EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020PC0830

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE) 2017/2403 f’dak li għandu x’jaqsam mal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni fl-ilmijiet tar-Renju Unit u għall-operazzjonijiet tal-bastimenti tas-sajd tar-Renju Unit fl-ilmijiet tal-Unjoni

COM/2020/830 final

Brussell, 10.12.2020

COM(2020) 830 final

2020/0366(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) 2017/2403 f’dak li għandu x’jaqsam mal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni fl-ilmijiet tar-Renju Unit u għall-operazzjonijiet tal-bastimenti tas-sajd tar-Renju Unit fl-ilmijiet tal-Unjoni


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Skont ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 1 (ir-Regolament Bażiku dwar il-Politika Komuni tas-Sajd), il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandhom aċċess ugwali għall-ilmijiet u għar-riżorsi tal-Unjoni soġġett għar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd. Ma tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, il-Politika Komuni tas-Sajd ma tibqax tapplika għar-Renju Unit. L-ilmijiet tar-Renju Unit (il-baħar territorjali u ż-żona ekonomika esklussiva ta’ biswit dan il-baħar) ma jibqgħux jiffurmaw parti mill-ilmijiet tal-Unjoni.

Biex tkun iggarantita s-sostenibbiltà tas-sajd, u fid-dawl tal-importanza tas-sajd għall-għajxien ekonomiku ta’ bosta komunitajiet, huwa importanti li tinżamm miftuħa l-possibbiltà li jsiru arranġamenti dwar l-aċċess reċiproku tal-bastimenti tal-Unjoni u tar-Renju Unit għall-ibħra ta’ xulxin, wara l-31 ta’ Diċembru 2020 sakemm jiġi konkluż ftehim dwar is-sajd mar-Renju Unit. L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li joħloq il-qafas legali xieraq għal dan l-aċċess.

Kif stipulat fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fuq il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982 (“UNCLOS”) u fil-Ftehim fuq l-implimentazzjoni tad-Dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fuq il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982 relatati mal-konservazzjoni u l-amministrazzjoni ta’ ħażniet ta’ ħut li jpassi f’żona limitata (straddling) u ħażniet ta’ ħut li jpassi ħafna (highly migratory) tal-4 ta’ Awwissu 1995 (“UNFSA”), il-ġestjoni ta’ ċerti stokkijiet kondiviżi ta’ ħut transżonali u li jpassi ħafna teħtieġ il-kooperazzjoni tal-pajjiżi kollha fejn jinsabu l-istokkijiet ta’ dan il-ħut fl-ilmijiet tagħhom (l-Istati kostali) u tal-pajjiżi li l-flotot tagħhom jisfruttaw dawk l-istokkijiet (l-Istati sajjieda). Din il-kooperazzjoni tista’ tiġi stabbilita fil-qafas ta’ arranġamenti ad hoc fost il-pajjiżi li għandhom interess fis-sajd.

L-opportunitajiet tas-sajd għas-sena 2021 għandhom jiġu miftiehma, anke mir-Renju Unit. Dawn l-arranġamenti se jipprovdu l-bażi għall-istabbiltà tal-attivitajiet tas-sajd u jridu jiġu stabbiliti b’konformità sħiħa mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 61 u 62 tal-UNCLOS. Il-mira ta’ dawn l-arranġamenti jenħtieġ li tkun li jiżguraw sfruttament sostenibbli tar-riżorsi ħajjin tal-baħar u li jiżguraw l-istabbiltà kemm fl-ilmijiet tal-Unjoni kif ukoll fl-ilmijiet tar-Renju Unit.

Ir-Regolament (UE) 2017/2403 2 (ir-Regolament SMEFF) jistipula r-regoli għall-operazzjonijiet tas-sajd li jwettqu l-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni fl-ilmijiet ta’ pajjiż terz u dawk li jwettqu l-bastimenti tas-sajd ta’ pajjiżi terzi fl-ilmijiet tal-Unjoni.

