Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020PC0704

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar emenda għall-Anness IV (L-Enerġija) tal-Ftehim ŻEE [32017R1485 - Linja gwida dwar it-tħaddim tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-elettriku]

    COM/2020/704 final

    Brussell, 12.11.2020

    COM(2020) 704 final

    2020/0315(NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar emenda għall-Anness IV (L-Enerġija) tal-Ftehim ŻEE

    [32017R1485 - Linja gwida dwar it-tħaddim tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-elettriku]

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Raġunijiet u objettivi tal-proposta

    L-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE (anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill proposta) għandu l-għan li jemenda l-Anness IV (L-Enerġija) tal-Ftehim ŻEE sabiex jinkorpora r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1485 tat-2 ta’ Awwissu 2017 li jistabbilixxi linja gwida dwar it-tħaddim tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-elettriku 1 fil-Ftehim ŻEE.

    Il-kodiċijiet tan-network u l-linji gwida għall-elettriku, kif stabbiliti fuq il-bażi tat-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija, jiddefinixxu r-regoli tekniċi għall-faċilitazzjoni tal-kummerċ fis-suq intern tal-elettriku tal-UE. Suq intern tal-enerġija li jiffunzjona b’mod sħiħ u li jkun kompletament interkonness huwa kruċjali għall-objettivi tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, biex tiżdied il-kompetittività u biex jiġi żgurat li l-konsumaturi jkunu jistgħu jixtru l-enerġija bi prezzijiet affordabbli. Interkonnessjonijiet elettriċi sinifikanti ġew stabbiliti bejn in-Norveġja, bħala Stat taż-ŻEE-EFTA, u l-Istati Membri tal-UE. Għaldaqstant huwa imperattiv li r-regoli tekniċi applikabbli għall-kummerċ fis-suq intern tal-elettriku tal-UE jiġu estiżi għaż-ŻEE biex tiġi żgurata l-omoġeneità bħala bażi għall-kummerċ fl-elettriku.

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1485 jistipula l-linji gwida dwar is-sigurtà operazzjonali, il-koordinazzjoni tal-iskambju tad-data, it-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-impjegati, il-koordinazzjoni f’każ ta’ indisponibbiltajiet, l-iskedar f’termini ta’ tħaddim tas-sistema u l-kontroll tal-frekwenza tat-tagħbija u r-riservi. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1485 japplika għas-sistemi ta’ trażmissjoni, għas-sistemi ta’ distribuzzjoni u għall-interkonnessjonijiet u għall-koordinaturi reġjonali tas-sigurtà kollha, ħlief dawk li jinsabu fuq il-gżejjer, li ma jgħoddux maż-żoni sinkroniċi rilevanti.

    L-adattamenti li jidhru fl-abbozz ta’ Deċiżjoni annessa tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jmorru lil hinn minn dak li jista’ jitqies bħala sempliċement adattamenti tekniċi fis-sens tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2894/94. Il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha għalhekk tiġi stabbilita mill-Kunsill.

    Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

    L-abbozz anness tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jestendi l-politika tal-UE diġà eżistenti għall-Istati taż-ŻEE-EFTA (in-Norveġja, l-Iżlanda, u l-Liechtenstein).

    Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

    L-estensjoni tal-acquis tal-UE għall-Istati taż-ŻEE-EFTA, permezz tal-inkorporazzjoni tiegħu fil-Ftehim ŻEE, titwettaq f’konformità mal-għanijiet u mal-prinċipji ta’ dan il-Ftehim li jimmiraw lejn l-istabbiliment ta’ Żona Ekonomika Ewropea dinamika u omoġena, ibbażata fuq regoli komuni u kundizzjonijiet ugwali ta’ kompetizzjoni.

    2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    Bażi ġuridika

    Il-leġiżlazzjoni li se tiġi inkorporata fil-Ftehim ŻEE hija bbażata fuq l-Artikolu 194 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    L-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 2 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ŻEE jipprevedi li l-Kunsill jistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fir-rigward ta’ Deċiżjonijiet bħal dawn, wara proposta mill-Kummissjoni.

    Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva) 

    Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà għar-raġuni li ġejja:

    L-għan ta’ din il-proposta, jiġifieri li tiġi żgurata l-omoġeneità tas-Suq Intern, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jista’ għalhekk, minħabba l-effetti, jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni.

