Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020IR3319

    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-implimentazzjoni tas-sħubija strateġika mġedda mar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE

    COR 2020/03319

    ĠU C 37, 2.2.2021, p. 57–62 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    2.2.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 37/57


    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-implimentazzjoni tas-sħubija strateġika mġedda mar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE

    (2021/C 37/10)

    Relatur:

    Angel Victor TORRES PÉREZ (ES/PSE), President tal-Gvern tal-Gżejjer Kanarji

    Dokument ta’ referenza:

    Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment dwar l-implimentazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar sħubija strateġika aktar b’saħħitha u mġedda mar-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni Ewropea

    COM(2020) 104 final

    RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

    IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

    1.

    ifakkar li r-reġjuni ultraperiferiċi, magħmulin minn tmien gżejjer u arċipelagi fil-Karibew, l-Oċean Indjan u l-Oċean Atlantiku, u reġjun iżolat fl-Amażonja, jinkludu sitt territorji Franċiżi extra-Ewropej (il-Guyana Franċiża, Guadeloupe, Martinique, Mayotte, Réunion u Saint-Martin), żewġ reġjuni awtonomi Portugiżi (l-Azores u Madeira) u komunità awtonoma Spanjola waħda (il-Gżejjer Kanarji); dawn jikkondividu għadd ta’ limitazzjonijiet permanenti minħabba li jinsabu ’l bogħod, huma iżolati u huma ta’ daqs żgħir, u dan iwaqqaf l-iżvilupp tagħhom;

    2.

    jilqa’ l-impenn tal-Unjoni Ewropea (UE) fil-konfront tar-reġjuni ultraperiferiċi, rifless fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Sħubija strateġika aktar b’saħħitha u mġedda mar-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni Ewropea”, tal-24 ta’ Ottubru 2017 (iktar ’il quddiem, “il-Komunikazzjoni”), irratifikat permezz tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali ta’ April 2018, li jistieden lill-Kummissjoni tkompli taħdem fuq l-adozzjoni ta’ miżuri speċifiċi għar-reġjuni ultraperiferiċi, skont l-Artikolu 349 tat-TFUE;

    3.

    jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rapport intermedjarju (iktar ’il quddiem, “ir-Rapport”), ippubblikat f’Marzu 2020, li jeżamina l-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-Komunikazzjoni;

    4.

    jiddispjaċih, madanakollu, li r-Rapport ma jikkostitwixxix valutazzjoni fil-fond tal-istrateġija għal dawn ir-reġjuni, u opportunità sabiex jiġi kkoreġut in-nuqqas ta’ xi miżuri ta’ politika essenzjali għall-iżvilupp tagħhom, bħall-politika ta’ koeżjoni u, b’mod partikolari, il-pilastru soċjali tal-UE;

    5.

    jirrikonoxxi l-ħtieġa li din l-istrateġija tiġi adattata fid-dawl tal-konsegwenzi serji kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19, li kellhom impatt akbar fuq dawn it-territorji, minħabba li jiddependu b’mod qawwi mit-turiżmu u l-konnettività esterna, u fejn l-irkupru ekonomiku huwa previst li jdum aktar;

    6.

    jenfasizza l-ħtieġa li jiġi appoġġjat is-settur industrijali tar-reġjuni ultraperiferiċi fiċ-ċirkustanzi attwali, u r-rwol fundamentali ta’ qafas Ewropew adegwat għall-għajnuna mill-Istat u tal-istrumenti fiskali sabiex tingħata spinta lill-kompetittività tal-kumpaniji u jitrawwem il-ħolqien tal-impjiegi f’dawn ir-reġjuni;

    7.

