azzjoni ġdida li ssegwi proġett pilota/azzjoni preparatorja
◻ Il-proposta/l-inizjattiva hija relatata mal-estensjoni ta’ azzjoni eżistenti
◻ Il-proposta/l-inizjattiva tirrigwarda azzjoni diretta mill-ġdid lejn azzjoni ġdida
1.4.Objettiv(i)
1.4.1.L-objettiv(i) strateġiku/strateġiċi pluriennali tal-Kummissjoni fil-mira tal-proposta/tal-inizjattiva
L-objettiv ġenerali ta’ din l-inizjattiva hu li tiżgura l-funzjonament xieraq tas-suq intern billi tippromwovi kompetizzjoni effettiva fis-swieq diġitali, b’mod partikolari ambjent kompetittiv u ġust għall-pjattaformi online. Dan l-objettiv jikkontribwixxi għall-perkors strateġiku stabbilit fil-Komunikazzjoni “Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa”.
1.4.2.Objettiv(i) speċifiku/speċifiċi u l-attività/attivitajiet ABM/ABB ikkonċernata/i
Li jiġu indirizzati n-nuqqasijiet tas-suq biex jiġu żgurati swieq diġitali kompetittivi u kontestabbli għal aktar innovazzjoni u għażla tal-konsumatur.
Li tiġi indirizzata l-imġiba inġusta tal-gwardjani.
Li jittejbu l-koerenza u ċ-ċertezza legali għall-preservazzjoni tas-suq intern.
1.4.3.Riżultat(i) u impatt mistenni/mistennija
Speċifika l-effetti li għandu jkollha l-proposta/inizjattiva fuq il-benefiċjarji/gruppi fil-mira.
L-interventi mmirati biex iżidu l-kontestabbiltà tas-settur diġitali jipprovdu kontribut sinifikanti pożittiv u dejjem akbar biex jinkisbu l-benefiċċji potenzjali kollha ta’ Suq Uniku Diġitali, u biex dawn iwasslu wkoll għal prezzijiet orħos u għażla akbar għall-konsumatur, titjib fil-produttività u innovazzjoni.
It-titjib fl-effiċjenza mis-Suq Uniku Diġitali, jikkontribwixxi għal żieda ta’ 1,5 % fil-PDG fis-sena sal-2030 u joħloq bejn 1 u 1,4 miljun impjieg. B’mod partikolari, l-impatt ta’ Suq Uniku Diġitali aktar effiċjenti jvarja minn bidliet ta’ 0,44 sa 0,82 % fil-PDG u minn 307 sa 561 elf FTE addizzjonali.
L-indirizzar tal-prattiki kummerċjali inġusti tal-gwardjani jħalli impatt pożittiv fuq l-ekonomija tal-pjattaformi online inġenerali. Il-miżuri previsti jillimitaw l-effetti dissważivi li l-imġiba inġusta jkollha fuq il-bejgħ. In-negozji, speċjalment dawk iżgħar, ikunu aktar kunfidenti li jinvolvu ruħhom mal-gwardjani jekk dawn tal-aħħar ikunu obbligati jikkonformaw ma’ regoli ċari ta’ ġustizzja.
Hu mistenni li azzjoni regolatorja ma twassalx biss għal aktar bejgħ bi pjattaformi iżgħar iżda se tħalli impatt pożittiv ukoll fuq it-tkabbir tas-suq. Din issaħħaħ il-fiduċja fl-ambjent kummerċjali tal-pjattaformi għax tipprevedi qafas adattabbli, imsejjes fuq sett ċar ta’ obbligi u fuq lista flessibbli ta’ obbligi soġġetti għal valutazzjoni tal-applikabbiltà tal-imġiba għall-każ speċifiku.
Il-benefiċċji mistennija jwasslu biex jikber il-potenzjal tal-innovazzjoni fost in-negozji ż-żgħar u titjieb il-kwalità tas-servizz, b’żidiet assoċjati fil-benesseri tal-konsumatur. Jekk wieħed jassumi li l-interventi previsti jnaqqsu l-assimetriji kompetittivi bejn il-gwardjani u pjattaformi oħra, jista’ jiġi stmat bilanċ pożittiv għall-konsumatur ta’ EUR 13-il biljun, jiġifieri żieda ta’ madwar 6 % meta mqabbla mal-linja bażi.
1.4.4.Indikaturi tar-riżultati u tal-impatt
Speċifika l-indikaturi għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-proposta/inizjattiva.
Objettiv speċifiku
|
Objettivi operazzjonali
|
Indikaturi potenzjali tal-kejl
|
Intejbu l-koerenza u ċ-ċertezza legali fl-ambjent tal-pjattaformi online fis-suq intern
|
Nillimitaw l-interventi regolatorji nazzjonali diverġenti
Niżguraw interpretazzjoni koerenti tal-obbligi
|
L-għadd ta’ interventi regolatorji fil-livell nazzjonali
L-għadd ta’ talbiet għal kjarifika fis-sena
|
Nindirizzaw l-imġiba inġusta tal-pjattaformi tal-gwardjani
|
Nipprevjenu l-prattiki inġusti ta’ awtopreferenzjar identifikati
|
L-għadd ta’ interventi ta’ konformità mill-Kummissjoni għal kull pjattaforma ta’ gwardjan/fis-sena
L-għadd ta’ deċiżjonijiet ta’ sanzjonijiet għal kull pjattaforma ta’ gwardjan/fis-sena
|
Nindirizzaw in-nuqqasijiet tas-suq biex niżguraw swieq diġitali kompetittivi u kontestabbli għal aktar innovazzjoni u għażla għall-konsumatur
|
Nipprevjenu l-prattiki inġusti fejn jidħol l-aċċess għal servizzi u pjattaformi tal-pjattaformi tal-gwardjani
Nipprevjenu l-prattiki inġusti relatati mad-data u niżguraw il-konformità mal-obbligi
|
Is-sehem ta’ utenti li jwettqu multi-homing ma’ pjattaformi jew servizzi differenti
Is-sehem ta’ utenti li jaqilbu bejn pjattaformi u servizzi differenti
|
1.5.Raġunijiet għall-proposta/għall-inizjattiva
1.5.1.Rekwiżit(i) li għandu/għandhom jiġi/u ssodisfat(i) fi żmien qasir jew fit-tul
Ir-Regolament għandu jkun applikabbli direttament wara sitt xhur mill-adozzjoni tiegħu, u sa dak iż-żmien il-governanza tal-UE għandha tippermetti li jkun hemm proċeduri effettivi fis-seħħ għad-deżinjazzjoni tas-servizzi ewlenin tal-pjattaforma u għall-infurzar tar-regoli. Għalhekk, sa dakinhar, il-Kummissjoni se tingħata s-setgħa li tadotta deċiżjonijiet li jikkonċernaw id-deżinjazzjoni tal-gwardjani, li jispeċifikaw il-miżuri li l-gwardjan ikkonċernat għandu jimplimenta, twettaq investigazzjonijiet tas-suq, u tkun lesta biex teżerċita kwalunkwe setgħa oħra ta’ investigazzjoni, infurzar u monitoraġġ.
