EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020PC0283

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward ta’ aġġustamenti għall-qafas ta’ titolizzazzjoni bħala appoġġ għall-irkupru ekonomiku b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19.

COM/2020/283 final

Brussell, 24.7.2020

COM(2020) 283 final

2020/0156(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward ta’ aġġustamenti għall-qafas ta’ titolizzazzjoni bħala appoġġ għall-irkupru ekonomiku b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19.

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

{SWD(2020) 120}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, magħruf bħala r-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital (minn hawn ’il quddiem “is-CRR” - Capital Requirements Regulation) jistabbilixxi, flimkien mad-Direttiva 2013/36/UE 2 , magħrufa bħala d-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital (minn hawn ’il quddiem “is-CRD” - Capital Requirements Directive), il-qafas regolatorju prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu li joperaw fl-Unjoni. Is-CRR u s-CRD ġew adottati wara l-kriżi finanzjarja tal-2008-2009 biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-istituzzjonijiet li joperaw fis-settur finanzjarju tal-UE, fil-biċċa l-kbira bbażati fuq standards dinjija miftiehma mas-sħab internazzjonali tal-UE, b’mod partikolari l-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja (BCBS, Basel Committee on Banking Supervision).

Is-CRR sussegwentement ġie emendat f’diversi okkażjonijiet biex jindirizza d-dgħufijiet li għad hemm fil-qafas regolatorju prudenzjali u biex jimplimenta xi elementi pendenti tar-riforma globali tas-servizzi finanzjarji li huma essenzjali biex tiġi żgurata r-reżiljenza tal-istituzzjonijiet. Sett wieħed ta’ emendi, li jinsab fir-Regolament (UE) Nru 2017/2401 3 , implimenta l-qafas ta’ titolizzazzjoni rivedut adottat mill-BCBS f’Diċembru 2014 4 (“il-qafas ta’ Basel rivedut”). Il-qafas ta’ Basel rivedut tfassal biex inaqqas il-kumplessità tar-rekwiżiti kapitali regolatorji applikabbli f’dak iż-żmien, jirrifletti aħjar ir-riskji tal-pożizzjonijiet f’titolizzazzjoni u jippermetti lill-istituzzjonijiet jiddeterminaw ir-rekwiżiti kapitali permezz ta’ kalkoli proprji u abbażi tal-informazzjoni disponibbli għall-istituzzjonijiet, biex b’hekk titnaqqas id-dipendenza fuq klassifikazzjonijiet esterni.

Sabiex jiġi promoss aktar l-iżvilupp ta’ suq tat-titolizzazzjoni tal-UE ta’ kwalità għolja bbażat fuq prattiki tajbin, ir-Regolament (UE) 2017/2401 inkluda wkoll emendi li għandhom l-għan li jipprovdu trattament regolatorju aktar sensittiv għar-riskju għal titolizzazzjonijiet sempliċi, trasparenti u standardizzati (STS) f’konformità mal-istandards dwar it-trattament kapitali alternattiv għal titolizzazzjonijiet “sempliċi, trasparenti u komparabbli” ippubblikati mill-BCBS f’Lulju 2016 5 . Il-kriterji ta’ eliġibbiltà għal titolizzazzjonijiet STS huma stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 2017/2402 6 li jipprovdi wkoll sett ta’ rekwiżiti komuni dwar iż-żamma tar-riskju, id-diliġenza dovuta u l-iżvelar għas-setturi tas-servizzi finanzjarji kollha.

Ix-xokk ekonomiku qawwi kkawżat mill-pandemija tal-COVID-19 u l-miżuri ta’ konteniment eċċezzjonali qed ikollhom impatt mifrux fuq l-ekonomija. In-negozji qed jiffaċċjaw tfixkil fil-ktajjen tal-provvista, għeluq temporanju u tnaqqis fid-domanda, filwaqt li l-unitajiet domestiċi jħabbtu wiċċhom ma’ qgħad u tnaqqis fid-dħul. L-awtoritajiet pubbliċi fil-livelli tal-Unjoni u tal-Istati Membri ħadu azzjonijiet deċiżivi biex jappoġġaw lid-djar u lill-impriżi solventi biex jirreżistu għal dan it-tnaqqis qawwi iżda temporanju fl-attività ekonomika u fil-likwidità li se jinħoloq. Grazzi għar-riformi li saru wara l-kriżi finanzjarja tal-2008, l-istituzzjonijiet illum huma kapitalizzati tajjeb u ħafna aktar reżiljenti milli kienu fl-2008. Dan jippermettilhom li jkollhom rwol ewlieni fil-ġestjoni tax-xokk ekonomiku li jirriżulta mill-pandemija tal-COVID-19. Madankollu, l-inċertezza marbuta mal-pass tal-irkupru tal-attività ekonomika inevitabbilment se jkollha impatt fuq is-settur bankarju., inkluż għaż-żieda mistennija fil-volum ta’ self improduttiv minħabba r-riċessjoni profonda kkawżata mill-kriżi ta’ pandemija tal-COVID-19.

It-titolizzazzjoni jista’ jkollha rwol importanti fit-titjib tal-kapaċità tal-istituzzjonijiet li jappoġġaw l-irkupru ekonomiku, filwaqt li jipprovdu għodda effettiva għall-finanzjament u d-diversifikazzjoni tar-riskju għall-istituzzjonijiet. Għaldaqstant huwa essenzjali fil-kuntest tal-irkupru ekonomiku wara l-pandemija tal-COVID-19 li jissaħħaħ dak ir-rwol u li l-istituzzjonijiet jiġu megħjuna biex ikunu jistgħu jgħaddu biżżejjed kapital lejn l-ekonomija reali. Filwaqt li essenzjalment tibni fuq ħidma reċenti mwettqa mill-EBA, dan ir-riżultat jista’ jinkiseb permezz ta’ tliet emendi mmirati li għandhom l-għan li jżidu s-sensittività għar-riskju ġenerali tal-qafas tat-titolizzazzjoni tal-UE li jagħmel ir-rikors għall-għodda ta’ titolizzazzjoni aktar vijabbli ekonomikament għall-istituzzjonijiet f’qafas prudenzjali adegwat biex jissalvagwardja l-istabbiltà finanzjarja tal-UE.