    ifakkar li l-kwistjonijiet soċjali dejjem kienu fiċ-ċentru tal-isfidi li jiffaċċjaw ir-reġjuni ultraperiferiċi, aggravati mill-effetti devastanti tal-kriżi attwali fis-swieq tax-xogħol tagħhom, li jsaħħu l-ħtieġa li t-tkabbir u l-impjiegi jitpoġġew fil-qalba ta’ kull strateġija għal dawn ir-reġjuni. Ir-reġjuni ultraperiferiċi jeħtieġu orjentazzjoni ġdida li tinkludi dimensjoni soċjali msaħħa u l-identifikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi biex jittrattaw il-kuntest attwali;

    8.

    jilqa’ b’mod pożittiv l-impenn tal-Kummissjoni Ewropea li taħdem fi sħubija mar-reġjuni ultraperiferiċi u jenfasizza l-importanza tagħha minħabba d-diffikultajiet ta’ dawn ir-reġjuni biex jindirizzaw il-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19;

    9.

    jenfasizza l-vulnerabbiltà tagħhom, li saret agħar minħabba l-pandemija, u jenfasizza l-ħtieġa li jintuża approċċ adatt fil-konfront tar-reġjuni ultraperiferiċi fil-kuntest tal-pjan ta’ rkupru tal-UE, b’mod konsistenti maċ-ċirkustanzi u l-ħtiġijiet reġjonali;

    10.

    jenfasizza l-ħtieġa li jiġu protetti l-interessi tar-reġjuni ultraperiferiċi fl-iżvilupp tal-politika estera tal-UE u jitlob li l-impatt negattiv tal-Brexit fuq ir-reġjuni ultraperiferiċi jiġi kkunsidrat fil-ftehim futur tal-UE mar-Renju Unit, minħabba l-impatti fuq dawn ir-reġjuni partikolarment vulnerabbli;

    11.

    jenfasizza li, fl-ambitu tar-REACT-EU, il-proġetti ffinanzjati fir-reġjuni ultraperiferiċi għandhom jiffaċċjaw l-isfidi tas-setturi l-aktar milquta mill-kriżi tal-COVID-19, bħal pereżempju s-settur tat-turiżmu, kif ukoll it-tisħiħ tal-investiment fis-setturi marbuta mal-konnettività, inkluża dik diġitali, mal-ekonomija ekoloġika u blu, kif ukoll l-investiment f’ħiliet u kapaċitajiet li jippermettu l-ħolqien ta’ impjiegi u l-adattament għall-bidliet ikkawżati mill-pandemija;

    12.

    jilqa’ b’mod favorevoli l-impenn li esprimiet il-Kummissjoni sabiex tagħti attenzjoni speċjali lir-reġjuni ultraperiferiċi fil-qafas tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, hija u tqis il-vulnerabbiltà tagħhom għat-tibdil fil-klima u d-diżastri naturali u l-assi uniċi tagħhom bħall-bijodiversità u s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u jittama li jiġu adottati miżuri speċifiċi għal dan il-għan;

    13.

    jirrakkomanda li jinżamm il-bilanċ li għandu jkun hemm bejn l-objettivi ambjentali u l-ispejjeż soċjali għoljin li r-reġjuni ultraperiferiċi jista’ jkollhom u li, fil-qafas tan-negozjati internazzjonali, il-Kummissjoni Ewropea tirrikonoxxi l-ispeċifiċità tar-reġjuni ultraperiferiċi u teskludi t-titjiriet bejn ir-reġjuni ultraperiferiċi u Stati Membri oħra tal-UE mill-iskema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet; in-nuqqas ta’ eċċezzjonijiet għal dawn ir-reġjuni fil-pjani biex jinkludu kemm it-trasport marittimu kif ukoll dak bl-ajru fis-sistema għan-negozjar tal-emissjonijiet se jkollu impatt negattiv qawwi fuq is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali tagħhom;

    14.

    jilqa’ bi pjaċir is-sħubija msaħħa bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-Konferenza tal-Presidenti tar-Reġjuni Ultraperiferiċi, li ppermettiet djalogu siewi u permanenti, permezz ta’ pjattaformi u gruppi ta’ ħidma speċifiċi li jippermettu l-identifikazzjoni ta’ problemi, jipprovdu soluzzjonijiet u jfasslu strateġiji dwar l-adattament tal-politiki Ewropej fir-reġjuni ultraperiferiċi;