Fl-istess ħin, l-Istati Membri għandhom ikunu ħatru rappreżentanti għall-Kumitat Konsultattiv għas-Swieq Diġitali.
1.5.2.Valur miżjud tal-involviment tal-UE
Għall-finijiet ta’ dan il-punt, “valur miżjud tal-involviment tal-Unjoni” hu l-valur li jirriżulta mill-intervent tal-Unjoni li hu addizzjonali għall-valur li inkella kien jinħoloq mill-Istati Membri weħidhom.
Raġunijiet għal azzjoni fil-livell Ewropew (ex ante):
Biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq uniku, l-intervent jipprevedi, fost l-oħrajn, il-qafas regolatorju xieraq għal servizzi ewlenin tal-pjattaforma li jaġixxu bħala gwardjani. Dan jippromwovi kompetizzjoni effettiva fis-swieq diġitali u b’mod partikolari ambjent kontestabbli u ġust tal-pjattaformi online, u għalhekk jappoġġa l-fiduċja, l-innovazzjoni u t-tkabbir fis-suq uniku.
Hemm frammentazzjoni emerġenti tax-xenarju regolatorju u tas-sorveljanza fl-Unjoni għax li l-Istati Membri jindirizzaw il-problemi relatati mal-pjattaformi fil-livell nazzjonali. Dan hu subottimali fid-dawl tan-natura transfruntiera tal-ekonomija tal-pjattaformi u l-importanza sistemika tal-pjattaformi tal-gwardjani għas-suq intern. Frammentazzjoni diverġenti tista’ toħloq inċertezza legali u piżijiet regolatorji akbar għall-parteċipanti fl-ekonomija tal-pjattaformi. Din il-frammentazzjoni tpoġġi f’riskju t-tkabbir ta’ negozji ġodda u ta’ negozji żgħar, u l-abbbiltà tagħhom li jirnexxu fis-swieq diġitali.
Għalhekk, din l-inizjattiva għandha l-għan li ttejjeb is-sorveljanza u l-infurzar koerenti u effettivi tal-miżuri kontra s-servizzi ewlenin tal-pjattaforma.
Valur miżjud iġġenerat tal-Unjoni mistenni (ex post):
Din l-inizjattiva mistennija twassal biex jikber il-potenzjal tal-innovazzjoni fost in-negozji żgħar u titjieb il-kwalità tas-servizz. Billi tippreserva s-suq intern fil-kummerċ transfruntier fuq l-ispazju tal-pjattaformi, din twassal għal gwadann ta’ EUR 92,8 biljun sal-2025.
Rigward il-valur miżjud fl-infurzar tal-miżuri, l-inizjattiva toħloq titjib kbir fl-effiċjenza. Jekk wieħed jassumi li l-interventi previsti jnaqqsu l-assimetriji kompetittivi bejn il-gwardjani u pjattaformi oħra, jista’ jiġi stmat bilanċ pożittiv għall-konsumatur ta’ EUR 13-il biljun.
1.5.3.Tagħlimiet minn esperjenzi simili fl-imgħoddi
Id-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku 2000/31/KE tipprovdi l-qafas ewlieni għall-funzjonament tas-suq uniku u għas-superviżjoni tas-servizzi diġitali, u tistabbilixxi struttura bażika għal mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni ġenerali bejn l-Istati Membri, u fil-prinċipju tkopri r-rekwiżiti kollha applikabbli għas-servizzi diġitali. L-evalwazzjoni tad-Direttiva indikat nuqqasijiet f’diversi aspetti ta’ dan il-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni, inkluż aspetti proċedurali importanti bħan-nuqqas ta’ perjodi ta’ żmien ċari għal rispons mill-Istati Membri flimkien ma’ nuqqas ġenerali ta’ rispons għal talbiet mill-kontropartijiet tagħhom.
Fil-livell nazzjonali, xi Stati Membri diġà bdew jadottaw regoli nazzjonali bħala rispons għall-problemi assoċjati mal-imġiba tal-gwardjani fis-settur diġitali. Il-frammentazzjoni diġà teżisti fir-rigward tar-regolamentazzjoni speċifika għall-pjattaformi, bħal pereżempju fil-każijiet tal-obbligi ta’ trasparenza u tal-klawżoli MFN. Il-frammentazzjoni diverġenti toħloq inċertezza legali u piżijiet regolatorji akbar għal dawk l-atturi. Għalhekk, hemm bżonn tittieħed azzjoni fil-livell tal-UE.
1.5.4.Kompatibbiltà u sinerġija possibbli ma’ strumenti xierqa oħrajn
Din l-inizjattiva tingrana r-regolamentazzjoni tal-pjattaformi eżistenti, mingħajr ma tmur kontriha, u tipprevedi mekkaniżmu ta’ infurzar effettiv u proporzjonat li jaqbel mal-ħtieġa li jiġu infurzati strettament l-obbligi mmirati fil-konfront ta’ għadd limitat ta’ fornituri tal-pjattaforma transfruntieri li jservu bħala gateways importanti għall-utenti kummerċjali biex jilħqu lill-konsumaturi.
Filwaqt li hi differenti mir-Regolament P2B, din tipprevedi infurzar fil-livell tal-UE ta’ sett ristrett ta’ prattiki inġusti preċiżi ħafna użati minn grupp limitat ta’ gwardjani transfruntieri kbar. Dan il-mekkaniżmu ta’ infurzar fil-livell tal-UE hu konsistenti mal-infurzar tar-Regolament P2B. Il-gwardjani jintegraw diversi servizzi ewlenin tal-pjattaforma transfruntieri, u hemm bżonn regolatur ċentrali fil-livell tal-UE b’setgħat investigattivi qawwija biex jiġu evitati riżultati frammentati u tiġi evitata ċ-ċirkomvenzjoni tar-regoli l-ġodda. Għal dan il-għan, ir-regolatur ġdid fil-livell tal-UE jista’ jingrana t-trasparenza li kull servizz ta’ intermedjazzjoni online u kull magna tat-tiftix online iridu jipprovdu skont ir-Regolament P2B dwar prattiki li jistgħu jkunu preċiżament illegali skont il-lista tal-obbligi – jekk jintużaw mill-gwardjani.