L-ewwel nett, huwa meħtieġ li jiġi pprovdut trattament aktar sensittiv għar-riskji għat-titolizzazzjoni STS fuq il-karta tal-bilanċ, f’konformità mar-rakkomandazzjoni tal-EBA inkluża fir-“Rapport dwar il-qafas STS għat-titolizzazzjoni sintetika” 7 tagħha. Abbażi ta’ analiżi estensiva tal-iżviluppi u x-xejriet tas-suq tat-titolizzazzjoni sintetika fuq il-karta tal-bilanċ tal-UE, inkluża data dwar il-prestazzjoni storika ta’ inadempjenza u telf tat-tranżazzjonijiet sintetiċi, ir-rapport jirrakkomanda l-istabbiliment ta’ qafas transsettorjali tal-UE għat-titolizzazzjoni STS fuq il-karta tal-bilanċ li hija limitata għal titolizzazzjoni sintetika li tidher fil-karta tal-bilanċ u hija bbażata fuq sett komuni ta’ kriterji ta’ eliġibbiltà. Huwa jirrakkomanda wkoll trattament prudenzjali differenzjat immirat għal skoperturi ta’ titolizzazzjoni STS li jidhru fuq il-karta tal-bilanċ, filwaqt li jitqiesu b’mod partikolari r-riskju ta’ aġenzija mnaqqsa u tal-immudellar meta mqabbla ma’ skoperturi ta’ titolizzazzjoni sintetiċi mhux STS li jidhru fuq il-karta tal-bilanċ.

L-allinjament tat-trattament prudenzjali huwa rikonoxxut b’mod wiesa’ wkoll bħala pass meħtieġ biex l-istituzzjonijiet jiġu mħeġġa jkomplu jħallsu l-kostijiet imġarrba biex jikkonformaw mal-kriterji STS meta jistrutturaw it-tranżazzjonijiet ta’ titolizzazzjoni.

It-tieni, huwa meħtieġ li jitneħħew ir-restrizzjonijiet regolatorji eżistenti għat-titolizzazzjoni ta’ skoperturi improduttivi (NPEs) inkorporati fil-qafas attwali. Kif enfasizzat fl-Opinjoni tal-EBA 2019/13 dwar it-trattament regolatorju ta’ titolizzazzjonijiet NPE 8 , il-qafas attwali ma jinkorporax il-karatteristiċi speċifiċi ta’ titolizzazzjonijiet NPE, u b’hekk iwassal għal rekwiżiti kapitali eċċessivi għal din il-kategorija ta’ skoperturi, b’mod partikolari skont l-Approċċ Ibbażat fuq Klassifikazzjonijiet Interni tat-Titolizzazzjoni (SEC-IRBA) u l-Approċċ Standardizzat tat-Titolizzazzjoni (SEC-SA). In-natura eċċessiva ta’ konservazzjoni tal-qafas hija dovuta għall-fatt li ġiet iddiżinjata b’kunsiderazzjoni esklussiva għall-ixprunaturi speċifiċi tar-riskju ta’ self produttiv. Huwa għaldaqstant propost li jiġi emendat it-trattament tat-titolizzazzjonijiet NPE billi jiġi pprovdut approċċ sempliċi u konservattiv biżżejjed ibbażat fuq piż ta’ riskju ta’ 100% applikabbli għas-segment superjuri tat-titolizzazzjonijiet tradizzjonali NPE u dwar l-applikazzjoni ta’ limitu minimu ta’ 100% għall-ponderazzjonijiet tar-riskju ta’ kwalunkwe segmenti oħrajn kemm tat-titolizzazzjonijiet tradizzjonali NPE sintetiċi li jibqgħu soġġetti għall-qafas ġenerali għall-ikkalkular tal-iskoperturi ponderati għar-riskju. It-trattament propost huwa allinjat mal-elementi ewlenin tal-approċċ li bħalissa qed jiġi ffinalizzat mill-BCBS.

It-tielet, huwa propost li jiġi emendat l-Artikolu 249(3) li jintroduċi kriterju ta’ eliġibbiltà addizzjonali għar-rikonoxximent tal-protezzjoni ta’ kreditu mhux iffinanzjata għall-istituzzjonijiet li japplikaw l-approċċ standardizzat għall-kalkolu tar-rekwiżiti kapitali għall-iskoperturi ta’ titolizzazzjoni. B’mod speċifiku, huwa jimponi rekwiżit minimu ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu għal kważi t-tipi kollha 9 ta’ fornituri ta’ protezzjoni ta’ kreditu mhux iffinanzjata, inklużi l-gvernijiet ċentrali. Din id-dispożizzjoni tidher li hija inkonsistenti mar-regoli ġenerali ta’ mitigazzjoni tar-riskju ta’ kreditu stabbiliti fis-CRR, bl-objettivi ta’ dak ir-Regolament, iżda wkoll mal-istandards internazzjonali ġodda stabbiliti mill-qafas rivedut ta’ Basel III li jimponi rekwiżit ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu minimu biss għal sett limitat ta’ fornituri ta’ protezzjoni f’każ ta’ skoperturi ta’ titolizzazzjoni. Din l-emenda se ssaħħaħ l-effikaċja tal-iskemi nazzjonali ta’ garanzija pubblika li jassistu l-istrateġiji tal-istituzzjonijiet li jittitolizzaw l-NPEs bħala segwitu tal-pandemija tal-COVID-19.

