Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020PC0360

    Proposta għal DIRETTIVA TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud rigward l-identifikazzjoni tal-persuni taxxabbli fl-Irlanda ta’ Fuq

    COM/2020/360 final

    Brussell, 7.8.2020

    COM(2020) 360 final

    2020/0165(CNS)

    Proposta għal

    DIRETTIVA TAL-KUNSILL

    li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud rigward l-identifikazzjoni tal-persuni taxxabbli fl-Irlanda ta’ Fuq


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Raġunijiet u objettivi tal-proposta

    Ir-Renju Unit ħareġ mill-Unjoni Ewropea (UE) fil-31 ta’ Jannar 2020. F’konformità mal-Ftehim dwar il-Ħruġ 1 , dan issa sar pajjiż terz għall-UE.

    Madankollu, l-UE u r-Renju Unit qablu bejniethom li jkun hemm perjodu ta’ tranżizzjoni sa tmiem l-2020 li matulu, fost affarijiet oħra, tkompli tapplika l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-VAT fir-Renju Unit 2 .

    Mill-1 ta’ Jannar 2021, il-leġiżlazzjoni dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud tal-UE ma tibqax tapplika fir-Renju Unit. Madankollu, abbażi tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq 3 (minn hawn ’il quddiem “il-Protokoll”) li jifforma parti mill-Ftehim dwar il-ħruġ, l-Irlanda ta’ Fuq tibqa’ soġġetta għal-leġiżlazzjoni tal-VAT tal-UE f’dak li għandu x’jaqsam mal-merkanzija biex jiġi evitat li jkun hemm fruntiera fiżika bejn l-Irlanda u l-Irlanda ta’ Fuq. Min-naħa l-oħra, fejn jidħlu s-servizzi, l-Irlanda ta’ Fuq titqies li hi barra l-UE, flimkien mal-bqija tar-Renju Unit.

    Dan inevitabbilment iwassal għal sistema doppja jew imħallta tat-taxxa fuq il-valur miżjud fl-Irlanda ta’ Fuq li biha, skont ir-regoli tal-post tat-tranżazzjonijiet taxxabbli stipulati fit-Titolu V tad-Direttiva tal-VAT 4 , il-provvisti, l-akkwisti intra-Komunitarji u l-importazzjonijiet ta’ merkanzija li jinsabu fl-Irlanda ta’ Fuq huma soġġetti għar-regoli armonizzati tal-UE filwaqt li l-provvisti tas-servizzi li jsiru fl-istess territorju mhumiex soġġetti għas-sistema tal-VAT tal-UE.

    Sabiex is-sistema tal-VAT tal-UE taħdem tajjeb, huwa essenzjali li l-persuni taxxabbli li jfornu provvisti ta’ merkanzija (anki dawk imsejħa “provvisti intra-Komunitarji”) jew akkwisti ta’ merkanzija intra-Komunitarja (anki minn persuni ġuridiċi mhux taxxabbli) kif elenkati fl-Artikolu 214, jiġu identifikati għall-finijiet tat-taxxa fuq il-valur miżjud skont ir-regoli tal-UE. Dan hemm bżonnu wkoll biex ikun żgurat it-tħaddim tajjeb tal-iskemi speċjali fakultattivi għall-persuni taxxabbli li jfornu s-servizzi lill-persuni mhux taxxabbli, jew għal dawk li jbigħu l-merkanzija mill-bogħod.

    Minn din il-perspettiva, huwa importanti li dawk il-persuni taxxabbli (u fejn ikun xieraq, il-persuni ġuridiċi mhux taxxabbli) jiġu identifikati fl-Irlanda ta’ Fuq permezz ta’ numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT li jingħata skont ir-regoli tal-UE u li jkun differenti minn kull numru tal-identifikazzjoni tal-VAT tar-Renju Unit (li jibdew bl-ittri “GB”) u li se jingħataw skont il-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit. Jista’ jkun il-każ li dan in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT ikollu jiġi attribwit flimkien man-numru tal-identifikazzjoni tal-VAT li jintuża fir-Renju Unit, meta pereżempju, negozju jforni kemm merkanzija kif ukoll servizzi fl-Irlanda ta’ Fuq.