L-Att dwar is-Servizzi Diġitali (“DSA”) jikkumplimenta l-proposta għall-aġġornament tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku (“ECD”) skont id-DSA. Filwaqt li d-DSA hu inizjattiva orizzontali li tiffoka fuq kwistjonijiet bħar-responsabbiltà tal-intermedjarji online għal kontenut ta’ partijiet terzi, is-sikurezza tal-utenti online jew obbligi asimmetriċi ta’ diliġenza dovuta għal fornituri differenti tas-servizzi ta’ soċjetà tal-informazzjoni skont in-natura tar-riskji soċjetali li dawn is-servizzi jirrappreżentaw, din l-inizjattiva tikkonċerna l-iżbilanċi ekonomiċi, il-prattiki kummerċjali inġusti tal-gwardjani u l-konsegwenzi negattivi tagħhom, bħal pereżempju t-tnaqqis fil-kontestabbiltà tas-swieq tal-pjattaformi. Sakemm id-DSA jikkontempla approċċ asimmettriku li jista’ jimponi obbligi ta’ diliġenza dovuta aktar b’saħħithom fuq il-pjattaformi kbar ħafna, il-konsistenza se tiġi żgurata fid-definizzjoni tal-kriterji rilevanti, filwaqt li jitqiesu l-objettivi differenti tal-inizjattivi.
1.6.Durata u impatt finanzjarju
◻ Proposta/inizjattiva għal żmien limitat
–◻
Proposta/inizjattiva b’effett minn [JJ/XX]SSSS sa [JJ/XX]SSSS
–◻
Impatt finanzjarju minn SSSS sa SSSS
☑ Proposta/inizjattiva għal żmien illimitat
–Implimentazzjoni b’perjodu ta’ tnedija mill-2022 sal-2025,
–segwita b’operazzjoni fuq skala sħiħa.
1.7.Mod(i) ta’ ġestjoni ppjanat(i)
☑ Ġestjoni diretta mill-Kummissjoni
–☑ mid-dipartimenti tagħha, inkluż mill-persunal tagħha fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni;
–◻
mill-aġenziji eżekuttivi
◻ Ġestjoni kondiviża mal-Istati Membri
◻ Ġestjoni indiretta billi jiġu fdati kompiti ta’ implimentazzjoni baġitarja:
–◻ lill-pajjiżi terzi jew lill-korpi nominati minnhom;
–◻ lill-organizzazzjonijiet internazzjonali u lill-aġenziji tagħhom (iridu jiġu speċifikati);
–◻ lill-BEI u lill-Fond Ewropew tal-Investiment;
–◻ lill-korpi msemmija fl-Artikoli 208 u 209 tar-Regolament Finanzjarju;
–◻ lill-korpi tal-liġi pubblika;
–◻ lill-korpi rregolati mil-liġi privata b’missjoni ta’ servizz pubbliku sakemm dawn jipprovdu garanziji finanzjarji adegwati;
–◻ lill-korpi rregolati mil-liġi privata ta’ Stat Membru li jkunu fdati bl-implimentazzjoni ta’ sħubija pubblika-privata u li jipprovdu garanziji finanzjarji adegwati;
–◻ lill-persuni fdati bl-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet speċifiċi fil-PESK skont it-Titolu V tat-TUE, u identifikati fl-att bażiku rilevanti.
–Jekk jiġi indikat iżjed minn mod ta’ ġestjoni wieħed, ipprovdi d-dettalji fit-taqsima “Kummenti”.
Kummenti
2.MIŻURI TA’ ĠESTJONI
2.1.Regoli ta’ monitoraġġ u ta’ rappurtar
Speċifika l-frekwenza u l-kundizzjonijiet.
Ir-Regolament se jiġi rivedut u evalwat kull tliet snin. Barra minn hekk il-Kummissjoni, fl-evalwazzjoni kontinwa tagħha tal-effettività u l-effiċjenza tal-miżuri, inkluż is-superviżjoni u l-analiżi ta’ kwistjonijiet emerġenti, se twettaq diversi azzjonijiet ta’ monitoraġġ fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-miżuri. B’mod partikolari, tista’ tkun meħtieġa reviżjoni meta jiġi ddeterminat li hemm bżonn regoli addizzjonali, inkluż rigward l-infurzar, biex jiġi żgurat li s-swieq diġitali madwar l-UE jkunu kontestabbli u ġusti.
Il-Kummissjoni trid tippreżenta rapport dwar is-sejbiet lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.
2.2.Sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll
2.2.1.Riskju/i identifikat(i)
Rigward l-implimentazzjoni tar-Regolament jistgħu jiġu identifikati dawn ir-riskji ewlenin:
Riskji għall-effettività tar-Regolament, minħabba inċertezzi legali relatati ma’ ċerti aspetti ewlenin tal-obbligi; u
Riskji għall-effettività tar-Regolament, possibbilment minħabba bidliet materjali fil-fatti.
Rigward l-infiq jistgħu jiġu identifikati dawn ir-riskji ewlenin:
Riskju ta’ kwalità fqira tal-esperti settorjali magħżula u implimentazzjoni teknika fqira, li jnaqqsu l-impatt tal-monitoraġġ minħabba proċeduri tal-għażla inadegwati, nuqqas ta’ għarfien espert jew monitoraġġ insuffiċjenti; u
Riskju ta’ użu ineffiċjenti u ineffettiv tal-fondi mogħtija għall-akkwist (xi drabi għadd limitat ta’ fornituri ekonomiċi jagħmluha diffiċli li jitqabblu l-prezzijiet).
Riskju fir-rigward tal-ġestjoni tal-proġetti tal-IT b’mod partikolari f’termini ta’ dewmien, kostijiet u riskji akbar milli ppjanati, u governanza inġenerali.
2.2.2.Informazzjoni dwar l-istabbiliment ta’ sistema tal-kontroll intern
Rigward l-implimentazzjoni tar-Regolament, hi prevista din is-sistema tal-kontroll intern:
Jaf ikun hemm bżonn isir djalogu bejn il-Kummissjoni u l-gwardjan ikkonċernat biex jiġi żgurat li l-miżuri kkunsidrati jew implimentati mill-gwardjani jiksbu aħjar l-għanijiet tagħhom. Bl-introduzzjoni tal-possibbiltà ta’ dan id-djalogu, jista’ jkun mistenni li l-inizjattiva tkun aktar effettiva fl-indirizzar tal-prattiki inġusti li jfixklu l-kontestabbiltà tas-suq u l-kompetizzjoni. Fl-istess ħin, din se tkun proporzjonata għall-gwardjani kkonċernati għax ikollhom ċertu marġni ta’ apprezzament fl-implimentazzjoni tal-miżuri li jiżguraw b’mod effettiv il-konformità mal-obbligi identifikati.
Anki d-deżinjazzjoni tal-gwardjan hi soġġetta għal rieżami regolari meta jkun hemm bidla materjali f’xi wieħed mill-fatti li fuqhom tkun issejset id-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni, u meta d-deċiżjoni kienet issejset fuq informazzjoni mhux kompluta, skorretta jew qarrieqa mogħtija mill-impriżi.
Fl-aħħar nett, din l-inizjattiva tinkludi mekkaniżmu dinamiku li jippermetti l-aġġornament tal-lista tal-obbligi jekk ikun hemm prattiki ġodda li jitqiesu inġusti wara investigazzjoni tas-suq.