Dawn il-bidliet proposti, flimkien mal-bidliet proposti għar-Regolament (UE) 2017/2402, se jippermettu lill-istituzzjonijiet iżommu volum għoli ta’ self lill-ekonomija fix-xhur li ġejjin u għalhekk se jipprovdu kontribut importanti għall-assorbiment tal-impatt tax-xokkijiet tal-kriżi tal-COVID-19.

Bħala tali, u meta mqabbla mal-qafas regolatorju attwali, il-bidliet se jsaħħu r-rwol tat-titolizzazzjoni bħala għodda disponibbli għall-istituzzjonijiet biex iżommu u possibbilment saħansitra jsaħħu l-kapaċità ta’ self tagħhom b’żewġ modi:

·billi jiġi ffaċilitat ir-rikors għal din it-teknika biex jiġu trasbordati NPEs li jistgħu jkunu mistennija li jikbru wara l-kriżi. Permezz ta’ dan, l-istituzzjonijiet se jkunu jistgħu jifirxu aħjar ir-riskju għal atturi finanzjarji oħra u fl-aħħar mill-aħħar inaqqsu r-restrizzjonijiet kapitali regolatorji li jirriżultaw mill-impatt tal-volum għoli tal-NPEs, filwaqt li jżommu standards prudenzjali għoljin; kif ukoll

·billi jiġi implimentat trattament aktar sensittiv għar-riskji tas-segment superjuri miżmum mill-istituzzjoni oriġinatriċi fil-każ ta’ titolizzazzjoni STS fuq il-karta bilanċjali. Kif ġie rrimarkat minn bosta partijiet interessati, l-iżvilupp ta’ kriterji ta’ eliġibbiltà STS ma jkunx biżżejjed “fih innifsu” biex jintlaħaq l-objettiv li l-konformità ma’ dawn il-kriterji ssir ekonomikament vijabbli jekk l-introduzzjoni tal-kriterji l-ġodda ma tkunx akkumpanjata minn trattament prudenzjali aktar sensittiv għar-riskju fil-qasam tar-rekwiżiti kapitali, li jirrifletti aħjar il-karatteristiċi speċifiċi tagħhom.

It-trattament aktar sensittiv għar-riskji għat-titolizzazzjonijiet NPE u għas-segment superjuri tat-titolizzazzjonijiet STS fil-karta tal-bilanċ huma stabbiliti fil-proposta attwali, filwaqt li l-kriterji ta’ eliġibbiltà għal dan it-tip ta’ titolizzazzjonijiet, flimkien ma’ dispożizzjonijiet transsettorjali oħra, jinsabu fir-Regolament (UE) 2017/2402.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-politika

Il-proposta tintroduċi emendi għal-leġiżlazzjoni eżistenti. Dawn l-emendi huma kompletament konsistenti mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam tar-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet u s-superviżjoni tagħhom, inkluż mal-Opinjoni tal-EBA dwar it-trattament regolatorju tal-NPEs, ir-Rapport tal-EBA dwar il-qafas STS għat-titolizzazzjoni sintetika, il-proposta tal-Kummissjoni biex jiġi emendat ir-Regolament (UE) 2017/2402, adottat fl-istess ħin ta’ din il-proposta, u r-rapport Finali tal-Forum ta’ Livell Għoli dwar l-Unjoni tas-Swieq Kapitali – Viżjoni ġdida għas-swieq kapitali tal-Ewropa 10 .

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Din il-proposta hija parti mir-rispons iktar wiesa’ tal-Kummissjoni għall-pandemija tal-COVID-19. Hija strumentali biex tiġi żgurata l-effettività tal-miżuri adottati mill-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew. Hija kompletament konsistenti mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-aspetti ekonomiċi tal-kriżi coronavirus maħruġa fit-13 ta’ Marzu 2020 11 , kif ukoll mal-Komunikazzjoni “COVID 19 – Il-Pakkett Ekonomiku – L-użu ta’ kull Euro disponibbli” li tnieda fit-2 ta’ April 2020 12 , il-Komunikazzjoni “Il-mument tal-Ewropa: Tiswija u Tħejjija għall-Ġenerazzjoni li Jmiss” 13 , il-Komunikazzjoni Interpretattiva dwar l-applikazzjoni tal-oqfsa tal-kontabilità u dawk prudenzjali sabiex jiġi ffaċilitat is-self mill-banek tal-UE 14 maħruġa fl-28 ta’ April 2020 u r-Regolament (UE) Nru 2020/873 15 .

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFEU), jiġifieri l-istess bażi ġuridika tal-att leġislattivi li qiegħed jiġi emendat.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

L-objettivi li l-emendi previsti jfittxu li jilħqu, jiġifieri li tiġi massimizzata l-kapaċità tal-istituzzjonijiet biex isellfu u jassorbu t-telf relatat mal-pandemija tal-COVID-19, filwaqt li tiġi żgurata r-reżiljenza kontinwa tagħhom, jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell ta’ Unjoni aktar milli minn inizjattivi nazzjonali differenti billi l-emendi jirrappreżentaw aġġustamenti għar-regoli eżistenti tal-Unjoni bħala rispons għall-pandemija tal-COVID-19. Il-problemi u l-kawżi sottostanti huma l-istess fl-Istati Membri kollha. Fin-nuqqas ta’ azzjoni mill-Unjoni, il-qafas regolatorju eżistenti jkun anqas effettiv huwa u jappoġġa d-diversi miżuri meħuda minn awtoritajiet pubbliċi kemm fil-livell ta’ Unjoni kif ukoll f’dak nazzjonali, u inqas reattiv għall-isfidi eċċezzjonali tas-suq.