    Proporzjonalità

    F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, din il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq l-objettiv tagħha.

    Għażla tal-istrument

    F’konformità mal-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, l-istrument magħżul huwa d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE. Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għandu jiżgura l-implimentazzjoni u t-tħaddim effettiv tal-Ftehim ŻEE. Għal dan il-għan, għandu jieħu deċiżjonijiet fil-każijiet previsti fil-Ftehim ŻEE.

    3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

    Mhux applikabbli.

    4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    Ma hemm l-ebda implikazzjoni għall-baġit mistennija bħala riżultat tal-inkorporazzjoni tar-Regolament imsemmi hawn fuq fil-Ftehim ŻEE.

    5.ELEMENTI OĦRA

    Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

    Adattament (a) – Nuqqas ta’ applikabbiltà għall-Iżlanda u l-Liechtenstein

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1485 japplika għas-sistemi ta’ trażmissjoni, għas-sistemi ta’ distribuzzjoni u għall-interkonnessjonijiet u għall-koordinaturi reġjonali tas-sigurtà kollha, ħlief dawk li jinsabu fuq il-gżejjer, li ma jgħoddux maż-żoni sinkroniċi rilevanti. Għaldaqstant, jenħtieġ li ma japplikax għall-Iżlanda.

    Jenħtieġ li r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1485 ma japplikax għal-Liechtenstein, peress li minħabba d-daqs żgħir tiegħu u l-għadd limitat ta’ klijenti tal-elettriku l-Liechtenstein ma għandux network tat-trażmissjoni tal-elettriku tiegħu stess.

    Adattament (b) u l-premessa (6) – informazzjoni sensittiva dwar is-sistema tal-elettriku

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1485 jinkludi dispożizzjonijiet dwar l-obbligi li tiġi pprovduta informazzjoni lin-Network Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta’ Trażmissjoni tal-Elettriku (European Network of Transmission System Operators for Electricity, ENTSO-E) u lill-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (Agency for the Cooperation of Energy Regulators, ACER). L-adattament (b) jagħmilha possibbli li l-Operaturi tas-Sistema ta’ Trażmissjoni (“TSOs”) u r-regolaturi jiskambjaw tali informazzjoni u jipproteġuha.

    L-adattament (c) u l-premessa (7) – referenza għad-drittijiet ta’ parteċipazzjoni tat-TSO Norveġiż, tal-operatur nominat tas-suq tal-elettriku (Nominated Electricity Market Operator, NEMO) u tal-awtorità regolatorja nazzjonali (ARN) waqt l-iżvilupp u l-approvazzjoni tat-termini, il-kundizzjonijiet u l-metodoloġiji.

    L-adattament u l-premessa msemmija hawn fuq jadattaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1485 dwar id-drittijiet ta’ parteċipazzjoni ta’ entitajiet rilevanti waqt l-iżvilupp u l-approvazzjoni ta’ termini, kundizzjonijiet u metodoloġiji biex jinkludu n-Norveġja.

    2020/0315 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar emenda għall-Anness IV (L-Enerġija) tal-Ftehim ŻEE

    [32017R1485 - Linja gwida dwar it-tħaddim tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-elettriku]

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 194 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea 3 , u b’mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea 4 (il-“Ftehim ŻEE”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994.

    (2)Skont l-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jista’ jiddeċiedi li jemenda, fost l-oħrajn, l-Anness IV tal-Ftehim ŻEE.

    (3)Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1485 tat-2 ta’ Awwissu 2017 li jistabbilixxi linja gwida dwar it-tħaddim tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-elettriku 5 għandu jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE.

