EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020PC0242

Proposta għal DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/784 li tawtorizza lir-Repubblika Taljana tapplika miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikoli 206 u 226 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

COM/2020/242 final

Brussell, 22.6.2020

COM(2020) 242 final

2020/0119(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/784 li tawtorizza lir-Repubblika Taljana tapplika miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikoli 206 u 226 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Skont l-Artikolu 395(1) tad-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 1 (minn issa ’l quddiem “id-Direttiva tal-VAT”), il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru biex japplika miżuri speċjali għal deroga mid-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva biex jissimplifika l-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew biex jipprevjeni ċerti forom ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa.

Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fl-4 ta’ Diċembru 2019, ir-Repubblika Taljana talbet awtorizzazzjoni biex tissokta tidderoga mill-Artikoli 206 u 226 tad-Direttiva tal-VAT fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ħlas tal-VAT u tal-fatturazzjoni għall-provvisti ta’ oġġetti u ta’ servizzi li jingħataw lill-awtoritajiet pubbliċi. Din it-talba implikat kamp ta’ applikazzjoni idjaq tal-miżura ta’ deroga fis-seħħ, mogħtija bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/784 2 , li kienet tapplika wkoll għall-provvisti ta’ oġġetti u ta’ servizzi lill-kumpaniji kkontrollati minn awtoritajiet pubbliċi ċentrali u lokali u lil lista ta’ kumpaniji elenkati fil-Borża.

Madankollu, permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fis-27 ta’ Marzu 2020, l-Italja bidlet it-talba tagħha, u talbet li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-awtorizzazzjoni għandu jibqa’ identiku għal dak mogħti bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/784, u għalhekk talbet li tapplika d-deroga mill-Artikoli 206 u 226 tad-Direttiva tal-VAT għall-provvisti ta’ oġġetti u ta’ servizzi li jingħataw lill-awtoritajiet pubbliċi, lill-kumpaniji kkontrollati minn awtoritajiet pubbliċi ċentrali u lokali u lil lista ta’ kumpaniji elenkati fil-Borża. F’konformità mal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva tal-VAT, il-Kummissjoni għarrfet lill-Istati Membri l-oħrajn bit-talba tar-Repubblika Taljana permezz ta’ ittra bid-data tal-5 ta’ Mejju 2020. Permezz ta’ ittra bid-data tas-6 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni għarrfet lir-Repubblika Taljana li hija kellha t-tagħrif meħtieġ kollu biex tqis it-talba tagħha.

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Wara l-introduzzjoni tas-sistema ta’ verifiki statistiċi, l-Italja skopriet li kien hemm frodi tal-VAT konsiderevoli b’rabta mal-provvisti ta’ oġġetti u ta’ servizzi lill-awtoritajiet pubbliċi. Biex ittemm dawn il-prattiki, fl-2014 l-Italja talbet li, fil-każ tal-provvisti lill-awtoritajiet pubbliċi, il-VAT dovuta ma tibqax titħallas lill-fornitur, iżda li din tibda titħallas f’kont bankarju separat u mblukkat tal-awtoritajiet tat-taxxa. Dan il-mekkaniżmu magħruf l-aktar bħala tip ta’ “ħlas maqsum”, peress li l-ħlas li normalment jiġi ttrasferit bis-sħiħ mill-klijent lill-fornitur (il-korrispettiv bi skambju għall-provvista flimkien mal-VAT) jinqasam: (i) minn naħa, fil-korrispettiv li jitħallas lill-fornitur ta’ oġġetti jew ta’ servizzi; u (ii) min-naħa l-oħra, fil-VAT dovuta li titħallas f’kont bankarju separat u mblukkat tal-awtoritajiet tat-taxxa.

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1401 3 awtorizzat din id-deroga sal-31 ta’ Diċembru 2017. Din id-Deċiżjoni awtorizzat lill-Italja tidderoga mill-Artikolu 206 tad-Direttiva tal-VAT fir-rigward tal-ħlas tal-VAT u mill-Artikolu 226 tal-istess Direttiva fir-rigward tar-regoli tal-fatturazzjoni.

L-Italja talbet din id-deroga għal perjodu limitat taż-żmien li jippermettilha torganizza u timplimenta miżuri xierqa tal-politika ta’ kontroll u tibbenefika bis-sħiħ mid-data disponibbli permezz tal-fatturazzjoni elettronika. L-implimentazzjoni tal-obbligu tal-fatturazzjoni elettronika għall-provvisti lill-awtoritajiet pubbliċi, li tippermetti li jkun hemm kontroll f’ħin reali tat-tranżazzjonijiet individwali u tal-ammonti eżatti tal-VAT li l-awtoritajiet pubbliċi għandhom iħallsu fuq dak li jkunu xtraw, għandha tippermetti lill-Italja twettaq awditi tas-settur ikkonċernat abbażi ta’ tekniki konvenzjonali ta’ kontroll mingħajr il-ħtieġa li tidderoga mid-Direttiva tal-VAT sabiex tapplika l-miżura tal-ħlas maqsum.