Il-kapaċità tal-Istati Membri li jadottaw miżuri nazzjonali hija limitata billi s-CRR diġà jirregola dawn il-kwistjonijiet, u l-bidliet fil-livell nazzjonali jkunu f’kunflitt mal-liġi tal-Unjoni li hemm attwalment fis-seħħ. Jekk l-Unjoni kellha tieqaf tirregola dawn l-aspetti, is-suq intern għas-servizzi bankarji jkun soġġett għal ġabriet differenti ta’ regoli, u dan iwassal għall-frammentazzjoni u jdgħajjef il-ġabra unika ta’ regoli li saret reċentement f’dan il-qasam.

Proporzjonalità

Din l-azzjoni tal-Unjoni hija meħtieġa biex jinkiseb l-objettiv li tiġi mmassimizzata l-kapaċità ta’ self tal-istituzzjonijiet u li jiġi assorbit it-telf fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19, filwaqt li tinżamm il-konsistenza tal-qafas prudenzjali. L-emendi proposti ma jmorrux lil hinn mill-indirizzar tad-dispożizzjonijiet magħżula fil-qafas prudenzjali tal-Unjoni għall-istituzzjonijiet li għandhom esklużivament fil-mira l-miżuri li għandhom l-għan jiżguraw l-irkupru fil-kuntest attwali tal-pandemija COVID-19. Barra minn hekk, l-emendi proposti huma limitati għal dawk il-kwistjonijiet li ma jistgħux jiġu indirizzati fil-marġni ta’ diskrezzjoni eżistenti li r-regoli attwali jipprevedu għalihom.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Din il-proposta mhijiex akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt separata. Minħabba l-urġenza tal-miżuri li għandhom jittieħdu biex jgħinu l-irkupru wara l-kriżi fis-swieq finanzjarji u l-ekonomija reali li tirriżulta mill-pandemija tal-COVID-19, il-valutazzjoni tal-impatt ġiet sostitwita minn analiżi tal-kostijiet u l-benefiċċji inkluża fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jappoġġa l-Pakkett ta’ Rkupru tas-Swieq Kapitali. Huwa wkoll ibbażat fil-biċċa l-kbira fuq il-ħidma preparatorja mwettqa mill-EBA. Barra minn hekk, l-impatt tal-miżuri li qed jiġu emendati b’din il-proposta ġie soġġett għal analiżi fil-valutazzjonijiet tal-impatt magħmula għar-Regolament (UE) 2017/2401. Il-proposta għandha l-għan primarjament li tirfina l-kalibrazzjoni tar-rekwiżiti kapitali fir-rigward tal-iskoperturi tat-titolizzazzjoni STS fuq il-karta ta’ bilanċ u l-iskoperturi tat-titolizzazzjoni NPE.

L-emendi proposti jkollhom impatt limitat fuq il-piż amministrattiv għal istituzzjonijiet u l-kostijiet fuqhom biex jadattaw l-operazzjonijiet interni tagħhom, bil-kostijiet li mistennija li jiġu paċuti mill-benefiċċji miksuba f’termini ta’ disponibbiltà ta’ kapital. L-emendi proposti jikkonċernaw id-dispożizzjonijiet li jippermettu lil istituzzjonijiet jużaw trattamenti aktar favorevoli, iżda ma jimponux fuqhom dawn it-trattamenti.

Drittijiet fundamentali

Il-proposta x’aktarx ma jkollhiex impatt dirett fuq id-drittijiet previsti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta ma għandhiex impatt baġitarju għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

5.ELEMENTI OĦRA

(a)Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

(1)It-tneħħija tal-ostakli regolatorji għat-titolizzazzjoni NPE

Il-qafas regolatorju attwali tal-UE għat-titolizzazzjoni huwa mfassal biex iqis il-karatteristiċi l-aktar komuni ta’ tranżazzjonijiet ta’ titolizzazzjoni tipiċi, jiġifieri titolizzazzjonijiet sostnuti minn aggregazzjonijiet ta’ self produttiv. B’mod aktar preċiż, il-qafas tat-titolizzazzjoni attwali juża bħala x-xufier regolatorju ewlieni tiegħu r-riskju tal-kreditu tal-iskoperturi titolizzati, filwaqt li jikkoreġi fatturi ta’ “non-newtralità” biex jinkorpora l-aġenzija u r-riskji mudell li huma tipiċi tat-titolizzazzjonijiet. Meta jiġu applikati għal titolizzazzjonijiet NPE, dan il-qafas irendi rekwiżiti kapitali li rriżultaw li huma sproporzjonati, b’mod partikolari għall-hekk imsejħa “approċċi formulajċi” (jiġifieri s-SEC-IRBA u s-SEC-SA). Dan minħabba li l-kalibrazzjoni ta’ dawk l-approċċi mhijiex konsistenti mal-motivaturi tar-riskju li huma speċifiċi għal NPEs.

Is-SEC-IRBA u s-SEC-SA jibbażaw fuq informazzjoni kwantitattiva dwar ir-riskju ta’ kreditu li hija bbażata fuq il-valur gross kontabilistiku tal-iskoperturi inklużi fil-pula u, b’riżultat ta’ dan, jirriżultaw f’piżijiet tar-riskju li huma għoljin wisq meta mqabbla mal-ponderazzjonijiet tar-riskju applikabbli skont l-Approċċ Ibbażat fuq Klassifikazzjonijiet Esterni tat-Titolizzazzjoni (SEC-ERBA). L-impatt ikun partikolarment akut għas-segmenti superjuri tat-titolizzazzjonijiet NPE, li huma soġġetti għal piżijiet tar-riskju proporzjonalment akbar skont is-SEC-IRBA u s-SEC-SA milli segmenti oħra.

