Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020PC0193

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fi ħdan il-Kumitat tal-FSE stabbilit mill-Ftehim interim ta’ Sħubija Ekonomika (FSE) bejn il-Kosta tal-Avorju, minn naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, rigward l-adozzjoni proposta tal-lista ta’ arbitri

    COM/2020/193 final

    Brussell, 12.5.2020

    COM(2020) 193 final

    2020/0077(NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fi ħdan il-Kumitat tal-FSE stabbilit mill-Ftehim interim ta’ Sħubija Ekonomika (FSE) bejn il-Kosta tal-Avorju, minn naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, rigward l-adozzjoni proposta tal-lista ta’ arbitri


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.Suġġett tal-proposta

    Din il-proposta tirrigwarda d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea (“l-Unjoni”) fil-Kumitat tal-FSE stabbilit mill-Ftehim Interim ta’ Sħubija Ekonomika bejn il-Kosta tal-Avorju, minn naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) 1 , rigward l-adozzjoni proposta tal-lista ta’ persuni li huma disposti u kapaċi jkunu arbitri.

    2.Kuntest tal-proposta

    2.1.Ftehim interim ta’ Sħubija Ekonomija bejn l-UE u l-Kosta tal-Avorju

    L-iskop tal-ftehim huwa li jistabbilixxi qafas inizjali għal Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika b’konformità mal-Ftehim ta’ Cotonou. Il-Ftehim ilu jiġi applikat b’mod provviżorju mit-3 ta’ Settembru 2016.

    2.2.Il-Kumitat tal-FSE

    Il-Kumitat tal-FSE huwa l-korp istituzzjonali konġunt ta’ dan il-Ftehim. L-Artikolu 73 tal-ftehim jistipula li l-Kumitat tal-FSE huwa responsabbli mill-amministrazzjoni tal-oqsma kollha koperti mill-Ftehim u mit-twettiq ta’ kull kompitu msemmi fih. Il-Kumitat tal-FSE jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu bi qbil ġenerali. Il-funzjonament tal-Kumitat tal-FSE huwa deskritt fir-regoli ta’ proċedura tiegħu 2 .

    2.3.Att stipulat mill-Kumitat tal-FSE

    Fil-ħames laqgħa tiegħu tal-[data], il-Kumitat tal-FSE għandu jadotta deċiżjoni dwar l-adozzjoni tal-lista ta’ arbitri (“l-att previst”) skont l-Artikolu 64 tal-Ftehim.

    L-Artikolu 64(1) tal-Ftehim jistipula li “il-Kumitat FSE għandu jistabbilixxi lista ta’ 15-il persuna li huma disposti u kapaċi jkunu arbitri ”

    L-għan tal-att previst huwa li jistabbilixxi lista ta’ ħmistax-il individwu li jkunu jistgħu jservu bħala arbitri f’każ ta’ proċedura għal soluzzjoni ta’ tilwim skont it-Titolu V tal-Ftehim. L-adozzjoni ta’ din il-lista hija element essenzjali biex jiġi ffinalizzat il-qafas operazzjonali għad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar l-Evitar u s-Soluzzjoni tat-Tilwim.

    3.Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni

    Din il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill tiddetermina l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat tal-FSE stabbilit mill-Ftehim Interim ta’ Sħubija Ekonomika bejn il-Kosta tal-Avorju, minn naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-istabbiliment tal-lista ta’ persuni disposti u kapaċi jkunu arbitri skont l-Artikolu 64 tal-Ftehim.

    Il-partijiet għall-Ftehim qablu ma’ dan l-abbozz ta’ Deċiżjoni, inizjalawh fir-raba’ laqgħa tal-Kumitat tal-FSE fis-27 u t-28 ta’ Novembru 2019 u, suġġett għall-proċeduri ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Unjoni Ewropea, għandhom jadottawh fil-laqgħa li jmiss tal-Kumitat tal-FSE, li għandha ssir fi tmiem l-2020.

    Din id-deċiżjoni hija essenzjali sabiex id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim tat-Titolu V dwar l-Evitar u Soluzzjoni tat-Tilwim isiru operazzjonali u biex b'hekk tkun żgurata l-implimentazzjoni bla xkiel tal-Ftehim.

    4.Bażi ġuridika proċedurali

    4.1.Bażi ġuridika proċedurali

    4.1.1.    Prinċipji

    L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.

    Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp inkwistjoni. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni” 3 .

    4.1.2.    Applikazzjoni għal dan il-każ

    Il-Kumitat tal-FSE huwa korp stabbilit bi Ftehim, jiġifieri l-Ftehim Interim ta’ Sħubija Ekonomika bejn il-Kosta tal-Avorju, minn naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-oħra.

    L-att li l-Kumitat huwa mitlub jadotta jikkostitwixxi att li għandu effetti legali. L-att previst se jkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali b’konformità mal-Artikolu 64 tal-Ftehim.

    L-att previst la jissupplimenta u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.

    Għaldaqstant, il-bażi ġuridika proċedurali tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

    4.2.Bażi ġuridika sostantiva

    4.2.1.    Prinċipji

    Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u l-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tiġi meħuda pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE trid tkun imsejsa fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik rikjesta mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

    4.2.2.    Applikazzjoni għal dan il-każ

    Essenzjalment, il-proċedura ta’ arbitraġġ hija applikabbli għas-settur tal-kummerċ, u l-objettiv u l-kontenut tal-att previst huma relatati mal-politika kummerċjali komuni. Għaldaqstant, il-bażi ġuridika sostantiva tad-Deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 207 tat-TFUE.

    4.3.Konklużjoni

    Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-Deċiżjoni proposta tkun l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

    5.PUBBLIKAZZJONI TAL-ATT PREVIST

    Peress li d-deċiżjoni tal-Kumitat tal-FSE se temenda l-Ftehim, huwa xieraq li din tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, ladarba tiġi adottata.