Dwar l-operazzjonijiet tas-sajd li jitwettqu mill-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni fl-ilmijiet ta’ pajjiż terz, l-SMEFF jistipula li Stat Membru tal-bandiera jista’ jagħti l-awtorizzazzjonijiet direttament lill-operatur, u jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-proċeduri biex jingħataw dawn l-awtorizzazzjonijiet. Minħabba l-għadd ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jwettqu l-attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tar-Renju Unit, dawn il-kundizzjonijiet u l-proċeduri jistgħu jwasslu għal dewmien konsiderevoli u għal aktar piż amministrattiv jekk ir-Renju Unit jawtorizza l-bastimenti tal-UE biex jistadu fl-ilmijiet tar-Renju Unit. Jeħtieġ jiġu stabbiliti kundizzjonijiet u proċeduri speċifiċi li jiffaċilitaw l-awtorizzazzjoni mir-Renju Unit ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għat-tħaddim ta’ attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tar-Renju Unit. Dawn il-kundizzjonijiet u l-proċeduri jenħtieġ li jkunu ekwivalenti għar-rekwiżiti għall-awtorizzazzjoni li jistabbilixxi l-SMEFF għall-bastimenti ta’ pajjiżi terzi li jwettqu attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-Unjoni.

Ir-regoli speċifiċi previsti f’din il-proposta jenħtieġ japplikaw mill-jum wara tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni. L-għoti tal-awtorizzazzjonijiet huwa soġġett għall-prinċipju ta’ “reċiproċità”, jiġifieri bil-kundizzjoni li r-Renju Unit jestendi d-drittijiet tal-aċċess għall-bastimenti tal-UE biex ikunu jistgħu jwettqu attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tar-Renju Unit fuq bażi sodisfaċenti għall-Unjoni. Għaldaqstant, l-awtorizzazzjonijiet jingħataw biss jekk, u sa fejn, ir-Renju Unit jagħti l-awtorizzazzjonijiet biex il-bastimenti tal-Unjoni jużaw l-opportunitajiet tas-sajd allokati lilhom.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam tal-politika

Mhux Applikabbli

Konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni

Mhux Applikabbli

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika hija l-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. 

Sussidjarjetà

Skont l-Artikolu 3(d) tat-Trattat, il-PKS u l-kontroll tagħha huma fil-kompetenza esklussiva tal-UE u għaldaqstant ma japplikax il-prinċipju tas-sussidjarjetà.

L-att propost jemenda r-Regolament (UE) 2017/2403 biex jipprovdi bażi ġuridika fid-dritt tal-Unjoni li tipprevedi l-possibbiltà li l-bastimenti tar-Renju Unit iwettqu attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-Unjoni u l-possibbiltà li jiġu introdotti proċeduri ta’ awtorizzazzjoni aktar sempliċi u effiċjenti għall-bastimenti li jixtiequ jistadu fl-ilmijiet tar-Renju Unit. Għalhekk, azzjoni fil-livell tal-Unjoni hija indispensabbli, u ma jistax jinkiseb ir-riżultat permezz ta’ azzjoni fil-livell ta’ xi Stat Membru minħabba l-kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

Proporzjonalità

Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità. Ir-Regolament propost huwa meqjus proporzjonat peress li l-iskop tiegħu hu li jiżgura li jinżamm l-istatus quo rigward it-termini tal-aċċess tal-bastimenti tal-Unjoni għall-ilmijiet tar-Renju Unit billi jistipula kundizzjonijiet reċiproċi għall-awtorizzazzjoni. B’hekk jiġu evitati tfixkil u dewmien kbar fil-proċeduri tal-awtorizzazzjoni.

Għażla tal-istrument

Dan l-att huwa emenda ta’ Regolament.

Trażmissjoni ta’ din il-proposta lill-parlamenti nazzjonali

L-abbozzi tal-atti leġiżlattivi, inkluż il-proposti tal-Kummissjoni, li ntbagħtu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill iridu jintbagħtu lill-parlamenti nazzjonali f’konformità mal-Protokoll (Nru 1) dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, mehmuż mat-Trattati.

Skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll, iridu jgħaddu tmien ġimgħat minn meta l-abbozz tal-att leġiżlattiv ikun sar disponibbli għall-parlamenti nazzjonali sad-data meta jitqiegħed fuq aġenda proviżorja għall-Kunsill għall-adozzjoni tiegħu jew għall-adozzjoni ta’ pożizzjoni bi proċedura leġiżlattiva.

Madankollu, skont l-Artikolu 4 għandu jkun possibbli li jsiru eċċezzjonijiet f’każijiet ta’ urġenza, li r-raġunijiet għalihom iridu jiġu ddikjarati fl-att jew fil-pożizzjoni tal-Kunsill.