Skont it-tagħrif li bagħtet l-Italja, l-introduzzjoni tal-fatturazzjoni elettronika għall-provvisti lill-awtoritajiet pubbliċi wasslet sabiex l-awtoritajiet tat-taxxa jkollhom tagħrif konsiderevoli dwar il-fluss tal-fatturi, li jippermetti li jiġu kkontrollati t-tranżazzjonijiet u l-ammonti tal-VAT korrispondenti. Madankollu, element ieħor ta’ sistema effettiva ta’ kontroll, jiġifieri l-obbligu li tintbagħat id-data dwar il-fatturi kollha li nħarġu u li ġew riċevuti lill-awtoritajiet tat-taxxa, ġie biss introdott fl-1 ta’ Jannar 2017. Għad hemm bżonn iktar żmien biex din il-miżura tkun effettiva u biex tinċentiva lill-kontribwenti b’mod effettiv sabiex jikkonformaw iktar mal-obbligi tat-taxxa tagħhom. Għaldaqstant, l-Italja talbet biex tiġi estiża d-deroga mill-Artikoli 206 u 226 tad-Direttiva tal-VAT fuq il-provvisti lill-awtoritajiet pubbliċi.

Barra minn hekk, l-Italja skopriet li kien hemm evażjoni tat-taxxa fis-settur tal-provvisti lill-kumpaniji kkontrollati mill-awtoritajiet pubbliċi u lil grupp żgħir ta’ 40 kumpanija li huma elenkati fil-Borża. Sabiex tindirizza din l-evażjoni tat-taxxa u tiżgura li ma jkunx hemm iktar telf tal-VAT għad-dħul pubbliku, l-Italja talbet li jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tad-deroga mill-Artikoli 206 u 226 tad-Direttiva tal-VAT għall-provvisti ta’ oġġetti u ta’ servizzi li jingħataw lill-entitajiet msemmijin hawn fuq li hija qieset li huma affidabbli daqs l-awtoritajiet pubbliċi. Dawn l-entitajiet huma kumpaniji kkontrollati mill-awtoritajiet pubbliċi ċentrali u lokali kif ukoll lista ta’ madwar 40 kumpanija elenkati fil-Borża, li kollha flimkien jammontaw għal madwar 2 400 kumpanija. L-Italja stenniet li l-estensjoni tal-miżura tal-ħlas maqsum għal dawn il-kumpaniji kienet se tindirizza l-evażjoni tat-taxxa fl-għamla ta’ nuqqas ta’ ħlas tal-VAT mill-fornituri lill-entitajiet ikkonċernati u għaldaqstant kienet se żżid id-dħul mill-VAT.

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/784 awtorizzat l-estensjoni ta’ din id-deroga bil-kamp ta’ applikazzjoni mwessa’ tagħha sat-30 ta’ Ġunju 2020.

F’Ottubru 2018, l-Italja ressqet rapport f’konformità mal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/784. Skont dan ir-rapport, il-miżura tal-ħlas maqsum introdotta fl-Italja żiedet id-dħul mill-VAT u din iż-żieda kienet ogħla mill-istimi li kienu saru meta ġiet introdotta din il-miżura. Barra minn hekk, ir-rapport iddikjara li ż-żieda fil-kreditu tal-VAT, li ġejja mill-implimentazzjoni tal-miżura, għall-fornituri tal-kumpaniji fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ħlas maqsum tista’ tiġi kkontrollata u ġestita faċilment u li l-qagħda tar-rifużjonijiet tal-VAT ma marritx għall-agħar.

Il-mekkaniżmu tal-ħlas maqsum huwa parti minn pakkett ta’ miżuri introdott mill-Italja sabiex tiġġieled kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa. Dan il-pakkett ta’ miżuri jinvolvi fost l-oħrajn il-fatturazzjoni elettronika u t-trażmissjoni elettronika tad-data dwar it-tariffi ta’ kuljum. Il-fatturazzjoni elettronika ġiet introdotta mill-1 ta’ Lulju 2018 fir-rigward ta’ ċertu setturi, u mill-1 ta’ Jannar 2019 f’għamla ġeneralizzata. Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/593 4 awtorizzat dan l-obbligu. It-trażmissjoni elettronika tad-data dwar it-tariffi ta’ kuljum titlob lill-kontribwenti li joperaw fil-kummerċ bl-imnut u f’attivitajiet simili (li ma jinvolvux obbligi ta’ fatturazzjoni) biex id-data dwar it-tariffi ta’ kuljum tinħażen elettronikament u tiġi trażmessa elettronikament lill-Agenzia delle Entrate. Dan l-aħħar obbligu sar applikabbli fl-1 ta’ Jannar 2020 filwaqt li sar applikabbli fl-1 ta’ Lulju 2019 għall-kontribwenti b’fatturat ta’ aktar minn EUR 400 000. Il-miżuri l-oħrajn ta’ kontroll ġew sostitwiti minn dan il-pakkett ta’ miżuri li jippermetti lill-awtoritajiet tat-taxxa Taljani jwettqu kontroverifiki tal-operazzjonijiet differenti ddikjarati mill-operaturi u jimmonitorjaw il-ħlasijiet tal-VAT tagħhom. L-aħħar bidliet leġiżlattivi introduċew obbligu sabiex id-data dwar it-tranżazzjonijiet tal-VAT minn fatturi elettroniċi, dwar it-tranżazzjonijiet transfruntiera u dwar it-tariffi elettroniċi tkun disponibbli minnufih għall-kontribwenti biex il-konformità tagħhom tiġi ssimplifikata; dan se jwassal biex id-dikjarazzjonijiet tal-VAT jimtlew minn qabel mill-Agenzia delle Entrate u se jwassal għat-tħejjija ta’ valutazzjonijiet regolari tal-VAT, li l-kontribwenti jkunu jistgħu jaċċettaw jew iżidu magħhom. Skont il-premessa 7 tad-Deċiżjoni 2017/784 imsemmija hawn fuq, ladarba din is-sistema tkun implimentata bis-sħiħ, ma għandux ikun hemm bżonn ta’ aktar derogi mid-Direttiva 2006/112/KE sabiex tiġi applikata l-miżura tal-ħlas maqsum.