    2020/0077 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fi ħdan il-Kumitat tal-FSE stabbilit mill-Ftehim interim ta’ Sħubija Ekonomika (FSE) bejn il-Kosta tal-Avorju, minn naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, rigward l-adozzjoni proposta tal-lista ta’ arbitri

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b’mod partikulari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim interim ta’ Sħubija Ekonomika bejn il-Kosta tal-Avorju, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) 4 ,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)Il-Ftehim ġie konkluż f’isem l-Unjoni Ewropea (“l-Unjoni”) permezz tad-Deċiżjoni 2009/156/KE 5 u qiegħed jiġi applikat b’mod provviżorju mill- 3 ta’ Settembru 2016.

    (2)F’konformità mal-Artikolu 64(1) tal-Ftehim, il-Kumitat tal-FSE għandu jfassal lista ta’ persuni li huma disposti u kapaċi jkunu arbitri.

    (3)Il-Kumitat tal-FSE fil-laqgħa annwali tiegħu fi [data] għandu jissejjaħ biex jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi l-lista ta’ persuni li huma disposti u kapaċi jkunu arbitri b’konformità mal-Artikolu 64(1) tal-Ftehim.

    (4)Ikun xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed, f'isem l-Unjoni, fil-Kumitat tal-FSE, peress li d-deċiżjoni prevista se tkun vinkolanti fuq l-Unjoni,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat tal-FSE għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat tal-FSE fir-rigward tal-lista ta’ persuni disposti u kapaċi jkunu arbitri, mehmuża ma’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1)    ĠU L 59, 3.3.2009, p. 2.
    (2)    ĠU L 194, 31.7.2018, p. 158.
    (3)    Il-paragrafi minn 61 sa 64 tas-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014 fil-Kawża C-399/12, il-Ġermanja vs il-Kunsill, ECLI:EU:C:2014:2258.
    (4)    ĠU L 59, 3.3.2009, p. 3.
    (5)    ĠU L 59, 3.3.2009, p. 1.
    Top

    Brussell, 12.5.2020

    COM(2020) 193 final

    ANNESS

    tal-

    Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

    dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fi ħdan il-Kumitat tal-FSE stabbilit mill-Ftehim interim ta’ Sħubija Ekonomika (FSE) bejn il-Kosta tal-Avorju, minn naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, rigward l-adozzjoni proposta tal-lista ta’ arbitri


    ABBOZZ

    DEĊIŻJONI Nru …/2020 TAL-KUMITAT tal-FSE
    stabbilita bil-Ftehim Interim ta’ Sħubija Ekonomika

    bejn il-Kosta tal-Avorju, minn naħa

    u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra

    ta’ ...

    dwar l-adozzjoni tal-lista ta’ arbitri

    IL-KUMITAT TAL-FSE,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika Interim bejn il-Kosta tal-Avorju, minn naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (minn hawn ’il quddiem, “il-Ftehim”), iffirmat fi Brussell fit-3 ta’ Marzu 2009, u applikat fuq bażi provviżorja minn Settembru 2016, u b’mod partikolari l-Artikoli 64(1) tiegħu,

    Billi:

    Il-Ftehim jipprevedi li l-Kumitat tal-FSE għandu jistabbilixxi lista ta’ ħmistax-il persuna li huma disposti u kapaċi jkunu arbitri għar-riżoluzzjoni tat-tilwim li jista’ jinqala’ bejn il-Partijiet,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.Il-lista ta’ ħmistax-il persuna li huma disposti u kapaċi jkunu arbitri hija b’dan stabbilita f’konformità mal-Artikolu 64(1) tal-Ftehim u tinstab fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

    2.Il-lista ta’ arbitri msemmija fil-paragrafu 1 hija stabbilita mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe regola speċifika stabbilita fil-Ftehim jew li tista’ tiġi adottata mill-Kumitat tal-FSE.

    Artikolu 2

    Il-lista ta’ arbitri msemmija fil-paragrafu 1 tista’ tiġi emendata b’deċiżjoni mill-Kumitat tal-FSE f’konformità mal-Artikolu 67 tal-Ftehim.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum li tiġi ffirmata.

    Magħmul fi …, il-…

    Għar-Repubblika tal-Kosta tal-Avorju    Għall-Unjoni Ewropea

    ...    



    ANNESS

    Lista ta’ arbitri (Artikolu 64(1) tal-Ftehim)

    Arbitri magħżula min-naħa tal-Kosta tal-Avorju:

    Is-Sur Abbe YAO – il-Kosta tal-Avorju

    Is-Sur Abdouramane OUATTARA – il-Kosta tal-Avorju

    Is-Sur M. Joachim BILA AKA – il-Kosta tal-Avorju

    Is-Sur Narcisse AKA – il-Kosta tal-Avorju

    Is-Sur Karim FADIKA – il-Kosta tal-Avorju

    Arbitri magħżula min-naħa tal-Unjoni Ewropea:

    Is-Sur Claus EHLERMANN – il-Ġermanja

    Is-Sur Giorgio SACERDOTI – l-Italja

    Is-Sur Jacques BOURGEOIS – il-Belġju

    Is-Sur Pieter Jan KUIJPER – in-Netherlands

    Is-Sinjura Hélène RUIZ FABRI – Franza

    Arbitri magħżula b’mod konġunt miż-żewġ naħat:

    Is-Sur Martial AKAKPO – it-Togo

    Is-Sinjura Anna KOUYATE – il-Mali

    Is-Sur Thomas COTTIER – l-Iżvizzera

    Is-Sinjura Merit E. JANOW – l-Istati Uniti

    Is-Sur Helge SELAND – in-Norveġja

    Top