Fid-dawl tal-ħtieġa li jiġu previsti proċeduri għall-awtorizzazzjoni ta’ operazzjonijiet tas-sajd sostenibbli fl-ilmijiet tar-Renju Unit u tal-Unjoni, sa mhux aktar tard mill-jum wara dak meta d-dritt tal-Unjoni ma jibqax japplika għar-Renju Unit u fir-Renju Unit, u minħabba l-ħtieġa li jiġu previsti proċeduri għall-awtorizzazzjoni ta’ operazzjonijiet tas-sajd sostenibbli fl-ilmijiet tar-Renju Unit u tal-Unjoni abbażi tar-reċiproċità sa mhux aktar tard minn dak il-jum, sabiex jiġi evitat waqfien f’daqqa tal-operazzjonijiet tas-sajd f’dawk l-ilmijiet, l-adozzjoni ta’ din il-proposta mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill għandha titqies urġenti. Għaldaqstant, huwa meqjus xieraq li wieħed jistrieħ fuq eċċezzjoni mill-perjodu ta’ tmien ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea mehmuż mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Dawn ma japplikawx minħabba n-natura eċċezzjonali, temporanja u ta’ darba tal-avveniment li jeħtieġ din il-proposta li mhijiex marbuta mal-objettivi tal-leġiżlazzjoni eżistenti.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

L-isfidi li jirriżultaw mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni u s-soluzzjonijiet possibbli tqajmu minn diversi partijiet ikkonċernati tas-sajd u minn rappreżentanti tal-Istati Membri. L-operaturi, il-partijiet ikkonċernati u l-Istati Membri kkonċernati kollha enfasizzaw il-ħtieġa li jkunu żgurati attivitajiet tas-sajd sostenibbli reċiproċi.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Mhux Applikabbli

Valutazzjoni tal-impatt

Mhijiex meħtieġa valutazzjoni tal-impatt minħabba n-natura eċċezzjonali tas-sitwazzjoni u l-ħtiġijiet limitati tal-perjodu li matulu tiġi implimentata l-bidla fl-istatus tar-Renju Unit. Mhi disponibbli l-ebda alternattiva ta’ politika materjalment u legalment differenti minbarra dik proposta.    

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Mhux Applikabbli

Drittijiet fundamentali

Din il-proposta ma għandha l-ebda konsegwenza għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

4.IMPLIKAZZJONIJIET GĦALL-BAĠIT

Din il-proposta ma tqajjimx implikazzjonijiet għall-baġit.

5.ELEMENTI OĦRA

Mhux Applikabbli

2020/0366 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) 2017/2403 f’dak li għandu x’jaqsam mal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni fl-ilmijiet tar-Renju Unit u għall-operazzjonijiet tal-bastimenti tas-sajd tar-Renju Unit fl-ilmijiet tal-Unjoni

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 3 ,

Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Fid-29 ta’ Marzu 2017, ir-Renju Unit issottometta n-notifika tal-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni, skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

(2)Il-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (il-“Ftehim dwar il-Ħruġ”) fih arranġamenti għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għar-Renju Unit u fir-Renju Unit wara d-data meta t-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit u fir-Renju Unit. Il-Politika Komuni tas-Sajd (il-PKS) se tapplika għar-Renju Unit u fir-Renju Unit tul il-perjodu ta’ tranżizzjoni f’konformità ma’ dak il-ftehim, u se tieqaf tapplika fil-31 ta’ Diċembru 2020.

(3)Meta l-PKS ma tibqax tapplika għar-Renju Unit u fir-Renju Unit, l-ilmijiet tar-Renju Unit (il-baħar territorjali u ż-żona ekonomika esklussiva ta’ biswit dan il-baħar) ma jibqgħux jiffurmaw parti mill-ilmijiet tal-Unjoni. Konsegwentement, fin-nuqqas ta’ ftehim dwar is-sajd mar-Renju Unit, il-bastimenti tal-Unjoni u tar-Renju Unit jirriskjaw li ma jkollhomx il-possibbiltà li jużaw bis-sħiħ l-opportunitajiet tas-sajd li jistgħu jkunu disponibbli għas-sena 2021.