Ir-Regolament propost jintroduċi, f’Artikolu 269a ġdid, qafas ġdid għal titolizzazzjonijiet NPE fejn:

·is-segment superjuri ta’ titolizzazzjoni NPE tradizzjonali jkun soġġett għal piż ta’ riskju fiss ta’ 100%, bil-kundizzjoni li l-NPDPP tkun tal-inqas 50% tal-valur kontabilistiku gross tal-iskoperturi; kif ukoll

·is-segmenti l-oħrajn kollha ta’ titolizzazzjonijiet NPE jkunu soġġetti għall-qafas ġenerali b’żewġ aġġustamenti speċifiċi:

·ikun japplika limitu minimu ta’ 100% għall-piż tar-riskju; kif ukoll

·ikun ipprojbit l-użu tal-hekk imsejħa parametri IRB ta’ fondazzjoni f’każ ta’ skoperturi ta’ titolizzazzjoni eliġibbli għall-użu tas-SEC-IRBA skont l-Artikolu 254 tas-CRR.

Fl-aħħar nett, f’konformità mar-rakkomandazzjoni inkluża fl-opinjoni tal-EBA tal-2019, jiġi ċċarat li meta l-istituzzjonijiet japplikaw il-limitu previst fl-Artikolu 268 tas-CRR għal pożizzjonijiet li għandhom fit-titolizzazzjoni NPE, it-telf mistenni msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jiġi kkalkulat nett mill-NPD u ta’ kwalunkwe aġġustament speċifiku għar-riskju ta’ kreditu addizzjonali.

Sabiex jikkwalifika għat-trattament speċifiku muri hawn fuq, l-Artikolu l-ġdid juża d-definizzjoni tat-terminu “titolizzazzjoni NPE” li jinsab fir-Regolament (UE) 2017/2402, jiġifieri titolizzazzjoni fejn mill-inqas 90 % tal-iskoperturi fil-pula sottostanti ma jkunux improduttivi skont it-tifsira tal-Artikolu 47a tas-CRR.

(2)Trattament preferenzjali tas-segment superjuri tat-titolizzazzjoni ġdida fil-karta tal-bilanċ

It-titolizzazzjoni STS fuq il-karta tal-bilanċ tippermetti li l-istituzzjonijiet jittrasferixxu riskju ta’ kreditu permezz ta’ protezzjoni tal-kreditu ffinanzjata jew mhux iffinanzjata mixtrija jew mogħtija minn investituri oħra, li tillibera l-kapaċità għal self ġdid lill-ekonomija reali u tiżgura kondiviżjoni tar-riskju aktar effiċjenti fost l-atturi finanzjarji.

Il-qafas ta’ titolizzazzjoni attwali, kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2017/2402, ma jinkludi l-ebda forma ta’ titolizzazzjoni sintetika li tidher fil-karta tal-bilanċ fir-reġim STS. Dan huwa prinċipalment minħabba n-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ data sistematika u n-nuqqas ta’ ħidma teknika ta’ tħejjija suffiċjenti fiż-żmien tal-adozzjoni ta’ dak ir-Regolament. Ir-Regolament STS madankollu jeħtieġ li l-EBA tipproduċi rapport dwar il-fattibbiltà ta’ qafas STS għat-titolizzazzjoni sintetika tal-karta tal-bilanċ. Ir-rapport tal-EBA, ippubblikat fis-6 ta’ Mejju 2020, jipprevedi d-dejta meħtieġa u l-analiżi teknika biex jiġġustifika l-istabbiliment ta’ dan il-qafas. Il-kriterji STS il-ġodda għal titolizzazzjoni STS fuq il-karta bilanċjali, kif rakkomandat mir-rapport tal-EBA, isegwu l-istruttura tal-kriterji STS eżistenti għal titolizzazzjoni tal-programm kummerċjali mhux tal-assi sostnuti minn assi li ġew introdotti fil-qafas ta’ titolizzazzjoni l-ġdid tal-UE fl-2017, jiġifieri jinkludu rekwiżiti dwar is-sempliċità, l-istandardizzazzjoni u t-trasparenza li huma adattati għall-ispeċifiċitajiet tat-titolizzazzjoni sintetika fuq il-karta bilanċjali, fejn xieraq.

Barra minn hekk, il-kriterji jinkludu numru ta’ rekwiżiti speċifiċi għat-titolizzazzjoni sintetika fuq il-karta bilanċjali biss, bħal rekwiżiti li jimmitigaw ir-riskju ta’ kreditu tal-kontroparti li huwa involut b’mod inerenti f’dawn l-istrutturi sintetiċi, inklużi rekwiżiti dwar kuntratti ta’ protezzjoni eliġibbli, kontropartijiet u kollateral, rekwiżiti li jindirizzaw diversi karatteristiċi strutturali tat-tranżazzjoni ta’ titolizzazzjoni u rekwiżiti li jiżguraw li l-qafas jimmira biss għal titolizzazzjoni fuq il-karta bilanċjali.

L-Artikolu 270 tas-CRR jippermetti trattament speċifiku biss għal subsett ta’ titolizzazzjonijiet sintetiċi li jidhru fil-karta tal-bilanċ, jiġifieri dawk li jissodisfaw il-kriterji li ġejjin:

(a)70 % tal-iskoperturi titolizzati għandhom ikunu skoperturi għall-SMEs;

(b)it-titolizzazzjoni għandha tissodisfa l-kriterji STS tradizzjonali kif applikabbli għal titolizzazzjoni sintetika li tidher fil-karta tal-bilanċ;

(c)ir-riskju ta’ kreditu mhux miżmum mill-oriġinatur għandu jiġi ttrasferit permezz ta’ garanzija jew kontrogaranzija li tissodisfa għadd ta’ kundizzjonijiet.