    15.

    jilqa’ l-fatt li l-governanza f’diversi livelli ppermettiet li parti kbira mill-proposti tal-Kummissjoni għall-perjodu 2021-2027 jinkludu karatteristiċi speċifiċi tar-reġjuni ultraperiferiċi;

    16.

    jinnota, minħabba r-riżultati favorevoli miksuba, il-ħtieġa biex jitkompla d-djalogu msaħħaħ u kostanti bejn il-Kummissjoni Ewropea u r-reġjuni ultraperiferiċi fil-ħidma futura dwar it-tfassil ta’ politiki adegwati li jqisu r-realtà tar-reġjuni ultraperiferiċi;

    17.

    ifakkar fl-importanza li jiġi applikat l-approċċ imfassal apposta propost mill-Kummissjoni Ewropea fil-Komunikazzjoni tagħha tal-2017, minħabba l-fraġilità ta’ dawn it-territorji f’għadd ta’ setturi;

    18.

    ifakkar fil-ħtieġa li jinżamm l-istatus legali differenzjat tar-reġjuni ultraperiferiċi fil-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, sabiex ikunu jistgħu jkomplu jintegraw b’mod ġust u bilanċjat fl-evoluzzjoni tal-UE;

    Nibnu fuq l-assi tar-reġjuni ultraperiferiċi

    Ekonomija blu

    19.

    ifakkar li l-ispazju marittimu tar-reġjuni ultraperiferiċi jirrappreżenta vantaġġ konsiderevoli għas-servizz tal-impjieg, l-attività ekonomika u l-iżvilupp li għandhom jiġu protetti u sfruttati;

    20.

    jilqa’ b’sodisfazzjon l-istudju tal-Kummissjoni Ewropea Realising the potential of the Outermost Regions for sustainable blue growth (Nisfruttaw il-potenzjal tar-reġjuni ultraperiferiċi għal tkabbir sostenibbli blu) (mhux disponibbli bil-Malti) u l-inklużjoni tal-konklużjonijiet tiegħu fil-Komunikazzjoni;

    21.

    jiġbed l-attenzjoni għall-Opinjoni tiegħu adottata fi Frar 2018, li fiha enfasizza l-ħtieġa li l-UE tipprovdi lir-reġjuni ultraperiferiċi b’aktar appoġġ finanzjarju għall-miżuri li għandhom l-għan li jiżviluppaw ir-riżorsi tal-baħar u marittimi tagħhom, u għal investimenti ambizzjużi, u fl-istess ħin jitqies il-potenzjal għall-ħolqien tal-impjiegi u l-protezzjoni tal-ekosistemi;

    22.

    iqis li t-tiġdid tal-flotta tas-sajd tar-reġjuni ultraperiferiċi għandu jkompli jkun limitat mill-implimentazzjoni tar-regolamenti Ewropej u huwa tal-fehma li jinħtieġ sforz addizzjonali biex tiġi żgurata koerenza akbar bejn il-linji gwida riveduti dwar l-għajnuna mill-Istat għas-sajd u l-FEMS, b’tali mod li t-tiġdid tal-flotta tas-sajd tar-reġjuni ultraperiferiċi tista’ tkun eleġibbli taħt dan il-Fond;

    23.

    ifakkar li l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2019 dwar l-oċeani u l-ibħra jappellaw li jiġu protetti r-reġjuni ultraperiferiċi, minħabba l-vulnerabbiltà tagħhom għat-tibdil fil-klima, filwaqt li tiġi enfasizzata l-importanza tal-politika marittima u tas-sajd għall-iżvilupp ta’ attivitajiet ekonomiċi sostenibbli;

    24.