Rigward l-infiq, hi prevista din is-sistema tal-kontroll intern:
Dawn ir-riskji relatati mal-infiq jistgħu jittaffew bi proposti u dokumenti tas-sejħa għall-offerti mmirati aħjar u bl-użu ta’ proċeduri simplifikati kif introdotti fl-aħħar Regolament Finanzjarju. L-attivitajiet fir-rigward tar-riżorsi finanzjarji se jiġu implimentati l-aktar bl-akkwist pubbliku, li jimxi b’modalità ta’ ġestjoni diretta. Għalhekk, ir-riskji ta’ legalità u regolarità assoċjati huma meqjusa baxxi (ħafna).
Ħafna minn dawn ir-riskji huma marbuta man-natura inerenti ta’ dawn il-proġetti u se jittaffew b’sistema xierqa ta’ ġestjoni tal-proġetti u b’rappurtar tal-ġestjoni tal-proġetti, inkluż rapporti dwar ir-riskji li se jiġu ppreżentati lill-maniġment superjuri kif meħtieġ.
Il-qafas tal-kontroll intern hu mibni fuq l-implimentazzjoni tal-Prinċipji ta’ Kontroll Intern tal-Kummissjoni. F’konformità mar-rekwiżit tar-Regolament Finanzjarju, objettiv importanti tal-“istrateġija għal baġit iffukat fuq ir-riżultati” tal-Kummissjoni hu li tiġi żgurata l-kosteffettività meta jitfasslu u jiġu implimentati sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll li jipprevjenu jew jidentifikaw u jikkoreġu l-erruri. Għaldaqstant, l-istrateġija ta’ kontroll tqis livell ogħla ta’ skrutinju u frekwenza f’oqsma aktar riskjużi u tiżgura l-kosteffettività.
Se jkun hemm rabta kostanti mal-ħidma ta’ politika, li se tiżgura l-flessibbiltà meħtieġa għall-adattament tar-riżorsi għall-ħtiġijiet attwali ta’ politika f’qasam soġġett għal bidliet frekwenti.
2.2.3.Stima tal-kostijiet u tal-benefiċċji tal-kontrolli u valutazzjoni tal-livell mistenni tar-riskju ta’ errur
Il-kostijiet tal-kontrolli huma stmati li jkunu inqas minn 3 % tan-nefqa totali. Il-benefiċċji tal-kontrolli f’termini mhux finanzjarji jkopru: valur aħjar għall-flus, deterrenza, titjib fl-effiċjenza, titjib fis-sistema u konformità mad-dispożizzjonijiet regolatorji.
Ir-riskji jittaffew b’mod effettiv permezz ta’ kontrolli fis-seħħ, u l-livell tar-riskju ta’ errur hu stmat għal inqas minn 2 %.
2.3.Miżuri għall-prevenzjoni ta’ frodi u ta’ irregolaritajiet
Speċifika l-miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ protezzjoni eżistenti jew previsti.
Il-miżuri ta’ prevenzjoni u protezzjoni jiffukaw fuq iż-żieda fit-trasparenza tal-laqgħat ta’ ġestjoni u l-kuntatti mal-partijiet ikkonċernati, billi jsegwu l-aqwa prattiki tal-akkwist pubbliku, inkluż l-użu tal-għodda tal-akkwist elettroniku u tas-sottomissjoni elettronika. L-azzjonijiet se jipprevjenu u jidentifikaw ukoll kunflitti possibbli ta’ interess.
3.IMPATT FINANZJARJU STMAT TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA
3.1.Intestatura/i tal-qafas finanzjarju pluriennali u l-linja/i baġitarja/i tan-nefqa affettwata/i
·Linji baġitarji eżistenti
Fl-ordni tal-intestaturi u l-linji baġitarji tal-qafas finanzjarju pluriennali.
Intestatura tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
Linja baġitarja
|
Tip ta’
nefqa
|
Kontribuzzjoni
|
|
|
Diff./Mhux diff.
|
mingħand pajjiżi tal-EFTA
|
mingħand pajjiżi kandidati
|
minn pajjiżi terzi
|
skont it-tifsira tal-Artikolu 21(2)(b) tar-Regolament Finanzjarju
|
1
|
03 02 Programm tas-Suq Uniku (inkluż l-SMEs)
|
Diff.
|
IVA
|
LE
|
LE
|
LE
|
1
|
02 04 05 01 Programm Ewropa Diġitali
|
Diff.
|
IVA
|
LE
|
LE
|
LE
|
7
|
20.0206 Ġestjoni oħra
nefqa
|
Mhux diff.
|
LE
|
LE
|
LE
|
LE
|
3.2.Impatt stmat fuq in-nefqa
3.2.1.Sommarju tal-impatt stmat fuq in-nefqa
miljuni ta’ EUR (sa tliet punti deċimali)
Intestatura tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
1
|
Suq Uniku, Innovazzjoni u Diġitali
|
|
2021
|
2022
|
2023
|
2024
|
2025
|
2026
|
2027
|
Post 2027
|
TOTAL
|
Approprjazzjonijiet operazzjonali – 03 02 Programm tas-Suq Uniku
|
Impenji
|
(1)
|
N/A
|
0,667
|
3,667
|
4,633
|
4,133
|
3,667
|
3,533
|
|
20,300
|
|
Pagamenti
|
(2)
|
N/A
|
0,333
|
2,167
|
4,150
|
4,383
|
3,900
|
3,600
|
1,767
|
20,300
|
Approprjazzjonijiet operazzjonali – 02 04 05 01 Programm Ewropa Diġitali
|
Impenji
|
(1)
|
N/A
|
0,333
|
1,833
|
2,317
|
2,067
|
1,833
|
1,767
|
|
10,150
|
|
Pagamenti
|
(2)
|
N/A
|
0,167
|
1,083
|
2,075
|
2,192
|
1,950
|
1,800
|
0,883
|
10,150
|
Approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva ffinanzjati mill-pakkett tal-programm
|
Impenji = Pagamenti
|
(3)
|
N/A
|
N/A
|
N/A
|
N/A
|
N/A
|
N/A
|
N/A
|
|
N/A
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet
taħt l-INTESTATURA 1
tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
Impenji
|
=1+3
|
N/A
|
1,000
|
5,500
|
6,950
|
6,200
|
5,500
|
5,300
|
|
30,450
|
|
Pagamenti
|
=2+3
|
N/A
|
0,500
|
3,250
|
6,225
|
6,575
|
5,850
|
5,400
|
2,650
|
30,450
|
Intestatura tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
7
|
“Nefqa amministrattiva”
|
miljuni ta’ EUR (aġġustati ’l fuq għal tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
2021
|
2022
|
2023
|
2024
|
2025
|
2026
|
2027
|
Post 2027
|
TOTAL
|
Riżorsi umani
|
N/A
|
3,000
|
5,320
|
7,845
|
10,300
|
10,300
|
10,300
|
|
47,065
|
Nefqa amministrattiva oħra
|
N/A
|
0,050
|
0,675
|
1,125
|
0,625
|
0,575
|
0,525
|
|
3,575
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet
taħt l-INTESTATURA 7
tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
(Total ta’ impenji = Total ta’ pagamenti)
|
N/A
|
3,050
|
5,995
|
8,970
|
10,925
|
10,875
|
10,825
|
|
50,640
|
miljuni ta’ EUR (sa tliet punti deċimali)
|
|
|
2021
|
2022
|
2023
|
2024
|
2025
|
2026
|
2027
|
Post 2027
|
TOTAL
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet
taħt l-INTESTATURI 1 sa 7
tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
Impenji
|
N/A
|
4,050
|
11,495
|
15,920
|
17,125
|
16,375
|
16,125
|
|
81,090
|
|
Pagamenti
|
N/A
|
3,550
|
9,245
|
15,195
|
17,500
|
16,725
|
16,225
|
2,650
|
81,090
|
3.2.2.Impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet operazzjonali
Mhux possibbli li tingħata lista eżawrjenti tar-riżultati li jridu jinkisbu b’interventi finanzjarji, tal-medja tal-kost u tan-numri kif mitlub minn din it-Taqsima għax din hi inizjattiva ġdida u ma hemm l-ebda data statistika preċedenti li wieħed jista’ jimxi fuqha.