(4)Biex tkun iggarantita s-sostenibbiltà tas-sajd, u minħabba l-importanza tas-sajd għall-għajxien ekonomiku ta’ bosta komunitajiet fl-Unjoni u fir-Renju Unit, jenħtieġ li tinżamm il-possibbiltà li jsiru arranġamenti biex l-aċċess reċiproku għall-bastimenti tal-Unjoni u tar-Renju Unit fl-ilmijiet ta’ xulxin ikompli wara l-31 ta’ Diċembru 2020. Għaldaqstant, jenħtieġ li dan ir-Regolament joħloq il-qafas legali xieraq għal dan l-aċċess reċiproku.

(5)Il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali ta’ dan ir-Regolament u kwalunkwe referenza fih għar-Renju Unit ma jinkludux lil Ġibiltà.

(6)L-opportunitajiet tas-sajd għas-sena 2021 iridu jiġu stabbiliti mill-Unjoni u mir-Renju Unit b’rispett sħiħ tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 61 u 62 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar 4 . Sabiex jiġu żgurati l-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi ħajjin tal-baħar u l-istabbiltà fl-ilmijiet tal-Unjoni u tar-Renju Unit, l-allokazzjonijiet u l-ishma tal-kwoti għall-Istati Membri u għar-Renju Unit għandhom jiġu stabbiliti f’konformità mal-liġi applikabbli rispettiva tal-Unjoni u tar-Renju Unit.

(7)Fid-dawl tax-xejriet tas-sajd li ilhom jeżistu tal-bastimenti tar-Renju Unit fl-ilmijiet tal-Unjoni u viċi versa, u sabiex jinkiseb aċċess reċiproku għall-ilmijiet, jenħtieġ li l-Unjoni tipprevedi mekkaniżmu biex il-bastimenti tar-Renju Unit ikollhom aċċess għall-ilmijiet tal-Unjoni permezz ta’ awtorizzazzjonijiet, sabiex ikunu jistgħu jistadu għall-ishma tal-kwoti li se jiġu allokati lir-Renju Unit, bl-istess kundizzjonijiet li japplikaw għall-bastimenti tal-Unjoni. Jenħtieġ li tali awtorizzazzjonijiet tas-sajd jingħataw biss jekk u sa fejn ir-Renju Unit ikompli jipprovdi awtorizzazzjonijiet għall-bastimenti tal-Unjoni biex ikomplu jistadu fl-ilmijiet tar-Renju Unit.

(8)Ir-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 5 jistabbilixxi r-regoli għall-ħruġ u għall-ġestjoni tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għall-bastimenti tal-Unjoni f’ilmijiet taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni ta’ pajjiż terz u għall-bastimenti tas-sajd ta’ pajjiż terz biex iwettqu attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-Unjoni.

(9)B’mod partikolari, dak ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli għall-operazzjonijiet tas-sajd li jitwettqu mill-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni fl-ilmijiet ta’ pajjiż terz barra minn qafas ta’ ftehim, u jistipula li Stat Membru tal-bandiera jista’ jagħti l-awtorizzazzjonijiet direttament, u jistipula l-kundizzjonijiet u l-proċeduri biex jingħataw dawn l-awtorizzazzjonijiet. B’kont meħud tal-għadd ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jwettqu attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tar-Renju Unit, dawn il-kundizzjonijiet u l-proċeduri jkunu jwasslu għal dewmien konsiderevoli u għal aktar piż amministrattiv jekk ma jkunx hemm ftehim dwar il-ħruġ jew ftehim dwar is-sajd. Għaldaqstant, jeħtieġ jiġu previsti kundizzjonijiet u proċeduri speċifiċi li jiffaċilitaw il-ħruġ ta’ awtorizzazzjonijiet mir-Renju Unit għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għat-tħaddim ta’ attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tar-Renju Unit.

(10)Hija meħtieġa deroga mir-regoli li japplikaw għall-bastimenti tas-sajd ta’ pajjiżi terzi u li jiġu previsti kundizzjonijiet u proċeduri speċifiċi li jippermettu li l-Unjoni toħroġ l-awtorizzazzjonijiet għall-bastimenti tas-sajd tar-Renju Unit biex dawn iwettqu attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-Unjoni.

(11)Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2017/2403 jiġi emendat skont dan.