    jiddispjaċih li t-talbiet tar-reġjuni ultraperiferiċi dwar l-iskemi ta’ kumpens għal spejjeż addizzjonali ma ġewx ikkunsidrati u jappoġġja t-talba tagħhom għal applikazzjoni adattata u flessibbli tal-ammonti u l-arranġamenti ta’ applikazzjoni tagħhom;

    L-agrikoltura u l-iżvilupp rurali

    25.

    ifakkar li l-agrikoltura hija settur vitali għall-ekonomija u l-impjieg tar-reġjuni ultraperiferiċi, kif rikonoxxut mill-UE fl-istabbiliment ta’ trattament speċifiku permezz tal-POSEI u jenfasizza l-kontribut u l-valur miżjud ta’ dan is-settur matul il-kriżi tal-COVID-19, li jikkontribwixxi sabiex tiġi żgurata l-awtosuffiċjenza alimentari, jiġu promossi l-katini qosra ta’ provvista u tiġi indirizzata d-domanda qawwija tal-popolazzjoni;

    26.

    jargumenta favur li jinżammu l-eċċezzjonijiet speċifiċi għar-reġjuni ultraperiferiċi fl-ewwel pilastru tal-PAK, b’mod partikolari, id-diżakkoppjament u s-sistema ta’ tnaqqis tal-għajnuna;

    27.

    jiddispjaċih, madanakollu li, fil-qafas tal-FAEŻR, il-proposta tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali naqqset il-kofinanzjament għar-reġjuni ultraperiferiċi;

    28.

    josserva li l-kriżi tal-COVID-19 qajmet problema serja għad-distribuzzjoni tal-ikel fir-reġjuni ultraperiferiċi; jirrifjuta l-idea li fil-perjodu finanzjarju futur l-allokazzjoni baġitarja tal-PAK għal dawn ir-reġjuni titnaqqas, u jitlob għall-istabbiliment tal-allokazzjonijiet attwali tal-POSEI;

    29.

    ifakkar lill-Kummissjoni Ewropea li fil-ftehimiet kummerċjali negozjati ma’ pajjiżi terzi għandha tinkludi kapitolu speċifiku għal kull każ ta’ interess partikolari għar-reġjuni ultarperiferiċi;

    30.

    jappoġġja r-reġjuni ultarperiferiċi fit-talba tagħhom biex jestendu l-mekkaniżmu ta’ stabbilizzazzjoni fir-rigward tal-ftehimiet bilaterali ta’ importazzjoni tal-banana ffirmati mal-pajjiżi Andini u tal-Amerka Ċentrali wara l-2020, u biex jagħmluhom joperaw b’mod awtomatiku meta wieħed minn dawn il-pajjiżi jaqbeż il-limitu allokat lilu;

    Il-bijodiversità

    31.

    jilqa’ b’sodisfazzjon li l-Patt Ekoloġiku tal-Kummissjoni jirrikonoxxi l-valur għoli tal-bijodiversità unika tar-reġjuni ultraperiferiċi u t-theddid tat-tibdil fil-klima bħala wieħed mill-fatturi ewlenin tat-telfien tal-bijodiversità;

    32.

    jilqa’ b’mod pożittiv l-inklużjoni ta’ sejħiet speċifiċi fil-programm LIFE 2014-2020 għall-preservazzjoni, il-konservazzjoni u t-tisħiħ tal-bijodiversità u l-adattament għat-tibdil fil-klima tar-reġjuni ultraperiferiċi;

    L-ekonomija ċirkolari

    33.

    jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex fil-miżuri tagħha dwar l-ekonomija ċirkolari tqis il-karatteristiċi speċifiċi tar-reġjuni ultraperiferiċi, ikkaratterizzati mill-iżolament tagħhom, mid-distanza u minħabba li jiffaċċjaw pressjoni qawwija minħabba l-mudelli ekonomiċi tagħhom ibbażati prinċipalment fuq it-turiżmu;

    34.