    (4)Għalhekk, l-Anness IV tal-Ftehim ŻEE jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

    (5)Għaldaqstant jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni mehmuż,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda proposta għall-Anness IV (L-Enerġija) tal-Ftehim ŻEE, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozzi ta’ deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuża ma’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1)    ĠU L 220, 25.8.2017, p. 1.
    (2)    ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6-8.
    (3)    ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6.
    (4)    ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.
    (5)    ĠU L 220, 25.8.2017, p. 1.
    Top

    Brussell, 12.11.2020

    COM(2020) 704 final

    ANNESS

    tal-

    Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

    dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar emenda għall-Anness IV (L-Enerġija) tal-Ftehim ŻEE



    [32017R1485 - Linja gwida dwar it-tħaddim tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-elettriku]


    ANNESS

    DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE

    Nru […]

    ta’ […]

    li temenda l-Anness IV (L-Enerġija) tal-Ftehim ŻEE

    IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE

    Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u b’mod partikolari l-Artikoli 86 u 98 tiegħu,

    Billi:

    (1)Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1485 tat-2 ta’ Awwissu 2017 li jistabbilixxi linja gwida dwar it-tħaddim tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-elettriku 1 għandu jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE.

    (2)Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1485 ma japplikax għal sistemi ta’ trażmissjoni fuq gżejjer li mhumiex konnessi ma’ sistemi ta’ trażmissjoni oħra ta’ trażmissjoni permezz ta’ interkonnessjonijiet.

    (3)Billi s-sistema ta’ trażmissjoni tal-Iżlanda mhijiex konnessa ma’ sistemi ta’ trażmissjoni oħrajn, jenħtieġ li r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1485 ma japplikax għall-Iżlanda.

    (4)Minħabba d-daqs żgħir tiegħu u l-għadd limitat ta’ klijenti tal-elettriku l-Liechtenstein ma għandux network tat-trażmissjoni tal-elettriku tiegħu stess. Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1485 ma japplikax għal-Liechtenstein.

    (5)Ir-referenzi għall-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni (“TSOs”), għall-operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni (“DSOs”), għall-utenti sinifikanti tal-grilja (“SGUs”), għall-awtoritajiet regolatorji, għall-partijiet ikkonċernati u għall-entitajiet maħtura jenħtieġ li jinftiehmu li jinkludu t-TSO, id-DSOs, l-SGUs, l-awtorità regolatorja, il-partijiet ikkonċernati u l-entitajiet maħtura li jirrappreżentaw lin-Norveġja.

    (6)Waqt l-iżvilupp konġunt tat-termini, tal-kundizzjonijiet u tal-metodoloġiji skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1485 huwa essenzjali li l-informazzjoni kollha meħtieġa tiġi sottomessa mingħajr dewmien. Jenħtieġ li l-kooperazzjoni mill-qrib bejn it-TSOs u r-regolaturi tiżgura li l-informazzjoni sensittiva, bħal informazzjoni dettaljata dwar is-substazzjonijiet tal-elettriku, is-sit eżatt tat-trażmissjoni taħt l-art, l-informazzjoni dwar is-sistemi ta’ kontroll u l-analiżi dettaljata tal-vulnerabbiltajiet, li tista’ tintuża għas-sabotaġġ, tiġi protetta b’mod effettiv f’dan il-proċess tal-iżvilupp ta’ termini, kundizzjonijiet jew metodoloġiji. Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li fil-kooperazzjoni man-Norveġja jiġi stabbilit l-istess livell ta’ kooperazzjoni rigward l-iskambju tal-informazzjoni u l-protezzjoni ta’ informazzjoni sensittiva.

    (7)L-input mill-partijiet ikkonċernati ewlenin kollha fl-iżvilupp ta’ termini, kundizzjonijiet u metodoloġiji reġjonali jew taż-ŻEE kollha, li jistgħu jsiru vinkolanti permezz ta’ approvazzjoni regolatorja, huwa kruċjali għal qafas regolatorju transfruntier effettiv. Għalhekk, jenħtieġ li t-TSOs u l-partijiet ikkonċernati l-oħra jipparteċipaw fil-proċessi għall-iżvilupp ta’ proposti għal termini, kundizzjonijiet u metodoloġiji kif stabbilit fid-diversi dispożizzjonijiet f’dan ir-Regolament. It-TSO u n-NEMOs Norveġiżi jenħtieġ li b’mod partikolari jipparteċipaw fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-partijiet ikkonċernati b’mod simili għat-TSOs u n-NEMOs li jirrappreżentaw Stat Membru tal-UE.