    Għan-negozji, b’mod partikolari dawk li huma involuti fin-negozju tal-merkanzija mill-Irlanda ta’ Fuq u lejha, jenħtieġ li jkun hemm iċ-ċarezza u jkun faċli li wieħed jifhem liema regoli jrid japplika, jiġifieri jekk hux dawk li hemm fis-seħħ fl-UE, inkella dawk fis-seħħ fir-Renju Unit. In-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT għandu rwol importanti fit-tħaddim tas-sistema tal-VAT tal-UE, pereżempju biex tiġi ġġustifikata l-eżenzjoni tal-hekk imsejħa “provvisti intra-Komunitarji” ta’ merkanzija (permezz tas-sistema VIES), biex jiġi ddeterminat liema mill-proċeduri għar-rifużjoni tal-VAT għandha tapplika (is-sistema tar-rifużjoni tal-VAT tal-UE 5 jew it-13-il Direttiva 6 ), liema grupp tal-VAT għandu japplika, liema tranżazzjoni triangolari u liema tranżazzjoni f’katina (“operatur intermedjarju”), liema arranġamenti dwar il-merkanzija kkuntrattata, “il-proċedura doganali 42”, “ix-xibka ta’ sikurezza” (il-post tal-akkwist intra-Komunitarju fl-Istat Membru li hareġ il-VAT).

    Għalhekk ġie propost li n-numri ta’ identifikazzjoni tal-VAT fl-Irlanda ta’ Fuq ikollhom il-prefiss speċifiku “XI”. Huwa meħtieġ prefiss speċifiku ġdid għaliex l-Irlanda ta’ Fuq ma għandhiex kodiċi ISO speċifiku 3166 – alpha 2, li jintuża biex jiġu ddeterminati l-prefissi tan-numri ta’ identifikazzjoni tal-VAT fl-UE, kif stipulat fl-Artikolu 215 tad-Direttiva tal-VAT. Iżda l-ISO tipprevedi l-possibbiltà li għat-territorji li ma għandhomx kodiċi speċifiku jintużaw il-kodiċijiet X; għaldaqstant, il-kodiċi “XI” huwa l-għażla loġika.

    Ta’ min wieħed jinnota li, minkejja li jeżisti l-obbligu ġenerali li, skont l-Artikolu 214 tad-Direttiva tal-VAT, jiġu identifikati l-persuni taxxabbli għall-VAT (u, fejn japplika, il-persuni ġuridiċi mhux taxxabbli), teżisti wkoll il-possibbiltà li jiġu esklużi ċerti persuni taxxabbli minn dan l-obbligu u minn oħrajn, soġġett għall-kundizzjonijiet tal-Artikolu 272 tad-Direttiva tal-VAT. B’hekk, ir-Renju Unit jista’ jagħżel li jillimita l-identifikazzjoni bl-użu ta’ dak il-prefiss speċifiku għan-negozjanti fl-Irlanda ta’ Fuq li effettivament huma involuti fin-negozju ta’ merkanzija intra-UE, u jħalli barra dawk in-negozji li jfornu l-merkanzija domestikament biss, pereżempju.

    Kif issemma diġà, in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT (bil-prefiss it-tajjeb tal-pajjiż) għandu rwol importanti fin-negozju intra-UE. Numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT validu bil-prefiss it-tajjeb issa huwa kundizzjoni sostantiva biex dak li jkun japplika l-eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 138 tad-Direttiva tal-VAT għall-hekk imsejħa “provvisti ta’ merkanzija intra-Komunitarji”. Jeħtieġ ukoll li l-applikanti jkunu jistgħu jaċċessaw is-sistema ta’ rifużjoni tal-VAT.

    Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

    L-użu tal-kodiċi “XI” propost huwa konsistenti mal-użu ppjanat tiegħu għall-finijiet tad-Dwana u tas-Sisa b’rabta mal-Irlanda ta’ Fuq.

    Konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni

    Il-proposta hija konsistenti mal-implimentazzjoni ġenerali tal-Protokoll biex tkun żgurata tħejjija f’waqtha u ordnata tal-pożizzjoni partikolari tal-Irlanda ta’ Fuq wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE.