Ir-Regolament għandu l-għan li (i) jindirizza n-nuqqasijiet tas-suq biex jiżgura swieq diġitali kontestabbli u kompetittivi għal aktar innovazzjoni u għażla għall-konsumatur, (ii) jindirizza l-imġiba inġusta tal-gwardjani, u (iii) isaħħaħ il-koerenza u ċ-ċertezza legali fl-ambjent tal-pjattaformi online għal suq intern ippreservat. Dawn l-objettivi kollha jikkontribwixxu biex jintlaħaq l-objettiv ġenerali li jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tas-suq intern (b’kompetizzjoni effettiva fis-swieq diġitali u b’ambjent kontestabbli u ġust tal-pjattaformi online).
Biex dawn l-objettivi jintlaħqu bl-aħjar mod, hu previst, fost l-oħrajn, li jiġu ffinanzjati l-azzjonijiet li ġejjin:
(1) it-twettiq tad-deżinjazzjoni tal-fornituri ta’ servizzi ewlenin tal-pjattaforma soġġetti għar-Regolament bi proċess dikjaratorju;
(2) it-twettiq ta’ investigazzjonijiet tas-suq, it-twettiq ta’ kwalunkwe azzjoni investigattiva oħra, azzjonijiet ta’ infurzar u attivitajiet ta’ monitoraġġ;
(3) it-twettiq regolari ta’ reviżjoni ta’ elementi speċifiċi tar-Regolament u evalwazzjoni tar-Regolament;
(4) l-evalwazzjoni kontinwa tal-effettività u l-effiċjenza tal-miżuri implimentati;
(5) iż-żamma, l-iżvilupp, l-ospitar, it-tħaddim u l-appoġġ ta’ sistema ċentrali tal-informazzjoni f’konformità mal-istandards rilevanti tal-kunfidenzjalità u s-sigurtà tad-data;
(6) evalwazzjonijiet ta’ segwitu tal-esperti, meta dawn ikunu maħtura; u
(7) kostijiet amministrattivi oħra mġarrba b’rabta mal-implimentazzjoni tad-diversi azzjonijiet, bħal:
(7.i) il-kostijiet relatati mal-missjonijiet għall-persunal, inkluż fil-każ ta’ spezzjonijiet fuq il-post;
(7.ii) il-kostijiet relatati mal-organizzazzjoni tal-laqgħat, jiġifieri l-Kumitati Konsultattivi;
(7.iii) il-kostijiet relatati mat-taħriġ tal-persunal; u
(7.iv) il-kostijiet relatati mal-konsulenz esperta.
3.2.3.Impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva
3.2.3.1.Sommarju
–◻
Il-proposta/l-inizjattiva ma teħtieġx l-użu ta’ approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva
–☑
Il-proposta/l-inizjattiva teħtieġ l-użu ta’ approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva, kif spjegat hawn taħt:
miljuni ta’ EUR (aġġustati ’l fuq għal tliet pożizzjonijiet deċimali)
Snin
|
2021
|
2022
|
2023
|
2024
|
2025
|
2026
|
2027
|
TOTAL
|
INTESTATURA 7
tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Riżorsi umani
|
N/A
|
3,000
|
5,320
|
7,845
|
10,300
|
10,300
|
10,300
|
47,065
|
Nefqa amministrattiva oħra
|
N/A
|
0,050
|
0,675
|
1,125
|
0,625
|
0,575
|
0,525
|
3,575
|
Subtotal INTESTATURA 7
tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
N/A
|
3,050
|
5,995
|
8,970
|
10,925
|
10,875
|
10,825
|
50,640
|
Barra mill-INTESTATURA 7
tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Riżorsi umani
|
N/A
|
N/A
|
N/A
|
N/A
|
N/A
|
N/A
|
N/A
|
N/A
|
Nefqa oħra
ta’ natura amministrattiva
|
N/A
|
N/A
|
N/A
|
N/A
|
N/A
|
N/A
|
N/A
|
N/A
|
Subtotal barra mill-INTESTATURA 7
tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
N/A
|
N/A
|
N/A
|
N/A
|
N/A
|
N/A
|
N/A
|
N/A
|
TOTAL
|
N/A
|
3,050
|
5,995
|
8,970
|
10,925
|
10,875
|
10,825
|
50,640
|
L-approprjazzjonijiet meħtieġa għar-riżorsi umani u nfiq ieħor ta’ natura amministrattiva se jiġu ssodisfati b’approprjazzjonijiet mid-DĠ li jkunu diġà assenjati għall-ġestjoni tal-azzjoni u/jew kienu ġew ridistribwiti fid-DĠ, flimkien, jekk ikun meħtieġ, ma’ kwalunkwe allokazzjoni addizzjonali li tista’ tingħata lid-DĠ ewlieni skont il-proċedura annwali ta’ allokazzjoni u fid-dawl tal-limitazzjonijiet baġitarji.
3.2.3.2.Rekwiżiti stmati ta’ riżorsi umani
–◻
Il-proposta/l-inizjattiva ma teħtieġx l-użu ta’ riżorsi umani.
–☑
Il-proposta/l-inizjattiva teħtieġ l-użu ta’ riżorsi umani, kif spjegat hawn taħt:
L-Att dwar is-Swieq Diġitali hu inizjattiva regolatorja ġdida li tikkontribwixxi għall-perkors strateġiku stabbilit fil-Komunikazzjoni “Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa”. Dan għandu natura orizzontali u hu komuni għal diversi oqsma ta’ kompetenza tal-Kummissjoni, bħal dawk relatati mas-suq intern, is-servizzi diġitali u l-protezzjoni tal-kompetizzjoni.