Madankollu, skont l-awtoritajiet Taljani, bħalissa ma jkunx konvenjenti li l-miżura tal-ħlas maqsum titneħħa għalkollox. Skont l-istimi tagħhom, il-miżuri implimentati permezz tal-pakkett kontra l-frodi jnaqqsu ż-żmien meħtieġ mill-amministrazzjoni tat-taxxa sabiex issir konxja mill-eżistenza ta’ każ potenzjali ta’ evażjoni jew frodi għal tliet xhur, meta mqabbel mat-18-il xahar li kienu meħtieġa oriġinarjament. Madankollu, fin-nuqqas tal-ħlas maqsum, ladarba sseħħ il-verifika, l-irkupru mill-evażuri jew mill-frodaturi tat-taxxa jaf ikun impossibbli jekk dawn ikunu insolventi. Il-mekkaniżmu tal-ħlas maqsum, bħala miżura ex ante, hu ħafna aktar effettiv.

Il-Kummissjoni xorta waħda tqis li l-implimentazzjoni sħiħa tal-pakkett ta’ miżuri kontra l-frodi mfassla mill-Italja għandha ttemm il-bżonn għal aktar derogi mid-Direttiva tal-VAT sabiex jiġi applikat il-ħlas maqsum. Madankollu, għadu kmieni wisq biex tiġi vvalutata bis-sħiħ l-effettività ta’ dawk il-miżuri minħabba l-implimentazzjoni reċenti tagħhom. Il-fatturazzjoni elettronika obbligatorja ġeneralizzata ilha li daħlet fis-seħħ biss mill-1 ta’ Jannar 2019 filwaqt li t-trażmissjoni elettronika tad-data fuq it-tariffi ta’ kuljum ġiet implimentata bis-sħiħ fl-1 ta’ Jannar 2020. Għaldaqstant, l-evalwazzjoni ta’ dawn il-miżuri u tal-impatt tagħhom fl-identifikazzjoni tal-frodi tal-VAT u fil-ġbir tat-taxxa ma tistax titwettaq b’mod estensiv. B’hekk, fin-nuqqas tal-implimentazzjoni sħiħa tal-pakkett kontra l-frodi, huwa rrakkomandat li l-miżura tiġi estiża għal perjodu addizzjonali, peress li t-tneħħija tagħha jista’ jkollha effetti negattivi sinifikanti fil-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-ġbir tal-VAT fir-rigward tas-setturi koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura. Barra minn hekk, f’każ li l-miżura ma tiġix estiża, il-kumpaniji li japplikaw il-mekkaniżmu tal-ħlas maqsum ikollhom ibiddlu s-sistemi ta’ fatturazzjoni tagħhom biex jakkomodaw il-bidliet. L-amministrazzjoni tat-taxxa jkollha timplimenta adattamenti simili għas-sistemi tagħha. Minħabba li l-Italja qiegħda tħabbat wiċċha mad-diffikultajiet ikkawżati mit-tifqigħa tal-COVID-19, ma jidhirx xieraq li n-negozji u l-amministrazzjoni tat-taxxa jintalbu jwettqu dawn il-bidliet f’dan il-punt taż-żmien.

Wieħed mill-effetti tal-ħlas maqsum huwa l-fatt li l-fornituri, li huma persuni taxxabbli, ma jistgħux ipaċu l-VAT li jħallsu fuq id-dħul tagħhom bil-VAT li jirċievu fuq il-provvisti tagħhom. Jista’ jkun li huma jkunu dejjem f’qagħda ta’ kreditu u jkollhom jitolbu rifużjoni effettiva ta’ din il-VAT mill-amministrazzjoni tat-taxxa. Min-naħa l-oħra, l-Italja tawtorizza lil dawn il-fornituri jpaċu l-VAT li ma jkunux irċevew mingħand il-klijenti tagħhom b’taxxi oħrajn dovuti fl-Italja, b’ċerti kundizzjonijiet, u b’hekk tillimita l-problema tal-fluss tal-flus li kieku jista’ jkollhom dawn in-negozji li għandhom iħallsu t-taxxi fl-Italja.