Wara r-rakkomandazzjonijiet tar-rapport tal-EBA, huwa propost ukoll li jiddaħħal trattament preferenzjali mmirat u limitat fl-ambitu ta’ trattament preferenzjali għal skoperturi ta’ titolizzazzjoni fuq il-karta bilanċjali ta’ STS, li jiffoka fuq is-segment superjuri. Dan isir billi t-trattament attwalment previst fl-Artikolu 270 tas-CRR jiġi estiż għal firxa usa’ ta’ assi sottostanti.

(3)Rikonoxximent tal-mitigazzjoni tar-riskju tal-kreditu għal pożizzjonijiet ta’ titolizzazzjoni

Skont l-Artikolu 249(1) u (2) tas-CRR, istituzzjoni tista’ tirrikonoxxi protezzjoni tal-kreditu ffinanzjata jew mhux iffinanzjata fir-rigward ta’ pożizzjoni ta’ titolizzazzjoni bl-istess mod u taħt l-istess kundizzjonijiet kif previst mill-qafas ġenerali ta’ mitigazzjoni tar-riskju ta’ kreditu applikabbli għal skoperturi mhux titolizzati. Madankollu, il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu jintroduċi eċċezzjoni għal dak it-trattament ġenerali. Speċifikament, għall-istituzzjonijiet li japplikaw l-approċċ standardizzat, din tintroduċi kriterju ta’ eliġibbiltà addizzjonali għar-rikonoxximent tal-protezzjoni ta’ kreditu mhux iffinanzjata. Il-kriterju ta’ eliġibbiltà addizzjonali huwa rekwiżit minimu ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu għal kważi t-tipi kollha ta’ fornituri ta’ protezzjoni ta’ kreditu mhux iffinanzjata, inklużi l-gvernijiet ċentrali.

Din id-dispożizzjoni tidher li hija inkonsistenti mar-regoli ġenerali ta’ mitigazzjoni tar-riskju ta’ kreditu stabbiliti fis-CRR u mal-objettivi ta’ dak ir-Regolament. Fil-fatt mhuwiex ċar għaliex, pereżempju, garanzija pprovduta minn istituzzjoni, jew gvern ċentrali, li tissodisfa l-kriterji ta’ eliġibbiltà għal fornituri ta’ protezzjoni li jinsabu fir-regoli ġenerali ta’ mitigazzjoni tar-riskju ta’ kreditu iżda li ma tissodisfax il-kriterju ta’ klassifikazzjoni ta’ kreditu minimu fl-Artikolu 249(3) tas-CRR ma tistax tiġi aċċettata bħala mitigazzjoni tar-riskju ta’ kreditu eliġibbli taħt il-qafas ta’ titolizzazzjoni, iżda tista’ tiġi aċċettata bħala mitigazzjoni tar-riskju ta’ kreditu eliġibbli meta tiġi pprovduta għal skopertura mhux ta’ titolizzazzjoni. F’dak ir-rigward, il-qafas ta’ Basel III rivedut maqbul f’Diċembru 2017 jimponi rekwiżit minimu ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu biss għal sett limitat ta’ fornituri ta’ protezzjoni f’każ ta’ skoperturi ta’ titolizzazzjoni. B’mod speċifiku, fil-qafas rivedut ta’ Basel III, ir-rekwiżit japplika biss għal entitajiet li mhumiex entitajiet sovrani, entitajiet tas-settur pubbliku, istituzzjonijiet jew istituzzjonijiet finanzjarji prudenzjali oħra.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi u b’kunsiderazzjoni tar-rilevanza li l-iskemi ta’ garanziji pubbliċi biex jgħinu t-titolizzazzjoni tal-NPE fil-fażi ta’ rkupru jista’ jkollhom, huwa propost li l-Artikolu 249(3) tas-CRR jiġi emendat u jiġu allinjati r-regoli dwar il-mitigazzjoni tar-riskju ta’ kreditu applikabbli għall-iskoperturi ta’ titolizzazzjoni għall-qafas ġenerali f’konformità ma’ dak li ġie maqbul fil-livell internazzjonali mill-BCBS.

2020/0156 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward ta’ aġġustamenti għall-qafas ta’ titolizzazzjoni bħala appoġġ għall-irkupru ekonomiku b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19.

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li [kkunsidra l-proposta/kkunsidraw il-proposta] tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Il-pandemija tal-COVID-19 qed taffettwa b’mod gravi lin-nies, lill-kumpaniji, lis-sistemi tas-saħħa u lill-ekonomiji tal-Istati Membri Il-Kummissjoni, fil-Komunikazzjoni tagħha lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tas-27 ta’ Marzu 2020 li jismu “Il-mument tal-Ewropa: Tiswija u Tħejjija għall-Ġenerazzjoni li Jmiss” saħqet li l-likwidità u l-aċċess għall-finanzjament se jkunu sfida kontinwa fix-xhur li ġejjin. Għalhekk huwa kruċjali li jiġi appoġġat l-irkupru mix-xokk ekonomiku sever ikkawżat mill-pandemija tal-COVID-19 bl-introduzzjoni ta’ emendi mmirati għal biċċiet eżistenti ta’ leġiżlazzjoni finanzjarja. Dan il-pakkett ta’ miżuri huwa adottat taħt it-tikketta “Pakkett ta’ Rkupru tas-Swieq Kapitali”.

(2)L-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ investiment (“istituzzjonijiet”) se jkollhom rwol ewlieni biex jikkontribwixxu għall-irkupru. Fl-istess ħin dawn x’aktarx se jiġu affettwati mis-sitwazzjoni ekonomika li sejra għall-agħar. L-awtoritajiet kompetenti pprovdew kapital, likwidità u għajnuna operazzjonali temporanji lill-istituzzjonijiet biex jiżguraw li l-istituzzjonijiet ikunu jistgħu jkomplu jwettqu r-rwol tagħhom fil-finanzjament tal-ekonomija reali f’ambjent aktar diffiċli.