Biex jiġi żgurat li r-Regolament jiġi implimentat mill-kumpaniji, il-kontrolli u l-monitoraġġ ex ante, bħal pereżempju d-deżinjazzjoni tal-gwardjani, il-monitoraġġ tal-konformità mill-gwardjani, l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet tan-nonkonformità, il-valutazzjoni ta’ talbiet għal eżenzjoni, it-twettiq ta’ investigazzjonijiet tas-suq u l-infurzar tad-deċiżjonijiet riżultanti u l-implimentazzjoni tal-atti, iridu jiġu stabbiliti fil-livell tal-UE. Meta ġew stmati l-baġit u l-għadd ta’ persunal meħtieġ għall-inizjattiva, saru sforzi biex jinħolqu sinerġiji u jintuża l-qafas eżistenti biex jiġi evitat xogħol mill-bidu li jkun jeħtieġ aktar persunal mill-kalkolu attwali.
Għalkemm jistgħu jinstabu sinerġiji f’termini ta’ persunal, għarfien u infrastruttura fit-tliet Direttorati Ġenerali ewlenin u fis-servizzi tal-Kummissjoni, l-importanza u l-firxa tal-inizjattiva jmorru lil hinn mill-qafas attwali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se jkollha żżid il-preżenza tagħha fis-Swieq Diġitali, għax ir-Regolament jipprevedi skadenzi legali, u dan ifisser ukoll li jridu jiġu allokati riżorsi għal dawn il-kompiti mingħajr dewmien. Ir-riallokazzjoni tar-riżorsi umani meħtieġa fit-tliet Direttorati Ġenerali ewlenin bħalissa mhix possibbli mingħajr ma jiġu pperikolati l-oqsma l-oħra kollha ta’ infurzar. Għalhekk, hu importanti li l-persunal jitqassam mill-ġdid ukoll minn sorsi barra mit-tliet Direttorati Ġenerali ewlenin biex jintaħaq l-objettiv tal-inizjattiva u l-objettivi tat-tliet Direttorati Ġenerali ewlenin.
L-istima trid tiġi espressa f’unitajiet ekwivalenti għal full-time
Snin
|
2021
|
2022
|
2023
|
2024
|
2025
|
2026
|
2027
|
Post 2027
|
• Pożizzjonijiet fil-pjan ta’ stabbiliment (uffiċjali u persunal termporanju)
|
|
Kwartieri ġenerali u Uffiċċji tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni
|
|
20
|
30
|
43
|
55
|
55
|
55
|
55
|
Delegazzjonijiet
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Riċerka
|
|
|
|
|
|
|
|
|
• Persunal estern (f’unità ekwivalenti għal full-time: FTE) - AC, AL, END, INT u JPD
Intestatura 7
|
|
Iffinanzjati mill-INTESTATURA 7 tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
- fil-Kwartieri Ġenerali
|
|
|
10
|
17
|
25
|
25
|
25
|
25
|
|
- fid-Delegazzjonijiet
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Iffinanzjati mill-pakkett tal-programm
|
- fil-Kwartieri Ġenerali
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
- fid-Delegazzjonijiet
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Riċerka
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Oħrajn (speċifika)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
TOTAL
|
|
20
|
40
|
60
|
80
|
80
|
80
|
80
|
Ir-riżorsi umani meħtieġa se jiġu koperti mill-persunal tad-DĠ li diġà jkun assenjat għall-ġestjoni tal-azzjoni u/jew li diġà jkun ġie riassenjat fid-DĠ, flimkien, jekk ikun meħtieġ, ma’ kwalunkwe allokazzjoni addizzjonali li tista’ tingħata lid-DĠ tal-ġestjoni skont il-proċedura annwali ta’ allokazzjoni u fid-dawl tal-limitazzjonijiet baġitarji.
Deskrizzjoni tal-kompiti li jridu jitwettqu:
L-uffiċjali u l-persunal temporanju
|
Jadottaw deċiżjonijiet tad-deżinjazzjoni u jwettqu investigazzjonijiet tas-suq maħsuba għad-deżinjazzjoni tal-gwardjani.
Jimmonitorjaw il-konformità mal-lista tal-obbligi u, jekk ikun rilevanti, jadottaw deċiżjonijiet tan-nonkonformità
Iwettqu investigazzjonijiet tas-suq b’rabta ma’ servizzi ġodda u prattiki ġodda
Iħejju u jabbozzaw atti ta’ implimentazzjoni u atti delegati, f’konformità ma’ dan ir-Regolament
|
Il-persunal estern
|
Jadotta deċiżjonijiet tad-deżinjazzjoni u jwettaq investigazzjonijiet tas-suq maħsuba għad-deżinjazzjoni tal-gwardjani.
Jimmonitorja l-konformità mal-lista tal-obbligi u, jekk ikun rilevanti, jadotta deċiżjonijiet tan-nonkonformità
Iwettaq investigazzjonijiet tas-suq b’rabta ma’ servizzi ġodda u prattiki ġodda
Iħejji u jabbozza atti ta’ implimentazzjoni u atti delegati, f’konformità ma’ dan ir-Regolament
|
3.2.4.Kompatibbiltà mal-qafas finanzjarju pluriennali attwali
–☑
Il-proposta/l-inizjattiva hija kompatibbli mal-qafas finanzjarju pluriennali attwali.
L-inizjattiva tista’ tiġi ffinanzjata kollha b’riallokazzjoni fl-intestatura rilevanti tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP). L-impatt finanzjarju fuq l-approprjazzjonijiet operazzjonali se jiġi kopert għalkollox mill-allokazzjonijiet previsti fil-QFP 2021-27 permezz tal-pakketti finanzjarji tal-Programm tas-Suq Uniku u l-Programm Ewropa Diġitali.
–◻
Il-proposta/l-inizjattiva teħtieġ riprogrammazzjoni tal-intestatura rilevanti fil-qafas finanzjarju pluriennali.
–◻
Il-proposta/inizjattiva teħtieġ applikazzjoni tal-istrument ta’ flessibbiltà jew reviżjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali.
3.2.5.Kontribuzzjonijiet minn partijiet terzi
–Il-proposta/l-inizjattiva ma tipprevedix kofinanzjament minn partijiet terzi.