    jittama li pjattaforma ad hoc tippermetti l-iżvilupp ta’ miżuri adattati biex jikkontrollaw id-dħul u l-ħruġ tal-iskart fir-reġjuni ultarperiferiċi, u b’hekk tikkontribwixxi għal ġestjoni adegwata tal-iskart u tappoġġja l-għan ta’ dawn ir-reġjuni li jinbidlu f’reġjuni ta’ “skart żero”;

    35.

    jirrikonoxxi l-kumplessità u l-ispejjeż għoljin tal-ġestjoni tal-iskart fir-reġjuni ultraperiferiċi u l-ħtieġa li jiġu appoġġjati investimenti f’termini ta’ infrastruttura, inkluż permezz tal-FEŻR, biex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari;

    It-tibdil fil-klima

    36.

    jappoġġja l-impenn tar-reġjuni ultraperiferiċi fil-konfront tal-għanijiet tal-UE li tinkiseb in-newtralità klimatika sal-2050 u jfakkar fil-vulnerabbiltà ta’ dawn ir-reġjuni għat-tibdil fil-klima;

    37.

    jifhem li l-ambizzjonijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew huma konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Komunikazzjoni, jilqa’ l-aċċenn speċifiku għalihom u jittama li din ir-referenza tikkostitwixxi spinta favur it-tranżizzjoni ġusta tar-reġjuni ultraperiferiċi lejn ekonomija newtrali;

    38.

    jitlob li kwalunkwe miżura fil-qasam tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju tiġi evalwata u indirizzata b’mod globali, li tfittex bilanċ ġust bejn l-imperattiv ambjentali u l-ħtieġa taċ-ċittadini fdak li jirrigwarda l-aċċessibbiltà u ż-żamma tal-ekonomija tagħhom;

    39.

    jinnota l-ħtieġa għal adattament aħjar tal-kriterji ta’ eliġibbiltà tal-Fond ta’ Tranżizzjoni Ġusta u l-inklużjoni tar-realtà tal-ultraperiferija fil-viżjoni strateġika fit-tul tal-adattament għat-tibdil fil-klima tal-UE;

    It-tranżizzjoni tal-enerġija

    40.

    jilqa’ l-miżuri favur ir-reġjuni ultraperiferiċi miġbura fid-Direttiva dwar l-enerġija rinnovabbli u l-inizjattiva dwar l-enerġija nadifa għall-gżejjer Ewropej, u jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni sabiex tkompli taħdem f’dan ir-rigward;

    41.

    ifakkar li r-reġjuni ultraperiferiċi huma l-uniċi reġjuni li jiddependu mill-fjuwils fossili, b’sistemi ta’ enerġija iżolati li ma jistgħux jiġu interkonnessi mal-grilji Ewropej u jiddispjaċih li l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE) mhix adattata għas-sitwazzjoni partikolari tagħhom; huwa tal-fehma li r-reġjuni ultraperiferiċi għandhom jiġu inklużi fil-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta u jibbenefikaw minn miżuri li jappoġġjaw it-tranżizzjoni tal-enerġija tagħhom lejn karburanti nodfa;

    Ir-riċerka u l-innovazzjoni

    42.

    japprezza l-impenn tal-Kummissjoni fil-konfront tar-reġjuni ultraperiferiċi fil-qasam tal-innovazzjoni, biex tenfasizza l-potenzjal tagħhom bħala laboratorji għall-ittestjar ta’ soluzzjonijiet innovattivi bħala mezz biex tinkiseb l-eċċellenza u biex jissaħħu l-katini ta’ valur;

    43.

    jilqa’ l-bidu ta’ azzjoni speċifika ta’ koordinazzjoni u appoġġ fil-programm kurrenti Orizzont 2020 immirat għar-reġjuni ultraperiferiċi u jirrimarka l-ħtieġa li jitqiesu l-konklużjonijiet tal-azzjoni ta’ tħejjija FORWARD meta jitfasslu l-programmi qafas I+D+i fil-futur, kif imħabbar fil-Komunikazzjoni;