(3)It-titolizzazzjonijiet huma komponenti importanti minn swieq finanzjarji li jiffunzjonaw sewwa peress li jikkontribwixxu għad-diversifikazzjoni tas-sorsi ta’ finanzjament tal-istituzzjonijiet u l-ħruġ tal-kapital regolatorju, li jistgħu jiġu allokati mill-ġdid sabiex jappoġġaw self ulterjuri. Barra minn hekk, it-titolizzazzjonijiet jipprovdu lill-istituzzjonijiet u lil parteċipanti oħrajn fis-suq b’opportunitajiet ta’ investiment addizzjonali, sabiex b’hekk jippermettu d-diversifikazzjoni tal-portafoll u jiffaċilitaw il-fluss ta’ finanzjament lil negozji u individwi kemm fl-Istati Membri kif ukoll fuq bażi transfruntiera madwar l-Unjoni kollha.

(4)Huwa importanti li tissaħħaħ il-kapaċità tal-istituzzjonijiet li jipprovdu l-fluss meħtieġ ta’ finanzjament lill-ekonomija reali fis-segwitu tal-pandemija tal-COVID-19, filwaqt li jiġi żgurat li jkun hemm fis-seħħ salvagwardji prudenzjali adegwati biex tiġi ppreservata l-istabbiltà finanzjarja. Bidliet immirati għar-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward tal-qafas tat-titolizzazzjoni għandhom jikkontribwixxu għall-kisba ta’ dawk l-objettivi u jtejbu l-koerenza u l-komplementarjetà ta’ dak il-qafas bil-miżuri varji meħuda fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali biex tiġi indirizzata l-pandemija tal-COVID-19.

(5)L-elementi finali tal-qafas ta’ Basel III ippubblikati fit-7 ta’ Diċembru 2017 jimponu, fil-każ ta’ skoperturi ta’ titolizzazzjoni, rekwiżit minimu ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu fuq sett limitat biss ta’ fornituri ta’ protezzjoni, jiġifieri għal entitajiet li mhumiex entitajiet sovrani, entitajiet tas-settur pubbliku, istituzzjonijiet jew istituzzjonijiet finanzjarji prudenzjali oħra. Huwa għalhekk meħtieġ li l-Artikolu 249(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jiġi emendat biex jiġi allinjat mal-qafas ta’ Basel III sabiex tissaħħaħ l-effikaċja tal-iskemi nazzjonali ta’ garanzija pubblika li jgħinu fl-istrateġiji li jgħinu lill-iskoperturi improduttivi (NPEs) fis-segwitu tal-pandemija tal-COVID-19.

(6)Il-qafas prudenzjali attwali tal-Unjoni għat-titolizzazzjoni huwa mfassal abbażi tal-aktar karatteristiċi komuni tat-tranżazzjonijiet tipiċi ta’ titolizzazzjoni, jiġifieri s-self produttiv. Fil-“Opinjoni dwar it-Trattament Regolatorju tat-Titolizzazzjonijiet tal-Esponiment Mhux Improduttivi” 16 tal-23 ta’ Ottubru 2019, l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) indikat li l-qafas prudenzjali attwali għat-titolizzazzjoni stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 575/2013, meta applikat għal titolizzazzjonijiet ta’ NPEs, iwassal għal rekwiżiti kapitali sproporzjonati minħabba l-Approċċ Ibbażat fuq Klassifikazzjonijiet Interni (SEC-IRBA) u l-Approċċ Standardizzat tat-titolizzazzjoni (SEC-SA), mhuwiex konsistenti mal-motivaturi tar-riskju speċifiċi tal-NPEs. Għaldaqstant jenħtieġ li jiġi introdott trattament speċifiku għat-titolizzazzjoni tal-NPEs.

(7)Kif indikat mill-EBA fir-“Rapport dwar il-qafas STS għat-titolizzazzjoni sintetika” tal-6 ta’ Mejju 2020, huwa meħtieġ li jiġi introdott qafas speċifiku għal titolizzazzjoni (STS) sempliċi, trasparenti u standardizzata (STS) fuq il-karta bilanċjali. Minħabba r-riskju ta’ aġenzija aktar baxxa u r-riskju ta’ mmudellar ta’ titolizzazzjoni STS li tidher fil-karta tal-bilanċ meta mqabbla ma’ titolizzazzjoni sintetika mhux fuq l-STS li tidher fuq l-STS, jenħtieġ li jiġi introdott kalibrar sensittiv xieraq għal titolizzazzjonijiet li jidhru fil-karta tal-bilanċ STS kif irrakkomandat mill-EBA fir-rapport tagħha. Ir-rikors akbar għat-titolizzazzjoni STS sintetiċi promoss mit-trattament aktar sensittiv għar-riskju tas-segment superjuri ta’ tali titolizzazzjonijiet jillibera l-kapital regolatorju u fl-aħħar mill-aħħar ikompli jespandi l-kapaċità ta’ self tal-istituzzjonijiet b’mod prudenzjalment sod.

(8)Sabiex jitqiesu l-iżviluppi fl-istandards internazzjonali għal skoperturi għal titolizzazzjonijiet NPE, jenħtieġ li s-setgħa li tadotta atti f’konformità mal-Artikolu 290 TFUE tiġi ddelegata lill-Kummissjoni.