    2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    Bażi ġuridika

    Id-Direttiva temenda d-Direttiva tal-VAT abbażi tal-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’mod unanimu skont proċedura leġiżlattiva speċjali u wara li jkun ikkonsulta mal-Parlament Ewropew u mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, jadotta d-dispożizzjonijiet għall-armonizzazzjoni tar-regoli tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni indiretta.

    Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

    Skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, tista’ tittieħed biss azzjoni fil-livell tal-Unjoni jekk l-għanijiet previsti ma jkunux jistgħu jinkisbu b’mod sodisfaċenti mill-Istati Membri waħedhom u, għalhekk, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjonijiet proposti, ikunu jistgħu jinkisbu aħjar mill-UE.

    L-arranġamenti dwar il-VAT b’rabta mal-Irlanda ta’ Fuq, min-natura tagħhom ma jistgħux jiġu deċiżi mill-Istati Membri individwali. Barra minn hekk, il-VAT hija taxxa armonizzata fil-livell tal-Unjoni u għalhekk kull inizjattiva biex jiġi introdott kodiċi speċifiku għas-sistema tal-VAT b’rabta mal-Irlanda ta’ Fuq teħtieġ proposta tal-Kummissjoni biex tiġi emendata d-Direttiva tal-VAT.

    Proporzjonalità

    Sa fejn jikkonċerna l-introduzzjoni tas-sistema speċjali għall-Irlanda ta’ Fuq, il-proposta hija konsistenti mal-prinċipju tal-proporzjonalità, jiġifieri ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet tat-Trattati, b’mod partikolari l-funzjonament bla xkiel tas-suq uniku wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE. Bħal fil-każ tat-test għas-sussidjarjetà, mhuwiex possibbli li l-Istati Membri jittrattaw l-aspetti prattiċi tas-sitwazzjoni speċjali tal-Irlanda ta’ Fuq fis-sistema tal-VAT tal-UE mingħajr proposta li tiġi emendata d-Direttiva tal-VAT.

    Għażla tal-istrument

    Qed tiġi proposta Direttiva bil-ħsieb li tiġi emendata d-Direttiva tal-VAT.

    4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    Il-proposta mhux se jkollha implikazzjonijiet għall-baġit tal-Unjoni.

    F’dan il-kuntest ta’ min jiftakar li, f’konformità mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Protokoll, id-dħul li jirriżulta mit-tranżazzjonijiet li jkunu taxxabbli fl-Irlanda ta’ Fuq ma għandux jingħata lill-UE.

    2020/0165 (CNS)

    Proposta għal

    DIRETTIVA TAL-KUNSILL

    li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud rigward l-identifikazzjoni tal-persuni taxxabbli fl-Irlanda ta’ Fuq

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 113 tiegħu, flimkien mal-Artikolu 131 tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika 7 ,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew 8 ,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 9 ,

    Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,

    Billi:

    (1)Ir-Renju Unit ħareġ mill-Unjoni Ewropea fil-31 ta’ Jannar 2020 abbażi tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika (“il-Ftehim dwar il-Ħruġ”). Il-Ftehim dwar il-Ħruġ jipprevedi perjodu ta’ tranżizzjoni li jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2020. Sa dik id-data, tibqa’ tapplika l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (“il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-VAT”) għar-Renju Unit u fih. Wara l-perjodu ta’ tranżizzjoni ma tibqax tapplika l-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar il-VAT għar-Renju Unit jew fih.

    (2)Madankollu, f’konformità mal-Artikolu 8 tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq (“il-Protokoll”), li jifforma parti mill-Ftehim dwar il-ħruġ, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-VAT se tkompli tapplika fl-Irlanda ta’ Fuq 10 wara l-perjodu tat-tranżizzjoni f’dak li għandu x’jaqsam mal-merkanzija, biex jiġi evitat li jkun hemm fruntiera fiżika bejn l-Irlanda u l-Irlanda ta’ Fuq.

    (3)Għalhekk, il-persuni taxxabli u ċerti persuni ġuridiċi mhux taxxabbli se jkunu soġġetti għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-VAT għat-tranżazzjonijiet fuq il-merkanzija fl-Irlanda ta’ Fuq, filwaqt li se jkunu soġġetti għal-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit dwar il-VAT għat-tranżazzjonijiet kollha l-oħra fir-Renju Unit, anki rigward l-Irlanda ta’ Fuq.