    L-affarijiet soċjali, l-impjieg, l-edukazzjoni u t-taħriġ

    44.

    huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra r-reġjuni ultraperiferiċi fl-inizjattivi li se tippreżenta fil-qafas tal-pjan ta’ azzjoni għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, billi tippromovi opportunitajiet indaqs, l-aċċess għas-suq tax-xogħol, kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u l-protezzjoni u l-inklużjoni soċjali;

    45.

    jenfasizza l-impatt enormi li l-kriżi kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19 qed ikollha fuq l-impjieg fir-reġjuni ultraperiferiċi, li wasslet għal żieda sinifikanti tal-livelli ta’ faqar, minħabba t-telf tal-attività ekonomika u t-tnaqqis tal-introjtu f’setturi fundamentali, u l-ħtieġa li jitkomplew jissaħħu l-istrumenti speċifiċi li jappoġġjaw il-ħolqien ta’ niċeċ ġodda ta’ attività u ż-żamma tal-impjiegi fis-setturi tradizzjonali;

    46.

    jitlob li jittieħdu miżuri mmirati biex tiżdied il-parteċipazzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi fl-azzjonijiet kollha tal-programm Erasmus + u biex tiġi promossa l-kooperazzjoni u l-iskambji ta’ mobilità bejn in-nies u l-organizzazzjonijiet f’dawn ir-reġjuni u l-pajjiżi terzi, b’mod speċjali l-ġirien tagħhom;

    47.

    jistenna li l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni jipprovdi l-flessibbiltà meħtieġa fl-għoti tal-għajnuna meta sitwazzjoni ta’ ristrutturar importanti jkollha impatt sinifikanti fuq l-ekonomija ta’ dawn ir-reġjuni;

    L-aċċess għall-kompetittività, l-intraprenditorija u l-integrazzjoni fis-suq uniku

    48.

    iwissi dwar l-impatt enormi li l-kriżi attwali kellha fuq l-aċċessibbiltà bl-ajru f’dawn it-territorji mbiegħda u dwar il-ħtieġa li tinżamm il-konnettività fil-livelli ta’ qabel il-kriżi, peress li huma dipendenti għalkollox mit-trasport marittimu u bl-ajru;

    49.

    iħeġġeġ li d-distanza, l-iżolament ġeografiku u t-tixrid territorjali tar-reġjuni ultraperiferiċi għandhom jitqiesu fit-tfassil, l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki mmirati biex jitnaqqas l-iżvantaġġ ta’ aċċessibbiltà fiżika u diġitali mas-suq tal-UE u wkoll fil-livell intra u interreġjonali;

    50.

    josserva li l-aċċessibbiltà bl-ajru hija wkoll element essenzjali għall-kompetittività tas-settur tat-turiżmu, l-ixprun ekonomiku ewlieni ta’ ħafna minn dawn ir-reġjuni u li qed issofri b’mod speċjali l-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID 19, u għalhekk huwa jħeġġeġ lill-Kummissjoni tqis dan l-aspett meta tiddefinixxi l-politiki mmirati għat-titjib tal-aċċessibbiltà fiżika tar-reġjuni ultraperiferiċi;

    51.

    jilqa’ b’mod pożittiv l-implimentazzjoni tal-istudju dwar il-ħtiġijiet tal-konnettività tar-reġjuni ultraperiferiċi u li l-Kummissjoni qieset l-iżvantaġġ tagħhom u d-dipendenza tagħhom mill-portijiet u l-ajruporti, billi tipproponi miżuri fil-qafas tal-FEŻR u tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa; huwa tal-fehma, madanakollu, li dawn il-miżuri mhumiex biżżejjed u li jeħtieġ li l-politika tat-trasport tiġi adattata għar-realtà tar-reġjuni ultraperiferiċi;