(9)Ladarba l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li tiġi massimizzata l-kapaċità tal-istituzzjonijiet biex isellfu u jassorbu t-telf marbut mal-pandemija tal-COVID-19, filwaqt li tibqa’ tiġi żgurata r-reżiljenza kontinwa tagħhom, ma jkunux jistgħu jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tagħhom, ikunu jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità l-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-istess Artikolu, dan ir-regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

(10)Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 575/2013 jiġi emendat skont dan.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1
Emendi tar-Regolament (UE) Nru 575/2013

Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 huwa emendat kif ġej:

(1)fl-Artikolu 249(3), l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 2, il-fornituri eliġibbli ta’ protezzjoni mhux iffinanzjata tal-kreditu elenkati fil-punt (g) tal-Artikolu 201(1) għandhom ikunu ġew assenjati valutazzjoni tal-kreditu minn ECAI rikonoxxuta li tkun skala 3 jew aktar tal-kwalità.”;

(2)għandu jiddaħħal l-Artikolu 269 a li ġej:

Artikolu 269a

Trattament ta’ titolizzazzjonijiet ta’ skoperturi improduttivi (NPE)

1.Il-piż tar-riskju għal pożizzjoni ta’ titolizzazzjoni NPE għandha tiġi kkalkulata skont l-Artikolu 254, soġġett għal minimu ta’ 100%.

2.Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1, l-istituzzjonijiet għandhom jassenjaw piż tar-riskju ta’ 100% għall-pożizzjoni ta’ titolizzazzjoni superjuri f’titolizzazzjoni NPE tradizzjonali, sakemm l-iskoperturi fil-pula li jsostnu t-titolizzazzjoni jkunu ġew ittrasferiti lill-SSPE bi skont mhux rimborsabbli fil-prezz ta’ mill-inqas 50% fuq l-ammont nominali tal-iskoperturi.

3.L-istituzzjonijiet li skont il-Kapitolu 3 ta’ dan it-Titolu mhumiex permessi jużaw l-istimi proprji tal-LGD u tal-fatturi ta’ konverżjoni fir-rigward tal-iskoperturi tal-grupp ma għandhomx jitħallew jużaw is-SEC-IRBA għall-kalkolu tal-ammonti ta’ skoperturi ponderati għar-riskju għal pożizzjoni f’titolizzazzjoni NPE.

4.Għall-finijiet tal-Artikolu 268(1), it-telf mistenni assoċjat mal-pożizzjonijiet f’titolizzazzjoni NPE għandu jiġi inkluż wara t-tnaqqis tal-iskont fil-prezz mhux rimborsabbli kif imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu u, fejn applikabbli, kwalunkwe aġġustament speċifiku addizzjonali għar-riskju ta’ kreditu.

5.Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, “titolizzazzjoni NPE” tfisser titolizzazzjoni SMP kif definita fil-punt (24) tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2017/2402.”;

(3)L-Artikolu 270 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 270
Pożizzjonijiet superjuri fit-titolizzazzjoni li tidher fil-karta tal-bilanċ

Istituzzjoni oriġinatriċi tista’ tikkalkula l-ammonti ta’ skoperturi ponderati skont ir-riskju ta’ titolizzazzjoni tal-karta bilanċjali STS kif imsemmi fl-Artikolu 26a(1) tar-Regolament 2017/2402 f’konformità mal-Artikoli 260, 262 jew 264 ta’ dan ir-Regolament, kif applikabbli, fejn iż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin ikunu ssodisfati:

(a)it-titolizzazzjoni tissodisfa r-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 243(2);

(b)il-pożizzjoni tikkwalifika bħala l-pożizzjoni ta’ titolizzazzjoni superjuri.”;

(4)fl-Artikolu 456(1), jiżdied il-punt (l) li ġej:

(l) emendi għall-Artikolu 269a ta’ dan ir-Regolament biex jittieħed kont tal-iżviluppi fl-istandards internazzjonali għal skoperturi għal titolizzazzjonijiet NPE.”

Artikolu 2
Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1 ).
(2)    Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).
(3)    Ir-Regolament (UE) 2017/2401 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u għad-ditti ta’ investiment (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 1)
(4)     http://www.bis.org/bcbs/publ/d303.pdf
(5)     https://www.bis.org/bcbs/publ/d374.pdf  
(6)    Ir-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi qafas ġenerali għat-titolizzazzjoni u li joħloq qafas speċifiku għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata, u li jemenda d-Direttivi 2009/65/KE, 2009/138/KE u 2011/61/UE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 648/2012, (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 35).
(7)    EBA/OP/2020/07 tas-6 ta’ Mejju 2020.
(8)    EBA/OP/2019/13 ta-23 ta’ Ottubru 2019.
(9)    L-unika eċċezzjoni huma kontropartijiet ċentrali.
(10)    https://ec.europa.eu/info/files/200610-cmu-high-level-forum-final-report_en
(11)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Bank Ewropew tal-Investiment u lill-Grupp tal-Euro dwar rispons ekonomiku kkoordinat għat-Tifqigħa tal-COVID-19, COM(2020) 112 final tat-13.3.2020.
(12)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar ir-Rispons għall-Coronavirus - L-użu ta’ kull euro disponibbli b’kull mod possibbli għall-ħarsien tal-ħajja u tal-għajxien ta’ kuljum, COM(2020) 143 final tat-02.04.2020.
(13)    Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Il-mument tal-Ewropa: “Tiswija u Tħejjija għall-Ġenerazzjoni li Jmiss”, COM(2020) 456 final tas-27.05.2020.
(14)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: Il-Komunikazzjoni Interpretattiva tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-oqfsa prudenzjali u kontabilistiċi biex jiġi ffaċilitat l-għoti ta’ self mill-banek tal-UE - Appoġġ għan-negozji u għall-familji waqt il-COVID-19, COM(2020) 169 final tat-28.04.2020.
(15)    Ir-Regolament (UE) 2020/873 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2020 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 575/2013 u (UE) 2019/876 fir-rigward ta’ ċerti aġġustamenti b’rispons għall-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 204, 26.6.2020, p. 4).
(16)    https://eba.europa.eu/risk-analysis-and-data/npls
Top