    (8)F’dak li għandu x’jaqsam ma’ proposti reġjonali jew għall-Unjoni kollha, fejn l-approvazzjoni tal-proposti mit-TSOs tirrikjedi deċiżjoni minn aktar minn awtorità regolatorja waħda, jenħtieġ li l-awtoritajiet regolatorji jikkonsultaw u jikkooperaw mill-qrib sabiex jilħqu ftehim qabel l-awtoritajiet regolatorji jadottaw deċiżjoni. Jenħtieġ li l-awtorità regolatorja Norveġiża tkun involuta f’din il-kooperazzjoni.

    (9)Billi dan ir-Regolament ġie adottat fuq il-bażi tar-Regolament (KE) 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 2 , it-testi tal-adattament elaborati u adottati fil-qafas tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 93/2017 tal-5 ta’ Mejju 2017 3 għall-implimentazzjoni tar-Regolament 714/2009, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 1(1) u (5), li jipprevedu adattamenti dwar ir-rwol tal-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija fil-kuntest taż-ŻEE, huma rilevanti għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament fiż-ŻEE, partikolarment għall-Artikolu 6(8) u għall-Artikolu 7(3).

    (10)Għalhekk, l-Anness IV tal-Ftehim ŻEE jenħtieġ li jiġi emendat kif xieraq,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Dan li ġej jiddaħħal wara l-punt 50 (ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/1719) tal-Anness IV tal-Ftehim ŻEE:

    “51.    32017 R 1485: Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1485 tat-2 ta’ Awwissu 2017 li jistabbilixxi linja gwida dwar it-tħaddim tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-elettriku (ĠU L 220, 25.8.2017, p. 1).

    Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament għandhom, għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, jinqraw bl-adattamenti li ġejjin:

    (a)Ir-Regolament ma għandux japplika għall-Iżlanda u l-Liechtenstein.

    (b)Dan li ġej għandu jiżdied mal-Artikolu 12:

    “Il-ftehimiet bejn it-TSOs u/jew ir-regolaturi jistgħu jiżguraw li l-informazzjoni kunfidenzjali jew sensittiva tkun protetta b’mod effettiv u jiggarantixxu li l-informazzjoni kollha li hija meħtieġa għall-iżvilupp tat-termini, il-kundizzjonijiet u l-metodoloġiji komuni tiġi ppreżentata mingħajr dewmien.”

    (c)Fl-Artikolu 5:

    (i)Ir-referenzi għall-“popolazzjoni tal-Unjoni” fl-Artikolu 5(3)(b), għall-“popolazzjoni tar-reġjun ikkonċernat” fl-Artikolu 5(5)(b) u għall-“popolazzjoni tal-Istati Membri parteċipanti” fl-Artikolu 5(6) għandhom jinftiehmu li jinkludu l-popolazzjoni tan-Norveġja meta jitqies jekk intlaħaqx il-livell limitu tal-popolazzjoni rilevanti biex tinkiseb maġġoranza kwalifikata.

    (ii)Ir-referenzi għar-“reġjuni magħmulin minn iktar minn ħames Stati Membri” fl-Artikolu 5(5) u għar-“reġjuni magħmulin minn ħames Stati Membri jew inqas” fl-Artikolu 5(7) għandhom jinqraw bħala “reġjuni magħmula minn aktar minn erba’ Stati Membri tal-Unjoni u n-Norveġja” jew bħala “reġjuni magħmula minn erba’ Stati Membri tal-Unjoni u n-Norveġja jew inqas”.

    Artikolu 2

    It-test tar-Regolament (UE) 2017/1485 bil-lingwa Iżlandiża u b’dik Norveġiża, li se jiġi ppubblikat fis-Suppliment taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandu jkun awtentiku.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fi […], jew fil-jum li jiġi wara l-aħħar notifika lill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE 4*, skont liema wieħed minnhom ikun l-aħħar.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u fis-Suppliment tiegħu dwar iż-ŻEE.

    Magħmul fi Brussell, […].

       Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

       Il-President

       […]

       Is-Segretarji

       Tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

       […]

    (1)    ĠU L 220, 25.8.2017, p. 1.
    (2)    ĠU L 211, 14.8.2009, p. 15.
    (3)    ĠU L 36, 7.2.2019, p. 44.
    (4) *    Hemm indikati rekwiżiti kostituzzjonali.
    Top