3.3.Impatt stmat fuq id-dħul
L-inizjattiva għandha l-impatt finanzjarju li ġej fuq dħul ieħor:
L-ammont tad-dħul ma jistax jiġi stmat minn qabel għax jikkonċerna multi fuq l-impriżi li ma jikkonformawx mal-obbligi stabbiliti fir-Regolament.
miljuni ta’ EUR (aġġustati ’l fuq għal tliet pożizzjonijiet deċimali)
Linja baġitarja tad-dħul:
Kapitolu 42 – Multi u penali
|
Approprjazzjonijiet disponibbli għas-sena finanzjarja kurrenti
|
Impatt tal-proposta/tal-inizjattiva
|
|
|
Sena
N
|
Sena
N+1
|
Sena
N+2
|
Sena
N+3
|
Daħħal is-snin kollha li hemm bżonn biex turi t-tul tal-impatt (ara l-punt 1.6)
|
Artikolu ………….
|
|
|
p.m
|
p.m.
|
p.m.
|
p.m.
|
p.m.
|
p.m.
|
ANNESS
tad-DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA
Isem il-proposta/l-inizjattiva:
Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Att dwar is-Swieq Diġitali
GĦADD u KOST tar-RIŻORSI UMANI MEQJUSA NEĊESSARJI
KOST ta’ NEFQA AMMINISTRATTIVA OĦRA
METODI tal-KALKOLU UŻATI għall-ISTIMI tal-KOSTIJIET
Riżorsi umani
Nefqa amministrattiva oħra
RIMARKI ADDIZZJONALI għad-DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA u l-ANNESS tagħha
Dan l-Anness għandu jakkumpanja d-dikjarazzjoni finanzjarja leġiżlattiva meta titnieda l-konsultazzjoni bejn is-servizzi.
It-tabelli tad-data jintużaw bħala sors għat-tabelli tad-dikjarazzjoni finanzjarja leġiżlattiva. Dawn huma strettament għal użu intern fil-Kummissjoni.
Kost tar-riżorsi umani meqjusa neċessarji
Il-proposta/l-inizjattiva teħtieġ l-użu ta’ riżorsi umani, kif spjegat hawn taħt:
miljuni ta’ EUR (sa tliet punti deċimali)
INTESTATURA 7
tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
2021
|
2022
|
2023
|
2024
|
2025
|
2026
|
2027
|
TOTAL
|
|
FTE
|
Approprjazzjonijiet
|
FTE
|
Approprjazzjonijiet
|
FTE
|
Approprjazzjonijiet
|
FTE
|
Approprjazzjonijiet
|
FTE
|
Approprjazzjonijiet
|
FTE
|
Approprjazzjonijiet
|
FTE
|
Approprjazzjonijiet
|
FTE
|
Approprjazzjonijiet
|
• Karigi fil-pjan ta’ stabbiliment (uffiċjali u persunal temporanju)
|
Kwartieri ġenerali u Uffiċċji tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni
|
AD
|
|
|
17
|
2,550
|
25
|
3,750
|
37
|
5,550
|
47
|
7,050
|
47
|
7,050
|
47
|
7,050
|
|
33,000
|
|
AST
|
|
|
3
|
0,450
|
5
|
0,750
|
6
|
0,900
|
8
|
1,200
|
8
|
1,200
|
8
|
1,200
|
|
5,700
|
• Persunal estern
|
Pakkett globali
|
AC
|
|
|
|
|
6
|
0,480
|
10
|
0,800
|
15
|
1,2
|
15
|
1,200
|
15
|
1,200
|
|
4,880
|
|
END
|
|
|
|
|
4
|
0,340
|
7
|
0,595
|
10
|
0,850
|
10
|
0,850
|
10
|
0,850
|
|
3,485
|
|
INT
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Subtotal – INTESTATURA 7
tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
|
|
|
20
|
3,000
|
40
|
5,320
|
60
|
7,845
|
80
|
10,300
|
80
|
10,300
|
80
|
10,300
|
|
47,065
|
L-approprjazzjonijiet amministrattivi meħtieġa se jiġu ssodisfati mill-approprjazzjonijiet li diġà ġew assenjati għall-ġestjoni tal-azzjoni u/jew li ġew riassenjati, flimkien, jekk ikun meħtieġ, ma’ kull allokazzjoni addizzjonali li tista’ tingħata lid-DĠ ta’ ġestjoni skont il-proċedura annwali ta’ allokazzjoni u fid-dawl tal-limiti baġitarji eżistenti.
Kost ta’ nefqa amministrattiva oħra
Il-proposta/l-inizjattiva teħtieġ l-użu ta’ approprjazzjonijiet amministrattivi, kif spjegat hawn taħt:
miljuni ta’ EUR (sa tliet punti deċimali)
INTESTATURA 7
tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
2021
|
2022
|
2023
|
2024
|
2025
|
2026
|
2027
|
Total
|
Fil-Kwartieri Ġenerali:
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Spejjeż tal-missjonijiet u r-rappreżentanzi
|
--
|
--
|
0,050
|
0,050
|
0,050
|
0,050
|
0,050
|
0,250
|
Kumitati konsultattivi
|
--
|
0,050
|
0,100
|
0,150
|
0,150
|
0,150
|
0,150
|
0,750
|
Studji u konsultazzjonijiet
|
--
|
--
|
0,500
|
0,900
|
0,400
|
0,350
|
0,300
|
2,450
|
Taħriġ tal-persunal
|
--
|
--
|
0,025
|
0,025
|
0,025
|
0,025
|
0,025
|
0,125
|
Sistemi informatiċi u maniġerjali
|
--
|
--
|
--
|
--
|
--
|
--
|
--
|
--
|
Apparat u servizzi tal-ICT.
|
--
|
--
|
--
|
--
|
--
|
--
|
--
|
--
|
Subtotal INTESTATURA 7
tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
--
|
0,050
|
0,675
|
1,125
|
0,625
|
0,575
|
0,525
|
3,575
|
miljuni ta’ EUR (sa tliet punti deċimali)
Barra mill-INTESTATURA 7
tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
2021
|
2022
|
2023
|
2024
|
2025
|
2026
|
2027
|
Total
|
Nefqa għal assistenza teknika u amministrattiva (ma tinkludix il-persunal estern) minn approprjazzjonijiet operazzjonali (dawk li qabel kienu l-linji “BA”)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
- fil-Kwartieri Ġenerali
|
--
|
--
|
--
|
--
|
--
|
--
|
--
|
--
|
- fid-Delegazzjonijiet tal-Unjoni
|
--
|
--
|
--
|
--
|
--
|
--
|
--
|
--
|
Nefqa maniġerjali oħra għar-riċerka
|
--
|
--
|
--
|
--
|
--
|
--
|
--
|
--
|
Linji baġitarji oħra (speċifika fejn meħtieġ)
|
--
|
--
|
--
|
--
|
--
|
--
|
--
|
--
|
Apparat u servizzi tal-ICT.
|
--
|
--
|
--
|
--
|
--
|
--
|
--
|
--
|
Subtotal – Barra mill-INTESTATURA 7
tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
--
|
--
|
--
|
--
|
--
|
--
|
--
|
--
|
1.TOTAL
2.INTESTATURA 7 u Barra mill-INTESTATURA 7
tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
--
|
0,050
|
0,675
|
1,125
|
0,625
|
0,575
|
0,525
|
3,575
|
L-approprjazzjonijiet amministrattivi meħtieġa se jiġu ssodisfati mill-approprjazzjonijiet li diġà ġew assenjati għall-ġestjoni tal-azzjoni u/jew li ġew riassenjati, flimkien, jekk ikun meħtieġ, ma’ kull allokazzjoni addizzjonali li tista’ tingħata lid-DĠ ta’ ġestjoni skont il-proċedura annwali ta’ allokazzjoni u fid-dawl tal-limiti baġitarji eżistenti.