(12)F’konformità mal-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tal-Kunsill 6 , il-waqfien tal-applikazzjoni tal-atti ffissati f’data partikolari jseħħ meta tiskadi l-aħħar siegħa tal-ġurnata li taqa’ f’dik id-data. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament jibda japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

(13)Peress li l-perjodu ta’ tranżizzjoni previst fil-Ftehim dwar il-Ħruġ jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2020, fin-nuqqas ta’ ftehim konkluż, li jkopri s-sajd mar-Renju Unit, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza u jenħtieġ japplika mill-1 ta’ Jannar 2021. Bħala miżura ta’ kontinġenza, jenħtieġ japplika sal-ewwel data li tasal mit-tnejn li ġejjin: il-31 ta’ Diċembru 2021 jew id-data meta jidħol fis-seħħ jew japplika proviżorjament ftehim li jirregola s-sajd bejn l-Unjoni u r-Renju Unit.

(14)Fid-dawl tal-ħtieġa li dan ir-Regolament jiġi adottat qabel il-jum meta d-dritt tal-Unjoni ma jibqax japplika għar-Renju Unit u fir-Renju Unit skont l-Artikoli 126 u 127 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, u minħabba l-ħtieġa li jiġu previsti proċeduri għall-awtorizzazzjoni ta’ operazzjonijiet tas-sajd sostenibbli fl-ilmijiet tar-Renju Unit u tal-Unjoni abbażi tar-reċiproċità sa mhux aktar tard minn dak il-jum, biex jiġi evitat waqfien f’daqqa tal-operazzjonijiet tas-sajd, tqies xieraq li tiġi prevista eċċezzjoni għall-perjodu ta’ tmien ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni, mehmuż mat-TUE, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika.

(15)Sabiex kemm l-operaturi tal-Unjoni kif ukoll tar-Renju Unit ikunu jistgħu jkomplu jistadu, jenħtieġ li l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għall-attivitajiet fl-ilmijiet tal-Unjoni jingħataw biss lill-bastimenti tar-Renju Unit jekk u sa fejn il-Kummissjoni tqis li r-Renju Unit qed jagħti drittijiet tal-aċċess għall-bastimenti tal-Unjoni biex iwettqu operazzjonijiet tas-sajd fl-ilmijiet tar-Renju Unit fuq bażi reċiproka,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1
Emendi għar-Regolament (UE) 2017/2403

Ir-Regolament (UE) 2017/2403 huwa emendat kif ġej:

(1)fil-Kapitolu II tat-Titolu II, tiżdied it-Taqsima 4 li ġejja:

“Taqsima 4

Awtorizzazzjonijiet għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni fl-ilmijiet tar-Renju Unit

Artikolu 18a 
Kamp ta’ Applikazzjoni

B’deroga mit-Taqsima 3, din it-Taqsima għandha tapplika għall-operazzjonijiet tas-sajd imwettqa minn bastimenti tas-sajd tal-Unjoni fl-ilmijiet tar-Renju Unit.

Artikolu 18b 
Definizzjoni

Għall-għanijiet ta’ din it-Taqsima, “l-ilmijiet tar-Renju Unit” tfisser l-ilmijiet taħt is-sovrenità jew il-ġurisdizzjoni tar-Renju Unit stabbiliti f’konformità mad-dritt internazzjonali.

Artikolu 18c 
Proċedura biex tinkiseb awtorizzazzjoni tas-sajd mir-Renju Unit.

1.Stat Membru tal-bandiera li jkun ivverifika li l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 5 huma ssodisfati għandu jibgħat lill-Kummissjoni l-applikazzjoni korrispondenti jew lista ta’ applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni mir-Renju Unit.

2.Kull applikazzjoni jew lista ta’ applikazzjonijiet għandu jkun fiha l-informazzjoni mitluba mir-Renju Unit għall-ħruġ tal-awtorizzazzjoni, bil-format meħtieġ, kif ikun ikkomunikat mir-Renju Unit lill-Kummissjoni.

3.Il-Kummissjoni għandha tittrażmetti l-informazzjoni u l-format imsemmi fil-paragrafu 2 lill-Istati Membri. Il-Kummissjoni tista’ titlob mingħand l-Istat Membru tal-bandiera kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li tkun meħtieġa biex tiġi vverifikata l-konformità mal-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2.

4.Jekk, malli tirċievi l-applikazzjoni jew kwalunkwe informazzjoni addizzjonali mitluba skont il-paragrafu 3, il-Kummissjoni ssib li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 huma ssodisfati, din għandha tibgħat l-applikazzjoni lir-Renju Unit mingħajr dewmien.