Skont it-tagħrif mressaq mill-Italja, il-proċedura ta’ rifużjoni tħaffet. It-talbiet għal rifużjoni jiġu pproċessati bħala medja fi żmien 67 jum u ż-żmien medju għall-ħlas proprju lill-benefiċjarju huwa ta’ sebat ijiem. Meta ġiet introdotta l-miżura tal-ħlas maqsum, kien previst li l-persuni taxxabbli li jwettqu tranżazzjonijiet soġġetti għall-iskema tal-ħlas maqsum, fil-limitu tal-kreditu li ġej minn tali tranżazzjonijiet, ikunu intitolati jirċievu l-ħlas tal-krediti rilevanti tal-VAT bħala prijorità. Din il-prattika timplika li t-talbiet għal rifużjoni marbuta mal-mekkaniżmu tal-ħlas maqsum jiġu pproċessati bi prijorità kemm matul l-investigazzjoni preliminari kif ukoll matul il-ħlas tas-somom dovuti fir-rigward tar-rifużjonijiet li mhumiex prijorità.

It-talba mressqa mill-Italja u rreġistrata mal-Kummissjoni fl-4 ta’ Diċembru 2019, implikat kamp ta’ applikazzjoni idjaq tal-miżura ta’ deroga fis-seħħ, peress li talbet awtorizzazzjoni biex tissokta tidderoga mill-Artikoli 206 u 226 tad-Direttiva tal-VAT fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ħlasijiet tal-VAT u tal-fatturazzjoni għall-provvisti ta’ oġġetti u ta’ servizzi li jingħataw lill-awtoritajiet pubbliċi. Madankollu, permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fis-27 ta’ Marzu 2020, l-Italja bidlet it-talba tagħha, u talbet li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-awtorizzazzjoni għandu jibqa’ identiku għal dak mogħti bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/784, u għalhekk talbet li tapplika d-deroga mill-Artikoli 206 u 226 tad-Direttiva tal-VAT għall-provvisti ta’ oġġetti u ta’ servizzi li jingħataw lill-awtoritajiet pubbliċi, lill-kumpaniji kkontrollati minn awtoritajiet pubbliċi ċentrali u lokali u lil lista ta’ kumpaniji elenkati fil-Borża.

Ir-raġuni għat-tibdil tal-kamp ta’ applikazzjoni kienet li sadanittant id-data definittiva dwar l-effettività tal-miżura saret disponibbli, u wriet li l-effettività tal-miżura kienet ogħla minn dik indikata fir-rapporti ta’ qabel. It-talba għall-estensjoni mressqa f’Diċembru 2019 ġiet modifikata bit-talba tal-estensjoni tal-miżura ta’ deroga awtorizzata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/784.

Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ tad-deroga u l-fatt li n-negozji għadhom mħassba rigward ir-rifużjonijiet tal-VAT, huwa importanti li jiġi żgurat is-segwitu meħtieġ fil-qafas ta’ din id-deroga u b’mod partikolari l-impatt tal-miżura fuq il-livell ta’ frodi tal-VAT u fuq il-qagħda tar-rifużjonijiet tal-VAT għall-persuni taxxabbli koperti minn din id-deroga. Għalhekk l-Italja qed tintalab tipprovdi rapport dwar il-proċedura ta’ rifużjoni tal-VAT fir-rigward tal-qagħda tal-fornituri (li huma persuni taxxabbli) koperti minn din id-deroga, tmintax-il xahar wara li din tidħol fis-seħħ. B’mod partikolari, dan ir-rapport għandu jipprovdi statistika fir-rigward tal-ammont medju taż-żmien meħtieġ biex dawn il-persuni taxxabbli jingħataw ir-rifużjoni tal-VAT b’mod effettiv u għandu jiddeskrivi l-problemi partikolari li seta’ kien hemm f’dan il-kuntest. Dan ir-rapport għandu jindika wkoll il-miżuri differenti implimentati għall-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa għall-provvisti koperti mid-deroga, id-data tad-dħul fis-seħħ tagħhom, kif ukoll l-evalwazzjoni tal-effettività tagħhom.

Għalkemm l-Italja talbet li l-awtorizzazzjoni tiġi estiża sal-31 ta’ Diċembru 2023, ġie propost li tingħata awtorizzazzjoni għad-deroga għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2020 sat-30 ta’ Ġunju 2023. Dak il-perjodu għandu jkun biżżejjed biex issir evalwazzjoni sħiħa tal-effettività tal-miżuri implimentati mmirati lejn it-tnaqqis tal-evażjoni tat-taxxa fis-setturi kkonċernati. Barra minn hekk, sa dak iż-żmien, in-negozji u l-amministrazzjoni tat-taxxa se jkunu f’pożizzjoni aħjar biex iwettqu l-adattamenti meħtieġa fis-sistemi tagħhom.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Id-deroga tista’ tiġi awtorizzata abbażi tal-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT sabiex tiġi ssimplifikata l-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew sabiex jiġu evitati ċerti forom ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa. L-Italja talbet il-miżura ta’ deroga biex tiġġieled kontra l-evażjoni tat-taxxa fis-setturi fejn il-frodi tal-VAT ilha snin tiġi identifikata, u skont id-data pprovduta mill-Italja, il-miżura kienet effettiva biex ittejjeb il-ġbir tat-taxxa u trażżan il-frodi tal-VAT fis-setturi fil-mira. Id-deroga hija konsistenti mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti.

Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/310 5 , il-Polonja ngħatat deroga simili biex tapplika l-mekkaniżmu tal-ħlas maqsum. Is-sistema Pollakka tal-ħlas maqsum tinkludi mekkaniżmu volontarju u obbligatorju tal-ħlas maqsum. Din is-sistema obbligatorja tal-ħlas maqsum taffettwa l-provvisti ta’ oġġetti u ta’ servizzi mħallsa permezz ta’ trasferimenti bankarji elettroniċi, imwettqa bejn persuni taxxabbli f’żoni partikolarment esposti għall-frodi tal-VAT u li fihom il-frodi ilha snin tiġi identifikata. Fis-sistema obbligatorja Pollakka tal-ħlas maqsum, il-bank jaġixxi bħala aġent tal-qsim u jittrasferixxi l-ammont imħallas mill-klijent lill-kontijiet rilevanti tal-fornitur, jiġifieri l-ammont taxxabbli lill-kont regolari tal-operatur tas-suq u l-ammont tal-VAT lill-kont tal-VAT imblukkat tal-operatur tas-suq. Minkejja li l-fondi fuq il-kont tal-VAT imblukkat huma proprjetà tal-persuna taxxabbli, il-possibbiltà tagħha li tiddisponi mill-fondi hija limitata fil-prinċipju għall-ħlas tal-VAT dovuta lill-awtorità tat-taxxa jew għall-ħlas tal-VAT li jirriżulta minn fatturi riċevuti mingħand il-fornituri.

Ir-Rumanija wkoll applikat għal deroga biex tapplika l-mekkaniżmu tal-ħlas maqsum għall-provvisti minn ċerti persuni taxxabbli. Il-mekkaniżmu Rumen tal-ħlas maqsum qajjem tħassib serju rigward il-proporzjonalità u l-kompatibbiltà tiegħu mat-Trattat. Għaldaqstant, il-Kummissjoni oġġezzjonat għat-talba Rumena 6 .

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

L-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT.

Sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklużiva)

Meta titqies id-dispożizzjoni tad-Direttiva tal-VAT li fuqha hija bbażata l-proposta, il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

Proporzjonalità

Id-Deċiżjoni tikkonċerna awtorizzazzjoni mogħtija lil Stat Membru fuq talba tiegħu stess u ma tikkostitwixxi l-ebda obbligu.

Minħabba li d-deroga hija limitata fiż-żmien u hija ristretta għas-settur pubbliku, għall-kumpaniji li huma kkontrollati mill-istat u għall-kumpaniji elenkati fil-Borża, il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha huwa mmirat lejn settur li jippreżenta problemi konsiderevoli ta’ evażjoni tat-taxxa. Għaldaqstant, il-miżura speċjali hija proporzjonata mal-għan li jrid jintlaħaq, jiġifieri li tiġi miġġielda l-evażjoni tat-taxxa.

Għażla tal-istrument

L-istrument propost huwa Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill.

Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT, huwa biss possibbli li tingħata deroga mir-regoli komuni tal-VAT bl-awtorizzazzjoni tal-Kunsill, li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni. L-aktar strument xieraq huwa Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill għax din tista’ tiġi indirizzata lil Stat Membru individwali.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Ma saret l-ebda konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati. Din il-proposta tissejjes fuq talba li saret mill-Italja u tikkonċerna biss lil dan l-Istat Membru partikolari.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Ma kienx hemm bżonn ta’ għarfien espert estern.

Valutazzjoni tal-impatt

Il-proposta għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill għandha l-għan li testendi l-applikazzjoni tad-deroga mill-Artikoli 206 u 226 tad-Direttiva tal-VAT għall-provvisti lill-awtoritajiet pubbliċi, lill-kumpaniji kkontrollati mill-awtoritajiet pubbliċi ċentrali u lokali u lil lista ta’ madwar 40 kumpanija elenkati fil-Borża. Billi timponi li l-VAT dovuta titħallas f’kont bankarju separat tal-amministrazzjoni tat-taxxa, l-għan tal-proposta għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill huwa l-ewwel nett li tiġġieled kontra l-evażjoni tat-taxxa li tieħu l-għamla ta’ nuqqas ta’ ħlas tal-VAT mill-fornituri lill-entitajiet elenkati. Jidher li l-miżuri li l-Italja kienet qed tapplika bħalissa kienu għodda effettiva għal dan il-għan.