    52.

    jenfasizza l-importanza tal-investimenti biex tiġi limitata l-konġestjoni fin-nodi urbani u jiġu ffaċilitati l-mezzi sostenibbli tat-trasport bit-triq;

    53.

    jemmen li jkun utli li tiġi kkunsidrata għajnuna fil-qafas tal-FNE għall-implimentazzjoni ta’ networks ewlenin, inklużi kejbils ta’ taħt il-baħar, għall-konnessjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi tal-Istati Membri tagħhom, bejniethom u bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi;

    L-inklużjoni reġjonali fl-ispazji ġeografiċi tagħhom

    54.

    ifakkar lill-Kummissjoni li l-inklużjoni reġjonali tar-reġjuni ultraperiferiċi fl-ispazji ġeografiċi rispettivi tagħhom tkompli tkun objettiv prijoritarju u li l-programmi ta’ Kooperazzjoni Territorjali Ewropea huma strument fundamentali biex tintlaħaq, u għalhekk huwa essenzjali li jinżamm l-isforz finanzjarju mmirat lejn dawn il-programmi, kif ukoll l-iżvilupp operazzjonali tal-komponent il-ġdid tar-reġjuni ultraperiferiċi, mingħajr ma jiġi limitat, madanakollu, l-aċċess ta’ dawn ir-reġjuni għall-komponenti l-oħra u għall-allokazzjonijiet finanzjarji tagħhom;

    55.

    jiddispjaċih għat-tnaqqis fir-rata ta’ kofinanzjament fl-Ewropa għar-reġjuni ultraperiferiċi fil-qafas tar-Regolament CTE-Interreg għall-perjodu 2021-2027. Dan jikkontradixxi l-importanza strateġika mogħtija mill-Kummissjoni Ewropea sa mill-2004 sabiex tissaħħaħ l-integrazzjoni reġjonali tar-reġjuni ultraperiferiċi fiż-żoni ġeografiċi tagħhom;

    56.

    iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, fil-qafas tal-programm tagħha Interreg, tappoġġja proġetti strateġiċi komuni ta’ kooperazzjoni li jinvolvu r-reġjuni ultraperiferiċi kollha;

    57.

    ifakkar lill-Kummissjoni fl-impenn tagħha li timplimenta soluzzjoni speċifika, sempliċi u ċara li tippermetti programmazzjoni konġunta tal-FEŻR u tal-istrumenti finanzjarji tal-pajjiżi terzi ġirien. Jiddispjaċih li din is-soluzzjoni speċifika għadha ma ġietx definita, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex finalment issolvi din il-kwistjoni fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027;

    Il-migrazzjoni

    58.

    jenfasizza li r-reġjuni ultraperiferiċi, fost affarijiet oħra, jinsabu fuq quddiem nett fid-dħul tal-immigranti irregolari mill-viċinat immedjat tagħhom u jwissi dwar l-impatt kbir li l-ġestjoni tal-flussi migratorji għandha fuq il-politiki pubbliċi kollha tagħhom, speċjalment fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ akkoljenza jew minorenni mhux akkumpanjati;

    59.

    ifakkar fl-impenn tal-Kummissjoni biex tappoġġja r-reġjuni ultraperiferiċi bil-għan li tiġi ġestita l-problema tal-migrazzjoni b’mod sostenibbli u jħeġġeġ li jiġu previsti miżuri speċifiċi permezz tal-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil għall-perjodu finanzjarju 2021-2027;

    Konklużjonijiet

    60.

    jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex iqisu r-reġjuni ultraperiferiċi fid-diskussjonijiet dwar il-futur tal-Ewropa u fl-iżvilupp tal-politiki Ewropej futuri, li jiżguraw implimentazzjoni sħiħa u effettiva tal-Artikolu 349 tat-TFUE.

    Brussell, l-10 ta’ Diċembru 2020.

    Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

    Apostolos TZITZIKOSTAS


    Top