5.Malli r-Renju Unit jgħarraf lill-Kummissjoni li jkun iddeċieda li jagħti jew jirrifjuta awtorizzazzjoni għal xi bastiment tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tinforma minnufih b’dan lill-Istat Membru tal-bandiera.

6.Stat Membru tal-bandiera jista’ jagħti awtorizzazzjoni tas-sajd għall-operazzjonijiet tas-sajd fl-ilmijiet tar-Renju Unit biss wara li jkun ġie mgħarraf li r-Renju Unit iddeċieda li jagħti awtorizzazzjoni lill-bastiment tas-sajd tal-Unjoni rilevanti.

7.L-operazzjonijiet tas-sajd ma għandhomx jibdew qabel ma jkunu ħarġu awtorizzazzjoni tas-sajd kemm l-Istat Membru tal-bandiera kif ukoll ir-Renju Unit.

8.Meta r-Renju Unit jgħarraf lill-Kummissjoni li jkun iddeċieda li jissospendi jew jirtira awtorizzazzjoni tas-sajd lil xi bastiment tas-sajd tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha minnufih tinforma b’dan lill-Istat Membru tal-bandiera. L-Istat Membru għandu jissospendi jew jirtira l-awtorizzazzjoni tas-sajd tiegħu għall-operazzjonijiet tas-sajd fl-ilmijiet tar-Renju Unit skont dan.

9.Meta r-Renju Unit jgħarraf direttament lill-Istat Membru tal-bandiera li jkun iddeċieda li jagħti, jirrifjuta, jissospendi jew jirtira awtorizzazzjoni tas-sajd lil xi bastiment tas-sajd tal-Unjoni, l-Istat Membru tal-bandiera għandu minnufih jinforma b’dan lill-Kummissjoni. L-Istat Membru għandu jissospendi jew jirtira l-awtorizzazzjoni tas-sajd tiegħu għall-operazzjonijiet tas-sajd fl-ilmijiet tar-Renju Unit skont dan.

Artikolu 18d 
Monitoraġġ

Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-ħruġ tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd mir-Renju Unit għall-operazzjonijiet tas-sajd li jitwettqu minn bastimenti tas-sajd tal-Unjoni fl-ilmijiet tar-Renju Unit.”;

(2)It-Titolu IIIa li ġej jiddaħħal bejn it-Titolu III u t-Titolu IV:

TITOLU IIIa

“OPERAZZJONIJIET TAS-SAJD MINN BASTIMENTI TAS-SAJD TAR-RENJU UNIT FL-ILMIJIET TAL-UNJONI

Artikolu 38a 
Kamp ta’ Applikazzjoni

B’deroga mit-Titolu III, dan it-Titolu għandu japplika għall-operazzjonijiet tas-sajd imwettqa minn bastimenti tas-sajd tar-Renju Unit fl-ilmijiet tal-Unjoni.

Artikolu 38b 
Operazzjonijiet tas-sajd minn bastimenti tar-Renju Unit

Il-bastimenti tas-sajd tar-Renju Unit jistgħu jwettqu operazzjonijiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-Unjoni, f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni, dment li l-bastimenti tal-Unjoni jingħataw aċċess biex iwettqu operazzjonijiet tas-sajd fl-ilmijiet tar-Renju Unit fuq bażi reċiproka.

Artikolu 38c 
Prinċipji ġenerali

1.Bastiment tas-sajd tar-Renju Unit ma għandux iwettaq operazzjonijiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-Unjoni mingħajr awtorizzazzjoni tas-sajd mill-Kummissjoni. Dan għandu jingħata din l-awtorizzazzjoni biss jekk ikun jissodisfa l-kriterji tal-eliġibbiltà stipulati fil-paragrafu 2.