Skont id-data pprovduta mill-Italja, l-implimentazzjoni tal-miżura fil-kamp ta’ applikazzjoni inizjali tagħha wasslet għal żieda fil-ħlasijiet ta’ madwar EUR 3,5 biljun fis-sena 2015. Dan l-ammont ġie stabbilit mill-Agenzia delle Entrate, filwaqt li qieset li għall-istess tranżazzjonijiet għall-fornituri tal-Pubblica Amministrazione (PA), is-somma proprja mħallsa tal-VAT l-iktar baxxa fuq il-bejgħ wara l-introduzzjoni tal-mekkaniżmu tal-ħlas maqsum, wara li titneħħa ż-żieda fil-kumpensi u fir-rifużjonijiet, hi inqas mill-ħlasijiet li għamlet il-PA b’rabta mal-istess tranżazzjonijiet. L-analiżi ulterjuri li saret mill-Italja kkonkludiet li dan l-effett baqa’ stabbli fis-snin sussegwenti. Skont din l-analiżi, il-kamp ta’ applikazzjoni usa’ tal-miżura (fornituri ta’ kumpaniji kkontrollati mill-awtoritajiet ċentrali u lokali u kumpaniji elenkati fil-Borża) irrapporta żieda addizzjonali fi ħlasijiet ta’ EUR 1,08 biljun. Dan l-effett inizjali tal-miżura baqa’ stabbli, għal darb’oħra, fis-snin sussegwenti tal-applikazzjoni tagħha. Għaldaqstant, l-effett totali dovut għall-applikazzjoni tal-miżura ammonta għal EUR 4,58 biljun fis-sena.

Effett ieħor li għandu jitqies huwa li l-fornituri f’din is-sistema ma jirċevux il-VAT mill-klijenti tagħhom. Għaldaqstant, huma se jkollhom jitolbu għal rifużjoni effettiva tal-VAT aktar ta’ spiss, f’każ li ma jkunux jistgħu ipaċu din il-VAT bit-taxxi l-oħrajn dovuti fl-Italja. Sabiex jiġi evitat impatt negattiv fuq dawn il-persuni taxxabbli, aktar u aktar jekk il-fornituri ma jkunux stabbiliti fl-Italja, hu essenzjali li l-proċedura ta’ rifużjoni taħdem kif suppost u fil-ħin. Skont l-Italja, is-sistema tagħha ta’ rifużjonijiet tal-VAT taħdem sew u l-perjodu medju għall-ipproċessar tar-rifużjonijiet tal-VAT tqassar għal 67 jum, miżjuda b’sebat ijiem għall-ħlas proprju lill-benefiċjarju. Barra minn hekk, hu mistenni li r-regoli l-ġodda li daħlu fis-seħħ jiġġestixxu kif suppost kwalunkwe żieda possibbli tar-rifużjonijiet tal-VAT. Skont it-tagħrif ipprovdut mill-Italja, mal-introduzzjoni tal-miżura tal-ħlas maqsum, ġie previst ukoll li l-persuni taxxabbli li jwettqu tranżazzjonijiet soġġetti għall-iskema tal-ħlas maqsum, fil-limitu tal-kreditu li ġej minn tranżazzjonijiet bħal dawn, ikunu intitolati jirċievu l-ħlas tal-krediti rilevanti tal-VAT bħala prijorità. Din id-dispożizzjoni timplika li t-talbiet għar-rifużjoni relatati mal-mekkaniżmu tal-ħlas maqsum, meta mqabbla mar-rifużjonijiet li mhumiex ta’ prijorità, jiġu pproċessati bi prijorità kemm matul l-investigazzjoni preliminari kif ukoll matul il-ħlas tas-somom dovuti.

Drittijiet fundamentali

Il-proposta ma għandhiex konsegwenzi fuq il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-miżura mhi se jkollha l-ebda impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li ġejjin mill-VAT.

2020/0119 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/784 li tawtorizza lir-Repubblika Taljana tapplika miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikoli 206 u 226 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 7 , u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1401 8 , l-Italja ġiet awtorizzata titlob li t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) dovuta fuq provvisti lill-awtoritajiet pubbliċi titħallas minn dawk l-awtoritajiet f’kont bankarju separat u mblukkat tal-awtoritajiet tat-taxxa sal-31 ta’ Diċembru 2017. Dik il-miżura speċjali kkostitwiet deroga mill-Artikoli 206 u 226 tad-Direttiva 2006/112/KE b’rabta mal-ħlas tal-VAT u mar-regoli tal-fatturazzjoni.

(2)Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/784 9 , l-Italja ġiet awtorizzata tapplika l-miżura speċjali sat-30 ta’ Ġunju 2020. Barra minn hekk, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura speċjali twessa’ biex jinkludi l-provvisti lill-kumpaniji kkontrollati mill-awtoritajiet pubbliċi skont it-tifsira tal-Artikolu 2359 tal-Kodiċi Ċivili Taljan (Codice Civile) u lill-kumpaniji elenkati fil-Borża li huma inklużi fl-indiċi Financial Times Stock Exchange Milano Indice di Borsa (“FTSE MIB”).