    (4)Biex is-sistema tal-VAT tal-Unjoni taħdem tajjeb, huwa essenzjali li jingħata numru distint tal-VAT lil kull persuna taxxabbli (anki jekk dawn ikunu persuni ġuridiċi mhux taxxabbli) li tforni l-merkanzija fl-Irlanda ta’ Fuq, jew li twettaq akkwisti intra-Komunitarji ta’ merkanzija kif elenkat fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 214(1) tad-Direttiva tal- Kunsill 2006/112/KE 11 , jew lil persuna taxxabbli minħabba l-użu tal-iskemi speċjali fakultattivi għall-persuni taxxabbli jipprovdu s-servizzi lil persuni mhux taxxabbli, jew li jbigħu l-merkanzija mill-bogħod.

    (5)Għalhekk, jenħtieġ li fl-Irlanda ta’ Fuq jiġu introdotti numri ta’ identifikazzjoni tal-VAT distinti bi prefiss speċifiku, biex issir distinzjoni bejn il-persuni taxxabbli u l-persuni ġuridiċi mhux taxxabbli li t-tranżazzjonijiet tagħhom f’merkanzija li tinsab fl-Irlanda ta’ Fuq huma soġġetti għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-VAT, minn naħa waħda, u l-persuni li jagħmlu tranżazzjonijiet oħrajn li għall-finijiet tal-VAT jiġu identifikati fir-Renju Unit.

    (6)Bħala regola, il-prefissi tan-numri ta’ identifikazzjoni tal-VAT fl-Unjoni huma bbażati fuq il-kodiċi tal-ISO għall-pajjiżi, 3166 – alpha 2. L-Irlanda ta’ Fuq ma għandiex kodiċi speċifiku f’dik is-sistema, iżda l-ISO tipprevedi l-possibbiltà li għat-territorji li ma għandhomx kodiċi speċifiku jintużaw il-kodiċijiet X. Għalhekk jixraq li jiġi propost il-kodiċi “XI” għall-Irlanda ta’ Fuq.

    (7)Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Direttiva 2006/112/KE tiġi emendata skont dan,

    ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Fl-Artikolu 215 tad-Direttiva 2006/112/KE, jiżdied il-paragrafu li ġej:

    Għandu jintuża l-prefixx “XI” għall-Irlanda ta’ Fuq.

    Artikolu 2

    1.L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sal-31 ta’ Diċembru 2020. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta' dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn din ir-referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir din ir-referenza u kif trid titfassal dik id-dikjarazzjoni.

    2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    Artikolu 3

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 4

    Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1)    Il-Ftehim tal-Kunsill dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU C384 I, 12.11.2019, p.1).
    (2)    Ara l-Artikoli 126 u 127 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.
    (3)    ĠU C384 I, 12.11.2019, p. 92.
    (4)    Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).
    (5)    Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/9/KE tat-12 ta’ Frar 2008 li tistabbilixxi regoli dettaljati għar-rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud, prevista fid-Direttiva 2006/112/KE, għal persuni taxxabbli mhux stabbiliti fl-Istat Membru ta’ rifużjoni iżda stabbiliti fi Stat Membru ieħor (ĠU L 44, 20.2.2008, p. 23).
    (6)    It-Tlettax-il Direttiva tal-Kunsill 86/560/KEE tas-17 ta’ Novembru 1986 fir-rigward tal-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mat-taxxi ta’ ċaqliq ta’ flus – Arranġamenti għar-rifond tat-taxxa fuq il-valur miżjud lil persuni taxxabbli li mhumiex stabbiliti fit-territorju tal-Komunità (ĠU L 326, 21.11.1986, p. 40).
    (7)    ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7.
    (8)    ĠU C , , p. .
    (9)    ĠU C , , p. .
    (10)    Soġġett li jingħata l-kunsens demokratiku msemmi fl-Artikolu 18 tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq, biex ikompli japplika l-Artikolu 8 tiegħu.
    (11)    Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p.1).
    Top