Metodi tal-kalkolu użati għall-istimi tal-kostijiet
Riżorsi umani
L-Att dwar is-Swieq Diġitali hu inizjattiva regolatorja ġdida li tikkontribwixxi għall-perkors strateġiku stabbilit fil-Komunikazzjoni “Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa”. Dan għandu natura orizzontali u komuni għal diversi dominji ta’ kompetenza tal-Kummissjoni, bħal dawk relatati mas-suq intern, is-servizzi diġitali u l-protezzjoni tal-kompetizzjoni.
Biex jiġi żgurat li r-Regolament jiġi implimentat mill-kumpaniji, il-kontrolli u l-monitoraġġ ex ante, bħal pereżempju d-deżinjazzjoni tal-gwardjani, il-monitoraġġ tal-konformità mill-gwardjani, l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet tan-nonkonformità, il-valutazzjoni ta’ talbiet għal eżenzjoni, it-twettiq ta’ investigazzjonijiet tas-suq u l-infurzar tad-deċiżjonijiet riżultanti u l-implimentazzjoni tal-atti, iridu jiġu stabbiliti fil-livell tal-UE.
Meta ġew stmati l-baġit u l-għadd ta’ persunal meħtieġ għall-inizjattiva, saru sforzi biex jinħolqu sinerġiji u jintuża l-qafas eżistenti biex jiġi evitat xogħol mill-bidu li jkun jeħtieġ aktar persunal mill-kalkolu attwali.
Għalkemm jistgħu jinstabu sinerġiji f’termini ta’ persunal, għarfien u infrastruttura fit-tliet Direttorati Ġenerali ewlenin u fis-servizzi tal-Kummissjoni, l-importanza u l-firxa tal-inizjattiva jmorru lil hinn mill-qafas attwali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se jkollha żżid il-preżenza tagħha fis-Swieq Diġitali, għax ir-Regolament jipprevedi skadenzi legali, u dan ifisser ukoll li jridu jiġu allokati riżorsi għal dawn il-kompiti mingħajr dewmien. Ir-riallokazzjoni tar-riżorsi umani meħtieġa fit-tliet Direttorati Ġenerali ewlenin bħalissa mhix possibbli mingħajr ma jiġu pperikolati l-oqsma l-oħra kollha ta’ infurzar. Għalhekk, hu importanti li l-persunal jitqassam mill-ġdid ukoll minn sorsi barra mit-tliet Direttorati Ġenerali ewlenin biex jintaħaq l-objettiv tal-inizjattiva u l-objettivi tat-tliet Direttorati Ġenerali ewlenin.
1.INTESTATURA 7 tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
• Uffiċjali u persunal temporanju
Jekk l-adozzjoni ssir sal-2022, il-Kummissjoni se jkollha tistabbilixxi r-riżorsi meħtieġa biex tiżgura t-twettiq tal-kompiti l-ġodda tagħha, inkluż l-adozzjoni tal-atti ta’ implimentazzjoni u tal-atti delegati awtorizzati mir-Regolament.
Mid-data tal-applikazzjoni tal-obbligi (mill-2022), hu stmat li l-kompiti ġodda relatati mad-DMA (id-deżinjazzjoni tal-gwardjani, il-monitoraġġ tal-konformità mill-gwardjani, l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet tan-nonkonformità, il-valutazzjoni ta’ talbiet għal eżenzjoni, it-twettiq ta’ investigazzjonijiet tas-suq u l-infurzar tad-deċiżjonijiet riżultanti u l-implimentazzjoni tal-atti) inizjalment jeħtieġu 20 FTE addizzjonali (17 AD + 3 AST), li jiżdiedu sa 55 FTE (47 AD + 8 AST) sal-2025.
|
• Persunal estern
Mit-tieni sena tal-applikazzjoni tal-obbligi (mill-2023), hu stmat li l-kompiti ġodda relatati mad-DMA (id-deżinjazzjoni tal-gwardjani, il-monitoraġġ tal-konformità mill-gwardjani, l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet tan-nonkonformità, il-valutazzjoni ta’ talbiet għal eżenzjoni, it-twettiq ta’ investigazzjonijiet tas-suq u l-infurzar tad-deċiżjonijiet riżultanti u l-implimentazzjoni tal-atti) inizjalment jeħtieġu 10 FTEs addizzjonali (6 AC + 4 END), li jiżdiedu sa 25 FTE (15 AC + 10 END) sal-2025.
|
2.Barra mill-INTESTATURA 7 tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
• Pożizzjonijiet iffinanzjati mill-baġit ta’ riċerka biss – N/A
|
• Persunal estern – N/A
|
Nefqa amministrattiva oħra
3.INTESTATURA 7 tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
Spejjeż tal-missjonijiet u r-rappreżentanzi
·Hu stmat li hemm bżonn 10 investigazzjonijiet fuq il-post tal-gwardjani kull sena mill-2023. Il-kost medju għal kull investigazzjoni hu stmat għal EUR 5 000 għal kull missjoni, jekk wieħed jassumi żewġ FTEs fuq il-post għal ħamest ijiem
Kumitati Konsultattivi
·Hu stmat li se jsiru ħames laqgħat tal-Kumitat konsultattiv fl-2022, 10 fl-2023, 15 kull sena bejn l-2024 u l-2027. Il-kostijiet għal kull laqgħa huma stmati EUR 10 000
Taħriġ
·Il-baġit għat-taħriġ tal-persunal hu komponent importanti biex tiġi żgurata l-kwalità u l-kompetenza speċifika f’dan il-qasam. Hu stmat li l-kostijiet ikunu EUR 25 000 kull sena.
Studji u konsultazzjonijiet
·Se tkun meħtieġa nefqa għal esperti settorjali speċjalizzati ħafna biex jipprovdu appoġġ tekniku fid-deżinjazzjoni tal-gwardjani u biex jimmonitorjaw il-konformità mal-miżuri stabbiliti skont dan ir-Regolament. Hu stmat li bejn l-2023 u l-2027 se jsiru bejn 6 u 7 studji ta’ monitoraġġ b’kumplessità baxxa sa għolja, li jikkorrispondu għal valur f’kuntratti ta’ bejn EUR 50 000 u EUR 1 000 000. Hu mistenni li l-ħtiġijiet għal dawn l-esperti jkunu iżjed fil-bidu tal-perjodu.
|
4.Barra mill-INTESTATURA 7 tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
N/A
|
Rimarki addizzjonali għad-Dikjarazzjoni Finanzjarja Leġiżlattiva u l-Anness tagħha
In-nefqa operazzjonali se tinqasam bejn id-DĠ COMP u d-DĠ GROW għall-Programm tas-Suq Uniku u d-DĠ CNECT għall-Programm Ewropa Diġitali.
In-nefqa amministrattiva se tinqasam bejn id-DĠ COMP, id-DĠ GROW u d-DĠ CNECT.