(3)Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fl-4 ta’ Diċembru 2019, l-Italja talbet li din l-awtorizzazzjoni tiġi estiża sal-31 ta’ Diċembru 2023 u li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura speċjali jidjieq għall-provvisti ta’ oġġetti u ta’ servizzi lill-awtoritajiet pubbliċi biss. Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fis-27 ta’ Marzu 2020, l-Italja talbet li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura għall-provvisti ta’ oġġetti u ta’ servizzi jitwessa’ biex japplika kemm għall-kumpaniji kkontrollati mill-awtoritajiet pubbliċi ċentrali u lokali kif ukoll għall-kumpaniji elenkati fl-indiċi FTSE MIB. Għaldaqstant, l-Italja titlob li l-miżura speċjali tiġi estiża b’kamp ta’ applikazzjoni identiku għal dak tal-awtorizzazzjoni mogħtija bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/784.

(4)Permezz tal-ittra bid-data tal-5 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni għarrfet lill-Istati Membri l-oħrajn, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, bit-talba li għamlet l-Italja. Permezz ta’ ittra bid-data tas-6 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni għarrfet lill-Italja li hija kellha it-tagħrif kollu li teħtieġ biex tevalwa t-talba.

(5)Din il-miżura hi parti minn pakkett ta’ miżuri introdotti mill-Italja sabiex tiġġieled kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa. L-obbligu tal-fatturazzjoni elettronika ġie introdott mill-1 ta’ Lulju 2018 fir-rigward ta’ ċertu setturi, u mill-1 ta’ Jannar 2019 f’għamla ġeneralizzata. Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/593 10 awtorizzat dan l-obbligu. Il-miżuri l-oħrajn ta’ kontroll ġew sostitwiti minn dan il-pakkett ta’ miżuri, li jinkludu l-fatturazzjoni elettronika, u li jippermettu lill-awtoritajiet tat-taxxa Taljani jwettqu kontroverifiki tal-operazzjonijiet differenti ddikjarati mill-operaturi u li jimmonitorjaw il-ħlasijiet tal-VAT tagħhom.

(6)Fit-talba tagħha, l-Italja tispjega li, għalkemm il-pakkett ta’ miżuri implimentati jqassar għal tliet xhur iż-żmien meħtieġ mill-amministrazzjoni tat-taxxa biex tkun konxja mill-eżistenza ta’ każ potenzjali ta’ evażjoni jew ta’ frodi, meta mqabbel mat-tmintax-il xahar li kienu oriġinarjament meħtieġa, fin-nuqqas tal-ħlas maqsum, l-irkupru jaf ikun impossibbli mill-evażuri jew mill-frodaturi tat-taxxa jekk dawn ikunu insolventi. Il-mekkaniżmu tal-ħlas maqsum, bħala miżura ex ante, hu ħafna aktar effettiv. Id-data definittiva dwar l-effettività tal-miżura turi li l-miżura kienet aktar effettiva milli mistenni.

(7)Wieħed mill-effetti tal-miżura huwa l-fatt li l-fornituri, li huma persuni taxxabbli, ma jistgħux ipaċu l-VAT li jħallsu fuq id-dħul tagħhom bil-VAT li jirċievu fuq il-provvisti tagħhom. Jista’ jkun li huma jkunu dejjem f’qagħda ta’ kreditu u jkollhom jitolbu rifużjoni effettiva ta’ din il-VAT mill-amministrazzjoni tat-taxxa. Skont it-tagħrif imressaq mill-Italja, it-talbiet għal rifużjoni jiġu pproċessati bħala medja fi żmien 67 jum u ż-żmien medju għall-ħlas proprju lill-benefiċjarju huwa ta’ sebat ijiem. Meta ġiet introdotta l-miżura tal-ħlas maqsum, kien previst li l-persuni taxxabbli li jwettqu tranżazzjonijiet soġġetti għall-iskema tal-ħlas maqsum, fil-limitu tal-kreditu li ġej minn tali tranżazzjonijiet, ikunu intitolati li jirċievu l-ħlas tal-krediti rilevanti tal-VAT bħala prijorità. Din il-prattika timplika li t-talbiet għal rifużjoni marbuta mal-mekkaniżmu tal-ħlas maqsum jiġu pproċessati bi prijorità kemm matul l-investigazzjoni preliminari kif ukoll matul il-ħlas tas-somom dovuti fir-rigward tar-rifużjonijiet li mhumiex prijorità.