2.Il-Kummissjoni tista’ tagħti l-awtorizzazzjoni tas-sajd lil bastiment tar-Renju Unit jekk:

(a)il-bastiment tas-sajd ikollu liċenzja tas-sajd valida maħruġa mill-awtorità tar-Renju Unit;

(b)ir-Renju Unit ikun elenka l-bastiment tas-sajd f’reġistru tal-flotta li jkun aċċessibbli għall-Kummissjoni;

(c)il-bastiment tas-sajd u kull bastiment ta’ appoġġ assoċjat miegħu japplikaw l-iskema rilevanti tan-numri tal-identifikazzjoni tal-bastimenti tal-OMI sa fejn din hija meħtieġa skont id-dritt tal-Unjoni;

(d)il-bastiment tas-sajd ma jkunx elenkat f’lista ta’ bastimenti IUU adottat minn organizzazzjoni reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd u/jew mill-Unjoni skont ir-Regolament IUU;

(e)ir-Renju Unit ma jkunx elenkat bħala mhux kooperattiv skont ir-Regolament IUU, jew li jkun qed jippermetti opportunitajiet tas-sajd mhux sostenibbli skont ir-Regolament (UE) Nru 1026/2012;

(f)ir-Renju Unit ikollu l-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għalih.

3.Bastiment tar-Renju Unit li jkun awtorizzat jistad fl-ilmijiet tal-Unjoni għandu jikkonforma mar-regoli li jirregolaw l-operazzjonijiet tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni fiż-żona tas-sajd li jopera fiha.

Artikolu 38d 
Proċedura biex jinkisbu l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd

1.Ir-Renju Unit għandu jibgħat l-applikazzjoni jew il-lista tal-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-bastimenti tas-sajd tiegħu lill-Kummissjoni.

2.Il-Kummissjoni tista’ titlob lir-Renju Unit l-informazzjoni addizzjonali meħtieġa biex jiġi vverifikat li ntlaħqu l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 38c(2).

3.Meta jkun ġie vverifikat li ntlaħqu l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 38b u l-Artikolu 38c(2), il-Kummissjoni tista’ tagħti awtorizzazzjoni tas-sajd u tinforma b’dan lir-Renju Unit u lill-Istati Membri kkonċernati mingħajr dewmien.

Artikolu 38e 
Ġestjoni tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd

1.Jekk xi waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 38b u l-Artikolu 38c(2) ma jibqgħux jiġu ssodisfati, il-Kummissjoni għandha tieħu l-azzjoni xierqa, li tinkludi emendar jew irtirar tal-awtorizzazzjoni, u tinforma b’dan lir-Renju Unit u lill-Istati Membri kkonċernati.

2.Il-Kummissjoni tista’ tirrifjuta li tagħti awtorizzazzjonijiet jew tissospendi jew tirtira kwalunkwe awtorizzazzjoni li tkun ingħatat lil bastiment tas-sajd tar-Renju Unit fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)meta tkun seħħet bidla fundamentali fiċ-ċirkostanzi, b’mod partikolari fir-rigward tal-aċċess reċiproku tal-bastimenti tal-Unjoni għall-ilmijiet tar-Renju Unit;

(b)jekk ikun hemm theddida serja għall-isfruttament sostenibbli, għall-ġestjoni u għall-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi marittimi;

(c)meta dan ikun essenzjali sabiex jiġi evitat jew jitwaqqaf is-sajd IUU;

(d)meta l-Kummissjoni tqis li jkun xieraq abbażi tas-sejbiet tagħha li jirriżultaw mill-attivitajiet ta’ monitoraġġ tagħha skont l-Artikolu 18d;

(e)meta r-Renju Unit jirrifjuta jew jirrevoka mingħajr raġuni l-awtorizzazzjoni ta’ bastimenti tal-Unjoni għall-ilmijiet tar-Renju Unit.

3.Il-Kummissjoni għandha tgħarraf minnufih lir-Renju Unit jekk tirrifjuta, tissospendi jew tirtira l-awtorizzazzjoni f’konformità mal-paragrafu 2.

Artikolu 38f 
Għeluq tal-operazzjonijiet tas-sajd

1.Meta l-opportunitajiet tas-sajd li jkunu ngħataw lir-Renju Unit jitqiesu eżawriti, il-Kummissjoni għandha tgħarraf minnufih lir-Renju Unit u lill-awtoritajiet kompetenti ta’ spezzjoni tal-Istati Membri. Bil-ħsieb li tiżgura t-tkomplija tal-operazzjonijiet tas-sajd ta’ opportunitajiet tas-sajd li ma jkunux eżawriti u li jistgħu jaffettwaw ukoll l-opportunitajiet eżawriti, il-Kummissjoni għandha titlob lir-Renju Unit jikkomunika l-miżuri tekniċi li jevitaw kwalunkwe impatt negattiv fuq l-opportunitajiet tas-sajd eżawriti.