(8)Skont il-premessa (7) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/784, ladarba din is-sistema magħmula mill-pakkett tal-miżuri tal-kontroll, li l-Italja kellha l-intenzjoni tapplika, tkun implimentata bis-sħiħ, ma għandux ikun hemm iktar bżonn derogi mid-Direttiva 2006/112/KE sabiex tiġi applikata l-miżura tal-ħlas maqsum. Għaldaqstant, l-Italja assigurat li ma kinitx se tfittex li ġġedded id-deroga li tippermetti l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu tal-ħlas maqsum. Madankollu, peress li għadu kmieni biex tiġi vvalutata bis-sħiħ l-effettività ta’ dawn il-miżuri minħabba l-implimentazzjoni reċenti tagħhom, u fid-dawl tad-diffikultajiet li l-Italja qed tesperjenza minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19, li jagħmluha aktar diffiċli għal persuni taxxabbli biex jimplimentaw il-bidliet meħtieġa fis-sistemi ta’ fatturazzjoni, u għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa biex jaddattaw is-sistemi tagħhom, it-tneħħija tal-miżura jista’ jkollha effetti negattivi sinifikanti fil-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-ġbir tal-VAT, kif ukoll fuq il-kostijiet amministrattivi għall-persuni taxxabbli fiċ-ċirkostanzi attwali.

(9)Jenħtieġ li d-deroga mitluba tkun limitata fiż-żmien sabiex ikun jista’ jiġi vvalutat jekk il-miżura speċjali hijiex xierqa u effettiva. Għalkemm l-Italja talbet li l-awtorizzazzjoni tiġi estiża sal-31 ta’ Diċembru 2023, jenħtieġ li ma tiġix estiża lil hinn mit-30 ta’ Ġunju 2023. Dak il-perjodu għandu jkun biżżejjed biex issir evalwazzjoni sħiħa tal-effettività tal-miżuri implimentati mmirati lejn it-tnaqqis tal-evażjoni tat-taxxa fis-setturi kkonċernati.

(10)Sabiex jiġi żgurat is-segwitu meħtieġ fil-qafas ta’ din id-deroga u b’mod partikolari l-impatt fuq ir-rifużjonijiet tal-VAT lill-persuni taxxabbli koperti mid-deroga, jenħtieġ li l-Italja tressaq rapport lill-Kummissjoni, fi żmien 15-il xahar mid-dħul fis-seħħ tal-estensjoni tal-miżura speċjali, dwar il-qagħda globali tar-rifużjonijiet tal-VAT lill-persuni taxxabbli u, b’mod partikolari, dwar l-ammont ta’ żmien meħtieġ, bħala medja, għal dawn ir-rifużjonijiet, u dwar kemm din il-miżura speċjali u l-oħrajn implimentati huma effettivi biex inaqqsu l-evażjoni tat-taxxa fis-setturi kkonċernati. Jenħtieġ li dan ir-rapport jinkludi lista tal-miżuri differenti implimentati flimkien mad-data tad-dħul fis-seħħ tagħhom.

(11)Il-miżura speċjali hija proporzjonata għall-objettivi li jridu jintlaħqu billi hija limitata fiż-żmien u hija ristretta għal setturi li jippreżentaw problemi konsiderevoli ta’ evażjoni tat-taxxa. Barra minn hekk, il-miżura speċjali ma tagħtix lok għal riskju li l-evażjoni timxi lejn setturi oħrajn jew lejn Stati Membri oħrajn.

(12)Id-deroga mhix se taffettwa ħażin l-ammont globali ta’ dħul mit-taxxa miġbur fl-istadju tal-konsum finali u mhi se jkollha l-ebda impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li ġejjin mill-VAT.

(13)Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/784 tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/784 hija emendata kif ġej:

   (1) Fl-Artikolu 3, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

   “Sat-30 ta’ Settembru 2021, l-Italja għandha tressaq rapport lill-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni ġenerali tar-rifużjonijiet tal-VAT lill-persuni taxxabbli milqutin minn dawn il-miżuri msemmija fl-Artikoli 1 u 2 u, b’mod partikolari, dwar kemm tieħu żmien, bħala medja, il-proċedura tar-rifużjoni u dwar kemm din il-miżura kif ukoll oħrajn huma effettivi biex inaqqsu l-evażjoni tal-VAT fis-setturi kkonċernati. Dan ir-rapport għandu jinkludi lista tal-miżuri differenti implimentati flimkien mad-data tad-dħul fis-seħħ tagħhom”;

(2) Fl-Artikolu 5, id-data “30 ta’ Ġunju 2020” hija sostitwita bid-data “30 ta’ Ġunju 2023”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
(2)    ĠU L 118, 6.5.2017, p. 17.
(3)    ĠU L 217, 18.8.2015, p. 7-8. 
(4)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/593 tas-16 ta’ April 2018 li tawtorizza lir-Repubblika Taljana tintroduċi miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikoli 218 u 232 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 99, 19.4.2018, p. 14-15).
(5)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/310 tat-18 ta’ Frar 2019 tawtorizza lill-Polonja tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 226 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 51, 22.2.2019, p. 19).
(6)    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, COM/2018/666 final.
(7)    ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
(8)    ĠU L 217, 18.8.2015, p. 7-8. 
(9)    ĠU L 118, 6.5.2017, p. 17. 
(10)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/593 tas-16 ta’ April 2018 li tawtorizza lir-Repubblika Taljana tintroduċi miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikoli 218 u 232 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 99, 19.4.2018, p. 14-15).
Top