2.Mid-data tan-notifika msemmija fil-paragrafu 1, l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd mogħtija lill-bastimenti li jtajru l-bandiera tar-Renju Unit għandhom jitqiesu sospiżi għall-operazzjonijiet tas-sajd ikkonċernati u l-bastimenti ma għandhomx jitqiesu li għadhom awtorizzati jwettqu dawk l-operazzjonijiet tas-sajd.

3.L-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għandhom jitqiesu rtirati meta sospensjoni tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd f’konformità mal-paragrafu 2 tkun tikkonċerna l-operazzjonijiet tas-sajd kollha li jkunu ngħataw għalihom.

Artikolu 38g 
Sajd eċċessiv tal-kwoti fl-ilmijiet tal-Unjoni

Meta l-Kummissjoni tistabbilixxi li r-Renju Unit ikun qabeż il-kwoti li jkunu allokati lilu għal stokk jew grupp ta’ stokkijiet, il-Kummissjoni għandha tnaqqas mill-kwoti l-oħra allokati lir-Renju Unit. Il-Kummissjoni għandha tfittex li tiżgura li l-ammont tat-tnaqqis ikun konsistenti mat-tnaqqis li jkun impost fuq l-Istati Membri f’ċirkostanzi simili.

Artikolu 38h 
Kontroll u infurzar

1.Bastiment tar-Renju Unit li jkun awtorizzat jistad fl-ilmijiet tal-Unjoni għandu jikkonforma mar-regoli tal-kontroll li jirregolaw l-operazzjonijiet tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni fiż-żona tas-sajd li jopera fiha.

2.Bastiment tar-Renju Unit li jkun awtorizzat jistad fl-ilmijiet tal-Unjoni għandu jagħti lill-Kummissjoni jew lill-korp magħżul minnha, u meta rilevanti lill-Istat Membru kostali, id-data li l-bastimenti tal-Unjoni jeħtieġ jibagħtu lill-Istat Membru tal-bandiera skont ir-Regolament dwar il-Kontroll.

3.Il-Kummissjoni, jew il-korp magħżul minnha, għandhom jibagħtu d-data li tkun waslet f’konformità mal-paragrafu 2 lill-Istat Membru kostali.

4.Bastiment tar-Renju Unit li jkun awtorizzat jistad fl-ilmijiet tal-Unjoni għandu, meta jintalab jagħmel dan, jagħti lill-Kummissjoni jew lill-korp magħżul minnha, ir-rapporti tal-osservaturi li jkunu saru skont il-programmi tal-osservaturi applikabbli.

5.Stat Membru kostali għandu jirreġistra kwalunkwe ksur li jagħmlu l-bastimenti tas-sajd tar-Renju Unit, inkluż is-sanzjonijiet marbutin magħhom fir-reġistru nazzjonali previst fl-Artikolu 93 tar-Regolament dwar il-Kontroll.”.

Artikolu 2
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-jum ta’ wara dak meta d-dritt tal-Unjoni ma jibqax japplika għar-Renju Unit u fir-Renju Unit, skont l-Artikolu 126 u 127 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, sal-ewwel data li tasal mit-tnejn li ġejjin:

(1)il-31 ta’ Diċembru 2021;

(2)id-data meta jidħol fis-seħħ jew japplika proviżorjament ftehim li jirregola s-sajd bejn l-Unjoni u r-Renju Unit.

Madankollu, dan ir-Regolament ma għandux japplika jekk il-ftehim imsemmi fil-punt (2) tat-tieni paragrafu jidħol fis-seħħ jew japplika proviżorjament sad-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE, (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22-61).
(2)    Ir-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar il-ġestjoni sostenibbli ta’ flotot tas-sajd esterni, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 81).    
(3)    ĠU C , , p. .
(4)    Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar u l-Ftehim tat-28 ta’ Lulju 1994 dwar l-implimentazzjoni tal-Parti XI tagħha (ĠU L 179, 23.6.1998, p. 3).
(5)    Ir-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar il-ġestjoni sostenibbli ta’ flotot tas-sajd esterni, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 81).
(6)    Ir-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tal-Kunsill tat-3 ta’ Ġunju 1971 li jistabbilixxi r-regoli applikabbli għal perjodi, dati u limiti ta’ żmien (ĠU L 124, 8.6.1971, p. 1).
Top